EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CC0461
Opinion of Advocate General Sharpston delivered on 13 September 2012. # Ulf Kazimierz Radziejewski v Kronofogdemyndigheten i Stockholm. # Reference for a preliminary ruling: Stockholms tingsrätt - Sweden. # Freedom of movement for workers - Article 45 TFEU - Total or partial debt relief procedure - Debtor who is a natural person - National legislation making the grant of debt relief subject to a residence condition. # Case C-461/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 13 ta' Settembru 2012.
Ulf Kazimierz Radziejewski vs Kronofogdemyndigheten i Stockholm.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Stockholms tingsrätt - l-Iżvezja.
Moviment liberu tal-ħaddiema - Article 45 TFUE - Proċedura ta’ ħelsien totali jew parzjali mid-dejn - Debitur persuna fiżika - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn għal kundizzjoni ta’ residenza.
Kawża C-461/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 13 ta' Settembru 2012.
Ulf Kazimierz Radziejewski vs Kronofogdemyndigheten i Stockholm.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Stockholms tingsrätt - l-Iżvezja.
Moviment liberu tal-ħaddiema - Article 45 TFUE - Proċedura ta’ ħelsien totali jew parzjali mid-dejn - Debitur persuna fiżika - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ miżura ta’ ħelsien mid-dejn għal kundizzjoni ta’ residenza.
Kawża C-461/11.
Digital reports (Court Reports - general)
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:570
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2012 ( 1 )
Kawża C-461/11
Ulf Kazimierz Radziejewski
vs
Kronofogdemyndigheten i Stockholm
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iStockholms tingsrätt (l-Isvezja)]
“Moviment liberu tal-ħaddiema — Ħelsien mid-dejn — Rekwiżit ta’ residenza”
1. |
Persuna tista’ tinqabad fin-nassa tad-dejn b’tali mod li ma jistax jiġi raġonevolment preżunt li din tista’ toħroġ minnha fil-futur qarib. Fl-Isvezja, dan it-tip ta’ debituri jistgħu japplikaw għall-ħelsien mid-dejn ( 2 ) (“skuldsanering”) fejn awtorità pubblika (Kronofogdemyndigheten: iktar ’il quddiem il-“il-KFM”) teħlishom totalment jew parzjalment mill-obbligu tal-ħlas tad-dejn. Madankollu, teżisti kundizzjoni li trid tkun sodisfatta minn qabel sabiex wieħed ikun eliġibbli għall-ħelsien mid-dejn fl-Isvezja, li hija dik li l-applikant ikun residenti fl-Isvezja. Dan ir-rekwiżit jidher li huwa impost għal raġunijiet relatati ma’ (i) l-effettività tad-deċiżjonijiet dwar il-ħelsien mid-dejn, (ii) il-bżonn ta’ informazzjoni kompluta u korretta dwar il-pożizzjoni tad-debitur u (iii) il-preokkupazzjoni li l-iskema tista’ nkella tipperikola l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE li jirregola l-ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment. Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit ta’ residenza huwiex ta’ natura li jipprekludi jew li jiddiswadi lil ħaddiem milli jitlaq mill-Isvezja sabiex jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu tiegħu. |
Il-kuntest legali
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
2. |
L-Artikolu 45 TFUE jipprovdi: “1. Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. 2. Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. 3. Għandu jinkludi d-dritt, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet ġustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika:
|
Ir-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment
3. |
Skont it-tieni premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment”), ( 3 )“[i]l-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ illi l-proċeduri ta’ falliment trans-fruntieri joperaw b’effiċjenza u b’effettività”. Ir-raba’ premessa tiddikjara li “[h]uwa meħtieġ […] li jiġu evitati inċentivi għal partijiet li jittrasferixxu assi jew proċeduri ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex b’hekk ifittxu sitwazzjoni legali aktar favorevoli (forum shopping)”. |
4. |
Skont is-sitt premessa, ir-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment “għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċeduri ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċeduri ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċeduri bħal dawn”. |
5. |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment jipprovdi: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal proċeduri kollettivi ta’ falliment li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur”. |
6. |
L-Artikolu 2(a) jiddefinixxi “proċeduri ta’ falliment” bħala “proċeduri kollettivi msemmija fl-Artikolu 1(1)” u jiddikjara li “[d]awn il-proċeduri huma mniżżla f’L-Anness A”. ( 4 ) L-Anness A jsemmi l-proċeduri fid-diversi Stati Membri li għalihom huwa applikabbli r-Regolament. Il-Kunsill jista’ jemenda din il-lista, skont l-Artikolu 45, fuq l-inizjattiva ta’ wieħed mill-Istati Membri jew fuq proposta mill-Kummissjoni. |
