EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0543

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Frar 2013.
Refcomp SpA vs Axa Corporate Solutions Assurance SA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Interpretazzjoni tal-Artikolu 23 — Klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab f’kuntratt konkluż bejn il-produttur u x-xerrej inizjali ta’ beni — Kuntratt li jagħmel parti minn sensiela ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà — Possibbiltà li din il-klawżola tiġi invokata kontra s-subakkwirent tal-beni.
Kawża C‑543/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:62

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Frar 2013 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Interpretazzjoni tal-Artikolu 23 — Klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab f’kuntratt konkluż bejn il-produttur u x-xerrej inizjali ta’ beni — Kuntratt li jagħmel parti minn sensiela ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà — Possibbiltà li din il-klawżola tiġi invokata kontra s-subakkwirent tal-beni”

Fil-Kawża C-543/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura

Refcomp SpA

vs

Axa Corporate Solutions Assurance SA,

Axa France IARD,

Emerson Network,

Climaveneta SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Refcomp SpA, minn P. Pedone u A. Musella, avukati,

għal Axa Corporate Solutions Assurance SA, minn B. Soltner, avukat,

għal Emerson Network, minn A. Bénabent, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha u N. Rouam, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u F. Wannek, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 04, p. 42 , iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Refcomp SpA (iktar ’il quddiem “Refcomp”) kontra Axa Corporate Solutions Assurance SA (iktar ’il quddiem “Axa Corporate”), u Axa France IARD, u Emerson Network (iktar ’il quddiem “Emerson”) u Climaveneta SpA (iktar ’il quddiem “Climaveneta”), bil-għan li tiġi stabbilita quddiem il-qrati Franċiżi r-responsabbiltà tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala produttur, fejn din tal-aħħar tinvoka klawżola ta’ ġurisdizzjoni favur il-qrati Taljani.

Il-kuntest ġuridiku

3

Hekk kif jirriżultalta mill-premessa 2 tar-Regolament, dan għandu bħala għan li “jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali”.

4

Il-premessa 11 tar-Regolament tipprovdi b’mod partikolari li “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti”.

5

Il-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament li jidher taħt it-Sezzjoni 2, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II, dwar il-ġurisdizzjoni, jipprovdi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali li skont din, fil-qasam kuntrattwali, persuna domiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tkun imfittxija fi Stat Membru ieħor, quddiem il-qorti fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba ġie jew għandu jiġi eżegwit.

6

L-Artikolu 23 tar-Regolament, li jidher fis-Sezzjoni 7 tal-imsemmi Kapitolu II, intitolat “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru, għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

a)

bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

b)

f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

ċ)

f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Doumer SNC (iktar ’il quddiem “Doumer”), kuntrattur, eżegwixxa xi xogħlijiet ta’ restawr ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’Courbevoie (Franza). Din il-kumpannija hija assigurata ma’ Axa Corporate, li s-sede tagħha tinsab f’Pariġi (Franza).

8

Fil-kuntest ta’ dawn ix-xogħlijiet, ġew installati gruppi tal-arja kkondizzjonata. Dawn il-gruppu huma mgħammra bi kompressuri li ġew prodotti minn Refcomp, li s-sede tagħha tinsab fl-Italja, mixtrija minnha u mmuntati minn Climaveneta, li s-sede tagħha hija wkoll fl-Italja, imbagħad mibjugħa lil Doumer mill-kumpannija Liebert, li llum daħlet fid-drittijiet tagħha Emerson. Din l-aħħar imsemmija kumpannija, li s-sede tagħha tinsab Franza, hija assigurata minn Axa France IARD, ukoll stabbilita fi Franza.

9

Inqalgħu xi problemi fis-sistema tal-arja kkondizzjonata li ġiet installata, u perizja legali rrilevat li din il-ħsara kienet ġejja minn difett fil-produzzjoni tal-kompressuri.

10

Wara li ġiet surrogata fid-drittijiet ta’ Doumer, li ġiet ikkumpensata, Axa Corporate ħarrket lill-produttur Refcomp, il-muntatur Climaveneta u l-bejjiegħ Emerson quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris sabiex tikseb rimbors in solidum mingħandhom minħabba dan id-difett.

