EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0182

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Frar 2012.
Marie-Noëlle Solvay et vs Région wallonne.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill- Cour constitutionnelle (il-Belġju).
Evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent — Kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv’ — Valur u portata tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Gwida ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — Awtorizzazzjoni ta’ proġett fl-assenza ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent — Aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali — Portata tad-dritt għal azzjoni legali — Direttiva ‘habitat’ — Pjan jew proġett li jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit — Raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza.
Kawża C-182/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:82

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Frar 2012 ( *1 )

“Evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent — Kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv’ — Valur u portata tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Gwida ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus — Awtorizzazzjoni ta’ proġett fl-assenza ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent — Aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali — Portata tad-dritt għal azzjoni legali — Direttiva ‘habitat’ — Pjan jew proġett li jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit — Raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza”

Fil-Kawża C-182/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ April 2010, fil-proċedura

Marie-Noëlle Solvay et

vs

Région wallonne,

fil-preżenza ta’:

Infrabel SA,

Codic Belgique SA,

Federal Express European Services Inc. (FEDEX),

Société wallonne des aéroports (Sowaer),

Société régionale wallonne du transport (SRWT),

Société Intercommunale du Brabant wallon (IBW),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, K Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M.-N. Solvay et, minn T. Vandenput u M.-L. Giovannelli, avukati,

għall-association des riverains et habitants des communes proches de l’aéroport B.S.C.A. (Brussels South Charleroi Airport) (ARACh) (l-assoċjazzjoni tar-residenti tal-komuni li jinsabu viċin l-ajruport BSCA (Brussels South Charleroi Airport)), minn A. Lebrun, avukat,

għall-association Inter-Environnement Wallonie et, minn J. Sambon, avukat,

għall-association Charleroi South Air Pur et, minn D. Brusselmans, avukat,

għal A. Boxus et, minn L. Misson u A. Kettels, avukati,

għal N. Laloux et, minn L. Dehin, avukat,

għar-Région wallonne, minn F. Haumont, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, J.-B. Laignelot u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 3, 6 u 9 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, konkluża fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”), l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 9 u 10a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitat’”).

2

Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawżi bejn persuni li joqogħdu viċin l-ajruporti ta’ Liège-Bierset u ta’ Charleroi-Bruxelles Sud kif ukoll tal-linja tal-ferrovija Bruxelles-Charleroi, u r-Région wallonne dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ xogħlijiet marbuta ma’ dawn l-installazzjonijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Skont l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, id-definizzjoni mogħtija għall-frażi “awtorità pubblika”“ma tinkludix korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità […] leġiżlattiva”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 3(9) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jipprovdi:

“Fi ħdan il-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-Konvenzjoni, il-pubbliku għandu aċċess għall-informazzjoni, għandu l-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċess deċisiv u għandu aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza, in-nazzjonalità jew id-domiċilju u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni li tirrigwarda l-post fejn din għandha s-sede uffiċjali tagħha jew ċentru effettiv tal-attivitajiet tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 6(9) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jippreċiża li:

“Kull parti għandha tiżgura li, ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni mill-awtorità pubblika, il-pubbliku jiġi informat dwarha immedjatament skont il-proċeduri adegwati. Kull parti għandha tipprovdi lill-pubbliku t-test tad-deċiżjoni flimkien mal-motivazzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jistipula li:

“2.   Kull parti għandha, fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, tiżgura li l-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)

li għandhom interess suffiċjenti, jew inkella,

b)

li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-kodiċi ta’ proċedura amministrattiv ta’ parti teħtieġ dan bħala rekwiżit, ikollhom aċċess għal proċedura ta’ reviżjoni quddiem qorti tal-liġi u/jew xi korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontesta l-legalità, sostantiva u proċedurali ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, fejn ikun hekk previst skont id-dritt intern u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jkun stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern u b’mod konformi mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies li huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-punt (a) hawn fuq. L-imsemmija organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ ksur għall-finijiet tal-punt (b) iktar ’il fuq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jeżentaw l-obbligu li jiġu eżawriti l-proċeduri tar-reviżjoni amministrattiva qabel ma jsir rikors għall-proċeduri tar-reviżjoni ġudizzjarja, fil-każ fejn tali obbligu ikun previst fid-dritt intern.

3.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jipproċedu bi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4.   Barra minn hekk u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inkluż inġunzjonijiet fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu ġusti, ekwi, mingħajr dewmien u ma għandhomx jiswew b’mod li jiġi prekluż l-użu tagħhom. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. Deċiżjonijiet ta’ qrati, u kull fejn possibbli, dawk ta’ korpi oħrajn, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 85/337

7

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, il-kunċett ta’ “proġett” huwa ddefinit bħala li jkopri “l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra” jew “interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali”. Il-kunċett ta’ “kunsens għal żvilupp” [awtorizzazzjoni] huwa ddefinit bħala “id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett”. Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ “pubbliku” u ta’ “pubbliku interessat” huma ddefiniti kif ġej:

“‘il-pubbliku’:

persuna jew iktar naturali [fiżiċi] jew legali [ġuridiċi], u, skond il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

‘il-pubbliku interessat’:

il-pubbliku affettwat jew x’altarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom; għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.”

8

L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali [proġetti adottati fid-dettall b’att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku], ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz ta’ proċess leġislattiv.”

9

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sa biex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. […]”

10

L-Artikolu 5(4) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiżguraw illi kull awtorità li jkollha f’idejha t-tagħrif rilevanti […] għandha tagħmel dan it-tagħrif disponibbli lill-iżviluppatur.”

11

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 85/337 jippreċiża:

“Meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu konċessi jew irrifjutati kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku bihom skond il-proċeduri xierqa u għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku t-tagħrif li ġej:

il-kontenut tad-deċiżjoni u kull kondizzjoni mehmuża magħha,

wara li jkunu eżaminaw it-tħassib u l-opinjonijiet espressi mill-publiku interesst, ir-raġunijiet ewliena u l-konsiderazzjonijiet lifuqhom tkun imsejsa d-deċiżjoni, inkluż it-tagħrif dwar il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku,

deskrizzjoni, fejn meħtieġa, tal-miżuri ewliena sabiex jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti negattivi maġġuri.”

