EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0273

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012.
Mecsek‑Gabona Kft vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Baranya Megyei Bíróság.
VAT — Direttiva 2006/112KE — Artikolu 138(1) — Kundizzjonijiet għal eżenzjoni ta’ tranżazzjoni intra-Komunitarja kkaratterizzata mill-obbligu tax-xerrej li jiżgura t-trasport tal-merkanzija li huwa jiddisponi minnha bħala proprjetarju mill-mument tat-tagħbija — Obbligu tal-bejjiegħ li jipprova li l-merkanzija telqet fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-provvista — Tħassir, b’effett retroattiv, tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tax-xerrej.
Kawża C‑273/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:547

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“VAT — Direttiva 2006/112KE — Artikolu 138(1) — Kundizzjonijiet għal eżenzjoni ta’ tranżazzjoni intra-Komunitarja kkaratterizzata mill-obbligu tax-xerrej li jiżgura t-trasport tal-merkanzija li huwa jiddisponi minnha bħala proprjetarju mill-mument tat-tagħbija — Obbligu tal-bejjiegħ li jipprova li l-merkanzija telqet fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-provvista — Tħassir, b’effett retroattiv, tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tax-xerrej”

Fil-Kawża C-273/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Baranya Megyei Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura

Mecsek-Gabona Kft

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Mejju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u V. Bottka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 326, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mecsek-Gabona Kft (iktar ’il quddiem “Mecsek-Gabona”) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága (direttorat reġjonali tat-taxxi ta’ Dél-dunántúl, iktar ’il quddiem il-“Főigazgatóság”), dwar ir-rifjut, ta’ din l-awtorità, li tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fir-rigward ta’ tranżazzjoni li hija kklassifikat bħala provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2006/112

3

Id-Direttiva 2006/112 ħassret u ssostitwixxiet b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, skont l-Artikoli 411 u 413 tagħha, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, b’mod partikolari, is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9 Vol. 1, p. 23).

4

L-Artikolu 2(1)(b)(i) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li:

“1.   It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

(b)

l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn:

(i)

persuna taxxabbli li tkun qed taġixxi b’dan il-mod, jew minn persuna legali mhux taxxabbli, fejn il-bejjiegħ huwa persuna taxxabbli li qed jaġixxi b’dan il-mod [...]”

5

Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva:

“‘Provvista ta’ merkanzija’; għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”

6

It-Titolu IX tal-imsemmija direttiva intitolat “Eżenzjonijiet” jinkludi għaxar kapitoli fosthom il-Kapitolu 1 li huwa ddedikat lid-dispożizzjonijiet ġenerali. L-Artikolu 131, li huwa l-uniku artikolu ta’ dan il-kapitolu, jipprovdi li:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”

7

L-Artikolu 138(1) li jinsab fil-Kapitolu 4 intitolat “Eżenzjonijiet għal transazzjonijiet intra-Komunitarji” tal-imsemmi Titolu IX jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni ’l barra mit-territroju tagħhom iżda fil-Komunità, jew mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li tkun qed takkwista l-merkanzija, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn bdiet tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija.”

8

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 131 u 138(1) tad-Direttiva 2006/112 essenzjalment jirripproduċu l-kontenut tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274).

9

It-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112 intitolat “Obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli” jinkludi, b’mod partikolari, Kapitolu 2 intitolat “Identifikazzjoni” u Kapitolu 3 intitolat “Fatturazzjoni”.

10

L-imsemmi Kapitolu 2 jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 214 li huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:

[...]

(b)

kull persuna taxxabbli, jew persuna legali li mhix taxxabbli, li tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija soġġetta għall-VAT skond l-Artikolu 2(1)(b) u kull persuna taxxabbli jew persuna legali li mhix taxxabbli li teżerċita l-għażla skond l-Artikolu 3(3) li jagħmlu l-akkwisti intra-Komunitarji tagħhom soġġetti għall-VAT;

[...]”

11

L-Artikolu 220(1) li jaqa’ taħt il-Kapitolu 3 tal-istess titolu jipprovdi li:

“Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dak li ġej, tinħareġ fattura, jew hi nnifisha jew mill-konsumatur tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:

[...]

