EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0277
Judgment of the Court (First Chamber), 22 November 2012.#M. M. v Minister for Justice, Equality and Law Reform and Others.#Reference for a preliminary ruling from the High Court (Ireland).#Reference for a preliminary ruling – Common European Asylum System – Directive 2004/83/EC – Minimum standards for qualification for refugee status or subsidiary protection status – Article 4(1), second sentence – Cooperation of the Member State with the applicant to assess the relevant elements of his application – Scope – Lawfulness of the national procedure for processing an application for subsidiary protection following rejection of an application for refugee status – Observance of fundamental rights – Right to be heard.#Case C‑277/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Novembru 2012.
M. M. vs Minister for Justice, Equality and Law Reform et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni Ewropea tal-ażil — Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) — Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant sabiex jiġu evalwati l-punti rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu — Portata — Regolarità tal-proċedura nazzjonali segwita fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat — Rispett tad-drittijiet fundamentali — Dritt li wieħed jinstema’.
Kawża C‑277/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Novembru 2012.
M. M. vs Minister for Justice, Equality and Law Reform et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni Ewropea tal-ażil — Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) — Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant sabiex jiġu evalwati l-punti rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu — Portata — Regolarità tal-proċedura nazzjonali segwita fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat — Rispett tad-drittijiet fundamentali — Dritt li wieħed jinstema’.
Kawża C‑277/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:744
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
22 ta’ Novembru 2012 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni Ewropea tal-ażil — Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) — Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant sabiex jiġu evalwati l-punti rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu — Portata — Regolarità tal-proċedura nazzjonali segwita fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat — Rispett tad-drittijiet fundamentali — Dritt li wieħed jinstema’”
Fil-Kawża C-277/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (L-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura
M.
vs
Minister for Justice, Equality and Law Reform,
L-Irlanda,
Attorney General,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, M. Ilešič, M. Berger, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal M., minn P. O’Shea u I. Whelan, BL, inkarigati minn B. Burns, solicitor, |
— |
għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn D. Conlan Smyth, barrister, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn N. Graf Vitzthum, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér Miklós kif ukoll minn K. Szíjjártó u Z. Tóth, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Svediż, minn K. Petkovska, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u M. Wilderspin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u r-rettifika ĠU 2005, L 204, p. 24). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. u l-Minister for Justice, Equality and Law Reform (iktar ’il quddiem il-“Minister”), l-Ireland kif ukoll l-Attorney General fir-rigward tar-regolarità tal-proċedura segwita matul l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja li huwa kien ippreżenta fir-rigward taċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.Il-kuntest ġuridiku |
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea
3 |
L-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi fis-subartikoli 1 u 2 tiegħu: “1. Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni. 2. Dan id-dritt jinkludi:
|
4 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jirreferi għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Dan l-artikolu jispeċifika li kull persuna għandha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun rappreżentata. Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat. |
5 |
Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lejn l-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. |
Is-sistema komuni Ewropea tal-ażil
6 |
Il-Kunsill Ewropew ta’ Strasbourg tat-8 u tad-9 ta’ Diċembru 1989 iffissa l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-politika ta’ ażil tal-Istati Membri. |
7 |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999 ipprovdew, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ sistema komuni Ewropea ta’ ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Recueil des traités des Nations unies Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)] u daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). Din il-konvenzjoni kienet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-1967”). |
