EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0325

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 20 ta' Settembru 2012.
Krystyna Alder u Ewald Alder vs Sabina Orlowska u Czeslaw Orlowski.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Sąd Rejonowy w Koszalinie - il-Polonja.
Regolament (KE) Nru 1393/2007 - Notifika tal-atti - Parti ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor - Rappreżentat iddomiċiljat fit-territorju nazzjonali - Assenza - Atti proċedurali inklużi fil-fajl - Preżunzjoni ta’ għarfien.
Kawża C-325/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:583

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

Kawża C-325/11

Krystyna Alder,

Ewald Alder

vs

Sabina Orłowska,

Czeslaw Orłowski

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Koszalinie (il-Polonja)]

“Notifika tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Portata — Determinazzjoni tal-każijiet li fihom att irid ikun trażmess minn Stat Membru għall-ieħor — Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għan-notifika fittizja bil-wasla fil-proċess tal-kawża fin-nuqqas ta’ ħatra mill-parti domiċiljata fi Stat Membru ieħor ta’ rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika u li huwa domiċiljat fit-territorju nazzjonali”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 ( 2 ).

2. 

Id-domanda tirrigwarda preċiżament il-punt dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jew le marġni ta’ manuvra biex jiddefinixxu l-każijiet li fihom att ikun is-suġġett ta’ notifika transkonfinali skont il-modalitajiet previsti mir-Regolament Nru 1393/2007.

3. 

L-applikazzjoni uniformi tar-regoli tan-notifika tal-atti ġudizzjarji fl-Istati Membri kollha tikkostitwixxi sfida ikbar mill-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja Ewropea, l-aspett tekniku u l-kumplessità tal-qasam, ikkaratterizzati kemm mill-kumplikazzjoni tal-istandards nazzjonali, internazzjonali jew kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mill-koeżistenza, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, ta’ regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1393/2007 u regoli stabbiliti minn strumenti oħra, ma għandhomx jaħbu l-importanza ta’ din id-domanda, li toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża l-modalitajiet ta’ artikulazzjoni bejn id-drittijiet proċedurali interni u l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

4. 

Din il-kawża għandha l-oriġini tagħha f’kawża għal ħlas ippreżentata fl-20 ta’ Novembru 2008 quddiem is-Sąd Rejonowy w Koszalinie (il-Polonja) minn K. Alder u E. Alder ( 3 ), li jirrisjedu fil-Ġermanja, fil-konfront ta’ S. Orłowska u C. Orłowski, li jirrisjedu fil-Polonja.

5. 

Din il-qorti informat lill-konjuġi Alder bl-obbligu tagħhom li jinnotifikaw, fi żmien xahar, rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika, skont l-Artikolu 11355 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk (Kodeks postepowania cywilnego), li jipprovdi li, fin-nuqqas ta’ ħatra, mill-parti li r-residenza tagħha hija f’pajjiż barrani, ta’ mandatarju ad litem jew ta’ rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika, l-atti ġudizzjarji indirizzati lil dik il-parti, jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża u jitqiesu li ġew innotifikati.

6. 

Peress li l-konjuġi Alder ma ħatrux mandatarju ad litem jew rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika, it-talba tagħhom ġiet miċħuda b’sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2009, wara seduta li għaliha huma ma dehrux.

7. 

Fid-29 ta’ Ottubru 2009, il-konjuġi Alder ippreżentaw talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura u għar-ritrattazzjoni tas-sentenza, bl-argument illi huma ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jaġixxu mingħajr ma ġew effettivament ikkonvokati għas-seduta u li bin-nuqqas ta’ notifika tal-atti ġudizzjarji fl-indirizz tagħhom ġewwa l-Ġermanja, is-Sąd Rejonowy w Koszalinie kisret il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza. Fit-23 ta’ Ġunju 2010, din il-qorti ċaħdet it-talba tagħhom.

8. 

Fuq appell ippreżentat mill-konjuġi Alder, is-Sąd Rejonowy w Koszalinie (il-Polonja), fid-19 ta’ April 2011 ma kkonfermatx din is-sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti oriġinali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid, billi kkunsidrat li n-notifika fittizja tmur kontra r-Regolament Nru 1393/2007.

9. 

Is-Sąd Rejonowy w Koszalinie li ma taqbilx ma’ din l-analiżi, iddeċidiet li tissospendi s-sentenza u tagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja id-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 1(1) tar-Regolament […] Nru 1393/2007 […] u l-Artikolu 18 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa possibbli li jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża, b’tali mod li jitqiesu li ġew innotifikati, dokumenti tal-qorti indirizzati lil parti li d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha jkunu fi Stat Membru ieħor, jekk dik il-parti naqset milli taħtar rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika u li huwa domiċiljat fl-Istat Membru fejn ikunu qegħdin iseħħu l-proċedimenti tal-qorti?”

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. L-Artikolu 18 TFUE

10.

L-Artikolu 18 TFUE jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw regoli intiżi sabiex jiprojbixxu din id-diskriminazzjoni.”

2. Ir-Regolament Nru 1393/2007

11.

Ir-Regolament Nru 1393/2007, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali ( 4 ), stabbilixxa sistema ta’ notifika tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fl-Istati Membri tal-Unjoni. Intiż sabiex iħaffef u jiffaċilita t-trażmissjoni tal-atti, ir-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdi t-trażmissjoni diretta tal-atti kemm jista’ jkun malajr ( 5 ) permezz ta’ aġenziji li jibagħtu u li jirċievu, maħtura mill-Istati Membri ( 6 ), waqt li taċċetta mezzi oħra ta’ trażmissjoni ( 7 ) mingħajr ma tistabbilixxi ġerarkija bejniethom ( 8 ), bħat-trażmissjoni b’mezzi konsulari jew diplomatiċi, f’ċirkustanzi eċċezzjonali ( 9 ), in-notifika minn aġenti konsulari jew diplomatiċi ( 10 ), in-notifika bis-servizzi postali ( 11 ) jew in-notifika diretta mill-marixxall fuq talba ta’ kwalunkwe persuna kkonċernata ( 12 ).

12.

Il-premessi 6 sa 9 tar-Regolament Nru 1393/2007 huma fformulati kif ġej:

“(6)

L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri. […]

(7)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta’ kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. […]

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal servizz ta’ dokument lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċedimenti, indipendentement mill-post ta’ residenza ta’ dik il-parti.

