Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0147

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012.
Secretary of State for Work and Pensions vs Lucja Czop et Margita Punakova.
[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal Administrative Appeals Chamber].
Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ residenza permanenti — Għoti ta’ għajnuna soċjali — Kustodja tat-tfal — Residenza minn qabel ma l-pajjiż ta’ oriġini ssieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Kawżi magħquda C-147/11 u C-148/11.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:538

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ residenza permanenti — Għoti ta’ għajnuna soċjali — Kustodja tat-tfal — Residenza minn qabel ma l-pajjiż ta’ oriġini ssieħeb fl-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawżi magħquda C-147/11 u C-148/11,

Li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-14 ta’ Marzu 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2011, fil-proċeduri

Secretary of State for Work and Pensions

vs

Lucja Czop (C-147/11),

Margita Punakova(C-148/11),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Mejju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L. Czop, minn G. King, solicitor-advocate,

għal M. Punakova, minn H. Mountfield, barrister,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn C. Lewis, barrister,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, kif ukoll minn D. Lutostańska u A. Siwek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), u tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 6, p. 46).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest tal-kawżi bejn, rispettivament, L. Czop u M. Punakova u s-Secretary of State for Work and Pensions dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lill-persuni inkwistjoni appoġġ għad-dħul (“income support”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

Stati Membri għandhom jinkoraġġixu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.”

4

Ir-Regolament Nru 1612/68 tħassar u ġie sostitwit, matul l-2011, bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1). L-Artikolu 10 ta’ dan l-aħħar regolament jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

5

Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38, “[i]ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni”.

6

Taħt it-titolu “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; [...]

[...]”

7

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

[...]”

Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit

8

Il-Liġi tal-1992 dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (Social Security Contributions and Benefits Act 1992) u r-Regolament (ġenerali) tal-1987 dwar l-appoġġ għad-dħul [Income Support (General) Regulations 1987] jikkostitwixxu l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-appoġġ għad-dħul.

9

L-appoġġ għad-dħul huwa benefiċċju mogħti skont ir-riżorsi lil gruppi differenti ta’ persuni. L-għoti ta’ dan il-benefiċċju huwa suġġett, fost kundizzjonijiet oħra, għal dik li tipprovdi li d-dħul ma għandux jaqbeż l-“ammont applikabbli” stabbilit, li jista’ jiġi ffissat għal żero, li jimplika li, fil-prattika, ebda benefiċċju ma jingħata f’dan il-każ. L-ammont applikabbli ffissat għal “persuna barranija” huwa żero.

10

Il-frażi “persuna barranija” hija ddefinita fl-Artikolu 21AA tar-Regolament (ġenerali) tal-1987 dwar l-appoġġ għad-dħul. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw kif ġej:

“Rikorrenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21AA(4) [tar-Regolament (ġenerali) tal-1987 dwar l-appoġġ għad-dħul] ma humiex persuni barranin. Dawn jibbenefikaw mid-dritt ta’ resdidenza u ma għandhomx l-obbligu li jirrisjedu b’mod abitwali [fir-Renju Unit, fil-gżejjer Anglo-Normanni, fuq il-Gżira ta’ Man jew fl-Irlanda].

Sabiex ikollhom dritt għall-appoġġ għad-dħul, il-persuni l-oħra kollha għandhom jirresjedu b’mod abitwali [fir-Renju Unit, fil-gżejjer Anglo-Normanni, fuq il-Gżira ta’ Man jew fl-Irlanda] (Artikolu 21AA(1) [tar-Regolament (ġenerali) tal-1987 dwar l-appoġġ għad-dħul]). Jekk dan ma jkunx il-każ, dawn huma persuni barranin u ma għandhomx id-dritt għall-appoġġ għad-dħul.