8 |
L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti fihom, iżda l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta jipprovdu li d-dritt għal ażil għandu jiġi ggarantit, b’mod partikolari, b’osservanza ta’ din il-konvenzjoni u tal-Protokoll tal-1967. |
9 |
It-Trattat ta’ Amsterdam, konkluż fit-2 ta’ Ottubru 1997, introduċa l-Artikolu 63 fit-Trattat KE, li ta l-kompetenza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li tiddeċiedi wara li tikkonsulta l-Parlament Ewropew, sabiex tadotta l-miżuri rrakkomandati mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere. |
10 |
Hija fuq din il-bażi legali li ġiet adottata d-Direttiva 2004/83, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġja (ĠU L 175M p. 168). |
11 |
Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huwa l-Artikolu 78 TFUE li jipprovdi l-implementazzjoni ta’ sistema Ewropea komuni tal-ażil. |
12 |
Id-Direttivi 2004/83 u 2005/85 jagħmlu riferiment, fil-premessa 1 tagħhom, għall-fatt li politika komuni fil-qasam tal-ażil, li tinkludi sistema Ewropea komuni tal-ażil, hija element li jagħmel parti mill-għan tal-Unjoni li jikkonċerna l-implementazzjoni progressiva ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja miftuħa għal dawk li, minħabba ċ-ċirkustanzi li jsibu ruħhom fihom, leġittimament ifittxu protezzjoni fil-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, dawn l-atti jagħmlu riferiment ukoll, fil-premessa 2 tagħhom, għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere. |
13 |
Id-Direttivi 2004/83 u 2005/85 jindikaw, rispettivament fil-premessa 10 u 8 tagħhom, li huma jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw il-prinċipji li huma rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta. |
Id-Direttiva 2004/83
14 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/83 għandha bħala għan li tistabbilixxi regoli minimi relatati, minn naħa, mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr stat sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, mal-kontenut tal-protezzjoni mogħtija. |
15 |
Skont l-Artikolu 2 tal-istess direttiva, għall-finijiet tagħha:
[…]
[…]” |
16 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 intitolat “Stima ta’ fatti u ċirkostanzi”, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, li huwa intitolat “Stima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi kif ġej: “1. L-Istati Membri jistgħu iqisuha bħala d-dmir ta’ l-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’koperazzjoni ma’ l-applikant huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru li jistma l-elementi rilevanti ta’ l-applikazzjoni. 2. L-elementi riferiti fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni ta’ l-applikanti rigward l-eta ta’ l-applikant, l-ambjent minfejn ikun ġej, inkluż dak ta’ qraba rilevanti, identità, nazzjonalità(jiet), pajjiż(i) u post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, applikazzjonijiet ta’ asil ta’ qabel, rotti [rotot] ta’ vjaġġar, dokumenti ta’ identita u ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. 3. L-istima ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi li jitqiesu:
4. Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-perikolu, huwa indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri periklu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut. 5. Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skond liema huwa d-dmir ta’ l-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
Id-Direttiva 2005/85
17 |
Id-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi standards minimi li jikkonċernaw il-proċedura ta’ għoti u ta’ rtirar tal-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, hija tispeċifika d-drittijiet tal-applikanti għal ażil. |
18 |
B’mod konformi mal-Artikolu 3(1) tagħha, din id-direttiva tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għal ażil ippreżentati fit-territorju tal-Istati Membri. |
19 |
Is-subartikolu 3 tal-imsemmi Artikolu 3 jipprovdi: “Fejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83[…], dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom.” |
20 |
Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi”, jistabbilixxi regoli minimi dwar il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-garanziji mogħtija lill-applikanti għal ażil. Dan il-kapitolu jiġbor fih l-Artikoli 6 sa 22. |
21 |
L-Artikolu 8 jiddetermina l-kundizzjonijiet partikolari li għalihom huwa suġġett l-eżami tal-applikazzjonijiet. |
22 |
L-Artikolu 9 jsemmi l-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti d-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil. |
23 |
L-Artikolu 10 jelenka l-garanziji mogħtija lill-applikanti għal ażil. |
24 |
L-Artikolu 12 jipprovdi d-dritt ta’ applikant għal ażil għal intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni u l-Artikolu 13 jispeċifika ċ-ċirkustanzi li għalihom hija suġġetta din l-intervista. |
25 |
