EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TJ0202

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-15 ta’ Novembru 2018.
Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Akkomodazzjoni soċjali – Skema ta’ għajnuna favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali – Għajnuna eżistenti – Impenji tal-Istat Membru – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Artikolu 106(2) TFUE – Definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.
Kawżi magħquda T-202/10 RENV II u T-203/10 RENV II.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:795

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

15 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Akkomodazzjoni soċjali – Skema ta’ għajnuna favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali – Għajnuna eżistenti – Impenji tal-Istat Membru – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Artikolu 106(2) TFUE – Definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku”

Fil-Kawżi magħquda T‑202/10 RENV II u T‑203/10 RENV II,

Stichting Woonlinie, stabbilita f’Woudrichem (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Woningstichting Volksbelang, stabbilita f’Wijk bij Duurstede (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Stichting Woonstede, stabbilita f’Ede (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn L. Hancher, E. Besselink, J. de Kok, Y. de Vries u F. van Orden, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑202/10 RENV II,

Stichting Woonpunt, stabbilita f’Maastricht (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Woningstichting Haag Wonen, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Stichting Woonbedrijf SWS.Hhvl, stabbilita f’Eindhoven (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn L. Hancher, E. Besselink, J. de Kok, Y. de Vries u F. van Orden, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑203/10 RENV II,

sostnuti minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn J.-C. Halleux u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland (IVBN), stabbilita f’Voorburg (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn M. Meulenbelt u B. Natens, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 9963 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat E 2/2005 u N 642/2009 — il-Pajjiżi l-Baxxi — Għajnuna eżistenti u għajnuna speċifika permezz ta’ proġetti favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni.

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins, President tal-Awla, M. Kancheva, R. Barents, J. Passer u G. De Baere (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Stichting Woonlinie, Woningstichting Volksbelang, Stichting Woonstede, Stichting Woonpunt, Woningstichting Haag Wonen u Stichting Woonbedrijf SWS.Hhvl, huma kumpanniji ta’ akkomodazzjoni stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi (woningcorporaties, iktar ’il quddiem il-“kumpanniji ta’ akkomodazzjoni”). Il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni huma organi mingħajr skop ta’ lukru li għandhom il-funzjoni li jixtru, jibnu u joffru għall-kiri bini residenzjali intiż essenzjalment għal persuni żvantaġġati u għal gruppi soċjalment żvantaġġati. Il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħra, bħall-bini u l-offerta għall-kiri ta’ appartamenti b’kera ogħla, il-bini ta’ appartamenti intiżi għall-bejgħ, il-bini u l-offerta għall-kiri ta’ proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali u l-bini u l-offerta għall-kiri ta’ bini kummerċjali.

2

Fl-1 ta’ Marzu 2002, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [108 TFUE] tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bl-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni. Billi l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri ta’ finanzjament tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni setgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna eżistenti, l-awtoritajiet Olandiżi għalhekk irtiraw il-komunikazzjoni tagħhom.

3

Fl-14 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi ittra taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 659/1999, li fiha hija kklassifikat l-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni bħala għajnuna eżistenti (Għajnuna E 2/2005) u esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (iktar ’il quddiem, l-“ittra Artikolu 17”).

4

Wara li ntbagħtet l-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi bdew il-proċedura ta’ kooperazzjoni, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, sabiex l-iskema ta’ għajnuna titqiegħed f’konformità mal-Artikolu 106(2) TFUE. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, b’risposta għall-ittra Artikolu 17, il-Gvern Olandiż bagħat b’mod partikolari lill-Kummissjoni ittra fis-6 ta’ Settembru 2005.

5

Fis-16 ta’ April 2007, il-Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland (IVBN) (l-Assoċjazzjoni tal-Investituri tal-Proprjetà Immobbli Istituzzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi) ressqet ilment mal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni. F’Ġunju 2009, Vesteda Groep BV assoċjat ruħha ma’ dan l-ilment.

6

B’ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009, l-awtoritajiet Olandiżi pproponew lill-Kummissjoni impenji intiżi sabiex jemendaw l-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni.

7

Fil-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2009) 9963 finali dwar l-għajnuna mill-Istat E 2/2005 u N 642/2009 — il-Pajjiżi l-Baxxi — Għajnuna eżistenti u għajnuna speċifika permezz ta’ proġetti favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

8

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti msemmija fil-proċedura E 2/2005, il-miżuri li jinsabu fl-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa mill-Pajjiżi l-Baxxi favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni huma dawn li ġejjin:

a)

garanziji tal-Istat għal self mogħti mill-Fond ta’ garanzija għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali;

b)

għajnuna mill-Fond ċentrali tal-akkomodazzjoni, għajnuna skont il-proġett jew għajnuna għar-razzjonalizzazzjoni fil-forma ta’ self b’rati preferenzjali jew ta’ sussidji diretti;

ċ)

il-bejgħ mill-muniċipalitajiet ta’ artijiet bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq;

d)

id-dritt li jingħata self mill-Bank Nederlandse Gemeenten.

9

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat kull waħda minn dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u kkunsidrat li l-iskema Olandiża ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, billi nħolqot qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fil-Pajjiżi l-Baxxi u billi r-riformi sussegwenti ma ġabux magħhom tibdil sostanzjali.

10

Il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna E 2/2005 dwar is-sistema ta’ finanzjament tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni kif emendata wara l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi. Hija kkonkludiet, fil-punt 72 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri l-għajnuna li tirrigwarda l-attivitajiet marbuta mal-bini u mal-offerta għall-kiri ta’ abitazzjonijiet intiżi għal individwi, inkluż il-bini u l-manutenzjoni tal-infrastrutturi awżiljarji, ipprovduti fil-kundizzjonijiet previsti minn dawn l-impenji, kienu kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE. Konsegwentement, il-Kummissjoni ħadet nota tal-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi.

11

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għajnuna Nru 642/2009, fit-18 ta’ Novembru 2009, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw skema ġdida ta’ għajnuna għar-rinnovazzjoni tad-disretti urbani f’abbandun, ikklassifikata bħala “għajnuna speċifika għall-proġett intiż għal ċerti distretti”, li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni li joperaw fid-distretti magħżula kienu l-benefiċjarji tagħha. Din l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna kellha tingħata skont l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti għall-miżuri li jaqgħu taħt l-iskema ta’ għajnuna eżistenti, kif emendata wara l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna N 642/2009 kienet kompatibbli mas-suq intern u ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri l-ġodda nnotifikati.

12

Fit-30 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2010) 5841 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat E 2/2005, li temenda l-punti 22 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni ta’ modifika, il-Kummissjoni kkunsidrat li, abbażi tal-provi disponibbli, hija ma setgħetx tikkonkludi li l-miżura d) li hemm riferiment għaliha fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-dritt li jingħata self mill-Bank Nederlandse Gemeenten, kienet tissodisfa l-kriterji kollha ta’ għajnuna mill-Istat.

Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

13

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2010, Stichting Woonpunt, Woningstichting Haag Wonen u Stichting Woonbedrijf SWS.Hhvl ippreżentaw rikors, irreġistrat bir-referenza T-202/10.

14

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2010, Stichting Woonpunt, Woningstichting Haag Wonen u Stichting Woonbedrijf SWS.Hhvl ippreżentaw rikors, irreġistrat bir-referenza T-203/10.

15

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Awwissu 2010, l-IVBN talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni f’dawn iż-żewġ kawżi.

16

Fil-Kawża T-203/10, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali tal-annessi A.10 u A.16 tar-rikors fil-konfront tal-IVBN, fil-każ li hija tintervjeni.

17

Fil-Kawża T-202/10, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali tal-Anness A.9 tar-rikors fil-konfront tal-IVBN, fil-każ li hija tintervjeni.

18

Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonline et vs Il-Kummissjoni (T-202/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:765), il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005. B’sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C-133/12 P, EU:C:2014:105), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat dan id-digriet.

19

Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (T-203/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:766), il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. B’sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C-132/12 P, EU:C:2014:100), il-Qorti tal-Ġustizzja parzjalment annullat dan id-digriet sa fejn huwa ddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005, u ċaħdet il-kumplament tal-appell.

20

Fis-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100), u tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorsi mressqa mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005, kienu ammissibbli u rrinvijat dawn il-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż.

21

Il-Kawżi T‑202/10 RENV u T‑203/10 RENV ġew assenjati lis-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali.

22

Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw in-noti tagħhom f’osservazzjonjiet bil-miktub fis-27 ta’ Marzu u fil-11 ta’ April 2014 rispettivament.

23

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2014, ir-Renju tal-Belġju talab li jintervjeni fil-Kawżi T‑202/10 RENV u T‑203/10 RENV insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digrieti tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Settembru 2014, ir-Renju tal-Belġju ġie ammess sabiex jintervjeni, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti u ġie awtorizzat jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu matul il-proċedura orali, skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

24

Permezz ta’ digrieti tat-2 ta’ Settembru 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (T‑203/10 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2014:792), u tat-2 ta’ Settembru 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (T‑202/10 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2014:793), l-IVBN ġiet ammessa sabiex tintervjeni, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Peress li l-intervenjenti ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra t-talbiet ta’ trattament kunfidenzjali, verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikorsi ġiet innotifikata lilha.

25

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2014, l-IVBN informat lill-Qorti Ġenerali li hija qiegħda tirrinunzja għall-preżentazzjoni tan-nota ta’ intervent tagħha fil-Kawżi T‑202/10 RENV u T‑203/10 RENV.

26

Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Mejju 2015, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (T‑203/10 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2015:286), u tat-12 ta’ Mejju 2015, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (T‑202/10 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2015:287), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi bħala manifestament infondati. Dawn id-digrieti ġew rispettivament annullati permezz tas-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑415/15 P, EU:C:2017:216), u tal-15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C-414/15 P, EU:C:2017:215), li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

27

Il-Kawżi T‑202/10 RENV II u T‑203/10 RENV II ġew assenjati lill-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali.

