EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0218

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2012.
Észak-dunántúli Környezetvédelmi és Vízügyi Igazgatóság (Édukövízig) u Hochtief Construction AG Magyarországi Fióktelepe, li saret Hochtief Solutions AG Magyarországi Fióktelepe vs Közbeszerzések Tanácsa Közbeszerzési Döntőbizottság.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla.
Direttiva 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Artikoli 44(2) u 47(1)(b), (2) u (5) — Kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-kandidati jew tal-offerenti — Livell minimu ta’ kapaċità stabbilit unikament abbażi ta’ informazzjoni dwar il-karta tal-bilanċ — Informazzjoni dwar il-kontabbiltà li tista’ tiġi influwenzata minn diverġenzi bejn il-liġijiet nazzjonali fil-qasam ta’ kontabbiltà annwali tal-kumpanniji.
Kawża C-218/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:643

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

18 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

“Direttiva 2004/18/CE — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Artikoli 44(2) u 47(1)(b), (2) u (5) — Kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-kandidati jew tal-offerenti — Livell minimu ta’ kapaċità stabbilit unikament abbażi ta’ informazzjoni dwar il-karta tal-bilanċ — Informazzjoni dwar il-kontabbiltà li tista’ tiġi influwenzata minn diverġenzi bejn il-liġijiet nazzjonali fil-qasam ta’ kontabbiltà annwali tal-kumpanniji”

Fil-Kawża C-218/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi ítélőtábla (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Észak-dunántúli Környezetvédelmi és Vízügyi Igazgatóság (Édukövízig),

Hochtief Construction AG Magyarországi Fióktelepe, li saret Hochtief Solutions AG Magyarországi Fióktelepe,

vs

Közbeszerzések Tanácsa Közbeszerzési Döntőbizottság,

fil-preżenza ta’:

Vegyépszer Építő és Szerelő Zrt,

MÁVÉPCELL Kft,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn G. Arestis, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, J. Malenovský u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Észak-dunántúli Környezetvédelmi és Vízügyi Igazgatóság (Édukövízig), minn G. Buda, A. Cséza u D. Kuti, avukati,

għal Hochtief Construction AG Magyarországi Fióktelepe, li saret Hochtief Solutions AG Magyarországi Fióktelepe, minn Z. Mucsányi, avukat,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, K. Szíjjártó u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 44(2) u 47(1)(b), (2) u (5) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata mill-Fővárosi Ítélőtábla (Qorti tal-Appell tal-belt kapitali), li quddiemha kien ippreżentat appell mid-deċiżjoni tal-Közbeszerzések Tanácsa Közbeszerzési Döntőbizottság, (kummissjoni ta’ arbitraġġ tal-kuntratti pubbliċi tal-kunsill tal-kuntratti pubbliċi), bħala awtorità amministrattiva ta’ arbitraġġ. Din id-deċiżjoni saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Hochtief Construction AG Magyarországi Fióktelepe, li saret Hochtief Solutions AG Magyarországi Fióktelepe (iktar ’il quddiem “Hochtief Ungerija”), fergħa Ungeriża ta’ Hochtief Solutions AG, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż u l-Észak-dunántúli Környezetvédelmi és Vízügyi Igazgatóság (Édukövízig) (direttorat għad-difiża tal-ambjent u tal-kwistjonijiet idroloġiċi tat-Transdanubia tat-Tramuntana) rigward proċedura ristretta ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku mibdija minn dan tal-aħħar. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ippreżentat mill-Hochtief Ungeriża, din l-awtorità ta’ arbitraġġ hija l-konvenuta u l-Édukövízig huwa, fir-rigward tiegħu, ikkunsidrat bħala r-rikorrent flimkien mal-Hochtief Ungerija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/18

3

Id-Direttiva 2004/18 tinkludi b’mod partikolari l-premessi li ġejjin:

“[...]

(2)

L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont, huwa rakkomandat li jinħarġu disposizzjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn li huma bbażati fuq dawn il-prinċipji sabiex jiġu assigurati l-effetti li dawn jista’ jkollhom u biex jiggarantixxu l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni. Dawn il-disposizzjonijiet kordinati għandhom għalhekk jiġu interpretati skond ir-regoli imsemmija aktar qabel u l-prinċipji u regoli oħra tat-Trattat.

[...]