Skont l-Artikolu 14, kull intervista personali għandha tkun suġġetta għal rapport bil-miktub li għalih l-applikant għal ażil għandu jkollu aċċess fi żmien utli. |
26 |
Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2005/85 jiddefinixxi r-regoli dwar il-proċeduri ta’ prim’istanza. |
27 |
Il-Kapitolu V tal-istess direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ appell”, huwa kkostitwit minn artikolu wieħed, jiġifieri l-Artikolu 39, li jipprovdi, fis-subartikolu 1 tiegħu, id-dritt tal-applikanti għal ażil għal rimedju effettiv quddiem qorti, b’mod partikolari kontra d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni tagħhom għal ażil. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
28 |
Fl-Irlanda, għall-finijiet tal-kisba ta’ protezzjoni internazzjonali, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ applikazzjonijiet, jiġifieri:
|
29 |
Fl-imsemmi Stat Membru, kull waħda minn dawn iż-żewġ applikazzjonijiet hija suġġetta għal proċedura speċifika li jiżvolġu waħda wara l-oħra. |
30 |
Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal ażil jinsabu essenzjalment fil-Liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati (Refugee Act 1996), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1996”). |
31 |
Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal ażil, il-proċedura tiżvolġi f’diversi stadji li huma dawn li ġejjin:
|
32 |
Id-deċiżjoni ta’ rifjut li jingħata l-istatus ta’ refuġjat tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament quddiem qorti. |
33 |
Fir-rigward tal-proċedura li tirregola l-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja, dawn jinsabu fir-Regolament tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (kundizzjonijiet li jippermettu li persuna tibbenefika minn protezzjoni) [European Communities (Eligibility for Protection) Regulations 2006], adottat mill-Minister fid-9 ta’ Ottubru 2006, u li għandu bħala għan, b’mod partikolari, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/83 (iktar ’il quddiem ir-“regolament tal-2006”). |
34 |
L-applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja hija ppreżentata mill-parti kkonċernata permezz ta’ formola li l-mudell tagħha jinsab anness mar-regolament tal-2006. |
35 |
L-imsemmi regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprovdi li l-applikant għal tali protezzjoni sussidjarja jinstema’ fil-kuntest tal-istruttorja relatata mal-applikazzjoni tiegħu. |
36 |
Ir-regolament tal-2006 lanqas ma jinkludi regola proċedurali li tista’ tiġi kkunsidrata bħala implementazzjoni tar-rekwiżit imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83. |
37 |
Il-Minister jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni sussidjarja permezz ta’ deċiżjoni mmotivata, billi jilqa’ din l-applikazzjoni jew jiċħadha. |
38 |
Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament quddiem qorti. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
39 |
M. huwa ċittadin tar-Rwanda tal-etnika tat-Tutsi u li talab l-ażil fl-Irlanda fl-1 ta’ Mejju 2008. |
40 |
Insostenn ta’ din it-talba M. isostni li, kieku kellu jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa kien jgħaddi mir-riskju li jitressaq quddiem qorti militari talli kkritika bil-miftuħ il-metodu ta’ kif kienu jsiru l-investigazzjonijiet dwar il-ġenoċidju tal-1994. Huwa jsostni li kien ġie serjament affettwat minn dan il-ġenoċidju, inkwantu l-ġenituri tiegħu, tlieta minn ħutu u oħtu ġew assassinati. |
41 |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tiegħu, huwa jispeċifika li, wara li kiseb il-lawrea tiegħu fil-liġi fl-università nazzjonali tar-Rwanda fl-2003, huwa talab impjieg fis-servizz pubblika tar-Repubblika tar-Rwanda, iżda kien l-uniku wieħed tas-sena akkademika tiegħu li ġie rrifjutat tali impjieg, minkejja l-kwalifiki tiegħu. Minflok ma kiseb dan l-impjieg, huwa kien kostrett jaċċetta impjieg alternattiv fl-uffiċċju tal-prokuratur militari, fejn il-fatt li b’hekk kellu jissuġġetta ruħu għad-dixxiplina tal-liġi militari kien ikkostitwixxa mezz ta’ kif jinżamm sieket u jiġi prekluż milli jiżvela informazzjoni dwar il-ġenoċidju, li setgħet tirriżulta imbarazzanti għall-awtoritajiet. Barra minn hekk, huwa kien ingħata parir ċar li ma jipprotestax u uffiċjal militari kien inqatel peress li kien beda jagħmel mistoqsijiet delikati dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet relatati mal-imsemmi ġenoċidju. |
42 |
F’Ġunju 2006 M. iddaħħal fil-fakultà tal-liġi ta’ università Irlandiża sabiex isegwi studji post-lawrea (LLM). F’dan is-sens, huwa ingħata viża ta’ student f’Settembru 2006 u, wara li kiseb il-lawrea tiegħu f’Novembru 2007, huwa wettaq fl-Istat Membru ospitanti xogħlijiet ta’ riċerka fil-qasam ta’ krimini ta’ gwerra u ta’ ġenoċidju. |
43 |
Ftit żmien wara l-iskadenza tal-viża tiegħu, M. ippreżenta applikazzjoni sabiex jikseb l-ażil fl-Irlanda. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda minħaba l-fatt li l-affermazzjonijiet tiegħu dwar il-persekuzzjoni tiegħu fir-Rwanda tqiesu li ma kinux kredibbli. Ir-rakkomandazzjoni negattiva tal-ORAC hija tat-30 ta’ Awwissu 2008 u ġiet ikkonfermata mir-Refugee Appeals Tribunal fit-28 ta’ Ottubru 2008. Id-deċiżjoni tal-Minister li tirrifjuta li jilqa’ l-applikazzjoni tiegħu għal ażil ġiet innotifikata lill-parti kkonċernata matul ix-xahar ta’ Diċembru 2008. |
