Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0412

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-17 ta' Novembru 2011.
Deo Antoine Homawoo vs GMF Assurances SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division - ir-Renju Unit.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali - Regolament (KE) Nru 864/2007 - Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis.
Kawża C-412/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:747

Kawża C-412/10

Deo Antoine Homawoo

vs

GMF Assurances SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali — Regolament (KE) Nru 864/2007 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis”

Sommarju tas-sentenza

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali — Regolament Nru 864/2007 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Distinzjoni bejn id-data tad-dħul fis-seħħ u d-data ta’ applikazzjoni — Portata

(Artikolu 297 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 864/2007, Artikoli 31 u 32)

L-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 864/2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) moqrija flimkien mal-Artikolu 297 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali għandha tapplika dan ir-regolament unikament għal fatti, li jkunu kkawżaw danni, li seħħew mill-11 ta’ Jannar 2009, u li d-data tal-bidu tal-proċedura għall-kumpens kif ukoll dik dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli mill-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża ma għandhomx rilevanza għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 864/2007 jinkludi, minn naħa, l-Artikolu 31, intitolat “Regola temporali relattiva għall-applikazzjoni” li jgħid li huwa applikabbli għall-fatti li jikkawżaw id-danni li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 32, intitolat, “Id-data ta’ applikazzjoni”, li jgħid li dan ir-regolament għandu bħala prinċipju japplika mill-11 ta’ Jannar 2009. Issa, fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika li tiffissa data għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, din id-data għandha tiġi ddeterminata skont ir-regola ġenerali li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE. Peress li r-Regolament ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Lulju 2007, huwa daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu, jiġifieri fl-20 ta’ Awwissu 2007.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 31 tar-Regolament ma jistax jiġi interpretat mingħajr ma wieħed jieħu inkunsiderazzjoni d-data ta’ applikazzjoni ffissata mill-Artikolu 32 tar-Regolament, jiġifieri l-11 ta’ Jannar 2009. Tali interpretazzjoni hija l-unika waħda li tippermetti li jiġi żgurat, skont il-premessi 6, 13, 14 u 16 tar-Regolament, li jintlaħqu kompletament l-għanijiet tiegħu, jiġifieri li tiġi ggarantita l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza legali dwar il-liġi applikabbli, u l-applikazzjoni uniformi tal-imsemmi regolament fl-Istati Membri kollha. Min-naħa l-oħra, ikun hemm riskju li l-għanijiet jiġu kompromessi jekk dan ir-regolament jiġi applikat għal fatti li jkunu seħħu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ u dik iffissata mill-Artikolu 32 tiegħu.

(ara l-punti 23, 30, 33-35, 37 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Novembru 2011 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis”

Fil-Kawża C‑412/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales) Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

Deo Antoine Homawoo

vs

GMF Assurances SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal K. Schiemann, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D. A. Homawoo, minn, J. Dingemans, QC, M. Zurbrugg u K. Deal, avukati, kif ukoll minn I. Mitchell, solicitor,

–        għal GMF Assurances SA, minn N. Paines, QC, P. Janusz, avukat, u S. Ball u P. Thomas, solicitors,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G. Karipsiadis u T. Papadopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) moqrija flimkien mal-Artikolu 297 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. A. Homawoo, residenti fir-Renju Unit, vittma ta’ inċident bil-karozza matul il-vaganza tiegħu fi Franza, u GMF Assurances SA (iktar ’il quddiem “GMF”), kumpannija tal-assigurazzjoni kkostitwita u stabbilita fi Franza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 6, 13, 14, u 16 tar-Regolament jaqraw kif ġej:

“(6) Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeżiġi li r-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fih tkun saret il-kawża, u dan sabiex jittejbu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi.


[…]

(13) Regoli uniformi, applikati irrispettivament mil-liġi li huma jinvokaw, jistgħu jevitaw ir-riskju ta’ distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn litiganti Komunitarji.

(14) Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f’każijiet individwali huma elementi essenzjali f’qasam tal-ġustizzja.[…]

[…]

(16) Regoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu.[…]”


4        Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament:

“1. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni [obbligi] mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.”

5        L-Artikolu 15 tar-Regolament, intitolat “L-ambitu tal-liġi applikabbli”, iħabbar:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet [obbligi] mhux kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tirregola b’mod partikolari:

[…]

(ċ) l-eżistenza, in-natura u l-istima tad-danni jew ir-rimedju mitlub;

[…].”

6        L-Artikolu 28 tar-Regolament intitolat “Ir-relazzjoni ma’ konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti” jiddisponi:

“1. Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar ikunu Partijiet fiż-żmien meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet [obbligi] mhux kuntrattwali.

