EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0171

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2012.
Fra.bo SpA vs Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches eV (DVGW) — Technisch-Wissenschaftlicher Verein.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva — Proċedura nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni — Preżunzjoni ta’ konformità mad-dritt nazzjonali — Applikabbiltà tal-Artikolu 28 KE għal organu privat ta’ ċertifikazzjoni.
Kawża C-171/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:176

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2012 ( 1 )

Kawża C-171/11

Fra.bo SpA

vs

Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches eV (DVGW) — Technisch-Wissenschaftlicher Verein

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgerichts Düsseldorf (il-Ġermanja)]

“Artikolu 34 TFUE — Moviment liberu tal-merkanzija — Effett dirett orizzontali tal-moviment liberu tal-merkanzija — Tfassil ta’ standards tekniċi minn assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat — Ċertifikazzjoni ta’ prodotti minn din l-assoċjazzjoni — Preżunzjoni legali li l-prodotti ċċertifikati jikkorrispondu għall-ispeċifikazzjonijiet fis-seħħ għall-użu tagħhom — Ostakolu kunsiderevoli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mhux iċċertifikati”

I – Introduzzjoni

1.

F’dan il-każ, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) qabelxejn tixtieq issir taf jekk assoċjazzjoni rregolata bid-dritt privat li tfassal b’mod partikolari standards tekniċi għal prodotti tal-qasam tal-provvista tal-ilma tax-xorb u tiċċertifika jew tqabbad lil min jiċċertifika prodotti abbażi ta’ dawn l-istandards tekniċi għandhiex tosserva l-moviment liberu tal-merkanzija fl-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet meta jkun hemm preżunzjoni legali li l-prodotti ċċertifikati b’dan il-mod jikkorrispondu għall-ispeċifikazzjonijiet fis-seħħ għall-użu ta’ dawn il-prodotti fil-qasam tal-provvista tal-ilma tax-xorb. B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju qed tindirizza l-kwistjoni kontroversjali tal-effett dirett orizzontali tal-libertajiet fundamentali b’mod ġenerali u tal-moviment liberu tal-merkanzija b’mod partikolari. Jekk, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, għandha tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda tal-effett dirett orizzontali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod sussidjarju, jekk l-attività tal-assoċjazzjoni inkwistjoni tistax taqa’ taħt il-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101 TFUE.

2.

Iktar ’il quddiem, qabelxejn ser neżamina l-kwistjoni jekk l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ assoċjazzjoni rregolata bid-dritt privat, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-merkanzija. Peress li, fil-fehma tiegħi, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, għandha tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda tal-effett dirett orizzontali tal-moviment liberu tal-merkanzija, m’iniex ser neżamina t-tieni domanda, magħmula b’mod sussidjarju.

II – Id-dritt nazzjonali

3.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista tal-ilma (Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Versorgung mit Wasser, iktar ’il quddiem l-“AVBWasserV”) ( 2 ) huwa fformulat kif ġej:

“Meta l-impriżi tal-provvista tal-ilma jużaw għall-konnessjoni man-netwerk pubbliku tal-provvista tal-ilma u għall-provvista tal-ilma lill-pubbliku mudelli ta’ kuntratt jew ta’ kundizzjonijiet ġenerali fformulati b’mod identifiku għall-parti l-kbira tal-kuntratti (kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ), għandhom jiġu applikati l-Artikoli 2 sa 34. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu parti integrali mill-kuntratt ta’ provvista, sakemm il-paragrafu 3 u l-Artikolu 35 ma jipprovdux mod ieħor”.

4.

Taħt it-titolu “Installazzjoni klijent”, l-Artikolu 12 tal-AVBWasserV, fil-verżjoni fis-seħħ sas-27 ta’ Jannar 2010, jipprovdi:

“1.   Il-konsumatur huwa responsabbli mill-assemblaġġ, mill-estensjoni, mill-modifikazzjoni u mill-manutenzjoni tal-installazzjoni li tkun tinsab wara l-punt ta’ konnessjoni tal-bini, ħlief għall-apparat tal-kejl tal-konsum tal-impriża tal-provvista tal-ilma. Jekk huwa jkun kera lil terz jew b’mod ieħor ikun qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ terz l-installazzjoni jew partijiet minnha, huwa wkoll responsabbli ta’ dan it-terz.

2.   L-assemblaġġ, l-estensjoni, il-modifikazzjoni u l-manutenzjoni tal-installazzjoni jistgħu jsiru biss billi jiġu osservati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u dispożizzjonijiet legali jew amministrattivi oħrajn kif ukoll ir-regoli tekniċi rikonoxxuti. […]

[…]

4.   Jistgħu jintużaw biss materjali u apparati prodotti skont ir-regoli tekniċi rikonoxxuti. Il-marka ta’ approvazzjoni ta’ organu ta’ kontroll rikonoxxut (pereżempju, id-DIN DVGW, id-DVGW jew il-GS) tiċċertifika li dawn il-kundizzjonijiet jkunu ġew sodisfatti.

[…]”

5.

Mit-28 ta’ Jannar 2010, ir-Regolament tat-13 ta’ Jannar 2010 emenda kif ġej l-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV:

“Jistgħu jintużaw biss materjali u apparati konformi mar-regoli tekniċi rikonoxxuti. Meta jkun hemm immarkar CE li jiċċertifika l-konformità għall-użu fil-qasam tal-ilma tax-xorb, il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sentenza għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti. Meta ma jkun meħtieġ l-ebda mmarkar CE, l-imsemmija kundizzjonijiet għandhom jitqiesu bħala li ġew sodisfatti wkoll meta l-prodott jew l-apparat ikollu l-marka ta’ approvazzjoni ta’ organu ta’ ċertifikazzjoni akkreditat tas-settur, b’mod partikolari d-DIN DVGW jew id-DVGW. Il-prodotti u l-apparati li

1.

ikunu ġew immanifatturati skont id-dritt fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea jew

2.

ikunu ġew immanifatturati jew imqiegħda fis-suq skont id-dritt fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fit-Turkija

u li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tal-marki ta’ approvazzjoni fis-sens tat-tielet sentenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti, inklużi l-kontrolli u l-verifiki li jkunu saru fl-Istati ċċitati iktar ’il fuq, meta dawn jippermettu li jintlaħaq sostenibbilment il-livell ta’ protezzjoni fil-Ġermanja”.

III – Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija impriża stabbilita fl-Italja li tipproduċi u tiddistribwixxi attrezzatturi tar-ram. Dawn l-attrezzaturi tar-ram huma l-elementi li jorbtu żewġ katusi li jkunu mgħammra b’ġonot tal-elastomer fit-truf tagħhom sabiex tiżgura l-impermeabbiltà tagħhom.

7.

Il-konvenuta hija d-Deutscher Verein des Gas- und Wasserfaches e.V. (iktar ’il quddiem id-“DVGW”), assoċjazzjoni rreġistrata taħt id-dritt Ġermaniż li, skont l-istatut, għandha l-għan li tippromwovi l-professjoni tal-gass u tal-ilma. Hija tistabbilixxi, fil-kuntest ta’ proċedura formalizzata, standards tekniċi għall-prodotti tas-settur tal-gass u tal-ilma. L-iskeda teknika W 534, imfassla mid-DVGW, hija l-istandard tekniku applikabbli għall-użu, fil-qasam tal-provvista tal-ilma tax-xorb, tal-attrezzaturi mmanifatturati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

8.

