EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CC0184
Opinion of Mr Advocate General Wahl delivered on 15 May 2013. # United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV v Navigation Maritime Bulgare. # Reference for a preliminary ruling: Hof van Cassatie - Belgium. # Rome Convention on the law applicable to contractual obligations - Articles 3 and 7(2) - Freedom of choice of the parties - Limits - Mandatory rules -Directive 86/653/EEC - Self-employed commercial agents - Contracts for sale or purchase of goods - Termination of the agency contract by the principal - National implementing legislation providing for protection going beyond the minimum requirements of the directive and providing also for protection for commercial agents in the context of contracts for the supply of services. # Case C-184/12.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wahl - 15 ta' Mejju 2013.
United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV vs Navigation Maritime Bulgare.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali - Artikoli 3 u 7(2) - Libertà tal-għażla tal-partijiet - Limiti - Regoli mandatorji - Direttiva 86/653/KEE - Aġenti kummerċjali indipendenti - Kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ merkanzija - Ksur tal-kuntratt ta’ aġenzija mill-prinċipal - Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni li tipprevedi protezzjoni li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-direttiva u li tipprevedi wkoll protezzjoni tal-aġenti kummerċjali fil-kuntest tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi.
Kawża C-184/12.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wahl - 15 ta' Mejju 2013.
United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV vs Navigation Maritime Bulgare.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali - Artikoli 3 u 7(2) - Libertà tal-għażla tal-partijiet - Limiti - Regoli mandatorji - Direttiva 86/653/KEE - Aġenti kummerċjali indipendenti - Kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ merkanzija - Ksur tal-kuntratt ta’ aġenzija mill-prinċipal - Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni li tipprevedi protezzjoni li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-direttiva u li tipprevedi wkoll protezzjoni tal-aġenti kummerċjali fil-kuntest tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi.
Kawża C-184/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:301
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2013 ( 1 )
Kawża C-184/12
United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV
vs
Navigation Maritime Bulgare
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju)]
“Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà — Limiti — Interferenza tar-regoli mandatarji tal-lex fori — Kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali”
I – Introduzzjoni
1. |
Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), b’konnessjoni mad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom ( 3 ). |
2. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa f’dan il-każ mill-Hof van Cassatie tidħol fil-kuntest ta’ kawża bejn United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV (iktar ’il quddiem “Unamar”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Belġjan, u Navigation Maritime Bulgare (iktar ’il quddiem “NMB”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Bulgaru, fir-rigward ta’ ħlas ta’ ammonti ta’ kumpens allegatament dovut wara r-rexissjoni, minn NMB, ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li sa dakinhar kien jorbot lil dawn iż-żewġ kumpanniji. Fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li rriżultat tqajmet b’mod partikolari l-kwistjoni tal-possibbiltà, li l-qorti Belġjana, tapplika għall-kuntratt id-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-lex fori minkejja l-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tindika lill-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Sofia (il-Bulgarija) u tipprevedi espressament l-applikazzjoni tad-dritt Bulgaru għall-kuntratt. |
3. |
B’mod iktar partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża f’liema ċirkustanzi l-qorti nazzjonali tista’ tiskarta, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Istat Membru applikabbli għall-kuntratt skont l-għażla tal-partijiet (il-kontraenti) favur dispożizzjonijiet imperattivi tal-lex fori. B’mod iktar preċiż hija mitluba tipprovdi indikazzjonijiet sabiex ikun iddeterminat jekk il-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li filwaqt li tkun korrettament tittrasponi direttiva Ewropea, tmur lil hinn mill-protezzjoni offerta minn din tal-aħħar, tistax timponi din il-protezzjoni iktar wiesgħa fil-każ fejn il-lex contractus hija d-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li wkoll korrettament ittraspona din id-direttiva. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Konvenzjoni ta’ Ruma
4. |
L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni bit-titolu “Libertà ta’ l-għażla” jipprovdi: “1. Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa jew murija b’ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. Permezz ta’ l-għażla tagħhom il-partijiet jistgħu jiftiehmu fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratt kollu jew għal parti minnu. [...]” |
5. |
L-Artikolu 7(2) tal-imsemmija konvenzjoni, bit-titolu “Regoli mandatarji”, jipprovdi li “[x]ejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jżomm l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn dawn ikunu mandatarji irrispettivament mil-liġi li tapplika mod ieħor għall-kuntratt.” |
B – Id-Direttiva 86/653
6. |
Skont it-tieni premessa tad-Direttiva 86/653, din kienet adottata b’kunsiderazzjoni tal-fatt li “d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali [...]”. |
7. |
L-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan‑nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.” |
8. |
L-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l‑aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3”. |
C – Id-dritt Belġjan
9. |
Il-liġi tat-13 ta’ April 1995 dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1995”) tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, b’mod partikolari li “[l-]kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali huwa l-kuntratt li permezz tiegħu waħda mill-partijiet, l-aġent kummerċjali, ikollha awtorità kontinwa, u suġġetta għall-ħlas mill-parti l-oħra, il-prinċipal, mingħajr ma tkun suġġetta għall-awtorità ta’ din tal-aħħar, li tinnegozja u eventwalment tikkonkludi kummerċ għan-nom ta’ u f’isem il-prinċipal.” |
10. |
L-Artikolu 18(1) u (3) tal-Liġi tal-1995 huwa miktub kif ġej: “1. Meta l-kuntratt ta’ aġenzija huwa konkluż għal perijodu indeterminat jew għal perijodu determinat bil-fakultà ta’ denunzja antiċipata, kull parti tista’ titterminah billi tosserva preavviż. [...] 3. Il-parti li tirrexxindi l-kuntratt mingħajr ma tinvoka waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 19(1), jew mingħajr ma tosserva t-terminu ta’ preavviż iffissat fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (1) għandha tħallas lill-parti l-oħra kumpens ugwali għall-ħlas li jikkorrispondi jew mat-tul tal-preavviż, jew mal-parti minn dan it-terminu li għad trid tiddekorri”. |