11

Refcomp kkontestat il-ġurisdizzjoni tat-tribunal de grande instance de Paris fejn invokat klawżola ta’ ġurisdizzjoni favur il-qrati Taljani inklużi fil-kuntratt li sar bejnha u Climaveneta.

12

Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Jannar 2007, l-Imħallef tat-Tribunal de grande instance de Paris ċaħad l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta ġurisdizzjoni mqajma minn Refcomp, li appellat din id-deċiżjoni.

13

Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2008, il-cour d’appel de Paris ikkonfermat iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inkompetenza mqajma minn Refcomp. Hija ddeċidiet li l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni miftehma bejn il-produttur u bejjiegħ intermedjarju ma setgħetx tiġi invokata kontra l-assiguratur issurrogat fid-drittijiet tas-subakkwirent peress li, minn naħa, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali previsti mir-Regolament ma japplikawx għall-kawżi bejn is-subakkwirent ta’ xi ħaġa u l-produttur, kawżi li jaqaw fil-kamp tad-delitt, u, min-naħa l-oħra, li l-klawżola inkwistjoni, miftehma bejn il-partijet għall-kuntratt oriġinali, ma ġietx aċċettata mis-subakkwirent.

14

Adita b’appell minn Refcomp, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Klawżola ta’ ġurisdizzjoni, li ssir f’sensiela Komunitarja ta’ kuntratti, bejn manifattur ta’ oġġett u xerrej skont l-Artikolu 23 tar-Regolament […] għandha effett fir-rigward tas-subakkwirent u, jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet?

2)

Il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni għandha effett fir-rigward tas-subakkwirent u tal-assiguraturi surrogati tiegħu anki meta l-Artikolu 5(1) tar-Regolament […] ma japplikax għall-azzjoni tas-subakkwirent kontra l-manifattur, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha [tas-17 ta’ Ġunju 1992 Handte, C-26/91, Ġabra p. I-3967]?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

15

Fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li din taqa’ fil-kuntest ta’ “sensiela Komunitarja ta’ kuntratti”. Sabiex tiġi ppreċiżata l-portata ta’ dawn id-domandi, u b’hekk sabiex jingħataw risposta effettiva, għandu jingħad li sitwazzjoni bħal din għandha tiġi interpretata, hekk kif jirriżulta mill-fajl, fis-sens li din tindika suċċessjoni ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà li ġew konklużi bejn operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea.

16

Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konlużjonijiet tiegħu, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrriżulta li dawn id-domandi huma marbuta mal-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ regola li skont din, minkejja li l-kuntratti normalment għandhom effett relattiv sa fejn huma jorbtu biss lill-partijiet li kkonkludewhom, prinċipju bħal madankollu għandu eċċezzjoni meta jkun hemm trasferiment tal-proprjetà, peress li l-proprjetà tal-oġġett mibjugħ tkun ġiet trażmessa lix-xerrejja kollha suċċessivi ta’ dan flimkien, kif ukoll l-elementi li huma l-aċċessorju. Fost dawn l-elementi aċċessorji jidher id-dritt tas-subakkwirent tal-oġġett li jintalab kumpens għad-danni li jirriżultaw minn nuqqas ta’ konformità ta’ dan tal-aħħar kemm tal-bejjiegħ dirett kif ukoll ta’ kwalsiasi intermedjarju li jkun biegħ l-oġġett jew lill-produttur ta’ dan.

17

F’dan il-kuntest, fir-rigward, fl-ewwel lok, dwar jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament huwa applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, għandu jingħad li, permezz tal-paragrafu 1 tiegħu, huwa suffiċjenti, bħala prinċipju, li parti jkollha d-domiċilju tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru u li l-klawżola tagħti ġurisdizzjoni lil qorti ta’ Stat Membru, kundizzjonijiet li huma sodisfatti fil-kawża preżenti. Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li r-relazzjoni legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha natura internazzjonali. L-Artikolu 23 tar-Regolament huwa b’hekk applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża.

18

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tar-Regolament previsti fid-domandi preliminari, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, sa fejn ir-Regolament jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi Komunitarji jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C-133/11, punt 31).

