This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0584
Judgment of the Court (Grand Chamber), 18 July 2013.#European Commission and Others v Yassin Abdullah Kadi.#Appeal — Common Foreign and Security Policy (CFSP) — Restrictive measures taken against persons and entities associated with Usama bin Laden, the Al-Qaeda network and the Taliban — Regulation (EC) No 881/2002 — Freezing of funds and economic resources of a person included in a list drawn up by a body of the United Nations — Listing of that person’s name in Annex I to Regulation (EC) No 881/2002 — Action for annulment — Fundamental rights — Rights of the defence — Principle of effective judicial protection — Principle of proportionality — Right to respect for property — Obligation to state reasons.#Joined Cases C‑584/10 P, C‑593/10 P and C‑595/10 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Lulju 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea et vs Yassin Abdullah Kadi.
Appell — Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk ta’ Al-Qaida u mat-Taliban — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuna inkluża f’lista stabbilita minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti — Inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Drittijiet fundamentali — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Dritt għar-rispett għall-proprjetà — Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawżi magħquda C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Lulju 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea et vs Yassin Abdullah Kadi.
Appell — Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk ta’ Al-Qaida u mat-Taliban — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuna inkluża f’lista stabbilita minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti — Inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Drittijiet fundamentali — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Dritt għar-rispett għall-proprjetà — Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawżi magħquda C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:518
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )
“Appell — Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk ta’ Al-Qaida u mat-Taliban — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuna inkluża f’lista stabbilita minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti — Inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Drittijiet fundamentali — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Dritt għar-rispett għall-proprjetà — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawżi magħquda C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P,
li għandha bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2010,
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Hetsch u S. Boelaert kif ukoll minn E. Paasivirta u M. Konstantinidis, sussegwentement minn L. Gussetti u S. Boelaert kif ukoll minn E. Paasivirta u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn E. Jenkinson, sussegwentement minn S. Behzadi-Spencer, bħala aġenti, assistiti minn J. Wallace, QC, de D. Beard, QC, u minn M. Wood, barrister,
rikorrenti,
sostnuti minn:
Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn B. Zaimov u T. Ivanov kif ukoll minn E. Petranova, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn C. Schiltz, bħala aġent,
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,
partijiet intervenjenti fl-appelli (C-584/10 P u C-595/10 P),
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, E. Finnegan u R. Szostak, bħala aġenti,
rikorrent,
sostnut minn:
Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn B. Zaimov u T. Ivanov, kif ukoll minn E. Petranova, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn K. Najmanová, kif ukoll minn E. Ruffer, M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,
Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn L. Volck Madsen, bħala aġent,
L-Irlanda, inizjalment irrappreżentata minn D. O’Hagan, sussegwentement minn E. Creedon, bħala aġenti, assistiti minn N. Travers, BL u minn P. Benson, solicitor, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez u N. Díaz Abad, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn C. Schiltz, bħala aġent,
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér, kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,
intervenjenti fl-appell (C-593/10 P),
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Yassin Abdullah Kadi, irrappreżentat minn D. Vaughan, QC, V. Lowe, QC, J. Crawford, SC, M. Lester u P. Eeckhout, barristers, G. Martin, solicitor, kif ukoll minn C. Murphy,
rikorrent fl-ewwel istanza,
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard, kif ukoll minn G. de Bergues, D. Colas, A. Adam u E. Ranaivoson, bħala aġenti,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u M. Berger, Presidenti ta’ Awla, U. Lõhmus, E. Levits, A. Arabadjiev, C. Toader, J.-J. Kasel, M. Safjan, D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Settembru 2010, Kadi vs Il-Kummissjoni (T-85/09, Ġabra p. II-5177, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha annullat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1190/2008, tat-28 ta’ Novembru 2008, li jemenda għall-101 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban (ĠU L 322, p. 25, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn dan l-att jikkonċerna lil Y.A. Kadi. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti
2 |
Skont l-Artikolu 1(1) u (3) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Fransisco (l-Istati Uniti) fis-26 ta’ Ġunju 1945, l-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti jinkludu dak “[l]i jżommu l-paċi u s-sigurezza [sigurtà] internazzjonali” u dak “[s]abiex jiksbu kooperazzjoni internazzjonali fis-soluzzjoni ta’ problemi internazzjonali ta’ natura ekonomika, soċjali, kulturali jew umanitarja, u fil-promozzjoni u l-inkoraġġiment ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd mingħajr distinzjoni ta’ razza sess, lingwa jew reliġjon”. |
3 |
Skont l-Artikolu 24(1) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) għandu responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali. L-Artikolu 24(2) jipprovdi li, fit-twettiq tad-dmirijiet li din ir-responsabbiltà timponi fuqu, huwa għandu jaġixxi skont l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. |
4 |
Skont l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-membri tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) jintrabtu li jaċċettaw u li japplikaw id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà skont din il-Karta. |
5 |
Skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Azzjoni rigward theddid għall-paċi, ksur tal-paċi u atti ta’ aggressjoni”, dan jiddefinixxi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’tali każijiet. L-Artikolu 39 ta’ din il-Karta, li jintroduċi dan il-kapitolu, jipprovdi li l-Kunsill tas-Sigurtà jiddeċiedi jekk teżistix tali theddida, tali ksur tal-paċi jew tali att, u jagħmel rakkomandazzjonijiet jew jiddeċiedi x’miżuri għandhom jittieħdu skont l-Artikoli 41 u 42 ta’ din il-Karta, sabiex titħares jew jiġu stabbiliti mill-ġdid il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Skont l-Artikolu 41 ta’ din l-istess Karta, Il-Kunsill tas-Sigurtà jista’ jiddeċiedi x’miżuri li ma jinvolvux l-użu tal-forza armata għandhom jiġu użati biex jitwettqu d-deċiżjonijiet tiegħu, u jista’ jistieden lill-membri tan-Nazzjonijiet Uniti biex japplikaw dawn il-miżuri. |
6 |
Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali għandhom jiġu eżegwiti mill-membri tan-Nazzjonijiet Uniti direttament u permezz tal-azzjoni tagħhom fl-organi internazzjonali xierqa li tagħhom ikunu membri. |
7 |
L-Artikolu 103 ta’ din l-istess Karta jipprovdi li, fil-każ ta’ kunflitt bejn l-obbligi tal-membri tan-Nazzjonijiet Uniti skont din il-Karta u l-obbligi tagħhom skont xi ftehim internazzjonali ieħor, għandhom jipprevalu l-obbligi tagħhom skont din il-Karta. |
L-azzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-implementazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet mill-Unjoni
8 |
Minn tmiem is-snin 1990, u speċjalment wara l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta sensiela ta’ riżoluzzjonijiet ibbażati fuq il-Kapitolu VII tan-Nazzjonijiet Uniti u intiżi għall-ġlieda kontra t-theddid terroristiku li jhedded il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Intiżi oriġinarjament kontra t-Taliban tal-Afganistan biss, dawn ir-riżoluzzjonijiet ġew sussegwentement estiżi għal Usama bin Laden, għal Al-Qaida kif ukoll għall-persuni u entitajiet li huma assoċjati tagħhom. Huma jipprevedu, b’mod partikolari, l-iffriżar tal-assi tal-organizzazzjonijiet, tal-entitajiet u tal-persuni mniżżla mill-Kumitat stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà skont ir-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tiegħu tal-15 ta’ Ottubru 1999 (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet”) fuq lista rikapitolattiva (iktar ’il quddiem il-“lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet”). |
9 |
Għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ tħassir ippreżentati minn organizzazzjonijiet, entitajiet jew persuni li isimhom tniżżel f’din il-lista, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1730 (2006), tad-19 ta’ Diċembru 2006, ipprevediet il-ħolqien ta’ “punt fokali” mal-Kunsill tas-Sigurtà, inkarigat milli jirċievi dawn l-applikazzjonijiet. Dan il-punt fokali ġie stabbilit fix-xahar ta’ Marzu 2007. |
10 |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1735 (2006), tat-22 ta’ Diċembru 2006 tipprevedi, fil-paragrafu 5 tagħha, li, meta jipproponu lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li jniżżel l-isem ta’ organizzazzjoni, ta’ entità jew ta’ persuna fil-lista rikapitolattiva tiegħu, l-Istati Membri għandhom “jagħtu spjegazzjoni tar-raġunijiet, filwaqt li r-rapport relattiv għandu jinkludi spjegazzjoni kemm jista’ jkun dettaljata tar-raġunijiet tat-talba għall-inklużjoni, li tinkludi: i) l-elementi kollha li jistabbilixxu b’mod ċar li l-individwu jew l-entità jissodisfaw il-kriterji previsti; ii) in-natura tal-informazzjoni; u iii) l-informazzjoni kollha jew dokumenti li jiġġustifikaw li jistgħu jingħataw.” Skont il-paragrafu 6 ta’ din l-istess riżoluzzjoni, huwa mitlub lill-Istati, “meta jressqu talba għall-inklużjoni, huma mitluba jippreċiżaw l-elementi tar-rapport li jistgħu jiġu żvelati għall-finijiet ta’ notifika lill-individwu jew entità li isimhom ikun tpoġġa fuq il-[lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet] u dawk li jistgħu jiġu żvelati lill-Istati [...] li jitolbu aċċess għalihom”. |
11 |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1822 (2008), tat-30 ta’ Ġunju 2008, tipprevedi, fil-paragrafu 12 tagħha, li l-Istati għandhom, b’mod partikolari, “għal kull talba ta’ inklużjoni, jippreċiżaw l-elementi tar-rapport rilevanti li jistgħu jiġu żvelati, b’mod partikolari sabiex il-[k]umitat [tas-Sanzjonijiet] ikun jista’ jelabora s-sunt li tiegħu hemm deskrizzjoni fil-paragrafu 13 iktar ’il quddiem jew sabiex tiġi avżata jew informata l-persuna jew l-entità li isimha jkun tniżżel fil-[lista rikapitolattiva ta’ dan il-kumitat], u l-elementi li jistgu jiġu kkomunikati lill-Istati [...] kkonċernati fuq talba tagħhom”. Il-paragrafu 13 ta’ din l-istess riżoluzzjoni jipprevedi, minn naħa waħda, li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet, meta jżid isem fil-lista rikapitolattiva tiegħu, jippubblika fis-sit web tiegħu “sunt tar-raġunijiet għall-inklużjoni”, u, min-naħa l-oħra, li dan il-Kumitat ifittex li jippubblika f’dan l-istess sit, “sunti tar-raġunijiet li wasslu għall-inklużjoni” ta’ ismijiet fl-imsemmija lista, qabel l-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni. |
12 |
F’dak li jikkonċerna t-talbiet għal tħassir, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1904 (2009), tas-17 ta’ Diċembru 2009 stabbilixxiet “uffiċċju tal-Ombudsman” inkarigat, skont il-paragrafu 20 ta’ din ir-riżoluzzjoni, li jassisti lill-kumitat tas-sanzjonijiet mill-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Skont dan l-istess artikolu, il-persuna inkarigata milli teżerċita l-funzjonijiet ta’ Ombudsman għandha tissodisfa l-kriterji ta’ stima morali għolja, ta’ imparzjalità, ta’ integrità kif ukoll ta’ kwalifiki għolja u ta’ esperjenza fl-oqsma rilevanti, jiġifieri, b’mod partikolari, id-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sanzjonijiet. Id-dmirijiet ta’ Ombudsman, li huma deskritti fl-Anness II ta’ din ir-riżoluzzjoni, jinkludi fażi ta’ ġabra ta’ informazzjoni mill-Istati kkonċernati u fażi ta’ konsultazzjoni, li matulha d-djalogu jista’ jsir mal-organizzazzjoni l-entità jew il-persuna li titlob li isimha jitħassar mil-lista rikapitolattiva tal-kumitat tas-sanzjonijiet. Fi tmiem dawn iż-żewġ fażijiet, l-Ombudsman għandu jistabbilixxi u jikkomunika “rapport komprensiv” lill-kumitat tas-sanzjonijiet, li fih għandha tiġi eżaminata t-talba għal tħassir, bl-għajnuna tal-Ombudsman, u jiddeċiedi, fi tmiem dan l-eżami, jekk jilqax din l-applikazzjoni. |