11. |
L-Artikolu 20 tal-Liġi tal-1995 jipprovdi: “Wara t-tmiem tal-kuntratt, l-aġent kummerċjali għandu dritt għall-kumpens għat-tkeċċija meta huwa jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew żviluppa b’mod kunsiderevoli n-negozju mal-klijentela eżistenti, sa fejn din l-attività għad trid tikseb vantaġġi sustanzjali lill-prinċipal” |
12. |
L-Artikolu 21 tal-Liġi tal-1995 jipprovdi: “Sa fejn l-aġent kummerċjali jkollu dritt għall-kumpens għat-tkeċċija prevista fl-Artikolu 20 u l-ammont ta’ dan il-kumpens ma jkoprix id-dannu kollu realment subit, l-aġent kummerċjali jista’, iżda bl-oneru li jipproduċi prova tal-portata tad-dannu allegat, minbarra dan il-kumpens, jikseb danni li jammontaw għad-differenza bejn l-ammont tad-dannu realment subit u dak ta’ dan il-kumpens”. |
13. |
Skont l-Artikolu 27 tal-Liġi tal-1995: “Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom il-Belġju huwa parti, l-attività kollha ta’ aġent kummerċjali li għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fil-Belġju taqa’ taħt il-liġi Belġjana u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani”. |
III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14. |
Fl-2005, Unamar u NMB ikkonkludew kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali fid-dawl tal-operat ta’ servizz regolari ta’ trasport marittimu permezz ta’ kontejners li jappartjenu lil NMB. Il-kuntratt kien jipprevedi li jkun irregolat mid-dritt Bulgaru u li kull kwistjoni dwar il-kuntratt kellha tiġi deċiża mill-Bord tal-Arbitraġġ stabbilit mill-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Sofia. |
15. |
Dan il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, permezz ta’ kuntratt tat-22 ta’ Diċembru 2008, ġie estiż għall-aħħar darba sal-31 ta’ Marzu 2009. Unamar għalhekk qieset li l-kuntratt kien ġie mitmum irregolarment u fil-25 ta’ Frar 2009 bdiet kawża quddiem ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen sabiex titħallas diversi kumpensi previsti mil-Liġi tal-1995. |
16. |
Min-naħa tagħha, NMP fit-13 ta’ Marzu 2009 fittxet lil Unamar quddiem ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen sabiex tikseb il-ħlas ta’ arretrati ta’ trasport tal-merkanzija li jammontaw għal EUR 327 207.87. |
17. |
Wara li għaqqad iż-żewġ kawżi, ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen, iddeċieda permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Mejju 2009, li l-oġġezzjoni għal ġurisdizzjoni, magħmula minn NMB, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ kienet infondata. Dan it-tribunal essenzjalment ikkunsidra, l-ewwel nett, li l-Artikolu 27 tal-liġi tal-1995 kien regola ta’ rabta unilaterali ta’ applikazzjoni immedjata, li tirrendi l-għażla ta’ dritt barrani mhux effettiva; it-tieni nett, li din il-liġi, għalkemm ma taqax taħt l-ordni pubbliku internazzjonali Belġjan, kellha tiġi applikata; it-tielet nett li l-kawżi kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi ma kinux, għalhekk, suġġetti għall-arbitraġġ sakemm id-dritt Belġjan jew dritt barrani ekwivalenti ma jkunx ġie ddikjarat applikabbli fil-kuntratt ta’ aġenzija u fl-aħħar nett li, peress li l-kuntratt ikkontestat kien suġġett għad-dritt Bulgaru u ma kienx jidher li r-regoli li jinsabu fid-Direttiva 86/653 kienu, skont dan id-dritt, applikabbli wkoll għall-aġenti kummerċjali li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, l-oġġezzjoni għal ġurisdizzjoni magħmula min-NMB kienet infondata fid-dritt. |
18. |
Fl-24 ta’ Ġunju 2009, NMB ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-hof van beroep te Antwerpen. Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2010, din il-qorti kkundannat lil Unamar għall-ħlas tal-bilanċ ta’ trasport ta’ merkanzija li jammonta għal EUR 77 207.87 bl-interessi moratorji u l-ispejjeż. Barra minn hekk, il-hof van beroep te Antwerpen iddikjarat l-oġġezzjoni għal ġurisdizzjoni invokata min-NMB bħala fondata u ddikjarat ruħha mingħajr ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar it-talba għal ħlas ta’ kumpens imressqa minn Unamar. Skont din il-qorti, il-liġi tal-1995 ma hijiex ta’ ordni pubbliku u lanqas ma taqa’ taħt l-ordni pubbliku internazzjonali Belġjan. Din il-qorti qieset ukoll li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, ma kellhomx jiġu applikati d-dispożizzjonijiet obbligatorji speċjali tal-imsemmija liġi. Fl-opinjoni tagħha, id-dritt Bulgaru magħżul mill-partijiet kien joffri wkoll lil Unamar, bħala aġent marittimu ta’ NMB, il-protezzjoni minima prevista mid-Direttiva 86/653. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtonomija tal-volontà tal-partijiet kellha tipprevali fuq id-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni, f’dan il-każ tar-Renju tal-Belġju. |
19. |
Fis-27 ta’ Mejju 2011, Unamar ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hof van Cassatie li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Fid-dawl [...] tal-klassifikazzjoni fid-dritt Belġjan tal-Artikoli 18, 20 u 21 tal-liġi [tal-1995] inkwistjoni fil-proċedura, bħala regoli tad-dritt mandatarji fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-Artikoli 3 u 7(2) ta’ [din il-konvenzjoni], moqrija jew le flimkien mad-Direttiva [86/653/KE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li r-regoli tad-dritt mandatarji tal-pajjiż tal-qorti li joffru protezzjoni iktar wiesgħa mill-protezzjoni minima imposta mid-Direttiva [86/653], jiġu applikati għall-kuntratt, anki jekk jidher li d-dritt applikabbli għall-kuntratt huwa d-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li fih hemm ukoll il-protezzjoni minima offerta mid-Direttiva 86/653/KEE iċċitata iktar ’il fuq li ġiet implementata?” |
20. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub min-NMB, mill-Gvern Belġjan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ebda talba sabiex tinżamm seduta ma ġiet ippreżentata. |
IV – Analiżi ġuridika
A – Osservazzjonijiet preliminari
21. |
Qabel l-eżami tal-mertu tad-domanda preliminari, nixtieq nagħmel xi kjarifiki li jidhirli li huma neċessarji sabiex jiġi ffokat is-suġġett tad-diskussjoni u jitneħħew l-inċertezzi potenzjali rigward il-portata ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
22. |
Fil-fatt, jiena nirrileva li, filwaqt li fil-kawża prinċipali, kienu diskussi mhux biss il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt, iżda wkoll dik dwar jekk il-qrati Belġjani kellhomx effettivament ġurisdizzjoni fil-kawża bejn Unamar u NMB, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita biss mill-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma. Din il-limitazzjoni tas-suġġett tad-domanda, li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher ukoll sorprendenti ( 5 ), ma tirrendix madankollu din it-talba għal deċiżjoni preliminari irrilevanti ( 6 ), peress li l-problema tad-determinazzjoni, skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma, tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali konkluż bejn Unamar u NMB tinsab fil-qalba tal-kawża prinċipali. |
23. |
