EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0212

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ April 2013.
Jyske Bank Gibraltar Ltd vs Administración del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo.
Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu — Direttiva 2005/60/KE — Artikolu 22(2) — Deċiżjoni 2000/642/ĠAI — Obbligu ta’ rapportaġġ ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi impost fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu — Istituzzjoni li topera taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Identifikazzjoni tal-unità nazzjonali tal-intelliġenza finanzjarja responsabbli mill-ġbir tal-informazzjoni — Artikolu 56 TFUE — Ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità.
Kawża C‑212/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:270

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ April 2013 ( *1 )

“Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu — Direttiva 2005/60/KE — Artikolu 22(2) — Deċiżjoni 2000/642/ĠAI — Obbligu ta’ rapportaġġ ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi impost fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu — Istituzzjoni li topera taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Identifikazzjoni tal-unità nazzjonali tal-intelliġenza finanzjarja responsabbli mill-ġbir tal-informazzjoni — Artikolu 56 TFUE — Ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-212/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Jyske Bank Gibraltar Ltd

vs

Administración del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, J. Malenovský u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Jyske Bank Gibraltar Ltd, minn M. Rubio de Casas, J. M. Olivares Blanco u J. de la Calle y Peral, avukati, kif ukoll minn D. Bufalá Balmaseda, procurador,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u N. Díaz Abad, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn N. Rouam u G. de Bergues, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Urbani Neri, Avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Czech u M. Szpunar, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu kif ukoll minn A. Wellman u R. Nitu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u E. Traversa kif ukoll minn S. La Pergola u C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, p. 15).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Jyske Bank Gibraltar Ltd (iktar ’il quddiem “Jyske”), istituzzjoni ta’ kreditu li tinsab f’Ġibiltà u li topera fi Spanja taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u l-Administración del Estado dwar id-deċiżjoni tal-Consejo de Ministros (Kunsill tal-Ministri) tat-23 ta’ Ottubru 2009 li ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-istess Consejo de Ministros tas-17 ta’ April 2009 li imponiet fuq Jyske żewġ sanzjonijiet finanzjarji għall-ammont totali ta’ EUR 1 700 000 u żewġ ċanfiriet pubbliċi wara li rrifjutat jew naqset milli tkun diliġenti biex tipprovdi informazzjoni mitluba mis-Servicio Ejecutivo de la Comisión para la Prevención de Blanqueo de Capitales (Awtorità Eżekuttiva għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, iktar ’il quddiem is-“Servicio Ejecutivo”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 166, p. 77), hekk kif emendata bid-Direttiva 2001/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 344, p. 76, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/308”), kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istituzzjonijiet u l-persuni li għalihom tapplika din id-direttiva, kif ukoll id-diretturi u l-impjegati tagħhom, jikkoperaw bis-sħiħ ma’ l-awtoritajiet responsabbli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus:

a)

billi jinfurmaw lil dawk l-awtoritajiet, fuq inizjattiva tagħhom stess, bi kwalukwe fatt li jista’ jkun indikazzjoni ta’ ħasil ta’ flus,

b)

billi jfornu lil dawk l-awtoritajiet, fuq it-talba tagħhom, l-informazzjoni kollha meħtieġa, skond il-proċeduri stabbiliti mil-leġislazzjoni applikabbli.

2.   L-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tintbagħat lill-awtoritajiet responsabbli sabiex jikkumbattu l-ħasil ta’ flus ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab l-istituzzjoni li tibgħat l-informazzjoni. Il-persuna jew persuni ddisinjati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji skond il-proċeduri msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 11(1) għandhom normalment jibagħtu l-informazzjoni.”

4

Id-Direttiva 91/308 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2005/60, li l-premessa 40 tagħha tistabbilixxi dan li ġej:

“Filwaqt li jittieħed kont tal-karattru internazzjonali tal-ħasil tal-flus u ta’ l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-[unitajiet ta’ l-intelliġenza finanzjarja (iktar ’il quddiem il-“FIUs”)] kif imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/JHA tas-17 ta’ Ottubru 2000 dwar l-arranġamenti għall-koperazzjoni bejn l-FIUs ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni [(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 15)], inkluż it-twaqqif ta’ FIU-net ta’ l-UE, għandhom kemm jista’ jkun jiġu mħeġġa f’medda mill-aktar wiesgħa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tagħti dik l-għajnuna li tista’ tkun meħtieġa sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni, inkluża l-għajnuna finanzjarja.”

5

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.”

6

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Direttiva għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta mal-klijent fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta jistabbilixxu relazzjoni ta’ negozju;

(b)

meta jagħmlu tranżazzjonijiet okkażjonali li jammontaw għal EUR 15 000 jew iżjed, sew jekk it-tranżazzjoni ssir f’operazzjoni waħda jew jekk issir f’diversi operazzjonijiet li jidhru li marbuta ma xulxin;

(ċ)

fejn ikun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, tkun xi tkun id-deroga, l-eżenzjoni jew l-ammont operattiv;

(d)

meta jkun hemm dubbji dwar il-veraċità jew l-adegwatezza ta’ data ta’ identifikazzjoni tal-klijent miksuba qabel.”

7

Skont l-Artikolu 21 ta’ din l-istess direttiva:

“1.   Kull Stat Membru għandu jwaqqaf FIU sabiex jiġġieled b’mod effettiv il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

2.   Dik l-FIU għandha titwaqqaf bħala unità nazzjonali ċentrali u tkun responsabbli sabiex tirċievi (u safejn ikun permess), titlob, tanalizza u tqassam lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni żvelata dwar ħasil ta’ flus jew finanzjament terroristiku potenzjali jew li tkun meħtieġa mil-liġi nazzjonali jew minn regolamenti nazzjonali. Din għandha tingħata r-riżorsi adegwati sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIU ikollha aċċess, dirett jew indirett, tempestivament, għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u konnessa ma’ l-infurzar tal-liġi li hija tkun teħtieġ sabiex twettaq adegwatament il-funzjonijiet tagħha.”

