EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TJ0299_EXT

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Ottubru 2015 (Estratti).
European Dynamics Luxembourg SA et vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).
Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi esterni marbuta mal-amministrazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti u ta’ pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika – Klassifikazzjoni ta’ offerenti fi proċedura ta’ kaskata – Kriterji ta’ għoti – Ugwaljanza tal-opportunitajiet – Trasparenza – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Telf ta’ opportunità.
Kawża T-299/11.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:757

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Ottubru 2015 ( *1 ) ( 1 )

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi esterni marbuta mal-amministrazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti u ta’ pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika — Klassifikazzjoni ta’ offerenti fi proċedura ta’ kaskata — Kriterji ta’ għoti — Ugwaljanza fl-opportunitajiet — Trasparenza — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Telf ta’ opportunità”

Fil-Kawża T‑299/11,

European Dynamics Luxembourg SA, stabbilita f’Ettelbrück (il-Lussemburgu),

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

European Dynamics Belgium SA, stabbilita f’Brussell (il-Belġju),

inizjalment irrappreżentati minn N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, sussegwentement minn I. Ampazis, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn N. Bambara u M. Paolacci, bħala aġenti, assistiti minn P. Wytinck u B. Hoorelbeke, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-UASI, adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa AO/021/10, intitolata “Servizzi esterni marbuta mal-amminstrazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti u ta’ pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika”, u kkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Marzu 2011, li tikklassifika l-offerta tal-ewwel rikorrent it-tielet post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt kwadru u, min-naħa l-oħra, talbiet għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 2 )

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti European Dynamics Luxembourg SA, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, u European Dynamics Belgium SA, huma attivi fis-settur tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni u jippreżentaw offerti b’mod regolari fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti mibdija minn organi u istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni Ewropea, fosthom mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

2

Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tat-28 ta’ Awwissu 2010, l-UASI ippubblika fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010/S 167‑255574) sejħa għal offerti, taħt ir-referenza AO/021/10, intitolat “Servizzi esterni marbuta mal-amminstrazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti u pariri tekniċi fil-qasam tat-tekonoloġiji tal-informatika”, (external service provision for programme and project management and technical consultancy in the field of information technologies) li warajh l-ewwel rikorrenti ppreżenta offerta fil-11 ta’ Ottubru 2010. Il-kuntratt li kien ser jingħata kien jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi esterni marbuta mal-amministrazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika, kif ukoll dik ta’ pariri tekniċi marbuta ma’ kull tip ta’ sistema tal-informatika u fl-oqsma teknoloġiċi kollha.

[omissis]

4

Skont il-punt II.1.4 tal-avviż tal-kuntratt, il-kuntratt kien jikkonċerna l-għoti ta’ kuntratti kwadri (framework agreement) għal terminu massimu ta’ erba’ snin b’numru massimu ta’ tliet fornituri ta’ servizz. F’dan ir-rigward, il-punt 14.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (tender specifications) (Anness I tal-fajl tas-sejħa għal offerti) kien jispeċifika li l-imsemmija kuntratti-kwadri għandhom jiġu konklużi skont il-mekkaniżmu msejjaħ “ta’ kaskata”. Dan il-mekkaniżmu jfisser li, jekk l-offerent ikklassifikat fl-ewwel post ma jkunx f’pożizzjoni li jipprovdi s-servizzi rikjesti, l-UASI għandu jdur lejn l-offerenti ikklassifikat fit-tieni post, u wara fuq dak ta’ warajh. Barra minn hekk, skont il-punt IV.2 tal-avviż tal-kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata lill-offerta li tkun l-iktar vantaġġuża mil-lat ekonomiku.

5

Abbażi tal-evalwazzjoni teknika, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jistiednu lill-offerenti jippreżentaw “il-kompiti u l-attivitajiet li għandhom jiġu eżegwiti bil-għan li jiġi ġestit u mmexxi sewwa l-proġett imsemmi fl-ipoteżi tax-xogħol Nru 1 ”. (Clearly describe and justify the tasks and activities to be executed to manage and successfully achieve the project presented in the work hypothesis 1) Din l-ipoteżi tax-xogħol, esposta fl-Anness 18 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kienet tipprevedi l-istabbiliment mill-UASI ta’ “proġett ta’ stabbiliment ta’ sistema tal-informatika”. (The OHIM is setting up a project to build an information system)

6

Għal dan l-għan, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jiddikjaraw, fil-punt 13.3 tagħhom, ħames kriterji tal-għoti li huma kif ġej:

“kriterju [tal-għoti] Nru 1: l-offerenti għandu jippreżenta l-kompiti u l-attivitajiet li huwa għandu jwettaq fil-qasam tal-amminstrazzjoni tal-proġett, abbażi tal-metodoloġija u l-esperjenza tiegħu, inkluż b’mod partikolari (iżda mhux esklużivament) dan li ġej: (based on its methodology and experience, the tenderer must present the tasks and activities he/she would perform in terms of project management. This includes in particular (but not exclusively):)

a)

kontroll progressiv [jiġifieri kontroll tal-avvanz tax-xogħolijiet]; (progress control)

b)

proċedura ta’ amminstrazzjoni tal-kwistjonijiet li jinqalgħu; (issue management process)

ċ)

proċedura ta’ amminstrazzjoni tat-tibdil; (change management process)

d)

amminstrazzjoni tal-proċeduri ta’ intervent ta’ eskalazzjoni; (escalations)

e)

programm ta’ kapitalizzazzjoni tal-esperjenza; (lessons learnt programme)

f)

pjan ta’ komunikazzjoni; (communications plan)

ġ)

proċeduri ta’ aċċettazzjoni ta’ prodott li għandu jingħata (deliverable acceptance procedures)

(40 punt, b’livell minimu ta’ 20 punt);

Kriterju [tal-għoti] Nru 2: l-offerent għandu jippreżenta l-kompiti u l-attivitajiet li huwa għandu jwettaq fil-qasam tal-pariri tekniċi, abbażi tal-metodoloġija u tal-esperjenza tiegħu, inkluż b’mod partikolari (iżda mhux esklużivament) dan li ġej: (based on its methodology and experience, the tenderer must present the tasks and activities he would perform in terms of technical consultancy. This could include in particular (but not exclusively) activities, such as:)

a)

evalwazzjoni tal-arkitettura; (architecture assessment)

b)

analiża tal-prestazzjoni; (performance analysis)

ċ)

evalwazzjoni tas-sigurtà; (security assessment)

d)

integrazzjoni ta’ sistemi oħra (integration with other systems)

(30 punt, b’livell minimu ta’ 10 punti);

kriterju [tal-għoti] Nru 3: allokazzjoni tal-isforz ikkalkulat għal kull kompitu u għal kull attività tal-amminstrazzjoni tal-proġett (10 punti); (the estimated effort allocated to each task and activity of the project management)

kriterju [tal-għoti] Nru 4: allokazzjoni tal-isforz ikkalkulat għal kull kompitu u għal kull attività ta’ parir tekniku (10 punti); (the estimated effort allocated to each task and activity of the technical consultancy)

kriterju [tal-għoti] Nru 5: ippjanar tal-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti kollha u ta’ dawn l-attivitajiet kollha (bl-użu ta’ Microsoft Project jew ta’ programm ekwivalenti) (10 punti).” (the planning of the execution of all these tasks and activities (using Microsoft Project or equivalent programme)

[omissis]

8

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Marzu 2011, l-UASI informa lir-rikorrenti bir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/021/10 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-għoti”) u indikalhom li l-offerta tal-ewwel rikorrenti ġiet ikklassifikata fit-tielet post, fatt li kien jirrendiha parti kontraenti ta’ riżerva f’kaskata.

[omissis]

11

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2011, l-UASI żvela lill-ewwel rikorrenti l-ismijiet tal-kontraenti l-oħra li ġew ikklassifikati fl-ewwel u fit-tieni post, jiġifieri l-consortium Unisys SLU u Charles Oakes & Co. Sàrl rispettivament, bis-subkuntrattur Unisys Belgium SA, minn-naħa, u ETIQ Consortium (by everis u Trasys), min-naħa l-oħra. Din l-ittra kienet tinkludi barra minn hekk tabella li tindika n-noti miksuba minn kull kontraenti għall-kriterji differenti ta’ kwalità teknika.

12

It-tabella kienet kif ġej:

Kriterju kwalitattivConsortium UnisysETIQ ConsortiumEuropean DynamicsKriterju kwalitattiv 1 (40)40.0021.8822.81Kriterju kwalitattiv 2 (30)28.0020.0024.50Kriterju kwalitattiv 3 (10)1064Kriterju kwalitattiv 4 (10)668Kriterju kwalitattiv 5 (10)778Punti totali (100)91.0060.8867.31Punti totali99.8666.8073.87

13

Barra minn hekk, f’din l-ittra, l-UASI espona r-raġunijiet li abbażi tagħhom huwa kien attribwixxa lill-offerta tal-ewwel rikorrent in-numru ta’ punti indikati rispettivament fl-aħħar kolonna tat-tabella msemmija iktar ’il fuq għal kull wieħed mill-kriterji ta’ kwalità teknika rilevanti. Fir-rigward tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames talba tal-ewwel rikorrenti (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), l-UASI kkonferma li, skont il-linji gwida dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, (following the guidelines for the public access to documents concerning procurement and grant ward procedures) ma kienx awtorizzat li jiżvela la r-rapport ta’ evalwazzjoni, la l-ismijiet tal-membri tal-kumitat, u lanqas l-offerti finanzjarji tal-kontraenti l-oħra.

[omissis]

19

Permezz ta’ ittra konġunta tat-18 ta’ April 2011, ir-rikorrenti informaw lill-UASI bil-fatt li huma kienu jikkunsidraw li l-motivazzjoni vaga u ġenerika, kif esposta fl-ittra tiegħu tal-11 ta’ April 2011, ma kinitx suffiċjenti u li din ma kinitx tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Barra minn hekk, huma tennew it-talba tagħhom li jikkomunikalhom, b’mod partikolari, l-offerti finanzjarji tal-kontraenti l-oħra kif ukoll kopja sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti esponew fid-dettall, fir-rigward ta’ kull waħda mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-UASI fuq il-kriterji differenti tal-kwalità teknika tal-offerta tagħhom, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom, fl-opinjoni tagħhom, l-evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti kienet difettuża u żbaljata, jew anki vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Fl-aħħar, ir-rikorrenti stiednu lill-UASI sabiex jikkunsidraw mill-ġdid ir-riżultat tal-evalwazzjoni tiegħu, li jipprovdihom b’ġustifikazzjonijiet fid-dettall għad-deċiżjonijiet tiegħu u li jikkoreġi l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni invokati.

