EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TJ0674

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Settembru 2015.
TV2/Danmark A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Servizz pubbliku tax-xandir – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna implementata mill-aworitajiet Daniżi favur ix-xandar Daniż ta’ servizz pubbliku TV2/Danmark – Finanzjament pubbliku mogħti sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż inerenti għall-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku – Kunċett ta’ għajnuna – Sentenza Altmark.
Kawża T-674/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:684

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

24 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Servizz pubbliku tax-xandir — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Għajnuna implementata mill-aworitajiet Daniżi favur ix-xandar Daniż ta’ servizz pubbliku TV2/Danmark — Finanzjament pubbliku mogħti sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż inerenti għall-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku — Kunċett ta’ għajnuna — Sentenza Altmark”

Fil-Kawża T‑674/11,

TV2/Danmark A/S, stabbilita f’Odense (id-Danimarka), irrappreżentata minn O. Koktvedgaard, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn C. Vang u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti, sussegwentement minn Pasternak Jørgensen, assistita minn K. Lundgaard Hansen, avukat u fl-aħħar nett minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn Lundgaard Hansen u R. Holdgaard, avukat,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, C. Støvlbæk u U. Nielsen, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Viasat Broadcasting UK Ltd, stabbilita f’West Drayton (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Kalsmose-Hjelmborg u M. Honoré, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark (ĠU L 340, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, N. J. Forwood u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

L-isfond u l-kuntest fattwali tat-tilwima

1

Dan ir-rikors għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark (ĠU L 340, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn hija tikkonstata li l-imsemmija miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat jew, sussidjarjament, sa fejn hija tikkonstata li wħud minn dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna ġdida.

2

Huwa ġie ppreżentat minn TV2/Danmark A/S (iktar ’il quddiem “TV2 A/S” jew ir-“rikorrenti”), li hija kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata tax-xandir Daniża. TV2 A/S inħolqot sabiex jissostitwixxi, b’effetti ta’ kontabbiltà u fiskali fl-1 ta’ Jannar 2003, l-impriża Statali awtonoma TV2/Danmark (iktar ’il quddiem “TV2”), stabbilita fl-1986, permezz tal-Lov no 335 om ændring af Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed, tal-4 ta’ Ġunju 1986 (liġi li temenda l-liġi dwar is-servizz tax-xandir). TV2 A/S, bħalma kienet il-predeċessur tagħha, TV2, huwa t-tieni stazzjon tat-televiżjoni pubblika fid-Danimarka, peress li l-ewwel wieħed kien Danmarks Radio (iktar ’il quddiem “DR”).

3

Il-missjoni ta’ TV2 A/S, bħal dik, preċedentement, ta’ TV2, hija li tipprovdi u tiddistribwixxi programmi televiżivi nazzjonali u reġjonali. Id-distribuzzjoni tista’ ssir permezz ta’ apparat tar-radju, sistemi tas-satellita jew tal-kejbil. Regoli li jikkonċernaw l-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 A/S u, preċedentement, ta’ TV2, huma stabbiliti mill-Ministru tal-Kultura Daniż.

4

Barra x-xandara pubbliċi, fis-suq Daniż kollu tat-televiżjoni joperaw xandara kummerċjali. Dawn huma b’mod partikolari, minn naħa, il-kumpannija Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”) u, min-naħa l-oħra, tal-grupp magħmul mill-kumpanniji SBS TV A/S u SBS Danish Television Ltd (iktar ’il quddiem “SBS”).

5

TV2 ġiet ikkostitwita bl-għajnuna ta’ self mill-Istat b’interess u l-attività tagħha kellha, bħal dik ta’ DR, tiġi ffinanzjata bl-għajnuna tal-qligħ tad-drittijiet tal-liċenzji mħallsa mit-telespettaturi Daniżi. Il-leġiżlatur Daniż kien, madankollu, iddeċieda li, kuntrarjament għal DR, TV2 ikollha wkoll l-opportunità li tibbenefika, b’mod partikolari, mill-qligħ tal-attività ta’ reklamar.

6

Wara lment ippreżentat, fil-5 ta’ April 2000, mill-kumpannija SBS Broadcasting SA/Tv Danmark, is-sistema ta’ finanzjament ta’ TV2 kienet suġġetta għal eżami mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fid-Deċiżjoni tagħha 2006/217/KE tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur [TV 2] (ĠU 2006, L 85, p. 1, rettifika fil-ĠU 2006, L 368, p. 1, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni TV2 I”). Din id-deċiżjoni kienet tkopri l-perijodu mill-1995 sal-2002 u kienet tirrigwarda l-miżuri segwenti: ir-riżorsi bbażati fuq id-dħul mil-liċenzji, it-trasferiment ta’ fondi responsabbli għall-finanzjament ta’ TV2 (Fond TV2 u Radiofonden), somom mogħtija ad hoc, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ interessi u mir-rimbors tal-kapital tas-self mogħti lil TV2 waqt il-kostituzzjoni tagħha, il-garanzija tal-Istat għas-self operattiv kif ukoll il-kundizzjonijiet favorevoli ta’ ħlas tad-dritt għal-liċenzji dovuta minn TV2 għall-użu tal-frekwenza ta’ trasmissjoni nazzjonali (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri rilevanti”). Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ffukat ukoll fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija lil TV2 sabiex ixxandar fuq frekwenzi lokali fin-netwerk u fuq l-obbligu tas-sidien kollha ta’ antenni komunali li jxandru l-programmi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 fuq il-faċilitajiet tagħhom.

7

Fit-tmiem tal-eżami tal-miżuri kkonċernati, il-Kummissjoni kkonkludiet li huma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (li sar l-Artikolu 107(1) TFUE). Hi tikklassifika wkoll l-għajnuna bħala għajnuna ġdida. Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 98 u 99) jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-awtorizzazzjoni, mogħtija lil TV2, li xxandar fuq frekwenzi lokali fin-netwerk kif ukoll l-obbligu impost fuq il-proprjetarji ta’ antenni komunali li jxandru programmi ta’ TV2 ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, sa fejn dawn ma kinux jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri kkonċernati kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni li biha l-iskema ta’ finanzjament ta’ TV2, li kienet intiża sabiex tikkumpensa l-ispiża tal-provvisti tagħha ta’ servizz pubbliku, ma kinitx tssodisfa t-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark” u, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-“kundizzjonijiet Altmark ”, EU:C:2003:415).

8

Il-Kummissjoni barra minn hekk iddeċidiet li l-għajnuna msemmija iktar ’il fuq, mogħtija bejn l-1995 u l-2002 mir-Renju tad-Danimarka lil TV2, kienet kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 86(2) KE (li sar l-Artikolu 106(2) TFUE) bl-eċċezzjoni ta’ ammont ta’ DKK (kroner Daniżi) 628.2 miljun li hija tikklassifika bħala kumpens żejjed (premessa 163 u Artikolu 1 tad-Deċiżjoni TV2 I). Hija b’hekk ordnat lir-Renju tad-Danimarka l-irkupru ta’ dan l-ammont bl-interessi minn TV2 A/S (Artikolu 2 tad-Deċiżjoni TV2 I) li ssostitwixxiet sadanittant TV2 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

9

Peress li l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni TV2 I irrenda lil TV2 A/S insolventi, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni, b’ittra tat-23 ta’ Lulju 2004, pjan ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ din tal-aħħar. Fir-rigward tal-miżuri ffinanzjati mill-Istat, dan il-pjan kien jipprovdi, minn naħa, kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ DKK (kroner Daniż) 440 miljun u, min-naħa l-oħra, il-konverżjoni f’kapital ta’ self mill-Istat ta’ DKK 394 miljun. Permezz tad-deċiżjoni tagħha C (2004) 3632 finali, tas-6 ta’ Ottubru 2004, fil-każ dwar għajnuna mill-Istat N 313/2004, relattiv għar-rikapitalizzazzjoni ta’ fil-każ dwar għajnuna mill-Istat Nru 313/2004, dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta’ TV2 A/S (ĠU 2005, C 172, p. 3, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni”), il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żewġ miżuri maħsuba favur TV2 A/S kienu “neċessarji sabiex jiġi rrikostitwit il-kapital li TV2 [A/S], wara t-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija [pubblika] b’responsabbiltà limitata, għandha [kellha] bżonn sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku” (premessa 53 tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni). Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li kull element ta’ għajnuna mill-Istat li jista’ jkun marbut mar-rikapitalizzazzjoni prevista ta’ TV2 A/S huwa kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 86(2) KE (premessa 55 tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni).

10

Id-Deċiżjoni TV2 I kien is-suġġett ta’ erba’ rikorsi għal annullament ippreżentati, minn naħa, minn TV2 A/S (Kawża T‑309/04) u mir-Renju tad-Danimarka (Kawża T‑317/04) u, min-naħa l-oħra, mill-kompetituri ta’ TV2 A/S, Viasat (Kawża T‑329/04) u SBS (Kawża T‑336/04).

11

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni (T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza TV2 I ”, EU:T:2008:457), il-Qorti Ġenerali annulla id-deċiżjoni TV2 I. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li kien ġustament li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-missjoni tas-servizz pubbliku fdat lil TV2 kienet tissodisfa d-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tax-xandir (sentenza TV2 I, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2008:457, punt 124). Madankollu, hija kkonstatat ukoll l-eżistenza ta’ diversi illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni TV2, li, finalment, wasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

12

B’hekk, l-ewwel nett, meta eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri intiżi mid-deċiżjoni TV2 I kinux jinvolvu riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, de facto, tad-dħul mir-reklamar tas-snin 1995 sa 1996 bħala riżorsi tal-Istat (sentenza TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq, EU:T:2008:457, punti 160 sa 167). It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżami, mill-Kummissjoni, tad-domanda dwar jekk it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark kinux issodisfatti ma kinitx ibbażata fuq analiżi serja, tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi konkreti li fuq il-bażi tagħhom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2. Konsegwentement, id-deċiżjoni TV2 I kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt (sentenza TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq, EU:T:2008:457, punti 224 sa 233). It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 86(2) KE, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ kumpens żejjed, kienu, huma wkoll, ivvizjati bi żball ta’ motivazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa spjegat mill-assenza ta’ eżami serju tal-kundizzjonijiet konkreti, ġuridiċi u ekonomiċi, li wasslu sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (sentenza TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq, EU:T:2008:457, punti 192 u 197 sa 203).

13

Id-deċiżjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament ippreżentati minn SBS u Viasat. Permezz ta’ żewġ digrieti mogħtija fl-24 ta’ Settembru 2009, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, fid-dawl tal-annullament tad-deċiżjoni TV2 I u tar-rabta mill-qrib li hemm bejn l-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna li jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni u l-miżuri koperti mid-deċiżjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni, ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq (digrieti tal-24 ta’ Settembru 2009, SBS TV u SBS Danish Television/Commission, T‑12/05, EU:T:2009:357, u Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T‑16/05, EU:T:2009:358).

14

Insegwitu għall-annullament tad-deċiżjoni TV2 I, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-miżuri kkonċernati. F’din l-okkażjoni, hija kkonsultat lir-Renju tad-Danimarka u lil TV2 A/S u, barra minn hekk, irċeviet ukoll osservazzjonijiet minn terzi.

15

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid tagħha tal-miżuri kkonċernati fid-deċiżjoni kkontestata, li hija koperta wkoll minn rikors ieħor ippreżentat minn Viasat Broadcasting UK (Kawża T-125/10, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni) li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’sentenza tal-lum.

16

Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-miżuri meħuda fir-rigward ta’ TV2 bejn l-1995 u l-2002. Madankollu, fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni meħuda fl-2004 wara d-deċiżjoni TV2 I.

17

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE favur TV2 (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). L‑ewwel nett, hija qieset li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tieni nett, meta vverifikat l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, ikkonkludiet li l-miżuri kkonċernati ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, filwaqt li fid-deċiżjoni TV2 I hija kienet ikkonkludiet li s-somma ta’ DKK 628.2 miljun kienu jikkostitwixxu kumpens żejjed inkompatibbli mal-Artikolu 86(2) KE, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li din is-somma kienet riżerva ta’ fondi xierqa għal TV2 A/S. Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, hija għaldaqstant iddikjarat kif ġej:

Artikolu 1

Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur [TV2] bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja u miżuri oħra identifikati fid-deċiżjoni preżenti huma kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) [TFUE]”.

18

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi nnutat li r-Renju tad-Danimarka ħadet miżuri għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ TV2 A/S. B’hekk, minn naħa, fis-16 ta’ Ġunju 2008, hija nnotifikat proġett ta’ għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu, maħsuba li tingħata lil TV2 A/S. Din l-għajnuna kienet approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha C(2008) 4224 finali, tal-4 ta’ Awwissu 2008, fil-Każ Nru 287/2008, relatata mal-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil TV2 A/S (ĠU 2009, C 9, p. 1). Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet is-suġġett ta’ rikors minn Viasat. Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li l-għajnuna approvata bid-deċiżjoni inkwistjoni kienet irrimborsata fl-intier tagħha, iddeċidiet li r-rikors kien mingħajr suġġett u li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni (digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T‑114/09, EU:T:2012:144).

19

Min-naħa l-oħra, fl-4 ta’ Frar 2009, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni bil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ TV2 A/S. Fid-deċiżjoni tagħha 2012/109/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar għajnuna mill-Istat C 19/09 (ex N 64/09), li d-Danimarka biħsiebha timplimenta fir-rigward tar-ristrutturar ta’ [TV2 A/S] (ĠU 2012, L 50, p. 21), li l-Kummissjoni qieset li dan il-pjan ta’ ristrurrazzjoni kien kompatabbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, taħt ċerti kundizzjonijiet, waħda minnhom tkun il-projbizzjoni tal-ħlas ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-imsemmi pjan, għar-raġuni li s-sitwazzjoni tal-kumpannija benefiċjarja tjiebet. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn Viasat. Peress li Viasat irtirat ir-rikors tagħha, il-kawża tħassret mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali bid-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2012, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni (T‑210/12, EU:T:2012:660).

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fit-30 ta’ Diċembru 2011, TV2 A/S ippreżentat dan ir-rikors.

21

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Marzu 2012, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni, f’din il-kawża, insostenn tat-talbiet ta’ TV2 A/S.

22

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2012, Viasat talbet li tintervjeni, f’din il-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

23

Permezz ta’ digrieti tat-13 ta’ Lulju 2012, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet.

24

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti nbidlet u l-Imħallef Relatur ġie assenjat, bħala President, lit-Tmien Awla, din il-kawża konsegwentement ġiet assenjata lil din l-Awla.

25

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-qafas tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lir-rikorrenti u lir-Renju tad-Danimarka sabiex jipproduċu d-dokumenti. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fit-terminu prefiss.

26

Peress li membru tal-Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal- Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

27

It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015.

28

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri kkonċernati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li:

il-miżuri kkonċernati kollha kienu jikkostiwixxu għajnuna ġdida;

ir-riżorsi meħuda mid-dħul mil-liċenzja li kienu, mill-1997 sal-2002, ittrasferiti lil TV2, u wara mogħtija lill-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2;

id-dħul mir-reklamar li, fl-1995 u fl-1996, kif ukoll il-waqt l-istralċ tal-Fond TV2 fl-1997, ġew ittrasferiti mill-imsemmija fond lil TV2 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2.

29

Ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, konformement mal-kap tat-talbiet prinċipali tar-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dħul mir-reklamar li, fl-1995 u fl-1996, kif ukoll waqt l-istralċ tal-Fond TV2 fl-1997, ġew ittrasferiti milll-imsemmija fond lil TV2 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2.

30

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

31

Viasat issostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

32

Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Madankollu, iċ-ċirkustanzi tal-kawża jimponu eżami ta’ din il-kwistjoni li, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni, ser issir ex officio, konformement mal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

33

Peress li r-rikorrenti hija l-unika benefiċjarja tal-miżuri koperti mid-deċiżjoni kkontestata, il-locus standi tagħha huwa stabbilit (sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra, EU:C:1980:209, punt 5).

34

Madankollu għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors hija wkoll suġġetta għall-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika li ppreżentat ir-rikors għandha interess li tara li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata. Dan l-interess għandu jkun eżistenti u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jitressaq ir-rikors. Tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali jew, fi kliem ieħor, li r-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq, EU:T:2008:457, punti 67 u 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’din il-kawża, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għandhiex interess ġuridiku, peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-miżuri li jikkonċernaw għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq intern u, għaldaqstant, ma ordnatx lill-awtoritajiet Daniżi sabiex jirkupraw l-għajnuna mingħand ir-rikorrenti.

36

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, mill-ġurisprudenza, mogħtija fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati mill-benefiċjarju tal- għajnuna kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompletament kompatibbli mas-suq komuni jew li tiddikjara kompatibbli waħda mill-miżuri ta’ finanzjament kontenzjużi, jirriżulta li l-interess ġuridiku jista’ jiġi dedott mill-eżistenza ta’ riskju reali li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti tintlaqat minn azzjonijiet ġudizzjarji jew mill-fatt li r-riskju ta’ azzjonijiet ġudizzjarji huwa eżistenti u attwali (ara s-sentenza TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq, EU:T:2008:457, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

S’issa, il-ġurisprudenza ammettiet li l-eżistenza ta’ riskju “reali” jew “eżistenti u attwali” ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra rikorrent benefiċjarju ta’ għajnuna illegali u kompatibbli mas-suq intern kienet irrikonoxxuta meta, minn naħa, tali azzjoni kienet diġà pendenti quddiem il-qrati nazzjonali fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni T‑141/03, Ġabra, EU:T:2005:129, punti 29 u 30) jew meta hija trressqet quddiem dawn il-qrati qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq, EU:T:2008:457, punti 79 sa 81) u, min-naħa l-oħra, l-azzjoni ġudizzjarja pendenti quddiem il-qrati nazzjonali invokata mir-rikorrenti kellha bħala suġġett l-għajnuna intiża mid-deċiżjoni msemmija li kienet is-suġġett tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni T‑136/05, Ġabra, EU:T:2007:295, punti 41 sa 43).

38

F’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni, fir-rikors, li l-interess leġittimu u attwali tagħha li tippreżenta r-rikors kien ibbażat fuq il-klassifikazzjoni stess tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u ta’ għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Hija tfakkar li tali klassifika tesponiha għall-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ notifika tal-miżuri kkonċernati, jiġifieri, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza CELF”, EU:C:2008:79), għall-obbligu li tirrimborsa lill-Istat l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità u, jekk ikun il-każ, għall-obbligu li tikkumpensa d-danni li l-kompetituri tagħha setgħu sofrew minħabba n-natura illegali tal-għajnuna. Hija indikat ukoll li proċedura intiża għall-kundanna tal-ħlas ta’ tali interessi u ta’ tali kumpens kienet nbdiet minn Viasat quddiem il-qrati Daniżi fl-2006. Din il-proċedura ġiet sospiża sakemm, minn naħa, tingħata s-sentenza TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2008:457) tal-Qorti Ġenerali u, insegwitu, tad-deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni.

39

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti u Viasat ippreċiżaw li l-azzjoni mressqa minn din tal-aħħar fl-2006 inkludiet diversi kapijiet tat-talbiet. Wieħed minnhom, dirett kontra r-rikorrenti, jirrigwarda l-ħlas ta’ interessi għall-perijodu ta’ illegalità. Ieħor, dirett kontra r-Renju tad-Danimarka, jikkonċerna l-kumpens mitlub minn Viasat minħabba l-ħlas, prematur u illegali, skont din tal-aħħar, ta’ għajnuna mill-Istat intiża mid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti u Viasat ikkonfermaw ukoll li, f’dak li kien jikkonċerna ż-żewġ kapijiet ta’ talbiet imsemmija iktar ’il fuq, peress li l-imsemmija kienet għadha pendenti fiż-żmien tal-preżentata ta’ din l-azzjoni u li hija kienet ġie sospiż mill-qorti adita sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi din it-tilwima.

40

Minħabba dawn l-elementi, hemm lok jitqies li r-rikorrenti wriet b’mod suffiċjenti l-eżistenza, fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha, ir-riskju eżistenti u attwali ta’ azzjoni ġudizzjarja fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq.

41

Dan ir-rikors huwa għaldaqstant inammissibbli.

