EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0392

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tad-19 ta' Jannar 2012.
Suiker Unie GmbH - Zuckerfabrik Anklam vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
Regolament (KE) Nru 800/1999 - Artikolu 15(1) u (3) - Prodotti Agrikoli - Sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni - Rifużjoni differenzjata fuq l-esportazzjoni - Kundizzjonijiet għall-għoti - Importazzjoni tal-prodott fl-Istat terz ta’ destinazzjoni - Ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni.
Kawża C-392/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:23

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Jannar 2012 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 800/1999 — Artikolu 15(1) u (3) — Prodotti agrikoli — Sistema ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Ħlas lura differenzjat fuq l-esportazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Importazzjoni tal-prodott fl-Istat terz ta’ destinazzjoni — Ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni”

Fil-Kawża C-392/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

Suiker Unie GmbH — Zuckerfabrik Anklam

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Levits, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, J.-J. Kasel u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Suiker Unie GmbH — Zuckerfabrik Anklam, minn P. N. Söhngen, Rechtsanwältin,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Rossi u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2003, tal-11 ta’ Marzu 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 38, p. 301, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 800/1999”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Ġermaniża Suiker Unie GmbH — Zuckerfabrik Anklam (iktar ’il quddiem “Suiker Unie”), suċċessur legali ta’ DANISCO Zucker GmbH (iktar ’il quddiem “Danisco Zucker”), u l-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (Uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Hamburg-Jonas, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar talba għar-rimbors ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni li dan tal-aħħar kien ta lil Danisco Zucker fil-forma ta’ pagament bil-quddiem.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KEE) Nru 3665/87

3

L-Artikolu 17(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jipprovdi regoli komuni ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), jipprovdi li prodott agrikolu li għalih l-għoti ta’ ħlas lura differenzjat fuq l-esportazzjoni jkun mitlub “huwa kkunsidrat bħala importat meta l-formalitajiet doganali ta’ tpoġġija għall-konsum fil-pajjiż terz ikunu twettqu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Ir-Regolament Nru 800/1999

4

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 800/1999, li ssostitwixxa r-Regolament Nru 3665/87, jipprovdi fis-sbatax-il premessa tiegħu li “għandha tingħata prova li l-prodott ikkonċernat ikun ġie importat f’pajjiż terz; [...] t-tkomplija tal-formalitajiet doganali ta’ l-importazzjoni tikkonsisti prinċipalment fil-pagament tad-dazji ta’ l-importazzjoni applikabbli sabiex prodott jiġi promoss fil-pajjiż terz ikkonċernat”.

5

L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jipprovdi hekk:

“1.   Il-prodotti għandhom jiġu mportati fl-istat mhux mibdul tagħhom, f’pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li dwarhom japplikaw ir-rifużjonijiet [ħlasijiet lura], fi żmien 12-il xahar mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni, estenzjoni għal dan il-limitu jista’ jingħata skond l-Artikolu 49.

2.   Il-prodotti għandhom jiġu meqjusa bħala li kienu ġew importati fl-istat mhux mibdul tagħhom jekk ma jkun hemm l-ebda evidenza ta’ proċessar.

B’dana kollu:

[…]

il-prodotti pproċessati qabel l-importazzjoni għandhom jiġu meqjusa li kienu ġew impurtati fl-istat mhux mibdul tagħhom basta li l-proċessar iseħħ f’pajjiż terz li fih il-prodotti kollha li jirriżultaw minn ipproċessar bħal dak ikunu importati.

3.   Prodott għandu jiġi meqjus li kien ġie importat meta l-formalitajiet doganali ta’ l-importazzjoni, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-ġbir tad-dazji ta’ l-importazzjoni jkunu ġew imwettqa.

[…]”

6

L-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi hekk kif ġej:

“1.   Prova li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni jkunu ġew imwettqa għandha, skond ma jagħżel l-esportatur, tkun provduta b’wieħed minn dawn id-dokumenti segwenti:

a)

id-dokument doganali jew kopja jew foto-kopja tiegħu; [...]

b)

ċertifikat tal-ħatt jew importazzjoni mfassal [...] skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness VI, il-Kapitolu III, li juża l-mudell stabbilit fl-Anness VII; id-data u n-numru tad-dokument doganali għandhom jidhru fuq iċ-ċertifikat ikkonċernat.”