8

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2005/60 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti b’din id-Direttiva, u fejn applikabbli d-diretturi u l-impjegati tagħhom, jikkoperaw b’mod sħiħ:

(a)

billi minnufih jinformaw lill-FIU, minn rajhom, fejn l-istituzzjoni jew il-persuna koperta minn din id-Direttiva taf, tissuspetta jew għandha motivi raġonevoli sabiex tissuspetta li qiegħed jitwettaq jew ġie mwettaq attentat ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjar tat-terroriżmu;

(b)

billi jipprovdu fil-pront lill-FIU fuq talba tagħha, l-informazzjoni neċessarja kollha, skond il-proċeduri stabbiliti mil-liġi applikabbli.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat lill-FIU ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-istituzzjoni jew il-persuna li tibgħat l-informazzjoni. Il-persuna jew persuni nominati skond il-proċeduri stabbiliti f’Artikolu 34 għand(hom) normalment jibagħtu l-informazzjoni.”

9

Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (2)(f) tad-Direttiva 2005/60, l-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 22 tagħha jinkludu wkoll il-fergħat, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272). Fergħa hija ddefinita f’din l-aħħar dispożizzjoni bħala post tan-negozju li tifforma parti legalment dipendenti minn istituzzjoni ta’ kreditu u li twettaq direttament it-tranżazzjonijiet kollha jew parti minnhom inerenti fin-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

10

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2000/642 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-FIUs, stabbiliti jew nominati sabiex jirċievu l-isvelar ta’ l-informazzjoni finanzjarja għall-għan li jikkumbattu l-money laundering għandhom jikkoperaw sabiex iqabblu, janalizzaw u jinvestigaw l-informazzjoni relevanti fi ħdan il-FIUs dwar kwalunkwe fatt li jista’ jkun ta’ indikazzjoni tal-money laundering b’konformità mal-poteri nazzjonali tagħhom.

2.   Għall-għanjiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-FIUs iwettqu skambju, fuq bażi spontanja jew mat-talba u jew inkella b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni jew b’konformità mal-memoranda eżistenti jew futuri tar-rikonoxximent, kull informazzjoni disponibbli li tista’ tkun relelvanti għall-ipproċessar jew l-analiżi ta’ l-informazzjoni jew għal investigazzjoni mill-FIUs li tirrigwarda transazzjonijiet finanzjarji relatati mal-money laundering u l-persuni naturali jew legali involuti fihom.

3.   Meta Stat Membru jinnomina awtorità tal-pulizija bħala l-FIUs tiegħu, dan jista’ jforni l-informazzjoni li tkun għand dik il-FIUs sabiex iwettaq l-iskambju bis-saħħa ta’ din id-Deċiżjoni ma’ l-awtorità tal-Istat Membru riċevitur innominat għal dak il-għan u li huwa kompetenti fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1.”

11

Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni:

“1.   Kull talba li ssir permezz ta’ din id-Deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata minn stqarrija fil-qosor tal-fatti relevanti magħrufa lill-FIUs li tagħmel it-talba. Il-FIUs għandha tispeċifika fit-talba dwar kif sejra tintuża l-informazzjoni miksuba.

2.   Meta ssir talba b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni, il-FIUs mitluba għandha tipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha, li tinkludi l-informazzjoni finanzjarja disponibbli u d-dettalji ta’ l-enforzar tal-liġi mitluba, kif miksuba fit-talba, mingħajr il-ħtieġa ta’ ittra ta’ talba formali skond il-konvenzjonijiet jew il-ftehim applikabbli bejn l-Istati Membri.

3.   FIUs jista’ jiċħad li jiżvela l-informazzjoni li tista’ toħloq ħsara għall-investigazzjoni kriminali li tkun qiegħda ssir fl-Istat Membru mitlub jew, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta l-iżvelar ta’ l-informazzjoni tkun kjarament mhux proporzjonata għall-interessi leġittimi ta’ persuna naturali jew legali jew tal-Istat Membru ikkonċernat jew li inkella ma tkunx b’konformita mal-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali. Kull ċaħda bħal din għandha tkun spegjata b’mod xieraq lill-FIUs li jkun jitlob l-informazzjoni.”

12

L-Artikolu 10 tal-imsemmija deċiżjoni jippreċiża li din tal-aħħar għandha tkun applikabbli għal Ġibiltà u li għalhekk, minkejja l-Artikolu 2 tagħha, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea FIU f’Ġibiltà.

Id-dritt nazzjonali

13

Id-Direttiva 91/308 ġiet trasposta fid-dritt Spanjol bil-Liġi 19/1993 dwar diversi miżuri ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus (Ley 19/1993 sobre determinadas medidas de prevención de blanqueo de capitales), tat-28 ta’ Diċembru 1993 (BOE Nru°311, tad-29 ta’ Diċembru 1993, p. 37327).

14

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi 19/1993:

“Huma suġġetti għall-obbligi previsti minn din il-liġi:

(a)

l-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

[...]

Jaqgħu wkoll taħt il-lista preċedenti l-persuni jew l-entitajiet barranin li jeżerċitaw fi Spanja attivitajiet tal-istess natura bħal dawk tal-persuni jew tal-entitatjiet fuq imsemmija permezz ta’ fergħat jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mingħajr ma jkollhom ebda stabbiliment permanenti.

Il-persuni kkonċernati huma suġġetti wkoll għall-obbligi stabbiliti minn din il-liġi għat-tranżazzjonijiet imwettqa permezz ta’ aġenti jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jaġixxu bħala l-intermedjarji tagħhom.”

15

Għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ informazzjoni, l-Artikolu 3 tal-Liġi 19/1993 jipprovdi dan li ġej:

“Il-persuni msemmija fl-Artikolu preċedenti huma obbligati li:

[…]

4.   Jikkollaboraw mas-[Servicio Ejecutivo] u, għal dan il-għan:

a)

għandhom jikkomunikawlha, minn jeddhom, il-fatti u t-tranżazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu l-indizju jew il-prova rrifjutabbli li huwa jew hija allegatament marbut/a ma’ ħasil tal-flus li joriġinaw minn attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1. Il-komunikazzjoni ssir, bħala prinċipju, mill-persuna jew mill-persuni li l-persuni jew l-entitajiet li huma suġġetti għall-obbligi għażlu skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 1(7). Din jew dawn il-persuni msemmija għandhom jidhru fil-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji kollha dwar id-data li tidher fil-komunikazzjoni jew dwar kull informazzjoni oħra addizzjonali li tista’ tkun relatata magħhom.