(39)

Verifika jekk in-nies li jitfgħu l-offerta humiex adattati, fi proċeduri miftuħa, u tal-kandidati, fil-proċeduri ristretti u negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ notifika tal-kuntratt u bi djalogu kompetittiv, u l-għażla tiegħu, għandha tiġi mwettqa f’kondizzjonijiet trasparenti. Għal dan il-għan, il-kriterja ta’ bla diskriminazzjoni għandha tiġi indikata li l-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jużaw meta jkunu qed jagħżlu l-kompetituri u l-mezzi li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw biex jippruvaw illi jissodisfaw dawk il-kriterji. Fl-istess spirtu tat-trasparenza, l-awtoritajiet kuntrattwali huma meħtieġa, malli l-kuntratt jiġi maħruġ għall-kompetizzjoni, li jindikaw l-kriterja ta’ l-għażla li se jużaw u l-livell tal-kompetenza speċifika li tista’ jew ma tistax titlob mill-operaturi ekonomiċi qabel ma taċċettahom fil-proċedura tal-kisba.

(40)

Xi awtorità kuntrattwali tista’ tillimita n-numru ta’ kandidati fil-proċeduri ristretti jew negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ notifika tal-kuntratt, u fi djalogu kompetittiv. Dan it-tnaqqis fil-kandidati jrid isir fuq il-bażi ta’ kriterja oġġettiva indikata fin-notifika tal-kuntratt. [...]

[...]”

4

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

5

L-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, intitolat “Verifikata’ l-adattabilità u għażla ta’ parteċipanti u għoti ta’ kuntratti” jipprovdi:

“1.   Kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji imniżżlin fl-Artikoli 53 u 55, [...] wara li l-adattabilità ta’ operaturi ekonomiċi […] ikun ġie mixtarr mill-awtoritajiet kontrattwanti skond il-kriterji ta’ permessi ekonomiċi u finanzjarji, ta’ stabilità professjonali u teknika jew abilità li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 47 sa 52, u, fejn xieraq, mar-regoli non-diskriminatorji u kriterji li sar riferiment għalihom fil-paragrfu 3.

2.   L-awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jeżiġu li kandidati u dawk li jixħtu l-offerta jilħqu l-livell minimu ta’ kapaċità skond l-Artikoli 47 u 48.

Il-limitu ta’ l-informazzjoni li sar riferiment għalih fl-Artikoli 47 u 48 u l-livelli minimi ta’ abilità meħtieġa għal kuntratt speċifiku għandu jkun relatat u proporzjonat mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt.

Dawn il-livelli minimi għandhom ikunu indikati fl-avviż tal-kuntatt.

3.   Fi proċeduri ristretti, proċeduri negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt u fil-proċedura ta’ djalogu kompetittiv, awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jillimitaw in-numru ta’ kandidati xierqa li jkunu se jistiednu biex jixħtu offerta, biex jinnegozjaw jew biex imexxu djalogu ma’, basta numru suffiċjenti ta’ kandidati xierqa jkun disponibbli. L-awtoritajiet kontrattwanti għandhom jindikaw fl-avviż tal-kuntratt l-oġġettiv u l-kriterji mhux diskriminatorji jew regoli li jkollhom ħsieb japplikaw [...]

[...]”

6

L-Artikolu 47 ta’ din id-direttiva, intitolat “Stabilità ekonomika u finanzjarja”, jipprovdi:

“1.   Prova ta’ l-istabilità ekonomika u finanzjarja ta’ l-operatur ekonomiku tista’, bħala regola ġenerali, tkun fornuta minn waħda jew aktar mir-riferenzi li ġejjin:

a)

stqarrijiet xierqa minn banek jew, fejn xieraq, evidenza ta’ riskju professjonali ta’ kumpens assigurattiv rilevanti;

b)

il-preżentazzjoni ta’ rendikonti jew estratti minn rendikonti, fejn pubblikazzjoni tar-rendikont tkun meħtieġa taħt il-liġi tal-pajjiż li fih l-operatur ekonomiku jkun stabbilit;

ċ)

dikjarazzjoni tal-valur tal-bejgħ kumplessiv ta’ l-intrapriża u, fejn xieraq, tal-valur tal-bejgħ fiż-żona koperta mill-kuntratt għal massimu ta’ l-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli, jiddependi fuq id-data li fiha l-intrapriża kienet ġiet imwaqqfa jew l-operatur ekonomiku beda jinnegozja, safejn l-informazzjoni dwar dawn il-valuri ta’ bejgħ tkun disponibbli.