44 |
Għalhekk, fil-31 ta’ Diċembru 2008, M. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, billi mela kwestjonarju previst f’dan ir-rigward mil-leġiżlazzjoni Irlandiża. |
45 |
Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Minister tal-24 ta’ Settembru 2010. Fid-deċiżjoni tiegħu, dan tal-aħħar ibbaża ruħu fil-parti l-kbira fuq id-deċiżjoni preċedenti tiegħu tal-2008 li tiċħad l-applikazzjoni għal ażil tal-parti kkonċernata fejn tikkonkludi li dan tal-aħħar ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ raġunijiet suffiċjenti biex juri li jgħaddi minn riskju gravi ta’ preġudizzju fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, peress li hemm dubji serji fuq il-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet tiegħu. |
46 |
Huwa kontra din l-aħħar deċiżjoni tal-Minister li, fis-6 ta’ Jannar 2011, M. ippreżenta rikors għal annullament quddiem il-High Court, li fil-kuntest tiegħu huwa jikkontesta l-legalità taċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja, minħabba l-fatt li l-proċedura ta’ eżami ta’ din l-applikazzjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
47 |
B’hekk, mhux biss l-Irlanda ma ttrasponietx bis-sħiħ id-Direttiva 2004/83, b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 4(2) u l-parti inizjali tal-Artikolu 4(3) tagħha, iżda, barra minn hekk, il-Minister f’dan il-każ ma osservax ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni waqt l-istruttorja relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ppreżentata minn M. |
48 |
Fil-fatt, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ekwità waqt l-implementazzjoni tal-proċeduri amministrattivi jinkludi b’mod iktar partikolari r-rispett tad-drittijiet tad-difiża. |
49 |
Għandu jingħad ukoll li hija ġurisprudenza stabbilita li, f’kull tip ta’ proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, id-dritt li wieħed jinstema’ jimplika, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward, li l-parti kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li ssostni b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-punti li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. L-istess prinċipju huwa barra minn hekk stabbilit mill-Karta. |
50 |
Moqri fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 ifisser li l-Minister għandu l-obbligu li jikkomunika lill-applikant għal ażil ir-riżultati tal-evalwazzjoni tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jirreaġixxi għall-punti li jagħtu lok għal risposta sfavorevoli, billi jippreżenta kull dokument għalhekk ikun disponibbli jew kull argument tali li jikkonfuta l-pożizzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, kif ukoll li jiġbed l-attenzjoni tagħha dwar kull kwistjoni rilevanti li ma tteħditx debitament inkunsiderazzjoni. |
51 |
Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li M. f’ebda mument ma nstema’ fil-kuntest tal-istruttorja tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, matul iż-żmien kollu li ġiet eżaminata din l-applikazzjoni, huwa ma ġiex informat dwar punti kkunsidrati bħala rilevanti mill-Minister sabiex jadotta d-deċiżjoni ta’ rifjut li jagħtih il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, u lanqas id-data li fiha dan tal-aħħar kellu jintervjeni. Barra minn hekk, sabiex jiġġustifika din id-deċiżjoni, il-Minister ħa l-ħsieb, li jirreferi b’mod kunsiderevoli għall-motivi preċedentement invokati sabiex jiċħad l-applikazzjoni għal ażil ta’ M. Barra minn hekk, waqt il-proċedura relatata mal-appell li kien ippreżenta kontra d-deċiżjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal ażil, il-benefiċċju ta’ seduta ta’ trattazzjoni ġie rrifjutat lilu, minħabba l-fatt li huwa ma kienx ippreżenta din l-applikazzjoni fiż-żmien wara l-wasla tiegħu fl-Irlanda u ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi raġuni konvinċenti sabiex jiġġustifika din iċ-ċirkustanza. |
52 |
L-awtoritajiet Irlandiżi kompetenti sostnew li, bħal f’dan il-każ, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status li jirriżulta mill-protezzjoni sussidjarja, din ma tiġix eżaminata waħedha, iżda tkun suġġetta għal “interazzjoni qawwija bejn l-applikant u l-awtoritajiet”, peress li tali applikazzjoni hija neċessarjament evalwata wara l-eżami – u ċ-ċaħda – ta’ applikazzjoni għal ażil li matulha l-osservazzjonijiet tal-parti kkonċernata jkunu effettivament instemgħu u hija tkun wieġbet kwestjonarju ddettaljat. Madankollu, wara li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, il-proċedura tkun “inkwiżitorja u mhux kontradittorja”. B’hekk, l-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jikkonċerna s-sempliċi evalwazzjoni tal-punti materjali rilevanti ppreżentati insostenn tat-talba u ma tikkonċernax assolutament il-proċedura deċiżjonali. Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-fajl ipprovdut insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja huwa eżattament identiku għal dak li diġà ġie ppreżentat fil-kuntest tal-applikazzjoni għal ażil, jew mill-inqas sinjifikattivament l-istess, u, fi kwalunkwe każ, kull informazzjoni ġdida hija s-suġġett ta’ evalwazzjoni. |