Leġiżlazzjoni għandha tistabbilixxi l-każijiet jew it-tranżazzjonijiet speċifiċi li għandhom f’kull każ iwasslu għal komunikazzjoni lis-Servicio Ejecutivo.

It-tranżazzjonijiet li jiżvelaw assenza manifesta ta’ korrispondenza man-natura, mal-volum tal-attività jew mat-tranżazzjonijiet preċedenti tal-klijenti għandhom ukoll ikunu suġġett ta’ komunikazzjoni, sakemm mill-eżami speċifiku previst fil-paragrafu 2 ma tirriżultax ġustifikazzjoni ekonomika, professjonali jew kummerċjali li timmotiva t-twettiq tal-operazazzjonijiet, fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi.

b)

jipprovdu l-informazzjoni li s-Servicio Ejecutivo jitlob fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu.

[…]”

16

L-Artikolu 16(3) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Skont l-istruzzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u ta’ reati monetarji, is-Servicio Ejecutivo u, fejn ikun il-każ, is-Segretarjat tal-[imsemmija kummissjoni] għandhom jikkollaboraw mal-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra li jeżerċitaw kompetenzi analogi, billi jippruvaw b’mod partikolari jiksbu l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati li jeżerċitaw is-sovranità tagħhom fuq territorji li għandhom konfini ma’ Spanja […]”.

17

Il-Liġi 19/1993 ġiet imħassra bil-Liġi 10/2010 dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu (Ley 10/2010 de prevención del blanqueo de capitales y de la financiación del terrorismo) tat-28 ta’ April 2010 (BOE Nru°103, tad-29 ta’ April 2010, p. 37458), li l-għan tagħha huwa t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60 fl-ordinament ġuridiku Spanjol. Skont l-Artikolu 48(3) ta’ din il-liġi, is-Servicio Ejecutivo jintrabat li jikkollabora mal-omologi tiegħu barranin. Huwa previst li l-iskambju ta’ informazzjoni jsir b’mod partikolari skont id-Deċiżjoni 2000/642 u skont il-prinċipji tal-grupp informali, li fil-kuntest tiegħu jinġabru l-FIUs ta’ diversi Stati, inklużi dawk tal-Istati Membri u li jservi wkoll ta’ forum għall-iskambju ta’ informazzjoni kif ukoll għall-kooperazzjoni bejn id-diversi FIUs, magħruf bħala “grupp Egmont”.

18

L-Artikolu 5(2)(c) tad-Digriet Irjali 925/1995, dwar regoli ta’ applikazzjoni tal-Liġi 19/1993, tat-28 ta’ Diċembru 1993, dwar diversi miżuri għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus (Real Decreto 925/1995 por el que se aprueba el Reglamento de la Ley 19/1993, de 28 de diciembre, sobre determinadas medidas de prevención del blanqueo de capitales),tad-9 ta’ Ġunju 1995 (BOE Nru°160, tas-6 ta’ Lulju 1995, p. 20521), jobbliga li jiġu kkomunikati lis-Servicio Ejecutivo l-movimenti ta’ kontijiet li joriġinaw minn jew huma ddestinati għal rifuġji fiskali.

19

L-Artikolu 7(2)(b) tad-Digriet Irjali jipprovdi:

“Fi kwalunkwe każ, il-persuni jew l-entitajiet suġġetti għall-obbligi għandhom jikkomunikaw kull xahar lis-Servicio Ejecutivo:

[…]

b)

it-tranżazzjonijiet imwettqa ma’ jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu, jew li jaġixxu għan-nom tagħhom, f’territorji jew f’pajjiżi nnominati għal dan l-għan permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tal-Finanzi u l-Ekonomija, kif ukoll it-tranżazzjonijiet li jimplikaw trasferiment ta’ fondi lejn jew mill-imsemmija territorji jew pajjiżi, indipendentament mill-post ta’ residenza tal-persuni involuti, bil-kundizzjoni li l-ammont tat-tranżazzjonijiet imsemmija jeċċedi EUR 30 000 jew il-kontravalur tagħhom f’muniti barranin.”

20

It-territorji kkunsidrati bħala rifuġji fiskali u t-territorji li ma jikkooperawx ġew iddeterminati minn qabel bid-Dirgriet Irjali 1080/1991, tal-5 ta’ Lulju 1991 (BOE Nru°167, tat-13 ta’ Lulju 1991, p. 233371), u bis-sentenza ECO/2652/2002 dwar l-implementazzjoni tal-obbligi ta’ komunikazzjoni tat-tranżazzjonijiet konnessi ma’ ċerti Stati lis-Servicio Ejecutivo tal-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u ta’ reati monetarji (Orden ECO/2652/2002 por la que se desarrollan las obligaciones de comunicación de operaciones en relación con determinados países al Servicio Ejecutivo de la Comisión de Prevención del Blanqueo de Capitales e Infracciones Monetarias), tal-24 ta’ Ottubru 2002 (BOE Nru 260 tat-30 ta’ Ottubru 2002, p. 38033). Ġibiltà tinsab f’din il-lista.

21

Skont it-Tribunal Supremo, l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-2007 dwar il-ħasil tal-flus u l-qligħ mill-kriminalità [Crime (Money Laundering and Proceeds) Act 2007], li ttraspona, fil-leġiżlazzjoni ta’ Ġibiltà, id-Direttiva 2005/60, jimponi l-osservanza tas-sigriet bankarju.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

22

Jyske, sussidjarja tal-bank Daniż Jyske Bank, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita f’Ġibiltà u taqa’ taħt il-kontroll tal-Financial Services Commission (Kummissjoni tas-Servizzi Finanzjarji).

23

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Jyske kienet topera, fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, fi Spanja taħt skema tal-moviment liberu tas-servizzi, jiġifieri mingħajr ma kellha l-ebda stabbiliment.