28

Skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tkomplija tal-proċedura, rispettivament, fit-22 u fl-24 ta’ Mejju 2017. Ir-rikorrenti talbu wkoll sabiex jippreżentaw ukoll nota komplementari ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, skont l-Artikolu 217(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

29

F’kull waħda minn dawn il-kawżi, fis-26 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nota komplementari ta’ osservazzjonijiet bil-miktub u l-Kummissjoni u l-IVBN ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota komplementari fit-22 ta’ Settembru 2017.

30

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali, dawn il-kawżi ġew assenjati lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fit-Tmien Awla.

31

Fuq proposta tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

32

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

33

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2018, il-Kawżi T‑202/10 RENV II, T‑203/10 RENV II ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li twaqqaf l-istanza, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

34

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2018.

It-talbiet tal-partijiet

35

Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36

Il-Kummissjoni u l-IVBN jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

37

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat id-digriet tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (T‑203/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:766), billi kienet iddikjarat inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna l-għajnuna N 642/2009. Għaldaqstant, id-digriet tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (T‑203/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:766), saret definittiva fuq dan il-punt. Għaldaqstant, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi mqajma mir-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna N 642/2009.

38

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fis-sentenzi tagħha tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100), u tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti kienu ammissibbli sa fejn huma kienu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005, u rrinvijat il-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. Għaldaqstant, ma għadx hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti tal-partijiet dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jirrigwardaw l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005.

39

Insostenn tar-rikors tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005, ir-rikorrenti jqajmu tmien motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat il-miżuri kollha bħala miżuri li jiffurmaw parti minn skema ta’ għajnuna. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjoni inkompleta u manifestament mhux eżatta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u tal-fatti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni mhux eżatta u negliġenti meta kkonkludiet li l-kiri ta’ akkomodazzjoni soċjali lil persuni li għandhom “dħul relattivament għoli” kien jifforma parti mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u abbużat mis-setgħat tagħha billi eżiġiet mill-awtoritajiet Olandiżi definizzjoni ġdida tal-“akkomodazzjoni soċjali”. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma għamlitx distinzjoni bejn id-definizzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) u l-metodu ta’ finanzjament tiegħu. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi eżiġiet definizzjoni speċifika tas-SIEĠ, wettqet interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [106(2) TFUE] rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali (ĠU 2005, L 327M, p. 488, rettifika fil-ĠU L 71M, p. 305). Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2005/842, billi ma kkonstatatx li l-metodu ta’ finanzjament tas-SIEĠ kien manifestament inadegwat. It-tmien motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni abbużat mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, bl-impożizzjoni, fuq il-bażi ta’ din il-proċedura, ta’ lista limitattiva tal-bini li jista’ jiġi kklassifikat bħala “proprjetà immobbli soċjali”.

40

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tieni sas-seba’ motivi tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw essenzjalment il-kontenut tal-ittra Artikolu 17 u mhux l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

41

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-ittra Artikolu 17 tikkostitwixxi l-ewwel stadju tat-tfassil tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rikorrenti ma jistgħux jiġu preklużi milli jinvokaw l-illegalità li tivvizzja l-evalwazzjoni li tinsab f’din l-ittra insostenn tar-rikors tagħhom kontra d-deċiżjoni kkontestata (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni, C‑414/15 P, EU:C:2017:215, punt 48, u tal-15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑415/15 P, EU:C:2017:216, punt 48).

42

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-motivi kollha mqajma mir-rikorrenti.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat il-miżuri kollha bħala miżuri li jiffurmaw parti minn skema ta’ għajnuna

43

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Emenda tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti rrinunzjaw, fir-replika, għall-argumenti tagħhom dwar il-miżura d) li hemm riferiment għaliha fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-dritt li jingħata self mill-Bank Nederlandse Gemeenten.

44

Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-miżura ċ), dwar il-bejgħ mill-muniċipalitajiet ta’ artijiet bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq (iktar ’il quddiem il-“miżura ċ”), bħala li jifformaw parti minn skema ta’ għajnuna, jiġifieri s-sistema Olandiża ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali. Huma jsostnu li din il-miżura ma tistax tiġi kklassifikata bħala parti minn skema ta’ għajnuna eżistenti, peress li ma hijiex sistematika, li ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni Olandiża applikabbli għall-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni u li l-Kummissjoni tagħmel riferiment biss għal ilmenti dwar każijiet individwali. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jirriżultax mill-komunikazzjoni tal-awtoritajiet Olandiżi li l-ftehimiet fuq il-prezzijiet tal-art huma regolari, jew li jinvolvu sistematikament bejgħ bi prezz inqas minn dak tas-suq.

45

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni hija kompetenti, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, sabiex tissuġġetta l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti għal reviżjoni kontinwa, iżda ma għandhiex tali setgħa fir-rigward tal-għajnuna individwali. Huma jqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx teżamina l-miżura ċ) skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999, iżda li hija kellha teżamina l-każijiet individwali msemmija fl-ilmenti fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza tagħha meta inkludiet din il-miżura fl-eżami tagħha tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ skema ta’ għajnuna.

46

Permezz ta’ dan l-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza tagħha fl-evalwazzjoni tal-miżura ċ) skont il-proċedura applikabbli għall-għajnuna eżistenti, filwaqt li din il-miżura ma tifformax parti mis-sistema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, iżda li hija kellha tevalwa din il-miżura fil-kuntest tal-proċedura applikabbli għal għajnuna individwali.

47

Fir-rigward tal-miżura ċ), mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fost l-attivitajiet tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni huwa inkluż b’mod partikolari l-bini ta’ appartamenti, ta’ proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali, ta’ bini kummerċjali u ta’ infrastruttura lokali oħra, intiżi għall-kiri jew għall-bejgħ. Il-Kummissjoni rrilevat li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jaġixxu bħala promoturi u jassumu, f’dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-proġett kollu mit-tnedija sal-finalizzazzjoni. Hija qieset li, fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet, il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni huma f’kompetizzjoni mal-iżviluppaturi tal-proprjetà privati u li għalhekk kellhom jiġu kkunsidrati bħala impriżi li jeżerċitaw attività ekonomika.

48

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura ċ) kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, peress li din kienet tagħti vantaġġ ċar lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, li kienu eżentati milli jakkwistaw l-artijiet tagħhom bil-prezz tas-suq, li din kienet manifestament miżura statali, peress li l-artijiet kienu jinbiegħu mill-muniċipalitajiet, li kienet selettiva peress li kienet intiża biss għall-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni u kien hemm trasferiment ta’ fondi pubbliċi fil-forma ta’ nuqqas ta’ dħul. Barra minn hekk, din il-miżura kienet twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni u kienet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

49

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, skema ta’ għajnuna għandha tfisser “kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f’manjiera ġenerali u astratta u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit.”

50

Minn dan jirriżulta li l-fatt li titħallas għajnuna individwali ma jeskludix l-eżistenza ta’ skema li abbażi tagħha tingħata din l-għajnuna. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni rċeviet ilmenti dwar bejgħ individwali ta’ artijiet bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezz tas-suq ma jipprekludix l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna li abbażi tagħha ngħatat din l-għajnuna individwali.

51

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, peress li din il-miżura ma hijiex prevista minn test leġiżlattiv, hija ma tistax tagħmel parti minn skema ta’ għajnuna, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva bħala bażi għal skema ta’ għajnuna ma jagħmilx parti mid-definizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999.

52

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti huma f’kontradizzjoni mal-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Olandiżi li kienu kkunsidraw, fil-komunikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni, li l-ftehimiet konklużi minn numru ta’ muniċipalitajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-bejgħ ta’ artijiet lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni bi prezzijiet preferenzjali kienu jikkostitwixxu miżura li tifforma parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni.

53

F’din il-komunikazzjoni, l-awtoritajiet Olandiżi indikaw li l-bejgħ ta’ artijiet bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezz tas-suq ċertament ma kienx jaqa’ taħt il-liġi jew il-leġiżlazzjoni applikabbli, iżda li huwa kien inkluż fil-ftehimiet ta’ servizzi konklużi b’mod sistematiku mill-muniċipalitajiet mal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni. Huma rrilevaw li din il-prattika ma kinitx tissodisfa r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat fil-bejgħ ta’ artijiet u binjiet mill-awtoritajiet pubbliċi (ĠU 1997, C 209, p. 3), li jippermettu li tiġi eskluża l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat.

54

In-natura rikorrenti tal-prattika li tikkonsisti fil-bejgħ mill-muniċipalitajiet lil kumpanniji ta’ akkomodazzjoni ta’ artijiet bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk tas-suq tirriżulta wkoll mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fl-anness tal-kontroreplika. Fost dawn id-dokumenti hemm ċirkulari ta’ diversi muniċipalitajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-politika tagħhom fil-qasam ta’ prezzijiet tal-art li juru li dawn il-muniċipalitajiet jbiegħu bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq għall-bejgħ ta’ artijiet intiżi għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali.

55

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha turi li l-miżura ċ) kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat sabiex tikkwalifikaha bħala parti minn skema ta’ għajnuna eżistenti.

56

F’dan ir-rigward, minn studju storiku dwar il-politika tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam ta’ artijiet għall-bini ta’ akkomodazzjoni mill-1900, ipprovdut mill-Kummissjoni fl-anness tal-kontroreplika, jirriżulta li diġà fl-1952 l-awtoritajiet pubbliċi kienu jintervjenu fl-iffissar tal-prezzijiet tal-artijiet intiżi għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali bl-istabbiliment ta’ limitu massimu.

57

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-proċedura relatata mal-għajnuna eżistenti, peress li l-miżura ċ) ma kinitx imsemmija fl-ittra Artikolu 17, iżda ssemmiet għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata.

58

Huwa biżżejjed li jitfakkar li l-miżura ċ) kienet inkluża fil-komunikazzjoni u kienet għalhekk ikkunsidrata kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-awtoritajiet Olandiżi bħala miżura ta’ għajnuna li tagħmel parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni.

