EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0084

Kawża C-84/10 P: Appell ippreżentat fit- 12 ta’ Frar 2010 minn Longevity Health Products Inc. mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fid- 9 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża T-484/08 — Longevity health Products, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI: Merck KGaA

OJ C 100, 17.4.2010, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/29


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2010 minn Longevity Health Products Inc. mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fid-9 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża T-484/08 — Longevity health Products, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI: Merck KGaA

(Kawża C-84/10 P)

2010/C 100/44

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Longevity Health Products, Inc. (rappreżentant: J. Korab, avukat)

Appellati: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Merck KGaA

Talbiet tal-appellanti

tiddikjara l-appell ta’ Longevity Health Products, Inc. bħala ammissibbli;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Diċembru 2009, fil-Kawża T-484/08;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors tal-appellanti li permezz tiegħu din tal-aħħar talbet l-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tat-28 ta’ Awwissu 2008, li tiċħad it-talba tal-appellanti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali “Kids Vits”. Bis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonfermat d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark verbali Komunitarja preċedenti “VITS4KIDS”.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka difett proċedurali kif ukoll ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 40/94”).

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball proċedurali billi ma tatx lill-appellanti terminu li fih setgħet tippreżenta replika għar-risposta tal-appellata, minkejja t-talbiet immotivati tal-appellanti. Għaldaqstant id-dritt għal smigħ tal-appellanti ġie llimitat u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġuridika ġie ppreġudikat, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għaliex fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni hija ma wettqitx evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha. Hija żbaljat meta mxiet fuq il-premessa li l-punti komuni kkonstatati bejn it-trade marks verbali kunfliġġenti kienu biżżejjed sabiex tqis li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tad-dritt dwar it-trade marks.

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade marks inkwistjoni kienu jikkonċernaw essenzjalment prodotti u servizzi relatati, fl-usa’ sens, mas-saħħa tal-bniedem, u għal din ir-raġuni kien mistenni livell ogħla ta’ attenzjoni mill-pubbliku kkonċernat. Il-konsumaturi jafu fiċ-ċert li, għall-ismijiet ta’ trade marks li joħorġu min-nomenklatura kimika jew li huma ispirati minnha, anki l-inqas differenza tista’ tkun determinanti. Barra minn hekk, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumaturi huwa msaħħaħ bil-fatt li l-konfużjoni bejn prodotti jista’ jkollha effetti spjaċevoli ħafna. Dan il-fatt minnu nnifsu diġà jippermetti li wieħed jibda mill-premessa ta’ livell partikolari ta’ attenzjoni.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade marks verbali “Kids Vits” u “VITS4KIDS” juru differenzi importanti, għaliex ir-repetizzjoni fonetika tal-ismijiet tat-trade marks turi differenzi kunsiderevoli. Il-pronunzja tal-isem ta’ trade mark hija essenzjali għat-tifkira tagħha li jżomm f’moħħu l-konsumatur, b’tali mod li, għal din is-sempliċi raġuni, diġà tista’ tiġi eskluża l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Huwa minnu li jeżisti xebh viżiv, iżda l-kliem “Kids” u “Vits” huma mqiegħda f’pożizzjonijiet differenti fit-trade marks inkwistjoni u t-trade mark tal-appellata hija kkompletata b’sinjal supplimentari jiġifieri n-numru “4”, li, bl-Ingliż, għandu jiġi ppronunzjat “for”, fis-sens ta’ “intiż għal”). Minbarra dan, iż-żewġ trade marks ikkunsidrati globalment jikkorrispondu għal żewġ sistemi differenti ta’ ħolqien ta’ ismijiet komposti, u dan, minnu nnifsu, diġà jiggarantixxi li huma jiġu distinti waħda mill-oħra.


Top