Fuq il-mertu

42

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi, l-ewwel wieħed minnhom huwa marbut mal-kap tat-talbiet prinċipali u l-aħħar tlieta, rispettivament, mat-tliet kapi tat-talbiet sussidjarji. Dawn il-motivi huma bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri kkonċernati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat; it-tieni, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ għajnuna ġdida ta’ riżorsi mogħtija lil TV2 ġejjin mid-dritt tal-liċenzja kif ukoll tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji li kienet ingħatat; it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riżorsi li ġejjin mill-ħlas tal-liċenzja mħallsa lura minn TV2 lill-istazzjonijiet reġjonali kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2 u, ir-raba’, fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni qieset li d-dħul mir-reklamar imħallas lil TV2 permezz tal-Fond TV2 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

43

L-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat. It-tieni motiv jikkontesta, parzjalment, il-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna ġdida. Ir-rikorrenti tikkontesta, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida tar-riżorsi meħuda mill-ħlas tal-liċenzja u mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Sa fejn il-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida tippresupponi li l-imsemmija miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, it-tieni motiv ser jiġi eżaminat fl-aħħar lok, wara l-analiżi tal-mertu tal-motivi li bihom ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza stess tal-għajnuna mill-Istat.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri kkonċernati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat

44

Skont l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, issostni, essenzjalment, li huwa żbaljat li l-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretat mis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

45

Fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti u tar-Renju tad-Danimarka, għandu jitqies li dan il-motiv għandu erba’ partijiet, l-ewwel minnhom hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE kif interpretat mis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415). It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. It-tielet u r-raba partijiet huma bbażati fuq applikazzjoni żbaljata, rispettivament, tat-tieni u tar-raba’ kundizzjoni Altmark.

46

Qabel ma ssir l-analiżi ta’ dawn l-erba’ partijiet, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippresupponi li jeżistu erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri li għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent għandu jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u li għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq, EU:C:2003:4150, punt 75).

47

Mid-definizzjoni stabbilita fil-punt 46 iktar ’il fuq jirriżulta li waħda mill-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1)TFUE hija l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju. F’dan ir-rigward, fis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq, (EU:C:2003:415), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, oħra, sa fejn intervent mill-Istat għandu jitqies bħala kumpens inkambju għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, huwa ma jistax jitqies bħala li jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu li jqiegħdu f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri. Tali intervent ma jissodisfax għaldaqstant wieħed mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u, konsegwentement, ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, Ġabra, EU:C:2013:288, punt 84).

48

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat erba’ kundizzjonijiet li jrid jissodisfa kumpens imħallas għall-eżekuzzjoni ta’ provvisti ta’ servizz pubbliku sabiex, f’każ konkret, huwa jista’ jitqies bħala li ma jagħtix vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u b’hekk jevita l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq, EU:C:2003:415, punti 87 sa 94).

49

Il-kundizzjonijiet Altmark huma dawn li ġejjin: L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat l-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi. Ir-raba’ nett, meta, f’każ speċifiku, l-impriża li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma hijiex magħżula permezz ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat kapaċi li jipprovdi tali servizzi bl-inqas spiża għall-komunità, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż, li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll profitt raġjonevoli.

50

L-ewwel motiv ta’ dan ir-rikors jikkonċerna, prinċipalment, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark.

– Fuq l-ewwel parti relatata mal-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretata mis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415)

51

Fil-kuntest tal-ewwel parti, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tagħmel xi kummenti ġenerali relatati mal-interpretazzjoni tas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003: 415), u tal-kundizzjonijiet Altmark. Hija ssostni li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu interpretati skont il-kuntest u l-iskop tagħhom u b’mod li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jiġix estiż għal miżuri li ma jipprovdux lill-impriżi vantaġġ li jiffavorixxihom iktar mill-kompetituri tagħhom. It-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li tgħid li l-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku wara li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti relatati magħhom kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi hija fundamentali għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u dan jirriżulta mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari, mis-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza BUPA”, EU:T:2008:29), il-possibbiltà ta’ deroga mill-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet l-oħra.

52

Hemm lok li jitqies li, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, meta eżaminat miżura fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretata mis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), il-Kummissjoni għandha tqis qabel kollox jekk it-tielet kundizzjoni Altmark hijiex sodisfatta u, jekk iva, tidderoga mill-applikazzjoni tat-tieni u tar-raba’ kundizzjonijiet Altmark. B’hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisret l‑Artikolu 107(1) TFUE peress li, minflok ma applikat is-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU C:2003:415), skont il-metodoloġija proposta mir-rikorrenti, hija kkonstatat li t-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark kellhom jiġi applikati, mingħajr ma vverifikat minn qabel, fil-kuntest tat-tielet kundizzjoni Altmark, jekk il-vantaġġ mogħti lil TV2 permezz tal-miżuri kkonċernati fil-fatt ikunx effettivament iktar minn dak li huwa neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku.

53

Din l-interpretazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti hija neċessarja, peress li jidher li tnaqqas il-kunċett ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għall-kunċett ta’ kumpens żejjed jew, fi kliem ieħor, kumpens li huwa iktar minn dak li huwa neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens tat-tielet kundizzjoni Altmark. Għaldaqstant, skont din il-perspettiva, jekk il-kumpens żejjed ma jeżistix, il-vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jeżistix iżjed u l-miżura ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

54

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, bi tweġiba għall-argumenti simili għal dawk imressqa mir-rikorrenti, ibbażata fuq il-predominanza tat-tielet kundizzjoni Altmark, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li mill-kliem neqsin minn kull ambigwità tas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), jirriżulta li l-erba’ kundizzjonijiet li tistabbilixxi għandhom bħala għan il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, u b’mod iktar preċiż id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ. Intervent tal-Istat li ma jissodisfax waħda jew iktar mill-imsemmija kundizzjonijiet għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Pajjiżi l-Baxxi u NOS vs Il-Kummissjoni T‑231/06 u T‑237/06, Ġabra, EU:T:2010:525, punti 128, 145 u 146 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, FAB vs Il-Kummissjoni, T‑8/06, EU:T:2009:386, punt 65).

55

Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari tar-relazzjoni bejn it-tielet u t-tieni kundizzjoni Altmark, jidher li huwa impossibbli li jiġi kkonstatat li kumpens mogħti lil impriża benefiċjarja responsabbli ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku ma huwiex iktar minn dak li huwa neċessarju biex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi mingħajr ma jkun magħruf, minn qabel, skont liema parametri huwa stabbilit l-ammont ta’ dan il-kumpens, li jikkostitwixxi ġustament is-suġġett tat-tieni kundizzjoni Altmark.

56

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssotni r-rikorrenti, il-kundizzjonijiet Altmark kollha għandhom ikunu ssodisfatti sabiex intervent tal-Istat ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE.

57

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ validament tinvoka s-sentenza BUPA, punt 51 iktar ’il fuq (EU:T:2008:29), sabiex issaħħaħ l-argument tagħha li jgħid li huwa possibbli li ssir deroga minn uħud mill-kundizzjonijiet Altmark. Għandu jitfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-validità tad-deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni kienet evalwat, fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE, skema li tirrendi r-riskji ekwivalenti (iktar ’il quddiem ir-“RES”) fis-suq Irlandiż tal-assigurazzjoni kontra l-mard privata. L-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard privata fl-Irlanda hija bbażata, essenzjalment, fuq obbligu ta’ adeżjoni miftuħa, indipendentement mill-età tagħha, mis-sess tagħha jew mill-istat ta’ saħħa tagħha u fuq rata komuni imposta fuq l-assiguraturi, li jimplika li l-assigurati jħallsu l-istess primjum għall-istess tip ta’ prodott, indipendentement mill-istat tas-saħħa tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-RES kienet tipprevedi, minn naħa, il-ħlas ta’ miżata li korp tal-Istat, il-Health Insurance Authority (awtorità għall-assigurazzjoni kontra l-mard, iktar ’il quddiem il-“HIA”), HIA mill-assiguraturi li jkollhom profil ta’ riskju iktar b’saħħtu mill-profil ta’ riskju medju tas-suq u, min-naħa l-oħra, il-ħlas korrispondenti mill-HIA lill-assiguraturi APKM li jkollhom profil ta’ riskju inqas b’saħħtu mill-profil ta’ riskju medju tas-suq. Dawn il-ħlasijiet isiru permezz ta’ fond maħluq speċjalment għal dan ir-rigward u amministrat mill-HIA. Meta stabbilixxiet din l-iskema ta’ solidarjetà bejn l-assiguraturi, ir-RES riedet tiżgura l-istabbiltà tas-suq tasl-assigurazzjoni kontra l-mard privata fl-Irlanda u t-tneħħija tad-differenza fil-profili ta’ riskju bejn l-assiguraturi sabiex ikun evitat li l-assiguraturi jolqtu, permezz ta’ strateġiji selettivi ta’ marketing pereżempju, lill-konsumaturi b’riskju ridott. Il-Kummissjoni eżaminat din l-iskema wara lment ippreżentat minn wieħed mill-assiguraturi li, minħabba profil ta’ riskju iktar b’saħħtu, kien iħallas miżati ogħla mill-oħrajn. Wara li eżaminat ir-RES, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet timplika ħlasijiet li huma limitati għall-minimu neċessarju sabiex l-assiguraturi benefiċjarji jitħallsu lura għall-obbligi tagħhom ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali u ma jimplikax għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza BUPA, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punti 27, 37, 41 u 43).

58

Huwa fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tar-RES deskritti fil-punt 57 iktar ’il fuq, jiġifieri, minn naħa, in-newtralità ta’ din l-iskema ta’ kumpens fir-rigward tad-dħul u l-benefiċċji tal-benefiċjarji u, min-naħa l-oħra, il-partikolarità tal-ispejjeż eċċessivi marbutin ma’ profil ta’ riskju negattiv ta’ dawn il-benefiċarji, li l-Qorti Ġenerali aċċettat li waħda mill-kondizzjonijiet Altmark, jiġifieri r-raba’ waħda, ma tistax tiġi applikata b’mod strett, f’dan il-każ (sentenza BUPA, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punti 246 sa 248).

59

Issa, minn naħa, ir-rikorenti ssostni biss li l-kumpens mogħti lil TV2 kellu karatteristiċi simili għal dawk li kienu preżenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza BUPA, punt 51 iktar ’il fuq (EU:T:2008:29).

60

Fil-fatt, sabiex tiġġustifika d-deroga għall-kundizzjonijiet Altmark f’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka biss l-partikolarità tas-servizz pubbliku tax-xandir fih innifsu. Skont ir-rikorrenti, din il-partikolarità tas-servizz pubbliku tax-xandir hija marbuta mad-diffikultajiet li jinħolqu waqt id-definizzjoni ta’ dan is-servizz pubbliku. F’dan ir-rigward, hija tirreferi b’mod partikolari għall-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, anness mat-Trattat FU (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Amsterdam”). Hija tafferma li, meta eżaminat l-applikabbiltà tal-Altmark, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni li, konformement mal-Protokoll ta’ Amsterdam, l-Istati Membri kellhom id-dritt li jiddefinixxu l-missjonijiet ta’ servizz tax-xandir f’termini wiesgħa u kwalitattivi.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni tal-Protokoll ta’ Amsterdam jirriżulta li dan l-att huwa intiż li jinterpreta d-deroga li tinsab fl-Artikolu 106(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, TF1 et vs Il-Kummissjoni, T‑520/09, EU:T:2012:352, punt 94). Għaldaqstant ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-kriterji Altmark li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u mhux il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi aċċettat li l-Protokoll ta’ Amsterdam ma josservax ir-regoli tal-kompetizzjoni u jipprojbixxi lill-Kummissjoni li tivverifika jekk il-finanzjament tal-Istat jagħtix vantaġġ ekonomiku lix-xandara ta’ servizz pubbliku Olandiż billi tibbaża ruħha fuq il-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) (sentenza Il-Pajjizi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, EU:T:2010:525, punt 149).

62

Barra minn hekk, anki jekk ir-rilevanza tal-Protokoll ta’ Amsterdam għall-evalwazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat kellha tiġi rrikonoxxuta, hija tkun limitata għall-ewwel kundizzjoni Altmark, dwar id-definizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Issa, il-kwistjoni ta’ jekk l-ewwel kundizzjoni Altmark hijiex issodisfatta f’dan il-każ ma hijiex ikkontestata.

63

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mis-sentenza BUPA, punt 51, iktar ’il fuq (EU:T:2008:29) ma jirriżultax li, skont il-Qorti Ġenerali, huwa possibbli li titwarrab kompletament l-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark. Għall-kuntrarju, għalkemm huwa ammess li, minħabba l-partikolaritajiet tal-iskema ta’ kumpens inkwistjoni, din il-kundizzjoni ma setgħetx tiġi applikata b’mod strett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, minkejja dawn il-partikolaritajiet, il-Kummissjoni kienet marbuta li tiżgura li l-kumpens ma kienx jimplika l-possibbiltà li jiġu kkumpensati l-ispejjeż li setgħu jirriżultaw minħabba nuqqas ta’ effiċjenza tal-benefiċjarji (sentenza BUPA, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punti 246 u 249).

64

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, meta applikat il-kundizzjonijiet Altmark, speċjalment il-tieni u r-raba’ minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li dawn il-kundizzjonijiet ġew applikati għal ċirkustanzi preċedenti għas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415). Issa, mill-punti 228 u 232 tas-sentenza TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2008:457), jirriżulta li f’tali każ, huwa biżżejjed li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfatti “essenzjalment”.

65

Minn naħa, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, fil-punt 228 tas-sentenza TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2008:457), il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tindika, meta enfasizzat li dan ma kienx jikkostitwixxi għaliha ndħil fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi ppreżentati lilha mir-Renju tad-Danimarka, ma jistax jiġi eskluż li l-modalitajiet sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 jistgħu jikkostitwixxu modalitajiet oġġettivi u trasparenti. Skont il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li analiżi serja ta’ dawn il-modalitajiet twassal, jekk ikun il-każ, għall-konklużjoni li r-Renju tad-Danimarka kien żgur, essenzjalment, diġà qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja kienet stabbilixxiet il-kundizzjonijiet Altmark, li t-tieni kundizzjoni Altmark tiġi osservata. Min-naħa l-oħra, fil-punt 232 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li ma jistax jiġi eskluż li eżami serju tal-kundizzjonijiet kollha li taħthom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, eżami li kellha tagħmel il-Kummissjoni, seta’ jwassal għall-konklużjoni li r-Renju tad-Danimarka kien żgur, essenzjalment u diġà qabel id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet Altmark mill-Qorti tal-Ġustizzja, li r-raba’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi osservata.

66

Mill-punti 228 u 232 tas-sentenza TV2, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2008:457) jirriżulta li, skont il-Qorti Ġenerali, l-eżami serju tal-kundizzjonijiet li wasslu għall-iffissar tal-ammont tad-dħul tal-liċenzja li kellu jingħata lil TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, li hija nieqsa fid-deċiżjoni TV2 I, seta’ wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li t-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark kienu, f’dan il-każ, issodisfatti. L-espressjoni “essenzjalment” tista’ tfisser biss li, skont il-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-għanijiet speċifiċi tat-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark kienu ġew issodisfatti. Fil-fatt, ma jidhirx loġiku li jiġi affermat li għandhom jiġu applikati l-kundizzjonijiet Altmark u fl-istess ħin, li bl-użu tal-espressjoni “fis-sustanza” li riedet tgħid li jkun biżżejjed li dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti parzjalment.

67

Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess ma tispjegax xi trid tgħid bl-applikazzjoni “fis-sustanza” tat-tieni u tar-raba’ kundizzjonijiet Altmark. L-argument tagħha jista’ jiġi interpretat fis-sens li, peress li hija applikat dawn il-kundizzjonijiet għal ċirkustanzi preċedenti għall-pronunzja tas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq, (EU:C:2003:415), il-Kummissjoni kellha tagħmel interpretazzjoni iktar flessibbli tagħhom, b’mod li tadattahom għaċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ.

68

Meta mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti invokat is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni (T‑137/10, Ġabra, EU:T:2012:584, punti 85 sa 89), li minnha tirriżulta possibbiltà ta’ applikazzjoni inqas stretta tal-kundizzjonijiet Altmark, adattata għall-ispeċifiċitajiet tal-qasam ikkonċernat.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-validità ta’ deċiżjoni li biha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat, mingħajr ma fetħet proċedura formali ta’ investigazzjoni, li l-kumpens mogħti lill-isptarijiet pubbliċi ġenerali tar-reġjun Bruxelles-Capitale (il-Belġju) kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. F’dan il-kuntest, hija rrilevat li, għalkemm il-kundizzjonijiet Altmark jikkonċernaw mingħajr distinzjoni s-setturi kollha tal-ekonomija, l-applikazzjoni tagħhom għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tas-settur ikkonċernat. Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll, filwaqt li invokat għal dan il-għan is-sentenza BUPA, punt 51 iktar ’il fuq (EU:T:2008:29), li, fid-dawl tan-natura partikolari tal-missjoni ta’ servizz pubbliku f’ċerti setturi, kellha tingħata prova ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), b’riferiment għall-ispirtu u għall-għan tal-kundizzjonijiet li jissemmew fiha li ppresidew l-istabbiliment tagħhom, b’mod adattat għad-data partikolari tal-każ inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kriterji elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) jikkonċernaw l-attività ta’ trasport, li tikkostitwixxi bla dubju ta’ xejn attività ekonomika u kompetittiva, ma jistgħux jiġu applikati, bl-istess rigorożità, għas-settur tal-isptarijiet, li mhux neċessarjament għandu tali dimensjoni kompetittiva u kummerċjali (sentenza CBI vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:584, punti 85, 86 u 89).

70

Minn din is-sentenza jirriżulta li dak li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni inqas rigoruża tal-kundizzjonijiet Altmark f’każ partikolari huwa l-assenza ta’ dimensjoni kompetittiva u kummerċjali fis-settur fejn il-benefiċjarju tal-kumpens huwa attiv. Issa, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tax-xandir, enfasizzat mill-Protokoll ta’ Amsterdam, ma jistax jiġi aċċettat li s-settur tax-xandir ma jkollux dimensjoni kompetittiva u kummerċjali. F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ din id-dimensjoni hija manifestata, b’mod partikolari, mill-fatt li TV2, parzjalment iffinanzjata mid-dħul tagħha mir-riklamar, kienet attiva fis-suq għar-reklamar televiżiv. Kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għas-sentenza CBI vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq (EU:T:2012:584), iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx għaldaqstant applikazzjoni inqas rigoruża tal-kundizzjonijiet Altmark.

71

Fi kwalunkwe każ, minkejja l-kjarifiki mogħtija waqt is-seduta, l-argument tar-rikorrenti li jgħid il-Kummissjoni għandu jkollha interpretazzjoni iktar flessibbli tal-kundizzjonijiet Altmark, sabiex taddattahom għaċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, jibqa’ vag u impreċiż, sa fejn ir-rikorrenti ma tispjegax x’għandu jikkonsisti dan l-adattament taż-żewġ kundizzjonijiet inkwistjoni.

72

Barra minn hekk, jekk dan l-argument kellu jiġi mqassar fil-fatt li, f’dan il-każ, iż-żewġ kundizzjonijiet inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala ssodisfatti, ma jistax jiġi evalwat in abstracto fil-kuntest ta’ din il-parti, iżda għandu jiġi eżaminat iktar ’il quddiem, mal-argumenti mressqa taħt it-tielet u r-raba’ partijiet, li permezz tagħhom ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet f’dan il-każ hija vvizzjata bi żbalji.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

– Fuq it-tieni parti relatata mal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

74

Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

75

Mill-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti tirreferi għall-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-ksur ta’ dan il-prinċipju għandu żewġ partijiet.

76

Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tat-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark għal ċirkustanzi preċedenti għas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:T:2003:415), tikkostitwixxi applikazzjoni retroattiva tal-kundizzjonijiet inkwistjoni. Issa, din l-applikazzjoni retroattiva tikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

77

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, hemm ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fid-dawl, b’mod partikolari tal-fatt li, minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet Altmark, hija tista’ tkun obbligata tħallas l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità u eventwali kumpens favur il-kompetituri tagħha, konformement mal-punti 52 u 53 tas-sentenza CELF, punt 38 iktar ’il fuq (EU:C:2008:79). F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li huwa b’mod partikolari kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li hija tbati l-konsegwenzi finanzjarji ta’ nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni ta’ kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti lilha mid-dritt, peress li l-iskema ta’ kumpens titqies bħala li ma tosservax kompletament il-kundizzjonijiet li jinsabu f’sentenza mogħtija iktar minn 25 sena wara l-adozzjoni tal-imsemmija skema u li l-awtoritajiet ma kellhom ebda raġuni li jkunu jafu. Skont ir-rikorrenti, il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa iktar u iktar flagranti f’dan il-każ li, fil-kuntest tar-raba’ kundizzjoni Altmark, il-Qorti Ġenerali imponiet fuq l-Istati Membri obbligu ġdid sabiex jaġixxi, jiġifieri obbligu li jorganizzaw sejħa għal offerti.

