This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0461
Judgment of the Court (Third Chamber), 8 November 2012.#Ulf Kazimierz Radziejewski v Kronofogdemyndigheten i Stockholm.#Reference for a preliminary ruling from the Stockholms tingsrätt.#Freedom of movement for workers – Article 45 TFEU – Total or partial debt relief procedure – Debtor who is a natural person – National legislation making the grant of debt relief subject to a residence condition.#Case C‑461/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Novembru 2012.
Ulf Kazimierz Radziejewski vs Kronofogdemyndigheten i Stockholm.
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-iStockholms tingsrätt.
Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 45 TFUE — Proċedura ta’ ħelsien totali jew parzjali mid-dejn — Debitur persuna fiżika — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn għal kundizzjoni ta’ residenza.
Kawża C‑461/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Novembru 2012.
Ulf Kazimierz Radziejewski vs Kronofogdemyndigheten i Stockholm.
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-iStockholms tingsrätt.
Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 45 TFUE — Proċedura ta’ ħelsien totali jew parzjali mid-dejn — Debitur persuna fiżika — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn għal kundizzjoni ta’ residenza.
Kawża C‑461/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:704
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
8 ta’ Novembru 2012 ( *1 )
“Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 45 TFUE — Proċedura ta’ ħelsien totali jew parzjali mid-dejn — Debitur persuna fiżika — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn għal kundizzjoni ta’ residenza”
Fil-Kawża C-461/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iStockholms tingsrätt (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Settembru 2011, fil-proċedura
Ulf Kazimierz Radziejewski
vs
Kronofogdemyndigheten i Stockholm,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts (Relatur), E. Juhász, J. Malenovský, u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal U. Radziejewski, minn E. Envall, socionom/utredare, |
— |
għall-Kronofogdemyndigheten i Stockholm, minn A.-C. Gustafsson u S. Höglund Westermark, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz u C. Stege, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u G. Rozet, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn U. Radziejewski u l-Kronofogdemyndigheten i Stockholm (servizz pubbliku tal-irkupri furzati ta’ Stokkolma, iktar ’il quddiem il-“KFM”) fir-rigward ta’ talba għall-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000
3 |
Skont il-premessa 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191): “[…] Il-proċedimenti ta’ falliment li għalihom japplika dan ir-Regolament huma mniżżla fl-Annessi. […]” |
4 |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi s-segwenti: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal proċedimenti kollettivi ta’ falliment li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur.” |
5 |
L-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1346/2000 jiddefinixxi l-“proċedimenti ta’ falliment” bħala “l-proċedimenti kollettivi msemmija fl-Artikolu 1(1)”, li huma mniżżla fil-lista li tinsab fl-Anness A. |
6 |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi: “Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. […]” |
7 |
L-Anness A tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi “Proċedimenti ta’ falliment imsemmija fl-Artikolu 2(a) […] SVERIGE
[…]” |
Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001
8 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’dawn it-termini: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi. 2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal: [...]
[...]” |
9 |
L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi: “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:
[…]” |
10 |
L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa mfassal b’dan il-mod: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.” |
11 |
Skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 44/2001: “Fl-Isvezja, proċedimenti sommarji li jirrigwardjaw l-ordnijiet għal ħlas (betalningsföreläggande) u l-assistenza (handräckning), l-espressjoni ‘qorti’ tinkludi ‘Is-Servizz ta’ Infurzar Svediż’ (kronofogdemyndighet).” |
Id-dritt Svediż
12 |
L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 548 tal-2006 dwar il-ħelsien totali jew parzjali mid-dejn [skuldsaneringslagen (2006:548), iktar ’il quddiem l-“SSL”] jipprovdi: “Ħelsien mid-dejn jista’ jingħata lil debitur li jirrisjedi fl-Isvezja u lil persuna fiżika, jekk:
Persuna li hija rreġistrata fir-reġistru tal-populazzjoni fl-Isvezja għandha titqies bħala residenti fl-Isvezja għall-iskop tal-applikazzjoni tas-subparagrafu 1. Għall-iskop tal-applikazzjoni tas-subparagrafu 2, għandha tingħata attenzjoni partikolari liċ-ċirkustanzi li fihom inħoloq id-dejn, l-isforzi tad-debitur sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu u l-mod ta’ kif id-debitur ikkoopera fil-ġestjoni tal-każ għall-ħelsien mid-dejn. Jekk id-debitur huwa negozjant, il-ħelsien mid-dejn jista’ jingħata biss jekk is-sitwazzjoni ekonomika madwar l-attività kummerċjali tista’ tiġi faċilment investigata.” |
13 |
L-Artikolu 13 tal-SSL jipprovdi li applikazzjoni għall-ħelsien mid-dejn għandha tinċaħad jekk din ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4. |
14 |
L-Artikolu 14 tal-SSL jipprovdi li l-KFM għandha tinvestiga, sa fejn huwa neċessarju, dwar iċ-ċirkustanzi personali u finanzjarji tad-debitur billi tikkuntattja lill-awtoritajiet amministrattivi l-oħra. |
15 |
L-Artikolu 17 tal-SSL jipprovdi li l-KFM għandu, jekk ikun hemm bżonn, jisma’ lid-debitur qabel ma tittieħed kull deċiżjoni, u dan tal-aħħar ikollu jidher personalment għal tali sejħa filwaqt li jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari
16 |
U. Radziejewski huwa ċittadin Svediż li ilu jirrisjedi u jaħdem fil-Belġju mill-2001. Il-persuna li timpjegah hija l-knisja tal-Isvezja. |
17 |
Bejn l-1971 u l-1996, huwa kien jamministra stabbiliment tas-saħħa fl-Isvezja flimkien mal-mara tiegħu. Dan l-istabbiliment tpoġġa f’likwidazzjoni fl-1996, liema ħaġa waslet għall-insolvenza tal-konjuġi Radziejewski. Huma ilhom mill-1997 suġġetti għal proċedura ta’ sekwestru fuq is-salarji tagħhom, proċedura mmexxija mill-KFM. |
18 |
Fl-2011, U. Radziejewski ressaq talba għall-ħelsien mid-dejn quddiem il-KFM. Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011 minħabba li waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali miżura kienet li d-debitur ikun residenti fl-Isvezja. Il-KFM ma eżaminatx jekk U. Radziejewski kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet legali l-oħra sabiex ikun jista’ jibbenefika minn miżura ta’ ħelsien mid-dejn. |
19 |
U. Radziejewski appella minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-iStockholms tingsrätt, billi sostna, b’mod partikolari, li l-liġi Svediża tmur kontra l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea. Huwa talab lill-iStockholms tingsrätt sabiex jirrinvija l-każ quddiem il-KFM billi jordnalu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ ħelsien mid-dejn. |
20 |
Skont l-iStockholms tingsrätt, il-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. Konsegwentement, miżura adottata minn awtorità Svediża b’mod konformi ma’ din il-proċedura ma tistax ġeneralment tiġi eżegwita barra mir-Renju tal-Isvezja. |
21 |
L-iStockholms tingsrätt tispjega li miżura ta’ ħelsien mid-dejn tista’ tingħata biss jekk id-debitur jirrisjedi fl-Isvezja, mingħajr madankollu ma hija meħtieġa n-nazzjonalità Svediża. B’hekk, persuna li emigrat u li tirrisjedi barra ma tistax tibbenefika minn miżura ta’ ħelsien mid-dejn fl-Isvezja, anki jekk teżisti rabta ta’ konnessjoni b’saħħitha ma’ dan l-Istat Membru, minħabba l-fatt li d-djun inħolqu fl-Isvezja u li l-persuna li timpjega lil din il-persuna hija ta’ nazzjonalità Svediża. |
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iStockholms tingsrätt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Ir-rekwiżit ta’ residenza fl-Isvezja li jinsab fl-Artikolu 4 [tal-SSL] jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jipprekludi jew jiddiswadi ħaddiem milli jitlaq mill-Isvezja sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu u, għalhekk, li jmur kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE?” |
Osservazzjonijiet preliminari
23 |
Preliminarjament, min-naħa waħda għandu jiġi kkonstatat li, kif invoka l-gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-proċeduri Svediżi għall-ħelsien mid-dejn ma jfissrux it-tneħħija tal-assi tad-debitur, b’tali mod li din ma tistax tiġi kkwalifikata bħala proċediment ta’ falliment skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1346/2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C-341/04, Ġabra p. I-3813, punt 46). |
24 |
Barra minn hekk, il-proċedura Svediża ta’ ħelsien mid-dejn ma tidhirx fl-Anness A tar-Regolament Nru 1346/2000. Peress li dan ir-Regolament japplika biss għall-proċeduri elenkati fl-imsemmi anness, il-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tifformax parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. |
25 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi notat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li deċiżjoni ta’ ħelsien mid-dejn bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija att adottat minn awtorità amministrattiva li, fi proċeduri differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 62 ta’ dan ir-Regolament, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 32 tar-Regolament imsemmi. |