2. Madankollu, bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jipprevalixxi fuq konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn tnejn jew aktar minnhom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.”

7        L-Artikolu 29 tar-Regolament, li jikkonċerna l-lista ta’ konvenzjonijiet, jipprovdi fl-ewwel paragrafu :

“Sal-11 ta’ Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 28(1). Wara dik id-data, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-denunzji kollha ta’ tali konvenzjonijiet.”

8        L-Artikolu 30(2) tar-Regolament huwa fformulat kif ġej:

“Mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew studju dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tal-liġi applikabbli għal obbligazzjonijiet [obbligi] mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn vjolazzjonijiet tal-privatezza u ta’ drittijiet marbuta mal-personalità, b’kont meħud ta’ regoli relatati mal-liberta’ tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni fil-media, u kwistjonijiet dwar il-konflitt ta’ liġijiet relatati mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)].”

9        L-Artikolu 31 tar-Regolament, intitolat “Regola temporali relattiva għall-applikazzjoni” jiddisponi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal avvenimenti li jwasslu għal dannu li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.”


10      L-Artikolu 32 tar-Regolament, intitolat “Id-data ta’ applikazzjoni” jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika mill-11 ta’ Jannar 2009, ħlief għall-Artikolu 29, li għandu japplika mill-11 ta’ Lulju 2008.”


 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11      Fid-dritt Ingliż, ir-regoli ta’ kunflitt dwar materji delittwali, jinsabu, kif joħroġ mid-deċiżjoni tar-rinviju, fit-tielet parti tal-liġi tal-1995 dwar id-dritt internazzjonali privat (dispożizzjonijiet varji) [Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995] u jipprovdu li l-liġi applikabbli hija dik tal-pajjiż fejn iseħħu l-fatti li jikkawżaw id-dannu. Fil-qasam ta’ danni fiżiċi, l-Artikolu 11(2)(a) tal-imsemmija liġi jiddisponi li d-dritt applikabbli jkun dak tal-post fejn kien jinsab l-individwu meta jkun sofra d-dannu.

12      L-Artikolu 15A tal-imsemmija liġi tal-1995, introdott permezz tar-Regolament tal-2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (l-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq) (Law applicable to Non-Contractual Obligations (England and Wales and Northern Ireland) Regulations 2008, SI 2008, Nru 2986), jipprovdi li l-ebda dispożizzjoni tal-parti III ta’ din il-liġi tal-1995 “ma taffettwax id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet fil-qasam delittwali li jkunu jridu jinqatgħu skont ir-Regolament [Nru 864/2007/KE]”.

13      Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tad-danni, il-ġurisprudenza nazzjonali, u b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-House of Lords fil-kawża Harding vs Wealands [(2007) 2 AC 1], stabbilixxiet li l-evalwazzjoni tad-danni li tagħti dritt għall-kumpens hija kwistjoni proċedurali irregolata mid-dritt Ingliż bħala lex fori.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Matul soġġorn fi Franza, D. A. Homawoo safa’ vittma, fid-29 ta’ Awwissu 2007, ta’ inċident ikkawżat minn karozza li s-sewwieq tagħha kien assigurat ma’ GMF, kumpannija kkostitwita u stabbilita f’dan l-Istat Membru.

15      Fit-8 ta’ Jannar 2009, D. A. Homawoo ressaq, quddiem il-High Court of Justice, proċedura għall-kumpens għad-danni fiżiċi u danni indiretti b’mod partikolari kontra GMF.

16      Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostna li l-evalwazzjoni tad-danni kienet irregolata mid-dritt Ingliż, li huwa d-dritt magħżul mir-regoli ta’ kunflitt ta’ lex fori applikabbli għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa qies li r-regolament ma kienx applikabbli rationae temporis peress li, skont l-Artikoli 31 u 32 tiegħu, huwa ma japplikax għall-fatti li kkawżaw id-danni li seħħew, bħal fil-kawża inkwistjoni, qabel il-11 ta’ Jannar 2009, data ffissata għad-dħul fis-seħħ tiegħu. Sussidjarjament, huwa rrileva li r-regolament ma japplikax meta, indipendentement mid-data li fiha seħħ id-dannu, il-proċedura inkwistjoni tkun inbdiet qabel din id-data.

