EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0009

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-19 ta' Diċembru 2013.
Corman-Collins SA vs La Maison du Whisky SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de commerce de Verviers - il-Belġju.
Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Artikolu 2 - Artikolu 5(1)(a) u (b) - Ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali - Kunċetti ta’ ‘bejgħ ta’ oġġetti’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ - Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ta’ oġġetti.
Kawża C-9/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:860

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 2 — Artikolu 5(1)(a) u (b) — Ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali — Kunċetti ta’ ‘bejgħ ta’ oġġetti’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ — Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ta’ oġġetti”

Fil-Kawża C‑9/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de commerce de Verviers (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Corman-Collins SA

vs

La Maison du Whisky SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Corman-Collins SA, minn P. Henry u F. Frederick, avukati,

għal La Maison du Whisky SA, minn B. Noels u C. Héry, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, J‑C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn O. Kjelsen, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5(1)(a) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Corman-Collins SA (iktar ’il quddiem “Corman-Collins”), stabbilita fil-Belġju, u La Maison du Whisky SA (iktar ’il quddiem “La Maison du Whisky”), stabbilita fi Franza, dwar talba għal kumpens minħabba r-rexissjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ta’ oġġetti li kien jorbot lil dawn il-kumpanniji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 1, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni, jipprovdi l-prinċipju li “bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

4

L-Artikolu 3 tar-Regolament, li wkoll jifforma parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, jippreċiża:

“1.   Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.

2.   B’mod partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali mniżżla f’L-Anness I ma japplikawx kontra tagħhom.”

5

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, li jinstab fis-Sezzjoni 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, […] ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)

jekk is-subparagrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a)”.

[...]”

Id-dritt Belġjan

6

Il-Liġi tas-27 ta’ Lulju 1961 dwar ir-rexissjoni unilaterali tal-konċessjonijiet ta’ bejgħ esklużiv ta’ żmien indefinit (Moniteur belge tal-5 ta’ Ottubru 1961, p. 7518), kif emendata bil-Liġi tat-13 ta’ April 1971 dwar ir-rexissjoni unilaterali tal-konċessjonijiet ta’ bejgħ (Moniteur belge tal-21 ta’ April 1971, p. 4996, iktar ’il quddiem il-“Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961”), tiddefinixxi l-“konċessjoni ta’ bejgħ”, fl-Artikolu 1(2) tagħha, bħala “kwalunkwe ftehim li bis-saħħa tiegħu konċedent jirriżerva, għal konċessjonarju wieħed jew iktar, id-dritt li jbigħu, f’isimhom proprju u għalihom innifishom, prodotti li huwa jimmanifattura jew jiddistribwixxi”.

7

L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Matul rexissjoni ta’ konċessjoni ta’ bejgħ li tipproduċi l-effetti tagħha fit-territorju Belġjan kollu jew f’parti minnu, il-konċessjonarju li sofra dannu jista’, fi kwalunkwe każ, iħarrek lill-konċedent, fil-Belġju, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tiegħu stess, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju jew tas-sede tal-konċedent.

Fil-każ li t-tilwima tinġieb quddiem qorti Belġjana, din għandha tapplika esklużivament il-liġi Belġjana.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Għal madwar għaxar snin, Corman-Collins u La Maison du Whisky kellhom relazzjoni kummerċjali li fil-kuntest tagħha din tal-ewwel kienet tixtri mingħand din tal-aħħar wiskis ta’ diversi marki, li kienu jinġabru minnha fi Franza, sabiex tbigħhom fil-Belġju.

9

Matul dan il-perijodu kollu, Corman-Collins għamlet użu mill-isem “Maison du Whisky Belgique” u minn sit internet bl-isem “www.whisky.be”, mingħajr ma dan qajjem reazzjoni minn naħa ta’ La Maison du Whisky. Barra minn hekk, id-dettalji ta’ Corman-Collins kienu jissemmew fir-rivista Whisky Magazine editjat minn sussidjarja ta’ La Maison du Whisky.

