EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0529

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2013.
Olaitan Ajoke Alarape u Olukayode Azeez Tijani vs Secretary of State for the Home Department.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London.
Moviment liberu tal-persuni — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 12 — Konjuġi ddivorzjata ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li ħadem fi Stat Membru ieħor — Wild maġġorenni li jkompli l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti — Dritt ta’ residenza għall-ġenitur li huwa ċittadin ta’ Stat terz — Direttiva 2004/38/KE — Artikoli 16 sa 18 — Dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru — Residenza legali — Residenza bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 12.
Kawża C‑529/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:9

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2013 ( 1 )

Kawża C‑529/11

Olaitan Ajoke Alarape,

Olukayode Azeez Tijani

vs

Secretary of State for the Home Department

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London (ir-Renju Unit)]

“Moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ residenza permanenti — Artikolu 16 — Residenza legali — Residenza bbażata fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, ir-rekwiżiti għall-kisba tad-dritt ta’ residenza dderivat min-naħa ta’ ġenitur ta’ wild li jkun ingħata d-dritt li jsegwi l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità ( 2 ), u, min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà, kemm għall-wild intitolat għal dritt ta’ residenza bbażat fuq dan l-Artikolu 12, kif ukoll għall-ġenitur tiegħu benefiċjarju ta’ dritt ta’ residenza dderivat li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 3 ).

2. 

Id-domandi magħmula mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London (ir-Renju Unit), iwassluna, b’mod partikolari, sabiex nirrevedu l-kunċett ta’ residenza legali fis-sens tad-Direttiva 2004/38, kunċett li huwa fundamentali peress li jirregola r-rikonoxximent tal-istatus ta’ resident permanenti, li ċertament jikkostitwixxi r-riforma essenzjali ( 4 ) ta’ din id-direttiva.

3. 

Id-Direttiva 2004/38 tikkodifika l-istrumenti eżistenti u tintegra l-ġabra ta’ ġurisprudenza fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, billi tibbaża l-moviment liberu fuq l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li, skont il-formola li ġiet affermata għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Grzelczyk ( 5 ), u minn dakinhar ’l hawn użata ħafna drabi ( 6 ), huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri.

4. 

Filwaqt li d-dritt preċedenti kien limitat biex jirrikonoxxi, b’mod embrijoniku, dritt li ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji limitativament elenkati ( 7 )“jibqgħu b’mod permanenti” fit-territorju ta’ Stat Membru, din id-direttiva tagħti, liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jkunu rrisjedew legalment għal ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru, dritt ta’ residenza permanenti li jagħti lill-migranti vantaġġ mhux paragunabbli billi jirrendilhom il-preżenza tagħhom permanenti, li ma jistax jitneħħa ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika ( 8 ), u billi jneħħi r-restrizzjonijiet li jissussistu fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti ( 9 ).

5. 

Ir-rekwiżiti sostantivi meħtieġa biex jinkiseb l-istatus ta’ resident permanenti jinsabu fit-Taqsima I tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38.

6. 

Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”:

“1.

Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.

Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

3.

Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewm[ien] itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4.

Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

7. 

Barra minn hekk, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti minn ċerti membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru”, jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li għalihom japplikaw l-Artikoli 12(2) u 13(2), li jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fihom, għandhom jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti wara li jgħixu legalment għal perjodu ta’ ħames snin konsekuttivi fl-Istat Membru ospitanti.”

8. 

Għalkemm id-direttiva msemmija ħassret u kkodifikat il-parti l-kbira mid-dispożizzjonijiet preċedenti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-persuni, hija ħalliet intatt, madankollu, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, fejn l-imsemmi regolament tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2011, bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ( 10 ).

9. 

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li sar l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli”.

10. 

Din il-kawża, li tirrigwarda kwistjoni bejn omm u binha, fejn it-tnejn huma ċittadini ta’ pajjiż terz, u s-Secretary of State for the Home Department, minħabba ċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tat-talba tagħhom biex jingħataw dritt ta’ residenza permanenti, tqajjem żewġ serje ta’ domandi ta’ diffikultà differenti.

11. 

L-ewwel waħda, li xi ftit jew wisq diġà ġiet solvuta mill-ġurisprudenza, kienet tirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom il-ġenitur tal-wild li laħaq l-età ta’ adult li jkun qiegħed jistudja, jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

12. 

It-tieni waħda, li hija bla preċedent iżda li s-soluzzjoni għaliha jidher li tista’ tinstab xi ftit jew wisq fil-ġurisprudenza reċenti, tirrigwarda l-punt dwar jekk il-perijodi ta’ residenza li jitwettqu abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 humiex tali li jwasslu għal dritt ta’ residenza permanenti taħt id-Direttiva 2004/38.

13. 

Il-fatti tal-kawża prinċipali huma kif ġej.

14. 

O. Alarape, li twieldet fid-9 ta’ Lulju 1970, hija omm O. Tijani, li twieled fit-28 ta’ Frar 1988. Bħala ċittadini Niġerjani, huma daħlu illegalment fir-Renju Unit fl-2001. Wara li O. Alarape żżewġet ma’ ċittadin Franċiż, is-Sur Salama, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisbu permess ta’ residenza fir-Renju Unit bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li skada fis-17 ta’ Frar 2009.

15. 

Peress li s-Secretary of State for the Home Department, fid-29 ta’ Jannar 2010, ċaħad it-talba tagħhom biex jingħataw dritt ta’ residenza permanenti bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-drittijiet tiegħu għal iktar minn ħames snin, O. Alarape u O. Tijani ppreżentaw rikors quddiem il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (ir-Renju Unit), li ċaħad ir-rikors tagħhom peress li d-dokumenti prodotti quddiemu kienu juru biss li s-Sur Salama kien ilu impjegat sentejn.

16. 

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London.

17. 

Din il-qorti rrilevat li O. Alarape u s-Sur Salama ddivorjzaw fis-16 ta’ Frar 2010 u li O. Alarape eżerċitat, fir-Renju Unit, attività għal rasha part-time li minnha kienet taqla’ dħul mensili ta’ madwar GBP 1,600, wara li jinqatgħu it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali tagħha. Min-naħa tiegħu, O. Tijani, li ħadem part-time mis-sena 2006 sas-sena 2008, segwa kors ta’ tagħlim full-time malli daħal fir-Renju Unit, studja f’università u kiseb diploma u master qabel ma ġie aċċettat fl-università ta’ Edinburgh (ir-Renju Unit) sabiex isegwi kors ta’ dottorat. Kien maħsub li jgħix f’Edinburgh ma’ assistent fl-università matul il-perijodu tal-korsijiet.

18. 