12

L-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

a)

li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament

b)

li jżommu l-indebboliment [jinvokaw il-ksur] ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista [reviżjoni] quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati [kkontestati] d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment [il-ksur] ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġijiet riferiti fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafi (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-orgnizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti [jinkisru] għall-għan tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista [reviżjoni] preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa tal-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista [reviżjoni] amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista [reviżjoni] ġudizzjarja, meta teżisti din il-ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

Sabiex iżidu l-efettività tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jintgħamel tagħif prattiku [informazzjoni prattika tkun magħmula] disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrativi u ġudizzjarji tar-rivista [reviżjoni].”

Id-Direttiva “habitat”

13

Skont l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”:

“3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

Id-dritt nazzjonali

14

L-Artikoli 1 sa 4 tad-Digriet tal-Parlament tar-Région wallonne tas-17 ta’ Lulju 2008 dwar ċerti permessi li għalihom hemm raġunijiet ta’ interess ġenerali (Moniteur belge tal-25 ta’ Lulju 2008, p. 38900), fil-verżjoni inizjali tagħhom, jipprovdu:

“Artikolu 1: Ir-raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali huma akkreditati għall-għoti ta’ permessi ta’ urbaniżmu, permessi ambjentali u permessi uniċi dwar l-atti u x-xogħlijiet li ġejjin:

1°   l-atti u xogħlijiet ta’ żvilupp li jikkonċernaw l-infrastruttura u binjiet ta’ akkoljenza fl-ajruporti reġjonali ta’ Liège-Bierset u ta’ Charleroi-Bruxelles Sud li ġejjin:

a)

fir-rigward tal-ajruport ta’ Liège-Bierset:

l-estensjoni taż-żona tal-merkanzija tat-Tramuntana għall-parkeġġi għall-ajruplani u s-swali futuri tal-merkanzija;

il-bypass u t-taxiway tan-Nofsinhar;

l-implantar tar-raba’ reservoir tal-park tal-petrol;

l-istazzjon tat-TGV għall-merkanzija;

l-estensjoni tal-parkeġġi għall-vetturi fin-Nofsinhar tal-awtostrada;

il-binja futura tal-uffiċini;

b)

fir-rigward tal-ajruport ta’ Charleroi-Bruxelles Sud:

l-estensjoni tar-runway, inkluż il-kostruzzjoni ta’ rampi ta’ aċċess u l-estensjoni tat-taxiway tat-Tramuntana bejniethom;

it-torri ta’ kontroll u r-radar;

l-estensjoni tal-parkeġġi għall-ajruplani;

l-iżvilupp taż-żoni għat-tneħħija tas-silġ;

il-konnessjoni bit-triq R3-ajruport;

it-toroq periferiċi u t-taxiway tan-Nofsinhar;

l-estensjoni tat-terminal tal-ajruport;

l-estensjoni tal-parkeġġ għall-vetturi;

l-istazzjon u l-infrastruttura tal-ferroviji;

2°   bi twettiq tal-ftehim ta’ kooperazzjoni tal-11 ta’ Ottubru 2001 bejn l-Istat Federali, ir-Région flamande, ir-Région wallonne u r-Région ta’ Bruxelles-Capitale dwar il-pjan ta’ investiment pluriannwali 2001-2012 tal-S.N.C.B., l-atti u x-xogħlijiet fit-territorju tar-Région wallonne li huma relatati man-netwerk reġjonali express (RER);

3°   fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-iskema ta’ żvilupp taż-żona reġjonali (it-tielet parti, punt 1.4) adottat mill-Gvern tar-Région wallonne fis-27 ta’ Mejju 1999, l-atti u x-xogħlijiet relatati mal-modi strutturali ta’ trasport komuni għal Charleroi, Liège, Namur u Mons;

4°   il-konnessjonijiet tat-toroq u tax-xmajjar nieqsa fit-territorju tar-Région wallonne tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport imsemmi fid-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li temenda d-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew.

Art. 2. Meta l-atti u x-xogħlijiet elenkati fl-Artikolu 1 jissemmew fl-Artikolu 84 tal-Kodiċi tar-Région wallonne dwar l-Iżvilupp tat-Territorju, tal-Iżvilupp Urban, tal-Patrimonju u tal-Enerġija, il-permess għandu jinħareġ mill-Gvern jew mid-delegat tiegħu skont il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 127 tal-istess Kodiċi, inklużi dawk tal-Artikolu 84(3).

Meta l-atti u x-xogħlijiet elenkati fl-Artikolu 1 jikkonċernaw stabbiliment fis-sens tad-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999 dwar il-permess ambjentali, japplika t-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-imsemmi Digriet.

B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, it-talba għall-permess li l-konferma li din tkun ġiet riċevuta tkun datata, jew il-preżentata tagħha, issir qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet, għandha tiġi pproċessata skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dik id-data.

Art. 3. Sa ħamsa u erbgħin jum mill-għoti tiegħu, il-Gvern għandu jippreżenta lill-Parlament tar-Région wallonne l-permess għal żvilupp urban, il-permess ambjentali jew il-permess uniku li jirrigwarda l-atti u x-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Il-permessi msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament fi żmien ħamsa u erbgħin jum minn meta l-Gvern jirċevihom.

Il-Parlament tar-Région wallonne għandu jirratifika l-permess ippreżentat fi żmien sittin jum li jibdew jiddekorru mill-preżentata tal-fajl tal-permess fl-Uffiċċju Amministrattiv tal-Parlament tar-Région wallonne. Meta l-ebda digriet ta’ ratifika ma jiġi approvat fit-terminu ċċitat iktar ’il fuq, il-permess jitqies bħala li ma nħariġx.

It-termini stabbiliti fl-ewwel u t-tieni paragrafu jiġu sospiżi bejn is-16 ta’ Lulju u l-15 ta’ Awwissu.

Il-permess irratifikat mill-Parlament tar-Région wallonne huwa eżekuttiv sa mid-data tal-pubblikazzjoni tad-digriet fil-Moniteur belge u minn meta l-permess jintbagħat mill-Gvern skont id-dispożizzjonijiet tal-istess Kodiċi jew tad-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999.

Art. 4. Meta talba għal permess tkun tirrigwarda modifika minuri ta’ permess irratifikat mill-Parlament tar-Région wallonne, din it-talba għandha ssegwi r-regoli tad-dritt komuni tal-istess kodiċi jew tal-istess digriet.”