10

F’Diċembru 2010, La Maison du Whisky pprojbixxiet lil Corman-Collins milli tuża l-isem “Maison du Whisky Belgique” u għalqet is-sit www.whisky.be. Fi Frar 2011, din informat lil Corman-Collins li, sa mill-1 ta’ April u mill-1 ta’ Settembru 2011 rispettivament, hija kienet ser tikkonċedi d-distribuzzjoni esklużiva ta’ żewġ marki tal-prodotti tagħha lil kumpannija oħra, li magħha Corman-Collins kienet mistiedna tgħaddi l-ordnijiet tagħha minn dak iż-żmien ’il quddiem.

11

Corman-Collins ħarrket lil La Maison du Whisky quddiem it-Tribunal de commerce de Verviers, prinċipalment, sabiex din tiġi kkundannata, abbażi tal-Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961, għall-ħlas ta’ indennizz kumpensatorju ta’ preavviż u għall-ħlas ta’ kumpens addizzjonali.

12

La Maison du Whisky kkontestat il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, minħabba li kienu l-qrati Franċiżi li kellhom ġurisdizzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament. Corman‑Collins irrispondiet għal din l-oġġezzjoni billi invokat l-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi Belġjana.

13

F’dan ir-rigward, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma qablux bejniethom dwar kif għandhom jiġu kklassifikati r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Corman-Collins issostni li kien hemm kuntratt ta’ konċessjoni, filwaqt li La Maison du Whisky ssostni li kien hemm sempliċi kuntratti ta’ xiri u ta’ bejgħ konklużi abbażi ta’ ordnijiet ta’ kull ġimgħa, skont ix-xewqat espressi minn Corman-Collins.

14

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tribunal de commerce de Verviers jikkonstata, b’mod espress, li Corman-Collins u La Maison du Whisky “kienu marbuta b’kuntratt verbali” u li “abbażi tal-[…] Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961, ir-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet tista’ tiġi analizzata bħala kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, sa fejn ir-rikorrenti kienet awtorizzata tbigħ mill-ġdid, fit-territorju Belġjan, il-prodotti mixtrija mingħand il-konvenuta”.

15

Min-naħa l-oħra, din il-qorti tqajjem dubji dwar il-possibbiltà li tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq ir-regola prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961. Hija tirrileva li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament, li, skontha, huwa applikabbli għall-fatti inkwistjoni, il-qrati Franċiżi għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, iżda li jista’ jiġi applikat ukoll l-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar jekk kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ għandux jitqies bħala kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti u/jew kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament. Hija żżid li, jekk ebda waħda minn dawn il-klassifikazzjonijiet ma tista’ tintuża għal dan it-tip ta’ kuntratt, hemm lok għaldaqstant li jiġi ddeterminat liema huwa, fil-kawża prinċipali, l-obbligu kkontestat li jservi ta’ bażi għat-talba, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament.

16

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tribunal de commerce de Verviers iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2 tar-Regolament [...], possibilment flimkien mal-Artikoli 5(1)(a) jew (b), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi regola ta’ ġurisdizzjoni, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 4 tal-liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961, li tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani, meta l-konċessjonarju huwa stabbilit fil-Belġju u meta l-konċessjoni ta’ bejgħ tipproduċi l-effetti kollha tagħha jew parti minnhom f’dan l-istess territorju, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tal-konċedent, meta dan tal-aħħar huwa konvenut?

2)

L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ ta’ merkanzija, li permezz tiegħu parti tixtri prodotti mingħand oħra, sabiex jerġgħu jinbigħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor?

3)

Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv, l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirreferi għal kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, bħal dak inkwistjoni bejn il-partijiet?

4)

Jekk ir-risposta għaż-żewġ domandi preċedenti tkun fin-negattiv, l-obbligu kontenzjuż fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ huwa dak tal-bejjiegħ-konċedent jew dak tax-xerrej-konċessjonarju?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

17

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament jipprekludux l-applikazzjoni, fil-każ li l-konċedent konvenut fil-kawża jkollu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih tippresjedi l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali bħal dik li tinstab fl-Artikolu 4 tal-Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu kawża relatata mar-rexissjoni ta’ konċessjoni ta’ bejgħ meta l-konċessjonarju ikun stabbilit fit-territorju nazzjonali,

18

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, mill-premessa 2 ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li dan huwa b’mod partikolari intiż sabiex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli teħtieġ li t-tilwima jkollha element transkonfinali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C-327/10, Ġabra p. I-11543, punt 29).