13 |
L-Istati Membri kkunsidraw, f’diversi pożizzjonijiet komuni adottati skont il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, li azzjoni tal-Unjoni kienet neċessarja sabiex timplementa r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, il-Kunsill adotta sensiela ta’ regolamenti li jipprevedu, b’mod partikolari, l-iffriżar tal-assi tal-organizzazzjonijiet tal-entitajiet u tal-persuni identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. |
14 |
B’mod parallel mas-sistema deskritta iktar ’il fuq, li tirreferi biss għall-organizzazzjonijiet, l-entitajiet u l-persuni, b’mod partikolari, indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li kienu assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk ta’ Al-Qaida u mat-Taliban, teżisti sistema iktar wiesgħa prevista mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001), tat-28 ta’ Settembru 2001, adottata, hija wkoll, bħala tweġiba għall-attentati terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001. Din ir-riżoluzzjoni, li tipprevedi wkoll miżuri ta’ ffriżar tal-assi, hija differenti mir-riżoluzzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq peress illi l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet, tal-entitajiet jew tal-persuni li għalihom hija intiża li tapplika tħalliet għad-diskrezzjoni sħiħa tal-Istati. |
15 |
Fuq livell tal-Unjoni, din ir-riżoluzzjoni ġiet implementata mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207). Dawn l-atti jinkludu lista, regolarment riveduta, ta’ organizzazzjonijiet, ta’ entitajiet u ta’ persuni suspettati li huma implikati f’attivitajiet terroristiċi. |
Il-fatti li wasslu għall-kawżi
Il-kawża li tat lok għas-sentenza Kadi
16 |
Fis-17 ta’ Ottubru 2001, isem Y.A. Kadi, identifikat bħala persuna assoċjata ma’ Usama bin Laden u man-netwerk ta’ Al-Qaida, tniżżel fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. |
17 |
Sussegwentement dan l-isem tniżżel fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001, tas-6 ta’ Marzu 2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-iffriżar fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000 (ĠU L 67, p. 1), permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001, tad-19 ta’ Ottubru 2001, li jemenda, għat-tielet darba, ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 277, p. 25). Sussegwentement, huwa tniżżel fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294). |
18 |
Fit-18 ta’ Diċembru 2001, Y.A. Kadi ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż sabiex jikseb l-annullament, inizjalment, tar-Regolamenti Nri 467/2001 u 2062/2001, wara tar-Regolament Nru 881/2002, sa fejn dawn ir-regolamenti kienu jikkonċernawh. Dawn il-motivi ta’ annullament kienu bbażati, rispettivament, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, tad-dritt tar-rispett tal-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. |
19 |
Permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-315/01, Ġabra p. II-3649), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors. Essenzjalment, hija ddeċidiet li kien jirriżulta mill-prinċipji li jirregolaw l-artikolazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-ordinament ġuridiku internazzjonali li jirriżulta min-Nazzjonijiet Uniti u l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li r-Regolament Nru 881/2002, peress li kien intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li ma tħalla ebda marġni għal dan il-għan, ma setax ikun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-legalità interna tiegħu u għalhekk kien jibbenefika minn immunità ġudizzjarja, ħlief f’dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tiegħu man-normi li jaqgħu taħt il-ius cogens, mifhum bħala ordni pubbliku internazzjonali li huwa impost, mingħajr ebda deroga possibbli, għas-suġġetti kollha tad-dritt internazzjonali, inklużi l-istanzi tal-ONU. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, fuq l-istess standard ta’ protezzjoni universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jaqgħu taħt il-ius cogens, teskludi f’dan il-każ l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet invokati minn Y.A. Kadi. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, hija ssostni li ma għandhiex ġurisdizzjoni li tistħarreġ indirettament il-konformità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà mad-drittijiet fundamentali kif protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, lanqas li tivverifika l-assenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi kkunsidrati minn din il-qorti internazzjonali insostenn tal-miżuri meħuda, u lanqas li tistħarreġ indirettament l-adegwatezza u l-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri. Hija żżid li ebda lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja ta’ Y.A. Kadi fiha nfisha ma tmur kontra l-ius cogens. |
21 |
Permezz tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll ir-Regolament Nru 881/2002 sa fejn kien jikkonċerna lil Y.A. Kadi. |
22 |
Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali ma jistgħux ikollhom bħala effett li jippreġudikaw il-prinċipji Kostituzzjonali tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-prinċipju tar-rispett obbligatorju tad-drittijiet fundamentali permezz tal-atti kollha tal-Unjoni, fejn dan ir-rispett jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ legalità ta’ dawn l-atti li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ fil-kuntest tas-sistema kompleta ta’ mezzi ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat. Hija kkunsidrat li, minkejja r-rispett dovut, waqt l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, impenji meħdua fil-kuntest tal-OBU, il-prinċipji li jirregolaw l-ordinament ġuridiku internazzjonali li joħroġ min-Nazzjonijiet Uniti ma jimplikawx għaldaqstant immunità ġudizzjarja ta’ att tal-Unjoni bħar-Regolament Nru 881/2002. Hija żżid li tali immunità ma għandha ebda bażi fit-Trattat. |
23 |
Hija ddeċidiet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punti 326 u 329 tas-sentenza Kadi, li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluż meta tali atti huma intiżi sabiex jimplementaw ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, u li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali kienet, bħala konsegwenza, ivvizzjata minn żball ta’ liġi. |
24 |
Filwaqt li tat deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn Y.A. Kadi quddiem il-Qorti Ġenerali, hija ddeċidiet, fil-punti 336 sa 341 tas-sentenza Kaid, li l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata r-raġunijiet tad-deċiżjoni dwar inklużjoni inkwistjoni u toffri lil din il-persuna l-possibbiltà li tinstema’ f’dan ir-rigward. Hija ppreċiżat li, fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar inklużjoni inizjali, raġunijiet intiżi għall-effettività tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u għall-għan tar-regolament ikkonċernat kienu jiġġustifikaw li din il-komunikazzjoni u din is-seduta jseħħu mhux qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, iżda fil-mument ta’ din id-deċiżjoni jew daqstant malajr daqs kemm kien possibbli warajha. |
25 |
Fil-punti 345 sa 349 tas-sentenza Kadi, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, peress li l-Kunsill ma kienx ikkomunika lil Y.A. Kadi l-elementi kkunsidrati kontrih sabiex ifassal il-miżuri restrittivi meħuda kontrih, u lanqas ma tah id-dritt li jsir jaf b’dawn l-elementi f’terminu raġonevoli wara l-impożizzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-persuna kkonċernata ma kellhiex il-possibbiltà li ssostni utilment l-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward, minkejja li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv kienu ġew miksura. Hija kkonstatat ukoll, fil-punt 350 ta’ din is-sentenza, li dan il-ksur ma kienx ġie rrimedjat quddiem il-qorti tal-Unjoni peress illi l-Kunsill ma kien ressaq quddiemha ebda element ta’ din in-natura. Fil-punti 369 sa 371 tal-istess sentenza, hija kkonkludiet, permezz ta’ diversi motivi, li kien hemm ksur tad-dritt fundamentali ta’ Y.A. Kadi għar-rispett tal-proprjetà. |
26 |
L-effetti tar-regolament annullat f’dak li kien jikkonċerna lil Y.A. Kadi nżammu għal perijodu ta’ tliet xhur massimu, sabiex il-Kunsill ikun jista’ jirrimedja l-ksur ikkonstatat. |
L-osservazzjonijiet mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għas-sentenza Kadi u r-regolament inkwistjoni
27 |
Fil-21 ta’ Ottubru 2008, il-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikkomunika s-sunt tar-raġunijiet relatati mal-inklużjoni ta’ Y.A. Kadi fil-lista rikapitolattiva ta’ dan il-kumitat lir-Rappreżentant Permanenti ta’ Franza mal-ONU, billi awtorizza l-komunikazzjoni tiegħu lil Y.A. Kadi. |
28 |
Dan is-sunt tar-raġunijiet huwa fformulat kif ġej: “L-individwu Yasin Abdullah Ezzedine Qadi [...] jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ inklużjoni tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] minħabba l-atti tiegħu li jikkonsistu fi a) parteċipazzjoni fil-finanzjament, fl-ippjanar, fil-faċilitazzjoni, fit-tħejjija jew fit-twettiq ta’ atti jew attivitajiet ta’ Al-Qaida, Usama bin Laden jew mit-Talibani, jew li jsiru flimkien magħhom, f’isimhom jew bħala għajnuna għalihom, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata’ minnhom jew derivattiv tagħhom; b) il-fornitura, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ma’ xi wieħed minnhom; c) reklutaġġ għal xi wieħed minnhom; d) xi forma oħra ta’ appoġġ għall-atti jew l-attivitajiet ta’ xi wieħed minnhom [ara r-riżoluzzjoni 1822 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà, paragrafu 2]. Y.A. Qadi rrikonoxxa li huwa kien membru fundatur tal-Fondazzjoni Muwafaq u li kien imexxi l-attivitajiet tagħha. Il-Fondazzjoni Muwafaq dejjem ħadmet taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju Afgan [Makhtab al-Khidamat] (QE.M.12.01.), organizzazzjoni mwaqqfa minn Abdullah Azzam u Usama bin Laden [Usama Muhammed Awad Bin Laden] (QI.B.8.01.) u prekursur ta’ Al-Qaida (QE.A.4.01.). Wara x-xoljiment tal-Uffiċċju Afgan, fil-bidu ta’ Ġunju 2001 u l-assorbiment tiegħu minn Al-Qaida, diversi oragnizzazzjonijiet mhux governattivi li kienu qabel assoċjati miegħu, b’mod partikolari l-Fondazzjoni Muwafaq, ukoll ingħaqdu ma’ Al-Qaida. Fl-1992, Qadi ċeda t-tmexxija tal-uffiċċji Ewropej tal-Fondazzjoni Muwafaq lil Shafiq Ben Mohamed Ben Mohamed Al-Ayadi (QI.A.25.01.). Lejn in-nofs tas-snin 90, Al-Ayadi mexxa wkoll l-uffiċċju tal-Fondazzjoni Muwafaq fil-Bosnja-Ħerzegovina. Qadi rrekluta lil Al-Ayadi fuq rakkomandazzjoni ta’ finanzjatur magħruf ta’ Al-Qaida, Wa’el Hamza Abd al-Fatah Julaidan (QI.J.79.02.), li ġġieled flimkien ma’ Usama bin Laden fl-Afganistan fis-snin 80. Fil-mument tan-nomina tiegħu minn Al-Qadi fil-kariga ta’ direttur għall-Ewropa tal-Fondazzjoni Muwafaq, Al-Ayadi kien jaġixxi taħt kuntratti ma’ Usama bin Laden. Al-Ayadi kien wieħed mill-mexxejja prinċiapl tal-Front Iżlamiku Tuneżin, meta huwa żar l-Afganistan fil-bidu tas-snin 90 sabiex isegwi taħriġ paramilitari, imbagħad is-Sudan, flimkien ma’ persuni oħra, sabiex jiltaqa’ ma’ Usama bin Laden, li miegħu kkonkludew ftehim uffiċjali dwar l-akkoljiment u l-formazzjoni ta’ Tuneżini. Dawn iltaqgħu ma’ Usama bin Laden għat-tieni darba u kisbu ftehim li jipprevedi li l-kollaboraturi ta’ bin Laden fil-Bosnja-Ħerzegovina jilqgħu ġellieda Tuneżini li ġejjin mill-Italja. Parti mill-finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet sar minn Usama bin Laden. Fl-1995, il-mexxej ta’ Al-Gama’at al Islamiyya, Talad Fuad Kassem, iddikjara li l-Fondazzjoni Muwafaq pprovda appoġġ loġistiku u finanzjarju għal battaljun ta’ ġellieda fil-Bosnja-Ħerzegovina. Fin-nofs tas-snin 90, il-Fondazzjoni Muwafaq ikkontribwixxiet għall-appoġġ finanzjarju mogħti għall-għanijiet ta’ attivitajiet terroristiċi ta’ dawn il-ġellieda, kif ukoll għat-traffikar ta’ armi li joriġinaw mill-Albanija u li huma ddestinati għall-Bosnja-Ħerzegovina. Parti mill-finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet sar minn Usama bin Laden. Qadi kien ukoll wieħed mill-azzjonarji prinċipali ta’ Depo[z]itna Banka, stabbilit f’Sarajevo u llum magħluq, fejn Al-Ayadi kien jeżerċita wkoll funzjonijiet u kien jirrappreżenta l-interessi ta’ Qadi. Xi laqgħat dwar il-preparazzjoni ta’ attentat kontra stabbiliment Amerikan fl-Arabja Sawdija setgħu saru f’dan il-bank. Barra minn dan, Qadi kien proprjetarju fl-Albanija ta’ diversi kumpanniji li jittrasferixxu fondi lil estremisti jew dawk fdati minnhom li jokkupaw postijiet li jippermettulhom li jikkontrollaw il-fondi tal-kumpanniji inkwistjoni. Sa ħames kumpanniji proprjetà ta’ Qadi fl-Albanija rċevew kapital li jiċċirkula mingħand bin Laden.” |