F’dan il-każ, il-kwistjoni tal-liġi applikabbli u dik tal-validità tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinnomina lill-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Sofia huma marbuta mill-qrib. Il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment ukoll għall-Konvenzjoni dwar ir‑Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin iffirmata fi New York fl-10 ta’ Ġunju 1958 ( 7 ), li fl-Artikolu II(3) tagħha tgħid li “[l]-qorti ta’ Stat kontraenti, meta quddiemha titressaq kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet ikkonkludew ftehim fl-ambitu tat-tifsira ta’ dan l-artikolu, għandha, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tirrinvija l‑partijiet għall-arbitraġġ, sakemm ma tikkonstatax li l‑imsemmija konvenzjoni hija nulla u bla effett, mhux operattiva jew li ma tistax tiġi applikata” ( 8 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija ddeduċiet li r-rifjut ta’ klawżola ta’ arbitraġġ valida skont liġi barranija tista’ tiġi deċiża abbażi ta’ regola tad-dritt tal-lex fori li minnu jista’ jkun dedott li l-kwistjoni ma tkunx tista’ tkun suġġetta għall-arbitraġġ. Issa, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ser jirriżulta mill-ġenesi tal-liġi tal-1995 li l-Artikoli 18, 20 u 21 tal-imsemmija liġi għandhom ikunu kkunsidrati bħala dispożizzjonijiet ta’ dritt imperattiv. Jirriżulta għalhekk mir-raġunament magħmul minnha li teżisti rabta stretta bejn id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt u l-possibbiltà tal-qorti li tiskarta klawżola ta’ arbitraġġ u, b’hekk, teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha. |
B – Risposta għad-domanda preliminari
24. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, hija essenzjalment mitluba tiddetermina jekk il-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni, li jittrasponi direttiva tal-Unjoni billi joffri l-possibbiltà li jiggarantixxi protezzjoni iktar wiesgħa minn dik li hija tipprevedi, tistax timponi din il-protezzjoni iktar wiesgħa bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, anki meta l-lex contractus hija d-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li wkoll ittraspona korrettament din id-direttiva. |
25. |
F’dan il-każ, mill-fatti sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm il-Belġju kif ukoll ir-Repubblika tal-Bulgarija korrettament ittrasponew id-Direttiva 86/653. Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie espost fir-rigward tal-liġi tal-1995, ftit informazzjoni ġiet ipprovduta rigward il-kontenut tal-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati mill-Bulgarija ( 9 ). Madankollu, il-partijiet intervenjenti jaqblu, jidhirli, li jindikaw li l-protezzjoni offerta minn din il-leġiżlazzjoni Belġjana tmur lil hinn minn dik prevista mill-imsemmija direttiva, mhux biss għax tkopri kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’, iżda wkoll għax hija tipprevedi li, f’każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt, l-aġent kummerċjali għandu dritt, b’mod kumulattiv, għal kumpens għad-dannu subit. |
26. |
Għandhom għalhekk ikunu ppreċiżati ċ-ċirkustanzi li fihom id-dispożizzjonijiet tal-liġi Bulgara, li tikkostitwixxi l-lex contractus, jistgħu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jiġu skartati favur id-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi tal-1995. |
27. |
Sabiex isir dan, jidhirli li huwa opportun, li inizjalment isiru numru ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, magħmula fid-dawl tat-tagħlim, li fl-opinjoni tiegħi, għandu jkun ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ser neżamina, fit-tieni lok, jekk u sa fejn l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tad-dritt idderivat tal-Unjoni hijiex tan-natura li jkollha impatt fuq l-implementazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni. |
1. Portata tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fid-dawl tat-tagħlim tal-ġurisprudenza
28. |
Huwa neċessarju li jitfakkar, l-ewwel nett, li f’ipoteżi, bħal dik prevista fil-kawża prinċipali, fejn il-partijiet għamlu l-għażla tagħhom għall-applikazzjoni ta’ liġi speċifika għall-kuntratt fiċ-ċirkustanzi ddefiniti fl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandha, bħala regola, skont il-prinċipju ta’ awtonomija tar-rieda tal-partijiet stabbilit fl-istess Artikolu, tiġi applikata dik il-liġi. |
29. |
Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli previst mill-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-prinċipju ta’ awtonomija tar-rieda tal-partijiet jista’, madankollu, jiġi mfixkel b’żewġ modi: min-naħa, mill-iżvilupp ta’ regoli speċifiċi għal ċerti kuntratti fejn jidher li huwa neċessarju li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa (kuntratti ta’ konsum jew kuntratti ta’ xogħol) – parametri li ma japplikawx għal dan il-każ – u min-naħa l-oħra, mill-interferenza, skont prinċipji tradizzjonalment irrikonoxxuti fid-dritt internazzjonali privat, iżda wkoll fid-dritt tal-Istati Membri, ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi. Fost oħrajn, hemm l-intervent skont it-titolu ( 10 ) tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tar-regoli mandatarji. Dan l-aħħar intervent jaħdem b’mod differenti skont jekk humiex involuti dispożizzjonijiet imperattivi li jinsabu fil-liġi barranija li magħha s-sitwazzjoni għandha rabta stretta (paragrafu 1) jew jekk ikun każ bħal dan, fejn dispożizzjonijiet imperattivi jappartjenu lill-lex fori (paragrafu 2). |
30. |
Fir-rigward tar-regoli mandatarji tal-lex fori, nirrileva li jekk l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jimplika, mill-perspettiva funzjonali, li r-regola mandatorja tal-lex fori għandha tipprevali fuq kull dispożizzjoni oħra ( 11 ), huwa ma jagħti ebda definizzjoni kunċettwali ta’ dak li għandha tfisser regola mandatorja. Din id-dispożizzjoni tindika biss, mingħajr kundizzjonijiet oħra, li hija ma tistax tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-lex fori“f’sitwazzjoni fejn dawn ikunu mandatarji irrispettivament mil-liġi li tapplika mod ieħor għall-kuntratt”. Ir-rapport ta’ spjega Giuliano Lagarde ma jagħtix iktar indikazzjonijiet fuq dan il-punt ( 12 ). |
31. |
Fl-opinjoni tiegħi, jirriżulta minn din l-informazzjoni, li skont il-prinċipji ġeneralment stabbiliti fid-dritt internazzjonali privat, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddeċiedu f’liema oqsma u għal liema raġunijiet dispożizzjoni tal-lex fori għandha tingħata natura imperattiva, bil-ġustifikazzjoni li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi magħżula mill-partijiet jiġu skartati. L-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jeskludi, fil-prinċipju, kull setgħa tal-qorti rigward l-opportunità li jiġu applikati regoli mandatarji tal-lex fori, meta l-kuntratt li dwaru trid tingħata deċiżjoni, anki jekk suġġett għal liġi oħra, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni li r-regoli mandatarji stess stabbilixxew ( 13 ). |
32. |
Din il-konklużjoni ma hijiex ippreġudikata mid-definizzjoni tar-regoli mandatarji mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Arblade et ( 14 ) jew inkella fil-kawża Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni ( 15 ), definizzjoni li fil-parti l-kbira tagħha ġiet riprodotta fl-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, bit-titolu “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” ( 16 ), u jiġi ppreċiżat li din l-aħħar dispożizzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. |
