EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0509

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Settembru 2013.
ÖBB-Personenverkehr AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Regolament (KE) Nru 1371/2007 — Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri ferrovjarji — Artikolu 17 — Kumpens marbut mal-prezz tal-biljett tat-trasport fil-każ ta’ dewmien — Esklużjoni fil-każ ta’ forza maġġuri — Ammissibbiltà — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) — Setgħat tal-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament — Possibbiltà li jiġi impost fuq it-trasportatur ferrovjarju li jbiddel il-kundizzjonijiet għal kumpens tal-passiġġieri.
Kawża C‑509/11.

Court Reports – Court of Justice

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:613

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 1371/2007 — Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri ferrovjarji — Artikolu 17 — Kumpens marbut mal-prezz tal-biljett tat-trasport fil-każ ta’ dewmien — Esklużjoni fil-każ ta’ forza maġġuri — Ammissibbiltà — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) — Setgħat tal-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament — Possibbiltà li jiġi impost fuq it-trasportatur ferrovjarju li jbiddel il-kundizzjonijiet għal kumpens tal-passiġġieri”

Fil-Kawża C‑509/11,

li għandha bħala suġġett it-talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l‑Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2011, fil-proċeduri mibdija minn

ÖBB-Personenverkehr AG,

fil-preżenza ta’:

Schienen-Control Kommission,

Bundesministerin für Verkehr, Innovation und Technologie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-ÖBB-Personenverkehr AG, minn A. Egger, avukat,

għas-Schienen‑Control Kommission, minn G. Hellwagner u N. Schadler, kif ukoll minn G. Redl, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 17 u 30 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, p. 14).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn ÖBB-Personenverkehr AG (iktar ’il quddiem l-“ÖBB‑Personenverkehr”) kontra d-deċiżjoni tax-Schienen‑Control Kommission (Kummissjoni ta’ Kontroll tas-Sistema Ferrovjarja, iktar ’il quddiem il-“Kommission”), tas-6 ta’ Diċembru 2010, dwar kundizzjonijiet għal kumpens lill-passiġġieri tal-ferroviji mill-ÖBB‑Personenverkehr.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija, dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“COTIF”), iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2011 f’Berna (l-Isvizzera), daħal fis-seħħ, b’konformità mal-Artikolu 9 tiegħu, fl-1 ta’ Lulju 2011.

4

L-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim jistipula:

“Mingħajr preġudizzju għall-objettiv u l-iskop tal-Konvenzjoni biex tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita t-trasport internazzjonali bil-ferrovija u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ Partijiet Kontraenti oħra għall-Konvenzjoni, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet għall-Konvenzjoni li huma Stati Membri tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli tal-Unjoni u għalhekk m’għandhomx japplikaw ir-regoli li jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni ħlief sakemm ma jkunx hemm regola tal-Unjoni li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat.”

Id-dritt tal-Unjoni

5

Skont il-premessi 1 sa 3 tar-Regolament Nru 1371/2007:

“(1)

Fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, huwa importanti li d-drittijiet ta’ l-utent tal-passiġġieri ferrovjarji jkunu mħarsa u tittejjeb il-kwalità u l-effettività tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri sabiex jiġi megħjun it-tkabbir tas-sehem tat-trasport ferrovjarju meta mqabbel ma’ mezzi oħra ta’ trasport.

(2)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Istrateġija dwar il-Politika tal-Konsumatur għall-2002-2006” [...] tistabilixxi l-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur fil-qasam tat-trasport, kif jitlob l-Artikolu 153(2) tat-Trattat [KE].

(3)

Ġialadarba l-passiġġier tal-ferroviji huwa l-parti d-dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġier f’dan ir-rigward.”

6

Il-premessi 6, 13 u 14 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(6)

It-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji għandu jinbena fuq is-sistema eżistenti ta’ liġi internazzjonali dwar dan is-suġġett li tinsab fl-Appendiċi A — Regoli uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija (CIV) mal-[COTIF] [(iktar ’il quddiem ir-“Regoli Uniformi CIV”)]. Madankollu huwa mixtieq li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġi estiż sabiex jipproteġi mhux biss il-passiġġieri internazzjonali imma wkoll passiġġieri domestiċi.

[...]

