EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TJ0319

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ April 2014  .
ABN Amro Group NV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat — Settur finanzjarju — Għajnuna ddestinata li tirrimedja għal taħwid gravi fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Artikolu 107(3)(b) TFUE — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna — Projbizzjoni li jsiru akkwisti — Konformità mal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ motivazzjoni — Dritt għall-proprjetà.
Kawża T‑319/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2014:186

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

8 ta’ April 2014 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Settur finanzjarju — Għajnuna ddestinata li tirrimedja għal taħwid gravi fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Artikolu 107(3)(b) TFUE — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna — Projbizzjoni li jsiru akkwisti — Konformità mal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ motivazzjoni — Dritt għall-proprjetà”

Fil-Kawża T‑319/11,

ABN Amro Group NV, stabbilita f’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn W. Knibbeler u P. van den Berg, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/823/UE, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-miżuri C 11/09 (ex NN 53b/08, NN 2/10 u N 19/10) implimentati mill-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi għal ABN AMRO Group NV (maħluqa wara l-fużjoni bejn Fortis Bank Nederland u ABN AMRO N) (ĠU L 333, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil-5 ta’ April 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2011/823/UE dwar il-miżuri C 11/09 (ex NN 53b/08, NN 2/10 u N 19/10) implimentati mill-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi għal ABN AMRO Group NV (maħluqa wara l-fużjoni bejn Fortis Bank Nederland u ABN AMRO N) (ĠU L 333, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2

F’kuntest tal-kriżi finanzjarja, meta s-self interbankarju kien niexef f’Settembru 2008, il-Kummissjoni fformulat linji gwida f’serje ta’ komunikazzjonijiet dwar l-iżvilupp u l-implementazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat favur il-banek. F’dawn il-komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-gravità tal-kriżi kienet tiġġustifika l-għoti ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tawtorizza l-għajnuna mill-Istati meta kienet meħtieġa sabiex tirrimedja għal taħwid gravi fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

3

Fil-25 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (ĠU C 270, p. 8).

4

Wara l-fatt li, fil-ħarifa tal-2008, taħt pressjoni mis-suq, numru dejjem jikber ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea kienu obbligati li jagħmlu rikapitalizzazzjoni “preventiva” tal-banek, sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu proporzjonijiet ta’ kapital tagħhom ogħla u li jiggarantixxu l-għoti ta’ krediti favur l-ekonomija reali, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux neċessarji (ĠU 2009, C 10, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni”) ġiet ippubblikata.

5

Sussegwentement ġew adottati, matul il-perijodu ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta’ Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (ĠU 2009, C 72, p. 1) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2009 C 195, p. 9, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni”). Din l-aħħar komunikazzjoni tiddeskrivi l-kriterji li l-Kummissjoni biħsiebha tapplika għall-miżuri ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lill-banek fil-kuntest tal-kriżi. Hija tindika fil-paragrafu 5 li l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tal-banek inkwistjoni għandhom ikunu bbażati fuq it-tliet pilastri msemmija fil-komunikazzjonijiet l-oħra: tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-benefiċjarju mingħajr l-għajnuna mill-Istat, jiġi żgurat tqassim xieraq tal-piżijiet u, finalment, li jintwera li miżuri xierqa jittieħdu sabiex jillimitaw l-effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni.

6

Għall-finijiet ta’ din is-sentenza, il-komunikazzjonijiet imsemmija fil-punti 3 sa 5 iktar ’il fuq huma iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, imsejħa bħala l-“Komunikazzjonijiet”.

7

ABN Amro Group NV (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “ABN Amro”), hija istituzzjoni finanzjarja li għandha s-sede tagħha f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), u li tipprovdi servizzi bankarji lil persuni privati, lil impriżi u lil klijenti istituzzjonali fi 28 pajjiż. Ir-rikorrenti għandha 100 % tal-ishma ta’ ABN Amro Bank NV, li hija organizzata madwar żewġ klijenti prinċipali: il-bank ġenerali u ta’ ġestjoni tal-ġid, u l-bank kummerċjali u tan-negozju.

8

L-istruttura attwali ta’ ABN Amro tirriżulta minn ftehim li sar fl-2007 bejn il-kumpanniji Fortis SA/NV, Royal Bank of Scotland u Banco Santander sabiex isir l-akkwist u l-qsim f’diversi partijiet tal- kumpannija parent preċedenti, ABN Amro Holding. F’kuntest ta’ kriżi finanzjarja u ta’ inċertezza dwar il-vijabbiltà fit-tul ta’ Fortis, fil-ħarifa tal-2008, l-Istat Olandiż akkwista Fortis Bank Nederland (FBN), sussidjarja bankarja Olandiża ta’ Fortis, u xi unitajiet kummerċjali ta’ ABN Amro Holding (inkluż ABN Amro N). L-Istat Olandiż iddeċieda li jgħaqqad lil FBN u ABN Amro N sabiex tinħoloq entità ġuridika ġdida, jiġifieri ABN Amro, skont il-pjan li ġie propost minn Fortis fl-2007. Qabel ma din il-konċentrazzjoni setgħet titwettaq, l-Istat Olandiż kellu jiżgura ċ-ċessjoni ta’ parti mill-Hollandsche Bank-Unie u ta’ IFN Finance BV, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007 dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ konċentrazzjoni (Każ COMP/M.4844 – Fortis vs ABN Amro Assets) abbażi tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 139/2005 (ĠU C 265, p. 2) (premessi 44 u 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

9

L-akkwisti msemmija fil-punt preċedenti u t-tranżazzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni mwettqa mill-Istat Olandiż favur ABN Amro huma l-oriġini tal-proċedura ta’ eżami C 11/2009. Sa fejn l-istadji differenti wasslu għall-imsemmija proċedura, l-iżvolġiment tagħha u l-benefiċjarji tal-għajnuna ma humiex determinati għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, isir riferiment għad-deskrizzjoni ddettaljata tagħhom fil-premessi 1 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata. Minbarra d-deċiżjonijiet interim u provviżorji meħuda mill-Kummissjoni dwar l-akkwisti u t-tranżazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, huma deskritti fiha l-ewwel verżjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni għal ABN Amro ppreżentata lill-Kummissjoni mill-Istat Olandiż Istat fl-4 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Diċembru 2009”) kif ukoll il-verżjoni aġġornata tagħha ppreżentata fit-8 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Novembru 2010”).

10

Bħala parti mill-proċedura ta’ eżami, saru diversi skambji u laqgħat bejn l-Istat Olandiż, ABN Amro u l-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011 dwar il-portata u t-tul ta’ projbizzjoni fuq l-akkwisti, miżura ta’ imġiba meqjusa neċessarja mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tikkunsidra li l-għajnuna mogħtija li ABN Amro hija kompatibbli mas-suq intern.

11

Peress li ma setgħetx tikseb ftehim b’mod partikolari dwar il-modalitajiet ta’ tali projbizzjoni, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata taħt forma kundizzjonata, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, tat-22 Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, P. 339). Hija kkonkludiet li ABN Amro rċeviet għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni ta’ valur stmat ta’ EUR 4.2 u 5.45 biljun (jiġifieri bejn 2.75 u 3.5 % tal-assi stmati skont ir-riskju tagħhom) kif ukoll għajnuna fi flus ta’ EUR 71.7 biljun (premessi 279 u 280 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkunsidra li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Diċembru 2009, aġġornat bil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Novembru 2010, jipprovdi provi suffiċjenti tar-ristabbiliment tal-vijabbiltà fit-tul ta’ ABN Amro, jipprovdi tqassim adegwat tal-piżijiet u għandu miżuri xierqa sabiex jiġu llimitati d-distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, hija tiddikjara, b’mod kundizzjonali li l-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Diċembru 2009 kif aġġornat bil-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Novembru 2010 huwa konformi mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni (premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata).

12

Il-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna hija kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, huma stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 9 tal-imsemmija deċiżjoni.

13

Il-projbizzjoni fuq l-akkwisti stabbilita fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, l-unika dispożizzjoni li l-validità tagħha hija kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija fformulata kif ġej:

“1.   [ABN Amro] ma għandux jakkwista l-kontroll ta’ iżjed minn 5 % ta’ kwalunkwe intrapriża.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, [ABN Ambro] jista’ jagħmel akkwiżizzjonijiet jekk il-prezz tax-xiri kumulattiv gross totali (minbarra s-suppożizzjoni jew it-trasferiment tad-debitu relatat ma’ tali akkwiżizzjonijiet) imħallas minn [ABN Ambro] għat-tali akkwiżizzjonijiet kollha matul perjodu ta’ tliet snin li jsegwu mid-data ta’ [d-deċiżjoni kkontestata] huwa anqas minn EUR [kunfidenzjali] ( 1 ) miljun.

Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-akkwiżizzjonijiet ta’ ekwità [ishma] privata minn [ABN Ambro] jekk dawn jaqblu mal-pjan tan-negozju tiegħu u mal-baġit ippjanat tad-diviżjoni tiegħu tal-‘Private Equity’ [ishma privati] kif sottomessi lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Ottubru 2010.

Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-ishma tal-ekwità [kunfidenzjali] meħudin mid-diviżjoni ta’ [ABN Ambro] ‘Energy, Commodities and Transportation’ bħala appoġġ tan-negozju ta’ finanzjament normali tiegħu jekk dawn jaqblu mal-pjan tan-negozju ta’ [ABN Ambro] u l-baġit ippjanat ta’ dik id-diviżjoni kif sottomessi lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Jannar 2010.

[…]

3.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika mill-anqas għal tliet snin mid-data ta’ din id-Deċiżjoni jew sad-data li fiha l-ishma tal-Pajjiżi l-Baxxi f’[ABN Ambro] jaqgħu taħt 50 %, skont liema jiġi l-aħħar. Dik il-projbizzjoni għandha tieqaf tapplika mill-anqas ħames snin mid-data ta’ [d-deċiżjoni kkontestata].

Fil-każ li l-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tapplika għal iżjed minn tliet snin mid-data ta’ [d-deċiżjoni kkontestata], il-prezz tax-xiri kumulattiv gross totali applikabbli taħt is-subparagrafu 1 tal-paragrafu 2 għandu jiġi miżjud b’EUR [kunfidenzjali] miljun fis-sena.”

Il-proċedura u t-talbiet

14

Permezz ta’ rikors tal-14 ta’ Ġunju 2011, ABN Amro ppreżentat dan ir-rikors.

15

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn wieġbu fit-terminu previst.

16

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2013.

17

Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali talbet lil ABN Amro sabiex tikkjarifika t-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali għall-pubbliku ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fid-dokumenti tal-proċeduri, u hija għamlet dan fit-terminu prefiss. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba, u hija għamlet ukoll fit-terminu prefiss.

18

Il-proċedura orali ngħalqet fis-16 ta’ Lulju 2013.

19

ABN Amro titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat għall-kumplament;

tikkundanna lil ABN Amro għall-ispejjeż.

Id-dritt

21

Insostenn tar-rikors tagħha, ABN Amro tinvoka żewġ motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, hija tikkontesta l-portata tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti li ġiet imposta fuqha. Fil-kuntest tat-tieni motiv, hija tikkontesta t-tul ta’ din il-projbizzjoni.

Fuq l-ewwel motiv, intiż għall-portata tal-prohbizzjoni fuq l-akkwisti

22

ABN Amro ssostni li l-għajnuna li ngħatatilha ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li hija ma kinitx neċessarja minħabba teħid ta’ riskju eċċessiv. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, il-portata tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti imposta fuqha, sa fejn din tirrigwarda l- kontroll ta’ iktar minn 5 % ta’ impriża tkun liema tkun u li l-eċċezzjonijiet huma fformulati b’mod limitattiv, hija eċċessivament wiesgħa u kuntrarja għal dak li huwa rikjest, b’mod partikolari, mill-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, il-projbizzjoni inkwistjoni hija usa’ minn dawk imposta f’deċiżjonijiet kontemporanji oħra fuq għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt formulazzjonijiet alternattivi tal-imsemmija projbizzjoni, iġġustifikati miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, proposti mill-Istat Olandiż u ABN Amro waqt il-proċedura ta’ eżami.

23

Dawn l-ilmenti huma artikolati f’erba’ partijiet, li jikkonċernaw, rispettivament, ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE kif ukoll applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE kif ukoll fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet

24

Il-parti tikkonsisti f’żewġ ilmenti li jikkonċernaw, minn naħa, ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, min-naħa l-oħra, applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet. Huwa xieraq li t-tieni lment jiġi eżaminat l-ewwel.

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet

25

Preliminarjament, għandhom isiru diversi kjarifiki fil-kuntest tal-analiżi ta’ dan l-ilment.

26

L-ewwel nett, il-projbizzjoni fuq l-akkwisti tagħmel parti mill-kundizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fl-Artikoli 3 sa 9 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiddikjara l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istat Olandiż lil ABN Amro bħala kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, li jawtorizza lill-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’deċiżjoni pożittiva li fiha kundizzjonijiet li jippermettulha li tirrikonoxxi li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern. Il-kundizzjoni kontenzjuża taqa’ għaldaqstant taħt l-investigazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(3) TFUE magħmula mill-Kummissjoni.

27

Il-Kummissjoni tfakkar, ġustament, li hija għandha, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali, li għandhom isiru fil-kuntest tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T-17/03, Ġabra p. II-1139, punt 41 u tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T-267/08 u T-279/08, Ġabra p. II-1999, punti 129 u 132).

28

Hija tista’ tadotta, sabiex teżerċita din id-diskrezzjoni, regoli ta’ gwida permezz ta’ atti, bħal ma huma l-komunikazzjonijiet, sa fejn dawn ir-regoli ma jiddevjawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat (ara s-sentenza Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Kif ABN Amro tfakkar, il-Kummissjoni, meta tadotta regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir tagħhom, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, tillimita hija nnifisha l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tinstab fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I-6619, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bil-limiti u bil-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u sa fejn jiġu aċċettati mill-Istati Membri (ara s-sentenza Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija l-qorti li għandha tivverifika li l-Kummissjoni osservat ir-regoli li hija tat lilha nnifisha (ara s-sentenza Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

It-tieni nett, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ma huwiex il-kontroll tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna li huwa inkwistjoni, iżda l-kwistjoni hija dwar jekk il-Kummissjoni osservatx il-komunikazzjonijiet, li hija marbuta bihom skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq, meta ssuġġettat id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà għall-kundizzjoni ta’ projbizzjoni fuq l-akkwisti kif iddefiniti fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

31

Il-komunikazzjonijiet, li ABN Amro ma tikkontestax il-legalità u l-applikabbiltà tagħhom, ifakkru s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiddikjara miżura ta’ għajnuna li tirrimedja għal taħwid gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, b’mod partikolari, meta għandhom jiġu fformulati miżuri strutturali jew ta’ mġiba. L-eżistenza ta’ tali setgħa, espressjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi ta’ ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-komunikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġja, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-301/01, Ġabra p. II-1753, punt 527).

32

It-tielet nett, il-legalità tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti ma tistax tiġi evalwata billi din il-miżura tiġi iżolata mill-kuntest tagħha, fir-rigward tal-għanijiet ta’ ristrutturazzjoni tal-banek imposti fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet u tal-importanza tal-profil ta’ riskju tal-bank benefiċjarju fl-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna. Barra minn hekk, peress li l-miżuri strutturali u ta’ mġiba jissupplimentaw il-pjan ta’ ristrutturazzjoni propost mill-Istat Membru lill-Kummissjoni sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq intern, huwa l-miżuri b’hekk imposti kollha li ġew evalwati mill-Kummissjoni fl-analiżi tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna. ABN Amro barra minn hekk ma tikkontestax il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-prohbizzjoni fuq l-akkwisti ma tistax tiġi evalwata b’mod iżolat.

33

Ir-raba’ nett, il-partijiet jaqblu fuq l-għan triplu segwit mill-miżuri ta’ ristrutturazzjoni imposti fuq il-banek benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet, fosthom, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, speċifikament invokat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika l-impożizzjoni tal-projbizzjoni li jsiru l-akkwisti inkwistjoni, jiġifieri l-vijabbiltà fit-tul tal-organu benefiċjarju, il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju u l-limitazzjoni tad-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni.