78

L-ewwel argument tar-rikorrenti huwa qrib l-argument li hija ressqet fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv (ara l-punt 64 iktar ’il fuq). Fil-fatt, filwaqt li, fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet Altmark għal ċirkustanzi preċedenti għas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), kellhom ikunu “flessibbli” fil-kuntest ta’ din il-parti, hija ssostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li l-Kummissjoni teskludi kompletament l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet inkwistjoni għal ċirkustanzi preċedenti għas-sentenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

79

Dan l-ewwel argument għandu jiġi miċħud. Qabel kollox, għandu jitfakkar li s-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), hija sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura preliminari. Issa, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE hija li tiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni unformi tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li għandhom effett dirett, mill-qrati nazzjonali (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra, EU:C:1980:100, punt 15) u li, skont ġurisprudenza stabbilita, sentenza mogħtija minn rinviju għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex valur kostituttiv iżda sempliċement dikjaratorju bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata (ara sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C‑89/10 u C-96/10, Ġabra, EU:C:2011:555, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ċertament il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każijiet eċċezzjonali, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u sabiex tevita diffikultajiet serji, tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza tagħha u b’hekk tostakola lil kull persuna kkonċernata milli jinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Denkavit italiana, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1980:100, punt 17, u s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, Ġabra, EU:C:2013:851, punti 39 u 40). Madankollu, kif diġà ġie rrilevat fis-sentenza BUPA, punt 51 iktar ’il fuq (EU:T:2008:29, punti 158 u 159), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li tapplika din il-miżura b’mod eċċezzjonali meta ppronunzjat is-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

80

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-applikazzjoni tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark ma tistax tiġi evitata għar-raġuni li dawn il-kundizzjonijiet, f’dan il-każ, applikati għal ċirkustanzi preċedenti għall-pronunzja tas-sentenza, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

81

Bit-tieni argument tagħha, ir-rikorrenti tidher li tafferma li, f’dan il-każ, hemm ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, meta jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultawlha mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, b’applikazzjoni tal-kundizzjonijiet Altmark, tal-miżuri kkonċernati, li ġew adottati ħafna qabel ingħatat is-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

82

Tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-konsegwenzi għall-benefiċjarju ta’ miżura mhux innotifikata ma humiex ċirkustanza li tiġġustifika, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ sentenza fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 107(1) TFUE fis-sens li l-miżura kkonċernata tirriżulta li hija għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Association Vent De Colère! et, punt 79 iktar ’il fuq, EU:C:2013:851, punti 40 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tinvoka ċirkustanzi finanzjarji negattivi li jwassluha għall-applikazzjoni tal-miżuri u l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretat mis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), sabiex titlob, f’isem il-prinċipju ta’ ċertezza legali, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet f’dan il-każ.

83

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ma għandhiex l-għan fir-realtà li tikkontesta l-applikazzjoni retroattiva tal-kundizzjonijiet Altmark bħala tali, iżda l-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sentenza CELF, punt 38 iktar ’il fuq (EU:C:2008:79). L-għan ta’ dan ir-rikors, li jiġġustifika barra minn hekk l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, huwa, fil-fatt, sabiex jiġi evitat ħlas eventwali ta’ interessi għall-perijodu ta’ illegalità fis-sens tas-sentenza CELF, punt 38 iktar ’il fuq (EU:C:2008:79), billi tiġi kkontestata, minn naħa, il-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat (l-ewwel, it-tielet u r-raba motivi) u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida (it-tieni motiv).

84

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk huwiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-benefiċjarju jħallas dak li, fiż-żmien tal-fatti, kien meqjus bħala kumpens mogħti għall-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku, ta’ obbligu ta’ rimbors ta’ somma ta’ flus li hija r-riżultat tal-applikazzjoni konġunta u retroattiva tas-sentenzi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u 108(3), mogħtija diversi snin wara l-ħlas ta’ dan il-kumpens, ma tistax tiġi deċiża fil-kuntest ta’ din it-tilwima li tirrigwarda l-validità tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni kklassifikat l-imsemmi kumpens bħala għajnuna mill-Istat. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, jekk ikun il-każ wara li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari, jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ir-regoli stabbiliti fis-sentenza CELF, punt 38 iktar ’il fuq (EU:C:2008:79) japplikaw. Fi kwalunkwe każ, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza, il-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji ma tistax tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni jew applikazzjoni inqas rigoruża tal-kundizzjonijiet Altmark.

85

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti ssostni, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi tistabbilixxi r-raba’ kundizzjoni Altmark, ma timponix fuq l-Istati Membri obbligu ġdid li jaġixxu li jikkonsisti f’li jorganizzaw, dejjem u fiċ-ċirkustanzi kollha, proċedura ta’ kuntratt pubbliku sabiex jagħżlu l-impriża responsabbli għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Ċertament, mill-formulazzjoni ta’ din il-kundizzjoni jirriżulta li l-organizzazzjoni ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat li huwa kapaċi joffri dawn is-servizzi bl-inqas spiża għall-komunità hija mod li tiżgura l-osservanza tar-raba’ kundizzjoni Altmark. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet mod ieħor ta’ kontroll tal-effiċjenza tal-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Hija kkonstatat, fil-fatt, li, jekk proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma tiġix organizzata, il-livell tal-kumpens neċessarju seta’ ġie stabbilit fuq il-bażi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, kien ikollha ssostni sabiex twettaq l-obbligi ta’ dan is-servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv għalihom kif ukoll qligħ raġjonevoli.

86

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix li l-Kummissjoni tikklassifika l-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretat mis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

87

Hemm lok għaldaqstant li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv.

– Fuq it-tielet parti relatata mal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2 fir-rigward tat-tieni kundizzjoni Altmark

88

Permezz tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, issotni li, anki jekk kien ġustament li l-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet Altmark kienu applikabbli f’dan il-każ u li, barra minn hekk, dawn il-kundizzjonijiet kellhom jiġu applikati preċiżament kif kienu ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tat-tieni minn dawn il-kundizzjonijiet hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

89

Ir-rikorrenti u r-Renju tad-Danimarka jsostnu, essenzjalment, li l-parametri li fuqhom ġie kkalkolat l-kumpens mogħti lil TV2 u l-modalitajiet li ġew segwiti fil-prattika għall-implimentazzjoni tagħhom kienu magħrufa minn qabel, oġġettivi u trasparenti. Fil-fatt, il-kumpens jista’ jiġi ddefinit bħala d-differenza bejn ir-riżorsi li kellhom ikunu disponibbli għal TV2 fuq il-bażi ta’ deċiżjoni politika (ftehimiet fuq il-midja ta’ kull erba’ snin konklużi bejn il-Gvern u l-Parlament Daniż), minn naħa, u d-dħul stmat li ġej mir-reklamar u minn attivitajiet oħra, min-naħa l-oħra.

90

B’mod iktar preċiż, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-tieni kundizzjoni Altmark hija inqas importanti f’sitwazzjoni, bħal dik f’din il-kawża, fejn is‑servizzi meħtieġa sabiex jitwettqu l-obbligi ta’ servizz pubbliku jiġu offruti biss minn ċerti impriżi.

91

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li mħolli lil min ifassal il-politika kompetenti fir-rigward tad-definizzjoni tal-missjoni tas-servizz pubbliku ta’ xandir sabiex jiddeterminaw ukoll l-ispejjeż relatati mat-twettiq ta’ din il-missjoni huwa konformi mal-ġurisprudenza u mal-qafas ġuridiku applikabbli.

92

It-tielet nett, ir-rikorrenti u r-Renju tad-Danimarka jikkritikaw lill-Kummissjoni li llimitat ruħha li tafferma li l-awtoritajiet Daniżi ma tawx informazzjoni dwar il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens, mingħajr ma spjegat liema kriterji ta’ kalkolu jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu jew liema karatteristiċi għandhom ikollhom ir-regoli Daniżi dwar l-iffissar tal-kumpens tas-servizz pubbliku ta’ xandir sabiex ikunu konformi mat-tieni kundizzjoni Altmark. Ir-rikorrenti tafferma wkoll li, permezz tal-argumenti tagħha, il-Kummissjoni ma turix li r-regoli Daniżi dwar l-iffissar tal-kumpens tas-servizz pubbliku ta’ xandir ma humiex xierqa sabiex jevitaw il-kumpens żejjed.

93

Ir-raba’ nett, fl-aħħar nett, ir-Renju tad-Danimarka jirrileva li, f’dan il-każ, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni għat-tieni kundizzjoni Altmark hija żbaljata, sa fejn hija inkompatibbli mal-ewwel kundizzjoni Altmark, kif interpretata mill-ġurisprudenza li tagħti lill-Istati Membri libertà kbira sabiex jiddefinixxu l-missjoni ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija wiesgħa wisq u b’hekk twassal għal konfużjoni bejn it-tieni, it-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark. Dawn l-argumenti tar-Renju tad-Danimarka huma simili għal dawk li r-rikorrenti ssostni, li l-kwistjoni ta’ effiċjenza mqajma mill-Kummissjoni u minn Viasat fin-noti tagħhom hija rilevanti biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark.

94

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, qabel kollox, spjegat il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed (liġi dwar is-servizz tax-xandir) fis-seħħ matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, kif ippreżentati mill-awtoritajiet Daniżi fl-ittra tagħhom tal-24 ta’ Marzu 2003 (premessi 105 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tirrileva, b’mod partikolari, li l-Ministeru tal-Kultura kien stabbilixxa l-ammont tal-kumpens pagabbli lil TV2, fil-qafas ta’ ftehim fuq il-midja konkluż mal-maġġoranza tal-partiti politiċi tal-Parlament Daniż, u li, matul il-perijodu eżaminat, ġew konklużi tliet ftehimiet dwar il-midja għall-perijodu: il-ftehim dwar il-midja 1994-1997, konkluż fis-16 ta’ Settembru 1993, il-ftehim dwar il-midja għall-perijodu 1997-2000, konkluż fl-10 ta’ Mejju 1996, u l-ftehim dwar il-midja għall-perijodu 2001-2004, konkluż fit-28 ta’ Marzu 2000. Insegwitu, il-Kummissjoni rrilevat li, matul dan il-perijodu eżaminat, il-kumpens offert lil TV2 ma kienx evalwat mill-ġdid, anki jekk waqt il-waqgħa mid-dħul mir-reklamar ta’ din tal-aħħar fl-1999. Il-Kummissjoni rrilevat, barra minn hekk, fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont l-awtoritajiet Daniżi, il-kumpens mogħti lil TV2 kien ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet u tal-pagi tal-baġit u l-kontijiet ta’ TV2, kif ukoll fuq il‑bażi ta’ analiżi ekonomika, min-naħa l-oħra. Fir-rigward ta’ din l-anliżi ekonomika, il-Kummissjoni indikat li hija kienet komposta minn żewġ studji magħmula mill-uffiċċju tal-awdituri KPMG fl-1995 u fl-1999 (iktar ’il quddiem l-“istudji KPMG “), li għandhom l-għan li jeżaminaw xenarji differenti ta’ żvilupp tas-suq tar-reklamar għall-perijodi ta’ dħul mil-liċenzji rispettivi, sabbiex jistmaw l-ammont ta’ dħul mi-rreklamar ta’ TV2 u li jagħtu b’hekk lill-Parlament u lill-Gvern Daniż bażi aħjar għad-deċiżjoni tagħhom meta jiddeterminaw u jiddistribwixxu dħul mid-dritt tal-liċenzja. Il-Kummissjoni kkonkludiet l-analiżi tagħha fil-premessi 114 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“(114)

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-involviment tal-Parlament Daniż fil-proċess li wassal għall-istabbiliment tad-dritt tal-liċenzja jiżgura sa ċertu punt ċertu livell ta’ trasparenza u oġġettività. Barra minn hekk, il-ftehimiet dwar il-midja li stabbilew l-ammont tad-drittijiet tal-liċenzja li għandhom jiġu rċevuti minn TV2 ġew deċiżi diversi snin qabel u, sussegwentement, il-kumpens ta’ TV2 qatt ma ġie aġġustat matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(115)

Madankollu, [l-istudji ] KPMG bassru biss l-ammont ta’ dħul mir-reklamar li jdaħħal TV2 (jiġifieri l-parti tad-dħul). Fir-rigward tal-parti tal-ispejjeż tal-istabbiliment tal-kumpens, dawn [l-istudji] ma ħadux pożizzjoni u l-Kummissjoni jidhrilha li l-ftehimiet dwar il-midja kienu biss ibbażati fuq l-indiċjar tal-ispejjeż li saru minn TV2 fis-snin preċedenti. Fil-fatt, l-awtoritajiet Daniżi indikaw li l-kumpens kien determinat fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet u l-pagi tal-baġit u kontijiet ta’ TV2, kif ukoll fuq il-bażi tal-analiżi ekonomiċi li evalwaw biss in-naħa tad-dħul u ma kkonċernawx il-perjodu kopert bil-ftehim dwar il-midja konkluż fis-16 ta’ Settembru 1993.

(116)

Barra dan, m’hemm l-ebda indikazzjoni tal-parametri li fuq il-bażi tagħhom ġie kkalkulat il-kumpens. L-ammont tal-kumpens ġie stabbilit minn qabel, iżda t-tieni kriterju Altmark jipprovdi li l-parametri li fuq il-bażi tagħhom ġie kkalkulat il-kumpens tas-servizz pubbliku għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti.”

95

Mil-premessi msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq jirriżulta li, meta eżaminat il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2 fid-dawl tat-tieni kundizzjoni Altmark, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ammont ta’ dan il-kumpens kien iddeterminat taħt il-kontroll tal-Parlament Daniż u fuq il-bażi tal-istudji KPMG, li hija kienet eżaminat il-kontenut tagħhom. Il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet, fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-intervent tal-Parlament Daniż fil-proċess tal-iffissar tal-ammont tal-kumpens seta’ jiżgura “ċerta trasparenza u oġġettività”. Barra minn hekk, mill-imsemmi premessa jirriżulta li żewġ elementi oħra, jiġifieri l-fatt li l-ftehimiet fuq il-midja kienu jiddeterminaw ir-riżorsi mill-ħlas ibbażati fuq id-dħul mil-liċenzji allokat lil TV2 bil-quddiem għal bosta snin, kif ukoll il-fatt li l-kumpens għal TV2 ma kienx ġie aġġustat matul il-perjodu eżaminat, isaħħu din it-“trasparenza u oġġettività”.

96

Madankollu, l-intervent tal-Parlament Daniż li jiżgura “ċerta trasparenza u oġġettività” ma kienx suffiċjenti, skont il-Kummissjoni, sabiex jitqies li modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2 kien jissodisfa t-tieni kundizzjoni Altmark. Fil-fatt, l-element li ddetermina l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li din il-kundizzjoni ma ġietx issodisfatta, jidher li huwa l-fatt li l-istudji KPMG kienu jirrigwardaw biss id-dħul mir-reklamar stmat ta’ TV2 u ma eżaminatx il-parti “Spejjeż” tal-kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2, li hija ibbażata biss fuq l-ispejjeż realment inkorsi minn TV2 fis-snin preċedenti, miżjuda bl-indiċi.

97

B’hekk, skont il-Kummissjoni, il-fatt li wieħed iserraħ fuq l-ispejjeż realment minfuqa mill-benefiċjarju tal-kumpens għall-kalkolu tal-ammont ta’ dan il-kumpens ma jkunx sodisfaċenti fid-dawl tat-tieni kundizzjoni Altmark. Minn dan jista’ jiġi dedott li, skont il-Kummissjoni, sabiex tkun issodisfatta t-tieni kundizzjoni Altmark, il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għandhom jiġu fformulati b’mod li jippermettu li jinfluwenzaw jew jikkontrollaw il-livell tal-ispejjeż jew in-nefqa tal-benefiċarju tal-kumpens. Għaldaqstant jidher li, skont il-Kummissjoni, it-tieni kundizzjoni Altmark tinkludi l-kunċett ta’ effikaċja tal-benefiċjarju tal-kumpens.

98

L-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata spjegata fil-punt 97 iktar ’il fuq hija kkonfermata mill-tweġiba mill-Kummissjoni għall-argumenti tar-rikorrenti. Fil-fatt, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tafferma li r-raġunament tar-rikorrenti huwa bbażat esklużivament fuq is-sovranità tas-setgħa leġiżlattiva u b’hekk jikser il-karatteristiċi tekniċi tal-kalkolu tal-kumpens. Hija żżid li, skont dan ir-raġunament, huwa biżżejjed li l-Istat Membru kien iddetermina bil-quddiem l-ammont tal-kumpens, ikun xi jkun, sabiex it-tieni kundizzjoni Altmark tiġi ssodisfatta. Issa, skont il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni rrikjediet li l-paramentru tal-kalkolu magħżul ikun tali li jipprekludi kumpens żejjed u sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-servizz pubbliku. Il-Kummissjoni tafferma wkoll li, anki jekk wieħed jassumi li TV2 hija l-unika impriża li tista’ tiżgura s-servizz pubbliku inkwistjoni, jibqa’ neċessarju li jiġi evitat kumpens żejjed u li tiġi żgurata l-effikaċja ta’ dan is-servizz pubbliku sabiex ikun żgurat li l-kumpens mogħti lil TV2 jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

99

Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett tat-tieni kundizzjoni Altmark kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u interpretata fid-dawl tar-risposta hija żbaljata.

100

Fil-fatt, sa fejn il-kundizzjonijiet Altmark huma relatati ma’ waħda mill-erba’ komponenti tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri l-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju (ara l-punti 46 sa 49 iktar ’il fuq), l-għan komuni ta’ dawn il-kundizzjonijiet kollha huwa li jiġi vverifikat jekk kumpens mogħti lil impriża għall-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku għandhiex jew le vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi din l-impriża fuq impriżi kompetituri.

101

Għalkemm dawn huma kollha marbutin b’dan il-għan komuni, kull waħda mill-kundizzjonijiet Altmark għandha rwol indipendenti u differenti mill-oħrajn.

102

It-tieni kundizzjoni Altmark, kif ifformulata fil-punt 90 tas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), tirrikjedi li l-parametri li abbażi tagħhom il-kumpens huwa kkalkulat jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja fuq impriżi kompetituri.

103

Il-kontenut ta’ din il-kundizzjoni huwa determinat mill-ewwel parti tal-frażi ċċitata fil-punt 102 iktar ’il fuq. Minn din jirriżulta li t-tieni kundizzjoni Altmark tistabbilixxi tliet rekwiżiti, li għandhom jissodisfaw il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens, sabiex jiġi żgurat li dan il-kalkolu huwa affidabbli u jista’ jiġi vverifikat mill-Kummissjoni. Dawn ir-rekwiżiti jimponu li l-parametri għall-kalkolu tal-kumpens ikunu stabbiliti minn qabel, skont proċedura trasparenti u li huma, min-natura tagħhom, oġġettivi. Bl-ebda mod ma jirriżulta mis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) li, skont it-tieni kundizzjoni li hija tistabbilixxi, il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għandhom jiġu maħsuba b’mod li jinfluwenzaw jew jikkontrollaw il-livell ta’ spejjeż minfuqa mill-benefiċjarju ta’ tali kumpens.

104

Permezz tal-interpretazzjoni tagħha tat-tieni kundizzjoni Altmark, il-Kummissjoni tidher li tqis li l-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għandhom mhux biss ikunu oġġettivi u stabbiliti bil-quddiem fil-kuntest ta’ proċedura trasparenti, iżda li għandhom, barra minn hekk, jiżguraw l-effikaċja tal-ġestjoni tas-servizz pubbliku. Issa, tali interpretazzjoni, inkompatibbli mal-formulazzjoni tat-tieni kundizzjoni Altmark, twassal għal konfużjoni bejn il-kundizzjoni eżaminata f’dan il-każ u r-raba’ kundizzjoni.

105

L-interpretazzjoni tat-tieni kundizzjonijiet Altmark adottata mill-Kummissjoni ma ssibx sostenn fil-ġurisprudenza, u lanqas, barra minn hekk, fit-tieni parti tal-frażi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din il-kundizzjoni, riprodotta fil-punt 102 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din is-silta sservi biss biex tfakkar l-għan komuni tal-kundizzjoni Altmark kollha meħuda flimkien u mhux li ddaħħal fit-tieni kundizzjoni ir-rekwiżit ta’ effikaċja li hija unika għar-raba’ kundizzjoni.

106

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jitqies li, meta jitqies li l-parametri ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2 ikunu fformulati b’mod li jiżguraw li l-implementazzjoni tal-missjoni ta’ servizz pubbliku minn TV2 tiġi effettwata b’mod effikaċi, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ dritt. Peress li dan l-iżball huwa relatat mal-portata stess tat-tieni kundizzjoni Altmark, huwa jivvizzja kull evalwazzjoni tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2 effettwat mill-Kummissjoni fil-premessi 112 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata.