59

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jispjegawx liema huma l-konsegwenzi għall-fatt li l-miżura ċ) ma ssemmietx speċifikament fl-ittra Artikolu 17, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-miżura ċ) ġiet ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern fid-deċiżjoni kkontestata.

60

Għaldaqstant, l-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma huwa ta’ natura li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżura ċ) bħala miżura li tagħmel parti mill-iskema ta’ għajnuna relatata mas-sistema ta’ finanzjament tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, u lanqas ma jistabbilixxi li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza tagħha billi eżaminat din il-miżura fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti ta’ finanzjament tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni.

61

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-muniċipalitajiet jikkonkludu max-xerrejja kollha ta’ artijiet, u mhux biss mal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, ftehimiet li jipprevedu tnaqqis fuq il-prezz tal-art inkambju għal ċerti impenji. Huma jżidu li, jekk l-art hija intiża għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali għall-kiri, il-valur residwu tiegħu huwa inqas. Għaldaqstant, waħda mill-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat ma hijiex issodisfatta.

62

Dan l-argument, imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, li permezz tiegħu r-rikorrenti jsostnu li l-miżura ċ) ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, essenzjalment jikkostitwixxi motiv ġdid, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE.

63

Issa, mill-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li t-tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża huwa pprojbit, sakemm ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura jew ikunu jikkostitwixxu l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, von Blumenthal et vs BEI, T‑558/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:827 punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Peress li huwa biss fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti qajmu l-motiv intiż sabiex jikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżura ċ), li dan ma huwiex ibbażat fuq elementi li ħarġu wara l-preżentata tar-rikors u li dan ma jikkostitwixxix amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi fir-rikors, dan għandu jitwarrab bħala tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli.

65

Fi kwalunkwe każ, kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment f’dan l-argument għal miżuri oħra intiżi sabiex jingħata tnaqqis fil-prezzijiet ta’ artijiet lil ċerti xerrejja inkambju għal impenji relatati mal-bini ta’ akkomodazzjoni b’konsum baxx ta’ enerġija jew mal-bejgħ lil persuni li jkunu qegħdin jixtru għall-ewwel darba. Dawn il-miżuri, kif ukoll ir-riferiment għall-valur residwu tal-artijiet, huma distinti mill-prattika tal-muniċipalitajiet li tikkonsisti fil-bejgħ tal-artijiet lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni bi prezzijiet inqas mill-prezz tas-suq.

66

Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

67

Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali tistaqsi dwar l-interess li għandhom ir-rikorrenti li jqajmu dan il-motiv u li jsostnu li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza tagħha meta eżaminat il-kompatibbiltà tal-miżura ċ) fil-kuntest tas-sistema ġenerali ta’ finanzjament tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-rikorrenti huma l-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti, li minnha tagħmel parti l-miżura ċ), li l-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE. Huwa possibbli li wieħed jistaqsi dwar l-interess li r-rikorrenti għandhom li jsostnu li l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura kellha tiġi evalwata skont proċedura differenti li setgħet twassal għal riżultat differenti, jiġifieri għal deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjoni inkompleta u manifestament mhux eżatta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u tal-fatti

68

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wrietx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ żball manifest fis-sistema Olandiża ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali u, għalhekk, abbużat mis-setgħat tagħha bil-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 659/1999 u meta eżiġiet miżuri utli.

69

Huma jsostnu, b’mod partikolari fis-sottomissjonijiet komplementari tagħhom, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-definizzjoni tas-SIEĠ minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss jekk turi żball manifest, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Istat Membru. Huma jikkritikaw lill-Kummissjoni li limitat ruħha li tikkonstata, fl-ittra Artikolu 17, li l-possibbiltà ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni soċjali lil persuni li għandhom “dħul relattivament għoli”, kellha titqies bħala żball manifest. Il-Kummissjoni ma eżaminatx il-leġiżlazzjoni Olandiża rilevanti. F’din l-ittra, il-Kummissjoni kkonstatat biss li s-SIEĠ ma kienx iddefinit b’mod ċar biżżejjed peress li dan kien indirizzat lill-kategoriji kollha ta’ dħul.

70

Issa, skont ir-rikorrenti, id-definizzjoni ta’ “akkomodazzjoni soċjali” fis-sistema Olandiża inizjali kienet limitata b’mod ċar u ma kinitx tkopri l-kategoriji kollha ta’ dħul. Il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni għandhom l-obbligu legali li jagħtu prijorità lil kategorija ta’ persuni ddefinita bħala persuni bi dħul li ma jippermettilhomx li jiksbu akkomodazzjoni adegwata b’mod awtonomu.

71

Huma jżidu li l-Kummissjoni ma tistax sempliċement tallega li s-SIEĠ ma huwiex iddefinit b’mod ċar biżżejjed, iżda għandha turi dan u tindika liema huma l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istat sabiex jiġi konformi mat-Trattat. Ma jirriżulta la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-ittra Artikolu 17 li l-Kummissjoni eżaminat id-delimitazzjoni tas-SIEĠ tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni u hija tidher li qegħda tibbaża ruħha biss fuq l-assenza ta’ limitu massimu ta’ dħul.

72

Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE intervent mill-Istat li huwa meqjus li jikkostitwixxi kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-fatt, minn vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent ma għandux għaldaqstant l-effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri (ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punt 45 u l-ġurisprudenza stabbilita).

73

Madankollu, f’każ konkret, sabiex jiġi evitat li tali kumpens ikun ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet indikati fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), għandhom ikunu ssodisfatti. Għalhekk, l-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata mill-eżekezzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li abbażi tagħhom il-kumpens jiġi kkalkulat għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li huwa neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Ir-raba’ nett, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun iddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, tkun għamlet sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi (sentenza tas-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punti 46 u 47).

74

Minn dan jirriżulta li intervent mill-Istat li ma jissodisfax waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 73 iktar ’il fuq jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punt 48; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 94).

75

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 106(2) TFUE jipprevedi li l-impriżi responsabbli għall-ġestjoni tas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattati u, b’mod partikolari, għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tfixkilx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjoni partikolari li ngħatat lilhom, u li l-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux isir b’mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni.

76

Fir-rigward tal-artikolazzjoni bejn il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), u l-eżami ta’ miżura ta’ għajnuna abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-ġurisprudenza jsir qabel, waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Din il-kwistjoni tiġi fil-fatt qabel dik tal-verifika, jekk ikun il-każ, ta’ jekk għajnuna inkompatibbli hijiex madankollu neċessarja għat-twettiq tal-funzjoni imposta fuq il-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 34).

77

Peress li l-kundizzjonijiet tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), u dawk neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE għandhom għalhekk, bħala prinċipju, għanijiet differenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-ewwel kundizzjoni stabbilita minn din is-sentenza, li l-impriża benefiċjarja għandha fil-fatt tkun responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku li għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, tapplika wkoll fil-każ fejn id-deroga prevista fl-Artikolu 106(2) TFUE tista’ tiġi applikata (ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Għalhekk, minn dan jirriżulta, essenzjalment, li, kemm l-ewwel kundizzjoni msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), kif ukoll il-formulazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, bħala tali, jeżiġu li l-operatur inkwistjoni ikun responsabbli minn funzjoni ta’ SIEĠ, permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika u li dan jiddefinixxi b’mod ċar l-obbligi tas-SIEĠ inkwistjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jqisu bħala SIEĠ u, konsegwentement, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss f’każ ta’ żball manifest (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-1 ta’ Marzu 2017, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑366/13, mhux ippubblikata, EU:T:2017:135, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Għaldaqstant, is-setgħa ta’ definizzjoni tas-SIEĠ mill-Istat Membru ma hijiex mingħajr limiti u ma tistax tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju sempliċement sabiex settur partikolari jaħrab mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 168, u tal-1 ta’ Marzu 2017, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑366/13, mhux ippubblikata, EU:T:2017:135, punt 93).

81

Għandu jingħad ukoll li, għalkemm l-Istat Membru għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dak li huwa jikkunsidra bħala SIEĠ, dan ma jeżentahx madankollu milli juri b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-portata tiegħu huwa meħtieġ u proporzjonat meta mqabbel ma’ bżonn reali ta’ servizz pubbliku. L-assenza ta’ prova, prodotta mill-Istat Membru, li dawn il-kriterji huma ssodisfatti jew tan-nuqqas ta’ osservanza tagħhom tista’ tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2017, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑366/13, mhux ippubblikata, EU:T:2017:135, punt 105).

82

Fl-aħħar nett, għandu jiġi speċifikat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward, minn naħa, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu Stat Membru fir-rigward tad-definizzjoni ta’ funzjoni ta’ SIEĠ u tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-portata tal-kontroll limitat għall-iżball manifest li l-Kummissjoni hija awtorizzata li teżerċita b’dan il-mod, l-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward lanqas ma għandu jaqbeż l-istess limitu u li, għaldaqstant, dan l-istħarriġ għandu jiġi limitat sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkonstatatx jew ċaħditx b’mod korrett l-eżistenza ta’ żball manifest tal-Istat Membru (ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2007, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑366/13, mhux ippubblikata, EU:T:2017:135, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat fl-2005 il-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (ĠU 2005, C 297, p. 4) (iktar ’il quddiem il-“qafas tal-2005”), li l-għan tiegħu huwa li jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom din l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 106(2) TFUE. Fil-punt 12 ta’ dan il-qafas, il-Kummissjoni fakkret li r-responsabbiltà tal-ġestjoni tas-SIEĠ għandha tkun fdata lill-impriża kkonċernata permezz ta’ att uffiċjali wieħed jew iktar, fil-forma li tista’ tkun stabbilita minn kull Stat Membru u li dawn l-atti għandhom jindikaw b’mod partikolari n-natura preċiża tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

84

Id-Deċiżjoni 2005/842 tindika l-kundizzjonijiet li taħthom għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi responsabbli mill-ġestjoni tas-SIEĠ għandha titqies bħala kompatibbli u eżenti mill-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel. B’applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(b) tagħha, din id-deċiżjoni tapplika b’mod partikolari għall-kumpens ta’ servizz pubbliku mogħti lill-impriżi ta’ akkomodazzjoni soċjali li jwettqu attivitajiet meqjusa bħala SIEĠ mill-Istat Membru kkonċernat.

