EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0271

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-30 ta' Ġunju 2011.
Vereniging van Educatieve en Wetenschappelijke Auteurs (VEWA) vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - il-Belġju.
Direttiva 92/100/KEE - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Self pubbliku - Remunerazzjoni tal-awturi - Dħul adegwat.
Kawża C-271/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:442

Kawża C-271/10

Vereniging van Educatieve en Wetenschappelijke Auteurs (VEWA)

vs

Belgische Staat

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State)

“Direttiva 92/100/KEE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Self pubbliku — Remunerazzjoni tal-awturi — Dħul adegwat”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti — Direttiva 92/100 — Remunerazzjoni tal-awturi fil-każ ta’ self pubbliku

(Direttiva tal-Kunsill 92/100, Artikolu 5(1))

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/100, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, jipprekludi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi sistema li abbażi tagħha r-remunerazzjoni dovuta lill-awturi fil-każ ta’ self pubbliku hija kkalkolata esklużivament skont in-numru ta’ persuni li jisselfu rreġistrati fl-istabbilimenti pubbliċi, abbażi ta’ somma f’daqqa ffissata għal kull persuna li tissellef u fis-sena.

Peress li r-remunerazzjoni tikkostitwixxi l-korrispettiv tad-dannu kkawżat lill-awturi minħabba l-użu tax-xogħlijiet tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, l-iffissar tal-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni ma jistax ikun totalment isseparat mill-elementi li jikkostitwixxu tali dannu. Peress li dan tal-aħħar jirriżulta mis-self pubbliku, jiġifieri mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġetti protetti minn stabbilimenti aċċessibbli għall-pubbliku, l-ammont tar-remunerazzjoni dovuta għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-estent ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, kemm mil-lat tan-numru ta’ persuni li jissellfu rreġistrati kif ukoll mil-lat tan-numru ta’ oġġetti protetti mqegħda għad-dispożizzjoni minn stabbiliment ta’ self pubbliku.

(ara l-punti 37-39, 43 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Direttiva 92/100/KEE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati– Self pubbliku – Remunerazzjoni tal-awturi – Dħul adegwat”

Fil-Kawża C‑271/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

Vereniging van Educatieve en Wetenschappelijke Auteurs (VEWA)

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn D. Šváby, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Vereniging van Educatieve en Wetenschappelijke Auteurs (VEWA), minn Y. Nelissen Grade u S. Verbeke, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn C. Doutrelepont u K. Lemmens, avukati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħlas [remunerazzjoni]” imħallas lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur għas-self pubbliku, imsemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol.  1, p. 120), li sar l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, p. 28).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn Vereniging van Educatieve en Wetenschappelijke Auteurs (VEWA), kontra l-Belgische Staat, dwar id-Digriet Irjali tal-25 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet tal-awturi, tal-artisti, tal-produtturi ta’ fonogrammi u tal-produtturi tal-ewwel iffissar tal-filmijiet għal remunerazzjoni għal self pubbliku (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Is-seba’, l-erbatax, il-ħmistax u t-tmintax-il-premessi tad-Direttiva 92/100 huma fformulati kif ġej:

“Billi x-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi; billi l-possibbiltà biex tassigura dak id-dħul u tirkupra dak l-investiment tista’ tkun biss permezz ta’ protezzjoni legali adekwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati;

[…]

Billi, fejn is-self minn stabbiliment aċċessibbli mill-pubbliku jġib miegħu ħlas ta’ ammont li ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż tat-tħaddim ta’ l-istabbiliment, ma hemmx vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett fit-tifsira ta’ din id-Direttiva;

Billi huwa meħtieġ li jintroduċi arranġamenti li jassiguraw li ħlas [remunerazzjoni] ekwu li ma jitħassarx jinkiseb mill-awturi u artisti […];

[…]

Billi huwa meħtieġ ukoll li ta’ l-anqas jipproteġi d-drittijiet ta’ l-awturi rigward self pubbliku billi jipprovdi għall-arranġamenti speċifiċi; billi, minkejja dan, kull miżura bbażata fuq l-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva għandha tkun konformi mal-liġi tal-Komunità, b’mod partikulari ma’ l-Artikolu 7 tat-Trattat”.