24

Fit-30 ta’ Jannar 2007, l-FIU Spanjola, jiġifieri s-Servicio Ejecutivo, informat lil Jyske li jekk hija stess ma tinnominax mandatarju awtorizzat sabiex jittratta magħha, hija ser ikollha tikkontrolla l-istruttura tal-organizzazzjoni ta’ Jyske kif ukoll il-proċeduri konnessi mal-attivitajiet li hija twettaq fi Spanja permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’din l-okkażjoni, is-Servicio Ejecutivo talab lil Jyske tibgħat, qabel l-1 ta’ Marzu 2007, dokumenti u informazzjoni dwar l-identità tal-klijenti tagħha.

25

Din it-talba ġiet magħmula wara rapport tas-Servicio Ejecutivo tal-24 ta’ Jannar 2007, li jgħid li Jyske kienet teżerċita fi Spanja attività sinjifikattiva li kienet tinvolvi, b’mod partikolari, l-għoti ta’ self b’garanzija ipotekarja għax-xiri ta’ proprjetajiet immobbli fi Spanja. L-imsemmi rapport indika li “sabiex tiżviluppa tali attività fi Spanja, l-istituzzjoni għandha appoġġ jew sostenn doppju, jiġifieri dak tal-fergħa fi Spanja tal-kumpannija parent tagħha u dak, b’mod partikolari, ta’ żewġ uffiċċji ta’ avukati f’Marbella [Spanja]. Skont informazzjoni pubblika, il-proprjetarju ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ uffiċċji kien investigat għal preżunzjoni tad-delitt ta’ ħasil tal-flus, u ismu deher, bħall-isem tal-uffiċċju tal-avukati l-ieħor imsemmi iktar ’il fuq, f’numru ta’ tranżazzjonijiet irrapportati lis-Servicio Ejecutivo, minn persuni oħra suġġetti għall-obbligu ta’ informazzjoni rigward l-eżistenza ta’ indizji ta’ ħasil tal-flus”. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-Servicio Ejecutivo qies li kien hemm riskju ogħli ħafna li Jyske tintuża għal tranżazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha mwettqa fi Spanja taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Skont ir-rapport tas-Servicio Ejecutivo tal-24 ta’ Jannar 2007, il-mekkaniżmu użat għal din il-fini kien jikkonsisti fil-ħolqien, f’Ġibiltà, “ta’ strutturi imprenditorjali intiżi, fl-aħħar mill-aħħar, li jevitaw li ssir magħrufa l-identità tal-proprjetarju finali u reali tal-beni immobbli mixtrija fi Spanja, essenzjalment fil-Costa del Sol, kif ukoll [...] l-oriġini tal-fondi użati għall-imsemmi xiri”.

26

Fit-23 ta’ Frar 2007, Jyske indirizzat komunikazzjoni lis-Servicio Ejecutivo, u informatu li hija għamlet talba għal opinjoni lill-awtorità ta’ kontroll tagħha, il-Financial Services Commission, sabiex jiġi stabbilit jekk hija setgħetx tagħti din l-informazzjoni mingħajr ma tikser il-leġiżlazzjoni ta’ Ġibiltà dwar is-sigriet bankarju u l-protezzjoni tad-data personali. Fl-14 ta’ Marzu 2007, l-imsemmija kummissjoni stiednet lis-Servicio Ejecutivo sabiex jipparteċipa fi proċess ta’ kollaborazzjoni reċiproka. Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ April 2007, is-Servicio Ejecutivo informa lill-imsemmija kummissjoni li Jyske kienet suġġetta għall-obbligi minħabba l-attivitajiet li hija twettaq fit-territorju Spanjol.

27

Fit-12 ta’ Ġunju 2007, Jyske bagħtet lis-Servicio Ejecutivo parti mill-informazzjoni mitluba. Madankollu, hija rrifjutat li tikkomunika d-data dwar l-identità tal-klijenti tagħha, billi invokat ir-regola dwar is-sigriet bankarju applikabbli f’Ġibiltà. Din l-informazzjoni lanqas ma kienet tinkludi kopji tat-tranżazzjonijiet suspetti mwettqa minn Jyske mill-1 ta’ Jannar 2004 fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha imwettqa permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Spanja.

28

Konsegwentement, fil-25 ta’ Ottubru 2007, is-segretarjat tas-Servicio Ejecutivo fetaħ investigazzjoni kontra Jyske, fejn akkużaha, b’mod partikolari, bil-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 19/1993.

29

Fl-għeluq ta’ din l-investigazzjoni, fis-17 ta’ April 2009, il-Consejo de Ministros iddeċieda li, billi naqset milli twettaq l-obbligi ta’ informazzjoni tagħha taħt il-Liġi 19/1993, Jyske kienet wettqet reat gravi ħafna ddefinit bħala: “[ir-]rifjut jew [in-]nuqqas ta’ diliġenża sabiex tipprovdi l-informazzjoni preċiża mitluba bil-miktub mis-Servicio Ejecutivo” u “[in-]nuqqas tal-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni dwar każijiet speċifiċi stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni (rendikonti mogħtija sistematikament)”. Konsegwentement, huwa ddikjara kontra Jyske żewġ ċanfiriet pubbliċi u imponilha żewġ sanzjonijiet finanzjarji ta’ ammont totali ta’ EUR 1 700 000.

30

Fit-30 ta’ April 2009, Jyske ippreżentat rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Consejo de Ministros, li ċaħadha fit-23 ta’ Ottubru 2009. Għalhekk Jyske ippreżentat rikors kontenżjuż amministrattiv quddiem it-Tribunal Supremo. Insostenn ta’ dan ir-rikors hija ssostni li, skont id-Direttiva 2005/60, hija għandha obbligu ta’ informazzjoni biss fil-konfront tal-awtoritajiet ta’ Ġibiltà u li l-leġiżlazzjoni Spanjola, peress li testendi dan l-obbligu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fi Spanja permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

31

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Stat Membru jista’, b’applikazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60/KE […], jeżiġi li l-informazzjoni li għandhom jipprovdu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fit-territorju tiegħu mingħajr ma jkunu stabbiliti permanentement fih tingħata b’mod imperattiv u dirett lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu responsabbli għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus jew, għall-kuntrarju, it-talba għal informazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-[FIU] tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ibbażata l-istituzzjoni ta’ kreditu mitluba?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

32

Ir-Renju ta’ Spanja jqis li d-domanda preliminari hija inammissibbli għar-raġuni li hija ipotetika u ma għandha l-ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn hija tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 li kellha tiġi ttrasposta mhux iktar tard mill-15 ta’ Diċembru 2007, filwaqt li t-talbiet għall-informazzjoni indirizzati lil Jyske huma datati bejn it-30 ta’ Jannar u t-12 ta’ Ġunju 2007.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C-416/10, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Minn dan isegwi li l-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 36, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2012, Geistbeck, C-509/10, punt 48).