26 |
Isegwi li deċiżjoni ta’ ħelsien mid-dejn meħuda minn awtorità pubblika bħall-KFM hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. |
27 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq id-domanda preliminari
28 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn għal kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C-325/08, Ġabra p. I-2177, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Dispożizzjonijiet nazzjonali li jfixklu jew jiddiswadu ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu jikkostitwixxu, għalhekk, ostakoli għal din il-libertà anki jekk japplikaw indipendentement miċ-ċittadinanza tal-ħaddiema kkonċernati (ara s-sentenza Olympique Lyonnais, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). |
31 |
Għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn għal kundizzjoni ta’ residenza, tista’ tiddiswadi lil ħaddiem insolventi, u li d-dejn tiegħu huwa tali li ma huwiex prevedibbli li jkun jista’ jirrimborsa d-djun tiegħu fil-futur qarib, milli jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu tiegħu. Fil-fatt, huwa jiġi disważ milli jitlaq mill-Istat Membru tal-oriġini tiegħu sabiex imur jaħdem fi Stat Membru ieħor, jekk dan iċaħħdu mill-possibbiltà li jibbenefika minn miżura ta’ ħelsien mid-dejn f’dan l-Istat Membru tal-oriġini. |
32 |
Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema pprojbita, fil-prinċipju, mill-Artikolu 45 TFUE. |
33 |
Miżura li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikollha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u jekk tkun ġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ ukoll, f’każ simili, li l-applikazzjoni ta’ tali miżura tkun adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara s-sentenza Olympique Lyonnais, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). |
34 |
Fl-ewwel lok, bħala ġustifikazzjoni, il-gvern Svediż jinvoka l-fatt li mix-xogħlijiet preparatorji tal-SSL jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ residenza hija marbuta mal-fatt li l-miżuri relattivi għall-ħelsien mid-dejn ma humiex, bħala regola ġenerali, irrikonoxxuti f’pajjiż barrani. Bir-rekwiżit ta’ rabta ta’ konnessjoni mar-Renju tal-Isvezja li hija espressa permezz tal-kundizzjoni ta’ residenza, il-leġiżlatur Svediż ried jipproteġi lid-debitur mill-kredituri barranin li ma humiex partijiet għall-proċedura Svediża ta’ ħelsien mid-dejn. |
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li miżura jew deċiżjoni ta’ ħelsien mid-dejn bħal dik tal-KFM ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 u lanqas f’dak tar-Regolament Nru 44/2001, id-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu ta’ rikonoxximent ta’ tali deċiżjoni fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra. |
36 |
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, huwa leġittimu għal Stat Membru li jkun irid jipproteġi l-effettività tal-miżuri ta’ ħelsien mid-dejn meħuda mill-awtoritajiet tiegħu stess. |
37 |
Madankollu, kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriskja, fid-dawl ta’ dan l-għan, li tkun ineffettiva f’ċerti każijiet u li tkun ġenerali wisq f’oħrajn. |
38 |
Fil-fatt, għalkemm deċiżjoni ta’ ħelsien mid-dejn bħal dik tal-KFM ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-Regolament fih regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali applikabbli għall-kwistjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali bejn kredituri u d-debitur tagħhom. |
39 |
B’hekk, min-naħa waħda, debitur residenti fl-Isvezja jista’ jitressaq mill-kredituri tiegħu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr madankollu ma jkun stabbilit li jista’ jinvoka hemmhekk miżura ta’ ħelsien mid-dejn bħal dik tal-KFM. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta tali debitur jitressaq, abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, mill-kredituri tiegħu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru differenti mir-Renju tal-Isvezja li fih ikun jinsab il-post fejn ġie jew għandu jiġi eżegwit l-obbligu kuntrattwali li huwa l-bażi tat-talba. |
40 |
Isegwi li l-kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax teskludi r-riskju li l-kredituri ta’ debitur residenti fl-Isvezja jeżiġu l-ħlas tal-krediti tagħhom fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Isvezja fejn miżura ta’ ħelsien mid-dejn bħal dik tal-KFM ma hijiex rikonoxxuta. |
41 |
Min-naħa l-oħra, debitur residenti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Isvezja jista’, abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, jitressaq mill-kredituri tiegħu quddiem il-qrati Svediżi, fejn dawn tal-aħħar jistgħu jirrikonoxxu li għandhom ġurisdizzjoni b’mod partikolari meta obbligu kuntrattwali jkun ġie jew għandu jiġi eżegwit fl-Isvezja. |