19

Dan huwa l-każ f’dak li jirrigwarda l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tal-imsemmija konvenzjoni u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament, li huma redatti fi kliem kważi identiċi.

20

Dan huwa wkoll il-każ f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “qasam kuntrattwali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament peress li l-modifiki miġjuba lil din id-dispożizzjoni jikkonċernaw biss il-kriterju ta’ rabta kkunsidrat sabiex tiġi stabbilita l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-kuntratti ta’ bejgħ tas-suq u dik tal-provvista ta’ servizzi, filwaqt li għall-kumplament tinżamm l-istess is-sustanza tad-dispożizzjoni korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C-533/07, Ġabra p. I-3327, punti 48 sa 57).

21

Fir-rigward tal-metodu ta’ interpretazzjoni ppreferuta fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-każ tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li, hekk kif jirriżulta mil-għanijiet u mill-istruttura ġenerali ta’ din il-konvenzjoni, li huma wkoll dawk tar-Regolament, u fid-dawl li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-istrument, il-kunċett ta’ “klawżola ta’ ġurisdizzjoni” previst f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat mhux bħala sempliċi referenza għad-dritt nazzjonali ta’ Stat ikkonċernat jew ieħor, iżda bħala kunċett awtonomu (ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Powell Duffryn, C-214/89, Ġabra p. I-1745, punti 13 u 14).

22

Għal raġunijiet simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “qasam kuntrattwali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandu jiġi interpretat ukoll b’mod simili (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tingħata lill-qorti tar-rinviju l-interpretazzjoni mitluba.

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ ġurisdizzjoni miftehma fil-kuntratt konkluż bejn il-produttur ta’ oġġett u x-xerrej tiegħu jista’ jopponi lil terz subakkwirent li, minħabba suċċessjoni ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà konklużi bejn partijiet stabbiliti fi Stati membri differenti, ikun akkwista dan l-oġġett u jkun irid iressaq kawża għad-danni fir-rigward tal-produttur.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ validità ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament jipprovdi essenzjalment rekwiżiti proċedurali u jsemmi biss kundizzjoni dwar il-mertu li tirrigwarda s-suġġett tal-klawżola, li għandha tirrigwarda r-relazzjoni legali stabbilita. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni b’hekk ma tippreċiżax jekk klawżola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tiġi trażmessa, lil hinn miċ-ċirku tal-partijiet għal kuntratt, lil terzi, parti għal kuntratt ulterjuri u suċċessur, fl-intier jew in parti, għad-drittijiet u l-obbligi ta’ wieħed mill-partijiet għall-kuntratt inizjali.

26

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament madankollu jindika b’mod ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jillimita ruħu għall-każ fejn il-partijet jkunu “qablu” dwar qorti. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 11 tar-Regolament, huwa dan il-ftehim ta’ volontà bejn il-partijet li jiġġustifika s-supremazija mogħtija, fir-rigward tal-prinċipju tal-awtonomija tal-volontà, għall-għażla ta’ qorti oħra milli dik li kienet eventwalment tkun kompetenti skont ir-Regolament.

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja min-naħa l-oħra ddeċidiet, fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li, billi tagħmel il-validità ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni suġġetta għall-eżistenza ta’ “ftehim” bejn il-partijiet, din id-dispożizzjoni timponi fuq il-qorti li tkun qed titratta l-kawża l-obbligu li teżamina, fl-ewwel lok, jekk il-klawżola li tagħtiha ġurisdizzjoni kinitx effettivament is-suġġett ta’ kunsens bejn il-partijiet (sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, MSG, C-106/95, Ġabra p. I-911, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

B’hekk, hemm lok li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament jiġi interpretat fis-sens li, bħal fil-każ tal-għan tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ir-realtà tal-kunsens tal-partijiet ikkonċernati huwa wieħed mill-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi MSG, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C-159/97, Ġabra p. I-1597, punt 19).

29

B’hekk jirriżulta li l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni mdaħħla f’kuntratt jista’, bħala prinċipju, jipproduċi l-effetti tiegħu biss fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet li taw il-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. Sabiex il-klawsola tkun tista’ tiġi opponuta minn terzi, huwa neċessarju, bħala prinċipju, li dan ikun ta l-kunsens tiegħu għal dan il-għan.