(9)

Is-servizz ta’ dokument għandu jitwettaq malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta jkun wasal id-dokument għand l-aġenzija li tirċievi.”

13.

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (‘acta iure imperii’).

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf.

3.   F’dan ir-Regolament, il-kliem ‘Stat Membru’ għandhom ifissru l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.”

14.

Skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 26, tal-imsemmi regolament, dan għandu “jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea”.

B – Id-dritt Pollakk

15.

Skont l-Artikolu 11355 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk:

“1.   Il-parti li d-domiċilju, ir-residenza abitwali jew s-sede tagħha jkunu f’pajjiż barrani, u li ma ħatritx mandatarju ad litem li jirrisjedi fil-Polonja, għandha tappunta rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika.

2.   Jekk l-ebda rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika ma jiġi appuntat, l-atti ġudizzjarji indirizzati lil din il-parti jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża u jitqiesu li ġew innotifikati. Il-parti għandha tkun informata fl-ewwel notifika. Hija għandha tkun informata wkoll bil-possibbiltà li tirrispondi għall-att promotur u li tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub, kif ukoll bil-persuni li hija tista’ taħtar bħala rappreżentanti.”

II – Analiżi

16.

Id-domanda magħmula mis-Sąd Rejonowy w Koszalinie timplika l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 11355 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk mad-dritt tal-Unjoni minn żewġ perspettivi. Minn naħa, għandna naraw jekk in-notifika fittizja fin-nuqqas ta’ ħatra ta’ rappreżentant hijiex awtorizzata fir-rigward tar-Regolament Nru 1393/2007 u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu. Min-naħa l-oħra, hawn lok li jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjoni kkontestata hijiex konċiljabbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza previst mill-Artikolu 18 TFUE.

17.

Għall-fini ta’ kjarezza tal-analiżi, dawn iż-żewġ aspetti tad-domanda ser jiġu eżaminati separatament.

A – L-analiżi tad-dispożizzjoni kkontestata fir-rigward tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1393/2007

18.

Dan huwa applikabbli, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, “fejn dokument ġudizzjarju jew extraġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz hemmhekk”.

19.

Adottat abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, li jagħti s-setgħa lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jadotta miżuri fil-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom “implikazzjonijiet transkonfinali”, ir-Regolament Nru 1393/2007 japplika biss f’każ ta’ notifika internazzjonali u mhux f’każ ta’ notifika interna.

20.

Billi l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ma jippreċiżax f’liema każ att “irid” ikun trażmess f’pajjiż barrani għal notifika hemmhekk, tqum id-domanda dwar jekk iħallix lil kull Stat Membru jiddefinixxi meta att irid ikun trasmess f’pajjiż barrani għall-finijiet ta’ notifika, jew jekk, għall-kuntrarju, huwa japplika mill-mument li l-indirizz tad-destinatarju tal-att li jrid ikun innotifikat ikun fi Stat Membru ieħor.

1. L-argumenti tal-partijiet

21.

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Pollakk u Taljan ippronunċjaw ruħhom fis-sens tal-ewwel alternattiva bl-argument li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa limitat għall-organizzazzjoni tal-implementazzjoni tan-notifiki rikjesti mid-drittijiet proċedurali nazzjonali.

22.

Il-Gvern Pollakk u Taljan żiedu li l-obbligu analogu tal-ħatra ta’ rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika jeżisti fid-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

23.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Pollakk ikkunsidra, li l-ħatra ta’ rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika, prevista fid-dritt Pollakk, hija intiża sabiex tilħaq l-istess għanijiet ta’ effiċjenza u ta’ ħeffa fil-proċeduri ġudizzjarji bħal dawk imwettqa mir-Regolament Nru 1393/2007.

24.

Il-konjuġi Alder, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea huma, għall-kuntrarju, favur it-tieni alternattiva, billi jsostnu li l-metodi ta’ notifika previsti mir-Regolament Nru 1393/2007 japplikaw minn meta l-parti li lilha l-att irid ikun innotifikat tirrisjedi fi Stat Membru ieħor u l-indirizz tagħha huwa magħruf.

25.

Għall-konjuġi Alder, bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-ewwel notifika, in-norma nazzjonali Pollakka timblokka l-moviment Komunitarju tal-atti ġudizzjarji, waqt li l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jawtorizza n-notifika tal-atti permezz tas-servizzi postali.

26.

Abbażi tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1393/2007, il-Gvern Portugiż ikkunsidra, fl-istess sens, li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk jista’ japplika biss għaċ-ċittadini li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat mhux membru tal-Unjoni, billi l-obbligu ta’ trażmissjoni skont dan ir-regolament jikkunsidra biss li d-domiċilju, ir-residenza abitwali jew is-sede ta’ waħda mill-partijiet ma hijiex fi Stat Membru li fih ir-rimedju ġie introdott, dak li jagħti natura transkonfinali lill-kawża, irrispettivament minn dak li jistabbilixxi d-dritt proċedurali nazzjonali.

27.

Waqt li kkunsidrat ukoll li l-obbligu li jiġi maħtur rappreżentant fil-Polonja ma huwiex konformi mar-Regolament Nru 1393/2007, il-Kummissjoni, li indikat li l-kompatibbiltà tal-Artikolu 11355 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk mad-dritt tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ djalogu mal-awtoritajiet Pollakki wara petizzjoni indirizzata lill-Parlament ( 14 ), iddedikat parti sinjifikattiva mill-osservazzjonijiet tagħha għall-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 18 TFUE. Hija sostniet li l-obbligu li jiġi maħtur rappreżentant fil-Polonja huwa inkompatibbli ma’ dan l-artikolu għaliex jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba ċ-ċittadinanza, sa fejn huwa intiż b’mod ġenerali għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li, f’ħafna każijiet, ma jkollhomx domiċilju, residenza abitwali jew sede fil-Polonja.

2. Evalwazzjoni

28.

Bi qbil mal-pożizzjoni tal-konjuġi Alder, tal-Gvern Portugiż u tal-Kummissjoni, jiena naħseb li ma huwiex konformi mar-Regolament Nru 1393/2007 li tissanzjona permezz ta’ notifika fittizja n-nuqqas ta’ ħatra, mill-parti domiċiljata f’pajjiż barrani, ta’ rappreżentant responsabbli li jaċċetta l-atti domiċiljati fil-Polonja.