85

Din id-deċiżjoni tfakkar ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza. Għalhekk, fir-rigward tal-kumpens għal servizz pubbliku, mill-premessa 7 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta dan li ġej:

“[g]ħajnuna bħal din tista’ tiġi ddikjarata bħala kumpatibbli biss jekk tingħata sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ servizzi li jkunu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif imfisser fl-Artikolu [106(2) TFUE]. Mill-każistika jidher ċar li, ħlief għas-setturi fejn hemm leġiżlazzjoni tal-Komunità li tirregola l-kwistjoni, l-Istati Membri għandhom marġini wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni ta’ servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi ta’ interess ekonomiku [importanza ekonomika] ġenerali. Għaldaqstant, bl-eċċezzjoni tas-setturi fejn hemm leġiżlazzjoni tal-Komunità li tirregola l-kwistjoni, il-kompitu tal-Kummissjoni huwa dak li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball ovvju fejn tidħol id-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.”

86

Fil-premessa 16 tad-Deċiżjoni 2005/842, il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari li l-impriżi ta’ akkomodazzjoni soċjali li huma responsabbli għal kompiti ta’ SIEĠ għandhom karatteristiċi speċifiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Minn din il-premessa jirriżulta li “intrapriżi inkarigati mill-akkomodazzjoni soċjali li jipprovdu akkomodazzjoni għal ċittadini żvantaġġjati jew gruppi li jbatu minn żvantaġġ soċjali, li minħabba restrizzjonijiet ta’ flus kontanti ma jkunux jistgħu jakkwistaw akkomodazzjoni bil-kundizzjonijiet tas-suq, għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni min-notifikazzjoni stipulata f’din id-Deċiżjoni, anki jekk l-ammont ta’ kumpens li jirċievu ikun jaqbeż il-limiti stabbiliti minn din id-Deċiżjoni, meta s-servizzi mwettqa ikunu jikkwalifikaw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku [importanza ekonomika] ġenerali mill-Istati Membri.”

87

Barra minn hekk, l-Artikolu 70c(1) tal-Woningwet (liġi Olandiża tal-1901 dwar l-akkomodazzjoni), imsemmi mir-rikorrenti, jipprevedi li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni għandhom bħala funzjoni li joffru akkomodazzjoni bħala prijorità lil persuni li, minħabba d-dħul tagħhom jew ċirkustanzi oħra, għandhom diffikultajiet isibu akkomodazzjoni adegwata. Għall-għoti ta’ akkomodazzjoni li huma jamministraw b’kera proporzjonalment imnaqqsa, il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni huma obbligati jagħtu prijorità, kull fejn ikun possibbli, lil applikanti għall-akkomodazzjoni li huma indikati b’mod partikolari għal din l-akkomodazzjoni, fid-dawl tad-dħul tagħhom.

88

Fl-ittra Artikolu 17, dwar id-definizzjoni tas-SIEĠ, il-Kummissjoni esprimiet il-pożizzjoni preliminari tagħha u indikat li għandha dubji dwar il-fatt li hija tista’ taċċetta d-definizzjoni tas-servizz pubbliku tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni li tinsab fil-leġiżlazzjoni Olandiża sa fejn din id-definizzjoni ma kinitx ċara biżżejjed u setgħet tinkludi żbalji manifesti.

89

F’dan ir-rigward, hija rrilevat li:

“Meta jikru akkomodazzjoni, il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni huma legalment obbligati li jagħtu prijorità lill-persuni li għandhom diffikultajiet sabiex isibu akkomodazzjoni adegwata (minħabba dħul baxx jew ċirkustanzi oħra). Madankollu, l-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni ma għandhomx ikunu ristretti għall-persuni soċjalment żvantaġġati. Fil-każ ta’ kapaċità żejda, il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jikru akkomodazzjoni lil persuni bi dħul relattivament għoli, bi ħsara għall-kompetituri kummerċjali tagħhom li ma jibbenefikawx mill-miżuri tal-Istat. Il-possibbiltà li jikru akkomodazzjoni lil gruppi bi dħul ogħla jew lil impriżi għandha titqies bħala żball manifest fid-definizzjoni tas-servizz pubbliku. Is-soluzzjoni proposta mill-awtoritajiet Olandiżi li jitnaqqas il-valur massimu tal-akkomodazzjoni li tista’ titqies bħala “akkomodazzjoni soċjali” ma ssolvix din il-problema.”

90

Il-Kummissjoni qieset li peress li s-servizz pubbliku huwa ta’ natura soċjali, id-definizzjoni tal-attivitajiet ta’ kumpanniji ta’ akkomodazzjoni kellu jkollha għalhekk rabta diretta ma’ familji soċjalment żvantaġġati u mhux biss ma’ valur massimu tal-akkomodazzjoni.

91

Kif irrilevat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hija għalhekk indikat, fl-ittra Artikolu 17, b’mod preliminari, lill-awtoritajiet Olandiżi li huma kellhom jemendaw id-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, b’tali mod li l-akkomodazzjoni soċjali tkun intiża għal grupp fil-mira ddefinit b’mod ċar ta’ persuni żvantaġġati jew ta’ gruppi soċjalment żvantaġġati.

92

Hija indikat ukoll li “il-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali [setgħet] tikkostitwixxi servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali li kieku [kienet] limitata għal grupp partikolari ta’ ċittadini żvantaġġati jew għal gruppi soċjali żvantaġġati, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda d-daqs tal-grupp fil-mira u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema għall-gruppi fil-mira”. Hija żiedet li, “fl-ittra Artikolu 17, […] hija [kienet] esprimiet il-pożizzjoni preliminari tagħha fejn kellha dubji dwar jekk id-definizzjoni tas-servizz pubbliku kinitx ċara biżżejjed, u jekk kienx twettaq żball manifest fil-klassifikazzjoni bħala akkomodazzjoni soċjali tal-attività li tikkonsisti fil-kiri ta’ akkomodazzjoni lil gruppi li jirrappreżentaw il-faxex kollha ta’ dħul differenti”.

93

Mill-ittra Artikolu 17 jirriżulta għalhekk li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, huwa fid-dawl tad-definizzjoni tas-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali li tinsab fil-leġiżlazzjoni Olandiża li l-Kummissjoni qieset li din id-definizzjoni ma kinitx tikkorrispondi għar-rekwiżit ta’ ċarezza. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-obbligu legali li tingħata “prijorità lill-persuni li għandhom diffikultajiet sabiex isibu akkomodazzjoni adegwata” ma kienx jippermetti delimitazzjoni preċiża biżżejjed tal-grupp fil-mira li għalih kienet intiża l-akkomodazzjoni soċjali.

94

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, minn naħa, il-Kummissjoni ma indikatx li d-definizzjoni tas-SIEĠ ma kinitx preċiża biżżejjed minħabba l-assenza ta’ limitu massimu ta’ dħul u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-kontroll eżerċitat fuq il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni ma humiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-funzjoni tagħhom hijiex iddefinita b’mod suffiċjenti fil-liġi.

95

Għalhekk, mill-ittra Artikolu 17 jirriżulta li l-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Olandiżi li l-assenza ta’ definizzjoni preċiża tal-funzjoni mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni kienet tikkostitwixxi żball manifest fid-definizzjoni tas-SIEĠ.

96

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 659/1999, din l-ittra fiha l-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet nazzjonali huma mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet. Għalhekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom il-possibbiltà jikkontestaw din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni billi jistabbilixxu li d-definizzjoni tas-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali kienet preċiża biżżejjed u ma kien fiha l-ebda żball manifest.

97

B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq, huma l-awtoritajiet Olandiżi li għandhom juru suffiċjentement skont il-liġi, li l-portata tas-SIEĠ mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni kienet neċessarja u proporzjonata meta mqabbla mal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku. Huma kellhom għalhekk juru li d-definizzjoni tal-funzjoni mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni kienet preċiża biżżejjed biex jintlaħaq l-għan tas-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali, li huwa, skont id-Deċiżjoni 2005/842, il-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-persuni żvantaġġati jew għall-gruppi soċjali vulnerabbli li minħabba raġunijiet ta’ solvenza, ma jistgħux isibu akkomodazzjoni bil-kundizzjonijiet tas-suq.

98

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-oneru tal-prova sabiex jintwera li s-SIEĠ huwa ddelimitat b’mod ċar biżżejjed jistrieħ fuq l-awtoritajiet nazzjonali.

99

Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-assenza ta’ prova mill-Istat Membru li l-kriterji huma ssodisfatti tista’ tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, l-awtoritajiet Olandiżi ammettew li l-funzjoni tas-SIEĠ ma kinitx preċiża biżżejjed.

100

Fil-fatt, fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2005, b’risposta għall-ittra Artikolu 17, il-Gvern Olandiż semma “id-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tas-sistema attwali ta’ finanzjament tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, bħala għajnuna eżistenti, mas-suq intern, peress li d-definizzjoni tas-servizz pubbliku ma hijiex suffiċjentement ċara u possibbilment tinkludi żbalji manifesti” u l-fatt li “[i]l-Pajjiżi l-Baxxi huma mistiedna jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li din id-definizzjoni tkun marbuta direttament mal-familji soċjalment żvantaġġati”. Għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Olandiż ma kkontestax dawn l-evalwazzjonijiet.