7. |
L-Anness A ma jsemmix is-“skuldsanering” taħt “SVERIGE” (l-Isvezja). |
Ir-Regolament Brussell I
8. |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 ( 5 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”) dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali “jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti” ( 6 ). |
9. |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Brussell I jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi. 2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal: […]
[…]” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10. |
Ir-raba’ paragrafu tas-skuldsaneringslagen (2006:548) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn”) jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom persuni fiżiċi jkunu eliġibbli għal ħelsien totali jew parzjali mid-dejn. Iċ-ċittadinanza Svediża ma hijiex kundizzjoni. Il-paragrafu 4 jipprovdi: “Ħelsien mid-dejn jista’ jingħata lil debitur li jirrisjedi fl-Isvezja u lil persuna fiżika, jekk:
Persuna li hija rreġistrata fir-reġistru tal-populazzjoni fl-Isvezja għandha titqies bħala residenti fl-Isvezja għall-iskop tal-applikazzjoni tas-subparagrafu 1. Għall-iskop tal-applikazzjoni tas-subparagrafu 2, għandha tingħata attenzjoni partikolari liċ-ċirkustanzi li fihom inħoloq id-dejn, l-isforzi tad-debitur sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu u l-mod ta’ kif id-debitur ikkoopera fil-ġestjoni tal-każ għall-ħelsien mid-dejn. Jekk id-debitur huwa negozjant, il-ħelsien mid-dejn jista’ jingħata biss jekk is-sitwazzjoni ekonomika madwar l-attività kummerċjali tista’ tiġi faċilment investigata.” |
11. |
Permezz tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-popolazzjoni fl-Isvezja, persuna tużufruwixxi minn drittijiet u ssir suġġetta għal obbligi, bħad-dritt għall-vot jew l-obbligu li tħallas it-taxxa. |
12. |
Il-paragrafu 13 tal-Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn jipprovdi li applikazzjoni għall-ħelsien mid-dejn għandha tinċaħad jekk din ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4. |
13. |
Il-paragrafu 14 tal-Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn jipprovdi li l-KFM għandha tinvestiga, sa fejn huwa neċessarju, dwar iċ-ċirkustanzi personali u finanzjarji tad-debitur billi tikkuntattja lill-awtoritajiet amministrattivi l-oħra. Skont il-paragrafu 17, id-debitur jista’ jinstema’. F’dak il-każ, id-debitur għandu jattendi laqgħa flimkien mal-KFM u jipprovdi l-informazzjoni neċessarja. |
14. |
Waqt is-seduta, il-Gvern Svediż ikkonferma li l-proċeduri għall-ħelsien mid-dejn joperaw b’dan il-mod. Id-debitur japplika għand il-KFM għall-ħelsien mid-dejn u għandu jiddikjara d-dħul u l-infiq kollu. Skont l-informazzjoni disponibbli, l-awtorità tiddetermina jekk l-applikant huwiex prinċipalment eliġibbli u, jekk ikun hekk, tagħti bidu għall-proċeduri għall-ħelsien mid-dejn. Dik id-deċiżjoni hija ppubblikata fl-Isvezja. Il-kredituri, indipendentement min-nazzjonalità u mir-residenza tagħhom, jiġu mistiedna sabiex jissottomettu t-talbiet tagħhom u, fejn ikun xieraq, jistgħu jintalbu sabiex jipprovdu informazzjoni. Sussegwentement, il-KFM, flimkien mad-debitur, tipprepara pjan għall-ħelsien mid-dejn (jew skema tar-rati) li jintbagħat lill-kredituri magħrufa kollha li għandhom id-dritt għas-smigħ. Wara dan il-proċess, l-awtorità tieħu deċiżjoni finali dwar jekk tħassarx jew tnaqqasx id-dejn. Dik id-deċiżjoni tiġi ppubblikata. Il-validità tagħha għandha limitu ta’ żmien (pereżempju sa ħames snin). Din tista’ tiġi appellata. Il-KFM stess tista’ tannulla d-deċiżjoni għall-ħelsien mid-dejn, b’mod partikolari meta s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur tinbidel. |
Il-proċeduri prinċipali u d-domanda preliminari
15. |
U. Radziejewski huwa ta’ nazzjonalità Svediża. Sal-2001, flimkien mal-mara tiegħu, huwa kien jaħdem u jirrisjedi fl-Isvezja. Fl-1996, dawn fallew peress li falla n-negozju tagħhom. Id-dejn li rriżulta kien sar b’rabta ma’ attivitajiet li seħħew fl-Isvezja. Il-kredituri tagħhom huma kollha impriżi Svediżi. |
16. |
Mill-1997, id-dħul ta’ U. Radziejewski u tal-mara tiegħu kien suġġett għal ordni ta’ sekwestru fuq id-dħul maħruġ mill-KFM, li kien jipprovdi li r-rati għall-ħlas tad-dejn jinġabru billi l-persuna Svediża li timpjegahom iżżomm (parti) mid-dħul tagħhom. |
17. |
Fl-2001, U. Radziejewski kellu offerta ta’ xogħol minn persuna Svediża li timpjega fil-Belġju. Huwa mar jgħix fil-Belġju flimkien mal-mara tiegħu u baqgħu jgħixu hemmhekk minn dak iż-żmien. Bħalissa huma t-tnejn qegħdin jaħdmu għall-istess persuna Svediża li timpjega. Fil-preżent huma ma għandhomx residenza rreġistrata fl-Isvezja. |
18. |