Fi tmiem l-1999, ir-rikorrenti ressqet talba quddiem id-DVGW għal ċertifikazzjoni tal-attrezzatura tar-ram inkwistjoni għas-settur tal-ilma. Id-DVGW inkarigat lill-Materialprüfungsanstalt Darmstadt (iktar ’il quddiem l-“MPA Darmstadt”), organu rrikonoxxut minnha, biex iwettaq il-kontrolli previsti mill-iskeda teknika W 534. L-MPA Darmstadt, min-naħa tiegħu, inkariga permezz ta’ sottokuntratt lill-impriża Cerisie Laboratorio (iktar ’il quddiem “CL”) fl-Italja, li ma hijiex irrikonoxxuta mid-DVGW imma li hija rrikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti Taljani. Wara dan, f’Novembru 2000, id-DVGW tat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ċertifikat limitat għal ħames snin għas-settur tal-ilma.

9.

Wara oġġezzjonijiet magħmula min-naħa ta’ terzi, id-DVGW fetħet proċedura ta’ kontroll addizjonali li għalih, għal darb’oħra, kienet inkarigata MPA Darmstadt. It-“test tal-ożonu” wkoll kien jagħmel parti minn dawn il-kontrolli. F’Ġunju 2005, hija informat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-attrezzatura ma kinitx għaddiet mit-test tal-ożonu imma li, kif kienu jipprevedu r-regoli tagħha, din kellha tliet xhur sabiex tipproduċi rapport ta’ kontroll pożittiv. Id-DVGW ma aċċettatx rapport ta’ kontroll min-naħa ta’ CL li ġie prodott sussegwentement mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minħabba li hija ma kinitx irrikonoxxiet lil CL bħala organu ta’ kontroll.

10.

Fil-frattemp, l-iskeda teknika W 534 ġiet emendata fil-kuntest ta’ proċedura formalizzata, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx ipparteċipat fiha. Sabiex tiggarantixxi ħajja itwal għall-prodotti ċċertifikati, ġie introdott “test ta’ 3000 siegħa” fejn il-materjal jiġi suġġett għal temperatura ta’ 110 gradi ċentigradi matul 3000 siegħa fl-ilma jagħli. Skont ir-regoli tad-DVGW, id-detenturi taċ-ċertifikati għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal ċertifikazzjoni addizjonali f’terminu ta’ tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda fl-iskeda teknika applikabbli, sabiex jipprovaw l-konformità mar-rekwiżiti emendati. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ppreżentatx tali applikazzjoni. Fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, ġie stabbilit li l-attrezzatura tagħha ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tat-test tat-3 000 siegħa.

11.

F’Ġunju 2005, id-DVGW irtirat iċ-ċertifikat li kienet tat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ipproduċiet rapport pożittiv tat-test ta’ 3000 siegħa. Hija ċaħdet applikazzjoni għal proroga taċ-ċertifikat minħabba li ma kienx hemm iktar ċertifikat li seta’ jiġi pprorogat.

12.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra l-irtirar u r-rifjut ta’ proroga taċ-ċertifikat quddiem il-Landgericht Köln, li ċaħditha. Hija ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju.

13.

Billi l-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar jekk id-DVGW għandhiex tosserva r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ tfassil ta’ standards u ta’ ċertifikazzjoni u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema minnhom għandha tosserva, hija ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 28 KE (li sar l-Artikolu 34 TFUE), jekk meħtieġ, flimkien mal-Artikolu 86(2) KE (Artikolu 106(2) TFUE), għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġu stabbiliti regoli [standards] tekniċi, kif ukoll matul il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, korpi [organi] rregolati [b]id-dritt privat maħluqa sabiex jistabbilixxu regoli [standards] tekniċi f’qasam speċifiku, kif ukoll sabiex jiċċertifikaw prodotti skont dawn ir-regoli [l-istandards], huma mistennija jirrispettaw dawn id-dispożizzjonijiet jekk il-leġiżlatur nazzjonali espressament jikkunsidra l-prodotti ċċertifikati bħala konformi mal-liġi, li għall-inqas, għandu l-effett li jostakola kunsiderevolment il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma humiex ċċertifikati?

2.

Jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE) għandu jiġi interpretat fis-sens li n-negozju ta’ korp [organu] rregolat [b]id-dritt privat fil-qasam tal-istabbiliment ta’ regoli [standards] tekniċi u taċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti skont dawn ir-regoli [l-istandards] tekniċi, deskritt f’iktar dettall fil-paragrafu 1, għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘ekonomiku’ meta l-korp [organu] huwa kkontrollat minn impriżi?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti ta’ din id-domanda:

L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istabbiliment ta’ regoli [standards] tekniċi u ċ-ċertifikazzjoni skont dawn ir-regoli [l-istandards] minn assoċjazzjoni ta’ impriżi hija ta’ natura li tostakola l-iskambji [kummerċ] bejn l-Istati Membri meta prodott iffabbrikat skont il-liġi u kkumerċjalizzat fi Stat Membru ieħor ma jistax jiġi kkummerċjalizzat jew li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu hija ostakolata kunsiderevolment fl-Istat Membru ta’ importazzjoni minħabba li ma jissodisfax ir-rekwiżit tar-regola teknika [tal-istandard tekniku] u billi huwa prattikament impossibbli li jiġi kkummerċjalizzat mingħajr tali ċertifikat fid-dawl tal-predominanza tar-regola teknika [tal-istandard tekniku] fis-suq u ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali li tipprovdi li ċertifikat tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għand[u] [j]indika osservanza tar-rekwiżiti legali u meta r-regola teknika [l-istandard tekniku], jekk din tkun ġiet stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali, tkun inapplikabbli minħabba ksur tal-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, bid-data tat-30 ta’ Marzu 2011 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2011. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-DVGW, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza taż-ŻEE ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tad-DVGW, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Kummissjoni u tal-Awtorità ta’ Sorveljanza taż-ŻEE pparteċipaw fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2012.

V – L-argumenti tal-partijiet

15.

B’risposta għall-ewwel domanda preliminari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Ċeka, l-Awtorità ta’ Sorveljanza taż-ŻEE u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, id-DVGW għandha tosserva l-moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li d-DVGW tista’ tinvoka l-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE, sabiex tiġġustifika limitazzjoni eventwali għall-moviment liberu tal-merkanzija u li din għandha tingħata marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. F’dan il-kuntest, id-DVGW tenfasizza wkoll li l-limitazzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija jistgħu jiġu ġġustifikati b’raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-DVGW u l-Kummissjoni biss ipproponew risposta għat-tieni domanda. B’hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni waslu għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għall-projbizzjoni tal-akkordji, abbażi tal-Artikolu 101 TFUE, imsemmija f’din id-domanda preliminari ġew sodisfatti. Min-naħa l-oħra, id-DVGW issuġġeriet li tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda preliminari.

VI – Kunsiderazzjonijiet legali

A – L-ewwel domanda preliminari

17.

Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk, u f’liema kundizzjonijiet, organu nazzjonali rregolat bid-dritt privat li jfassal standards tekniċi għal prodotti tal-qasam tal-provvista tal-ilma tax-xorb u, abbażi ta’ dawn l-istandards, jittestja u jiċċertifika jew iqabbad lil min jiċċertifika l-prodotti għandux, fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, josserva r-rekwiżiti tad-drittijiet primarji marbuta mal-moviment liberu tal-merkanzija meta l-istandards tekniċi ta’ dan l-organu ma jirrappreżentawx biss il-konoxxenzi tekniċi, imma li jkun ukoll preżunt li l-prodotti ttestjati u ċċertifikati jkunu konformi mal-liġi, tant li jkun prattikament impossibbli li jiġu kkummerċjalizzati prodotti li ma jkollhomx tali ċertifikat.

18.

Sabiex tinftiehem aħjar din id-domanda, qabelxejn ser nindirizza l-aspetti tat-talba għal deċiżjoni preliminari li huma marbuta mal-kwistjonijiet tal-istandardizzazzjoni. Sussegwentement, ser nanalizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-effett dirett orizzontali tal-libertajiet fundamentali. Abbażi ta’ dawn ir-riflessjonijiet, imbagħad se nirrispondi għad-domanda tal-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-merkanzija għad-DVGW f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali.

1. L-aspetti marbuta mal-kwistjonijiet tal-istandardizzazzjoni

a) Ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-istandards armonizzati u tal-istandards tekniċi nazzjonali marbuta mal-prodotti għall-kostruzzjoni

19.

L-introduzzjoni ta’ standards tekniċi għal prodotti applikabbli fl-Unjoni kollha, il-kontroll strett tal-osservanza tagħhom u l-marka tal-prodotti konformi ma’ dawn l-istandards tekniċi huma kontribuzzjoni importanti sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ sigurtà għall-prodotti fl-Unjoni Ewropea. Is-sostituzzjoni tal-istandards tekniċi nazzjonali differenti b’rekwiżiti tekniċi applikabbli fl-Unjoni kollha tiffavorixxi fl-istess ħin il-moviment liberu tal-merkanzija fl-istess Unjoni. Din hija r-raġuni għaliex l-unifikazzjoni tal-istandards tekniċi tal-prodotti huwa għan importanti tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Għal dan il-għan, minn nofs is-snin 80 tas-seklu l-ieħor, huwa adotta approċċ ġdid (“New Approach”) fil-qasam tal-armonizzazzjoni teknika u tal-istandardizzazzjoni. B’hekk, il-leġiżlatur jiffissa r-rekwiżiti fundamentali f’“Direttivi Approċċ Ġdid” li għandhom jissodisfaw il-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi. Dawn ir-rekwiżiti ġenerali huma ppreċiżati minn organui privati ta’ standardizzazzjoni li jfasslu, f’isem il-Kummissjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li sussegwentement jistgħu jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni bħala standards armonizzati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-osservanza u l-użu ta’ tali standards mill-manifatturi huma fakultattivi. Madankollu, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-prodotti konformi mal-istandards armonizzati jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti fundamentali tad-direttiva korrispondenti ( 3 ).

20.

Fil-qasam tal-prodotti għall-kostruzzjoni, hija d-Direttiva tal-Kunsill [89/106/KEE], tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini [għall-kostruzzjoni] ( 4 ) li għandha l-għan li tarmonizza r-rekwiżiti tekniċi u l-istandards. Din id-Direttiva titbiegħed mill-“approċċ il-ġdid” sa fejn ma tistabbilixxix eżiġenzi diretti fir-rigward ta’ prodotti għall-kostruzzjoni, iżda tikkonstata, fl-Anness I, l-eżiġenzi essenzjali applikabbli għax-xogħlijiet ( 5 ). Dawn ir-rekwiżiti essenzjali jipproduċu effetti fejn jikkonċernaw il-prodotti għall-kostruzzjoni fis-sens li dawn għandhom jippermettu li x-xogħlijiet li huma inkorporati fihom jissodisfaw ir-rekwiżiti fformulati fl-Anness I tad-Direttiva 89/106.

21.

Ir-rekwiżiti diretti għall-prodotti għall-kostruzzjoni jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ddefiniti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/106 u b’hekk fuq kollox mill-istandards Ewropej armonizzati ( 6 ). Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/106, li l-applikabbiltà tagħhom hija suġġetta għall-eżistenza ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, normalment ikunu jistgħu jiġu applikati fir-rigward ta’ ċerti prodotti għall-kostruzzjoni biss jekk, u sa fejn, ikun hemm standard Ewropew armonizzat għal dawn il-prodotti għall-kostruzzjoni ( 7 ). Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-projbizzjoni li jsiru ostakoli prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/106 ( 8 ).

22.

Madankollu, in-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati jew irrikonoxxuti fuq il-livell tal-Unjoni għal ċerti prodotti għall-kostruzzjoni ma jagħtix lill-Istati Membri libertà bla limitu biex jintroduċu standards tekniċi nazzjonali li jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali prodotti. Anzi, Stat Membru jista’ jissuġġetta t-tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu ta’ prodott għall-kostruzzjoni, li ma jkunx kopert minn speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati jew rikonoxxuti fuq il-livell tal-Unjoni, biss għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu konformi mal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat, b’mod partikolari l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 34 TFUE u fl-Artikolu 36 TFUE ( 9 ).

b) L-istandards tekniċi armonizzati u l-istandards tekniċi nazzjonali tal-prodotti għall-kostruzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

23.

Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti sostniet li l-attrezzatura li timmanifattura hija koperta mill-istandard Ewropew armonizzat EN 681-1 dwar il-ġonot tal-elastomer, li jikkonċerna rekwiżiti fundamentali tad-Direttiva 89/106. Madankollu, abbażi tal-fatti kkonstatati minnha, il-qorti tar-rinviju waslet għall-konklużjoni li l-attrezzaturi inkwistjoni ma huma koperti mill-ebda standard Ewropew armonizzat.

24.

Fil-kawża prinċipali ġie stabbilit li l-użu tal-attrezzaturi inkwistjoni fil-qasam tal-provvista tal-ilma tax-xorb huwa kopert, f’livell nazzjonali, minn standard tekniku mfassal mid-DVGW, jiġifieri l-“iskeda teknika W 534” tad-DVGW.

25.