(3)

provvisti ta’ merkanzija mwettqa skond il-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138;

[...]”

12

L-Artikolu 226 li jinsab fil-Kapitolu 3 jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221:

[...]

(4)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-konsumatur, kif imsemmi fl-Artikolu 214, li taħtu l-konsumatur irċieva provvista ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħha hu obbligat li jħallas il-VAT, jew irċieva provvista ta’ merkanzija kif imsemmi fl-Artikolu 138;

[...]”

Id-dritt Ungeriż

13

L-Artikolu 89(1) tal-Liġi Nru CXXVII tal-2007 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. Törvény, Magyar Közlöny 2007/128), huwa fformulat kif ġej:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-punti 2 u 3 hawn taħt, għandha tingħata eżenzjoni mill-VAT lill-provvisti ta’ merkanija mibgħuta jew ittrasportati, b’mod ipprovat, barra mit-territorju nazzjonali iżda fil-Komunità, kemm jekk dan isir mill-bejjiegħ, mix-xerrej jew minn kwalunkwe persuna oħra, li taġixxi f’isimhom, u mwettqa għal persuna taxxabbli oħra li taġixxi f’din il-kwalità fi Stat Membru ieħor li ma huwiex it-territorju nazzjonali, iżda fi Stat Membru ieħor tal-Komunità, jew li hija identifikata għall-iskopijiet tal-VAT fi Stat Membru ieħor tal-Komunità bħala persuna ġuridika mhux taxxabbli.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Mecsek-Gabona hija kumpannija Ungeriża li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-kummerċ bl-ingrossa ta’ ċereali, tabakk, żrieragħ u għalf għall-annimali.

15

Fit-28 ta’ Awwissu 2009 hija kkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ ma’ Agro-Trade srl (iktar ’il quddiem “Agro-Trade”), kumpannija stabbilita fl-Italja, li kien jirrigwarda 1000 tunnellata żerriegħa tal-kolza b’marġini ta’ varjazzjoni ta’ mhux iktar jew mhux inqas minn 10 %, għall-prezz ta’ HUF 71 500 it-tunnellata, għall-finijiet ta’ provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija b’eżenzjoni mill-VAT.

16

Fil-klawżoli dwar il-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, il-partijiet kienu ftiehmu li l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt fir-rigward tal-kwantità kellha ssir skont il-piż mgħobbi fis-sit tal-bejjiegħ f’Szentlőrinc (l-Ungerija), kif iċċertifikat mir-reġistri tal-użin u mill-fatturi stabbiliti abbażi ta’ dawn. Ix-xerrej impenja ruħu li jsib il-mezzi ta’ trasport u li jittrasporta l-merkanzija lejn Stat Membru ieħor.

17

Qabel ma sar dan it-trasport, ix-xerrej ikkomunika n-numri ta’ reġistrazzjoni tat-trakkijiet li kellhom jiġu jgħabbu l-merkanzija fis-sit ta’ Mecsek-Gabona. Wara li ntiżnu t-trakkijiet, il-kwantitajiet tal-prodotti mixtrija tniżżlu fid-dokumenti CMR (noti ta’ dispaċċ imħejjija abbażi tal-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għall-Ġarr Stradali Internazzjonali ta’ Merkanzija, iffirmata f’Genèvre fid-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata bil-Protokoll tal-5 ta’ Lulju 1978), u d-dokumenti ta’ trasport ġew ippreżentati mit-trasportaturi. Il-bejjiegħ għamel fotokopja tal-ewwel kopja ta’ dawn il-dokumenti CMR mimlijin, filwaqt li l-oriġinali nżammet mit-trasportaturi. L-erbgħin dokument CMR, li n-numru tas-serje tagħhom kienu wara xulxin, intbagħtu lura bil-posta lill-bejjiegħ mill-indirizz tax-xerrej li jinsab fl-Italja.