107

Fl-aħħar nett, għandha tiġi kkonstatata n-natura fondata tal-kritika li saret mir-rikorrenti fir-rigward tal-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, sa fejn, fil-premessi 112 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel eżami tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens, ippreżentati fil-premessi 105 sa 111 ta’ din id-deċiżjoni, il-konklużjoni fformulata fil-premessa 116 ta’ din tal-aħħar, li skontha “m’hemm l-ebda indikazzjoni tal-parametri li fuq il-bażi tagħhom ġie kkalkulat il-kumpens” tidher kontradittorja mal-analiżi li saret qabilha, jiġifieri nieqsa minn sens. Il-Kummissjoni hija limitata f’din il-premessa li tirrepeti l-kontenut tat-tieni kundizzjoni Altmark mingħajr ma tagħmel rabta mal-osservazzjonijiet li hija fformulat fil-premessi preċedenti.

108

Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti huwa fondat.

109

Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, waħedhom, tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-vizzji relatati ma’ motivi oħra tal-att, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha. Barra minn hekk, peress illi l-parti operattiva ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tibbaża fuq diversi elementi ta’ raġunament li kull wieħed minnhom huwa fih innifsu suffiċjenti biex jifforma bażi għal din il-parti operattiva, dan l-att jista’, fil-prinċipju, jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-elementi huwa vvizzjat b’illegalità. F’dan il-każ, żball jew illegalità oħra li jaffettwaw biss wieħed minn dawn l-elementi ta’ raġunament ma humiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża peress illi dan l-iżball ma setax ikollu influwenza determinanti fuq il-parti operattiva stabbilita mill-istituzzjoni li tkun l-awtriċi ta’ dik id-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra, EU:T:2005:456, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑387/08, EU:T:2010:377, punt 59).

110

F’dan il-każ, peress, minn naħa, li l-kundizzjonijiet Altmark huma kumulattivi u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata li kemm it-tieni kif ukoll ir-raba’ minn dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti, il-fatt li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar it-tieni kundizzjoni Altmark hija ivvizzjata b’illegalità ma huwiex biżżejjed sabiex jintlaqa’ r-rikors u tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata li l-miżuri kkonċernati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

111

Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata r-raba’ parti tal-motiv, relatata mal-evalwazzjoni tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2 fid-dawl tar-raba’ kundizzjoni Altmark.

– Fuq ir-raba’ parti relatata mal-evalwazzjoni tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2 fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni Altmark

112

Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, issostni, b’mod analogu għal dak li jikkonċerna t-tielet parti, li, anki jekk huwa ġustament li l-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU: C: 2003:415), kienu applikabbli f’dan il-każ u li, barra minn hekk, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu implimentati b’mod preċiż kif definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tar-raba’ minn dawn il-kundizzjonijiet hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

113

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li kien possibbli, fis-suq inkwistjoni u għall-perijodu kkonċernat, li tiġi identifikata impriża “medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra” li l-livell ta’ spejjeż tagħha jista’ raġonevolment tiġi mqabbla ma’ dak tal-ispejjeż tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li, kemm b’mod ġenerali kif ukoll f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fejn il-missjonijiet tas-servizz pubbliku ġew fdati biss f’idejn intrapriżi tal-Istat, ma jeżistix, fid-Danimarka, suq għas-servizzi inkwistjoni, lanqas, għaldaqstant, riferiment utli għad-definizzjoni tal-ispejjeż medji relatati mal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku. Ir-rikorrenti hija tal-fehma li missjoni speċifika tista’ titwettaq bi spiża b’mod ftit jew wisq għolja, skont il-livelli ta’ kwantità u ta’ kwalità mixtieqa mill-awtoritajiet li jiddefinixxu l-missjonijiet u li jagħtu l-mezzi neċessarji għall-implementazzjoni tagħhom. Issa, skontha, kien hemm, pereżempju, l-ebda tweġiba oġġettiva għad-domanda dwar jekk ikunx iktar jew inqas effettiv li ssir enfasi fuq il-produzzjonijiet ta’ drama Daniżi pjuttost milli fuq il-programmi ta’ aħbarijiet, bid-differenzi li dan jinvolvi fir-rigward tal-ispejjeż.

114

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ li l-impriża responsabbli għall-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku ma hijiex magħżula fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku, l-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark tista’ tippreżenta diffikultajiet prattiċi. Minn naħa, il-kunċett ta’ impriża “immexxija tajba u adegwatament mgħammra” jimplika neċessarjament marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-entità li tapplikaha. Min-naħa l-oħra, paragun bejn żewġ impriżi, waħda pubblika, responsabbli minn missjoni ta’ servizz pubbliku, u l-oħra privata, mingħajr tali missjoni, ma huwiex faċli, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li l-impriża responsabbli għall-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku hija suġġetta għal ċerti rekwiżiti speċifiċi ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni stess tidher li tirrikonoxxi d-diffikultajiet li joħloq il-paragun bejn TV2 u waħda mill-impriżi kompetituri tagħha, b’mod partikolari billi jiġi ammess fil-premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata li s-sitwazzjoni ta’ operaturi fis-suq Daniż ma hjiiex f’sitwazzjoni simili li tippermetti tqabbil dirett tal-proporzjonijiet abbażi ta’ riżultati ta’ kontabbiltà.

115

Madankollu, minkejja d-diffikultajiet relatati mal-implementazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, l-impriża responsabbli mill-obbligi ta’ servizz pubbliku ma ntgħażlitx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti.

116

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku li jippermetti l-għażla ta’ kandidat kapaċi li jimplementa l-missjoni ta’ servizz poubbliku bl-inqas spejjeż, il-kumpens mogħti għandu jkun stabbilit billi jsir riferiment għal impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra bil-mezzi neċessarji. It-tfittxija għal tali impriża hija intiża li tottimizza l-ammont tal-kumpens meqjus bħala neċessarju sabiex titwettaq il-missjoni ta’ servizz pubbliku u li jiġi evitat li l-ispejjeż għoljin ta’ impriża ineffiċjenti jittieħdu bħala riferiment għall-kalkolu tal-ammont ta’ dan il-kumpens. Jekk l-ebda ottimizzazzjoni tal-ammont ta’ kumpens ma jsirx, ma jistax jiġi eskluż, fil-fatt, li dan il-kumpens jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja fuq il-kompetituri tagħha.

117

Barra minn hekk, billi tistabbilixxi r-raba’ kundizzjoni Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex hija tkun issodisfatta fil-każijiet fejn il-benefiċjarju tal-kumpens ma ntgħażilx fi proċedura ta’ akkwist pubbliku, għandha tinstab impriża ta’ riferiment barra dan il-benefiċjarju. Għaldaqstant, sabiex tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni, ma huwiex biżżejjed li l-Istat Membru jiddikjara li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-missjoni ta’ servizz pubbliku, ma huwiex possibbli li tiġi identifikata fuq is-suq impriża komparabbli għall-benefiċjarju tal-kumpens sabiex minn dan jintwera li l-benefiċjarju stess huwa impriża “immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra” fis-sens ta’ din il-kundizzjoni.

118

L-argument imressaq mir-rikorrenti jimplika, kif tirrileva l-Kummissjoni, li għadu impossibbli li jitqabblu l-ispejjeż tax-xandara pubbliċi minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull wieħed minnhom u ta’ kull servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Li jiġi aċċettat tali argument jirrendi r-raba’ kundizzjoni Altmark nieqsa minn kwalunkwe sustanza.

119

Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, fil-qasam tax-xandir, ħafna mill-ispejjeż tax-xandara privati u pubbliċi huma essenzjalment simili u jistgħu jitqabblu, anki meta jitqiesu l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-operaturi pubbliċi. Fil-fatt, kemm ix-xandara privati kif ukoll dawk pubbliċi għandhom jiffaċċjaw l-ispejjeż tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, l-ispejjeż ta’ produzzjoni u ta’ koproduzzjoni, għall-ispejjeż fuq ix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi marbuta mal-iżvilupp tal-prodotti u proġetti jew l-ispejjeż tal-persunal. Barra minn hekk, parti mill-programmazzjoni u mill-produzzjoni ta’ xandara pubbliċi ma humiex fundamentalment distinti mill-offerti ta’ kumpanniji privati, li, għall-inqas, jippermetti, sa ċertu punt, il-paragun tal-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tillimita ruħha li ssostni li ebda impriża “medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra” fis-sens tar-raba’ kundizzjoni Altmark, ma tista’ tiġi identifikata, mingħajr lanqas ma tipprova tagħmel paragun tal-ispejjeż tagħha mal-ispejjeż ta’ impriża oħra li tkun attiva fis-suq tax-xandir Daniż jew f’suq simili għal dan tal-aħħar.

120

Barra minn hekk, peremezz ta’ dan l-argument, ippreżentat fil-kuntest tar-raba’ parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti, fil-fatt, tinsisti biss fuq il-punt li tqajjem fil-kuntest tal-ewwel parti tal-imsemmi motiv, jiġifieri, il-fatt li r-raba’ kundizzjoni Altmark ma kinitx applikabbli f’dan il-każ. Issa, dan l-argument diġà ġie miċħud bħala infondat.

121

L-ewwel argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv qafas għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

122

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, ir-raba’ kundizzjoni Altmark kienet issodisfatta essenzjalment, sa fejn TV2 kienet suġġetta matul il-perijodu kkonċernat għal kontroll annwali tal-awtoritajiet – b’mod partikolari tar-Rigsrevisionen (Qorti tal-Awdituri Daniża) – sabiex jiġi vverifikat li din l-intrapriża kienet immexxija tajjeb u b’mod effiċjenti, u li l-livell tal-ispejjeż tagħha ssodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-impriżi mmexxija b’mod effiċjenti u adegwatament mgħammra.

123

Bħala risposta għall-argumenti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tad-Danimarka ma weriex li r-raba’ kundizzjoni Altmark kienet issodisfatta, filwaqt li huwa kellu l-oneru li juri dan. Skont il-Kummissjoni, id-dokumenti prodotti mir-Renju tad-Danimarka matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kien fihom ebda analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra kien ikollha tagħmel sabiex timplementa l-obbligi ta’ servizz pubbliku inkwistjoni.

124

Qabel kollox, fir-rigward tal-kwistjoni tal-oneru tal-prova, irrilevata mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha turi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, l-Istat Membru kkonċernat huwa marbut, konformement mal-Artikolu 10(2), moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura eżaminata u, jekk ikun il-każ, il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

125

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza relatata mal-ewwel kundizzjoni Altmark jirriżulta li, għalkemm l-Istat Membru għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni ta’ dak li jqis bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, huwa għandu juri li r-rekwiżiti stabbiliti mill-ewwel kundizzjoni Altmark dwar id-definizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dwar il-fatt li benefiċjarju tal-kumpens kien effettivament responsabbli għall-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi huma ssodisfatti (sentenza BUPA, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 172).

126

Din il-ġurisprudenza, relatata mal-ewwel kundizzjoni Altmark, hija trasposta għar-raba’ kundizzjoni Altmark, effettivament, bl-obbligu għall-Istat Membru li juri li, fin-nuqqas ta’ sejħa pubblika għal offerti pubblika organizzata sabiex tintgħażel l-impriża responsabbli għall-implementazzjoni tal-missjoni ta’ servizz pubbliku kkonċernata, il-livell tal-kumpens mogħti lil din l-impriża ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, setgħat tonfoq sabiex timplementa din il-missjoni. Fin-nuqqas ta’ tali prova, ma jistax jiġi eskluż li l-kumpens mogħti lill-impriża responsabbli mill-missjoni ta’ servizz pubbliku jinkludi element ta’ għajnuna mill-Istat.

127

Fir-rigward li jintwera dan f’dan il-każ, il-Kummissjoni ffukat l-analiżi tagħha dwar il-kontroll tal-kontijiet ta’ TV2 li sar mill-Rigsrevisionen. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li, fil-premessi 128 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata li, skont l-awtoritajiet Daniżi, il-kontroll li sar mir-Rigsrevisionen fuq TV2 ma kienx jikkonsisti biss f’kontroll amministrattiv u finanzjarju ta’ din tal-aħħar, iżda kien jirrigwarda wkoll l-effiċjenza ta’ din l-impriża. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-kontijiet ta’ TV2 kienu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Ministru tal-Kultura ma kienx biżżejjed sabiex jiġi ppruvat li l-ispejjeż ta’ TV2 kienu jikkorrispondu għal-ispejjeż ta’ impriża medja mmexxija tajba. Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li, matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet Daniżi qagħdu b’mod partikolari fuq ir-rapport tar-Rigsrevisionene tal-2000. Dan ir-rapport kien iqabbel, sa ċertu punt, il-produttività ta’ TV2 ma’ dik ta’ DR u ta’ xandara tas-servizz pubbliku barranin, jiġifieri British Broadcasting Corporation (BBC), Sveriges Television (SVT) u Norsk Riksringkastning (NRK). Minn dan ir-rapport jirriżulta li DR u TV2 kienu tejbu l-produttività bejn l-1990 u l-1999 u li l-iżvilupp tal-produttività ta’ DR u ta’ TV2 kien aħjar jew paragunabbli ma’ dak tat-tliet xandara oħra tas-servizz pubbliku inkwistjoni. Il-Kummissjoni qieset li dan ir-rapport ma kienx suffiċjenti sabiex jipprova l-osservanza tar-raba’ kundizzjoni Altmark, b’mod partikolari għar-raġunijiet li ġejjin:

l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkontestat l-interess, mill-perspettiva tar-raba’ kundizzjoni Altmark, ta’ verifika tal-ispejjeż a posteriori, fl-assenza ta’ analiżi ta’ dawn l-ispejjeż qabel id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens;

it-tieni nett, hija rrilevat li r-rapport tar-Rigsrevisionen tal-2000 kien ġie redatt wara l-ftehimiet dwar il-midja li ffissaw l-ammont tal-kumpens (ara l-punt 94 iktar ’il fuq). Għalhekk ma jurix li l-kumpens ġie determinat fuq il-bażi tal-ispejjeż li kienu jkunu twettqu minn impriża medja sabiex tipprovdi l-missjonijiet tas-servizz pubbliku.

it-tielet nett, dan ir-rapport kien jikkonċerna tqabbil ma’ xandara tas-servizz pubbliku oħra, li ebda wieħed minnhom ma’ jista’ jitqies bħala impriża “medja”. Il-Kummissjoni rrilevat, f’dan ir-rigward, li ma kienx possibbli li jinġibdu konklużjonijiet, dwar ir-raba’ kundizzjoni Altmark, mit-tqabbil tal-produttività ta’ DR u TV2, peress li DR ma setgħetx tibbenefika minn dħul mir-reklamar u li l-kumpens tagħha kien stabbilit fuq l-istess bħal dik ta’ TV2. Hija ma tikkorrispondix għaldaqstant għal xandar tat-televiżjoni medju. Fir-rigward tat-tqabbil ma’ xandara tas-servizz pubbliku barranin, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rapport iqabbel biss l-iżvilupp tal-produttività ta’ TV2 ma’ dak ta’ xandara tas-servizz pubbliku oħrajn, iżda ma jiħux pożizzjoni fuq il-livell ta’ effiċjenza bħala tali u għalhekk fuq l-ispejjeż innifishom. Peress li din id-data ma hijiex konklużiva, skont il-Kummissjoni, mill-perspettiva tar-raba’ kundizzjoni Altmark, peress li l-iżvilupp ’l isfel tal-produttività ta’ xandar tat-televiżjoni jista’ jkun dovut għal diversi fatturi diversi;

ir-raba’ nett, il-Kummissjoni rrilevat li r-Rigsrevisionen kienet hija stess indikat fir-rapport tagħha li ma kinitx eżaminat fid-dettal il-kontijiet tal-istazzjonijiet barranin u li għaldaqstant seta’ jkun hemm differenzi bejn l-attivatijiet tal-istazzjonijiet u l-metodu tagħhom ta’ partit ta’ kontabbiltà. Ir-Rigsrevisionen indikat ukoll li l-għan tal-imsemmi rapport kien li jitqabbel l-iżvilupp tal-produttività u mhux il-livell tal-produttività u li hija ma studjatx iktar qabel il-kawżi tal-iżvilupp osservat.

128

Il-Kummissjoni kkonkludiet fuq il-bażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet kollha li r-rapport redatt mir-Rigsrevisionen fl-2000 ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li l-ispejjeż ta’ TV2 kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra seta’ tonfoq għall-implementazzjoni tal-missjoni tagħha ta’ servizz pubbliku.

129

Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkritika din il-motivazzjoni minn żewġ perspettivi. Minn naħa, hija tqajjem argumenti dwar in-natura tal-kontroll imwettaq mir-Rigsrevisionen, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hija tikkritika l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-rapport tal-Rigsrevisionen tal-2000.

130

Qabel ma jiġu eżaminati dawn l-argumenti fid-dettall, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti, essenzjalment, trid tistabbilixxi li TV2 kienet impriża “immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra”, li huwa kkonfermat mill-kontrolli annwali tar-Rigsrevisionen li għalihom kienet suġġetta u ddokumentat mir-rapport tar-Rigsrevisionen tal-2000. Ir-rikorrenti ma tikkontestax, b’mod partikolari, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rapport tal-Rigsrevisionen tal-2000 kien redatt fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar il-medja li jistabbilixxu l-ammont tal-kumpens.

131

F’dan ir-rigward, ġie diġà rrivelat fil-punt 117 iktar ’il fuq li r-raba’ kundizzjoni Altmark, kif ifformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, tirrikjedi li, meta l-benefiċjarju tal-kumpens ma ntgħażilx fi proċedura ta’ kuntratt pubbliku, il-livell tal-kumpens ikun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ impriża ta’ riferiment li topera f’kundizzjonijiet normali tas-suq li għandha tkun differenti mill-benefiċjarju. Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma ssuġġeriet li, fil-każijiet li l-benefiċjarju tal-kumpens ma kienx intgħażel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, ikun possibbli, sabiex din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, li jintwera li l-benefiċjarju kien, huwa stess, impriża “immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra”.

132

Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti, sostnuti mir-Renju tad-Danimarka, kollha kemm huma ma humiex tali li juru li, fil-konstatazzjoni li r-raba’ kundizzjoni Altmark ma kinitx sodisfatta f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet wettqet żball. Fi kwalunkwe każ, u jekk wieħed jassumi li, kif tallega r-rikorrenti, ir-raba’ kundizzjoni Altmark għandha tiġi applikata f’dan il-każ fis-sustanza tagħha jew b’mod inqas rigoruż (ara l-punti 67 sa 72 iktar ’il fuq), dawn l-argumenti lanqas ma jostakolaw eżami iktar dettaljat, spejgat iktar ’il quddiem

133

Fl-ewwel lok, rigward in-natura tal-kontroll mir-Regsrevisionen, ir-rikorrenti ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni qieset kkunsidrat li dan il-kontroll kien limitat għal kontroll amministrattiv u finanzjarju tal-kontijiet. Il-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-kompetenzi tar-Rigsrevisionen u r-rwol tagħha fl-ordinament kostituzzjonali Daniż. Skont ir-rikorrenti, ir-Rigsrevisionen tagħmel kull sena verifika tal-kontijiet ta’ TV2 u jeżamina, f’din l-okkażjoni, jekk l-imrpiża kumpanija hijiex immexxija b’mod effikaċi u, b’mod iktar partikolari, jekk hija tapplikax tmexxija effiċjenti tal-ispiża. Barra minn hekk, ir-rapporti tal-Rigsrevisionen huma dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku u ppreżentati lill-Parlament Daniż u l-awdituri tal-Istat jistgħu jirrappurtaw kwalunkwe irregolaritajiet. Huma ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu sempliċement bħala dokumenti li jservu ta’ bażi għall-approvazzjoni tal-kontijiet ta’ mill-Ministru tal-Kultura Daniż. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li verifika tal-kontijiet a posteriori ma hijiex rilevanti mill-perspettiva tar-raba’ kundizzjoni Altmark hija żbaljata. Skontha, kontroll tal-effikaċità tat-tmexxija ta’ impriża abbażi tal-ispejjeż tagħha jista’ jsir biss wara.

134

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat:

“[ir-][Renju tad-] Danimarka [j]argumenta li, bħala parti mir-reviżjoni kontinwa ta’ TV2, l-uffiċċju tal-Verifika Nazzjonali [il-Qorti tal-Awdituri (Rigsrevisionene)] wettaq verifiki u kontrolli finanzjarji tal-kontijiet ta’ TV2, u li twettqu kontrolli kostanti, li stimulaw [kienu jirrigwardaw] ukoll kunsiderazzjonijiet tal-effiċjenza.”