35

Id-Direttiva 2005/60, li tagħha qed tintalab l-interpretazzjoni, daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri qabel it-talbiet għall-informazzjoni indirizzati mis-Servisio Ejecutivo lil Jyske fit-30 ta’ Jannar u fit-12 ta’ Ġunju 2007. Barra minn hekk, għalkemm, ċertament, it-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva skada biss fil-15 ta’ Diċembru 2007, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda mandankollu l-legalità tad-deċiżjoni adottata kontra Jyske mill-Consejo de Ministros fit-23 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu għat-traspożizzjoni.

36

Isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

37

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li teżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba minħabba fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus direttament lil FIUs tal-imsemmi Stat Membru.

38

Għandu jitfakkar preliminarjament li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li għamlet id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha (sentenza tat-3 ta’ April 2008, Militzer & Münch, C-230/06, Ġabra p. I-1895, punt 19).

39

F’dan il-każ, ir-risposta għad-domanda magħmula ma tiddependix biss fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60, iżda teħtieġ li jiġu meħuda inkunsiderazzjoni, ukoll, minn naħa, d-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmija direttiva, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2000/642, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 56 TFUE.

Dwar id-Direttiva 2005/60

40

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60, mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta espressament li l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għall-obbligi li jirriżultaw minn din tal-aħħar għandhom jittrażmettu l-informazzjoni neċessarja sabiex jipprevjenu l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu lil FIU tal-Istat Membru fuq it-territorju fejn huma jinsabu.

41

Għal kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Spanjol, it-termini “ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab l-istituzzjoni li tibgħat l-informazzjoni”, ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jirreferu, fil-każ ta’ attività li ssir minn entità rilevanti taħt l-iskema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għat-territorju tal-Istat Membru ospitanti fejn titwettaq l-attività.

42

Fil-fatt, minn naħa, din l-interpretazzjoni ma tikkorrispondix għas-sens ordinarju tat-termini inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 22(2) tal-imsemmija direttiva ma jagħmilx distinzjoni bejn il-provvisti ta’ servizzi mwettqa fl-Istat Membru fejn tinsab l-entità u dawk imwettqa fi Stati Membri oħra taħt l-iskema tal-libertà li jiġi pprovduti servizzi, lanqas, a fortiori, ma tindika, għal dak li jirrigwarda s-servizz ipprovdut taħt l-iskema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li l-FIU kompetenti għandha tkun dik tal-Istat Membru fejn l-imsemmija servizzi huma pprovduti.

43

Minn dan isegwi li l-Artikolu 22(2) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretatat fis-sens li jipprovdi li l-entitajiet imsemmija għandhom jittrażmettu l-informazzjoni meħtieġa lill-FIU tal-Istat Membru ta’ fejn huma jinsabu, jiġifieri, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet li jsiru taħt l-iskema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, lill-FIU tal-Istat Membru tal-oriġini.

44

Huwa xieraq madankollu li jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni minkejja kollox tipprekludix lill-Istat Membru li jospita milli jeżiġi li istituzzjoni ta’ kreditu li teżerċita attivitajiet fit-territorju tiegħu taħt l-iskema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tittrażmetti l-informazzjoni msemmija lill-FIU tiegħu stess.

45

Hemm lok li jiġi nnotat f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 ma tipprojbixxix espressament tali possibbiltà.

46

Fit-tieni lok, huwa xieraq li jiġi osservat li, għalkemm huwa ċertament minnu li d-Direttiva 2005/60 hija bbażata fuq bażi legali doppja, jiġifieri l-Artikolu 47(2) KE (li sar l-Artikolu 53(1) TFUE) kif ukoll l-Artikolu 95 KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE), u għalhekk din hija wkoll intiża sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, madankollu l-għan prinċipali tagħha huwa li tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament ta’ terroriżmu, kif jirriżulta kemm mit-titolu u mill-premessi tagħha kif ukoll mill-fatt li din ġiet adottata, bħad-Direttiva 91/308 li ġiet qabilha, f’kuntest internazzjonali, sabiex tapplika u tagħmel vinkolanti fl-Unjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarju Internazzjonali (GAFI), li hija l-entità prinċipali internazzjonali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

47

Konsegwentement, leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża sabiex tippermetti li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jiksbu l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġġieldu b’mod iktar effikaċi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, għandha għan paragunabbli għal dak tad-Direttiva 2005/60.

48

Fit-tielet lok, id-Direttiva 2005/60 ma ċċaħħadx lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ fejn jitwettqu l-operazzjonijiet jew it-tranżazzjonijiet suspettużi mill-kompetenza tagħhom li jinvestigaw u jieħdu azzjonijiet kontra l-ksur fil-qasam tal-ħasil tal-flus. Issa, dan huwa l-każ meta t-tranżazzjonijiet jitwettqu permezz tal-moviment liberu tas-servizzi.

49

Minn dan isegwi li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fit-territorju tiegħu taħt l-iskema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jikkomunikaw direttament l-informazzjoni mitluba mill-FIU tiegħu stess, sakemm tali leġiżlazzjoni hija intiża li ssaħħaħ, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

50

Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-prinċipji istitwiti mid-Direttiva 2005/60 dwar l-obbligi ta’ dikjarazzjoni tal-entitajiet li huma suġġetti għalihom u lanqas ma għandha tagħmel ħsara għall-effikaċja tal-forom eżistenti ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-FIUs, hekk kif previsti fid-Deċiżjoni 2000/642.