53 |
Fuq il-mertu, ir-rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali favur M. huwa ġġustifikat bil-fatt li l-allegazzjonijiet tiegħu huma neqsin minn kredibbiltà, liema fatt huwa kkorroborat biċ-ċirkustanza li din tal-aħħar ippreżentat l-applikazzjonijiet tagħha b’dewmien kunsiderevoli meta mqabbla mad-data li fiha daħal fit-territorju Irlandiż. |
54 |
Il-High Court għandha dubji dwar jekk tistax tiġi milqugħa t-teżi difiża minn M. F’dan is-sens diġà ddeċidiet numru ta’ drabi li, fid-dawl tal-kliem u tal-istruttura tad-Direttiva 2004/83, kif ukoll fil-kuntest li fih hija tidħol, il-proċedura istruttorja ta’ applikazzjoni intiża għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja li żvolġiet taħt kundizzjonijiet bħal dawk tal-kwistjoni li biha hija adita l-qorti tar-rinviju ma tistax tiġi vvizzjata fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. |
55 |
Madankollu, minn deċiżjoni mogħtija fl-2007 mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) jirriżulta li, fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, meta l-awtorità kompetenti jkollha intenzjoni tiċħad applikazzjoni għal ażil, l-applikant huwa informat dwar dan minn qabel, billi jiġu kkomunikati r-raġunijiet għaċ-ċaħda, u jingħata l-possibbiltà li jlissen il-pożizzjoni tiegħu bil-miktub fit-terminu mogħti. |
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Fl-ipoteżi fejn applikant jitlob l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja wara li jkun ġie rrifjutat l-istatus ta’ refuġjat, u fejn huwa propost li tali talba [applikazzjoni] tinċaħad, il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mal-applikant imposta fuq l-Istati Membri [mit-tieni sentenza tal-]Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83[…] tobbliga lill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru inkwistjoni li jikkomunikaw lill-applikant ir-riżultati ta’ tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, b’mod li jkun jista’ jirreaġixxi għall-aspetti tad-deċiżjoni proposta li tissuġġerixxi risposta negattiva?” |
Fuq id-domanda preliminari
57 |
Sabiex tiġi mwieġba d-domanda magħmula mill-qorti ta’ rinviju, għandu jiġi osservat qabel kollox li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 japplika effettivament għal applikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali intiża sabiex jinkiseb il-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
58 |
Fil-fatt, kemm skont il-kliem tiegħu kif ukoll skont it-titolu tal-kapitolu li fih tidħol din id-dispożizzjoni, hija tikkonċerna l-“applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”. |
59 |
Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(a) u (g) tad-Direttiva 2004/83, bi “protezzjoni internazzjonali” għandu jinftiehem l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja u mill-“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” għandha tinftiehem l-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb jew l-istatus ta’ refuġjat, jew dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
60 |
Madankollu, fir-rigward tal-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta lir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni mal-applikant li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 timponi lill-Istat Membru kkonċernat, ma tistax tiġi milqugħa t-teżi, sostnuta minn M., li din ir-regola ġġiegħel lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex teżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja sabiex tikkomunika lill-applikant, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sfavorevoli f’dan ir-rigward u meta applikazzjoni għal ażil ippreżentata mill-istess persuna tkun ġiet preċedentement miċħuda, il-punti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni tibbaża din id-deċiżjoni u sabiex tiġbor l-osservazzjonijiet tal-persuna kkonċernata f’dan ir-rigward. |
61 |
Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li rekwiżit ta’ din in-natura mkien ma tirriżulta mill-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Issa, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimponi lill-Istati Membri obbligi bħal dawk issuġġeriti minn M. huwa kien ċertament jispeiċifika dan b’mod espliċitu. |
62 |
Barra minn hekk, dmir ta’ kooperazzjoni hekk inkluż ma jkunx koerenti mas-sistema stabbilita mill-imsemmi leġiżlatur għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. |
63 |
Hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 jikkonċerna “stima ta’ fatti u ċirkostanzi”. |
64 |
Fil-verità, din l-“[i]stima” tiżvolġi f’żewġ stadji separati. L-ewwel stadju jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni, filwaqt li t-tieni fażi tikkonċerna l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ speċifiku, il-kundizzjonijiet bażiċi previsti mill-Artikoli 9 u 10 jew 15 tad-Direttiva 2004/83 għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali huma sodisfatti. |