20

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2011, l-UASI kkomunika lir-rikorrenti t-tabella li ġejja li tesponi li l-punti li kienu ġew attribwiti lill-offerta finanzjarja tagħhom kif ukoll lill-offerti l-oħra tal-kontraenti l-oħra:

 

Kriterju 1 (60)

Kriterju 2 (40)

Total (100)

Punti finanzjarji

ETIQ Consortium (by everis u Trasys)

60.00

35.59

95.59

100.00

European Dynamics

40.00

40.00

80.00

83.69

Consortium Unisys SLU u Charles Oakes & Co Sàrl

34.14

38.61

72.75

76.11

Barra minn hekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kriterji tal-għoti teknika, l-UASI indika lir-rikorrenti li huwa kien ser jagħtihom risposta sħiħa fil-ġranet ta’ xogħol suċċessivi.

[omissis]

22

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Mejju 2011, trażmessa b’faks tat-12 ta’ Mejju 2011, l-UASI essenzjalment tenna l-evalwazzjonijiet tiegħu inklużi fl-ittra tiegħu tal-11 ta’ April 2011 dwar l-evalwazzjoni tal-kwalità teknika tal-offerta tal-ewwel rikorrenti.

[omissis]

28

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti kkontestaw l-approċċ tal-UASI u indikaw li huma kienu issa obbligati li jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

[omissis]

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

30

Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

31

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

32

It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2015.

33

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjaw, min-naħa, għar-raba’ motiv tagħhom, ibbażat fuq ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-Artikolu 93(1)(f), tal-Artikolu 94 u tal-Artikolu 96 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1. Vol. 44, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju ġenerali”), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390, p. 1), u tal-Artikoli 133 u 134 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament [finanzjarju ġenerali] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem il-“modalitajiet ta’ implementazzjoni”), u, min-naħa l-oħra, għal-kap tat-talbiet tagħhom marbuta mal-kumpens għad-danni abbażi tat-telf tal-benefiċċju raġonevolment mistenni. Barra minn hekk, fid-dawl tad-digriet tat-12 ta’ Settembru 2013, European Dynamics Luxembourg et vs UASI (T‑556/11, Ġabra, EU:T:2013:514), l-UASI rrinunzja għall-motiv tiegħu ta’ inammissibbiltà dirett kontra t-talbiet għal annullament u għal kumpens. Ittieħdet nota ta’ dawn ir-rinunzji fil-verbal tas-seduta.

34

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-għoti, ikkomunikata bl-ittra tat-28 ta’ Marzu 2011, sa fejn din tikklassifika l-offerta tagħha fit-tielet post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata;

tannulla d-deċiżjonijiet l-oħra kollha konnessi tal-UASI, inklużi dawk li jattribwixxu l-kuntratt inkwistjoni lill-offerenti kklassifikati rispettivament l-ewwel u t-tieni fil-mekkaniżmu ta’ kaskata;

tikkundanna lill-UASI għal kumpens fl-ammont ta’ EUR 650000 għad-dannu subit mir-rikorrenti b’riżultat tal-telf ta’ opportunità u l-effett ħażin għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà tagħhom;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

35

L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

1. Fuq it-talba għal annullament

Taqsira tal-motivi għall-annullament

36

Insostenn tat-talba tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jinvokaw, wara rinunzja għar-raba’ motiv (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), tliet motivi.

37

Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-UASI kiser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali u l-Artikolu 149 tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, billi rrifjuta li jagħtihom spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni tal-għoti.

38

Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw “ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt” (infringement of the tender specifications), sa fejn l-UASI ikkunsidra, għad-detriment tagħhom, kriterji tal-għoti ġodda li ma humiex inklużi fl-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

39

Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jilmentaw li l-UASI wettaq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

40

Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li jiġi evalwat, qabel xejn, it-tieni motiv, suċċessivament, it-tielet motiv u, finalment, l-ewwel motiv.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

41

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw, b’mod partikolari, l-analiżi komparattiv, fid-dawl tal-ewwel kriterju tal-għoti, tal-offerta tagħhom meta mqabbla mal-offerti tal-kontraenti l-oħra, li l-awtorità kontraenti esposti fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Mejju 2011. F’din l-ittra, ġie indikat dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari, li “[...] l-offerti [tal-kontraenti l-oħra] li jissodisfaw l-ewwel kriterju tal-għoti b’mod tajjeb ħafna, jew anki b’mod eċċellenti, jipprovdu għal ‘użu tajjeb ħafna tal-kwadru Prince2, billi jispjegaw qabel xejn il-kuntest’ qabel ma jiddefinixxu l-mod dan ser jintuża għall-UASI, b’tali mod li l-imsemmija offerti jkopru l-aspetti kemm teoretiċi kif ukoll parttiki tal-użu tal-kwadru Prince2”. Barra minn hekk, skont din l-istess ittra, dawn l-offerti “jidentifikaw l-amminstrazzjoni tat-tibdil u l-komunikazzjoni bħala żewġ kompiti l-iktar essenzjali għas-suċċess tal-proġett ” (ara l-punt 23 iktar ’il fuq).

42

Skont ir-rikorrenti, essenzjalment, din l-evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti ma hijiex sostnuta mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u hija msejsa fuq elementi, fosthom il-metodoloġija Prince2, li ma nġabux għall-konjizzjoni tal-offerenti b’mod tempestiv. Lanqas ma jirriżulta mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li ż-żewġ sotto-kriterji “amminstrazzjoni tat-tibdil” u “komunikazzjoni” kienu, mill-perspettiva tal-UASI, l-“iktar essenzjali”. Għalhekk, l-awtorità kontraenti introduċiet a posteriori kriterju ġdid u attribwiet piż ġdid għall-imsemmija sotto-kriterji.

43

Skont l-UASI, dan il-motiv huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-ittra tiegħu tat-2 ta’ Mejju 2011, li ma tirrilevax l-introduzzjoni ta’ kriterji tal-għoti ġodda. Min-naħa, l-UASI ifakkar li, skont l-ewwel kriterju tal-għoti, l-offerenti kienu mistiedna li jiddeskrivu l-kompiti u l-attivitajiet li huma kienu sejrin iwettqu inkonnessjoni mal-amministrazzjoni tal-proġetti. Issa, Prince2 huwa wieħed mill-metodoloġiji disponibbli li r-rikorrenti stess għażlu għal dan l-għan. Min-naħa l-oħra, il-fatt li ġie indikat li l-aħjar offerti “identifikaw l-amminstrazzjoni tat-tibdil u l-komunikazzjoni bħala ż-żewġ kompiti l-iktar essenzjali għas-suċċess tal-proġett” bl-ebda mod ma jekwivali għal introduzzjoni ta’ kriterju tal-għoti ġdid u lanqas mal-applikazzjoni ta’ fattur ta’ ppeżar a posteriori, peress li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jispeċifikaw li l-offerenti għandhom jiddeskrivu l-kompiti u l-attivitajiet li huma sejrin jeżegwixxu inkonnessjoni mal-amministrazzjoni tal-proġetti, fosthom il-proċess ta’ amministrazzjoni tat-tibdil u l-pjanijiet ta’ komunikazzjoni. L-ebda nota speċifika ma kienet assoċjata ma’ dawn is-sotto-kriterji u l-UASI sempliċiment ikkonferma li kontraenti l-oħra fehmu korrettament li l-amministrazzjoni tat-tibdil u l-komunikazzjoni kienu jirrappreżentaw iż-żewġ kompiti l-iktar essenzjali.

44

Hemm lok li jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-awtorità kontraenti hija obbligata li tiżgura f’kull stadju ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, ir-rispett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u konsegwentement, ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn l-offerenti. Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ifisser li l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza kemm fil-mument meta dawn jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll fil-mument meta dawn jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti. Dan jimplika, b’mod iktar partikolari, li l-kriterji tal-għoti għandhom jiġu fformulati, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt, b’mod li jkunu jippermettu lil kull offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti li jinterpretahom bl-istess mod, waqt l-evalwazzjoni tal-offerti, peress li dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati b’mod oġġettiv u uniformi fir-rigward tal-offerenti kollha (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑251/09, EU:C:2011:84, punti 39 u 40; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Astrim u Elyo Italia vs Il-Kummissjoni, T‑216/09, EU:T:2012:574, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ trasparenza, li essenzjalment għandu l-għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti, jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-proċedura tal-għoti għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti lill-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha li jifhmu l-portata eżatta u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li tqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Astrim u Elyo L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2012:574, punt 37, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑402/06, Ġabra, EU:T:2013:445, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fir-rigward tal-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-UASI applika kriterju tal-għoti mhux previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, huwa, ċertament, korrett li l-kwadru jew il-metodoloġija Prince2 ma hijiex imsemmija fih b’mod espress, peress li l-ewwel kriterju tal-għoti jirrikjedi, b’mod partikolari, li “l-offerent jippreżenta l-kompiti u l-attivitajiet li huwa sejjer iwettaq fil-qasam tal-amminstrazzjoni tal-proġett, abbażi tal-metodoloġija u l-esperjenza tiegħu”. Madankollu, minn naħa, jirriżulta b’mod ċar mill-offerta tal-ewwel rikorrenti li l-metodoloġija hemm proposta hija “ibbażata fuq il-metodu ta’ amminstrazzjoni tal-proġett Prince2 tal-OGC, li taqa’ taħt l-aħjar prattiki u hija adottata b’mod regolari fuq l-iskala internazzjonali, u tintuża sabiex jiġi ddefinit approċċ tal-proġetti fil-kuntest tal-ITIL”, u li l-imsemmi metodu “huwa l-metodoloġija dominanti applikabbli fil-proġett”. (is based on the widely accepted internationally OGC best practice project method PRINCE2 and is used to describe an approach to projects within the ITIL context … PRINCE2 will be the dominant methodology to be applied in the project; Project Management Methodology Overview and Standards). Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li l-offerti tal-kontraenti l-oħra huma msejsa wkoll fuq il-metodoloġija Prince2, fatt li ppermetta lill-awtorità kontraenti li twettaq l-analiżi komparattiva msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrenti li l-UASI stabbilixxa a posteriori kriterju tal-għoti ġdid, jiġifieri l-metodoloġija Prince2, li la kien previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u lanqas ikkomunikat, tempestivament, lill-offerenti, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-evalwazzjoni mill-UASI tal-offerta tal-ewwel rikorrenti kienet manifestament iggwidata mill-kriterju “abbażi tal-metodoloġija u tal-esperjenza tiegħu”, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-fatt li, fil-każ ta’ din l-offerta u fil-każ tal-offerti tal-kontraenti l-oħra, din il-metodoloġija tikkorrispondi preċiżament għal dik tal-Prince2. Għall-kuntrarju, dan il-fatt fih innifsu juri li l-kontraenti kollha kienu fehmu sewwa li l-ewwel kriterju tal-għoti jippermettilhom li jibbażaw l-offerta tagħhom fuq l-imsemmija metodoloġija. Għalhekk, ma jistax jiġi lmentat li l-awtorità kontraenti pparagunat l-offerti kkonċernati fid-dawl tal-kriterji ta’ din l-istess metodoloġija, fatt li seta’ biss jiffaċilita l-paragun tal-kwalitajiet rispettivi tagħhom u li jippromwovi l-oġġettività tal-evalwazzjoni komparattiva. Fl-aħħar, ir-rekwiżiti tal-imsemmi kriterju tal-għoti għandhom jiġu distinti b’mod ċar mill-punt 2.3 tal-Anness II tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jistabbilixxi li “[i]l-metodoloġija użata mill-UASI għall-amminstrazzjoni tal-proġett huwa adattament personalizzat tal-Prince2” (The methodology used by the OHIM for project management is a customization of PRINCE2) li fih hemm indikat b’mod ċar li dan “għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-kontraent [biss] fil-bidu tal-kuntratt-kwadru”, (The methodology will be made available to the contractor at the beginning of the framework contract) b’tali mod li din ma tistax tikkostitwixxi mudell li għandhom jiġi adattati miegħu l-offerti.

