EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0553

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wathelet - 5 ta' Diċembru 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI).
Appell - Kompetizzjoni - Artikoli 82 KE u 86(1) KE - Żamma tad-drittijiet privileġġati mogħtija mir-Repubblika Ellenika lil impriża pubblika għall-esplorazzjoni u għall-operat tad-depożiti ta’ linjite - Eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet - Vantaġġ kompetittiv fis-swieq tal-provvista tal-linjite u tal-elettriku bl-ingrossa - Żamma, estensjoni jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.
Kawża C-553/12 P.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:807

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑553/12 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI)

“Appell — Kompetizzjoni — Artikoli 82 KE u 86(1) KE — Żamma tad-drittijiet privileġġati mogħtija mill-Greċja lil impriża pubblika għall-esplorazzjoni u għall-operat tad-depożiti ta’ lignite — Vantaġġ kompetittiv fis-swieq tal-provvista tal-lignite u tal-elettriku bl-ingrossa bħala riżultat tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet — Estensjoni tal-pożizzjoni dominanti mill-ewwel suq għat-tieni wieħed minn dawn is-swieq — Obbligu għall-Kummissjoni li tipprova aġir abbużiv mill-impriża pubblika”

1. 

F’dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Settembru 2012 ( 2 ), li permezz tagħha din il-qorti annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 3 ), rigward id-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operat ta’ depożiti ta’ lignite li r-Repubblika Ellenika tat lil Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) ( 4 ) u żammet favuriha.

2. 

Bl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet, fost l-oħrajn, ikkonstatat li l-għoti u ż-żamma ta’ dawn id-drittijiet kienu jmorru kontra l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE [li issa huma l-Artikoli 106(1) TFUE u 102 TFUE ( 5 )], għaliex kienu joħolqu sitwazzjoni ta’ inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fl-aċċess għall-kombustibbli primarji għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku u kienu jippermettu lid-DEI żżomm jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku tal-Greċja, billi teskludi kwalunkwe dħul ġdid fis-suq jew billi tostakolah.

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

3.

Id-DEI twaqqfet fl-1950 taħt il-forma ta’ impriża pubblika li hija l-proprjetà tal-Istat Grieg. Hija kienet tgawdi mid-dritt esklużiv li tipproduċi, tittrasporta u tipprovdi l-elettriku fil-Greċja. Fl-1996, ġiet ittrasformata f’kumpannija limitata b’ishma, miżmuma mill-Istat bħala azzjonist uniku.

4.

Fl-1 ta’ Jannar 2001, hija ġiet ittrasformata f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata skont, b’mod partikolari, il-liġi Griega Nru 2773/1999, dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku (FEK A’286), li fost l-oħrajn ittrasponiet id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3). Skont l-Artikolu 43(3) ta’ din il-liġi, il-parteċipazzjoni tal-Istat fil-kapital tad-DEI ma tista’, fl-ebda każ, tkun inqas minn 51 % tal-ishma bi dritt għal vot, anki wara żieda fil-kapital. Ir-Repubblika Ellenika bħalissa għandha 51.12 % tal-ishma ta’ din l-impriża. Mit-12 ta’ Diċembru 2001, l-ishma tad-DEI huma kkwotati fil-Borsa ta’ Ateni (il-Greċja), kif ukoll fil-Borsa ta’ Londra (ir-Renju Unit).

5.

L-impjanti kollha tal-elettriku Griegi li jaħdmu bil-lignite huma l-proprjetà tad-DEI. Skont l-Istitut Grieg għal riċerka ġeoloġika u tal-minjieri, ir-riżervi magħrufa tad-depożiti tal-lignite fil-Greċja kienu stmati fl-1 ta’ Jannar 2005, li huma 4415 miljun tunnellata. Skont il-Kummissjoni, jeżistu 4590 miljun tunnellata oħra ta’ riżervi ta’ lignite fil-Greċja.

6.

Ir-Repubblika Ellenika tat lid-DEI drittijiet li tesplora u li topera lignite għal minjieri li r-riżervi tagħhom kienu ta’ madwar 2200 miljun tunnellata. 85 miljun tunnellata mir-riżervi huma l-proprjetà ta’ persuni privati u għal depożiti pubbliċi oħra, madwar 220 miljun tunnellata, drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operat ingħataw lil persuni privati oħra, u dawn id-depożiti kienu jipprovdu parzjalment lill-impjanti elettriċi tad-DEI. L-ebda dritt ieħor ta’ operat għadu ma ngħata għal madwar 2000 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ lignite fil-Greċja.

7.

Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92, is-suq Grieg tal-elettriku nfetaħ għall-kompetizzjoni. F’Mejju 2005, inħoloq suq ta’ kuljum obbligatorju għall-bejjiegħa u x-xerrejja kollha tal-elettriku fis-suq interkonness Grieg, li jinkludi l-Greċja kontinentali u ċerti gżejjer Griegi. F’dan is-suq, il-produtturi u l-importaturi tal-elettriku jqiegħdu u jbigħu l-produzzjoni u l-importazzjonijiet tagħhom kull jum ( 6 ).

8.

Fl-2003, il-Kummissjoni rċeviet l-ilment ta’ individwu li talab li l-identità tiegħu tibqa’ kunfidenzjali. Skont il-lanjant, id-deċiżjoni tal-Istat Grieg li tagħti lid-DEI liċenzja esklużiva li topera u li topera lignite fil-Greċja, tmur kontra l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE. Wara diversi skambji mar-Repubblika Ellenika, li seħħew bejn 2003 u 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

9.

F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tosserva li r-Repubblika Ellenika kienet taf sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 96/92, li kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Frar 2001, li s-suq tal-elettriku kellu jiġi lliberalizzat. Hija żżid li r-Repubblika Ellenika adottat miżuri Statali li kienu jirrigwardaw żewġ swieq distinti, l-ewwel wieħed dak tal-provvista ta’ lignite u t-tieni wieħed is-suq bl-ingrossa tal-elettriku, li jinkludi l-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku f’impjanti kif ukoll l-importazzjoni tal-elettriku permezz ta’ tagħmir ta’ interkonnessjoni.

10.

Skont il-Kummissjoni, id-DEI kellha f’dawn iż-żewġ swieq pożizzjoni dominanti b’parti mis-suq ogħla, rispettivament, minn 97 % u minn 85 %. Minbarra dan, ma kienx mistenni dħul ġdid li seta’ jnaqqas b’mod sinjifikattiv il-parti tad-DEI fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, peress li l-importazzjonijiet, li jirrappreżentaw 7 % tal-konsum totali, ma kinux jikkostitwixxu restrizzjoni kompetittiva reali f’dan is-suq.

11.

Fir-rigward tal-miżuri Statali inkwistjoni, il-Kummissjoni tindika li d-DEI ngħatat ( 7 ) drittijiet ta’ operat għal 91 % mid-depożiti pubbliċi tal-lignite li għalihom ingħataw drittijiet. Hija tispeċifika li, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, u dan minkejja l-possibbiltajiet offruti mil-liġi nazzjonali, ma ngħata l-ebda dritt ieħor fuq depożitu sinjifikattiv. Barra minn hekk, hija tindika li d-DEI kisbet mingħajr sejħa għal offerti drittijiet ta’ operat għal ċerti depożiti li setgħu jiġu operati, li għalihom ma kinux għadhom ingħataw drittijiet ta’ operat. Il-Kummissjoni żżid, fl-aħħar nett, li l-impjanti li jaħdmu bil-lignite, li huma dawk li jinvolvu l-inqas spejjeż fil-Greċja, huma dawk li l-iktar jintużaw, għaliex jipproduċu 60 % mill-elettriku li jippermetti l-provvista tan-netwerk interkonness.

12.

Permezz tal-għoti lid-DEI u taż-żamma favuriha tad-drittijiet kważi ta’ monopolju ta’ operat tal-lignite li jiżgurawlha aċċess privileġġat għall-kombustibbli l-iktar attraenti fil-Greċja għal finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, ir-Repubblika Ellenika ħolqot b’dan il-mod inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku u b’hekk ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni, u b’dan il-mod saħħet il-pożizzjoni dominanti tad-DEI u eskludiet kwalunkwe dħul ġdid fis-suq jew inkella ostakolatu, u dan minkejja l-liberalizzazzjoni tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

13.

Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni talbet, minbarra dan, lir-Repubblika Ellenika tinformaha, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li hija kienet beħsiebha tadotta sabiex tikkoreġi l-effetti antikompetittivi tal-miżuri Statali inkwistjoni, filwaqt li indikat li dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati u implementati fi żmien tmien xhur li jibdew jgħoddu mid-deċiżjoni tagħha.

II – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14.

B’applikazzjoni ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2008, id-DEI ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Tul il-proċeduri, ir-Repubblika Ellenika intervjeniet insostenn tad-DEI, filwaqt li Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (HE & DSA) u Energeiaki Thessalonikis AE, kumpanniji b’responsabbiltà limitata attivi fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika fil-Greċja, intervjenew insostenn tat-talba tal-Kummissjoni intiża għaċ-ċaħda tar-rikors.

15.

Insostenn tar-rikors tagħha, id-DEI invokat erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE, it-tielet nett, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-protezzjoni tal-proprjetà privata, u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, u, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

16.

L-ewwel motiv kien maqsum f’ħames partijiet, u t-tieni u r-raba’ parti kienu jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ operat tal-lignite mogħtija lid-DEI kellu bħala effett li jestendi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-lignite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, bi ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE. Essenzjalment, id-DEI qajmet żewġ ilmenti kontra din il-konklużjoni tal-Kummissjoni.

17.

Permezz tat-tieni wieħed minn dawn l-ilmenti, li l-Qorti Ġenerali eżaminat fl-ewwel lok, id-DEI kkritikat lill-Kummissjoni talli ma pprovatx l-eżistenza ta’ abbuż reali jew potenzjali tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq ikkonċernati, meta din il-prova hija kundizzjoni preliminari sabiex jiġu applikati l-Artikolu 86(1) KE flimkien mal-Artikolu 82 KE.

18.

Fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li n-nuqqas ta’ qbil, f’dan il-każ, kien iċċentralizzat prinċipalment fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tidentifika abbuż reali jew potenzjali tal-pożizzjoni dominati tad-DEI jew kienx suffiċjenti li hija tistabbilixxi li l-miżuri Statali inkwistjoni kienu joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni billi joħolqu favur id-DEI inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi.

19.

Fir-rigward tas-suq tal-provvista tal-lignite, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali osservat fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza tagħha li, bil-miżuri Statali inkwistjoni, ir-Repubblika Ellenika kienet tat lid-DEI drittijiet ta’ operat tal-lignite għal minjieri li r-riżervi tagħhom kienu ta’ madwar 2200 miljun tunnellata, li dawn il-miżuri, preċedenti għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, kienu nżammu u komplew jaffettwaw dan is-suq u li, minbarra dan, minkejja l-interess li l-kompetituri tad-DEI kienu wrew, l-ebda operatur ekonomiku ma seta’ jikseb mir-Repubblika Ellenika drittijiet ta’ operat fuq depożiti oħra tal-lignite, minkejja li l-Greċja kien għad fadlilha madwar 2000 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ lignite li kienu għadhom mhux sfruttati. Madankollu hija qieset li l-impossibbiltà, għall-operaturi ekonomiċi l-oħra, li jkollhom aċċess għad-depożiti tal-lignite li kienu għadhom disponibbli ma setgħetx tiġi attribwita lid-DEI, għaliex l-għoti tal-liċenzji ta’ operat tal-lignite kien jiddependi esklużivament fuq il-volontà tar-Repubblika Ellenika. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, fl-imsemmi suq, ir-rwol tad-DEI kien ġie limitat għall-operat tad-depożiti li fuqhom hija kellha drittijiet, peress li l-Kummissjoni ma kinitx sostniet li, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal-lignite, id-DEI kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-provvista ta’ din il-materja prima.

20.

Imbagħad il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 90 sa 93 tas-sentenza tagħha, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-impossibbiltà għall-kompetituri tad-DEI li jidħlu fis-suq tal-provvista tal-lignite kellha riperkussjonijiet fuq is-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Il-Kummissjoni kienet sostniet f’dan ir-rigward li, peress li l-lignite kien il-kombustibbli l-iktar attraenti fil-Greċja, l-operat tiegħu kien jippermetti l-produzzjoni tal-elettriku bi spiża varjabbli baxxa u li jqiegħdha fis-suq ta’ kuljum obbligatorju b’marġni ta’ profitt iktar interessanti mill-elettriku prodott minn kombustibbli oħrajn. Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-DEI setgħet b’dan il-mod iżżomm jew isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku billi teskludi kull dħul ġdid f’dan is-suq jew billi tostakolah.

21.

Wara li fakkret fil-punt 91 tas-sentenza appellata li, wara l-liberalizzazzjoni tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, kien inħoloq suq ta’ kuljum obbligatorju fil-Greċja, mekkaniżmu li r-regoli tal-funzjonament tiegħu ma ġewx ikkontestati permezz tad-deċiżjoni kkontestata u kellhom jiġu osservati kemm mid-DEI kif ukoll mill-kompetituri tagħha, u li, minbarra dan, id-DEI kienet preżenti f’dan is-suq qabel il-liberalizzazzjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali osservat dan li ġej:

“92

Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-aċċess privileġjat għal-lignite kellu mnejn joħloq sitwazzjoni li fiha, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet ta’ operat tagħha, [id-DEI] setgħet twettaq abbużi mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku jew ġiet imwassla twettaq tali abbużi f’dan is-suq. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma takkużax li[d-DEI] li estendiet, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-provvista tal-lignite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

93

Billi kkonstatat sempliċement li [d-DEI], impriża li qabel kellha monopolju, tkompli żżomm pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku permezz tal-vantaġġ mogħti lilha bl-aċċess privileġjat għal-lignite u li din is-sitwazzjoni toħloq inugwaljanza ta’ opportunitajiet f’dan is-suq bejn [id-DEI] u l-impriżi l-oħra, il-Kummissjoni la identifikat u lanqas stabbiliet suffiċjentment skont il-liġi għal liema abbuż, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, il-miżura Statali inkwistjoni wasslet jew setgħet twassal għalih [lid-DEI].”

22.

Imbagħad il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 94 sa 103 tas-sentenza tagħha, il-ġurisprudenza stabbilita msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti permezz tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE meta l-impriża inkwistjoni tkun imwassla, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi jew speċjali mogħtija lilha, li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikollhom mnejn joħolqu sitwazzjoni fejn din l-impriża tkun imwassla twettaq tali abbużi. Wara eżami tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Raso et, Höfner u Elser, Merci convenzionali porto di Genova, Job Centre, Raso et u MOTOE ( 8 ), il-Qorti tal-Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni:

“103

Minn dawn is-sentenzi jirriżulta […] li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti tal-impriża li jkollha dritt esklużiv jew speċjali jista’ jew jirriżulta mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt b’mod abbużiv, jew inkella jkun konsegwenza diretta ta’ dan id-dritt. Madankollu, ma jirriżultax minn din il-ġurisprudenza li s-sempliċi fatt li l-impriża inkwistjoni tinsab f’sitwazzjoni vantaġġjuża meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, minħabba miżura Statali, jikkostitwixxi minnu nnifsu abbuż minn pożizzjoni dominanti.”

23.

Fl-aħħar nett, fil-punti 104 sa 118 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-aħħar argument tal-Kummissjoni fejn kienet issostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet konformi mal-ġurisprudenza li tipprovdi li sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta setgħet tkun iggarantita biss jekk tkun żgurata l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni sostniet, f’dan ir-rigward, li, jekk l-inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi — u għaldaqstant id-distorsjoni tal-kompetizzjoni — kienet ir-riżultat ta’ miżura Statali, tali miżura kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

24.

Fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx jirriżulta mis-sentenzi li fuqhom kienet ibbażat ruħha l-Kummissjoni, jiġifieri s-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni (imsejħa “Terminals ta’ telekomunikazzjoni”), GB-Inno-BM u Connect Austria ( 9 ), li, sabiex jitqies li twettaq ksur tal-Artikolu 86(1) KE applikat flimkien mal-Artikolu 82 KE, kien biżżejjed li jiġi stabbilit li miżura Statali kienet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi toħloq inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi identifikat abbuż mill-pożizzjoni dominanti tal-impriża.

25.

Wara li eżaminat dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 113 tas-sentenza tagħha li, jekk kien minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja użat l-formulazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni, din ma tistax tużahom b’mod separat mill-kuntest tagħhom. Fil-punti 114 sa 117, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li t-teżi tal-Kummissjoni lanqas ma kienet sostnuta permezz tas-sentenza Dusseldorp et ( 10 ), li din kienet invokat waqt is-seduta.

26.

Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 118 tas-sentenza tagħha, li minn din il-ġurisprudenza ma kienx jidher li l-Kummissjoni “ma kinitx marbuta tidentifika u tistabbilixxi l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti li għalih wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali inkwistjoni l[id-DEI]”. Skont il-Qorti Ġenerali (punti 87 sa 93), tali prova hija nieqsa fid-deċiżjoni kkontestata.

27.

Għaldaqstant, fil-punt 119, il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala fondat it-tieni lment imqajjem mid-DEI fil-kuntest tat-tieni u r-raba’ parti tal-ewwel motiv u annullat id-deċiżjoni kkontestata, “mingħajr ma kien meħtieġ teżamina l-ilmenti, il-partijiet u l-motivi l-oħra ppreżentati”.

III – L-appell

28.

Il-Kummissjoni, id-DEI u r-Repubblika Ellenika pparteċipaw fil-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Waqt is-seduta li nżammet fit-3 ta’ Ottubru 2013, dawn il-partijiet kollha kif ukoll Mytilinaios AE, Protergia AE u Alouminion AE (partijiet intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni) ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

29.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji.

A – Fuq l-ewwel aggravju

1. Sinteżi tal-argumenti tal-partijiet

30.

Bl-ewwel aggravju tagħha, li huwa dirett kontra l-punti 94 sa 118 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, meta ddikjarat li hija kellha tidentifika u tistabbilixxi l-aġir abbużiv li għalih wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali inkwistjoni lid-DEI.