Fl-2011, U. Radziejewski applika mal-KFM għall-ħelsien mid-dejn. Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-KFM ċaħdet dik l-applikazzjoni minħabba li U. Radziejewski ma kienx residenti, u ma kellux residenza rreġistrata, fl-Isvezja. Il-KFM ma eżaminatx jekk huwa kienx jissodisfa r-rekwiżiti l-oħra sabiex ikun jista’ jikseb il-ħelsien mid-dejn. |
19. |
U. Radziejewski appella mid-deċiżjoni tal-KFM quddiem l-iStockholms tingsrätt (Qorti tal-Prim’ Istanza, Stokkolma: iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). L-appell huwa bbażat, inter alia, fuq l-argument li r-rekwiżit ta’ residenza jikser id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
20. |
Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Ir-rekwiżit ta’ residenza fl-Isvezja li jinsab fl-Artikolu 4 tas-Skuldsaneringslagen (2006:548) (Liġi Nru 548 tal-2006 dwar il-ħelsien totali jew parzjali mid-dejn) jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jipprekludi jew jiddiswadi ħaddiem milli jitlaq mill-Isvezja sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu u, għalhekk, li jmur kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE?” |
21. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-KFM, minn U. Radziejewski, mill-Gvern Svediż u mill-Kummissjoni Ewropea. |
22. |
Waqt is-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali. |
Il-kunsiderazzjonijiet
Osservazzjonijiet preliminari
23. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-rekwiżit ta’ residenza inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali jistax jitqies li huwa ta’ natura li jipprekludi jew jiddiswadi lil ħaddiem milli jitlaq mill-Isvezja sabiex jeżerċita d-dritt għal moviment liberu tiegħu u, għalhekk, li jmur kontra l-Artikolu 45 TFUE. Hija ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra ġustifikazzjonijiet possibbli għal dak ir-rekwiżit. Ir-rinviju lanqas ma jispjega l-iskop tar-rekwiżit ta’ residenza. Għaldaqstant, jidher li l-qorti tar-rinviju għadha trid tagħmel l-evalwazzjonijiet fattwali neċessarji f’dan ir-rigward. |
24. |
Min-naħa l-oħra, il-KFM, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni lkoll indirizzaw – għalkemm b’mod inkomplut u fil-qosor – il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit ta’ residenza jistax jiġi ġġustifikat u fuq liema bażi. |
25. |
Għar-raġunijiet spjegati f’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta pożittiva għad-domanda preliminari mressqa. Sabiex nipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-għajnuna addizzjonali neċessarja, ser nindirizza l-ġustifikazzjoni(jiet) possibbli għar-rekwiżit ta’ residenza abbażi tal-informazzjoni limitata li nġabret mill-osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-seduta. |
L-Artikolu 45 TFUE jipprekludi lil Stat Membru milli jikkunsidra lil persuna bħala eliġibbli għal ħelsien mid-dejn abbażi tar-residenza?
26. |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 45 TFUE jipprekludix lil Stat Membru milli jikkunsidra lil persuna bħala eliġibbli għal ħelsien mid-dejn abbażi tar-residenza f’dak l-Istat Membru. Hija tistaqsi b’mod partikolari jekk ir-rekwiżit ta’ residenza jikkostitwixxix ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema. |
27. |
Il-ħaddiema kollha huma benefiċjarji potenzjali tad-drittijiet għal moviment liberu skont l-Artikolu 45 TFUE. Huma għandhom ikunu jistgħu jiċċaqilqu f’kull ħin fit-territorju tal-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jaċċettaw offerta ta’ xogħol u sabiex ikunu jistgħu joqogħdu hemmhekk waqt u jibqgħu hemmhekk wara, dak l-impjieg. |
28. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet illi “d-dispożizzjonijiet kollha tat-[Trattat] […] dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni [Ewropea] u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” ( 7 ). Għal din ir-raġuni, teżisti restrizzjoni jekk dispożizzjoni nazzjonali “[t]fixk[e]l jew [t]iddiswad[i] ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu” ( 8 ). |
29. |
F’din il-kawża, il-Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn toffri ħelsien lid-debituri li ma jistgħux jiġu preżunti li għandhom il-mezzi sabiex iħallsu d-dejn tagħhom fil-futur qarib u li s-sitwazzjoni personali u ekonomika tagħhom tiġġustifika l-għoti tal-ħelsien mid-dejn. Jekk dik l-għotja tingħata abbażi tal-kundizzjoni ta’ residenza fl-Isvezja, persuna li tkun eliġibbli għall-ħelsien mid-dejn tista’ ma tmurx fi Stat Membru ieħor sabiex tibda taħdem hemmhekk. Għaldaqstant, tirriżulta restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema mill-fatt li r-rekwiżit ta’ residenza jista’ jiddiswadi lil debitur milli jmur jaħdem fi Stat Membru ieħor. Bl-istess argument, debitur, (bħal U. Radziejewski) li telaq mill-Isvezja sabiex imur jaħdem fi Stat Membru ieħor, tpoġġa fi żvantaġġ biss minħabba l-fatt li eżerċita d-drittijiet għall-moviment liberu tiegħu. |
