EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0106

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) tat-28 ta' Lulju 2011.
Lidl & Companhia vs Fazenda Pública.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Supremo Tribunal Administrativo - il-Portugall.
Tassazzjoni - Direttiva 2006/112/KE - VAT - Valur taxxabbli - Taxxa dovuta fuq il-produzzjoni, il-kostruzzjoni, l-introduzzjoni jew l-importazzjoni tal-vetturi.
Kawża C-106/10.

European Court Reports 2011 I-07235

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:526

Kawża C-106/10

Lidl & Companhia

vs

Fazenda Pública

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo)

“Tassazzjoni — Direttiva 2006/112/KE — VAT — Valur taxxabbli — Taxxa dovuta fuq il-produzzjoni, il-kostruzzjoni, l-introduzzjoni jew l-importazzjoni tal-vetturi”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Valur taxxabbli

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78)

Taxxa fuq il-vetturi li, il-fatt li jiġġeneraha huwa marbut direttament mal-provvista ta’ vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa u li hija mħallsa mill-fornitur ta’ din il-vettura, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “taxxi, dazji, imposti u piżijiet”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112/KE, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tkun inkluża fil-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-provvista tal-imsemmija vettura.

Is-somom imħallsa mill-fornitur bħala l-imsemmija taxxa fuq il-vetturi dovuta fuq il-produzzjoni, il-kostruzzjoni, l-introduzzjoni jew l-importazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ vetturi li r-reġistrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru hija obbligatorja, jiżdiedu mal-valur tal-vettura pprovduta. Ix-xerrej ta’ vettura suġġetta għall-imsemmija taxxa fuq il-vetturi, imħallsa mill-fornitur f’ismu u għan-nom tiegħu stess, ikun qiegħed għaldaqstant iħallas tranżazzjoni preċedenti mwettqa minn din il-persuna taxxabbli.

(ara l-punti 34, 37, 42 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

28 ta’ Lulju 2011 (*)

“Tassazzjoni – Direttiva 2006/112/KE – VAT – Valur taxxabbli – Taxxa dovuta fuq il-produzzjoni, il-kostruzzjoni, l-introduzzjoni jew l-importazzjoni tal-vetturi”

Fil-Kawża C-106/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

Lidl & Companhia

vs

Fazenda Pública,

fil-preżenza ta’:

Ministério Público,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn D. Šváby (Relatur), President tal-Awla, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Lidl & Companhia, minn M. Lourenço u I. Ramos, avukati,

–        għall-Fazenda Pública, minn N. Severino, avukat,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u R. Laires, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 u tal-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, u r-rettifika ĠU L 335, p. 60).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lidl & Companhia u l-Fazenda Pública (Teżor Pubbliku) dwar l-inklużjoni fil-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), tat-taxxa fuq il-vetturi (“imposto sobre veículos”, iktar ’il quddiem l-“ISV”) fuq ix-xiri ta’ żewġ vetturi mingħand kumpannija Portugiża li timporta vetturi bil-mutur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont [il-valur] taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

4        Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-ammont taxxabbli għandu jinkludi l-fatturi li ġejjin:

a)      taxxi, dazji, imposti u piżijiet, minbarra l-VAT innifisha”.

5        L-Artikolu 79 tad-Direttiva jipprovdi:

“L-ammont taxxabbli m’għandux jinkludi l-fatturi li ġejjin:

[…]

ċ)      ammonti riċevuti minn persuna taxxabbli mill-konsumatur, bħala ħlas lura għan-nefqa mħallsa fl-isem u għall-konsumatur, u li huma mdaħħla fil-kotba tiegħu f’kont ta’ sospiża.

Il-persuna taxxabbli għandha tissupplixxi prova ta’ l-ammont effettiv ta’ din in-nefqa msemmija fil-punt (ċ) ta’ l-ewwel paragrafu u ma tistax tnaqqas kwalunkwe VAT li setgħet ġiet imposta.”

6        L-Artikolu 83 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Rigward l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, l-ammont taxxabbli għandu jkun stabbilit abbażi tal-istess fatturi bħal dawk użati skond il-Kapitolu 2 biex jiġi stabbilit l-ammont taxxabbli għall-provvista tal-istess merkanzija fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. […]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT

7        L-Artikolu 16 tal-Kodiċi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado, iktar ’il quddiem iċ-“CIVA”) jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-valur taxxabbli fuq il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi taxxabbli jikkorrispondi għall-valur tal-kunsiderazzjoni riċevuta jew li tkun ser tiġi riċevuta mix-xerrej, mid-destinatarju jew minn terz.”

[...]

5.      Fil-valur taxxabbli fuq il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi għandhom jiġu inklużi l-fatturi li ġejjin:

a)      it-taxxi, dazji, drittijiet u piżijiet, minbarra l-[VAT] innifisha;

[...]