33. |
Infakkar li, fil-kawża Arblade et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-espressjoni “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti u ta’ sigurtà” għandha tfisser li tirreferi għal “dispożizzjonijiet nazzjonali li l-osservazzjoni tagħhom ġiet meqjusa kruċjali għas-salvagwardja tal-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat, sal-punt li timponi l-osservanza lil kull persuna li ssib ruħha fit-territorju nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jew għal kull relazzjoni legali lokalizzata fih” ( 17 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-istess sens, nirrileva li, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, huwa fil-kuntest tal-eżami tal-eċċezzjoni tal-ordni pubblika, bħala deroga mill-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li l-kunċett ta’ regoli mandatarji u ta’ sigurtà stabbilit fil-kawża Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, ġie adottat ( 18 ). |
34. |
Li jiġi preżunt li l-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tistabbilixxi permezz tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq kunċett awtonomu Ewropew ta’ regoli mandatarji, li minkejja d-dubji li jistgħu jkunu espressi f’dan ir-rigward ( 19 ), jidhirli li huwa kkonfermat mid-definizzjoni ta’ regoli mandatarji li fil-frattemp ġiet adottata fir-Regolament Ruma I, xorta jibqa’ il-fatt li l-kwalifikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali partikolari bħala regola mandatorja għandha titwettaq każ b’każ skont ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali li mmotivaw l-adozzjoni tagħha. |
35. |
Fl-opinjoni tiegħi, fuq livell wiesa’, għandna nibbażaw fuq ix-xewqa tal-leġiżlatur nazzjonali li jagħti natura imperattiva lid-dispożizzjonijiet nazzjonali: fir-rigward ta’ regoli stabbiliti mill-Istat bl-iskop anness jew le li jinżammu interessi li huwa jqis essenzjali. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jiddeterminaw b’mod konkret meta l-interessi pubbliċi huma affettwati, f’sens wiesa’ ( 20 ), billi jiġġustifikaw li ċerti regoli jingħataw natura imperattiva. Il-qorti nazzjonali għandha, sabiex tikkwalifika dispożizzjoni nazzjonali bħala regola mandatorja, tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-formulazzjoni kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-Att li lilu tappartjeni ( 21 ). |
36. |
Madankollu, fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà offerta lill-awtoritajiet nazzjonali li jiskartaw il-lex contractus favur il-lex fori, skont l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, ma hijiex madankollu mingħajr limiti. |
37. |
Fil-fatt, jidhirli li huwa meħtieġ li jitfakkar li l-invokazzjoni tar-regoli mandatarji tal-lex fori, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, ma tistax tirriżulta fit-tneħħija tal-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, bil-konsegwenza li jinjoraw is-supremazija u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni ( 22 ). B’mod partikolari, dawn ir-regoli ma għandhomx iwasslu għal ostakolu mhux ġustifikat tad-drittijiet u libertajiet li jirriżultaw mit-Trattati. |
2. Eżami tal-impatt tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet li jirriżulta mill-adozzjoni tad-Direttiva 86/653 dwar il-possibbiltà, skont l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-lex fori.
38. |
Kif semmejt fis-sezzjoni preċedenti, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddeterminaw għal liema raġunijiet u f’liema oqsma huma jixtiequ jipprovdu ċerti regoli ta’ natura obbligatorja, iġġustifikati, skont l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li l-qorti tal-forum tista’ tapplika irrispettivament mil-liġi applikabbli għall-kuntratt. |
39. |
Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet imwettqa permezz ta’ direttiva tal-Unjoni hijiex tan-natura li għandha impatt fuq l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-lex fori meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ Stati Membri oħra, meta jkunu inkwistjoni, bħal f’dan il-każ, leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fid-dawl tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva. |
40. |
Fil-fehma tiegħi, ir-risposta li għandha tingħata għal din il-kwistjoni ma hijiex neċessarjament l-istess u tiddependi fuq jekk l-armonizzazzjoni inkwistjoni hijiex tat-tip minimu jew eżawrjenti. |
41. |
Fl-ipoteżi fejn il-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li tirriżulta mid-direttiva timplementa protezzjoni minima, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti f’dan il-qasam ( 23 ). L-awtoritajiet nazzjonali huma għalhekk fil-pożizzjoni, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilhom, li jespandu kemm il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-livell tal-protezzjoni stabbilita mill-imsemmija direttiva sabiex jiġu difiżi l-interessi li huma jqisu essenzjali. F’tali ċirkustanzi, jistgħu jissustixxu differenzi sinjifikattivi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fid-dawl tat-traspożizzjoni tad-direttiva tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi, ma għandux ikun eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkopru kemm il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-livell tal-protezzjoni minima stabbilita mid-Direttiva jiġi rikonoxxut lilhomm natura imperattiva u, għalhekk, jistgħu jissostitwixxu, permezz tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, id-dispożizzjonijiet tal-liġi magħżula mill-partijiet, u dan anki meta din l-aħħar liġi tkun dik ta’ Stat Membru li ttraspona korrettament id-Direttiva. Fil-fatt, infakkar, li l-Konvenzjoni ta’ Ruma tħalli, a priori u bla ħsara, għall-osservanza tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt rispettiv tagħhom li għandhom ikunu kkwalifikati bħala imperattivi. |
42. |
Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn id-direttiva timplementa armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, hija għandha twassal għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu kemm il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-livell ta’ protezzjoni, li jekk mhux identiċi, tal-inqas għandhom ikunu ekwivalenti. Tali armonizzazzjoni timplika, min-natura tagħha, li s-sitwazzjonijiet mressqa quddiem il-qorti għandhom ikunu evalwati biss fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 24 ). F’tali ċirkustanzi, għandu għalhekk ikun eskluż li r-regoli mandatarji ta’ Stat Membru jistgħu jissostitwixxu, permezz tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, id-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor. |
43. |
Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-prinċipji rikonoxxuti fid-dritt internazzjonali privat, jista’ jkun preżunt li l-għan ta’ protezzjoni tar-regoli mandatarji prevalenti huwa, fl-aħħar mill-aħħar, kopert mill-armonizzazzjoni eżawrjenti li tirriżulta mid-direttiva tal-Unjoni. Fil-fatt, kif enfasizzajt iktar kmieni, il-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-lex fori, permezz tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, moqri b’mod partikolari fid-dawl tal-kawża Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, u tad-definizzjoni pprovduta fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ruma I, hija, fil-parti l-kbira tagħha, ikkundizzjonata mill-volontà tal-leġiżlatur nazzjonali li jipproteġi interessi li huwa jikkunsidra sinjifikattivi. Issa fl-ipoteżi ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jittrasponu direttiva ta’ armonizzazzjoni kompleta, l-interessi li għandhom ikunu protetti huma b’xi mod koperti mill-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet li tirriżulta. Għalhekk f’tali ċirkustanzi, bħala regola, il-lex contractus ma tistax tkun skartata favur il-lex fori. |
44. |
Issa, kif ser nesponi iktar tard, id-Direttiva 86/653 twettaq armonizzazzjoni minima ( 25 ) tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri li teskludi b’mod partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom li joperaw fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi u li tagħti biss protezzjoni minima lill-aġenti f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija (a). Jirriżulta li, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istat Membru tal-forum, fid-dawl tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u mill-protezzjoni minima prevista minn din tal-aħħar – ċirkustanzi li jidhru li jikkorrispondu ma’ dawk previsti fil-kawża prinċipali – huwa possibbli li dawn jiġu applikati minflok il-liġi ta’ Stat Membru ieħor, magħżula mill-partijiet fil-kuntratt (b). |
a) Id-Direttiva 86/653 tistabbilixxi armonizzazzjoni minima li, fl-ewwel lok, teskludi b’mod partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-aġenti kummerċjali li joperaw fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi, u fit-tieni lok, tipprovdilhom protezzjoni minima f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija
45. |
Jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali fil-kawża prinċipali huwa kuntratt konkluż bejn Unamar u NMB, li kien jirrigwarda tranżazzjonijiet operazzjonijiet ta’ trasport marittimu permezz ta’ kontejners li jappartjenu lil NMB, jew fir-rigward ta’ provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali oriġinat mill-ksur tal-kuntratt ta’ aġenzija li kien jorbot lil dawn iż-żewġ kumpanniji u l-azzjoni konsekuttiva ta’ NMB rigward l-għoti ta’ kumpens previst mil-liġi tal-1995. |
46. |
Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-qasam tal-attivitajiet koperti mill-protezzjoni offerta, skont id-Direttiva 86/653, lill-aġenti kummerċjali, nirrileva li l-Gvern Belġjan, mingħajr ma kkontesta formalment l-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva fil-każ inkwistjoni, li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ kuntratt ta’ aġenzija fid-dawl tal-operat ta’ servizz ta’ trasport marittimu, indika li l-liġi tal-1995 kellha kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesgħa minn dak tad-Direttiva 86/653, peress li din tal-aħħar fl-Artikolu 1(2) tagħha kienet tipprovdi biss għall-attivitajiet ta’ intermedjazzjoni fil-qasam tal-bejgħ u xiri ta’ merkanziji. |
47. |
Fl-istess sens, il-Kummissjoni semmiet li l-leġiżlatur Belġjan kien għażel li japplika s-sistema ta’ protezzjoni tal-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom prevista mill-imsemmija direttiva mhux biss għall-intermedjarji li jaħdmu għal rashom responsabbli mill-“bejgħ u xiri ta’ merkanziji” (Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653), iżda wkoll għall-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom responsabbli min-negozjati u eventwalment il-konklużjoni tan-negozju (Artikolu 1 tal-Liġi tal-1995), li tista’ tinkludi l-provvista ta’ servizzi. Issa, hija tippreċiża li fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tapplikax għall-provvista ta’ servizzi. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jsiru konklużjonijiet finali rigward in-natura tal-kuntratt inkwistjoni u li hija parti mill-premessa li dan prinċiparjament kien jitratta n-negozjati tal-bejgħ u xiri ta’ merkanzija. |
48. |
Min-naħa tiegħi, jiena tal-opinjoni li l-Liġi tal-1995 teċċedi s-sempliċi kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 86/653. Fl-opinjoni tiegħi, eżami komparattiv bejn id-dispożizzjonijiet tagħhom, juri b’mod ċar li l-leġiżlatur Belġjan xtaq jespandi l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva għall-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom kollha, inklużi dawk li jintervjenu f’tranżazzjonijiet li jirrigwardaw servizzi ( 26 ). Din ix-xewqa li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 86/653 probabbilment hija spjegata mill-fatt li l-leġiżlatur Belġjan xtaq, lil hinn mit-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, jelabora status relattivament komplet tal-aġent kummerċjali li jaħdem għal rasu ispirat b’mod partikolari mill-Konvenzjoni Benelux u mir-regoli li sa dak inhar kienu japplikaw għar- rappreżentant tal-kummerċ impjegat ( 27 ). |
49. |
Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx dubju li d-Direttiva 86/653 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jinkludix l-intermedjarji inkarigati li jinnegozjaw kuntratti ta’ servizz. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jirrestrinġi b’mod preċiż il-kunċett ta’ aġent kummerċjali billi jillimitah għal sitwazzjonijiet speċifiċi ( 28 ). Din id-dispożizzjoni kienet tirrikonoxxi, fil-fatt, il-kwalità ta’ aġent kummerċjali bħala intermedjarju li jaħdem għal rasu, li jkollu awtorità permanenti li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal. Għalhekk l-imsemmija direttiva ma tipprovdix għal intermedjarji li jaħdmu għal rashom li jinnegozjaw kuntratti ta’ servizzi. Barra minn hekk u kif ukoll semmiet il-Qorti tal-Ġustizzja ( 29 ), nirrileva li riferimenti għal “merkanziji” fir-rigward tal-kuntratti ta’ aġenziji huma inklużi wkoll fl-Artikolu 4(2)(a), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 20(2)(b) tad-Direttiva 86/653. |
50. |
Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni tad-Direttiva 86/653 u hija kkonfermata mill-eżami tax-xogħol preparatorju tagħha. Fil-fatt l-ewwel proposta tad-Direttiva tal-Kummissjoni f’dan il-qasam ( 30 ) kienet tkopri l-“operazzjonijiet kummerċjali” kollha, jiġifieri l-merkanzija u s-servizzi (ara l-Artikoli 2, 7(1) u (2), 8 u 10(3) ta’ dan l-abbozz). Mill-paragun bejn l-imsemmi abbozz tad-Direttiva u t-test tad-Direttiva 86/653 kif finalment adottat mill-Kunsill, jirriżulta b’mod ċar li kienu ġew magħmula emendi sostanzjali, illi illimitaw l-attivitajiet tal-aġenti kkonċernati għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u xiri ta’ merkanzija, u tneħħa b’mod partikolari kull riferiment għal servizzi ( 31 ). |
51. |
L-estensjoni permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ il-liġi tal-1995, tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 86/653 għall-aġenti li joperaw fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi, fl-opinjoni tiegħi, għandha konsegwenza importanti. Id-dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn hija tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall-qasam tas-servizzi, ma tistax tkun ikkunsidrata iktar bħala miżura purament ta’ traspożizzjoni, iżda ssir regola strettament nazzjonali ( 32 ). Huwa biss sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jikkoinċidi ma’ dak tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li din tal-aħħar tista’ titqies bħala miżura ta’ traspożizzjoni. |