47

Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġu miċħud bħala infondat.

48

Fir-rigward tat-tieni ilment, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-rikorrenti jsostnu ġustament li l-awtorità kontraenti effettivament tat lis-sotto-kriterji “amminstrazzjoni tat-tibdil” u “komunikazzjoni” piż ikbar mis-sotto-kriterji l-oħra stabbiliti fi ħdan l-ewwel kriterju tal-għoti. Fil-fatt, il-motivazzjoni inekwivoka esposta fl-ittra tal-UASI tat-2 ta’ Mejju 2011, li l-offerti tal-kontraenti l-oħra “jidentifikaw l-amminstrazzjoni tat-tibdil u l-komunikazzjoni bħala ż-żewġ kompiti l-iktar essenzjali għas-suċċess tal-proġett” (as the two most essential tasks for the success of the project), ma tistax tinftiehem mod ieħor. Hija turi li l-awtorità kontraenti ikkonfermat l-approċċ propost mill-kontraenti l-oħra billi bbażat ruħha fuq ippeżar tal-imsemmija sotto-kriterji li ma jirriżultawx mill-kliem tal-ewwel kriterju tal-għoti. Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, l-awtorità kontraenti ma tistax twettaq ippeżar tas-sotto-kriterji li ma tkun ġabet preliminarjament għall-konjizzjoni tal-offerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C‑532/06, Ġabra, EU:C:2008:40, punt 38).

49

F’dan ir-rigward, minn naħa, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-“amminstrazzjoni tat-tibdil” u l-“pjan ta’ komunikazzjoni” jikkostitwixxu biss żewġ sotto-kriterji fosthom assjem ta’ seba’ sotto-kriterji li kienu elenkati fl-istess livell u fuq bażi mhux esklużiva fil-kuntest tal-ewwel kriterju tal-għoti, jiġifieri l-kontroll progressiv, il-proċedura ta’ amministrazzjoni tal-kwistjonijiet li jinqalgħu, il-proċedura ta’ amministrazzjoni tat-tibdil, l-amministrazzjoni tal-proċeduri ta’ intervent ta’ eskalazzjoni, il-programm ta’ kapitalizzazzjoni tal-esperjenza, il-pjan ta’ komunikazzjoni u l-proċeduri ta’ aċċettazzjoni tal-prodott li għandu jingħata, u li għalihom l-awtorità kontraenti tipprevedi li tagħti numru massimu ta’ 40 punt (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Issa, la mill-kliem tal-imsemmi kriterju u lanqas minn passaġġi rilevanti oħra tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jirriżulta li l-awtorità kontraenti kellha l-intenzjoni, fejn xieraq u għal raġunijiet speċifiċi mhux żvelati, li tagħti importanza differenti għal dawn is-sotto-kriterji għall-finijiet tal-preżentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-ipoteżi ta’ xogħol Nru 1, jew anki li tagħti, abbażi tal-evalwazzjoni tal-offerti magħmula fid-dawl tal-ewwel kriterju tal-għoti, marki ftit jew wisq għolja skont jekk l-imsemmija offerti jaċċettawx wieħed jew l-ieħor mis-sotto-kriterji. Dan jgħodd b’mod partikolari għalhekk għas-sotto-kriterji “amminstrazzjoni tat-tibdil” u “pjan ta’ komunikazzjoni” li dwarhom l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jonqsu milli jindikaw li l-awtorità kontraenti tikkunsidrahom bħala li jirrappreżentaw “iż-żewġ kompiti l-iktar essenzjali għas-suċċess tal-proġett”.

50

Min-naħa l-oħra, skont l-espożizzjoni ġenerali, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-offerenti kellhom jissodisfaw rekwiżiti, fejn dawn tal-aħħar kienu mistiedna jippreżentaw “il-kompliti u l-attivitajiet li għandhom jiġu eżegwiti bil-għan li jiġi ġestit u mmexxi sewwa l-proġett imsemmi fl-ipoteżi tax-xogħol Nru 1 ”, (the tasks and activities to be executed to manage and successfully achieve the project presented in the work hypothesis 1) li kienet tinsab fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt esposta u kienet tipprevedi l-istabbiliment mill-UASI ta’ “proġett għall-kostruzzjoni ta’ sistema tal-informatika” (project to build an information system). Minn dan jirriżulta li d-deskrizzjoni fl-offerti suġġetti għal kompiti u attivitajiet marbuta mas-sotto-kriterji differenti abbażi tal-ewwel kriterju tal-għoti neċessarjament tirreferi għall-imsemmi proġett li kien, min-definizzjoni tiegħu, l-istess għall-offerenti kollha.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-parti tas-sentenza “identifikaw l-amminstrazzjoni tat-tibdil u l-komunikazzjoni bħala ż-żewġ kompiti l-iktar essenzjali għas-suċċess tal-proġett” tista’ tinftiehem biss bħala li tinkludi ġudizzju suġġettiv ta’ portata assoluta u ġenerali dwar l-importanza partikolari tas-sotto kriterji “ġesjoni tat-tibdil” u “pjan ta’ komunikazzjoni” (“l-iktar essenzjali”) fil-kuntest tal-proġett previst mill-UASI abbażi tal-ipoteżi tax-xogħol Nru 1 (“għas-suċċess tal-proġett”), li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-offerti tal-offerenti l-oħra, u, għall-kuntrarju, bi kritika għall-offerta tal-ewwel rikorrenti fis-sens li ma segwietx approċċ analogu għal dak propost mill-imsemmija offerenti dwar dan is-suġġett.

52

F’dan ir-rigward, l-UASI ma huwiex fondat li jsostni, essenzjalment, li l-motivazzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tinftiehem bħala ġudizzju suġġettiv dwar il-kwalità tajba tal-offerti tal-offerenti l-oħra bbażata fuq l-identifikazzjoni ta’ żewġ sotto-kriterji partikolari, jiġifieri l-“amminstrazzjoni tat-tibdil” u l-“komunikazzjoni”, peress li dan il-ġudizzju ma huwiex separabbli minn valorizzazzjoni preliminari u astratt partikolari tal-imsemmija sotto-kriterji meta mqabbla mal-ħames sotto-kriterji l-oħra elenkati fi ħdan l-ewwel kriterju tal-għoti. Barra minn hekk, anki jekk għar-raġunijiet invokati fil-punti 48 sa 51 iktar ’il fuq, ma jidhirx kredibbli l-fatt li l-awtorità kontraenti ma tatx marki speċifiċi mit-total disponibbli ta’ 40 punt għas-sotto-kriterji differenti hemm previsti (ara wkoll il-punti 93 u 94 iktar ’il fuq).

53

Għalhekk, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-ġudizzju suġġettiv negattiv imwettaq mill-awtorità kontraenti fuq l-offerta tal-ewwel rikorrenti fuq dan il-punt ma huwiex appoġġat mill-kliem tal-ewwel kriterju tal-għoti. Fuq kollox, l-ippeżar sottostanti dan il-ġudizzju ma jirriżultax b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u inekwivoku mill-imsemmi kriterju sabiex jippermetti lill-offerenti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti li jifhmu l-portata eżatta u li jinterpretawh bl-istess mod. Billi wettaq, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 44 u 48 iktar ’il fuq, ippeżar tas-sotto-kriterji differenti fi ħdan l-imsemmi kriterju tal-għoti li la kien previst mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u lanqas ikkomunikat minn qabel lill-offerenti, l-UASI b’hekk kiser, għad-detriment tar-rikorrenti, il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-opportunità u ta’ trasparenza.

54

Għalhekk, it-tieni ilment għandu jiġi milqugħ.

55

Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi parzjalment miċħud u parzjalment milqugħ.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta ’ evalwazzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

56

Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-unika informazzjoni difettuża pprovduta mill-UASI tikkonsisti f’diversi żbalji gravi u manifesti ta’ evalwazzjoni, li fl-assenza tagħhom l-offerta tal-ewwel rikorrenti setgħet tiġi kklassifikata fl-ewwel post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata. Fl-opinjoni tagħhom, dawn l-iżbalji jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti fir-rigward ta’ kull wieħed mill-kriterji tal-għoti previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkontestaw b’mod partikolari il-kummentarji negattivi esposti fl-ittra tal-UASI tal-11 ta’ April u tat-2 ta’ Mejju 2011.

57

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti inkonnessjoni mal-ewwel kriterju tal-għoti, ir-rikorrenti jinvokaw ħdax-il ilment li jeħtieġ li jiġu evalwati, sussegwentement, jew b’mod individwali, jew – meta jissoprapożizzjonaw lil xulxin – b’mod konġunt. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-imsemmi kriterju tal-għoti jirrikjedi li l-offerent li jippreżenta “il-kompiti u l-attivitajiet li huwa għandu jwettaq fil-qasam tal-amminstrazzjoni tal-proġett, abbażi tal-metodoloġija u l-esperjenza tiegħu”, obbligu li għandu jinkludi, b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, seba’ sotto-kriterji, jiġifieri l-kontroll progressiv, il-proċedura ta’ amministrazzjoni tal-kwistjonijiet li jinqalgħu, il-proċedura ta’ amministrazzjoni tat-tibdil, l-amministrazzjoni tal-proċeduri ta’ intervent ta’ eskalazzjoni, il-programm ta’ kapitalizzazzjoni tal-esperjenza, il-pjan ta’ komunikazzjoni u l-proċeduri ta’ aċċettazzjoni tal-prodott li għandu jingħata (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

58

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jitqiesu sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt f’sejħa għal offerti u li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika li r-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni huma osservati, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball gravi u ċar ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, bpost vs Il-Kummissjoni, T‑514/09, EU:T:2011:689, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni marbuta mal-ewwel kriterju tal-għoti

[omissis]

– Fuq is-sitt ilment

81

Permezz tas-sitt ilment, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-UASI li amministratur ta’ programm, amministratur prinċipali ta’ proġett u amministratur ta’ proġett ma kinux neċessarji għal kull proġett. Fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ipoteżi ta’ xogħol Nru 1, ir-rikorrenti ippreżentaw u ġġustifikaw, fil-Kapitoli 2 u 4 tal-offerta tagħhom, abbażi tal-esperjenza tagħhom, kif rikjest mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-proposta tagħhom li jistabbilixxu uffiċċju tal-proġett, li jinkludi amministratur tal-programm u amministratur prinċipali tal-proġett.