4        L-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 92/100 jippreċiża:

“1.      Skond id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, bla ħsara għall-Artikolu 5, dritt biex jawtorizza jew jipprevjeni l-kiri jew is-self ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur, u materji oħra kif stipulat fl-Artikolu 2(1).

2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "kiri" tfisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett.

3. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "self" ifisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perjodu limitat ta’ żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, meta jsir permezz ta’ stabbilimenti li huma aċċessibbli għall-pubbliku.”

5        Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/100:

“1. Fejn awtur jew artist ikun ittrasferixxa jew assenja d-dritt tal-kiri tiegħu dwar fonogramm jew oriġinal jew kopja ta’ film ta’ fonogramm jew produttur ta’ film, dak l-awtur jew artist għandu jżomm id-dritt li jikseb ħlas [remunerazzjoni] ekwu għall-kirja.”

6        L-Artikolu 5(1) sa (3) tad-Direttiva 92/100 jistabbilixxi:

“1. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dritt esklussiv li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 1 dwar is-self lill-pubbliku, kemm-il darba ta’ l-anqas awturi jiksbu ħlas [remunerazzjoni] għal dan is-self. Stati Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu dan il-ħlas waqt li jikkunsidraw l-għanijiet ta’ promozzjoni kulturali tagħhom.

2. Meta Stati Membri ma japplikawx id-dritt esklussiv ta’ self li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 1 rigward fonogrammi, films u programmi tal-kompjuter, huma għandhom jintroduċu rimunerazzjoni, ta’ l-anqas għall-awturi.

3. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti mill-pagament tal-ħlas imsemmi fil-paragrafi 1 u 2.”

7        Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jassiguraw li ħlas [remunerazzjoni] uniku ekwu jitħallas mill-utent, jekk fonogramm jixxandar għall-finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jassiguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti […]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Il-liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar id-drittijiet tal-awtur u id-drittijiet relatati (Moniteur belge tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19297), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mis-sena 2005 (iktar ’il quddiem il-“liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994”), tittrasponi d-Direttiva 92/100.

9        L-Artikolu 23(1) ta’ din il-liġi jgħid kif ġej:

“L-awtur ma jistax jipprojbixxi s-self ta’ xogħlijiet letterarji, ta’ databases, ta’ xogħlijiet fotografiċi, ta’ partituri ta’ xogħlijiet mużikali, ta’ xogħlijiet sonori u ta’ xogħlijiet awdjoviżivi meta dan is-self huwa organizzat b’għan edukattiv u kulturali minn istituzzjonijiet rikonoxxuti jew organizzati uffiċjalment għal dan il-għan mill-awtoritajiet pubbliċi.”

10      L-Artikolu 47(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“L-artist jew il-produttur ma jistax jipprojbixxi s-self ta’ fonogrammi jew tal-ewwel iffissar tal-filmijiet meta dan is-self huwa organizzat b’għan edukattiv u kulturali minn istituzzjonijiet rikonoxxuti jew organizzati uffiċjalment għal dan il-għan mill-awtoritajiet pubbliċi.”

11      Skont l-Artikolu 62(1) u (2) tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994:

“1.      F’każ ta’ self ta’ xogħlijiet letterarji, ta’ databases, ta’ xogħlijiet fotografiċi jew ta’ partituri ta’ xogħlijiet mużikali fil-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 23, l-awtur u l-editur għandhom dritt għal remunerazzjoni.

2.      Fil-każ ta’ self ta’ xogħlijiet sonori jew awdjoviżivi, fil-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikoli 23 u 47, l-awtur, l-artist u l-produttur għandhom dritt għal remunerazzjoni.”