30. |
Il-KFM targumenta li n-nuqqas ta’ regoli armonizzati dwar ir-rikonoxximent barra mill-Isvezja tad-deċiżjonijiet tagħha dwar il-ħelsien mid-dejn jikkostitwixxi tfixkil għall-moviment liberu. Dak l-argument ma għandux x’jaqsam mal-punt inkwistjoni. L-armonizzazzjoni hija evidentement mezz importanti u utli sabiex jitwettaq is-suq intern. Iżda, f’oqsma fejn ma teżisti ebda armonizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom stabbiliti fit-trattati. |
31. |
Għaldaqstant nikkunsidra li rekwiżit ta’ residenza bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ jista’ joħloq restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għalhekk huwa fil-prinċipju pprojbit skont l-Artikolu 45 TFUE. |
Ġustifikazzjoni
Introduzzjoni
32. |
Miżura li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk (i) ikollha għan leġittimu, (ii) tiżgura l-kisba tal-għan imsemmi u (iii) ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan ( 9 ). |
33. |
Jidher, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Svediż u mill-istorja tal-leġiżlazzjoni tal-Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn kif deskritta hemmhekk, li r-rekwiżit ta’ residenza huwa impost għal żewġ raġunijiet: huwa intiż sabiex jiżgura l-effettività tad-deċiżjoni dwar il-ħelsien mid-dejn u sabiex jiżgura li l-ħelsien mid-dejn jingħata abbażi ta’ informazzjoni dwar id-debitur li tkun kompleta u korretta. Waqt is-seduta, il-Gvern Svediż elabora argument ta’ ġustifikazzjoni ulterjuri, jiġifieri, sabiex jiġi żgurat li l-iskema Svediża dwar il-ħelsien mid-dejn ma tfixkilx l-applikazzjoni tar-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment ma’ proċeduri oħra, imsemmija fl-Anness A, li jidħlu fl-iskop tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. |
34. |
Nenfasizza mill-bidu nett li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel l-evalwazzjonijiet fattwali dettaljati meħtieġa. Apparti minn hekk, jidher li hemm evidenza biżżejjed li tissuġġerixxi li r-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema li tirriżulta mir-rekwiżit ta’ residenza bħal dak inkwistjoni fil-proċedura prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata. |
Garanzija tal-effettività tad-deċiżjoni dwar il-ħelsien mid-dejn
35. |
L-ewwel għan tar-rekwiżit ta’ residenza jingħad li huwa sabiex ma jingħatax ħelsien mid-dejn f’każijiet fejn tali ħelsien x’aktarx li jkun ineffettiv peress li d-debitur ma jkunx jista’ jinvoka d-deċiżjoni kontra l-kreditur. |
36. |
Fil-fehma tiegħi, dan huwa għan leġittimu. |
37. |
Fil-kuntest ta’ Stat Membru wieħed, ħelsien mid-dejn bħal dak fil-proċeduri inkwistjoni jeħles lid-debitur minn (parti) mid-dejn tiegħu. Jekk madankollu kreditur ifittex l-irkupru u l-ħlas tad-dejn kopert mid-deċiżjoni dwar il-ħelsien mid-dejn, id-debitur ikollu bażi legali sabiex isostni li d-dejn ma għadux dovut. F’ċirkustanzi bħal dawn inkwistjoni, il-qrati tal-Istat Membru fejn jingħata tali ħelsien mid-dejn huma marbuta minn deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li d-dejn ma għadux jeżisti taħt id-dritt privat. Għaldaqstant, quddiem dawn il-qrati, id-deċiżjoni hija kompletament effettiva. |
38. |
Min-naħa l-oħra, jekk il-kreditur iressaq azzjoni kontra d-debitur fi Stat Membru ieħor fejn il-qrati għandhom ġurisdizzjoni, huwa inqas ċar jekk id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mid-dejn hijiex ser ikollha l-istess effett. Jekk u fejn il-kreditur iressaq azzjoni kontra d-debitur tiegħu jiddependi fuq liema qorti tista’ tieħu konjizzjoni tal-kawża u fejn il-kreditur għandu interess li jressaq azzjoni. Jekk l-azzjoni tikkonċerna kwistjoni ċivili jew kummerċjali, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I jipprovdi li, bħala prinċipju ġenerali, kreditur għandu jressaq azzjoni quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn id-debitur għandu d-domiċilju (independentement min-nazzjonalità tiegħu). Ġurisdizzjonijiet addizzjonali u esklussivi jistgħu jkunu jeżistu skont it-tip u s-suġġett tal-azzjoni. L-Artikolu 5(1)(a) ta’ dak ir-Regolament jipprovdi, pereżempju, li persuna ddomiċiljata fi Stat Membru wieħed tista’ tkun imfittxija wkoll fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor fejn huwa dovut it-twettiq tal-obbligi kuntrattwali ( 10 ). |
39. |
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jobbligax lill-qrati ta’ Stati Membri oħra sabiex jirrikonoxxu u jinfurzaw id-deċiżjonijiet Svediżi dwar il-ħelsien mid-dejn. |
40. |
Ir-Regolament Brussell I ma japplikax għal deċiżjoni bħal dik tal-KFM abbażi tal-Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jimplementa l-“moviment liberu ta’ sentenzi” f’materji ċivili u kummerċjali ( 11 ). B’mod partikolari, dan jistabbilixxi, fil-Kapitolu III, ir-regoli li jittrattaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ “xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti” ( 12 ). |