101

Għall-kuntrarju, il-Gvern Olandiż ammetta li “il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, li għandhom ċertament bħala prijorità, iżda mhux esklużivament, li joffru akkomodazzjoni lil persuni soċjalment żvantaġġjati, [setgħu] attwalment (għalkemm fuq skala żgħira) joffru wkoll akkomodazzjoni għal kiri lil persuni/familji bi dħul (iktar) għoli meta mqabbel ma’ dan il-grupp fil-mira” u li “il-kiri mhux soċjali lil dan il-grupp fil-mira ma [kienx] (kompletament) skont il-prezzijiet tas-suq”. Huwa għalhekk indika li“leġiżlazzjoni li, b’xi mod jew ieħor (amministrattivament u/jew f’forma legali distinta) tagħmel distinzjoni bejn attivitajiet kummerċjali u essenzjali (SIEĠ) sabiex tillimita l-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-attivitajiet essenzjali tibqa’ l-prinċipju ta’ gwida tal-iżviluppi deskritti fil-bidu ta’ din l-ittra, li għandha tirrispondi għall-ilmenti u tillimita fuq il-mertu l-għajnuna mill-Istat għall-għoti ta’ akkomodazzjoni lill-grupp fil-mira”.

102

Sussegwentement, fost il-miżuri proposti mill-Gvern Olandiż fl-ittra tiegħu tat-3 ta’ Diċembru 2009, hemm definizzjoni tal-grupp fil-mira tal-familji soċjalment żvantaġġati bħala “kandidati għal akkomodazzjoni li għandhom dħul ta’ inqas minn EUR 33000”. Huwa ppropona wkoll dan li ġej:

“L-għoti ta’ 90 % tal-akkomodazzjoni ta’ kull kumpannija ta’ akkomodazzjoni lil kandidati għall-akkomodazzjoni li jifformaw parti mill-grupp fil-mira fil-mument tal-għoti huwa ggarantit. L-10 % li jifdal jingħata skont kriterji oġġettivi li jinkludu element ta’ prijorità soċjali. Il-persuni li jkollhom dħul ogħla mil-limitu massimu iżda li jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati bħala li jeħtieġu appoġġ soċjali, bħall-familji numerużi u f’kategoriji oħra ddefiniti fil-leġiżlazzjoni, għandhom jingħataw prijorità.”

103

F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti mqajjem, sussidjarjament, fir-replika, li, bl-aċċettazzjoni ta’ dawn l-impenji li jippermettu li 10 % tal-akkomodazzjoni soċjali tinkera mingħajr limitu massimu ta’ dħul, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma huwiex possibbli li kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jintalbu li joffru akkomodazzjoni esklużivament (u mhux bħala prijorità) lil persuni żvantaġġati. Fil-fatt, dan l-argument jistrieħ fuq qari żbaljat tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra Artikolu 17. Il-Kummissjoni ma kkunsidratx li d-definizzjoni tas-SIEĠ kien fiha żball manifest peress li hija ma kinitx tipprevedi li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni kellhom jikru “esklużivament” akkomodazzjoni lil persuni żvantaġġati, iżda li hija ma kinitx preċiża peress li kienet tipprevedi l-kiri bħala “prijorità lill-persuni li għandhom diffikultajiet sabiex isibu akkomodazzjoni adegwata”, mingħajr definizzjoni ta’ dan il-grupp fil-mira ta’ persuni.

104

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-eżistenza ta’ żball manifest fid-definizzjoni tas-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni u li hija ma abbużatx mis-setgħat tagħha meta bagħtet l-ittra Artikolu 17.

105

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni mhux eżatta u negliġenti meta kkonkludiet li l-kiri ta’ akkomodazzjoni soċjali lil persuni li għandhom “dħul relattivament għoli” kien jifforma parti mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni

106

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma ddefinixxitx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kunċett ta’ “dħul relattivament għoli”, li kellu rwol kruċjali fl-evalwazzjoni tagħha. Huma jsostnu li l-fatt biss li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jwettqu attivitajiet anċillari minbarra l-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti fil-kiri ta’ akkomodazzjoni lil familji bi “dħul relattivament għoli”, irrispettivament mid-definizzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, ma jippermettix lil din tal-aħħar tikkonkludi l-eżistenza ta’ żball manifest fid-definizzjoni tas-SIEĠ. Il-Kummissjoni ma wrietx li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni kienu rċevew għajnuna finanzjarja għal dawn l-attivitajiet anċillari.

107

Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li, fl-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni ddeskriviet żball manifest fid-definizzjoni tas-SIEĠ bħala l-possibbiltà għall-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni li jikru akkomodazzjoni lil familji li jibbenefikaw minn “dħul relattivament għoli” u mhux, kif issostni l-Kummissjoni, bħall-fatt li s-sistema inizjali ma kinitx tinkludi biżżejjed garanziji sabiex jiġi evitat li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jużaw għajnuna mill-Istat għall-attivitajiet kummerċjali relatati tagħhom. Issa, il-Kummissjoni ma ssostanzjatx biżżejjed, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kunċett ta’ “dħul relattivament għoli”, u lanqas il-fatt li l-kiri ta’ akkomodazzjoni lil persuni li għandhom tali dħul jifforma parti mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma ssostanzjatx il-fatt li s-sussidji trażversali jistgħu jseħħu.

108

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fir-replika, ir-rikorrenti jindikaw li dan il-motiv jirreferi għal transitu msemmi fl-ittra Artikolu 17 fejn huwa indikat dan li ġej:

“Fil-każ ta’ kapaċità żejda, il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jikru akkomodazzjoni lil persuni bi dħul relattivament għoli, bi ħsara għall-kompetituri kummerċjali tagħhom li ma jibbenefikawx mill-miżuri tal-Istat. Il-possibbiltà li jikru akkomodazzjoni lil gruppi bi dħul ogħla jew lil impriżi għandha titqies bħala żball manifest fid-definizzjoni tas-servizz pubbliku.”

109

Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix l-espressjoni “dħul relattivament għoli”. Għaldaqstant, l-argumenti mqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv jagħmlu riferiment għall-motivazzjoni tal-ittra Artikolu 17 u r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fiha nnifisha f’dan ir-rigward.

110

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq qari żbaljat u parzjali tal-ittra Artikolu 17.

111

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat, fl-ittra Artikolu 17, żball manifest fid-definizzjoni tas-SIEĠ peress li ma kinitx preċiża biżżejjed minħabba li ma kinitx tkopri biss grupp fil-mira ta’ persuni soċjalment żvantaġġati. Hija sussegwentement irrilevat li, sa fejn, f’każ ta’ kapaċità żejda, il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni setgħu jiġu mġiegħla jikru akkomodazzjoni lil persuni minn barra dan il-grupp fil-mira, kien jeżisti riskju li l-għajnuna mill-Istat jibbenefikaw ukoll minnha l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni għal dawn l-attivitajiet li huma lil hinn mis-SIEĠ.

112

F’dan ir-rigward, fil-punt 39 tal-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“Barra minn hekk, xi drabi, il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni għandhom kapaċità żejda ta’ akkomodazzjoni soċjali. F’dan il-każ, huma jikru din l-akkomodazzjoni lil partijiet oħra (jiġifieri lil familji li ma humiex soċjalment żvantaġġati). Kif ġie rrilevat preċedentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kiri ta’ akkomodazzjoni lil familji li ma humiex soċjalment żvantaġġati ma jistax jitqies bħala servizz pubbliku.”

113

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, jirriżulta b’mod ċar mill-ittra Artikolu 17 li l-kunċett ta’ persuni bi “dħul relattivament għoli” jirreferi għall-persuni li ma jistgħux jitqiesu li huma persuni soċjalment żvantaġġati.

114

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-estratt tal-ittra tas-6 ta’ Settembru 2005, iċċitat fil-punt 101 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-awtoritajiet Olandiżi fehmu l-kunċett ta’ persuni bi “dħul relattivament għoli” bħala li jkopri familji bi dħul ogħla mill-grupp fil-mira ta’ persuni soċjalment żvantaġġati.

115

Jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-ittra Artikolu 17 li l-Kummissjoni qieset li l-kiri ta’ akkomodazzjoni lil persuni li jibbenefikaw minn “dħul relattivament għoli” ma setax jitqies li huwa parti mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni.

116

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fir-rikors, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-fatt biss li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali anċillari kien jikkostitwixxi żball manifest fid-definizzjoni tas-SIEĠ. Dak li kkonstatat il-Kummissjoni, huwa li, minħabba l-assenza ta’ delimitazzjoni preċiża tas-SIEĠ, kien jeżisti riskju li l-għajnuna mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni tibbenefika wkoll l-attivitajiet anċillari tagħhom li ma humiex eżerċitati għalhekk taħt il-kundizzjonijiet tas-suq.

117

Kif jirriżulta wkoll mill-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali mal-Artikolu 106(2) TFUE, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li l-akkomodazzjoni soċjali tiġi limitata għal grupp fil-mira ta’ persuni żvantaġġati jew ta’ gruppi soċjalment żvantaġġati u li jiġi previst li l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali jkunu s-suġġett ta’ awditjar distint u ta’ stħarriġ xieraq, sabiex jiġi żgurat t-twettiq tal-attivitajiet kummerċjali skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

118

Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ riskju ta’ sussidji trażversali.

119

F’dan ir-rigward, filwaqt li rrikonoxxew, fl-ittra tas-6 ta’ Settembru 2005, li l-kiri ta’ akkomodazzjoni lil familji bi dħul ogħla meta mqabbel mal-grupp fil-mira ma kienx għalkollox skont il-prezzijiet tas-suq, l-awtoritajiet Olandiżi ammettew l-eżistenza ta’ sussidji trażversali.

120

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, fl-ittra Artikolu 17, li fiha evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ma kinitx obbligata turi li l-attivitajiet anċillari tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni bbenefikaw fil-fatt mill-għajnuna mill-Istat jew li fil-fatt kien hemm sussidji trażversali. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami tal-għajnuna eżistenti jista’ jwassal biss għal deċiżjoni li tipproduċi effetti fil-futur. Huwa għalhekk biss jekk il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta’ finanzjament inkwisjoni tippreżenta riskju ta’ kumpens żejjed għall-futur li hija tista’ tasal sabiex tipproponi miżuri utli (ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T-354/05, EU:T:2009:66, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni diġà kellhom l-obbligu li jżommu kontijiet separati skont l-Artikolu 25 B tal-Mededingingswet (liġi Olandiża dwar il-kompetizzjoni).