65 |
Issa, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għalkemm huwa normalment l-applikant li għandu jippreżenta l-provi kollha meħtieġa sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu jikkoopera mal-applikant fl-istadju tad-determinazzjoni tal-provi rilevanti ta’ din l-applikazzjoni. |
66 |
Dan ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni li bih huwa vvinkolat l-Istat ifisser għalhekk konkretament li, jekk, tkun liema tkun ir-raġuni, il-provi prodotti mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompleti, attwali jew rilevanti, huwa neċessarju li l-Istat Membru kkonċernat jikkoopera attivament, f’dan l-istadju tal-proċedura, mal-applikant sabiex jippermetti li jinġabru l-provi li jistgħu jissostanzjaw l-applikazzjoni. Barra minn hekk, Stat Membru jista’ jkun f’pożizzjoni aqwa mill-applikant sabiex ikollu aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti. |
67 |
Qabel kollox, l-interpretazzjoni msemmija fil-punt preċedenti hija kkorroborata bl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iħarsu sabiex tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti għal ażil u, jekk ikun il-każ, fil-pajjiżi li ttranżitaw minnhom. |
68 |
Għaldaqstant huwa ċar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jikkonċerna biss l-ewwel stadju, imsemmi fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi bħala provi li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal ażil. |
69 |
Min-naħa l-oħra, huwa evidenti li t-teżi difiża minn M. tikkonċerna t-tieni stadju, imsemmi fl-istess punt ta’ din is-sentenza, dwar l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-provi prodotti insostenn tal-applikazzjoni, billi jiġi ddeterminat jekk dawn humiex effettivament tali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali mitluba. |
70 |
Issa, tali eżami tal-fondatezza tal-applikazzjoni għal ażil jaqa’ taħt is-sempliċi responsabbiltà tal-awtorità nazzjonali kompetenti, b’tali mod li, f’dan l-istadju tal-proċedura, rekwiżit ta’ kooperazzjoni ta’ din l-awtorità mal-applikant, hekk kif preskritt fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, huwa nieqes minn rilevanza. |
71 |
Għandu jingħad ukoll li dmir ta’ kooperazzjoni li ġġib magħha l-portata ssuġġerita minn M. loġikament ma jsibx postu fil-qafas tad-Direttiva 2004/83. |
72 |
Fil-fatt, fir-rigward tal-kontenut u tal-finalità tagħha, din id-direttiva għandha biss l-għan li tiffissa, minn naħa, kriterji komuni għall-Istati Membri kollha fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kontenut materjali ta’ din il-protezzjoni. |
73 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva assolutament ma hijiex intiża li tippreskrivi regoli ta’ proċedura applikabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u lanqas, għalhekk, li tiddetermina l-garanziji proċedurali li, f’dan is-sens, għandhom jingħataw lill-applikant għal ażil. |
74 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward ta’ dan il-punt għandu jiġi konkluż li r-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-applikant għal ażil, kif imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn barrani jitlob li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja wara li l-istatus ta’ refuġjat ikun ġie rrifjutat lilu u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha l-intenzjoni li tiċħad ukoll din it-tieni applikazzjoni, din l-awtorità għandha l-obbligu f’dan is-sens, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, li tinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-eżitu negattiv li hija tkun ser tirriżerva għall-applikazzjoni tagħha kif ukoll li tikkomunikalha l-argumenti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ċ-ċaħda tagħha, b’tali mod li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jsostni l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward. |
75 |
B’hekk, mill-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kawża tqajjem b’mod iktar ġenerali l-kwistjoni tad-dritt tal-barrani li jinstema’ matul il-proċedura li tistħarreġ it-tieni applikazzjoni tiegħu, intiża sabiex jibbenefika minn protezzjoni sussidjarja, meta hija tiġi ppreżentata wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, f’każ bħal dak tal-kawża pendenti quddiem il-qorti ta’ rinviju, fejn l-applikazzjoni inizjali kienet suġġetta għal proċeduri distinti li fil-kuntest tagħhom il-parti kkonċernata setgħet validament issostni l-osservazzjonijiet tagħha. |
76 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti ta’ rinviju, jeħtieġ għalhekk li jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata bl-eżistenza ta’ żewġ proċeduri separati u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni għal ażil u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, id-dritt tal-Unjoni huwa kuntrarju għall-fatt li ma jsirx smigħ ġdid tal-persuna kkonċernata meta ssir l-istruttorja tat-tieni applikazzjoni u qabel iċ-ċaħda tagħha, minħabba l-fatt li, hekk kif sostnew kemm il-High Court kif ukoll l-Irlanda, huwa diġà nstema’ fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-ewwel applikazzjoni tiegħu intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat. |