Skont l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kellhom l-oneru tal-prova, ma kinux f’pożizzjoni li jipprovaw li s-Sur Salama kien eżerċita drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Frar 2004 sax-xahar ta’ April 2006 biss. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm it-tluq tas-Sur Salama mir-residenza konjugali seta’ rrenda iktar diffiċli li jiġu prodotti l-provi dwar ix-xogħol preċedenti tiegħu, l-imsemmija rikorrenti ma kinux talbu li jingħata digriet interlokutorju.

19. 

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi biex il-membri tal-familja jkunu jistgħu jżommu d-dritt ta’ residenza f’każ ta’ mewt jew tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni, ma jidhrilhiex li japplika peress li f’dan il-każ ma teżisti ebda waħda miż-żewġ avvenimenti msemmija minn din id-dispożizzjoni fil-każ preżenti.

20. 

Hija ssostni, min-naħa l-oħra, li jeħtieġ li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx jew le d-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

21. 

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Sabiex ġenitur ikun jikkwalifika bħala ’il-persuna li għandha effettivament il-kustodja tat-tfal’ bil-għan li jakkwista dritt ta’ residenza minn fuq tfal li għandhom iktar minn 21 sena u li qegħdin jeżerċitaw dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 [...], huwa neċessarju li dawk it-tfal ikunu:

a)

dipendenti fuq il-ġenitur,

b)

jirrisjedu fl-istess dar tal-ġenitur, u

c)

jirċievu appoġġ emozzjonali minn dak il-ġenitur?

2)

Jekk ma jkunx meħtieġ li l-ġenitur iressaq prova li huma sodisfatti t-tliet rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq biex dan ikun jista’ jikkwalifika għal dan id-dritt ta’ residenza derivat, huwa biżżejjed li jressaq prova li huma sodisfatti wieħed jew tnejn biss minn dawn ir-rekwiżiti?

3)

Fir-rigward tal-punt [punt (b) tal-ewwel domanda], it-tfal li huma studenti adulti jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala li jirrisjedu fl-istess dar tal-ġenitur(i) tagħhom anki meta dawn it-tfal ikunu jgħixu ’l bogħod mid-dar matul l-istudji tagħhom (ħlief għall-vaganzi u matul tmiem il-ġimgħa xi kultant)?

4)

Fir-rigward tal-punt [punt (ċ) tal-ewwel domanda], huwa neċessarju li l-appoġġ emozzjonali pprovdut mill-ġenitur ikun ta’ kwalità partikolari (jiġifieri mill-qrib jew fiżikament mill-viċin) jew huwa biżżejjed jekk ikun jikkonsisti f’rabta emozzjonali normali bejn il-ġenitur u t-tfal adulti?

5)

Meta persuna kellha dritt għal residenza fl-UE skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 [...] għal perjodu kontinwu ta’ iktar minn ħames snin, din ir-residenza tikkwalifika għal għan li jiġi akkwistat dritt ta’ residenza permanenti skont il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38/KE [...] dwar id-‘Dritt ta’ residenza permanenti’) u għall-ħruġ ta’ karta ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 19 tal-istess Direttiva?”

I – Analiżi

A – Fuq l-ewwel erba’ domandi preliminari

22.

Permezz tal-ewwel erba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa l-ġenitur ta’ wild adult li jkun qiegħed jistudja, biex ikun jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

23.

Dan l-artikolu jagħti lit-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor id-dritt li jaċċedu għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

24.

Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi d-dritt tat-tfal tal-ħaddiema migranti għal ugwaljanza fit-trattament fl-aċċess għall-edukazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R ( 11 ), tas-17 ta’ Settembru 2002, irrikonoxxiet id-dritt ta’ residenza indipendenti ta’ wild ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa kklassifikat bħala ħaddiem migrant jew ex ħaddiem migrant, meta dak il-wild ikun jixtieq iwettaq l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. Hija kkunsidrat li jekk dak il-wild jiġi prekluż milli jkompli l-edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti billi jiġi rrifjutat lilu l-permess ta’ residenza, dan jista’ jwassal biex jiskoraġġixxi liċ-ċittadin tal-Unjoni milli jeżerċita d-dritt għal moviment liberu tiegħu.

25.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li r-rifjut li tiġi rrikonoxxuta lill-ġenituri tal-wild li jkun qiegħed jistudja, il-possibbiltà li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti seta’ jkun tali li jċaħħad lill-wild minn dritt li huwa rikonoxxut lilu mil-leġiżlatur tal-Unjoni, irrikonoxxiet il-possibbiltà għall-ġenituri “li għandhom effettivament il-kustodja” ta’ dak il-wild li jibbenefikaw, fl-Istat Membru ospitanti, mid-dritt ta’ residenza dderivat tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/18 ( 12 ).

26.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira ( 13 ), eżaminat l-effett tal-età ta’ maġġorenni tal-wild fuq id-dritt ta’ residenza li għalih huwa intitolat il-ġenitur tiegħu bħala persuna li għandha effettivament il-kustodja tiegħu. Hija ppreċiżat ukoll li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu l-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant meta dan it-tifel ikompli xi studji f’dan l-Istat, jintemm meta dan it-tifel isir maġġorenni, “sakemm it-tifel ma jibqax ikollu bżonn tal-preżenza u l‑kura ta’ dan il-ġenitur sabiex ikun jista’ jsegwi u jispiċċa l-istudji tiegħu” ( 14 ).

27.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat risposta fil-prinċipju, fis-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, għall-ewwel erba’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, billi ppreċiżat li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li minnu jibbenefika l-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tal-wild ta’ ħaddiem migrant, meta dak il-wild ikompli studji f’dan l-Istat, jintemm meta dan il-wild isir maġġorenni, ħlief jekk il-wild jibqa’ jkollu bżonn tal-preżenza u l-kura ta’ dan il-ġenitur.

28.

L-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, meta llimita l-analiżi tiegħu għas-sitwazzjoni ta’ wild ta’ età iktar minn 21 sena, filwaqt li ħadet bħala fatt li s-sitwazzjoni tal-ġenituri tal-ulied maġġorenni li għandhom inqas minn 21 sena għandha tixxebbah ma’ dik tal-ġenituri ta’ wlied minorenni, jidhirli li huwa meħtieġ li jiġi enfasizzat, preliminarjament, li din il-premessa tidher li hija żbaljata meta meħuda fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29.