L-iskedi tekniċi tad-DVGW għandhom natura legali ibrida. Minn naħa, huma jesprimu regoli tekniċi mfassla minn assoċjazzjoni rregolata bid-dritt privat. Minn din il-perspettiva, dawn l-iskedi tekniċi jidhru bħala l-formulazzjoni ta’ konoxxenzi tekniċi fil-qasam tal-gass u tal-ilma miġbura flimkien mid-DVGW. Min-naħa l-oħra, l-istandards tad-DVGW jipproduċu effetti legali mhux negliġibbli fil-qasam tal-provvista tal-ilma tax-xorb. Fil-fatt, skont l-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV, il-prodotti użati għall-assemblaġġ, għall-estensjoni, għall-modifikazzjoni u għall-manutenzjoni tal-installazzjonijiet klijenti konnessi man-netwerk pubbliku tal-provvista tal-ilma jitqiesu bħala konformi mar-regoli tekniċi rrikonoxxuti meta jiġu ċċertifikati bil-marka ta’ approvazzjoni tad-DVGW. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV jobbliga, indirettament ( 10 ), lill-konsumatur fil-konfront tal-impriża tal-provvista tal-ilma biex juża, għall-installazzjoni tiegħu li tinstab wara l-punt ta’ konnessjoni tal-bini, biss il-prodotti u l-apparati li jkunu konformi mar-regoli tekniċi rrikonoxxuti. F’dan il-kuntest, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV tagħmel il-kummerċjalizzazzjoni fil-Ġermanja tal-pajpijiet u tal-prodotti konnessi għad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb prattikament impossibbli mingħajr ċertifikazzjoni tad-DVGW.

26.

Id-DVGW tipproċedi għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti abbażi tal-istandards tekniċi li fasslet, fatt li għamlet direttament sal-2007 u li minn dak iż-żmien qed tagħmilha permezz ta’ sussidjarja 100 % tagħha. Iċ-ċertifikati għandhom validità limitata ta’ xi snin u jistgħu jiġu rtirati qabel iż-żmien jekk l-istandard ma jibqax iktar osservat. Matul dan il-perijodu, tista’ wkoll tinfetaħ proċedura ta’ kontroll addizjonali li tista’ twassal biex iċ-ċertifikat jiġi rtirat. Skont ir-regoli tad-DVGW, il-kontrolli neċessarji jistgħu jsiru biss f’laboratorji rrikonoxxuti minnha.

2. Il-ġurisprudenza marbuta mal-effett dirett orizzontali tal-libertajiet fundamentali

27.

Fil-kuntest tan-natura legali ibrida, diġà msemmija, tal-iskeda teknika W 534 tad-DVGW, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, permezz tal-ewwel domanda tagħha, jekk, minkejja l-forma legali ta’ assoċjazzjoni rregolata bid-dritt privat, id-DVGW għandhiex tosserva r-rekwiżiti tad-dritt primarju marbuta mal-moviment liberu tal-merkanzija fil-kuntest tat-tfassil tal-iskeda teknika W 534, kif ukoll fiċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti għall-provvista tal-ilma tax-xorb abbażi ta’ dak l-istandard. B’hekk, il-qorti tar-rinviju qed tqajjem il-kwistjoni tal-effett dirett orizzontali tal-moviment liberu tal-merkanzija f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali.

28.

Biex tingħata risposta għal din id-domanda, jidhirli li qabelxejn ikun opportun li titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-effett dirett orizzontali tal-libertajiet fundamentali.

a) L-effett dirett orizzontali tal-libertajiet fundamentali

29.

L-Istati Membri huma d-destinatarji prinċipali tal-libertajiet fundamentali, tant li, fil-prinċipju, il-miżuri nazzjonali biss jistgħu jiġu evalwati direttament fid-dawl tal-libertajiet fundamentali ( 11 ). Madankollu, f’ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha t-tendenza li tagħti interpretazzjoni wiesgħa lill-kunċett ta’ miżuri nazzjonali; f’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li persuna jew organu taqa’ formalment taħt l-awtorità tal-Istat jew ikollha statut irregolat bid-dritt pubbliku biex l-atti tagħha jkunu assimilati għal miżuri ta’ Stati Membri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina wkoll il-kompatibbiltà mal-libertajiet fundamentali tal-miżuri meħuda minn organizzazzjonijiet professjonali meta d-dritt nazzjonali jkun ta prerogattivi ta’ awtorità pubblika lil dawn l-organizzazzjonijiet ( 12 ). Barra minn hekk, jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala miżuri pubbliċi imputabbli lill-Istati Membri, l-atti ta’ persuni ġuridiċi kkostitwiti skont id-dritt privat li jkunu kkontrollati direttament jew indirettament mill-Istat Membru inkwistjoni ( 13 ).

30.

Barra minn hekk, tendenza ċara fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonsisti, abbażi ta’ din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ miżuri nazzjonali u tal-estensjoni li tirriżulta mid-definizzjoni ta’ interferenza fil-libertajiet fundamentali, fl-estensjoni indiretta, f’ċerti ċirkustanzi, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali għall-atti tal-individwi, anki meta dawn ma jkollhomx prerogattivi simili għal prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

31.

Dan jirriżulta b’mod partikolari fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn, f’ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri huma obbligati, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, jipproteġu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali mill-ostakoli illegali imposti minn individwi. Is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza ( 14 ), u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger ( 15 ), bla ebda dubju jgħoddu fost is-sentenzi l-iktar magħrufa fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn is-sentenzi jimplikaw li, f’ċerti kundizzjonijiet, l-atti tal-individwi jistgħu, permezz tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jipproteġu l-libertajiet fundamentali u b’hekk, indirettament, jiġu evalwati fid-dawl tal-libertajiet fundamentali ( 16 ).

32.

Minbarra din l-estensjoni indiretta tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali għall-atti tal-individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-libertajiet fundamentali kienu direttament applikabbli għal ċerti tipi ta’ regoli kollettivi adottati minn individwi. B’hekk, fil-kuntest ta’ ġurisprudenza issa stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 56 TFUE ma jirregolawx biss l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, imma japplikaw ukoll għal regoli ta’ natura oħra intiżi sabiex jirregolaw, b’mod kollettiv, ix-xogħol bil-paga, ix-xogħol indipendenti u l-provvista ta’ servizzi ( 17 ).

33.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta b’mod partikolari li tista’ tiġi vverifikata l-kompatibbiltà mal-imsemmija libertajiet fundamentali tar-regoli miftiehma mal-imsieħba soċjali u stabbiliti fi ftehim kollettiv ( 18 ). Barra minn hekk, fis-sentenza prinċipali “Viking Line”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-azzjonijiet kollettivi magħmula minn sindakat jew minn grupp ta’ sindakati, li ma jikkostitwixxux entitajiet irregolati bid-dritt pubbliku, kontra impriża privata sabiex din tal-aħħar tiġi obbligata tikkonkludi ftehim kollettiv li l-kontenut tiegħu jkun ta’ natura tali li jiddisswadi li jsir użu mil-libertà ta’ stabbiliment, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment ( 19 ).

34.

Tali applikazzjoni diretta tal-libertajiet fundamentali għal ċerti tipi ta’ regoli kollettivi mhux pubbliċi twassal sabiex fuq l-organizzazzjonijiet li jfasslu tali ftehim, anki jekk dawn ma jkunux entitajiet irregolati bid-dritt pubbliku, ikun impost li josservaw il-libertajiet fundamentali meta din l-attività tkun tikkonċerna l-eżerċizzju tal-imsemmija libertajiet. Dan ġeneralment jiġi indikat bl-espressjoni “effett dirett orizzontali tal-libertajiet fundamentali”. Madankollu, peress li, skont dik il-ġurisprudenza, l-effett dirett orizzontali jikkonċerna lill-individwi biss fil-kuntest ta’ attività ta’ regoli ddefinita sew, dan huwa effett dirett orizzontali limitat.