122

Issa, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2005, il-Gvern Olandiż isemmi l-punt tal-ittra Artikolu 17 li fih isir riferiment għall-obbligu tal-impriżi li jżommu kontijiet separati, mingħajr ma jsostni li dan l-obbligu kien diġà jeżisti fil-leġiżlazzjoni tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni. Barra minn hekk, fl-ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009, fost il-miżuri li l-Gvern Olandiż obbliga ruħu li jadotta sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna, hija inkluża s-separazzjoni tal-kontijiet bejn l-attivitajiet soċjali (li jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat) u kummerċjali (mingħajr għajnuna mill-Istat) skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 1980, L 195, p. 35).

123

Fl-aħħar nett, kif tirrileva l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 25 D(1)(b) tal-liġi Olandiżi dwar il-kompetizzjoni, l-obbligu li tinżamm kontabbiltà separata, previst mill-Artikolu 25 B ta’ din il-liġi, ma hijiex applikabbli għall-impriżi responsabbli għal SIEĠ ta’ akkomodazzjoni soċjali li għandhom fatturat ta’ inqas minn EUR 40 miljun. L-impenji tal-awtoritajiet Olandiżi kienu għalhekk intiżi għall-estensjoni ta’ dan l-obbligu għall-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni kollha.

124

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u abbużat mis-setgħat tagħha billi eżiġiet mill-awtoritajiet Olandiżi definizzjoni ġdida tal-“akkomodazzjoni soċjali” u fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi eżiġiet definizzjoni speċifika tas-SIEĠ, wettqet interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842

125

Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, fost il-miżuri utli li l-Kummissjoni pproponiet lill-awtoritajiet Olandiżi, hija eżiġiet li dawn tal-aħħar jillimitaw d-definizzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali għal grupp speċifiku ta’ familji żvantaġġati. Mill-ittra Artikolu 17, u b’mod partikolari mir-riferiment għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat N 209/01 dwar il-garanzija għas-self tal-Housing Finance Agency fl-Irlanda (ĠU 2002, C 67, p. 33), jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li din il-limitazzjoni setgħet titwettaq biss permezz ta’ limitu fuq id-dħul. L-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva sabiex jiddeterminaw il-portata tas-SIEĠ tagħhom fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex timponi kriterju dwar id-delimitazzjoni tal-grupp fil-mira.

126

Permezz tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-eżenzjoni ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE prevista fid-Deċiżjoni 2005/842 tapplika għall-akkomodazzjoni soċjali, iżda ma hijiex suġġetta għal limiti. Fil-premessa 16 tad-Deċiżjoni 2005/842, il-kunċett ta’ akkomodazzjoni soċjali huwa ddefinit biss b’riferiment għaċ-“ċittadini żvantaġġjati jew gruppi li jbatu minn żvantaġġ soċjali”, iżda mhux b’riferiment għal limitu ta’ dħul. Il-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni 2005/842 meta qieset li s-sistema Olandiża ta’ akkomodazzjoni soċjali kienet tinkludi żball manifest għaliex ma kinitx tinkludi limiti ta’ dħul speċifiku. Skont ir-rikorrenti, il-funzjonijiet tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni kienu suffiċjentement ċari fil-leġiżlazzjoni Olandiża.

127

Permezz ta’ dawn iż-żewġ motivi, ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli wettqet żball ta’ liġi, abbużat mis-setgħat tagħha u kisret id-Deċiżjoni 2005/842 billi eżiġiet, fl-ittra Artikolu 17, li l-awtoritajiet Olandiżi għandhom jiddefinixxu s-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali b’riferiment għal grupp fil-mira stabbilit abbażi ta’ limitu ta’ dħul.

128

Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-eżami tat-tieni motiv, u b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq jirriżulta, li, għalkemm l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Kummissjoni tista’ tikkontesta d-definizzjoni ta’ SIEĠ fil-każ ta’ żball manifest. Sa fejn ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament qieset, fl-ittra Artikolu 17, li l-assenza ta’ definizzjoni suffiċjentement ċara ta’ grupp fil-mira ta’ persuni soċjalment żvantaġġati kienet tikkostitwixxi żball manifest, hija għalhekk kienet kompetenti, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, sabiex titlob lill-awtoritajiet Olandiżi limitazzjoni ta’ din id-definizzjoni.

129

Fl-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni indikat li d-definizzjoni tas-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali kellha rabta diretta mal-familji żvantaġġati. F’dan ir-rigward, hija indikat li s-soluzzjoni proposta mill-awtoritajiet Olandiżi li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-valur massimu tal-akkomodazzjoni li setgħet titqies bħala “akkomodazzjoni soċjali” ma kinitx issolvi din il-problema.

130

Hija semmiet sussegwentement id-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Lulju 2001, dwar l-għajnuna mill-Istat N 209/01, bħala eżempju tal-prattika reċenti tagħha fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali. Il-miżura ta’ għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni kienet tikkonsisti fil-garanzija mill-Istat lill-Housing Finance Agency (HFA, aġenzija għall-finanzjament tal-akkomodazzjoni, Irlanda) fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ self u ta’ ġbir ta’ fondi, intiżi għall-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali mwettqa mill-awtoritajiet lokali. Hija indikat li l-garanzija mill-Istat lill-HFA setgħet tingħata biss favur persuni li kienu jissodisfaw ċerti kriterji, jiġifieri li huma kellhom bżonn self, li d-dħul tagħhom kien taħt ċertu limitu u li ma kinux eliġibbli għal self minn sors kummerċjali. Hija kkonstatat li l-ġustifikazzjoni soċjali għall-istatus tas-SIEĠ Irlandiż kienet ibbażata fuq kriterji iktar stretti minn dawk applikati fis-sistema Olandiża.

131

Mill-ittra Artikolu 17 jirriżulta għalhekk li l-Kummissjoni semmiet id-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 bħala eżempju ta’ definizzjoni ta’ SIEĠ fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali li tirreferi b’mod ċar għal kriterji soċjali u għal familji soċjalment żvantaġġati. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eżiġiet mill-awtoritajiet Olandiżi la li huma jżommu l-istess kriterji, u lanqas ma kkunsidrat li huma ma setgħu jiddefinixxu s-SIEĠ biss b’riferiment għal limitu ta’ dħul.

132

Bħalma jirrilevaw ir-rikorrenti stess, il-kunċett ta’ akkomodazzjoni soċjali huwa ddefinit, fil-premessa 16 tad-Deċiżjoni 2005/842, b’riferiment għaċ-“ċittadini żvantaġġjati jew gruppi li jbatu minn żvantaġġ soċjali”. Skont din id-deċiżjoni, fl-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni eżiġiet biss li d-definizzjoni tal-attivitajiet tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jkollhom rabta diretta mal-familji soċjalment żvantaġġati.

133

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx fl-ittra Artikolu 17 li ż-żball manifest fid-definizzjoni tas-SIEĠ kien jirriżulta mill-assenza ta’ limitu ta’ dħul speċifiku, iżda li dan kien jiriżulta mill-assenza ta’ definizzjoni ċara tal-grupp fil-mira. Il-Kummissjoni sempliċement indikat li kriterju dwar il-valur massimu tal-akkomodazzjoni ma kienx kriterju sodisfaċenti.

134

Minbarra dan, għandu jitfakkar li huma l-awtoritajiet Olandiżi stess li pproponew lill-Kummissjoni, fl-ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009, definizzjoni ġdida tal-akkomodazzjoni soċjali bbażata fuq limitu massimu ta’ dħul.

135

Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat minn diversi dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fl-anness tal-kontroreplika, li jinkludu żewġ rapporti ta’ konsultazzjoni, l-ewwel wieħed, bejn il-Ministru Olandiż għall-Akkomodazzjoni u t-Tweede Kamer der Staten-Generaal (it-Tieni Kamra tar-Rappreżentanti, il-Pajjiżi l-Baxxi), tal-31 ta’ Awwissu 2006, dwar il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni u t-tieni wieħed, bejn il-Ministru Olandiż għall-Affarijiet Interni u t-Tieni Kamra tar-Rappreżentanti, tat-28 ta’ Ottubru 2010, dwar l-għajnuna lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, li fihom il-Ministri indikaw espliċitamnent li l-limitu massimu ta’ dħul ma kienx ġie impost mill-Kummissjoni, iżda kien ġie propost mill-Pajjiżi l-Baxxi.

136

L-argument tar-rikorrenti li, b’applikazzjoni tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni (T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu definizzjoni kwalitattiva tas-SIEĠ u ma jistgħux jiġu obbligati jillimitawha f’termini kwantitattivi, permezz ta’ limitu massimu ta’ dħul, ma huwiex għalhekk rilevanti.

137

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni sempliċement ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li din id-definizzjoni ġdida tas-SIEĠ tal-akkomodazzjoni kienet tissodisfa r-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2005/842. Ma jistax jiġi eskluż madankollu li l-Kummissjoni approvat ukoll definizzjoni tas-SIEĠ proposta mill-awtoritajiet Olandiżi bbażata fuq kriterju ieħor minbarra limitazzjoni ta’ dħul, jekk din id-definizzjoni kienet suffiċjentement ċara u kienet tistabbilixxi rabta mal-persuni żvantaġġati.

138

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni, peress li ma eżiġietx definizzjoni tas-SIEĠ ibbażata fuq limitu massimu ta’ dħul, ma wettqitx żball ta’ liġi, ma abbużatx mis-setgħat tagħha u lanqas ma kisret id-Deċiżjoni 2005/842.