41. |
Filwaqt li dan ir-regolament japplika fil-prinċipju għal azzjoni meħuda quddiem qorti għall-irkupru ta’ dejn, dan ma japplikax għall-ħelsien mid-dejn bħal dak inkwistjoni. Deċiżjoni Svediża dwar il-ħelsien mid-dejn tidher li hija att minn korp amministrattiv li ma huwiex, ħlief għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament Brussell I, “qorti” skont dan ir-Regolament ( 13 ). Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-KFM tintervjeni fir-relazzjoni bejn id-debitur u l-kredituri tiegħu u ġġiegħel lil dawn tal-aħħar sabiex jaċċettaw li d-dejn dovut lilhom jitnaqqqas jew jiġi kkanċellat. Huwa att amministrattiv adottat fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi li jikkanċella, mingħajr intervent mill-qorti, (parti) minn dejn taħt id-dritt privat. Din il-bażi hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li r-Regolament Brussell I ma japplikax. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk il-proċeduri dwar il-ħelsien mid-dejn jidħlux fl-iskop tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament. |
42. |
Lanqas ma japplika r-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment peress li l-Anness A ta’ dak ir-regolament ma jsemmix is-“skuldsanering” jew il-ħelsien mid-dejn. Abbażi tal-fatti limitati disponibbli, jidher ukoll li, kif spjega l-Gvern Svediż waqt is-seduta, il-proċeduri għall-ħelsien mid-dejn ma jfissrux it-tneħħija parzjali jew totali tal-assi tad-debitur li “tinvolvi li d-debitur jitlef is-setgħat ta’ amministrazzjoni li huwa għandu fuq il-patrimonju tiegħu” ( 14 ). |
43. |
Minħabba l-fatt li ma jeżistux regoli armonizzati dwar l-infurzar u r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni f’pajjiż barrani bħad-deċiżjoni tal-KFM dwar il-ħelsien mid-dejn, nifhem li tali ħelsien mid-dejn jista’ jkun ineffettiv sa fejn id-debitur ma jkunx jista’ jinvokah kontra l-kredituri tiegħu li jagħżlu li jressqu azzjoni kontrih barra mill-Isvezja għall-irkupru tad-dejn/djun dovut lilhom. Għaldaqstant, Stat Membru jista’ jkun leġittimament imħasseb dwar il-bżonn li tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn id-deċiżjonijiet u jista’ jkun jixtieq jieħu azzjoni sabiex inaqqas jew jelimina ( 15 ) r-riskju li dan il-ħelsien mid-dejn ikun ineffettiv. |
44. |
Sussegwentment, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra jekk ir-rekwiżit ta’ residenza huwiex xieraq sabiex jintlaħaq dak il-għan ( 16 ). |
45. |
Eżempju prattiku jista’ jgħin sabiex jiġi spjegat liema huma l-kunsiderazzjonijiet li, fl-opinjoni tiegħi, huma rilevanti għal dik l-evalwazzjoni. |
46. |
Jekk nassumu li fil-proċeduri quddiem qorti Belġjana, kreditur jipprova jissekwestra assi miżmuma fil-Belġju sabiex jeżegwixxi ħlas dovut minn debitur Svediż li jgħix u jaħdem fil-Belġju. Jekk dik it-talba tirrigwarda kwistjoni ċivili jew kummerċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell I, dak ir-Regolament jiddetermina jekk il-qorti Belġjana għandhiex ġurisdizzjoni. |
47. |
Jekk dak id-debitur Svediż applika għal u rċieva ħelsien mid-dejn mingħand il-KFM, huwa ma jkunx jista’ jinvoka dik id-deċiżjoni sabiex iwaqqaf it-talba tal-kredituri tiegħu (sakemm il-liġi Belġjana ma tipprovdix li l-qrati tagħha għandhom l-obbligu li jirrikonoxxu dik id-deċiżjoni). Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mid-dejn tkun ineffettiva f’dak il-kuntest partikolari. |
48. |
Jekk, min-naħa l-oħra, dak id-debitur jirrisjedi fl-Isvezja, iktar huwa probabbli, b’mod korrispondenti, li l-interessi prinċipali tiegħu, inklużi l-assi tiegħu, ikunu jinsabu fl-Isvezja. Għaldaqstant, fil-prinċipju, jista’ jkun iktar probabbli li l-kredituri tiegħu jressqu azzjoni kontrih fil-qrati Svediżi, fejn id-deċiżjoni għall-ħelsien mid-dejn tkun effettiva b’mod sħiħ. |
49. |
Għaldaqstant, fil-qosor, jekk id-debitur ikun jirrisjedi fl-Isvezja, id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mid-dejn x’aktarx tkun, b’mod ġenerali, effettiva b’mod sħiħ. Jekk id-debitur ma jkunx jirrisjedi fl-Isvezja, id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mid-dejn xorta tagħti l-istess protezzjoni fl-Isvezja, iżda b’mod ġenerali, id-debitur jista’ jkollu inqas protezzjoni. |
50. |
Sabiex ikun proporzjonat, ir-rekwiżit ta’ residenza ma jistax imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi. Din il-kwistjoni trid tiġi stabbilita mill-qorti tar-rinviju, iżda l-osservazzjonijiet li ġejjin jistgħu jservu ta’ għajnuna. |
51. |
Fin-nuqqas ta’ bażi legali għar-rikonoxximent barra mill-Isvezja tad-deċiżjonijiet rigward il-ħelsien mid-dejn, l-Isvezja tista’ biss tagħti garanzija li d-deċiżjoni dwar il-ħelsien mid-dejn tkun effettiva fl-Isvezja. |