35.

Madankollu, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, bis-sentenza Angonese ferm magħrufa, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet pass importanti lejn l-impożizzjoni fuq l-individwi tal-osservanza tal-libertajiet fundamentali barra mill-każ tat-tfassil ta’ ċerti tipi ta’ ftehim kollettivi. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet b’mod ġenerali, għall-konklużjoni li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza, stabbilita fl-Artikolu 45 TFUE, tapplika wkoll fir-rigward tal-persuni privati ( 20 ). Madankollu, sa issa, din is-sentenza ġiet ikkonfermata espressament biss mis-sentenza Raccanelli ( 21 ).

b) Ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali minn individwi u l-ġustifikazzjonijiet tagħhom

36.

Peress li ċerti tipi ta’ regoli kollettivi mhux pubbliċi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali, kull miżura jew dispożizzjoni inkluża f’dawn ir-regoli kollettivi li, anki jekk tkun applikabbli mingħajr diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat għandha tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni illegali għal-libertà fundamentali kkonċernata ( 22 ).

37.

Biex tali restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali, fil-prinċipju illegali, ikunu ġġustifikati minn regoli kollettivi redatti minn individwi, jistgħu jiġu invokati, minn naħa, il-ġustifikazzjonijiet “miktubin” previsti espressament fit-TFUE u, min-naħa l-oħra, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali “mhux miktubin” fis-sens tal-ġurisprudenza Cassis de Dijon. Il-ġustifikazzjonijiet miktubin u r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali hawnhekk għandhom inkomuni li jistgħu jkunu involuti biss jekk ir-restrizzjonijiet li għandhom jiġu ġġustifikati jirreżistu għall-eżami tal-proporzjonalità ( 23 ) u b’hekk jidhru adatti, neċessarji u proporzjonati sabiex jintlaħqu l-għanijiet irrikonoxxuti bħala ġustifikazzjonijiet mit-Trattati jew mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ).

38.

Għad trid tingħata tweġiba għall-mistoqsija jekk, sabiex ikunu ġġustifikati l-limitazzjonijiet għal-libertajiet fundamentali minn regoli kollettivi, minbarra l-ġustifikazzjonijiet miktubin u r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jistgħux ikunu invokati ġustifikazzjonijiet oħrajn. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultaw żewġ tendenzi. Fil-parti l-kbira tas-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja titlob il-prova tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni miktuba jew ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali rrikonoxxuta sabiex ikunu ġġustifikati restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali minn ċerti tipi ta’ regoli kollettivi mhux pubbliċi ( 25 ); madankollu, f’sentenzi oħrajn, hija ma eskluditx ġustifikazzjoni għal tali restrizzjonijiet minħabba raġunijiet speċifiċi ta’ interess privat ( 26 ).

39.

Il-Qorti tal-Ġustizzja marret ftit iktar ’il bogħod fis-sentenza Angonese, fejn hija paċiet parzjalment l-estensjoni għall-individwi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema, imwettqa minnha, b’estensjoni tal-ġustifikazzjonijiet. Fil-fatt, skont din is-sentenza, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema minn individwi tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u proporzjonati għall-għan leġittimament insegwit ( 27 ). Madankollu, għad irid jiġi ddeterminat sa fejn il-“kunsiderazzjonijiet oġġettivi” jistgħu wkoll jiġu invokati sabiex ikunu ġġustifikati limitazzjonijiet għal-libertajiet fundamentali minn ċerti tipi ta’ regoli kollettivi mhux pubbliċi.

3. L-obbligu tad-DVGW li tosserva l-moviment liberu tal-merkanzija f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali

40.

Fil-kuntest ta’ din l-analiżi tal-ġurisprudenza marbuta mal-effett dirett orizzontali tal-libertajiet fundamentali, fl-aħħar mill-aħħar għandha tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, fejn qed jiġi mistoqsi jekk, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, fit-tfassil tal-istandards tekniċi tagħha u taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti abbażi ta’ dawn l-istandards, id-DVGW hijiex obbligata tosserva l-moviment liberu tal-merkanzija.

41.

Biex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li, permezz tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV, il-leġiżlatur nazzjonali ta lid-DVGW il-possibbiltà li tfassal regoli tekniċi li jipproduċi preżunzjoni legali ta’ konformità tal-prodotti għall-assemblaġġ, għall-estensjoni, għall-modifikazzjoni u għall-manutenzjoni tal-installazzjonijiet tal-ilma tax-xorb li jinstabu wara l-punt ta’ konnessjoni tal-bini. Fir-rigward tal-attrezzatturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-DVGW użat din il-possibbiltà billi fasslet l-iskeda teknika W 534 u b’hekk kisbet kompetenza de facto sabiex tiddetermina liema attrezzaturi, fil-Ġermanja, jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-pajpijiet u tal-prodotti konnessi għad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-effetti flimkien tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV u tal-attività ta’ ċertifikazzjoni tad-DVGW jew tas-sussidjarja 100 % tagħha abbażi tal-iskeda teknika W 534 jagħmlu l-kummerċjalizzazzjoni fil-Ġermanja tal-pajpijiet u tal-prodotti konnessi għad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb prattikament impossibbli mingħajr ċertifikazzjoni tad-DVGW ( 28 ).

42.

Fid-dawl ta’ din il-kompetenza de facto li għandhom id-DVGW u s-sussidjarja 100 % tagħha sabiex jiddeterminaw liema prodotti għall-assemblaġġ, għall-estensjoni, għall-modifikazzjoni jew għall-manutenzjoni tal-installazzjonijiet tal-ilma tax-xorb li jinstabu wara l-punt ta’ konnessjoni tal-bini għandhom il-possibbiltà li jinbiegħu fis-suq Ġermaniż u, b’hekk, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati, l-attività ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tagħhom ma tistax tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija.

43.

Sabiex ikun iġġustifikat dan l-effett dirett orizzontali tal-moviment liberu tal-merkanzija, jista’ jiġi applikat per analogiam l-argument tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikolu 56 TFUE għal ftehim ta’ natura oħra intiżi sabiex jirregolaw ix-xogħol bil-paga, ix-xogħol indipendenti u l-provvista ta’ servizzi.

44.

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha marbuta mal-effett dirett orizzontali limitat tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx espressament dwar jekk il-moviment liberu tal-merkanzija u l-moviment liberu tal-kapital jistgħux ukoll jiġu applikati fir-rigward ta’ regoli kollettivi mhux pubbliċi. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward tar-regoli kollettivi mhux pubbliċi li jirrigwardaw ix-xogħol bil-paga, ix-xogħol indipendenti u l-provvista ta’ servizzi essenzjalment abbażi tal-effetti ta’ dawn ir-regoli kollettivi. Minn din il-perspettiva, wieħed diffiċilment jista’ jikkonċepixxi kif, f’ċerti kundizzjonijiet, il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jiġu kkunsidrati bħala direttament applikabbli fir-rigward ta’ ftehim kollettivi mhux pubbliċi, imma mbagħad jiġi kategorikament irrifjutat li anki l-moviment liberu tal-merkanzija u l-moviment liberu tal-kapital ikunu applikabbli bl-istess mod ( 29 ).