(13)

Id-drittijiet imsaħħin ta’ kumpens u ta’ assistenza fil-każ ta’ dewmien, ta’ telf ta’ konnessjoni jew ta’ taħsir ta’ servizzi għandhom iwasslu għal inċentivi akbar għas-suq tal-passiġġieri ferrovjarji, għall-benefiċċju tal-passiġġieri.

(14)

Huwa mixtieq li dan ir-Regolament għandu joħloq sistema ta’ kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien, li hija marbuta mar-responsabbiltà ta’ l-impriża tal-ferrovija, fuq l-istess bażi bħas-sistema internazzjonali pprovduta mill-COTIF u b’mod partikolari l-appendiċi CIV għalih dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.”

7

Skont il-premessi 22 u 23 tar-Regolament Nru 1371/2007:

“(22)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn il-penali jiġu applikati. Il-penali, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens lill-persuna in kwistjoni, iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(23)

Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità u l-introduzzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 [KE]. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.”

8

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“impriża ferrovjarja” tfisser impriża ferrovjarja kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/14/KE [...], u kwalunkwe impriża pubblika jew privata, li l-attività tagħha hi li tipprovdi t-trasport ta’ merkanzija u/jew passiġġieri bil-ferrovija fuq il-bażi li l-impriża għandha tiżgura l-ġbid; dan jinkludi wkoll impriżi li jipprovdu biss il-ġbid;

[...]

8)

“Kuntratt ta’ trasport” tfisser kuntratt ta’ trasport bi ħlas jew mingħajr ħlas bejn impriża ferrovjarja jew bejjiegħ tal-biljetti u l-passiġġier għall-provvediment ta’ servizz ta’ trasport wieħed jew aktar;

[...]

16)

“Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport” tfisser il-kondizzjonijiet tat-trasportatur fil-forma ta’ kondizzjonijiet ġenerali jew tariffi legalment fis-seħħ f’kull Stat Membru u li saru, bil-konklużjoni tal-kuntratt tat-trasport, parti integrali minnu;

[...]”

9

Skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament:

“1.   L-obbligi lejn il-passiġġieri skond dan ir-Regolament ma jistgħux jiġu limitati jew irrinunzjati, b’mod partikolari permezz ta’ xi deroga jew klawżola restrittiva fil-kuntratt ta’ trasport.

2.   L-impriżi ferrovjarji jistgħu joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet imniżżla f’dan ir-Regolament.”

10

L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, u bla ħsara għal-liġi nazzjonali applikabbli li tagħti lill-passiġġieri iktar kumpens għall-ħsarat, ir-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji fir-rigward tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom għandha tkun regolata minn Kapitoli I, III u IV tat-Titolu IV, Titolu VI u Titolu VII ta’ Anness I.”

11

L-Artikolu 15 tal-istess regolament jistabbilixxi:

“Bla ħsara għad-Disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, ir-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji fejn jidħlu dewmien, konnessjonijiet li ma ntlaħqux u kanċellazzjonijiet għandha tkun regolata mill-Kapitolu II tat-Titolu IV ta’ l-Anness I.”

12

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007:

“1.   Mingħajr ma jitlef id-dritt għat-trasport, passiġġier jista’ jitlob kumpens għal dewmien mingħand l-impriża ferrovjarja jekk ikollu dewmien bejn il-postijiet ta’ tluq u ta’ wasla mogħtija fuq il-biljett li għalih il-biljett ma ġiex rimborsat skond l-Artikolu 16. Il-kumpens minimu għal dewmien għandu jkun kif ġej:

a)

25 % tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ dewmien ta’ 60 minuta sa 119‑il minuta;

b)

50 % tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ dewmien ta’ 120 minuta jew aktar.

Passiġġieri li jkollhom pass ta’ l-ivjaġġar jew biljett staġunali u li jiffaċċjaw dewmien jew kanċellazzjonijiet rikorrenti matul il-perjodu ta’ validità tagħhom jistgħu jitolbu kumpens adegwat skond l-arranġamenti ta’ kumpens ta’ l-impriża ferrovjarja. Dawn l-arranġamenti għandhom jistabilixxu il-kriterji għad-determinazzjoni tad-dewmien u għall-kalkolu tal-kumpens.

Il-kumpens għad-dewmien għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni mal-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz ittardjat.