29.

Dan ir-regolament ħassar u ssosstitwixxa r-Regolament Nru 1348/2000, li kien ispirat mill-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar in-notifika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali ( 15 ). Il-Konvenzjoni tal-1997, intiża sabiex tiżviluppa strument għas-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri ta’ trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji bejn l-Istati Membri, ma daħlitx fis-seħħ, minħabba li ma ġietx irratifikata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

30.

Minkejja li kien fiha ċerti innovazzjonijiet ( 16 ) bil-għan, b’mod partikolari, li jiġu protetti aħjar id-drittijiet tal-partijiet, il-Konvenzjoni tal-1997, kienet fl-istess linja tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-notifika f’pajjiż barrani ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali ( 17 ), li stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jippermetti n-notifika ta’ att permezz ta’ awtorità ċentrali responsabbli biex tirċievi t-talbiet u taġixxi fuqhom. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu IV tal-Protokoll anness mal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 18 ), kif emendat mill-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja ( 19 ), stabbilixxa bħala metodu ta’ trażmissjoni fakultattiva ta’ atti ġudizzjarji, in-notifika mill-uffiċjal tal-Istat għall-uffiċjal tal-Istat.

31.

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1965 hija kkunsidrata bħala nieqsa min-natura obbligatorja, fis-sens li hija tapplika biss meta l-liġi interna tal-Istat tal-forum jiddeċiedi li att irid ikun trażmess f’pajjiż barrani għall-finijiet tan-notifika. B’hekk, il-manwal prattiku dwar il-funzjonament ta’ din il-konvenzjoni, miktub mill-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat ( 20 ), jgħid li “ħarsa ġenerali fil-qosor” tal-prattika tal-Istati parteċipanti “donnha tikkonferma, bi ftit eċċezzjonijiet, in-natura mhux obbligatorja tal-[imsemmija] konvenzjoni” ( 21 ), u jżid, b’dispjaċir, li sabiex tissodisfa b’mod sħiħ l-għan li tiżgura li d-destinatarju jkun sar jaf realment bl-att innotifikat, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1965 għandha tintervjeni fid-dritt nazzjonali u tiddefinixxi hija stess il-kriterji ta’ notifika valida, peress li dan kien ikun l-uniku mod li bih jiġu eliminati l-metodi ta’ notifiki fittizji bħan-notifika lill-prosekutur.

32.

Madankollu, naħseb li l-iżvilupp profond li kellha din il-materja, b’mod partikolari, permezz tal-bidliet li seħħew fil-konfront tagħha fuq livell Komunitarju timplika qari ġdid tar-relazzjoni bejn ir-regolamenti stabbiliti issa mir-Regolament Nru 1393/2007 u d-drittijiet proċedurali nazzjonali.

33.

Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat l-iżvilupp tal-għanijiet assenjati lill-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u r-rieda li tinħoloq żona ġudizzjarja Ewropea, intiża, minn naħa, biex tiżgura l-moviment liberu tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji u, min-naħa l-oħra, biex tippromwovi d-drittijiet fundamentali.

34.

Nerġgħu lura suċċessivament għaż-żewġ għanijiet li ma jistgħux ikunu disassoċċjati.

35.

Fl-ewwel lok, ir-Regolament Nru 1393/2007, huwa parti mill-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja Ewropea li fiha l-moviment liberu tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji għandu jkun żgurat.

36.

Bħal mal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenzi tagħha tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler ( 22 ), u tal-25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf u Beach Resort ( 23 ), l-għan tat-Trattat ta’ Amsterdam li tinħoloq “żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” ta lill-Komunità Ewropea “dimensjoni ġdida”, u t-trasferiment, mit-Trattat UE lejn it-Trattat KE, tas-sistema li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom effett transkonfinali jixhdu r-rieda tal-Istati Membri li jankraw tali miżuri fis-sistema legali tal-Unjoni ( 24 ).

37.

Din l-“ankra” tagħti konsistenza ġdida lis-sistema ta’ notifika transkonfinali, li hija parti mill-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura l-moviment liberu tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji.

38.

Għalhekk, ir-rieda li tinħoloq żona ġudizzjarja Ewropea wasslet lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jmur lil hinn mis-sempliċi koordinazzjoni tal-proċeduri nazzjonali permezz ta’ avvanzi fl-implementazzjoni ta’ proċeduri Komunitarji intiżi speċifikament biex jirregolaw iktar malajr u b’mod effiċjenti l-kwistjonijiet transkonfinali, bħall-ordni Ewropew ta’ infurzar għal talbiet mhux ikkontestati ( 25 ), kif ukoll il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea ( 26 ), u l-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar ( 27 ).

39.

Jekk ma jipproċedux bl-unifikazzjoni tal-metodi ta’ notifika fuq livell Ewropew, dawn l-istrumenti l-ġodda jistabbilixxu, min-naħa l-oħra, standards minimi, li dwarhom kemm ir-Regolament Nru 805/2004 kif ukoll ir-Regolament Nru 1896/2006 ippreċiżaw li metodu ta’ notifika bbażat fuq assunzjoni legali ma jistax jitqies suffiċjenti ( 28 ).

40.

Filwaqt li t-tlestija ta’ atti ta’ proċedura fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor kienet tradizzjonalment ikkunsidrata li tippreġudika s-sovranità tal-Istati, dawn id-diversi regolamenti rrealizzaw, billi stabbilixxew dawn l-istandards minimi, abbandun gradwali, għalkemm limitat, ta’ ċerti karatteristiċi ta’ din is-sovranità, peress li jipprovdu għat-twettiq tan-notifiki transkonfinali diretti permezz tas-servizz postali ( 29 ), mingħajr ma jagħtu lill-Istati Membri l-fakultà li jopponu għal dan il-metodu ta’ trażmissjoni. Bl-istess mod, bid-differenza mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1965, li tipprovdi li l-Istat li jirċievi jista’ jopponi għat-trażmissjoni diretta permezz tas-servizz postali ta’ atti ġudizzjarji lill-persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu ( 30 ), ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jippermettix lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedi d-destinatarju li jeskludiha, u lanqas li jispeċifika l-kundizzjonijiet tal-użu tagħha ( 31 ).