Sabiex jirresjedu b’mod abitwali [fir-Renju Unit, fil-gżejjer Anglo-Normanni, fuq il-Gżira ta’ Man jew fl-Irlanda], huma għandhom jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza [skont il-każ, fir-Renju Unit, fil-gżejjer Anglo-Normanni, fuq il-Gżira ta’ Man jew fl-Irlanda] (Artikolu 21AA(1) [tar-Regolament (ġenerali) tal-1987 dwar l-appoġġ għad-dħul]). Jekk dan ma jkunx il-każ, dawn huma persuni barranin u ma għandhomx id-dritt għall-appoġġ għad-dħul.

Madankollu, il-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 AA(3) [tar-Regolament (ġenerali) tal-1987 dwar l-appoġġ għad-dħul] ma jistgħux jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza u ma jistgħux, għalhekk, jirresjedu abitwalment [fir-Renju Unit, fil-gżejjer Anglo-Normanni, fuq il-Gżira ta’ Man jew fl-Irlanda]. Konsegwentement, dawn huma persuni barranin u ma għandhomx id-dritt għall-appoġġ għad-dħul.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C-147/11

11

L. Czop, ċittadina Pollakka, waslet fir-Renju Unit matul l-2002, b’viża ta’ studenta u fit-8 ta’ Diċembru 2002 ingħatat permess ta’ residenza mingħajr aċċess għall-fondi pubbliċi. Skont il-qorti tar-rinviju, din l-awtorizzazzjoni ġġeddet fit-28 ta’ April 2004, li huwa kkontestat mill-Gvern tar-Renju Unit. L. Czop ħadmet bħala ħaddiema għal rasha mill-2003 sa Novembru tal-2005. L-erbat itfal tagħha, Lukasz Czop, imwieled fil-Polonja fil-25 ta’ Ottubru 1994, Simon Michal Krzyzowski, imwieled fl-20 ta’ Settembru 2003, Kacper Krzyzowski, imwieled fid-9 ta’ Jannar 2005, u Wiktor Mieczyslaw Krzyzowski, imwieled fil-25 ta’ Marzu 2006, jgħixu magħha fir-Renju Unit. L-aħħar tlieta minn dawn it-tfal, ulied M. Krzyzowski, twieldu fir-Renju Unit. Lukasz Czop ingħaqad ma’ ommu fir-Renju Unit u ffrekwenta l-iskola sa mill-2006. L-ebda wieħed mit-tfal ta’ L. Czop ma kien imur l-iskola fir-Renju Unit meta din kienet teżerċita, bejn l-2003 u l-2005, attività għal rasha.

12

Is-sieħeb ta’ L. Czop, M. Krzyowski, ukoll ċittadin Pollakk, iżda li ma huwiex missier it-tifel il-kbir fost it-tfal ta’ L. Czop, eżerċita attività bħala ħaddiem għal rasu bejn l-2002 u l-2007. Matul l-2008, huwa kellu jitlaq mir-Renju Unit. Fl-2010, huwa reġa’ ġie lura ma’ L. Czop u sa minn dak iż-żmien qiegħed joqgħod ma’ din tal-aħħar u t-tfal tagħha fir-Renju Unit.

13

L. Czop talbet għall-appoġġ għad-dħul fid-29 ta’ Mejju 2008, liema talba ġiet miċħuda fl-20 ta’ Ġunju ta’ wara. Hija reġgħet bdiet l-attività tagħha ta’ ħaddiema għal rasha f’Settembru 2008, b’mod li din it-talba tikkonċerna biss il-perijodu li jibda mix-xahar ta’ Mejju sa Settembru 2008.

14

Is-Secretary of State for Work and Pensions ċaħad din it-talba minħabba li L. Czop kienet “persuna barranija” minħabba l-fatt li ma kellhiex permess ta’ residenza, fis-sens tal-Artikolu 21AA(4) tar-Regolament (ġenerali) tal-1987 dwar l-appoġġ għad-dħul.