12      L-Artikolu 63(1) u (3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Wara konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet u mal-kumpanniji ta’ ġestjoni tad-drittijiet, ir-Re jiddetermina l-ammont tar-remunerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 62. […]

[…]

Wara konsultazzjonijiet mal-Komunitajiet, u skont il-każ fuq l-inizjattiva tagħhom, ir-Re jiffissa għal ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti rikonoxxuti jew organizzati mill-awtoritajiet pubbliċi, eżenzjoni jew prezz f’daqqa għal kull self sabiex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 62.

 Id-Digriet Irjali

13      Id-Digriet Irjali jittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/100.

14      L-Artikolu 4(1) u (3) tad-Digriet Irjali jipprovdi kif ġej:

“L-ammont tar-remunerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 62 [tat-30 ta’ Ġunju 1994] tal-liġi huwa ffissat f’daqqa għal [EUR] 1 fis-sena u għal kull persuna adulta rreġistrata fl-istituzzjonijiet ta’ self imsemmija fl-Artikolu 2, sakemm hija tkun għall-inqas isselfet darba waħda matul il-perijodu ta’ referiment.

L-ammont tar-remunerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 62 tal-liġi [tat-30 ta’ Ġunju 1994] huwa ffissat f’daqqa għal [EUR] 0.5 fis-sena u għal kull persuna minuri rreġistrata fl-istituzzjonijiet ta’ self imsemmija fl-Artikolu 2, sakemm hija tkun għall-inqas isselfet darba waħda matul il-perijodu ta’ riferiment.

Meta persuna hija rreġistrata ma’ iktar minn istituzzjoni ta’ self waħda, l-ammont tar-remunerazzjoni huwa dovut biss darba waħda għal din il-persuna.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      VEWA hija kumpannija Belġjana ta’ ġestjoni ta’ drittijiet tal-awtur.

16      Fis-7 ta’ Lulju 2004, VEWA ppreżentat rikors għal annullament quddiem ir-Raad van State (il-Belġju) kontra d-Digriet Irjali.

17      Insostenn tat-talba tagħha, VEWA ssostni b’mod partikolari li l-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali, billi jistabbilixxi remunerazzjoni f’daqqa ta’ EUR 1 fis-sena u għal kull persuna jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/100 li jeżiġu li “ħlas [remunerazzjoni] ekwu” jitħallas għal self jew kirja.

18      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikoli  4(1) u 8(2) tad-Direttiva 92/100 jirreferu għal “ħlas [remunerazzjoni] ekwu” filwaqt li l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jsemmi biss “ħlas [remunerazzjoni]”. Hija żżid li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tinterpreta l-kunċett ta’ “ħlas [remunerazzjoni] ekwu”, imsemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva (sentena tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, C-245/00, Ġabra. p. I-1251), u li tiddeċiedi fuq l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/100, dwar il-possibbiltà li ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti jiġu eżentati mill-obbligu li jħallsu remunerazzjoni (sentenza tas-26 ta’ Ottubru  2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-36/05, Ġabra p. I-10313), hija madankollu qatt ma ddeċidiet fuq il-kunċett ta’ “ħlas” li jinsab fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [92/100], li sar l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2006/115], jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi r-remunerazzjoni bħala ammont f’rata fissa [f’daqqa] ta’ EUR 1 fis-sena għal kull persuna adulta u ta’ EUR 0.5 fis-sena għal minuri?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/100 jipprekludix leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema li abbażi tagħha r-remunerazzjoni dovuta lill-awturi fil-każ ta’ self pubbliku hija kkalkolata esklużivament skont in-numru ta’ persuni li jisselfu rreġistrati fl-istabbilimenti pubbliċi, abbażi ta’ somma f’daqqa ffissata għal kull persuna li tissellef u fis-sena.

21      Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/100, l-awturi għandhom dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu s-self. Madankollu, fir-rigward b’mod iktar partikolari tas-self pubbliku, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/100 jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw minn dan id-dritt esklużiv.