18

Fl-4 ta’ Settembru 2009 inħarrġu żewġ fatturi, għall-finijiet tal-bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’eżenzjoni mill-VAT fejn l-ewwel waħda kienet għall-ammont ta’ HUF 34 638 175 u t-tieni waħda għall-ammont ta’ HUF 34 555 235, għall-kwantitajiet rispettivi ta’ 484.45 u ta’ 483.29 tunnellati ta’ żerriegħa tal-kolza. L-ammont li kien jinsab fuq l-ewwel fattura tħallas xi ftit jum wara l-kunsinna minn persuna fiżika ta’ nazzjonalità Ungeriża li ħalset din is-somma fil-kont ta’ Mecsek-Gabona. Madankollu, it-tieni fattura, li suppost kellha titħallas fit-tmien xhur ta’ wara l-kunsinna, ma tħallsitx.

19

Konsultazzjoni tar-reġistru tal-persuni taxxabbli min-naħa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fis-7 ta’ Settembru 2009, uriet li f’din id-data, Agro-Trade kellha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.

20

Meta saret il-verifika tad-dikjarazzjoni fiskali ta’ Mecsek-Gabona, l-awtorità fiskali Ungeriża għamlet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Taljani, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 392). Skont l-informazzjoni kkomunikata minn dawn l-awtoritajiet, Agro-Trade ma setgħetx tinstab u li l-indirizz tas-sede li kien iddikkjarat kienet fil-fatt dar privata. L-ebda kumpanija li ġġib dan l-isem ma kienet ġiet irreġistrata f’dan l-indirizz. Peress li qatt ma kienet ħallset VAT, anki l-awtorità fiskali Taljan ma kinitx taf b’Agro-Trad. Fl-14 ta’ Jannar 2010, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Taljan ta’ din il-kumpannija kien tħassar mir-reġistru b’effett retroattiv għas-17 ta’ April 2009.

21

Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi kollha, l-awtorità fiskali Ungeriża tal-ewwel istanza qieset li Mecsek-Gabona ma waslitx sabiex tipprova, waqt il-proċedura fiskali, li kienet saret provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija li kienet suġġetta għal eżenzjoni mill-VAT u, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2010, hija kkonstatat kontra din il-kumpannija, l-eżistenza ta’ dejn fiskali fl-ammont ta’ HUF 17 298 000 minħabba l-VAT relattiva għax-xahar ta’ Settembru 2009, flimkien ma’ multa ta’ HUF 1 730 000 u ta’ penali għal dewmien ta’ HUF 950 000.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2011, il-Főigazgatóság kkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-awtorità fiskali tal-ewwel istanza, billi qies li Mecsek-Gabona kien messha kellha dokument li jipproduċi prova li l-merkanzija ntbagħtet kif ukoll li ġiet ittrasportata fi Stat Membru ieħor. Peress li din il-kumpannija ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta tali dokument waqt il-proċedura ta’ verifika, jew li d-dokument li hija ppreżentat ma setax jiġi kkunsidrat bħala awtentiku, hija saret responsabbli mill-VAT relatata mal-bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm hija ma kinitx in bona fide waqt it-tranżazzjoni.

23

Skont il-Főigazgatóság, Mecsek-Gabona kien messha ħadet iktar prekawzjonijiet. Għaldaqstant hija ma kienx messha sempliċement ivverifikat li l-merkanzija kienet intbagħtet, iżda kien messha wkoll żgurat ruħha li din kienet waslet fid-destinazzjoni tagħha.

24

Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Főigazgatóság u anki tad-deċiżjoni mogħtija mill-awtorità fiskali tal-ewwel istanza. Hija ssostni li ma setgħet tiġi akkużata bl-ebda negilġenza kemm matul il-konklużjoni tal-kuntratt kif ukoll fil-mument tal-eżekuzzjoni tiegħu, peress li fis-7 ta’ Settembru 2009 hija kienet ivverifikat in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ Agro-Trade, li dan in-numru kien wieħed reali u li d-dokumenti CMR kienu ntbagħtu lura lilha mill-indirizz Taljan tax-xerrej. Mecsek-Gabona sostniet ukoll li l-fatt li l-awtorità fiskali Taljana kienet ħassret dan in-numru ta’ identifikazzjoni fl-14 ta’ Jannar 2010 b’effett retroattiv għas-17 ta’ April 2009, ma setax ikun magħruf minnha u li, konsegwentement, dan it-tħassir ma seta jkollu ebda impatt f’dan ir-rigward.