41.

Fit-tieni lok, il-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja Ewropea ma jistax ikun disassoċċjat mill-għan ġenerali ta’ Unjoni tad-dritt li tippromwovi d-drittijiet fundamentali.

42.

B’mod partikolari, din iż-żona ġdida għandha bħala għan li tippromwovi l-garanziji proċedurali, li huma parti mid-dritt għal smigħ xieraq kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, waqt li tirrikonċilja mar-rekwiżiti tal-veloċità u effiċjenza tal-ġustizzja ċivili.

43.

Fl-estensjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u 16 ta’ Ottubru 1999 kif ukoll tal-Programm ta’ Den Haag, adottat fl-2004, il-Kunsill Ewropew ipproklama, fil-Programm ta’ Stokkolma, adottat fl-2010 ( 32 ), li l-għan prinċipali tal-azzjoni magħmula fil-qasam tad-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali f’materja ċivili jikkonsisti f’li jiżgura li l-fruntieri bejn l-Istati Membri ma jikkostitwixxux ostakolu la għar-regolamentazzjoni ta’ affarijiet ċivili jew għall-proċeduri ġudizzjarji jew għall-infurzar tas-sentenzi ta’ materja ċivili. Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll li l-prijorità għandha tingħata għat-twettiq ta’ mekkaniżmi intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaffermaw id-drittijiet tagħhom kullimkien fl-Unjoni. Lil hinn mill-kooperazzjoni ġudizzjarja tradizzjonali, il-kostruzzjoni ta’ “Ewropa tad-dritt u tal-ġustizzja” ( 33 ) għandha għalhekk direttament bħala suġġett li tirrispondi għal bżonnijiet tal-individwi ( 34 ).

44.

Issa, l-implementazzjoni ta’ metodi ta’ notifika effiċjenti tirriżulta fost il-garanziji proċedurali għal smigħ xieraq. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat, fil-fatt, li d-“dritt għall-qorti” u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, inerenti għall-prinċipju ta’ smigħ xieraq, “fid-dritt proċedurali tal-Istati kontraenti kollha […] japplika wkoll f’dan il-qasam partikolari li huwa n-notifika ta’ atti ġudizzjarji lill-partijiet” ( 35 ) u li l-obbligu tal-Istati kontraenti li “jorganizzaw is-sistema ġudizzjarja tagħhom b’tali mod li l-qrati tagħhom ikunu jistgħu jiggarantixxu lil kulħadd id-dritt li jingħataw sentenza definittiva dwar il-kontestazzjonijiet relattivi għad-drittijiet tagħhom u obbligi ta’ natura ċivili fi żmien raġonevoli […] jimplikaw ukoll it-twettiq ta’ proċessi ta’ notifika effiċjenti, li jiżguraw in-notifika tad-data tas-seduti lill-partijiet fi żmien biżżejjed” ( 36 ).

45.

Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Mejju 2008, Weiss u Partner ( 37 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, li kkunsidrat li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000 ma jistax ikun disassoċċjat mill-kuntest tal-iżvilupp fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili li fih jaqa’ dan ir-regolament, iffokat fuq il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża li jaqgħu, b’analoġija mas-soluzzjoni għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, li l-għanijiet li tiġi mtejba u mħaffa t-trażmissjoni tal-atti segwiti mir-Regolament Nru 1348/2000 “ma jistgħux jintlaħqu jekk b’xi mod id-drittijiet tad-difiża jiġu mdgħajfa” liema drittjiet “jirriżultaw mid-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali” u “jikkostitwixxu dritt fundamentali li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li jiġu osservati” ( 38 ).

46.

Bosta dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 huma xhieda tar-rieda li tinħoloq sistema ta’ notifika tal-atti ġudizzjarji li tiggarantixxi d-dritt għal smigħ xieraq. Is-sistema ta’ data doppja, li tippermetti li tiġi kkunsidrata, fejn att għandu jkun innotifikat fi żmien determinat, il-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini sabiex tiġi stabbilita d-data fir-rigward tar-rikorrent, fid-dawl tal-liġi tal-Istat Membru li jirċievi sabiex tiġi ddeterminata d-data fir-rigward tad-destinatarju tal-att, tirrispondi għall-problema li tiżgura ekwilibriju bejn l-interessi tal-partijiet. Il-protezzjoni tad-destinatarju tal-att hija żgurata bil-fakultà li huwa rikonoxxut li jista’ jirrifjuta li jirċievi l-att jekk dan ma jkunx tradott f’lingwa li huwa jifhem jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi, bl-obbligu tal-qorti li ma tiddeċidiex meta l-konvenut ma jidhirx jew inkella bil-possibbiltà li l-konvenut jibbenefika mill-ħelsien mill-effetti tat-termini ta’ appell jekk huwa ikun sar jaf bil-proċedura tard u jekk juri li għandu eċċezzjonijiet li ma humiex infondati.

47.

L-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża, li diġà kien wassal għar-Regolament Nru 1348/2000, saħħaħ ukoll il-bidliet li saru fit-test bir-Regolament Nru 1393/2007 li, pereżempju, tejjeb l-informazzjoni lid-destinatarju billi impona li jiġi lilu indikat bil-miktub permezz tal-formola standard, li hu jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika jekk dan ma jkunx miktub b’lingwa li huwa jifhem jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat ( 39 ) jew saħħaħ iċ-ċertezza tal-wasla tal-att billi impona l-ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla jew kwalunkwe metodu ekwivalenti bħala metodu ta’ notifika permezz tas-servizz postali ( 40 ).

48.

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li r-Regolament Nru 1393/2007 għandu jkun interpretat, filwaqt li jirrispetta l-bżonn ta’ applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, waqt li fl-ewwel lok hija kienet ippreżentat proposta għal direttiva sabiex il-Konvenzjoni tal-1997 tinbidel fi strument Komunitarju ( 41 ), il-Kummissjoni segwit l-opinjoni diverġenti tal-Parlament li kien ippropona li ssir permezz ta’ regolament ( 42 ), sabiex tiġi żgurata “implementazzjoni rapida, ċara u omoġenea” tad-dispożizzjonijiet il-ġodda ( 43 ). Din l-għażla tar-regolament, pjuttost minn dik tad-Direttiva, bħala strument li jistabbilixxi din is-sistema juri l-impenn tal-leġiżlatur tal-Unjoni għan-“natura direttament applikabbli” tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 u għall-“applikazzjoni uniformi tagħhom” ( 44 ).