2.   Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hi għandha magħhom. Huwa għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu ir-riżorsi neċessarji, per eżempju, billi jipproduċi garanzija minn dawk l-entitajiet għal dak l-effett.

3.   Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif sar riferiment għalih fl-Artikolu 4 jista’ joqgħod fuq il-ħiliet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħrajn.

4.   Awtoritajiet kontrattwanti għandhom jispeċifikaw, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-istedina għal offerta, liema referenza jew riferenzi imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu għażlu u liema riferenzi oħra għandhom ikunu provduti.

5.   Jekk, għal kull raġuni valida, l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jipprovdi r-riferenzi mitluba mill-awtorità kontrattwanti, huwa jista’ jipprova l-istabilità ekonomika u finanzjarja tiegħu bi kull dokument ieħor li l-awtorità kontrattwanti tqis bħala xieraq.”

Id-Direttiva 78/660/KEE

7

Hekk kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, ir-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 44(2)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21), applikat armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw b’mod partikolari l-istruttura u l-kontenut tal-kontabbiltà annwali kif ukoll il-metodi ta’ valutazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji b’ responsabbiltà limitata. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, li jelenka t-tipi ta’ kumpanniji kkonċernati, jindika b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-“Aktiengesellschaft”.

8

L-armonizzazzjoni applikata minn din id-direttiva hija madankollu parzjali biss. Għalhekk, huwa b’mod partikolari previst, fl-Artikolu 6 tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw jew jeħtieġu l-adattament tat-taqsim tal-karta tal-bilanċ u tal-kontabbiltà ta’ qligħ u telf sabiex jinkludu l-approprjazzjoni ta’ qligħ jew it-trattament ta’ telf.

Id-dritt Ġermaniż u Ungeriż

9

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża u dik Ungeriża fil-qasam ta’ kontabbiltà annwali tal-kumpanniji jipprovdu t-tnejn li huma li l-entrata fil-karta tal-bilanċi fir-rigward tar-riżultat għandha tieħu kunsiderazzjoni tad-distribuzzjoni ta’ dividendi. Madankollu, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tawtorizza dan biss sa fejn din ma għandhiex bħala effett li turi l-entrata fil-karta tal-bilanċi bħala negattiva, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tipprovdix limitazzjoni simili, tal-inqas f’dak li jikkonċerna t-trasferiment tal-profitti minn sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

B’avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Lulju 2006, l-Édukövízig fetaħ proċedura ristretta fid-dawl tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku li kien jirrigwarda t-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ infrastruttura ta’ trasport. Mill-proċess jirriżulta li l-valur stmat ta’ dawn ix-xogħlijiet huwa f’marġni bejn HUF 7.2 sa 7.5 biljun, jiġifieri bejn EUR 23 300 000 u 24870000 approssimament.

11

Fir-rigward tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-kandidati, l-awtorità kontraenti talbet il-produzzjoni ta’ dokument uniformi, stabbilit skont ir-regoli tal-kontabbiltà, u ffissat livell minimu li kien jikkonsisti fil-fatt li r-riżultat li kien meħud mill-karti tal-bilanċ ma kienx wieħed negattiv għal aktar minn sena finanzjarja fuq l-aħħar tliet snin finanzjarji magħluqa (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit ekonomiku”).

12

Hochtief AG hija l-kumpannija parent ta’ grupp li tappartjeni għalih Hochtief Solutions AG, 100 % sussidjarja tal-ewwel. Dawn huma kumpanniji rregolati mid-dritt Ġermaniż. Hochtief Ungerija hija l-fergħa Ungeriża tat-tieni. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Hochtief Ungerija, tal-inqas, għandha l-possibbiltà li tirreferi esklużivament għas-sitwazzjoni ta’ Hochtief Solutions AG f’dak li jikkonċerna r-rekwiżit ekonomiku.

13

Skont kuntratt ta’ trasferiment ta’ profitti, il-profitti magħmula minn Hochtief Solutions AG għandhom jiġu ttrasferiti kull sena lill-kumpannija parent tagħha, b’mod li r-riżultat imsemmi fil-karta tal-bilanċ ta’ Hochtief Solutions AG huwa sistematikament null jew negattiv.