22      Sa fejn l-implementazzjoni ta’ din id-deroga fakultattiva tippreġudika d-dritt esklużiv tal-awturi peress li dawn tal-aħħar jiġu miċħuda mid-dritt tagħhom li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu forma preċiża ta’ self, din il-fakultà hija kkundizzjonata mill-fatt li l-awturi jiksbu remunerazzjoni għal dan is-self.

23      Sabiex jiġu ppreċiżati, qabel kollox, liema huma s-suġġetti li lilhom għandha tiġi mħallsa r-remunerazzjoni dovuta lill-awturi fil-każ ta’ self pubbliku, hemm lok li jiġi enfasizzat li s-self huwa ddefinit fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/100 bħala t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġetti għall-użu, għal perjodu limitat ta’ żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali, meta dan isir permezz ta’ stabbilimenti li huma aċċessibbli għall-pubbliku. Minn din id-definizzjoni u mill-għan ta’ din id-direttiva jista’ jiġi dedott li huwa t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġetti minn stabbilimenti pubbliċi li jirrendi possibbli s-self tagħhom, u mhux is-self effettiv ta’ ċerti oġġetti mill-persuni rreġistrati f’tali stabbilimenti, li jikkostitwixxi l-attività li minnha joriġina l-obbligu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni dovuta lill-awturi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, huma l-korpi li jagħmlu dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni li għandhom iħallsu r-remunerazzjoni dovuta lill-awturi.

24      Din il-konklużjoni hija impliċitament ikkorraborata mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/100 li jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti ta’ self mill-ħlas tar-remunerazzjoni.

25      Sussegwentement, fir-rigward tal-kunċett ta’ remunerazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mir-rekwiżiti, kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma tinvolvi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandu normalment ikollu interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-Komunità Ewropea kollha, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2000, Yiadom, C-357/98, Ġabra p. I-9265, punt 26, u SENA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

26      L-istess japplika fil-kuntest tal-kunċett ta’ “ħlas [remunerazzjoni]” li jinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/100, li ma huwiex iddefinit f’dan tal-aħħar (fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħlas [remunerazzjoni] ekwu” ara, b’analoġija, is-sentenza SENA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

27      Fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol il-kunċett ta’ remunerazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, id-Direttiva 92/100 ma tikkostitwixxix l-uniku strument fil-qasam tal-proprjetà intelletwali u li, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-unità u mill-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, dan il-kunċett ta’ remunerazzjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji stabbiliti mid-direttivi kollha dwar il-proprjetà intelletwali, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

28      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fl-okkażjoni tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kumpens ġust” fil-qasam ta’ riproduzzjoni għal kopja privata kopert mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), li dan il-kumpens huwa intiż sabiex jikkumpensa lill-awturi b’mod adegwat għall-użu tax-xogħlijiet protetti tagħhom imwettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, b’mod li dan għandu jitqies bħala l-korrispettiv tad-dannu subit mill-awtur li jirriżulta mill-att ta’ riproduzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, Ġabra p. I‑10055, punti 39 u  40).

29      Ċertament, fil-kuntest tad-Direttiva 92/100, meta ssir deroga mid-dritt esklużiv tal-awturi, il-leġiżlatur Komunitarju uża l-kelma “ħlas [remunerazzjoni]” minflok il-kelma “kumpens” prevista fid-Direttiva 2001/29. Madankollu, dan il-kunċett ta’ “ħlas [remunerazzjoni]” huwa wkoll intiż sabiex jistabbilixxi kumpens għall-awturi peress li dan isir f’sitwazzjoni komparabbli, peress li x-xogħlijiet kienu użati fil-kuntest ta’ self pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awturi, u b’hekk ġie kkawżat dannu lil dawn tal-aħħar.