77 |
Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi osservat li hija d-Direttiva 2005/85 li tistabbilixxi r-regoli minimi dwar il-proċeduri ta’ eżami tal-applikazzjonijiet u tispeċifika d-drittijiet tal-applikanti għal ażil. |
78 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija direttiva tipprovdi b’mod partikolari li l-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ma tiġix eskluża għas-sempliċi raġuni li hija ma ġietx ippreżentata malajr kemm jista’ jkun [Artikolu 8(1)], li l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet adottati individwalment, oġġettivament u imparzjalment [Artikolu 8(2)(a)], li fil-każ ta’ ċaħda, id-deċiżjoni tiġi fattwalment u legalment immotivata [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9(2)] u li, qabel ma l-awtorità responsabbli tagħti d-deċiżjoni tagħha, l-applikant jingħata l-possibbiltà li jkollu intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-persuna kkonċernata sabiex tesponi r-raġunijiet kollha tagħha [Artikoli 12 u 13(3)]. |
79 |
Madankollu, id-Direttiva 2005/05 ma tapplikax għall-applikazzjonijiet ta’ protezzjoni sussidjarja, ħlief meta Stat Membru jistabbilixxi proċedura unika li fil-kuntest tagħha jeżamina applikazzjoni fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri dik dwar l-istatus ta’ refuġjat u dik relatata mal-protezzjoni sussidjarja. Fil-fatt, f’tali każ, ir-regoli msemmija f’din id-direttiva għandhom jiġu applikati matul il-proċedura kollha, għaldaqstant anki meta l-awtorità nazzjonali kompetenti teżamina l-applikazzjoni intiża sabiex tinkiseb protezzjoni sussidjarja. |
80 |
Madankollu din ma hijiex is-sitwazzjoni fl-Irlanda, fejn dan l-Istat Membru għażel li jistabbilixxi żewġ proċeduri separati għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni għal ażil u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, fejn it-tieni waħda tista’ tiġi ppreżentata biss wara li tiġi deċiża l-ewwel waħda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt Irlandiż jippreskrivi l-osservanza tal-garanziji u tal-prinċipji msemmija mid-Direttiva 2005/85 fil-kuntest tal-eżami tas-sempliċi applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat. B’mod iktar partikolari fir-rigward tad-dritt tal-applikant li jinstema’ qabel ma tiġi adottata deċiżjoni, il-High Court speċifikat fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, din il-formalità ma kellhiex tiġi osservata fl-istruttorja ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ippreżentata wara ċaħda ta’ applikazzjoni għal ażil, ġaladarba l-persuna kkonċernata diġà nstemgħet fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tagħha għal ażil u ż-żewġ proċeduri huma marbuta mill-qrib. |
81 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach, C-7/98, Ġabra p. I-1935, punt 42, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C-349/07, Ġabra p. I-10369, punt 36). |
82 |
F’dan il-każ, b’mod iktar partikolari fir-rigward tad-dritt li wieħed jinstema’ f’kull proċedura, li jagħmel parti sħiħa mill-imsemmi prinċipju fundamentali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 7, u tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punt 32), illum huwa stabbilit mhux biss mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll mill-Artikolu 41 tagħha, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba. |
83 |
Is-subartikolu 2 tal-imsemmi Artikolu 41 jipprovdi li dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt li kull persuna tinstema’ qabel ma miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli ma tittieħed kontriha, id-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, fl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tal-kawżi, kif ukoll l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. |
84 |
Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali. |
85 |
Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja baqgħet tafferma l-importanza tad-dritt li wieħed jinstema’ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika għal kull proċedura li tista’ tagħti lok għal att li jikkawża preġudizzju. (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint Association vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15; Krombach, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). |
86 |
B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tal-imsemmi dritt huwa imperattiv anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipproċedix espressament għal tali formalità (ara s-sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). |
87 |
Id-dritt li wieħed jinstema’ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-287/02, Ġabra p. I-5093, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C-141/08 P, Ġabra p. I-9147, punt 83, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C-27/09 P, Ġabra p. I-13427, punti 64 u 65). |