29 |
Dan is-sunt tar-raġunijiet ġie ppubblikat ukoll fis-sit web tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. |
30 |
Fit-22 ta’ Ottubru 2008, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Franza mal-Unjoni ttrażmetta dan l-istess sunt tar-raġunijiet lill-Kummissjoni li, fl-istess jum, indirizzat ruħha lil Y.A. Kadi, fejn informatu bil-fatt li, minħabba r-raġunijiet invokati f’dan is-sunt, hija kellha l-intenzjoni li żżomm ismu fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002. Il-Kummissjoni ħalliet lil Y.A. Kadi sal-10 ta’ Novembru 2008 sabiex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dawn ir-raġunijiet u li tipprovdilu kull informazzjoni li huwa jikkunsidra rilevanti, qabel ma hija tadotta d-deċiżjoni finali tagħha. |
31 |
Fl-10 ta’ Novembru 2008, Y.A. Kadi ttrażmetta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni. Filwaqt li bbaża fuq dokumenti li jikkonfermaw l-abbandun mill-awtoritajiet Svizzeri, Torok u Albaniżi ta’ investigazzjonijiet kriminali miftuħa kontrih għall-fatti allegati insostenn ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi jew ta’ kriminalità finanzjarja, li, kull darba li l-opportunità li huwa kien ingħata li jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq il-provi prodotti kontrih, huwa seta’ juri l-assenza ta’ fondatezza tal-allegazzjonijiet ifformulati kontrih, huwa talab il-produzzjoni tal-provi li jikkorroboraw l-affermazzjonijiet u l-osservazzjonijiet li jinsabu fis-sunt tar-raġunijiet relatati mal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif ukoll id-dokumenti rilevanti tal-fajl tal-Kummissjoni, u talab li jkun jista’ jifformula osservazzjonijiet fuq dawn il-provi. Filwaqt li jakkuża n-natura vaga jew ġenerali ta’ ċertu numru ta’ allegazzjonijiet li jinsabu f’dan is-sunt tar-raġunijiet, huwa kkontesta, bi provi insostenn, il-fondatezza ta’ kull waħda mir-raġunijiet invokata kontrih. |
32 |
Fl-28 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat. |
33 |
Skont il-premessi 3 sa 6, 8 u 9 ta’ dan ir-regolament:
[...]
|
34 |
Skont l-Artikolu 1 u l-Anness tar-Regolament ikkontestat, l-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 ġie emendat f’dan is-sens, b’mod partikolari, li l-annotazzjoni li ġejja għandha tiżdied taħt l-intestatura “Persuni naturali”: “Yasin Abdullah Ezzedine Qadi (magħruf ukoll bħala (a) Kadi, Shaykh Yassin Abdullah, (b) Kahdi, Yasin; (c) Yasin Al-Qadi). Data tat-twelid: 23.2.1955. Post tat-twelid: Il-Kajr, l-Eġittu. Ċittadinanza: Tal-Għarabja Sawdija. Numru tal-passaport: (a) B 751550, (b) E 976177 (maħruġ fis-6.3.2004, jiskadi fil-11.1.2009). Informazzjoni oħra: Ġedda, l-Għarabja Sawdija.” |
35 |
Skont l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, dan daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2008 u japplika mit-30 ta’ Mejju 2002. |
36 |
Permezz ta’ ittra tas-8 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi tal-10 ta’ Novembru 2008. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
37 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Frar 2009, Y.A. Kadi ppreżenta rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernah. Insostenn tat-talbiet tiegħu, huwa invoka ħames motivi. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u l-ħames motiv, fuq restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt għall-proprjetà. |
38 |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li bbażat fuq il-punti 326 u 327 tas-sentenza Kadi, ikkunsidrat l-ewwel nett, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li hija kellha l-obbligu li tiżgura “stħarriġ, fil-prinċipju komplet” tal-legalità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni. Hija żżid, fil-punti 127 sa 129 ta’ din is-sentenza li, daqstant żmien li l-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid implementati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma joffrux manifestament il-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati minnha ma jistax jiġi kkwalifikat bħala effettiv jekk dan jirrigwarda, indirettament, l-evalwazzjonijiet bażiċi mwettqa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stess kif ukoll fuq l-elementi li jsostnuh. |
39 |
L-argumenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Kadi, fuq il-kwistjoni tal-portata u tal-volum ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju ġew ikkunsidrati, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, bħala li kienu manifestament żbaljati. |
40 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 132 sa 135 tas-sentenza appellata, li jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Kadi, b’mod partikolari mill-punti 326, 327, 336 sa 344, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju, fil-prinċipju komplet, mhux biss fuq il-fondatezza apparenti tal-att ikkontestat, iżda wkoll fuq il-provi u l-informazzjoni li fuqhom huma bbażati l-evalwazzjonijiet magħmula f’dan l-att. |
41 |
Min-naħa l-oħra hija enfasizzat, fil-punti 138 sa 146 tas-sentenza appellata, li, billi ħadet l-essenzjali tal-motivazzjoni li huwa żviluppa, fil-kuntest tas-sistema msemmija fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza, fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisations des Modjahedins du peuple d’Iran vs Il-Kunsill (T-228/02, Ġabra p. II-4665), il-Qorti tal-Ġustizzja approvat u adottat il-livell u l-volum tal-istħarriġ ġudizzjarju ddefiniti f’din is-sentenza, fejn din stabbilixxiet li l-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ l-evalwazzjoni magħmula mill-istituzzjoni kkonċernata tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati insostenn tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-koerenza tal-informazzjoni u tal-provi li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni, mingħajr ma tista’ tiġi kkontestata lilha s-segretezza jew il-kunfidenzjalità ta’ dawn l-elementi. |
42 |
Wara li enfasizzat ukoll, fil-punti 148 sa 151 tas-sentenza appellata, in-natura sensittiva u fit-tul tal-preġudizzju magħmul lid-drittijiet ta’ Y.A. Kadi mill-miżuri restrittivi li laqtuh għal madwar għaxar snin, fil-punt 151 ta’ din is-sentenza hija affermat “[i]l-prinċipju ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet u rigoruż ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi bħal dawk f’dan il-każ”. |
43 |
Filwaqt li sussegwentement eżaminat it-tieni u l-ħames motivi ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 171 sa 180 tas-sentenza appellata, ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Y.A. Kadi wara li rrilevat, essenzjalment, li:
|
44 |
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punti 181 sa 184 tas-sentenza appellata, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għar-raġuni, minn naħa, li, peress li ma kellu l-ebda aċċess effettiv għall-informazzjoni u għall-provi prodotti kontrih, Y.A. Kadi ma setax jiddefendi d-drittijiet tiegħu fir-rigward ta’ dawn l-elementi f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li huwa ma kienx irrimedja dan il-ksur matul l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li naqas milli jikseb mill-istituzzjonijiet ikkonċernati l-komunikazzjoni ta’ kwalunkwe element ta’ din in-natura jew ta’ indikazzjoni rigward il-provi prodotti kontra Y.A. Kadi. |
45 |
Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, iddeċidiet, fil-punti 192 sa 194 tas-sentenza appellata li, peress li r-regolament ikkontestat kien ġie adottat mingħajr ma Y.A. Kadi seta’ jesponi t-talbiet tiegħu quddiem l-awtoritajiet kompetenti minkejja r-restrizzjoni kunsiderevoli tad-dritt għall-proprjetà li jikkostitwixxu, mill-portata ġenerali tagħhom u l-persistenza tagħhom, il-miżuri ta’ ffriżar tal-assi tiegħu, l-impożizzjoni ta’ tali miżuri kienet tikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata ta’ dan id-dritt, b’mod li l-ilmenti ta’ Y.A. Kadi dwar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bi ksur magħmul minn dan ir-regolament għad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà, kienu fondati. |
46 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat ir-regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċerna lil Y.A. Kadi. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
47 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Frar 2011, il-Kawżi C-584/10 P, C-594/10 P u C-595/10 P ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. |
48 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 2011, minn naħa, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Awstrija ġew awtorizzati jintervjenu fil-Kawża C-593/10 P insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja ġew awtorizzati jintervjenu fil-Kawżi C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tar-Renju Unit. |
49 |
Fil-kawża C-584/10 P, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
50 |
Fil-Kawża C-593/10 P, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
51 |
Fil-Kawża C-595/10 P, ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
52 |
Y.A. Kadi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tliet kawżi, li:
|
53 |
Ir-Repubblika Franċiża, intervenjenti fl-ewwel istanza, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tliet kawżi:
|
54 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja jitolbu li s-sentenza appellata tiġi annullata u li r-rikors għal annullament ta’ Y.A. Kadi jiġi miċħud. |
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
55 |
B’ittra tad-9 ta’ April 2013, Y.A. Kadi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali billi essenzjalment isostni, li l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali relatati mal-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża huma kkontestati mill-konstatazzjonijiet fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat fil-punti 171 u 172 tas-sentenza appellata u li ma ġewx diskussi mill-partijiet fil-kuntest ta’ dawn l-appelli. |
56 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari, jekk hija tikkunsidra li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed ċara jew jekk il-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet (ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Novartis Pharma, C-535/11, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta fil-pubbliku, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON vs Il-Kummissjoni, C-89/11 P, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi u li l-kawżi ma jeħtieġux li jiġu deċiżi abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn partijiet. Għalhekk, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. |
Fuq l-appelli
59 |
Il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit jinvokaw motivi differenti insostenn tal-appell rispettiv tagħhom. Dawn essenzjalment huma tlieta. L-ewwel motiv, imqajjem mill-Kunsill, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi marbut mal-assenza ta’ rikonoxximent ta’ immunità ġudizzjarja favur ir-regolament ikkontestat. It-tieni motiv, imqajjem mill-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit, huwa relatat ma’ żbalji ta’ liġi relatati mal-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju stabbilit fis-sentenza appellata. It-tielet motiv, imqajjem minn dawn l-istess rikorrenti, huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-motivi li permezz tagħhom Y.A. Kadi sostna quddiemha ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi marbut mal-assenza ta’ rikonoxximent ta’ immunità ġudizzjarja favur ir-regolament ikkontestat
L-argumenti tal-partijiet
60 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kunsill, sostnut mill-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, jakkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat, skont is-sentenza Kadi, li tirrikonoxxi, b’mod partikolari, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, immunità ġudizzjarja favur ir-regolament ikkontestat. Il-Kunsill, sostnut mill-Irlanda, jistieden formalment lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrevedi l-prinċipji stabbiliti f’dan ir-rigward fis-sentenza Kadi. |
61 |