14

Hochtief Ungerija qajmet dubju dwar ir-regolarità tar-rekwiżit ekonomiku, għar-raġuni li dan huwa diskriminatorju u jikser ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Ungeriża li jittrasponu d-Direttiva 2004/18.

15

Il-qorti tar-rinviju tesponi, f’dan ir-rigward li, skont ir-regoli fil-qasam ta’ kontabbiltà annwali applikabbli għall-kummpanniji rregolati mid-dritt Ġermaniż, jew tal-inqas għall-gruppi ta kumpanniji rregolati mid-dritt Ġermaniż, huwa possibbli li kumpannija tippreżenta riżultat wara taxxa bħala pożittiv, iżda riżultat fil-karta tal-bilanċ bħala negattiv, minħabba distribuzzjoni ta’ dividendi jew minħabba trasferiment ta’ profitti li jeċċedu l-profitt wara t-taxxa, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tipprojbixxi distribuzzjoni ta’ dividendi li jkollha bħala effett li tagħmel ir-riżultat tal-bilanċ bħala wieħed negattiv.

16

Hochtief Ungerija kkontestat ir-regolarità tar-rekwiżit ekonomiku quddiem il-Közbeszerzések Tanácsa Közbeszerzési Döntőbizottság. Id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ rikors ta’ Hochtief Ungerija quddiem qorti tal-ewwel istanza, wara quddiem il-qorti tar-rinviju.

17

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Hochtief Ungerija sostniet li r-rekwiżit ekonomiku ma jippermettix li jiġi applikat paragun mhux diskriminatorju u oġġettiv tal-kandidati, peress li r-regoli dwar il-kontabbiltà annwali tal-kumpanniji f’dak li jikkonċerna l-ħlas ta’ dividendi fi ħdan gruppi ta’ impriżi jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Dan huwa għaldaqstant il-każ f’dak li jikkonċerna l-Ungerija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ir-rekwiżit ekonomiku huwa indirettament diskriminatorju, peress illi jisfavorixxi l-kandidati li ma jistgħux jissodisfawh, jew li jkunu jistgħu jagħmlu dan biss b’diffikultà, peress illi huma suġġetti, fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom, għal leġiżlazzjoni differenti minn dik li hija applikabbli fl-Istat Membru tal-awtorità kontraenti.

18

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, minn naħa, li mill-Artikoli 44(2) u 47(1)(b) tad-Direttiva 2004/18 jirriżulta li l-awtorità kontraenti tista’ tiffissa livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja b’riferiment għall-karta tal-bilanċ, u min-naħa l-oħra, li dan l-Artikolu 47 jieħu kunsiderazzjoni tad-differenzi li jistgħu jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali relatati mal-kontabbiltà annwali tal-kumpanniji. Għaldaqstant, hija tistaqsi kif ikun possibbli li jiġi ddefinit livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja li jkun paragunabbli indipendentement mill-post ta’ stabbiliment ta’ kumpannija meta dan il-livell għandu jiġi kkonfermat minn dokumenti li jikkostitwixxu rifermenti previsti f’dan l-Artikolu 47(1)(b), iżda li l-kontenut u l-indikazzjonijiet li huma jagħtu jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor.

19

Huwa f’dan il-kuntest li l-Fővárosi Ítélőtábla ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-rabta meħtieġa bejn il-livell minimu ta’ kapaċità previst fl-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18/KE […] u l-Artikolu 47(1)(b) tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha d-dritt torbot il-livell minimu ta’ kapaċità ma’ “indikatur” wieħed biss tad-dokument tal-kontabbiltà (il-karta tal-bilanċ), magħżul minnha sabiex tivverifika l-kapaċità ekonomika u finanzjarja?

2)

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: id-data (il-profitt/telf skont il-karta tal-bilanċ) magħżula sabiex jiġi evalwat il-livell minimu ta’ kapaċità, li l-kontenut tiegħu huwa differenti skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà ta’ kull wieħed mill-Istati Membri, tissodisfa l-ħtieġa ta’ rabta imposta mill-Artikolu 44(2) ta[l-imsemmija] direttiva?