17      GMF, mingħajr ma kkontestat li t-talba għall-kumpens tar-rikorrenti kienet fondata, sostniet madankollu li l-evalwazzjoni tal-imsemmija danni għandha tiġi rregolata mid-dritt Franċiż, skont ir-regoli ta’ kunflitt stabbiliti mir-Regolament. Fil-fatt, skont GMF, ir-Regolament kien daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont ir-regola stabilita mill-Artikolu 297 TFUE. Konsegwentement, huwa applikabbli fil-kawża prinċipali, peress li l-fatt li kkawża l-imsemmija danni seħħ wara din id-data u peress li l-qorti nazzjonali ntalbet tiddetermina l-liġi applikabbli wara l-11 ta’ Jannar 2009.

18      Il-High Court of Justice tqis, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament ma jirriferix għad-data tal-bidu ta’ azzjoni legali jew għal dik tal-għoti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li, għalhekk, xejn ma jiġġustifika li wieħed jinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li r-Regolament huwa applikabbli għal kull azzjoni mibdija mid-data ffissata f’din id-dispożizzjoni. Fit-tieni lok, hija tirrileva li interpretazzjoni li tgħid li r-Regolament japplika għall-fatti li jagħtu lok għal danni li seħħew mill-11 ta’ Jannar 2009 ’il quddiem tippermetti li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, peress li b’hekk tkun qed tipprovdi data fissa, mingħajr irbit mal-bidu tal-proċeduri kontenzjużi. Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament, hija tiddubita li jkun possibbli li wieħed iżomm ma’ tali interpretazzjoni.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) L-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament [Ruma II], moqrija flimkien mal-Artikolu 297 [TFUE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu lil qorti nazzjonali li tapplika Ruma II, u b’mod partikolari, l-Artikolu [15(ċ)] tiegħu, f’każ fejn l-avveniment li wassal għad-dannu seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2007?

2)      Ir-risposta għad-domanda 1 hija affettwata minn wieħed mill-fatti li ġejjin:

i)      li l-proċeduri għal kumpens tad-dannu nbdew fit-8 ta’ Jannar 2009;

ii)      li l-qorti nazzjonali ma kinitx tat deċiżjoni dwar il-liġi applikabbli qabel il-11 ta’ Jannar 2009?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      B’dawn id-domandi, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, sostanzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 297 TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li qorti nazzjonali għandha tapplika r-Regolament unikament għall-fatti li jagħtu lok għad-danni li seħħew mill-11 ta’ Jannar 2009, u jekk id-data tat-tressiq tal-proċedura għall-kumpens kif ukoll dik dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli mill-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża għandhomx impatt għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

21      Fil-kawża preżenti, sabiex wieħed ikun jista’ jirrispondi għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament sabiex tiġi stabbilita liema hija d-data tad-dħul fis-seħħ u minn liema data dan ir-regolament isir applikabbli.

22      Għal dak li jirrigwarda d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, għandu jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE, l-atti leġiżlattivi jidħlu fis-seħħ fid-data li huma jiffissaw jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

23      F’dan il-każ, għalkemm ir-Regolament ma jiffissax b’mod espliċitu d-data tad-dħul fis-seħħ, huwa jinkludi, min-naħa, l-Artikolu 31, intitolat “Regola temporali relattiva għall-applikazzjoni” li jgħid li huwa applikabbli għall-fatti li jikkawżaw id-danni li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 32, intitolat, “Id-data ta’ applikazzjoni”, li jgħid li dan ir-Regolament għandu japplika mill-11 ta’ Jannar 2009, ħlief għal artikolu wieħed, li ma huwiex rilevanti għall-każ preżenti.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur huwa liberu li jiddistingwi d-data tad-dħul fis-seħħ minn dik tal-applikazzjoni tat-test li huwa jadotta filwaqt li jdewwem it-tieni fil-konfront tal-ewwel. Tali metodu jista’ jippermetti, b’mod partikolari, ladarba l-att jidħol fis-seħħ u għalhekk ikun integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, lill-Istati Membri jew lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jissodisfaw, abbażi ta’ dan l-att, l-obbligi preliminari li jkollhom iwettqu u li jkunu indispensabbli għall-applikazzjoni kompleta eventwali tiegħu fil-konfront persuni kollha li huwa jikkonċerna.

25      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur ipproċeda b’dan il-mod f’bosta atti adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili, bħal b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).

26      Għal dak li jirrigwarda r-Regolament, huwa paċifiku li la l-Artikolu 31 u lanqas l-Artikolu 32 ma jiffissaw id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

27      Ċertament, tliet verżjonijiet lingwistiċi tat-titolu fl-Artikolu 32 tar-Regolament (“Inwerkingtreding”, “Data intrării în vigoare” u ‘Entrada en vigor), jirreferu għall-kunċett ta’ dħul fis-seħħ. Madankollu, anki f’dawn it-tliet verżjonijiet, il-kontenut ta’ dan l-artikolu jsemmi l-11 ta’ Jannar 2009 bħala d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament.