19

Skont il-premessa 8 tar-Regolament, ir-regoli komuni li dan jistabbilixxi għandhom fil-prinċipju japplikaw meta l-konvenut ikun ddomiċiljat fi Stat Membru.

20

It-tieni nett, fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita mill-Artikolu 2 tiegħu tipprovdi li, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru, huma l-qrati ta’ dan l-Istat li għandhom ġurisdizzjoni.

21

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament jippreċizza li l-uniċi derogi ammessi għal din ir-regola prinċipali huma dawk previsti mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fis-Sezzjonijiet 2 sa 7 tal-Kapitolu 1 ta’ dan ir-regolament. Dan l-Artikolu 3(1) għaldaqstant jeskludi, b’mod impliċitu, iżda neċessarju, l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni. Din l-esklużjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 3(2) li jirreferi għal lista mhux eżawrjenti ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali li ma jistgħux jiġu invokati.

22

Minn dan jirriżulta li, meta tilwima li jkollha element transkonfinali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament, fatt li ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ, u meta l-konvenut ikun ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru, fatt li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament għandhom, fil-prinċipju, jiġu applikati u jipprevalu fuq ir-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni.

23

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 2 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih tippresjedi l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, dan jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi Belġjana tas-27 ta’ Lulju 1961.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

24

Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, li jikkonċerna l-kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti u l-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, huwiex applikabbli għal kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ jew jekk, fil-każ ta’ kuntratt ta’ dan it-tip, huwiex b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament li għandha tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq azzjoni bbażata fuq tali kuntratt.

25

Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, l-ewwel nett hemm lok li jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ kuntratt ta’ konċessjoni.

26

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ” użat mill-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha ma huwiex kunċett li ġie ddefinit fid-dritt tal-Unjoni u jista’ jirreferi għal realtajiet differenti fid-dritt tal-Istati Membri.

27

Madankollu, irrispettivament mill-varjetà tal-kuntratti ta’ konċessjoni fil-prattika kummerċjali, l-obbligi li dawn jipprevedu jirrivolvu madwar l-għan ta’ dan it-tip ta’ kuntratti, li huwa li tiġi żgurata d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-konċedent. Għal dan il-għan, il-konċedent jimpenja ruħu li jbigħ lill-konċessjonarju, li huwa għażel għal dan il-għan, l-oġġetti li dan tal-aħħar jordna sabiex jissodisfa t-talba tal-klijentela tiegħu, filwaqt li l-konċessjonarju jimpenja ruħu jixtri mingħand il-konċedent l-oġġetti li huwa jkollu bżonn.

28

Skont analiżi aċċettata ħafna fid-dritt tal-Istati Membri, il-kuntratt ta’ konċessjoni huwa ppreżentat fil-forma ta’ ftehim qafas, li jistabbilixxi r-regoli ġenerali applikabbli fil-futur għar-relazzjonijiet bejn il-konċedent u l-konċessjonarju fir-rigward tal-obbligi tagħhom ta’ provvista u/jew ta’ kunsinna u jipprepara l-kuntratti ta’ bejgħ sussegwenti. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa komuni ħafna li l-partijiet jipprevedu wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mad-distribuzzjoni mill-konċessjonarju tal-oġġetti mibjugħa mill-konċedent.

29

Huwa billi jsir riferiment għal kuntratt standard li jinvolvi tali impenji li hemm lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda sa fejn dawn jikkonċernaw l-applikazzjoni fir-rigward ta’ kuntratt ta’ konċessjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament, filwaqt li f’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, skont is-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja li fuqha hija bbażata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, kull evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-14 ta’ Novembru 2013, Krejci Lager & Umschlagbetrieb, C‑469/12, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)

30

It-tieni nett fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fir-rigward ta’ kawża bbażata fuq kuntratt ta’ konċessjoni fis-sens ippreċiżat iktar ’il fuq, l-ewwel nett għandu jitfakkar li l-kunċetti użati mir-Regolament għandhom, fil-prinċipju jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi prinċipalment isir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, punt 25).