82

Jeħtieġ li jitfakkar li, fl-ittra tiegħu tal-11 ta’ April 2011, l-UASI irrileva li “il-proġetti msemmija fl-offerta [tar-rikorrenti] ma kinux kollha jirrikjedu amministratur tal-programm, amministratur prinċipali tal-proġett u ta’ amministratur tal-proġett”. Fl-atti tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-UASI kkonferma li kien b’mod żbaljat li r-rikorrenti ppreżumew li l-UASI jmexxi l-proġetti kollha tiegħu fil-kuntest tal-istess programm, fatt li wassalhom sabiex jipproponu soluzzjoni permezz ta’ amministratur tal-programm, amministratur prinċipali tal-proġett u ta’ amministratur tal-proġett għal kull proġett. Issa, id-daqs limitat u l-portata limitata tal-proġett li għandu jintuża bħala eżempju, jiġifieri l-ipoteżi ta’ xogħol Nru 1, ma ġġustifikax l-użu ta’ dawn it-tliet profili.

83

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li jirriżulta mid-deskrizzjoni ġenerali, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-offerenti li dawn tal-aħħar kienu obbligati jippreżentaw “il-kompiti u l-attivitajiet li għandhom jiġu eżegwiti bil-għan li jiġi ġestit u mmexxi sewwa l-proġett imsemmi fl-ipoteżi tax-xogħol Nru 1”. Barra minn hekk, l-ipoteżi ta’ xogħol Nru 1, kif esposta fl-Anness 18 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt sempliċiment isemmi “proġett ta’ kostruzzonjoni ta’ sistema tal-informatika” u mhux programm li jiġbor fih il-proġetti differenti ta’ dan it-tip, b’tali mod li l-awtorità kontraenti setgħet validament tikkritika l-proposta mir-rikorrenti ta’ amministratur tal-programm.

84

Għall-kuntrarju, mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jirriżultax biċ-ċarezza u bil-preċiżjoni rikjesti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, b’mod partikolari mill-ewwel kriterju tal-għoti u mid-definizzjoni tal-ipoteżi ta’ xogħol Nru 1 li l-UASI kellu l-intenzjoni li jistieden lill-offerenti jippreżentaw soluzzjoni li lanqas ma tiġbor fiha l-profili tal-amministraturi prinċipali tal-proġett u tal-amministratur tal-proġett kif propost mir-rikorrenti. Bl-istess mod, l-UASI baqa’ ma spjegax il-motivi għaliex il-proposta ta’ tali profili hija inkompatibbli mal-ipoteżi ta’ xogħol Nru 1. Fl-aħħar, b’differenza mid-difiża tiegħu invokata fir-rigward tal-ewwel sal-ħames ilment, l-UASI ma invokax li, fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ddevjaw mill-metodoloġija Prince2. Issa, fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar dan is-suġġett, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti kienu liberi, skont l-ewwel kriterju tal-għoti, li jippreżentaw il-kompiti u l-attivitajiet li għandhom jitwettqu fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-proġett abbażi tal-metodoloġija proprja tagħhom u tal-esperjenza proprja tagħhom.

85

Fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll tan-natura suċċinta u vaga tal-ġudizzju tal-kumitat tal-evalwazzjoni, huwa impossibbli, kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-Qorti Ġenerali, li jivverifikaw il-plawżibbiltà tal-kritika invokata dwar l-inklużjoni ta’ amministratur prinċipali ta’ proġett u ta’ amministratur ta’ proġett u, għaldaqstant, li jiġi deċiż jekk din kinitx ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li jeżisti nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali (ara l-punti 125 sa 135 iktar ’il quddiem).

– Fuq it-tmien ilment

87

Permezz tat-tmien ilment, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kummentarju finali tal-kumitat ta’ evalwazzjoni abbażi tal-ewwel kriterju tal-għoti, li ‘‘[l-]globalità tal-offerta tal-[ewwel rikorrenti] hija operazzjonali ħafna minflok strateġika (very operational instead of strategic) u tiffoka fuq tip ieħor ta’ amministratur tal-proġett differenti minn dak previst mill-UASI”. Dan il-kummentarju huwa arbitrarju u mhux sostnut mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. L-offerta tal-ewwel rikorrent tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-prattiki tajba tas-settur tal-amministrazzjoni tal-proġett, jiġifieri Prince2. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għall-punt 4.1.1 tal-offerta tagħhom, intitolat “Struttura tal-organizzazzjoni”, (Organisation structure) li tipproponi struttura unifikata u ċċentralizzata li fil-kuntest tagħha kull proġett, inklużi l-proġetti indipendenti, bħal dawk imsemmija fl-ipoteżi tax-xogħol Nru 1, jew proġetti li jaqgħu fi programm, ser jiġu diretti, immexxija, ikkontrollati u segwiti mill-uffiċċju tal-proġett. L-amministratur tal-programm ikun membru tal-uffiċċju tal-proġett u jkollu kmand globali filwaqt li jeżerċita kontroll ġenerali fuq il-proġetti kollha u fuq il-programmi mwettqa skont il-kuntratt-kwadru sabiex b’hekk jiżgura l-amministrazzjoni effikaċi, omoġenja u adegwata tagħhom. Għaldaqstant, billi ppenalizza l-offerta tal-ewwel rikorrenti abbażi ta’ rekwiżit mhux previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jiġifieri l-fatt li “l-UASI [kien] iddirieġa il-proġetti kollha tiegħu fl-istess programm”, l-UASI wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

88

Fil-pendenzi tal-kawża, l-UASI sempliċiment invoka dwar dan is-suġġett l-argument imfakkar fil-punt 82 iktar ’il fuq. Issa, skont il-premessi esposti fil-punt 84 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ kriterji suffiċjentement ċari u preċiżi esposti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kummentarju finali tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, fuq kollox il-kritika vaga bbażata fuq il-fatt li l-UASI kien jipprevedi “tip ieħor ta’ amminstrazzjoni tal-proġett”, ma tinftiehemx, b’tali mod li la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu jivverifikaw il-plawżibbiltà tagħha u, għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk din il-kritika hijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dan iktar u iktar peress li, skont l-ewwel kriterju tal-għoti, l-offerenti kienu obbligati li jippreżentaw il-kompiti u l-attivitajiet li għandhom iwettqu fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-proġett, abbażi tal-metodoloġija proprja tagħhom u tal-esperjenza proprja tagħhom u, għaldaqstant, mhux abbażi ta’ prattika jew esperjenza possibbli tal-UASI mhux deskritta fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li jeżisti nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali (ara l-punti 125 sa 135 iktar ’il fuq).

– Fuq id-disa’ u l-ħdax ilment

90

Permezz tas-seba’ u l-ħdax ilment, ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, ir-risposta allegatament difettuża, evażiva u vaga tal-UASI, fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Mejju 2011, b’mod partikolari dwar l-immarkar u l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerta tagħhom, fid-dawl tal-ewwel kriterju tal-għoti, meta mqabbla mal-offerti l-oħra tal-kontraenti l-oħra. L-UASI sempliċiment jesponi b’mod vag li ż-żewġ offerti l-oħra ġew ikkunsidrati bħala aħjar sa fejn dawn jippreżentaw kull waħda “aspetti teoretiċi u prattiċi tal-użu tal-kwadru Prince2” u “jidentifikaw l-amministrazzjoni tat-tibdil u l-komunikazzjoni bħala żewġ kompiti l-iktar essenzjali għas-suċċess tal-proġett”. Madankollu, fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 tal-offerta tagħhom, ir-rikorrenti ippreżentaw huma wkoll l-aspetti teoretiċi u prattiċi tal-metodoloġija Prince2 tal-amministrazzjoni tal-proġett u pprovdew proposta fid-dettall tal- amministrazzjoni tat-tibdil u l-komunikazzjoni applikati għall-każ tal-proġett tal-UASI. Barra minn hekk, fil-punti 2.2 sa 2.11 tal-imsemmija offerta, huma esponew, fid-dettall, l-aspetti prattiċi tal-użu tal-approċċ metodoloġiku tagħhom ibbażat fuq Prince2 għall-amministrazzjoni tal-proġett u għall-eżekuzzjoni tal-kompiti ta’ amministrazzjoni tal-proġett abbażi tal-ipoteżi ta’ xogħol Nru 1. Bl-istess mod, il-punt 2.5 ta’ din l-offerta jiddeskrivi b’mod iċċirkustanzjat l-approċċ li għandu jiġi segwit sabiex jiġi amministrat it-tibdil, u l-punti tiegħu 2.10 u 2.8 jesponu l-pjan ta’ komunikazzjoni u l-proċeduri ta’ intervent ta’ eskalazzjoni proposti, mingħajr l-UASI ma pprovda spjegazzjoni dwar l-allegati difetti jew dwar il-kontenut allegatament aħjar tal-offerti l-oħra f’dan ir-rigward (id-disa’ ilment). Barra minn hekk, l-ewwel kriterju tal-għoti ma kienx jeżiġi li tiġi speċifikata l-importanza tal-kompiti proposti fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-proġett, fatt li kien imur kontra l-prattiki tajba u l-metodoloġiji stabbiliti ferm fl-iskala internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ppreżentaw metodoloġija ta’ amministrazzjoni tal-proġett iddefinita sewwa, koerenti u adegwatament strutturata, li tipprovdi li l-proċessi, attivitajiet u kompiti ta’ amministrazzjoni huma kollha essenzjali għall-għeluq b’suċċess tal-proġett (are essential for the successful execution of the project) (l-għaxar ilment). Fl-aħħar, l-UASI ma jiġġustifikax il-marka dgħajfa ħafna ta’ 22.81 punt mogħtija lill-offerta tal-ewwel rikorrenti fir-rigward tal-ewwel kriterju tal-għoti, filwaqt li l-offerta tal-kontraenti kklassifikata fl-ewwel post kisbet in-numru massimu ta’ 40 punt (il-ħdax ilment).