15

L-Artikoli 5 sa 9 tad-Digriet tal-Parlament tar-Région wallonne tas-17 ta’ Lulju 2008 jipprovdu:

“Art. 5. Għandu jiġi rratifikat il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġew akkreditati raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali:

fir-rigward tal-atti u x-xogħlijiet ta’ żvilupp tal-infrastruttura u l-binjiet ta’ akkoljenza f’ajruporti reġjonali, id-Digriet Ministerjali tal-25 ta’ Awwissu 2005 dwar il-permess ambjentali maħruġ lis-SA SAB għall-ajruport ta’ Liège-Bierset.

Art. 6. Għandu jiġi rratifikat il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġew akkreditati raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali:

fir-rigward tal-atti u x-xogħlijiet ta’ żvilupp tal-infrastruttura u l-binjiet ta’ akkoljenza f’ajruporti reġjonali, id-Digriet Ministerjali tat-13 ta’ Settembru 2006 li jawtorizza permess għal żvilupp urban lis-Société régionale wallonne des Transports għall-estensjoni tar-runway tal-ajruport ta’ Liège-Bierset.

Art. 7. Għandu jiġi rratifikat il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġew akkreditati raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali:

fir-rigward tal-atti u x-xogħlijiet ta’ żvilupp tal-infrastruttura u l-binjiet ta’ akkoljenza f’ajruporti reġjonali, il-permess għal żvilupp urban tas-16 ta’ Settembru 2003 maħruġ mill-uffiċjal maħtur mid-Direttorat Ġenerali tal-Iżvilupp tat-Territorju, tal-Akkomodazzjoni u tal-Patrimonju ta’ Charleroi lil SA SOWAER għat-twettiq ta’ xogħlijiet sabiex tissaqqaf it-Tintia u għall-bdil tar-rinforz tal-art fil-parti tal-grigal taż-żona tal-ajruport.

Art. 8. Għandu jiġi rratifikat il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġew akkreditati raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali:

fir-rigward tal-atti u x-xogħlijiet ta’ żvilupp tal-infrastruttura u l-binjiet ta’ akkoljenza tal-ajruporti reġjonali, id-Digriet Ministerjali tal-25 ta’ Lulju 2005 dwar il-permess uniku maħruġ lil SA SOWAER għall-ajruport ta’ Charleroi-Bruxelles Sud (binja tal-ajruport: 3000000 passiġġieri fis-sena), parkeġġi għall-karozzi (1600 parkeġġ fil-livell terran u 1000 parkeġġ f’sulari oħra), trejqiet ta’ aċċess għal dawn il-parkeġġi, rampi aeronawtiċi, parkeġġi għall-ajruplani marbuta mat-terminal tal-ajruport, impjant tat-trattament tal-ilma, binjiet tekniċi, park tal-petrol (li jaħżen 2420 m3 ta’ kerosin u 30 m3 ta’ karburant għall-vetturi) u ftuħ ta’ toroq lokali ġodda.

Art. 9. Għandu jiġi rratifikat il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġew akkreditati raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali:

fir-rigward tal-atti u xogħlijiet ta’ żvilupp tal-infrastruttura u l-binjiet ta’ akkoljenza f’ajruporti reġjonali, id-Digriet Ministerjali tas-27 ta’ Lulju 2005 dwar il-permess tal-ambjent maħruġ lil SA SOWAER għall-ġestjoni tal-ajruport ta’ Charleroi-Bruxelles Sud.”

16

L-Artikoli 14 sa 17 ta’ dan id-Digriet jipprovdu:

“Art. 14. Għandu jiġi rratifikat il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġew akkreditati raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali:

fir-rigward tan-netwerk reġjonali express kif ukoll fir-rigward tal-binjiet sekondarji, aċċess u servizzi relatati miegħu, id-Digriet Ministerjali tad-9 ta’ Frar 2006 dwar il-permess uniku maħruġ lil S.N.C.B. (kumpannija nazzjonali tal-ferroviji Belġjana) għall-kostruzzjoni u l-ġestjoni tat-tielet u r-raba’ linji tal-ferroviji tal-linja Infrabel 124 Bruxelles-Charleroi fil-komuni ta’ Waterloo, Braine-l’Alleud u Nivelles.

Art. 15. Għandu jiġi rratifikat il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġew akkreditati raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali:

id-digriet Ministerjali tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar il-permess uniku maħruġ lill-impriża intrakomunali IBW għall-kostruzzjoni u l-ġestjoni tal-impjant tat-trattament tal-ilma ta’ Hain ta’ 92 000 EA (ekwivalent ta’ abitanti), fil-komun ta’ Braine-le-Château.

Art. 16. Għandu jiġi rratifikat il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġew akkreditati raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali:

id-digriet Ministerjali tas-7 ta’ Lulju 2008 dwar il-permess ambjentali maħruġ lil SA Codic Belgique li jirrigwarda l-ġestjoni ta’ ċentru amministrattiv u ta’ taħriġ li jinkludi diversi installazzjonijiet tekniċi fi proprjetà li tinsab fl-indirizz 135, chaussée de Bruxelles, La Hulpe.

Art. 17. Għandu jiġi rratifikat il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġew akkreditati raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali:

id-digriet ministerjali tal-4 ta’ Ġunju 2008 dwar il-permess għal żvilupp urban maħruġ lil SA Codic Belgique li jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ ċentru amministrattiv u ta’ taħriġ li jinkludi diversi installazzjonijiet tekniċi fi proprjeta li tinsab fl-indirizz 135, chaussée de Bruxelles, La Hulpe.”

17

Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta essenzjalment li l-Conseil d’État għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi fuq ir-rikorsi għal annullament kontra atti amministrattivi u fuq ir-regolamenti tal-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll kontra atti amministrattivi tal-assembleji leġiżlattivi jew tal-korpi tagħhom.

18

Min-naħa l-oħra, ma għandux ġurisdizzjoni li jiddeċiedi dwar rikorsi ppreżentati kontra atti ta’ natura leġiżlattiva.