Filwaqt li jibbaża fuq il-punti 114 sa 120 tas-sentenza appellata, il-Kunsill, sostnut mill-Irlanda u mir-Repubblika Taljana, isostni li ċ-ċaħda tal-immunità ġudizzjarja tar-regolament ikkontestat tikser id-dritt internazzjonali. Fil-fatt, din iċ-ċaħda ma tiħux inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà prinċipali tal-Kunsill tas-Sigurtà fid-definizzjoni tal-miżuri neċessarji għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali kif ukoll tas-supremazija tal-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fuq dawk li jirriżultaw minn kull ftehim internazzjonali ieħor. Hija tikser l-obbligu ta’ bona fide u d-dmir ta’ assistenza reċiproka li huma imposti fl-eżekuzzjoni tal-miżuri tal-Kunsill tas-Sigurtà. Approċċ simili jfisser sostituzzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni mal-istanzi internazzjonali kompetenti fil-qasam. Hija tasal sabiex tikkontrolla l-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. L-applikazzjoni uniformi, inkondizzjonali u immedjata ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet tiġi pperikolata. L-Istati li huma membri kemm tal-ONU kif ukoll tal-Unjoni jitqiegħdu f’sitwazzjoni mhux komda fir-rigward tal-obbligi internazzjonali tagħhom. |
62 |
Iċ-ċaħda tal-immunità ġudizzjarja tar-regolament ikkontestat ukoll tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Hija ma tosservax ir-rispett dovut, skont dan id-dritt, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għad-dritt internazzjonali u għad-deċiżjonijiet tal-istanzi tal-ONU, meta dawn l-istituzzjonijiet jeżerċitaw fuq ix-xena internazzjonali kompetenzi li jkunu ġew ittrasferiti lilhom mill-Istati Membri. Hija tikser in-neċessità li jiġi żgurat ekwilibriju bejn il-preżervazzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, minn naħa, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, min-naħa l-oħra. |
63 |
Y.A. Kadi isostni li l-ikkontestar tal-assenza ta’ immunità ġudizzjarja ta’ att tal-Unjoni bħar-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ res judicata, peress illi jikkonċerna kwistjoni ta’ dritt li ġiet deċiża bejn l-istess partijiet mis-sentenza Kadi fi tmiem eżami tal-istess argumenti bħala dawk imressqa f’dan il-każ. |
64 |
Filwaqt li jirreferi għal siltiet differenti ta’ din is-sentenza, huwa jikkontesta, fi kwalunkwe każ, li ċ-ċaħda tal-immunità ġudizzjarja tar-regolament ikkontestat tikser id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
65 |
Fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidra li, skont il-punti 326 u 327 tas-sentenza Kadi, ir-regolament ikkontestat ma setax jibbenefika minn kwalunkwe immunità ġudizzjarja għar-raġuni li huwa kien intiż li jimplementa riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. |
66 |
Ebda żvilupp li jista’ jiġġustifika l-ikkontestar tas-soluzzjoni affermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi ma seħħ fost l-elementi differenti li jsostnu din is-soluzzjoni fil-punti 291 sa 327 ta’ din is-sentenza u li essenzjalment għandhom il-garanzija Kostituzzjonali li tinkludi f’Unjoni tad-dritt (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C-550/09, Ġabra p. I-6213, punt 44, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C-335/09 P, punt 48), l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ kull att tal-Unjoni, inklużi dawk li, bħal f’dan il-każ, jimplementaw att tad-dritt internazzjonali, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni. |
67 |
L-assenza ta’ immunità ġudizzjarja tal-atti tal-Unjoni timplementa miżuri restrittivi deċiżi fil-livell internazzjonali, barra minn hekk, ġiet ikkonfermata mis-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2009, Hassan u Ayadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-399/06 u C-403/06 P, Ġabra p. I-119393, punti 69 sa 75), u, iktar reċentement, permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bak Melli Iran vs Il-Kunsill (C-548/09 P, Ġabra p. I-11381), li l-punt 105 tagħha jipprovdi, filwaqt li jibbaża fuq is-sentenza Kadi, li, mingħajr ma dan iqajjem dubju dwar is-supremazija ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-livell internazzjonali, ir-rispett li għandhom ikollhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti ma jistax ikollu bħala konsegwenza l-assenza ta’ kontroll tal-legalità ta’ tali atti tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti sħiħa mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
68 |
Isegwi li s-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punt 126 tagħha ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi fejn il-Qorti Ġenerali rrifjutat, skont is-sentenza Kadi, li r-regolament ikkontestat ikun suġġett ta’ immunità ġudizzjarja. |
69 |
L-ewwel aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati, rispettivament, fuq żbalji ta’ liġi relatati mal-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju ddefinit fis-sentenza appellata u ta’ żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-motivi ta’ annullament ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
70 |
L-ewwel għandhom jiġu eżaminati flimkien it-tieni u t-tielet motivi, peress illi dawn kienu essenzjalment intiżi sabiex jirreferu għal żbalji ta’ liġi li hija vvizzjata bihom l-interpretazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, espressa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. |
L-argumenti tal-partijiet
71 |
Fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motivi, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit, sostnuti mir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, sostnew, fl-ewwel lok, li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi u li, kuntrarjament għal dak li ġie sostnut fil-punti 132 sa 147 tagħha, is-sentenza Kadi ma tinkludi ebda indikazzjoni li ssostni l-approċċ tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju li teżerċita fir-rigward ta’ att tal-Unjoni bħar-regolament ikkontestat. |
72 |
Minn naħa, ir-rekwiżit, ifformulat fil-punt 326 tas-sentenza Kadi, favur “stħarriġ, bħala regola ġenerali komplet” tal-legalità tar-regolament ikkontestat għandu jiġi sostitwit fil-kuntest internazzjonali tal-adozzjoni ta’ dan l-att, kif deskritt, b’mod partikolari, fil-punti 292 u 297 ta’ din is-sentenza. |
73 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Kadi, kienet adottat id-definizzjoni tal-livell ta’ stħarriġ stabbilit mill-Qorti Ġenerali fil-ġurisprudenza tagħha dwar is-sistema msemmija fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, is-sentenza Kadi ma tinkludi ebda allużjoni għal din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. Minbarra dan, din il-kunsiderazzjoni tinjora differenzi fundamentali eżistenti bejn din is-sistema u s-sistema inkwistjoni f’dan il-każ, f’termini ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ta’ aċċess tagħhom għall-informazzjoni u għall-provi relatati mal-miżuri restrittivi adottati. |
74 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit, sostnuti mill-Istati Membri kollha li intervjenew fl-appelli, isostnu, abbażi ta’ argumenti fuq id-dritt internazzjonali u fuq id-dritt tal-Unjoni li huma paragunabbli sew ma’ dawk sostnuti fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, li d-definizzjoni tal-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju li jinsab fil-punti 123 sa 147 tas-sentenza appellata hija żbaljata fil-liġi. Huma jżidu li l-approċċ eċċessivament intervenist applikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huwa irrikonċiljabbli mal-ġurisprudenza stabbilita favur stħarriġ ġudizzjarju ristrett, limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, quddiem atti li jirriflettu għażliet li jirriżultaw minn evalwazzjonijiet kumplessi u minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-għanijiet iddefiniti b’mod ġenerali. |
75 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit jaffermaw li huwa żbaljat li, fil-punti 148 sa 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssuġġeriet li minn issa ’l quddiem jiġu assimilati l-miżuri restrittivi inkwistjoni f’dan il-każ għal sanzjoni kriminali. Sostnuti mir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija, huma jsostnu li dawn il-miżuri, ta’ natura kawtelatorja, huma intiżi sabiex jantiċipaw u sabiex jipprevjenu theddid attwali jew futur għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, u huma differenti minn sanzjoni kriminali, li tirreferi, min-naħa tagħha, għal fatti fil-passat punibbli, oġġettivament stabbiliti. Dawn il-miżuri kienu, minbarra dan, intiżi temporanjament u jinkludu diversi derogi. |
76 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 171 sa 188 u 192 sa 194 tas-sentenza appellata u relatata mar-rekwiżiti, li jirriżultaw mir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ Y.A. Kadi applikabbli fl-inklużjoni ta’ ismu fil-lista li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 wara s-sentenza Kadi, hija vvizzjata fid-dritt. |
77 |
Sostnuti mir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, dawn isostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet fundamentali kien jeħtieġ il-komunikazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi kkunsidrati kontra Y.A. Kadi. |
78 |
Din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax il-possibbiltà, sostnuta fil-punti 342 sa 344 tas-sentenza Kadi, li d-dritt tal-persuna kkonċernata jiġi ristrett għall-komunikazzjoni tal-elementi kkunsidrati kontriha sabiex jiġi evitat li l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva jista’ jwassal għal terzi sabiex isiru jafu u jevitaw għalhekk miżuri ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali. L-akkużi fformulati fil-punti 345 sa 352 ta’ din is-sentenza kienu barra minn hekk jirrigwardaw l-assenza ta’ komunikazzjoni lil Y.A. Kadi tar-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 u mhux fuq l-assenza ta’ żvelar ta’ informazzjoni u ta’ provi miżmuma mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. |
79 |
L-approċċ tal-Qorti Ġenerali, mill-bqija, ma jiħux inkunsiderazzjoni diversi ostakoli materjali għat-trażmissjoni ta’ tali elementi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari, tal-fatt li dawn l-elementi ġejjin minn nota indirizzata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn membru tal-ONU ġeneralment taħt il-kopertura tal-kunfidenzjalità minħabba n-natura sensittiva tagħhom. |
80 |
F’dan il-każ, is-sunt tar-raġunijiet ipprovduti mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li ġie kkomunikat lil Y.A. Kadi kien ippermettilu jifhem ir-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002. Mhux talli ma huwiex limitat, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punti 157 u 177 tas-sentenza appellata, għal allegazzjonijiet ġenerali, infondati, vagi u mhux preċiżi kontra tiegħu, dan is-sunt jiġbor l-elementi li wasslu sabiex lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jikkunsidra li l-persuna għandha rabtiet personali u diretti man-netwerk Al-Qaida u Usama bin Laden. |
81 |
Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ssostni li, lil hinn mill-konstatazzjoni fattwali magħmula fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tar-rikors parallel ippreżentat minn Y.A. Kadi quddiem il-qrati tal-Istati Uniti sabiex tiċħad l-oġġezzjonijiet tiegħu dwar l-allegata assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għall-allegata impossibbiltà ta’ aċċess għall-informazzjoni u għall-provi rilevanti. |
82 |
Fis-sitt lok, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu li l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 127 u 128 tas-sentenza appellata, għall-bidliet magħmula għall-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid stabbiliti fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti hija vvizzjata. |
83 |
Sostnuti mill-Istati Membri oħra intervenjenti fl-appelli, huma jsostnu li l-proċedura ta’ reviżjoni perjodika ex officio mressqa permezz tar-Riżoluzzjoni 1822 (2008) ikkontribwixxiet sabiex ittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif jikkonferma t-tħassir tal-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-ismijiet ta’ diversi persuni jew entitajiet. Fir-rigward tal-istituzzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman bir-Riżoluzzjoni 1904 (2009), din kienet immarkat tibdil deċiżiv fil-qasam billi ppermettiet lill-persuna kkonċernata li tesponi l-kwistjoni tagħha quddiem entità indipendenti u imparzjali, inkarigata milli tippreżenta, skont il-każ, lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ir-raġunijiet li jimponu favur it-tħassir mitlub. |
84 |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1989 (2011) tas-17 ta’ Ġunju 2011 tikkonferma r-rieda ta’ titjib kostanti tal-ipproċessar tat-talbiet għal tħassir tal-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. B’mod partikolari, tali tħassir ma jkunx iktar suġġett għall-kunsens unanimu tal-membri tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Dan isir effettiv 60 jum wara li dan il-kumitat ikun ikkompleta l-eżami ta’ rakkomandazzjoni f’dan is-sens u tar-rapport kollu ppreżentati mill-Ombudsman, sakemm ma jkunx hemm kunsens li jmur kontra mill-kumitat jew ta’ talba għal riferiment tal-fajl quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà. L-obbligi ta’ motivazzjoni u ta’ trasparenza tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, fil-każ ta’ ċaħda tar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, kienu ġew imsaħħa. Din ir-riżoluzzjoni twassal sabiex ittejjeb l-aċċess tal-Ombudsman għall-informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-membri tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll l-iżvelar tal-identità tal-Istati fl-oriġini ta’ talba għal inklużjoni. |