88 |
L-imsemmi dritt jimplika wkoll li l-amministrazzjoni għandha tagħti kull attenzjoni meħtieġa għall-osservazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata billi teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u billi timmotiva d-deċiżjoni tagħha fid-dettall (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, u Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50), fejn għalhekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret sabiex il-parti kkonċernata tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet tar-rifjut tal-applikazzjoni tiegħu jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. |
89 |
Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li l-hekk imfassal dritt tal-applikant għal ażil li jinstema’ għandu japplika b’mod sħiħ għall-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti skont ir-regoli adottati fil-kuntest tas-Sistema komuni Ewropea tal-ażil. |
90 |
F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi aċċettata t-teżi difiża mill-qorti ta’ rinviju u mill-Irlanda, li, fil-każ fejn, bħal f’dan l-Istat Membru, l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tkun suġġetta għal proċedura distinta li tiġi neċessarjament wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal ażil adottata fi tmiem ta’ istruttorja li kienet tinkludi smigħ tal-parti kkonċernata, ma huwiex neċessarju li jsir smigħ ġdid ta’ din tal-aħħar għall-ħtiġijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, peress li din il-formalità b’ċertu mod tapplika flimkien ma’ dik li minnha l-barrani diġà bbenefika f’kuntest paragunabbli ħafna. |
91 |
Bil-kontra, meta Stat Membru jkun għażel li jistabbilixxi żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, jeħtieġ li, fid-dawl tan-natura fundamentali li għandha, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ jiġi ggarantit bis-sħiħ fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri. |
92 |
Qabel kollox, din l-interpretazzjoni hija l-iktar ġustifikata f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti ta’ rinviju nnifisha, l-awtorità nazzjonali kompetenti mmotivat id-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja billi tieħu ħsieb tirreferi b’mod kunsiderevoli għar-raġunijiet li diġà ġew invokati minn din l-istess awtorità insostenn taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal ażil, meta, skont id-Direttiva 2004/83, ma humiex l-istess kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat u għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fejn in-natura tad-drittijiet inerenti għal dan l-istatus hija barra minn hekk differenti. |
93 |
Għandu jingħad ukoll li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom mhux biss l-obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et , C-411/10 u C-493/10, Ġabra p. I-13905, punt 77). |
94 |
Huwa fir-rigward ta’ dawn il-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti ta’ rinviju għandha tevalwa l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt tal-proċedura ta’ implementazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ppreżentata minn M. u, fil-każ li tikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ din il-persuna li tinstema’, għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha. |
95 |
Fid-dawl tal-kunsiderezzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li:
|
Fuq l-ispejjeż
96 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-applikant għal ażil, kif imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn barrani jitlob li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja wara li l-istatus ta’ refuġjat ikun ġie rrifjutat lilu u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha l-intenzjoni li tiċħad ukoll din it-tieni applikazzjoni, din l-awtorità għandha l-obbligu f’dan is-sens, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, li tinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-eżitu negattiv li hija tkun ser tirriżerva għall-applikazzjoni tagħha kif ukoll li tikkomunikalha l-argumenti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ċ-ċaħda tagħha, b’tali mod li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jsostni l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward. |
Madankollu, fir-rigward ta’ sistema bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata bl-eżistenza ta’ żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tħares li jiġu rrispettati, fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri, id-drittijiet fundamentali tal-applikant u, b’mod iktar partikolari, id-dritt li jinstema’ fis-sens li għandu jkun jista’ jesponi utilment l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li ma tagħtix il-benefiċċju tal-protezzjoni mitluba. F’tali sistema, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun diġà nstemgħet waqt l-istruttorja tal-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma jifissirx li din il-formalità tista’ tiġi injorata fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.