Fejn il-kuntratt ta’ trasport huwa għal vjaġġ bir-ritorn, il-kumpens għal dewmien ’l hemm jew ’l hawn għandu jiġi kkalkulat fuq nofs il-prezz imħallas għall-biljett. Bl-istess mod il-prezz għal dewmien fis-servizz taħt kwalunkwe kuntratt ta’ trasport ieħor li jippermetti diversi proporzjonalment għall-prezz sħiħ.

Il-kalkolu tal-perijodu ta’ dewmien m’għandux jieħu kont ta’ kwalunkwe dewmien li l-impriża ferrovjarja tista’ turi li seħħ barra t-territorji li fihom it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikat.

2.   Il-kumpens tal-prezz tal-biljett għandu jiġi mħallas fi żmien xahar wara s-sottomissjoni tat-talba għal kumpens. Il-kumpens jista’ jiġi mħallas f’vawċers u/jew servizzi oħra jekk it-termini huma flessibbli (b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu tal-validità u d-destinazzjoni). Il-kumpens għandu jitħallas fi flus fuq talba tal-passiġġier.

3.   Il-kumpens tal-prezz tal-biljett m’għandux jitnaqqas permezz ta’ spejjeż ta’ transazzjonijiet finanzjarji bħal miżati, spejjeż tat-telefon jew bolol. L-impriżi ferrovjarji jistgħu jdaħħlu livell minimu li taħtu ma jsirux ħlasijiet ta’ kumpens. Dan il-livell ma jistax ikun aktar minn [EUR] 4.

4.   Il-passiġġier m’għandu l-ebda dritt għal kumpens jekk jiġi infurmat bid-dewmien qabel jixtri l-biljett, jew jekk id-dewmien, minħabba kontinwazzjoni fuq servizz differenti jew tibdil tar-rotta, jibqa’ taħt is-60 minuta.”

13

L-Artikolu 18(1) sa 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   F’każ ta’ dewmien fil-wasla jew fit-tluq, il-passiġġieri għandhom jinżammu infurmati dwar is-sitwazzjoni u l-ħin stmat tat-tluq u l-ħin stmat tal-wasla mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta’ l-istazzjon hekk kif tali informazzjoni tkun disponibbli.

2.   F’każ ta’ kwalunkwe dewmien kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ aktar minn siegħa, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti b’xejn:

a)

ikliet u rinfreski b’mod raġonevoli skond il-ħin ta’ stennija, jekk ikunu disponibbli fuq il-ferrovija jew fl-istazzjon jew jistgħu b’mod raġonevoli jkunu pprovduti;

b)

lukanda jew akkomodazzjoni oħra, u trasport bejn l-istazzjon ferrovjarju u l-post ta’ akkomodazzjoni, f’każijiet fejn jeħtieġu waqfa ta’ lejl jew aktar jew tkun teħtieġ waqfa addizzjonali, fejn u meta jkun fiżikament possibbli;

ċ)

jekk il-ferrovija tkun imwaħħla fuq il-linji, trasport mill-ferrovija sa l-istazzjon ferrovjarju, sal-punt tat-tluq alternattiv jew sad-destinazzjoni aħħarija tas-servizz, fejn u meta jkun fiżikament possibbli.

3.   Jekk is-servizz ferrovjarju ma jkunx jista’ jitkompla aktar, l-impriżi ferrovjarji għandhom jorganizzaw kemm jista’ jkun malajr servizzi ta’ trasport alternativ għall-passiġġieri.

[...]”

14

L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar entità jew entitajiet responsabbli mill-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Kull entità għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li d-drittijiet tal-passiġġieri huma rrispettati.

Fl-organizzazzjoni, d-deċiżjonijet ta’ finanzjament, l-istruttura legali u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha kull entità għandha tkun indipendenti minn kwalunkwe amministratur ta’ l-infrastruttura, entità li għandha f’idejha l-imposizzjoni tad-drittijiet, mill-entità li talloka jew mill-impriża ferrovjarja.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-entità jew entitajiet maħtura skond dan il-paragrafu u bir-responsabbiltajiet rispettivi tagħha jew tagħhom.

2.   Kull passiġġier jista’ jilmenta mal-korp maħtur taħt il-paragrafu 1, jew ma’ kwalunkwe korp xieraq ieħor maħtur minn xi Stat Membru, fuq allegat ksur ta’ dan ir-Regolament.”

15

L-Artikolu 32 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-Dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli u l-miżuri lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Ġunju 2010 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwahom.”