25

Il-Főigazgatóság talab li dan ir-rikors Mecsek-Gabona jiġi miċħud billi sostna l-argument tiegħu li din il-kumpannija ma setgħatx tapplika l-eżenzjoni mill-VAT għall-provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali ħlief taħt il-kundizzjoni li tiżgura ruħha mhux biss li l-merkanzija ntbagħtet iżda anki li waslet fid-destinazzjoni tagħha.

26

Il-Baranya Megyei Bíróság tqis li interpretazzjoni tal-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112 hija neċessarja sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddetermina liema huma l-provi suffiċjenti sabiex jikkonfermaw li seħħet provvista ta’ merkanzija b’eżenzjoni mill-VAT u tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar sa liema punt il-bejjiegħ huwa responsabbli mill-aġir tax-xerrej meta ma jiħux ħsieb it-trasport huwa stess. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et. (C-409/04, Ġabra p. I-7797), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk il-fatt li n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ Agro-Trade kien tħassar wara li seħħet il-provvista tal-merkanzija jistax iqajjem dubju dwar il-bona fide tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u jistax iwassal sabiex jiġi konkluż li ma kienx hemm provvista b’eżenzjoni mill-VAT.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Baranya Megyei Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment ta’ merkanzija huwa eżenti mill-VAT meta l-merkanzija tkun ġiet mibjugħa lil xerrej li, għall-finijiet tal-VAT, kien irreġistrat fi Stat Membru ieħor fil-mument meta ġie konkluż il-kuntratt ta’ bejgħ, u li x-xerrej jikkonkludi l-kuntratt tal-bejgħ fuq l-merkanzija inkwistjoni b’mod li d-dritt ta’ li jiddisponi mill-merkanzija u t-titolu ta’ proprjetà jiġu ttrasferiti favur tiegħu fil-mument tat-tagħbija tal-merkanzija fil-mezzi tat-trasport u li x-xerrej jassumi l-istess obbligu għat-trasport lejn Stat Membru ieħor?

2)

Huwa biżżejjed, sabiex il-bejjiegħ ikun jista’ japplika s-sistema ta’ bejgħ eżenti mill-VAT, li jiżgura li trakkijiet irreġistrati barra mill-pajjiż iġorru l-merkanzija mibjugħa, li jkun rċieva d-dokumenti tas-CMR lura mix-xerrej, jew għandu jiżgura ruħu li l-merkanzija mibjugħa qasmet il-fruntiera u li ġiet ittrasportata fil-Komunità?

3)

Il-preżenza ta’ bejgħ eżenti mill-VAT tista’ tiġi kkontestata biss għar-raġunijiet li l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru ieħor iħassar b’mod retroattiv in-numru tat-taxxa Komunitarja tax-xerrej għal data qabel il-kunsinna tal-merkanzija?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

28

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru tirrifjuta li tagħti, lil bejjiegħ stabbilit f’dan l-Istat Membru, eżenzjoni mill-VAT fir-rigward ta’ provvista intra-Komunitarja f’ċirkustanzi li fihom, minn naħa, id-dritt li wieħed jiddisponi minn oġġett bħala proprjetarju huwa ttrasferit, fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, lil xerrej stabbilit fi Stat Membru ieħor li fil-mument tat-tranżazzjoni jkollu numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT f’dan l-Istat Membru l-ieħor u li huwa responsabbli għat-trasport ta’ din il-merkanzija lejn id-destinazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, il-bejjiegħ jiżgura ruħu li t-trakkijiet irreġistrati barra mill-pajjiż jgħabbul-merkanzija mill-maħżen tiegħu u jkollu d-dokumenti CMR mibgħuta lura lilu minn dan l-Istat Membru tad-destinazzjoni, bħala prova li l-oġġett ġie ttrasportat barra mill-Istat Membru tal-bejjiegħ.

29

L-ewwel nett għandu jitfakkar li provvista intra-Komunitarja, li tikkostitwixxi l-korollarju tal-akkwist intra-Komunitarju, hija eżenti mill-VAT jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28, u tat-18 ta’ Novembru 2010, X, C-84/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).

30

Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni barra mit-territroju tagħhom iżda fl-Unjoni, mill-bejjiegħ, mix-xerrej jew minn persuna li tkun qed taġixxi f’isimhom, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak minn fejn tinbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija.