3)

Sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li, bla dubju, jeżistu bejn l-Istati Membri, huwa biżżejjed li l-awtorità kontraenti, minbarra d-dokumenti li tkun għażlet sabiex tivverifika l-kapaċità ekonomika u finanzjarja, tiggarantixxi l-possibbiltà li jintużaw riżorsi esterni (l-Artikolu 47[2 tad-Direttiva 2004/18]) jew, sabiex tiġi sodisfatta l-ħtieġa tar-rabta fil-każ tad-dokumenti kollha mitluba mill-awtorità kontraenti, għandha tiġi ggarantita l-possibbiltà li l-imsemmija kapaċità tintwera b’xi mod ieħor (Artikolu 47(5) [ta’ din id-direttiva])?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

20

L-Édukövízig isostni, l-ewwel nett, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fuq żewġ aspetti. Minn naħa, hija tirrigwarda elementi ġuridiċi li, peress li ma ġewx diskussi matul il-proċedura preċedenti għall-istanza pendenti quddiem il-qorti tar-rinivju, huma irrilevanti fir-rigward tal-kawża effettivament imressqa quddiem din il-qorti. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ekonomiku ma jqajjem ebda diffikultà reali, peress illi Hochtief Ungerija setgħet kemm tippreżenta l-karta tal-bilanċ proprja tagħha, li kien jippermetti li jiġi sodisfatt dan ir-rekwiżit, kif ukoll li taġixxi f’isem Hochtief Solutions AG, li fir-rigward tal-kuntratt ta’ trasferiment ta’ profitti li jorbotha mal-kumpannija parent tagħha, Hochtief AG, imissha, skont il-leġiżlazzjoni li hija applikabbli għaliha, tipproduċi prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ din tal-aħħar, legalment responsabbli, li wkoll kien ikun suffiċjenti biex jiġi sodisatt ir-rekwiżit ekonomiku.

21

Fir-rigward tal-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà hekk imqajjem, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan jikkonċerna l-ambitu tal-każ quddiem il-qorti tar-rinviju hekk kif jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tal-proċedura nazzjonali, kwistjoni li l-eżami tagħha ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22

Fir-rigward tat-tieni raġuni ta’ inammissibbiltà, din hija bbażata fuq allegati konsegwenzi li jirriżultaw mill-evalwazzjoni ta’ elementi fattwali marbuta kemm mad-dritt Ungeriż, jiġifieri l-possibbiltà għal Hochtief Ungerija li tissodisfa hija stess ir-rekwiżit ekonomiku, kemm mid-dritt Ġermaniż dwar il-kumpanniji, jiġifieri l-possibbiltà għal Hochtief Solutions AG li tissodisfa dan l-istess rekwiżit mill-fatt tal-obbligu li tipproduċi prova tal-kapaċità ekonomika tal-kumpannija parent tagħha, elementi li ma jaqgħux taħt l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

Għall-kumplament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Iċ-ċaħda min-naħa ta’ din tal-aħħar ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex konnessjoni mar-realtà jew l-għan tal-kawża prinċipali jew meta l-kwistjoni hija ġenerali jew ipotetika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germnay, C-203/09, Ġabra p. I-10721, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Peress li dawn il-każijiet ma humiex preżenti hawnhekk, hemm lok li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jiġu eżaminati.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

25

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi preliminari tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 44(2) u 47(1)(b) tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li awtorità kontraenti hija awtorizzata li teħtieġ livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja b’riferiment għal entrata partikolari tal-karta tal-bilanċ, u dan anki jekk diverġenzi jistgħu jeżistu rigward din l-entrata bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti u, b’konsegwenza, fil-karti tal-bilanċ tal-kumpanniji skont il-leġiżlazzjoni li għaliha huma suġġetti rigward l-istabbiliment tal-kontabbiltà annwali tagħhom.

26

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18, awtorità kontraenti hija awtorizzata sabiex teħtieġ livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja skont l-Artikolu 47 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 47(1)(b) jipprovdi li l-awtorità kontraenti tista’ b’mod partikolari titlob lill-kandidati u lill-offerenti li huma jiġġustifikaw din il-kapaċità permezz tal-preżentazzjoni tal-karta tal-bilanċ tagħhom.