34

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok li jiġu eżaminati ż-żewġ linji ta’ argumentazzjoni ta’ ABN Amro intiżi, minn naħa waħda, għall-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ dispożizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li tippermetti l-preżentazzjoni għal approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet speċifiċi.

35

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti, skont ABN Amro, l-imsemmija projbizzjoni hija stretta wisq imqabbla mal-prinċipji li jinsabu fil-komunikazzjonijiet sa fejn, essenzjalment, minn naħa waħda, hija tapplika għal kull tip ta’ impriża u mhux biss għall-impriżi kompetituri jew għall-istituzzjonijiet finanzjarji u, min-naħa l-oħra, hija tapplika mill-akkwist ta’ sehem minoritarju ta’ 5 %.

36

Il-Kummissjoni timmotiva l-projbizzjoni fuq l-akkwisti, b’mod partikolari, fil-premessi 309 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, li jindikaw dan li ġej:

“(309)

Pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu juri biċ-ċar li l-għajnuna baqgħet limitata għall-minimu neċessarju. L-ispejjeż assoċjati mar-ristrutturazzjoni ma għandhomx jitħallsu biss mill-Istat iżda sa ċertu limitu anki minn dawk li investew fil-bank. Il-bank u d-detenturi tal-kapital [l-azzjonisiti] tagħha jridu jikkontribwixxu kemm jista’ jkun għar-ristrutturazzjoni bir-riżorsi proprji tagħhom. L-għajnuna għar-ristrutturazzjoni trid tkun limitata biex tkopri l-ispejjeż li huma neċessarji għar-ritorn għall-vijabbiltà. Dan ifisser li impriża ma għandhiex tibbenefika minn riżorsi pubbliċi li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet li joħolqu distorsjoni fis-suq u li mhumiex marbuta mal-proċess ta’ ristrutturazzjoni bħal, pereżempju, akkwiżizzjonijiet […]

(310)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tfakkar li projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet hija neċessarja sabiex iżżomm l-għajnuna limitata għall-minimu neċessarju. Il-Punt (23) tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni isemmi espliċitament li ‘impriża ma għandhiex tibbenefika minn riżorsi pubbliċi li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet li joħolqu distorsjoni fis-suq u li mhumiex marbuta mal-proċess ta’ ristrutturazzjoni. Pereżempju, l-akkwisti ta’ ishma minn impriżi oħrajn jew investimenti ġodda ma jistgħux ikunu ffinanzjati permezz ta’ għajnuna mill-Istat sakemm dan mhux essenzjali għar-ritorn għall-vijabbiltà tal-impriża’.

(311)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni torbot ukoll projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-punti (39) u (40), il-Komunikazzjoni tispjega li ‘L-għajnuna mill-Istat ma tridx tintuża għad-detriment ta’ kompetituri li ma jgawdux minn sostenn pubbliku simili’, u li l-‘banek ma għandhomx jużaw l-għajnuna mill-Istat għall-akkwist ta’ negozji li jikkompetu magħhom. Din il-kundizzjoni trid tapplika għal mill-inqas tliet snin u tista’ tkompli tapplika sa tmiem il-perjodu ta’ ristrutturazzjoni skont il-portata, id-daqs u d-dewmien tal-għajnuna’.

(312)

B’mod konformi mal-punt (40) tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kumpatibbli biss sakemm [ABN AMRO] japplika strettament projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet [...] fit-tliet snin li jsegwu wara d-data ta’ din id-Deċiżjoni. Il-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet għandha tiġi estiża jekk l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi jkompli jipposjedi aktar minn 50 % ta’ [ABN AMRO] wara tliet snin. Madankollu, il-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet ma għandhiex testendi lil hinn minn ħames snin. Filwaqt li parti mill-għajnuna diġà ġiet mifdija, ċerti miżuri [...] ma jistgħux jinfdew mill-bank minħabba l-forma li ngħataw fiha (jiġifieri mhux fil-forma ta’ strument tad-dejn ibridu). It-tmiem tas-sjieda [tal-proprjetà] tal-Istat hija prokura [hija mezz] għall-istima ta’ meta jintemm il-vantaġġ derivat mill-għajnuna.

(313)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Diċembru 2009 (kompletat bil-projezzjonijiet finanzjarji għall-agħar sitwazzjoni possibbli fit-23 ta’ Marzu 2010) kien diġà jindika li [ABN AMRO] kien sar entità vijabbli li għandha tirrealizza qligħ fuq l-ekwità u hija mistennija wkoll li tirrealizza profitti deċenti fl-agħar kundizzjonijiet ekonomiċi. Il-[Pjan ta’ Ristrutturazzjoni] ta’ Novembru 2010 jikkonferma din l-analiżi. Dan ir-ritorn għall-vijabbiltà ma jiddependix mill-akkwisti. Projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet għalhekk ma tmurx kontra r-ritorn għall-vijabbiltà.”

37

L-ewwel nett, skont ABN Amro, essenzjalment, kuntrarjament għal projbizzjoni wiesgħa li ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, huma biss l-akkwisti li għandhom impatt fuq il-kompetizzjoni li għandhom jiġu pprojbiti. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-punti 39 u 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni kif ukoll it-tieni sentenza tal-paragrafu 23. Dan jirriżulta wkoll mill-Komunikazzjoni dwar it-Trattament ta’ Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità, intiża għall-impożizzjoni ta’ salvagwardji sabiex jipprevjenu l-finanzjament ta’ strateġija ta’ kompetizzjoni ta’ banek benefiċjarji għad-detriment tal-kompetituri tagħhom.

38

ABN Amro żżid li l-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata, li tfakkar in-natura ġenerali tal-projbizzjoni imposta fuqha, fiha interpretazzjoni żbaljata tal-punt 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni sa fejn din tal-aħħar tapplika biss għal akkwisti ta’ impriżi kompetituri.

39

Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ ABN Amro huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, li tgħid li l-projbizzjoni li jsiru l-akkwisti inkwistjoni kienet ifformulata, kif jirriżulta mill-premessi 309 sa 312 tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati fil-punt 36 iktar ’il fuq.

40

Il-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jikkostitwixxi l-bażi prinċipali tal-projbizzjoni li jsiru l-akkwisti imposti f’din il-kawża, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 309 u 310 tad-deċiżjoni kkontestata, li jaqgħu taħt il-punt 6.3.2 tagħha, intitolat “Qsim tal-piżijiet/il-minimu neċessarju”.

41

L-imsemmi paragrafu 23 huwa inkluż fil-punt 3 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, intitolat “Il-kontribuzzjoni proprja mill-benefiċjarju (qsim tal-piż)” u jindika, taħt l-intestatura “Limitazzjoni tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni” kif ġej:

“L-għajnuna għar-ristrutturazzjoni trid tkun limitata biex tkopri l-ispejjeż li huma neċessarji għar-ritorn għall-vijabbiltà. Dan ifisser li impriża ma għandhiex tibbenefika minn riżorsi pubbliċi li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet li joħolqu distorsjoni fis-suq u li mhumiex marbuta mal-proċess ta’ ristrutturazzjoni. Pereżempju, l-akkwisti ta’ ishma minn impriżi oħrajn jew investimenti ġodda ma jistgħux ikunu finanzjati permezz ta’ għajnuna mill-Istat sakemm dan mhux essenzjali għar-ritorn għall-vijabbiltà tal-impriża […]”

42

Dan il-paragrafu 23 jirreferi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, għall-ġurisprudenza fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 1994, C 368, p. 12), li tgħid li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tkun strettament neċessarja sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-vijabbiltà tal-benefiċjarju, jiġifieri li din għandha mhux biss taqbel mal-pjan intiż għar-ristrutturazzjoni tal-impriża kkonċernata, iżda wkoll li tkun proporzjonali ma’ dan il-pjan, jiġifieri li kull ammont li ma jikkonċernax biss ir-ritorn għall-vijabbiltà tal-benefiċjarju, ma jistax, fil-prinċipju, ikun eliġibbli bis-saħħa tal-linji gwida (sentenza Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 47).

43

Il-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għall-minimu neċessarju huwa intimament marbut ma’ dak li l-benefiċjarju jrid jipprovdi kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni. Il-paragrafu 22 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jindika f’dan ir-rigward li l-bank u l-azzjonisti tiegħu jridu jikkontribwixxu għal dan kemm jista’ jkun bir-riżorsi proprji tagħhom, u tali kontribuzzjoni hija neċessarja “biex jiġi żgurat li banek salvati jġorru responsabbiltà adekwata għall-konsegwenzi tal-imgiba tagħhom fil-passat u biex jinħolqu inċentivi xierqa għall-imġiba futura tagħhom”.

44

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, ABN Amro titlaq minn premessa falza meta tgħid li l-projbizzjoni fuq l-akkwisti, imsemmija fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, tista’ tikkonċerna biss impriżi kompetituri. Fil-fatt, l-aħħar sentenza tal-paragrafu 23 tal-imsemmija komunikazzjoni ma’ tagħmel ebda differenza skont il-qasam ta’ attività tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, fil-bidu tal-imsemmi paragrafu huwa indikat li akkwisti għandhom ikollhom l-għan li jiżguraw il-vijabbiltà tal-entità li tingħata l-għajnuna, li jimplika li kull akkwist, iffinanzjat permezz tal-għajnuna mill-Istat, li ma huwiex strettament neċessarju sabiex jiżgura r-ritorn għall-vijabbiltà tal-kumpannija benefiċjarja, jikser il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju.

45

Kif issostni l-Kummissjoni, it-tieni sentenza tal-paragrafu 23 tal- Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, li tirreferi għall-projbizzjoni ta’ finanzjament ta’ attivitajiet “li [jistgħu] joħolqu distorsjoni fis-suq”, tfakkar li kull akkwist mhux relatat mal-proċess ta’ ristrutturazzjoni fih innifsu jista’ jikkawża distorsjonijiet fis-suq. Fil-fatt, id-distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni hija element li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, Ġabra p. I-7831, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ABN Amro ma tikkontestax li hija benefiċjarja ta’ għajnuna f’din il-kawża.

46

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-projbizzjoni fuq l-akkwisti fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex tikkonċerna biss ishma f’kumpanniji attivi fis-settur finanzjarju jew fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda setgħet ukoll potenzjalment tikkonċerna kull akkwist, li l-għan tagħha huwa li jiġi żgurat li l-flus tal-bank li jibbenefika mill-għajnuna jintużaw għar-rimbors ta’ din l-għajnuna qabel ma tagħmel akkwisti.

47

F’dan ir-rigward, huwa rilevanti wkoll, kif tfakkar il-Kummissjoni, il-fatt, imsemmi fil-premessi 304 sa 308 u 313 tad-deċiżjoni kkontestata, li ABN Amro kienet entità vijabbli, fatt enfasizzat fil-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni f’Diċembru 2009 u f’Novembru 2010, li jikkonfermaw qligħ fuq fondi proprji mistenni fl-2012 u fl-2013 ta’ madwar [kunfidenzjali]%, kif jirriżulta mill-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata. ABN Amro tinvoka wkoll hija stess is-saħħa finanzjarja tagħha stess. Kif imsemmi fil-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ ta’ ABN Amro, ir-ristabbiliment tal-vijabbiltà ma kienx jiddependi għaldaqstant fuq l-akkwisti.

48

Għaldaqstant, projbizzjoni fuq l-akkwisti li tirrigwarda impriżi fis-setturi kollha hija konformi mal-prinċipji li jinsabu fil-komunikazzjonijiet u, b’mod partikolari, fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni.

49

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-punti 39 u 40 tal- Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, inklużi fil-punt 4 tal-imsemmija komunikazzjoni, intitolat “Limitazzjoni tad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u garanzija ta’ settur bankarju kompetittiv”, huma invokati fil-premessi 311 u 312 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jitfakkar li l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tipprovdi wkoll għall-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet ta’ akkwisti sabiex tipprevjeni li għajnuna mill-Istat tintuża għad-detriment ta’ kompetituri kif ukoll sabiex jiġi ddefinit it-tul tal-projbizzjoni. Il-premessa 321 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-punt 6.3.3 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolata “Miżuri biex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni”, issemmi wkoll barra minn hekk fil-qosor il-fatt li għandu jiġi żgurat li l-għajnuna mill-Istat ma tintużax minn ABN Amro sabiex issir ikbar għad-detriment tal-kompetituri tagħha, pereżempju billi takkwista istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

50

L-eżistenza ta’ dan l-objettiv sekondarju ma jipprekludix li t-tħassib għal limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju jkun b’mod ċar ir-raġuni prinċipali għall-projbizzjoni fuq l-akkwisti imposta f’dan il-każ. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, il-paragrafu 39 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, li jgħid li l-għajnuna mill-Istat ma tistax tintuża għad-detriment ta’ kompetituri li ma jibbenefikawx minn appoġġ simili mill-gvernijiet, kif ukoll il-paragrafu 40 tal-imsemmija komunikazzjoni, li jirrigwardaw il-kundizzjoni li biha l-banek ma għandhomx jużaw l-għajnuna mill-Istat sabiex jakkwistaw l-impriżi kompetituri kumpanniji li jikkompetu ma jistgħux jiġu kkunsidrati fl-astratt, iżda għandhom jinqraw flimkien mal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ. Fil-fatt, il-punt 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni fih nota f’qiegħ il-paġna li fih huwa mfakkar li l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni għandhom ikunu limitati għall-minimu neċessarju sabiex tiġi ristabbilita l-vijabbiltà tal-benefiċjarju u jirreferi f’dan ir-rigward, għall-paragrafu 23 ta’ din il-komunikazzjoni, eżaminata iktar ’il fuq.

51

It-tieni nett, ABN Amro ssostni li l-fatt li l-projbizzjoni fuq l-akkwisti tikkonċerna ishma lil hinn minn limitu massimu ta’ 5 % tal-kapital u mhux tal-akkwisti, jagħti kontroll fis-sens tar-regoli tal-Unjoni dwar il-konċentrazzjonijiet li jikkomprometti l-kapaċità tagħha li tipparteċipa f’impriżi komuni, li spiss huma utli fis-settur finanzjarju sabiex jiġu żviluppati standards ġodda, li jiżguraw il-funzjonament ta’ servizzi finanzjarji jew jipprovdu servizzi ta’ ħlas.

52

F’dan ir-rigward, ABN Amro tikkontesta wkoll il-fatt li l-projbizzjoni ma hijiex limitata għall-akkwist ta’ azzjonijiet u li d-deċiżjoni kkontestata ma tiddefinixxix xi tfisser b’“kontroll ta’ iżjed minn 5 %” ta’ impriża kwalunkwe, hekk li l-projbizzjoni tista’ wkoll tinkludi, pereżempju, drittijiet kuntrattwali.

53

Dawn l-argumenti lanqas ma juru ksur tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni.

54

Kif il-Kummissjoni tirrileva, il-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tirreferi, b’mod wiesa’, għall-projbizzjoni li jittieħdu “ishma minn impriżi oħrajn jew [li jsiru] investimenti ġodda” u għaldaqstant ma huwiex limitat għal ishma ta’ kontroll. Interpretazzjoni oħra, barra minn hekk, ma tkunx tirrispetta l-għan tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju, imfakkar fil-punt 44 iktar ’il fuq. Il-modalitajiet ta’ akkwist imsemmija jew it-terminu “intrapriża”, użat fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, ma għandhiex għaldaqstant tiġi iktar speċifikata u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontroll ta’ iżjed minn 5 %” ma kinitx iktar rikjesta.

55

It-tielet nett, ebda wieħed mill-argumenti l-oħra mressqa minn ABN Amro ma juri ksur tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni.