135

Barra minn hekk, b’risposta għal dan l-argument, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-istess premessa:

“[hija] tqis li l-fatt li l-kontijiet ta’ TV2 ġew sottomessi għall-approvazzjoni mill-Ministeru tal-Kultura mhuwiex suffiċjenti biex juri li l-ispejjeż ta’ TV2 huma dawk ta’ impriża medja mmexxija sewwa”.

136

Il-Kummissjoni b’hekk tidher ma tiddistingwix, minn naħa, il-kontroll magħmul minn korp amministrattiv indipendenti, bħall-Qorti tal-Awdituri, f’dan il-każ il-Rigsrevisionen u, min-naħa l-oħra, kontroll imwettaq minn ministru ta’ tutela.

137

Meta mistoqsija, waqt is-seduta, dwar ir-relazzjoni bejn il-kontroll imwettaq mill-Ministru tal-Kultura Daniż u dik eżerċitata mir-Rigsrevisionen, ir-rikorrenti u r-Renju tad-Danimarka ppreċiżaw, mingħajr ma ġew kontradetta mill-Kummissjoni, li, konfermement mal-leġiżlazzjoni Daniża applikabbli, ir-rapporti ta’ kontroll tal-kontijiet ta’ TV2, imħejjija minn din tal-aħħar, kienu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Ministru tal-Kultura Daniz li seta’, fuq din il-bażi, jekk ikun il-każ, jipproponi lill-Parlament Daniż miżuri li għandhom jittieħdu.

138

Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti u r-Renju tad-Danimarka b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jiġifieri t-test tal-Lov om revision af regnskaber Statens (Liġi dwar il-verifika tal-kontijiet tal-Istat), b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha u testi leġiżlattivi oħra li jorganizzaw il-kompetenzi tar-Rigsrevisionen matul il-perijodu kkonċernat.

139

Mid-dokumenti prodotti mir-Renju tad-Danimarka jirriżulta li matul il-perijodu 1995 sa 2002, l-Artikolu 3 tal-Lov om revision af statens regnskaber kien ifformulat kif ġej:

“Waqt il-kontroll, tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kontijiet u jekk id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt l-għoti tal-kontijiet humiex konformi mal-permessi maħruġa, mal-liġijiet u ma’ regoli oħra u ma’ ftehimiet konkluż u ma’ prattiċi abitwali. Barra minn hekk issir ukoll evalwazzjoni dwar il-punt sa fejn jittieħed kunsiderazzjoni l-interess tat-tmexxija finanzjarja tajba fl-amministrazzjoni tar-riżorsi u l-ġestjoni ta’ impriżi li jaqgħu taħt il-kontijiet.”

140

Ir-Renju tad-Danimarka pproduċa, barra minn hekk, it-testi tax-xogħlijiet preparatorji relatati mal-Lov om revision af statens regnskaber, billi jsostni li, fit-tradizzjoni legali Daniża, dan it-tip ta’ testi kienu jgawdu minn importanza partikolari. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn ix-xogħlijiet preparatorji jindikaw:

“Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-verifika tal-kontijiet tal-Istat, il-kontroll eżerċitat mir-Rigsrevisionen jinkludi, minbarra kontroll finanzjarju li jikkostitwixxi verifika tal-eżatezza tal-kontijiet u l-osservazzjonijiet ta’ awtorizzazzjonijiet u jirregola, ukoll ‘[...] evalwazzjoni dwar sa fejn jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess ta’ tmexxija finanzjarja tajba fl-amministrazzjoni tar-riżorsi u t-tmexxija tal-impriżi li jaqgħu taħt il-kontijiet’, jiġifieri b’mod partikolari l-kontroll tal-produttività u tal-effiċjenza. Dawn il-modi ta’ organizzazzjoni joperaw biss parzjalment għall-kundizzjonijiet tas-suq, il-kontroll ta’ ġestjoni huwa ħafna minn iġġustifikat fis-sotituzzjoni ta’ mekkaniżmi tas-suq u l-korrezzjoni tiegħu.”

141

Ir-Renju tad-Danimarka kkonkluda abbażi ta’ dan li, matul il-perijodu kollu kkonċernat, il-produttività u l-effiċjenza ta’ TV2 kienu soġġetti għal kontroll kontinwu. Dan il-kontroll ikun ikkompletat minn awditu eċċezzjonali mwettaq skont l-Artikolu 17(2) tal-Lov om revision af statens regnskaber, li l-konklużjonijiet tiegħu ġew ifformulati fir-rapport tal-Rigsrevisionen tal-2000.

142

Viasat twieġeb għal dan li l-awditi ta’ tmexxija ma jirrigwardawx il-produttività u l-effiċjenza ta’ TV2, iżda biss l-eżistenza ta’ strumenti ta’ tmexxija fil-forma ta’ sistemi ta’ tmexxija. L-uniku awditu li għalih ġiet suġġetta TV2 matul il-perijodu kkonċernat li jirrigwarda l-produttività ta’ TV2 huwa dak li ta lok għar-rapport tar-Rigsrevisionen tal-2000.

143

Mid-dispożizzjonijiet invokati mir-Renju tad-Danimarka jirriżulta, ċertament, li l-firxa tal-kontroll eżerċitat mir-Rigsrevisionen teċċedi sempliċi kontroll amministrattiv tal-kontijiet u tirrigwarda l-effiċjenza tat-tmexxija ta’ TV2. Madankollu, huwa paċifiku li l-uniku dokument li juri r-riżultat prattiku tal-kontroll li sar minn din l-istituzzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa r-rapport tar-Rigsrevisionen tal-2000.

144

Issa, fir-rigward ta’ dan ir-rapport, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement tikkonstata li l-kritika ta’ dan ir-rapport mill-Kummissjoni ma hijiex valida sa fejn il-Kummissjoni tikkritikah li ngħata wara żewġ ftehimiet kwadriennali fuq il-medja u li ma jinkludix paraguni ma’ “stazzjonijiet tat-televiżjoni medji”.

145

Dan l-argument ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rapport tar-Rigsrevisionen 2000 ma jippermettix li jiġi konkluż li l-ispejjeż ta’ TV2 li jikkorrispondu għall-ispejjeż medja u mmexxija tajjeb tonfoq fl-implementazzjoni tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq diversi kritika fformulati mill-Kummissjoni fir-rigward għar-rapport tar-Rigsrevisionen tal-2000 (ara l-punt 127 iktar ’il fuq) li ma ġewx ikkontestati speċifikament mir-rikorrenti. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-għan ta’ dan ir-rapport kien li jeżamina l-iżvilupp fil-produttività ta’ DR u ta’ TV2 fuq perijodu ta’ għaxar snin, li jvarja bejn l-1991 u l-2000, u mhux li jistabbilixxi l-livell tal-produttività ta’ dawn iż-żewġ entitajiet, u lanqas il-fatt li dan ir-rapport ma analizzax il-kawżi taż-żieda jew it-tnaqqis ta’ din il-produttività. Issa d-data relatata mal-iżvilupp tal-produttività ta’ TV2 ma tippermettix li jsiru konklużjonijiet dwar jekk il-livell ta’ kumpens li ngħatat kienx jikkorrispondi għall-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra kienet tonfoq sabiex timplementa l-obbligi ta’ servizz pubbliku fdati lilha.

146

Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-fatt li r-rapport tar-Rigsrevision tal-2000 ma huwiex ibbażat fuq analiżi ddettaljata tal-kontijiet tal-istazzjonijiet barranin, u ma jikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li ssostni li l-paragun tal-produttività ta’ TV2 ma’ DR u ma’ stazzjonijiet barranin pubbliċi, jiġifieri stazzjonijiet li ma jaħdmux taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, ma hijiex konklużiva mill-perspettiva tar-raba’ kundizzjoni Altmark.

147

Finalment, hemm lok li jiġi rrilevat li, bħalma qalet Viasat, ir-rapport inkwistjoni kien ippubblikat f’Novembru 2000, jiġifieri wara l-konklużjoni tal-aħħar ftehim ta’ erba’ snin fuq il-medja (ara l-punt 94 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, għalkemm dan ir-rapport ikkonstata żieda fil-produttività ta’ TV2, dan il-fatt ma setax ikollu influwenza fuq il-livell tal-kumpens mogħti lil TV2 matul il-perijodu kkonċernat.

148

Fid-dawl tal-kunsiderazjonijiet preċedenti, hemm lok li jitqies li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma humiex biżżejjed sabiex juru li, meta eżaminat il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2 fid-dawl tar-raba’ kundizzjoni Altmark, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.

149

Kif ġie diġà enfasizzat, kemm mis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) kif ukoll mill-ġurisprudenza li segwietha, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, li l-kundizzjonijiet li fformulat sabiex tistabbilixxi li kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku ma jagħtux lill-benefiċjarju ta’ dan il-kumpens vantaġġ huma kumulattivi. Peress li ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lil TV2 għall-implementazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li hija responsabbbli għalihom ma kinux jissodisfaw ir-raba’ kundizzjoni Altmark, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri kkonċernati pprovdew vantaġġ lil TV2 fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

150

Konsegwentement, hemm lok li r-raba’ parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti tiġi miċħuda.

151

Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud, minkejja l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tieni kundizzjoni Altmark.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riżorsi bbażati fuq id-drittijiet mil-liċenzji mħallsa minn TV2 lill-istazzjonijiet reġjonali tiegħu, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2

152

Permezz tat-tielet motiv tagħha, imqajjem insostenn tat-tieni kap tat-talbiet sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni inkludiet fil-kalkolu tal-kumpens id-dħul mid-drittijiet tal-liċenzji li, bejn l-1997 u 2002, wara li ġew ittrasferiti mill-Fond TV2 lil TV2, kienu sussegwentement mogħtija minn din tal-aħħar lill-istazzjonijiet reġjonali tagħha. Fil-fatt, wara l-likwidazzjoni, fl-aħħar tal-1996, tal-Fond TV2, responsabbli għall-missjoni ta’ tqassim tal-prodott tad-dħul mill-liċenzji li ġej minn DR bejn l-istazzjonijiet reġjonali, din il-missjoni ġiet assenjata mil-leġiżlatur lil TV2. Ir-rikorrenti ssostni li t-tmien stazzjonijiet reġjonali ta’ TV2 kienu persuni ġuridikament distinti, responsabbli għall-programmi tagħhom stess, li għandhom il-produzzjonijiet, id-dħul, l-ispejjeż, il-bord tad-diretturi, il-kontijiet u l-persunal tagħhom stess. Ir-rwol TV2 kien limitat, f’dan il-kuntest, għal dak ta’ “organu ta’ ħlas” jew “kanal tal-ħlas” u hija ma ħadet l-ebda vantaġġ mid-dħul ittrasferit lil dawn l-istazzjonijiet. F’dan il-kuntest, TV2 ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala benefiċjarja ta’ dan id-dħul, u lanqas tinżamm marbuta bħala persuna responsabbli għall-ħlas ta’ interessi, għall-perijodu ta’ illegalità fis-sens tas-sentenza CELF, punt 38 iktar ’il fuq (EU:C:2008:79), fuq l-imsemmi dħul.

153

Bi tweġiba għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni ssostni li motiv tar-rikorrenti jirriżulta minn qari żbaljat tal-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-imsemmija premessa jirriżulta biss li s-somom inkwistjoni kienu newtralizzati fil-kuntest tal-kalkolu tal-kumpens żejjed. Fil-fatt, dawn is-somom kienu inklużi, kemm, fid-dħul u fl-ispejjeż, hekk li ma għandhom ebda effett fuq il-kalkolu finali ippreżentat fit-tabella 1 li tinsab, fid-deċiżjoni kkontestata, wara l-premessa 195. Il-Kummissjoni tafferma wkoll li, skontha, TV2 ma kinitx benefiċjarja tal-għajnuna mogħtija lill-istazzjonijiet reġjonali u ma ħadet l-ebda vantaġġ mir-rwol tagħha ta’ intermedjarja. Ir-rikorrenti għaldaqstant ma hijiex persuna responsabbli għall-ħlas ta’ interessi, għall-perijodu ta’ illegalità fis-sens tas-sentenza CELF, punt 38 iktar ’il fuq (EU:C:2008:79) fuq dawn is-somom u, għaldaqstant, fuq dan il-punt, hija ma għandha l-ebda interess ġuridiku għall-annullament.

154

Sussegwentement għall-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti tammetti, fir-replika tagħha li t-tielet motiv tagħha jirriżulta minn qari żbaljat tal-premessa inkwistjoni u tikkonstata li dan il-motiv jista’ jiġi miċħud bħala mingħajr suġġett. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li d-dikjarazzjonijiet li għamlet fir-replika ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kienet qiegħda tirtira dan il-motiv. Hija talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tindika għaliex l-għarfien tagħha tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt kien żbaljat u, għaldaqstant, li tiċħad il-motiv tagħha bħala bbażat fuq premessa żbaljata.

155

Min-naħa tagħha, Viasat titbiegħed mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tafferma li d-dħul inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li TV2 kienet il-benefiċjarju tagħha u tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-replika li ppreżentat fil-Kawża T‑125/12.

156

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li jirregolaw l-intervent, ma jipprekludux li l-intervenjent isemmi argumenti differenti minn dawk tal-parti li huwa jsostni, dan huwa madankollu bil-kundizzjoni li dawn ma jibdlux il-kuntest tat-tilwima u li l-intervent jibqa’ intiż insostenn tat-talbiet ippreżentati minn din tal-aħħar (sentenza tat-3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, T‑119/02, Ġabra, EU:T:2003:101, punti 203 u 212). F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bħall-Kummissjoni, Viasat titlob li jiġi miċħud it-tielet motiv. Hija tressaq, ċertament, argumenti differenti minn dawk imressqa mill-Kummissjoni, iżda dan ma jkunx ipprojbit, konformement mal-ġurisprudenza msemmija qabel. Madankollu, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-osservazzjonijiet ta’ Viasat imressqa fil-kuntest tal-Kawża T‑125/12, li għalihom hija tirreferi, peress li huma jinsabu f’dokument relatat ma kawża distinta, li ma ġietx esibita f’din il-kawża.

157

Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li jiġi miċħud it-tielet motiv bħala fondat fuq premessa falza, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie rrilevat fil-punt 154 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti rrispondiet fin-negattiv għad-domanda dwar jekk kinitx qiegħda tirtira t-tielet motiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dikjarazzjoni tagħha li l-Qorti Ġenerali għandha tiċħad dan il-motiv billi tindika r-raġuni għaliex l-għarfien li kellha tal-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata, ma tistax tinftiehem fis-sens li r-rikorrenti tqis li t-tielet motiv tagħha għandu jiġi miċħud biss jekk il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-interpretazzjoni tal-imsemmija premessa sostnuta mill-Kummissjoni. Madankollu, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tfisser ukoll li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-premessa inkwistjoni għandha tifsira differenti minn dak attribwit lilha mill-Kummissjoni, hija għandha tanalizza t-tielet motiv fil-fond. Għaldaqstant, hija għandha, l-ewwel, tivverifika jekk l-interpretazzjoni tal-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, proposta mill-Kummissjoni hijiex korretta.

158

Il-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata tinsab fil-parti ta’ din id-deċiżjoni relatata mal-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE, tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil TV2 mat-TFUE. Hija hekk ifformulata:

“Ġie nnutat ukoll li l-Kummissjoni inkludiet għas-snin 1997 sal-2002 id-drittijiet tal-liċenzja li ġew trasferiti lir-reġjuni [lill-istazzjonijiet reġjonali] ta’ TV2 minn TV2. Il-Kummissjoni tqis li, peress li dawn is-somom ġew irċevuti minn TV2, u mbagħad trasferiti lir-reġjuni, dawn għandhom jiġu inklużi kemm bħala dħul kif ukoll bħala nefqa fil-kalkoli, li fil-fatt jimplika li dawn m’għandhom l-ebda influwenza fuq il-kalkolu tal-Kummissjoni hawn taħt. ”

159

B’hekk jirriżulta minn din il-premessa li r-riżorsi mogħtija lill-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2 jagħmlu parti mid-dħul li ġej mid-drittijiet tal-liċenzji mogħtija lil TV2. Issa, kif jirriżulta mill-punti 74, 101 u 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat dawn ir-riżorsi bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għajnuna mill-Istat timplika, mid-definizzjoni tagħha (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), vantaġġ mogħti lil benefiċjarju. Fil-każ ta’ somma mħallsa lil parti obbligata li tittrasferixxi din is-somma kollha lil terz, ma jistax, bħala prinċipju, ikun hemm kwistjoni ta’ vantaġġ mogħti lill-parti li taġixxi biss bħala “korp ta’ ħlas” jew “kanal ta’ ħlas”. F’tali każ, is-somma inkwistjoni sempliċement hija ttrasferita mill-patrimonju ta’ din l-aħħar parti. Konklużjoni kuntrarja tista tiġi aċċettata biss jekk jintwera li dan it-tranżitu uniku jġib lill-parti kkonċernata benefiċċju, fil-forma, pereżempju, ta’ interessi għall-perijodu li fih hija fil-pussess ta’ din is-somma.

160

Għalkemm, kif issostni r-rikorrenti u l-Kummissjoni tidher li taċċetta, ir-riżorsi mogħtija għall-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2 ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2, ikun loġiku li wieħed jistenna li l-Kummissjoni tagħmel riferiment partikolari għall-imsemmija riżorsi fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat, sabiex jiġi ppreċiżat li dawn ir-riżorsi ma jaqgħux taħt din il-klassifikazzjoni. Issa, ma jinsab l-ebda riferiment għal dan il-għan fil-parti rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata.

161

Għall-kuntrarju, mill-premessi 101 u 153, li jinsabu fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, id-dħul kollu mid-dritt tal-liċenzji kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2. Fil-fatt, fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li d-dħul mit-taxxa taw vantaġġ ekonomiku u finanzjarju lil TV2 u, fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li l-miżuri kkonċernati kollha, inkluż id-dħul mid-dritt tal-liċenzji, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur TV2.

162

Għandu, barra minn hekk, jitfakkar li l-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata tinsab fil-parti ta’ din id-deċiżjoni li tittratta l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2, li jippresupponi, naturalment, l-eżistenza ta’ għajnuna. Jidher, għaldaqstant, improbabbli li premessa li tinsab f’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi interpretata fis-sens li teskludi mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat parti mis-somom irċevuti minn TV2. Jekk dawn is-somom ma kinux għajnuna, ma jkun hemm l-ebda raġuni li jkun hemm riferiment għalihom meta tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.

163

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata interpretazzjoni tal-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata differenti minn dik magħmula qabel, kemm mir-rikorrenti, kif ukoll mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li taqa’ fil-premessa 194, hija kwistjoni dwar jekk u sa liema punt, l-għajnuna mogħtija lil TV2 kinitx tikkostitwixxi kumpens żejjed. Il-premessa 194 għandha tinftiehem għaldaqstant fis-sens li l-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward tar-riżorsi mogħtija, minn TV2, lill-istazzjonijiet reġjonali, ma kienx hemm kwistjoni ta’ kumpens żejjed. Hija, għaldaqstant, inkludiet dawn is-somom, kemm fid-dħul riċevut minn TV2 (li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat) u fl-ispejjeż iġġustifikati ta’ TV2. Issa, il-fatt li somma tiġi inkluża f’kolonna ta’ spejjeż sabiex, sussegwentement, titnaqqas din is-somma eżatta mill-kolonna tal-ispejjeż ma għandu, kif ġustament tirrileva l-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, “l-ebda influwenza fuq il-kalkolu” tal-kumpens żejjed.

164

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, il-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi interpretata fis-sens li r-riżorsi mogħtija minn TV2 lill-istazzjonijiet reġjonali ma kinux jikkostitwixxu għajnuna favur din tal-aħħar.

165

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi analizzata, it-tieni darba, il-fondatezza tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv sabiex tiġi kkontestata l-konklużjoni li tgħid li dawn l-imsemmija riżorsi kienu jikkostitwixxu għajnuna.

166

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li jirriżulta loġikament mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 161 u 162 iktar ’il fuq li r-riżorsi mogħtija minn TV2 lill-istazzjonijiet reġjonali jistgħu jevitaw il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat biss fil-każ li jkun hemm somom trasferiti lil TV2 għall-għan biss li jkunu, insegwitu, trasferiti kollha minnha lill-istazzjonijiet reġjonali. F’tali każ, TV2 kellha l-obbligu biss li tittrasferixxi lill-istazzjonijiet reġjonali is-somom flejjes li ngħatawlha għal dawn l-għanijiet, li jfisser, loġikament, li fil-każ li l-ebda somma ma kienet ittrasferita lil TV2, dawn tal-aħħar ma kien ikollhom ebda obbligu li jħallsu kwalunkwe ammont lill-istazzjonijiet reġjonali. Huwa biss jekk dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfati li jista’ jiġi affermat, kif għamlet TV2, li r-rwol tagħha kien limitat għal dak ta’ “organi tal-ħlas” jew “kanal ta’ ħlas”.