27

Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja ma jistax jiġi fformulat b’riferiment għall-karta tal-bilanċ inġenerali. Isegwi li l-fakultà prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 ma tistax tiġi implementata, fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 47(1)(b), ħlief b’riferiment għal wieħed jew diversi elementi partikolari tal-karta tal-bilanċ.

28

Fir-rigward tal-għażla ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18 iħalli libertà kbira biżżejjed lill-awtoritajiet kontraenti. Fil-fatt, kuntrarjament għall-Artikolu 48 ta’ din id-direttiva, li, filwaqt li jikkonċerna l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali, jistabbilixxi sistema magħluqa li tillimita l-metodi ta’ evalwazzjoni u ta’ verifika li għandhom dawn is-setgħat u, għaldaqstant, il-possibbiltajiet tagħhom li jifformulaw dawn ir-rekwiżiti (ara, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet analogi tad-direttivi preċedenti għad-Direttiva 2004/18, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 1982, Transporoute et travaux, 76/81, Ġabra p. 417, punti 8 sa 10 u 15), l-Artikolu 47(4) jawtorizza espressament l-awtoritajiet kontraenti sabiex jagħżlu r-riferimenti probatorji li għandhom jiġu prodotti mill-kandidati jew offerenti sabiex jiġġustifikaw il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom. Peress illi l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 jirreferi għall-imsemmi Artikolu 47, l-istess libertà ta’ għażla teżisti f’dak li jikkonċerna l-livelli minimi ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja.

29

Din il-libertà ma hijiex madankollu mingħajr limitu. Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18, livell minimu ta’ kapaċità għandu jkun marbut u proporzjonat mas-suġġett tal-kuntratt. Minn dan jirriżulta li l-element jew elementi tal-karta tal-bilanċ magħżula minn awtorità kontraenti sabiex tifformula livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja għandhom ikunu oġġettivament xierqa sabiex jagħtu informazzjoni dwar din il-kapaċità fuq livell ta’ operatur ekonomiku u li l-limitu hekk iffissat għandu jkun adegwat għall-importanza tal-kuntratt ikkonċernat fis-sens li jikkostitwixxi oġġettivament indikazzjoni pożittiva tal-eżistenza ta’ bażi ekonomika u finanzjarja suffiċjenti sabiex isseħħ kif għandu jkun l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, mingħajr madankollu ma jmur lil hinn minn dak li huwa raġonevolment neċessarju għal dan il-għan.

30

Peress illi l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-kontabbiltà annwali tal-kumpanniji ma kinux suġġetti għal armonizzazzjoni kompleta, ma jistax jiġi eskluż li diverġenzi jeżistu bejn dawn il-leġiżlazzjonijiet fir-rigward ta’ element partikolari tal-karta tal-bilanċ li b’riferiment għalih awtorità kontraenti fformulat livell minimu ta’ kapaċità. Madankollu għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 47(1)(b) u (ċ) u (5), id-Direttiva 2004/18 tagħti l-idea li, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-kandidati jew tal-offerenti, riferiment jista’ jiġi leġittimament mitlub minn awtorità kontraenti anki jekk, oġġettivament, kull kandidat jew offerent potenzjali ma huwiex fil-pożizzjoni li jippreżentah, anki biss, fil-każ tal-imsemmi Artikolu 47(1)(b), minħabba differenza ta’ leġiżlazzjoni. Għaldaqstant, tali rekwiżit ma jistax jiġi kkunsidrat, waħdu, bħala li jikkostitwixxi diskriminazzjoni.

31

Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta’ livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja ma jistax, bħala prinċipju, jiġi skartat unikament għaliex dan il-livell għandu jiġi ġġustifikat b’riferiment għal element tal-karta tal-bilanċ li fir-rigward tiegħu jistgħu jeżistu diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonjiet tal-Istati Membri differenti.

32

Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikoli 44(2) u 47(1)(b) tad-Direttiva 2004/118 għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità kontraenti hija awtorizzata sabiex tirrikjedi livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja b’riferiment għal wieħed jew diversi elementi partikolari tal-karta tal-bilanċ, sakemm dawn ikunu oġġettivament adegwati sabiex jinformaw dwar din il-kapaċità fuq livell ta’ operatur ekonomiku u li dan il-livell ikun adegwat għall-importanza tal-kuntratt ikkonċernat fis-sens li jikkostitwixxi oġettivament indikazzjoni pożittiva tal-eżistenza ta’ bażi ekonomika u finanzjarja suffiċjenti sabiex isseħħ kif għandu jkun l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, mingħajr madankollu ma jmur lil hinn minn dak li huwa raġonevolment neċessarju għal dan il-għan. Ir-rekwiżit ta’ livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja ma jistax, bħala prinċipju, jiġi skartat unikament minħabba li dan il-livell jirrigwarda element tal-karta tal-bilanċ li fir-rigward tiegħu jistgħu jeżistu diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti.