52. |
It-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-livell tal-protezzjoni mogħti lill-aġent kummerċjali f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt li jorbtu mal-prinċipal, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 jobbliga b’mod partikolari lill-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni tal-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt. Din id-dispożizzjoni toffri lill-Istati Membri għażla bejn is-sistema ta’ kumpens għall-klijentela u dik ta’ kumpens għad-danni. Dan il-mekkaniżmu huwa intiż biss sabiex jiggarantixxi kumpens għad-danni minimu u ma jippreġudikax il-possibbiltà li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kumpens addizzjonali fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom. Jekk, bħal maġġoranza tal-Istati Membri ( 33 ), ir-Renju tal-Belġju indika, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 86/653 preferenza għas-sistema ta’ kumpens għall-klijentela, imsemmi fl-Artikoli 20 sa 30 tal-liġi tal-1995 permezz tat-termini “kumpens għat-tkeċċija”, l-Artikolu 21 ta’ din il-liġi ma jeskludix li l-aġent jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikseb danni meta l-kumpens ma jkoprix il-preġudizzju subit kollu. |
b) Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tat-traspożizzjoni li jespandu l-kamp u/jew il-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta minn direttiva jistgħu jiġu rikonoxxuti natura imperattiva
53. |
Fir-rigward ta’ lex fori li, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, tespandi mhux biss il-kamp ta’ applikazzjoni, iżda wkoll il-livell tal-protezzjoni mogħtija lill-aġent permezz skont id-Direttiva 86/653, nikkunsidra li l-qorti tista’, bħala regola, tapplika dik il-liġi, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, b’rabta mal-liġi barranija magħżula mill-partijiet għall-kuntratt. |
54. |
Jekk fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tal-forum biss li tiddetermina d-dispożizzjonijiet tad-dritt tagħha li għandhom jingħataw natura imperattiva fid-dawl tal-istruttura u l-formulazzjoni tal-att li minnu tifforma parti, jiena tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regoli mandatarji huma, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, issodisfatti. |
55. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura obbligatorja ta’ dispożizzjoni legali, infakkar li din għandha ssir skont il-formulazzjoni tagħha u l-istruttura ġenerali tal-att li minnu tifforma parti ( 34 ). Il-qorti tista’ wkoll tirrikonoxxi n-natura imperattiva lil dispożizzjoni billi tibbaża ruħha fuq il-volontà tal-leġiżlatur ( 35 ) kif ukoll fuq it-test inkwistjoni ( 36 ). |
56. |
Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 27 tal-liġi tal-1995, il-leġiżlatur Belġjan, lil hinn mill-qasam tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 86/653 li nfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxitu bħala ta’ natura imperattiva ( 37 ), semma espressament li, “[b]la ħsara għall-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom il-Belġju huwa parti, l-attività kollha ta’ aġent kummerċjali li għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fil-Belġju taqa’ taħt il-liġi Belġjana u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani”. Id-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi tal-1995 jistgħu, barra minn hekk, ikunu analizzata bħala l-manifestazzjoni tal-leġiżlatur Belġjan għas-salvagwardja ta’ interess sinjifikattiv. |
57. |
Fit-tieni lok, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali fejn il-lex fori tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-livell ta’ protezzjoni tal-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom previsti mid-Direttiva 86/653, jidhirli li huwa diffiċli li tinstab xi restrizzjoni jew ostakolu għad-drittijiet u libertajiet li jirriżultaw mit-trattati, li hija tan-natura li tibdel l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw id-dispożizzjonijiet tat-trattat. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kumpens għad-danni previst f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li enfasizzat is-sistema stabbilita mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 għandha natura obbligatorja, hija indikat li din tistabilixxi biss livell ta’ protezzjoni minimu. Għalhekk, jekk il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jintroduċu regoli li jwasslu għal-livell ta’ kumpens inferjuri għall-aġenti kummerċjali minn dak previst minn dan l-artikolu, ma għandux ikun prekluż li dawn jipprovdu livell ta’ kumpens għad-danni superjuri ( 38 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, bħala regola, il-qorti nazzjonali hija fil-pożizzjoni li tapplika d-dispożizzjonijiet imperattivi tal-lex fori b’rabta mad-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor magħżul mill-partijiet tal-kuntratt. |
58. |
Fl-opinjoni tiegħi minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, f’każ fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jiżviluppaw leġiżlazzjoni nazzjonali li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u l-livell ta’ protezzjoni tagħha huwa iktar sinjifikattiv minn dak previst mid-Direttiva 86/653, bħal ma jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li jiġu applikati r-regoli mandatarji tal-lex fori minflok il-liġi barranija, skont l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. |
59. |
Din il-konklużjoni jidhirli li taqbel ukoll mas-soluzzjoni mogħtija fil-kawża Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq. F’dak ir-rigward, għandu jitfakkar li dik il-kawża kienet tirrigwarda kwistjoni fejn il-partijiet kienu espressament għażlu li jissottomettu l-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li kien jorbothom għal-liġi ta’ pajjiż terz, pjuttost milli għal-liġi nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 86/653 ( 39 ). F’kuntest bħal dak, id-deroga mill-prinċipju ta’ awtonomija, li fil-prinċipju għandu jipprevali fil-qasam kuntrattwali, kienet iġġustifikata min-neċessità li l-kuntratt ikun sottomess għad-dispożizzjonijiet li jipproteġu l-aġenti kummerċjali li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li huwa essenzjali “għall-ordinament ġuridiku Komunitarju li prinċipal stabbilit f’pajjiż terz, li l-aġent kummerċjali tiegħu jeżerċita l-attività tiegħu ġewwa l-Komunità, ma jistax jaħrab dawn id-dispożizzjonijiet għas-sempliċi raġuni ta’ klawżola ta’ għażla ta’ liġi. Il-funzjoni li għandhom id-dispożizzjonijiet inkwistjoni teżiġi fil-fatt li huma jiġu applikati meta s-sitwazzjoni tippreżenta rabta stretta mal-Komunità, b’mod partikolari meta l-aġent kummerċjali jeżerċita l-attività tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, irrispettivament mil-liġi li għaliha l-partijiet riedu li jissottomettu l-kuntratt” ( 40 ).[traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
60. |