15

Il-First-tier Tribunal laqa’ l-appell ta’ L. Czop billi kkunsidra li din kienet tibbenefika mid-dritt ta’ residenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-persuna kkonċernata, għalhekk, għandha tiġi kkunsidrata bħala “persuna barranija” u kellha, konsegwentement, dritt għal appoġġ għad-dħul.

16

Is-Secretary of State for Work and Pensions appella mid-deċiżjoni tal-First-tier Tribunal quddiem il-qorti tar-rinviju.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Upper Tribunal Tribunal (Administrative Appeals Chamber) iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[Ċ]ittadina tal-Polonja:

ġiet fir-Renju Unit qabel pajjiżha ssieħeb fl-UE;

stabbilixxiet ruħha bħala persuna li taħdem għal rasha fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE [...];

baqgħet [fir-Renju Unit], u kompliet taħdem għal rasha, wara l-adeżjoni [ta’ pajjiżha fl-Unjoni];

ma għadhiex taħdem għal rasha; u

għandha l-kura primarja ta’ minuri li ġie fir-Renju Unit u segwa l-edukazzjoni ġenerali wara l-adeżjoni [tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni] u wara li ma baqgħetx stabbilita bħala persuna li taħdem għal rasha,

ir-rikorrenti għandha dritt tirrisjedi fir-Renju Unit abbażi tal-fatt li (individwalment jew kumulattivament):

japplika r-[Regolament Nru ]1612/68, flimkien mar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja [żviluppat fis-sentenzi tal-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, Ġabra p. I-7091); tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, [Ġabra p. I-1065]), kif ukoll Teixeira (C-480/08, [Ġabra p. I-1107])];

jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE li jekwivali l-pożizzjoni ta’ impjegati u ta’ persuni li jaħdmu għal rashom

ikun jimpedixxi jew jipprevjeni l-libertà tal-istabbiliment jekk l-applikanti ma kellhiex id-dritt li tirrisjedi?”

Il-Kawża C-148/11

18

M. Punakova, ċittadina Ċeka, waslet fir-Renju Unit fit-3 ta’ Marzu 2001 u eżerċitat attività ta’ ħassiela bħala ħaddiema għal rasha mis-16 ta’ Novembru 2007 sat-8 ta’ Settembru 2008. It-tlett itfal tagħha twieldu fir-Renju Unit: Nikholas Buklierius, fl-1 ta’ Marzu 2003, Andreos Buklierius, fis-7 ta’ Lulju 2004, u Lukas Buklierius, fil-21 ta’ April 2007. L-ewwel wieħed minn dawn it-tfal intbagħat l-iskola ġimgħa qabel ma M. Punakova waqfet teżerċita l-attività tagħha bħala ħaddiema għal rasha.

19

Fil-15 ta’ Settembru 2008, M. Punakova talbet appoġġ għad-dħul. Bħall-każ ta’ L. Czop, din it-talba ġiet miċħuda minħabba li l-persuna kkonċernata kienet “persuna barranija”. Il-First-tier Tribunal laqa’ l-appell ta’ M. Punakova.

20

Is-Secretary of State for Work and Pensions appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal quddiem il-qorti tar-rinviju.

21

Huwa f’dan il-kuntest li l-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[...] [ċ]ittadina Ċeka,

daħlet fir-Renju Unit qabel l-adeżjoni tal-pajjiż tagħha mal-Unjoni Ewropea;

baqgħet [fir-Renju Unit] wara l-adeżjoni [ta’ pajjiżha fl-Unjoni];

sussegwentement stabbilixxiet ruħha bħala persuna li taħdem għal rasha skont l-Artikolu 49 TFUE [...];

ma għadhiex taħdem għal rasha, u

hija l-persuna li għandha l-kustodja effettiva ta’ wild li daħal fis-sistema ta’ tagħlim ġenerali fiż-żmien meta hija kienet stabbilita bħala persuna li taħdem għal rasha,

għandha dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit:

abbażi tal-fatt li r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 japplika, flimkien mar-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fis-sentenzi [iċċitati iktar ’il fuq Baumbast u R; Ibrahim u Secretary of State for the Home Department, kif ukoll Teixeira];

abbażi tal-fatt li jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jqiegħed fuq l-istess livell il-pożizzjoni tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom;

abbażi tal-fatt li kieku ma kellhiex id-dritt li tirrisjedi, dan jimpediha jew jiskoraġġiha milli teżerċita d-dritt għal-libertà ta’ stabbiliment jew

fuq xi bażi oħra?”