91

Jeħtieġ li jsir riferiment, qabel xejn, għall-premessi esposti fil-punti 48 sa 53 iktar ’il fuq b’risposta għat-tieni motiv, li jinvoka l-fatt li l-ġudizzju komparattiv negattiv fir-rigward tal-offerta tal-ewwel rikorrenti li l-offerti tal-kontraenti l-oħra “kienu jidentifikaw l-amministrazzjoni tat-tibdil u l-komunikazzjoni bħala ż-żewġ kompiti l-iktar essenzjali għas-suċċess tal-proġett” kien ivvizzjat bi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fl-opportunità u ta’ trasparenza, sa fejn ma huwiex sostnut mill-kliem tal-ewwel kriterju tal-għoti u, għaldaqstant, jaqa’ taħt ippeżar mhux ikkomunikat minn qabel lill-offerenti tas-sotto-kriterji differenti fi ħdan l-istess kriterju tal-għoti. Minn dan jirriżulta neċessarjament li dan il-ġudizzju ma huwiex plawżibbli u huwa vvizzjat ukoll minn żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-ippeżar tal-imsemmija sotto-kriterji.

92

Sussegwentement, fil-pendenzi tal-kawża, l-UASI ma qiesx li għandu jieħu pożizzjoni fuq l-argument iċċirkustanzjat tar-rikorrenti, u lanqas fuq il-mod kif il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien wasal għal għadd magħqud ta’ 22.81 fuq total ta’ 40 punt fir-rigward tal-offerta tal-ewwel rikorrenti, kif tiddikjara l-ittra tal-UASI tat-2 ta’ Mejju 2011. Madankollu, waqt is-seduta, b’risposta għal domanda preċiża tal-Qorti Ġenerali, l-UASI essenzjalment spjega li, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-evalwaturi tal-offerta tal-ewwel rikorrent ma wettqitx formula matematika li wasslet għat-tnaqqis ta’ ċerti punti skont is-sotto-kriterju jew għal ċerti kummentarji negattivi, peress li l-imsemmija evalwaturi taw marka globali għall-kwalità ġenerali tal-parti kollha tal-imsemmija offerta abbażi tal-ewwel kriterju tal-għoti. F’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ marka li tinkludi żewġ ċifri wara l-punt (22.81) huwa dovut għall-fatt li l-offerti ġew evalwati minn diversi evalwaturi li l-marki tagħhom qabel xejn magħduda flimkien ġew sussegwentement diviżi bin-numru tal-imsemmija evalwaturi.

93

Issa, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawn l-ispjegazzjonijiet, mhux esposti fl-ittra tal-UASI tat-2 ta Mejju 2011, huma tardivi u wkoll ma humiex plawżibbli. F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar l-ippeżar effettiv tas-sotto-kriterji differenti fi ħdan l-ewwel kriterju tal-għoti u ta’ prova dokumentarja ppreżentata mill-UASI għal dan l-għan, għandu jiġi miċħud bħala mhux kredibbli l-argument tiegħu li l-evalwaturi ma rabtux l-għoti ta’ ċerti marki mal-imsemmija sotto-kriterji li kienu enumerati fil-kuntest tal-imsemmi kriterju tal-għoti u li skontu l-offerenti setgħu jilħqu numru massimu ta’ 40 punt. Sussegwentement, kif sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta, ma iktar ma jidhirx kredibbli li l-evalwaturi ma użawx formula matematika jew, tal-inqas, ma tawx frazzjonijiet ta’ marki għas-sotto-kriterji għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-offerti fid-dawl tal-imsemmi kriterju tal-għoti. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li l-evalwazzjonijiet magħquda ġew diviżi bin-numru totali ta’ evalwaturi, kif jippretendi l-UASI, fl-assenza ta’ tali approċċ matematiku jew ta’ allokazzjoni ta’ frazzjonijiet tal-marki għas-sotto-kriterji, ma kienx possibbli li tinkiseb marka magħquda li tinkludi żewġ ċifri wara l-punt. Għaldaqstant, l-argument tal-UASI li huwa ta marka globali għall-parti kollha tal-offerta tal-ewwel rikorrenti abbażi tal-ewwel kriterju tal-għoti ma jistax jintlaqa’.

94

Għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tal-UASI tat-2 ta’ Mejju 2011 ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni rilevanti għal dan is-suġġett. Fil-fatt, l-imsemmija ittra sempliċiment tikkonstata b’mod vag li “l-offerti [tal-kontraenti l-oħra] li jissodisfaw l-ewwel kriterju tal-għoti b’mod tajjeb ħafna jew anki b’mod eċċellenti, jippreżentaw użu tajjeb ħafna tal-kwadru Prince2, billi jispjegaw qabel xejn il-kwadru qabel ma jiddefinixxu l-mod kif sejjer jintuża mill-UASI, b’tali mod li l-imsemmija offerti jkopru l-aspetti kemm teoretiċi kif ukoll prattiċi tal-użu tal-kwadru Prince2”. Barra minn hekk, l-UASI sempliċiment jirrileva li dawn l-offerti “jidentifikaw l-amministrazzjoni tat-tibdil u l-komunikazzjoni bħaż-żewġ kompiti l-iktar essenzjali għas-suċċess tal-proġett” sabiex jikkonkludi li, “[b’] paragun, il-kumitat ta’ evalwazzjoni sab proposti ta’ kwalità aħjar minn dawk [tar-rikorrenti]”. Issa, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ evalwazzjoni mhux preċiżi u difettużi esposti f’din l-ittra, li jkopru biss għadd ta’ sotto-kriterji tal-ewwel kriterju tal-għoti u jonqsu milli jindikaw il-marka preċiża li l-awtorità kontraenti kellha l-intenzjoni li tagħti lil kull wieħed minn dawn is-sotto-kriterji, kif ukoll tas-silenzju tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar l-ippeżar ta’ dawn is-sotto-kriterji fl-intier tagħhom, la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jinsabu f’pożizzjoni li jifhmu l-mod kif l-awtorità kontraenti tat, fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħha individwali u komparattivi tal-offerti magħmula, il-marki disponibbli abbażi tal-ewwel kriterju tal-għoti u tas-sotto-kriterji differenti tiegħu.

95

Konsegwentement, ħlief għall-konstatazzjoni tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni msemmija fil-punt 90 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkonkludi dwar l-eżistenza jew meno ta’ tali żbalji manifest f’dan ir-rigward, preċiżament peress li d-deċiżjoni tal-għoti ma tinkludix motivazzjoni suffiċjenti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali (ara l-punti 125 sa 135 iktar ’il fuq).

– Konklużjoni temporanja

96

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, b’riżerva għall-evalwazzjoni tal-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, id-disa’ ilment ta’ din il-parti tat-tielet motiv, marbuta mal-ewwel kriterju ta’ evalwazzjoni, għandha tintlaqa’ sa fejn din tikkonċerna l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni kkonstatat fil-punt 91 iktar ’il fuq u l-imsemmija parti għandha tiġi miċħuda fil-kumplament tagħha, bħala infondata.

Fuq l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni marbuta mat-tieni kriterju tal-għoti

97

Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni negattiva tal-offerta tagħhom fid-dawl tat-tieni kriterju tal-għoti, kif esposta fl-ittra tal-11 ta’ April 2011, li tiddikjara li ma hemm “l-ebda eżempju ta’ prodott li għandu jingħata għall-istudju tal-każ: rekord ta’ kuljum, reġistru tal-elementi ta’ konfigurazzjoni, rapporti fuq l-indikaturi prinċipali”. Insostenn ta’ din il-parti, fl-ewwel lok, huma jinvokaw, essenzjalment, li l-UASI ma wieġeb għal ebda waħda mill-kontestazzjonijiet iċċirkustanzjati li huma kienu fformulaw dwar dan is-suġġett fl-ittra tagħhom tat-18 ta’ April 2011. Fil-fatt, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma eżiġewx tali eżempju, iżda biss li jiġu ppreżentati il-kompiti u l-attivitajiet li għandhom jitwettqu fil-qasam tal-pariri tekniċi. Fit-tieni lok, il-punt 6.2 tal-offerta tal-ewwel rikorrenti jipprovdi eżempji tal-forma u mudelli użati għal kull prodott li għandu jiġi pprovdut, fatt li finalment ġie ammess mill-UASI. Dawn il-mudelli huma eżawrjenti u suffiċjentement iċċirkustanzjati sa fejn huma jippreżentaw l-istruttura, it-taqsimiet u l-kontenut eżatt tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti fil-kuntest tax-xenarju ipotetiku espost fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fit-tielet lok, fl-ittra tat-2 ta’ Mejju 2011, l-UASI ma spjegax kif il-kontraenti l-oħra kienu taw prova ta’ eżempji tajbin ħafna tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti, u lanqas ir-raġunijiet li abbażi tagħhom l-offerti tagħhom instabu li huma ta’ kwalità aħjar minn dawn tar-rikorrenti. L-elementi invokati mill-UASI ma humiex prodotti li għandhom jiġu pprovduti li jaqgħu taħt il-provvista ta’ servizzi ta’ pariri tekniċi, iżda biss prodotti li għandhom jiġu pprovduti marbuta mal-amministrazzjoni ta’ proġett u huma ssuġġeriti mill-metodoloġija Prince2. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti żiedu li, kif espost fil-kontra-replika, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerti abbażi tat-tieni kriterju tal-għoti, l-UASI ddeċieda b’mod pożittiv dwar is-sottomissjoni mill-kontraenti ta’ kampjuni tal-proġetti preċedenti, fatt li jwassal, minn naħa, sabiex jiġi introdott a posteriori sotto-kriterju ġdid u, min-naħa l-oħra, sabiex jitħallat illegalment il-kriterju tal-għażla tal-esperjenza mal-kriterju tal-għoti inkwistjoni. Madankollu, mill-punti 11 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt taħt it-titolu “Sottomissjonijiet ta’ eżempji” (Submission of samples) jirriżulta b’mod ċar li “is-sottomissjoni ta’ offerta ma hijiex suġġetta għall-obbligu li tkun akkumpanjata minn eżempji”. (The submission of a tender is not subject to submitting any samples).