85 |
Y.A. Kadi jirribatti, fl-ewwel lok, li huwa korrett li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod ċar ħadet pożizzjoni, fis-sentenza Kadi, fuq il-portata u l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi applikat f’dan il-każ. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet espliċitament applikat, fis-sentenza Kadi, stħarriġ ta’ legalità komplet, billi bbażat, taħt l-unika riżerva tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità intiżi għas-sigurtà pubblika, fuq l-informazzjoni u l-provi meqjusa kontra r-rikorrent. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li, bid-differenza tas-sistema msemmija fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sistema, is-sistema inkwistjoni f’dan il-każ ma tinkludix, qabel il-proċedura fuq livell tal-Unjoni, proċedura li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża taħt stħarriġ ġudizzjarju effettiv teħtieġ tisħiħ tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fuq livell tal-Unjoni, hekk kif kienet sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punti 186 u 187 tas-sentenza appellata. |
86 |
Fit-tieni lok, Y.A. Kadi tikkontesta li r-rekwiżit li jinsab fis-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli f’dan il-każ huwa żbaljat. |
87 |
L-ewwel nett, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali ma jiksirx id-dritt internazzjonali. Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tar-regolament ikkontestat ma jagħmilx parti minn stħarriġ tal-validità tar-riżoluzzjoni li dan ir-regolament jimplementa. Huwa ma jippreġudikax la r-responsabbiltà prinċipali tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-qasam lanqas is-supremazija tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fuq kull ftehim internazzjonali ieħor. Huwa lanqas ma huwa intiż sabiex jissostitwixxi l-evalwazzjoni politika tal-qorti tal-Unjoni ma’ dik tal-entitajiet internazzjonali kompetenti. Dan huwa intiż unikament sabiex jiżgura l-konformità neċessarja tal-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fi dan l-Unjoin mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Iktar preċiżament, huwa jikkontribwixxi sabiex jibbilanċja l-imperattivi ta’ paċi u ta’ sigurtà internazzjonali, minn naħa, u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, min-naħa l-oħra. |
88 |
It-tieni nett, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, li jeħtieġ ir-rispett tad-drittijiet fundamentali kif ukoll il-garanzija ta’ stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u imparzjali, inkluż fir-rigward ta’ miżuri tal-Unjoni bbażati fuq id-dritt internazzjonali. |
89 |
Fit-tielet lok, wara li enfasizza n-natura suġġettiva tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fuq in-natura tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, Y.A. Kadi madankollu jsostni li, fil-każ partikolari tiegħu, dawn il-miżuri tilfu n-natura preventiva tagħhom u saru repressivi, kemm minħabba l-portata ġenerali tagħhom kif ukoll it-tul twil ħafna ta’ applikazzjoni, ħaġa li tiġġustifika stħarriġ komplet u rigoruż tar-regolament ikkontestat. |
90 |
Fir-raba’ lok, Y.A. Kadi jikkontesta li r-rekwiżiti magħmula mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu huma vvizzjati minn żball ta’ liġi. |
91 |
Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li stħarriġ ġudizzjarju effettiv ma jistax iseħħ fl-assenza totali ta’ żvelar tal-informazzjoni u ta’ provi miżmuma mill-awtoritajiet tal-ONU. Fuq l-ammissjoni stess ta’ dawn tal-aħħar, is-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma kienx maħsub sabiex iservi bħala prova. Dan jinkludi biss indikazzjonijiet utli fuq l-attivitajiet fil-passat tal-persuna kkonċernata kif ukoll provi magħrufa mill-membri ta’ dan il-kumitat. |
92 |
L-assenza ta’ proċedura formali ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kunsill tas-Sigurtà u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tipprekludix ostakolu għal skambju tal-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-għan komuni tagħhom ta’ preżervazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fl-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi. F’dan il-każ, minkejja t-talba speċifika ta’ Y.A. Kadi, il-Kummissjoni wkoll kienet fittxet li ssir taf mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet sunt dettaljat tal-fatti jew il-provi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem tal-persuna kkonċernata fil-listi inkwistjoni. |
93 |
Fir-rigward tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, dan fih ċertu numru ta’ allegazzjonijiet ġenerali u mhux sostnuti, li Y.A. Kadi ma setax jikkonfuta b’mod effettiv. |
94 |
Fil-ħames lok, Y.A. Kadi isostni li l-proċedura ġudizzjarja fl-Istati Uniti hija irrilevanti għal din il-kawża, peress li hija intiża għall-annullament tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-Office of Foreign Assets Control (Uffiċċju ta’ kontroll tal-attivi barranin), tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Istati Uniti, minħabba raġunijiet totalment differenti mir-raġunijiet diskussi f’dan il-każ. Din il-proċedura ma tikkonċernax la r-regolament ikkontestat u lanqas ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan ir-regolament huwa intiż li jimplementa. |
95 |
Fis-sitt lok, Y.A. Kadi jsostni li, fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, l-unika proċedura ta’ eżami mill-ġdid stabbilita fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti kienet dik tal-punt fokali. Fir-rigward tal-istituzzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, li, minkejja sussegwenti għal din l-adozzjoni, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, ma kinitx toffri l-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja. B’mod partikolari, il-persuna li titlob it-tħassir ta’ isimha mil-lista’ rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma għandhiex sunt iddettaljat tar-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha f’din il-lista, la elementi meqjusa kontriha, u hija ma għandhiex id-dritt li tinstema’ mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-uniku korp deċiżjonali fil-qasam. Minbarra dan, l-Ombudsman ma għandu ebda setgħa vinkolanti fir-rigward tal-membri tal-ONU u tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li għandu setgħa diskrezzjonali. Il-lakuni persistenti ta’ din il-proċedura kienu ġew enfasizzati, b’mod partikolari, mill-Uffiċċju tal-Ombudsman stess fl-ewwel rapport tiegħu tax-xahar ta’ Jannar 2011, li jiġbed l-attenzjoni, b’mod partikolari, fuq l-assenza ta’ aċċess għall-informazzjoni kklassifikata jew kunfidenzjali u n-nuqqas ta’ informazzjoni lejn min jitlob l-informazzjoni rigward is-suġġett tal-identità tal-Istat jew tal-Istati fl-oriġini tal-inklużjoni tiegħu f’din il-lista. |
96 |
Dawn il-lakuni ma spiċċawx permezz tar-Riżoluzzjoni 1989 (2011). Fil-fatt, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Ombudsman huma dejjem mingħajr saħħa vinkolanti. Id-determinazzjoni tal-kriterji ta’ tħassir tal-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u s-setgħa deċiżjonali ta’ tħassir jibqgħu għad-diskrezzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Fil-każ ta’ rakkomandazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju tal-Ombudsman, kull membru tal-Kunsill tas-Sanzjonijiet jista’ jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà, fejn il-ħames membri permanenti tiegħu huma awtorizzati sabiex jeżerċitaw id-dritt ta’ veto tagħhom b’mod diskrezzjonali. L-Uffiċċju tal-Ombudsman jiddependi minbarra dan fuq ir-rieda ta’ kooperazzjoni tal-Istati fil-qasam ta’ ġbir ta’ informazzjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq il-portata tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
97 |
Hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 125, 126 u 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 326 tas-sentenza Kadi, li l-qrati tal-Unjoni għandhom, skont il-kompetenzi li huma mogħtija lilhom skont it-Trattat, jiżguraw stħarriġ, fil-prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti sħiħa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inkluż meta tali atti huma intiżi sabiex jimplementaw riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hassan u Ayadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 71, kif ukoll Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 105). Dan ir-rekwiżit huwa espressament stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. |
98 |
Fuq il-livell ta’ dawn id-drittijiet fundamentali nsibu, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
99 |
L-ewwel fost dawn id-drittijiet, li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C-27/09, Ġabra p. I-13427, punt 66), jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl bl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità. |
100 |
It-tieni fost dawn id-drittijiet fundamentali, li huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta, jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha kemm mill-qari tad-deċiżjoni nfisha, kif ukoll permezz tal-komunikazzjoni tal-motivi magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teħtieġ li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’konoxxenza sħiħa tal-fatti inkwistjoni, jekk huwiex utli li tressaq kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex tippermetti lil din tal-aħħar tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C-300/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
101 |
L-Artikolu 52(1) tal-Karta għandu limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, sa fejn din il-limitazzjoni kkonċernata tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u teħtieġ, barra minn hekk, li, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li din tkun neċessarja u tissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni (ara s-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). |
102 |
Minbarra dan, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C-110/10 P, Ġabra p. I-10439, punt 63), b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha u tar-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C-539/10 P u C-550/10 P, punti 139 u 140, kif ukoll Il-Kunsill vs Bamba, C-417/11 P, punt 53). |
103 |
F’dan il-każ, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikoli 3(1) u (5) TFUE u 21(1) u (2)(a) u (c) TUE, dwar il-preżervazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali fir-rispett tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari, tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-assenza ta’ aċċess ta’ Y.A. Kadi u tal-qorti tal-Unjoni għall-informazzjoni u l-provi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, akkużata mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 173, 181 u 182 tas-sentenza appellata, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
104 |
F’dan ir-rigward, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, b’mod partikolari, fil-punt 294 tas-sentenza Kadi, hemm lok li jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 24 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà ngħata mill-membri tal-ONU r-responsabbiltà prinċipali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali. Għal dan il-għan, huwa dan il-korp internazzjonali li għandu jiddetermina dak li jikkostitwixxi theddida kontra dawn il-valuri u li jieħu, permezz tal-adozzjoni ta’ riżoluzzjonijiet skont il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta, il-miżuri neċessarji sabiex iżommhom jew jistabbilixxihom mill-ġdid, inkonformità mal-għanijiet u mal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari, mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. |
105 |