56

L-argument ta’ ABN Amro li hija kellha tkun libera li tagħmel akkwisti, peress li r-ristrutturazzjoni tagħha ntemm u li, minħabba l-istat finanzjarju b’saħħtu tagħha, l-akkwisti addizzjonali li biħsiebha tagħmel ma humiex iffinanzjati minn għajnuna mill-Istat, hekk li l-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni ma hijiex applikabbli għaliha, għandu jiġi miċħud. Kif issostni l-Kummissjoni, minħabba li huwa grazzi għar-riżorsi tal-Istat li ABN Amro setgħet tlesti r-ristrutturazzjoni tagħha, profitti ġġenerati ulterjorment għandhom jintużaw sabiex l-Istat Olandiż ikun rimborsat, skont l-istrateġija ta’ ħruġ ippreżentata lill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni f’Diċembru 2009 li fil-kuntest tiegħu l-Istat Olandiż wiegħed li kwalunkwe kapital żejjed jagħti lok għall-ħlas ta’ dividendi.

57

Bl-istess mod, fir-rigward tal-argument li, fil-każ ta’ ABN Amro, akkwisti ma jistgħux jikkawżaw dewmien fir-rimbors tal-għajnuna, peress li l-Istat Olandiż huwa proprjetarju tal-bank u li l-għajnuna fil-forma ta’ kapital ma tistax tiġi rrimborsata, l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata tfittex li tiżgura li, f’każ ta’ kapital żejjed, dan il-kapital ma jintużax sabiex jinkiseb tkabbir estern iktar minn dak previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma hijiex manifestament żbaljata, sa fejn tali żejjed jista’ jintuża, pereżempju, sabiex jitħallas dividend speċjali lill-Istat.

58

Fir-rigward tal-argument ta’ Amro ABN li jgħid li l-politika tagħha ta’ dividendi, li abbażi tagħha hija obbligata li tħallas lill-Istat Olandiż 40 % tad-dħul annwali rrappurtat, tostakolaha milli takkumula fondi li jistgħu jkunu użati sabiex isiru akkwisti, ABN Amro tirrikonoxxi hija stess li tali politika tikkorrispondi għall-mod normali li jkunu remunerati l-azzjonisti. Barra l-fatt li, kif tirrileva l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt minn ABN Amro, li dan huwa għan li ma huwiex vinkolanti, huwa ċar li l-fatt li parti mid-dħul annwali titqassam lill-azzjonisti, ma jneħħix kull riskju li l-bank ikollu riżorsi suffiċjenti sabiex jagħmel akkwisti.

59

Fir-rigward tal-argument ta’ ABN Amro li bih, jekk kienu meħtieġa salvagwardji lil hinn mill-proporzjon intiż ta’ tqassim, il-Kummissjoni kellha taċċetta l-mekkaniżmu ta’ kumpens propost minnha, li bih hija tagħmel akkwisti billi tuża biss id-dħul ta’ ċessjonijiet, il-Kummissjoni ġustament tikkunsidra li tali mekkaniżmu ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ li, kif tfakkar fil-punti 44 sa 46 iktar ’il fuq, sabiex jiġi żgurat li l-flus tal-bank li jibbenefika mill-għajnuna għar-rimbors tagħha li hija ma tipproċedix għal akkwisti, minbarra dawk imposti sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-bank. Fil-fatt, il-fatt li ABN Amro jista’ jkollha riżorsi sabiex tagħmel akkwisti fis-snin wara r-rikapitalizzazzjoni mill-Istat jipprova li l-għajnuna ma hijiex limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ristabbilita l-vijabbiltà tagħha.

60

Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-fatt li tkun imposta fuq ABN Amro projbizzjoni li taġġusta l-portafoll tagħha permezz ta’ ċessjonijiet u ta’ akkwisti limitati, iwassal għal telf ta’ effiċjenza, fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura skarsa tal-assi li wirtet li hija għandha taffaċċja, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprojbixxix ċessjonijiet u fiha eċċezzjoni de minimis kif ukoll eċċezzjoni għal ċerti tipi ta’ akkwisti (ara wkoll l-eżami tat-tieni parti hawn taħt), iżda dan ma jfissirx li d-dħul minn tali ċessjonijiet jista’ jevita l-obbligu li l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu neċessarju. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ta’ ABN Amro huwa limitat għal dikjarazzjoni ġenerali li ma hija sostnuta minn ebda prova konkreta. Għall-bqija, fir-rigward tal-argument ta’ ABN Amro, ukoll enfasizzat matul is-seduta, li jgħid li l-Kummissjoni ma tistax tipprojbixxilha, b’mod partikolari, tranżazzjonijiet relatati mal-assi mifruxa ta’ Fortis barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, neċessarji sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ effiċjenza għall-operazzjonijiet tagħha fis-settur tal-bank privat fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jiġi rrilevat li l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni ma tikkunsidrax l-effikaċja tal-attivitajiet tal-bank benefiċjarju bħala kriterju għall-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi, iżda minflok il-vijabbiltà tagħha. Il-fatt li ABN Amro setgħet kellha diffikultajiet prattiċi matul il-proċedura amministrattiva sabiex tidentifika tranżazzjonijiet speċifiċi minħabba l-fatt li l-proċess ta’ integrazzjoni bejn FBN u ABN Amro N ma kienx intemm ma jaffettwax din il-kunsiderazzjoni.

61

Fir-rigward tal-argument imqajjem minn ABN Amro rigward il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni fuq l-akkwisti tagħmilx sens fl-assenza ta’ impożizzjoni ta’ limitazzjoni tat-tkabbir intern tal-bank benefiċjarju, pereżempju fil-forma ta’ restrizzjoni għat-tkabbir tal-bilanċ, restrizzjoni li hija intiża biss għall-akkwisti li juru preferenza meħuda arbitrarjament kontra t-tkabbir estern, il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipju li bih l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju jippermettilha li timponi limitazzjoni fuq it-tkabbir intern ta’ bank benefiċjarju, jekk mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni jirriżulta li t-tkabbir mistenni huwa manifestament sproporzjonat imqabbel mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tal-bank, li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ABN Amro ma tikkontradixxix id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-Istat Olandiż ggarantixxa matul il-proċedura ta’ eżami li t-tkabbir intern ta’ ABN Amro ma huwiex anormali. Minħabba din is-sitwazzjoni, ma jistax jitqies li huwa żbaljat mill-Kummissjoni li kkonċentrat biss fuq akkwisti.

62

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kritika ta’ ABN Amro li tgħid li l-analiżi tal-Kummissjoni tasal li jiġi kkunsidrat li l-fatt li benefiċjarju jagħmel akkwisti juri skont id-definizzjoni tiegħu li l-għajnuna ma hijiex limitata għall-minimu neċessarju u li, b’hekk, hija tittraskura r-rabta kawżali rikjesta fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni bejn l-għajnuna tal-Istat u l-mod kif akkwist huwa ffinanzjat, l-argument ta’ ABN Amro ma jistax jirnexxi. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, peress li l-flus huma funġibbli, sors ta’ finanzjament ta’ akkwist ma għandu l-ebda rabta diretta u neċessarja bejn assi speċifiku ta’ bank. L-użu ta’ fondi li ma jkollhom l-ebda sors tal-Istat sabiex isiru akkwisti jista’ jkun indizju li l-ħtieġa għall-għajnuna ġiet stmata ż-żejjed.

63

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li ABN Amro ma wrietx li l-Kummissjoni kisret il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni meta kkunsidrat li l-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju jippermettilha li timponi projbizzjoni fuq l-akkwisti ta’ portata tant wiesgħa. Dan jgħodd speċjalment meta jiġi kkunsidrat il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni skont il-komunikazzjoni inkwistjoni sabiex tiddefinixxi l-miżuri strutturali u ta’ mġiba imposti fuq benefiċjarju, kif ukoll il-fatt li, anki meta hemm għajnuna finanzjarja kbira ħafna, ebda miżura strutturali ma ġiet imposta fuq ABN Amro f’din il-kawża, kif ser jiġi eżaminat iktar dwar partijiet oħra tal-ewwel motiv.

64

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-assenza ta’ dispożizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li biha tista’ tiġi sottomessa għall-approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet speċifiċi, skont ABN Amro, il-Kummissjoni kisret il-Komunikazzjoni fur ir-Ristrutturazzjoni billi rrifjutat li tinkludi fid-deċiżjoni kkontestata dispożizzjoni li tippermetti li tinnotifikaha għall-approvazzjoni ta’ akkwisti speċifiċi, anki jekk issir talba għal dan il-għan matul il-proċedura ta’ eżami.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-awtorizzazzjoni eċċezzjoni ta’ akkwisti ġiet diskussa fil-paragrafu 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, inklużi fil-punt 4 tal-imsemmija komunikazzjoni, intitolata “Limitazzjoni tad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u garanzija ta’ settur bankarju kompetittiv”, li jsegwi l-paragrafu 40 dwar il-projbizzjoni fuq l-akkwisti ta’ kumpanniji kompetituri. L-Artikolu 5(4) jaqra kif ġej:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali u wara notifika, l-akkwisti jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni f’każ li jkunu parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni neċessarju biex l-istabbiltà finanzjarja titrawwem mill-ġdid jew biex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva. Il-proċess ta’ akkwist irid jirrispetta l-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs għall-akkwirenti potenzjali kollha u r-riżultat irid jiżgura kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq relevanti.”

66

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kif issostni l-Kummissjoni, is-setgħa tagħha li tawtorizza akkwisti, wara deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ għajnuna li tinkludi projbizzjoni fuq l-akkwisti, ma tirriżultax minn dispożizzjoni speċifika f’dan is-sens tad-deċiżjoni kkontestata, iżda tirriżulta mis-setgħat ġenerali tagħha ta’ awtorità amministrattiva, li, bħala l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, hija kompetenti sabiex tabrogaha jew temendaha. L-assenza ta’ referenza speċifika ta’ din il-fakultà fid-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant ma tistax tiġi kklassifikata bħala ksur tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

67

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-komunikazzjonijiet għandu jiġi miċħud.

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

68

Il-Kummissjoni ssostni li, peress li r-rikors ma fih ebda argumentazzjoni insostenn ta’ allegat ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, l-ilment huwa inammissibbli.

69

F’dan ir-rigward, huwa ċar li ABN Amro targumenta li, minħabba li l-komunikazzjonijiet għandhom linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, hija turi ksur tad-dispożizzjoni inkwistjoni meta tistabbilixxi li l-Kummissjoni injorat dan. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-ilment jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li jirrikjedi li r-rikors għandu s-suġġett tal-kawża kif ukoll spjegazzjoni qasira tal-motivi invokati.

70

Madankollu, dwar il-mertu, dan l-ilment ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, peress li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-komunikazzjoni ġie miċħud u l-ebda argument ieħor ħlief dak dwar in-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ma tressaq minn ABN Amro insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

71

Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

72

ABN Amro ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta naqset milli teżamina jekk miżura inqas restrittiva mill-projbizzjoni fuq l-akkwisti ta’ portata tant wiesgħa bħal dik iddefinita fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata setgħet ġiet imposta fuqha. Hija tfakkar li, matul il-proċedura amministrattiva, hija pproponiet diversi formulazzjonijiet alternattivi, li bihom hija setgħet tindirizza t-tħassib prinċipali tagħha filwaqt li jiġu kkunsidrati għal kollox l-interessi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju li bih l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tintuża sabiex isiru akkwisti, ABN Amro ssostni li tat garanziji li dan ma huwiex il-każ. ABN Amro ssostni wkoll li l-eċċezzjoni de minimis ma tirrispondix għat-tħassib tagħha. Fl-aħħar nett, ABN Amro tirrileva li l-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi li s-sitwazzjoni li fiha hija tinsab hija waħda ġdida u tikkonferma li l-ħtieġa ta’ miżuri mill-Istat ma hijiex ir-riżultat tal-attivitajiet ta’ FBN u ta’ ABN Amro N. Peress li l-għajnuna mogħtija f’din il-kawża toħloq inqas distorsjonijiet minn dik mogħtija lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra u approvata, il-Kummissjoni kienet marbuta li tfittex l-miżuri korrettivi ta’ mġiba l-inqas restrittivi identifikati sabiex tirrimedja għad-distorsjonijiet identifikati.

73

Il-Kummissjoni ssostni li d-definizzjoni tal-portata tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti fid-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hi indikat li eżaminat l-għażliet kollha li ġew ippreżentati mill-Istat Olandiż u minn ABN Amro, iżda li, quddiem l-intransiġenza ta’ din tal-aħħar fuq il-portata tal-imsemmija projbizzjoni, hija imponiet kundizzjoni li tippermettilha li tilħaq l-għanijiet tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni filwaqt li tillimita l-forma l-inqas restrittiva sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.

74

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-iżvantaġġi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Bħala prinċipju ġenerali tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi kriterju tal-legalità ta’ kull att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inklużi deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta bħala awtorità tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C-441/07 P, Ġabra p. I-5949, punt 36).

76

Il-komunikazzjonijiet jirreferu wkoll għad-dmir tal-Kummissjoni li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, b’mod partikolari, għandha fil-punt 4, intitolat “Limitazzjoni tad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u garanzija ta’ settur bankarju kompetittiv”, taqsima intitolata “Applikazzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati li jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni”, fejn huwa speċifikat li l-miżuri sabiex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom ikunu ddisinjati “b’mod speċifiku” sabiex jirrimedjaw għad-distorsjonijiet fis-swieq fejn il-bank benefiċjarju jeżerċita attivitajiet wara li jkun irkupra l-vijabbiltà tiegħu wara r-ristrutturazzjoni tiegħu, filwaqt li jaderixxi għal politika u għal prinċipji komuni. Huwa indikat ukoll li n-natura u l-forma ta’ miżuri bħal dawn jiddependu fuq żewġ kriterji, jiġifieri, l-ewwel nett, l-ammont tal-għajnuna u l-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li taħthom ingħatat u, it-tieni nett, il-karatteristiċi tas-suq jew tas-swieq li fuqhom ser jopera l-bank benefiċjarju.

77

Madankollu, titqajjem il-kwistjoni tal-portata u l-limiti eżatti tal-obbligi tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-osservanza ta’ dan il-prinċipju kif ukoll mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat f’każ bħal inkwistjoni f’din il-kawża.

78

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti kkontestata fil-proċeduri preżenti. Kif tfakkar fil-punt 10 iktar ’il fuq, saru diversi skambji matul il-proċedura ta’ eżami bejn l-Istat Olandiż, ABN Amro u l-Kummissjoni li matulhom fuq il-portata tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti, kif ukoll fuq it-tul tagħha, saru diversi formulazzjonijiet alternattivi proposti mill-gvern Olandiż bl-għajnuna ta’ ABN Amro. Peress li ebda waħda minn dawn il-proposti ma tqieset sodisfaċenti mill-Kummissjoni, hija imponiet il-projbizzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant l-imsemmija projbizzjoni qatt ma kienet suġġetta għal ftehim mill-Istat Olandiż, hekk li ma jistax jitqies li hija tagħmel parti integrali mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni jew mill-impenji meħuda minn din tal-aħħar.

79

F’każ bħal dak f’din il-kawża, għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat li l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina l-proporzjonalità tal-kundizzjoni inkwistjoni hija mdgħajfa mir-rwol li kellu l-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar ma propost jew aċċettat dan l-impenn.

80

Madankollu, kif kien tfakkar fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv (punt 32 iktar ’il fuq), il-projbizzjoni fuq l-akkwisti ma hijiex miżura iżolata, iżda għandha neċessarjament tiġi evalwata fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni sottomessi mill-Istat Olandiż. Anki jekk l-imsemmija projbizzjoni ma hijiex formalment parti mill-imsemmi pjan, huma dawn il-miżuri kollha flimkien li jippermettu lill-Kummissjoni qieset li tikkunsidra li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern.

81

Barra minn hekk, kien imfakkar ukoll, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv (punt 31 iktar ’il fuq) li, fid-dawl tan-natura tal-eżami tal-kompatibbiltà, il-Kummissjoni kienet qiegħda tgawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni meta ġiet sabiex tevalwa, b’mod partikolari, jekk numru ta’ miżuri jippermettulha li tikkunsidra li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern, hekk li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward kien neċessarjament limitat.