98

L-UASI itenni li t-terminu “eżempju” użat fl-ittra tal-11 ta’ April 2011 għandu jinftiehem bħala li jfisser, essenzjalment “li jipprovdi preżentazzjoni” tas-servizzi proposti. F’dan ir-rigward, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt eżiġew deskrizzjoni tal-mod kif il-kompiti u l-attivitajiet jiġu eżegwiti u, għaldaqstant, li tingħata preżentazzjoni adegwata tas-servizzi, sostnuta minn kampjuni tal-imsemmija servizzi pprovduti abbażi tal-ipoteżi ta’ xogħol Nru 1. Il-kummentarju negattiv dwar il-fatt li l-offerta tal-ewwel rikorrent tinkludi biss ħames “kampjuni verġni” jipprova l-kwalità baxxa tagħha u li r-rikorrenti kienu konxji min-neċessità li jinkludu fl-offerta tagħhom kampjuni tas-servizz. Issa, b’differenza mill-kampjuni ppreżentati minn kontraenti oħra, b’mod partikolari minn Accenture, li kisbet il-marka massima fuq dan il-punt, il-kampjuni verġni ppreżentati mir-rikorrenti ma ġewx adattati għall-ipoteżi ta’ xogħol Nru 1. Waqt is-seduta, l-UASI ppreċiża li, b’dan, huwa ma evalwax l-esperjenza passata tal-offerenti, iżda ħa inkunsiderazzjoni biss il-fatt li l-kampjuni sottomessi ta’ prodotti li għandhom jiġi pprovduti kienu jippreżentaw valur miżjud sa fejn dawn juru li l-imsemmija offerenti kienu fehmu sewwa l-bżonnijiet tal-UASI u dan kien neċessarju.

99

Hemm lok li jitfakkar, qabel xejn, li, minn naħa, it-tieni kriterju tal-għoti kien jipprevedi li “l-offerenti għandu jippreżenta l-kompiti u l-attivitajiet li huwa għandu jwettaq fil-qasam tal-pariri tekniċi, abbażi tal-metodoloġija u l-esperjenza tiegħu, inkluż b’mod partikolari (iżda mhux esklużivament) [...] evalwazzjoni tal-arkitettura; analiżi tal-prestazzjoni; evalwazzjoni tas-sigurtà; [u] integrazzjoni f’sistemi oħra” u, li, min-naħa l-oħra, l-offerta tal-ewwel rikorrenti 24.5 minn total ta’ 30 punt abbażi tal-imsemmi kriterju tal-għoti, filwaqt li l-kontraenti l-oħra ingħataw 28 u 20 punt rispettivament.

100

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kritika ddikjarata fl-ittra tal-UASI tal-11 ta’ April 2011, li l-offerta tal-ewwel rikorrenti ma tippreżenta “l-ebda eżempju ta’ prodott li għandu jiġi pprovdut għall-istudju tal-każ [...]”, hija bbażata fuq fatti mhux ikkontestati, peress li r-rikorrenti llimitaw ruħhom għas-sottomissjoni tal-kampjuni verġni jew ta’ sempliċi mudelli vojta li ġew annessi mal-punt 6.2 tal-offerta tagħhom.

101

Madankollu, ma jirriżultax mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, b’mod partikolari, tat-tieni kriterju tal-għoti, li l-offerenti kienu jew obbligati li jippreżentaw “eżempj[i] tal-prodott li għandu jiġi pprovdut għall-istudju tal-każ”, jew li tali preżentazzjoni setgħet tiġi kkunsidrata mill-awtorità kontraenti bħala li għandha valur miżjud, kif jippretendi l-UASI fil-pendenzi tal-kawża. Għall-kuntrarju, kif isostnu r-rikorrenti, il-punt 11 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, taħt it-titolu “Sottomissjoni ta’ eżempji”, (Submission of samples) kien jipprevedi b’mod ċar li “is-sottomissjoni ta’ offerta ma hijiex suġġetta għall-obbligu li tkun akkumpanjata minn eżempji”. (The submission of a tender is not subject to submitting any samples) F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument mhux kredibbli tal-UASI li t-terminu “eżempju” użat fl-ittra tal-11 ta’ April 2011 għandu jinftiehem bħala li jfisser, essenzjalment, “li jipprovdi preżentazzjoni” tas-servizzi proposti, peress li l-kummentarju negattiv “l-ebda eżempju ta’ prodott li għandu jiġi pprovdut għall-istudju tal-każ [...]” jista’ jinftiehem biss f’dan is-sens li, skont l-awtorità kontraenti, ir-rikorrenti naqsu milli jippreżentaw tali eżempji. Barra minn hekk, il-motivi li abbażi tagħhom l-awtorità kontraenti kkunsidrat li l-offerta tal-ewwel rikorrenti kienet tipproponi preżentazzjoni insuffiċjenti tal-elementi “rekord ta’ kuljum, reġistru tal-elementi ta’ konfigurazzjoni, rapporti fuq l-indikaturi prinċipali” (daily log, configuration item record, highlight reports) ma jirriżultawx b’mod preċiż biżżejjed mill-imsemmija ittra.

102

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-kummentarju negattiv espost fl-ittra tal-UASI tal-11 ta’ April 2011 ma jsibx appoġġ fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, għaldaqstant, huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati mir-rikorrenti f’dan il-kuntest.

103

Għaldaqstant, il-parti ta’ dan il-motiv marbuta mal-evalwazzjoni tal-offerta tal-ewwel rikorrenti fir-rigward tat-tieni kriterju tal-għoti għandha tintlaqa’.

Fuq l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni marbuta mat-tielet kriterju tal-għoti

104

Hemm lok li jitfakkar li t-tielet kriterju tal-għoti kien jeżiġi min-naħa tal-offerenti li jiddeterminaw l-“allokazzjoni tal-isforz stmat għal kull kompitu u għal kull attività tal-amministrazzjoni tal-proġett” u li, f’dan ir-rigward, l-offerta tal-ewwel rikorrenti ingħatat biss erba’ punti minn total ta’ għaxar punti. Insostenn ta’ din il-marka, l-UASI kkonferma, fl-ittra tiegħu tal-11 ta’ April 2011, fir-rigward tal-aspetti negattivi, li “proġett li ma huwiex marbut ma’ programm (skont l-ipoteżi ta’ xogħol Nru. 1) ma tirrikjedi l-ebda amministratur ta’ programm [;] preżenza ta’ numru kbir ta’ livelli ta’ spejjeż ġenerali [;] l-isforz stmat li ġie allokat għall-amministrazzjoni tal-proġett jirrappreżenta 24 % tal-assjem tal-isforz imwettaq fil-proġett ippreżentat fl-ipoteżi ta’ xogħol Nru. 1”. Fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Mejju 2011, l-UASI ippreċiżat mill-ġdid li “proposti aħjar ma jissarfux fi sforz għal amministartur ta’ programm u b’hekk jiġġustifikaw dan il-punt bħala konsegwenza” u li, “[b’] paragun, il-kumitat ta’ evalwazzjoni [kienet] ippreferiet dan l-approċċ u tatu marka aħjar”.

[omissis]

107

Fir-rigward, qabel xejn, tal-iżball fil-kalkolu jew ta’ apprezzament tal-fatti dwar l-isforz stmat allokat għall-amministrazzjoni tal-programm, jiġifieri ta’ 12 % minflok ta’ 24 %, hemm lok li jiġi rrilevat li, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-UASI kien irrikonoxxa l-eżistenza ta’ tali żball u, fil-pendenzi tal-kawża, ipproduċa nota interna tal-24 ta’ April 2011 li tippreżenta kalkoli alternattivi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, anki mingħajr l-iżball fil-kalkolu jew fl-ipoteżi tal-għoti ta’ numru massimu ta’ għaxar punti lill-offerta tal-ewwel rikorrenti, din tal-aħħar kienet tiġi kklassifikata fit-tielet post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata. Issa, tali sempliċi żbalji fattwali u fil-kalkolu, peress li ma jistgħux jinċidu fuq ir-riżultat ta’ proċedura, ma jistgħux jiġġustifikaw l-annullament tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T‑318/00, Ġabra, EU:T:2005:363, punt 191 u ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑50/05, Ġabra, EU:T:2010:101, punt 159).

108

Għaldaqstant, dan l-iżball fattwali mhux ikkontestat ma jistax jagħti lok għal konstatazzjoni ta’ illegalità li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti.

[omissis]

111

Għaldaqstant, l-ilmenti diretti kontra l-evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti fir-rigward tat-tielet kriterju tal-għoti għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

Fuq l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni marbuta mar-raba’ kriterju tal-għoti

[omissis]

Konklużjoni fuq it-tielet motiv

121

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, b’riżerva għall-evalwazzjoni tal-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni, għandhom jintlaqgħu, minn naħa, id-disa’ ilment tal-ewwel parti, marbuta mal-ewwel kriterju ta’ evalwazzjoni, sa fejn din tikkonċerna l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni kkonstatat fil-punt 91 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, it-tieni parti, marbuta mat-tieni kriterju tal-għoti, fit-totalità tagħha (ara l-punti 97 sa 103 iktar ’il fuq), u li l-kumplament tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet ta ’ motivazzjoni

122

Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw atti diversi ta’ ksur tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali, tal-Artikolu 149 tal-metodi ta’ eżekuzzjoni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

123

F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali li tordna lill-UASI li jipproduċi l-verżjonijiet sħaħ u mhux kunfidenzjali tal-offerti tal-kontraenti l-oħra kif ukoll ir-rapport ta’ evalwazzjoni sħiħ, inklużi l-kummentarji marbuta mal-imsemmija offerti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw essenzjalment li l-estratti mir-rapport ta’ evalwazzjoni li jinkludi l-evalwazzjoni tal-offerta tagħhom huma, minħabba n-natura difettuża u vaga tagħhom, ivvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni li jimpedihom milli jsostnu b’mod utli d-drittijiet tagħhom u jirrendu, tal-inqas parzjalment, impossibbli stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-għoti mill-Qorti Ġenerali. Dan huwa partikolarment veru fir-rigward tal-motivi difettużi u insuffiċjenti esposti fl-ittra tal-UASI tat-2 ta’ Mejju 2011, li kienu intiżi li jiġġustifikaw l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerta tal-ewwel rikorrenti meta mqabbla ma’ dawn tal-kontraenti l-oħra.

124

L-UASI jikkontesta dawn l-argumenti u jitlob li tiġi miċħuda t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruzzjoni tar-rikorrenti.

125

It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, meta, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet, organi jew korpi tal-Unjoni jkollhom, fil-kwalità tagħhom ta’ awtoritajiet kontraenti, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji kkonferiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi tassumi importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tagħha. Għalhekk, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx sodisfatti (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14; tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, Ġabra, EU:T:2009:163, punt 61, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs EFSA, T‑457/07, EU:T:2012:671, punt 42).

126

Skont l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-awtur ta’ att għandu jkun juri b’mod ċar u mhux ekwivoku ir-raġunament tiegħu b’mod li jkun, minn naħa, jippermetti lill-persuni kkonċernati li jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda bil-għan li jsostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑9/10, EU:T:2013:88, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità sostanzjali tal-att kontenzjuż (ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑17/09, EU:T:2012:243, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127

Fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali kif ukoll l-Artikolu 149(3) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-offerenti.