30      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/100 isemmi biss “ħlas [remunerazzjoni]” filwaqt li l-Artikolu 4(1) ta’ din l-istess direttiva, relatat mal-kiri, sistematikament jirreferi għal “ħlas [remunerazzjoni] ekwu”. Il-kunċett ta’ “ħlas [remunerazzjoni] ekwu” jidher ukoll fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, dwar ix-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku. Din id-differenza fir-redazzjoni diġà timplika li ż-żewġ kunċetti invokati ma għandhomx jiġu interpretati b’mod identiku.

31      Mit-tmintax-il premessa tad-Direttiva 92/100 jirriżulta wkoll li huwa neċessarju li tiġi prevista sistema speċjali għas-self pubbliku sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-awturi. Għaldaqstant, is-sistema tas-self pubbliku hija magħrufa li hija distinta mis-sistemi l-oħra ddefiniti f’din id-direttiva. L-istess għandu japplika fir-rigward tad-diversi elementi ta’ dawn is-sistemi, inkluż dak intiż għall-kumpens tal-awturi.

32      Fl-aħħar, fir-rigward tal-ammont tar-remunerazzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħlas [remunerazzjoni] ekwu” li jinsab fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, li din ir-remunerazzjoni timplika li n-natura ekwa tagħha tiġi, b’mod partikolari, analizzata fid-dawl tal-valur tal-użu ta’ oġġett protett fl-iskambji ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SENA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

33      Issa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, skont l-Aritkolu 1(3) tad-Direttiva 92/100, is-self ma huwiex ta’ natura ekonomika jew kummerċjali diretta jew indiretta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu ta’ oġġett protett f’każ ta’ self pubbliku ma jistax jiġi analizzat fid-dawl tal-valur tiegħu fl-iskambji ekonomiċi. Għaldaqstant, l-ammont tar-remunerazzjoni jkun neċessarjament iżgħar minn dak li jikkorrispondi għal remunerazzjoni ekwa jew jista’ wkoll jiġi ffissat f’daqqa sabiex jikkumpensa t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ numru ta’ oġġetti protetti inkwistjoni.

34      Fid-dawl ta’ dan, ir-remunerazzjoni li għandha tiġi ffissata għandha tkun tista’ tippermetti lill-awturi, skont kif previst fis-seba’ premessa tad-Direttiva 92/100, jirċievu dħul adegwat. Għaldaqstant, l-ammont tagħha ma jistax ikun purament simboliku.

35      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni dovuta lill-awturi f’każ ta’ self pubbliku, hemm lok li jiġi mfakkar li ma teżisti ebda raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-iffissar mill-qorti Komunitarja ta’ metodi preċiżi ta’ determinazzjoni ta’ remunerazzjoni uniformi li twassal forzament lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi lill-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-Direttiva 92/100 ma timponi ebda kriterju partikolari. Għaldaqstant, huma l-Istati Membri biss li għandhom jiddeterminaw, fit-territorju tagħhom, il-kriterji l-iktar rilevanti sabiex jiżguraw, fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari mid-Direttiva 92/100, l-osservanza ta’ dan il-kunċett Komunitarju (ara, b’analoġija, is-sentenza SENA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

36      F’dan ir-rigward, il-kliem tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/100 jirriżerva marġni ta’ diskrezzjoni kbira lill-Istati Membri. Fil-fatt, dawn jistgħu jiffissaw l-ammont tar-remunerazzjoni dovuta lill-awturi fil-każ ta’ self pubbliku abbażi tal-għanijiet tagħhom ta’ promozzjoni kulturali.

37      Madankollu, peress li r-remunerazzjoni tikkostitwixxi, hekk kif ikkonstatat fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, il-korrispettiv tad-dannu kkawżat lill-awturi minħabba l-użu tax-xogħlijiet tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, l-iffissar tal-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni ma jistax ikun totalment isseparat mill-elementi li jikkostitwixxu tali dannu. Peress li dan tal-aħħar jirriżulta mis-self pubbliku, jiġifieri mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġetti protetti minn stabbilimenti aċċessibbli għall-pubbliku, l-ammont tar-remunerazzjoni dovuta għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-estent ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni.