82

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, madankollu, ma huwiex meħtieġ li jiġi deċiż jekk, fid-dawl ta’ dan l-istħarriġ limitat, il-Qorti Ġenerali tistax teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni vverifikatx il-proporzjonalità tal-miżuri individwali, peress li, fi kwalunkwe każ, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta imponiet il-projbizzjoni fuq l-akkwisti fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

83

Għandhom qabel kollox jitfakkru l-għanijiet segwiti mill-projbizzjoni fuq l-akkwisti. Kif tfakkar fil-paragrafu 33 iktar ’il fuq, il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni imposti skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jissodisfaw għan triplu ta’ vijabbiltà fit-tul tal-organu benefiċjarju, ta’ limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju u l-limitazzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Mill-punti 309 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni imponiet l-imsemmija projbizzjoni sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, iżda fuq kollox bil-għan li l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu neċessarju, skont l-imsemmija komunikazzjoni.

84

Mill-analiżi tat-tieni lment tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, deskritta iktar ’il fuq, jirriżulta li l-projbizzjoni fuq l-akkwisti prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata tista’ manifestament tissodisfa dawn l-għanijiet. Peress li ġiet iddefinita, b’mod wiesa’, li tinkludi l-akkwist ta’ ishma ta’ iktar minn 5 % fi kwalunkwe tip ta’ impriża (paragrafu 1), filwaqt li tipprovdi għal eċċezzjonijiet għal akkwisti ta’ ammont de minimis u għal tipi speċifiċi ta’ akkwisti (paragrafu 2), hija tippermetti li tgħin sabiex tiżgura li ABN Amro, li rċeviet riżorsi finanzjarji kbar tal-Istat, parzjalment fil-forma mhux rimborsabbli, ma tużax l-imsemmija riżorsi sabiex tiffinanzja attivitajiet li jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq jew li ma jkunux marbuta mal-proċess ta’ ristrutturazzjoni.

85

Fir-rigward tal-argument ta’ ABN Amro li jgħid li l-projbizzjoni inkwistjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-Kummissjoni rrifjutat formuli ta’ projbizzjoni ta’ portata iktar limitata, proposti mill-Istat Olandiż u minnha stess bl-istess mod, u li jilħqu l-istess għanijiet, fid-dawl tal-importanza mogħtija leġittimament mill-Kummissjoni lill-prinċipju li jgħid li l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju, dan l-argument ma jistax jirnexxi.

86

Fil-fatt, ġie rrilevat fil-kuntest tal-ewwel parti li l-politika ta’ dividendi ta’ ABN Amro ma tagħtix garanziji dwar l-użu tal-kapital żejjed (punt 58 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, l-għażla li tikkonsisti f’li tillimita l-projbizzjoni għall-akkwist ta’ sehem ta’ iktar minn 5 % f’impriżi oħra jew is-soluzzjoni ta’ kumpens bejn ċessjonijiet u akkwisti potenzjali ma jissodisfawx il-kriterju sabiex l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu neċessarju, li jeskludi kwalunkwe akkwist iffinanzjat mill-Istat li ma huwiex strettament meħtieġ sabiex jiġi żgurat ir-ritorn għall-vijabbiltà tal-kumpannija benefiċjarja (ara, b’mod partikolari, il-punti 47, 54 u 59 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, huwa ċar li l-mekkaniżmu ta’ kumpens propost minn ABN Amro, li jgħid li, essenzjalment, il-Kummissjoni taċċetta akkwisti ġodda sakemm il-valur tagħhom jikkorrispondi għal dak ta’ ċessjoni mill-bank, ikun iktar kumplessi sabiex jiġi implementat u iktar faċli sabiex ikun evitat. Ma huwiex għaldaqstant stabbilit jekk huwiex alternattivi xierqa fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 iktar ’il fuq.

87

Fir-rigward tal-formulazzjoni alternattiva tal-eċċezzjoni għall-projbizzjoni fuq l-akkwisti propost mill-Istat Olandiż u minn ABN Amro, li teskludi “relatati ma’ kumpanniji ta’ amministrazzjoni, ta’ servizzi jew ta’ teknoloġiji tal-informatika sabiex tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet attwali”, għandu jitfakkar li, fuq talba ta’ ABN Amro, l-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi, barra eċċezzjoni għal akkwisti de minimis, l-esklużjoni ta’ akkwist ta’ ishma li huma konformi mal-pjan ta’ impriża u mal-baġit tagħha tad-diviżjoni tagħha ta’ “Ishma privati”, kif ukoll ċerti akkwist ta’ ishma mid-diviżjoni “Enerġija, komoditajiet u trasport” ta’ ABN Amro insostenn tal-attività tagħha ta’ finanzjament normali u skont il-pjan ta’ impriża ta’ ABN Amro u tal-baġit ta’ din l-aħħar diviżjoni kif previst.

88

Huwa veru li, fil-mument tal-proċedura amministrattiva, l-Istat Olandiż u ABN Amro pproponew il-formulazzjoni tal-eċċezzjoni li tinsab fil-punt 87 iktar ’il fuq. Bi tweġiba għal din il-proposta, il-Kummissjoni indikat ir-rieda tagħha li hija kienet disposta li teżamina eċċezzjonijiet addizzjonali għall-projbizzjoni fuq l-akkwisti jekk kien jintwera li dawn l-akkwisti kienu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-impriża. ABN Amro wieġbet li ma setgħetx tidentifika tranżazzjonijiet speċifiċi, minħabba li dan jiddependi fuq id-disponibbiltà tal-miri attraenti kompatibbli mal-portafoll tagħha fil-qasam bankarju privat u kienet qed twettaq eżami strateġika tal-portafoll tagħha. Issa, kif ġie rrikonoxxut fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv li l-Kummissjoni ma kisritx il-komunikazzjonijiet jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi tirrikjedi rabta bejn il-possibbiltà li jsiru akkwisti u l-garanzija tal-vijabbiltà tal-bank, din l-attitudni tal-Kummissjoni ma hijiex ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-eċċezzjoni proposta ma tippermettix manifestament lill-Kummissjoni li tiżgura li ammont tal-għajnuna kien limitata għall-minimu meħtieġ.

89

B’mod ġenerali, rigward il-fatt li l-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni, kif previsti fid-deċiżjoni kkontestata, ma jippermettux, skont ABN Amro, l-ibbilanċjar mill-ġdid meħtieġ tal-portafoll ta’ assi tagħha u għaldaqstant jimpedixxu funzjonament li hija tikkunsidra sodisfaċenti, filwaqt li diversi formulazzjonijiet proposti minnha kienu jippermettu dan l-ibbilanċjar, peress li l-effikaċja tal-impriża benefiċjarja ma hijiex, kif tfakkar fil-punt 60 iktar ’il fuq, kriterju kkunsidrat fil-Komunikazzjoni tar-Ristrutturazzjoni, tali ċirkustanza lanqas ma turi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

90

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra li timponi restrizzjoni fuq it-tkabbir tad-daqs tal-bilanċ ta’ ABN Amro minflok il-projbizzjoni fuq l-akkwisti imposta fid-deċiżjoni kkontestata, ABN Amro indikat, fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, li din il-miżura ma ġietx proposta bħala soluzzjoni alternattiva matul il-proċedura ta’ eżami.

91

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Amro ABN li jgħid l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni tal-inqas riskju għall-kompetizzjoni maħluq mill-għajnuna mill-Istat li ngħatatilha imqabbla mal-għajnuna ta’ banek oħra, peress li huwa paċifiku li, fil-każ tagħha, il-ħtieġa għall-għajnuna ma hijiex riżultat tal-attivitajiet ta’ FBN u ta’ ABN Amro N magħmula fil-passat, irrispettivament minn jekk tali argument jikkonċernax obbligu impost fuq il-Kummissjoni bħala parti mill-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hekk li jista’ validament jiġi invokat sabiex jikkontesta l-adegwatezza tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti, ma jistax jirnexxi.

92

Għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi, b’mod partikolari fil-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata, li FBN u ABN Amro N ma kellhomx bżonn l-għajnuna mogħtija f’din il-kawża peress li huma kienu ħadu deċiżjonijiet ta’ amministrazzjoni ħżiena u li, għaldaqstant, l-għajnuna mogħtija f’din il-kawża tikkawża minħabba ferm inqas distorsjonijiet mill-għajnuna mogħtija lil istituzzjonijiet finanzjarji li akkumulaw riskji eċċessivi, il-Kummissjoni ssostni ġustament li l-fatt li l-għajnuna ma toħloqx riskju morali ma jfissirx b’hekk li ma toħloqx distorsjoni jew ma theddidx li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 45 iktar ’il fuq.

93

Barra minn hekk mill-komunikazzjonijiet jirriżulta li, għalkemm il-profil ta’ riskju tal-bank benefiċjarju huwa fattur importanti fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa għal miżuri ta’ mġiba, għandu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra, bħall-preżenza ta’ miżuri strutturali, li ABN Amro ma tikkontestax dan.

94

Il-punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni, li ABN Amro tiċċita hija stess, hija ċara f’dan ir-rigward:

“L-estensjoni tal-protezzjoni tal-imġieba se tkun ibbażata fuq valutazzjoni ta’ proporzjonalità, waqt li tieħu in konsiderazzjoni l-fatturi kollha relevanti u, b’mod partikolari, il-profil ta’ riskju tal-bank benefiċjarju.”

95

Minn dan jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tar-raġuni għall-miżuri ta’ mġiba, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll, minbarra l-profil tar-riskju tal-bank, fatturi oħra u, pereżempju, il-preżenza ta’ miżuri strutturali.

96

Barra minn hekk, l-Anness tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni jipprovdi lista ta’ indikaturi għall-evalwazzjoni tal-profil ta’ riskju ta’ bank. Kif issostni l-Kummissjoni, il-kriterju tad-daqs tar-rikapitalizzazzjoni rikjest, iktar minn 2 % tal-assi tal-bank kkalkolati skont ir-riskju, huwa indikatur importanti.

97

Issa, rigward l-għajnuna mogħtija lil ABN Amro, jirriżulta mill-premessi 279 u 280 tad-deċiżjoni kkontestata li ABN Amro rċeviet għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni ta’ ammont ħafna ogħla mil-limitu ta’ 2 % tal-assi ppeżati skont ir-riskju kif ukoll għajnuna fi flus ta’ EUR 71.7 miljun.

98

Sussegwentement, kif il-Kummissjoni ma naqsitx li tfakkar, mill-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija kkunsidrat li l-ħtieġa li tkun riċevuta għajnuna mill-Istat f’din il-kawża ma hijiex ikkawżata minn “primarjament” minn deċiżjonijiet ħżiena ta’ ġestjoni fil-passat. Għaldaqstant hija kkunsidrat li hija kienet inqas tista’ tħawwad is-suq imqabbel ma’ għajnuna lil banek li kienu akkumulaw riskji eċċessivi. Huwa għal din ir-raġuni li ċessjoni ta’ attivitajiet, minbarra dawk ta’ Hollandsche Bank-Unie u ta’ IFN Finance, li kienu saru fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni bejn ABN Amro N u FBN (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), ma kinux ikkunsidrati meħtieġa.

99

Għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jiġi speċifikat li, fir-rigward ta’ ċessjonijiet oħra ta’ attivitajiet li ABN Amro għamlet qabel l-intervent tad-deċiżjoni kkontestata, fil-premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata huwa kkonfermat li sar il-bejgħ tal-kumpanniji Prime Fund Solutions (PFS) u Intertrust. Dawn jissemmew ukoll fil-premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata, li jaqa’ fil-punt 6.3.3 dwar il-miżuri meħuda biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ġustament issostni li ċ-ċessjoni ta’ PFS tista’ titqies li hija miżura li ttieħdet minn ABN Amro sabiex tiżgura l-vijabbiltà tagħha. Dan jirriżulta mill-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata, meta tirreferi għall-fatt li din l-entità kienet tikkostitwixxi theddida għall-vijabbiltà, minħabba telf kbir fl-2008 “relatat ma’ [mal-każ] Madoff”, li ma huwiex ikkontesta minn ABN Amro. Rigward Intertrust, din kienet inizjattiva ta’ ABN Amro li, anki jekk il-Kummissjoni ddeċidiet li għandha effett favorevoli fuq il-kompetizzjoni, kien ta’ daqs żgħir (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, b’risposta għall-argument ta’ ABN Amro, magħmul fir-rikors u li tirrigwarda l-importanza taċ-ċessjoni ta’ Intertrust, minħabba d-daqs tal-attivitajiet tagħha fiduċjarji u għall-ġestjoni ta’ kumpanniji, il-Kummissjoni żiedet li Intertrust kellha problemi ta’ reputazzjoni u li banek oħra kienu sseparaw mill-attivitajiet tagħha fl-istess qasam, li ma huwiex kontradett minn ABN Amro. Għaldaqstant ma huwiex manifestament stabbilit li dawn iċ-ċessjonijiet ta’ attivitajiet għandhom jitqiesu li huma miżuri korrettivi strutturali li għandhom jikkontestaw il-gravità jew il-ħtieġa għall-projbizzjoni fuq l-akkwisti deċiża mill-Kummissjoni.

100

Għaldaqstant, l-argument ta’ ABN Amro, li bih miżura ta’ mġiba inqas severa mill-projbizzjoni fuq l-akkwisti inkwistjoni kellha tiġi imposta, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-kawża fir-rigward tal-profil ta’ riskju u tan-natura allegatament mhux dannuża tal-għajnuna, jew li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni dawn il-karatteristiċi, għandu jiġi miċħud.

101

Ir-rikorrenti għaldaqstant ma wrietx li, meta ddefinixxiet il-portata tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti kif previst fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha wkoll tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

102

ABN Amro ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi jimponi, f’din il-kawża, projbizzjoni fuq l-akkwisti ħafna iktar stretta minn dik f’deċiżjonijiet oħra.

103

Hija ssostni, minn naħa, li l-maġġoranza l-kbira tad-deċiżjonijiet kontemporanji rilevanti huma limitati sabiex jipprojbixxu l-akkwist ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ impriżi kompetituri jew jillimitaw l-akkwisti li ma jikkorrispondux għall-mudell ta’ impriża tal-bank ikkonċernat. B’mod partikolari dan jirrigwarda d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġejjin; id-Deċiżjoni C (2009) 3708 finali, tal-5 ta’ Mejju 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat N 244/09 favur Commerzbank (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Commerzbank”); id-Deċiżjoni C (2009) 9087 finali, tat-18 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru 428/09 tar-Renju Unit favur Lloyds Banking Group (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Lloyds”), id-Deċiżjoni C (2009) 8980 finali, tat-18 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 18/09 (ex N 360/09) tal-Belġju favur KBC (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni KBC”), id-Deċiżjoni C (2009) 2585 finali kkoreġuta, tal-31 ta’ Marzu 2009, dwar l-għajnuna C 10/09 (ex N 138/09) tal-Pajjiżi l-Baxxi favur ING (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ING”), id-Deċiżjoni C (2009) 1012 finali, tal-14 ta’ Diċembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat N 422/09 u N 621/09 tar-Renju Unit favur Royal Bank of Scotland (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni RBS”), id-Deċiżjoni C (2009) 5260 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 17/09 (ex N 265/09) tal-Ġermanja favur LBBW (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni LBBW”), id-Deċiżjoni C (2008) 7388 finali, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 9/09 (ex NN 49/08, NN 50/08 u NN 45/08) favur Dexia (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Dexia”) u d-Deċiżjoni C (2009) 8558 finali, tal-4 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 32/09 (ex NN 50/09) tal-Ġermanja favur Sparkasse Köln/Bonn (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sparkasse Köln/Bonn”).

104

Min-naħa l-oħra, ħafna mid-deċiżjonijiet rilevanti, Lloyds, ING, RBS u LBBW, jipprojbixxu biss l-akkwist ta’ kumpanniji kollha kemm huma jew l-akkwist tal-kontroll tagħhom. Deċiżjonijiet oħra, b’mod partikolari d-Deċiżjoni C (2010) 5740 finali tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Awwissu 2010, dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni N 372/09 mogħtija mill-Istat Olandiż lil Aegon (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Aegon”) u d-Deċiżjoni Sparkasse Köln/Bonn tipprojbixxi biss ishma b’mod ċar ogħla minn 5 %. L-ebda deċiżjoni rilevanti li tipprojbixxi l-akkwist ta’ iktar minn 5 % ta’ impriża kwalunkwe jekk kważi l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha l-oħra inkwistjoni jkunu rċevew ammont ta’ għajnuna ferm ogħla.