52. |
Madankollu, debituri li jirrisjedu fl-Isvezja jistgħu japplikaw u jirċievu ħelsien mid-dejn minkejja l-possibbiltà li dik id-deċiżjoni ma jkollha ebda effett fil-każ li l-kredituri tagħhom iressqu azzjoni kontrihom barra mill-Isvezja (minħabba, pereżempju, li huma għandhom assi hemmhekk). Debituri li ma jinsabux fl-Isvezja, min-naħa l-oħra, ma jingħatawx l-opportunità li japplikaw għall-ħelsien mid-dejn minkejja l-fatt li tista’ titressaq azzjoni kontrihom fl-Isvezja, fejn deċiżjoni bħal din tkun effettiva. |
53. |
Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ residenza huwa kundizzjoni assoluta għall-eliġibbiltà li huwa impost minħabba l-possibbiltà li kreditur jista’ jiddeċiedi li jressaq azzjoni għall-ħlas tad-dejn quddiem qrati li jinsabu fi Stat Membru ieħor li jistgħu jiddeċiedu li ma jirrikonoxxux id-deċiżjoni Svediża dwar il-ħelsien mid-dejn. L-eżistenza ta’ dik il-possibbiltà ma tistax tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ residenza fuq l-applikanti kollha għall-ħelsien mid-dejn. |
54. |
F’dan ir-rigward, inqis li huwa ta’ importanza vitali li jiġi kkunsidrat il-kuntest ġenerali li fih l-allegat riskju jista’ jqum. Tali ħelsien mid-dejn huwa biss disponibbli fejn debitur li falla jkun tant imdejjen li huwa jew hija ma jistgħux jiġu preżunti li għandhom il-mezzi sabiex iħallsu d-dejn tagħhom fi żmien qasir u għaldaqstant jitolbu li jingħataw il-ħelsien mid-dejn parzjali jew totali. Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li d-debituri kollha jew parti kbira minnhom li applikaw għall-ħelsien mid-dejn ser ikollhom assi barra minn pajjiżhom. Dak li huwa importanti għall-kreditur, li jixtieq jissekwestra xi assi li jista’ jkun fadal sabiex ikun jista’ jeżegwixxi l-ħlas tad-dejn, huwa l-post fejn dawn jinsabu (u mhux il-post fejn jirrisjedi d-debitur). |
55. |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, tkun miżura sproporzjonata li lill-applikant ma jingħatalux il-ħelsien mid-dejn biss minħabba l-fatt li huwa ma jirrisjedix fl-Isvezja, u għaldaqstant tiġi injorata l-possibbiltà li probabbilment ser titressaq azzjoni kontrih fil-qrati Svediżi. |
56. |
Il-fatti li jippreċedu l-proċeduri prinċipali jispjegaw sewwa dan il-punt. U. Radziejewski jidher li ma għandux assi barra mill-Isvezja li jistgħu jkunu ta’ interess għall-kredituri tiegħu. Is-salarju li jirċievi fil-Belġju huwa suġġett għal ordni ta’ sekwestru Svediż fuq id-dħul. Id-dejn kollu magħruf tiegħu oriġina fl-Isvezja. Il-kredituri magħrufa kollha tiegħu huma Svediżi. Huwa inċert jekk il-kredituri tiegħu humiex verament ser iressqu azzjoni kontrih fil-Belġju. Iċ-ċirkustanzi tiegħu juru li sabiex jiġi żgurat li deċiżjoni dwar il-ħelsien mid-dejn tingħata biss jekk tkun effettiva, ikun suffiċjenti li jiġi vvalutat fuq bażi individwali jekk deċiżjoni tali hijiex ser tagħti protezzjoni effettiva fl-Isvezja u li din ma tiġix mogħtija fil-każ li jiġi pprovat (quod non) li l-ħelsien mid-dejn mhux ser ikollu effetti fl-Isvezja. |
57. |
Inżid ngħid li r-rekwiżit ta’ residenza jeskludi kategorija sħiħa ta’ debituri biss minħabba l-fatt li ma jirrisjedux fl-Isvezja fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom għall-ħelsien mid-dejn. Min-naħa l-oħra, waqt is-seduta ġie kkonfermat li debitur li ngħata ħelsien mid-dejn iżda li sussegwentement isiefer u għaldaqstant ma għadux jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza ma huwiex neċessarjament eskluż mill-iskema, sakemm jibqa’ rreġistrat fir-reġistru tal-popolazzjoni Svediż. Fil-fehma tiegħi, applikazzjoni arbitrarja bħal din tar-rekwiżit ta’ residenza ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżit li r-rekwiżit ta’ residenza għandu jkun proporzjonat mal-għan imsemmi tiegħu. |
Ksib ta’ informazzjoni kompleta u korretta dwar id-debitur
58. |
L-Isvezja targumenta li r-rekwiżit ta’ residenza jiżgura li l-KFM tista’ tiskopri, tiġbor, teżamina u tivverifika informazzjoni dwar il-pożizzjoni personali u finanzjarja tad-debitur. Jekk id-debitur jirrisjedi barra mill-Isvezja – jgħid l-argument – ikun diffiċli li tinkiseb l-informazzjoni neċessarja, jekk mhux mingħand id-debitur innifsu, u għalhekk li tiġi vverifikata. |
59. |
Deċiżjoni rigward ħelsien mid-dejn għandha kjarament tkun ibbażata fuq evalwazzjoni xierqa u ddettaljata tal-pożizzjoni personali u finanzjarja attwali tad-debitur. Nifhem li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha titqiegħed fil-pożizzjoni li tiġbor, teżamina u tivverifika informazzjoni neċessarja sabiex din tkun tista’ tadotta deċiżjoni informata dwar jekk id-debitur huwiex eliġibbli għall-ħelsien mid-dejn. Dan huwa konsistenti b’mod sħiħ mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, miżuri adottati għal din ir-raġuni għandhom għan leġittimu. |
60. |