Jekk, huwa minnu, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni u NMB fl-osservazzjoni tagħhom, li l-fatti li taw lok għal din il-kawża jirrigwardaw sitwazzjoni differenti ħafna, fis-sens li kienu jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha l-partijiet għall-kuntratt ta’ aġenzija għażlu d-dritt ta’ pajjiż terz, fejn, b’definizzjoni, is-sistema ta’ protezzjoni tal-aġent kummerċjali li tirriżulta mid-Direttiva 86/653 ma kinitx tapplika, xorta jibqa’ l-fatt li d-domanda mressqa taqa’ fil-kuntest ta’ diverġenza notevoli rigward il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa regola legali sabiex tikkwalifika bħala dispożizzjoni imperattiva fis-sens tad-dritt internazzjonali privat ( 41 ). Sabiex tirrispondi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, fil-kuntest tal-eżami tal-għanijiet u tal-formulazzjoni tal-att inkwistjoni, fuq il-konstatazzjoni li d-dispożizzjonijiet rilevanti kienu jidhru neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tat-trattat ( 42 ), iżda wkoll fuq il-fatt li huwa għandu jilħaq għan ta’ protezzjoni tal-aġent ( 43 ). Jista’ jkun dedott b’analoġija, li, sabiex tkun ikkwalifikata bħala dispożizzjoni obbligatorja, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ protezzjoni ta’ regola partikolari fir-rigward mhux biss ta’ interessi strettament pubbliċi, iżda wkoll tan-neċessità li tkun ikkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tal-grupp ta’ persuni. |
V – Konklużjoni
61. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Hof van Casstie fit-termini li ġejjin: L-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1998, moqrija flimkien mad-Direttiva 86/653/KEE tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi jippermettu li r-regoli mandatarji tal-lex fori li joffru lill-aġent kummerċjali protezzjoni iktar wiesgħa mill-protezzjoni imposta minn din id-direttiva skont tal-interess partikolari li l-Istat Membru jagħti lil dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati għall-kuntratt, anki jekk jidher li d-dritt applikabbli għall-kuntratt huwa d-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li fih l-imsemmija protezzjoni minima li tirriżulta minn din id-direttiva tkun ġiet implementata. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU L 169, p. 10. Skont l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tad-19 ta’ Diċembru 1988 li jirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-1980 (ĠU 1998, C 27, p. 47), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(a) ta’ dan il-protokoll, il-Hof van Cassatie (il-Belġju) għandha l-fakultà li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq kwistjoni mqajma fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiemha u li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), li ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Ruma, japplika biss għall-kuntratti konklużi wara s-17 ta’ Diċembru 2009 (ara l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament). Issa, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien konkluż fis-sena 2005 u estiż għall-aħħar darba, fit-22 ta’ Diċembru 2008.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177.
( 4 ) Moniteur belge tat-2 ta’ Ġunju 1995, p. 15621.
( 5 ) Fil-fatt mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani fil-kawża prinċipali kienet diskussa b’mod qawwi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. B’mod iktar preċiż kienet inkwistjoni l-validità u l-effettività tal-klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt ta’ aġenzija kkontestat.
( 6 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Belvedere Costruzioni, C‑500/10, punt 16, u SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) Recueil des traités des Nations unies, Vol. 330, p. 3.
( 8 ) Enfażi miżjud.
( 9 ) L-indikazzjonijiet ipprovduti fl-osservazzjonijiet ma jirreferux preċiżament għal dawn id-dispożizzjonijiet. Skont l-informazzjoni li jiena għandi, din it-traspożizzjoni ġiet imwettqa permezz ta’ Att adottat u ppubblikat fis-sena 2006 u li d-dħul fis-seħħ tiegħu kien iffissat għall-1 ta’ Jannar 2007.
( 10 ) Il-kunċett ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti, li jippermetti għażla tad-dispożizzjonijiet imperattivi kemm tal-liġi barranija kif ukoll tal-lex fori, jinsab biss fit-titolu tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u inkwantu tali, ma jinsabx fil-kontenut tad-dispożizzjonijiet.
( 11 ) Jekk isir riferiment għal-formulazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-intervent tar-regoli mandatarji tal-forum huwa, b’differenza mir-regoli mandatarji ta’ liġi barranija, mal-ewwel daqqa t’għajn inkundizzjonata. Fir-rigward tar-regoli mandatarji tal-liġi barranija, l-Artikolu 7(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi fil-fatt li dawn ma jistgħux jintervjenu ħlief f’kundizzjonijiet strettament definiti. Skont din id-dispożizzjoni, “ir-regoli mandatarji tal-liġi ta’ pajjiż ieħor li miegħu s-sitwazzjoni jkollha rabta mill-qrib jistgħu jingħataw effett, jekk u sakemm, skond il-liġi ta’ dan l-aħħar pajjiz, dawk ir-regoli għandhom ikunu applikati tkun liema tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Fil-kunsiderazzjoni dwar ir-regoli mandatarji jingħatawx effett, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom u l-effetti tagħhom jekk ikunu applikati jew jekk ma jkunux applikati”.
( 12 ) Fir-rapport li jirrigwarda l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, magħmul minn Mario Giuliano, professur fl-università ta’ Milano, u Paul Lagarde, professur fl-università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1, b’mod partikolari p. 27 u 28), fil-fatt huwa sempliċement indikat li “[l]-oriġini ta’ dan il-paragrafu huwa marbut max-xewqa ta’ ċerti delegazzjonijiet li jissalvagwardjaw ir-regoli (b’mod partikolari r-regoli fil-qasam tal-akkordji, tal-kompetizzjoni, tal-prattiki restrittivi tal-kompetizzjoni, tal-protezzjoni tal-konsumaturi, ċerti regoli fil-qasam tat-trasport) tal-liġi tal-pajjiż tal-qorti li jirregolaw b’mod obbligatorju s-sitwazzjoni tkun xi tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Għalhekk il-paragrafu juri biss l-effett tar-regoli mandatarji (lois d’application immédiate, leggi di applicazione necessaria, eċċ.) taħt lenti differenti minn dik tal-paragrafu 1” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 13 ) Ara P. Lagarde, “Convention de Rome”, Répertoire de droit communautaire, Dalloz, punt 106.
( 14 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999 (C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453).
( 15 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008 (C-319/06, Ġabra p. I-4323).
( 16 ) Jirriżulta mill-proposta tar-Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2005 [COM(2005) 650 finali] li d-definizzjoni ta’ regoli mandatarji mogħtija finalment fl-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I hija ispirata effettivament mill-ġurisprudenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, “[d]ispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament”.
( 17 ) Sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).
( 18 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29).