7

L-Anness VI, Kapitolu III, tal-imsemmi regolament jipprovdi fil-punt 2 tiegħu, b’mod partikolari, li ċ-ċertifikati ta’ ħatt u ta’ importazzjoni previsti fl-Artikolu 16(1)(b) ta’ dan ir-regolament isemmi wkoll “il-verifika lil-merkanzija tkun ġiet rilaxxata fid-dawl tal-importazzjoni definittiva tagħhom”.

8

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 800/1999, kontenut fit-Taqsima 3 tiegħu, intitolat “Miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità”, tat-Titolu II, Kapitolu 1, ta’ dan ir-regolament, jipprovdi:

“1.   Meta:

(a)

ikun hemm dubju serju rigward id-destinazzjoni vera tal-prodott;

jew

(b)

minħabba d-differenza bejn l-ammont tar-rifużjonijiet fuq il-prodott esportat u l-ammont tad-dazju ta’ importazzjoni mhux-preferenzjali applikabbli fuq prodott identiku fid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni, il-prodott jista’ jiġi impurtat mill-ġdid fil-Komunità,

jew

(ċ)

ikun hemm suspetti serji li l-prodott, fl-istat mhux mibdul tiegħu jew wara li jkun ġie pproċessat f’pajjiż terz, ikun ġie impurtat mill-ġdid fil-Komunità mingħajr dazju jew b’rata ta’ dazju mnaqqas; ir-rata waħdanija tar-rifużjonijiet jew tal-parti tar-rifużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(2) għandha titħallas biss jekk il-prodott ikun ħalla t-territorju doganali tal-Komunità skond l-Artikolu 7, u,

i)

fil-każ ta’ rifużjonijiet mhux-differenzjati, il-prodott ikun ġie impurtat f’pajjiż terz ma’ tul it-12-il xahar li jsegwu d-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni jew li jkun għadda minn proċessar jew xogħol sostanzjali ma’ tul dan il-perijodu skond l-Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 [tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02, Vol. 04, p. 307, iktar ’il quddiem il-‘Kodiċi Doganali’)];

ii)

fil-każ ta’ rifużjonijiet differenzjati skond id-destinazzjoni, il-prodott ikun ġie impurtat fl-istat mhux mibdul tiegħu f’pajjiż terz speċifiku fi żmien it-12-il xahar mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni.

L-Artikoli 15 u 16 għandhom japplikaw għall-importazzjoni f’pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jitolbu evidenza addizzjonali għar-rifużjonijiet kollha li jagħtu prova għas-sodisfazzjon tagħhom li l-prodott ikun attwalment tqiegħed fuq is-suq fil-pajjiż terz ta’ l-importazzjoni jew li jkun għadda minn proċessar jew xogħol sostanzjali skond l-Artikolu 24 tal-[Kodiċi Doganali].

[...]

4.   Il-paragrafu 1 għandu jkun applikabbli qabel ma jkunu tħallsu r-rifużjonijiet.

B’dana kollu, ir-rifużjonijiet għandhom ikunu meqjusa bħala li m’humiex iġġustifikati u għandhom jitħallsu lura jekk ukoll wara li r-rifużjonijiet ikunu ġew imħallsa, l-awtoritajiet kompetenti jsibu:

(a)

li l-prodott kien ġie meqrud jew li kien sofra l-ħsara qabel ma ġie mqiegħed fuq is-suq ta’ pajjiż terz jew qabel ma kien sar fuqu xogħol jew proċessar sostanzjali skond l-Artikolu 24 [tal-Kodiċi Doganali] f’pajjiż terz, sa kemm l-esportatur ma’ jkunx jista’ jagħti prova għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet kompetenti li l-esportazzjoni kienet saret taħt kundizzjonijiet ekonomiċi tali li l-prodott seta’ raġonevolment jiġi kummerċjalizzat f’pajjiż terz mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(2);

(b)

li l-prodott kien ġie mqiegħed taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’pajjiż terz, 12-il xahar wara d-data ta’ l-esportazzjoni mill-Komunità, mingħajr ma jkun għadda, f’pajjiż terz, minn xi proċessar jew xogħol sostanzjali skond l-Artikolu 24 [tal-Kodiċi Doganali] u li l-esportazzjoni ma kinitx ġiet imwettqa bħala tranżazzjoni kummerċjali normali;

(ċ)

li l-prodott esportat ikun impurtat mill-ġdid fil-Komunità mingħajr ma jkun għadda minn proċessar jew xogħol sostanzjali fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 24 [tal-Kodiċi Doganali] li d-dazju mhux-preferenzjali fuq l-importazzjoni jkun anqas minn dak tar-rifużjonijiet mogħtija, u li l-esportazzjoni kienet twettqet bħala tranżazzjoni kummerċjali normali;

(d)

li l-prodotti elenkati fl-Anness V jiġu impurtati lura fil-Komunità:

wara li jkunu għaddew minn xogħol jew proċessar f’pajjiż terz mingħajr ma jkunu akkwistaw il-livell tal-proċessar previst fl-Artikolu 24 [tal-Kodiċi Doganali], u

ikollhom dazji ta’ importazzjoni mnaqqsa jew dazju ta’ importazzjoni b’rata żero u mhux rata preferenzjali.