16

L-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007 jinkludi estratt mir-Regoli Uniformi CIV.

17

Il-Kapitolu II tat-Titolu IV ta’ dawn ir-regoli, intitolat “Responsabbiltà f’każ ta’ Nuqqas ta’ Żamma ma’ l-Iskeda tal-Ħin” jinkludi Artikolu 32, artikolu uniku f’dan il-kapitolu, ifformulat kif ġej:

“1.   It-trasportatur għandu jkun responsabbli għall-passiġġier għal telf jew ħsara li tirriżulta mill-fatt li, minħabba kanċellazzjoni, ittardjar [dewmien] ta’ ferrovija jew konnessjoni li ma ntlaħqitx, il-vjaġġ tiegħu ma jistax jitkompla fl-istess jum, jew li kontinwazzjoni tal-vjaġġ fl-istess jum ma tistax tintalab b’mod raġonevoli minħabba ċirkostanzi speċifiċi. Il-ħsarat għandhom jinkludu l-ispejjeż raġonevoli ta’ akkomodazzjoni kif ukoll l-ispejjeż raġonevoli li jkun hemm bżonn biex jiġu nnotifikati l-persuni li qed jistennew lill-passiġġier.

2.   It-trasportatur għandu jiġi meħlus minn din ir-responsabbiltà, meta l-kanċellazzjoni, l-ittardjar jew il-konnessjoni li ma ntlaħqitx hija attribwibbli għal waħda minn dawn il-kawżi [raġunijiet] li ġejjin:

a)

ċirkostanzi mhux konnessi ma’ l-operat tal-linja tal-ferrovija li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom;

b)

tort fuq il-parti tal-passiġġier; jew

ċ)

l-imġiba ta’ parti terza li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom; impriża oħra li tuża l-istess infrastruttura tal-linja tal-ferrovija ma tistax titqies bħala parti terza; id-dritt għar-rikors m’għandux jiġi affettwat.

3.   Il-liġi nazzjonali għandha tiddetermina jekk u sa liema livell għandu t-trasportatur iħallas il-ħsarat għal ħsara barra minn dik prevista fil-paragrafu 1. Din id-Dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44.”

Id-dritt Awstrijak

18

L-Artikolu 22a(1) tal-liġi federali li tirrigwarda l-ferroviji, materji speċifiċi għall-vetturi ferrovjarji u għat-traffiku ferrovjarju (Bundesgesetz über Eisenbahnen, Schienenfahrzeuge auf Eisenbahnen und den Verkehr auf Eisenbahnen, BGBl.60/1957), kif emendata (BGBl. I, 25/2010, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-ferroviji”), jistabbilixxi:

“It-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ferrovjarji fuq rotot ewlenin u n-netwerk sekondarju għandhom jinkludu kundizzjonijiet għal kumpens skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimbors tal-prezz tal-biljett stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-liġi federali li tikkonċerna r-[Regolament Nru 1371/2007] u konformi mal-Artikolu 17 tar-[Regolament Nru 1371/2007].”

19

Skont l-Artikolu 78b(2) tal-liġi dwar il-ferroviji:

“Il-[Kommission] għandha:

[...]

2.

tiddikjara totalment jew parzjalment nulli u bla effett il-kundizzjonijiet għal kumpens skont ir-[Regolament Nru 1371/2007] meta l-impriża ferrovjarja ma tkunx adottathom skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17 tar-[Regolament Nru 1371/2007].”

20

L-Artikolu 167(1) tal-liġi dwar il-ferroviji tipprovdi li kull min ma jippubblikax il-kundizzjonijiet għal kumpens skont l-Artikolu 22a(1) ta’ din il-liġi jwettaq ksur amministrattiv u għandu jiġi ppenalizzat mill-amministrazzjoni reġjonali b’multa li tista’ titla’ sa EUR 2 180.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

L-ÖBB-Personenverkehr hija impriża ferrovjarja, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1371/2007.

22

Peress illi l-kundizzjonijiet għal kumpens marbuta mal-prezz tal-biljett, li din l-impriża tapplika fil-kuntratti ta’ trasport tagħha li tkun ikkonkludiet mal-passiġġieri, ma humiex konformi mal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, b’deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2010, il-Kommission talbet lill-ÖBB-Personenverkehr sabiex tbiddilhom.