31

Fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament f’materji kuntrattwali, li tikkompleta r-regola li l-ġurisdizzjoni ġeneralment hija bbażata fuq il-post tad-domiċilju tal-konvenut, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din tissodisfa l-għan ta’ prossimità u hija mmotivata mill-eżistenza ta’ rabta stretta bejn il-kuntratt u l-qorti mitluba tiddeċiedi fir-rigward tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C-19/09, Ġabra p. I-2121, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, fir-rigward tal-post tat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti, ir-Regolament, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tiegħu, jiddefinixxi b’mod awtonomu dan il-kriterju ta’ rabta, sabiex isaħħaħ l-għanijiet ta’ unifikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati u ta’ prevedibbiltà. Dawn l-għanijiet huma wkoll dawk tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, peress li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali pprovduti f’dan tal-aħħar fil-qasam ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti u ta’ provvista ta’ servizzi għandhom l-istess oriġini, isegwu l-istess għan u jokkupaw l-istess post fis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament (sentenza ċċitata iktar ’il fuq Wood Floor Solutions Andreas Domberger, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-għanijiet li għandu jiġi stabbilit jekk kuntratt ta’ konċessjoni jidħolx f’waħda miż-żewġ kategoriji ta’ kuntratti msemmija fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament.

34

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex kuntratt jiġi kklassifikat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq l-obbligu tipiku tal-kuntratt inkwistjoni (sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Car Trim, C-381/08, Ġabra p. I-1255, punti 31 u 32).

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant qieset li kuntratt li l-obbligu tipiku tiegħu huwa l-kunsinna ta’ oġġett għandu jiġi kklassifikat bħala “bejgħ ta’ oġġetti” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (sentenza Car Tim, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

36

Tali klassifikazzjoni tista’ tkun applikabbli għal relazzjoni kummerċjali durabbli bejn żewġ operaturi ekonomiċi, meta din ir-relazzjoni hija limitata għal numru ta’ ftehim suċċessivi li kull wieħed minnhom għandhom bħala suġġett il-kunsinna u l-ġbir ta’ oġġetti. Min-naħa l-oħra, din ma tikkorrispondix għall-istruttura ta’ kuntratt ta’ konċessjoni tipiku, ikkaratterizzat minn ftehim qafas li għandu bħala suġġett teħid ta’ impenn ta’ provvista u ta’ kunsinna konkluż għall-futur minn żewġ operaturi ekonomiċi, li jinkludi dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi fir-rigward tad-distribuzzjoni mill-konċessjonarju tal-oġġetti mibjugħa mill-konċedent.

37

Fir-rigward tal-punt dwar jekk kuntratt ta’ konċessjoni jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ “provista ta’ servizzi” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, għandu jitfakkar li, skont id-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “servizzi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jimplika, minn tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività speċifika inkambju għal remunerazzjoni (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C-533/07, Ġabra p. I-3327, punt 29).

38

Fir-rigward tal-ewwel kriterju li jinstab f’din id-definizzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ attività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan jeħtieġ it-twettiq ta’ atti pożittivi, bl-esklużjoni ta’ sempliċi astensjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 sa 31). Dan il-kriterju jikkorrispondi, fil-każ ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, għas-servizz tipiku pprovdut mill-konċessjonarju li, billi jiżgura d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-konċedent, jipparteċipa fl-iżvilupp tad-tixrid tagħhom. Permezz tal-garanzija ta’ kunsinna li huwa jibbenefika minnha permezz tal-kuntratt ta’ konċessjoni u, jekk ikun il-każ, tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-istrateġija kummerċjali tal-konċedent, b’mod partikolari fl-operazzjonijiet promozzjonali, elementi li l-konstatazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, il-konċessjonarju huwa f’pożizzjoni li joffri lill-klijenti servizzi u vantaġġi li sempliċi rivenditur ma jistax joffri u, għaldaqstant, li jikseb, fil-konfront tal-prodotti tal-konċedent, parti ikbar mis-suq lokali.