[...]”

Il-kodiċi doganali

9

L-Artikolu 24 tal-kodiċi doganali jipprovdi:

“Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2003, Danisco Zucker iddikjarat l-esportazzjoni lejn il-Litwanja ta’ 23 000 kilogramma ta’ zokkor abjad u talbet li l-Hauptzollamt jagħtiha għal dan il-għan ħlas lura fuq l-esportazzjoni taħt il-forma ta’ pagament bil-quddiem. Din tal-aħħar laqgħet din id-domanda permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2003.

11

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Awwissu 2003, Danisco Zucker bagħtet lil Hauptzollamt dokumenti doganali Litwani li jirrigwardaw l-esportazzjoni kontenzjuża li tirrigwarda l-kaxxa 37 tal-kodiċi 5100, li tikkorrispondi ma’ “ammissjoni temporanja b’esportazzjoni mill-ġdid fil-forma ta’ prodott kumpensatur” mingħajr ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni. Fil-Litwanja, iz-zokkor abjad jiġi ttrasformat f’soft drinks, imbagħad esportat lejn il-Latvja u l-Estonja.

12

Permezz ta’ deċiżjoni ta’ modifika tal-25 ta’ Novembru 2003, il-Hauptzollamt talab lil Danisco Zucker tirrimborsa l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni mogħti fil-forma ta’ pagament imħallas bil-quddiem, biż-żieda ta’ 10 %, jiġifieri total ta’ EUR 12 180.18, peress li z-zokkor abjad ma kienx tpoġġa fis-suq fil-Litwanja u li, konsegwentement, il-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ ħlas lura differenzjat ma kinux sodisfatti.

13

Wara li proċedura ta’ oppożizzjoni ma kellhiex suċċess, Danisco Zucker ippreżentat, fit-2 ta’ Novembru 2007, rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg. Hija sostniet li, jekk, b’mod konformi mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 800/1999, il-prodott għandu jiġi importat fl-Istat fil-pajjiż terz, madankollu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-imsemmi prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala importat meta l-formalitajiet doganali ta’ importazzjoni u b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ġbir tad-dazji fuq l-importazzjoni fil-pajjiż terz ikunu twettqu. Skont din, jekk l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 3665/87 kien diġà ddispona li l-prodott kien biss ikkunsidrat importat wara t-twettiq tal-formalitajiet doganali tat-tpoġġija fis-suq fil-pajjiż terz ikkonċernat, ikun hemm lok li jiġi konkluż li, sa fejn l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 800/1999 ma jipprovdix għal “tpoġġija għall-konsum”, il-leġiżlatur Komunitarju kien irrinunzja deliberament għal dan ir-rekwiżit.

14

Danisco Zucker sostniet li peress li t-terminu “importazzjoni” ma kienx definit legalment u l-għan tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni kien li s-suq tal-Unjoni jinħeles mill-prodotti kkonċernati, li huwa importanti huwa biss li l-formalitajiet doganali jkunu rrispettati. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li d-dazji doganali jkunu tħallsu jew le tkun irrilevanti.

15

Fl-aħħar nett, Danisco Zucker oġġezzjonat li s-sistema ta’ rilaxx tal-prodott fil-pajjiż terz ma setgħetx tagħmel differenza, kemm jekk din hija sistema ta’ pproċessar tad-dħul fil-kuntest tas-sistema tal-ħlas lura tad-dazji doganali jew, bħal f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ta’ sistema ta’ sospensjoni tad-dazji. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li kien suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-importazzjoni li l-prodott kien ġie rilaxxat taħt is-sistema tal-ipproċessar tad-dħul fil-kuntest tas-sistema ta’ ħlas lura tad-dazji doganali. Ir-rikorrenti, li sadanittant kienet saret is-suċċessur legali ta’ Danisco Zucker, b’hekk talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta’ modifika tal-25 ta’ Novembru 2003, kif ukoll dik tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-oppożizzjoni tal-1 ta’ Ottubru 2007.