( 19 ) Fil-fatt jista’ jkun sostnut b’mod leġittimu li huwa biss fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “regoli mandatarji u ta’ sigurtà” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tesponi, l-ewwel nett (ara l-punt 30 tas-sentenza), is-sinjifikat ta’ din l-espressjoni (ara, b’mod partikolari, J.-J. Kuipers u S. Migliorini, “Qu’est-ce que sont les lois de police? Une querelle franco-allemande après la communautarisation de la Convention de Rome”, European Review of Private Law, 2-2011, p. 199).
( 20 ) Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-interessi ma għandhomx ikunu limitati biss għal interessi purament statali, iżda jistgħu jkopru kull regola meqjusa essenzjali għas-salvagwardja tal-organizzazzjoni politika, soċjali u ekonomika. F’dan is-sens, nirrileva li n-natura imperattiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 86/653, fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C-381/98, Ġabra p. I-9305, punt 23), kienet dedotta mill-għanijiet tagħha, jiġifieri dawk intiżi “għat-tħassir tar-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent kummerċjali, sabiex il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-Komunità jsiru uniformi u sabiex tiżdied is-sigurtà tal-operazzjonijiet kummerċjali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 21 ) Ara, b’analoġija, il-punt 73 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq.
( 22 ) Sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31).
( 23 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Akyüz (C‑467/10, punt 53).
( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik (C-44/01, Ġabra p. I-3095, punt 44), u tat-18 ta’ Novembru 2010, Lidl (C-159/09, Ġabra p. I-11761, punt 22).
( 25 ) L-evalwazzjoni tal-grad ta’ armonizzazzjoni stabbilita minn direttiva għandha tkun ibbażata fuq il-formulazzjoni kif ukoll fuq is-sens u l-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ April 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, C-52/00, Ġabra p. I-3827, punt 16, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast, C-192/04, Ġabra p. I-7199, punt 46).
( 26 ) Din hija konstatazzjoni simili għal dik magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C-3/04, Ġabra p. I-2505), fir-rigward tat-traspożizzjoni fid-dritt Olandiż tal-istess direttiva (punti 6 u 12 tas-sentenza, kif ukoll punti 5, 11 u 12 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed f’din il-kawża). Din l-estensjoni kienet ukoll stabbilita f’diversi Stati Membri, b’mod partikolari fil-leġiżlazzjoni Belġjana, Ġermaniża, Spanjola, Franċiża, Taljana, Awstrijaka, Lussemburgiża, Olandiża u Portugiża. Min-naħa l-oħra, fil-leġiżlazzjoni Daniża, Griega, Irlandiża, Finlandiża, Svediża u anki Britannika, l-għan tal-kuntratt ta’ aġenzjia kien inizjalment limitat għall-bejgħ ta’ merkanziji (ara, għal studju dwar dan, T. Steinmann, P. Kenel, u I. Billotte, “Le contrat d’agence commerciale en Europe”, LGDJ, 2005, b’mod partikolari p. 22 sa 54).
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, C. Verbraeken, u A. Schoutheete, “La loi du 13 avril 1995 relative au contrat d’agence commerciale”, Ġurnal tal-qrati nru 5764 (1995), p 461-469. L-awturi jiddikjaraw li l-aġent kummerċjali jinnegozja jew jikkonkludi “negozji”, “il-leġiżlatur volontarjament għamel użu [minn] vokabularju vag […] b’mod illi ta lil-liġi l-iktar kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ possibbli u illi żamm il-parallelliżmu mal-istatus ta’ rappreżentant tal-kummerċ [ara, b’mod partikolari, id-dokumenti parlamentarji, sessjonijiet ordinarji, 1994-1995, 1750-2, p. 2 u 3]. Filwaqt li d-Direttiva tipprovdi biss għall-bejgħ u xiri ta’ merkanzija, il-liġi tapplika wkoll għall-bejgħ, xiri jew il-kera ta’ immobbli, għall-provvista ta’ servizzi jew għal ċerti kuntratti ta’ impriża”. Huwa nnotat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-1995 kien suġġett għal żewġ estensjonijiet oħra fl-1999 (sabiex ikopri s-setturi ta’ assigurazzjoni, istituzzjonijiet ta’ kreditu u swieq irregolati ta’ beni mobbli), u mbagħad fl-2005 (sabiex jipproteġi l-kandidati u l-membri ta’ korpi ta’ konsultazzjoni magħquda).
( 28 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Frar 2004, Mavrona (C-85/03, Ġabra p. I-1573, punt 15).
( 29 ) Ara d-digriet tas-6 ta’ Marzu 2003, Abbey Life Assurance (C-449/01, punti 4 u 14).
( 30 ) ĠU 1977, C 13, p. 2.
( 31 ) Ara d-digriet Abbey Life Assurance, iċċitat iktar ’il fuq (punt 15).
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, J.-S. Bergé, “Au-delà du droit communautaire, le droit national”, Reviżjoni tal-kuntratti, 2006, p. 873 sa 878. F’kummentarju tas-sentenza Poseidon, iċċitata iktar ’il fuq, u mistoqsi dwar in-natura legali tar-regola nazzjonali li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva tal-Unjoni, l-awtur ikkunsidra li regola nazzjonali li tapplika regola tal-Unjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tibqa’ strettament regola nazzjonali. L-imsemmija regola ma hijiex għalhekk paragunabbli ma’ regola ta’ traspożizzjoni klassika li għandha, fir-rigward tagħha, natura doppja: nazzjonali, fir-rigward tal-forma tagħha, u Komunitarja, fir-rigward tal-għan tagħha. Huwa għalhekk biss jekk id-direttiva għandha tiġi applikata li l-liġi nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ traspożizzjoni nazzjonali.
( 33 ) Ara, T. Steinmann, P. Kenel, u I. Billotte, “Le contrat d’agence commerciale en Europe”, op. cit., p. 566 sa 611.
( 34 ) Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.
( 35 ) Fir-rigward tal-liġi tal-1995, din il-volontà hija espressa b’mod ċar fix-xogħol preparatorju. Ġie nnotat ukoll li “[i]l-grupp ta’ xogħol kkonkluda għalhekk li d-dispożizzjonijiet kollha huma ta’ dritt imperattiv ħlief fejn huwa espressament imsemmi li derogi huma possibbli” (ara dokumenti parlamentarji, Sénat, 355-3, S.E. 1991-1992, 14).
( 36 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 18, 20 u 21 tal-liġi tal-1995.
( 37 ) Ara s-sentenzi Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq (punti 20 sa 25), u tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C-465/04, Ġabra p. I-2879, punt 22).
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Honyvem Informazioni Commerciali, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).
( 39 ) Ara s-sentenza Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq (punt 10).
( 40 ) Ibidem (punt 25).
( 41 ) Ibidem (b’mod partikolari l-punti 16 sa 19).
( 42 ) Ibidem (punti 23 sa 25).
( 43 ) Ibidem (punti 20).