19

Ir-ratifika, permezz ta’ digriet tal-Parlament tar-Région wallonne, ta’ permessi ta’ kostruzzjoni u ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ xogħol tagħti lil dawn tal-aħħar valur leġiżlattiv. Konsegwentement, il-Conseil d’État ma għandux ġurisdizzjoni li jiddeċiedi dwar rikorsi għal annullament ippreżentati kontra dawn l-atti rratifikati, li jistgħu biss jiġu kkontestati quddiem il-Cour constitutionnelle, u li quddiemha, madankollu, jistgħu biss jiġu invokati ċerti motivi.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

20

Tressqu għadd ta’ rikorsi quddiem il-Cour constitutionnelle għall-annullament tad-Digriet tal-Parlament tar-Région wallonne tas-17 ta’ Lulju 2008 li “rratifika” permessi għall-kostruzzjoni li jirrigwardaw diversi xogħlijiet marbuta mal-ajruport ta’ Liège-Bierset, ma’ dak ta’ Charleroi-Bruxelles Sud u mal-linja tal-ferrovija Bruxelles-Charleroi, jiġifieri li huwa approvahom minħabba “raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali”.

21

Barra minn hekk, il-Cour constitutionnelle hija adita minn xi domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État li jirrigwardaw il-legalità tal-imsemmi digriet. Iktar kmieni, il-Conseil d’État kien diġà ġie mistoqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dan l-istess digriet mad-dritt tal-Unjoni u mal-Konvenzjoni ta’ Århus, u dwar dan is-suġġett kien ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal deċiżjoni preliminari li kienu s-suġġett tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et (C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

22

Bħala riżultat ta’ dan l-att leġiżlattiv, l-imsemmija permessi għall-kostruzzjoni lanqas ma setgħu jiġu kkontestati quddiem il-Conseil d’État, iżda biss quddiem il-Cour constitutionnelle, u għal motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ konformità man-normi li l-istħarriġ tagħhom jaqa’ f’idejn din il-qorti.

23

Għalhekk, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju qiegħda tintalab, b’mod partikolari, sabiex tiddeċiedi dwar jekk id-digriet ikkontestat jistax ineħħi l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni mill-istħarriġ tal-Conseil d’État sabiex jissuġġettahom għall-istħarriġ tal-Cour constitutionnelle, peress li din ma tagħtix il-possibbiltajiet għal rikors estiżi daqs kemm huma possibbli quddiem il-Conseil d’État. Billi għamel hekk, il-leġiżlatur kiser il-Kostituzzjoni tal-Belġju moqrija flimkien mal-Artikoli 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus kif ukoll flimkien mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337.

24

Huwa f’dan il-kuntest li l-Cour constitutionnelle iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 2(2) u 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus […] għandhom jiġu interpretati skont il-kjarifiki mogħtija mill-Gwida ta’ Applikazzjoni għal din il-Konvenzjoni?

2)

a)

L-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija Konvenzjoni atti leġiżlattivi bħall-permessi urbani jew ambjentali mogħtija skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Digriet [tal-Parlament tar-Région wallonne] tas-17 ta’ Lulju 2008 […]?

b)

L-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija Konvenzjoni atti leġiżlattivi bħar-ratifiki tal-permessi urbani jew ambjentali li jinsabu fl Artikolu 5 sa 9 u 14 sa 17 tal-imsemmi digriet?

c)

L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva atti leġiżlattivi bħall-permessi urbani jew ambjentali mogħtija skont il-proċedura stabbilita bl-Artikoli 1 sa 4 tal-imsemmi digriet?

d)

L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva atti leġiżlattivi bħar-ratifiki tal-permessi urbani jew ambjentali li jinsabu fl-Artikoli 5 sa 9 u 14 sa 17 tal-imsemmi digriet?

3)

a)

L-Artikoli 3(9) u 9(2),(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu proċedura, bħal dik stabbilita fl-Artikoli 1 sa 4 tal-istess digriet, li taħtha l-leġiżlatur tad-digriet jagħti permessi urbani u ambjentali li jiġu ppreparati minn awtorità amministrattiva u jistgħu jkunu kkontestati biss b’rikorsi speċifikati [fid-deċiżjoni tar-rinviju] quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u l-qrati ordinarji?

b)

L-Artikolu 3(9) u 9(2),(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi bħar-ratifiki retroattivi li jinsabu fl-Artikoli 5 sa 9 u 14 sa 17 tal-imsemmi digriet, li jistgħu jkunu kkontestati biss b’rikorsi speċifikati [fid-deċiżjoni tar-rinviju] quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u l-qrati ordinarji?

4)

a)

L-Artikolu 6(9) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 85/337 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu proċedura, bħal dik stabbilita fl-Artikoli 1 sa 4 tal-imsemmi digriet, li taħtha digriet li jagħti permessi urbani jew ambjentali ma għandux huwa stess ikun fih l-elementi kollha li bihom jista’ jsir kontroll li dawn il-permessi huma bbażati fuq verifika xierqa minn qabel, magħmula skont ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tad-Direttiva 85/337 […]?

b)

L-Artikolu 6(9) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-Artikolu 9(1) tad Direttiva [‘habitat’] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi bħar-ratifiki li jinsabu fl-Artikoli 5 sa 9 u 14 sa 17 tal-imsemmi digriet, li ma fihomx huma stess l-elementi kollha li bihom jista’ jsir kontroll li dawn il-permessi huma bbażati fuq verifika xierqa minn qabel, magħmula skont ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tad-Direttiva 85/337 […]?

5)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘habitat’] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti awtorità leġiżlattiva li tapprova proġetti bħal dawk imsemmija fl-Artikoli 16 u 17 tal-istess digriet, minkejja li l-istudju tal-effetti imwettaq f’dan is-sens kien ġie meqjus inkomplet mill-Kunsill tal-Istat, li ddeċieda skont il-proċedura ta’ urġenza estrema, u li l-istess studju huwa kontradett minn Opinjoni tal-awtorità tal-Reġjun tal-Wallonie [Région wallonne] responsabbli mill-ġestjoni ekoloġika fl-ambjent naturali?

6)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija negattiva, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva [‘habitat’] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi kkunsidrata bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku l-kisba ta’ infrastruttura iddestinata li tospita ċ-ċentru amministrattiv ta’ kumpannija privata u li takkomoda numru kbir ta’ ħaddiema?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 2(2) u 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus għandhomx jiġu interpretati b’mod konformi mal-preċiżazzjonijiet mogħtija fil-Gwida ta’ Applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

26

Mit-test ta’ din il-Gwida, u b’mod partikolari, mill-ispjegazzjonijiet li hemm inklużi fih bit-titolu “Kif tuża l-Gwida” jirriżulta li dan id-dokument, li huwa redatt minn esperti internazzjonali, għandu l-għan biss li jagħti analiżi tal-Konvenzjoni ta’ Århus sabiex jippermetti lill-qarrejja tiegħu li “jieħdu idea dwar x’inhi l-konvenzjoni u dwar x’din tista’ tfisser fil-prattika”.