31.

Skont il-Kummissjoni, din il-miżura Statali tikkostitwixxi minnha nfisha ksur tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE. Għaldaqstant ikun biżżejjed li jiġi pprovat li hija effettivament ħolqot inugwaljanza ta’ opportunitajiet meta ffavorixxiet l-impriża pubblika (diġà) privileġġata u li b’dan il-mod affettwat l-istruttura tas-suq billi ppermettiet lil din tal-aħħar iżżomm, issaħħaħ jew testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha f’suq ieħor, ġar jew downstream, pereżempju billi tipprekludi d-dħul ta’ kompetituri ġodda f’dan is-suq.

32.

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti inkwistjoni u li żnaturat il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li, bil-kontra ta’ dak li qieset il-Qorti Ġenerali, din id-deċiżjoni ma kinitx ibbażata fuq il-konstatazzjoni li kien jikkostitwixxi minnu nnifsu abbuż minn pożizzjoni dominanti, is-sempliċi fatt għad-DEI li tinsab, minħabba l-miżuri Statali inkwistjoni, f’sitwazzjoni vantaġġuża meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Bil-kontra, l-imsemmija deċiżjoni speċifikat il-ksur billi esponiet li l-miżuri Statali inkwistjoni kienu ħolqu inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-DEI u l-kompetituri tagħha u li, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet li hija kienet tat lid-DEI, din l-impriża setgħet testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq (upstream) tal-lignite għas-suq (downstream) bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja. Din l-estensjoni għas-suq downstream kellha bħala effett li tillimita l-kompetizzjoni fih billi teskludi d-dħul ta’ kompetituri ġodda f’dan is-suq, anki wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, minkejja talbiet f’dan is-sens, l-ebda dritt fuq l-ebda depożitu sinjifikattiv tal-lignite ma ngħata lill-kompetituri tad-DEI.

33.

Peress li d-deċiżjoni kkontestata spjegat kif, minn naħa, iż-żamma fis-seħħ tal-miżuri Statali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, is-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati mogħtija lid-DEI, kif ukoll l-aġir ta’ din fis-suq downstream, wasslu għal riskju ta’ abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha f’dan is-suq billi eskludew jew ostakolaw id-dħul ta’ kompetituri ġodda, il-Kummissjoni ssodisfat il-kriterji kollha stabbiliti permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE.

34.

Id-DEI u r-Repubblika Ellenika jqisu li dan l-aggravju huwa infondat. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati l-Artikolu 86(1) KE flimkien mal-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-aġir abbużiv li għalih wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali inkwistjoni lill-impriża kkonċernata. Il-fatt li l-miżura Statali inkwistjoni twassal għal sitwazzjoni ta’ inugwaljanza ta’ opportunitajiet jikkostitwixxi, huwa minnu, kundizzjoni meħtieġa, iżda mhux suffiċjenti għall-applikazzjoni tal-imsemmija artikoli. Essenzjalment il-Kummissjoni qed tipprova tittrasforma l-Artikolu 86(1) KE f’dispożizzjoni awtonoma u ta’ livell superjuri. Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali applikat korrettament l-imsemmija ġurisprudenza għall-fatti tal-kawża.

2. Eżami

35.

Filwaqt li taqsam formalment dan l-aggravju fi tliet partijiet interkonnessi, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma titlobx li jiġi identifikat aġir abbużiv konkret, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, mill-impriża pubblika jew privileġġata f’pożizzjoni dominanti meta miżura Statali toħloq bejn din l-impriża u l-kompetituri tagħha inugwaljanza ta’ opportunitajiet li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

36.

Nirrepeti qabel kollox it-testi rilevanti tas-sentenza appellata fuq din il-kwistjoni.

37.

Fil-punt 86 tas-sentenza tagħha qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tosserva li “[q]abel kollox hemm lok li jiġi osservat li l-projbizzjonjiet previsti fl-Artikolu 86(1) KE huma intiżi għall-Istati Membri, filwaqt li l-Artikolu 82 KE huwa intiż, min-naħa tiegħu, għall-impriżi, u jimponi fuqhom il-projbizzjoni tal-użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti. Fil-każ tal-applikazzjoni konġunta ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-ksur tal-Artikolu 86(1) KE minn Stat Membru jista’ jiġi stabbilit biss jekk il-miżura Statali tmur kontra l-Artikolu 82 KE. Tqum għaldaqstant il-kwistjoni dwar sa fejn għandu jiġi identifikat abbuż, anki jekk huwa biss potenzjali, mill-pożizzjoni dominanti ta’ impriża, peress li dan l-abbuż għandu rabta mal-miżura Statali” (enfasi tiegħi).

38.

Imbagħad, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tqis li “il-Kummissjoni la identifikat u lanqas stabbiliet suffiċjentement skont il-liġi għal liema abbuż, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali lid-[DEI]”.

39.

Fl-aħħar nett, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni ma tippermettix “li tiġi injorata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 [ta’ din is-sentenza ( 11 )] u li wieħed jibbaża ruħu biss fuq il-kwistjoni dwar jekk l-inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, peress li l-kompetizzjoni hija b’hekk distorta, hijiex ir-riżultat ta’ miżura Statali”.

40.

Fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali li teżiġi l-identifikazzjoni u l-prova ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE (punti 118, it-tieni sentenza, u 105 in fine tas-sentenza appellata) bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE ma tikkorrispondix għall-interpretazzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ser neżamina iktar ’il quddiem.

41.

Huwa interessanti li jiġi osservat li l-kawżi rigward l-Artikolu 86 KE ma humiex numerużi u fil-biċċa l-kbira tagħhom inbdew b’domandi preliminari. Minbarra dan, sakemm m’inix żbaljat, din hija l-ewwel darba li l-Qorti Ġenerali ntalbet tiddikjara ruħha fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

42.

It-teorija msejħa tal-“estensjoni tal-pożizzjoni dominanti” (jew it-teorija tal-“effetti” ( 12 )) — imsejħa b’dan il-mod għaliex miżura Statali li twassal għall-estensjoni ta’ din il-pożizzjoni minn suq għal ieħor għandha effetti simili għal dawk prodotti permezz ta’ abbuż minn din il-pożizzjoni dominanti — dehret fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bis-sentenza GB-Inno-BM, iċċitata iktar ’il fuq ( 13 ), li ġġib id-data tal-1991.

43.

F’din il-kawża, ir-Régie des télégraphes et des téléphones (RTT) sostniet li “ksur tal-Artikolu [86(1) KE] jista’ jiġi kkonstatat biss jekk l-Istat Membru kien iffavorixxa abbuż effettivament imwettaq minnha, pereżempju, applikazzjoni diskriminatorja tar-regoli dwar l-għoti”. Hija enfasizzat madankollu li “s-sentenza tal-qorti nazzjonali ma [kienet] osservat l-ebda abbuż effettiv u li s-sempliċi possibbiltà ta’ applikazzjoni diskriminatorja ta’ dawn ir-regoli, minħabba li r-RTT ġiet maħtura bħala awtorità għall-għoti tal-approvazzjoni meta hija kompetitriċi tal-impriżi li jitolbu l-għoti, ma tistax minnha nfisha tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu [82 KE]” (enfażi tiegħi) (punt 23 ta’ din is-sentenza).

44.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx l-argument tar-RTT, billi qieset li “hija l-estensjoni tal-monopolju tal-istabbiliment u tal-operat tan-netwerk telefoniku għas-suq tal-apparat telefoniku, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, li hija pprojbita bħala tali permezz tal-Artikolu [82 KE] jew permezz tal-Artikolu [86(1) KE], f’rabta mal-Artikolu [82 KE], meta din l-estensjoni hija r-riżultat ta’ miżura Statali” (enfasi tiegħi) (punt 24 tal-imsemmija sentenza).

45.

Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza li “l-Artikolu [86(1) KE] jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jqiegħdu, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi f’sitwazzjoni li dawn l-impriżi ma jistgħux iqiegħdu lilhom infushom fiha b’aġir awtonomu mingħajr ma jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82] KE”.

46.

U l-Qorti tal-Ġustizzja tkompli, fil-punt 25, ta’ din l-istess sentenza li, “sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta bħal dik prevista permezz tat-Trattat [KE] tista’ tiġi ggarantita biss jekk l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi hija żgurata”. Infakkar li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kkritikat preċiżament lir-Repubblika Ellenika li ħolqot inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi u għaldaqstant ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni, u b’hekk saħħet il-pożizzjoni dominanti tad-DEI (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

47.

Fis-sentenza Spanja et vs Il-Kummissjoni (imsejħa “Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet” ( 14 )), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-istess konklużjoni għandha tapplika meta l-monopolju tal-istabbiliment u tal-operat tan-netwerk jestendi għas-suq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet.

48.

Fis-sentenza Raso et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “qafas ġuridiku bħal dak li jirriżulta mill-[miżura Statali] għandu jitqies, minnu nnifsu, kontra l-Artikolu [86(1) KE], moqri flimkien l-Artikolu [82 KE]. F’dan ir-rigward, ma tantx huwa rilevanti li l-qorti tar-rinviju ma osservatx abbuż effettiv tal-kumpannija tal-portijiet preċedenti ttrasformata ( 15 )” (enfasi tiegħi).

49.

Kif jirriżulta minn din is-sentenza (punt 27), minkejja li s-sempliċi fatt li tinħoloq pożizzjoni dominanti bl-għoti ta’ drittijiet esklużivi, fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE, ma huwiex, inkwantu tali, inkompatibbli mal-Artikolu 82 KE, Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti b’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet meta l-impriża inkwistjoni titwassal, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi mogħtija lilha, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikollhom mnejn joħoloqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tkun imwassla twettaq tali abbużi.

50.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid, fil-punt 28 ta’ din l-istess sentenza li “għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-miżura stabbilita bil-liġi tal-1994 mhux biss tagħti lill-kumpannija preċedenti tal-portijiet ittrasformata d-dritt esklużiv li tipprovdi l-ħaddiema temporarji lill-konċessjonarji ta’ terminals u lill-impriżi l-oħra awtorizzati sabiex joperaw fil-port, iżda, minbarra dan, tippermettilha, kif jirriżulta mill-punt 17 [ta’ din is-]sentenza, li toffrilhom kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi fil-portijiet, din il-kumpannija preċedenti tal-portijiet ittrasformata tinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi ( 16 )” (enfasi tiegħi).

51.

Fil-fatt, bis-sempliċi eżerċizzju tal-monopolju tagħha, il-kumpannija tal-portijiet inkwistjoni fil-Kawża Raso et, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tinsab f’sitwazzjoni fejn setgħet toħloq distorsjoni fl-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq tas-servizzi fil-portijiet u kienet imwassla tabbuża mill-monopolju tagħha billi timponi fuq il-kompetituri tagħha fis-suq tal-operazzjonijiet tal-portijiet prezzijiet eċċessivi għall-provvista ta’ ħaddiema jew billi tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom ħaddiema inqas adattati għall-kompiti li kellhom jitwettqu (punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza). Ma hemmx traċċa f’din is-sentenza ta’ rekwiżit ta’ konstatazzjoni ta’ aġir abbużiv konkret fis-sens tal-Artikolu 82 KE, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika konsegwenzi abbużivi probabbli li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali (ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

52.

Lanqas fis-sentenza TNT Traco ( 17 ), ma ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja aġir abbużiv konkret, reali jew potenzjali, fis-sens biss tal-Artikolu 82 CE minn Poste Italiane.

53.

Nista’ biss naqbel mal-Avukat Ġenerali Alber li speċifika, fil-punt 65, tal-konklużjonijiet tiegħu, f’din il-kawża li “[f]il-każ ta’ qari flimkien tal-Artikoli [82 KE] u [86 KE], ma jibqax meħtieġ li l-kriterji kollha ta’ fatt stabbiliti fl-Artikolu [82 KE] jkunu jinsabu fil-persuna tal-impriża f’pożizzjoni dominanti. Tikkostitwixxi wkoll abbuż miżura tal-awtoritajiet pubbliċi, u b’mod partikolari l-għoti ta’ drittijiet esklużivi, li twassal għal sitwazzjoni li, minħabba l-istruttura tagħha, tkun abbużiva”.

54.

Fis-sentenza MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq, dejjem rigward l-Artikoli 82 KE u 86(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punti 49 sa 51, li “Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet meta l-impriża inkwistjoni tkun imwassla, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija lilha, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikollhom mnejn joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi mwassla twettaq tali abbużi [ ( 18 )]. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li abbuż fil-fatt iseħħ [ ( 19 )]. F’kull każ, ikun hemm ksur tal-Artikoli 82 KE u 86(1) KE meta miżura attribwibbli lil Stat Membru, u b’mod partikolari dik li permezz tagħha dan jagħti drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, toħloq riskju ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti [ ( 20 )]. Fil-fatt, sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, kif prevista permezz tat-Trattat [ ( 21 )], tista’ tiġi ggarantita biss jekk l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi tkun żgurata [ ( 22 )]. L-għoti lil persuni ġuridika bħalma hija l-ELPA [ ( 23 )], li, hija nfisha, torganizza u topera kummerċjalment kompetizzjonijiet ta’ muturi, il-kompitu li jingħata lill-amministrazzjoni kompetenti kunsens fuq it-talbiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet, jammonta de facto għall-għoti tas-setgħa li taħtar il-persuni awtorizzati jorganizzaw l-imsemmija kompetizzjonijiet kif ukoll li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom jiġu organizzati dawn tal-aħħar, u għall-għoti, b’dan il-mod, lil din l-entità, ta’ vantaġġ evidenti fuq il-kompetituri tagħha [ ( 24 )]. Tali dritt jista’ għaldaqstant iwassal lill-impriża li jkollha dan id-dritt sabiex tipprekludi l-aċċess tal-operaturi l-oħra għas-suq ikkonċernat. Din is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza ta’ kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni hija, minbarra dan, enfasizzata bil-fatt, ikkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, meta l-ELPA torganizza jew tipparteċipa fl-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijet ta’ muturi, hija ma hija marbuta tiġbor l-ebda kunsens sabiex l-amministrazzjoni kompetenti tagħtiha l-awtorizzazzjoni mitluba” (enfasi tiegħi).

55.

Naħseb li minn dak li ntqal hawn fuq diġà jista’ jiġi konkluż li huwa “indipendentement minn kwalunkwe abbuż effettiv” li jeżisti ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE meta miżura Statali toħloq riskju ta’ abbuż.

56.

Fl-aħħar nett, fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 84 li, “[j]ekk l-inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, u għaldaqstant il-kompetizzjoni distorta, hija r-riżultat ta’ miżura Statali, tali miżura tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE”. Minbarra dan (punt 87), “leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-għoti, mingħajr ma timponi miżata separata, ta’ frekwenzi supplementari fil-medda ta’ frekwenzi riżervata għall-istandard DCS 1800 lil impriża pubblika f’pożizzjoni dominanti, filwaqt li l-persuna ġdida li daħlet fis-suq inkwistjoni jkollha tħallas miżata għal-liċenzja tagħha DCS 1800, tista’ twassal lill-impriża pubblika f’pożizzjoni dominanti sabiex tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 KE, billi testendi jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha, skont id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, b’kompetizzjoni distorta. Peress li, f’dan il-każ, il-kompetizzjoni distorta tkun ir-riżultat ta’ miżura Statali li toħloq sitwazzjoni fejn l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi kkonċernati ma hijiex żgurata, din tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien l-Artikolu 82 KE” (enfasi tiegħi).

57.

Barra minn hekk nosserva li, jekk, fil-punt 94 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkwota diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja riprodotti hawn fuq, hija tagħmel dan, b’mod stramb, mingħajr ma tirriproduċi l-preċiżjoni li tinsab fihom skont liema “ma huwiex meħtieġ li fil-fatt iseħħ abbuż” jew “li ma huwiex rilevanti li l-qorti tar-rinviju ma tkunx osservat abbuż effettiv” ( 25 ).

58.

Għaldaqstant hemm differenza sostanzjali bejn, minn naħa, l-obbligu li jiġi identifikat u pprovat aġir abbużiv konkret fis-sens biss tal-Artikolu 82 KE u min-naħa l-oħra, l-obbligu sabiex issir l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 82 KE u 86(1) KE li tiġi identifikata konsegwenza antikompetittiva potenzjali jew reali, li tista’ tirriżulta minn miżura Statali li tagħti drittijiet privileġġati.

59.

Din id-distinzjoni iżżomm, minbarra dan “l-effettività ( 26 )” ta’ applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE. Fil-fatt, minkejja li kien mitlub li jiġi stabbilit aġir abbużiv konkret fis-sens biss tal-Artikolu CE fil-każ tal-estensjoni ta’ pożizzjoni dominanti li saret possibbli permezz ta’ miżura Statali, ma tantx huwa magħruf liema kamp ta’ applikazzjoni jibqa’ jeżisti għall-Artikoli 82 KE u 86(1) KE, meħuda flimkien.

60.

Minn dak li ntqal jista’ jiġi dedott, fil-fehma tiegħi, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura Statali tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 82 KE jekk l-impriża li tkun ingħatat drittijiet speċjali jew esklużivi mill-miżura Statali, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati li hija għandha, tkun imwassla jew ma tkunx tista’ tevita li tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha ( 27 ).

61.

Fi kliem ieħor, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE kull darba li l-miżura Statali li tagħti drittijiet privileġġati (lil impriża pubblika jew lil impriża li għandha diġà drittijiet speċjali jew esklużivi) toħloq inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi u tippermetti lill-impriża f’pożizzjoni dominanti toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bis-sempliċi eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, pereżempju billi żżomm jew testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha għal suq downstream, u b’dan il-mod tirrestrinġi d-dħul ta’ kompetituri potenzjali, mingħajr ma jkun meħtieġ tipprova aġir abbużiv konkret fis-sens tal-Artikolu 82 KE ( 28 ).