23

B’mod partikolari, il-Kommission ordnat it-tneħħija ta’ klawżola li permezz tagħha, id-dritt għal kumpens jew għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti huwa eskluż fil-każ fejn id-dewmien huwa imputabbli għal waħda minn dawn ir-raġunijiet segwenti:

nuqqas min-naħa tal-passiġġier;

l-aġir ta’ terz li t-trasportatur ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tiegħu, minkejja li kien diliġenti biżżejjed fiċ-ċirkustanzi;

ċirkustanzi mhux konnessi mal-operat tal-linja tal-ferrovija li t-trasportatur, minkejja li eżerċita d-diliġenza meħtieġa fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom;

limitazzjoni ta’ traffiku minħabba strajk, meta l-passiġġier ikun ġie infurmat b’mod xieraq dwar dan, u

servizzi ta’ trasport li ma jagħmlux parti mill-kuntratt ta’ trasport.

24

L-ÖBB-Personenverkehr ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.

25

Din l-impriża targumenta, minn naħa, li l-Kommission ma għandhiex setgħa sabiex tordna emenda għall-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tagħha u, min-naħa l-oħra, li mir-Regolament Nru 1371/2007 jirriżulta li l-impriżi ferrovjarji huma eżentati mill-obbligu li jikkumpensaw lill-passiġġieri meta d-dewmien huwa dovut għal forza maġġuri. F’dan ir-rigward, l-ÖBB-Personenverkehr targumenta, b’mod partikolari, li l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament fir-rigward ta’ din il-kwistjoni jirreferi għall-Artikolu 32 tar-Regoli Uniformi CIV, inkwantu każijiet ta’ eżenzjoni ta’ responsabbiltà msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni huma applikabbli wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament.

26

Għall-kuntrarju, il-Kommission issostni li l-ordni magħmula fil-konfront ta’ impriża ferrovjarja sabiex tapplika ċerti kundizzjonijiet għal kumpens jew li tastjeni milli tapplika kundizzjonijiet ta’ trasport li jirrestrinġu d-drittijiet tal-passiġġieri kif ipprovduti fir-Regolament Nru 1371/2007, tista’ tkun ibbażata direttament fuq l-Artikolu 30(1) tar-Regolament. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament huwa eżawrenti. Konsegwentement, impriża ferrovjarja li, b’konformità ma’ dak previst fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, ma tistax tillimita l-obbligi tagħha u lanqas teżenta ruħha minnhom fir-rigward tal-passiġġieri lanqas ma tista’ taġixxi b’dan il-mod fil-kuntest ta’ dan l-Artikolu 17, inkluż fil-każ ta’ forza maġġuri.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tar-[Regolament Nru 1371/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li, il-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa awtorizzat jippreskrivi, b’mod vinkolanti fuq impriża tal-ferroviji li l-kundizzjonijiet tal-kumpens għar-rimbors tal-prezz ta’ biljett ma jikkorrispondux mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, il-kontenut speċifiku tal-kundizzjonijiet tal-kumpens li għandhom jintużaw minn din l-impriża, minkejja li d-dritt nazzjonali jagħtih biss il-possibbiltà li jiddikjara n-nullità ta’ tali kundizzjonijiet?

2)

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, impriża tal-ferroviji tista’ teskludi l-obbligu tagħha li tirrimborsa prezz ta’ biljett fil-każ ta’ forza maġġuri, b’applikazzjoni b’analoġija tal-motivi ta’ esklużjoni previsti fir-[Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, p. 1), u Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, p. 1)], jew inkella billi testendi, [ukoll] għall-każijiet ta’ rimbors tal-prezz tal-biljetti, l-esklużjonijiet tar-responsabbiltà previsti fl-Artikolu 32(2) tar-[Regoli Uniformi CIV]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

28

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tkun l-ewwel waħda li tingħata risposta, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li impriża ferrovjarja għandha dritt tinkludi klawżola fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tagħha li permezz tagħha hija tiġi eżentata mill-obbligi tagħha għal kumpens rigward il-prezz tal-biljett minħabba dewmien, meta d-dewmien iseħħ minħabba forza maġġuri jew minħabba waħda mir-raġunijiet imniżżlin fl-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi CIV.

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi l-kumpens minimu, ikkalkolat abbażi tal-prezz tal-biljett tat-trasport, li l-passiġġieri għandhom dritt jeżiġu mill-impriżi ferrovjarji fil-każ ta’ dewmien.