39

Fir-rigward tat-tieni kriterju, jiġifieri r-remunerazzjoni mogħtija inkambju għal attività, għandu jiġi enfasizzat li din ma tistax tiġi mifhuma fis-sens strett tal-ħlas ta’ somma flus. Tali restrizzjoni la hija fil-fatt meħtieġa mill-kliem ġenerali ħafna tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament u lanqas f’armonija mal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ uniformità, imfakkra fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, li din id-dispożizzjoni trid tilħaq.

40

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratt ta’ konċessjoni huwa bbażat fuq għażla tal-konċessjonarju mill-konċedent. Din l-għażla, element tipiku ta’ dan it-tip ta’ kuntratt, tagħti lill-konċessjonarju vantaġġ kompetittiv inkwantu huwa biss ikollu d-dritt ibigħ il-prodotti tal-konċedent f’territorju speċifiku jew, għall-inqas, inkwantu numru limitat ta’ konċessjonarji jkunu jibbenefikaw minn dan id-dritt. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ konċessjoni jipprevedi ta’ spiss għajnuna lill-konċessjonarju għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-mezzi ta’ reklamar, l-għoti ta’ tagħrif permezz ta’ taħriġ, jew ukoll il-faċilitajiet ta’ ħlas. Dawn il-vantaġġi kollha, li hija l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża li għandha tivverifika l-eżistenza tagħhom, jirrappreżentaw, għall-konċessjonarju, valur ekonomiku li jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi remunerazzjoni

41

Minn dan jirriżulta li kuntratt ta’ konċessjoni li jinvolvi l-obbligi tipiċi ppreċiżati fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza jista’ jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni li tinstab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament.

42

Din il-klassifikazzjoni teskludi l-applikazzjoni fir-rigward ta’ kuntratt ta’ konċessjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 5(1)(a). Fil-fatt, fid-dawl tal-ġerarkija stabbilita bejn il-punt (a) u l-punt (b) mill-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament hija intiża sabiex tapplika biss b’mod alternattiv u b’mod sussidjarju meta mqabbel mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinstabu fl-Artikolu 5(1)(b) tiegħu.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fit-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawżi relatati mal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi hija applikabbli fil-każ ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha rikorrent stabbilit fi Stat Membru jinforza, kontra konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor, drittijiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ konċessjoni, fatt li jeħtieġ li l-kuntratt li jorbot lill-partijiet ikun fih dispożizzjonijiet partikolari relatati mad-distribuzzjoni mill-konċessjonarju tal-oġġetti mibjugħa mill-konċedent. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża mressqa quddiemha.

Fuq ir-raba’ domanda

44

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema huwa, fil-każ ta’ tilwima bbażata fuq ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ bejgħ, l-obbligu kkontestat li jservi ta’ bażi għat-talba.

45

Moqrija fid-dawl tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda għaldaqstant tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament.

46

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u t-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih tippresjedi l-qorti li quddiema titressaq il-kawża, dan jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi tas-27 ta’ Lulju 1961 dwar ir-rexissjoni unilaterali tal-konċessjonijiet ta’ bejgħ esklużiv ta’ żmien indefinit, kif emendata bil-Liġi tat-13 ta’ April 1971 dwar ir-rexissjoni unilaterali tal-konċessjonijiet ta’ bejgħ.

 

2)

L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fit-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawżi relatati mal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi hija applikabbli fil-każ ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha rikorrent stabbilit fi Stat Membru jinforza, kontra konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor, drittijiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ konċessjoni, fatt li jeħtieġ li l-kuntratt li jorbot lill-partijiet ikun fih dispożizzjonijiet partikolari relatati mad-distribuzzjoni mill-konċessjonarju tal-oġġetti mibjugħa mill-konċedent. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża mressqa quddiemha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top