31

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżenzjoni tal-provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija tkun applikabbli biss meta d-dritt li wieħed jiddisponi minn din il-merkanzija bħala proprjetarju jkun ġie ttrasferit lix-xerrej, meta l-bejjiegħ jistabbilixxi li din il-merkanzija tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata fi Stat Membru ieħor u meta, wara li tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata, l-istess merkanzija tkun telqet fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-provvista (ara s-sentenzi Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International, C-184/05, Ġabra p. I-7897, punt 23; tas-7 ta’ Diċembru 2010, R., C-285/09, Ġabra p. I-12605, punt 41, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Euro Tyre Holding, C-430/09, Ġabra p. I-13335, punt 29).

32

Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, it-trasferiment lix-xerrej tad-dritt li wieħed jiddisponi minn oġġett tanġibbli bħala proprjetarju, għandu jiġi rrilevat li dan jikkostitwixxi kundizzjoni inerenti għal kull provvista ta’ merkanzija, kif definit fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112, u ma jippermettix, fih innifsu, li tiġi ddeterminata n-natura intra-Komunitarja tat-tranżazzjoni kkonċernata.

33

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ma huwiex ikkontestat li din il-kundizzjoni dwar it-trasferiment tad-dritt li wieħed jiddisponi minn oġġett bħala proprjetarju hija sodisfatta fil-kawża prinċipali, peress li skont il-kuntratt konkluż bejn il-partijiet, din it-tranżazzjoni seħħet fil-mument tat-tgħabija tal-merkanzija fuq il-mezzi tat-trasport pprovduti mix-xerrej u li l-awtorità fiskali Ungeriża ma kkontestatx li din it-tgħabija saret.

34

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-obbligu tal-bejjiegħ li juri li l-merkanzija ntbagħtet jew li ġiet ittrasportata barra mill-Istat Membru tal-provvista, għandu jitfakkar li dan għandu jitqiegħed fil-kuntest partikolari tal-arranġamenti tranżitorji ta’ taxxa applikabbli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, introdotti bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temeda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160) minħabba li tneħħew il-fruntieri interni mill-1 ta’ Jannar 1993 (sentenza Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, anki jekk il-provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija hija suġġetta għall-kundizzjoni oġġettiva li jrid ikun seħħ trasferiment fiżiku tagħha barra mill-Istat Membru tal-provvista, wara l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntjieri bejn l-Istati Membri, huwa diffiċli għall-awtoritajiet fiskali li jivverifikaw jekk il-merkanzija telqitx fiżikament jew le mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru. Minħabba dan il-fatt, huwa prinċipalment fuq il-bażi tal-provi pprovduti mill-persuni taxxabbli u mid-dikjarazzjonijiet tagħhom li l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jipproċedu b’verifika bħal din (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Teleos et, punt 44, kif ukoll R., punt 42).

36

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kontreta fid-Direttiva 2006/112 rigward il-provi li l-persuni taxxabbli huma obbligati jipprovdu sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT, huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw, skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, il-kundizzjonijiet li taħthom il-provvisti intra-Komunitarji huma eżenti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-imsemmija eżenzjonijiet kif ukoll li tiġi pprevenuta kull frodi, evażjoni jew abbuż eventwali.Madankollu, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jiffurmaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom hemm b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali, u ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Collée, C-146/05, Ġabra p. I-7861, punt 24; Twoh International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; X, iċċitata iktar ’il fuq, point 35, u R., iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 45).

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tirreferix għal obbligi konkreti li huma previsti mid-dritt Ungeriż bħal, b’mod partikolari, lista ta’ dokumenti li jridu jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tapplika l-eżenzjoni għal provvista intra-Komunitarja. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ungeriż matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tipprovdi biss li l-provvista għandha tkun iċċertifikata u li l-livell ta’ provi mitluba jiddependi miċ-ċirkustanzi konkreti tat-tranżazzjoni kkonċernata.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligi li għandha persuna taxxabbli għal dak li jirrigwarda l-provi għandhom jiġu ddeterminati skont il-kundizzjonijiet iffissati b’mod espress f’dan ir-rigward mid-dritt nazzjonali u mill-prattiki stabbiliti għal tranżazzjonijiet simili.