51

F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi nnotat, minn naħa, li l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ leġiżlazzjoni li teżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fi Stat Membru ieħor u li joperaw fit-territorju tiegħu permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jittrażmettu direttament lill-FIU tiegħu l-informazzjoni neċessarja għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terrroriżmu ma għandhiex teżenta lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija mid-Direttiva 2005/60 mill-obbligi tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni mitluba lill-FIU tal-Istat Membru ta’ fejn jinsabu, skont l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva.

52

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-FIUs, hekk kif previsti mid-Direttiva 2005/60 u mid-Deċiżjoni 2000/642, mill-premessa 40 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, “[f]ilwaqt li jittieħed kont tal-karattru internazzjonali tal-ħasil tal-flus u ta’ l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-unitajiet ta’ l-intelliġenza finanzjarja kif imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642 […], inkluż it-twaqqif ta’ FIU-net ta’ l-UE għandhom kemm jista’ jkun jiġu mħeġġa f’medda mill-aktar wiesgħa”.

53

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat, qabel kollox, li għalkemm id-Direttiva 2005/60 tipprovdi diversi obbligi, konkreti u ddettaljati, dwar viġilanza fir-rigward tal-klijentela, dwar talbiet u konservazzjoni ta’ dokumenti, li l-Istati Membri għandhom jimponu bħala obbligu fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija, min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni bejn l-FIUs, fiha nnifisha din ma tipprovdi għal ebda obbligu jew proċedura, iżda tillimita ruħha li tippreċiża, fl-Artikolu 38 tagħha, li “il-Kummissjoni għandha tagħti dik l-għajnuna li tista’ tkun meħtieġa sabiex taġevola l-koordinazzjoni, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-FIUs fil-Komunità”.

54

Hemm lok li jiġi kkonstatat, sussegwentement, li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikser l-ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni 2000/642 jekk l-FIU tal-Istat Membru li jadotta tali leġiżlazzjoni ma tiġix eżentata mill-obbligu li tikkopera mal-FIUs tal-Istati Membri l-oħra u, b’mod reċiproku, iżżomm, bl-istess mod, id-dritt li titlobhom it-trażmissjoni ta’ dokumenti jew ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

55

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni ma tippreġudikax il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-FIUs previst fid-Deċiżjoni 2000/642, iżda tipprovdi, flimkien ma’ dan, mezz għall-FIU tal-Istat Membru kkonċernat sabiex tikseb direttament informazzjoni fil-każ speċifiku ta’ attività eżerċitata permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju tiegħu.

56

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk din tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 49 sa 51 u 54 ta’ din is-sentenza.

Dwar l-Artikolu 56 TFUE

57

Sabiex jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex osservat fis-sens tal-punt 49 ta’ din is-sentenza, fadal li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 56 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li istituzzjoni ta’ kreditu li tipprovdi servizzi fit-territorju tal-Istat Membru rilevanti mingħajr ma tkun stabbilita permanentement fih hija obbligata tikkomunika direttament lil FIU tal-imsemmi Stat Membru ospitanti d-dikjarazzjonijiet tagħha ta’ tranżazzjonijiet suspettużi u l-informazzjoni li titlobha din l-awtorità.

58

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE ma jirrikjedix biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tagħhom, jew minħabba li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak fejn issir il-provvista, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din tkun tali li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa b’mod legali jipprovdi servizzi analogi (sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punt 33, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Beljġu, C-577/10, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu li topera, fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru, permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, l-obbligi li tipprovdi informazzjoni direttament lill-FIU tal-ewwel Stat Membru, tikkostitwixxi restrizzjoni għal libertà li jiġu pprovduti servizzi, sa fejn din tinvolvi diffikultajiet u spejjeż addizzjonali għall-attivitajiet imwettqa taħt l-iskema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u x’aktarx tiżdied mal-verifiki li diġà jsiru fl-Istat Membru fejn tinsab l-istituzzjoni inkwistjoni, u b’hekk tiskoraġġixxi lil din tal-aħħar milli tiddedika ruħha għall-imsemmija attivitajiet.

60

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma ġiex armonizzat kompletament fuq il-livell tal-Unjoni u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun ġustifikata sakemm tissodisfa rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali u sakemm dan l-interess ma jkunx diġà protett mir-regoli li għalihom il-fornitur huwa suġġett fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit, sakemm din tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara sentenzi Arblade et., iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35; kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-168/04, Ġabra p. I-9041, punt 37).

61

Issa, il-ġlieda kontra il-ħasil tal-flus ma hijiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta fuq livell tal-Unjoni. Fil-fatt, id-Direttiva 2005/60 tipproċedi għal armonizzazzjoni minima u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tagħha jippermetti li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu intiżi sabiex isaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

– Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

62

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jikkostitwixxu għanijiet leġittimi li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri impenjaw ruħhom kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Unjoni.

63

Kif tindika l-premessa 1 tad-Direttiva 2005/60, li hija intiża li timplementa fuq livell tal-Unjoni r-rakkomandazzjonijiet ta’ GAFI, “somom kbar ta’ flus maħmuġa jistgħu jagħmlu ħsara lill-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju u jheddu s-suq komuni, u t-terroriżmu jheżżeż proprju l-pedamenti tas-soċjetà tagħna.” Bl-istess mod, il-premessa 3 tal-imsemmija direttiva tenfasizza li “sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet kriminali tagħhom, dawk li jaħslu l-flus u li jiffinanzjaw lit-terroristi jistgħu jippruvaw jieħdu vantaġġ mil-libertà ta’ moviment tal-flus u mil-libertà tal-provvista ta’ servizzi finanzjarji inerenti fis-suq finanzjarju.”

64

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li hija marbuta mal-għan tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Zeturf, C-212/08, Ġabra p. I-5633, punti 45 u 46).