128

Għalhekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali, “[l]-awtorità tal-kuntratti [awtorità kontraenti] għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi [offerenti] kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni, u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess [offerent magħżul] u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt”.

129

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi rikjest mill-awtorità kontraenti li din tittrażmetti lill-offerent li l-offerta tiegħu ma tkun ingħażlet, minn naħa, minbarra l-motivi taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, sinteżi ddettaljat tal-mod kif kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula, analiżi komparattiv fid-dettall ta’ din tal-aħħar u tal-offerta tal-offerent eskluż. Bl-istess mod, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata li tipprovdi lill-offerent eskluż, fuq talba bil-miktub ta’ dan tal-aħħar, kopja sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑629/11 P, EU:C:2012:617, punti 21 sa 23; Digrieti tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑561/10 P, EU:C:2011:598, punt 27, u tad-29 ta’ Novembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑235/11 P, EU:C:2011:791, punti 50 u 51). Il-Qorti tal-Unjoni għandha tivverifika madankollu jekk il-metodu applikat mill-awtorità kontraenti għall-evalwazzjoni teknika tal-offerti huwiex iddikjarat b’mod ċar fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, inklużi l-kriterji differenti tal-għoti, il-piż rispettiv tagħhom fl-evalwazzjoni, jiġifieri fil-kalkolu tal-marka totali, kif ukoll in-numru minimu u massimu ta’ punti għal kull kriterju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2012:617, punt 29).

130

Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li, meta l-awtorità kontraenti tibgħat ittra, wara talba għal spjegazzjonijiet supplimentari rigward deċiżjoni tal-għoti qabel ma jitressaq rikors, imma wara d-data stabbilita mill-Artikolu 149(3) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, din l-ittra tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni f’dan il-każ kinitx biżżejjed. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont l-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrenti kellha fil-mument ta’ meta ġie ppreżentat ir-rikors, filwaqt li, madankollu, l-istituzzjoni ma hijiex awtorizzata tissostitwixxi b’motivazzjoni kompletament ġdida l-motivazzjoni tal-bidu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2013:88, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 129 iktar ’il fuq, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata li tagħti lill-offerent eskluż aċċess għall-verżjoni sħiħa tal-offerta tal-kontraent li jkun ingħata l-kuntratt inkwistjoni, u lanqas għal dik tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ, fid-dawl tal-atti tal-partijiet, tal-atti inseriti fil-proċess u tar-riżultati tas-seduta, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hija suffiċjentement informata sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-kawża odjerna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra, EU:T:2006:350, punt 80), b’tali mod li ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, Ġabra, EU:C:2009:576, punt 319, u d-Digriet tal-10 ta’ Ġunju 2010, Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni, C‑498/09 P, EU:C:2010:338, punt 138).

132

Sussegwentement, fir-rigward tal-motivi invokati a posteriori mill-UASI, jiġifieri fl-ittri tiegħu tal-11 ta’ April u tat-2 ta’ Mejju 2011, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija ittri jikkostitwixxu bħala tali elementi addizzjonali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali kif ukoll tal-Artikolu 149(3) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, li l-Qorti Ġenerali hija ammessa li tieħu inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-ittra tal-UASI tat-2 ta’ Mejju 2011 ġiet trażmessa lir-rikorrenti biss permezz ta’ faks tat-12 ta’ Mejju 2011, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 149(3) tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, ikkalkolat sa mill-ewwel talba tar-rikorrenti li saret fit-30 ta’ Marzu 2011, din l-ittra tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq).

133

Għalhekk għad irid jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt dawn l-ittri huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni, preċiżament minħabba li ma ppremettewx lir-rikorrenti li jagħrfu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata bil-għan li jsostnu d-drittijiet tagħhom u li l-Qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità fuq il-mertu.

134

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet motiv, fir-rigward tas-sitt u t-tmien sal-ħdax ilment marbuta mal-ewwel kriterju tal-għoti kif ukoll il-parti li tikkonċerna r-raba’ kriterju tal-għoti, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li twettaq stħarriġ tal-legalità tal-mertu tad-deċiżjoni tal-għoti sa fejn din hija bbażata fuq l-evalwazzjoni individwali u komparattiva tal-offerti fir-rigward tal-kriterji tekniċi tal-għoti inkwistjoni. Issa, l-evalwazzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu elementi ta’ motivazzjoni essenzjali neċessarji għall-komprensjoni tajba tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fosthom l-ippeżar ta’ ċerti sotto-kriterji, u mill-evalwazzjoni individwali u komparattiva tal-offerti mill-awtorità kontraenti f’dan ir-rigward (ara l-punti 81 sa 86, 87 sa 89 u 90 sa 95 iktar ’il fuq).

135

Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-għoti hija vvizzjata minn diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ġenerali, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, u li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

Konklużjoni fuq it-talba għal annullament

136

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, minħabba żbalji sostanzjali u proċedurali mwettqa mill-UASI, kif ikkonstatati fil-kuntest tal-ewwel sat-tielet motiv, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-għoti fit-totalità tagħha, inkluża sa fejn din tikklassifika lill-kontraenti l-oħra fl-ewwel u fit-tieni post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata (ara t-tieni inċiż tal-punt 34 iktar ’il fuq).

2. Fuq it-talba għal kumpens

137

Fir-rigward tat-talba għal kumpens, hemm lok li jitfakkar li, fis-seduta, ir-rikorrenti llimitaw il-portata tal-imsemmija talba billi rrinunzjaw għall-kumpens għad-danni naxxenti mit-telf tal-benefiċċju raġonevolment mistenni, li tiegħu ittieħdet nota fil-verbal tas-seduta (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Permezz ta’ dan, ir-rikorrenti ppreċiżaw li ma għadhomx iridu jiksbu kumpens għat-telf tal-kuntratt inkwistjoni, iżda sempliċiment kumpens għat-telf ta’ opportunità li jikkonkludu l-imsemmi kuntratt bħala kontraenti kklassifikata fl-ewwel post, li huwa differenti mit-telf tal-kuntratt fih innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, Ġabra, EU:T:2008:160, punt 124, u tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki/BEI, T‑461/08, Ġabra, EU:T:2011:494, punt 210), kif ukoll il-kumpens għad-danni morali subit minħabba l-preġudizzju għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħhom.

138

Skont ir-rikorrenti, essenzjalment, l-għoti tad-danni fil-forma ta’ tali kumpens huwa neċessarju minħabba r-rifjut “irriversibbli” li dawn jingħataw il-kuntratt inkwistjoni, peress li dan tal-aħħar ikun probabbilment eżegwit kompletament fid-data tal-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza tal-kawża. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni tal-għoti u li l-UASI jorganizza proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti, il-kundizzjonijiet “kompetittivi” tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni ma jkunux l-istess, (the contract could not repeat the same competitive conditions as those of the contested procedure) u dan ikun jekwivali għat-telf ċert ta’ opportunità u jikkawżalhom preġudizzju gravi. Għalhekk, billi ffirma kuntratt mal-kontraenti l-oħra, l-UASI ħoloq sitwazzjoni fattwali irrevokabbli (irrevocable factual situation) li għandha l-effett ta’ telf definittiv u irrimedjabbli tal-opportunità tagħhom li jingħataw il-kuntratt. Dawn huwa preġudizzju ċert – peress li huwa ekonomikament valutabbli minkejja l-inċertezza dwar il-kwantifikazzjoni eżatta tiegħu – li r-rikorrenti jivvalorizzaw f’dan il-każ, billi jieħdu kont tal-valur tal-kuntratt, tal-kumplessità tal-kwistjonijiet tekniċi u tal-prestiġju tal-awtorità kontraenti, għas-somma ta’ EUR 650000. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-perijodu kuntrattwali inizjali ta’ sena u l-estensjoni possibbli tiegħu ta’ tliet snin, kif ukoll il-libertà tal-UASI li jgħaddi ordnijiet speċifiċi lill-kontraenti, jaffettwaw ir-rabta kawżali bejn l-aġir illegali tal-awtorità kontraenti u l-preġudizzju subit. Fi kwalunkwe każ, l-osservanza tal-prinċipju fundamentali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponi l-obbligu li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ it-telf mill-offerent milqut b’mod negattiv.

139

L-UASI jikkontesta dan l-argument u, b’mod partikolari, l-ammont tad-danni abbażi tat-telf ta’ opportunità jew tal-preġudizzju għar-reputazzjoni jew għall-kredibbiltà tar-rikorrenti, l-eżistenza ta’ tali preġudizzju u, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesa’ tal-awtorità kontraenti, ir-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet allegati u l-imsemmi preġudizzju, min-naħa, u l-preġudizzju allegatament subit, min-naħa l-oħra.

140

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-organi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑474/10, EU:T:2013:528, punt 215 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li t-talba għall-kumpens hija bbażata fuq l-istess illegalitajiet bħal dawk invokati insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti u li din tal-aħħar hija bbażata fuq diversi illegalitajiet sostanzjali, fosthom ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fl-opportunità u ta’ trasparenza (ara l-punt 53 iktar ’il fuq) u fuq żbalji ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 95, 101 u 120 iktar ’il fuq), kif ukoll fuq diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni (ara l-punti 86, 89, 95, 134 u 135 iktar ’il fuq).

142

Madankollu, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imsemmija illegalitajiet sostanzjali u proċedurali u d-danni allegatament subiti, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax bħala tali jwassal għar-responsabbiltà tal-Unjoni, b’mod partikolari peress li ma huwiex ta’ natura li juri li, fl-assenza tiegħu, il-kuntratt seta’, jew anki kellu, jingħata lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Alfastar Benelux vs Il-Kunsill, T‑57/09, EU:T:2011:609, punt 49; tas-17 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑447/10, EU:T:2012:553, punt 123, u tal-14 ta’ Jannar 2015, Veloss International u Attimedia vbs Il-Parlament, T‑667/11, EU:T:2015:5, punt 72).

143

Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni kkonstatati u d-danni invokati mir-rikorrenti.