105

ABN Amro ssostni, barra minn hekk, li l-eċċezzjonijiet previsti mill-projbizzjoni inkwistjoni ma jbiddlux il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li deċiżjonijiet li għandhom projbizzjoni ta’ portata iktar limitata fihom eċċezzjonijiet simili, filwaqt li deċiżjonijiet oħra jinkludu eċċezzjonijiet addizzjonali, li wħud minnhom ġew ukoll mitluba minnha, iżda rrifjutati mill-Kummissjoni.

106

Barra minn hekk, ABN Amro tirrileva li s-severità tal-projbizzjoni li ġiet imposta fuqha iktar sorprendenti mill-kważi-totalità tal-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra li għalihom projbizzjoni simili, iżda madankollu inqas severa ġiet imposta bbenefikaw minn għajnuna b’mod ċar ogħla, kemm f’termini assoluti kif ukoll relattivi.

107

Barra minn hekk, ABN Amro tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li s-sitwazzjoni tagħha ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ banek oħra li kienu wkoll imġiegħla li jieħdu miżuri strutturali. Hija ssostni li dawn il-miżuri strutturali ġew imposti fuq dawn il-banek l-oħra għal raġunijiet ta’ vijabbiltà fit-tul. Hija tfakkar, barra minn hekk, li hija għamlet ukoll ċessjoni ta’ ċerti assi.

108

Fl-aħħar nett, ABN Amro tirrileva li l-possibbiltà li ssir talba motivata bil-għan li tinkiseb l-approvazzjoni għal tranżazzjoni speċifika ġiet prevista f’diversi deċiżjonijiet oħra, iżda li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni rrifjutat li tinkludi tali possibbiltà fid-deċiżjoni kkontestata minkejja talba espressa f’dan is-sens.

109

Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti hija manifestament infondata, peress li kull każ ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi evalwat separatament u għajnuna bħal dik inkwistjoni tista’ tiġi approvata biss jekk it-tliet kundizzjonijiet essenzjali tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni huma ssodisfatti, u dan jirrikjedi evalwazzjoni bbażata fuq il-pjan ta’ ristrutturazzjoni u fuq l-impenji u l-kundizzjonijiet inkwistjoni, hekk li miżura waħda ma tistax tiġi analizzata b’mod iżolat.

110

Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantic u Lorraine et, C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni tispeċifika, fil-punt 38, li meta tivvaluta l-portata tar-“rimedji [miżuri] strutturali” meħtieġa sabiex jingħelbu d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni f’każ partikolari, u filwaqt li tosserva kif jixraq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri previsti fl-istess ħin f’każijiet li huma relatati mal-istess swieq jew segmenti tas-suq. Ċertament, ir-“rimedji [miżuri] strutturali” ġeneralment ikollhom implikazzjonijiet iktar sinjifikattivi għall-kompetizzjoni f’settur milli tipi oħra ta’ miżuri. Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni sabiex l-analiżi meħtieġa mill-paragrafu 38 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni ma tiġix estiża għall-impożizzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri ta’ mġiba għall-effetti ekonomiċi potenzjalment sinjifikattivi, bħal projbizzjonijiet fuq l-akkwisti. Fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet fuq ir-Ristrutturazzjoni, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi miċħud qabel kollox bħala ineffettiv.

112

Madankollu, id-diffikultà tinsab fil-kwistjoni tal-komparabbiltà jew le, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq, ta’ deċiżjonijiet li jawtorizzaw għajnuna mill-Istat fis-settur bankarju abbażi ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni u suġġetti għal diversi kundizzjonijiet.

113

Fil-fatt, kif ġustament tfakkar il-Kummissjoni, għajnuna bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża tista’ tiġi approvata biss jekk il-kundizzjonijiet essenzjali biss tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jkunu ssodisfatti, li jeħtieġ analiżi globali tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, ibbażata fuq il-pjan ta’ ristrutturazzjoni u fuq l-impenji u l-kundizzjonijiet xierqa, hekk li l-komparazzjoni ta’ miżuri individwali imposti fid-deċiżjonijiet varji huwa partikolarment perikoluż. Anki jekk ma jistax jiġi eskluż li wieħed jista’ jqabbel il-miżuri speċifiċi ta’ ristrutturazzjoni u l-kundizzjonijiet previsti mid-deċiżjonijiet varji in abstracto, xorta jibqa’ l-fatt li r-ristrutturazzjoni ta’ impriża u l-kundizzjonijiet li taħthom tingħata l-għajnuna għandhom jiffokaw fuq il-problemi intrinsiċi tagħha u li l-esperjenzi ta’ impriżi oħra, f’kuntesti differenti, jistgħu ma jkunux rilevanti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 478, u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

Fi kwalunkwe każ, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tista’ tissejjaħ sabiex teżamina l-komparabbiltà, mas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, ta’ sitwazzjonijiet inkwistjoni f’deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni msemmija minn ABN Amro, l-oneru tal-prova tal-komparabbiltà tagħhom taqa’ fuq din tal-aħħar.

115

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet invokati minn ABN Amro, dawn huma, l-ewwel nett, dawk li fihom il-projbizzjoni fuq l-akkwisti tirreferi biss għal impriżi fl-istess settur, b’mod partikolari d-deċiżjonijiet Commerzbank, Lloyds, KBC, ING, RBS, LBBW, Dexia et Sparkasse Köln/Bonn.

116

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li, anki jekk dawn il-banek jaqgħu fl-istess settur ta’ attività bħal ABN Amro, huma għandhom il-karatteristiċi speċifiċi kollha u joperaw f’ambjent speċifiku. Fir-rigward ta’ dawn il-banek, pjan ta’ ristrutturazzjoni ġie ppreżentat lill-Kummissjoni li fih ma huwiex stabbilit li għandu l-istess karatteristiċi bħal dak ta’ ABN Amro, kif ukoll impenji speċifiċi ġeneralment, ċirkustanzi li jikkompromettu l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni.

117

Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, dawn il-banek kollha kienu mġiegħla jnaqqsu l-baġits u wkoll, għall-parti l-kbira, li jċedu ċerti attivitajiet, ċirkustanza li tista’ manifestament tinfluwenza l-grad tas-severità tal-miżuri ta’ mġiba aċċettati, u dan jikkontesta wkoll il-komparabbiltà tagħhom ma’ din il-kawża.

118

Ċertament, kif issostni ABN Amro, xi wħud minn dawn il-miżuri strutturali imposti fuq dawn il-banek l-oħra saru sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-bank. Madankollu, jidher li, għall-inqas f’xi każijiet, iċ-ċessjonijiet ġew imposti wkoll bħala kumpens jew sabiex jillimitaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet Commerzbank, Lloyds, KBC, ING, RBS, LBBW, Dexia, Sparkasse Köln/Bonn u Aegon huma eżempji ta’ deċiżjonijiet li fihom, kuntrarjament għall-każ ta’ ABN Amro, miżuri strutturali ġew imposti, b’mod partikolari, sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni.

119

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-portata tal-projbizzjonijiet kif aċċettata minn dawn il-banek ma hijiex dejjem tant limitata kemm issostni ABN Amro. Għal xi banek, il-projbizzjoni hija limitata għall-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji attivi fl-istess settur. Madankollu, fid-deċiżjonijiet Lloyds u RBS, invokata minn ABN Amro, il-banek benefiċjarji ma jistgħux ikollhom ishma f’istituzzjonijiet finanzjarji, lanqas ma jistgħu akkwisti lil hinn mill-mudell kummerċjali tagħhom. Bl-istess mod, fid-deċiżjoni Aegon, il-projbizzjoni tkopri “business entities” (entitajiet kummerċjali), terminu li jinkludi wkoll kumpanniji minn barra s-settur finanzjarju.

120

Barra minn hekk, b’risposta għall-argument ta’ ABN Amro, il-Kummissjoni tirreferi għad-deċiżjoni tagħha C (2010) 6202 finali kkoreġuta, tal-15 ta’ Settembru 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 26/09 (ex N 289/09) tal-Latvja favur Parex banka, kif ukoll id-Deċiżjoni C (2011) 2262 finali, tal-31 ta’ Marzu 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32745 (2011/NN) tal-Awstrija favur Kommunalkredit Austria AG, li joffru eżempji oħra ta’ projbizzjonijiet fuq l-akkwisti li huma estiżi għal impriżi barra mis-settur finanzjarju.

121

Rigward il-fatt li d-deċiżjonijiet Lloyds, KBC, ING, RBS u LBBW kienu jirrigwardaw biss l-akkwist ta’ kumpanniji kollha kemm huma jew sehem ferm ogħla minn 5 %, huwa ċertament minnu li l-projbizzjonijiet li jinsabu f’dawn id-deċiżjonijiet jirrigwardaw l-akkwist fih innifsu ta’ kumpanniji u mhux biss ta’ parti mill-kapital tagħhom. Dan huwa minnu wkoll fil-każ tad-deċiżjoni Commerzbank. Barra minn hekk, id-deċiżjoni Aegon tirreferi għal akkwisti ta’ ishma ta’ 20 % jew iktar f’entitajiet oħra kummerċjali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjonijiet C (2010) 6202 finali kkoreġuta, u C (2011) 2262 finali, il-projbizzjoni testendi għal kull teħid ta’ sehem. Għaldaqstant jeżistu mill-inqas żewġ deċiżjonijiet li jikkontestaw l-argumentazzjoni ta’ ABN Amro li tgħid li fuq l-ebda bank ieħor ma ġiet imposta fuqu projbizzjoni tant stretta.

122

It-tieni nett, dwar id-deċiżjonijiet li fihom eċċezzjonijiet addizzjonali għal dawk mogħtija lil ABN Amro, din tal-aħħar issemmi, b’mod partikolari, id-deċiżjoni Aegon. Din id-deċiżjoni tinkludi eċċezzjoni għall-projbizzjoni fuq “[akkwisti] relatati ma’ kumpanniji ta’ amministrazzjoni, ta’ servizzi jew ta’ teknoloġiji tal-informatika sabiex tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet attwali”, li kienet intalbet minn ABN Amro, iżda li ma ngħatatilhiex, peress li l-Kummissjoni fakkret il-bżonn li turi n-natura neċessarja tal-akkwisti sabiex tiżgura l-vijabbiltà tal-impriża. Rigward l-estensjoni tal-eċċezzjoni fil-każ ta’ Aegon, il-Kummissjoni tirreferi għall-fatt li din tal-aħħar kellha tnaqqis fil-bilanċ ta’ madwar 6 % u kellha teħles minn ċerti attivitajiet. Mistoqsija mill-Qorti Ġenerali fuq il-kwistjoni jekk l-eċċezzjoni għall-“[akkwisti] relatati ma’ kumpanniji ta’ amministrazzjoni, ta’ servizzi jew ta’ teknoloġiji tal-informatika sabiex tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet attwali” kinitx ingħatat lil Aegon permezz tal-produzzjoni tal-prova tan-neċessità tagħhom għall-vijabbiltà ta’ dan l-impenn, il-Kummissjoni spjegat li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ din tal-aħħar kien isemmi t-titjib tal-effikaċja tal-attivitajiet eżistenti u li huwa f’dan il-kuntest li s-servizzi tagħha kienu kkunsidraw l-imsemmija esklużjoni, kif jirriżulta mill-punt 119 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Hija ppreċiżat ukoll li Aegon ma bbenefikatx minn klawżola ġenerali de minimis kif dan huwa previst fl-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn iċ-ċirkustanzi huma biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li hemm l-assenza tal-komparabbiltà tal-każ ta’ Aegon u dak ta’ ABN Amro.

123

Fl-aħħar nett, rigward f’dak li jirrigwarda n-nuqqas li jkun hemm inkluż fid-deċiżjoni kkontestata dispożizzjoni espressa dwar il-possibbiltà li jsiru notifiki ta’ akkwisti speċifiċi lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni, hemm lok li jsir riferiment għall-analiżi li ssir fil-punti 64 sa 67 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel taqsima ta’ dan il-motiv, minn fejn jirriżulta li dan l-ilment għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

124

Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE

125

ABN Amro ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-obbligu li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fid-dritt peress li hija rreferiet biss għall-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni fl-eżami tagħha tal-ħtieġa għal projbizzjoni fuq l-akkwisti fid-deċiżjoni kkontestata.

126

Hija ssostni, l-ewwel nett, li riferiment għall-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, li jsemmi biss projbizzjonijiet ta’ akkwisti li x’aktarx joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, ma jistax jiġġustifika l-projbizzjoni stretta li ġiet imposta fuqha; it-tieni nett, il-Kummissjoni kellha teżamina u tispjega għaliex projbizzjoni tant stretta kienet meħtieġa u għaliex alternattivi inqas restrittivi ma kinux ġew ikkunsidrati; it-tielet nett, l-adozzjoni tal-komunikazzjonijiet u, b’mod partikolari, tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni li twassal għall-formulazzjoni ta’ politika ġdida, obbligu ta’ motivazzjoni ikbar huwa impost fuq il-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tagħhom; ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tagħha; il-ħames nett, il-motivazzjoni mogħtija fir-rigward tan-neċessità tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti ma hijiex xierqa u ma turix b’mod ċar u inekwivoku l-motivi u l-ħtieġa ta’ din il-miżura; is-sitt nett, il-Kummissjoni kellha twettaq analiżi tas-suq u tal-problemi ta’ kompetizzjoni sabiex tiġġustifika l-impożizzjoni tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti.

127

Il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ġie osservat u li d-deċiżjoni kkontestata ġiet immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

128

Fl-ewwel lok, rigward allegata projbizzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jitfakkar li, fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċedimenti amministrattivi jinsab, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu hemm marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14).

129

F’dan il-kawża, minħabba l-iskambji multipli bejn il-Kummissjoni, l-Istat Olandiż u ABN Amro dwar il-projbizzjoni fuq l-akkwisti, ampjament iddokumentati fil-proċess, huwa ċar li l-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ.

130

Ċertament, il-Kummissjoni, filwaqt li taċċetta ċerti eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni fuq l-akkwisti wara t-talba tal-Istat Olandiż u ta’ ABN Amro, baqgħet soda fuq il-fatt li l-imsemmija projbizzjoni għandha tkopri kull tip ta’ impriża kif ukoll akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji ta’ 5 % jew iktar. Madankollu, b’mod partikolari, mill-eżami tal-ewwel parti ta’ hawn fuq, jirriżulta li din il-pożizzjoni hija bbażata fuq analiżi tagħha li tgħid li l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-minimu neċessarju ma kienx jippermettilha pożizzjoni iktar flessibbli u, b’mod partikolari, li taċċetta l-formulazzjonijiet ta’ eċċezzjonijiet proposti minn ABN Amro. Għandu jiżdied ukoll li l-Kummissjoni pproponiet li ABN Amro li tifformula b’mod iktar preċiż liema tipi ta’ akkwisti hija kkunsidrat meħtieġa sabiex tiżgura l-vijabbiltà tagħha, li din tal-aħħar ma setgħetx tagħmel, kif jirriżulta mid-dokumenti mqiegħda fil-proċess.

131

Fit-tieni lok, rigward l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni prevista fl-Artikolu 296 TFUE tiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u fuq il-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti, minn naħa, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min-naħa l-oħra, lill-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura implementata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl kemm tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63; u sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Novembru 2011, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑238/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

132

B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 96, u sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, T-102/07 u T-120/07, Ġabra p. II-585, punt 180).

133

Rigward in-natura tal-att inkwistjoni u l-kuntest li fih ġie adottat f’din il-kawża, diġà ġie diskuss fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet partijiet li miżura ta’ mġiba ma tistax tiġi eżaminata b’mod iżolat, sa fejn huma l-kundizzjonijiet kollha imposti fuq il-bank u l-pjan ta’ ristrutturazzjoni li jippermettu lill-Kummissjoni li tikkunsidra li l-għajnuna tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-komunikazzjonijiet u li hija konformi mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, għaldaqstant, kompatibbli mas-suq intern.