Għandu jitfakkar li d-dritt għall-kontinwazzjoni tal-istudji previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ġie intrepretat b’mod indipendenti ( 15 ), skont l-għanijiet proprji tiegħu għall-integrazzjoni tal-ħaddiema u ta’ wliedhom fil-ħajja soċjali tal-Istat Membru ospitanti, li minnu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet b’mod partikolari li l-limitu tal-età previst fl-artikoli l-antiki 10 u 11 tar-regolament imsemmi, imħassra mid-Direttiva 2004/38, ma kienx japplika ( 16 ).

30.

Is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, tapplika għaldaqstant għall-wild malli dan jilħaq l-età ta’ maġġorenni. Peress li l-fatt li l-wild jilħaq l-età ta’ maġġorenni ma jaffettwax id-drittijiet oriġinali tiegħu, il-prinċipju invers, imsemmi f’din id-deċiżjoni għad-dritt idderivat li għalih huwa intitolat il-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja, huwa dak tat-telf tad-dritt ta’ residenza, fejn l-estensjoni ta’ dan id-dritt lil hinn mill-età maġġorenni tal-wild tkun l-eċċezzjoni. Dan il-prinċipju huwa dedott minn preżunzjoni li l-wild ta’ età maġġorenni huwa kapaċi jiżgura l-kura tiegħu stess, iżda din il-preżunzjoni hija konfutabbli, peress li tista’ tinġieb prova kuntrarja li l-wild għadu dipendenti fir-rigward tal-ġenitur tiegħu.

31.

Il-formola adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li hija ċara biżżejjed. Din turi li d-dritt ta’ residenza tal-ġenitur tal-wild li jkun qiegħed jistudja huwa meqjus bħala dritt “kundizzjonat”, “finalizzat” li l-estensjoni tiegħu lil hinn mill-età ta’ maġġorenni tal-wild tista tiġi aċċettata biss meta dan ikun indispensabbli biex ilesti l-istudji tiegħu. Iż-żamma ta’ dan id-dritt hija, għaldaqstant, ir-riżultat ta’ test ta’ neċessità li jridu jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali.

32.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan edukattiv marbut maż-żamma tad-dritt lil hinn minn meta l-wild jilħaq l-età ta’ maġġorenni jikkorrispondi mal-ġustifikazzjoni li dan id-dritt jingħata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija bbażata fuq l-effettività tad-dritt għall-edukazzjoni tat-tfal, liema dritt jirriskja li jixxejjen minn kull sustanza jekk tiġi rrifjutata lill-ġenituri tagħhom il-possibbiltà li jieħdu f’idejhom personalment il-kura tagħhom matul l-istudji tagħhom ( 17 ).

33.

Finalment, huwa fid-dawl ta’ dan l-għan edukattiv li l-qrati nazzjonali għandhom jevalwaw jekk il-wild għandux bżonn jew le tal-preżenza u tal-kura tal-ġenituri tiegħu biex ikompli u jtemm l-istudji tiegħu.

34.

Id-determinazzjoni tal-punt dwar jekk il-wild maġġorenni għandux jew le bżonn il-preżenza u l-kura tal-ġenitur tiegħu sabiex ikompli u jtemm l-istudji tiegħu huwa, fil-fehma tiegħi, punt ta’ fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiċċara filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

35.

Għaldaqstant, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tirrispondi l-ewwel erba’ domandi, li jwassluha biex toħroġ mill-kamp tad-dritt biex tidħol f’dak tal-fatti, kamp li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li l-libertà fl-evalwazzjoni tal-provi prodotti quddiemha ma tistax u lanqas għandha tkun ikkonfinata b’definizzjoni ta’ kriterji preċiżi.

36.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-diversi fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ma jikkostitwixxux verament kriterji jew kundizzjonijiet, li fin-nuqqas tagħhom id-dritt ta’ residenza dderivat ma jkunx jista’ jinkiseb, iżda pjuttost, indizji sempliċi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-wild, għalkemm sar maġġorenni, baqa’ jkollu bżonn il-preżenza u l-kura tal-ġenitur tiegħu.

37.

Ma huwiex possibbli li tingħata lista eżawrjenti ta’ dawn l-indizji, li ma għandhomx jittieħdu b’mod iżolat, iżda flimkien bejniethom u wara ċertu ħsieb.

38.

Għaldaqstant, jiena ser nillimita ruħi biex nindika li t-tliet fatturi rrilevati mill-qorti tar-rinviju jidhru li huma rilevanti.

39.

Għaldaqstant, meta jkun hemm estensjoni, lil hinn minn meta l-wild jilħaq l-età ta’ maġġorenni, tad-dipendenza finanzjarja fir-rigward tal-ġenitur tiegħu, dan huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. B’kuntrast mal-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit, nikkunsidra li l-premessa li l-ġenitur li jiżgura l-kustodja tal-wild jista’ jkompli jiżgura dan is-sostenn finanzjarju minn pajjiż terz ma hijiex konformi mar-realtà. Kif sostna r-rappreżentant ta’ O. Alarape fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, ma huwiex ovvju li l-ġenitur ikun jista’ jsib, fl-Istat tal-oriġini tiegħu jew f’pajjiż terz ieħor, xogħol b’remunerazzjoni ekwivalenti għal dik li tippermettilu jlaħħaq, fl-Istat Membru ospitanti, mal-bżonnijiet tal-wild li jkompli l-istudji tiegħu. Ftit li xejn nara li jkollu interess l-Istat Membru ospitanti sabiex iċaħħad lill-istudent minn sostenn finanzjarju mill-familjari tiegħu u biex iwasslu biex jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dak l-Istat.

40.

Il-grad ta’ prossimità affettiva bejn il-ġenitur u l-wild ta’ età maġġorenni tiegħu jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll mingħajr ma jidher li jkun neċessarju li dan is-sostenn affettiv ikollu xi kwalità, prossimità jew intensità partikolari ( 18 ).

41.

Fl-aħħar nett, il-kriterju tar-residenza komuni jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, mingħajr ma jkun jista’ jitqies determinanti. Għalkemm l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, jirrileva li, fis-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuna li tieħu ħsieb b’mod effettiv il-kustodja tal-wild għandha tkun f’pożizzjoni li tirrisjedi mal-wild fl-Istat Membru ospitanti, fil-fehma tiegħi hija ma ħolqitx kundizzjoni ta’ residenza komuni sabiex ikun jista’ jinkiseb id-dritt ta’ residenza, iżda sempliċement ħadet bħala fatt, f’din il-kawża, li kienet tikkonċerna tfal minuri, li l-ġenitur li kellu l-kustodja tat-tfal kien jirrisjedi magħhom. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għas-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, li kif ġustament issostni l-Kummissjoni Ewropea, iktar jixbhu lil dawk ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat id-dritt ta’ residenza dderivat għall-kundizzjoni biss tal-“preżenza” tal-ġenitur u għall-provvista tal-“kura”. Issa, jiena ma naħsibx li huwa possibbli li jiġi eskluż, a priori, li wild jista’ jkollu bżonn il-preżenza u l-kura tal-ġenituri tiegħu minħabba li kien obbligat li jitlaq id-domiċilju familjari biex ikun jista’ jsegwi u jlesti l-istudji tiegħu.