F’dan il-kuntest, hekk kif jirriżulta mir-riżoluzzjonijiet, imsemmija fil-punti 10 u 11 ta’ din is-sentenza, li jirregolaw is-sistema ta’ miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, huwa l-Kumitat tas-Sanzjonijiet, fuq proposta ta’ membru tal-ONU sostnuta minn “sunt tar-raġunijiet” li għandu jinkludi “spjegazzjoni kemm jista’ jkun dettaljata tar-raġunijiet tat-talba għall-inklużjoni”, “in-natura tal-elementi ta’ informazzjoni” u “l-elementi kollha ta’ informazzjoni jew dokumenti li jiġġustifikaw li jistgħu jingħataw”, li taħtar, skont kriterji ddefiniti mill-Kunsill tas-Sigurtà, l-organizzazzjonijiet l-entitajiet u l-persuni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi oħra tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Din il-ħatra, materjalizzata bl-inklużjoni tal-isem tal-organizzazzjoni, tal-entità jew tal-persuna kkonċernata fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet aġġornata skont talbiet tal-Istati Membri tal-ONI, hija bbażata fuq “sunt tar-raġunijiet” li huwa stabbilit mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fid-dawl tal-elementi li fosthom l-Istat fl-oriġini tal-proposta ta’ inklużjoni ikun awtorizza l-iżvelar, b’mod partikolari lill-persuna kkonċernata, fejn l-informazzjoni tkun aċċessibbli fis-sit web tagħha. |
106 |
Waqt l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti effettwata mill-Unjoni, abbażi ta’ pożizzjoni komuni jew ta’ azzjoni komuni adottata mill-Istati Membri skont dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-politika barranija u s-sigurtà komuni, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha debitament tieħu inkunsiderazzjoni termini u għanijiet ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet kif ukoll obbligi rilevanti li jirriżultaw minn din il-karta fir-rigward ma’ tali implementazzjoni (ara s-sentenza Kadi, punti 295 u 296). |
107 |
Għaldaqstant, meta, fil-kuntest tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddeċieda li jinkludi l-isem ta’ organizzazzjoni, ta’ entità jew ta’ persuna fil-lista rikapitolattiva tagħha, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha, sabiex tagħti segwitu għal din id-deċiżjoni f’isem Stati Membri, tieħu d-deċiżjoni li tinkludi isimha, jew li żżomm din l-inklużjoni, fil-lista li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 abbażi tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut minn dan il-kumitat. Min-naħa l-oħra, ma huwiex previst f’dawn ir-riżoluzzjonijiet li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet iqiegħed spontanjament għad-dispożizzjoni, b’mod partikolari, tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għall-finijiet tal-adozzjoni minn din tal-aħħar tad-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni jew ta’ żamma ta’ inklużjoni, ta’ elementi oħra ħlief dak sostnut mir-raġunijiet. |
108 |
Huwa għalhekk li, kemm minħabba deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni tal-isem ta’ organizzazzjoni, ta’ entità jew ta’ persuna fil-lista li tidher fil-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 li, bħal f’dan il-każ, għal deċiżjoni dwar żamma f’din il-lista ta’ inklużjoni inizjalment adottata qabel it-3 ta’ Settembru 2008, data tas-sentenza Kadi, l-Artikoli 7a(1) u (2) u 7c(1) u (2) tar-Regolament Nru 881/2002, imdaħħla mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament Nru 881/2002 (ĠU L 346, p. 42) sabiex jemenda l-proċedura ta’ inklużjoni f’din il-lista wara din is-sentenza, hekk kif ġie ppreċiżat fil-premessa 4 tar-Regolament Nru 1286/2009, jirreferu esklużivament għas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-finijiet tat-teħid ta’ tali deċiżjonijiet. |
109 |
Fil-każ partikolari ta’ Y.A. Kadi, jirriżulta mill-proċess li l-inklużjoni inizjali ta’ ismu, fis-17 ta’ Ottubru 2001, fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet segwiet talba mill-Istati Uniti motivata mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2001 li permezz tagħha l-Uffiċċju ta’ kontroll tal-attivi barranin identifika lil Y.A. Kadi bħala “terrorist ta’ livell dinji speċjalment indikat” (“Specially Designated Global Terrorist”). |
110 |
Hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-regolament ikkontestat, wara s-sentenza Kadi, il-Kummissjoni, permezz ta’ dan ir-regolament, iddeċidiet li żżomm isem Y.A. Kadi fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 abbażi tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li kien ġie kkomunikat minnu. Hekk kif il-Qorti Ġenerali ħadet att fil-punt 95 tas-sentenza appellata, u kif hija kkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija ma kellhiex f’idejha elementi oħra ħlief dan is-sunt tar-raġunijiet. |
111 |
Fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jitniżżel jew li jinżamm isem persuna fil-lista li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li għandha din l-awtorità kontra din il-persuna sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha, jiġifieri, tal-inqas, is-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punti 336 u 337) u dan, sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ ta’ jekk ikunx utli li tressaq każ quddiem il-qorti tal-Unjoni. |
112 |
Waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuni li turi utilment il-perspettiva tagħha fir-rigward tal-motivi meqjusa kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21; tal-21 ta’ Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, C-462/98 P, Ġabra p. I-7183, punt 36, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C-277/11, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
113 |
Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonsisti, bħal f’dan il-każ, li jinżamm isem il-persuna kkonċernata fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, l-osservanza ta’ dan l-obbligu doppju proċedurali għandu, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal inklużjoni inizjali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Kadi, punti 336 sa 341 u 345 sa 349, kif ukoll is-sentenza France vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61), twassal għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Ma huwiex ikkontestat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, li hija l-awtur tar-regolament ikkontestat, ikkonformat ruħha ma’ dan l-obbligu. |
114 |
Meta osservazzjonijiet huma fformulati mill-persuna kkonċernata rigward is-sunt tar-raġunijiet, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi imposti fuqhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14; tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 58, u M., iċċitata iktar ’il fuq, punt 88). |
115 |
F’dan ir-rigward, hija din l-awtorità li għandha tevalwa, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kontenut ta’ dawn l-osservazzjonijiet eventwali, in-neċessità li titlob il-kollaborazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u, permezz ta’ dan tal-aħħar, tal-membru tal-ONU li ppropona l-inklużjoni tal-persuna kkonċernata fil-lista rikapitolattiva ta’ dan il-kumitat, sabiex tikseb, fil-kuntest tal-klima ta’ kooperazzjoni effettiva li, skont l-Artikolu 220(1) TFUE, għandha tipprevali għar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, li jippermettulha li twettaq dan id-dmir ta’ eżami bir-reqqa u b’imparzjalità. |
116 |
Fl-aħħar nett, mingħajr ma tasal li twieġeb b’mod iddettaljat għall-osservazzjonijiet imqajma mill-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiġi inkluża jew li jinżamm isimha fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 141), l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika fiċ-ċirkustanzi kollha, inkluż meta l-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni jikkorrispondi ma’ motivi esposti minn entità internazzjonali, li din il-motivazzjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, punti 140 u 142, kif ukoll Il-Kunsill vs Bamba, punti 49 sa 53). |
117 |
Fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, fil-każ ta’ kontestazzjoni mill-persuna kkonċernata tal-legalità tad-deċiżjoni li tiġi inkluża jew li jinżamm isimha fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jirrigwarda l-osservanza tar-regoli ta’ forma u ta’ kompetenza, inkluż fuq in-natura xierqa tal-bażi legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punti 121 sa 236; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill, C-376/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 46 sa 72). |
118 |
Il-qorti tal-Unjoni għandha, minbarra dan, tivverifika l-osservanza mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tal-garanziji proċedurali msemmija fil-punti 111 sa 114 ta’ din is-sentenza l-istess bħall-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, imfakkar fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, u, b’mod partikolari, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati. |
119 |
L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ ukoll li, skont l-istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew li jinżamm l-isem ta’ persuna partikolari fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 (sentenza Kadi, punt 336), il-qorti tal-Unjoni tiżgura li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C-478/11 P sa C-482/11 P, punt 56), tistrieħ fuq bażi fattwali solida biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fis-sunt tar-raġunijiet li hija l-bażi ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E u F, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57), b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-astratt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti minnu nnifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti. |
120 |
Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). |
121 |
Hija, għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux lil din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. |
122 |
Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u provi kollha inerenti għall-motivi allegati fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna kkonċernata. |
123 |
Jekk ikun impossibbli għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni li taċċedi għat-talba tal-qorti tal-Unjoni, hija għalhekk din tal-aħħar li għandha tibbaża ruħha fuq l-uniċi elementi li jkunu ġew ikkomunikati lilha, jiġifieri, f’dan il-każ, l-indikazzjonijiet li jinsabu fis-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-osservazzjonijiet u l-elementi li għandhom eventwalment jiġu prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll it-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet. Jekk dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-qorti tal-Unjoni tiċħdu inkwantu bħala li jsostni d-deċiżjoni dwar inklużjoni jew ta’ żamma tal-inklużjoni inkwistjoni. |
124 |
Jekk, bil-kontra, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna kkonċernata għas-suġġett tagħhom. |
125 |
Ċertament, kunsiderazzjonijiet imperattivi li jmissu ċ-ċertezza tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew l-aġir tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jistgħu jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni jew ta’ ċerti provi lill-persuna kkonċernata. F’każ simili, hija madankollu l-qorti tal-Unjoni, li lilha ma jistax jiġi prekluż l-aċċess minħabba s-segretezza jew il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni jew elementi, li timplementa, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita, tekniki li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi ta’ informazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit biżżejjed lill-parti fil-kawża r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, bħad-dritt għal smigħ kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punti 342 u 344; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54, 57 u 59). |
126 |
Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni, filwaqt li tipproċedi għal eżami tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha pprovduti mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni, li għandha tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet invokati minn din l-awtorità sabiex topponi tali komunikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62). |
127 |
Jekk il-qorti tal-Unjoni titlob li dawn ir-raġunijiet ma jipprekludux il-komunikazzjoni, tal-inqas parzjali, tal-informazzjoni jew tal-provi kkonċernati, hija tagħti l-possibbiltà lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tikkomunika din l-informazzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Jekk din l-awtorità topponi l-komunikazzjoni ta’ kull jew parti minn din l-informazzjoni jew elementi, il-qorti tal-Unjoni ser tipproċedi għalhekk għall-eżami tal-legalità tal-att ikkontestat abbażi tal-elementi biss li ġew ikkomunikati lilha (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63). |
128 |
Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li r-raġunijiet invokati mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni jipprekludu effettivament il-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ informazzjoni jew ta’ provi prodotti quddiem il-qorti tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati b’mod xieraq ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fir-rispett tal-prinċipju ta’ kontradittorju, u dawn jirriżultaw mis-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jew tal-aġir tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). |