45.

F’dan il-kuntest, l-ebda oġġezzjoni fil-prinċipju ma tipprekludi t-traspożizzjoni tal-argument żviluppat fil-ġurisprudenza marbuta mal-effett dirett orizzontali limitat tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal każ bħal dak preżenti, li jqajjem il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-merkanzija fir-rigward ta’ assoċjazzjoni rregolata bid-dritt privat li għandha kompetenza leġiżlattiva de facto.

46.

F’ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva, bħala l-ewwel argument li jiġġustifika l-effett dirett orizzontali tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikolu 56 TFUE fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ regoli kollettivi mhux pubbliċi, li t-tneħħija bejn l-Istati Membri tal-ostakoli għall-movimenti liberi u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tiġi kompromessa jekk it-tneħħija tal-barrieri li joriġinaw mill-Istati setgħet tiġi newtralizzata minn ostakoli li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-awtonomija ġuridika tagħhom minn assoċjazzjonijiet jew minn organi li ma humiex irregolati bid-dritt pubbliku ( 30 ).

47.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, dan l-argument ibbażat fuq l-effettività tad-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi traspost għall-attività ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tad-DVGW u tas-sussidjarja 100 % tagħha. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, bl-adozzjoni ta’ standards u biċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti għall-assemblaġġ, għall-estensjoni, għall-modifikazzjoni u għall-manutenzjoni tal-installazzjonijiet tal-ilma tax-xorb li jinstabu wara l-punt ta’ konnessjoni tal-bini, id-DVGW tista’, de facto, tiddetermina liema prodotti jkollhom aċċess għas-suq Ġermaniż. Konsegwentement, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza de facto, id-DGBW u s-sussidjarja 100 % tagħha huma definittivament f’pożizzjoni li jistabbilixxu barrieri ġodda għall-moviment liberu tal-merkanzija.

48.

F’ġurisprudenza stabbilita, bħala t-tieni argument li jiġġustifika l-effett dirett orizzontali tal-Artikolu 45 TFUE fir-rigward tar-regoli kollettivi li jirregolaw ix-xogħol indipendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fid-diversi Stati Membri huma rregolati xi drabi permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja u xi drabi permezz ta’ ftehim kollettivi u atti oħrajn konklużi jew adottati minn persuni privati, billi limitazzjoni għall-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 45 TFUE għall-atti tal-awtorità pubblika twassal għar-riskju li jinħolqu inugwaljanzi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ( 31 ).

49.

F’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, dan l-argument jista’ wkoll jiġi traspost għall-attività ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tad-DVGW u tas-sussidjarja 100 % tagħha fil-qasam tal-provvista tal-ilma tax-xorb. Kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, il-fatt li l-attrezzatturi inkwistjoni f’dan il-każ ma huma koperti mill-ebda standard Ewropew armonizzat fil-qasam tal-ilma tax-xorb ma jfissirx li l-Istati Membri għandhom libertà bla limiti sabiex ifasslu standards tekniċi nazzjonali fir-rigward ta’ tali attrezzaturi. Anzi, meta jistabbilixxu l-istandards nazzjonali, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi li jirriżultaw mill-moviment liberu tal-merkanzija ( 32 ). Jekk meta jfasslu u japplikaw l-istandards tekniċi, l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw dan l-obbligu li josservaw il-libertajiet fundamentali permezz ta’ trasferiment de facto tal-kompetenzi lil assoċjazzjonijiet irregolati bid-dritt privat, dan jirriżulta f’applikazzjoni mhux uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fl-Istati Membri fejn il-kompetenza tal-istandardizzazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni tibqa’ f’idejn l-awtoritajiet pubbliċi bħala missjoni pubblika, din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-libertajiet fundamentali. Min-naħa l-oħra, fl-Istati Membri fejn din il-missjoni tiġi ttrasferita de facto lil assoċjazzjoni rregolata bid-dritt privat, il-libertajiet privati jibqgħu bla effett f’dan ir-rigward.

50.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni biex nikkonkludi li għall-ewwel domanda preliminari għandha tingħata r-riposta li ġejja: li l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li organi rregolati bid-dritt privat maħluqa sabiex ifasslu standards tekniċi f’qasam speċifiku kif ukoll sabiex jiċċertifikaw prodotti skont dawn l-istandards tekniċi għandhom josservaw l-Artikolu 34 TFUE meta jeżerċitaw din l-attività ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni peress li l-leġiżlatur nazzjonali espressament jikkunsidra l-prodotti ċċertifikati minn dawn l-organi rregolati bid-dritt privat bħala konformi mal-liġi, u li konsegwentement, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma jkunux iċċertifikati b’dan il-mod hija prattikament impossibbli.

4. Kunsiderazzjonijiet dwar il-konsegwenzi legali għad-DVGW tal-obbligu li tosserva l-moviment liberu tal-merkanzija

51.

Anki jekk il-qorti tar-rinviju ma talbitx espressament kjarifiki dwar il-konsegwenzi legali li, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, jirriżultaw mill-obbligu li għandhom id-DVGW u s-sussidjarja 100 % tagħha, li josservaw il-moviment liberu tal-merkanzija fil-kuntest tat-tfassil tal-iskeda teknika W 534 u taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti abbażi ta’ dak l-istandard tekniku, ser nindirizza fil-qosor xi problemi importanti li, fid-dawl tal-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jistgħu jinqalgħu sussegwentement għall-proċedura fil-kawża prinċipali.

a) L-obbligu tad-DVGW li tosserva l-moviment liberu tal-merkanzija fil-kuntest tal-attività ta’ standardizzazzjoni tagħha

52.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara li tat iċ-ċertifikat, għas-settur tal-ilma, lill-attrezzaturi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-DVGW immodifikat l-iskeda teknika W 534 u introduċiet it-test ta’ 3000 siegħa. Peress li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda rapport li kien jiċċertifika li l-attrezzaturi tagħha rnexxielhom jgħaddu mit-test ta’ 3000 siegħa, iċ-ċertifikat ġie rtirat f’Ġunju 2005 ( 33 ).

53.

Kif juri b’mod ċar l-eżempju tal-attrezzaturi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-introduzzjoni tat-test ta’ 3000 siegħa fl-iskeda teknika W 534 jista’ jimpedixxi l-moviment liberu tal-merkanzija fir-rigward tal-prodotti koperti minn dan l-istandard tekniku. Peress li l-attrezzaturi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għaddewx minn dan it-test, jew peress li ma ġiet prodotta l-ebda prova rilevanti, iċ-ċertifikat għall-attrezzaturi ġie rtirat, tant li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, stabbilita fl-Italja, ma setgħetx de facto prattikament tikkummerċjalizza iktar dawn l-attrezzaturi fis-suq Ġermaniż.

54.

Minn din il-perspettiva, l-introduzzjoni tat-test ta’ 3000 siegħa fl-iskeda teknika W 534 tagħha għandha tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni għal moviment liberu tal-merkanzija min-naħa tad-DVGW. Il-qorti tar-rinviju ma tarax ġustifikazzjoni għal din ir-restrizzjoni abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet “miktubin” previsti fl-Artikolu 36 TFUE, inqas u inqas għaliex it-test ta’ 3000 siegħa ma huwiex intiż li jipproteġi s-saħħa tal-konsumatur tal-ilma tax-xorb imma pjuttost li jtawwal il-ħajja tal-pajpijiet ( 34 ).