49.

Fl-opinjoni tiegħi, in-notifika ta’ att ġudizzjarju għandha neċessarjament tkun effettwata b’mod konformi mal-provvedimenti ta’ dan ir-regolament meta d-destinatarju tal-att ikun jirrisjedi fi Stat Membru ieħor.

50.

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta kemm mill-kliem kif ukoll mill-għanijiet tal-istruttura ġenerali tal-imsemmi regolament.

51.

Fl-ewwel lok, dan is-sens huwa sostnut minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1393/2007. Jekk l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament huwa ambigwu, għax ma jindikax f’liema każ att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju “jrid” ikun trażmess minn Stat Membru għal ieħor għal notifika hemmhekk, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, li jippreċiża li r-Regolament “m’għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf”. Peress li huwa biss fil-każ meta d-domiċilju tad-destinatarju ma jkunx magħruf li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 hija espressament eskluża, jista’ jiġi dedott, għall-kuntrarju, li dan ir-regolament japplika fil-każijiet kollha fejn id-destinatarju għandu indirizz magħruf li jinsab fi Stat Membru ieħor.

52.

Fit-tieni lok, jien naħseb li tippermetti lil kull Stat Membru li jibqa’ japplika dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu notifika fittizja meta d-destinatarju jirrisjedi fi Stat Membru ieħor tikkomprometti l-għanijiet tal-moviment liberu tal-atti u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali. Huwa importanti, b’mod partikolari, li jiġi enfasizzat li l-integrazzjoni tar-regoli tan-notifika tal-atti ġudizzjarji bħala parti minn smigħ xieraq intiżi biex jiżguraw, għar-rikorrenti, id-dritt għall-aċċess għall-qorti u, għall-konvenut, id-dritt li jkun informat bis-suġġett u bil-kawża tat-talba fi żmien biżżejjed sabiex ikun jista’ jiddefendi ruħu jimplika l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe metodu ta’ notifika fittizja li għandu l-effett li jċaħħad lill-partijiet mir-regoli li jipproteġuhom li jinsabu fir-Regolament Nru 1393/2007. Issa, notifika fittizja, jista’ jkollha, pereżempju, bħala effett li ċċaħħad lill-konvenut domiċiljat fi Stat Membru ieħor mill-possibbiltà li jirrifjuta li jaċċetta att promotur li ma jkunx tradott f’lingwa li huwa jifhem jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi ( 45 ).

53.

Fit-tielet lok, mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1393/2007 jirriżulta li s-sistema ta’ notifika li huwa jistabbilixxi riedet tiżgura l-wasla reali u effettiva tal-att ġudizzjarju lid-destinatarju tiegħu, li jirrappreżenta d-denominatur komuni tal-metodi ta’ notifika differenti li jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri. Minn din il-perspettiva, notifika purament fittizja, li tirriżulta minn preżunzjoni legali dedotta mill-wasla tal-atti tal-process tal-proċedura, ma tistax tkun aċċettata. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Gvern Pollakk, jiena ma naħsibx li l-istrument proċedurali li jikkostitwixxi in-notifika fittizja bil-wasla fil-proċess tal-kawża jista’ ġustament jiġi mqabbel mal-mekkaniżmi ta’ trażmissjoni tal-atti stabbiliti minn dan ir-regolament.

54.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li d-dritt nazzjonali applikabli għall-kawża prinċipali jipprovdi, fil-qasam tan-notifika tal-atti ġudizzjarji, preżunzjoni li teħles mill-obbligu tan-notifika fid-domiċilju reali tal-parti li tirrisjedi f’pajjiż barrani, jidhirli li hija kuntrarja kemm għall-kliem kif ukoll għall-għan u għall-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1393/2007 u hija ta’ natura li ċċaħdu mill-effett utili tiegħu billi tevita s-sistema ta’ notifika ta’ atti ġudizzjarji li huwa jistabbilixxi.

55.

Is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, G ( 46 ) tikkonferma din l-interpretazzjoni.

56.

F’din is-sentenza, fejn tqajmet il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż (Zivilprozessordnung) li jipprovdi notifika permezz ta’ affissjoni pubblika tal-att promotur meta l-indirizz tal-konvenut ma jkunx magħruf, il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat il-kundizzjonijiet li fihom sentenza tista’ tingħata fil-kontumaċja ta’ konvenut li, minħabba l-impossibbiltà li jiġi lokalizzat, ikun ġie nnotifikat bl-att promotur permezz tal-pubblikazzjoni skont id-dritt nazzjonali. Għalkemm l-imsemmija sentenza ngħatat f’ċirkustanzi fil-kawża prinċipali fejn ir-Regolament Nru 1393/2007 ma kienx japplika, għaliex l-indirizz tad-destinatarju tal-att ma kienx magħruf ( 47 ), l-analiżi tiegħu tippreżentana b’żewġ lezzjonijiet li huma rilevanti għar-risposta għal din id-domanda preliminari.

57.

L-ewwel minn dawn il-lezzjonijiet hija li l-marġni ta’ manuvra rikonoxxuta lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu r-regoli proċedurali applikabbli għall-azzjonijiet mibdija quddiem il-qrati tagħhom hija neċessarjament limitata bl-obbligu li josservaw id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[m]inkejja li, fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni sistematika tal-proċeduri interni mid-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-Istati Membri, fl-ambitu tal-awtonomija proċedurali tagħhom, li jiffissaw ir-regoli proċedurali applikabbli għall-azzjonijiet mibdija quddiem il-qrati tagħhom, dawn ir-regoli ma għandhomx jippreġudikaw id-dritt tal-Unjoni”  ( 48 ).

58.

It-tieni lezzjoni li toħroġ mill-analiżi tal-imsemmija sentenza hija li metodu ta’ notifika li ma jippermettix lid-destinatarju li jirċievi effettivament l-att, bħan-notifika bil-pubblikazzjoni, ma jistax ikun aċċettat ħlief meta l-indirizz tad-destinatarju tal-att ma jkunx magħruf u jkunu saru r-riċerki kollha meħtieġa mill-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide sabiex il-konvenut jinstab ( 49 ). Jirriżulta għalhekk, għall-kuntrarju, li meta l-indirizz tad-destinatarju jkun magħruf, l-att irid ikun innotifikat f’dak l-indirizz.