Iktar minn hekk nifhem li jista’ jkun iktar sempliċi mill-perspettiva amministrattiva li l-proċess ta’ verifika jsir fuq id-debitur li jirrisjedi fl-Isvezja peress li jista’ jkun iktar faċli (i) li titħejja laqgħa bejn il-KFM u d-debitur u (ii) li tinġabar u tiġi vverifikata informazzjoni li hija disponibbli, pereżempju, fid-databases u fir-reġistri miżmuma mill-awtoritajiet Svediżi. Jekk informazzjoni rilevanti hija miżmuma mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, il-KFM ma tistax taċċedi għaliha awtomatikament, u jista’ jkollha bżonn tressaq talba għall-informazzjoni lil dak l-Istat Membru jew lid-debitur. Għal din ir-raġuni, ir-rekwiżit ta’ residenza jista’ jidher bħala kundizzjoni xierqa li għandha tiġi imposta. |
61. |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju jkollha teżamina jekk ir-rekwiżit ta’ residenza jkunx imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li tinkiseb informazzjoni kompleta u korretta dwar id-debitur. |
62. |
L-ewwel nett, skont iċ-ċirkustanzi attwali tal-każ, jista’ ma jkunx hemm bżonn li titfittex, li jingħata aċċess għal, jew li tinkiseb l-informazzjoni barra mill-Isvezja. |
63. |
It-tieni nett, nagħti importanza lill-argument tal-Kummissjoni li r-rekwiżit ta’ residenza huwa purament kwistjoni ta’ forma u li l-awtoritajiet Svediżi jistgħu faċilment jistabbilixxu s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ applikant bħal U. Radziejewski abbażi tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu, tat-taxxa mħallsa fuq is-salarju tiegħu mill-persuna Svediża li timpjegah u tal-ordni ta’ sekwestru fuq id-dħul li jingħata mill-KFM stess. Ninnota li l-paragrafi 14 u 17 tal-Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn jeħtieġu li l-KFM tinvestiga, sa fejn huwa neċessarju, dwar iċ-ċirkustanzi persunali u finanzjarji tad-debitur billi tikkuntattja lil awtoritajiet amministrattivi oħra, u jippermettu lill-KFM torganizza laqgħa mad-debitur. Apparti l-informazzjoni ppreżentata mid-debitur u dik li waslet mill-awtoritajiet l-oħra, il-KFM tista’ tirċievi wkoll informazzjoni mill-kredituri. |
64. |
Jekk id-debitur jirrisjedi barra mill-Isvezja, nifhem li jista’ jkun hemm informazzjoni li l-KFM ma tkunx tista’ tiġbor jew tivverifika mingħajr l-awtorizzazzjoni kemm tad-debitur kif ukoll ta’ awtorità fi Stat Membru ieħor jew mingħajr ma tkun kisbet id-dokumentazzjoni ppreżentata minn dan tal-aħħar. F’każijiet individwali fejn din l-informazzjoni titqies li hija meħtieġa, huwa diffiċli li wieħed jara r-raġuni għalfejn il-KFM ma għandhiex tagħmel tali rikjesta jew tistaqsi lill-applikant sabiex jipprovdi huwa stess id-dokumentazzjoni meħtieġa. F’dan ir-rigward, il-Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn tipprovdi li l-KFM għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt jekk id-debitur ikkooperax waqt din il-proċedura ( 17 ). Għaldaqstant, jeżistu inċentivi għad-debitur, anki jekk jirrisjedi barra mill-Isvezja, sabiex dan jikkoopera. |
65. |
Finalment, il-Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn tidher li hija fformulata b’tali mod li tagħmel il-laqgħa fiżika bejn id-debitur u l-KFM xi ħaġa li ma hijiex mandatorja. Jekk dan huwa minnu, ir-rekwiżit ġenerali ta’ residenza jidher li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li f’ċerti każijiet id-debitur ikun preżenti għal-laqgħa mal-KFM. Jekk din il-laqgħa hija biss neċessarja f’ċerti ċirkustanzi, jidher li hemm mezzi oħra inqas restrittivi li jipprovdu opportunità lid-debitur sabiex jiċċara l-pożizzjoni tiegħu u sabiex il-KFM tkun tista’ tevalwa l-kredibbiltà ta’ dan tal-aħħar ( 18 ). |
Kif tista’ ma tiġix ipperikolata l-applikazzjoni tar-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment
66. |
Waqt is-seduta, il-Gvern Svediż argumenta li l-iskema għall-ħelsien mid-dejn ma tistax titħalla tipperikola l-applikazzjoni tar-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment għal proċeduri li jissemmew fl-Anness A. Il-pożizzjoni tal-Gvern Svediż tidher li hija li, fin-nuqqas ta’ rekwiżit ta’ residenza, debitur jista’ japplika għall-ħelsien mid-dejn fl-Isvezja minflok fl-Istat Membru fejn huwa għandu japplika skont ir-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment ( 19 ). |
67. |
Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ma għandux bażi. |
68. |
L-applikazzjoni koerenti u konsistenti tad-dritt tal-UE hija kjarament għan leġittimu. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni limitata ħafna li hija disponibbli, ma nqisx li r-rekwiżit ta’ residenza jista’ jiġi ġġustifikat fuq dik il-bażi. |
69. |