42.

Fl-aħħar nett, jiena tal-fehma li ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel erba’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, u dan peress li l-evalwazzjoni tan-neċessità li tifel ta’ ħaddiem migrant ikompli, wara li jilħaq l-età ta’ maġġorenni tiegħu, jibbenefika mill-preżenza u l-kura tal-ġenitur li jiżgura effettivament il-kustodja tiegħu sabiex ikompli u li jlesti l-istudji tiegħu hija punt ta’ fatt li jaqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tiddeċiedi skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami.

B – Fuq il-ħames domanda

43.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-wild li jeżerċita d-dritt li jsegwi l-istudji tiegħu skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 u l-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tiegħu jiksbux id-dritt ta’ residenza permanenti previst mid-Direttiva 2004/38 meta huma jkunu qattgħu, abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, perijodu ta’ residenza ta’ iktar minn ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

44.

Ir-rekwiżiti għall-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru huma mniżżla fl-Artikoli 16(2), 17 u 18 ta’ din id-direttiva.

45.

Skont l-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva, dawn il-persuni jiksbu dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti taħt il-kundizzjoni li jkunu “għexu legalment” maċ-ċittadin tal-Unjoni għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin.

46.

B’deroga min-neċessità li l-persuna trid tkun għexet legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin maċ-ċittadin tal-Unjoni, l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2004/38 imsemmija jipprovdi li irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, il-membri tal-familja ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu, għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni seta’, huwa stess, jiskeb id-dritt ta’ residenza permanenti qabel id-dekorrenza tal-perijodu kontinwu ta’ ħames snin, billi juri li laħaq l-età tal-irtirar, waqaf jaħdem minħabba inkapaċità permanenti għal xogħol jew jeżerċita attività ta’ xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, filwaqt li jżomm il-post ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. Bl-istess mod, jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni jmut qabel ma jkun kiseb d-dritt ta’ residenza permanenti, il-membri tal-familja tiegħu jistgħu, madankollu, jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti jekk il-ħaddiem ikun għex fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal sentejn jew jekk il-mewt tiegħu tkun seħħet minħabba inċident fuq ix-xogħol jew mard ikkaġunat mix-xogħol jew ukoll jekk il-konjuġi superstiti kien tilef in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru wara ż-żwieġ ma’ din il-ħaddiema.

47.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fl-aħħar nett, li f’każ ta’ mewt jew tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni, divorzju, annullament taż-żwieġ jew xoljiment ta’ unjoni rreġistrata, il-membri tal-familja tiegħu jiksbu dritt ta’ residenza permanenti wara li jkunu rrisjedew legalment, b’mod kontinwu, għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti, meta huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 12(2) u 13(2) tal-istess direttiva, li jeżiġu li l-persuni kkonċernati, fost kundizzjonijiet oħra, iridu jkunu jistgħu juru li huma stess jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (d) tad-direttiva msemmija qabel ma jiksbu d-dritt imsemmi.

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat liema perijodi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.

49.

Fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal ( 19 ), li kienet tikkonċerna ċittadina Franċiża li kienet ikklassifikata bħala “ħaddiema”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar 1999 sax-xahar ta’ Frar 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rrilevat li l-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti ma kienx jinstab fl-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni adottati biex jiġi implementat l-Artikolu 18 KE, qabel ma ġiet adottata d-Direttiva 2004/38, ikkunsidrat madankollu li fil-kalkolu tal-perijodu ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin meħtieġ biex wieħed jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-perijodi ta’ residenza ta’ wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, imma wkoll il-perijodi ta’ residenza mwettqa qabel “skont l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni”.

50.

Hija ppreċiżat ukoll li l-perijodi ta’ residenza mwettqa qabel it-30 ta’ April 2006 abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ b’mod validu skont id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom ( 20 ), u mingħajr ma jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tgawdija ta’ kwalunkwe dritt ta’ residenza, ma jistgħux jitqiesu bħala mwettqa legalment għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 ( 21 ).

51.

Fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li eżaminat l-istruttura tad-Direttiva 2004/38, sostniet li l-“kunċett ta’ residenza legali inkluż bil-kliem ’li għex [rrisjeda] legalment’ fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, għandu jfisser residenza konformi mal-kundizzjonijiet previsti taħt din id-direttiva, b’mod partikolari dawn inklużi fl-Artikolu 7(1) tagħha” ( 23 ), li minnu hija ddeduċiet li ċittadin tal-Unjoni li jkun wettaq perijodu ta’ residenza ta’ iktar minn ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti abbażi biss tad-dritt nazzjonali tiegħu ma setax jitqies bħala li kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti.

52.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza permanenti għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 għall-estensjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur.

53.

Dan l-Artikolu 7 jeżiġi li l-partijiet ikkonċernati juru li huma ħaddiema impjegati jew jaħdmu għal rashom jew li għandhom, għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom, riżorsi suffiċjenti biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul it-tul ta’ residenza tagħhom u għandhom assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew huma membri tal-familja, diġà kkostitwita fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

54.

Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Daniż kif ukoll il-Kummissjoni, minn naħa waħda, u l-assoċjazzjoni AIRE Centre for Advice on Individual Rights in Europe ( 24 ) u O. Alarape, min-naħa l-oħra, jagħtu interpretazzjonijiet dijametrikament opposti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

55.

L-ewwel minn dawn jinferixxu mis-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li bbenefika minn dritt ta’ residenza għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jistax, minħabba dan il-fatt biss, jibbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti skont id-Direttiva 2004/38.

56.

Huma jsostnu, essenzjalment, li d-dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jeżisti biss sa fejn huwa neċessarju biex jippermetti lill-wild li jtemm l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, li dan id-dritt, differenti mid-drittijiet ta’ residenza bbażati fuq id-Direttiva 2004/38, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva u li ċerti perijodi ta’ residenza mwettqa abbażi tiegħu ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti jekk il-kundizzjonijiet relatati mal-attività mħallsa jew għall-pussess ta’ riżorsi suffiċjenti ma jkunux issodisfatti ( 25 ).

57.