62.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, meta, f’ċerti kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi jew tidentifika konsegwenzi abbużivi probabbli, huwa biss bl-għan li tidentifika effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali, sa fejn dan ma ġietx ikkunsidrata li tmur kontra d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE ( 29 ).

63.

Bil-kontra, fin-nuqqas ta’ miżura Statali li tagħti drittijiet privileġġati, l-Artikolu 82 KE jista’ japplika biss jekk aġir abbużiv, imwettaq deliberatament u awtonomu, tal-impriża dominanti jkun ippermettielha testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha għal suq ieħor għajr dak tagħha ( 30 ).

64.

Peress li l-Qorti Ġenerali wettqet għaldaqstant żball ta’ liġi billi qieset f’din il-kawża li kien meħtieġ li jiġi stabbilit aġir abbużiv konkret fis-sens tal-Artikolu 82 KE, u li ma kienx biżżejjed li jiġu identifikati effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali, sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, jidhirli li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa fondat.

65.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata.

66.

Nipproponi wkoll li hija tqis li, fuq dan il-punt, il-kawża hija pendenti, għaliex il-proċess ippreżentat quddiemha jinkludi l-elementi kollha li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni identifikatx effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali inkwistjoni, kundizzjoni sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE.

67.

Mingħajr ma jingħad f’dan l-istadju li l-Kummissjoni, fil-fatt, stabbilixxiet l-eżistenza ta’ aġir abbużiv konkret tad-DEI, inqis li hija identifikat effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali inkwistjoni.

68.

L-effetti inkwistjoni huma dawk ta’ esklużjoni tal-kompetituri potenzjali kkawżati bl-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tad-DEI mis-suq primarju tal-provvista ta’ lignite għas-suq sekondarju bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja. Dawn l-effetti kienu jeżistu qabel u komplew anki wara l-miżuri adottati għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku fil-Greċja, kif ukoll wara Mejju tal-2005 ( 31 ), id-data tal-ħolqien tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku ( 32 ). Fuq il-livelli kollha tas-swieq ikkonċernati, jiġifieri dak tal-provvista tal-lignite u tal-produzzjoni tal-elettriku, kif ukoll is-suq (bl-ingrossa) tal-elettriku fil-Greċja, dawn l-effetti baqgħu l-istess wara l-liberalizzazzjoni tas-suq.

69.

Fil-fatt, id-DEI baqgħet f’pożizzjoni li żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq downstream inkwistjoni, l-ewwel nett, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati tagħha fuq il-lignite (kemm qabel kif ukoll wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-suq), it-tieni nett, minħabba l-effetti tal-aġir proprju tagħha fuq is-suq downstream ( 33 ) u, it-tielet nett, bir-rifjut tar-Repubblika Ellenika li tagħti awtorizzazzjoni ġdida ta’ esplorazzjoni u ta’ operat tal-lignite, meta kompetituri (potenzjali) tad-DEI kienu wrew interess f’dan is-sens (u pprovaw jidħlu kemm fis-suq upstream kif ukoll f’dak downstream ( 34 )) u meta l-Greċja kien għad fadlilha madwar 2000 miljun tunnellata lignite mhux operati ( 35 ).

70.

F’dan il-kuntest, nixtieq inżid li kemm ir-Repubblika Ellenika kif ukoll id-DEI setgħu jevitaw jew jimmoderaw l-effetti ta’ esklużjoni tad-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-suq sekondarju kieku — jew bil-miżura Statali, jew inkella bl-aġir tad-DEI ( 36 ) — kienu qiegħdu serje varjata ta’ sorsi ta’ enerġija (inklużi kwantitajiet sinjifikattivi ta’ lignite) għad-dispożizzjoni tal-kompetituri ġodda li dehru fis-suq downstream.

71.

Dawn l-effetti ta’ esklużjoni ġew imsaħħa iktar bil-politika tad-DEI fil-qasam ta’ injezzjoni u ta’ tarifikazzjoni tal-elettriku fis-suq ta’ kuljum obbligatorju.

72.

Naqbel mal-Kummissjoni li, fuq il-livell tal-liġi, dawn l-effetti antikompetittivi fuq l-istruttura tas-suq ma tantx huma differenti minn dawk li mmanifestaw ruħhom fil-Kawżi GB-Inno-BM, Connect Austria, “Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet” u MOTOE, iċċitati iktar ’il fuq.

73.

Fil-fatt, id-DEI, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati tagħha fis-suq upstream tal-lignite fejn kellha pożizzjoni dominanti, estendiet il-pożizzjoni tagħha (u dan mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva ( 37 )) għas-suq downstream bl-ingrossa tal-elettriku u, b’dan il-mod, eskludiet id-dħul ġdid ta’ kompetituri potenzjali f’dan is-suq jew ostakolatu. Id-drittijiet privileġġati mogħtija lid-DEI, impriża pubblika, kienu diġà affettwaw l-istruttura tas-suq billi ħolqu inugwaljanza ta’ opportunitajiet u billi ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq upstream u d-DEI sfruttat din is-sitwazzjoni billi użat il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq upstream bħala lieva (“leverage”) sabiex testendi jew iżżomm il-pożizzjoni tagħha f’suq ieħor marbut fil-qrib ma’ tal-ewwel, li jinsab vertikalment downstream, dak tal-produzzjoni tal-elettriku, u b’hekk eskludiet id-dħul ta’ kompetituri ġodda f’dan is-suq downstream u llimitat b’dan il-mod il-kompetizzjoni.

74.

Parti intervenjenti fil-proċess, Mytilinaios AE ppreżentat ruħha fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u qalet li hija fil-Greċja, permezz tas-sussidjarja tagħha Protergia AE, l-ikbar produttur privat tal-elettriku, l-ikbar importatur privat tal-gass u, permezz tas-sussidjarja tagħha Alouminion, l-ikbar konsumatur ta’ load bażika li tirrappreżenta 6 % mill-konsum tal-elettriku fil-Greċja, jiġifieri, fl-istess waqt, l-ikbar kompetitur u l-ikbar klijent tad-DEI. Dawn l-impriżi enfasizzaw li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi l-bażi tal-evoluzzjoni u tal-funzjonament normali tas-suq Grieg tal-enerġija elettrika li, iktar minn għaxar snin wara l-liberalizzazzjoni tiegħu, kien għadu taħt il-kontroll tad-DEI għaliex tul il-perijodu inkwistjoni u sal-lum, il-parti tas-suq tal-estrazzjoni tal-lignite tad-DEI kienet ta’ 97 %, tal-produzzjoni tal-elettriku abbażi ta’ lignite ta’ 100 %, u tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku ta’ 100 % ( 38 ).

75.

Skont il-partijiet intervenjenti, fin-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva, id-DEI toffri lill-klijenti industrijali l-ogħla elettriku tal-Unjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ kompetittività tal-industrija Griega. Minbarra dan, jeżistu mill-inqas 17-il deċiżjoni tar-RAE, mogħtija tul is-sena 2012 ( 39 ), fuq ilmenti ta’ kompetituri tad-DEI, li juru, skont il-partijiet intervenjenti, li dak kollu li kien previst mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fis-sens ta’ abbuż potenzjali seħħ. Dejjem skont il-partijiet intervenjenti, huwa biss jekk il-kompetituri tad-DEI jkollhom aċċess għall-produzzjoni tal-lignite u għall-produzzjoni tal-elettriku mil-lignite li huma jistgħu jkunu kompetituri veri, li jkun jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn prezzijiet kompetittivi ( 40 ).

76.

Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni għaldaqstant uriet suffiċjentement li l-miżura Statali inkwistjoni setgħet toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni għaliex, billi tat lid-DEI drittijiet privileġġati fuq id-depożiti tal-lignite u billi żammet dawn id-drittijiet wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Greċja, hija kienet qiegħdet lil din l-impriża pubblika f’sitwazzjoni fejn mhux biss hija kienet tikkontrolla s-suq tal-provvista tal-lignite, iżda setgħet tuża dan il-kontroll sabiex teskludi lill-kompetituri tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku mill-aċċess għal-lignite li huwa, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, meħtieġ sabiex wieħed ikun jista’ jidħol u jkun kompetittiv fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Billi eżerċitat id-drittijiet privileġġati tagħha u billi għażlet li tirriżerva għall-produzzjoni proprja tagħha tal-elettriku l-lignite estratt permezz tal-imsemmija drittijiet, id-DEI setgħet tipproteġi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, anki wara l-liberalizzazzjoni tiegħu.

77.

B’mod iktar ġenerali, f’kawżi bħal din, il-Kummissjoni, għal applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, ma hijiex marbuta ġġib il-prova ta’ aġir abbużiv konkret fis-sens biss tal-Artikolu 82 KE mill-impriża dominanti, bħala riżultat tal-miżura Statali. Madankollu, hija għandha tidentifika effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali inkwistjoni.

78.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni lment imqajjem mid-DEI fil-kuntest tat-tieni u tar-raba’ parti tal-ewwel motiv quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE u li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-motivi l-oħra invokati mid-DEI.

B – Fuq it-tieni aggravju (sussidjarjament)

79.

Ser neżamina dan l-aggravju biss fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, billi tiċħad l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, li l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE titlob l-identifikazzjoni u l-prova ta’ aġir abbużiv konkret mill-impriża dominanti fis-sens biss tal-Artikolu 82 KE.

1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

80.

Bit-tieni aggravju tagħha, li formalment huwa wkoll magħmul minn diversi partijiet interkonnessi, il-Kummissjoni ssostni li l-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq motivazzjoni li hija impreċiża, difettuża u insuffiċjenti, fuq klassifikazzjoni żbaljata u fuq żnaturament tal-provi kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata tal-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

81.

Essenzjalment hija ssostni li, anki jekk — bil-kontra ta’ dak li hija sostniet bl-ewwel aggravju tagħha — l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE kienet titlob il-prova tal-eżistenza ta’ aġir abbużiv konkret mill-impriża f’pożizzjoni dominanti, id-deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet l-eżistenza ta’ tali aġir f’dan il-każ.

82.

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 79 sa 93 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq motivazzjoni inkorretta, klassifikazzjoni żbaljata tal-provi u żnaturament tal-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għaliex il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina, minkejja dak li jingħad fil-punti 87 sa 91, l-importanza kruċjali ta’ ċerti fatturi, jiġifieri, minn naħa, li r-Repubblika Ellenika, mhux biss adottat il-miżuri kontenzjużi qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-pajjiż, iżda żammithom anki wara din il-liberalizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-effetti antikompetittivi komplew iseħħu anki wara x-xahar ta’ Mejju 2005 fis-suq sekondarju bl-ingrossa tal-elettriku.

83.

Id-DEI u r-Repubblika Ellenika jsostnu, b’mod prinċipali, li t-tieni aggravju huwa inammissibbli fl-intier tiegħu għaliex huwa biss fl-istadju tal-appell li l-Kummissjoni tipprova għall-ewwel darba tistabbilixxi aġir abbużiv tad-DEI. Il-Kummissjoni toħloq distorsjoni, minbarra dan, fil-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u fl-evalwazzjoni tagħha tal-provi.

84.

Sussidjarjament, id-DEI u r-Repubblika Ellenika jsostnu li t-tieni aggravju huwa infondat fil-liġi u fil-fatt. B’mod partikolari, il-kapaċità għad-DEI li tippreżenta offerti inqas għoljin fis-sistema tas-suq ta’ kuljum obbligatorju minħabba l-infiq varjabbli inqas tal-lignite ma tikkostitwixxix aġir abbużiv fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Il-Kummissjoni tonqos milli ssemmi li l-kompetituri tad-DEI jipproduċu elettriku b’mod li joħloq profitt permezz ta’ impjanti tal-gass naturali u li l-imsemmi suq qed jiżviluppa fid-direzzjoni ta’ tnaqqis fil-parti tal-lignite u żieda fil-parti tal-gass naturali fil-produzzjoni globali tal-elettriku. Il-kapaċità tad-DEI li toħloq profitti bħala riżultat tal-aċċess tagħha għal-lignite ma tistax titqies li hija aġir abbużiv, u lanqas ostakolu għad-dħul effettiv fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku meta l-kompetituri tagħha ukoll joħolqu profitti f’dak is-suq u jkomplu jżidu l-parti tagħhom fih. Minbarra dan, l-infiq varjabbli inqas tal-lignite huwa kkumpensat bl-infiq ogħla tal-investiment tagħha.

2. Analiżi

a) Fuq l-ammissibbiltà

85.

Bil-kontra ta’ dak li jsostnu d-DEI u r-Repubblika Ellenika, huwa ċar li dan l-aggravju ma jistax jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala inammissibbli. Ir-raġuni għal dan hija sempliċi: il-Kummissjoni tikkritika l-motivazzjoni tas-sentenza appellata u tallega li fatti reali ġew żnaturati u ngħataw klassifikazzjoni legali żbaljata mill-Qorti Ġenerali.

b) Fuq il-mertu

86.

Fir-rigward qabel kollox tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tas-sentenza appellata, nista’ naqbel mal-Kummissjoni li dawn ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li ma tantx huwa rilevanti li d-DEI kienet preżenti fis-suq ta’ produzzjoni u ta’ provvista tal-elettriku qabel il-liberalizzazzjoni tiegħu u li hija għandha tosserva r-regoli tal-funzjonament tas-suq ta’ kuljum obbligatorju.

87.

Fil-fatt, minn naħa, l-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-miżuri Statali inkwistjoni, kif ukoll mill-aġir tad-DEI, qabel il-liberalizzazzjoni, komplew iseħħu anki wara x-xahar ta’ Mejju 2005 fis-suq sekondarju bl-ingrossa tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni rilevanti ma hijiex dik jekk id-DEI tikkonformax ma’ dawn ir-regoli, iżda dik dwar sa fejn, filwaqt li tosservahom, hija għandha l-kapaċità li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha u l-vantaġġ kompetittiv tagħha fis-suq upstream bħala lieva biex tadotta aġir abbużiv fis-suq downstream, b’mod partikolari permezz tal-offerti li hija tqiegħed fis-suq ta’ kuljum obbligatorju.

88.

B’mod iktar fundamentali, is-sentenza appellata hija bbażata fuq il-premessa li huma biss il-miżuri Statali inkwistjoni li seta’ jkollhom effetti antikompetittivi (riperkussjonijiet u konsegwenzi fuq il-kompetituri) eżistenti jew potenzjali u li l-ebda aġir abbużiv tad-DEI li seta’ jikkontribwixxi għal dan ma ġie identifikat.

89.

Kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll is-sentenza appellata u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzaw diversi aspetti tal-aġir tad-DEI kemm fis-suq upstream kif ukoll fis-suq downstream, li kienu jmorru lil hinn mis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilha mill-Istat. Il-fatt li d-dħul ta’ kompetituri potenzjali fis-suq downstream tal-elettriku ġie eskluż jew ostakolat ma jirriżultax għaldaqstant biss mill-miżura Statali (bħal fil-Kawża Dusseldorp et, iċċitata iktar ’il fuq), iżda jirriżulta wkoll (mill-inqas parzjalment) mill-aġir tad-DEI.

90.

B’dan il-mod, fis-suq upstream, id-DEI għażlet li tirriżerva l-lignite għall-produzzjoni proprja tagħha tal-elettriku u setgħet, b’dan il-mod, tipproteġi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku (is-suq downstream) anki wara l-liberalizzazzjoni ta’ dan is-suq. Fil-fatt, id-dħul fis-suq downstream tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku jiddependi fost l-oħrajn mill-aċċess, fis-suq upstream, għal kwantitajiet sinjifikattivi ta’ lignite sabiex persuna ġdida fis-suq tkun tista’ toffri kompetizzjoni lid-DEI f’kundizzjonijiet ugwali. Il-kompetituri potenzjali ltaqgħu ma’ ostakoli fuq żewġ livelli: minn naħa, ir-rifjut tar-Repubblika Ellenika li tagħti drittijiet ġodda ta’ operat fuq id-depożiti l-oħra tal-lignite u, min-naħa l-oħra, il-kontroll eżerċitat mid-DEI fuq il-provvista tal-lignite disponibbli fis-suq Grieg. Billi ddeċidiet li tirriżerva l-provvista ta’ lignite għall-produzzjoni proprja tagħha tal-elettriku, minflok ma biegħet mill-inqas parti minnu fl-imsemmi suq, id-DEI effettivament eskludiet lill-kompetituri potenzjali mill-aċċess għal-lignite u għaldaqstant għall-irħas sors ta’ enerġija fil-Greċja, meħtieġ għall-produzzjoni tal-elettriku b’mod li jagħmel profitt u, għaldaqstant, għad-dħul fis-suq downstream tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku.

91.

Fis-suq downstream, fil-kuntest tas-suq ta’ kuljum obbligatorju bl-ingrossa tal-elettriku, id-DEI kienet qed tqiegħed fin-netwerk interkonness (mekkaniżmu bl-ingrossa jew pool) bi prezzijiet li hija kienet tistabbilixxi l-ikbar kwantitajiet ta’ elettriku bl-irħas prezzijiet, u dan kien jippermettilha mhux biss tkopri l-ispejjeż fissi u l-ispejjeż varjabbli tagħha, iżda wkoll li tagħmel profitti kbar ( 41 ) u, għaldaqstant, li teskludi jew tostakola d-dħul ta’ kull kompetitur ġdid fis-suq downstream inkwistjoni ( 42 ).

92.

Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li tindika l-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza tagħha, id-DEI ma kinitx il-parteċipanta passiva deskritta mis-sentenza appellata, għaliex hija setgħet tiddefinixxi l-linja tal-kondotta tagħha, kemm f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati tagħha fuq il-lignite kif ukoll f’dak li jirrigwarda t-tqegħid u t-tarifikazzjoni tal-elettriku fis-suq ta’ kuljum obbligatorju.

93.