167

Madankollu, il-każ previst fil-punt 166 iktar ’il fuq ma jistax jiġi aċċettat jekk jirriżulta li TV2 stess kellha tassumi obbligi ta’ ħlas fir-rigward tal-istazzjonijiet reġjonali, li lilhom kellha tikkonforma ruħha f’kull każ, jiġifieri anki fil-każ li hija ma kienet tirċievi ebda somma ġejja mid-dritt tal-liċenzja. F’każ bħal dan, is-somom effetivament imħallsa lil TV2 mill-istazzjonijiet reġjonali kienu jikkostitwixxu, ċertament, spejjeż reali li din tal-aħħar sostniet u, jekk għajnuna daqs l-imsemmija somom tħallset lilha sabiex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż, ma jkun hemm ebda kwistjoni ta’ kumpens żejjed.

168

Issa, ma hemm xejn fl-argumenti tar-rikorrenti li jippermetti li jiġi konkluż li fil-każ previst fil-punt 166 iktar ’il fuq li għandu jitqies f’din il-kawża. Għall-kuntrarju, il-fatti, hekk kif jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata u mill-proċess, mingħajr ma ġew kontradetti mir-rikorrenti, jippermettu li jikkonkludu li huwa pjuttost il-każ previst fil-punt 167 iktar ’il fuq li jikkorrispondi għar-realtà tal-fatti.

169

Fil-fatt, mill-Artikolu 1 tal-Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed, kif mehmuż mir-rikorrenti mar-rikors fil-verżjoni tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 1994, jirriżulta li d-dritt ta’ xandir ta’ programmi awdjoviżivi ddefiniti fl-imsemmija liġi ngħata, minn naħa waħda, lil DR u, min-naħa l-oħra, lil “TV2, kif imsemmi fil-Kapitolu 4” ta’ din il-liġi. F’dan il-Kapitolu 4 jinsab l-Artikolu 18, li jipprovdi li “TV2 hija stabbiliment awtonomu, li għandha bħala għan, permezz ta’ programmi indipendenti, li tipproduċu u xxandar programmi tat-nazzjonali u reġjonali” u li, “[f]il-kuntest tal-programmi tagħhom, l-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2 imsemmija fl-Artikolu 21 għandhom jiżguraw ukoll li x-xandiriet ikollhom lenti reġjonali”. L-imsemmi Artikolu 21 kien jipprovdi, fil-paragrafu 1, li “[j]istgħu jinħolqu ċertu numru ta’ stazzjonijiet reġjonali” u li “[k]ull istazzjon ikopri t-territorju ta’ dipartiment jew dipartimenti”. Il-paragrafi li ġejjin tal-Artikolu 21 kienu jiddeskrivu l-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ stazzjonijiet reġjonali, billi jippreċiżaw li l-ħolqien ta’ stazzjon reġjonali kellu jiġi approvat minn ministru.

170

Il-verżjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati riprodotta fil-punt 169 iktar ’il fuq baqgħet fis-seħħ sal-emenda li saret bil-liġi tat-22 ta’ Marzu 2001. Wara dawn l-emendi, l-Artikolu 1 tal-Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed kien jaqra’ kif ġej: “Għandhom dritt li jxandru programmi awdjoviżivi bħal dawk indikati fl‑Artikolu 2 l-entitajiet li ġejjin: 1) DR, kif imsemmi fil-Kapitolu 3; 2) TV2, kif imsemmi fil-Kapitolu 3 [...].” F’dan il-Kapitolu 3 jinsab l-Artikolu 21, li jiddisponi li “TV2 tikkonsisti, barra mill-istabbiliment għal skop nazzjonali, tmien stazzjonijiet reġjonali li magħhom jiżdied kunsill tal-komunità reġjonali magħmul minn membri ġejjin mill-ħajja kulturali, soċjali u reġjonali fil-forom kollha tagħha”.

171

Minn dawn it-testi jirriżulta li, sabiex timplementa parti mill-missjoni li ġiet fdata lilha mil-leġiżlatur, jiġifieri li xxandar programmi reġjonali, TV2 għandha jkollha l-użu tas-servizzi ta’ stazzjonijiet reġjonali, li jimplika li, bħala korrispettiv, hija għandha tassumi, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, l-obbligu li tħallashom remunerazzjoni xierqa għal dawn is-servizzi, li jippermettilhom li jipprovdu s-servizzi inkwistjoni. Fi kliem ieħor, TV2 kellha tassumi hija stess obbligi fir-rigward ta’ stazzjonijiet reġjonali u r-rwol tagħha ma kienx limitat għal dak ta’ sempliċi “kanal ta’ transitu” ta’ ħlasijiet li ġejjin mid-drittijiet tal-liċenzji u ddestinati għall-istazzjonijiet reġjonali. Il-fatt, jekk wieħed jassumi li seħħ, li l-istazzjonijiet reġjonali kienu jiddisponu mill-personalità ġuridika tagħhom stess, distinta minn dak ta’ TV2, ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward.

172

Minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkonfermati mill-aħħar emenda tal-Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed li seħħet matul il-perijodu kkonċernat, moqrija fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tafferma, fil-fatt, li l-missjoni tagħha ta’ tqassim mill-ġdid tar-riżorsi li ġejjin mid-dritt tal-liċenzji waqfet mill-2003, fl-okkażjoni tat-trasformazzjoni ta’ TV2 f’kumpannija ta’ responsabbiltà limitata. Issa, huwa preċiżament f’dan il-mument li daħlet fis-seħħ l-emenda tal-Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed, u insegwitu għaliha l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi ħa l-forma li ġejja: “għandhom id-dritt li jxandru programmi awdjoviżivi bħal dawk indikati fl-Artikolu 2 l-entitajiet li ġejjin: 1). DR, kif imsemmi fil-Kapitolu 4; 2) TV2, kif imsemmi fil-Kapitolu 6; 3) Stazzjonijiet reġjonali ta’ TV2, kif imsemmi fil-Kapitolu 6 [...]”. Din l-emenda tikkonferma li huwa minn Jannar 2003, li l-istazzjonijiet reġjonali isseparaw minn TV2 u li għaldaqstant ma kienx iktar meħtieġ għal TV2 li tassumi obbligi fir-rigward ta’ dawn l-istazzjonijiet.

173

Min-naħa l-oħra, meta mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li l-obbligu li għandha fuqha sal-aħħar tal-2002 kien dak ta’ finanzjament tal-attività tal-istazzjonijiet reġjonali tagħha, anki f’sitwazzjoni – ipotetika – li fiha TV2 ma rċeviex id-dħul mid-dritt tal-liċenzji. Peress li, fl-2003, l-istazzjonijiet reġjonali saru indipendenti minn TV2, l-obbligu li jiffinanzjawhom mid-dħul li ġej mid-dritt tal-liċenzji jkun sparixxa.

174

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ dritt, sa fejn il-Kummissjoni qieset li d-dħul mir-reklamar mogħti lil TV2 permezz tal-intermedjarju ta’ Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat

175

Permezz tar-raba’ motiv tagħha, imressqa insostenn tat-tielet kap tat-talba sussidjarja, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni bi żball ta’ dritt, sa fejn hija qieset bħala għajnuna mill-Istat l-ammonti ġejjin mid-dħul mir-reklamar għall-1995 u l-1996 li ġew ittrasferiti lilha permezz tal-intermedjarju ta’ Fond TV2. Ir-rikorrenti ssostni li dan kien dħul li ġej mill-attività tagħha stess, li ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat.

176

Sabiex tinftiehem tajjeb il-kwistjoni partikolari li hija s-suġġett ta’ dan il-motiv, hemm lok, qabel kollox, li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mis-sentenza TV2, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2008:457, punt 160), matul l-1995 u l-1996 (u kuntrarjament għall-perijodu suċċessiv), l-ispazji għar-reklamar ta’ TV2 ma kinux ikkummerċjalizzati minn TV2 stess, iżda minn kumpannija terza (TV2 Reklame A/S), u li d-dħul minn din il-kummerċjalizzazzjoni kien trasferit lil TV2 permezz tal-Fond TV2.

177

Fis-sentenza tagħha TV2 I, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2008:457, punti 162 u 167), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-deċiżjoni TV2 I, il-Kummissjoni kienet, fil-prattika, inkludiet id-dħul mir-reklamar tal-1995 u l-1996 mad-dħul mil-liċenzja u kienet naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, de facto, bħala riżorsi mill-Istat, id-dħul mir-reklamar tal-1995 u l-1996. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kellha tilqa’ r-rikors f’din il-kawża, sa fejn jirrigwarda d-dħul mir-reklamar tas-snin 1995 u 1996, u li tannulla d-deċiżjoni TV2 I, sa fejn hija tinkludi dan id-dħul fost ir-riżorsi tal-Istat.

178

Wara dan l-annullament, il-Kummissjoni kellha terġa’ teżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tan-natura ta’ għajnuna mill-Istat tad-dħul mir-reklamar ta’ TV2 tal-1995 u l-1996, u hija għamlet dan fil-premessi 75 u 90 ta’ din id-deċiżjoni.

179

Fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li kellha teżamina jekk il-dħul mir-reklamar tal-1995 u l-1996 setax jiġi kklassifikat bħala riżorsi tal-Istat, fid-dawl tas-sentenza tat-13 Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra, EU:C:2001:160). Hija qieset li, għal dan il-għan, hija kellha tivverifika jekk dan id-dħul mir-reklamar kienx suġġett għal kontroll tal-Istat.

180

Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien il-każ, billi bbażat ruħha fuq il-modalitajiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Daniża għall-ġestjoni ta’ dan id-dħul. B’hekk, hija kkonstatat li kumpannija awtonoma, indipendentement minn TV2, il-kumpannija TV2 Reklame, kienet inħolqot sabiex tbigħ ir-reklami ta’ TV2. Huwa bejn din il-kumpannija u l-klijenti tar-reklamar kien hemm relazzjoni kuntrattwali (premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata).

181

Fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat dan li ġej:

“M’hemm l-ebda obbligu li jiġu trasferiti flus ta’ TV2 Reklame għall-Fond TV2. It-trasferiment minflok ġie deċiż mill-Istat Daniż. Il-Ministru tal-Kultura kellu jiddeċiedi fuq il-parti tal-profitti ta’ TV2 Reklame li kellhom jiġu trasferiti għall-Fond TV2. Din id-deċiżjoni ttieħdet għal sena jew diversi snin kull darba u bl-approvazzjoni tal-Parlament Daniż (Il-Kumitat Permanenti Parlamentari dwar il-Finanzi). Il-Ministru tal-Kultura jista’ jiddeċiedi li l-profitt mhux trasferit jista’, suġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat Finanzjarju, jintuża għall-ħlas lura tal-garanzija mill-Istat maħruġa qabel għal TV2 Reklame jew għal skopijiet kulturali”.

182

In-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 37, li tirreferi għaliha l-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, issemmi l-Artikolu 29 tal-Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed, fil-verżjoni tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1994, sabiex issaħħaħ it-teżi li l-Ministru Daniż tal-Kultura kien iddeċieda liema parti tad-dħul mir-reklamar jitħallas lill-Fond TV2. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, b’mod partikolari, li “[i]l-fond TV2 ikollu wkoll riżorsi mid-dħul iġġenerat mir-reklamar fuq TV2” u li “[i]l-Ministru tal-Kultura jistabbilixxi għal sena jew snin, bil-kunsens tail-Kumitat tal-Finanzi tal-Parlament, il-parti tal-qligħ ta’ TV2 Reklame A/S li għandhom jitħallsu lill-Fond TV2”.

183

Il-Kummissjoni, madankollu, ikkonstatat, fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[f]il-prattika, fl-1995 u l-1996, l-ammont kollu ta’ flus [li ġej mid-dħul mir-reklamar ta’ TV2] ġie trasferit għall-Fond TV2. ”.

184

Il-Kummissjoni, sussegwentement, ikkonstatat li ma kien jeżisti ebda obbligu li kull sena jiġu ttrasferiti l-flus tal-Fond TV2 lil TV2. Dan it-trasferiment kien ġie deċiż mill-Istat Daniż u, fil-prattika, TV2 ma kinitx irċeviet id-dħul kollu tal-Fond TV2 fl-1995 u l-1996 (premessi 84 u 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ma kienx hemm kontijiet separati fi ħdan il-Fond TV2 bejn id-dħul mir-reklamar u r-riżorsi li ġejjin mid-dritt tal-liċenzja u żżomm id-dħul li ma kienx trasferit lil TV2. Dan id-dħul kien ġie ttrasferit lil TV2 meta l-Fond TV2 ingħalaq (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

185

Fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet argument tal-awtoritajiet Daniżi, li, peress li bbażaw fuq ittra tal-Ministru tal-Ġustizzja Daniż tat-22 ta’ Novembru 2003, indikat li Fond TV2 kellha drittijiet fuq id-dħul mir-reklamar. Din l-ittra tippreċiża li r-riżorsi ta’ Fonds TV 2 jistgħu jintużaw biss għall-attivitajiet ta’ TV2. Il-Kummissjoni invokat, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-liġi Daniża ma tipprevedi ebda obbligu sabiex jiġi trasferit id-dħul kollu mir-reklamar lil TV2 u li kien il-Ministru tal-Kultura Daniż li kien jiddeċiedi l-ammont li għandu jitħallas lil TV2.

186

Il-Kummissjoni fakkret ukoll li TV2 ma kellha l-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-konsumaturi finali tar-reklamar, u lanqas xi influwenza fuq attivitajiet tar-reklamar (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija, għaldaqstant, qieset, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, li l-Ministru tal-Kultura Daniż kellu l-kontroll tar-riżorsi ta’ TV2 Reklame u tal-Fondi TV2 u li, konsegwentement, id-dħul mir-reklamar fl-1995 u l-1996 ittrasferiti lil TV2 permezz ta’ TV2 Reklame u tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat (premessi 89 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

187

Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat. Hija tispjega li l-qafas istituzzjonali partikolari, maħluq sabiex jitmexxa r-reklamar ta’ TV2, kellu bħala għan li jiġi evitat teħid inkunsiderazzjoni indebitu tal-interessi ta’ min jirriklama, li jista’ jaffettwa l-indipendenza editorjali ta’ TV2. Huwa għal dan il-għan li r-relazzjonijiet ma’ min jirreklama kellhom jiġu fdati lil kumpannija distinta, jiġifieri TV2 Reklame. Madankollu, huwa ċar ukoll li TV2 Reklame kienet involuta biss fil-bejgħ lil dawk li jirreklamaw tal-ħin ta’ xandir reklamar ta’ TV2. Ir-riżorsi tar-reklamar tas-snin 1995 u 1996 li ġejjin minn dak li TV2 kien ipproduċa ma jistgħux, għaldaqstant, jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat.

188

Il-Kummissjoni, sostnuta minn Viasat, tikkontesta dawn l-argumenti. Skontha, il-punt dwar jekk ir-riżorsi mir-reklamar kinux ikkontrollati mill-Istat hija determinanti għall-evalwazzjoni tan-natura tagħhom ta’ għajnuna mill-Istat. Issa, il-Kummissjoni tenfasizza li kien l-Istat Daniż li kien iddeċieda t-trasferiment ta’ dħul mir-reklamar lill-Fond TV2. Barra minn hekk, TV2 ma kellha ebda dritt ta’ proprjetà fuq ir-riżorsi inklużi f’dan il-fond u ma setgħatx tuża liberament dawn ir-riżorsi. Peress li kien il-Gvern Daniż li kellu l-possibbiltà li jiddeċiedi dwar it-trasferiment tal-imsemmija riżorsi lil TV2, dawn tal-aħħar kienu jinsabu, fir-realtà, taħt il-kontroll tal-Istat. Sabiex tissostanzja din it-teżi tal-Kummissjoni, Viasat tinvoka s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑358/94, Ġabra, EU:T:1996:194) u tas-16 ta’ Mejju 2000, France vs Ladbroke Racing u l-Kummissjoni (C‑83/98 P, Ġabra, EU:C:2000:248), u tafferma li riżorsi tal-Istat jistgħu jkollhom oriġini privata, jekk huma jkunu taħt kontroll pubbliku.

189

Kif ġie rrivelat fil-punt 46 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippresupponi li jeżistu erba’ kundizzjonijiet, fosthom b’mod partikolari dawk marbuta ma’ intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha PreussenElektra, punt 179 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160, punt 58), imsemmija fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi tal-Istat li huma kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens fuq intiż. Fil-fatt, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn fl-Artikolu 107(1) TFUE bejn l-“għajnuna […. mogħtija minn Stat Membru” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha li l-Istat jagħti l-kunsens tagħhom jikkostitwixxu għajnuna, kemm jekk ikunu jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi statali, iżda hija intiża sabiex tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi li huma mogħtija direttament mill-Istat kif ukoll dawk li huma mogħtija permezz tal-intermedju ta’ organu pubbliku jew privat, maħtur jew stabbilit minn dan l-Istat.

190

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li vantaġġi li ma jingħatawx permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi PreussenElektra, punt 179 iktar ’il fuq, EU:C:2001:160, punti 59 sa 61, u tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C‑345/02, Ġabra, EU:C:2004:448, punti 35 u 36).

191

Il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat il-kunċett ta’ vantaġġ mogħti “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” f’ġurisprudenza li għandha titfakkar fil-qosor iktar ’il quddiem.

192

B’hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza PreussenElektra, punt 179 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita b’miżura li tipprevedi obbligu, impost fuq impriżi privati ta’ provvista ta’ elettriku, li jixtru, bi prezzijiet minimi fissi l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu. Peress li kkonstatat li dan l-obbligu ma jwassal għal ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “l-fatt li l-obbligu ta’ xiri [kien] impost mil-liġi u [kien] jagħti vantaġġ inkontestabbli lil ċerti mpriżi, m’huwiex [ma kienx] ta’ natura li jagħtih il-karattru ta’ għajnuna mill-Istat” (sentenza PreussenElektra, punt 179 iktar ’il fuq, EU:C:2001:160, punt 61).

193

Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Pearle et, punt 190 iktar ’il fuq (EU:C:2004:448), kienet kwistjoni ta’ kampanja ta’ reklamar organizzata minn korp pubbliku, iffinanzjata minn fondi miġbura mingħand il-membri tiegħu, li bbenefikaw mill-kampanja, permezz ta’ ħlasijiet obbligatorji destinati għall-organizzazzjoni ta’ din il-kampanja ta’ reklamar. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li ma kienx jidher li l-kampanja ta’ reklamar kienet iffinanzjata minn mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali. Minħabba li l-ispejjeż inkorsi mill-korp pubbliku għall-finijiet tal-imsemmija kampanja kienu kkumpensati totalment bil-ħlasijiet imposti fuq l-impriżi li bbenefikaw minnha, l-intervent tal-korp pubbliku ma kienx intiż biex joħloq vantaġġ li jammonta għal piż addizzjonali fuq l-Istat jew fuq dan il-korp (sentenza Pearle et, punt 190 iktar ’il fuq, EU:C:2004:448, punt 36).

194

Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C‑222/07, Ġabra, EU:C:2009:124, punt 47), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura meħuda minn Stat Membru li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw 5 % mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, 60 % minn dan il-5 % għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur l-industrija ċinematografika ta’ dan l-Istat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat f’dan ir-rigward, li l-vantaġġ li kien mogħti minn tali miżura lill-industrija ċinematografika ta’ dan l-istess Stat Membru kienet tikkostitwixxi vantaġġ li kien mogħti direttament mill-Istat jew permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat, peress li l-vantaġġ inkwistjoni jirriżulta minn liġi ġenerali li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni, kemm jekk dawn huma pubbliċi jew privati, li jirriżervaw parti mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni (sentenza UTECA, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2009:124, punti 44 u 45).

195

Jista’ jiġi konkluż, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-paragrafi 192 sa 193 iktar ’il fuq, li l-vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat huwa vantaġġ li, ladarba mgħoti, għandu effett negattiv fuq ir-riżorsi tal-Istat.

196

Il-forma l-iktar sempliċi li jista’ jieħu dan l-effett negattiv huwa dak ta’ trasferiment tar-riżorsi tal-Istat li dak li għalih jingħata l-benefiċċju. Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra, EU:C:2002:294, punt 36, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, Ġabra, EU:C:2013:348, punt 34).

197

Issa, din l-aħħar kunsiderazzjoni ma tfissirx li miżura jista’ jkollha n-natura ta’ għajnuna mill-Istat anki jekk ma hijiex vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Tali interpretazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 196 iktar ’il fuq tkun, barra minn hekk, qed tikkontradixxi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 189 u 190 iktar ’il fuq.