129 |
Għall-finijiet ta’ tali bbilanċjar, huwa possibbli li jintużaw possibbiltajiet bħall-komunikazzjoni ta’ sunt tal-kontenut tal-informazzjoni jew tal-provi inkwistjoni. Indipendentement mill-użu ta’ tali possibbiltajiet, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tevalwa jekk u sa fejn l-assenza ta’ żvelar ta’ informazzjoni jew ta’ provi kunfidenzjali lill-persuna kkonċernata u l-impossibbiltà korrelattiva għaliha li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tagħhom humiex ta’ natura li jinfluwenzaw is-saħħa probatorja tal-provi kunfidenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67). |
130 |
Fir-rigward tan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, kif iddefinit fil-punti 117 u 129 ta’ din is-sentenza, il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li, tal-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet hija biżżejjed preċiża u konkreta, li huwa sostnut u li jikkostitwixxi fih innifsu bażi suffiċjenti sabiex issostni din id-deċiżjoni, iċ-ċirkustanza li oħrajn minn dawn il-motivi ma jkunux ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fl-ipoteżi bil-kontra, hija tipproċedi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
131 |
Tali stħarriġ ġudizzjarju jirriżulta indispensabbli sabiex jiġi ggarantit ekwilibriju ġust bejn il-preżervazzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E u F, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57), li jikkostitwixxu valuri komuni għall-ONU u l-Unjoni. |
132 |
Fil-fatt, minkejja n-natura preventiva tagħhom, il-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom, fuq dawn il-libertajiet u drittijiet, effett negattiv sinjifikattiv marbut, minn naħa, mat-taqlib kunsiderevoli tal-ħajja kemm professjonali kif ukoll tal-familja tal-persuna kkonċernata mill-fatt tar-restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt ta’ proprjetà tagħha li jirriżultaw mill-portata ġenerali tagħhom u, bħal f’dan il-każ, tat-tul effettiv tal-applikazzjoni tagħhom, kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-diżunur u s-suspett pubbliku li dawn iqajmu lejn din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kadi, punti 368, 369 u 375; France vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64; Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120, kif ukoll tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-239/12 P, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
133 |
Tali stħarriġ jirriżulta għaldaqstant iktar indispensabbli li, minkejja titjib li jista’ jingħata lilhom, b’mod partikolari, wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-proċeduri ta’ tħassir u ta’ reviżjoni ex officio stabbiliti fil-livell tal-ONU ma joffrux lill-persuna li isimha jitniżżel fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u, sussegwentement, fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, il-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li taqbel mal-evalwazzjoni tal-Qorti Federali Svizzera, reċentement enfasizzat fil-punt 211 tas-sentenza tagħha tat-12 ta’ Settembru 2012, Nada vs L-Isvizzera (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet). |
134 |
Fil-fatt, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu jippermetti lill-persuna kkonċernata li tikkonstata permezz tal-qorti, permezz ta’ sentenza ta’ annullament li skont din l-att ikkontestat huwa eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jkun qisu qatt ma eżista, li l-inklużjoni jew iż-żamma ta’ isimha fil-lista inkwistjoni ġiet ivvizzjata minn illegalità, li r-rikonoxximent tagħha tista’ tirrijabilita din il-persuna jew li tikkostitwixxi għaliha forma ta’ kumpens għad-dannu morali subit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Andulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 sa 84). |
– Fuq l-iżbalji ta’ liġi li jaffettwaw is-sentenza appellata
135 |
Minn dawn l-elementi ta’ analiżi li jippreċedu jirriżulta li r-rispett tar-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ, minn naħa, mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li hija tikkomunika lill-persuna kkonċernata sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li fuqu hija bbażat id-deċiżjoni dwar inklużjoni jew ta’ żamma ta’ isem ta’ din il-persuna fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, li hija tippermettilu u li tagħraf utilment l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan is-suġġett u li hija teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati u ta’ eventwali provi li jiskaġunaw provi prodotti minn din il-persuna. |
136 |
Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet jimplika, min-naħa l-oħra, li, fil-każ ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ, b’mod partikolari, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tar-raġunijiet invokati f’dan is-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif ukoll, skont il-każ, in-natura stabbilita tal-materjalità tal-fatti li jikkorrispondu mal-motiv ikkonċernat fid-dawl tal-elementi li ġew ikkomunikati. |
137 |
Min-naħa l-oħra, il-fatt, għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni, li ma tagħmilx aċċessibbli għall-persuna kkonċernata u, ulterjorment, għall-qorti tal-Unjoni informazzjoni jew provi, li huma biss f’idejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew ta’ membru tal-ONU kkonċernat, relatati mas-sunt tar-raġunijiet li huwa l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni, ma jistax, inkwantu tali, jistabbilixxi konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn l-istess drittijiet. Madankollu, f’tali sitwazzjoni, il-qorti tal-Unjoni, li hija mitluba tistħarreġ il-fondatezza fattwali tal-motivi li jinsabu fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet u elementi li jiskaġunaw eventwalment prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll tat-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet, ma jkollhiex informazzjoni supplimentari jew provi. Bħala konsegwenza, ikun impossibbli għaliha li tikkonstata l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux iservu bħala bażi għad-deċiżjoni dwar inklużjoni kkontestata. |
138 |
Għaldaqstant, fil-punti 173, 181 sa 184, 188 u 192 sa 194 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat il-konstatazzjoni tagħha fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll, bħala konsegwenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni għal Y.A. Kadi u għaliha nnifisha informazzjoni jew provi inerenti għar-raġunijiet taż-żamma tal-inklużjoni tal-isem tal-persuna kkonċernata fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, u dan għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-punti 81 u 95 tas-sentenza appellata, hija kienet ħadet att, kemm għall-finijiet taċ-ċaħda tat-talba ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura espressa minn Y.A. Kadi sabiex jikseb din il-komunikazzjoni kif ukoll waqt is-seduta, mill-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex din l-informazzjoni u provi. |
139 |
Kuntrarjament ma’ dak li jindikaw il-punti 181, 183 u 184 tas-sentenza appellata, ma jirriżultax minn siltiet tas-sentenzi Kadi li għalihom hemm riferiment f’dawn il-punti li l-assenza ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata u tal-qorti tal-Unjoni għal informazzjoni jew għal provi li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni ma għandhiex hija, inkwantu tali, kostituttiva ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża jew tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
140 |
Barra minn hekk, u peress li huwa mfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-natura suffiċjenti, jew mhux, tal-motivazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi, kif jirriżulta mill-punti 174, 177, 188 u 192 sa 194 tas-sentenza appellata, ibbażat il-konstatazzjonijiet tagħha ta’ tali ksur fuq in-natura, fil-fehma tagħha vaga u mhux preċiża tal-allegazzjonijiet li jidhru fis-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, filwaqt li eżami separat ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi ma jippermettix li ssir tali konklużjoni ġenerali. |
141 |
Fil-fatt, ċertament, hekk kif iddeċidiet korrettament il-Qorti Ġenerali billi adottat, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, l-argument ta’ Y.A. Kadi sostnut fir-raba’ inċiż tal-punt 157 ta’ din is-sentenza, l-aħħar minn dawn il-motivi invokati fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li huwa bbażat fuq il-fatt li Y.A. Kadi kien proprjetarju fl-Albanija ta’ diversi kumpanniji li kienu ttrażmettew fondi lil estremisti u li kienu fdawlhom funzjonijiet ta’ kontroll fuq il-fondi ta’ dawn il-kumpanniji, u fosthom sa ħamsa minnhom kienu rċivew fondi mħallsa minn Usama bin Laden, huwa insuffiċjentement preċiż u konkret peress illi ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar l-identità tal-kumpanniji kkonċernati, fuq il-perijodu tal-aġir akkużat u fuq l-identità tal-“estremisti” allegatament benefiċjarji ta’ dan l-aġir. |
142 |
Min-naħa l-oħra, l-istess japplika għal motivi oħra invokati fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. |
143 |
Fil-fatt, l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li Y.A. Kadi rrikonoxxa li huwa membru fundatur u li jmexxi attivitajiet tal-Fondation Muwafaq, li dejjem aġixxa taħt il-gwida tal-Uffiċċju Afgan (Makhtab al-Khidamat), fondat, b’mod partikolari, minn Usama bin Laden u prekursur tan-netwerk Al-Qaida, u li, max-xoljiment ta’ dan l-Uffiċċju fix-xahar ta’ Ġunju 2001, huwa baqa’ ma’ dan in-netwerk, huwa biżżejjed preċiż u konkret, peress li jidentifika l-entità kkonċernata u r-rwol ta’ Y.A. Kadi fir-rigward tiegħu, kif ukoll l-elementi ta’ allegata assoċjazzjoni bejn din l-entità, minn naħa, u Usama bin Laden u n-netwerk Al-Qaida, min-naħa l-oħra. |
144 |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li, sabiex jiżgura d-direzzjoni tal-uffiċċji Ewropej tal-Fondazzjoni Muwafaq, fl-1992, Y.A. Kadi kien irrekluta lil Al-Ayadi fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ Julaidan, persuna involuta fid-dinja finanzjarja li ġġieldet maġenb Usama bin Laden fl-Afganistan fis-snin 80. Fil-mument ta’ dan ir-reklutaġġ, Al-Ayadi kien wieħed mil-leaders prinċipali tal-Front Iżlamiku Tuneżin u kien aġixxa fil-kuntest ta’ ftehim ma’ Usama bin Laden. Fis-snin 90 huwa kien mar fl-Afganistan sabiex hemmhekk isegwi taħriġ paramilitari, imbagħad, ma’ persuni oħra, fis-Sudan biex hemmhekk jikkonkludi ma’ Usama bin Laden ftehim li jirrigwarda li jinġabru u jiġu mħarrġa Tuneżini u, ulterjorment, ftehim li jirrigwarda li jiġu milqugħa ġellieda Tuneżini u, ulterjorment, ftehim li jirrigwarda li jiġu milqugħa ġellieda Tuneżini lejn l-Italja permezz tal-kollaboraturi ta’ Usama bin Laden fil-Bosnja-Ħerzegovina. |
145 |
Dan il-motiv huwa biżżejjed preċiż u konkret, peress li jinkludi l-preċiżazzjonijiet neċessarji relatati maż-żmien u mal-kuntest tar-reklutaġġ inkwistjoni kif ukoll mal-elementi personali ta’ allegat rabta ta’ din ir-reklutaġġ ma’ Usama bin Laden. |
146 |
It-tielet motiv, li jieħu sostenn fuq dikjarazzjoni li kienet saret fl-1994 minn Talad Fuad Kaddem, diriġent ta’ Al-Gama’ at al Islamiyya, u li skont din il-Fondazzjoni Muwafaq ipprovdiet sostenn loġistiku u finanzjarju għal armata ta’ ġellieda fil-Bosnja-Ħerzegovina. |
147 |
Dan it-tielet motiv huwa biżżejjed preċiż u konkret, peress li jidentifika l-awtur tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, it-tipi ta’ atti akkużati, iż-żmien tal-allegat twettiq tagħhom kif ukoll l-allegata assoċjazzjoni tagħhom ma’ attivitajiet ta’ Usama bin Laden. |
148 |
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li Y.A. Kadi kien wieħed mill-azzjonisti prinċipali tal-bank Bosnijaku Depozitna Banka, illum magħluq, li fih Al-Ayadi kien eżerċita funzjonijiet u rrappreżenta l-interessi ta’ Y.A. Madi, u li fih laqgħat intiżi għall-preparazzjoni ta’ attentat kontra stabbiliment tal-Istati Uniti fl-Arabja Sawdita setgħu forsi seħħew. |
149 |
Kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-punt 175 tas-sentenza appellata, dan ir-raba’ motiv huwa biżżejjed preċiż u konkret, peress li jidentifika l-istabbiliment finanzjarju permezz l-intermedjarju li tiegħu Y.A. Kadi kien allegatament ikkontribwixxa għal attivitajiet terroristiċi kif ukoll in-natura tal-allegat proġett terroristiku kkonċernat. It-ton kundizzjonali tal-indikazzjoni li f’dan l-istabbiliment seħħew laqgħat preparatorji għal dan l-allegat proġett ma jmurx kontra r-rekwiżiti inerenti għad-dmir ta’ motivazzjoni, peress li l-motivi ta’ inklużjoni fil-lista tal-Unjoni jistgħu, fil-fatt, jibbażaw fuq suppożizzjonijiet ta’ implikazzjoni f’attivitajiet terroristiċi, bla ħsara għall-verifika tal-fondatezza ta’ dawn is-suppożizzjonijiet. |