30

Madankollu, skont l-Artikolu 17(4) ta’ dan ir-regolament, il-passiġġieri ma humiex intitolati għal kumpens jekk dawn ikunu ġew infurmati bid-dewmien qabel jixtru l-biljett tagħhom jew jekk id-dewmien ikun inqas minn 60 minuta. Barra minn hekk, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża li l-kalkolu tat-tul tad-dewmien ma jieħux inkunsiderazzjoni d-dewmien fejn l-impriża ferrovjarja tista’ tipprova li dan seħħ f’territorji ’il barra minn dawk li fihom huwa applikabbli t-Trattat KE.

31

Għall-kuntrarju, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1371/2007 ma tipprovdi li l-impriżi ferrovjarji huma eżentati mill-obbligu ta’ kumpens kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, meta d-dewmien huwa imputabbli għal forza maġġuri.

32

Madankollu, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi li r-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji fejn jikkonċerna d-dewmien, konnessjonijiet mitlufa u l-kanċellazzjonijiet hija, bla ħsara għall-Artikoli 16 sa 18 ta’ dan ir-regolament, irregolata mill-Artikolu 32 tar-Regoli Uniformi CIV.

33

Kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 1371/2007, effettivament il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li huwa mixtieq li s-sistema ta’ kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien tistrieħ fuq l-istess bażi bħas-sistema internazzjonali prevista mill-COTIF, li r-Regoli Uniformi CIV jagħmlu parti minnha.

34

Skont l-Artikolu 32(1) tal-imsemmija Regoli Uniformi, it-trasportatur ferrovjarju huwa responsabbli, fir-rigward tal-passiġġier, mid-dannu li jirriżulta mill-fatt li, minħabba kanċellazzjoni, dewmien ta’ ferrovija jew konnessjoni mitlufa, il-vjaġġ ma jkunx jista’ jkomplih fl-istess jum. Id-danni li l-passiġġier bil-ferroviji huwa intitolat għalihom f’ċirkustanzi bħal dawn jinkludu l-ispejjeż raġonevoli ta’ akkomodazzjoni kif ukoll l-ispejjeż sabiex jiġu nnotifikati l-persuni li qed jistennew lill-passiġġier.

35

Ir-raġunijiet għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tat-trasportatur koperti b’din id-dispożizzjoni huma previsti fl-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi CIV.

36

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk, fiċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-Artikolu 32(2), trasportatur ferrovjarju għandux dritt li jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġier skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 32 tar-Regoli Uniformi CIV jikkonċerna d-dritt tal-passiġġieri ferrovjarji għal kumpens għad-dannu li jirriżulta mid-dewmien jew mill-kanċellazzjoni ta’ ferrovija.

38

Għall-kuntrarju, il-kumpens previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, ikkalkolat abbażi tal-prezz tal-biljett tat-trasport, huwa maħsub sabiex jiġi kkumpensat il-prezz imħallas mill-passiġġier inkambju ta’ servizz li, definittivament, ma ġiex eżegwit skont il-kuntratt ta’ trasport. Barra minn hekk, jirriżulta bħala forma ta’ kumpens finanzjarju fiss u standardizzat, b’differenza mis-sistema ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmija Regoli Uniformi, li timplika evalwazzjoni individwalizzata tad-dannu subit.

39

Għalhekk, billi l-għanijiet u l-metodi ta’ implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma differenti, is-sistema ta’ kumpens prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 ma tistax tiġi assimilata mar-responsabbiltà tat-trasportatur ferrovjarju skont l-Artikolu 32(1) tar-Regoli Uniformi CIV.

40

Barra minn hekk, isegwi li fid-dawl tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1371/2007, il-kumpens lill-passiġġieri ferrovjarji skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, ma għandux jipprekludihom milli jressqu azzjonijiet għal kumpens skont l-Artikolu 32(1) tal-imsemmija Regoli Uniformi jew, b’applikazzjoni skont l-Artikolu 32(3) ta’ dawn ir-regoli uniformi, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli.