30

Huwa minnu li l-kundizzjonijiet u l-forom li fihom il-partijiet għal kuntratt jistgħu jiġu kkunsidrati li taw il-kunsens tagħhom għal klawżola ta’ ġurisdizzjoni jistgħu jvarjaw skont in-natura tal-kuntratt inizjali.

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ammettiet li l-azzjonist li jaċċetta li jaderixxi mad-dispożizzjonijiet tal-istatus ta’ kumpannija huwa kkunsidrat li jagħti l-kunsens tiegħu għall-klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tidher fiha, peress li din l-adeżjoni tikkrea kemm bejn l-azzjonist u l-kumpannija kif ukoll bejn l-azzjonisti stess relazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata bħala kkuntrattwali (ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza Powell Duffryn, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 sa 19).

32

Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata għar-rapport bejn is-subakkwirent ta’ oġġett mixtri minn venditur intermedjarju, minn naħa, u l-produttur ta’ dan l-oġġett, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunċat ruħha f’dan is-sens li dan ir-rapport ma jaqax taħt il-kunċett tal-“qasam kuntrattwali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Hija fil-fatt ddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża għad-danni mressqa mis-subakkwirent ta’ oġġetti kontra l-produttur tagħhom, li ma teżisti l-ebda rabta kuntrattwali bejn is-subakkwirent u l-produttur, peress li dan ma assuma l-ebda obbligu ta’ natura kuntrattwali fir-rigward tas-subakkwirent (sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

33

Peress li s-subakkwirent u l-produttur għandhom ikunu kkunsidrati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament, bħala li ma humiex magħquda b’rabta kuntrattwali, hemm lok li jiġi dedott li huma ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala li “qablu”, fis-sens tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, dwar il-qorti indikata bħala li għandha ġurisdizzjoni fil-kuntratt inizjali konkluż bejn il-produttur u l-ewwel xerrej.

34

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet ukoll, fil-qasam tal-kuntratti tat-trasport marittimu, li klawżola ta’ ġurisdizzjoni mdaħħla f’kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija tkun tista’ tiġi opposta minn parti għal dan il-kuntratt peress li din il-klawżola ġiet irrikonoxxuta valida bejn burdnar u t-trasportatur u li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-parti li titrasporta, billi tikseb il-polza tat-trasport, tkun daħlet fid-drittijiet u l-obbligi tagħha (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1984, Russ, 71/83, Ġabra p. 2417, punt 24; Castelletti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u tad-9 ta’ Novembru 2000, Coreck, C-387/98, Ġabra p. I-9337, punti 23 sa 27). F’każ bħal dan, ma huwiex neċessarju għall-qorti li tkun qed titratta l-kawża li tivverifika jekk dawn il-partijiet tawx il-kunsens għall-klawżola.

35

Il-portata ta’ din il-ġurisprudenza għandha madankollu tiġi evalwata b’kunsiderazzjoni tal-karattru partikolari ħafna tal-kuntratt tat-trasport li, hekk kif spjega l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa strument tal-kummerċ internazzjonali destinat li jirregola relazzjoni li timplika għall-inqas tliet persuni, jiġifieri t-trasportatur marittimu, il-persuna li tibgħat il-merkanzija jew il-burdnar u d-destinatarju tal-merkanzija. Fil-parti l-kbira tas-sistemi legali tal-Istati Membri, konsistenti dwar dan is-suġġett, il-kuntratt tat-trasport jammonta għal titolu negozjabbli li jippermetti lil proprjetarju li jbigħ il-merkanzija, waqt li jkunu qed jiġu ttrasportati, lil akkwirent li jsir it-titolari tad-drittijiet u l-obbligi kollha tal-burdnar fir-rigward tat-trasportatur.