134

Mingħajr ma jkun hemm bżonn li tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ liema huma l-konsegwenzi prattiċi ta’ dan il-kuntest fuq id-dmir tal-Kummissjoni li timmotiva individwalment l-impożizzjoni ta’ miżuri jew ta’ kundizzjonijiet speċifiċi, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-ħtieġa tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti, b’mod partikolari fil-punti 309 sa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħha huwa riprodott fil-punt 36 iktar ’il fuq.

135

Ċertament, kif issostni ABN Amro, din il-motivazzjoni hija relattivament qasira u tikkonsisti, fil-parti kbira, fi tfakkira tal-prinċipji tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni ABN Amro, din il-motivazzjoni turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq, b’mod partikolari peress li din tal-aħħar applikat prinċipju ddikjarat fl-imsemmi avviż.

136

Fir-rigward tal-miżuri alternattivi proposti minn ABN Amro, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ma teżaminahomx, mill-motivazzjoni mressqa jirriżulta li kien hemm bżonn ta’ applikazzjoni stretta tal-prinċipji msemmija, li jeskludi, għaldaqstant, soluzzjonijiet alternattivi iktar flessibbli. Barra minn hekk, apparti l-fatt li mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 132 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex, fi kwalunkwe każ, marbuta li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha, huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-skambji bejniethom, l-Istat Olandiż u ABN Amro li fih hi għamlitha ċara għaliex xi soluzzjonijiet proposti ma kinux aċċettabbli.

137

Jista’ jsir riferiment, pereżempju, għar-risposta tal-grupp tal-Kummissjoni responsabbli mill-kawża għall-formulazzjoni ta’ miżuri proposta minn ABN Amro fil-verżjoni tagħhom tas-6 ta’ Settembru 2010. Hija spjegat fiha li, minn naħa waħda, limitazzjoni tal-projbizzjoni fuq l-akkwist ta’ sehem ta’ kontroll f’impriżi oħra tippermetti li jsiru akkwisti mixtieqa, iżda li hija tista’ taċċetta biss akkwisti meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-impriża u, min-naħa l-oħra, li s-sistema ta’ kumpens bejn id-dħul mill-bejgħ tal-assi u l-akkwisti ma hijiex aċċettabbli peress li l-fondi ġġenerati mill-bejgħ għandhom jintużaw sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-ammont tal-għajnuna. Bl-istess mod, minn xi messaġġi elettroniċi li jinsabu fil-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet il-proposti ta’ ABN Amro intiżi, essenzjalment, sabiex jillimitaw il-projbizzjoni għal akkwisti ta’ iktar minn 20 % taħt ċerti kundizzjonijiet u sa fejn huma jikkonċernaw impriżi ta’ kreditu fil-Pajjiżi l-Baxxi u li teskludi minnha l-akkwisti relatati ma’ kumpanniji ta’ ġestjoni, ta’ servizzi jew ta’ teknoloġija tal-informatika sabiex tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet attwali, billi tirrepeti l-argumentazzjoni tagħha li tgħid li hija setgħet taċċetta biss akkwisti li ġie pprovat li dawn kienu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-kumpannija u li hija kienet qed tistenna provi f’dan is-sens jew li hija ma kinitx irċeviet tali provi.

138

Għaldaqstant, meta jsir riferiment, b’analoġija, għall-ġurisprudenza li tgħid li att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-piż tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata), ma jistax jiġi aċċettat li f’din il-kawża li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt peress li hija ma tiddiskutix miżuri alternattivi proposti minn ABN Amro matul il-proċedura ta’ eżami u li ġew miċħuda mill-Kummissjoni.

139

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk obbligu ta’ motivazzjoni miżjud huwiex impost fuq il-Kummissjoni peress li l-komunikazzjonijiet iwasslu għall-formulazzjoni ta’ politika ġdida, ABN Amro jidher li tirreferi għall-ġurisprudenza li biha, jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija parti minn prassi deċiżjonali stabbilita tista’ tkun motivata b’mod sommarju, b’mod partikolari permezz ta’ referenza għal din il-prassi, billi din tmur b’mod sinjifikattiv iktar lil hinn minn deċiżjonijiet preċedenti, huwa għall-Kummissjoni li tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31; tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, C-295/07 P, Ġabra p. I-9363, punt 44, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 155). Madankollu din il-ġurisprudenza ma tapplikax f’każ bħal dan fejn il-Kummissjoni, lil hinn milli titbiegħed minn prassi konsistenti, tindika li tapplika b’mod strett il-prinċipji tal-komunikazzjoni.

140

Barra minn hekk, sa fejn ABN Amro tirreferi għall-fatt li l-motivazzjoni bbażata fuq il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni ma tistax tiġġustifika l-projbizzjoni imposta, sa fejn l-imsemmija komunikazzjoni tirrigwarda biss akkwisti li jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni, din hija kontestazzjoni tal-validità tal-motivi fil-mertu, kwistjoni li ġiet eżaminata fil-kuntest tal-ewwel parti.

141

Għall-bqija, il-fatt li l-Kummissjoni tiġġustifika l-projbizzjoni fuq l-akkwisti primarjament bħala miżura imposta mill-prinċipju tal- limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju jispjega l-assenza ta’ studju ddettaljat tal-effetti tar-ristrutturazzjoni fuq is-suq bankarju. Peress li hemm ukoll, f’dan ir-rigward, il-paragun tad-deċiżjoni kkontestata mad-deċiżjoni Lloyds, li ABN Amro ssemmi billi tallega li din l-aħħar deċiżjoni hija mmotivata b’iktar dettall u b’mod konformi mal-komunikazzjonijiet, minbarra l-fatt li l-analiżi tal-Kummissjoni ma hijiex sostanzjalment iktar elaborata fid-deċiżjoni Lloyds milli fid-deċiżjoni kkontestata, fi kwalunkwe każ, l-estensjoni tal-motivazzjoni f’deċiżjoni oħra ftit għandha rilevanza sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

142

Għaldaqstant ir-raba’ parti tal-ewwel motiv u l-ewwel motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tieni motiv, dwar it-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti

143

Dan il-motiv jirrigwarda l-Artikolu 5(3) tad-deċiżjoni kkontestata (punt 13 iktar ’il fuq), li jgħid li l-projbizzjoni fuq l-akkwisti tibqa’ fis-seħħ għal mill-inqas tliet snin mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jew sakemm is-sehem tal-Istat Olandiż jaqa’ taħt 50 %, iżda għandha tieqaf tapplika sa mhux iktar tard minn ħames snin wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

144

Din ir-raġuni fiha ħames partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 345 TFUE, sa fejn it-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti tiddependi mis-sehem miżmum mill-Istat. It-tieni parti tikkonċerna ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE kif ukoll applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet. It-tielet parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-raba’ parti tirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-waqt li l-ħames parti hija relatata ma’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 345 TFUE, sa fejn it- tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti jiddependi fuq is-sehem miżmum mill-Istat

145

ABN Amro ssostni li l-Artikolu 345 TFUE nkiser sa fejn l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi rabta bejn iż-żamma mill-Istat ta’ mill-inqas 50 % tal-azzjonijiet tagħha u l-applikabbiltà tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti għal massimu ta’ sentejn wara l-perjodu inizjali ta’ tliet snin. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 345 TFUE jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tieħu deċiżjoni billi tagħmel distinzjoni bbażata fuq il-proprjetà privata jew pubblika ta’ impriża. Peress li tenfasizza li l-proprjetà tal-Istat ma tikkostitwixxix fiha nnifisha għajnuna mill-Istat, hija tallega li l-Artikolu 345 TFUE jagħmel illegali l-fatt li jiġi kkunsidrat li l-proprjetà tal-Istat tiġġenera fiha nnifisha vantaġġ ekwivalenti għal għajnuna mill-Istat.

146

Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni. Hija ssostni li l-Artikolu 345 TFUE jimponi li jkun hemm newtralità fir-rigward tan-natura pubblika jew privata tal-proprjetà ta’ impriża, iżda ma tipprojbixxix kull inugwaljanza fit-trattament.

147

Skont l-Artikolu 345 TFUE, it-Trattati bl-ebda mod ma jippreġudikaw is-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri.

148

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 345 TFUE ma għandux l-effett li teżenta s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-503/04, Ġabra p. I-6153, punt 37). Barra minn hekk, ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, li huma regoli fundamentali, huma applikabbli mingħajr distinzjoni għall-impriżi pubbliċi u dawk privati, u għaldaqstant jitqies li l-Artikolu 295 KE jillimita l-portata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punti 193 u 194, u l-ġurisprudenza ċċitata).

149

Skont ABN Amro, li t-tmiem tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti jiddependi fuq il-mument preżunt tal-privatizzazzjoni (parzjali) tagħha jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni peress li, b’hekk, il-Kummissjoni torbot konsegwenzi mas-sempliċi fatt li ABN Amro hija fil-maġġoranza proprjetà tal-Istat. Hija ma ssostnix li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom japplikaw b’mod differenti peress li hija proprjetà tal-Istat, iżda pjuttost li din iċ-ċirkustanza ma tistax tippenalizzaha.

150

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

151

Kif jirriżulta mill-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li l-fatt li l-impriża tkompli tkun proprjetà tal-Istat jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, huwa ddikjarat fl-imsemmija premessa li t-tmiem tal-proprjetà tal-Istat huwa mezz sabiex jiġi stmat meta jintemm il-vantaġġ derivat mill-għajnuna. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tikkunsidra li għandha ttaffi l-effetti tal-għajnuna mogħtija mill-Istat Olandiż permezz tan-nazzjonalizzazzjoni ta’ FBN u tal-miżuri ulterjuri ta’ rikapitalizzazzjoni li jkomplu jinħassu, hija ssostni, meta l-Istat ikollu sehem maġġoritarju ta’ ABN Amro.

152

Barra minn hekk, il-projbizzjoni fuq l-akkwisti tieqaf tapplika wara ħames snin, anki jekk, jekk ikun il-każ, l-Istat Olandiż ma kienx naqqas is-sehem tiegħu għal inqas minn 50 % f’dan l-istadju.

153

Issa, madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ma jirriżultax mill-Artikolu 345 TFUE li hija ma tistax torbot konsegwenzi għaż-żamma tal-maġġoranza tal-kapital ta’ ishma ta’ impriża mill-Istat jekk hija tikkunsidra li hemm raġunijiet oġġettivi sabiex tagħmel dan. Huwa dan ir-raġunament li ġiet segwita f’din il-kawża. Il-validità tiegħu ser tkun eżaminata iktar fil-kuntest tal-partijiet l-oħra tat-tieni motiv.

154

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkunsidrax il-proprjetà tal-Istat b’mod simili għal għajnuna mill-Istat u tidentifika raġuni oġġettiva li abbażi tagħha ż-żamma tal-proprjetà maġġoritarja tal-bank mill-Istat tintuża bħala element ta’ riferiment f’dan il-kuntest, hekk li ma jistax jingħad li jkun diskriminazzjoni fil-konfront tal-proprjetà tal-Istat.

155

L-ewwel parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE kif ukoll applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet

156

Din il-parti tikkonsisti f’żewġ ilmenti li jikkonċernaw, minn naħa, ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, min-naħa l-oħra, applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet. Huwa xieraq li t-tieni lment jiġi eżaminat l-ewwel.

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet

157

Skont ABN Amro, peress li l-ħtieġa għall-għajnuna f’din il-kawża ma tirriżultax minn akkumulazzjoni ta’ riskji eċċessivi u minħabba profil ta’ riskju baxx ħafna, miżuri ta’ mġiba limitati biss kienu ġġustifikati f’din il-kawża. Hija ssostni li sa fejn il-paragrafu 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jipprevedi estensjoni tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti sat-tmiem tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, kwalunkwe projbizzjoni ta’ iktar minn tliet snin hija, fil-każ tagħha, inaċċettabbli, peress li hija dejjem kienet profittabbli u hija rrikonoxxuta, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala entità vijabbli. Barra minn hekk, ma tinsabx fi stat ta’ ristrutturazzjoni lil hinn minn dan il-perjodu, peress li r-ristrutturazzjoni tagħha kien intemm meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u l-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-2009 japplika biss sal-2013. L-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li għandha tapplika l-projbizzjoni inkwistjoni sakemm il-fatt li hemm azzjonijiet fil-maġġoranza tal-Istat jista’ jkollu effett rassiguranti fuq il-kredituri u d-depożitanti, ma jistax barra minn hekk ikun ġustifikazzjoni li tkun skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni.

158

ABN Amro żżid li l-paragrafu 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jipprovdi li miżura ta’ mġiba tista’ tinżamm skont il-portata, l-ammont u t-tul tal-għajnuna, iżda li, għalkemm hija rċeviet ammont ta’ għajnuna ħafna inqas milli f’kawżi rilevanti oħra, f’ebda wieħed minn dawn il-kawżi l-oħra ma kien hemm projbizzjoni fuq l-akkwisti li kienet tasal sa ħames snin.

159

ABN Amro tfakkar ukoll li l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni stess tirrikonoxxi fil-paragrafu 14 TFUE li t-Trattat FUE huwa newtrali sa fejn jikkonċerna n-natura pubblika jew privata tal-proprjetà, hekk li l-fatt li jkun hemm konsegwenzi legali għall-kontinwità tan-natura pubblika tal-kapital jikkostitwixxi ksur tal-istess trattat.

160

Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni ma hijiex fondata.

161

Il-Kummissjoni tiddikjara li, bħal fil-kuntest tal-ewwel motiv, it-taqsima tal-ewwel motiv ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma hija sostnuta minn ebda argumentazzjoni u għandha għaldaqstant tiġi ddikjarata inammissibbli. Barra minn hekk, l-argumenti ta’ ABN Amro huma infondati, essenzjalment, minħabba li t-tul tal-kundizzjonijiet ta’ mġiba għandu wkoll jiġi evalwat fid-dawl tal-prinċipju li l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju.

162

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li wħud mill-argumenti ta’ ABN Amro diġà ġew eżaminati u għandhom jiġu miċħuda. B’hekk dan jgħodd ukoll dwar l-argument li jgħid li l-profil tar-riskju tagħha għandu jwassal li jkunu imposti fuqha miżuri ta’ mġiba ħfief, kemm rigward il-portata tagħhom kif ukoll dwar it-tul tagħhom. Diġà ġie eżaminat fil-punti 91 sa 100 iktar ’il fuq, fejn ġie konkluż li l-analiżi ta’ ABN Amro għandha tiġi kkwalifikata. Ma huwiex, b’mod partikolari, stabbilit li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-kawża, peress li ABN Amro rċeviet għajnuna kbira ħafna u ebda miżura strutturali ma ġiet imposta fil-każ tagħha. Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq komparazzjoni mal-projbizzjonijiet ta’ akkwisti li ġew imposti f’kawżi oħra kontemporanji oħra ser jiġi diskuss fil-kuntest tat-tielet parti.

163

Rigward ukoll l-argument ta’ ABN Amro dwar l-osservanza tal-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni li jgħid li t-Trattat huwa newtrali dwar iż-żamma tal-proprjetà, peress li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw irrispettivament min-natura privata jew pubblika tal-bank, din id-dispożizzjoni sempliċement tfakkar il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 345 TFUE, hekk li l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk li huma abbażi taċ-ċaħda tal-ewwel parti tat-tieni motiv.

164

Fir-rigward tal-eżami tal-ilment prinċipali ta’ ABN Amro li effettivament jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza tal-komunikazzjonijiet, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-komunikazzjonijiet jirreferu għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex miżura ta’ għajnuna li tirrimedja għal taħwid gravi fl-ekonomija ta’ Stat Membru tiġi ddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, b’mod partikolari, meta jkunu fformulati miżuri strutturali jew ta’ mġiba. L-eżistenza ta’ tali setgħa għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-ilmenti li jallegaw ksur tal-komunikazzjonijiet, peress li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna abbażi ta’ miżuri u ta’ kundizzjonijiet skont il-partikolaritajiet ta’ kull każ.