16

Fir-rigward tiegħu, il-Hauptzollamt talab iċ-ċaħda tar-rikors. Huwa sostna li, fil-każ preżenti, iz-zokkor abjad, li kien ġie rilaxxat biss taħt sistema ta’ pproċessar tad-dħul mingħajr ġbir tad-dazji fuq l-importazzjoni, kien jinsab taħt sorveljanza doganali sussegwentement għar-rilaxx u sat-twettiq tal-ipproċessar tad-dħul permezz ta’ esportazzjoni mill-ġdid tal-prodotti kompensaturi. Għal din ir-raġuni, iz-zokkor abjad ma setax ikun impoġġi liberament fis-suq fil-pajjiżi terzi.

17

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Hamburg iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kundizzjoni sabiex tinkiseb rifużjoni differenzjata [ħlas lura differenzjat], li hija rregolata mid-dispożizzjoni stipulata fl-Artikolu 15(1) flimkien mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 800/1999 [...], jiġifieri, it-twettiq tal-formalitajiet doganali tal-importazzjoni, hija sodisfatta meta, fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, wara r-rilaxx taħt il-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul mingħajr ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni, il-prodott ikun għadda minn ipproċessar jew xogħol sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 24 tal-[Kodiċi Doganali] u li l-prodott li jirriżulta minn dan l-ipproċessar jew xogħol kien ġie esportat f’pajjiż terz?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) u (3) tar-Regolament Nru° 800/1999 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni tal-kisba ta’ ħlas lura differenzjat prevista minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri t-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ importazzjoni, hija sodisfatta meta, fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, wara rilaxx taħt is-sistema ta’ pproċessar tad-dħul mingħajr ġbir tad-dazji fuq l-importazzjoni, il-prodott ikun għadda minn “ipproċessar jew xogħol sostanzja” fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali u li l-prodott li jirriżulta minn dan l-ipproċessar jew xogħol ikun ġie esportat f’pajjiż terz.

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “importazzjoni”, hekk kif ġustament issostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma hijiex definita fir-Regolament Nru 800/1999. Konsegwentement, għandha tiġi stabbilita l-portata ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament b’kunsiderazzjoni, minn naħa, tal-għan imfittex mill-ħlas lura msejjaħ “differenzjat” fuq l-esportazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 800/1999.

20

Għal dak li jirrigwarda l-għan tal-ħlasijiet lura differenzjati fuq l-esportazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, dawn għandhom bħala għan li jiftħu jew iżommu miftuħa għall-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea s-swieq tal-pajjiżi terzi kkonċernati, fejn id-differenzjazzjoni tal-ħlas lura hija riżultat tal-volontà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ kull suq ta’ importazzjoni fejn l-Unjoni trid tkun preżenti (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, SGS Belgium et, C-218/09, Ġabra p. I-2373, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-raison d’être tas-sistema ta’ differenzjazzjoni ma tiġix irrispettata jekk sempliċi ħatt fil-pajjiż terz ta’ esportazzjoni tal-merkanzija esportata fi stat tajjeb huwa biżżejjed sabiex jagħti dritt għall-ħlas ta’ ħlas lura (sentenza SGS Belgium et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). Is-sistema ta’ differenzjazzjoni għal kuntrarju teħtieġ, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, li l-prodott inkwistjoni effettivament u definittivament jilħaq is-suq tad-destinazzjoni, fis-sens li dan jista’ jitpoġġa fis-suq. Din is-sistema b’hekk tiddistingwi ruħha mis-sistema ta’ ħlas lura b’rata unika.

22

Ċertament, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 3665/87, li ma huwiex applikabbli fil-każ preżenti, isemmi wkoll speċfikament f’dan ir-rigward, bid-differenza tal-Artikolu 15(1) u (3) tar-Regolament Nru 800/1999, li “l-formalitajiet doganali tat-tpoġġija fis-suq fil-pajjiż terz” għandhom jitwettqu. Madankollu, minn naħa, is-sbatax-il premessa tar-Regolament Nru 800/1999 tipprovdi li t-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ importazzjoni fil-pajjiż terz jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli sabiex il-prodott jista’ jitpoġġa fis-suq tal-pajjiż terz ikkonċernat.