27

Minkejja li l-Gwida ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus tista’ għaldaqstant titqies li hija dokument ta’ spjegazzjoni, li jista’, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra rilevanti, għall-interpretazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, l-analiżi inklużi fih ma għandhom ebda saħħa obbligatorja u ma għandhomx il-portata normattiva mehmuża mal-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus.

28

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, minkejja li għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2) u 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus huwa plawżibbli li l-Gwida ta’ Applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni, madankollu iżda, din ma għandha l-ebda saħħa obbligatorja u ma għandhiex il-portata normattiva mehmuża mal-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus.

Fuq it-tieni domanda

29

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li fir-rigward tagħha għandhom jiġu eżaminati is-suddiviżjonijiet kollha tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li att, bħalma huwa d-digriet tal-Parlament tar-Région wallonne tas-17 ta’ Lulju 2008, li “jirratifika”, billi jagħtihom valur leġiżlattiv, permessi urbani, ambjentali jew ta’ xogħlijiet, maħruġa minn qabel mill-awtorità amministrattiva, li fir-rigward tagħhom huwa ddikjarat li “jeżistu raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali”, huwa eskluż mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ din il-konvenzjoni u ta’ din id-direttiva.

30

Mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li, meta l-għanijiet ta’ din id-direttiva jintlaħqu permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, inkluż l-għan tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni, din id-direttiva ma tapplikax għall-proġett ikkonċernat (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/97, Ġabra p. I-6917, punt 51, kif ukoll Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

31

Din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-esklużjoni ta’ proġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, għal żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni teżiġi li l-proġett jiġi adottat fid-dettall permezz ta’ att leġiżlattiv speċifiku. Skont it-tieni kundizzjoni, l-għanijiet ta’ din id-direttiva, inkluż dak tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni, għandhom jintlaħqu permezz ta’ proċedura leġiżlattiva (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 57, kif ukoll Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

32

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, din timplika qabelxejn li l-proġett jiġi adottat b’att leġiżlattiv speċifiku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċetti ta’ “proġett” u ta’ “kunsens għal żvilupp” [awtorizzazzjoni] huma ddefiniti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337. Għalhekk, sabiex jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva, att leġiżlattiv li jadotta proġett għandu jkun speċifiku u jkollu l-istess karatteristiċi bħal tali awtorizzazzjoni. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq il-proġett (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq WWF et, punt 58, kif ukoll Boxus et, punt 38).

33

Barra minn hekk, il-proġett għandu jiġi adottat fid-dettall, jiġifieri b’mod suffiċjentement preċiż u definittiv, b’tali mod li l-att leġiżlattiv li jadottah għandu jinkludi, bħall-awtorizzazzjoni, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur, l-elementi rilevanti kollha tal-proġett fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, WWF et, punt 59, kif ukoll Boxus et, punt 39). Għalhekk, l-att leġiżlattiv għandu juri li l-għanijiet tad-Direttiva 85/337 intlaħqu fir-rigward tal-proġett ikkonċernat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Linster, punt 56, kif ukoll Boxus et, punt 39).

34

Minn dan jirriżulta li att leġiżlattiv ma jistax jiġi kkunsidrat li jadotta proġett fid-dettall, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, meta dan ma jkunx jinkludi l-elementi neċessarji għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent jew meta dan ikun jeħtieġ l-adozzjoni ta’ atti oħra sabiex jagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq il-proġett (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq WWF et, punt 62, Linster, punt 57, kif ukoll Boxus et, punt 40).

35

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li l-għan essenzjali ta’ din tal-aħħar huwa li jiġi ggarantit li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, id-daqs jew il-lokalità tagħhom, għandhom, qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Linster, punt 52, kif ukoll Boxus et, punt 41).

36

Barra minn hekk, is-sitt premessa tad-Direttiva 85/337 tippreċiża li l-evalwazzjoni għandha ssir abbażi tal-informazzjoni xierqa pprovduta mill-iżviluppatur, u eventwalment ikkompletata mill-awtoritajiet u mill-pubbliku li jistgħu jkunu interessati mill-proġett (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq WWF et, punt 61; Linster, punt 53, kif ukoll Boxus et, punt 42).

37

Sussegwentement, il-leġiżlatur għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-mument tal-adozzjoni tal-proġett, informazzjoni suffiċjenti. Mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 85/337 u mill-Anness IV tagħha jirriżulta li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-iżviluppatur għandha tinkludi minn tal-inqas deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar il-lokazzjoni, id-disinn u d-daqs tiegħu, deskrizzjoni tal-miżuri maħsuba sabiex jiġu evitati u jitnaqqsu l-effetti negattivi sinifikanti u, jekk huwa possibbli, li jiġu rrimedjati, kif ukoll l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Linster, punt 55, kif ukoll Boxus et, punt 43).

38

Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proċeduri ta’ approvazzjoni ta’ pjan f’fażijiet differenti, id-Direttiva 85/337 ma tipprekludix li l-istess proġett jiġi approvat b’żewġ atti tad-dritt nazzjonali, li flimkien jikkostitwixxu kunsens għal żvilupp [awtorizzazzjoni] fis-sens tal-Artikolu 1(2) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-508/03, Ġabra p. I-3969, punt 102). Konsegwentement, waqt l-adozzjoni tal-att finali ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, il-leġiżlatur jista’ jibbenefika mill-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva minn qabel (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

39

Madankollu, l-eżistenza ta’ tali proċedura amministrattiva ma jistax ikollha bħala konsegwenza li proġett jitqies bħala li ġie adottat fid-dettall b’att leġiżlattiv speċifiku, skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, jekk dan l-att leġiżlattiv ma jissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 31 tas-sentenza preżenti. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 45 tas-sentenza Boxus et, att leġiżlattiv li sempliċement “jirratifika” att amministrattiv li jeżisti diġà, billi jillimita ruħu li jesponi biss ir-raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali mingħajr ma jagħti bidu, minn qabel, għal proċedura leġiżlattiva fil-fond li tippermetti li jiġu osservati l-imsemmija kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att leġiżlattiv speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi proġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337.