Naturalment, l-Isvezja għandha tikkonforma mad-dispożizzjoni dwar il-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment, li tiddikjara li l-ġurisdizzjoni għal ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment li huma koperti minn dak ir-regolament hija tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur. Il-qrati Svediżi jew awtoritajiet oħra ma jistgħux jiftħu tali proċeduri jekk l-interessi prinċipali tad-debitur ma jinsabux fl-Isvezja. Min-naħa l-oħra, il-qrati Svediżi (u l-awtoritajiet amministrattivi) huma kompetenti sabiex jittrattaw proċeduri oħra li ma humiex koperti minn dak ir-regolament mingħajr ma jipperikolaw id-dispożizzjoni fl-Artikolu 3(1) tiegħu. Din il-pożizzjoni tal-Gvern Svediż tfixkilni. Minn naħa waħda, dan jikkunsidra li l-proċeduri għall-ħelsien mid-dejn tiegħu huma ekwivalenti f’dan il-kuntest għal dawk imsemmija fir-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-argumenti tiegħu rigward l-effettivtità tal-ħelsien mid-dejn, dan isostni li l-proċedura “skuldsanering” la hija msemmija fl-Anness A u lanqas ma tinvolvi t-tneħħija tal-assi tad-debitur ( 20 ). |
70. |
Għaldaqstant, ma nara l-ebda rabta bejn ir-rekwiżit ta’ residenza u l-applikazzjoni koerenti u konsistenti tad-dritt tal-UE dwar il-proċeduri ta’ falliment. |
Konklużjoni
71. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imressqa iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda mressqa mill-iStockholms tingsrätt f’dan is-sens: L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li rekwiżit ta’ residenza bħal dak li jinsab fl-iSkuldsaneringslagen (2006:548) (Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn) bħala kundizzjoni għall-ksib tal-ħelsien mid-dejn jikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema peress li jista’ jipprekludi jew jiddiswadi lil ħaddiem milli jitlaq mill-Isvezja sabiex isib xogħol fi Stat Membru ieħor. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Għal deskrizzjoni iktar dettaljata tat-tip ta’ ħelsien mid-dejn disponibbli permezz tal-miżura inkwistjoni, ara l-punti 10 sa 14 iktar ’il quddiem.
( 3 ) Regolament tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-proċeduri ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1 , p. 191) kif emendat.
( 4 ) Ara wkoll id-disa’ premessa tar-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment.
( 5 ) Regolament tat-22 ta’ Diċembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) kif emendat. Ir-Regolament Brussell I jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (ħlief id-Danimarka), il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972 L 299, p. 32).
( 6 ) Premessa 7 tar-Regolament Brussell I.
( 7 ) Kawża C-325/08 Olympique Lyonnais (2010) Ġabra p. I-2177, paragrafu 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 8 ) Olympique Lyonnais, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, paragrafu 34, u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 9 ) Olympique Lyonnais, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, paragrafu 38, u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 10 ) Ara wkoll, pereżempju, l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Brussell I li jipprovdi għal bażijiet ta’ ġurisdizzjoni f’każijiet li jirrigwardaw il-kuntratti għall-konsumaturi (u għalhekk jinkludu dejn tal-konsumatur).
( 11 ) Ara l-premessa 6 fil-preambolu tar-Regolament Brussell I.
( 12 ) Artikolu 32 tar-Regolament Brussell I.
( 13 ) Il-KFM hija meqjusa bħala “qorti” fil-proċeduri sommarji li jirrigwardaw ordnijiet għall-ħlas u għall-assistenza. Ara l-Artikolu 62 tar-Regolament Brussell I: “[f]l-Isvezja, fi proċeduri sommarji li jirrigwardjaw l-ordnijiet għal ħlas […] u għall-assistenza […], l-espressjoni “qorti” tinkludi is-“Servizz ta’ Infurzar Svediż” (kronofogdemyndighet)”.
( 14 ) Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment. Ara wkoll il-Kawża C-341/04 Eurofood (2006) Ġabra p. I-3813, paragrafi 46 u 54.
( 15 ) Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-għan mixtieq huwiex dak li jiġi eliminat ir-riskju jew li jitnaqqas.
( 16 ) Il-KFM targumenta li t-tneħħija tar-rekwiżit ta’ residenza mhux ser issolvi l-problema tan-nuqqas ta’ rikonoxximent barra mill-Isvezja tad-deċiżjoni Svediża dwar il-ħelsien mid-dejn. Dan jista’ jkun minnu, iżda anki jekk dan jiġi pprovat, dan ma jistabbilixxix jekk, u kif, l-impożizzjoni tar-rekwiżit ta’ residenza tikkontribwixxix għall-ewwel għan.
( 17 ) Ara l-paragrafu 4 tal-Liġi dwar il-ħelsien mid-dejn.
( 18 ) Huwa minnu li għal debitur li ma għandux flus u li jirrisjedi barra mill-Isvezja jista’ jkun finanzjarjament impossibbli li jħallas għall-vjaġġ lura lejn l-Isvezja sabiex jattendi din il-laqgħa fiżikament. F’ċirkustanzi bħal dawn, ma huwiex teknoloġikament impossibbli li titranġa, pereżempju, konferenza vidjo fl-ambaxxata Svediża jew fil-konsulat Svediż.
( 19 ) Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar Proċeduri ta’ Falliment.
( 20 ) Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.