165

Rigward it-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fil-premessa 311 (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), għall-punt 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni.

166

Skont din id-dispożizzjoni, projbizzjoni fuq l-akkwisti, imposta bil-għan li jkunu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, għandha tapplika għal tliet snin u tista’ tkompli tapplika sat-tmiem tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, skont il-portata, l-ammont u t-tul tal-għajnuna.

167

Insegwitu, fil-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni żżid, madankollu, li l-estensjoni tat-tul tal-projbizzjoni lil hinn minn tliet snin hija ġġustifikata mill-fatt li, jekk parti mill-għajnuna diġà ġiet irrimborsata, ċerti miżuri ma jistgħux jiġu rrimborsati minn ABN Amro minħabba l-forma li fiha ngħataw. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-ewwel parti, il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li t-tmiem tal-proprjetà maġġoritarja tal-Istat huwa mezz ta’ sostituzzjoni sabiex jiġi stmat li l-vantaġġ li jirriżulta mill-għajnuna ntemm, iżda li l-projbizzjoni ma għandhiex tapplika fi kwalunkwe każ lil hinn minn tul ta’ ħames snin.

168

Permezz ta’ argumentazzjoni tagħha, ABN Amro, essenzjalment, ma tikkontestax li l-projbizzjoni fuq l-akkwisti tista’ tiġi imposta għal perijodu ta’ tliet snin, skont dik id-dispożizzjoni, iżda tirrileva li dan għandu jkun it-tul massimu tal-projbizzjoni, b’mod partikolari peress li hija ma kinitx qed tiġi ristrutturata lil hinn minn din id-data.

169

F’dan ir-rigward, kif osservat il-Kummissjoni fis-seduta, għandu jiġi rrilevat li l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni ma tiddefinixxix b’mod konkret tul għall-projbizzjonijiet ta’ akkwisti imposti sabiex tiġi żgurata l-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju. Madankollu, ladarba l-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jirreferi għar-ristrutturazzjoni tal-benefiċjarju, jista’ jiġi dedott li tali miżura titqies li hija fondata sakemm tali kuntest jeżisti. Ir-regola magħmula fil-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni hija għaldaqstant simili għal dik żviluppata fil-punt 40 tal-imsemmija komunikazzjoni (punt 166 iktar ’il fuq), li għalih issir referenza fil-premessi 311 u 312 tad-deċiżjoni kkontestata, u fejn huwa speċifikat li akkwisti setgħu jinżammu “sa tmiem il-perjodu ta’ ristrutturazzjoni skont il-portata, id-daqs u d-dewmien tal-għajnuna”. Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk, f’din il-kawża, it-tul tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jissodisfax ir-regola stabbilita fil-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, kif hija qed tiġi interpretata.

170

F’dan ir-rigward, mill-premessi 76 sa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-kontenut tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Diċembru 2009 u l-verżjoni aġġornata ta’ dan il-pjan ta’ Novembru 2010. ABN Amro kellha raġun dwar il-fatt li l-projezzjonijiet finanzjarji tal-imsemmi pjan ta’ ristrutturazzjoni ma jmorrux lil hinn mill-2013.

171

Madankollu, mill-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni jirriżulta li, f’din il-kawża, ma huwiex, fih innifsu, il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni tal-bank, kif iddefinit fil-verżjonijiet differenti tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li jikkaratterizza t-tmiem tal-applikazzjoni tal-miżura kkontestata, iżda t-tnaqqis tal-azzjonijiet tal-Istat Olandiż taħt il-limitu ta’ 50 %.

172

Id-deċiżjoni kkontestata ma torbotx direttament it-tmiem tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni inkwistjoni għat-tmiem tal-għajnuna. Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura tal-għajnuna mogħtija, jiġifieri għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni, hija tali li parzjalment ma tistax tkun irrimborsata, u dan ABN Amro ma tikkontestahx. F’din il-kawża, għaldaqstant ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita rabta diretta bejn it-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti, minn naħa, u data eventwali ta’ rimbors tal-għajnuna li tista’ titqies li timmarka l-punt tat-tmiem tal-tul tal-għajnuna, min-naħa l-oħra.

173

F’dan il-kuntest, jista’ jiġi osservat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il- Kummissjoni tirreferi wkoll għall-punt 139 tad-deċiżjoni tagħha C (2010) 726 finali, tal-5 ta’ Frar 2010, imsemmija fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni estendiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija bid-deċiżjoni tat-8 ta’ April 2009, billi wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sabiex tinkludi fiha xi miżuri ġodda. L-imsemmija premessa, li ssegwi l-premessa 138 ta’ din id-deċiżjoni fejn tissemma’ l-ħtieġa għal projbizzjoni fuq l-akkwisti sabiex ikunu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, tindika li, minħabba l-intervent ripetuti u enormi tal-Istat Olandiż favur FBN u ABN Amro N, il-pubbliku, u b’mod partikolari d-depożitanti, jistgħu jikkunsidraw li l-Istat jintervjeni mill-ġdid jekk iqumu diffikultajiet. Il-Kummissjoni żżid mal-imsemmija premessa li l-konsumaturi jistgħu jemmnu li l-entità l-ġdida ABN Amro hija bank b’saħħtu ħafna, u dan li jista’ jiffaċilita l-ġbir ta’ depożiti għall-grupp.

174

Żviluppi simili jinsabu fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 89 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija parti mid-diskussjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Fiha hemm riferiment għal-għodda tal-marketing użati minn FBN fl-2009 lejn investituri barranin, li jirreferu għall-fatt li l-proprjetà tal-Istat hija element pożittiv li tinkoraġġixxi l-fiduċja tad-depożitanti u tal-kredituri.

175

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni ABN Amro, kien rilevanti, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, li jiġi kkunsidrat li l-mument meta l-Istat Olandiż ma jżommx iktar il-kontroll ta’ ABN Amro kellu jitqies li huwa stima tad-data meta jispiċċa l-vantaġġ li ġej mill-għajnuna, li kien iġġustifikat minn kuntest ta’ ristrutturazzjoni. Fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 169 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għaldaqstant kellha dritt li tirreferi għall-proprjetà maġġoritarja tal-kapital ta’ ABN Amro mill-Istat Olandiż fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Jista’ jingħad ukoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, li mill-korrispondenza li tinsab fil-proċess jirriżulta li ABN Amro stess ripetutament użat, matul il-perijodu ta’ eżami, il-mument tat-tmiem ta’ sehem maġġoritarju tal-Istat bħala mument kruċjali għad-determinazzjoni tat-tmiem ta’ miżuri oħra ta’ mġiba, bħall-projbizzjonijiet ta’ reklamar jew il-politika dwar id-dividendi.

176

B’hekk rigward il-fatt li t-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti kien stabbilit għal ħames snin, fid-dawl tal-importanza mogħtija lill-konsegwenzi tal-preżenza tal-Istat, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-istrateġija tal-Istat Olandiż għal ħruġ tal-kapital ta’ ABN Amro huwa kjarament rilevanti. Il-Kummissjoni tiddeskrivi dan fil-premessi 87 u 88 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa rrilevat li l-Istat Olandiż spjega f’diversi ittri li kien jikkunsidra li għadda mill-proċedura ta’ sejħa pubblika inizjali għal offerti (initial public offering) bħala strateġija ewlenija ta’ ħruġ ta’ ABN Amro, peress li t-tqegħid tal-ewwel fażi tal-ishma tagħha f’firxa minn [kunfidenzjali] sa [kunfidenzjali] % jistgħu b’hekk jitqiesu li huwa [kunfidenzjali] l-iktar kmieni, filwaqt li offerta għas-suq fit-tieni fażi ta’ [kunfidenzjali] sa [kunfidenzjali] tista’ ssegwi fl-2015. Huwa speċifikat ukoll li l-Istat Olandiż beħsiebu jnaqqas is-sehem tiegħu għal massimu ta’ [kunfidenzjali] % qabel it-tmiem ta’ [kunfidenzjali] u li, finalment, huwa jipprevedi li jħalli kompletament il-kapital ta’ ABN Amro Capital, u dan jiddependi, finalment, fuq il-kundizzjonijiet tas-suq u l-kapaċità ta’ ABN Amro li tagħmel sejħa pubblika għal offerti. L-istrateġija ta’ ħruġ proposta għaldaqstant tirreferi kjarament għal tul ta’ iktar minn 4 snin mid-data tad-deċiżjoni kkontestata f’April 2011.

177

Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, it-tul ta’ ħames snin jinsab fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, li jservi bħala qafas ta’ referenza sabiex ikunu stabbiliti l-linji ġenerali tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti fid-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta, pereżempju, mill-punt 6.3, intitolat “Valutazzjoni tal-għajnuna u tal-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni ta’ Diċembru 2009 u tal-Pjan ta’ Ristrutturazzjoni aġġornat ta’ Novembru 2010 taħt il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni”. B’hekk, jissemma perijodu sa ħames snin massimu, b’mod partikolari fil-punt 37 tal-imsemmija komunikazzjoni rigward it-tul massimu li jista’ jingħata f’xi każijiet lill-banek sabiex jiġu implementati ċerti miżuri strutturali attivitajiet ta’ ċessjoni u ta’ tnaqqis ta’ attivitajiet.

178

Barra minn hekk, anki jekk ABN Amro tikkontesta b’qawwa li setgħet taqbel ma’ tul massimu ta’ ħames snin għall-projbizzjoni fuq l-akkwisti, dan l-istess tul massimu ta’ applikazzjoni jinstab ukoll f’parti oħra tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, l-Artikolu 6 jikkonċerna projbizzjoni għal ABN Amro li tirreferi għall-proprjetà tagħha mill-Istat bħala argument ta’ reklamar jew li tirreferi għal dan fil-komunikazzjonijiet iddestinati lil klijenti jew lil investituri attwali jew potenzjali. It-tul ta’ applikazzjoni tagħha huwa ddefinit bħala li tapplika għal “mill-anqas għal tliet snin mid-data ta’ din id-Deċiżjoni jew sad-data li fiha l-ishma tal-Pajjiżi l-Baxxi f’ABN Amro Group jaqgħu taħt 50 %, skont liema jiġi l-aħħar”. Jiżdied li din il-projbizzjoni “għandha tieqaf tapplika mill-anqas ħames snin mid-data ta’ din id-Deċiżjoni”.

179

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret il-komunikazzjonijiet, u b’mod partikolari l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, billi tapplika għall-projbizzjoni kkontestata tul massimu ta’ ħames snin.

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

180

Għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa fil-punti 68 sa 70 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, dan l-ilment huwa ammissibbli, iżda infondat.

181

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

182

ABN Amro ssostni li l-Kummissjoni, meta stabbilixxiet it-tul tal-projbizzjoni kif dan huwa pprovdut fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. B’mod partikolari hija ssostni li, jekk ċerti projbizzjonijiet ta’ akkwisti f’deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni huma iqsar, ħafna minnhom idumu tliet snin, mingħajr estensjoni. Barra minn hekk, it-tul eċċezzjonalment twil tal-projbizzjoni imposta fuqha hija f’kontradizzjoni mal-ammont sinjifikattivament iżgħar tal-għajnuna rċevuta mqabbel ma’ dik mogħtija lil ħafna mill-banek l-oħra li bbenefikaw minn għajnuna. Barra minn hekk, skont ABN Amro, fid-deċiżjonijiet Lloyds u RBS iċċitati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, minbarra l-fatt li l-firxa tar-restrizzjoni kienet iktar limitata, hija kienet marbuta mat-twettiq ta’ miżuri imposti fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tagħhom.

183

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ ABN Amro u tfakkar, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni tagħha ma tistax titqabbel mekkanikament ma’ dik ta’ banek oħra li għandhom japplikaw miżuri strutturali jew iħallsu remunerazzjoni ogħla, jew ukoll it-tnejn.

184

F’dan ir-rigward, kif diġà ġie eżaminat fil-kuntest tal-ewwel motiv, huwa diffiċli li jiġu stabbiliti sitwazzjonijiet realment paragunabbli fejn deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-għajnuna mill-Istat lill-banek matul il-kriżi finanzjarja, hekk li paragun, kif imressaq minn ABN Amro, rigward it-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti, tkun ftit rilevanti, peress li l-Kummissjoni twettaq analiżi każ b’każ (ara, b’mod partikolari, il-punt 113 iktar ’il fuq).

185

Barra minn hekk tfakkar fil-punt 114 iktar ’il fuq li, sa fejn il-Qorti Ġenerali setgħet tagħmel eżami komparattiv tal-klawżoli imposti fid-deċiżjonijiet varji, l-obbligu li tiġi stabbilita l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, jew il-fatt jekk hemmx kuntesti fattwali differenti li għalihom kienet applikat l-istess soluzzjoni, huwa ta’ ABN Amro.

186

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet kontemporanji oħra, għandu jiġi rrilevat, kif il-Kummissjoni ssostni, li d-deċiżjonijiet Lloyds u RBS għandhom ukoll projbizzjoni fuq l-akkwisti li t-tul ta’ applikazzjoni tagħhom jestendi lil hinn mit-tul “standard” ta’ tliet snin, imsemmi fil-punt 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni, u dan jikkontradixxi l-argument ta’ ABN Amro li l-banek l-oħra kellhom imposti fuqhom projbizzjoni ta’ tliet snin massimu.

187

Id-deċiżjoni RBS tirreferi, fil-premessa 108, għad-data ta’ skadenza wara tliet snin jew mid-data li fiha l-aħħar attivitajiet operazzjonali ġew ċeduti, peress li d-data l-iktar tardiva ġiet ikkunsidrata. Id-deċiżjoni Lloyds għandha formulazzjoni simili, iżda l-formulazzjoni eżatta tal-avveniment determinati alternattiv għat-tul minimu ta’ tliet snin huwa moħbi għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Madankollu, jista’ jinftiehem mill-argument tal-Kummissjoni li dan huwa wkoll il-każ f’dan il-każ mill-mument li jitwettqu ċerti miżuri strutturali.

188

ABN Amro ssostni, li l-fatt li f’dawn tul żewġ deċiżjonijiet hemm tul massimu marbut mal-implementazzjoni ta’ miżuri strutturali jagħmel id-diskriminazzjoni kontra tagħha iktar iebsa peress li hija kostretta biss b’miżuri ta’ mġiba.

189

Issa, kif il-Kummissjoni tispjega, iż-żewġ banek inkwistjoni kkonċernati kienu sfurzati li jagħmlu ċessjonijiet, u dan fil-kuntest tal-impenn sabiex jitnaqqas l-impatt tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u mhux bħala miżuri sabiex terġa’ tkun sostenibbli. Li jiġi pretiż, kif tagħmel ABN Amro, li minn dan isegwi li hija għandha tirċievi trattament iktar favorevoli, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-miżura ta’ mġiba imposta fuqha, hija argumentazzjoni li ma tistax tirnexxi. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li hija tallega, huwa speċjalment rilevanti li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta’ mġiba, fl-assenza ta’ miżuri strutturali.

190

Għaldaqstant ma huwiex stabbilit li paragun ma’ deċiżjonijiet oħra ta’ għajnuna mill-Istat kontemporanji jistgħu jikkontestaw il-legalità tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda t-tul tal-projbizzjoni li fiha.

191

Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

192

ABN Amro ssostni li t-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti hija sproporzjonata. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma ressqet ebda argument konvinċenti sabiex tiġġustifika l-estensjoni tal-projbizzjoni li ma jsirux akkwisti lil hinn minn tliet snin u hija ċertament ma stabbilixxietx il-ħtieġa għal din l-estensjoni.