39

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li l-persuni taxxabbli jkunu jafu l-obbligi fiskali tagħhom qabel ma jikkonkludu tranżazzjoni (sentenza Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Il-qorti tar-rinviju titlob, b’mod partikolari, jekk sabiex tiġi applikata l-eżenzjoni għal provvista intra-Komunitarja Stat Membru jistax jeżiġi li l-persuna taxxabbli tiżgura ruħha li l-merkanzija tkun fiżikament telqet mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

41

Dwar dan is-suġġett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, f’sitwazzjoni li fiha ma jidher li hemm ebda prova tanġibbli li turi li l-merkanzija ġiet ittrasferita barra mit-territorju tal-Istat Membru tal-provvista, il-fatt li persuna taxxabbli tiġi obbligata tipproduċi tali prova ma jiggarantixxix l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-eżenzjonijiet. Bil-kontra, dan l-obbligu jpoġġi lil din il-persuna taxxabbli f’sitwazzjoni ta’ inċertezza dwar il-possibbiltà li tiġi applikata eżenzjoni għall-provvista intra-Komunitarja tagħha jew dwar il-ħtieġa li l-VAT tiġi inkluża fil-prezz tal-bejgħ.VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 51).

42

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ li x-xerrej jibbenefika mis-setgħa li jiddisponi mill-merkanzija kkonċernata bħala proprjetarju fl-Istat Membru tal-provvista u jimpenja ruħu li jittrasporta din il-merkanzija lejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prova li l-bejjiegħ jista’ jipproduċi lill-awtoritajiet fiskali tiddependi essenzjalment mid-dokumenti li huwa jirċievi għal dan il-għan mingħand ix-xerrej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Euro Tyre Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

43

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, ladarba l-bejjiegħ ikun issodisfa l-obbligi tiegħu marbuta mal-prova ta’ provvista intra-Komunitarja, filwaqt li l-obbligu kuntrattwali li din il-merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata barra mill-Istat Membru tal-provvista ma jkunx ġie ssodisfat mix-xerrej, huwa dan tal-aħħar li għandu jitqies bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Teleos et, punti 66 u 67, kif ukoll Euro Tyre Holding, punt 38).

44

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fil-kawża prinċipali, Mecsek-Gabona invokat id-dritt tagħha għal eżenzjoni mill-VAT billi bbażat ruħha fuq in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT mogħti lix-xerrej mill-awtoritajiet Taljani, fuq il-fatt li l-merkanzija mibjugħa kienet ġiet mgħobbija minn trakkijiet irreġistrati barra mill-pajjiż kif ukoll fuq id-dokumenti CMR mibgħuta lura mix-xerrej mill-indirizz tiegħu u li kienu jindikaw li l-merkanzija kienet ġiet ittrasportata lejn l-Italja.

45

Il-kwistjoni dwar jekk, billi aġixxiet b’dan il-mod, Mecsek-Gabona ssodisfatx l-obbligi li kellha fir-rigward tal-prova u tad-diliġenza taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-punt 38 tas-sentenza preżenti.

46

Issa, fil-każ li l-provvista kkonċernata hija involuta fil-frodi mwettqa mix-xerrej u fil-każ li l-awtorità fiskali ma hijiex ċerta li l-merkanzija telqet tassew mit-territorju tal-Istat Membru tal-provvista, għandu jiġi eżaminat, fit-tielet lok, jekk sussegwentement din l-awtorità tistax tobbliga lill-bejjiegħ iħallas il-VAT relatata ma’ din il-provvista.

47

Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi eventwali huwa għan rikonoxxut u mħeġġeġ mid-Direttiva 2006/112 (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 u C-7/02, Ġabra p. I-5337, punt 76; R., iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata) li f’ċertu ċirkustanzi jiġġustifika r-rekwiżiti stretti fir-rigward tal-obbligi tal-bejjiegħ (sentenza Teleos, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 61).

48

Għaldaqstant, ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni li l-operatur ikun meħtieġ jieħu l-miżuri li jistgħu raġjonevolment jintalbu minnu sabiex jiżgura li t-tranżazzjoni li huwa jwettaq ma twasslux sabiex jipparteċipa fi frodi fiskali (sentenzi Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, kif ukoll Mahagében u Dávid, iċċitata iktar ’il fuq, point 54).