– L-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni sabiex tilħaq l-għanijiet imfittxija minnha

65

Peress li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti għandhom kompetenza esklużiva fir-rigward tal-inkriminazzjoni, tat-tressieq ta’ azzjonijiet u tat-trażżin tal-ksur, bħall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu mwettqa fit-territorju tiegħu, huwa ġġustifikat li l-informazzjoni li tirrigwarda t-tranżazzjonijiet suspettużi mwettqa fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru jiġu trażmessi lill-FIU tiegħu. Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li l-Istat Membru rilevanti jeżiġi, kull darba li jeżisti dubju raġonevoli fir-rigward tal-legalità ta’ tranżazzjoni finanzjarja, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni li huwa jqis utili sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jwettqu l-missjoni tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jressqu azzjonijiet kontra u jikkastigaw lil dawk responsabbli.

66

Barra minn hekk, kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 109 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali leġiżlazzjoni tippermetti li l-Istat Membru kkonċernat jissorvelja t-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha mwettqa fit-territorju tiegħu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u dan ikun x’ikun il-mod li bih iddeċidew li jipprovdu s-servizzi tagħhom, permezz tal-istabbiliment ta’ uffiċċju rreġistrat jew ta’ fergħa jew permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B’dan il-mod, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk tissodisfa verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 55), l-operaturi kollha huma suġġetti għal obbligi simili hekk kif huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq l-istess territorju nazzjonali u joffru servizzi finanzjarji simili li jistgħu, fuq livell ikbar jew inqas, jintużaw għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

67

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżiġi t-trażmissjoni lil FIU tal-Istati Membru ospitanti ta’ informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tidher bħala miżura xierqa sabiex jintlaħaq, b’mod effettiv u koerenti, l-għan imfittex mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali.

– Proporzjonalità

68

Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija proporzjonali biss jekk hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet tagħha u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-imsemmija għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-255/04, Ġabra p. I-5251, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Sabiex ikun jista’ jiġġieled b’mod effiċjenti kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, Stat Membru għandu jkun jista’ jikseb l-informazzjoni neċessarja li tippermettilu jidentifika u jressaq azzjonijiet kontra eventwali każijiet ta’ ksur f’dan ir-rigward li jseħħu fit-territorju tiegħu jew li jimplikaw persuni stabbiliti hemmhekk.

70

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fit-territorju tiegħu permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jikkomunikaw direttament l-informazzjoni mitluba mill-FIU tiegħu stess tkun madankollu proporzjonata biss jekk il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2005/60, flimkien mad-Deċiżjoni 2000/642, ma jippermettix diġà li l-imsemmija FIU tikseb din l-informazzjoni permezz tal-FIU tal-Istat Membru fejn tinsab l-istituzzjoni tal-kreditu u li tiġġieled b’mod daqstant effikaċi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

71

Fil-fatt, il-kisba, mill-FIU tal-Istat Membru ospitanti, tal-informazzjoni neċessarja mingħand l-FIU tal-Istat Membru tal-oriġini timplika, għall-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, piżijiet amministrattivi u finanzjarji inqas minn dik tal-obbligu li tipprovdi direttament l-imsemmija informazzjoni lill-FIU tal-Istat Membru ospitanti. Minn naħa, jista’ jiġri li l-FIU tal-Istat Membru ta’ oriġini diġà jkollha fil-pussess tagħha l-informazzjoni mitluba peress li l-istituzzjoni ta’ kreditu hija obbligata li tittrażmettilu l-informazzjoni skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn l-FIU tal-Istat Membru fejn tinsab l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha, min-naħa tagħha, titlobhom mingħand l-imsemmija istituzzjoni, l-ispiża amministrattiva tkun ukoll inqas, sa fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha tirrispondi biss lil interlokutur wieħed.

72

Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni implementat mid-Deċiżjoni 2000/642 jippermettix lill-Istat Membru ospitanti li jiġġieled b’mod effikaċi f’kull ċirkustanza kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq it-territorju tiegħu.

73

F’dan ir-rigward huwa xieraq li jiġi nnotat li dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-FIU għandu ċerta nuqqasijiet.

74

Qabel kollox, huwa xieraq li jiġi nnotat li d-Deċiżjoni 2000/642 tipprovdi għal derogi importanti għall-obbligu tal-FIU li hija meħtieġa tittrażmetti lill-FIU rikorrenti l-informazzjoni mitluba. Għalhekk, l-Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li FIU tista’ tiċħad li tiżvela informazzjoni li tista’ toħloq ħsara għall-investigazzjoni kriminali li tkun qiegħdha ssir fl-Istat Membru indirizzat jew meta l-iżvelar tal-informazzjoni għandu jkollu effetti evidentement sproporzjonati fir-rigward tal-interessi leġittimi ta’ persuna fiżika jew legali jew tal-Istat Membru ikkonċernat, jew ukoll meta tali żvelar jikser il-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali, mingħajr madankollu ma tiddefinixxi dawn il-kunċetti.

75

Bl-istess mod, huwa paċifiku li, fil-qasam tal-ġlieda kontra l-fenomenu tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, u, a fortiori, għal dak li jirrigwarda l-prevenzjoni ta’ dawn il-fenomeni, ir-reazzjoni tal-awtorità għandha tkun l-iktar rapida possibbli. L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2005/60, jippreċiża espressament barra minn hekk li l-informazzjoni msemmija għandha tiġi pprovduta mill-ewwel mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, sew għal dak li jirrigwarda dikjarazzjonijiet spontanji ta’ tranżazzjonijiet suspettużi kif ukoll dwar informazzjoni neċessarja mitluba mill-FIU kompetenti. Konsegwentement, it-trażmissjoni tal-informazzjoni neċessarja, li ssir direttament lill-FIU tal-Istat Membru fejn jitwettqu t-tranżazzjonijiet, tidher li hija l-mezz l-iktar xieraq sabiex tiġi ggarantita ġlieda effikaċi kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

76

Sussegwentement, id-Deċiżjoni 2000/642 ma tipprovdix għal terminu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni meħtieġa mill-FIU li ntalbet l-informazzjoni, u lanqas għal sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ rifjut mhux iġġustifikat tal-FIU li ntalbet l-informazzjoni li tittrażmetti l-informazzjoni mitluba.