59.

Il-konklużjoni li r-Regolament Nru 1393/2007 jipprekludi notifika fittizja bħal dik prevista mid-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata għandha, madankollu, tliet oġġezzjonijiet, li rrid, issa, nirribatti.

60.

L-ewwel oġġezzjoni miġjuba kontra din is-soluzzjoni toħroġ mill-Artikolu 11355 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk li, għalkemm jistabbilixxi notifika fittizja, jipprovdi wkoll li, fl-ewwel notifika, informazzjoni tingħata lill-partijiet dwar il-bżonn li jaħtru rappreżentant u dwar il-possibbiltà li jitolbu eżenzjoni mill-ispejjeż tal-proċedura u li jaħtru mandatarju ad litem.

61.

Madankollu, dan l-avviż ma jidhirlix li huwa ta’ natura li jiġġustifika deroga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 u li jagħmel aċċettabbli notifika fittizja, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq. Minbarra li l-Gvern Pollakk jindika li l-ewwel notifika hija dik li l-“iktar frekwenti” tiġi effetwata b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li minnha jirriżulta li ma hijiex sistematika, jiena nikkunsidra li l-informazzjoni mogħtija inizjalment ma tiggarantixxix aġir kontradittorju tal-proċedura u ma tistax, għaldaqstant, tikkumpensa għan-nuqqas ta’ notifika ulterjuri tal-atti ġudizzjarji.

62.

Barra minn hekk, li tiġi aċċettata notifika fittizja abbażi tal-fatt li d-destinatarju ġie avżat bl-obbligu tiegħu li jaħtar rappreżentant responsabbli li jaċċetta n-notifika ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u dak ta’ fiduċja reċiproka, li jimplikaw li l-atti ġudizzjarji kollha li jridu jiġu nnotifikati lil destinatarju li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor ikunu konformi mas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1393/2007.

63.

It-tieni oġġezzjoni hija bbażata fuq il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, li jippreċiża li huwa ma għandux japplika għal servizz ta’ dokument lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċeduri, indipendentement mill-post ta’ residenza ta’ dik il-parti.

64.

Madankollu jiena tal-opinjoni li din l-eċċezzjoni, li wara kollox, tidher biss fi premessa mingħajr ma hija inkluża jew spjegata f’artikolu speċifiku, għandha tingħata interpretazzjoni ristretta u ma tistax tipprovdi, minbarra l-ħatra ta’ mandatarju ad litem, li l-għażla volontarja tal-indirizz għan-notifika, li tirriżulta minn manifestazzjoni tar-rieda li permezz tagħha l-persuna tagħżel l-indirizz għan-notifika hija rikonoxximent tal-kwalità li tirċievi n-notifika tal-atti ġudizzjarji.

65.

It-tielet oġġezzjoni, meħuda mill-eżistenza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprovdu għall-għażla tal-indirizz tan-notifika, ma jidhirlix li hija iktar rilevanti.

66.

Huwa minnu li kemm ir-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll ir-Regolament Nru 2201/2003 jobbligaw lill-parti li titlob l-infurzar fi Stat Membru ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor biex issir għażla tal-indirizz għan-notifika fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita jew biex jinħatar mandatarju ad litem meta l-liġi tal-Istat Membru li jirċievi ma tagħrafx l-għażla tal-indirizz għan-notifika.

67.

S’issa, ma narax kif l-eżistenza, fuq livell Ewropew, ta’ din is-sistema derogatorja b’relazzjoni mar-regoli tad-dritt komuni stabbiliti mir-Regolament Nru 1393/2007 tista’ tawtorizza l-Istati Membri li jintroduċu jew li jżommu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom regoli ta’ notifika transkonfinali li jissostitwixxu s-sistema ta’ notifika prevista minn dan ir-regolament minkejja li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu jkunu sodisfatti.

68.

Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit tal-għażla tal-indirizz għan-notifika, xieraq għall-proċedura ta’ infurzar u intiż li jiffaċilita kemm il-komunikazzjoni lir-rikorrent tad-deċiżjoni mogħtija dwar it-talba tiegħu kif ukoll l-appell mill-parti li kontra tagħha l-infurzar huwa mitlub, japplika, ipotetikament, mingħajr distinzjoni, għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

69.

Fl-aħħar nett, nirrileva li, jekk il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur tal-modalitajiet relattivi għall-għażla tal-indirizz għan-notifika huma ddefiniti mill-liġi tal-Istat Membru li jirċievi, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ifformulat il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri billi ddikjarat li “s-sanzjoni prevista ma tistax […] la terġa’ tqajjem il-validità tas-sentenza li tipprovdi għall-infurzar, u lanqas tippermetti li jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-parti li kontra tagħha jsir l-infurzar”  ( 50 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

70.

Fir-rigward tal-argument li jirriżulta mir-Regoli ta’ Proċedura, jidher li dan huwa irrilevanti, peress li dan it-test ma jistax jitqabbel mal-istrument ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkostitwixxi r-Regolament Nru 1393/2007. Barra minn hekk, sussidjarjament, l-għażla tal-indirizz tan-notifika skont l-Artikolu 38(2) tar-Regoli ta’ Proċedura ma hijiex obbligatorja ( 51 ), u barra minn hekk, fil-każ fejn parti ma għażlitx indirizz għan-notifika jew ma aċċettatx li n-notifiki jsiru permezz ta’ mezz tekniku ta’ komunikazzjoni, in-notifiki għandhom isiru lill-parti kkonċernata permezz ta’ posta reġistrata indirizzata lill-aġent jew lill-avukat tal-parti.

71.

Dawn huma r-raġunijiet li għalihom nikkonkludi li d-dispożizzjoni kkontestata għandha tkun kkunsidrata bħala inkompatibbli mar-Regolament Nru 1393/2007. Ikunu xi jkunu l-lakuni u l-insuffiċjenzi li jista’ jkollu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ notifika permezz tas-servizz postali ( 52 ), dan ir-regolament jirrappreżenta kemm avvanz maġġuri kif ukoll kundizzjoni essenzjali tal-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja Ewropea, li fiha l-“fossila proċedurali” ( 53 ) li tikkostitwixxi n-notifika fittizja bil-wasla fil-proċess tal-kawża ma għandhiex post.