23

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 800/1999 jipprovdi li l-prodott ikkonċernat jista’ jiġi kkunsidrat bħala importat f’pajjiż terz biss jekk il-formalitajiet doganali ta’ importazzjoni “partikolarment dawk li jikkonċernaw il-ġbir tad-dazji ta’ l-importazzjoni jkunu ġew imwettqa”. Fl-aħħar nett, l-Anness VI ta’ dan ir-regolament jipprovdi fil-punt 2 tal-Kapitolu III tiegħu li ċ-ċertifikati tal-ħatt u tal-importazzjoni previst fil-punt (b) tal-Artikolu 16(1), għandhom isemmu wkoll il-verifika li l-merkanzija ġiet rilaxxata mid-dwana “fid-dawl tal-importazzjoni definittiva tagħhom”.

24

Hekk kif jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ma jidhirx li l-leġiżlatur Komunitarju tal-Unjoni, meta adotta l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 800/1999, kien irrinunzja għar-rekwiżit li l-prodott importat għandu jkun definittivament laħaq is-suq tal-pajjiż terz ikkonċernat sabiex ikun jista’ jitpoġġa fis-suq.

25

Issa, għandu jingħad li r-rilaxx ta’ prodott taħt sistema doganali ta’ “ipproċessar tad-dħul” ma jipprovdix għat-tpoġġija fis-suq ta’ dan il-prodott fis-suq tal-pajjiż terz ikkonċernat. Sistema doganali bħal din għandha, għall-kuntrarju, bħala għan li teżenta mid-dazji doganali biss il-merkanziji li huma introdotti fit-territorju nazzjonali biss fuq bażi temporanja, sabiex huma jkunu miftuħa, imsewwija jew ipproċessati, u mbagħad esportati mill-ġdid (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pometon, C-158/08, Ġabra p. I-4695, punt 24).

26

Konsegwentement, l-uniku rilaxx ta’ prodott li għalih ħlas lura differenzjat għall-esportazzjoni ġie mitlub, fil-pajjiż terz ikkonċernat u suġġett għal sistema doganali ta’ “pproċessar tad-dħul”, ma jkunx ikkunsidrat li jammonta għal “importazzjoni” f’dan il-pajjiż terz fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 800/1999.

27

Din il-konklużjoni ma tiġiex ikkontestata minħabba l-fatt li l-prodott ikkonċernat kien is-suġġett ta’ ipproċessar sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali fil-pajjiż terz. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-għażla tas-sistema doganali tal-“ipproċessar tad-dħul” jimplika li la l-prodott stess u lanqas il-prodott kompensatur li jikkontjeniha jkunu mpoġġija fis-suq fil-pajjiż terz ikkonċernat.

28

Lanqas ma hija kkontestata minħabba l-fatt li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 800/1999 tkun f’kontradizzjoni mal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, peress li dan l-aħħar imsemmi artikolu jipprovdi li, f’ċerti każijiet, il-prova tal-ipproċessar sosstanzjali ta’ prodott fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali x’aktarx tneħħi d-dubji fir-rigward tar-rispett tal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

29

Fil-fatt, u hekk kif il-Kummissjoni sostniet, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 800/1999 ifittex, bħala klawżola kontra l-abbuż, għan ieħor minn dak tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament. L-imsemmi Artikolu 20 jippermetti li tiġi pprevenuta talba ta’ rimbors mhux ġustifikata ta’ ħlas lura diġà ġustament mogħtija, iżda dan ma joħloqx kundizzjonijiet ġodda jew anki differenti sabiex jinkiseb ħlas lura fuq l-esportazzjoni. B’hekk, dan ma japplikax fil-każ fejn, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, jidher immedjatament li l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni ma seħħewx.

30

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 15(1) u (3) tar-Regolament Nru 800/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni ta’ kisba ta’ ħlas lura differenzjat prevista minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri, it-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ importazzjoni, ma hijiex sodisfatta meta, fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, wara rilaxx taħt is-sistema ta’ pproċessar tad-dħul mingħajr ġbir tad-dazji fuq l-importazzjoni, il-prodott għadda minn “ipproċessar jew xogħol sostanzjali” fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali u li l-prodott li jirriżulta minn dan l-ipproċessar jew xogħol ġie esportat f’pajjiż terz.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(1) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2003, tal-11 ta’ Marzu 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni ta’ kisba ta’ ħlas lura differenzjat prevista minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri, it-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ importazzjoni, ma hijiex sodisfatta meta, fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, wara rilaxx taħt is-sistema ta’ pproċessar tad-dħul mingħajr ġbir tad-dazji fuq l-importazzjoni, il-prodott għadda minn “ipproċessar jew xogħol sostanzjali” fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u li l-prodott li jirriżulta minn dan l-ipproċessar jew xogħol ġie esportat f’pajjiż terz.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top