55.

Min-naħa l-oħra, għad irid jiġi ddeterminat jekk ġustifikazzjoni għal din ir-restrizzjoni tistax tirriżulta minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, mhux miktubin u rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza, li jirreżistu anki għal eżami tal-proporzjonalità. Bħala limitazzjoni mhux diskriminatorja, din tkun tista’ tiġi ġġustifikata a priori b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Jekk id-DVGW tkun f’pożizzjoni li tipprova l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni mhux miktuba li tirreżisti għall-eżami tal-proporzjonalità, l-introduzzjoni tat-test ta’ 3000 siegħa fl-iskeda teknika W 534 għandha tiġi kkunsidrata bħala limitazzjoni legali għall-moviment liberu tal-merkanzija.

56.

Jekk id-DVGW ma tkunx f’pożizzjoni li tipprova l-eżistenza ta’ waħda mill-ġustifikazzjonijiet mhux miktubin u rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza, hija tkun tista’ tipprova tinvoka raġunijiet speċifiċi ta’ interess privat abbażi tan-natura tagħha ta’ organu rregolat bid-dritt privat ( 35 ). Billi tinvoka s-sentenza Angonese, id-DVGW tista’ wkoll tissottometti “kunsiderazzjonijiet oġġettivi” sabiex tiġġustifika l-limitazzjoni inkwistjoni ( 36 ). Barra minn hekk, id-DVGW tista’, filwaqt li tinvoka n-natura tagħha ta’ organu rregolat bid-dritt privat, tinvoka l-protezzjoni tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 37 ), pereżempju l-libertà ta’ impriża stabbilita fl-Artikolu 16, u tipprova turi l-eżistenza ta’ kunflitt bejn il-moviment liberu tal-merkanzija u dritt fundamentali wieħed jew iktar li għandu jiġi solvut b’mod xieraq abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 38 ).

57.

Jekk id-DVGW tissottometti b’mod konvinċenti raġunijiet speċifiċi ta’ interess privat, “kunsiderazzjonijiet oġġettivi” jew interessi protetti minn drittijiet fundamentali biex tiġġustifika r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija kkawżata mill-introduzzjoni tat-test ta’ 3000 siegħa fl-iskeda teknika W 534, il-qorti tar-rinviju jkollha tressaq talba għal deċiżjoni preliminari oħra quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u titlob b’mod sostanzjat indikazzjonijiet dwar jekk, u f’liema kundizzjonijiet, l-argumenti mressqa mid-DVGW jistgħu jkunu validi f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza attwali marbuta mal-effett dirett orizzontali tal-libertajiet fundamentali u tar-relazzjonijiet bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali, fil-fehma tiegħi, huwa impossibbli li r-risposta għal dik id-domanda tiġi dedotta bla ebda dubju mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

b) L-obbligu tad-DVGW li tosserva l-moviment liberu tal-merkanzija fil-kuntest tal-attività ta’ ċertifikazzjoni tagħha

58.

Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll addizjonali li tirrigwarda ċ-ċertifikat diġà mogħti għall-attrezzaturi inkwistjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-DVGW rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni r-rapport ta’ kontroll tal-laboratorju Taljan CL, minħabba li dan ma huwiex irrikonoxxut minnha. Fl-istess ħin, il-qorti tar-rinviju qalet li CL huwa rrikonoxxut mill-awtoritajiet Taljani kompetenti ( 39 ).

59.

F’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, tali rifjut assolut li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rapport ta’ kontroll tal-laboratorju Taljan CL jidhirli li jista’ jimpedixxi l-moviment liberu tal-merkanzija fir-rigward tal-attrezzaturi inkwistjoni jew li jagħmel l-eżerċizzju tiegħu inqas attraenti, tant li dan ir-rifjut għandu jiġi assimilat għal restrizzjoni, fil-prinċipju illeċita, għall-moviment liberu tal-merkanzija ( 40 ).

60.

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal din ir-restrizzjoni, nirreferi għall-osservazzjonijiet tiegħi fil-punti 54 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet; madankollu għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni t-tendenza diskriminatorja marbuta ma’ dan ir-rifjut. Din it-tendenza diskriminatorja tkun sinjifikattiva b’mod partikolari jekk id-DVGW ibbażat it-tentattiv ta’ ġustifikazzjoni tagħha fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni espressament dwar jekk, u f’liema kundizzjonijiet, restrizzjonijiet diskriminatorji għall-moviment liberu tal-merkanzija jistgħu jkunu ġġustifikati b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ( 41 ). Jekk din il-kwistjoni tinqala’ konkretament sussegwentement għall-proċedura fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju jkollha tressaq, dwar dan is-suġġett, talba għal deċiżjoni preliminari oħra quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u titlob għal darba oħra b’mod sostanzjat xi indikazzjonijiet dwar dan il-punt.

B – It-tieni domanda preliminari

61.

Billi t-tieni domanda preliminari saret biss f’każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, fid-dawl tal-proposta tiegħi għal risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li din tiġi eżaminata.

VII – Konklużjoni

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf:

“Organi rregolati bid-dritt privat maħluqa sabiex ifasslu standards tekniċi f’qasam speċifiku kif ukoll sabiex jiċċertifikaw prodotti skont dawn l-istandards għandhom josservaw l-Artikolu 34 TFUE meta jeżerċitaw din l-attività ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni peress li l-leġiżlatur nazzjonali espressament jikkunsidra l-prodotti ċċertifikati minn dawn il-organui rregolati mid-dritt privat bħala konformi mal-liġi, u li konsegwentement, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma jkunux iċċertifikati b’dan il-mod hija prattikament impossibbli”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) BGBl. I p. 750, 1067.

( 3 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ April 2010 fil-kawża Latchways u Eurosafe Solutions (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, C-185/08, Ġabra p. I-9983 , punti 57 et seq tal-konklużjonijiet).

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296, fil-verżjoni emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/68/KEE, tat-22 ta’ Lulju 1993.

( 5 ) Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/106.

( 6 ) Ara f’dan ir-rigward, H. Jarass, “Probleme des Europäischen Bauproduktenrechts”, NZBau 2008, p. 145 u 146.

( 7 ) Idem, p. 147 et seq. Meta ma jkunx hemm standard Ewropew armonizzat għal prodott partikolari, xorta huwa possibbli li dan il-prodott jiġi kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi prinċipali imposti mid-Direttiva 89/106 billi tintalab approvazzjoni teknika Ewropea.

( 8 ) L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/106 jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-Istati Membri ma għandhomx iwaqqfu il-moviment liberu, it-tqegħid fis-suq jew l-użu fit-territorju tagħhom ta’ prodotti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta’ prodotti bħal dawn, għall-għan li nħasbu għalih, ma jitwaqqafx minn regoli jew kundizzjonijiet imposti minn organi pubbliċi jew minn organi privati li jaġixxu bħala impriża pubblika jew f’isem organu pubbliku fuq bażi tal-pożizzjoni ta’ monopolju.