41

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kompatibbli mar-rapport ta’ spjegazzjoni marbut mar-Regoli Uniformi li jikkonċernaw il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri bil-Ferrovija (CIV), li jirriżulta fid-dokument intitolat “Rapport tal-Uffiċċju Ċentrali dwar ir-Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980 u Rapporti ta’ Spjegazzjoni dwar it-testi adottati mill-Ħames Assemblea Ġenerali”, tal-1 ta’ Jannar 2011 li fi kliemhom: “[id‑]dewmien fit-traffiku tal-passiġġieri jirrappreżenta każ tipiku ta’ implementazzjoni żbaljata tal-kuntratt ta’ ġarr [f’]bosta sistemi ġuridiċi, [...] jiġġustifika remunerazzjoni mnaqqsa, jiġifieri [f’dan il-każ] tnaqqis fil-prezz tat-trasport”.

42

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġunijiet għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tat-trasportatur previsti fl-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi CIV ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007.

43

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 1371/2007, li minnhom jirriżulta li, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jallinja d-dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji fil-każ ta’ dewmien, konnessjonijiet mitlufa u kanċellazzjonijiet fil-kapitoli korrispondenti mar-Regoli Uniformi CIV, minbarra dan, il-leġiżlatur ikkunsidra neċessarju li f’dan ir-regolament jipprovdi dispożizzjonijiet partikolari li jirregolaw ir-rimbors u tibdil tar-rotta, il-kumpens relatat mal-prezz tal-biljett u l-obbligu li tiġi pprovduta assistenza għall-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien.

44

Issa, hekk kif juri r-rifjut min-naħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal emenda, adottata mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari u intiża li tiċċara li l-Artikolu 32(2) tal-imsemmija Regoli Uniformi japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, il-leġiżlatur tal-Unjoni intenzjonalment irrifjuta li jipprovdi li l-impriżi ferrovjarji jkunu eżentati mill-obbligu tagħhom li jagħtu kumpens marbut mal-prezz tal-biljett minħabba dewmien, fiċ-ċirkustanzi koperti fl-imsemmi Artikolu 32(2).

45

B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-obbligu ta’ kumpens marbut mal-prezz imħallas inkambju ta’ servizz ta’ trasport li ma twettaqx skont il-kuntratt ta’ trasport, jaqa’ fuq it-trasportatur ferrovjarju, inkluż meta d-dewmien huwa dovut għal waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi CIV.

46

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-raġunijiet ta’ esklużjoni mir-responsabbiltà tat-trasportatur previsti bir-Regolamenti Nri 261/2004, 1177/2010 u 181/2011, li rispettivament jirrelataw mat-trasport tal-passiġġieri b’ajruplan, b’dgħajsa kif ukoll b’xarabank u b’kowċ, jistgħux jiġu applikati b’analoġija għat-trasport ferrovjarju.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni tal-impriżi li joperaw fil-qasam tal-attività ta’ diversi mezzi ta’ trasport ma hijiex paragunabbli fejn, fid-dawl tal-metodi ta’ operar tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ aċċessibbiltà tagħhom u tat-tqassim tan-netwerks tagħhom, dawn id-diversi mezzi ta’ trasport ma humiex interkambjabbli fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu d-dritt jistabbilixxi regoli li jipprovdu protezzjoni lil konsumatur b’livelli li jvarjaw skont is-settur tat-trasport ikkonċernat (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, punti 56 u 57).

48

Għaldaqstant, ir-raġunijiet għal eżenzjoni previsti bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-mezzi l-oħra tat-trasport ma jistgħux jiġu applikati b’analoġija għat-trasport ferrovjarju.

49

Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettat l-argument li l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-forza maġġuri għandu jkun applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-konsegwenza li trasportatur ferrovjarju jkollu dritt li jirrifjuta li jħallas lill-passiġġieri kkonċernati kumpens marbut mal-prezz tal-biljett minħabba dewmien ikkawżat minn forza maġġuri.

50

Fil-fatt, la l-forza maġġuri u l-ebda ċirkustanza ekwivalenti ma jissemmew fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, u lanqas fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan tal-aħħar rilevanti għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 jkollha effett li tikkontesta l-għan ewlieni ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji intiż minn dan ir-regolament u mfakkar fil-premessi 1 sa 3 tiegħu.

52

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża ferrovjarja ma għandhiex dritt illi tinkludi fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tagħha klawżola illi biha tiġi eżentata mill-obbligu tagħha li tagħti kumpens marbut mal-prezz tal-biljett minħabba dewmien, meta d-dewmien iseħħ minħabba każ ta’ forza maġġuri jew xi waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi CIV.