Fuq it-tielet domanda

33

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta operatur ekonomiku ma jistax jissodisfa livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja minħabba diverġenza bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li fihom huwa stess u l-awtorità kontraenti huma rispettivament stabbiliti fir-rigward tal-entrata tal-karta tal-bilanċ li b’riferiment tagħha dan il-livell minimu ta’ kapaċità ġie ffissat, huwa biżżejjed li dan l-operatur jkun jista’ jipproduċi prova tal-kapaċitajiet ta’ entità oħra, skont dan l-Artikolu 47(2), jew jekk huwa għandu jiġi awtorizzat sabiex jipproduċi prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ kull dokument xieraq, skont l-Artikolu 47(5).

34

Madankollu għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-diverġenza ta’ leġiżlazzjoni fiċ-ċentru tal-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-portata tal-entrata tal-karta tal-bilanċ intiża mir-rekwiżit ekonomiku, jiġifieri r-riżultat skont il-karta tal-bilanċ. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża u dik Ungeriża jipprevedu t-tnejn li huma li din l-entrata tieħu kunsiderazzjoni tar-riżultat tas-sena finanzjarja u tad-distribuzzjoni ta’ dividendi. Min-naħa l-oħra, dawn il-leġiżlazzjonijiet ivarjaw peress li l-liġi Ungeriża tipprojbixxi li d-distribuzzjoni ta’ dividendi, jew it-trasferiment ta’ profitti, għandha bħala konsegwenza li jagħmlu din l-entrata bħala waħda negattiva, filwaqt li l-liġi Ġermaniża ma tipprojbixxix dan, f’kull każ fis-sitwazzjoni ta’ sussidjarja bħal Hochtief Solutions AG, li hija marbuta mal-kumpannija parent tagħha permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ profitti.

35

Għaldaqstant, din id-diverġenza ta’ leġiżlazzjoni tirrigwarda l-fatt li, bil-kuntrarju tal-liġi Ungeriża, il-liġi Ġermaniża ma tillimitax il-possibbiltà, għal kumpannija parenti, li tiddeċiedi li l-profitti tas-sussidjarja tagħha ser jiġu ttrasferiti lilha, anki jekk dan it-trasferiment għandu bħala effett li jagħmel riżultat wieħed negattiv skont il-karta tal-bilanċ ta’ din is-sussidjarja, mingħajr madankollu ma jimponi tali trasferiment ta’ profitti.

36

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta operatur ekonomiku jsib ruħu li ma jistax jissodisfa livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja bħar-rekwiżit ekonomiku minħabba ftehim li permezz tiegħu dan l-operatur ekonomiku jittrasferixxi sistematikament il-profitti tiegħu lill-kumpannija parent tiegħu, huwa biżżejjed li dan l-operatur jista’ jipproduċi l-prova tal-kapaċitajiet ta’ entità oħra, skont l-Artikolu 47(2), jew jekk huwa għandu jiġi awtorizzat li jipproduċi prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ kull dokument xieraq, skont l-Artikolu 47(5), fid-dawl tal-fatt li tali ftehim huwa awtorizzat mingħajr limitu mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dan l-operatur ekonomiku filwaqt li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-awtorità kontraenti, dan ikun awtorizzat biss jekk it-trasferiment tal-profitti ma jkollux bħala effett li jagħti riżultat negattiv fil-karta tal-bilanċ.

37

Jidher li, f’tali sitwazzjoni, l-impossibbiltà li tinsab fiha s-sussidjarja li tissodisfa livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja ffissata b’riferiment għal element partikolari tal-karta tal-bilanċ tirriżulta fl-aħħar analiżi mhux minn diverġenza ta’ leġiżlazzjoni, iżda minn deċiżjoni tal-kumpannija parent tagħha li tobbliga lil din is-sussidjarja sabiex tittrasferilha sistematikament il-profitti kollha tagħha.