139

Għalhekk, ir-raba’ u s-sitt motiv għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma għamlitx distinzjoni bejn id-definizzjoni ta’ SIEĠ u l-metodu ta’ finanzjament tiegħu

140

Ir-rikorrenti jsostnu li mis-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni (T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457), jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn id-definizzjoni ta’ SIEĠ u l-metodu ta’ finanzjament tiegħu. Il-Kummissjoni ma wettqitx din id-distinzjoni u kkunsidrat is-SIEĠ bħala forma ta’ sussidju trażversali ta’ attivitajiet kummerċjali anċillari. Hija qieset li tista’ topponi possibbiltà ta’ sussidju trażversali bil-limitazzjoni tad-definizzjoni tas-SIEĠ permezz ta’ limitu massimu ta’ dħul, b’tali mod li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni ma jkunux jistgħu jużaw il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom fil-kuntest tas-SIEĠ għal offerti ta’ akkomodazzjoni lil familji li jaqbżu dan il-limitu massimu. Il-Kummissjoni kellha tevalwa d-definizzjoni tas-SIEĠ irrispettivament mill-mezzi disponibbli għal kumpanniji ta’ akkomodazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ dan is-SIEĠ, u sussegwentement kellha teżamina jekk dawn il-mezzi kinux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-SIEĠ. Il-Kummissjoni wettqet konfużjoni bejn iż-żewġ kwistjonijiet peress li riedet tipprekludi kumpens żejjed permezz ta’ limitazzjoni tas-SIEĠ.

141

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 108 tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni (T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457), iċċitata mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li SIEĠ huwa ddefinit, bħala prinċipju, b’riferiment għall-interess ġenerali li huwa intiż li jissodisfa u mhux b’riferiment għall-mezzi li jiżguraw il-provvista tiegħu.

142

Issa, f’dan il-każ, fl-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Olandiżi, inizjalment, li d-definizzjoni tas-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għall-interess ġenerali intiż, jiġifieri abbażi ta’ kriterji soċjali, u b’rabta diretta mal-familji soċjalment żvantaġġati. Huwa biss sussegwentement li l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-finanzjament tas-SIEĠ u tas-sussidju trażversali.

143

Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx id-definizzjoni tas-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali fuq il-metodu ta’ finanzjament tiegħu.

144

Fit-tieni lok, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx toġġezzjona għal kumpens żejjed jew għal possibbiltà ta’ sussidju trażversali bil-limitazzjoni tad-definizzjoni tas-SIEĠ.

145

Fil-fatt, sabiex jiġi kkunsidrat li għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku hija kompatibbli mas-suq intern, l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2005/842 ifakkar li l-ammont tal-kumpens ma għandux jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv għalih kif ukoll profitt raġonevoli fuq il-kapital proprju neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (ara wkoll il-punt 14 tal-qafas tal-2005).

146

L-Artikolu 5(2) tad-Deciżjoni 2005/842 jindika li l-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jinkludu l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-ġestjoni tas-SIEĠ u li, meta l-impriża twettaq ukoll attivitajiet minbarra s-SIEĠ, huma biss l-ispejjeż marbuta miegħu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara wkoll il-punt 16 tal-qafas tal-2005).

147

Fl-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li, sabiex jiġi ssodisfat it-test ta’ proporzjonalità, huwa neċessarju li l-għajnuna mill-Istat ma teċċedix l-ispejjeż netti tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul ieħor dirett jew indirett idderivat mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku. Il-Kummissjoni rrilevat li hija kellha, f’dan il-każ, tiddetermina, l-ewwel nett, jekk l-ispejjeż u d-dħul assoċjati mal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u mhux pubbliku setgħux jiġu ddeterminati u, it-tieni nett, jekk il-finanzjament kienx proporzjonali għall-ispejjeż netti.

148

Għalhekk, definizzjoni ċara tas-SIEĠ hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ proporzjonalità tal-għajnuna, jiġifieri sabiex jiġi żgurat li l-kumpens mogħti ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.

149

Għaldaqstant, il-Kummissjoni, permezz tat-talba lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jiddefinixxu s-SIEĠ tal-akkomodazzjoni soċjali fir-rigward ta’ grupp fil-mira ta’ familji soċjalment żvantaġġati, hija talbithom jistabbilixxu b’mod ċar il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku li għalihom ingħata l-kumpens. Din id-definizzjoni preċiża tippermetti għalhekk li jiġu ddeterminati l-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq tas-SIEĠ u li jiġi evitat, minn naħa, il-kumpens żejjed u, min-naħa l-oħra, li l-attivitajiet eżerċitati mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni minbarra s-SIEĠ jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat sabiex jiġu evitati s-sussidji trażversali.

150

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li r-rikorrenti stess indikaw fir-rikors li d-definizzjoni tas-SIEĠ hija rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx kumpens żejjed li jista’ jwassal għal sussidju trażversali.

151

Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2005/842, billi ma kkonstatatx li l-metodu ta’ finanzjament tas-SIEĠ kien manifestament inadegwat

152

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2005/842, li jipprevedi li l-ammont tal-kumpens għal SIEĠ huwa kompatibbli mat-Trattat jekk ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv kif ukoll profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi. Fl-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni la ma kkonstatat kumpens żejjed u lanqas ma wriet l-eżistenza ta’ riskju ta’ profitt eċċessiv li jista’ jwassal għal kumpens żejjed.

153

Hija wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ma eżaminatx, fl-ittra Artikolu 17, l-eżistenza ta’ kumpens żejjed fis-sistema ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali inizjali, fid-dawl tad-definizzjoni inizjali tas-SIEĠ, qabel ma eżiġiet modifika għal din is-sistema. Fl-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni ma setgħetx teżiġi modifika tas-sistema tal-akkomodazzjoni soċjali minħabba li hija ma setgħetx tiddetermina, minħabba informazzjoni insuffiċjenti pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi, liema kienu l-ispejjeż tas-SIEĠ u x’kien l-ammont tal-kumpens li jirċievu l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali.

154

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami tal-għajnuna eżistenti jista’ jwassal biss għal miżuri għall-futur. Huwa għalhekk biss jekk il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta’ finanzjament inkwisjoni tippreżenta riskju ta’ kumpens żejjed għall-futur li hija tista’ tasal sabiex tipproponi miżuri utli (ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa possibbli li r-riċerka, fil-kuntest tal-eżami permanenti ta’ għajnuna eżistenti, ta’ kumpens żejjed għall-passat tista’, eventwalment, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, tippreżenta interess għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna eżistenti mas-suq intern, xorta jibqa’ l-fatt li tali riċerka ma hijiex, fiha nnifisha, neċessarjament indispensabbli għal evalwazzjoni korretta tan-neċessità li jiġu proposti miżuri utli għall-futur u għad-determinazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Ir-riskju jew l-assenza ta’ riskju ta’ kumpens żejjed għall-futur jiddependi, fl-aħħar nett, essenzjalment fuq il-modalitajiet konkreti tas-sistema ta’ finanzjament innifisha, u mhux fuq il-fatt li din is-sistema, fil-prattika, tkun irriżultat f’kumpens żejjed fil-passat (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punt 167).

156

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi l-eżistenza ta’ kumpens żejjed fis-sistema ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali inizjali.

157

Barra minn hekk, fl-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni kkonstatat, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-finanzjament, li peress li l-awtoritajiet Olandiżi ma setgħu jipprovdu informazzjoni la fuq l-ispejjeż żejda mġarrba mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni għall-attivitajiet ta’ servizz pubbliku, u lanqas fuq il-valur eżatt tal-miżuri statali, kien impossibbli għaliha li tiddetermina jekk kienx hemm jew le kumpens żejjed tal-ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku.

158

Hija rrilevat ukoll li, bil-kiri kummerċjali tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni soċjali żejda li kienet iffinanzjata mill-għajnuna mill-Istat, il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-proprjetà immobbli, bl-offerta ta’ akkomodazzjoni taħt il-prezz tas-suq u bl-investiment tal-profitti li rriżultaw minn dan f’attivitajiet kummerċjali oħra.

159

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-ittra Artikolu 17 huwa biss l-ewwel stadju tal-proċedura, li ma jinkludix evalwazzjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna eżistenti. L-awtoritajiet Olandiżi, bħala tweġiba għal din l-ittra, kienu f’pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni komplementari ta’ natura li tistabbilixxi l-assenza ta’ kumpens żejjed u l-kompatibbiltà tas-sistema inizjali mal-Artikolu 106(2) TFUE.

160

Issa, fl-ittra tagħhom tas-6 ta’ Settembru 2005, l-awtoritajiet Olandiżi rrilevaw li t-tranżazzjonijiet kollha bejn il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni u s-sussidjarji kummerċjali tagħhom għandhom jitwettqu skont il-kundizzjonijiet tas-suq u li, skont il-Gvern Olandiż, minn dan isegwi li r-riżorsi pubbliċi intiżi għall-grupp soċjali fil-mira ma setgħux jintużaw għall-attivitajiet kummerċjali. Mill-estratt ta’ din l-ittra msemmija fil-punt 101 iktar ’il fuq jirriżulta li l-awtoritajiet Olandiżi, minflok ma jikkontestaw l-eżistenza ta’ riskju ta’ kumpens żejjed, kienu, għall-kuntrarju, irrikonoxxew il-ħtieġa tal-adozzjoni ta’ miżuri, li jipprevedu b’mod partikolari l-obbligu li jinżammu kontijiet separati, sabiex tiġi limitata l-allokazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-attivitajiet intiżi għall-grupp fil-mira ta’ persuni żvantaġġati.

161

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-ittra Artikolu 17 jirriżulta li definizzjoni preċiża tas-SIEĠ ma kinitx l-unika miżura li kienet tippermetti li jiġi evitat li kumpens żejjed jibbenefika l-attivitajiet kummerċjali. Fil-fatt, sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż u d-dħul marbut mas-servizz pubbliku u sabiex jiġi evitat li kumpens żejjed tas-SIEĠ jintuża għall-finanzjament tal-attivitajiet kummerċjali tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, il-Kummissjoni fakkret li, skont id-Direttiva 80/723, dawn tal-aħħar kellhom jinżammu f’kontijiet separati.