38      Għaldaqstant, iktar ma jkun kbir in-numru ta’ oġġetti protetti mqegħda għad-dispożizzjoni minn stabbiliment ta’ self pubbliku, iktar ikun kbir il-ksur tad-drittijiet tal-awturi. Minn dan jirriżulta li l-ammont tar-remunerazzjoni li għandha titħallas minn tali stabbiliment għandu jieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ oġġetti mqegħda għad-dispożizzjoni lill-pubbliku u li, għaldaqsant, l-istabbilimenti l-kbar ta’ self pubbliku għandhom iħallsu remunerazzjoni ikbar mill-istabbilimenti li huma iżgħar.

39      Barra minn hekk, il-pubbliku kkonċernat, jiġifieri n-numru ta’ persuni li jissellfu rreġistrati fi stabbiliment ta’ self, huwa wkoll rilevanti. Fil-fatt, iktar ma jkun kbir in-numru ta’ persuni li għandhom aċċess għall-oġġetti protetti, iktar ikun kbir il-ksur tad-drittijiet tal-awturi. Minn dan jirriżulta li l-ammont tar-remunerazzjoni li għandha titħallas lill-awturi għandu jiġi ffissat billi jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni n-numru ta’ persuni li jissellfu rreġistrati f’dan l-istabbiliment.

40      Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li s-sistema stabbilita mid-Digriet Irjali tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ persuni li jissellfu rreġistrati fl-istabbilimenti ta’ self pubbliku, iżda mhux in-numru ta’ oġġetti mqegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Għaldaqstant, tali teħid inkunsiderazzjoni ma jieħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-estent tad-dannu subit mill-awturi, u lanqas il-prinċipju li jgħid li dawn tal-aħħar għandhom jirċievu remunerazzjoni ekwivalenti għal dħul adewgwat kif invokat fis-seba’ premessa tad-Direttiva 92/100.

41      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) ta’ dan id-digriet jipprevedi li, meta persuna hija rreġistrata f’diversi stabbilimenti, ir-remunerazzjoni hija dovuta darba waħda biss għal din il-persuna. F’dan ir-rigward, VEWA sostniet, matul is-seduta pubblika, li 80 % tal-istabbilimenti fil-Komunità Franċiża tal-Belġju jsostnu li parti kbira tal-qarrejja tagħhom huma wkoll irreġistrati fi stabbilimenti ta’ self oħra u li, għaldaqstant, dawn il-qarrejja ma humiex ikkunsidrati fil-ħlas tar-remunerazzjoni tal-awtur ikkonċernat.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija sistema tista’ twassal, fil-fatt, sabiex numru ta’ stabbilimenti jiġu kważi eżentati mill-obbligu li jħallsu kull remunerazzjoni. Issa, tali eżenzjoni fil-fatt ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/100, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li biss numru limitat ta’ kategoriji ta’ stabbilimenti potenzjalment obbligati jħallsu remunerazzjoni skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/100 jista’ jkun eżentat minn dan il-ħlas (ara is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

43      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/100 jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema li abbażi tagħha r-remunerazzjoni dovuta lill-awturi fil-każ ta’ self pubbliku hija kkalkolata esklużivament skont in-numru ta’ persuni li jissellfu rreġistrati fl-istabbilimenti pubbliċi, abbażi ta’ somma f’daqqa ffissata għal kull persuna li tissellef u fis-sena.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema li abbażi tagħha r-remunerazzjoni dovuta lill-awturi fil-każ ta’ self pubbliku hija kkalkolata esklużivament skont in-numru ta’ persuni li jissellfu rreġistrati fl-istabbilimenti pubbliċi, abbażi ta’ somma f’daqqa ffissata għal kull persuna li tissellef u fis-sena.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top