36

Huwa b’kunsiderazzjoni ta’ dan ir-rapport ta’ sostituzzjoni bejn it-titolari tal-kuntratt ta’ tagħbija u l-burdnar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, b’effett mill-kisba tal-kuntratt ta’ tagħbija, it-titolari jinsab marbut mill-proroga tal-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza iċċitata iktar ’il fuq Russ, punt 25). Min-naħa l-oħra, meta d-dritt nazzjonali applikabbli ma jipprovdix rapport bħal dan ta’ sostituzzjoni, il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża għandha tivverifika r-realtà tal-kunsens ta’ dawn il-partijiet għall-klawżola ta’ ġurisdizzjoni (sentenza Coreck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

37

Issa, f’sensiela ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà, ir-rapport ta’ suċċessjoni bejn l-akkwirent inizjali u s-subakkwirent ma jiġix analizzat fit-trażmissjoni ta’ kuntratt uniku, kif ukoll tal-integralità tad-drittijiet u tal-obbligi li jipprovdi. F’sitwazzjoni bħal din, l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet jistgħu jvarjaw minn kuntratt għall-ieħor, b’mod li d-drittijiet li s-subakkwirent jista’ jasserixxi kontra l-bejjiegħ immedjat tiegħu ma humiex neċessarjament l-istess bħal dawk li l-produttur assuma fir-relazzjonijiet tiegħu mal-ewwel xerrej (sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

38

Min-naħa l-oħra, il-qbil bejn is-sistemi legali nazzjonali fir-rigward tal-effetti tat-trasferiment ta’ kuntratt tat-tagħbija lil terz ma jaqax fil-qasam tal-kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà, fejn jidher li r-rapporti bejn produttur u subakkwirent huma kkunsidrati b’mod differenti fl-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

39

F’ċirkustanzi bħal dawn, li ssir referenza għad-dritt nazzjonali, hekk kif issuġġeriet Refcomp kif ukoll il-gvernijiet Ġermaniżi u Spanjoli, għall-evalwazzjoni tal-infurzabbiltà lis-subakkwirent tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni inkluża fil-kuntratt inizjali bejn il-produttur u l-ewwel akkwirent tiġġenera soluzzjonijiet differenti bejn l-Istati Membri, b’mod li tippreġudika l-għan tal-unifikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jħaddan ir-Regolament, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 ta’ dan tal-aħħar. Referenza bħal din għad-dritt nazzjonali tkun ukoll fattur ta’ inċertezzi inkompatibbli mal-għan li jiġi żgurat it-tbassir fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, li huwa, hekk kif imsemmi fil-premessa 11 tar-Regolament, wieħed mill-għanijiet ta’ dan.

40

Għalhekk, għandha ssir referenza għar-regola ġenerali, msemmija fil-punt 21 tas-sentenza preżenti, li skont din, il-kunċett ta’ “klawżola ta’ ġurisdizzjoni” għandha tiġi interpretata bħala kunċett awtonomu li jagħti applikazzjoni sħiħa lill-prinċipju tal-awtonomija tal-volontà, li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 23(1) tar-Regolament.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 23 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ ġurisdizzjoni miftehma fil-kuntratt konkluż bejn il-produttur ta’ prodott u x-xerrej ta’ dan ma tistax tiġi opponuta mis-subakkwirent terz li, minħabba suċċessjoni ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà konklużi bejn partijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti, kiseb dan il-prodott u jrid iressaq kawża għad-danni fir-rigward tal-produttur, ħlief jekk ġie stabbilit li dan it-terz ta l-kunsens effettiv tiegħu fir-rigward tal-imsemmija klawżola fil-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-natura mhux kuntrattwali, rikonoxxuta fis-sentena Handte, iċċitata iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament, għall-azzjoni diretta miftuħa bid-dritt nazzjonali lis-subakkwirent ta’ oġġett fir-rigward tal-produttur ta’ din tal-aħħar tistax tinfluwenza l-effetti ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni kontenuta fil-kuntratt konkluż ’il fuq bejn il-produttur u xerrej.

43

Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-istruttura ta’ din id-domanda, jirriżulta li din id-domanda saret biss fil-każ fejn l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv.

44

B’hekk, fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ ġurisdizzjoni miftehma fil-kuntratt konkluż bejn il-produttur ta’ prodott u x-xerrej ta’ dan ma tistax tiġi opponuta mis-subakkwirent terz li, minħabba suċċessjoni ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà konklużi bejn partijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti, kiseb dan il-prodott u jrid iressaq kawża għad-danni fir-rigward tal-produttur, ħlief jekk ġie stabbilit li dan it-terz ta l-kunsens effettiv tiegħu fir-rigward tal-imsemmija klawżola fil-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top