162

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 5(5) tad-Deċiżjoni 2005/842 jipprevedi wkoll li “[m]eta kumpanija twettaq attivitajiet li jaqgħu sew fi ħdan kif ukoll barra l-ambitu tas-servizzi ta’ interess ekonomiku [importanza ekonomika] ġenerali, il-kontijiet interni għandhom juru b’mod separat l-ispejjeż u d-dħul marbuta mas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u dawk ta’ servizzi oħra, kif ukoll il-parametri li bihom jiġu allokati l-ispejjeż u d-dħul.”

163

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti li l-kontroll tan-natura proporzjonata tal-kumpens għat-twettiq ta’ funzjoni SIEĠ, hekk kif stabbilit minn att ta’ portata ġenerali, huwa limitat għal verifika dwar jekk il-kumpens previst huwiex neċessarju sabiex il-funzjoni SIEĠ inkwistjoni tkun tista’ titwettaq taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 222), ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Kummissjoni indikat, fl-ittra Artikolu 17, li hija ma setgħetx, fl-assenza ta’ definizzjoni suffiċjentement preċiża tas-SIEĠ u fl-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti trażmessa mill-awtoritajiet Olandiżi, tiddetermina l-ispejjeż u d-dħul relatati mas-SIEĠ u, għaldaqstant, li tevalwa n-natura proporzjonata tal-kumpens.

164

Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni abbużat mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, bl-impożizzjoni, fuq il-bażi ta’ din il-proċedura, ta’ lista limitattiva tal-bini li jista’ jiġi kklassifikat bħala “proprjetà immobbli soċjali”

165

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni abbużat mill-proċedura relatata mal-għajnuna eżistenti u marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha billi approvat lista limitattiva ta’ bini li jista’ jiġi kklassifikat bħala “proprjetà immobbli soċjali”. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel evalwazzjoni li għandha bħala konsegwenza li proġetti li ma humiex inklużi fil-lista ma jistgħux jiġu kklassifikati iktar bħala “proprjetà immobbli soċjali”.

166

Huma jsostnu li din l-approvazzjoni ma taqax taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni. Huma jirrilevaw li, la fl-ittra Artikolu 17, u lanqas fil-proposti ta’ miżuri utli, il-Kummissjoni ma għamlet rakkomandazzjonijiet dwar id-definizzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali. Il-Kummissjoni sempliċement osservat li l-proprjetajiet immobbli inklużi fil-lista għandhom funzjoni soċjali ċara, mingħajr ma indikat ir-raġuni għalfejn din il-funzjoni ma tapplikax għal proprjetajiet immobbli oħra. Il-Kummissjoni ma eżaminatx id-definizzjoni inizjali tal-funzjonijiet tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni f’dak li jirrigwarda l-proprjetajiet immobbli soċjali u, għaldaqstant, ma setgħetx tiddeċiedi li din id-definizzjoni kellha nuqqasijiet li jeħtieġu definizzjoni iktar limitativa ta’ dawn il-funzjonijiet.

167

Għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li fost l-attivitajiet ta’ interess ġenerali tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni huma inklużi l-bini u l-offerta għall-kiri ta’ proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali. Il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat sabiex ikopru l-ispejjeż tal-investiment u joffru dawn il-proprjetajiet immobbli għall-kiri lil organizzazzjonijiet mhux governattivi jew lil organi pubbliċi, li jipprovdu servizzi pubbliċi jew attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe attività kummerċjali. Hija rrilevat li l-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat huma, qabelxejn, il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, sussegwentement, l-operaturi li jwettqu attivitajiet f’dawn il-proprjetajiet immobbli u, fl-aħħar nett, iċ-ċittadini li jibbenefikaw mis-servizzi offruti.

168

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni elenkat l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi, fl-ittra tagħhom tat-3 ta’ Diċembru 2009, fir-rigward tal-attivitajiet tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni li jikkonsistu fil-bini u fl-offerta għall-kiri ta’ proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali. Dawn l-impenji huma deskritti kif ġej:

“Il-proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali jinkludu iċ-ċentri ċiviċi, ċentri tas-saħħa, ċentri ta’ akkomodazzjoni għan-nisa, ċentri tal-kura għall-anzjani, ċentri kulturali, sportivi, eċċ. Dawn l-istabbilimenti huma fil-pussess u miżmuma minn kumpanniji ta’ akkomodazzjoni, u jinkrew lil organizzazzjonijiet mhux governattivi jew lil organi pubbliċi. Għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

n)

Huma biss l-istabbilimenti li ġenwinament jaqdu l-interess ġenerali u li jikkontribwixxu għall-ħajja fil-komunità, pereżempju ċ-ċentri komunitarji, ċiviċi, ċentri taż-żgħażagħ, eċċ. li jistgħu jirċievu għajnuna. Lista kważi eżawrjenti tal-istabbilimenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali għandha tiġi stabbilita permezz ta’ att amministrattiv, u hija mehmuża ma’ din id-deċiżjoni.

o)

Il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni għandhom l-obbligu li jikru dawn il-proprjetajiet immobbli inkambju għal kera iktar baxxa mill-kera normali fis-suq, b’tali mod li l-profitt miksub mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni jgħaddi lill-organizzazzjonijiet soċjali li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-bini.

[…]”

169

Il-Kummissjoni kkonstatat li l-lista tal-istabbilimenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali, mehmuża mad-deċiżjoni kkontestata, turi b’mod ċar li l-attivitajiet kollha implimentati f’dawn l-istabbilimenti kienu ġenwiment jikkostitwixxu attivitajiet ta’ interess ġenerali. Hija fakkret li peress li l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni huma obbligati japplikaw kirjiet moderati għall-kerrejja, il-profitti miksuba minnhom kienu jgħaddu lill-kerrejja li kienu jew fornituri ta’ servizzi pubbliċi, jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru. Hija osservat li l-għajnuna kienet intiża għal għanijiet iddefiniti b’mod strett u speċifiku, kif turi l-lista preċiża ta’ proprjetajiet immobbli b’għan soċjali, u qieset li l-proġetti kummerċjali kollha kienu esklużi mill-iskema ta’ għajnuna.

170

Għandu jiġi rrilevat li l-lista tal-“istabbilimenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali” li tinsab fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata ġiet stabbilita mill-awtoritajiet Olandiżi, li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

171

Il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-lista, flimkien ma’ impenji oħra meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi, kienet tippermetti li tiġi indirizzata l-biżà, espressa waqt il-proċedura, li attivitajiet kummerċjali jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat.

172

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, huwa sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-Kummissjoni dwar ir-riskju li l-għajnuna mogħtija għall-finanzjament tas-SIEĠ tibbenefika bini li fih jitwettqu attivitajiet kummerċjali, espress fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni, li l-awtoritajiet Olandiżi pproponew lista ta’ proprjetajiet immobbli b’għan soċjali.

173

F’dan ir-rigward, fl-ittra tat-12 ta’ Ġunju 2009, indirizzata lill-President tat-Tieni Kamra tar-Rappreżentanti, il-Ministru Olandiż tal-Akkomodazzjoni indika li l-Kummissjoni kienet esprimiet dubji dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għall-bini u għall-kiri ta’ proprjetajiet immobbli soċjali. Huwa ddikjara dan li ġej:

“Jiena tal-fehma li huwa importanti li l-għajnuna mill-Istat tibqa’ disponibbli għall-bini u għall-kiri ta’ proprjetajiet immobbli soċjali. Għal dan il-għan, fil-konsultazzjoni mal-[Kummissjoni], ser niddeskrivi b’mod iktar preċiż il-kunċett ta’ proprjetà immobbli soċjali sabiex toħroġ b’mod ċar id-distinzjoni minn proprjetà immobbli b’użu essenzjalment kummerċjali.”

174

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, dwar l-għajnuna mogħtija lill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni li tikkonċerna l-bini u l-offerta għall-kiri ta’ proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali, hija konformi mal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna eżistenti prevista fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999.

175

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-approvazzjoni ta’ din il-lista għandha bħala konsegwenza li proġetti li ma jkunux inklużi fiha ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati bħala proprjetajiet immobbli soċjali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma hijiex il-Kummissjoni, iżda huma l-awtoritajiet Olandiżi, fl-impenji tagħhom, li stabbilixxew liema huma l-istabbilimenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali u, konsegwentement, dawk li ma jistgħux. Ma kinitx il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li kellha tindika għalfejn il-funzjoni soċjali ma tapplikax għal proprjetajiet immobbli oħra.

176

Għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

177

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorsi għandhom jiġi miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

178

Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli ta’ Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, din għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż dwar, minn naħa, il-proċeduri mibdija quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

179

Sa fejn, fis-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100), tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105), tal-15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑414/15 P, EU:C:2017:215), u tal-15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑415/15 P, EU:C:2017:216), il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi wkoll, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-proċeduri ta’ appell.

180

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-IVBN, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

181

Ir-Renju tal-Belġju, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

2)

Stichting Woonlinie, Woningstichting Volksbelang u Stichting Woonstede, huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi T‑202/10, T‑202/10 RENV, T‑202/10 RENV II, C‑133/12 P u C‑414/15 P kif ukoll dawk sostnuti minn Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland (IVBN) fil-Kawżi T‑202/10, T‑202/10 RENV u T‑202/10 RENV II.

 

3)

Stichting Woonpunt, Woningstichting Haag Wonen u Stichting Woonbedrijf SWS.Hhvl, huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi T‑203/10, T‑203/10 RENV, T‑203/10 RENV II, C‑132/12 P u C‑415/15 P kif ukoll dawk sostnuti mill-IVBN fil-Kawżi T‑203/10, T‑203/10 RENV u T‑203/10 RENV II.

 

4)

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Collins

Kancheva

Barents

Passer

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Novembru 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top