40

B’mod partikolari, att leġiżlattiv adottat mingħajr ma l-membri tal-korp leġiżlattiv ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni msemmija fil-punt 37 tas-sentenza preżenti, ma jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

41

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx osservati. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u b’mod partikolari, l-atti preparatorji u d-dibattiti Parlamentari (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

42

Din is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, tista’ tiġi applikata fir-rigward tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 2(2) ta’ din il-konvenzjoni għandu essenzjalment kontenut simili għal dak tal-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-ebda motiv li jista’ jinsilet mis-suġġett jew mil-portata tal-Konvenzjoni ta’ Århus ma huwa ta’ natura li jostakola lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tapplika, sabiex issir interpretazzjoni tal-istipulazzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, l-interpretazzjoni li hija adottat għad-dispożizzjonijiet simili tad-Direttiva 85/337.

43

Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma esklużi mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn it-testi biss dawk il-proġetti adottati fid-dettall b’att leġiżlattiv speċifiku, b’mod li l-għanijiet tal-imsemmija testi jintlaħqu bil-proċedura leġiżlattiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ġew osservati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u b’mod partikolari l-atti preparatorji u d-dibattiti Parlamentari. F’dan ir-rigward, att leġiżlattiv li sempliċement “jirratifika” att amministrattiv li jeżisti diġà, billi jillimita ruħu li jesponi biss ir-raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali mingħajr ma jagħti bidu, minn qabel, għal proċedura leġiżlattiva fil-fond li tippermetti li jiġu osservati l-imsemmija kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att leġiżlattiv speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi proġett mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ din il-konvenzjoni u ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tielet domanda

44

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li fir-rigward tagħha għandhom jiġu eżaminati is-suddiviżjonijiet kollha tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li d-dritt għal twettiq ta’ proġett li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jingħata permezz ta’ att leġiżlattiv li kontra tiegħu ma hemm ebda rikors ġurisdizzjonali fid-dritt nazzjonali, quddiem qorti jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi, li jippermetti li dan l-att jiġi kkontestat fuq il-mertu u fuq il-proċedura.

45

Mill-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 9 tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li la din il-konvenzjoni u lanqas din id-direttiva ma japplikaw għall-proġetti adottati permezz ta’ att leġiżlattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 31 tas-sentenza preżenti (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

46

Għall-proġetti l-oħra, jiġifieri għal dawk adottati kemm b’att li ma huwiex ta’ natura leġiżlattiva, kif ukoll b’att leġiżlattiv li ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, mill-kliem stess tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li l-Istati għandhom jipprovdu l-possibbiltà ta’ azzjoni legali li tippermetti li jiġu kkontestati, quddiem qorti ġurisdizzjonali jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi, il-legalità, kemm fuq il-mertu kif ukoll fuq il-proċedura, tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tal-omissjonijiet li jaqgħu, rispettivament, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Århus jew tad-Direttiva 85/337 (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

47

Bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali tagħhom u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ flessibbiltà fl-implementazzjoni tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337. Hija r-responsabbiltà tagħhom, b’mod partikolari, li jiddeterminaw liema qorti jew liema korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi għandu ġurisdizzjoni jiddeċiedi dwar l-azzjonijiet legali msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet u skont liema modalitajiet proċedurali, sakemm id-dispożizzjonijiet imsemmija ikunu ġew osservati (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

48

Madankollu, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Århus u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jitilfu kull effett utli tagħhom jekk is-sempliċi fatt li proġett li jkun adottat b’att leġiżlattiv ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 31 tas-sentenza preżenti jkollu bħala konsegwenza li jeskludi kull azzjoni legali li biha tista’ tiġi kkontestata l-legalità, kemm fuq il-mertu kif ukoll fuq il-proċedura, fis-sens ta’ dawn it-testi (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

49

Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Århus u mill-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jippresupponu f’dan ir-rigward li, meta proġett li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Århus jew tad-Direttiva 85/337 jiġi adottat b’att leġiżlattiv, il-kwistjoni dwar jekk dan l-att leġiżlattiv jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva u mfakkra fil-punt 31 tas-sentenza preżenti għandu jkollha l-possibbiltà li tkun suġġetta għal stħarriġ, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, minn qorti jew minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

50

Fl-eventwalità fejn ebda azzjoni legali tan-natura u tal-portata mfakkra iktar ’il fuq ma tiġi ppreżentata kontra tali att, hija dik il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża li jkollha, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, teżerċita l-istħarriġ deskritt fil-punt preċedenti u tislet, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi tal-inapplikabbiltà ta’ dan l-att leġiżlattiv (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

51

Fil-każ ineżami, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-digriet tal-Parlament tar-Région wallonne tas-17 ta’ Lulju 2008 ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 u mfakkra fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, u jekk jirriżulta li, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, ebda qorti jew korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi ma għandu ġurisdizzjoni li jistħarreġ il-validità, fir-rigward tal-mertu jew tal-proċedura, ta’ dan id-digriet, allura dan għandu jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Århus u mill-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tapplikah (ara s-sentenza Boxus et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

52

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

meta proġett li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġi adottat b’att leġiżlattiv, il-kwistjoni dwar jekk dan l-att leġiżlattiv jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva għandha tkun suġġetta għal stħarriġ, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, minn qorti jew minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi; u

fis-sitwazzjoni fejn ebda azzjoni legali tan-natura u tal-portata mfakkra iktar ’il fuq ma tiġi ppreżentata kontra tali att, hija dik il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża li jkollha, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, teżerċita l-istħarriġ deskritt fil-punt preċedenti u tislet, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi billi ma tapplikax dan l-att leġiżlattiv.

Fuq ir-raba’ domanda

53

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li fir-rigward tagħha għandhom jiġu eżaminati is-suddiviżjonijiet kollha tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(9) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 85/337 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi li ma fihomx huma stess l-elementi kollha li wasslu għall-adozzjoni tagħhom u li bihom jista’ jsir kontroll li dawn il-permessi ġew adottati wara verifika xierqa minn qabel, magħmula skont ir-rekwiżiti ta’ din il-konvenzjoni u ta’ din id-direttiva.