AIRE Centre issostni, bil-kontra, li l-persuna li kellha dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin tikseb, b’applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat. Filwaqt li tfakkar li l-għan finali ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiżgura l-integrazzjoni tal-ħaddiema ċittadini tal-Unjoni u tal-familji tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u filwaqt li tenfasizza li residenza ta’ ħames snin hija kkunsidrata bħala indikatur suffiċjenti ta’ ċerta integrazzjoni, AIRE Centre issostni, insostenn ta’ din it-teżi, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1612/68 li baqgħu fis-seħħ wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38 għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti minn unità leġiżlattiva flimkien magħha u li l-applikazzjoni b’analoġija ta’ dan l-Artikolu 16(2) twassal għar-riżultat imfittex mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, li tevita l-inċertezzi tal-liġijiet nazzjonali differenti.

58.

Fl-osservazzjonijiet orali ppreżentati waqt is-seduta, O. Alarape, filwaqt li assoċjat ruħha mal-osservazzjonijiet ta’ AIRE Centre, iżżid tgħid li ma hemm ebda raġuni sabiex isir riferiment għall-ġurisprudenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, u dan għaliex dan ikun jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull perijodu ta’ residenza abbażi ta’ strument li jippreċedi d-Direttiva 2004/38. Hija tenfasizza li, f’din il-kawża, jeżisti preċiżament perijodu ta’ residenza preċedenti għax-xahar ta’ April 2006, li għandu, konsegwentement, jittieħed inkunsiderazzjoni, u tirrileva li ma hemm ebda raġuni għalfejn residenza kklassifikata bħala “legali” qabel is-sena 2006 ma għandhiex tibqa’ titqies hekk wara. Hija ssostni li s-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, ingħatat f’sitwazzjoni differenti ħafna, fejn ir-rikorrenti bbenefikat minn dritt ta’ residenza taħt id-dritt nazzjonali tagħha.

59.

Skont O. Alarape, il-fatt li jiġi rrifjutat l-aċċess għall-istatus ta’ resident permanenti jkollu effetti skoraġġanti, peress li, b’mod partikolari, il-kwalifiki miksuba fl-Istat Membru ospitanti jistgħu jitilfu l-utilità tagħhom fl-Istat li tiegħu il-wild għandu n-nazzjonalità u li wild jista’ ma jħossux integrat jekk ikun jaf, minn qabel, li huwa ma jista’ qatt isir resident permanenti anki jekk huwa jsegwi studji għal tul ta’ żmien.

60.

Fl-aħħar nett, hija tosserva li, fi kwalunkwe każ, kemm binha kif ukoll hija stess jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38.

61.

Ir-raġunament ta’ O. Alarape jitlaq, għaldaqstant, mill-premessa doppja li biha, minn naħa waħda, is-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, kienet eskludiet il-perijodi ta’ residenza mwettqa abbażi tad-dritt nazzjonali, u min-naħa l-oħra, is-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull perijodu ta’ residenza mwettaq abbażi ta’ strument li jippreċedi d-Direttiva 2004/38.

62.

Dawn iż-żewġ premessi jidhirli li huma żbaljati.

63.

Fil-fatt, jidhirli li jirriżulta ċar mis-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet il-perijodi ta’ residenza li jippermettu l-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti minn dawk li ma jippermettuhiex, mhux abbażi tal-oriġini tad-dritt, imma minħabba n-natura tiegħu. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonfrontatx id-dritt tal-Unjoni mal-liġijiet nazzjonali, iżda l-perijodi ta’ residenza li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-ordni ekonomiku stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 ma’ dawk li ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti.

64.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb li tirrileva, b’risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li ċittadin tal-Unjoni li jkun wettaq perijodu ta’ residenza ta’ iktar minn ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti abbażi biss tad-dritt nazzjonali ma setax jitqies bħala li kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti “[meta] matul din ir-residenza, huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva” ( 26 ), li minn dan jiġi dedott, a contrario sensu, li jekk il-persuna kkonċernata, għalkemm irrisjediet fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, kienet issodisfat ukoll ir-rekwiżiti msemmija, hija setgħet tikseb id-dritt ta’ residenza permanenti.

65.

Fuq kollox, b’risposta għat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-perijodi ta’ residenza mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat mal-Unjoni Ewropea kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, inkwantu kienu saru skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38. Issa, bħala ipoteżi, dawn il-perijodi ta’ residenza setgħu jitwettqu biss taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti ( 27 ).

66.

Fid-dawl tas-sentenza msemmija, li s-soluzzjoni tagħha ġiet riprodotta fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Czop u Punakova ( 28 ), huwa ċar, għaldaqstant, li perijodu ta’ residenza mwettaq biss abbażi tad-dritt nazzjonali iżda taħt kundizzjonijiet konformi ma’ dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biex jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti. Fil-prattika, dawn ikunu perijodi ta’ residenza mwettqa minn ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38 jew minn ċittadin ta’ pajjiż terz qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat mal-Unjoni.

67.

Jibqa’ li jiġi stabbilit jekk, fil-każ oppost, perijodu ta’ residenza mwettaq fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni iżda mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jistax jittieħed inkunsiderazzjoni.

68.

Is-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, meħuda b’mod iżolat, tista’ prima facie, tiġi invokata favur risposta fl-affermattiv għal din id-domanda peress li, għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, hija taċċetta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull perijodu ta’ residenza mwettaq “skont l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni” ta’ qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, mingħajr ma tillimita tali teħid inkunsiderazzjoni għal ċerti każijiet speċifiċi, bħalma huma dawk li fihom id-dritt preċedenti kien jipprevedi diġà dritt ta’ residenza permanenti.

69.

Madankollu, il-portata ta’ din is-sentenza għandha tiġi evalwata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi ta’ fatt irrilevati mill-Qorti tal-Ġustizzja u preċiżazzjonijiet magħmula bis-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li T. Lassal kellha l-karatteristika ta’ “‘ħaddiema’ fis-sens tad-dritt tal-Unjoni” ( 29 ), li minnha jirriżulta li hija kienet tissodisfa, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, kundizzjonijiet identiċi għal dawk li ġew stabbiliti sussegwentement mill-Artikolu 7 tagħha. Fid-dawl tas-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, ma huwiex possibbli li ssir analiżi oħra ħlief dik li tikkonsisti f’li jiġi kkonstatat li, biex tkun legali, ir-residenza mwettqa qabel id-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kellha tkun konformi mal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li kienu jissuġġettaw id-dritt ta’ residenza għal kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-direttiva msemmija.

70.

Jibqa’ biex jiġi ddeterminat jekk l-appartenenza tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għal “unità leġiżlattiva” koerenti magħmula flimkien mad-Direttiva 2004/38 titlobx li ssir applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

71.