77

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-użu tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-FIUs għal ksib ta’ informazzjoni neċessarja għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu toħloq diffikultajiet partikolari għal dak li jirrigwarda attivitajiet imwettqa permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

78

Minn naħa, f’dan il-kuntest, hija l-FIU tal-Istat Membru ospitanti fejn jitwettqu t-tranżazzjonijiet finanzjarji inkwistjoni li għandha l-aħjar għarfien tar-riskji marbuta mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu fit-territorju nazzjonali. Din l-unità hija effettivament informata bil-fatti kollha li jistgħu jkunu marbuta mal-kriminalità finanzjarja fl-imsemmi territorju mhux biss mill-istituzzjonijiet u mill-persuni msemmija fid-Direttiva 2005/60, iżda wkoll mill-awtorijiet nazzjonali kollha responsabbli milt-tressiq ta’ azzjonijiet u mit-trażżin tal-kriminalità finanzjarja, sew jekk huma awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji jew li jinforzaw u anki jekk huma korpi ta’ sorveljanza tal-Borża jew ta’ prodotti finanzjarji derivattivi.

79

Min-naħa l-oħra, sabiex tkun tista’ tagħmel talba għall-informazzjoni permezz tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni tal-FIU previst mid-Deċiżjoni 2000/642, l-FIU għandu diġà jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni li turi suspetti dwar ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Peress li d-dikjarazzjonijiet dwar it-tranżazzjonijiet suspettużi jsiru, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60, lill-FIU tal-Istat Membru ta’ oriġini u peress li d-Deċiżjoni 2000/642 ma tipprovdix għall-obbligu li tittrażmetti din l-informazzjoni awtomatikament lill-FIU tal-Istat Membru ospitanti, din tal-aħħar rarament ikollha informazzjoni li tipprova s-suspetti li huma neċessarji sabiex issir talba għal informazzjoni lill-FIU tal-Istat Membru ta’ oriġini.

80

Barra minn hekk, għalkemm obbligu ta’ dikjarazzjoni lill-FIU tal-Istat Membru ospitanti jinvolvi spejjeż kif ukoll piżijiet amministrattivi addizzjonali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dawn ser ikunu verament limitati peress li l-imsemmija istituzzjonijiet ta’ kreditu huma diġà obbligati li jimplementaw l-infrastruttura neċessarja għat-trażmissjoni tal-informazzjoni lill-FIU tal-Istat Membru fejn huma jinsabu.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ospitanti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità sa fejn ma timponix fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fi Stat Membru ieħor li jittrażmettu, għal dak li jirrigwarda t-tranżazzjonijiet li jitwettqu permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-informazzjoni neċessarja għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu direttament lill-FIU tal-Istat Membru ospitanti biss fl-assenza ta’ mekkaniżmu effikaċi li jiggarantixxi kooperazzjoni sħiħa u kompleta tal-FIUs u li jippermetti li jiġu miġġielda b’mod daqstant effikaċi l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

82

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li, permezz ta’ fergħat jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mingħajr ma jkollhom ebda stabbiliment permanenti, jeżerċitaw attivitajiet fi Spanja, li jittrażmettu direttament lill-FIU Spanjola t-tranżazzjonijiet li jimplikaw trasferimenti ta’ fondi minn jew lejn ċerti territorji, bil-kundizzjoni li l-ammont tat-tranżazzjonijiet imsemmija jaqbeż EUR 30 000.

83

Leġiżlazzjoni simili, li timponi l-komunikazzjoni mhux tat-tranżazzjonijiet kollha ġenerali kwalunkwe dawn ikunu li jitwettqu permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq it-territorju Spanjol, iżda biss ta’ dawk li, skont kriterji oġġettivi imposti mil-leġiżlatur nazzjonali, għandhom jiġu kkunsidrati bħala suspettużi, ma tidhirx li hija sporporzjonata.

84

Fl-aħħar nett, kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-leġiżlazzjoni, sa fejn tissuġġetta għall-obbligi li hija timponi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha kif ukoll il-persuni jew l-entitajiet barranin kollha li jeżerċitaw attivitajiet fi Spanja permezz ta’ fergħat jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tidher li hija nondiskriminatorja.

85

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li:

l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li teżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba minħabba fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu direttament lill-FIUs ta’ dan l-Istat meta dawn l-istituzzjonijiet jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tipperikolax l-effettività tal-imsemmija direttiva kif ukoll tad-Deċiżjoni 2000/642;

l-Artikolu 56 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni simili jekk din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jekk hija adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għan li trid tilħaq, jekk ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan u jekk hija tapplika b’mod nondiskriminatorju, u hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina, dan, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni dan li ġej:

leġiżlazzjoni simili hija adegwata sabiex tilħaq dan il-għan tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jekk tippermetti lill-Istat Membru li jissorvelja u li jissospendi effettivament it-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi mwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali u, jekk ikun il-każ, li jipproċessaw u jippenalizzaw lil dawk responsabbli;

l-obbligu impost minn din il-leġiżlazzjoni fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jintlaħaq dan il-għan fin-nuqqas, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, ta’ mekkaniżmu effikaċi li jiggarantixxi kooperazzjoni sħiħa u kompleta tal-FIUs.

Fuq l-ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li teżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba minħabba fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu direttament lill-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja ta’ dan l-Istat meta dawn l-istituzzjonijiet jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tipperikolax l-effettività tal-imsemmija direttiva kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI, tas-17 ta’ Ottubru 2000, dwar l-arranġamenti għall-koperazzjoni bejn l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni.

 

L-Artikolu 56 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni simili jekk din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jekk hija adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għan li trid tilħaq, jekk ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan u jekk hija tapplika b’mod nondiskriminatorju, u hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina, dan, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni dan li ġej:

 

leġiżlazzjoni simili hija adegwata sabiex tilħaq dan il-għan tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jekk tippermetti lill-Istat Membru li jissorvelja u li jissospendi effettivament it-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi mwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali u, jekk ikun il-każ, li jipproċessaw u jippenalizzaw lil dawk responsabbli;

 

l-obbligu impost minn din il-leġiżlazzjoni fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jintlaħaq dan il-għan fin-nuqqas, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, ta’ mekkaniżmu effikaċi li jiggarantixxi kooperazzjoni sħiħa u kompleta tal-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top