198

Il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 196 iktar ’il fuq għandha, pjuttost tinftiehem fis-sens li huwa possibbli li jiġi maħsub vantaġġ li jwassal għal effetti negattivi fuq ir-riżorsi tal-Istat li ma jinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ miżura li biha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra, EU:C:1994:100, punt 14, u tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra, EU:C:1999:251, punt 16). L-effett negattiv ta’ tali miżura fuq riżorsi tal-Istat jirriżulta mill-fatt li l-Istat jirrinunzja għall-ġbir, mill-impriżi kkonċernati, ta’ taxxa jew ta’ kontribuzzjoni oħra simili, li hija tiġbor minn persuni taxxabbli oħra u li kellha normalment tiġbor ukoll minn dawn l-impriżi. Barra minn hekk, tali miżura twassal eżattament għall-istess riżultat bħal dak li seta’ jinkiseb jekk l-Istat kien jiġbor it-taxxa inkwistjoni wkoll mill-impriżi benefiċjarji tal-miżura kkonċernata sabiex, insegwitu, jirrimborsaha immedjatament, jiġifieri jittrasferilhom ir-riżorsi li jkun irċieva mingħandhom minn qabel.

199

Hija, preċiżament, għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 198 iktar ’il fuq, dwar l-eżenzjonijiet fiskali, li tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati fil-punt 196 iktar ’il fuq, insostenn tat-teżi li ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat sabiex il-vantaġġ mogħti lil impriża jew impriżi jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat.

200

Għalkemm huwa stabbilit, insegwitu għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li għajnuna mill-Istat tippresupponi effett negattiv fuq ir-riżorsi tal-istat, xorta għandu jiġi determinat x’inhu mifhum b’“riżorsi tal-Istat”. Ovvjament, il-mezzi, reali jew finanzjarji, li għandu l-Istat mingħajr dubju jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat. Huma naturalment inklużi f’dan il-kunċett ir-riżorsi li l-Istat kiseb minn terzi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, b’mod partikolari billi tiġi imposta taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, Ġabra, EU:C:2008:413, punt 66).

201

Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali addottat it-teżi l-iktar ġenerali, li biha l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu kontinwament parti mill-patrimonju tal-Istat. Konsegwentement, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma humiex b’mod permanenti fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, il-fatt li huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, punt 196 iktar ’il fuq, EU:C:2013:348, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Aiscat vs Il-Kummissjoni, T‑182/10, Ġabra, EU:T:2013:9, punt 104).

202

Il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 201 iktar ’il fuq għandha l-oriġini tagħha fis-sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq (EU:T:1996:194), invokata minn Viasat. Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-akkwist ta’ kważi l-kapital kollu tal-kumpannija tal-ajru Air France permezz ta’ sussidjarja, miżmuma 100 %, mill-Caisse des Dépôts et consignations, stabbiliment pubbliku speċjali Franċiż (sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, EU:T:1996:194, punti 4 sa 7). Il-kwistjoni għaldaqstant li tqum hija jekk ir-riżorsi użati għal dan l-iskop jistgħux jiġu kkaratterizzati bħala riżorsi tal-Istat, u r-Repubblika Franċiża ssostni li dawn kienu fondi privati, li kienu ġestiti biss mill-Caisse des dépôts et consignations, peress li d-depożitaturi ta’ dawn il-fondi jistgħu, fi kwalunkwe mument, jitolbu l-ħlas lura tagħhom (sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, EU:T:1996:194, punt 63).

203

Il-Qorti Ġenerali wieġbet fl-affermattiv għal din id-domanda. Hija kkonstatat li d-dħul u l-ħruġ magħmul mill-Caisse des dépôts et consignations kien jipproduċu bilanċ kostanti, b’mod li dan seta’ jintuża bħallikieku l-fondi jikkorrispondu għal dan il-bilanċ kienu baqgħu definittivament għad-dispożizzjoni tagħha. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Caisse des dépôts et consignations seta’, b’hekk, jadotta aġir ta’ investitur skont l-iżvilupp tas-swieq billi juża, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess, l‑imsemmi bilanċ disponibbli. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-investiment kontenzjuż, iffinanzjat mill-bilanċ disponibbli għall-Caisse des dépôts et consignations, seta’ jfixkel il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, daqslikieku dan l-investiment kien ġie ffinanzjat permezz ta’ dħul li kkonsista f’taxxi jew kontribuzzjonijiet obbligatorji. Hija żiedet li jsegwi li din id-dispożizzjoni għaldaqstant tinkludi l-mezzi finanzjarji kollha li s-settur pubbliku jista’ effettivament juża sabiex jgħin impriżi, irrispettivament minn jekk dawn il-mezzi jappartjenux jew le b’mod permanenti għall-patrimonju tal-imsemmi settur. Minn dan ikkonkludiet li l-fatt li l-fondi użati mill-Caisse des dépôts et consignations kienu setgħu jitħallsu lura huwa irrilevanti (sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, EU:T:1996:194, punti 66 u 67).

204

Ir-regola mfakkra fil-punti 201 u 203 iktar ’il fuq, insegwitu, ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Franza vs Ladbroke Racing u l-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, (EU:C:2000:248, punt 50), ukoll invokata minn Viasat.

205

Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda wkoll appell ippreżentat kontra s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjonin (T‑67/94, Ġabra, EU:T:1998:7), dwar rikors għal annullament kontra deċiżjoni li biha l-Kummissjoni kienet, b’mod partikolari, qieset li d-disponibbiltà lil kumpanniji prinċipali tat-tlielaq taż-żwiemel fi Franza ta’ qligħ mhux mitlub mil-lagħaba, għalkemm kienet intiża li tiffinanzja l-ispejjeż soċjali tal-imsemmija kumpanniji, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat minħabba l-assenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjoni inkwistjoni mill-Kummissjoni kienet ibbażata fuq premessi foloz u kellha, għal dan il-motiv, tiġi annullata (sentenzi Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, EU:C:2000:248, punt 45, u Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:1998:7, punt 111).

206

Il-Qorti Ġenerali kienet qieset li l-miżura inkwistjoni f’din il-kawża kellha l-effett li tippermettu lill-kumpanniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel li jaffrontaw ċerti spejjeż soċjali u li l-ammont tas-somom li jikkorrispondi għall-qligħ mhux mitlub kien ikkontrollat mill-awtoritajiet Franċiżi. Hija minn dan ikkonkludiet li, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali wessgħet l-użi possibbli ta’ dawn is-somom għall-attivitajiet oħra tal-kumpanniji ta’ tiġrijiet minn dawk previsti inizjalment, il-leġiżlatur nazzjonali kellu, minħabba dan it-twessigħ, effettivament jirrinunzja għal riżorsi li, fil-prinċipju, kellhom imorru fil-baġit tal-Istat. Hija żiedet li, sa fejn dawn ir-riżorsi kienu ntużaw, b’mod partikolari, sabiex jiffinanzjaw spejjeż soċjali, huma jikkostitwixxu tnaqqis fil-piżijiet soċjali li impriża normalment ikollha tbati u għaldaqstant għajnuna favur tagħha (sentenzi Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, EU:C:2000:248, punti 47 sa 49, u Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, EU:T:1998:7, punti 105 sa 110).

207

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma ħalliet post għal ebda kritika mill-perspettiva tar-regolarità tagħha fid-dritt u hija rrepetiet il-formula użata fil-punt 67 tas-sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq (EU:T:1996:194), imfakkra fil-punt 203 iktar ’il fuq. Hija żiedet li anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura ta’ disponibbiltà għall-kumpanniji ta’ tiġrijiet ta’ rebħ mhux mitlub ma kinux miżmuma b’mod permanenti mit-Teżor, il-fatt li huma jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għaldaqstant disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kien biżżejjed sabiex jikkwalifikaw bħala riżorsi tal-Istat (sentenza Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, EU:C:2000:248, punt 50).

208

Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li r-riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 189 iktar ’il fuq, jistgħu jikkonsisti wkoll f’riżorsi li ġejjin minn terzi, iżda li, huma jew kienu b’mod volontarju disponibbli lill-Istat mill-proprjetarji tagħhom (ara l-eżempju tad-depożitanti tal-Caisse de dépôt et consignations, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq EU:T:1996:194), jew kienu abbandunati mill-proprjetarji tagħhom u li l-Istat assuma t-tmexxija tagħhom fl-eżerċizzju tas-setgħat sovrani tiegħu (ara l-eżempju ta’ rebħ mhux mitlub mil-lagħaba, fil-kawża li tat lok għas-sentenzi Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kommission, punt 188 iktar ’il fuq, EU:C:2000:248, u Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, EU:T:1998:7).

209

Ma jistax, għall-kuntrarju, jitqies li riżorsi huma taħt kontroll pubbliku u jikkostitwixxu, għaldaqstant, riżorsi tal-Istat fis-sens fuq imsemmi sempliċement minħabba, permezz ta’ leġiżlazzjoni, l-Istat jippreskrivi lil terz użu partikolari tar-riżorsi tiegħu stess. B’hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza PreussenElektra, punt 179 iktar ’il fuq (UE:C:2001:160), il-fatt li l-Istat kien impona fuq l-impriżi privati ta’ provvista tal-elettriku li jużaw ir-riżorsi tagħhom għax-xiri bi prezzijiet minimi fissi l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma wassalx lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li r-riżorsi ta’ dawn l-impriżi kienu jinsabu taħt kontroll pubbliku u kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat. Bl-istess mod kienet il-kawża li wasslet għas-sentenza UTECA, punt 194 iktar ’il fuq (EU:C:2009:124), fejn l-Istat kien impona l-operaturi tat-televiżjoni sabiex jallokaw proporzjon tagħhom tad-dħul operattiv għal użu partikolari (il-finanzjament antiċipat ta’ films ċinematografiċi Ewropej u tat-televiżjoni Ewropej).

210

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li għandu jiġi analizzat dan il-motiv. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li r-risposta għad-domanda dwar jekk id-dħul mir-reklamar għall-1995 u l-1996, ittrasferit minn TV2 Reklame lil TV2 permezz tal-Fond TV2m jikkostitwixxix “”riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, hija determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-motiv preżenti.

211

Ma hemmx dubju li d-dħul mir-reklamar imsemmi fil-kuntest ta’ dan il-motiv jikkostitwixxi l-korrispettiv finanzjarju, imħallas minn min jirriklama, għad-disponibbiltà tal-ħin ta’ xandir ta’ reklamar ta’ TV2. Għaldaqstant, oriġinarjament, dan id-dħul ma jkunx ġejjin minn riżorsi tal-Istat, iżda minn riżorsi privati, dawk li jirriklamaw. Il-kwistjoni hija għaldaqstant, jekk huwiex permess li jitqies li dawn ir-riżorsi, ta’ oriġini privata, kienu kkontrollati mill-awtoritajiet Daniżi, kif kien il-każ tar-riżorsi inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi msemmija fil-punt 188 iktar ’il fuq.

212

Dan ma huwiex il-każ. B’differenza minn dawn l-aħħar kawżi, ma hemmx, f’dan il-każ, kwistjoni la ta’ riżorsi li tqiegħdu disponibbli volontarjament għall-Istat mill-proprjetarji tagħhom, u lanqas ta’ riżorsi abbandunati mill-proprjetarji tagħhom u li l-Istat assuma l-ġestjoni tagħhom. L-intervent tal-Istat Daniż f’dan il-każ kien jikkonsisti konkretament f’li jistabbilixxi l-proporzjon tar-riżorsi inkwistjoni (ta’ dħul mir-reklamar riċevuti minn TV2 Reklame) li ser ikunu mgħoddija lil TV2 permezz tal-Fond TV2. L-awtoritajiet Daniżi kellhom biss l-għażla, jekk xtaqu jagħmlu dan, li jiddeċiedu li TV2 ma tirċevix dawn ir-riżorsi kollha, iżda biss parti minnhom. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet Daniżi kellhom is-setgħa li jillimitaw is-somma li ġejja minn dawn ir-riżorsi li ser ikunu mgħoddija lill TV2. Issa, skont il-premessa spjegata fil-punt 209 iktar ’il fuq, din is-setgħa ma tistax titqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm riżorsi taħt kontroll pubbliku.

213

Fil-fatt, il-miżura inkwistjoni f’din il-kawża hija simili għal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza PreussenElektra, punt 179 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160), bid-differenza li, f’din l-aħħar kawża, l-Istat kien stabbilixxa prezzijiet minimi għax-xiri tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, filwaqt li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Daniżi kellhom is-setgħa li jistabbilixxu, essenzjalment, somma massima li TV2 Reklame kellha tħallas lil TV2 għad-disponibbiltà, minn din tal-aħħar, ta’ ħin ta’ xandir ta’ reklamar għall-benefiċċju tal-klijenti tal-ewwel waħda.

214

Jekk, fuq istruzzjoni tal-awtoritajiet Daniżi, TV2 Reklame kienet żammet parti mid-dħul mir-reklamar u qegħditha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet imsemmija, din il-parti tad-dħul mir-reklamar kienet tkun tikkostitwixxi riżorsi tal-Istat Daniż. Għall-kuntrarju, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jitqies li l-parti li jifdal tad-dħul mir-reklamar, li ma nżammitx minn TV2 Reklame tikkostitwixxi riżors tal-Istat.

215

Ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti l-fatt li, kif tirrileva l-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dħul mir-reklamar mhux miżmum kien tħallas lill-Fond TV2, u mhux direttament lil TV2, u li ma kien hemm ebda obbligu li kull sena il-flus ta’ Fond TV2 jiġu ttrassferiti lil TV2.

216

Il-Kummissjoni ma kkontestatx l-affermazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, imsemmija fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, li biha r-riżorsi tal-Fond TV2 jistgħu jintużaw biss sabiex ikopru attivitajiet ta’ TV2, u kien hemm, għalhekk obbligu legali sabiex jiġi trasferit, fl-aħħar lok, id-dħul mir-reklamar tal-Fond TV2 lil TV2. Hija wieġbet biss, fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma kien hemm l-ebda obbligu taħt il-liġi sabiex jiġi trasferit id-dħul kollu mir-reklamar lil TV2”. Hija żiedet: “[D]an kien jiddependi fuq deċiżjoni konkreta tal-Ministru dwar jekk u kemm kellu jiġi trasferiti lil TV2”.

217

Issa, kif ġie rrilevat hawn fuq, il-fatt li l-Ministru tal-Kultura Daniż jista’ jżomm parti mid-dħul mir-reklamar ma jfissirx li l-parti li tibqa’ mhux mhux miżmuma li tikkostitwixxi riżors tal-Istat, lanqas li t-trasferiment tiegħu lill-Fond TV2 u, fl-aħħar lok, lil TV2, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur din tal-aħħar.

218

L-assenza ta’ rabta kuntrattwali bejn dawk li jirreklamaw u TV2, jew ta’ influwenza ta’ din tal-aħħar fuq ir-reklamar, imsemmija fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas ma hija rilevanti. Kif kien irrilevat hawn fuq, dak li huwa importanti f’dan il-każ ma huwiex l-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejn TV2 u dawk li jirriklamaw, iżda l-klassifikazzjoni jew le ta’ “riżorsi tal-Istat” tad-dħul mir-reklamar. Issa, diġà ġie spjegat fuq liema motivi dan id-dħul ma jistax jiġi kklassifikat b’dan il-mod.

219

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li dawk li jirreklamaw, fosthom dawk ġejjin mid-dħul mir-reklamar, kellhom rabta kuntrattwali ma’ TV2 Reklame. Dwar TV2, hija kienet marbuta, skont il-leġiżlazzjoni Daniża, li ħin tax-xandir tar-reklami jkun disponibbli lil TV2, li tbigħu lill-klijenti ta’ reklamar tagħha. Bħala korrispettiv, TV2 irċeviet mingħand TV2 Reklame parti, stabbilita mill-Ministru tal-Kultura Daniż, tad-dħul mir-reklamar li sar minn din tal-aħħar, peress li din il-parti setgħet tilħaq 100 % tal-imsemmi dħul. Kif ġie rrilevat ripetutament, il-parti ta’ dan id-dħul b’hekk ittrasferit lill-Fond TV2, ma kinitx toriġina minn riżorsi tal-Istat u ma tistax, għaldaqstant, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

220

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi kklassifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-dħul mir-reklamar għall-1995 u l-1996, bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Dan il-motiv huwa, għaldaqstant, fondat. Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata annullata, sa fejn hija kklassifikat id-dħul mir-reklamar imsemmi iktar ’il fuq, irċevut minn TV2 permezz ta’ TV2 Reklame u tal-Fond TV2, bħala għajnuna mill-Istat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ għajnuna ġdida ta’ riżorsi mogħtija lil TV2 li ġejjin mid-drittijiet tal-liċenzji kif ukoll l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji li kienet ingħatatilha

221

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma kklassifikatx l-iskema ta’ finanzjament ta’ TV2 mid-drittijiet tal-liċenzji bħala għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, hija ssostni li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji li minnha hija bbenefikat kellha wkoll tkun ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti.

222

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, qabel kollox, ir-regoli tal-proċedura stabbiliti mit-Trattat FUE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat ivarjaw skont jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li dik tal-ewwel taqa’ taħt l-Artikolu 108(1) u (2) TFUE, it-tieni hija rregolata, b’mod kronoloġiku, mill-Artikolu 108(3) u (2) (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, Ġabra, EU:T:2002:258, punt 1).

223

Fir-rigward tal-għajnuna eżistenti, l-Artikolu 108(1) TFUE jagħti kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tagħmel eżami kostanti tagħha mal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni tipproponi lil dawn tal-aħħar il-miżuri utli meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq komuni. L-Artikolu 108(2) TFUE jipprovdi insegwitu li jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li għajnuna ma hijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107TFUE jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabbolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritt mill-Kummissjoni.

224

Konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, l-għajnuna ġdida għandha tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u ma tistax tidħol fis-seħħ qabel mal-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali. Skont din l-istess dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tibda, mingħajr dewmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, jekk hija tqis li progett ma huwiex kompattibli mas-suq komuni.

225

Minn dan isegwi li jekk il-Kummissjoni tissuġġetta għajnuna eżistenti għall-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) u (3), għall-għajnuna ġdida, id-deċiżjoni tagħha hija vvizzjata minn ksur ta’ dan l-artikolu u għandha tiġi annullata.

226

Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “għajnuna eżistenti” u ta’ “għajnuna ġdida”, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999, għandu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“a)

‘għajnuna’ għandha tfisser: kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-Artikolu [107(1) TFUE];

b)

‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

i)

[...] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[...]

v)

għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. […];

c)

‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

d)

‘skema ta’ għajnuna' għandha tfisser kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f’manjiera ġenerali u astratta u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit;

e)

‘għajnuna individwali’ għandha tfisser għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna u għoti ta’ għajnuna notifikati abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

[…] ”

– Fuq l-ammissibbiltà

227

Qabel ma jiġi analizzat dan il-motiv fuq il-mertu, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li, essenzjalment, itendi li jiċħad dan l-aggravju bħala inammissibbli.

228

Il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza li skontha, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Stati Membri u l-istituzzjonijiet kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TFUE u sabiex ma jinħoloqx dewmien fil-proċedura, huwa l-Istat Membru li jidhirlu li hija involuta għajnuna eżistenti li għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, malajr kemm jista’ jkun wara li l-Kummissjoni tiġbidlu l-attenzjoni dwar il-miżura kkonċernata, l-informazzjoni li fuqha jkun qiegħed jibbaża l-pożizzjoni tiegħu (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, l-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra, EU:C:2005:275, punt 55). Hija tfakkar ukoll il-ġurisprudenza stabbilita, li skontha l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fid-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra, EU:C:2008:224, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija ssostni li dan il-motiv ma jistax jiġi eżaminat fil-mertu, peress li, matul il-proċedura amministrattiva, la r-Renju tad-Danimarka u lanqas ir-rikorrenti stess ma jsostnu li l-finanzjament ta’ din tal-aħħar permezz tad-dritt tal-liċenzji jew l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji jikkostitwixxu għajnuna eżistenti.

229

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, mill-kunsiderazzjoni li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fid-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha jirriżulta li rikorrent, meta jieħu sehem fil-proċedura ta’ stħarriġ prevista mill-Artikolu 108(2) KE, ma jistax jibbaża fuq argumenti ta’ fatt mhux magħrufa lill-Kummissjoni, u li ma kienx infurmaha matul il-proċedura ta’ stħarriġ. Min-naħa l-oħra, skont din il-ġurisprudenza, xejn ma jimpedixxi lill-interessat li jressaq, kontra d-deċiżjoni definittiva, motiv ġuridiku mhux imqajjem matul il-proċedura amministrattiva (ara s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra, EU:T:2005:166, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

230

Din il-ġurisprudenza tistabbilixxi, b’hekk, distinzjoni bejn l-argumenti fattwali mhux magħrufa lill-Kummissjoni fil-mument meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li għaldaqstant ma jistgħux jitressqu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, punt 229 iktar ’il fuq, EU:T:2005:166, punt 70, u CBI vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:584, punt 233), u l-motivi ġuridiċi. Din l-aħħar kategorija tinkludi, b’mod partikolari, il-motivi bbażati fuq elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni kienet taf bihom fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Dawn il-motivi, konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, T‑217/02, Ġabra, EU:T:2006:361, punti 93 sa 101).