Minbarra dan, kif tindika l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali naqset kompletament milli tieħu inkunsiderazzjoni r-rabta inseparabbli u r-“riskju” inevitabbli ta’ “abbuż” li jirriżultaw mill-miżuri Statali inkwistjoni, sempliċement minħabba li d-DEI teżerċita d-drittijiet privileġġati tagħha fis-suq downstream filwaqt li d-DEI setgħet tipprevedi r-rabta kawżali bejn l-aġir tagħha, kemm fis-suq upstream kif ukoll fis-suq downstream, u l-effetti inevitabbilment negattivi fuq il-kompetituri eżistenti u l-kompetituri potenzjali tagħha f’dan is-suq imsemmi l-aħħar.

94.

Minbarra l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-provi kollha msemmija fid-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, u lanqas il-provi ppreżentati mill-partijiet tul il-proċedura quddiemha (il-Kummissjoni ppreżentat ħafna fajls, statistiċi u rapporti fuq l-aġir tad-DEI wara l-1995), b’mod partikolari l-provi speċifiċi ppreżentati fuq talba tagħha u msemmija fil-punti 49 u 87 sa 91 tas-sentenza appellata, ma narax fis-sentenza appellata motivazzjoni ( 43 ) li tippermetti l-kunsiderazzjoni li l-aġir osservat hawn fuq ma kienx abbużiv u dan iktar u iktar għaliex fil-fehma tiegħi hija impriża f’pożizzjoni dominanti, indipendentement mill-kawżi ta’ tali pożizzjoni, li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni ( 44 ).

95.

Fil-fatt, inqis li, anki jekk il-kunċett ta’ responsabbiltà partikolari ġie żviluppat u applikat għall-impriżi li huma f’pożizzjoni dominanti abbażi tal-Artikolu 82 KE, dan il-kunċett jista’ wkoll, fil-kuntest ta’ applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 82 KE u 86(1) KE, ikollu rwol għall-impriżi pubbliċi jew privileġġati li għandhom drittijiet speċjali jew esklużivi bis-saħħa ta’ miżuri Statali.

96.

F’dan il-kuntest u, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-obbligu tal-Istati Membri, naqbel mal-Avukat Ġenerali da Cruz Vilaça ( 45 ) li: “l-Artikolu [86 KE] jirrigwarda biss l-impriżi li għall-aġir tagħhom l-Istati għandhom jassumu responsabbiltà partikolari minħabba l-influwenza li huma jistgħu jeżerċitaw fuq dan l-aġir. Essenzjalment, huma meħtieġ li jiġi żgurat li l-intervent tal-Istat (fis-sens ta’ ‘awtoritajiet pubbliċi’, kif il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din l-espressjoni) fir-rigward ta’ dawn l-impriżi ma jkollux bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew l-introduzzjoni ta’ distorsjonijiet fir-relazzjonijiet ta’ dawn l-impriżi mal-impriżi privati”.

97.

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, fil-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq motivazzjoni inkorretta jew insuffiċjenti. U dan, għaliex, minkejja li l-Qorti Ġenerali affermat il-kontra, il-Kummissjoni fil-fatt ikkritikat lid-DEI u fil-fehma tiegħi saħansitra pprovat fid-deċiżjoni kkontestata li d-DEI kienet estendiet, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, il-pożizzjoni dominanti tagħha tas-suq tal-provvista tal-lignite għas-suq downstream bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja.

98.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni aggravju tal-Kummissjoni, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali minħabba motivazzjoni inkorretta jew insuffiċjenti u tibgħat lura l-kawża quddiemha sabiex teżamina l-motivi l-oħra.

IV – Konklużjoni

99.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod li ġej:

1)

B’mod prinċipali:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2012, fil-Kawża DEI vs Il-Kummissjoni (T‑169/08);

tiċħad it-tieni lment imqajjem mid-Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) fil-kuntest tat-tieni u r-raba’ parti tal-ewwel motiv quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

u tirriżerva l-ispejjeż.

2)

Sussidjarjament:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża DEI vs Il-Kummissjoni (T‑169/08);

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tirriżerva l-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza DEI vs Il-Kummissjoni (T‑169/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

( 3 ) Deċiżjoni C (2008) 824 finali tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 4 ) Din hija l-kumpannija pubblika tal-elettriku, li t-titolu bl-Ingliż tagħha huwa The Public Power Corporation, xi drabi msejħa wkoll PPC.

( 5 ) Ser nuża l-enumerazzjoni l-qadima f’dawn il-konklużjonijiet għaliex id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata taħt it-Trattat KE.

( 6 ) Għal deskrizzjoni tal-funzjonament tas-suq ta’ kuljum obbligatorju, ara l-punti 12 sa 14 tas-sentenza appellata.

( 7 ) Skont id-Digriet leġiżlattiv Grieg Nru 4029/1959, tat-12 u tat-13 ta’ Novembru 1959 (FEK A’250), u tal-Liġi Griega Nru 134/1975, tat-23 u tad-29 ta’ Awwissu 1975 (FEK A’180).

( 8 ) Sentenzi tat-12 ta’ Frar 1998, Raso et (C-163/96, Ġabra p. I-533), tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C-41/90, Ġabra p. I-1979); tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova (C-179/90, Ġabra p. I-5889); tal-11 ta’ Diċembru 1997, Job Centre (C-55/96, Ġabra p. I-7119); tat-12 ta’ Frar 1998, Raso et (C-163/96, Ġabra p. I-533); u tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C-49/07, Ġabra p. I-4863).

( 9 ) Rispettivament, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1991 (C-202/88, Ġabra p. I-1223); tat-13 ta’ Diċembru 1991 (C-18/88, Ġabra p. I-5941); u tat-22 ta’ Mejju 2003 (C-462/99, Ġabra p. I-5197).

( 10 ) Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998 (C-203/96, Ġabra p. I-4075).

( 11 ) Jiġifieri, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Raso et (punt 27); Höfner u Elser (punt 29); Merci convenzionali porto di Genova (punt 17); Job Centre (punt 31); u MOTOE (punti 50 u 51).

( 12 ) Ara l-premessi 180 sa 183 u 191 sa 199 tad-deċiżjoni kkontestata (għall-argumenti dwar il-kuntest ta’ eżami ta’ din it-teorija). Ara, ukoll, il-premessi tagħha 200 sa 237 (fejn il-Kummissjoni eżaminat u finalment ċaħdet l-argumenti addizzjonali dwar, fost l-oħrajn, il-kompetittività tal-lignite).

( 13 ) Din it-teorija diġà kienet intużat mill-Kummissjoni f’żewġ deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 86 KE f’dak li jirrigwarda s-sistema tal-attività ta’ kunsinna aċċellerata fi Spanja [Deċiżjoni 90/456/KEE tal-1 ta’ Awwissu 1990, dwar il-provvista fi Spanja ta’ servizzi ta’ posta rapida internazzjonali (ĠU L 233, p. 19)], u fil-Pajjiżi l-Baxxi [Deċiżjoni 90/16/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1989, dwar il-provvista fil-Pajjiżi l-Baxxi tas-servizz tal-posta rapida (ĠU 1990 L 10, p. 47)].

( 14 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 1992 (C-271/90, C-281/90 u C-289/90, Ġabra p. I-5833, punt 36).

( 15 ) Ara l-punt 31 tas-sentenza. Ara, wkoll, is-sentenza GB-Inno-BM, iċċitata iktar ’il fuq (punti 23 sa 25).

( 16 ) Jista’ jsir paragun mad-DEI li, permezz tad-drittijiet kważi monopolistiċi ta’ operat tal-lignite mogħtija lilha mir-Repubblika Ellenika, kellha l-mezzi, billi tirriżerva dan il-lignite għall-produzzjoni tagħha tal-elettriku, li teskludi kull dħul ġdid fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

( 17 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001 (C-340/99, Ġabra p. I-4109).

( 18 ) Ara, hawnhekk, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Höfner u Elser, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29); tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 37); tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, iċċitata iktar ’il fuq (punti 16 u 17); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle (C-323/93, Ġabra p. I-5077, punt 18); Raso et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 u 28); tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany (C-67/96, Ġabra p. I-5751, punt 93); tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punt 127); tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, Ġabra p. Ι‑8089, punt 39); u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 60). Ara, ukoll, f’sens analogu, is-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq (punt 80).

( 19 ) Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-punt 36 tas-sentenza tagħha Job Centre, iċċitata iktar ’il fuq, huwa fl-istess sens. Fil-fatt, dan jispeċifika li “ma huwiex meħtieġ li l-aġir abbużiv inkwistjoni jkun effettivament affetwa dan il-kummerċ. Huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li dan l-aġir huwa ta’ natura tali li joħloq tali effett”.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata hawnhekk mill-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, ERT (punt 37); Merci convenzionali porto di Genova (punt 17), u Centro Europa 7 (punt 60).

( 21 ) Minbarra li huwa msemmi speċifikament fl-Artikolu 3(1)(g), KE, ir-rekwiżit tal-kompetizzjoni mhux distorta huwa wkoll il-bażi tar-regoli ta’ kompetizzjoni msemmija fl-Artikoli 81 KE sa 89 KE.

( 22 ) Ara, hawnhekk, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 51 tas-sentenza MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq u s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Terminals ta’ telekomunikazzjoni (punt 51); GB-Inno-BM (punt 25), u fl-istess sens, ERT, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37); kif ukoll Raso et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 29 sa 31).

( 23 ) L-Elliniki Leschi Aftokinitou kai Perigiseon (Klabb Elleniku tal-karozzi u tat-turiżmu, iktar ’il quddiem l-“ELPA”).

( 24 ) Ara, b’mod analogu, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, “Terminal ta’ telekomunikazzjoni” (punt 51), u GB‑Inno‑BM (punt 25), iċċitati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 25 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Raso et (punt 31), MOTOE (punt 49), kif ukoll is-sentenzi ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 18 sa 20 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi kawżi li, minkejja li s-sempliċi fatt, għal Stat Membru, li joħloq pożizzjoni dominanti bl-għoti ta’ drittijiet esklużivi ma huwiex bħala tali inkompatibbli mal-Artikolu 86 KE, jibqa’ l-fatt li t-Trattat KE jobbliga lill-Istati Membri ma jadottawx u ma jżommux fis-seħħ miżuri li jistgħu jeliminaw l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni. Ara, pereżempju, is-sentenzi ERT, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35) u tal-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Post (C-147/97 u C-148/97, Ġabra p. I-825, punt 39), u tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 35). Kif spjega korrettament l-Avukat Ġenerali da Cruz Vilaça, fil-punt 65, tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bodson (sentenza tal-4 ta’ Mejju 1988, 30/87, Ġabra p. Ι‑2497), id-dispożizzjoni tal-Artikolu 86(1) KE “hija intiża sabiex tevita li l-awtoritajiet pubbliċi jużaw ir-relazzjoni speċjali ta’ supremazija li torbothom ma’ ċerti tipi ta’ impriżi sabiex timponi fuqhom aġir ipprojbit mit-Trattat [KE] jew tagħtihom vantaġġi inkompatibbli mas-suq komuni”. Ir-raġuni li għaliha d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 KE ddaħħlu fit-Trattat [KE] hija ġustament l-influwenza li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ dawn l-impriżi. Hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 86 KE jirrigwarda biss l-impriżi li għall-aġir tagħhom l-Istati għandhom jassumu responsabbiltà partikolari minħabba l-influwenza li huma jistgħu jeżerċitaw fuq dan l-aġir. Essenzjalment għandu jiġi żgurat li l-intervent tal-Istat f’dawn l-impriżi ma jkollux bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew l-introduzzjoni ta’ distorsjonijiet fir-relazzjonijiet ta’ dawn l-impriżi mal-impriżi privati.

( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenza MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 sa 51).

( 28 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, “Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet” (punt 36), u Connect Austria (punti 80 sa 84). Ara, wkoll, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, “Terminals ta’ telekomunikazzjoni” (punt 51); Dusseldorp et (punti 61 et seq), kif ukoll GB-Inno-BM (punti 20 u 21). Ara wkoll Debegioti, S., “I paravasi ton arthron 106(1) kai 102 SynthLEE enopsei ton apofaseon tou Genikou Dikastiriou tis Enosis gia ton elliniko ligniti” [Il-ksur tal-Artikoli 106(1) u 102 TFUE fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali dwar il-lignite Grieg], Dikaio Epicheiriseon & Etairion (Dritt tal-impriżi u tal-kumpanniji), 2012, p. 900 sa 914. Skont dan l-awtur, is-sentenza appellata interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 29 ) Fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet prattiki potenzjali tal-impriża pubblika jew privileġġata li madankollu ma kinux neċessarjament illegali fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 111, in fine, tas-sentenza appellata, li “b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-aġir tal-impriża pubblika fis-suq”, tikkostitwixxi żball ta’ liġi għaliex, fis-sentenza Connect Austria, l-ebda aġir konkret ma kien ġie kkonstatat.

( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. Ι‑461, punt 91), u tal-10 ta’ Lulju 1990, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T-51/89, Ġabra p. II-309, punti 23 u 24).

( 31 ) Ir-Repubblika Ellenika kellha tadotta miżura ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku sa minn Frar tal-2001, iżda naqset milli tagħmel dan (ara l-premessi 61 u 62, 85, 109, 136.3, 147, 150 u 235 tad-deċiżjoni kkontestata).

( 32 ) Il-Qorti Ġenerali tammetti, hija nfisha, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-miżuri adottati mir-Repubblika Ellenika, jiġifieri l-privileġġi mogħtija lid-DEI qabel l-2001, komplew jipproduċu l-effetti tagħhom, wara l-2001.

( 33 ) Ara, pereżempju, il-premessi 164, 182, 188 u 189, 191, 193, 195 sa 197, 199, 214 u 215, noti ta’ qiegħ il-paġna 237 u 255, u premessi 223 sa 225, 228 u 229, 233 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni.

( 34 ) Ara, pereżempju, il-premessi 185, 225 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 35 ) Il-Qorti Ġenerali ssemmi din il-kawża ta’ tisħiħ tal-effetti antikompetittivi fil-punt 88 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Fil-fatt, ladarba jiġi estratt mill-impriża li jkollha d-drittijiet privileġġati ta’ operat, inkwantu prodott, il-lignite jista’, jew i) jinbiegħ jew jinħeles fis-suq lokali (jew jiġi esportat), jew ii) jintuża minn din l-impriża bħala kombustibbli sabiex jiġi prodott l-elettriku. Id-DEI għamlet it-tieni għażla u tuża l-lignite biss biex tipproduċi, hija nfisha, l-elettriku. Ara, pereżempju, il-premessi 126 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 37 ) Matul il-proċedura amministrattiva u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Ellenika qatt ma sostniet li l-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tad-DEI mis-suq primarju tal-provvista tal-lignite għas-suq sekondarju (upstream) bl-ingrossa tal-elettriku “kienet oġġettivament ġustifikata”. Ara, pereżempju, il-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 38 ) Ara d-Deċiżjoni Nru 822/2012 tal-awtorità regolatorja Griega tal-enerġija (RAE), li tenfasizza li “[m]a jeżistix suq tal-elettriku li jaħdem b’mod li jagħmel profitt, peress li d-DEI għandha fil-proprjetà tagħha l-impjanti kollha tal-gass u tal-lignite u għandha iktar minn 65 % mis-suq tal-produzzjoni tal-elettriku, filwaqt li l-kompetituri tagħha jużaw unitajiet ta’ produzzjoni iktar reċenti mill-gass naturali”, u għaldaqstant, RAE tgħid sempliċement li ma huwiex possibbli li jkollha suq li jaħdem normalment la min-naħa tal-produzzjoni u lanqas min-naħa tal-provvista.

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni Nru 822/2012 tar-RAE, tas-17 ta’ Ottubru 2012, dwar l-ilment RAE I‑153708/22.03.202 ippreżentat mill-kumpannija “G.M.M.LARKO AE” kontra d-DEI, punt 23: “huwa manifest li ma jeżistix suq tal-elettriku li jiffunzjona b’mod effikaċi; dan huwa muri, mingħajr il-bżonn ta’ analiżi speċifika, għaliex id-[DEI] għandha, waħdeha, l-impjanti kollha tal-lignite u idroelettriċi tal-pajjiż u għaliex hija tkompli żżomm iktar minn 65 % mis-suq tal-elettriku, filwaqt li l-kompetituri kollha tagħha joperaw impjanti ġodda bil-gass naturali, mhux amortizzati, fil-preżenza ta’ impjanti maturi – jiġifieri amortizzati – tal-lignite, tal-gass naturali jew idroelettriċi. Ma jistax għaldaqstant jeżisti suq funzjonali fis-settur tal-provvista, għaliex dan is-suq kollu huwa kkontrollat, de facto u essenzjalment, mid-[DEI]” (enfasi tiegħi). Ara, ukoll, bħala eżempju, id-Deċiżjoni Nru 831/2012 kif ukoll id-Deċiżjonijiet Nru 346/2012 u Nru 822/2012 tar-RAE (dawn tal-aħħar jenfasizzaw l-abbuż mid-DEI tal-pożizzjoni dominanti tagħha, fuq kollox bi ħsara għall-klijenti industrijali tagħha).

( 40 ) Ara l-premessi 255, 215 u 244 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għall-funzjonament tas-suq tal-provvista tal-elettriku u għas-sitwazzjoni tal-produtturi ż-żgħar.

( 41 ) Ara l-premessi 83 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, u l-punt 90 tas-sentenza appellata.

( 42 ) Ara l-premessi 84 sa 98, 199, 215 (kif ukoll in-noti ta’ qiegħ il-paġna 237 u 255, 222 sa 225, 228 u 229 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata). Ara, ukoll, l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2011, ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fuq talba speċjali ta’ din tal-aħħar imsemmija fil-punt 49 tas-sentenza appellata. Dan jirriżulta wkoll mir-risposta tal-1 ta’ Frar 2011 tar-Repubblika Ellenika għad-domandi tal-Qorti Ġenerali.

( 43 ) Appell huwa ammissibbli jekk is-sentenza tinkludi motivazzjoni kontradittorja jew insuffiċjenti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 25); tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 77), u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. Ι‑6513, punt 90); kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Der grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑385/07 P, Ġabra p. Ι‑6155, punt 71). Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali għandha timmotiva s-sentenzi tagħha b’mod li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita stħarriġ fuq eventwali żnaturament tal-kontenut tal-provi ppreżentati quddiemha. Ara, ukoll, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs CEVA (C-198/03 P, Ġabra p. I-6392, punt 50), u tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, (C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punti 50 u 51), u tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs CEVA u Pfizer (C-198/03 P, Ġabra, p. I-6357, punt 50).