42 |
Issa, diversament minn debitur residenti fl-Isvezja, debitur bħal U. Radziejewski huwa mċaħħad mill-possibbiltà li jibbenefika mill-protezzjoni li toffri fl-Isvezja miżura ta’ ħelsien mid-dejn bħal dik tal-KFM fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji mressqa kontrih, mill-kredituri tiegħu, f’dan l-Istat Membru. |
43 |
Isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. |
44 |
Fit-tieni lok, il-gvern Svediż josserva li kundizzjoni ta’ residenza bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita, b’mod sodisfaċenti, is-sitwazzjoni finanzjarja u personali tad-debitur. |
45 |
Dan jispjega li, sabiex ikun jista’ jingħata l-benefiċċju ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn, l-Artikolu 4 tal-SSL jipprovdi li l-KFM mhux biss għandu jeżamina l-informazzjoni inizjali pprovduta mid-debitur, iżda għandu jkun jista’ wkoll jinvestiga u jistħarreġ din l-informazzjoni kif ukoll isegwi l-isforzi mwettqa mid-debitur sabiex jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn tippresupponi wkoll parteċipazzjoni attiva tad-debitur, li tkun iffaċilitata jekk dan ikun jirrisjedi fil-pajjiż fejn tiżvolġi din il-proċedura. Għalhekk, skont il-gvern Svediż, il-kundizzjoni ta’ residenza tista’ b’hekk tkun utli sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-istħarriġ tal-KFM. |
46 |
F’dan ir-rigward, huwa leġittimu għal Stat Membru li jkun irid jikkontrolla s-sitwazzjoni finanzjarja u personali tad-debitur qabel ma jagħtih miżura intiża sabiex jinħelsu totalment jew parzjalment id-djun tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 41). |
47 |
Madankollu, waqt is-seduta, il-gvern Svediż ammetta li debitur residenti fl-Isvezja fil-mument tat-talba għal ħelsien mid-dejn iżda li, wara li jkun ibbenefika minn tali miżura, jiddeċiedi li jmur jaħdem u jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jibqa’ mniżżel fir-reġistru tal-popolazzjoni fl-Isvezja, jibqa’ jibbenefika minn din il-miżura. Għaldaqstant, l-istabbiliment ta’ kundizzjoni ta’ residenza bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relatata esklużivament mad-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal miżura ta’ ħelsien mid-dejn, ma hijiex kundizzjoni marbuta mal-effettività tal-istħarriġ tal-KFM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 39). Effettivament, il-fatt tar-residenza fi Stat Membru ieħor ma jidhirx li jipprekludi l-istħarriġ meħtieġ wara l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn. |
48 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni finanzjarja u personali ta’ debitur bħal U. Radziejewski tista’ tiġi stabbilita mingħajr ma jkun neċessarju li dan ikun jirrisjedi fl-Isvezja, peress li dan huwa suġġett għal sekwestru mis-salarju amministrat mill-KFM, li l-persuna li timpjegah hija Svediża u li huwa, abbażi tal-Liġi Nru 1229 tal-1999 dwar it-taxxa fuq id-dħul [inkomstskattelagen (1999:1229)], “persuna suġġetta b’mod illimitat” għat-taxxa fl-Isvezja. |
49 |
Bl-istess mod, il-KFM jista’ jitlob lil debitur bħal U. Radziejewski sabiex jippreżenta ruħu fl-Isvezja jew, fin-nuqqas tal-possibbiltà li jwettaq tali vjaġġ, sabiex jipprovdilu l-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-sitwazzjoni personali u finanzjarja tiegħu, taħt piena ta’ sospensjoni jew tal-annullament tal-proċedura Svediża ta’ ħelsien mid-dejn f’każ ta’ rifjut mhux iġġustifikat min-naħa tad-debitur imsemmi. B’hekk, kuntrarjament għal dak li josserva l-gvern Svediż, il-fatt li ċerta informazzjoni għandha tinkiseb mingħand id-debitur stess ma jistax minnu nnifsu jippreġudika l-kapaċità ta’ stħarriġ tal-KFM. |
50 |
Konsegwentement, kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. |
51 |
Fit-tielet lok, il-gvern Svediż osserva, waqt is-seduta, li l-kundizzjoni ta’ residenza stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tiġi ppriżervata l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 1346/2000. |
52 |
Madankollu, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, proċedura ta’ ħelsien mid-dejn bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex proċedura ta’ falliment fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1346/2000. |
53 |
Isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tolqot ir-regola tal-ġurisdizzjoni internazzjonali stabbilita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000. |
54 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn għal kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat. |
Fuq l-ispejjeż
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn għal kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.