L-aċċettazzjoni min-naħa tal-ġurisprudenza tan-natura awtonoma tad-dritt ta’ residenza jidhirli li tinsab fil-qalba tal-analiżi li għandha ssir biex tingħata risposta għal din id-domanda.

72.

L-awtonomija tad-dritt ta’ residenza tista’, fil-fatt, twassal għal żewġ opinjonijiet kuntrastanti.

73.

Kif jenfasizzaw il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Daniż kif ukoll il-Kummissjoni, in-natura awtonoma tad-dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jidher li jipprekludi li dan isir, b’analoġija, l-ekwivalenti tat-tieni grad, li jikkorrispondi mar-residenza ta’ iktar minn tliet xhur, fl-iskala progressiva ta’ integrazzjoni stabbilita mid-Direttiva 2004/38.

74.

Madankollu, l-argument ibbażat fuq l-awtonomija tad-dritt ta’ residenza tat-tfal li jsegwu l-istudji tagħhom huwa riversibbli u tista’ tiġi proposta analiżi kompletament opposta. Dan id-dritt ta’ residenza ġie lliberat, mill-ġurisprudenza, mill-kundizzjoni tar-riżorsi u tal-assigurazzjoni għall-mard, peress li “kien[ ibbażat mhux fuq l-awtonomija ekonomika [...], iżda fuq il-fatt li l-għan tar-Regolament Nru 1612/68, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, jeżiġi [...] kundizzjonijiet ottimali ta’ integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem Komunitarju fi ħdan l-Istat Membru ospitanti” ( 30 ). Sakemm it-tfal u l-ġenituri li għandhom il-kustodja tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur li jikkorrispondi ma’ dak previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, iżda li l-implementazzjoni tiegħu hija indipendenti mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu, l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jinkiseb l-istatus ta’ resident permanenti jikkostitwixxi paradoss, iktar qawwi mill-prinċipju tal-awtonomija tad-dritt ta’ residenza, li huwa intiż li jagħti vantaġġ lill-wild billi jeħilsu minn kull rekwiżit ta’ awtonomija finanzjarja, li finalment jaħdem kontra l-benefiċjarju tiegħu peress li jagħlaqlu l-aċċess għall-istatus ta’ resident permanenti ( 31 ).

75.

Barra minn hekk, l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ rekwiżit ta’ awtonomija finanzjarja biex isservi ta’ prova dwar il-konnessjoni ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti tidher li ma tantx hija kompatibbli mal-idea li d-dritt ta’ residenza li minnu jgawdu l-ħaddiema migranti kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom huwa bbażat fuq preżunzjoni ta’ integrazzjoni li tirriżulta mill-fatt li jkun sar aċċess għas-suq tax-xogħol. Wara li fakkret id-distinzjoni bejn il-ħaddiema migranti u l-membri tal-familja tagħhom, minn naħa waħda, u ċ-ċittadini tal-Unjoni li huma ekonomikament inattivi, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi ( 32 ), tenfasizza li, fir-rigward b’mod partikolari tal-ħaddiema migranti, il-konnessjoni ta’ integrazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li, mal-kontribuzzjonijiet soċjali li jħallas fl-Istat Membru ospitanti skont l-attività li jeżerċita, il-ħaddiem migrant jikkontribwixxi wkoll għall-finanzjament ta’ politika soċjali ta’ dan l-Istat u għandu jgawdi mill-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali ( 33 ).

76.

Barra minn hekk, jekk ir-rabta ta’ integrazzjoni ma kinitx preżunta imma kellha tiġi pprovata, ikun possibbli wkoll li jingħad li l-fatt li wild, wara li jkun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem migrant, ikun wettaq l-istudji primarji u sekondarji kollha tiegħu hemmhekk qabel ma jsegwi studji superjuri joħloq livell ta’ integrazzjoni suffiċjenti.

77.

Għalkemm jiena nifhem l-argument li l-grad ta’ integrazzjoni reali fl-Istat Membru ospitanti, li wassalni biex nipproponi, fil-konklużjonijiet tiegħi ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, li fil-kunċett ta’ residenza legali għandhom jiġu inklużi l-perijodi ta’ residenza mwettqa skont ma jeħtieġ id-dritt nazzjonali waħdu, fejn xebbaht ir-residenza legali fis-sens tad-Direttiva 2004/38 ma’ residenza regolari, jidhirli, madankollu, li fid-dawl ta’ din is-sentenza, il-perijodi ta’ residenza mwettqa skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib tal-istatus ta’ resident permanenti.

78.

F’dan is-sens jirregolawna l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

79.

Fl-ewwel lok, il-fatt li r-Regolament Nru 1612/68 huwa bbażat fuq preżunzjoni ta’ integrazzjoni jew iċ-ċirkustanza li l-wild li jsegwi l-istudji tiegħu jista’, ta’ spiss, jiġġustifika l-konnessjoni reali ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, huma elementi irrilevanti mill-aspett tal-kisba tal-istatus ta’ resident permanenti.

80.

Il-motivi tas-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, jidhru li jistgħu jiġu identifikati minħabba l-ħtieġa li jiġi ppreżervat il-bilanċ, mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bejn, minn naħa waħda, ir-rekwiżiti ta’ moviment liberu u ta’ integrazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri. Din ix-xewqa li jkun hemm bilanċ timmanifesta ruħha fl-adozzjoni ta’ kunċett eżiġenti fir-rigward tal-grad ta’ integrazzjoni u dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-integrazzjoni, li hija ċentrali għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti [...] ma hijiex ibbażata biss fuq fatturi territorjali u temporali, imma wkoll fuq fatturi kwalitattivi, li jirrigwardaw il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti” ( 34 ). Fil-verità, peress illi l-“karatteristika” tal-integrazzjoni titkejjel esklużivament fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ awtonomija finanzjarja, jidhirli li jkun iktar konformi mar-realtà jekk minnu jiġi dedott li l-kundizzjonijiet għall-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti huma finalment indipendenti mill-grad ta’ integrazzjoni tal-applikant fl-Istat Membru ospitanti.

81.

Issa, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li l-għan tiegħu huwa li jippermetti lill-wild tal-ħaddiem migrant li jsegwi u li jtemm l-istudji tiegħu, b’mod li l-ħaddiem ma jkunx dissważ milli jeżerċita l-moviment liberu tiegħu, japplika għat-tfal tal-ex ħaddiema migranti ( 35 ) u jeżiġi biss li l-wild ikun għex mal-ġenituri tiegħu jew ma’ wieħed minnhom fi Stat Membru fil-mument fejn tal-inqas wieħed mill-ġenituri tiegħu jkun irrisjeda hemmhekk fil-kwalità ta’ ħaddiem ( 36 ). Ir-rabta mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, li titqies li tippermetti li jiġi preżunt livell suffiċjenti ta’ integrazzjoni, tista’, konsegwentement, tirriżulta li hija dgħajfa ħafna, b’mod partikolari meta ċ-ċittadin tal-Unjoni li minnu l-wild jieħu d-drittijiet tiegħu ikun ħadem għal diversi snin qabel u għal perijodu qasir ħafna. Għaldaqstant, jidher li jagħmel sens li t-tfal li jsegwu l-istudji tagħhom jintalbu jissodisfaw, huma stess, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/38.