22

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 2011, il-Kawżi C-147/11 u C-148/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk persuni li jkunu jinsabu fis-sitwazzjoni ta’ L. Czop u M. Punakova għandhomx, skont id-dritt tal-Unjoni, dritt ta’ residenza.

24

Sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi, li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tipprova tistabbilixxi jekk tali persuni jistgħux jibbenefikaw minn appoġġ għad-dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jikkonferixxi fuq it-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li kien jew li huwa impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru, id-dritt ta’ aċċess għal korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali fl-istess kundizzjonijiet imposti fuq iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat, jekk dawn it-tfal jirrisjedu fit-territorju tiegħu (is-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

25

Skont il-ġurisprudenza, dan id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni jimplika dritt ta’ residenza tat-tifel tal-ħaddiem migrant jew ta’ ex ħaddiem migrant, meta dan it-tifel jixtieq isegwi xi studji fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrispondenti favur il-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ dan it-tifel (ara s-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

26

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li huwa suffiċjenti li t-tifel li jsegwi xi studji fl-Istat Membru ospitanti jkun stabbilixxa ruħu f’dan tal-aħħar filwaqt li wieħed mill-ġenituri tiegħu kien jeżerċita dritt ta’ residenza bħala ħaddiem migrant. Id-dritt tat-tifel li jgħix f’dan l-Istat sabiex isegwi xi studji, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, u, konsegwentement, tad-dritt ta’ residenza tal-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tiegħu, ma jistax jiġi suġġett għall-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tat-tifel ikun wettaq, fid-data li fiha dan tal-aħħar ikun beda l-istudji tiegħu, attività professjonali bħala ħaddiem migranti fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

27

F’dak li jikkonċerna M. Punakova, mill-proċess imressaq mill-qorti nazzjonali jirriżulta li l-persuna kkonċernata għandha l-kustodja effettiva tat-tifel tagħha Nikholas Buklierius, li ilu jmur l-iskola sa minn Settembru 2008 u huwa iben A. Buklierius, ċittadin Litwan, li ħadem fir-Renju Unit bħala impjegat matul l-2004, l-2005 u l-2008.

28

Kif irrikonoxxa l-Gvern tar-Renju Unit fis-seduta, M. Punakova, bħala omm tifel ta’ ħaddiem immigrant, tifel li hija effettivament għandha l-kustodja tiegħu u li qiegħed imur l-iskola, għandha għalhekk, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dritt ta’ residenza.

29

Min-naħa l-oħra, L. Czop ma tistax tibbaża dritt ta’ residenza fuq is-sempliċi fatt li hija effettivament għandha l-kustodja tat-tifel tagħha Lukasz Czop, li beda jmur l-iskola fir-Renju Unit matul l-2006.

30

Fil-fatt, la missier Lukasz Czop u lanqas L. Czop stess ma ħadmu fir-Renju Unit bħala impjegati. Issa, mill-formulazzjoni ċara u preċiża tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li jsemmi “[i]t-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru”, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika biss għat-tfal tal-ħaddiema impjegati.

31

L-interpretazzjoni litterali tal-imsemmija dispożizzjoni, li tipprovdi li din tal-aħħar tinkludi biss impjegati, hija, barra minn hekk, imsaħħa kemm bl-ekonomija ġenerali tar-Regolament Nru 1612/68, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 49 KEE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 49 KE, li huwa stess sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 40 KE), kif ukoll mill-fatt li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ġie riprodott mhux biss fid-Direttiva 2004/38, iżda fir-Regolament Nru 492/11 li jirregola wkoll il-moviment liberu tal-ħaddiema u huwa bbażat fuq l-Artikolu 46 TFUE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 40 KE.