38

F’tali kuntest, din is-sussidjarja għandha biss il-fakultà prevista fl-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2004/18, li tippermettilha li tipproduċi prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ entità oħra billi tagħti prova tal-impenn tagħha li tipprovdi l-mezzi neċessarji għad-dispożizzjoni tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li din il-fakultà hija partikolarment adattata għal tali kuntest, peress li l-kumpannija parent tista’ għalhekk tikkumpensa hija stess l-impossibbiltà li fiha hija poġġiet lis-sussidjarja tagħha fil-livell minimu ta’ kapaċità.

39

Għalhekk, it-tielet domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta operatur ekonomiku jinsab fl-impossibbiltà li jissodisfa livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja li jikkonsisti fil-fatt li r-riżultat tal-karti tal-bilanċ tal-kandidati jew tal-offerenti ma jkunx fin-negattiv għal iktar minn wieħed mill-aħħar tliet snin finanzjarji magħluqa, minħabba ftehim li dan l-operatur ekonomiku jittraferixxi sistematikament il-profitti tiegħu lill-kumpannija parent tiegħu, dan ma għandux possibbiltà oħra, sabiex jissodisfa dan il-livell minimu ta’ kapaċità, ħlief li jipproduċi l-prova tal-kapaċitajiet ta’ entità oħra, skont l-Artikolu 47(2). Huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li l-leġiżlazzjonjiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dan l-operatur ekonomiku u tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-awtorità kontraenti jvarjaw peress li tali ftehim huwa awtorizzat mingħajr limitazzjoni mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru filwaqt li, skont il-leġiżlazzjoni tat-tieni, dan il-ftehim ikun awtorizzat biss bil-kundizzjoni li t-trasferiment tal-profitti ma jkollux bħala effett li jagħmel ir-riżultat tal-karta tal-bilanċ wieħed negattiv.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 44(2) u 47(1)(b) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità kontraenti hija awtorizzata sabiex tirrikjedi livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja b’riferiment għal wieħed jew diversi elementi partikolari tal-karta tal-bilanċ, sakemm dawn ikunu oġġettivament adegwati sabiex jinformaw dwar din il-kapaċità fuq livell ta’ operatur ekonomiku u li dan il-livell ikun adegwat għall-importanza tal-kuntratt ikkonċernat fis-sens li jikkostitwixxi oġettivament indikazzjoni pożittiva tal-eżistenza ta’ bażi ekonomika u finanzjarja suffiċjenti sabiex isseħħ kif għandu jkun l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, mingħajr madankollu ma jmur lil hinn minn dak li huwa raġonevolment neċessarju għal dan il-għan. Ir-rekwiżit ta’ livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja ma jistax, bħala prinċipju, jiġi skartat unikament minħabba li dan il-livell jirrigwarda element tal-karta tal-bilanċ li fir-rigward tiegħu jistgħu jeżistu diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti.

 

2)

L-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta operatur ekonomiku jinsab fl-impossibbiltà li jissodisfa livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja li jikkonsisti fil-fatt li r-riżultat tal-karti tal-bilanċ tal-kandidati jew tal-offerenti ma jkunx fin-negattiv għal iktar minn wieħed mill-aħħar tliet snin finanzjarji magħluqa, minħabba ftehim li dan l-operatur ekonomiku jittraferixxi sistematikament il-profitti tiegħu lill-kumpannija parent tiegħu, dan ma għandux possibbiltà oħra, sabiex jissodisfa dan il-livell minimu ta’ kapaċità, ħlief li jipproduċi l-prova tal-kapaċitajiet ta’ entità oħra, skont l-Artikolu 47(2). Huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li l-leġiżlazzjonjiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dan l-operatur ekonomiku u tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-awtorità kontraenti jvarjaw peress li tali ftehim huwa awtorizzat mingħajr limitazzjoni mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru filwaqt li, skont il-leġiżlazzjoni tat-tieni, dan il-ftehim ikun awtorizzat biss bil-kundizzjoni li t-trasferiment tal-profitti ma jkollux bħala effett li jagħmel ir-riżultat tal-karta tal-bilanċ wieħed negattiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top