72.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-atti ġudizzjarji indirizzati lil parti li d-domiċilju, ir-residenza abitwali jew is-sede tagħha jkunu fi Stat Membru ieħor jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża u jitqiesu li ġew innotifikati, meta l-imsemmija parti ma taħtarx rappreżentant awtorizzat li jaċċetta n-notifiki li jirrisjedi fl-Istat Membru fejn ikunu l-proċeduri.

73.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma biżżejjed sabiex jirrispondu għad-domanda tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tadottax il-proposta tiegħi ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007, jidhirli li huwa utili li tiġi analizzata malajr il-kwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 18 TFUE.

B – L-analiżi tad-dispożizzjoni kkontestata fir-rigward tal-Artikolu 18 TFUE

74.

Jiena nikkunsidra, bħall-konjuġi Alder, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, li l-obbligu li tagħżel domiċilju jikser il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza pprovvdut mill-Artikolu 18 TFUE.

75.

Dan il-prinċipju jiddeduċi, fil-kuntest taż-żona ġudizzjarja Ewropea, l-obbligu li tiġi osservata l-ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom jew il-post ta’ residenza tagħhom. Fl-okkażjoni tal-laqgħa ta’ Tampere tal-15 u 16 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill tal-Ewropa enfasizza li ċ-“ċittadin ma jistax igawdi l-libertà ħlief f’żona ta’ ġustizzja reali, fejn wieħed ikun jista’ jindirizza l-qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha bl-istess faċilità li huwa għandu fil-pajjiż proprju tiegħu”.

76.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet iktar minn darba li regola proċedurali ċivili nazzjonali li tirrikjedi li f’azzjoni ġudizzjarja, l-għoti ta’ cautio judicatum solvi ma jistax jopera diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni li lilhom d-dritt tal-Unjoni jagħti d-dritt ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 54 ).

77.

Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Frar 1994, Mund & Fester ( 55 ), hija kkunsidrat li dispożizzjoni proċedurali nazzjonali li, sabiex sentenza tkun infurzata fi Stat Membru ieħor, tawtorizza l-arrest għall-unika raġuni li l-infurzar għandu jkollu lok f’pajjiż barrani, filwaqt li, sabiex sentenza tkun infurzata fit-territorju nazzjonali, hija ma tawtorizzahx ħlief għar-raġuni li huwa probabbli li, fin-nuqqas, l-infurzar ser ikun impossibbli jew fundamentalment iktar diffiċli tikkostitwixxi forom moħbija ta’ diskriminazzjoni li ma hijiex ġġustifikata minn kriterji oġġettivi.

78.

Fid-dawl ta’ dawn id-deċiżjonijiet, nikkunsidra li dispożizzjoni proċedurali li timponi lill-partijiet li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor l-obbligu li jaħtru rappreżentant fl-Istat Membru fejn isiru l-proċeduri sabiex jaċċetta n-notifiki tal-atti ġudizzjarji tikser l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

79.

Jekk, kif osserva l-Gvern Pollakk, l-Artikolu 11355 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk ma jagħmilx diskriminazzjoni diretta minħabba ċ-ċittadinanza, peress li huwa japplika fil-każijiet kollha fejn parti, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha, tkun domiċiljata fi Stat Membru ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li, bħal ma ġustament argumentat il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tapplika prinċipalment għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, li, ħafna drabi, ma jkollhomx domiċilju jew residenza abitwali fil-Polonja, pjuttost milli għaċ-ċittadini Pollakki.

80.

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Gvern Pollakk li n-notifika fittizja ma hijiex diskriminatorja peress li sanzjoni identika hija prevista fl-Artikolu 136(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk fil-konfront ta’ parti domiċiljata fil-Polonja hija, fl-opinjoni tiegħi, mhux eżatta. Fil-fatt, bid-differenza għall-parti li tirrisjedi f’pajjiż barrani, il-parti domiċiljata fil-Polonja ma hijiex rikjesta li taħtar rappreżentant responsabbli li jaċċetta n-notifiki. Hija esposta għas-sanzjoni tan-notifika fittizja biss fil-każ partikolari fejn hija ma tinformax lill-qorti bil-bidla fir-residenza jew fis-sede tagħha matul il-proċeduri.

81.

Il-motivazzjonijiet imressqa mill-Gvern Pollakk insostenn tal-obbligu li tagħżel domiċilju fil-Polonja, prinċiparjament, il-bżonn li tiżgura żvolġiment effiċjenti tal-proċeduri ġudizzjarji, ma jidhirlix li jikkostitwixxu raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw iż-żamma tiegħu, peress li r-Regolament Nru 1393/2007 għandu preċiżament bħala għan li jiffaċilita u jħaffef it-trażmissjoni transkonfinali billi jipprovdi diversi metodi ta’ trażmissjoni tal-atti.

82.

Konsegwentement nikkunsidra li l-Artikolu 11355 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk jikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 18 TFUE.

III – Konklużjoni

83.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domanda magħmula mis-Sąd Rejonowy w Koszalinie bil-mod segwenti:

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1393/2007, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-atti ġudizzjarji indirizzati lil parti li d-domiċilju, ir-residenza abitwali jew is-sede tagħha jkunu fi Stat Membru ieħor jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża u jitqiesu li ġew innotifikati, meta l-imsemmija parti ma taħtarx rappreżentant awtorizzat li jaċċetta n-notifiki li jirrisjedi fl-Istat Membru fejn ikunu l-proċeduri.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 324, p. 79.

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“konjuġi Alder”.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227.

( 5 ) Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

( 6 ) Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmi regolament.

( 7 ) Taqsima 2 tar-Regolament Nru 1393/2007.

( 8 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, Plumex (C-473/04, Ġabra p. I-1417, punti 19 sa 22).

( 9 ) Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament.

( 10 ) Artikolu 13 tal-imsemmi regolament.

( 11 ) Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007.

( 12 ) Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament.