49

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawn l-elementi huma importanti sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà li l-bejjiegħ jiġi obbligat iħallas il-VAT a posteriori (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

50

Konsegwentement, f’każ ta’ frodi mwettqa mix-xerrej fil-kawża prinċipali, ikun iġġustifikat li d-dritt tal-bejjiegħ għal eżenzjoni mill-VAT jiġi suġġett għal rekwiżit ta’ bona fide.

51

Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi konkluż li Mecsek-Gabona kienet taf jew kellha tkun taf li x-xerrej kien wettaq frodi.

52

Madankollu, fl-osservazzjoni bil-miktub u fis-sottomissjonijiet orali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ungeriż isostni li fil-fehma tiegħu diversi elementi li ma jidhrux fid-deċiżjoni tar-rinviju jipproduċu prova ta’ mala fide tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, dan il-Gvern jesponi li, minkejja li ma kinitx taf lix-xerrej tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Mecsek-Gabona ma kienet talbitu l-ebda garanzija, kienet ivverifikat in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT biss wara li saret it-tranżazzjoni, ma kienet irriċerkat ebda informazzjoni addizzjonali fuq dan ix-xerrej, kienet ittrasferietlu d-dritt ta’ proprjetà ta’ din il-merkanzija billi aċċettat li tipposponi l-ħlas tal-prezz tal-bejgħ tagħha u kienet ippreżentat id-dokumenti CMR mibgħuta lura lilha mill-imsemmi xerrej minkejja li ma kinux kompleti.

53

F’dawn ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tivverifika, kif lanqas ma għandha li tevalwa, iċ-ċirkustanzi fattwali relatati mal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li twettaq evalwazzjoni globali tal-elementi u ċirkustanzi fattwali kollha ta’ din il-kawża sabiex tiddetermina jekk Mecsek-Gabona aġixxietx in bona fide u ħaditx il-miżuri kollha li setgħu raġjonevolment jintalbu minnha sabiex jiżgura li t-tranżazzjoni li hija wettqet ma twasslhiex sabiex jipparteċipa fi frodi fiskali.

54

Fl-ipoteżi li din il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-persuna taxxabbli kkonċernata kienet taf jew kien messha kienet taf li t-tranżazzjoni li għamlet kienet involuta fi frodi mwettqa mix-xerrej u li ma kinitx ħadet il-miżuri raġjonevoli kollha li setgħet tieħu sabiex tkun tista’ tevita din il-fordi, hija għandha tirrifjutalha l-benefiċċju tad-dritt għal eżenzjoni mill-VAT.

55

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tad-dritt għal eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja mill-VAT jiġi rrifjutat lill-bejjiegħ, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan tal-aħħar ma ssodisfax l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-provi jew li kien jaf jew kien messu kien jaf li t-tranżazzjoni li kien għamel kienet involuta fi frodi mwettqa mix-xerrej u li ma kienx ħa l-miżuri raġjonevoli kollha li seta’ jieħu sabiex jevita l-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-frodi.

Fuq it-tielet domanda

56

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja mill-VAT, fis-sens tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112, tistax tiġi rrifjutata lill-bejjiegħ fuq il-bażi li l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor ħassret in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tax-xerrej li, minkejja li dan it-tħassir seħħ wara l-provvista tal-merkanzija, sar b’mod retroattiv għal data qabel dik li fiha saret din il-provvista.

57

Fil-kuntest tal-arranġamenti trażitorji ta’ taxxa applikabbli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, li l-għan tagħhom huwa li d-dħul fiskali jiġi ttrasferit lill-Istat Membru fejn iseħħ il-konsum finali tal-merkanzija kkunsinnata (ara s-sentenzi Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, kif ukoll tat-22 ta’ April 2010, X u fiscale eenheid Facet-Facet Trading, C-536/08 u C-539/08, Ġabra p. I-3581, punt 30), l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT permezz tan-numri individwali hija intiża sabiex tiffaċilita d-determinazzjoni tal-Istat Membru li fih iseħħ dan il-konsum finali.