28      Hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-bżonn li jkun hemm interpretazzjoni uniformi tal-atti tal-Unjoni jeskludi li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies separatament, u jeżiġi minflok interpretazzjoni u applikazzjoni fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1979, Koschniske, 9/79, Ġabra p. 2717, punt 6 u tal-10 ta’ Settembru 2009, Eschig, C‑199/08, Ġabra p I‑8295, punt 54).

29      Fil-każ preżenti, fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjoni li taqbel fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, hemm lok li wieħed jikkonstata li l-Artikolu 32 jiffissa d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament, u mhux dik tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

30      Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tiffissa data għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, din id-data għandha tiġi ddeterminata skont ir-regola ġenerali li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE. Peress li r-Regolament ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Lulju 2007, huwa daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu, jiġifieri fl-20 ta’ Awwissu 2007.

31      Tali konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li r-Regolament impona ċerti obbligi fuq l-Istati Membri u fuq il-Kummissjoni minn din id-data tal-aħħar. Għalhekk, skont l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament, u b’mod iktar preċiż sal-11 ta’ Lulju 2008, l-Istati Membri kellhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-konvenzjonijiet internazzjonali konklużi f’dan il-qasam, li għalihom huma kienu parti, u l-Kummissjoni kellha tippubblika l-lista ta’ dawn il-konvenzjonijiet f’Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

32      Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament, il-Kummissjoni kellha tippreżenta, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008, studju dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummitat Ekonomiku u Soċjali. Dawn l-obbligi kellhom jitwettqu, barra minn hekk, qabel il-11 ta’ Jannar 2009, data prevista, fl-Artikolu 32 tar-Regolament, għall-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-konfront tal-persuni kollha.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 31 tar-Regolament, li skont it-titolu tiegħu jirrigwarda r-“Regola temporali relattiva għall-applikazzjoni”, ma jistax jiġi interpretat mingħajr ma wieħed jieħu inkunsiderazzjoni d-data tal-applikazzjoni ffissata mill-Artikolu 32 tar-Regolament, jiġifieri l-11 ta’ Jannar 2009. Barra minn hekk, hemm lok li wieħed iqis li, bis-saħħa tal-Artikolu 31 tiegħu, dan ir-regolament japplika għal fatti li kkawżaw danni li seħħew minn din id-data.

34      Tali interpretazzjoni hija l-unika waħda li tippermetti li jiġi żgurat, skont il-premessi 6, 13, 14 u 16 tar-Regolament, li jintlaħqu kompletament l-għanijiet tiegħu, jiġifieri li tiġi ggarantita l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza legali dwar il-liġi applikabbli, u l-applikazzjoni uniformi tal-imsemmi regolament fl-Istati Membri kollha.

35      Min-naħa l-oħra, ikun hemm riskju li l-għanijiet jiġu kompromessi jekk dan ir-regolament jiġi applikat għal fatti li jkunu seħħu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ u dik iffissata mill-Artikolu 32 tiegħu. Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni, ma huwiex eskluż li żewġ fatti li jseħħu fl-istess jum, qabel il-11 ta’ Jannar 2009, jistgħu għalhekk jiġu rregolati minn liġijiet differenti skont id-data ta’ meta l-proċedura għall-kumpens tkun tressqet jew skont id-data tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli mill-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża. Barra minn hekk, l-obbligi li joħorġu minn fatt li kkawża danni fl-istess post għal bosta persuni jista’ jiġi rregolat minn liġijiet differenti skont ir-riżultat tad-diversi proċeduri ġudizzjarji.

36      Barra minn hekk, la d-data tat-tressiq ta’ kawża u lanqas dik dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli mill-qorti nazzjonali ma għandhom rilevanza għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament. Kif jirriżulta mill-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, l-unika mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak ta’ meta seħħ l-avveniment li jikkawża d-dannu.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 297 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali għandha tapplika r-Regolament unikament għal fatti, li jkunu kkawżaw danni, li seħħew mill-11 ta’ Jannar 2009, u li d-data tal-bidu tal-proċedura għall-kumpens kif ukoll dik dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli mill-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża ma għandhomx rilevanza għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 864/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) moqrija flimkien mal-Artikolu 297 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali għandha tapplika r-Regolament unikament għal fatti, li jkunu kkawżaw danni, li seħħew mill-11 ta’ Jannar 2009, u li d-data tal-bidu tal-proċedura għall-kumpens kif ukoll dik dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli mill-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża ma għandhomx rilevanza għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top