( 13 ) Il-Gvern Pollakk u Taljan iċċitaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4 p. 42). Il-Gvern Pollakk żied ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19,Vol. 6, p. 243 iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), kif ukoll ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 14 ) Petizzjoni 0277/2010, ippreżentata minn A. K., ta’ nazzjonalità Pollakka, dwar l-impossibbiltà, fil-Polonja, li tinnotifika dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji bil-posta jew b’mezzi elettroniċi.

( 15 ) ĠU 1997, C 261, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1997”.

( 16 ) Ara l-punt 3 tal-introduzzjoni tar-rapport spjegattiv dwar il-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar in-notifika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1997, C 261, p. 26).

( 17 ) Iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1965”.

( 18 ) ĠU 1972, L 299, p. 32.

( 19 ) ĠU 1997, C 15, p. 1.

( 20 ) Manuel pratique sur le fonctionnement de la Convention Notification de La Haye, Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, it-tielet edizzjoni, Wilson u Lafleur, Montréal, 2006.

( 21 ) Punt 41, p. 23.

( 22 ) C-443/03, Ġabra p. I-9611.

( 23 ) C-14/08, Ġabra p. I-5439.

( 24 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Leffler (punt 45) kif ukoll Roda Golf u Beach Resort (punt 48).

( 25 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 805/2004/KE, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).

( 26 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1896/2006/KE, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

( 27 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 861/2007/KE, tal-11 ta’ Lulju 2007, li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, p. 1).

( 28 ) Skont il-premessa 13 tar-Regolament Nru 805/2004, “kull metodu ta’ notifika li huwa bbażat fuq assunzjonijiet legali fir-rigward tat-twettieq ta’ dawk l-istandards minimi ma għandhomx jitqiesu bħala suffiċjenti għaċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar” u skont il-premessa 19 tar-Regolament Nru 1896/2006, “kwalunkwe metodu bbażat fuq fictio juris m’għandux jitqies biżżejjed għan-notifika ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea”.

( 29 ) L-Artikolu 13(1)(c) tar-Regolament Nru 805/2004, l-Artikolu 14(1)(e) tar-Regolament Nru 1896/2006, u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 861/2007.

( 30 ) Artikolu 10(a) ta’ din il-konvenzjoni.

( 31 ) L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 jimponi l-użu ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla jew kwalunkwe metodu ekwivalenti.

( 32 ) Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU 2010, C 115, p. 1).

( 33 ) Ara l-punt 3 tal-Programm ta’ Stokkolma.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, B. Hess, “Nouvelles techniques de la coopération judiciaire transfrontière en Europe”, Revue critique de droit international privé, 2003, p. 215. Dan l-awtur qajjem “bidla kunċettwali” fis-sistema Ewropea ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li “ma baqgħetx iddefinita iktar abbażi ta’ kooperazzjoni inter-statali, iżda fuq l-interessi tal-bżonnijiet tal-individwi” (p. 221 u 222).

( 35 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Övüs vs It-Turkija tat-13 ta’ Ottubru 2009, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 36 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Gospodinov vs Il-Bulgarija tal-10 ta’ Mejju 2007, punt 40.

( 37 ) C-14/07, Ġabra p. I-3367.

( 38 ) Punt 47.

( 39 ) Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament.

( 40 ) Artikolu 14 tal-imsemmi regolament.

( 41 ) Proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [COM(1999) 219 finali].

( 42 ) Ara l-proposta emendata tar-Regolament tal-Kunsill dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali [COM(2000) 75 finali].

( 43 ) Ara l-ġustifikazzjoni tal-emenda 1 fir-rapport dwar l-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (A5-0060/1999 finali).

( 44 ) Sentenzi ċċitati Leffler (punt 46) kif ukoll Roda Golf u Beach Resort (punt 49).

( 45 ) Ara f’dan is-sens, H. Schack, “Transnational Service of Process: A Call for Uniform and Mandatory Rules”, Revue de droit uniforme, April 2001, p. 827. Skont dan l-awtur, “sa fejn r-regoli nazzjonali tan-notifika tal-proċess iċaħħdu lill-konvenut mid-dritt tas-smigħ, dawn jiksru r-rekwiżit ta’ smigħ xieraq tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB” (p. 836).

( 46 ) C-292/10.

( 47 ) Is-sentenza G, iċċitata iktar ’il fuq, applikat ir-regola pprovduta fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li tipprovdi li l-qorti għandha tissosspendi l-proċedura sakemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftaħ l-att promotur jew att ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan. Madankollu, regola li tissosspendi l-proċedura identika tidher fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, li hija faċilment spjegata, peress li r-regola tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2011 ġiet direttament importata mill-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1965, li fuqha huwa bbażat ir-Regolament Nru 1393/2007 (ara f’dan is-sens, E. Pataut, “Notifications internationales et règlement ‘Bruxelles I’”, Vers de nouveaux équilibres entre ordres juridiques – Mélanges en l’honneur d’Hélène Gaudemet-Tallon, Dalloz, Pariġi, 2008, p. 377, spéc. p. 381).

( 48 ) Sentenza G, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).

( 49 ) Ibidem (punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Carron (198/85, Ġabra p. 2437, punt 14).

( 51 ) Din id-dispożizzjoni tippreċiża li barra minn jew “minflok” l-għażla tal-indirizz tan-notifika, ir-rikors jista’ jindika li l-avukat jew l-aġent jaċċetta li jiġu indirizzati lilu notifiki permezz ta’ faks jew kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni.

( 52 ) Ara, fuq dan is-suġġett, B. Hess, op. cit.

( 53 ) L-espressjoni kienet użata minn Herbert Roth sabiex jiddeskrivi l-metodu ta’ notifika fittizja li tikkostitwixxi il-“wasla lill-prosekutur”, li kienet fis-seħħ f’diversi leġiżlazzjonijiet ta’ Stati Membri (ara H. Roth, “Remise au parquet und Auslandszustellung nach dem Haager Zustellungsübereinkommen von 1965”, Praxis des Internationalen Privat-und Verfahrensrechts, 2000, p. 497).

( 54 ) Sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Data Delecta u Forsberg (C-43/95, Ġabra p. I-4661, punt 12); tal-20 ta’ Marzu 1997, Hayes (C-323/95, Ġabra p. I-1711, punt 13), kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C-122/96, Ġabra p. I-5325, punt 19).

( 55 ) C-398/92, Ġabra p. I-467.

Top