231

Minn dan isegwi li, sa fejn ir-rikorrenti ma ttibbażax esklużivament, insostenn ta’ dan il-motiv, fuq elementi ta’ informazzjoni mhux magħrufa lill-Kummissjoni fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-motiv ma jistax, qabel kollox, jiġi miċħud bħala inammissibbli. Madankollu, huwa jista’ jiġi eżaminat biss sa fejn huwa bbażat fuq elementi ta’ informazzjoni disponibbli li kienu magħrufa lill-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

– Fuq il-mertu

232

Il-Kummissjoni esponiet il-motivi għaliex hija qieset li l-miżuri kkonċernati kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida, fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija redatta kif ġej:

“Peress li TV2 beda jxandar fl-1989, il-miżuri kollha ngħataw lil TV2 wara l-adeżjoni tad-Danimarka fl-[Unjoni]. Għal din ir-raġuni, il-miżuri, inkluż id-dritt tal-liċenzja, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ġdida (u mhux għajnuna eżistenti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 108(1) TFUE)”.

233

Fl-ewwel lok, rigward il-finanzjament tagħha mid-dritt tal-liċenzji, ir-rikorrenti ssostni li din hija skema ta’ finanzjament preċedenti għall-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka għall-Unjoni. Din l-iskema kellha tibqa’ tiġi applikata wara l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka u kellha tiġi aġġustata wara l-ħolqien ta’ TV2, sabiex din tal-aħħar tibbenefika mill-istess finanzjament bħal dak mogħti lil DR. Madankollu, din l-estensjoni ma biddlet xejn min-natura tal-għajnuna u ma timplikax li l-imsemmija skema kellha emendi tali li jistgħu jinfluwenzaw l‑evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni. Din hija għajnuna li ngħatat lil impriża tal-istess tip, jiġifieri impriża tat-televiżjoni pubblika. Fil-fatt, TV2 tassumi l-istess obbligi ta’ servizz pubbliku bħal DR, l-operatur li, inizjalment, kien l-uniku benefiċjarju tal-għajnuna. La l-fatt li TV2 ġiet stabbilita bħala impriża distinta, u mhux bħala stazzjoni ġdid fi ħdan DR, u lanqas il-fatt li l-għajnuna li ġejja mid-dritt tal-liċenzja tintbagħat lilha permezz tal-Fond TV2 u ma hijiex biss l-unika riżors finanzjarja li minnha hija tibbenefika, ma jistgħu jwasslu għal konklużjoni differenti.

234

Ir-rikorenti tinvoka, insostenn tal-argumenti tagħha, diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-finanzjament tat-televiżjoni pubblika fi Stati Membri oħra. Hija tirreferi b’mod partikolari, għad-Deċiżjoni C(2005) 1166 finali, tal-20 ta’ April 2005, France – Dħul mid-dritt għal-liċenzji tax-xandir (għajnuna E 10/2005) (ĠU C 240, p. 20), li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil France Télévision kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999. Skont ir-rikorrenti, minkejja bosta bidliet fl-identità u fin-numru ta’ benefiċjarji tal-iskema ta’ dritt tal-liċenzji fi Franza, il-Kummissjoni qieset li dan id-dritt tal-liċenzji kien dejjem ibbenefika lix-xandir pubbliku u, konsegwentement, li n-natura tal-miżura inkwistjoni, l-għan tagħha, il-bażi legali tagħha, id-destinazzjoni tagħha kif ukoll is-sors ta’ finanzjament tagħha ma kinux ġew mibdula. Id-deċiżjonijiet l-oħra imsemmija mir-rikorrenti kollha fihom, skontha, analiżi simili.

235

Ir-rikorrenti ma tarax kif is-sitwazzjoni tkun differenti minn dawk inkwistjoni fid-deċiżjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni li hija tinvoka. Hija tqis li, meta ssegwi l-prattika tal-Kummissjoni, it-twessigħ tal-iskema ta’ finanzjament eżistenti sabiex tinkludi impriża tal-istess tip bħal dawk li bbenefikaw minnha qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat Membru kkonċernat ma hijiex bidla rilevanti, li tista’ tiġġustifika konklużjoni differenti, fil-każ tagħha, minn dak li l-Kummissjoni waslet għaliha f’dawn id-deċiżjonijiet l-oħra. Minn dan isegwi li, skontha, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn hija tqis li l-finanzjament tagħha permezz ta’ riżorsi li ġejjin mid-dritt tal-liċenzji jikkostitwixxi għajnuna ġdida.

236

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li mid-definizzjonijiet stess tal-kunċetti ta’ “għajnuna eżistenti” u ta’ “għajnuna ġdida”, imfakkra fil-punt 226 iktar ’il fuq, li, meta għajnuna tingħata lil benefiċjarju ġdid, differenti mill-benefiċjarji ta’ għajnuna eżistenti, din tista’ tkun biss, fil-każ ta’ dan il-benefiċjarju l-ġdid, għajnuna ġdida.

237

F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn, fuq naħa waħda, l-iskemi ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna individwali. L-argument tar-rikorrenti ma jiħux inkusiderazzjoni din id-distinzjoni.

238

Skema ta’ għajnuna tista’ tikkonsisti minn dispożizzjoni li tiddefinixxi b’mod ġenerali u astratt, mingħajr il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ implementazzjoni addizzjonali, l-impriżi li jistgħu jingħataw għajnuna. B’hekk, ma huwiex eskluż li skema ta’ għajnuna, li tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, tista’ tibbenefika wkoll lil kumpaniji li, meta din l-iskema kienet stabbilita, ma kinux jeżistu, iżda li, jekk huma kienu jeżistu, kienu jissodisfaw il-kriterji sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni. F’każ bħal dan, jekk tali skema ta’ għajnuna hija, insegwitu, mibdula, huwa biss fil-każ li l-bidla taffettwa l-iskema oriġinali essenzjalment stess li din is-sistema tinbidel fi skema ta’ għajnuna ġdida. Madankollu, fejn l-element il-ġdid huwa separabbli b’mod ċar mill-iskema inizjali, ma jistax ikun hemm kwistjoni għal tali modifika sostantiva u, f’dan il-każ, huwa biss element ġdid li jikkostitwixxi għajnuna ġdida, mogħtija lill-benefiċjarji li, mingħajr it-tibdil, ma setgħux jiksbu l-għajnuna inkwisjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra, EU:T:2002:111, punti 109 sa 116).

239

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux japplikaw għal għajnuna individwali eżistenti. Skont id-definizzjoni, din l-għajnuna tibbenefika impriżi speċifiċi. B’hekk, fil-każ li, iktar tard, għajnuna tingħata lil impriża oħra, differenti minn dik li bbenefikat minn għajnuna eżistenti, din hija neċessarjament, fil-każ ta’ din l-impriża l-oħra, għajnuna ġdida, u dan anki jekk l-għajnuna inkwistjoni tkun identika, fin-natura tagħha jew fil-kontenut tagħha, għall-għajnuna eżistenti.

240

Minn dan isegwi li huwa importanti li jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk id-dispożizzjonijiet relatati mad-dritt tal-liċenzja, kif kienu jeżistu fil-mument tal-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka għall-UE, jikkostitwixxux skema ta’ għajnuna jew jikkonċernawx għajnuna individwali.

241

Issa, ir-rikorrenti ma invokat ebda element ta’ informazzjoni li hija tkun disponibbli lill-Kummissjoni, meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, u li targumenta favur l-ewwel waħda miż-żewġ ipoteżijiet previsti fil-punt 240 iktar ’il fuq.

242

Fil-fatt, ir-rikorrenti rreferiet biss għat-test tal-ittra tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Jannar 2003, li biha din tal-aħħar innotifikat lir-Renju tad-Danimarka bid-deċiżjoni tagħha li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar il-miżuri kkonċernati, kif riprodott, fil-lingwa awtentika (id-Daniż) fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2003 C 59, p. 2). Din l-ittra ssemmi, fil-premessa 86, l-ewwel Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed, bid-data tal-1920. Issa, kif tindika din l-istess premessa, u kif ammettiet ir-rikorrenti, barra minn hekk, hija stess, id-dritt tal-liċenzji stabbilit minn din il-liġi kelli l-għan biss li jiffinanzja DR. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet relatati mad-dritt tal-liċenzji, kif kienu jeżistu fil-mument tal-adeżjoni mal-Unjoni tar-Renju tad-Danimarka, ma jistitwixxux skema ta’ għajnuna, iżda għajnuna individwali favur DR.

243

Għandu, f’dan ir-rigward, jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, u inkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ dan il-korp, u l-mezz tiegħu ta’ finanzjament (ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra, EU:C:2006:8, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑347/09, EU:T:2013:418, punt 48).

244

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ għajnuna eżistenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-unità ekonomika li kienet il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, irrispettivament minn kwalunkwe tibdil eventwali fl-istatus ġuridiku tagħha. Konsegwentement, anki għajnuna individwali tista’ titqies bħala għajnuna eżistenti, għalkemm kienet ingħatat lil entità ġuridika kkostitwita wara l-istituzzjoni tal-għajnuna u l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat għall-Unjoni, jekk jirriżulta li l-entità ġuridika inkwistjoni, għalkemm ineżistenti fil-mument tal-istituzzjoni tal-għajnuna, kienet tagħmel parti, f’dak il-mument, mill-impriża, jiġifieri parti mill-unità ekonomika li lilha kienet ingħatatilha l-għajnuna eżistenti.

245

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, f’dan il-każ, dak li kien importanti, għall-Kummissjoni, kien li tiddetermina mhux jekk TV2 kinitx ġiet ikkostitwita, bħala persuna ġuridika wara l-impożizzjoni tal-ħlas (huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan huwa l-każ), iżda jekk kinitx impriża ġdida, totalment indipendenti minn DR jew jekk, għall-kuntrarju, kienet biss taqsima tal-unità ekonomika li kienet tikkostitwixxi DR, li kienet inqatgħet minnha. Fit-tieni każ, l-għajnuna li tirrapreżenta d-dħul mill-liċenzji setgħet titqies bħala eżistenti fir-rigward ta’ TV2.

246

Għandu, madankollu, jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma semmiet eba element ta’ informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li kellu jwassal għal tali konklużjoni. Għall-kuntrarju, ir-rikorrent stess issostni, fid-dokumenti tagħha, li “TV2 ġiet ikkostitwita bħala impriża distinta” u li “hija nħolqot sabiex issaħħa il-pluralità tal-midja fir-reġjun li jitkellem id-Daniż”.

247

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tista’ tiġi kkritikata b’ebda żball, minħabba li hija kkonkludiet, fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li hija kellha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li TV2 mhux biss ma kinitx entità ġuridika kkostitwita wara l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka għall-Unjoni, iżda wkoll impriża ġdida, ikkostitwita wara din l-adeżjoni. Huwa, fil-fatt, f’dan is-sens li għandha tinftiehem il-konstatazzjoni, fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, li biha “TV2 beda jxandar fl-1989 ”. Issa, konformement mal-premessa spjegata fil-punt 239 iktar ’il fuq, dan il-fatt jimplika neċessarjament il-konklużjoni li tgħid li l-għajnuna li ngħatataliha permezz tad-dritt tal-liċenzja kienet għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti.

248

Dan il-fatt jagħmilha, barra minn hekk, possibbli li tiddistingwi l-każ f’din il-kawża minn dak inkwistjoni fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni invokata mir-rikorrenti (ara l-punt 234 iktar ’il fuq). Fil-fatt, mill-qari tal-premessa 33 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, l-imsemmija deċiżjoni li, jekk il-personalità ġuridika tal-benefiċjarji entitajiet tal-għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża kienet inbidlet, huma ġejjin mill-“isplużjoni” tal-benefiċjarju oriġinali tal-għajnuna eżistenti. Fi kliem ieħor, kuntrarjament għall-kawża preżenti, f’dik il-kawża, il-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni kien jagħmel parti mill-unità ekonomika li kienet ibbenefikat mill-għajnuna oriġinali.

249

Fi kwalunkwe każ, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’kawżi oħra ma tistax taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, li tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-Trattat FUE (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, Ġabra, EU:C:2010:291, punt 21).

250

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, sa fejn jirreferi għall-klasisfikazzjoni ta’ għajnuna ġdida ta’ riżorsi mogħtija lil TV2 li ġejjin mid-dritt tal-liċenzji.

251

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, ikklassifikata wkoll bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata, għandha titqies bħala għajnuna eżistenti.

252

Skont ir-rikorrenti, il-Lov om indkomstbeskatning af aktieselskaber (liġi relatata mal-impożizzjoni ta’ dħul ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument tal-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka għall-Unjoni, kienet tipprevedi, fl-Artikolu 3 (1)(1) tagħha li l-Istat u l-istituzzjonijiet tiegħu kienu eżenti mit-taxxa. Din l-eżenzjoni testendi wkoll għal DR, li għandha tgawdi minn tali eżenzjoni mill-waqfien tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li, matul il-ħolqien ta’ TV2, kien tqies xieraq li tingħatalha l-istess trattament u li ġiet inkluża fil-lista ta’ istituzzjonijiet pubbliċi indikati bħala eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Ir-rikorrenti tinvoka, f’dan ir-rigward, l-abbozz ta’ liġi Nru 145, tal-14 ta’ Jannar 1987, li temenda l-Lov om af indkomstbeskatning af aktieselskaber. Mill-ispejgazzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta jirriżulta li din kienet intiża li tqiegħed TV2 fuq bażi ugwali ma’ DR, fil-pjan fiskali.

253

B’hekk, ir-rikorrenti ssostni li TV2 ma kienx ingħata vantaġġ partikolari li hija ma kinitx ibbenefikat minn impriżi oħra simili qabel l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka għall-Unjoni. Prattika stabbilita kienet, sempliċiment, ġiet segwita f’dan ir-rigward, sabiex tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mit-taxxa li gawdiet minnha TV2 għandha titqies bħala għajnuna eżistenti.

254

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, għandu jiġi rrilevat li mill-kunsiderazzjonijiet u l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 238 iktar ’il fuq jirriżulta li għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna ma tistax titqies bħala eżistenti għal benefiċjarju li ma jkunx intitolat għal din l-għajnuna mingħajr tibdil tal-iskema kkonċernata. Huma biss l-impriżi li setgħu jibbenefikaw minn għajnuna taħt l-iskema inkwistjoni qabel kull tibdil li jqajjem il-kwistjoni ta’ jekk tibdil jaffettwax l-iskema oriġinali essenzjalment stess, f’liema każ din l-iskema tiġi trasformata fi skema ta’ għajnuna ġdida, jew jekk it-tibdil jikkonsistix f’element ġdid separabbli b’mod ċar mill-iskema inizjali, f’liema każ huwa biss dan l-element ġdid li jikkostitwixxi għajnuna ġdida.

255

F’din il-kawża, huwa, ċertament, minnu li dispożizzjoni li tipprovdi, b’mod ġenerali u astratt, eżenzjoni mit-taxxa ta’ entitajiet tal-Istat tista’ tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, la mill-argumenti tar-rikorrenti u lanqas mill-elementi tal-proċess ma jirriżulta li, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha l-għarfien ta’ tali dispożizzjoni tad-dritt Daniż, qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni, li jista’ wkoll japplika għal TV2.

256

Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti stess issostni (ara l-punt 252 iktar ’il fuq) li, mill-ħolqien tagħha, kienet “qieset xieraq li jingħatalha l-istess trattament” fil-qasam tat-taxxa bħal min ibbenefika minn DR. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka emenda, fl-1987, tal-leġislazzjoni Daniża rilevanti, li biha kienet inkluża fil-lista ta’ istituzzjonijiet pubbliċi indikati bħala eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Issa, skont il-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punt 254 iktar ’il fuq, iktar milli juru li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mogħtija lir-rikorrenti kienet għajnuna eżistenti, dawn l-affermazzjonijiet jikkonfermaw, pjuttost, li kienu għajnuna ġdida, sa fejn huwa biss skont dispożizzjoni leġiżlattiva adottata wara l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka għall-Unjoni li r-rikorrenti kienet kisbet din l-eżenzjoni.

257

Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssotni li hija kienet, “mill-mument tal-ħolqien tagħha, ikkonċernata mill-eżenzjoni [ta’ taxxa] tal-Istat u tal-istituzzjonijiet tagħha” u li kienet, għaldaqstant, “inutli li tiġi introdotta eżenzjoni espressa” favuriha. L-emenda sussegwenti tal-liġi rilevanti fl-1987 kienet “sempliċiment ser tiċċara l-fatt li DR u TV2 kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni mill-perspettiva fiskali”.

258

Independentement mill-fatt li dawn l-allegazzjonijiet jidhru, parzjalment, kontradittorji għal dawk li jinsabu fir-rikors, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma allegatx li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha elementi li kellhom iwassluha għall-konklużjoni li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, mogħtija lil TV2, kienet biss applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tammetti li “huwa fir-rikors ta’ TV2 li, għall-ewwel darba, infurmat lill-Kummissjoni bl-eżistenza tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għall-Istat Daniż u l-istituzzjonijiet tagħha”. Issa, fin-nuqqas ta’ tali elementi u fid-dawl tal-fatt li din l-eżenzjoni kienet espressament prevista, għall-ewwel darba, f’liġi adottata fl-1987, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata b’ebda mod għaliex qisitha għajnuna ġdida.

259

Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi kkonstatat li l-element invokat, quddiem il-Qorti Ġenerali, mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħha imqassar fil-punt 257 iktar ’il fuq (element li, barra minn hekk, ma kienx ikkomunikat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva), ma jidhirx li jikkonferma l-allegazzjoni li biha l-liġi adottata fl-1987 li tagħti eżenzjoni mit-taxxa lir-rikorrenti tikkonferma biss sempliċement sitwazzjoni eżistenti ta’ dritt. Fil-fatt, meta tirreferi għas-sitwazzjoni ġuridika qabel l-adozzjoni tal-emenda proposta, l-ispjegazzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi msemmi fil-punt 252 iktar ’il fuq, tenfasizza dan li ġej, fir-rigward tal-pożizzjoni fiskali ta’ TV2 u ta’ Fond TV2: “Kull dħul eventwali li ġej mill-attivitajiet tan-negozju kien, madankollu, taxxabbli”. Kien jidher, b’hekk, li l-awturi tal-emenda proposta kienu qiesu li, fin-nuqqas ta’ din l-emenda, id-dħul ta’ TV2 li ġej mill-“attivitajiet tan-negozju” jkun taxxabbli. Fi kliem ieħor, din is-silta turi li ma kinitx kwistjoni ta’ konferma espressa ta’ sitwazzjoni ġuridika eżistenti, iżda l-introduzzjoni, għall-benefiċċju tar-rikorrenti, ta’ eżenzjoni mit-taxxa li hija ma kinitx ibbenfikat minnha qabel.

260

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv ma huwiex fondat sa fejn jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida tal-eżenzjoni tar-rikorrenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji.

261

Għalhekk, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

262

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni qieset li d-dħul mir-reklamar għall-1995 u l-1996 imħallas lil TV2 permezz tal-Fond TV2 kienu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u l-bqija tar-rikors jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

263

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, kull parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq kap jew iktar tat-talbiet. Madankollu, jekk ikun iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, barra l-ispejjeż tagħha, parti fil-kawża tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

264

F’dan il-każ, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni, parzjalment, tilfu t-talbiet tagħhom, sa fejn il-Qorti Ġenerali parzjalment annullat id-deċiżjoni kkontestata u ċaħdet ir-rikors għall-bqija. Peress li r-rikorrenti ma talbitx li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż kollha tagħha, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tbati kwart tal-ispejjeż tagħha.

265

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess. Barra minn hekk, peress li Viasat ma talbitx formalment li r-rikorrenti għandha tbati l‑ispejjeż tal-intervenjent, hemm lok li jkun ordnat li hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark hija annullata sa fejn il-Kummissjoni qieset li d-dħul mir-reklamar għall-1995 u l-1996 imħallas lil TV2 permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

TV2/Danmark A/S għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

 

4)

Il-Kummissjoni għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha.

 

5)

Ir-Renju tad-Danimarka u Visat Broadcasting UK Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Gratsias

Forwood

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2015.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top