Fuq l-ewwel domanda

53

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jistax, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali għal dan l-iskop, jimponi fuq impriża ferrovjarja, li l-kundizzjonijiet għal kumpens għar-rimbors tal-prezz tal-biljett tagħha ma jikkorrispondux mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, il-kontenut speċifiku ta’ dawn tal-aħħar.

54

Fil-fatt, l-imsemmija qorti tar-rinviju tikkunsidra, li l-Artikolu 78b(2) tal-liġi dwar il-ferroviji, li taħtha l-Kommission hija obbligata li tiddikjara invalidi l-kundizzjonijiet għal kumpens bħala li ma humiex konformi mal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, ma jiggarantixxix li jiġu żgurati d-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji fil-każijiet kollha.

55

B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-klawżoli kkonċernati, sa fejn din ma tkunx sussegwentement emendata sabiex dawn il-klawżoli jkunu konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1371/2007, ma tiggarantixxix li jiġi żgurat li l-passiġġieri ferrovjarji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet għal kumpens previsti b’din id-dispożizzjoni.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha essenzjalment tinftiehem sabiex jiġi deċiż jekk, fid-dawl tas-setgħat limitati illi hija għandha taħt id-dritt Awstrijak, il-Kommission għandhiex dritt li tinvoka direttament l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 sabiex tadotta miżuri intiżi li jiggarantixxu d-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm minħabba n-natura tagħhom kif ukoll il-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C-367/09, Ġabra p. I-10761, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Madankollu, uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ regolament jistgħu jeħtieġu, sabiex jiġu implementati, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri (ara s-sentenza SGS Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

59

F’dan il-każ, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi li l-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li d-drittijiet tal-passiġġieri huma rrispettati.

60

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri konkreti li dan il-korp għandu jadotta ma ġewx iddefiniti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

61

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-responsabbiltajiet tal-imsemmi korp.

62

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għall-implementazzjoni tiegħu, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 jeħtieġ l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri ta’ implementazzjoni intiżi sabiex jiddefinixxu s-setgħat li għandu l-korp ta’ sorveljanza nazzjonali.

63

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kommission, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 ma jistax jiġi interpretat li jikkostitwixxi bażi ġuridika li tawtorizza lill-organi nazzjonali li jimponu fuq l-impriżi ferrovjarji l-kontenut speċifiku tal-klawżoli kuntrattwali tagħhom relatati mal-kundizzjonijiet għal kumpens.

64

Jirriżulta, b’konformità mal-Artikolu 4(3) TUE, li huwa l-obbligu tal-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji li jadottaw miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1371/2007. Sabiex jiġi ggarantit l-effett sħiħ ta’ dan tal-aħħar u sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li jingħataw lill-individwi, l-imsemmija awtoritajiet huma meħtieġa li jinterpretaw u japplikaw il-liġi nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-iskop tal-imsemmi regolament sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minn dan tal-aħħar.

65

F’dan il-każ, fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fil-premessi 1 sa 3 tar-Regolament Nru 1371/2007, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Awstrijak, inklużi dawk li jirregolaw is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati u applikati b’konformità mal-ħtieġa għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri ferrovjarji, b’mod illi dawn id-drittijiet mogħtija lilhom ikunu ggarantiti.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1), tar-Regolament Nru 1371/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jista’, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali għal dan l-iskop, jimponi fuq impriża ferrovjarja, li l-kundizzjonijiet għal kumpens tal-prezz tal-biljett tagħha ma jikkorrispondux mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, il-kontenut speċifiku ta’ dawn tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri ferrovjarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jista’, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali għal dan l-iskop, jimponi fuq impriża ferrovjarja, li l-kundizzjonijiet għal kumpens tal-prezz tal-biljett tagħha ma jikkorrispondux mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, il-kontenut speċifiku ta’ dawn tal-aħħar.

 

2)

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża ferrovjarja ma għandhiex dritt illi tinkludi fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tagħha klawżola illi biha tiġi eżentata mill-obbligu tagħha li tagħti kumpens marbut mal-prezz tal-biljett minħabba dewmien, meta d-dewmien iseħħ minħabba każ ta’ forza maġġuri jew xi waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat- 3 ta’ Ġunju 1999.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top