82.

Barra minn hekk, jekk jiġi aċċettat li jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ residenza mwettqa abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dan jirriskja li jenfasizza, mingħajr raġuni valida, id-distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ inattivi; dawk li ma jistgħux jibbenefikaw mid-drittijiet sakemm ma jkunux finanzjarjament awtonomi u dawk li ma humiex suġġetti għal dan ir-rekwiżit minħabba biss li d-dritt ta’ residenza tagħhom joriġina mid-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem migrant.

83.

Fit-tieni lok, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ residenza mwettqa fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jidhirlix li huwa konformi mal-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 dwar il-kundizzjonijiet ta’ kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti f’każ li jinżamm id-dritt ta’ residenza minkejja li jkun seħħ avveniment li jwassal biex tintilef il-karatteristika tagħhom bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

84.

Għalkemm l-Artikoli 12(2) u 13(3) tad-Direttiva 2004/38 jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ pajjiż terz jiksbu dritt ta’ residenza awtonomu f’każ ta’ mewt jew tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni, divorzju, annullament ta’ żwieġ jew tmiem ta’ unjoni rreġistrata, il-perijodi mwettqa bis-saħħa ta’ dan id-dritt jittieħdu inkunsiderazzjoni biss, għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti, jekk huma stess ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti.

85.

Huwa iktar sinjifikattiv li tiġi kkonstatata l-assenza ta’ kull riferiment għall-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38, li għandu bħala għan, preċiżament, li janalizza, fil-każ speċifiku ta’ tluq jew mewt taċ-ċittadin tal-Unjoni, is-sitwazzjoni tat-tfal li huma miktuba ma’ istituzzjoni edukattiva u dik tal-ġenituri tagħhom li għandhom effettivament il-kustodja tagħhom.

86.

Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, minkejja t-tluq jew il-mewt taċ-ċittadin tal-Unjoni, it-tfal u l-ġenituri li għandhom il-kustodja effettiva tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza sakemm it-tfal “jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f’istituzzjoni edukattiv[a], għal skop ta’ studju, sat-tlestija ta’ l-istudji tagħhom [ ( 37 )]”.

87.

L-għan tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 isir iktar ċar fid-dawl tal-proposta għal direttiva ppreżentata fit-23 ta’ Mejju 2001 mill-Kummissjoni ( 38 ), li tippreċiża li “dan il-paragrafu jistabbilixxi fuq livell leġiżlattiv il-prinċipju li joħroġ mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1989 fil-kawżi magħquda [Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87 ( 39 )], u jikkontempla s-sitwazzjoni tat-tfal taċ-ċittadin tal-Unjoni, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, li jsegwu l-istudji tagħhom u integraw ruħhom fis-sistema edukattiva tal-Istat Membru ospitanti u li diffiċilment jintegraw ruħhom f’sistema edukattiva ġdida minħabba raġunijiet lingwistiċi, kulturali jew oħrajn: dawn il-persuni jistgħu ikunu penalizzati minħabba l-fatt li l-ġenitur ċittadin tal-Unjoni joħroġ mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti minħabba xogħol jew raġunijiet oħra. Dan id-dritt ta’ residenza, li jista’ jkun limitat għall-perijodu tal-istudji, huwa suġġett għall-kundizzjoni li t-tfal iridu jkunu mitkuba f’istituzzjoni edukattiva ta’ livell sekondarju jew postsekondarju, u dan ġustament minħabba li huwa f’dan il-livell ta’ studji li l-integrazzjoni f’sistema edukattiva ġdida ssir iktar diffiċli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 40 ).

88.

Għalkemm ma joħloqx dritt ta’ residenza awtonomu u sħiħ ekwivalenti għal dak tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ( 41 ), l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38, li juri l-importanza partikolari li din id-direttiva tagħti lis-sitwazzjoni tat-tfal li jsegwu studji fl-Istat Membru ospitanti u tal-ġenituri li għandhom il-kustodja tagħhom ( 42 ), huwa ispirat direttament mill-ġurisprudenza, li hija intiża li tikkonsolida l-acquis, anki parzjalment.

89.

Issa, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi għall-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti mill-membri tal-familja li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jikkonċerna biss lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 12(2) u 13(2) ta’ din id-direttiva, esklużi t-tfal miktuba f’istituzzjoni edukattiva msemmija fl-Artikolu 12(3) tad-direttiva msemmija, li ma jistgħux, għaldaqstant, jiksbu dritt ta’ residenza permanenti.

90.

Konsegwentement, kieku l-perijodi ta’ residenza mwettqa fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tal-istatus ta’ resident permanenti, ikun hemm differenza fis-sistema regolatorja li diffiċilment tkun ġustifikabbli.

91.

Għaldaqstant, wild li jkun irrisjeda għal erba’ snin flimkien ma’ missieru, ċittadin tal-Unjoni mingħajr attività ekonomika iżda li għandu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard, ma jistax jikseb l-istatus ta’ resident permanenti wara l-mewt ta’ missieru, minkejja li huwa jkun għamel diversi snin jistudja fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li l-wild ta’ konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun iddivorzja u telaq lil familtu wara sitt xhur xogħol fi Stat Membru ieħor jista’ jitlob li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ residenza li jikkorrispondu maż-żmien tal-edukazzjoni tiegħu.

92.

Fl-aħħar nett, jekk id-dritt ta’ residenza tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, għalkemm joriġina mill-fatt li l-ġenitur ikun ħaddiem migrant, jiġi sseparat minnu biex, fost konsegwenzi oħra, jiġi evitat ir-rekwiżit tal-awtonomija finanzjarja, jidhirli fir-rigward tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-kunċett ta’ residenza legali, li din l-eżenzjoni ma tistax tiġi estiża għall-kisba tal-istatus ta’ resident permanenti.

93.