( 44 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra p. 3461, iċċitata iktar ’il fuq punt 57). Ara, ukoll, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge Transports et vs Il-Kummissjoni (C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, punt 34), u ERT, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

( 45 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħu li taw lok għas-sentenza Bodson, iċċitata iktar ’il fuq (punti 67 u 68).

Top

Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

1. F’dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Settembru 2012 (2), li permezz tagħha din il-qorti annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (3), rigward id-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operat ta’ depożiti ta’ lignite li r-Repubblika Ellenika tat lil Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) (4) u żammet favuriha.

2. Bl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet, fost l-oħrajn, ikkonstatat li l-għoti u ż-żamma ta’ dawn id-drittijiet kienu jmorru kontra l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE [li issa huma l-Artikoli 106(1) TFUE u 102 TFUE (5) ], għaliex kienu joħolqu sitwazzjoni ta’ inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fl-aċċess għall-kombustibbli primarji għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku u kienu jippermettu lid-DEI żżomm jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku tal-Greċja, billi teskludi kwalunkwe dħul ġdid fis-suq jew billi tostakolah.

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

3. Id-DEI twaqqfet fl-1950 taħt il-forma ta’ impriża pubblika li hija l-proprjetà tal-Istat Grieg. Hija kienet tgawdi mid-dritt esklużiv li tipproduċi, tittrasporta u tipprovdi l-elettriku fil-Greċja. Fl-1996, ġiet ittrasformata f’kumpannija limitata b’ishma, miżmuma mill-Istat bħala azzjonist uniku.

4. Fl-1 ta’ Jannar 2001, hija ġiet ittrasformata f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata skont, b’mod partikolari, il-liġi Griega Nru 2773/1999, dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku (FEK A’286), li fost l-oħrajn ittrasponiet id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3). Skont l-Artikolu 43(3) ta’ din il-liġi, il-parteċipazzjoni tal-Istat fil-kapital tad-DEI ma tista’, fl-ebda każ, tkun inqas minn 51 % tal-ishma bi dritt għal vot, anki wara żieda fil-kapital. Ir-Repubblika Ellenika bħalissa għandha 51.12 % tal-ishma ta’ din l-impriża. Mit-12 ta’ Diċembru 2001, l-ishma tad-DEI huma kkwotati fil-Borsa ta’ Ateni (il-Greċja), kif ukoll fil-Borsa ta’ Londra (ir-Renju Unit).

5. L-impjanti kollha tal-elettriku Griegi li jaħdmu bil-lignite huma l-proprjetà tad-DEI. Skont l-Istitut Grieg għal riċerka ġeoloġika u tal-minjieri, ir-riżervi magħrufa tad-depożiti tal-lignite fil-Greċja kienu stmati fl-1 ta’ Jannar 2005, li huma 4 415 miljun tunnellata. Skont il-Kummissjoni, jeżistu 4 590 miljun tunnellata oħra ta’ riżervi ta’ lignite fil-Greċja.

6. Ir-Repubblika Ellenika tat lid-DEI drittijiet li tesplora u li topera lignite għal minjieri li r-riżervi tagħhom kienu ta’ madwar 2 200 miljun tunnellata. 85 miljun tunnellata mir-riżervi huma l-proprjetà ta’ persuni privati u għal depożiti pubbliċi oħra, madwar 220 miljun tunnellata, drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operat ingħataw lil persuni privati oħra, u dawn id-depożiti kienu jipprovdu parzjalment lill-impjanti elettriċi tad-DEI. L-ebda dritt ieħor ta’ operat għadu ma ngħata għal madwar 2 000 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ lignite fil-Greċja.

7. Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92, is-suq Grieg tal-elettriku nfetaħ għall-kompetizzjoni. F’Mejju 2005, inħoloq suq ta’ kuljum obbligatorju għall-bejjiegħa u x-xerrejja kollha tal-elettriku fis-suq interkonness Grieg, li jinkludi l-Greċja kontinentali u ċerti gżejjer Griegi. F’dan is-suq, il-produtturi u l-importaturi tal-elettriku jqiegħdu u jbigħu l-produzzjoni u l-importazzjonijiet tagħhom kull jum (6) .

8. Fl-2003, il-Kummissjoni rċeviet l-ilment ta’ individwu li talab li l-identità tiegħu tibqa’ kunfidenzjali. Skont il-lanjant, id-deċiżjoni tal-Istat Grieg li tagħti lid-DEI liċenzja esklużiva li topera u li topera lignite fil-Greċja, tmur kontra l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE. Wara diversi skambji mar-Repubblika Ellenika, li seħħew bejn 2003 u 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

9. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tosserva li r-Repubblika Ellenika kienet taf sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 96/92, li kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Frar 2001, li s-suq tal-elettriku kellu jiġi lliberalizzat. Hija żżid li r-Repubblika Ellenika adottat miżuri Statali li kienu jirrigwardaw żewġ swieq distinti, l-ewwel wieħed dak tal-provvista ta’ lignite u t-tieni wieħed is-suq bl-ingrossa tal-elettriku, li jinkludi l-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku f’impjanti kif ukoll l-importazzjoni tal-elettriku permezz ta’ tagħmir ta’ interkonnessjoni.

10. Skont il-Kummissjoni, id-DEI kellha f’dawn iż-żewġ swieq pożizzjoni dominanti b’parti mis-suq ogħla, rispettivament, minn 97 % u minn 85 %. Minbarra dan, ma kienx mistenni dħul ġdid li seta’ jnaqqas b’mod sinjifikattiv il-parti tad-DEI fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, peress li l-importazzjonijiet, li jirrappreżentaw 7 % tal-konsum totali, ma kinux jikkostitwixxu restrizzjoni kompetittiva reali f’dan is-suq.

11. Fir-rigward tal-miżuri Statali inkwistjoni, il-Kummissjoni tindika li d-DEI ngħatat (7) drittijiet ta’ operat għal 91 % mid-depożiti pubbliċi tal-lignite li għalihom ingħataw drittijiet. Hija tispeċifika li, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, u dan minkejja l-possibbiltajiet offruti mil-liġi nazzjonali, ma ngħata l-ebda dritt ieħor fuq depożitu sinjifikattiv. Barra minn hekk, hija tindika li d-DEI kisbet mingħajr sejħa għal offerti drittijiet ta’ operat għal ċerti depożiti li setgħu jiġu operati, li għalihom ma kinux għadhom ingħataw drittijiet ta’ operat. Il-Kummissjoni żżid, fl-aħħar nett, li l-impjanti li jaħdmu bil-lignite, li huma dawk li jinvolvu l-inqas spejjeż fil-Greċja, huma dawk li l-iktar jintużaw, għaliex jipproduċu 60 % mill-elettriku li jippermetti l-provvista tan-netwerk interkonness.

12. Permezz tal-għoti lid-DEI u taż-żamma favuriha tad-drittijiet kważi ta’ monopolju ta’ operat tal-lignite li jiżgurawlha aċċess privileġġat għall-kombustibbli l-iktar attraenti fil-Greċja għal finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, ir-Repubblika Ellenika ħolqot b’dan il-mod inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku u b’hekk ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni, u b’dan il-mod saħħet il-pożizzjoni dominanti tad-DEI u eskludiet kwalunkwe dħul ġdid fis-suq jew inkella ostakolatu, u dan minkejja l-liberalizzazzjoni tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

13. Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni talbet, minbarra dan, lir-Repubblika Ellenika tinformaha, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li hija kienet beħsiebha tadotta sabiex tikkoreġi l-effetti antikompetittivi tal-miżuri Statali inkwistjoni, filwaqt li indikat li dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati u implementati fi żmien tmien xhur li jibdew jgħoddu mid-deċiżjoni tagħha.

II – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14. B’applikazzjoni ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2008, id-DEI ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Tul il-proċeduri, ir-Repubblika Ellenika intervjeniet insostenn tad-DEI, filwaqt li Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (HE & DSA) u Energeiaki Thessalonikis AE, kumpanniji b’responsabbiltà limitata attivi fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika fil-Greċja, intervjenew insostenn tat-talba tal-Kummissjoni intiża għaċ-ċaħda tar-rikors.

15. Insostenn tar-rikors tagħha, id-DEI invokat erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE, it-tielet nett, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-protezzjoni tal-proprjetà privata, u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, u, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

16. L-ewwel motiv kien maqsum f’ħames partijiet, u t-tieni u r-raba’ parti kienu jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ operat tal-lignite mogħtija lid-DEI kellu bħala effett li jestendi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-lignite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, bi ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE. Essenzjalment, id-DEI qajmet żewġ ilmenti kontra din il-konklużjoni tal-Kummissjoni.

17. Permezz tat-tieni wieħed minn dawn l-ilmenti, li l-Qorti Ġenerali eżaminat fl-ewwel lok, id-DEI kkritikat lill-Kummissjoni talli ma pprovatx l-eżistenza ta’ abbuż reali jew potenzjali tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq ikkonċernati, meta din il-prova hija kundizzjoni preliminari sabiex jiġu applikati l-Artikolu 86(1) KE flimkien mal-Artikolu 82 KE.

18. Fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li n-nuqqas ta’ qbil, f’dan il-każ, kien iċċentralizzat prinċipalment fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tidentifika abbuż reali jew potenzjali tal-pożizzjoni dominati tad-DEI jew kienx suffiċjenti li hija tistabbilixxi li l-miżuri Statali inkwistjoni kienu joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni billi joħolqu favur id-DEI inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi.

19. Fir-rigward tas-suq tal-provvista tal-lignite, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali osservat fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza tagħha li, bil-miżuri Statali inkwistjoni, ir-Repubblika Ellenika kienet tat lid-DEI drittijiet ta’ operat tal-lignite għal minjieri li r-riżervi tagħhom kienu ta’ madwar 2 200 miljun tunnellata, li dawn il-miżuri, preċedenti għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, kienu nżammu u komplew jaffettwaw dan is-suq u li, minbarra dan, minkejja l-interess li l-kompetituri tad-DEI kienu wrew, l-ebda operatur ekonomiku ma seta’ jikseb mir-Repubblika Ellenika drittijiet ta’ operat fuq depożiti oħra tal-lignite, minkejja li l-Greċja kien għad fadlilha madwar 2 000 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ lignite li kienu għadhom mhux sfruttati. Madankollu hija qieset li l-impossibbiltà, għall-operaturi ekonomiċi l-oħra, li jkollhom aċċess għad-depożiti tal-lignite li kienu għadhom disponibbli ma setgħetx tiġi attribwita lid-DEI, għaliex l-għoti tal-liċenzji ta’ operat tal-lignite kien jiddependi esklużivament fuq il-volontà tar-Repubblika Ellenika. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, fl-imsemmi suq, ir-rwol tad-DEI kien ġie limitat għall-operat tad-depożiti li fuqhom hija kellha drittijiet, peress li l-Kummissjoni ma kinitx sostniet li, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal-lignite, id-DEI kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-provvista ta’ din il-materja prima.

20. Imbagħad il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 90 sa 93 tas-sentenza tagħha, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-impossibbiltà għall-kompetituri tad-DEI li jidħlu fis-suq tal-provvista tal-lignite kellha riperkussjonijiet fuq is-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Il-Kummissjoni kienet sostniet f’dan ir-rigward li, peress li l-lignite kien il-kombustibbli l-iktar attraenti fil-Greċja, l-operat tiegħu kien jippermetti l-produzzjoni tal-elettriku bi spiża varjabbli baxxa u li jqiegħdha fis-suq ta’ kuljum obbligatorju b’marġni ta’ profitt iktar interessanti mill-elettriku prodott minn kombustibbli oħrajn. Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-DEI setgħet b’dan il-mod iżżomm jew isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku billi teskludi kull dħul ġdid f’dan is-suq jew billi tostakolah.

21. Wara li fakkret fil-punt 91 tas-sentenza appellata li, wara l-liberalizzazzjoni tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, kien inħoloq suq ta’ kuljum obbligatorju fil-Greċja, mekkaniżmu li r-regoli tal-funzjonament tiegħu ma ġewx ikkontestati permezz tad-deċiżjoni kkontestata u kellhom jiġu osservati kemm mid-DEI kif ukoll mill-kompetituri tagħha, u li, minbarra dan, id-DEI kienet preżenti f’dan is-suq qabel il-liberalizzazzjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali osservat dan li ġej:

“92 Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-aċċess privileġjat għal-lignite kellu mnejn joħloq sitwazzjoni li fiha, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet ta’ operat tagħha, [id-DEI] setgħet twettaq abbużi mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku jew ġiet imwassla twettaq tali abbużi f’dan is-suq. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma takkużax li[d-DEI] li estendiet, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-provvista tal-lignite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

93 Billi kkonstatat sempliċement li [d-DEI], impriża li qabel kellha monopolju, tkompli żżomm pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku permezz tal-vantaġġ mogħti lilha bl-aċċess privileġjat għal-lignite u li din is-sitwazzjoni toħloq inugwaljanza ta’ opportunitajiet f’dan is-suq bejn [id-DEI] u l-impriżi l-oħra, il-Kummissjoni la identifikat u lanqas stabbiliet suffiċjentment skont il-liġi għal liema abbuż, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, il-miżura Statali inkwistjoni wasslet jew setgħet twassal għalih [lid-DEI].”

22. Imbagħad il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 94 sa 103 tas-sentenza tagħha, il-ġurisprudenza stabbilita msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti permezz tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE meta l-impriża inkwistjoni tkun imwassla, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi jew speċjali mogħtija lilha, li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikollhom mnejn joħolqu sitwazzjoni fejn din l-impriża tkun imwassla twettaq tali abbużi. Wara eżami tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Raso et , Höfner u Elser, Merci convenzionali porto di Genova, Job Centre, Raso et u MOTOE (8), il-Qorti tal-Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni:

“103 Minn dawn is-sentenzi jirriżulta […] li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti tal-impriża li jkollha dritt esklużiv jew speċjali jista’ jew jirriżulta mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt b’mod abbużiv, jew inkella jkun konsegwenza diretta ta’ dan id-dritt. Madankollu, ma jirriżultax minn din il-ġurisprudenza li s-sempliċi fatt li l-impriża inkwistjoni tinsab f’sitwazzjoni vantaġġjuża meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, minħabba miżura Statali, jikkostitwixxi minnu nnifsu abbuż minn pożizzjoni dominanti.”

23. Fl-aħħar nett, fil-punti 104 sa 118 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-aħħar argument tal-Kummissjoni fejn kienet issostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet konformi mal-ġurisprudenza li tipprovdi li sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta setgħet tkun iggarantita biss jekk tkun żgurata l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni sostniet, f’dan ir-rigward, li, jekk l-inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi — u għaldaqstant id-distorsjoni tal-kompetizzjoni — kienet ir-riżultat ta’ miżura Statali, tali miżura kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

24. Fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx jirriżulta mis-sentenzi li fuqhom kienet ibbażat ruħha l-Kummissjoni, jiġifieri s-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni (imsejħa “Terminals ta’ telekomunikazzjoni”), GB-Inno-BM u Connect Austria (9), li, sabiex jitqies li twettaq ksur tal-Artikolu 86(1) KE applikat flimkien mal-Artikolu 82 KE, kien biżżejjed li jiġi stabbilit li miżura Statali kienet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi toħloq inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi identifikat abbuż mill-pożizzjoni dominanti tal-impriża.

25. Wara li eżaminat dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 113 tas-sentenza tagħha li, jekk kien minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja użat l-formulazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni, din ma tistax tużahom b’mod separat mill-kuntest tagħhom. Fil-punti 114 sa 117, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li t-teżi tal-Kummissjoni lanqas ma kienet sostnuta permezz tas-sentenza Dusseldorp et (10), li din kienet invokat waqt is-seduta.

26. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 118 tas-sentenza tagħha, li minn din il-ġurisprudenza ma kienx jidher li l-Kummissjoni “ma kinitx marbuta tidentifika u tistabbilixxi l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti li għalih wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali inkwistjoni l[id-DEI]”. Skont il-Qorti Ġenerali (punti 87 sa 93), tali prova hija nieqsa fid-deċiżjoni kkontestata.

27. Għaldaqstant, fil-punt 119, il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala fondat it-tieni lment imqajjem mid-DEI fil-kuntest tat-tieni u r-raba’ parti tal-ewwel motiv u annullat id-deċiżjoni kkontestata, “mingħajr ma kien meħtieġ teżamina l-ilmenti, il-partijiet u l-motivi l-oħra ppreżentati”.

III – L-appell

28. Il-Kummissjoni, id-DEI u r-Repubblika Ellenika pparteċipaw fil-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Waqt is-seduta li nżammet fit-3 ta’ Ottubru 2013, dawn il-partijiet kollha kif ukoll Mytilinaios AE, Protergia AE u Alouminion AE (partijiet intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni) ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

29. Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji.

A – Fuq l-ewwel aggravju

1. Sinteżi tal-argumenti tal-partijiet

30. Bl-ewwel aggravju tagħha, li huwa dirett kontra l-punti 94 sa 118 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, meta ddikjarat li hija kellha tidentifika u tistabbilixxi l-aġir abbużiv li għalih wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali inkwistjoni lid-DEI.

31. Skont il-Kummissjoni, din il-miżura Statali tikkostitwixxi minnha nfisha ksur tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE. Għaldaqstant ikun biżżejjed li jiġi pprovat li hija effettivament ħolqot inugwaljanza ta’ opportunitajiet meta ffavorixxiet l-impriża pubblika (diġà) privileġġata u li b’dan il-mod affettwat l-istruttura tas-suq billi ppermettiet lil din tal-aħħar iżżomm, issaħħaħ jew testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha f’suq ieħor, ġar jew downstream, pereżempju billi tipprekludi d-dħul ta’ kompetituri ġodda f’dan is-suq.

32. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti inkwistjoni u li żnaturat il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li, bil-kontra ta’ dak li qieset il-Qorti Ġenerali, din id-deċiżjoni ma kinitx ibbażata fuq il-konstatazzjoni li kien jikkostitwixxi minnu nnifsu abbuż minn pożizzjoni dominanti, is-sempliċi fatt għad-DEI li tinsab, minħabba l-miżuri Statali inkwistjoni, f’sitwazzjoni vantaġġuża meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Bil-kontra, l-imsemmija deċiżjoni speċifikat il-ksur billi esponiet li l-miżuri Statali inkwistjoni kienu ħolqu inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-DEI u l-kompetituri tagħha u li, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet li hija kienet tat lid-DEI, din l-impriża setgħet testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq (upstream) tal-lignite għas-suq (downstream) bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja. Din l-estensjoni għas-suq downstream kellha bħala effett li tillimita l-kompetizzjoni fih billi teskludi d-dħul ta’ kompetituri ġodda f’dan is-suq, anki wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, minkejja talbiet f’dan is-sens, l-ebda dritt fuq l-ebda depożitu sinjifikattiv tal-lignite ma ngħata lill-kompetituri tad-DEI.

33. Peress li d-deċiżjoni kkontestata spjegat kif, minn naħa, iż-żamma fis-seħħ tal-miżuri Statali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, is-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati mogħtija lid-DEI, kif ukoll l-aġir ta’ din fis-suq downstream, wasslu għal riskju ta’ abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha f’dan is-suq billi eskludew jew ostakolaw id-dħul ta’ kompetituri ġodda, il-Kummissjoni ssodisfat il-kriterji kollha stabbiliti permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE.

34. Id-DEI u r-Repubblika Ellenika jqisu li dan l-aggravju huwa infondat. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati l-Artikolu 86(1) KE flimkien mal-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-aġir abbużiv li għalih wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali inkwistjoni lill-impriża kkonċernata. Il-fatt li l-miżura Statali inkwistjoni twassal għal sitwazzjoni ta’ inugwaljanza ta’ opportunitajiet jikkostitwixxi, huwa minnu, kundizzjoni meħtieġa, iżda mhux suffiċjenti għall-applikazzjoni tal-imsemmija artikoli. Essenzjalment il-Kummissjoni qed tipprova tittrasforma l-Artikolu 86(1) KE f’dispożizzjoni awtonoma u ta’ livell superjuri. Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali applikat korrettament l-imsemmija ġurisprudenza għall-fatti tal-kawża.

2. Eżami

35. Filwaqt li taqsam formalment dan l-aggravju fi tliet partijiet interkonnessi, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma titlobx li jiġi identifikat aġir abbużiv konkret, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, mill-impriża pubblika jew privileġġata f’pożizzjoni dominanti meta miżura Statali toħloq bejn din l-impriża u l-kompetituri tagħha inugwaljanza ta’ opportunitajiet li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

36. Nirrepeti qabel kollox it-testi rilevanti tas-sentenza appellata fuq din il-kwistjoni.

37. Fil-punt 86 tas-sentenza tagħha qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tosserva li “[q]abel kollox hemm lok li jiġi osservat li l-projbizzjonjiet previsti fl-Artikolu 86(1) KE huma intiżi għall-Istati Membri, filwaqt li l-Artikolu 82 KE huwa intiż, min-naħa tiegħu, għall-impriżi, u jimponi fuqhom il-projbizzjoni tal-użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti. Fil-każ tal-applikazzjoni konġunta ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-ksur tal-Artikolu 86(1) KE minn Stat Membru jista’ jiġi stabbilit biss jekk il-miżura Statali tmur kontra l-Artikolu 82 KE. Tqum għaldaqstant il-kwistjoni dwar sa fejn għandu jiġi identifikat abbuż, anki jekk huwa biss potenzjali, mill-pożizzjoni dominanti ta’ impriża, peress li dan l-abbuż għandu rabta mal-miżura Statali” (enfasi tiegħi).

38. Imbagħad, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tqis li “il-Kummissjoni la identifikat u lanqas stabbiliet suffiċjentement skont il-liġi għal liema abbuż, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali lid-[DEI]”.

39. Fl-aħħar nett, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni ma tippermettix “li tiġi injorata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 [ta’ din is-sentenza (11) ] u li wieħed jibbaża ruħu biss fuq il-kwistjoni dwar jekk l-inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, peress li l-kompetizzjoni hija b’hekk distorta, hijiex ir-riżultat ta’ miżura Statali”.

40. Fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali li teżiġi l-identifikazzjoni u l-prova ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE (punti 118, it-tieni sentenza, u 105 in fine tas-sentenza appellata) bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE ma tikkorrispondix għall-interpretazzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ser neżamina iktar ’il quddiem.

41. Huwa interessanti li jiġi osservat li l-kawżi rigward l-Artikolu 86 KE ma humiex numerużi u fil-biċċa l-kbira tagħhom inbdew b’domandi preliminari. Minbarra dan, sakemm m’inix żbaljat, din hija l-ewwel darba li l-Qorti Ġenerali ntalbet tiddikjara ruħha fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

42. It-teorija msejħa tal-“estensjoni tal-pożizzjoni dominanti” (jew it-teorija tal-“effetti” (12) ) — imsejħa b’dan il-mod għaliex miżura Statali li twassal għall-estensjoni ta’ din il-pożizzjoni minn suq għal ieħor għandha effetti simili għal dawk prodotti permezz ta’ abbuż minn din il-pożizzjoni dominanti — dehret fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bis-sentenza GB-Inno-BM, iċċitata iktar ’il fuq (13), li ġġib id-data tal-1991.

43. F’din il-kawża, ir-Régie des télégraphes et des téléphones (RTT) sostniet li “ksur tal-Artikolu [86(1) KE] jista’ jiġi kkonstatat biss jekk l-Istat Membru kien iffavorixxa abbuż effettivament imwettaq minnha, pereżempju, applikazzjoni diskriminatorja tar-regoli dwar l-għoti”. Hija enfasizzat madankollu li “s-sentenza tal-qorti nazzjonali ma [kienet] osservat l-ebda abbuż effettiv u li s-sempliċi possibbiltà ta’ applikazzjoni diskriminatorja ta’ dawn ir-regoli, minħabba li r-RTT ġiet maħtura bħala awtorità għall-għoti tal-approvazzjoni meta hija kompetitriċi tal-impriżi li jitolbu l-għoti, ma tistax minnha nfisha tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu [82 KE]” (enfażi tiegħi) (punt 23 ta’ din is-sentenza).

44. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx l-argument tar-RTT, billi qieset li “hija l-estensjoni tal-monopolju tal-istabbiliment u tal-operat tan-netwerk telefoniku għas-suq tal-apparat telefoniku, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, li hija pprojbita bħala tali permezz tal-Artikolu [82 KE] jew permezz tal-Artikolu [86(1) KE], f’rabta mal-Artikolu [82 KE], meta din l-estensjoni hija r-riżultat ta’ miżura Statali” (enfasi tiegħi) (punt 24 tal-imsemmija sentenza).

45. Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza li “l-Artikolu [86(1) KE] jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jqiegħdu, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi f’sitwazzjoni li dawn l-impriżi ma jistgħux iqiegħdu lilhom infushom fiha b’aġir awtonomu mingħajr ma jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82] KE”.

46. U l-Qorti tal-Ġustizzja tkompli, fil-punt 25, ta’ din l-istess sentenza li, “sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta bħal dik prevista permezz tat-Trattat [KE] tista’ tiġi ggarantita biss jekk l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi hija żgurata”. Infakkar li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kkritikat preċiżament lir-Repubblika Ellenika li ħolqot inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi u għaldaqstant ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni, u b’hekk saħħet il-pożizzjoni dominanti tad-DEI (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

47. Fis-sentenza Spanja et vs Il-Kummissjoni (imsejħa “Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet” (14) ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-istess konklużjoni għandha tapplika meta l-monopolju tal-istabbiliment u tal-operat tan-netwerk jestendi għas-suq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet.

48. Fis-sentenza Raso et , iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “qafas ġuridiku bħal dak li jirriżulta mill-[miżura Statali] għandu jitqies, minnu nnifsu , kontra l-Artikolu [86(1) KE], moqri flimkien l-Artikolu [82 KE]. F’dan ir-rigward, ma tantx huwa rilevanti li l-qorti tar-rinviju ma osservatx abbuż effettiv tal-kumpannija tal-portijiet preċedenti ttrasformata (15) ” (enfasi tiegħi).

49. Kif jirriżulta minn din is-sentenza (punt 27), minkejja li s-sempliċi fatt li tinħoloq pożizzjoni dominanti bl-għoti ta’ drittijiet esklużivi, fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE, ma huwiex, inkwantu tali, inkompatibbli mal-Artikolu 82 KE, Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti b’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet meta l-impriża inkwistjoni titwassal, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi mogħtija lilha, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikollhom mnejn joħoloqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tkun imwassla twettaq tali abbużi.

50. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid, fil-punt 28 ta’ din l-istess sentenza li “għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-miżura stabbilita bil-liġi tal-1994 mhux biss tagħti lill-kumpannija preċedenti tal-portijiet ittrasformata d-dritt esklużiv li tipprovdi l-ħaddiema temporarji lill-konċessjonarji ta’ terminals u lill-impriżi l-oħra awtorizzati sabiex joperaw fil-port, iżda, minbarra dan, tippermettilha, kif jirriżulta mill-punt 17 [ta’ din is-]sentenza, li toffrilhom kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi fil-portijiet, din il-kumpannija preċedenti tal-portijiet ittrasformata tinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi (16) ” (enfasi tiegħi).

51. Fil-fatt, bis-sempliċi eżerċizzju tal-monopolju tagħha, il-kumpannija tal-portijiet inkwistjoni fil-Kawża Raso et , iċċitata iktar ’il fuq, kienet tinsab f’sitwazzjoni fejn setgħet toħloq distorsjoni fl-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq tas-servizzi fil-portijiet u kienet imwassla tabbuża mill-monopolju tagħha billi timponi fuq il-kompetituri tagħha fis-suq tal-operazzjonijiet tal-portijiet prezzijiet eċċessivi għall-provvista ta’ ħaddiema jew billi tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom ħaddiema inqas adattati għall-kompiti li kellhom jitwettqu (punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza). Ma hemmx traċċa f’din is-sentenza ta’ rekwiżit ta’ konstatazzjoni ta’ aġir abbużiv konkret fis-sens tal-Artikolu 82 KE, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika konsegwenzi abbużivi probabbli li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali (ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

52. Lanqas fis-sentenza TNT Traco (17), ma ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja aġir abbużiv konkret, reali jew potenzjali, fis-sens biss tal-Artikolu 82 CE minn Poste Italiane.

53. Nista’ biss naqbel mal-Avukat Ġenerali Alber li speċifika, fil-punt 65, tal-konklużjonijiet tiegħu, f’din il-kawża li “[f]il-każ ta’ qari flimkien tal-Artikoli [82 KE] u [86 KE], ma jibqax meħtieġ li l-kriterji kollha ta’ fatt stabbiliti fl-Artikolu [82 KE] jkunu jinsabu fil-persuna tal-impriża f’pożizzjoni dominanti. Tikkostitwixxi wkoll abbuż miżura tal-awtoritajiet pubbliċi, u b’mod partikolari l-għoti ta’ drittijiet esklużivi, li twassal għal sitwazzjoni li, minħabba l-istruttura tagħha, tkun abbużiva”.

54. Fis-sentenza MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq, dejjem rigward l-Artikoli 82 KE u 86(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punti 49 sa 51, li “Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet meta l-impriża inkwistjoni tkun imwassla, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija lilha, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikollhom mnejn joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi mwassla twettaq tali abbużi [(18) ]. F’dan ir-rigward, ma huw iex meħtieġ li abbuż fil-fatt iseħħ [(19) ]. F’kull każ, ikun hemm ksur tal-Artikoli 82 KE u 86(1) KE meta miżura attribwibbli lil Stat Membru, u b’mod partikolari dik li permezz tagħha dan jagħti drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, toħloq riskju ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti [(20) ]. Fil-fatt, sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, kif prevista permezz tat-Trattat [(21) ], tista’ tiġi ggarantita biss jekk l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi tkun żgurata [(22) ]. L-għoti lil persuni ġuridika bħalma hija l-ELPA [(23) ], li, hija nfisha, torganizza u topera kummerċjalment kompetizzjonijiet ta’ muturi, il-kompitu li jingħata lill-amministrazzjoni kompetenti kunsens fuq it-talbiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet, jammonta de facto għall-għoti tas-setgħa li taħtar il-persuni awtorizzati jorganizzaw l-imsemmija kompetizzjonijiet kif ukoll li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom jiġu organizzati dawn tal-aħħar, u għall-għoti, b’dan il-mod, lil din l-entità, ta’ vantaġġ evidenti fuq il-kompetituri tagħha [(24) ]. Tali dritt jista’ għaldaqstant iwassal lill-impriża li jkollha dan id-dritt sabiex tipprekludi l-aċċess tal-operaturi l-oħra għas-suq ikkonċernat . Din is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza ta’ kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni hija, minbarra dan, enfasizzata bil-fatt, ikkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, meta l-ELPA torganizza jew tipparteċipa fl-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijet ta’ muturi, hija ma hija marbuta tiġbor l-ebda kunsens sabiex l-amministrazzjoni kompetenti tagħtiha l-awtorizzazzjoni mitluba” (enfasi tiegħi).

55. Naħseb li minn dak li ntqal hawn fuq diġà jista’ jiġi konkluż li huwa “indipendentement minn kwalunkwe abbuż effettiv” li jeżisti ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE meta miżura Statali toħloq riskju ta’ abbuż.

56. Fl-aħħar nett, fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 84 li, “[j]ekk l-inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, u għaldaqstant il-kompetizzjoni distorta, hija r-riżultat ta’ miżura Statali, tali miżura tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE”. Minbarra dan (punt 87), “leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-għoti, mingħajr ma timponi miżata separata, ta’ frekwenzi supplementari fil-medda ta’ frekwenzi riżervata għall-istandard DCS 1800 lil impriża pubblika f’pożizzjoni dominanti, filwaqt li l-persuna ġdida li daħlet fis-suq inkwistjoni jkollha tħallas miżata għal-liċenzja tagħha DCS 1800, tista’ twassal lill-impriża pubblika f’pożizzjoni dominanti sabiex tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 KE, billi testendi jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha , skont id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, b’kompetizzjoni distorta. Peress li, f’dan il-każ, il-kompetizzjoni distorta tkun ir-riżultat ta’ miżura Statali li toħloq sitwazzjoni fejn l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi kkonċernati ma hijiex żgurata , din tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien l-Artikolu 82 KE” (enfasi tiegħi).

57. Barra minn hekk nosserva li, jekk, fil-punt 94 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkwota diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja riprodotti hawn fuq, hija tagħmel dan, b’mod stramb, mingħajr ma tirriproduċi l-preċiżjoni li tinsab fihom skont liema “ma huwiex meħtieġ li fil-fatt iseħħ abbuż” jew “li ma huwiex rilevanti li l-qorti tar-rinviju ma tkunx osservat abbuż effettiv” (25) .

58. Għaldaqstant hemm differenza sostanzjali bejn, minn naħa, l-obbligu li jiġi identifikat u pprovat aġir abbużiv konkret fis-sens biss tal-Artikolu 82 KE u min-naħa l-oħra, l-obbligu sabiex issir l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 82 KE u 86(1) KE li tiġi identifikata konsegwenza antikompetittiva potenzjali jew reali, li tista’ tirriżulta minn miżura Statali li tagħti drittijiet privileġġati.

59. Din id-distinzjoni iżżomm, minbarra dan “l-effettività (26) ” ta’ applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE. Fil-fatt, minkejja li kien mitlub li jiġi stabbilit aġir abbużiv konkret fis-sens biss tal-Artikolu CE fil-każ tal-estensjoni ta’ pożizzjoni dominanti li saret possibbli permezz ta’ miżura Statali, ma tantx huwa magħruf liema kamp ta’ applikazzjoni jibqa’ jeżisti għall-Artikoli 82 KE u 86(1) KE, meħuda flimkien.

60. Minn dak li ntqal jista’ jiġi dedott, fil-fehma tiegħi, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura Statali tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 82 KE jekk l-impriża li tkun ingħatat drittijiet speċjali jew esklużivi mill-miżura Statali, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati li hija għandha, tkun imwassla jew ma tkunx tista’ tevita li tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha (27) .

61. Fi kliem ieħor, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE kull darba li l-miżura Statali li tagħti drittijiet privileġġati (lil impriża pubblika jew lil impriża li għandha diġà drittijiet speċjali jew esklużivi) toħloq inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi u tippermetti lill-impriża f’pożizzjoni dominanti toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bis-sempliċi eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet , pereżempju billi żżomm jew testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha għal suq downstream, u b’dan il-mod tirrestrinġi d-dħul ta’ kompetituri potenzjali, mingħajr ma jkun meħtieġ tipprova aġir abbużiv konkret fis-sens tal-Artikolu 82 KE (28) .

62. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, meta, f’ċerti kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi jew tidentifika konsegwenzi abbużivi probabbli, huwa biss bl-għan li tidentifika effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali, sa fejn dan ma ġietx ikkunsidrata li tmur kontra d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE (29) .

63. Bil-kontra, fin-nuqqas ta’ miżura Statali li tagħti drittijiet privileġġati, l-Artikolu 82 KE jista’ japplika biss jekk aġir abbużiv, imwettaq deliberatament u awtonomu, tal-impriża dominanti jkun ippermettielha testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha għal suq ieħor għajr dak tagħha (30) .

64. Peress li l-Qorti Ġenerali wettqet għaldaqstant żball ta’ liġi billi qieset f’din il-kawża li kien meħtieġ li jiġi stabbilit aġir abbużiv konkret fis-sens tal-Artikolu 82 KE, u li ma kienx biżżejjed li jiġu identifikati effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali, sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, jidhirli li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa fondat.

65. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata.

66. Nipproponi wkoll li hija tqis li, fuq dan il-punt, il-kawża hija pendenti, għaliex il-proċess ippreżentat quddiemha jinkludi l-elementi kollha li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni identifikatx effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali inkwistjoni, kundizzjoni sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE.

67. Mingħajr ma jingħad f’dan l-istadju li l-Kummissjoni, fil-fatt, stabbilixxiet l-eżistenza ta’ aġir abbużiv konkret tad-DEI, inqis li hija identifikat effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali inkwistjoni.

68. L-effetti inkwistjoni huma dawk ta’ esklużjoni tal-kompetituri potenzjali kkawżati bl-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tad-DEI mis-suq primarju tal-provvista ta’ lignite għas-suq sekondarju bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja. Dawn l-effetti kienu jeżistu qabel u komplew anki wara l-miżuri adottati għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku fil-Greċja, kif ukoll wara Mejju tal-2005 (31), id-data tal-ħolqien tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku (32) . Fuq il-livelli kollha tas-swieq ikkonċernati, jiġifieri dak tal-provvista tal-lignite u tal-produzzjoni tal-elettriku, kif ukoll is-suq (bl-ingrossa) tal-elettriku fil-Greċja, dawn l-effetti baqgħu l-istess wara l-liberalizzazzjoni tas-suq.

69. Fil-fatt, id-DEI baqgħet f’pożizzjoni li żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq downstream inkwistjoni, l-ewwel nett, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati tagħha fuq il-lignite (kemm qabel kif ukoll wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-suq), it-tieni nett, minħabba l-effetti tal-aġir proprju tagħha fuq is-suq downstream (33) u, it-tielet nett, bir-rifjut tar-Repubblika Ellenika li tagħti awtorizzazzjoni ġdida ta’ esplorazzjoni u ta’ operat tal-lignite, meta kompetituri (potenzjali) tad-DEI kienu wrew interess f’dan is-sens (u pprovaw jidħlu kemm fis-suq upstream kif ukoll f’dak downstream (34) ) u meta l-Greċja kien għad fadlilha madwar 2 000 miljun tunnellata lignite mhux operati (35) .

70. F’dan il-kuntest, nixtieq inżid li kemm ir-Repubblika Ellenika kif ukoll id-DEI setgħu jevitaw jew jimmoderaw l-effetti ta’ esklużjoni tad-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-suq sekondarju kieku — jew bil-miżura Statali, jew inkella bl-aġir tad-DEI (36) — kienu qiegħdu serje varjata ta’ sorsi ta’ enerġija (inklużi kwantitajiet sinjifikattivi ta’ lignite) għad-dispożizzjoni tal-kompetituri ġodda li dehru fis-suq downstream.

71. Dawn l-effetti ta’ esklużjoni ġew imsaħħa iktar bil-politika tad-DEI fil-qasam ta’ injezzjoni u ta’ tarifikazzjoni tal-elettriku fis-suq ta’ kuljum obbligatorju.

72. Naqbel mal-Kummissjoni li, fuq il-livell tal-liġi, dawn l-effetti antikompetittivi fuq l-istruttura tas-suq ma tantx huma differenti minn dawk li mmanifestaw ruħhom fil-Kawżi GB-Inno-BM, Connect Austria, “Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet” u MOTOE, iċċitati iktar ’il fuq.

73. Fil-fatt, id-DEI, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati tagħha fis-suq upstream tal-lignite fejn kellha pożizzjoni dominanti, estendiet il-pożizzjoni tagħha (u dan mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva (37) ) għas-suq downstream bl-ingrossa tal-elettriku u, b’dan il-mod, eskludiet id-dħul ġdid ta’ kompetituri potenzjali f’dan is-suq jew ostakolatu . Id-drittijiet privileġġati mogħtija lid-DEI, impriża pubblika, kienu diġà affettwaw l-istruttura tas-suq billi ħolqu inugwaljanza ta’ opportunitajiet u billi ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq upstream u d-DEI sfruttat din is-sitwazzjoni billi użat il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq upstream bħala lieva (“leverage”) sabiex testendi jew iżżomm il-pożizzjoni tagħha f’suq ieħor marbut fil-qrib ma’ tal-ewwel, li jinsab vertikalment downstream, dak tal-produzzjoni tal-elettriku, u b’hekk eskludiet id-dħul ta’ kompetituri ġodda f’dan is-suq downstream u llimitat b’dan il-mod il-kompetizzjoni .

74. Parti intervenjenti fil-proċess, Mytilinaios AE ppreżentat ruħha fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u qalet li hija fil-Greċja, permezz tas-sussidjarja tagħha Protergia AE, l-ikbar produttur privat tal-elettriku, l-ikbar importatur privat tal-gass u, permezz tas-sussidjarja tagħha Alouminion, l-ikbar konsumatur ta’ load bażika li tirrappreżenta 6 % mill-konsum tal-elettriku fil-Greċja, jiġifieri, fl-istess waqt, l-ikbar kompetitur u l-ikbar klijent tad-DEI . Dawn l-impriżi enfasizzaw li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi l-bażi tal-evoluzzjoni u tal-funzjonament normali tas-suq Grieg tal-enerġija elettrika li, iktar minn għaxar snin wara l-liberalizzazzjoni tiegħu, kien għadu taħt il-kontroll tad-DEI għaliex tul il-perijodu inkwistjoni u sal-lum, il-parti tas-suq tal-estrazzjoni tal-lignite tad-DEI kienet ta’ 97 %, tal-produzzjoni tal-elettriku abbażi ta’ lignite ta’ 100 %, u tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku ta’ 100 % (38) .

75. Skont i l-partijiet intervenjenti, fin-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva, id-DEI toffri lill-klijenti industrijali l-ogħla elettriku tal-Unjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ kompetittività tal-industrija Griega. Minbarra dan, jeżistu mill-inqas 17-il deċiżjoni tar-RAE, mogħtija tul is-sena 2012 (39), fuq ilmenti ta’ kompetituri tad-DEI, li juru, skont il-partijiet intervenjenti, li dak kollu li kien previst mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fis-sens ta’ abbuż potenzjali seħħ. Dejjem skont il-partijiet intervenjenti, huwa biss jekk il-kompetituri tad-DEI jkollhom aċċess għall-produzzjoni tal-lignite u għall-produzzjoni tal-elettriku mil-lignite li huma jistgħu jkunu kompetituri veri, li jkun jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn prezzijiet kompetittivi (40) .

76. Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni għaldaqstant uriet suffiċjentement li l-miżura Statali inkwistjoni setgħet toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni għaliex, billi tat lid-DEI drittijiet privileġġati fuq id-depożiti tal-lignite u billi żammet dawn id-drittijiet wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Greċja, hija kienet qiegħdet lil din l-impriża pubblika f’sitwazzjoni fejn mhux biss hija kienet tikkontrolla s-suq tal-provvista tal-lignite, iżda setgħet tuża dan il-kontroll sabiex teskludi lill-kompetituri tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku mill-aċċess għal-lignite li huwa, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, meħtieġ sabiex wieħed ikun jista’ jidħol u jkun kompetittiv fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Billi eżerċitat id-drittijiet privileġġati tagħha u billi għażlet li tirriżerva għall-produzzjoni proprja tagħha tal-elettriku l-lignite estratt permezz tal-imsemmija drittijiet, id-DEI setgħet tipproteġi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, anki wara l-liberalizzazzjoni tiegħu.

77. B’mod iktar ġenerali, f’kawżi bħal din, il-Kummissjoni, għal applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, ma hijiex marbuta ġġib il-prova ta’ aġir abbużiv konkret fis-sens biss tal-Artikolu 82 KE mill-impriża dominanti, bħala riżultat tal-miżura Statali. Madankollu, hija għandha tidentifika effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-miżura Statali inkwistjoni.

78. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni lment imqajjem mid-DEI fil-kuntest tat-tieni u tar-raba’ parti tal-ewwel motiv quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE u li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-motivi l-oħra invokati mid-DEI.

B – Fuq it-tieni aggravju (sussidjarjament)

79. Ser neżamina dan l-aggravju biss fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, billi tiċħad l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, li l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE titlob l-identifikazzjoni u l-prova ta’ aġir abbużiv konkret mill-impriża dominanti fis-sens biss tal-Artikolu 82 KE.

1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

80. Bit-tieni aggravju tagħha, li formalment huwa wkoll magħmul minn diversi partijiet interkonnessi, il-Kummissjoni ssostni li l-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq motivazzjoni li hija impreċiża, difettuża u insuffiċjenti, fuq klassifikazzjoni żbaljata u fuq żnaturament tal-provi kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata tal-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

81. Essenzjalment hija ssostni li, anki jekk — bil-kontra ta’ dak li hija sostniet bl-ewwel aggravju tagħha — l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE kienet titlob il-prova tal-eżistenza ta’ aġir abbużiv konkret mill-impriża f’pożizzjoni dominanti, id-deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet l-eżistenza ta’ tali aġir f’dan il-każ.

82. Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 79 sa 93 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq motivazzjoni inkorretta, klassifikazzjoni żbaljata tal-provi u żnaturament tal-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għaliex il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina, minkejja dak li jingħad fil-punti 87 sa 91, l-importanza kruċjali ta’ ċerti fatturi, jiġifieri, minn naħa, li r-Repubblika Ellenika, mhux biss adottat il-miżuri kontenzjużi qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-pajjiż, iżda żammithom anki wara din il-liberalizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-effetti antikompetittivi komplew iseħħu anki wara x-xahar ta’ Mejju 2005 fis-suq sekondarju bl-ingrossa tal-elettriku.

83. Id-DEI u r-Repubblika Ellenika jsostnu, b’mod prinċipali, li t-tieni aggravju huwa inammissibbli fl-intier tiegħu għaliex huwa biss fl-istadju tal-appell li l-Kummissjoni tipprova għall-ewwel darba tistabbilixxi aġir abbużiv tad-DEI. Il-Kummissjoni toħloq distorsjoni, minbarra dan, fil-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u fl-evalwazzjoni tagħha tal-provi.

84. Sussidjarjament, id-DEI u r-Repubblika Ellenika jsostnu li t-tieni aggravju huwa infondat fil-liġi u fil-fatt. B’mod partikolari, il-kapaċità għad-DEI li tippreżenta offerti inqas għoljin fis-sistema tas-suq ta’ kuljum obbligatorju minħabba l-infiq varjabbli inqas tal-lignite ma tikkostitwixxix aġir abbużiv fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Il-Kummissjoni tonqos milli ssemmi li l-kompetituri tad-DEI jipproduċu elettriku b’mod li joħloq profitt permezz ta’ impjanti tal-gass naturali u li l-imsemmi suq qed jiżviluppa fid-direzzjoni ta’ tnaqqis fil-parti tal-lignite u żieda fil-parti tal-gass naturali fil-produzzjoni globali tal-elettriku. Il-kapaċità tad-DEI li toħloq profitti bħala riżultat tal-aċċess tagħha għal-lignite ma tistax titqies li hija aġir abbużiv, u lanqas ostakolu għad-dħul effettiv fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku meta l-kompetituri tagħha ukoll joħolqu profitti f’dak is-suq u jkomplu jżidu l-parti tagħhom fih. Minbarra dan, l-infiq varjabbli inqas tal-lignite huwa kkumpensat bl-infiq ogħla tal-investiment tagħha.

2. Analiżi

a) Fuq l-ammissibbiltà

85. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu d-DEI u r-Repubblika Ellenika, huwa ċar li dan l-aggravju ma jistax jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala inammissibbli. Ir-raġuni għal dan hija sempliċi: il-Kummissjoni tikkritika l-motivazzjoni tas-sentenza appellata u tallega li fatti reali ġew żnaturati u ngħataw klassifikazzjoni legali żbaljata mill-Qorti Ġenerali.

b) Fuq il-mertu

86. Fir-rigward qabel kollox tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tas-sentenza appellata, nista’ naqbel mal-Kummissjoni li dawn ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li ma tantx huwa rilevanti li d-DEI kienet preżenti fis-suq ta’ produzzjoni u ta’ provvista tal-elettriku qabel il-liberalizzazzjoni tiegħu u li hija għandha tosserva r-regoli tal-funzjonament tas-suq ta’ kuljum obbligatorju.

87. Fil-fatt, minn naħa, l- effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-miżuri Statali inkwistjoni, kif ukoll mill-aġir tad-DEI, qabel il-liberalizzazzjoni, komplew iseħħu anki wara x-xahar ta’ Mejju 2005 fis-suq sekondarju bl-ingrossa tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni rilevanti ma hijiex dik jekk id-DEI tikkonformax ma’ dawn ir-regoli, iżda dik dwar sa fejn, filwaqt li tosservahom, hija għandha l-kapaċità li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha u l-vantaġġ kompetittiv tagħha fis-suq upstream bħala lieva biex tadotta aġir abbużiv fis-suq downstream, b’mod partikolari permezz tal-offerti li hija tqiegħed fis-suq ta’ kuljum obbligatorju.

88. B’mod iktar fundamentali, is-sentenza appellata hija bbażata fuq il-premessa li huma biss il-miżuri Statali inkwistjoni li seta’ jkollhom effetti antikompetittivi (riperkussjonijiet u konsegwenzi fuq il-kompetituri) eżistenti jew potenzjali u li l-ebda aġir abbużiv tad-DEI li seta’ jikkontribwixxi għal dan ma ġie identifikat.

89. Kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll is-sentenza appellata u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzaw diversi aspetti tal-aġir tad-DEI kemm fis-suq upstream kif ukoll fis-suq downstream, li kienu jmorru lil hinn mis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilha mill-Istat. Il-fatt li d-dħul ta’ kompetituri potenzjali fis-suq downstream tal-elettriku ġie eskluż jew ostakolat ma jirriżultax għaldaqstant biss mill-miżura Statali (bħal fil-Kawża Dusseldorp et , iċċitata iktar ’il fuq), iżda jirriżulta wkoll (mill-inqas parzjalment) mill-aġir tad-DEI.

90. B’dan il-mod, fis-suq upstream, id-DEI għażlet li tirriżerva l-lignite għall-produzzjoni proprja tagħha tal-elettriku u setgħet, b’dan il-mod, tipproteġi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku (is-suq downstream) anki wara l-liberalizzazzjoni ta’ dan is-suq. Fil-fatt, id-dħul fis-suq downstream tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku jiddependi fost l-oħrajn mill-aċċess, fis-suq upstream, għal kwantitajiet sinjifikattivi ta’ lignite sabiex persuna ġdida fis-suq tkun tista’ toffri kompetizzjoni lid-DEI f’kundizzjonijiet ugwali. Il-kompetituri potenzjali ltaqgħu ma’ ostakoli fuq żewġ livelli: minn naħa, ir-rifjut tar-Repubblika Ellenika li tagħti drittijiet ġodda ta’ operat fuq id-depożiti l-oħra tal-lignite u, min-naħa l-oħra, il-kontroll eżerċitat mid-DEI fuq il-provvista tal-lignite disponibbli fis-suq Grieg. Billi ddeċidiet li tirriżerva l-provvista ta’ lignite għall-produzzjoni proprja tagħha tal-elettriku, minflok ma biegħet mill-inqas parti minnu fl-imsemmi suq, id-DEI effettivament eskludiet lill-kompetituri potenzjali mill-aċċess għal-lignite u għaldaqstant għall-irħas sors ta’ enerġija fil-Greċja, meħtieġ għall-produzzjoni tal-elettriku b’mod li jagħmel profitt u, għaldaqstant, għad-dħul fis-suq downstream tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku.

91. Fis-suq downstream, fil-kuntest tas-suq ta’ kuljum obbligatorju bl-ingrossa tal-elettriku, id-DEI kienet qed tqiegħed fin-netwerk interkonness (mekkaniżmu bl-ingrossa jew pool) bi prezzijiet li hija kienet tistabbilixxi l-ikbar kwantitajiet ta’ elettriku bl-irħas prezzijiet, u dan kien jippermettilha mhux biss tkopri l-ispejjeż fissi u l-ispejjeż varjabbli tagħha, iżda wkoll li tagħmel profitti kbar (41) u, għaldaqstant, li teskludi jew tostakola d-dħul ta’ kull kompetitur ġdid fis-suq downstream inkwistjoni (42) .

92. Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li tindika l-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza tagħha, id-DEI ma kinitx il-parteċipanta passiva deskritta mis-sentenza appellata, għaliex hija setgħet tiddefinixxi l-linja tal-kondotta tagħha, kemm f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati tagħha fuq il-lignite kif ukoll f’dak li jirrigwarda t-tqegħid u t-tarifikazzjoni tal-elettriku fis-suq ta’ kuljum obbligatorju.

93. Minbarra dan, kif tindika l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali naqset kompletament milli tieħu inkunsiderazzjoni r-rabta inseparabbli u r-“riskju” inevitabbli ta’ “abbuż” li jirriżultaw mill-miżuri Statali inkwistjoni, sempliċement minħabba li d-DEI teżerċita d-drittijiet privileġġati tagħha fis-suq downstream filwaqt li d-DEI setgħet tipprevedi r-rabta kawżali bejn l-aġir tagħha, kemm fis-suq upstream kif ukoll fis-suq downstream, u l-effetti inevitabbilment negattivi fuq il-kompetituri eżistenti u l-kompetituri potenzjali tagħha f’dan is-suq imsemmi l-aħħar.

94. Minbarra l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-provi kollha msemmija fid-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, u lanqas il-provi ppreżentati mill-partijiet tul il-proċedura quddiemha (il-Kummissjoni ppreżentat ħafna fajls, statistiċi u rapporti fuq l-aġir tad-DEI wara l-1995), b’mod partikolari l-provi speċifiċi ppreżentati fuq talba tagħha u msemmija fil-punti 49 u 87 sa 91 tas-sentenza appellata, ma narax fis-sentenza appellata motivazzjoni (43) li tippermetti l-kunsiderazzjoni li l-aġir osservat hawn fuq ma kienx abbużiv u dan iktar u iktar għaliex fil-fehma tiegħi hija impriża f’pożizzjoni dominanti, indipendentement mill-kawżi ta’ tali pożizzjoni , li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni (44) .