193

Hija tirrileva li, peress li l-Istat Olandiż kellu l-intenzjoni li jċedi l-ishma tiegħu f’porzjonijiet, b’hekk il-projbizzjoni b’hekk ifformulata ma tagħmilx l-offerta ta’ dawn l-ishma iktar attraenti għall-investituri, u għaldaqstant dawn tal-aħħar kienu inqas lesti li jinvestu jew xtaqu jinvestu biss bi prezz iktar baxx. Issa, hija ssostni li huwa fl-interess pubbliku li l-Istat Olandiż jikseb profitt ogħla u li l-Kummissjoni tiffavorixxi privatizzazzjoni mgħaġġla. Hija ssostni li, għal din ir-raġuni, l-Istat Olandiż u hija stess kienu pproponew li t-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwist jintrabat mal-akkwisti, maż-żamma mill-Istat Olandiż ta’ iktar minn 80 % tal-ishma, iżda li l-Kummissjoni injorat din il-proposta.

194

Barra minn hekk, ABN Amro tistaqsi dwar il-fatt għaliex perijodu ta’ projbizzjoni ta’ inqas minn ħames snin ma setax jikseb l-għan imfittex mill-projbizzjoni.

195

ABN Amro żżid li sabiex l-argument, li jgħid li t-tnaqqis tal-proprjetà tal-Istat għal 50 % kien reġa’ ġab il-kunfidenza tal-kredituri u tad-depożitanti fl-istess livell bħal dak ta’ qabel Ottubru 2008, seta jirnexxi, hija għandha tikkunsidra li l-proprjetà tal-Istat tkun ekwivalenti għal għajnuna mill-Istat, u dan imur kontra l-Artikolu 345 TFUE. ABN Amro tikkunsidra li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa intrinsikament falz minħabba li l-kunfidenza ispirata mill-proprjetà tal-Istat tista’ tippersisti tajjeb ukoll lil hinn minn dan il-limitu, minħabba li hija marbuta mal-istatus tagħha bħala bank ta’ importanza sistemika u l-probabbiltà, minħabba dan l-istatus, li l-Istat Olandiż jintervjenu f’każ ta’ kriżi.

196

Fl-aħħar nett, ABN Amro tindika li ma tistax tifhem fuq liema bażi l-Kummissjoni tikkunsidra li l-fiduċja tal-pubbliku tonqos meta l-Istat ibigħ 50 % tal-azzjonijiet tiegħu. L-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tistabbilixxi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet xierqa għat-tmiem tal-projbizzjoni ma setgħux jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet arbitrarji.

197

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie osservat.

198

Qabel kollox għandhom jitfakkru l-karatteristiċi tal-eżami ta’ proporzjonalità ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kuntest partikolari ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat b’riżerva ta’ kundizzjonijiet mhux aċċettati minn qabel mill-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, isir riferiment għall-punti 74 sa 82 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, mill-ġdid, ma huwiex neċessarju li tittieħed pożizzjoni definittiva dwar il-limiti tal-eżami tal-Qorti Ġenerali rrilevati f’dawn l-imsemmija punti peress li, fi kwalunkwe każ, ABN Amro tonqos milli turi li l-estensjoni tal-projbizzjoni lil hinn minn perijodu ta’ tliet snin, skont il-modalitajiet prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

199

Fir-rigward tal-għan imfittex mill-projbizzjoni inkwistjoni, għandu jitfakkar li din hija imposta primarjament abbażi tal-prinċipju li l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju, li f’isimha huwa kkunsidrat li l-fondi allegatament disponibbli sabiex isiru akkwisti għandhom pjuttost jitħallsu lill-Istat, pereżempju permezz ta’ dividendi addizzjonali.

200

Mill-eżami tat-tieni lment tat-tieni parti ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-projbizzjoni fuq l-akkwisti inkwistjoni tista’ manifestament tissodisfa għal dan l-għan sa fejn hija tapplika għal tul massimu ta’ ħames snin, b’mod partikolari peress li t-tmiem ta’ dan il-perijodu huwa sostitwit fil-mument tat-tmiem tal-għajnuna, li lil hinn minnu l-loġika ta’ kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għar-rimbors jew għal-limitazzjoni tal-għajnuna titlef il-loġika kollha tagħha. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-motiv sussidjarju ta’ limitazzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, il-punti 173 sa 175 iktar ’il fuq).

201

Rigward l-argumenti konkreti mressqa minn ABN Amro, l-ewwel nett, l-argument ibbażat fuq in-neċessità li jitqies it-telf ta’ valur tal-bank għall-investituri potenzjali li jirriżulta mill-projbizzjoni inkwistjoni, u għaldaqstant li jimpedixxi, hija qed issostni, il-ħruġ malajr tal-Istat Olandiż mill-azzjonijiet ta’ ABN Amro, ma jistax jirnexxi fid-dawl tal-għan li tiġi limitata l-għajnuna għall-minimu neċessarju. Li ma tiġix imposta projbizzjoni fuq l-akkwisti tant vinkolanti sabiex ikun hemm prezz aħjar għall-Istat fil-kuntest ta’ offerta pubblika ta’ xiri huwa manifestament miżura iktar indiretta u għaldaqstant inqas effikaċi sabiex jintlaħaq l-istess għan.

202

It-tieni nett, ABN Amro ma tressaq ebda prova konkreta insostenn tal-argument tagħha li t-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti jkollu impatt negattiv fuq il-prezz tal-ishma li jinsabu għall-bejgħ lill-investituri privati. Ċertament, dawn tal-aħħar ser iqisu r-restrizzjonijiet imposti fuq il-bank, iżda ma huwiex stabbilit li huma mhux ser ikunu jistgħu jifhmu li l-projbizzjoni taqa’ f’każ ta’ privatizzazzjoni parzjali. Dan l-argument għaldaqstant ma huwiex konvinċenti.

203

It-tielet nett, mill-proċess jirriżulta li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni tasal sabiex torbot it-tmiem tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti għall-mument tal-privatizzazzjoni totali ta’ ABN Amro. Din tal-aħħar ma tistax għaldaqstant issostni li r-raġunament tal-Kummissjoni ma huwiex koerenti meta hija tikkunsidra li l-fiduċja ta’ terzi tkun affettwata għal livell terz minbarra l-privatizzazzjoni sħiħa, għaliex huwa matul in-negozjati madwar il-limitazzjoni tal-projbizzjoni li din il-pożizzjoni żviluppat lejn soluzzjoni inqas restrittiva għal ABN Amro.

204

Barra minn hekk, l-Istat Olandiż u ABN Amro aċċettaw, jew ipproponew it-telf ta’ kontroll fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bħala punt ta’ referenza għat-tmiem tal-miżuri ta’ mġiba matul in-negozjati, kif ukoll jirriżulta b’mod partikolari mill-offerti ta’ miżuri magħmula fit-30 ta’ Lulju u s-6 ta’ Settembru 2010. Huwa biss fi stadju iktar avvanzat tad-diskussjonijiet li l-limitu ta’ 80 % tal-azzjonijiet deher kif ukoll l-ispjegazzjoni relatata mal-ħtieġa għall-Istat Olandiż li jista’ jikseb prezz tajjeb fil-każ ta’ offerta pubblika ta’ xiri. Issa, fid-dawl tal-analiżi magħmula fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv hawn fuq, ma huwiex stabbilit li ċ-ċessjoni mill-Istat ta’ sehem ta’ 20 % tal-azzjonijiet tal-bank, ikun punt ta’ referenza xieraq sabiex jiddefinixxi t-tmiem tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-għajnuna.

205

Ir-raba’ nett, dwar il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra li l-fiduċja tal-kredituri u tad-depożitanti kienet vantaġġ li tirriżulta mill-proprjetà tal-Istat bħala riżultat tal-użu, minbarra t-tweġibiet diġà pprovduti fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tat-tieni motiv, id-dokumenti maħruġa mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni li l-Kummissjoni invokat fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, huma insostenn tal-argumentazzjoni tagħha. Minn dan jirriżulta li ma hijiex biss il-pożizzjoni ta’ ABN Amro bħala bank li għandu importanza sistemika jew “kbir ħafna sabiex ifalli” li jispira fiduċja, iżda wkoll il-fatt li l-Istat Olandiż jipparteċipa effettivament fl-azzjonijiet. Is-silta mir-rapport ta’ aġenzija ta’ klassifikazzjoni tas-6 ta’ Jannar 2011 iċċitata mill-Kummissjoni hija illuminanti, sa fejn huwa fih li l-aġenzija inkwistjoni “tikunsidra l-proprjetà attwali, iżda temporanju, tal-Istat Olandiż u s-sostenn tal-proprjetarji tagħha bħala vantaġġ ewlieni għas-sostenn tal-klassifikazzjonijiet ta’ [ABN Amro]”.

206

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li, fl-assenza ta’ kontroll tal-Istat Olandiż qabel din id-data, il-projbizzjoni fuq l-akkwisti ser tintemm awtomatikament wara ħames snin, minbarra l-analoġija diġà rrilevata mqajma fil-kuntest tat-tieni taqsima, li tgħid li l-paragrafu 37 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni li jikkonċerna l-miżuri strutturali jirreferi wkoll għal tul massimu ta’ ħames snin sabiex jimplementa tali miżuri, għandu jitfakkar li t-tul tal-projbizzjoni huwa marbut, lil hinn mit-tul ta’ tliet snin, mhux ikkontestati minn ABN Amro, b’mod kruċjali, mal-mument tat-telf ta’ kontroll mill-Istat Olandiż. Issa, il-legalità ta’ dan l-approċċ ma tistax tkun ikkontestata fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni taqsima ta’ dan il-motiv.

207

Barra minn hekk, huwa ċar mill-istrateġija ta’ ħruġ proposta mill-Istat Olandiż (ara wkoll id-diskussjoni dwar it-tieni parti ta’ dan il-motiv iktar ’il fuq) li dan tal-aħħar beħsiebu jagħmel it-tieni porzjon ta’ [kunfidenzjali] sa [kunfidenzjali] % tal-azzjonijiet biss fl-2015, jiġifieri erba’ snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

208

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ipoteżi li jgħid li l-perjodu massimu ta’ ħames snin jista’ wkoll ikun favur l-Istat Olandiż, jiġifieri li l-projbizzjoni taqa’ qabel ma hija tkun tista’ tbigħ il-maġġoranza tal-azzjonijiet, ma jistax jiġi eskluż.

209

Għaldaqstant ma ntweriex li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ddefinixxiet it-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE

210

ABN Amro ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha dwar it-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti, fir-rigward, b’mod partikolari, tan-neċessità tal-miżura, tal-possibbiltà li jiġu aċċettati miżuri inqas restrittivi u oġġezzjonijiet ifformulati matul il-proċedura ta’ eżami, b’tali mod li hija tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi tadotta l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

211

ABN Amro ssostni, barra minn hekk, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Hija tikkunsidra li l-ispjegazzjoni, li biha t-tmiem tal-proprjetà tal-Istat jippermetti li jiġi stmat meta l-vantaġġ ibbażat fuq l-għajnuna jintemm, la hija ċara u lanqas korretta. Bl-istess mod, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija difettuża sa fejn il-Kummissjoni ma tispjegax għaliex limitu ta’ 50 % ta’ sehem fil-bank huwa kriterju rilevanti (u mhux, pereżempju, limitu ta’ 20 %) jew għaliex perjodu itwal kien rikjest imqabbel mat-tul tal-projbizzjonijiet imposti fuq banek oħra.

212

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl ta’ bosta skambji tagħha mal-Istat Olandiż u ma’ ABN Amro, dwar il-projbizzjoni fuq l-akkwisti matul il-proċedura ta’ eżami, u l-iżvilupp tal-pożizzjoni tagħha matul dan il-perjodu, hija ma tiksirx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tispjega b’mod ċar il-motivazzjoni li hija abbażi tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti.

213

F’dan ir-rigward, qed isir riferiment għall-punti 128 u 131 sa 133 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ parti tal-ewwel motiv għal tfakkira tal-ġurisprudenza rilevanti.

214

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat il-fatti rilevanti bl-attenzjoni dovuta. Mill-proċess jirriżulta li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni żviluppat, mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rabta bejn it-tmiem tal-projbizzjoni inkwistjoni u l-privatizzazzjoni totali ta’ ABN Amro lejn l-aċċettazzjoni ta’ rabta bejn it-tmiem tal-projbizzjoni u l-mument li fih l-Istat Olandiż tilef il-maġġoranza tal-kapital ta’ ABN Amro. Ċertament, hija rrifjutat proposti tal-imsemmi Istat u ta’ ABN Amro tirreferi għal ċessjonijiet ta’ ishma iżgħar, iżda ma jistax jiġi dedott ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ta’ nuqqas ta’ qbil fuq il-mertu.

215

Fit-tieni lok, mingħajr ma kien hemm ħtieġa li tiġi solvuta l-kwistjoni dwar liema hija l-estensjoni reali tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ miżura konkreta li taqa’ taħt numru ta’ miżuri li abbażi tagħhom hija setgħet tikkunsidra li, meta jiġi kkunsidrat ukoll il-pjan ta’ ristrutturazzjoni li hija ġiet suġġetta għalih, għajnuna għal bank kienet kompatibbli mas-suq uniku, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mmotivat it-tul tal-prohbizzjoni fuq l-akkwisti b’mod suffiċjenti fid-dritt.

216

Ċertament, id-deċiżjoni kkontestata ftit għandha informazzjoni dwar it-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti u ma għandha, b’mod partikolari, l-ebda informazzjoni dwar is-suġġett ta’ soluzzjonijiet alternattivi msemmija matul il-proċedura ta’ eżami, lanqas meta mqabbla mas-soluzzjonijiet adottati f’deċiżjonijiet oħra.

217

Madankollu ma hijiex għaldaqstant ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

218

Fil-fatt, il-premessa 311 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-punt 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni għal tul massimu ta’ tliet snin. Il-premessa 312 tal-imsemmija deċiżjoni, billi tirreferi għal-limitu ta’ 50 %, għan-natura mhux rimborsabbli tal-għajnuna kif ukoll għal-fatt li l-imsemmi limitu huwa sostitut sabiex tiġi stmata d-data li fiha l-vantaġġ miksub permess tal-għajnuna tispiċċa li tipproduċi l-effetti tagħha, tispjega r-rabta bejn il-proprjetà tal-Istat u t-tul tal-prohbizzjoni fuq l-akkwisti.

219

Dwar it-terminu alternattiv posterjuri ta’ ħames snin sabiex jintlaħaq it-tmiem tat-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti, dan huwa kompriż b’mod impliċitu fid-dawl tal-kalendarju propost mill-Istat Olandiż għall-istrateġija ta’ ħruġ tagħha. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tul massimu ta’ applikazzjoni għall-interdizzjoni jimplika tul massimu li għandu wkoll jiġi ddefinit. Dak ta’ ħames snin huwa għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, loġiku u proporzjonali.

220

Fl-aħħar nett, rigward l-argument li bih il-Kummissjoni kellha tispjega għaliex it-tul tal-projbizzjoni imposta fuq ABN Amro kienet itwal minn dik prevista f’deċiżjonijiet oħra, il-Kummissjoni ġustament issostni li hija obbligata tiġġustifika l-analiżi tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna biss imqabbla mal-linji gwida għas-settur li jinsabu fil-komunikazzjonijiet u mhux imqabbla ma’ kwalunkwe deċiżjoni oħra.

221

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

222

Għaldaqstant, u fi kwalunkwe każ, u b’mod partikolari mingħajr il-ħtieġa li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-argument imressaq mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li jgħid li ma jistgħux jintlaqgħu t-talbiet ta’ ABN Amro li jirrigwardaw biss l-annullament tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi sseparata mill-Artikolu 1 u l-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-analiżi tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għal dik tal-Kummissjoni, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

223

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li ABN Amro tilfet, hemm lok li jkun deċiż li hija tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

ABN Amro Group NV hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ April 2014.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ewwel motiv, intiż għall-portata tal-projbizzjoni li jsiru akkwisti

 

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE kif ukoll fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet

 

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet

 

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE

 

Fuq it-tieni motiv, dwar it-tul tal-prohbizzjoni fuq l-akkwisti

 

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 345 TFUE, sa fejn it-tul tal-projbizzjoni fuq l-akkwisti jiddependi fuq is-sehem miżmum mill-Istat

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE kif ukoll applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet

 

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjonijiet

 

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

 

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Data kunfidenzjali mħollija barra

Top