Din is-soluzzjoni manifestament toħloq xi inkonvenjenzi lill-persuni li jibbażaw id-drittijiet tagħhom esklużivament fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 mingħajr ma jippruvaw juru, barra minn hekk, li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38. Is-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni, wara li jtemmu l-istudji tagħhom, li huma jkollhom ukoll l-interess li jtawlu, issir prekarja, peress li huma jkunu jistgħu jiġu esposti għal miżuri ta’ tkeċċija, anki jekk l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri tista’ tkun is-suġġett ta’ kontroll tal-proporzjonalità fir-rigward tal-dannu li jiġi kkawżat lid-dritt għall-ħajja privata u familjari tagħhom.

94.

Madankollu, ma huwiex illoġiku li jiġi kkunsidrat li l-importanza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ resident permanenti, li, ġaladarba jkun inkiseb, jagħti dritt għall-assistenza soċjali mingħajr ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni, għandu jkollha bħala korrispettiv kundizzjonijiet rigorużi għall-kisba tiegħu. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet rigorużi iżda ċari għall-eliġibbiltà għal dan l-istatus tirrifletti indubbjament ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali, li jiġi serjament ippreġudikat kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi l-ġurisprudenza kompletament reċenti tagħha li tirriżulta mis-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq.

95.

Dawn huma r-raġunijiet li minħabba fihom nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għall-ħames domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fis-sens li l-perijodi ta’ residenza mwettqa biss abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mingħajr ma jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti.

II – Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ħames domanda preliminari magħmula mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, kif ġej:

Il-perijodi ta’ residenza mwettqa biss abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, mingħajr ma jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti previst minn din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, J.-Y. Carlier, “Le devenir de la libre circulation des personnes dans l’Union européenne: regard sur la directive 2004/38”, Cahiers de droit européen, 2006, p. 13 et seq, p. 23 u 28 kif ukoll

A. Iliopoulou, “Le nouveau droit de séjour des citoyens de l’Union et des membres de leur famille: la directive 2004/38/CE”, Revue du Droit de l’Union Européenne, 2004, p. 523 et seq, u p. 539.

( 5 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001 (C-184/99, Ġabra I-6193, punt 31).

( 6 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 62).

( 7 ) Ara l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1251/70, tad-29 ta’ Ġunju 1970, dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f’dak l-Istat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 32), u tad-Direttiva tal-Kunsill 75/34/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1974, dwar id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor wara li jkunu segwew fih attività fil-kapaċità ta’ persuna taħdem għal rasha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 170).

( 8 ) Ara l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva Nru 2004/38/KE.

( 9 ) Ara l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva.

( 10 ) ĠU L 141, p. 1.

( 11 ) C-413/99, Ġabra p. I-7091.

( 12 ) Punt 73 ta’ din is-sentenza.

( 13 ) C-480/08, Ġabra p. I-1107.

( 14 ) Punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza.

( 15 ) Sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, Ġabra p. I-1065, punt 35). Ara, ukoll, is-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1995, Gaal (C-7/94 Ġabra p. I-1031, punt 25). Ara wkoll, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (punt 35) kif ukoll Teixeira (punti 82 u 83).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq (punt 71).

( 18 ) F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li aċċettat diversi drabi li r-rabtiet bejn iż-żgħażagħ adulti li jkunu għadhom ma ffurmawx il-familja tagħhom stess u l-ġenituri tagħhom setgħu jiġu analizzati f’kuntest ta’ ħajja familjari waħda, ma teħtieġx li dawn ir-rabtiet ikunu ta’ xi intensità partikolari. Għaldaqstant, fil-kawża Boussara vs Franza (ara l-QEDBniedem, is-sentenza Boussara vs Franza tat-23 ta’ Settembru 2010), għalkemm il-Gvern Franċiż sostna li r-rikorrent, raġel ta’ età maġġorenni mhux miżżewweġ u bla tfal, ma wriex li stabbilixxa mal-ġenituri tiegħu rabtiet ta’ dipendenza “li ma humiex rabtiet affettivi normali” (§ 34), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat, madankollu, l-eżistenza ta’ dritt għall-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, mingħajr ma talbet il-prova dwar ir-rabtiet affettivi speċjali.

( 19 ) C-162/09, Ġabra p. I-9217.

( 20 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27.

( 21 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C-325/09, Ġabra p. I-6387, punt 66).

( 22 ) C-424/10 u C-425/10, Ġabra p. I-14035.

( 23 ) Punt 46 ta’ din is-sentenza.

( 24 ) Iktar ’il quddiem “AIRE Centre”.

( 25 ) Il-Kummissjoni tiċċita, bħala eżempju, l-Artikoli 12(2) u 13(2) tad-Direttiva 2004/38, dwar iż-żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’każ ta’ mewt jew tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni u ta’ separazzjoni fiż-żwieġ, rispettivament.

( 26 ) Ara s-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).

( 27 ) Kif ukoll barra minn hekk tirrileva l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod espress fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

( 28 ) C‑147/11 u C‑148/11.

( 29 ) Sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).

( 30 ) Sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66).

( 31 ) Ara, għal sitwazzjoni ta’ paradoss simili, is-sentenza Dias, iċċitata iktar ’il fuq. L-analiżi li biha l-għoti ta’ permess ta’ residenza għandu jitqies bħala att dikjaratorju, u mhux kostituttiv, li normalment huwa vantaġġuż għaċ-ċittadin tal-Unjoni, peress li jipprekludi li jiġi kklassifikat bħala “illegali”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ir-residenza ta’ ċittadin biss minħabba l-fatt li ma għandux permess ta’ residenza, taħdem kontrih, inkwantu tipprekludi li titqies bħala “legali”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ir-residenza ta’ ċittadin ta’ dak l-Istat biss minħabba l-fatt li tali permess ngħatalu b’mod validu. Ara wkoll il-kummentarju fuq din is-sentenza ta’ F. Kauff-Gazin, Revue Europe, 2011, Nru 10, kummentarju 337.

( 32 ) C‑542/09.

( 33 ) Punt 66 ta’ din is-sentenza.

( 34 ) Sentenza Dias, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64).

( 35 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ibidem (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Enfasi miżjuda minni.

( 38 ) Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri [COM(2001) 257 finali].

( 39 ) Ġabra p. 723.

( 40 ) Paġna 16, punt 3 ta’ din il-proposta għal direttiva.

( 41 ) Fuq dan is-suġġett, ara l-punt 52 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li wasslet għas-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq. Ara, favur interpretazzjoni estensiva ta’ din id-dispożizzjoni, li tmur lil hinn mill-kliem innifsu, sabiex, b’mod partikolari, tkopri wkoll il-każ tad-divorzju, P Starup, u M.-J Elsmore, “Taking a logical or giant step forward? Comment on Ibrahim and Teixeira”, European Law Review 2010, p. 571, partikolarment p. 583.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (punt 58) kif ukoll Teixeira, (punt 69).

Top