32

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kwalunkwe effett utli lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, BCE vs Il-Ġermanja C-220/03, Ġabra p. I-10595, punt 31, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Komunità Ewropea, C-199/05, Ġabra p. I-10485, punt 42).

33

Minn dan isegwi li peress li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jsemmi biss l-impjegati, dan ma jistax, konsegwentement, jiġi interpretat bħala li japplika wkoll għall-ħaddiema mhux impjegati.

34

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li L. Czop għandha, skont l-elementi ta’ informazzjoni pprovduti mill-Gvern tar-Renju Unit matul is-seduta, dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

35

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz fit-territorju ta’ Stat Membru, imwettqa qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat terz fl-Unjoni, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Att ta’ Adeżjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, sakemm ikunu saru skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C-424/10 u C-425/10, Ġabra p. I-14035, punt 63).

36

F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa paċifiku li L. Czop irrisjediet fir-Renju Unit qabel id-29 ta’ Mejju 2008, data meta talbet l-għoti ta’ appoġġ għad-dħul, matul perijodu mhux interrott ta’ iktar minn ħames snin.

37

Min-naħa l-oħra, skont l-elementi ta’ informazzjoni pprovduti mill-Gvern tar-Renju Unit matul is-seduta, jidher li L. Czop irrisjediet “legalment”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, fir-Renju Unit.

38

Fil-fatt, għalkemm ma kinitx eżerċitat attività bħala ħaddiema għal rasha matul ħames snin fir-Renju Unit u, għaldaqstant, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38, hija kienet tissodisfa madankollu, kif sostna l-Gvern tar-Renju Unit matul is-seduta, dawk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva.

39

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk L. Czop għandhiex dritt ta’ residenza wkoll fuq bażi oħra tad-dritt tal-Unjoni.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi li saru għandha tkun li:

l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi lill-persuna li għandha effettivament il-kustodja ta’ wild ta’ ħaddiem immigrant jew ta’ ex ħaddiem immigrant, liema wild imur l-iskola fl-Istat Membru ospitanti, dritt ta’ residenza fuq it-territorju ta’ dan l-Istat, filwaqt li dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi tali dritt lill-persuna li għandha l-kustodja effettiva ta’ wild ta’ ħaddiem mhux impjegat;

l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni, li joriġina minn Stat Membru li reċentement daħal fl-Unjoni Ewropea, jista’ jgawdi, skont din id-dispożizzjoni, minn dritt ta’ residenza permanenti meta jkun irrisjeda matul perijodu mhux interrott ta’ iktar minn ħames snin fl-Istat Membru ospitanti, fejn parti minnhom tkun seħħet qabel l-adeżjoni tal-ewwel Stat mal-Unjoni, sakemm din ir-residenza tkun saret skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi lill-persuna li għandha effettivament il-kustodja ta’ wild ta’ ħaddiem immigrant jew ta’ ex ħaddiem immigrant, liema wild imur l-iskola fl-Istat Membru ospitanti, dritt ta’ residenza fuq it-territorju ta’ dan l-Istat, filwaqt li dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi tali dritt lill-persuna li għandha l-kustodja effettiva ta’ wild ta’ ħaddiem mhux impjegat.

 

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni, li joriġina minn Stat Membru li reċentement daħal fl-Unjoni Ewropea, jista’ jgawdi, skont din id-dispożizzjoni, minn dritt ta’ residenza permanenti meta jkun irrisjeda matul perijodu mhux interrott ta’ iktar minn ħames snin fl-Istat Membru ospitanti, fejn parti minnhom tkun seħħet qabel l-adeżjoni tal-ewwel Stat mal-Unjoni, sakemm din ir-residenza tkun saret skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top