95. Fil-fatt, inqis li, anki jekk il-kunċett ta’ responsabbiltà partikolari ġie żviluppat u applikat għall-impriżi li huma f’pożizzjoni dominanti abbażi tal-Artikolu 82 KE, dan il-kunċett jista’ wkoll, fil-kuntest ta’ applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 82 KE u 86(1) KE, ikollu rwol għall-impriżi pubbliċi jew privileġġati li għandhom drittijiet speċjali jew esklużivi bis-saħħa ta’ miżuri Statali.

96. F’dan il-kuntest u, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-obbligu tal-Istati Membri, naqbel mal-Avukat Ġenerali da Cruz Vilaça (45) li: “l-Artikolu [86 KE] jirrigwarda biss l-impriżi li għall-aġir tagħhom l-Istati għandhom jassumu responsabbiltà partikolari minħabba l-influwenza li huma jistgħu jeżerċitaw fuq dan l-aġir. Essenzjalment, huma meħtieġ li jiġi żgurat li l-intervent tal-Istat (fis-sens ta’ ‘awtoritajiet pubbliċi’, kif il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din l-espressjoni) fir-rigward ta’ dawn l-impriżi ma jkollux bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew l-introduzzjoni ta’ distorsjonijiet fir-relazzjonijiet ta’ dawn l-impriżi mal-impriżi privati”.

97. Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, fil-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq motivazzjoni inkorretta jew insuffiċjenti. U dan, għaliex, minkejja li l-Qorti Ġenerali affermat il-kontra, il-Kummissjoni fil-fatt ikkritikat lid-DEI u fil-fehma tiegħi saħansitra pprovat fid-deċiżjoni kkontestata li d-DEI kienet estendiet, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, il-pożizzjoni dominanti tagħha tas-suq tal-provvista tal-lignite għas-suq downstream bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja.

98. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni aggravju tal-Kummissjoni, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali minħabba motivazzjoni inkorretta jew insuffiċjenti u tibgħat lura l-kawża quddiemha sabiex teżamina l-motivi l-oħra.

IV – Konklużjoni

99. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod li ġej:

1) B’mod prinċipali:

– tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2012, fil-Kawża DEI vs Il-Kummissjoni (T‑169/08);

– tiċħad it-tieni lment imqajjem mid-Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) fil-kuntest tat-tieni u r-raba’ parti tal-ewwel motiv quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE;

– tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

– u tirriżerva l-ispejjeż.

2) Sussidjarjament:

– tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża DEI vs Il-Kummissjoni (T‑169/08);

– tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

– tirriżerva l-ispejjeż.

(1) .

(2)  – Sentenza DEI vs Il-Kummissjoni (T‑169/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

(3)  – Deċiżjoni C (2008) 824 finali tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

(4)  – Din hija l-kumpannija pubblika tal-elettriku, li t-titolu bl-Ingliż tagħha huwa The Public Power Corporation, xi drabi msejħa wkoll PPC.

(5)  – Ser nuża l-enumerazzjoni l-qadima f’dawn il-konklużjonijiet għaliex id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata taħt it-Trattat KE.

(6)  – Għal deskrizzjoni tal-funzjonament tas-suq ta’ kuljum obbligatorju, ara l-punti 12 sa 14 tas-sentenza appellata.

(7)  – Skont id-Digriet leġiżlattiv Grieg Nru 4029/1959, tat-12 u tat-13 ta’ Novembru 1959 (FEK A’250), u tal-Liġi Griega Nru 134/1975, tat-23 u tad-29 ta’ Awwissu 1975 (FEK A’180).

(8)  – Sentenzi tat-12 ta’ Frar 1998, Raso et (C‑163/96, Ġabra p. I‑533), tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, Ġabra p. I‑1979); tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova (C‑179/90, Ġabra p. I‑5889); tal-11 ta’ Diċembru 1997, Job Centre (C‑55/96, Ġabra p. I‑7119); tat-12 ta’ Frar 1998, Raso et (C‑163/96, Ġabra p. I‑533); u tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, Ġabra p. I‑4863).

(9)  – Rispettivament, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1991 (C‑202/88, Ġabra p. I‑1223); tat-13 ta’ Diċembru 1991 (C‑18/88, Ġabra p. I‑5941); u tat-22 ta’ Mejju 2003 (C‑462/99, Ġabra p. I‑5197).

(10)  – Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998 (C‑203/96, Ġabra p. I‑4075).

(11)  – Jiġifieri, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Raso et (punt 27); Höfner u Elser (punt 29); Merci convenzionali porto di Genova (punt 17); Job Centre (punt 31); u MOTOE (punti 50 u 51).

(12)  – Ara l-premessi 180 sa 183 u 191 sa 199 tad-deċiżjoni kkontestata (għall-argumenti dwar il-kuntest ta’ eżami ta’ din it-teorija). Ara, ukoll, il-premessi tagħha 200 sa 237 (fejn il-Kummissjoni eżaminat u finalment ċaħdet l-argumenti addizzjonali dwar, fost l-oħrajn, il-kompetittività tal-lignite).

(13)  – Din it-teorija diġà kienet intużat mill-Kummissjoni f’żewġ deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 86 KE f’dak li jirrigwarda s-sistema tal-attività ta’ kunsinna aċċellerata fi Spanja [Deċiżjoni 90/456/KEE tal-1 ta’ Awwissu 1990, dwar il-provvista fi Spanja ta’ servizzi ta’ posta rapida internazzjonali (ĠU L 233, p. 19)], u fil-Pajjiżi l-Baxxi [Deċiżjoni 90/16/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1989, dwar il-provvista fil-Pajjiżi l-Baxxi tas-servizz tal-posta rapida (ĠU 1990 L 10, p. 47)].

(14)  – Sentenza tas-17 ta’ Novembru 1992 (C‑271/90, C‑281/90 u C‑289/90, Ġabra p. I‑5833, punt 36).

(15)  – Ara l-punt 31 tas-sentenza. Ara, wkoll, is-sentenza GB-Inno-BM, iċċitata iktar ’il fuq (punti 23 sa 25).

(16)  – Jista’ jsir paragun mad-DEI li, permezz tad-drittijiet kważi monopolistiċi ta’ operat tal-lignite mogħtija lilha mir-Repubblika Ellenika, kellha l-mezzi, billi tirriżerva dan il-lignite għall-produzzjoni tagħha tal-elettriku, li teskludi kull dħul ġdid fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

(17)  – Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001 (C‑340/99, Ġabra p. I‑4109).

(18)  – Ara, hawnhekk, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Höfner u Elser, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29); tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 37); tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, iċċitata iktar ’il fuq (punti 16 u 17); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle (C‑323/93, Ġabra p. I‑5077, punt 18); Raso et , iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 u 28); tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany (C‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punt 93); tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I‑6451, punt 127); tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, Ġabra p. Ι‑8089, punt 39); u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 60). Ara, ukoll, f’sens analogu, is-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq (punt 80).

(19)  – Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-punt 36 tas-sentenza tagħha Job Centre, iċċitata iktar ’il fuq, huwa fl-istess sens. Fil-fatt, dan jispeċifika li “ma huwiex meħtieġ li l-aġir abbużiv inkwistjoni jkun effettivament affetwa dan il-kummerċ. Huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li dan l-aġir huwa ta’ natura tali li joħloq tali effett”.

(20)  – Ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata hawnhekk mill-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, ERT (punt 37); Merci convenzionali porto di Genova (punt 17), u Centro Europa 7 (punt 60).

(21)  – Minbarra li huwa msemmi speċifikament fl-Artikolu 3(1)(g), KE, ir-rekwiżit tal-kompetizzjoni mhux distorta huwa wkoll il-bażi tar-regoli ta’ kompetizzjoni msemmija fl-Artikoli 81 KE sa 89 KE.

(22)  – Ara, hawnhekk, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 51 tas-sentenza MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq u s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Terminals ta’ telekomunikazzjoni (punt 51); GB-Inno-BM (punt 25), u fl-istess sens, ERT, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37); kif ukoll Raso et , iċċitata iktar ’il fuq (punti 29 sa 31).

(23)  – L-Elliniki Leschi Aftokinitou kai Perigiseon (Klabb Elleniku tal-karozzi u tat-turiżmu, iktar ’il quddiem l-“ELPA”).

(24)  – Ara, b’mod analogu, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, “Terminal ta’ telekomunikazzjoni” (punt 51), u GB‑Inno‑BM (punt 25), iċċitati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(25)  – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Raso et (punt 31), MOTOE (punt 49), kif ukoll is-sentenzi ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 18 sa 20 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(26)  – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi kawżi li, minkejja li s-sempliċi fatt, għal Stat Membru, li joħloq pożizzjoni dominanti bl-għoti ta’ drittijiet esklużivi ma huwiex bħala tali inkompatibbli mal-Artikolu 86 KE, jibqa’ l-fatt li t-Trattat KE jobbliga lill-Istati Membri ma jadottawx u ma jżommux fis-seħħ miżuri li jistgħu jeliminaw l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni. Ara, pereżempju, is-sentenzi ERT, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35) u tal-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Post (C‑147/97 u C‑148/97, Ġabra p. I‑825, punt 39), u tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 35). Kif spjega korrettament l-Avukat Ġenerali da Cruz Vilaça, fil-punt 65, tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bodson (sentenza tal-4 ta’ Mejju 1988, 30/87, Ġabra p. Ι‑2497), id-dispożizzjoni tal-Artikolu 86(1) KE “hija intiża sabiex tevita li l-awtoritajiet pubbliċi jużaw ir-relazzjoni speċjali ta’ supremazija li torbothom ma’ ċerti tipi ta’ impriżi sabiex timponi fuqhom aġir ipprojbit mit-Trattat [KE] jew tagħtihom vantaġġi inkompatibbli mas-suq komuni”. Ir-raġuni li għaliha d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 KE ddaħħlu fit-Trattat [KE] hija ġustament l-influwenza li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ dawn l-impriżi. Hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 86 KE jirrigwarda biss l-impriżi li għall-aġir tagħhom l-Istati għandhom jassumu responsabbiltà partikolari minħabba l-influwenza li huma jistgħu jeżerċitaw fuq dan l-aġir. Essenzjalment għandu jiġi żgurat li l-intervent tal-Istat f’dawn l-impriżi ma jkollux bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew l-introduzzjoni ta’ distorsjonijiet fir-relazzjonijiet ta’ dawn l-impriżi mal-impriżi privati.

(27)  – Ara, pereżempju, is-sentenza MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 sa 51).

(28)  – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, “Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet” (punt 36), u Connect Austria (punti 80 sa 84). Ara, wkoll, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, “Terminals ta’ telekomunikazzjoni” (punt 51); Dusseldorp et (punti 61 et seq ), kif ukoll GB-Inno-BM (punti 20 u 21). Ara wkoll Debegioti, S., “I paravasi ton arthron 106(1) kai 102 SynthLEE enopsei ton apofaseon tou Genikou Dikastiriou tis Enosis gia ton elliniko ligniti” [Il-ksur tal-Artikoli 106(1) u 102 TFUE fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali dwar il-lignite Grieg], Dikaio Epicheiriseon & Etairion (Dritt tal-impriżi u tal-kumpanniji), 2012, p. 900 sa 914. Skont dan l-awtur, is-sentenza appellata interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(29)  – Fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet prattiki potenzjali tal-impriża pubblika jew privileġġata li madankollu ma kinux neċessarjament illegali fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 111, in fine , tas-sentenza appellata, li “b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-aġir tal-impriża pubblika fis-suq”, tikkostitwixxi żball ta’ liġi għaliex, fis-sentenza Connect Austria, l-ebda aġir konkret ma kien ġie kkonstatat.

(30)  – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. Ι‑461, punt 91), u tal-10 ta’ Lulju 1990, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T‑51/89, Ġabra p. II‑309, punti 23 u 24).

(31)  – Ir-Repubblika Ellenika kellha tadotta miżura ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku sa minn Frar tal-2001, iżda naqset milli tagħmel dan (ara l-premessi 61 u 62, 85, 109, 136.3, 147, 150 u 235 tad-deċiżjoni kkontestata).

(32)  – Il-Qorti Ġenerali tammetti, hija nfisha, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-miżuri adottati mir-Repubblika Ellenika, jiġifieri l-privileġġi mogħtija lid-DEI qabel l-2001, komplew jipproduċu l-effetti tagħhom, wara l-2001.

(33)  – Ara, pereżempju, il-premessi 164, 182, 188 u 189, 191, 193, 195 sa 197, 199, 214 u 215, noti ta’ qiegħ il-paġna 237 u 255, u premessi 223 sa 225, 228 u 229, 233 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni.

(34)  – Ara, pereżempju, il-premessi 185, 225 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata.

(35)  – Il-Qorti Ġenerali ssemmi din il-kawża ta’ tisħiħ tal-effetti antikompetittivi fil-punt 88 tas-sentenza appellata.

(36)  – Fil-fatt, ladarba jiġi estratt mill-impriża li jkollha d-drittijiet privileġġati ta’ operat, inkwantu prodott, il-lignite jista’, jew i) jinbiegħ jew jinħeles fis-suq lokali (jew jiġi esportat), jew ii) jintuża minn din l-impriża bħala kombustibbli sabiex jiġi prodott l-elettriku. Id-DEI għamlet it-tieni għażla u tuża l-lignite biss biex tipproduċi, hija nfisha, l-elettriku. Ara, pereżempju, il-premessi 126 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata.

(37)  – Matul il-proċedura amministrattiva u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Ellenika qatt ma sostniet li l-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tad-DEI mis-suq primarju tal-provvista tal-lignite għas-suq sekondarju (upstream) bl-ingrossa tal-elettriku “ kienet oġġettivament ġustifikata ”. Ara, pereżempju, il-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata.

(38)  – Ara d-Deċiżjoni Nru 822/2012 tal-awtorità regolatorja Griega tal-enerġija (RAE), li tenfasizza li “[m]a jeżistix suq tal-elettriku li jaħdem b’mod li jagħmel profitt, peress li d-DEI għandha fil-proprjetà tagħha l-impjanti kollha tal-gass u tal-lignite u għandha iktar minn 65 % mis-suq tal-produzzjoni tal-elettriku, filwaqt li l-kompetituri tagħha jużaw unitajiet ta’ produzzjoni iktar reċenti mill-gass naturali”, u għaldaqstant, RAE tgħid sempliċement li ma huwiex possibbli li jkollha suq li jaħdem normalment la min-naħa tal-produzzjoni u lanqas min-naħa tal-provvista.

(39)  – Ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni Nru 822/2012 tar-RAE, tas-17 ta’ Ottubru 2012, dwar l-ilment RAE I‑153708/22.03.202 ippreżentat mill-kumpannija “G.M.M.LARKO AE” kontra d-DEI, punt 23: “huwa manifest li ma jeżistix suq tal-elettriku li jiffunzjona b’mod effikaċi; dan huwa muri, mingħajr il-bżonn ta’ analiżi speċifika, għaliex id-[DEI] għandha, waħdeha, l-impjanti kollha tal-lignite u idroelettriċi tal-pajjiż u għaliex hija tkompli żżomm iktar minn 65 % mis-suq tal-elettriku, filwaqt li l-kompetituri kollha tagħha joperaw impjanti ġodda bil-gass naturali, mhux amortizzati, fil-preżenza ta’ impjanti maturi – jiġifieri amortizzati – tal-lignite, tal-gass naturali jew idroelettriċi. Ma jistax għaldaqstant jeżisti suq funzjonali fis-settur tal-provvista, għaliex dan is-suq kollu huwa kkontrollat, de facto u essenzjalment, mid-[DEI] ” (enfasi tiegħi). Ara, ukoll, bħala eżempju, id-Deċiżjoni Nru 831/2012 kif ukoll id-Deċiżjonijiet Nru 346/2012 u Nru 822/2012 tar-RAE (dawn tal-aħħar jenfasizzaw l-abbuż mid-DEI tal-pożizzjoni dominanti tagħha, fuq kollox bi ħsara għall-klijenti industrijali tagħha).

(40)  – Ara l-premessi 255, 215 u 244 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għall-funzjonament tas-suq tal-provvista tal-elettriku u għas-sitwazzjoni tal-produtturi ż-żgħar.

(41)  – Ara l-premessi 83 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, u l-punt 90 tas-sentenza appellata.

(42)  – Ara l-premessi 84 sa 98, 199, 215 (kif ukoll in-noti ta’ qiegħ il-paġna 237 u 255, 222 sa 225, 228 u 229 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata). Ara, ukoll, l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2011, ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fuq talba speċjali ta’ din tal-aħħar imsemmija fil-punt 49 tas-sentenza appellata. Dan jirriżulta wkoll mir-risposta tal-1 ta’ Frar 2011 tar-Repubblika Ellenika għad-domandi tal-Qorti Ġenerali.

(43)  – Appell huwa ammissibbli jekk is-sentenza tinkludi motivazzjoni kontradittorja jew insuffiċjenti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 25); tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 77), u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. Ι‑6513, punt 90); kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Der grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑385/07 P, Ġabra p. Ι‑6155, punt 71). Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali għandha timmotiva s-sentenzi tagħha b’mod li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita stħarriġ fuq eventwali żnaturament tal-kontenut tal-provi ppreżentati quddiemha. Ara, ukoll, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs CEVA (C‑198/03 P, Ġabra p. I‑6392, punt 50), u tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, (C‑237/98 P, Ġabra p. I‑4549, punti 50 u 51), u tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs CEVA u Pfizer (C‑198/03 P, Ġabra, p. I‑6357, punt 50).

(44)  – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra p. 3461, iċċitata iktar ’il fuq punt 57). Ara, ukoll, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge Transports et vs Il-Kummissjoni (C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punt 34), u ERT, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

(45)  – Ara l-konklużjonijiet tiegħu li taw lok għas-sentenza Bodson, iċċitata iktar ’il fuq (punti 67 u 68).

Top