150 |
Minkejja li jirriżulta mill-punti 138 sa 140 u 142 sa 149 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, għandu jiġi vverifikat jekk, minkejja dawn l-iżbalji, id-dispożittiv tas-sentenza appellata jidhirx fondat fuq motivi ta’ liġi barra dawk ikkunsidrati mill-Qorti Ġenerali, li fil-każ ta’ appell għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C-221/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
– Fuq l-illegalità tar-Regolament ikkontestat
151 |
Hemm lok li jiġi rrilevat, fir-rigward tal-ewwel motiv invokat fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u msemmi fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, li, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2008 imressqa insostenn tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, Y.A. Kadi, filwaqt li ammetta li kien membru fundatur tal-Fondazzjoni Muwafaq, ċaħad kull sostenn ta’ din tal-aħħar mat-terroriżmu u kull rabta bejnha u l-Uffiċċju Afgan. Huwa hemeż mal-osservazzjonijiet tiegħu il-memorandum tal-Fondazzjoni Muwafaq, fejn huwa sostna li din kellha skop esklużivament karitattiv u umanitarju, prinċipalment intiż lejn l-għajnuna lill-persuni li jbatu l-ġuħ fid-dinja, b’mod partikolari fis-Sudan. Filwaqt li ammetta li ħa parti fid-deċiżjonijiet strateġiċi internazzjonali tal-Fondazzjoni Muwafiq, huwa ċaħad kull implikazzjoni fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-attivitajiet tagħha fid-dinja, b’mod partikolari fir-reklutaġġ ta’ persunal lokali. Huwa kkontesta wkoll li l-Fondazzjoni Muwafiaq kienet ingħaqdet man-netwerk Al-Qaida fix-xahar ta’ Ġunju 2001, billi sostna, b’mod partikolari b’dokumenti ta’ sostenn, li hija kienet waqfet kull attività mhux iktar tard mill-1998. |
152 |
Fit-tweġiba tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2008 għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi, ukoll prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li, il-waqfien ta’ parti jew tal-attivitajiet kollha tal-entità kkonċernata ma kienx ta’ natura li jeskludi li hija, li kellha personalità ġuridika awtonoma, kienet ingħaqdet man-netwerk Al-Qaida. |
153 |
Għandu madankollu jiġi kkonstatat li ebda element ta’ informazzjoni jew ta’ prova ma kien tressaq sabiex isostni l-allegazzjonijiet dwar implikazzjoni tal-Fondazzjoni Muwafaq fit-terroriżmu internazzjonali fil-kuntest ta’ assoċjazzjoni mal-Uffiċċju Afgan u n-netwerk Al-Qaida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indikazzjonijiet dwar ir-rwol u l-funzjonijiet ta’ Y.A. Kadi fir-rigward ta’ din il-fondazzjoni ma humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi, fil-livell tal-Unjoni, ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tagħha. |
154 |
Fir-rigward tat-tieni motiv invokat fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u msemmi fil-punt 144 ta’ din is-sentenza, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2008, Y.A. Kadi, filwaqt li rrikonoxxa li rrekluta, fl-1992, fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ Julaidan, lil Al-Ayadi sabiex jiżgura d-direzzjoni tal-uffiċċji Ewropej tal-Fondazzjoni Muwafaq, huwa madankollu afferma li l-uniku għan ta’ din il-Fondazzjoni fl-Ewropa kien is-sostenn lir-refuġjati Bosnijaċi u Kroati matul il-gwerra tal-Balkani fis-snin 90. Huwa espona li Julaidan, li, f’dak iż-żmien, kien jikkollabora miegħu fi proġett tah għajnuna għat-taħriġ professjonali ta’ refuġjati Kroati, kien irrakkomandalu lil Al-Ayadi minħabba l-esperjenza professjonali tiegħu fil-ġestjoni tax-xogħol umanitarju u tal-integrità tiegħu. Huwa jsostni wkoll li, fl-1992, huwa ma kellu ebda raġuni li jissuspetta lil Al-Ayadi u Jaladian b’sostenn għal attivitajiet terroristiċi, billi sostna li, fis-snin 80, Usama bin Laden kien ikkunsidrat bħala alleat tal-forzi tal-Punent fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni Sovjetika, u li kien biss mill-1996 li dan tal-aħħar kien deskritt bħala theddida għas-sigurtà internazzjonali u li kien biss fix-xahar ta’ Ottubru 2001 u fix-xahar ta’ Settembru 2002 li Al-Ayadi u Julaiadan kienu, rispettivament, tniżżlu fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Fl-aħħar nett, huwa afferma li ma kienx jaf bl-eżistenza tal-Front Iżlamiku Tuneżin u allegati rabtiet bejn Al-Ayadi u din l-organizzazzjoni. |
155 |
Fit-tweġiba tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2008 għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi, il-Kummissjoni affermat li r-reklutaġġ ta’ Al-Ayadi minn Y.A. Kadi fuq rakkomandazzjoni ta’ Julaidan, flimkien mal-kuntatti ta’ Al-Ayadi u Julaidan ma’ Usama bin Laden, kien jippermetti li jiġi konkluż li dawn il-persuni differenti kienu diġà aġixxew bi ftehim bejniethom u li kienu jappartjenu lill-istess netwerk. Hija żżid tgħid li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ftit kien jimporta li Y.A. Kadi kien allegatament injora r-rabtiet allegati bejn Al-Ayadi u l-Front Iżlamiku Tuneżin. |
156 |
F’dan ir-rigward, mingħajr ma jiġi eskluż li l-elementi invokati fis-sunt tal-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet f’dak li jikkonċerna r-reklutaġġ minn Y.A. Kadi, fl-1992, ta’ Al-Ayadi fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ Julaidan u l-allegata implikazzjoni ta’ Al-Ayadi u Julaidan f’attivitajiet terroristiċi flimkien ma’ Usama bin Laden setgħu jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, fl-2002, ta’ isem Y.A. Kadi fil-lista tal-persuni li jidhru fl-Anness tar-Regolament Nru 881/2002, għandu jiġi osservat li dawn l-istess elementi, li ma humiex sostnuti mod ieħor, ma jistgħux jiġġustifikaw iż-żamma, wara 2008, tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista ta’ dan ir-regolament, kif emendat mir-regolament ikkontestat. Fil-fatt, fir-rigward tad-distanza fiż-żmien li tissepara ż-żewġ atti, dawn l-elementi, li jirreferu għas-sena 1992, ma humiex biżżejjed waħedhom, sabiex tiġi ġġustifikata, fl-2008, iż-żamma, fuq livell tal-Unjoni, ta’ isem Y.A. Kadi fil-lista tal-persuni u entitajiet imsemmija mill-miżuri restrittivi inkwistjoni. |
157 |
Fir-rigward tat-tielet motiv invokat insostenn tas-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u msemmi fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2008, Y.A. Kadi afferma li ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ Talad Fuad Kassem. Huwa ċaħad li qatt ma kellu l-inqas sostenn finanzjarju, loġistiku jew kwalunkwe tip ieħor ma’ din il-persuna, mal-entità li huwa kien imexxi jew ma’ ġellieda ta’ Bosnja Ħerzegovina. Huwa sostna wkoll li, sa fejn kien jaf hu, la l-Fondazzjoni Muwafaq u lanqas ebda wieħed mill-impjegati tiegħu ma qatt kienu pprovdew tali sostenn ta’ din in-natura. |
158 |
Fit-tweġiba tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2008 għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi, il-Kummissjoni affermat li d-dikjarazzjoni ta’ Talad Fuad Kassem ikkontribwixxiet sabiex tikkonferma li Y.A. Kadi kien uża l-pożizzjoni tiegħu għal għanijiet li ma kinux relatati ma’ attivitajiet ordinarji. Hija żżid li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx jagħmel differenza jekk Y.A. Kadi kienx jaf jew le lil Talad Fuad Kassem. |
159 |
Madankollu, ebda informazzjoni jew prova ma ġiet ippreżentata, quddiem konfutazzjonijiet ċirkustanzjali ta’ Y.A. Kadi, sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata l-eżattezza materjali tad-dikjarazzjoni mogħtija minn Talad Fuad Kassem fis-sunt tal-motivi pprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif ukoll li jiġi evalwat, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-allegazzjoni ta’ Y.A. Kadi li huwa ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ Talad Fuad Kassem, tas-saħħa probatorja ta’ din id-dikjarazzjoni fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ sostenn tal-Fondazzjoni Muwafaq għal attivitajiet terroristiċi fil-Bosnja Ħerzegovina flimkien ma’ Usama bin Laden. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indikazzjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ Talad Fuad Kassem ma tikkostitwixxix bażi li tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra Y.A. Kadi. |
160 |
Fir-rigward tar-raba’ motiv invokat fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u msemmi fil-punt 148 ta’ din is-sentenza, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2008, Y.A. Kadi ċaħad li qatt ta sostenn finanzjarju lit-terroriżmu internazzjonali permezz tad-Depozitna Banka jew permezz ta’ kwalunkwe stabbiliment ieħor. Huwa spjega li kien akkwista sehem f’dan il-bank għal finijiet esklużivament kummerċjali fir-rigward tal-perspettivi ta’ rikostruzzjoni soċjali u ekonomiku tal-Bosnja wara l-ftehim ta’ paċi ta’ Dayton ta’ 1995, u li kien, minħabba rekwiżit tad-dritt lokali, ta r-rappreżentazzjoni tal-interessi tiegħu f’dan il-bank lil Al-Ayadi, ta’ nazzjonalità Bosnijaka. Filwaqt li bbaża fuq rapporti ta’ kumpanniji internazzjonali ta’ kontroll finanzjarju relatati mal-perijodu minn 1999 sa 2002, kif ukoll fuq ir-rapport ta’ analist finanzjarju maħtur minn maġistrat Svizzeru mill-perijodu mill-1997 sa 2001, huwa sostna li ebda wieħed minn dawn ir-rapporti ma jissuġġerixxi li d-Depozitna Banka kienet ġiet implikata bi kwalunkwe mod fil-finanzjament jew is-sostenn tat-terroriżmu. Huwa kkontesta li dan il-bank kien ingħalaq, billi spjega, permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn, li dan kien ġie amalgamat ma’ bank ieħor fl-2002. Huwa barra minn hekk ipproduċa dokumenti relatati ma’ kuntatti li saru, fix-xahar ta’ Marzu 1999, bejn l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, id-direttur tad-Depozitna Banka u l-awtoritajiet politiċi Bosnijaċi fuq temi legali li jmissu s-settur bankarju fil-Bosnja-Ħerzegovina. Fl-aħħar nett, huwa sostna li, jekk l-awtoritajiet Sawditi kellhom raġunijiet sabiex jippreżupponi l-preparazzjoni, fi ħdan id-Depozitna Banka, ta’ attentat kontra interessi tal-Istati Uniti fuq it-territorju tagħhom, huma ma kinux jonqsu milli jinterrogaw, fil-kwalità tagħha ta’ proprjetarja Sawdita ta’ dan l-istabbiliment. Issa, dawn l-awtoritajiet qatt ma għamlu dan. |
161 |
Fit-tweġiba tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2008 għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi, il-Kummissjoni affermat li l-indikazzjonijiet li d-Depozitna Banka kien serva għall-preparazzjoni ta’ attentat fl-Arabja Sawdita, kienu kkontribwixxew sabiex jikkonfermaw li Y.A. Kadi kien uża l-pożizzjoni tiegħu għal għanijiet li ma humiex relatati ma’ attivitajiet ordinarji. |
162 |
Madankollu, ebda informazzjoni jew prova ma kienet ġiet prodotta sabiex issostni l-allegazzjoni li laqgħat setgħu seħħew fil-lokalitajiet tad-Depozitna Banka sabiex jiġu ppreparati atti terroristiċi f’assoċjazzjoni man-netwerk Al-Qaida jew Usama bin Laden, l-indikazzjonijiet relatati mar-rabta li eżistiet bejn Y.A. Kadi ma’ dan il-bank ma jippermettux li tiġi sostnuta l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra tiegħu. |
163 |
Fl-analiżi li tinsab fil-punti 141 u 151 sa 162 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li ebda waħda minn dawn l-allegazzjonijiet ifformulati kontra Y.A. Kadi fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma hija ta’ natura li tiġġustifika l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ miżuri restrittivi kontra tiegħu, u dan minħabba kemm ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, kemm minħabba l-assenza ta’ informazzjoni jew provi li kienu jsostnu l-motiv ikkonċernat quddiem ċaħdiet ċirkustanzjali tal-persuna kkonċernata. |
164 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżbalji ta’ liġi, identifikati fil-punti 138 sa 140 u 142 sa 149 ta’ din is-sentenza, li bihom hija vvizzjata s-sentenza appellata ma humiex ta’ natura li jinvalidawha, peress illi d-dispożittiv tagħha li jannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna lil Y.A. Kadi huwa fondat fuq ir-raġunijiet ta’ dritt stabbiliti fil-punt preċedenti. |
165 |
Għaldaqstant, l-appelli għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
166 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell huwa infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Meta parti intervenjenti fl-ewwel istanza, li ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’, skont l-Artikolu 184(4), tiddeċiedi li tbati l-ispejjeż tagħha stess. L-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
167 |
Peress illi l-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit tilfu l-aggravji tagħhom, hemm lok, b’mod konformi mat-talbiet ta’ Y.A. Kadi, li jiġu kkundannati għall-ispejjeż. |
168 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, partijiet intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.