144

Għall-kuntrarju, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet sostanzjali kkonstatati, jiġifieri l-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunità u ta’ trasparenza u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, min-naħa, u t-telf ta’ opportunità, min-naħa l-oħra, l-UASI ma jistax sempliċement jallega li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu bħala awtorità kontraenti, huwa ma kienx obbligat li jiffirma il-kuntratt-kwadru mar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs BEI, punt 137 iktar ’il fuq, EU:T:2011:494, punt 211). F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-illegalitajiet sostanzjali mwettqa mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet individwali u komparattivi tal-offerti tal-kontraenti kienu ta’ natura li jinċidu fuq l-opportunità tal-ewwel rikorrent li tiġi kklassifikata fl-ewwel jew fit-tieni post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata. Dan jgħodd ukoll b’mod partikolari għall-evalwazzjoni komparattiva tal-imsemmija offerti abbażi tal-ewwel kriterju tal-għoti li fiha l-UASI kien iggwidat minn qari manifestament żbaljat tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li permezz tiegħu l-offerta tal-ewwel rikorrenti kisbet biss 22.81 minn total ta’ 40 punt. Minn dan jirriżulta wkoll li, anki jekk jittieħed kont tas-setgħa diskrezzjonali wiesa’ tal-awtorità kontraenti dwar l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, it-telf tal-opportunità subit f’dan il-każ mill-ewwel rikorrenti tikkostitwixxi preġudizzju reali u ċert fis-sens tal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra, EU:C:2006:708, punti 26 sa 42; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Giordano vs Il-Kummissjoni, C‑611/12 P, Ġabra, EU:C:2014:195, punt 61, u s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs BEI, punt 137 iktar ’il fuq, EU:T:2011:494, punti 66 u 67). Fil-fatt, f’dan il-każ, is-sempliċi fatt li l-ewwel rikorrenti ġiet ikklassifikata fit-tielet post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata u li b’hekk ġiet aċċettata bħala kontraenti possibbli, ma tirrendix wisq kredibbli l-ipotesi li l-awtorità kontraenti setgħet titwassal sabiex ma tatihiex il-kuntratt inkwistjoni.

145

Barra minn hekk, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, li fiha, fi tmiem il-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali, kien jeżisti riskju kbir li l-kuntratt inkwistjoni jkun diġà eżegwit, l-assenza stess ta’ rikonoxximent mill-qorti tal-Unjoni tat-telf ta’ tali opportunità u tan-neċessità li jingħata kumpens f’dan ir-rigward imur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-annullament retroattiv ta’ deċiżjoni tal-għoti ma jipprovdi l-ebda vantaġġ lill-offerenti eskluż, b’tali mod li t-telf tal-opportunità jippreżenta ruħu bħala irrimedjabbli. Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li, minħabba kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-President tal-Qorti Ġenerali, l-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet evalwata u eskluża illegalment rarament ikun fil-prattika, f’pożizzjoni li jikseb sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni [Digriet tat-23 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), Ġabra, EU:C:2015:275; Digriet tal-4 ta’ Frar 2014, Serco Belgium et vs Il-Kummissjoni, T‑644/13 R, Ġabra, EU:T:2014:57, punti 18 et seq].

146

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, huwa neċessarju li jingħata kumpens lill-ewwel rikorrenti abbażi tat-telf ta’ opportunità sa fejn id-deċiżjoni tal-għoti, anki f’każ li din tiġi annullata b’effett retroattiv, fil-prattika xejnet definittivament il-possibbiltà li din ikollha l-offerta tagħha kklassifikata aħjar u, għaldaqstant, l-opportunità tagħha li tingħata ftehimiet ta’ eżekuzzjoni speċifiċi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ kuntratt kwadru.

147

Madankollu, fir-rigward tal-portata tal-kumpens għad-danni marbuta mat-telf ta’ opportunità, stmati mir-rikorrenti li jammontaw għal EUR 650000, il-Qorti Ġenerali ma tinsabx f’pożizzjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura, fid-dawl tal-elementi tal-proċess, li tiddeċiedi definittivament fuq l-ammont tal-kumpens li l-Unjoni għandha tagħti lill-ewwel rikorrenti. Peress li l-kwistjoni tal-evalwazzjoni tad-dannu għadha ma tistax tiġi deċiża u għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ekonomija tal-ġudizzju, għandha tingħata deċiżjoni, inizjalment, permezz ta’ sentenza interlokutorja, dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-ammonti tal-kumpens li jirriżultaw mill-illegalitajiet mwettqa mill-UASI huwa rriżervat għal fażi ulterjuri, jew bi ftehim komuni tal-partijiet, jew inkella mill-Qorti Ġenerali f’każ ta’ nuqqas ta’ tali ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il-Kummissjoni, T‑333/10, Ġabra, EU:T:2013:451, punt 199 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148

Madankollu, għal dan l-għan, f’dan il-każ, kemm il-partijiet kif ukoll il-Qorti Ġenerali huma mfakkar li jieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti li ġejjin.

149

Fl-ewwel lok, hemm lok li jittieħed kont tal-fatt li l-valur stmat tal-kuntratt inkwistjoni, kif iddikjarat fl-avviż tal-kuntratt, huwa ta’ EUR 13000000 minbarra t-taxxi għal perijodu massimu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt kwadru ta’ erba’ snin u, għaldaqstant, il-valur tal-kisba tal-kuntratt-kwadru għall-ewwel sena huwa tal-inqas ta’ EUR 3250000.

150

Fit-tieni lok, jeħtieġ li tiġi ddeterminata r-rata ta’ probabbiltà ta’ suċċess tal-offerta tal-ewwel rikorrenti, jiġifieri l-probabbiltà li tipi kklassifikata fl-ewwel jew fit-tieni post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata, fl-assenza tal-illegalitajiet sostanzjali differenti mwettqa mill-UASI waqt il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-offerti tekniċi u finanzjarji tal-ewwel rikorrenti ġew ikklassifikati kull waħda fit-tieni post (ara t-tabelli esposti fil-punti 12 u 20 iktar ’il fuq) u li, skont il-metodu tal-kalkolu espost fil-punt 13.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-ippeżar tal-imsemmija offerti għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kien ta’ 50/50.

151

Fit-tielet lok, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratt-kwadru jingħata u jiġi ffirmat biss għal perijodu inizjali ta’ sena u li ma teżisti l-ebda ċertezza li dan tal-aħħar jiġi mġedded mill-UASI għat-tliet snin suċċessivi (ara l-punt 14.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u l-punt 1.2.5 tal-abbozz tal- kuntratt-kwadru). Jeħtieġ ukoll li tiġi evalwata l-probabbiltà li l-ewwel kontraenti ikun kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti tal-ordnijiet differenti maħruġa mill-awtorità kontraenti kemm matul l-ewwel sena ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt kwadru kif ukoll matul is-snin suċċessivi fil-każ ta’ tiġdid ta’ dan tal-aħħar. Issegwi n-neċessità li tiġi aġġustata r-rata ta’ probabbiltà ta’ suċċess skont l-assenza ta’ ċertezza ta’ tiġdid tal-kuntratt-kwadru u tal-inkapaċità eventwali tal-imsemmi kontraenti sabiex jeżegwixxi l-imsemmija ordnijiet.

152

Fir-raba’ lok, jeħtieġ li jiġu ddeterminati d-danni li jistgħu jiġu rriżarċiti filwaqt li jittieħed kont tal-benefiċċju nett li seta’ jinkiseb mill-ewwel rikorrenti matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt-kwadru. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti sostnew, matul is-sena 2006, fil-kuntest ta’ proġetti kummerċjali, l-ewwel rikorrenti kien kiseb benefiċċju gross ta’ 10.33 %.

153

Fil-ħames lok, hemm lok li jiġu dedotti l-benefiċċji miksuba b’mod ieħor mill-ewwel rikorrenti minħabba n-nuqqas tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni bil-għan jiġi evitat kumpens żejjed.

154

Fis-sitt lok, bil-għan li jiġi ddeterminat l-ammont totali li jista’ jiġi rriżarċit abbażi tat-telf tal-opportunità, hemm lok li jiġi mmultiplikat il-benefiċċju nett stabbilit mar-rata ta’ probabbiltà ta’ suċċess.

155

Fl-aħħar, fir-rigward tal-allegat preġudizzju għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà tar-rikorrenti, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li annullament eventwali mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni tal-għoti huwa, fil-prinċipju, suffiċjenti sabiex jiġi rrimedjat il-preġudizzju naxxenti mill-imsemmija danni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Settembru 2005, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T‑195/05 R, Ġabra, EU:T:2005:330, punt 126), mingħajr il-bżonn li jiġi deċiż jekk il-klassifikazzjoni, jekk applikabbli, mhux iġġustifikata, tal-offerta tal-ewwel rikorrenti fit-tielet post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata minflok fl-ewwel jew fit-tieni post tikkostitwixxix tali preġudizzju.

156

Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tintlaqa’ t-talba għad-danni tar-rikorrenti sa fejn din tipprevedi l-kumpens għat-telf ta’ opportunità u li tiġi miċħuda fil-kumplament tagħha.

157

Fir-rigward tal-ammont riżarċibbli abbażi tat-telf ta’ opportunità, jeħtieġ lil-partijiet jiġu mistiedna, b’riżerva għal deċiżjoni ulterjuri tal-Qorti Ġenerali, li jilħqu ftehim fuq l-ammont fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u li jittrażmettulha, f’terminu ta’ tliet xhur dekorribbli mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, l-ammont pagabbli, stabbilit bi ftehim komuni, jew, fin-nuqqas, li jwasslulha, fl-istess terminu, il-kwantifikazzjoni tad-dannu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ATC et vs Il-Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, EU:T:2013:451, punt 101).

Fuq l-ispejjeż

158

L-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-UASI, adottata fil-kuntest tal-proċedura miftuħa ta’ sejħa għal offerti AO/021/10, intitolata “Servizzi esterni marbuta mal-amminstrazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti u ta’ pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika”, u kkomunikata lil European Dynamics Luxembourg SA permezz tal-ittra tat-28 ta’ Marzu 2011, li tikklassifika l-offerta tagħha fit-tielet post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt-kwadru, kif ukoll li tikklassifika l-offerta tal-consortium Unisys SLU u Charles Oakes & Co Sàrl, minn naħa, u ta’ ETIQ Consortium (by everis u Trasys), min-naħa l-oħra, fl-ewwel u t-tieni post rispettivament hija annullata.

 

2)

L-Unjoni Ewropea hija obbligata li tirrimedja d-danni subiti minn European Dynamics Luxembourg abbażi tat-telf ta’ opportunità li tingħata il-kuntratt-kwadru bħala l-ewwel kontraenti f’kaskata.

 

3)

Il-kumplament tat-talba għad-danni huwa miċħud.

 

4)

Il-partijiet għandhom jittrażmettu lill-Qorti Ġenerali, f’terminu ta’ tliet xhur dekorribbli mid-data tal-għoti tas-sentenza, l-ammont pagabbli tal-kumpens, stabbilit bi ftehim komuni.

 

5)

Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-partijiet għandhom iwasslu lill-Qorti Ġenerali, fl-istess terminu, il-kwantifikazzjoni tad-dannu tagħhom.

 

6)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Prek

Labucka

Kreuschitz

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Din is-sentenza ġiet ippubblikata f’siltiet minhha biss.

( 2 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.

Top