54

Ġie deċiż li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jeħtieġx li d-deċiżjoni li tikkonkludi li ma huwiex neċessarju li proġett li jaqa’ taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva jkun suġġett għal evalwazzjoni, tinkludi hija stess ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti ddeċidiet li din ma kinitx neċessarja iżda li, fl-ipoteżi fejn persuna interessata titlobha, l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha l-obbligu li tikkomunikalha r-raġunijiet li għalihom din id-deċiżjoni ttieħdet, jew l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti bi tweġiba għat-talba li ġiet ippreżentata (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Mellor, C-75/08, Ġabra p. I-3799, punt 61).

55

Din l-interpretazzjoni tista’ tiġi applikata għall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 85/337.

56

Għalhekk, minkejja li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 85/337 jimponi li, b’mod konformi mal-proċeduri adegwati, il-pubbliku għandu jkun informat bid-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti u dwar ir-raġunijiet li fuqhom din id-deċiżjoni hija bbażata, madankollu ma jirriżultax li d-deċiżjoni fiha nnifisha għandu jkun fiha r-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti ddeċidiet li din kienet neċessarja (ara, b’analoġija, is-sentenza Mellor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

57

Madankollu minn dan jirriżulta li t-terzi persuni, bħal wara kollox l-awtoritajiet amministrattivi interessati, għandhom ikollhom il-possibbiltà li jiżguraw rwieħhom li l-awtorità kompetenti kienet taf, skont id-dispożizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali, li twettqet verifika minn qabel u adegwata b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337 (ara s-sentenza Mellor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

58

Barra minn hekk, il-persuni interessati, bħal wara kollox l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kkonċernati, għandhom ikollhom is-setgħa li jiżguraw l-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-qasam tal-verifika li għandha tagħmel l-awtorità kompetenti, jekk ikun il-każ b’mod ġudizzjarju (ara s-sentenza Mellor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

59

F’dan ir-rigward, l-effiċjenza tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jkun jista’ jikkonċerna l-legalità tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, timplika, b’mod ġenerali, li l-qorti adita bil-kawża tista’ teżiġi li l-awtorità kompetenti tikkomunika dawn ir-raġunijiet. Madankollu, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-każ fejn tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ ukoll li l-persuni interessati jkunu jistgħu jiddefendu dan id-dritt fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli u jingħataw il-possibbiltà li jiddeċiedu, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex utli għalihom li jmorru quddiem il-qorti. Minn dan jirriżulta li, fl-istess ipoteżi, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha l-obbligu li tagħtihom ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażat id-deċiżjoni tagħha, kemm fid-deċiżjoni nnifisha jew inkella f’komunikazzjoni ulterjuri magħmula fuq talba tagħhom (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 15, kif ukoll Mellor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

60

Din il-komunikazzjoni ulterjuri tista’ tieħu l-forma mhux biss ta’ dikjarazzjoni espliċita tar-raġunijiet, iżda wkoll tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti rilevanti bi tweġiba għat-talba ppreżentata (ara s-sentenza Mellor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

61

Minkejja li r-raġunijiet ma għandhomx neċessarjament jiġu inklużi fid-deċiżjoni fiha nnifisha, jibqa’ l-fatt li l-awtorità kompetenti tista’, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jew minn rajha, tindika fid-deċiżjoni r-raġunijiet li fuqhom din hija bbażata (ara s-sentenza Mellor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

62

F’din l-ipoteżi, din id-deċiżjoni għandha tkun tali li tippermetti lill-persuni interessati sabiex iqisu l-opportunità li jippreżentaw azzjoni legali kontra tagħha, fid-dawl, eventwalment, tal-elementi li jistgħu jsiru jafu bihom iktar tard (ara s-sentenza Mellor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

63

Din l-interpretazzjoni tista’ tiġi applikata għall-Artikolu 6(9) tal-Konvenzjoni ta’ Århus. Fil-fatt, minn naħa, din id-dispożizzjoni essenzjalment għandha kontenut simili għal dak tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 85/337. Min-naħa l-oħra, l-ebda raġuni li tista’ tinsilet mis-suġġett jew mill-portata tal-Konvenzjoni ta’ Århus ma tista’ tostakola lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tapplika, għall-interpretazzjoni tal-istipulazzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, l-interpretazzjoni li hija tat għad-dispożizzjonijiet simili tad-Direttiva 85/337.

64

Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(9) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 85/337 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jeżiġux li d-deċiżjoni jkollha, hija stess, ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti ddeċidiet li din kienet neċessarja. Madankollu, fl-ipoteżi fejn persuna interessata tistaqsi għaliha, l-awtorità kompetenti għandha l-obbligu li tikkomunikalha r-raġunijiet li għalihom ittieħdet dik id-deċiżjoni jew l-informazzjoni jew id-dokumenti rilevanti bi tweġiba għat-talba li ġiet ippreżentata.

Fuq il-ħames domanda

65

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lil awtorità leġiżlattiva li tawtorizza pjan jew proġett mingħajr ma tkun żgurat ruħha li dan ma huwiex ser jaffettwa ħażin lill-integrità tas-sit ikkonċernat.

66

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” jipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiggarantixxi li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinifikanti, ikun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx ser jaffettwa ħażin lill-integrità tas-sit (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C-127/02, Ġabra p. I-7405, punt 34).

67

L-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett tista’ tingħata biss bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kisbu ċertezza li dan ma għandux effetti li jikkawżaw ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat. Dan huwa minnu meta ma jibqa’ l-ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tal-assenza ta’ tali effetti (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-239/04, Ġabra p. I-10183, punt 20). Barra minn hekk, huwa fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza t-twettiq tal-proġett li ma għandu jkun baqa’ l-ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tal-assenza ta’ effetti li jikkawżaw ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

68

Barra minn hekk, fir-rigward tas-siti li jistgħu jiġu identifikati bħala li huma ta’ importanza għall-komunità, u b’mod partikolari siti li fihom ikunu jinsabu habitats naturali prijoritarji, l-Istati Membri huma, skont id-Direttiva “habitat”, marbuta li jieħdu miżuri ta’ protezzjoni xierqa, fir-rigward tal-għan ta’ konservazzjoni intiż b’din id-direttiva, sabiex jiġi ssalvagwardjat l-interess ekoloġiku li dawn is-siti għandhom fuq livell nazzjonali (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et, C-117/03, Ġabra p. I-167, punt 30, kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-491/08, punt 30).

