EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0164

Kawża C-164/11: Rikors ippreżentat fil- 5 ta’ April 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

OJ C 186, 25.6.2011, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/13


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-164/11)

2011/C 186/22

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: W. Mölls, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tikkonstata li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tadatta s-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku għad-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2003/96/KE (1), minkejja l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tagħha, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni qiegħda ssostni li, minkejja l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju mogħti lill-konvenuta, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2009, hija baqgħet ma adattatx l-elementi kollha tas-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-Liġi Nru 2010-1488, tas-7 ta’ Diċembru 2010, li ġiet adottata u li daħlet fis-seħħ wara l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, tittrasponi fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija. Skont il-Kummissjoni, dan ir-rikors għandu jintlaqa’ fid-dawl tas-sitwazzjoni fid-dritt nazzjonali applikabbli fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbiliti fl-opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tosserva li, fi kwalunkwe każ, Franza għadha ma adattatx l-elementi kollha tas-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku b’tali mod li trendihom konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. B’hekk, ir-rikorrenti tiċħad l-argument tal-awtoritajiet nazzjonali li d-Direttiva ma tipprojbixxix żidiet fid-dazji tas-sisa skont iż-żoni ġeografiċi kkonċernati. Għall-kuntrarju, id-Direttiva tistabbilixxi l-prinċipju ta’ rata waħda għal kull konsum ta’ elettriku li jseħħ fl-istess Stat Membru u tistabbilixxi, b’mod eżawrjenti, id-derogi għal dan il-prinċipju fl-Artikoli 5, 14, 15 u 17.

Il-Kummissjoni tiċħad, barra minn hekk, it-teżi mressqa mill-awtoritajiet Franċiżi fis-sens li “id-differenzjazzjoni tariffarja adottata” ma toħloq ebda riskju ta’ frodi, ma timplika ebda piż addizzjonali għall-operaturi u lanqas ma tikkostitwixxi ostakolu għad-dħul fis-suq minn fornituri barranin.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).


Top