( 9 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-432/03, Ġabra p. I-9665, punt 35).

( 10 ) F’ittra tat-13 ta’ Jannar 2012, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-destinatarji u n-natura legali tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV, il-Gvern Ġermaniż ippreċiża li din id-dispożizzjoni tagħmel parti integrali mill-kuntratt ta’ konnessjoni man-netwerk pubbliku tal-provvista tal-ilma, sakemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(4) tal-AVBWasserV jimponi obbligu fuq il-konsumatur fil-konfront tal-impriża tal-provvista tal-ilma.

( 11 ) Fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1987, van Vlaamse Reisbureaus (311/85, Ġabra p. 3801, punt 30), u tas-6 ta’ Ġunju 2002, Sapod Audic (C-159/00, Ġabra p. I-5031, punt 74).

( 12 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1989, Association of Pharmaceutical Importers et (266/87 u 267/87, Ġabra p. 1295, punti 13 et seq), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-atti tal-organizzazzjoni professjonali tal-ispiżjara Brittaniċi jistgħu, fid-dawl tas-setgħat li ngħatawlha, jikkostitwixxu miżuri fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fis-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et (C-292/92, Ġabra p. I-6787, punti 12 et seq) fir-rigward tal-atti tal-kamra professjonali tal-ispiżjara tal-Land ta’ Baden-Württemberg.

( 13 ) F’dan ir-rigward, ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-325/00, Ġabra p. I-9977, punti 14 et seq), u tat-12 ta’ Diċembru 1990, Hennen Olie (C-302/88, Ġabra p. I-4625, punti 13 et seq).

( 14 ) C-265/95, Ġabra p. I-6959. Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, b’mod partikolari, li Franza kienet kisret id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju marbuta mal-moviment liberu tal-merkanzija billi naqset milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji u proporzjonati sabiex timpedixxi atti ta’ vjolenza mwettqa fi Franza minn individwi kontra prodotti agrikoli minn Stati Membri oħrajn u billi ostakolat il-kummerċ bejn l-Istati Membri ta’ dawn il-prodotti.

( 15 ) C-112/00, Ġabra p. I-5659. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-fatt li l-Awstrija ma pprojbixxietx dimostrazzjoni ta’ individwi fuq l-awtostrada Brenner, li għalqet kompletament għat-traffiku din l-awtostrada għal kważi 30 siegħa u b’hekk fixklet ferm it-traffiku transkonfinali tal-merkanzija, kien inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

( 16 ) L-Avukat Ġenerali Kokott interpreta din il-ġurisprudenza fis-sens li Stat Membru jista’ jiġi imputat bl-aġir ta’ individwi li ma jkunux ħadu azzjoni taħt id-direzzjoni tal-Istat, peress li l-Istat Membru kellu obbligu pożittiv li jwaqqaf dan l-aġir privat; ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2005 fil-kawża AGM-COS.MET li wasslet għas-sentenza tas-17 ta’ April 2007 (C-470/03, Ġabra p. I-2749, punt 78 tal-konklużjonijiet).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, imsejħa “Viking Line” (C-438/05, Ġabra p. I-10779, punt 33). Ara, barra minn hekk, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels (C-379/09, Ġabra p. I-1379) , punt 19); tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C-325/08, Ġabra p. I-2177, punt 30); tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C-519/04 P, Ġabra p. I-6991, punt 24); tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 120); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 82), u tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, Ġabra p. p. 1405, punti 16 et seq).

( 18 ) Ara s-sentenza Casteels (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 17 et seq).

( 19 ) Sentenza Viking Line (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 37).

( 20 ) Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C-281/98, Ġabra p. I-4139, punt 36).

( 21 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C-94/07, Ġabra p. I-5939, punt 46).

( 22 ) Ara s-sentenzi Olympique Lyonnais (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 33 et seq), u Casteels (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 22).

( 23 ) Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet miktubin tal-Artikolu 36 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ ġurisprudenza stabbilita, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa l-bażi tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 36 TFUE; ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel (C-219/07, Ġabra p. I-4475, punt 30), u tal-14 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-55/99, Ġabra p. I-11499, punt 29). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod ġenerali li miżura restrittiva tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk hija jkollha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C-100/01, Ġabra p. I-10981, punt 43); tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg (C-185/04, Ġabra p. I-1453, punt 19) u Rockler (C-137/04, Ġabra p. I-1441, punt 22).

( 24 ) Anki jekk, bħala regola ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi espressament biss il-karatteristiċi ta’ adattabbiltà u ta’ neċessità, bħala partijiet integrali mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-prinċipju, fil-kuntest ta’ eżami tal-proporzjonalità, hija għandha tibbaża ruħha fuq analiżi fi tliet stadji li tinkludi wkoll l-eżami tal-karatteristika tal-proporzjonalità. Fir-rigward ta’ din l-istruttura maqsuma fi tlieta tal-eżami tal-proporzjonalità, ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Marzu 2011 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-10/10, Ġabra p. I-5389, punti 67 et seq tal-konklużjonijiet).

( 25 ) Ara s-sentenzi Viking Line (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 75 et seq), u Casteels (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 30 et seq).

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Olympique Lyonnais (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 38 et seq), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja telqet mill-prinċipju li regola tal-Karta tal-futbol professjonali tal-federazzjoni Franċiża tal-futbol setgħet tkun iġġustifikata mill-għan tagħha li tinkoraġġixxi r-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ, sakemm jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ara wkoll, is-sentenza Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 106 et seq), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema mir-regoli ta’ trasferimenti b’rabta mal-għan insegwit, jiġifieri li jkun żgurat bilanċ bejn il-klabbs, filwaqt li tinżamm ċerta ugwaljanza fil-possibiltajiet u l-inċertezza tar-riżultati, b’tali mod li jkun inkoraġġit ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ.

( 27 ) Sentenza Angonese (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 42).

( 28 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Kif jgħid ġustament U. Forsthoff, fi Grabitz/Hilf/Nettesheim, Das Recht der Europäischen Union, Artikolu 45 TFUE, punt 176 (is-46 aġġornament, Ottubru 2011).

( 30 ) Sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C-341/05, Ġabra p. I-11767, punt 98); Viking Line (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 57); Wouters et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 120); Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 83) u Walrave (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 16 et seq).

( 31 ) Sentenzi Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 84), u Olympique Lyonnais (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 31).

( 32 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara l-punti 8 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara p. 11 et seq tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 35 ) F’dan ir-rigward, ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sentenzi ċċitatati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.

( 36 ) F’dan ir-rigward, ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari Forsthoff, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 181.

( 38 ) Fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ kunflitt bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali, ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ April 2010 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010 (C-271/08, Ġabra p. I-7087, punti 178 et seq tal-konklużjonijiet).

( 39 ) Deċiżjoni tar-rinviju, p. 4.

( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1998, Harpegnies (C-400/96, Ġabra p. I-5121, punt 35), u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 41 u 46).

( 41 ) Fir-rigward ta’ din il-problema, ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-16 ta’ Diċembru 2010 fil-kawża Il-Ġermanja vs L-Awstrija (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, C-28/09, Ġabra p. I-13525, punti 81 et seq).

Top