69

Dawn l-obbligi jaqgħu fuq l-Istati Membri bis-saħħa tad-Direttiva “habitat” indipendentement min-natura tal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tawtorizza l-pjan jew il-proġett inkwistjoni. L-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, li jsemmi l-“awtoritajiet nazzjonali kompetenti”, ma jipprovdi għal ebda regola partikolari li tikkonċerna l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu approvati minn awtorità leġiżlattiva. Għaldaqstant, tali kwalità ma tinfluwenzax fuq il-firxa jew fuq il-portata tal-obbligi li jaqgħu fuq l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”.

70

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix li awtorità nazzjonali, li tkun leġiżlattiva, tawtorizza pjan jew proġett mingħajr ma tkun żgurat ruħha li tali pjan jew proġett ma huwiex ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat.

Fuq is-sitt domanda

71

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitat” għandux jiġi interpretat fis-sens li t-twettiq ta’ infrastruttura ddestinata li tospita ċentru amministrattiv ta’ kumpannija privata tista’ titqies li hija raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza, inkluża dik ta’ tip soċjali jew ekonomika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod li tiġġustifika t-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett li jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat.

72

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitat” jipprovdi li, fl-ipoteżi fejn, minkejja l-konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet vinkolanti ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, u fejn ma tkun teżisti ebda soluzzjoni alternattiva, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kumpensatorji kollha meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-304/05, Ġabra p. I-7495, punt 81).

73

L-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva għandu, bħala eċċezzjoni għall-kriterju ta’ awtorizzazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3), ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

74

Barra minn hekk, dan jista’ japplika biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett ikun ġew analizzati skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”. Fil-fatt, l-għarfien ta’ dawn l-effetti fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel indispensabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(4) għaliex, fl-assenza ta’ dawn l-elementi, ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ma tista’ tiġi evalwata. L-eżami ta’ raġunijiet vinkolanti eventwali ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza u dak tal-eżistenza ta’ alternattivi li jikkawżaw inqas ħsara fil-fatt jeħtieġu bbilanċjar fir-rigward tal-effetti ħżiena kkawżati fuq is-sit mill-pjan jew proġett ikkunsidrat. Minbarra dan, sabiex jiġi ddeterminat it-tip ta’ miżuri eventwali ta’ kumpens, l-effetti ħżiena fuq l-imsemmi sit għandhom jiġu identifikati bi preċiżjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

75

L-interess ta’ natura li jiġġustifika, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitat”, it-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett għandu jkun kemm “pubbliku” kif ukoll “li jieħu preċedenza”, li jfisser li dan l-interess ikun ta’ importanza tali li jkun jista’ jibbilanċja l-għan ta’ konservazzjoni tal-habitat naturali, tal-fawna u tal-flora selvaġġa maħsub minn din id-direttiva.

76

Bħala prinċipju, xogħlijiet iddestinati għall-istabbiliment jew l-estensjoni ta’ impriża jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss.

77

Huwa konċepibbli li dan iseħħ meta proġett, minkejja li jkun ta’ natura privata, ikollu verament, sew minħabba n-natura tiegħu stess u minħabba l-kuntest ekonomiku u soċjali li jidħol fih, interess pubbliku li jieħu preċedenza u jekk tintwera l-assenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi.

78

Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, is-sempliċi kostruzzjoni ta’ infrastruttura ddestinata li tospita ċentru amministrattiv, fil-prinċipju ma tkunx tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitat”.

79

Għaldaqstant, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitat” għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twettiq ta’ infrastruttura ddestinata sabiex tospita ċentru amministrattiv, bħala prinċipju ma tistax titqies li hija raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza, inkluża dik ta’ natura soċjali jew ekonomika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod li tiġġustifika t-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett li jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Minkejja li għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2) u 9(4) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, konkluża fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 huwa plawżibbli li l-Gwida ta’ Applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni, madankollu iżda, din ma għandha l-ebda saħħa obbligatorja u ma għandhiex il-portata normattiva mehmuża mal-istipulazzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni.

 

2)

L-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma esklużi mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn it-testi biss dawk il-proġetti adottati fid-dettall b’att leġiżlattiv speċifiku, b’mod li l-għanijiet tal-imsemmija testi jintlaħqu bil-proċedura leġiżlattiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ġew osservati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u b’mod partikolari l-atti preparatorji u d-dibattiti Parlamentari. F’dan ir-rigward, att leġiżlattiv li sempliċement “jirratifika” att amministrattiv li jeżisti diġà, billi jillimita ruħu li jesponi biss ir-raġunijiet vinkolanti ta’ interess ġenerali mingħajr ma jagħti bidu, minn qabel, għal proċedura leġiżlattiva fil-fond li tippermetti li jiġu osservati l-imsemmija kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att leġiżlattiv speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi proġett mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ din il-konvenzjoni u ta’ din id-direttiva, kif emendata.

 

3)

L-Artikoli 3(9) u 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

meta proġett li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġi adottat b’att leġiżlattiv, il-kwistjoni dwar jekk dan l-att leġiżlattiv jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva, kif emendata, għandha tkun suġġetta għal stħarriġ, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, minn qorti jew minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, u

fis-sitwazzjoni fejn ebda azzjoni legali tan-natura u tal-portata mfakkra iktar ’il fuq ma tiġi ppreżentata kontra tali att, hija dik il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża li jkollha, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, teżerċita l-istħarriġ deskritt fl-inċiż preċedenti u tislet, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi billi ma tapplikax dan l-att leġiżlattiv.

 

4)

L-Artikolu 6(9) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jeżiġux li d-deċiżjoni jkollha, hija stess, ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti ddeċidiet li din kienet neċessarja. Madankollu, fl-ipoteżi fejn persuna interessata tistaqsi għaliha, l-awtorità kompetenti għandha l-obbligu li tikkomunikalha r-raġunijiet li għalihom ittieħdet dik id-deċiżjoni jew l-informazzjoni jew id-dokumenti rilevanti bi tweġiba għat-talba li ġiet ippreżentata.

 

5)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix li awtorità nazzjonali, li tkun leġiżlattiva, tawtorizza pjan jew proġett mingħajr ma tkun żgurat ruħha li tali pjan jew proġett ma huwiex ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat.

 

6)

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twettiq ta’ infrastruttura ddestinata sabiex tospita ċentru amministrattiv, bħala prinċipju ma tistax titqies li hija raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza, inkluża dik ta’ natura soċjali jew ekonomika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod li tiġġustifika t-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett li jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top