58

Id-Direttiva 2006/112 timponi fuq l-Istati Membri, minn naħa, taħt l-Artikolu 214(1)(b) tagħha, obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-persuni taxxabbli kollha li jwettqu tranżazzjonijiet intra-Komunitarji jkunu identifikati permezz ta’ numru individwali. Min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 226(4) tagħha din id-direttiva teżiġi li l-fattura, li dejjem għandha tinħareġ fil-każ ta’ provvista intra-Komunitarja, tkun tinkludi b’mod mandatorju n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tax-xerrej, li taħtu jkun irċieva provvista ta’ merkanzija msemmija fl-Artikolu 138 tal-imsemmija direttiva.

59

Madankollu, la l-kliem tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112 u lanqas il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 tas-sentenza preżenti ma jsemmu, fost il-kundizzjonijiet materjali ta’ provvista intra-Komunitarja elenkati b’mod eżawrjenti, l-obbligu li wieħed ikollu n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.

60

Huwa minnu li l-għoti ta’ tali numru jipproduċi prova tal-istatus fiskali tal-persuna taxxabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-VAT u jiffaċilita l-verifiki fiskali tat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. Madankollu, dan huwa rekwiżit proċedurali, li ma jistax jimmina d-dritt għal eżenzjoni mill-VAT sa fejn il-kundizzjonijiet materjali ta’ provvista intra-Komunitarja huma sodisfatti (ara, b’analoġija, għal dak li jikkonċerna d-dritt għal tnaqqis, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie, C-385/09, Ġabra p. I-10385, punt 50, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Dankowski, C-438/09, Ġabra p. I-14009, punti 33 u 47).

61

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżura nazzjonali li essenzjalment tissuġġetta d-dritt għal eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja għall-ħarsien ta’ obbligi formali, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti sostantivi, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat il-ġbir tajjeb tat-taxxa. (sentenza Collée, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29), ħlief jekk il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali jirriżulta f’ li ma tkunx tista’ tinġieb il-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi ġew issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Collée, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

62

F’dan il-każ, huwa paċifiku li n-numru ta’ identifikazzjoni tax-xerrej kien validu fil-mument meta ġiet eżegwita t-tranżazzjoni iżda li diversi xhur wara din it-tranżazzjoni, dan in-numru tħassar b’mod retroattiv mir-reġistru tal-persuni taxxabbli mill-awtoritajiet Taljani.

63

Issa, peress li l-obbligu li l-kwalità ta’ persuna taxxabbli tiġi vverifikata huwa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, qabel ma din tal-aħħar tagħtiha n-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT, irregolarità eventwali li taffettwa dan ir-reġistru ma jistax tirriżulta f’li ċċaħħad lil operatur, li bbaża ruħu fuq id-data li tinsab fl-imsemmi reġistru, mill-eżenzjoni li huwa għandu d-dritt li jibbenefika minnha.

64

Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni Ewropea, imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-bejjiegħ ikun meqjus responsabbli mill-ħlas tal-VAT minħabba s-sempliċi raġuni li tħassar, b’mod retroattiv, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tax-xerrej.

65

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja mill-VAT, fis-sens tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112, ma tistax tiġi rrifjutata lill-bejjiegħ minħabba s-sempliċi raġuni li l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor ħassret in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tax-xerrej li, minkejja li dan it-tħassir seħħ wara l-provvista tal-merkanzija, sar b’mod retroattiv għal data qabel dik li fiha saret din il-provvista.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tad-dritt għal eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja mill-VAT jiġi rrifjutat lill-bejjiegħ, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan tal-aħħar ma ssodisfax l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-provi jew li kien jaf jew kien messu kien jaf li t-tranżazzjoni li kien għamel kienet involuta fi frodi mwettqa mix-xerrej u li ma kienx ħa l-miżuri raġjonevoli kollha li seta’ jieħu sabiex jevita l-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-frodi.

 

2)

L-eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja mill-VAT, fis-sens tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/88 ma tistax tiġi rrifjutata lill-bejjiegħ minħabba s-sempliċi raġuni li l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor ħassret in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tax-xerrej li, minkejja li dan it-tħassir seħħ wara l-provvista tal-merkanzija, sar b’mod retroattiv għal data qabel dik li fiha saret din il-provvista.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top