6.      Fil-valur taxxabbli msemmi fil-paragrafu ta’ qabel dan, il-fatturi li ġejjin ma għandhomx jiġu inklużi:

[...]

c)      l-ammonti mħallsa f’isem u għan-nom tax-xerrej tal-merkanzija jew tad-destinatarju tas-servizzi, debitament irreġistrati mill-kontribwent għan-nom ta’ terzi;

[...]”.

8        L-Artikolu 17 taċ-CIVA jipprovdi:

“1.      Il-valur taxxabbli fuq merkanzija importata jikkorrispondi għall-valutazzjoni doganali, iddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ.

2.      Il-valur taxxabbli għandu jinkludi l-fatturi li ġejjin, sakemm dawn ma humiex diġà inklużi:

a)      it-taxxi, dazji doganali, imposti u piżijiet dovuti qabel l-importazzjoni jew minħabba fiha, minbarra l-[VAT] li għandha tinġabar;

[...]”.

9        L-Artikolu 17 tas-sistema tal-VAT fuq it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji (Regime do IVA nas Transacções Intracomunitárias) jaqra kif ġej:

“1.      F’kundizzjonijiet identiċi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 taċ-CIVA dwar il-provvista ta’ merkanzija japplikaw għall-kalkolu tal-valur taxxabbli fuq akkwist ta’ merkanzija intra-Komunitarju.”

[...]

3.      Fil-każ ta’ akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija suġġetti għas-sisa jew għat-taxxa fuq il-vetturi, il-valur taxxabbli jinkludi dawn it-taxxi, anki jekk dawn ma jkunux ġew fatturati fl-istess waqt.”

 Il-leġiżlazzjoni dwar l-ISV

10      Il-Kodiċi tat-taxxa fuq il-vetturi (Código do imposto sobre veículos), ippubblikat bħala anness tal-liġi Nru 22‑A/2007, tad-29 ta’ Ġunju 2007 (Diário da República I, Nru 124, tad-29 ta’ Ġunju 2007, iktar ’il quddiem iċ-“CISV”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2007.

11      L-Artikolu 3(1) taċ-CISV jipprovdi:

“Għandhom iħallsu t-taxxa n-negozjanti tal-karozzi awtorizzati, in-negozjanti tal-karozzi rrikonoxxuti u l-individwi, kif inhuma ddefiniti f’dan il-kodiċi, li jqiegħdu vetturi taxxabbli fis-suq, jiġifieri l-persuni li f’isimhom tinħareġ id-dikjarazzjoni tad-dwana fuq il-vetturi jew id-dikjarazzjoni addizzjonali tal-vetturi.”

12      L-Artikolu 5 taċ-CISV jaqra kif ġej:

“1.      Il-produzzjoni, il-kostruzzjoni, l-introduzzjoni jew l-importazzjoni fit-territorju nazzjonali ta’ vetturi li r-reġistrazzjoni tagħhom fil-Portugall hija obbligatorja, huma fatti taxxabbli.

2.      Huma wkoll fatti taxxabbli:

a)      il-ħruġ ta’ numru ta’ reġistrazzjoni ġdid u definittiv wara l-kanċellament tar-reġistrazzjoni nazzjonali flimkien mar-rimbors tat-taxxa jew kull vantaġġ fiskali ieħor;

[...]

d)      il-preżenza ta’ vettura fit-territorju nazzjonali bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi.

3.      Għall-iskopijiet ta’ dan il-kodiċi, huma applikabbli d-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘introduzzjoni’, id-dħul fit-territorju nazzjonali ta’ vettura li toriġina minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew li tqiegħdet f’ċirkulazzjoni libera minn dan tal-aħħar;

b)      ‘importazzjoni’, id-dħul fit-territorju nazzjonali ta’ vettura li toriġina minn pajjiż terz.

[...]”.

13      B’konformità mal-Artikolu 6(1) taċ-CISV, l-ISV issir dovuta malli jseħħ it-tqegħid fis-suq, jiġifieri:

“a)      fil-mument meta sseħħ l-introduzzjoni tat-talba min-negozjanti tal-karozzi awtorizzati u n-negozjanti tal-karozzi rrikonoxxuti għat-tqegħid fis-suq;

b)      fil-mument meta tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tad-dwana fuq il-vetturi jew id-dikjarazzjoni addizzjonali tal-vetturi mill-individwi.”

14      L-Artikolu 16 taċ-CISV jiddeffinixxi l-individwu bħala “kull persuna taxxabbli li tintroduċi jew timporta vetturi taxxabbli, sew jekk ġodda jew użati, bl-għan prinċipali li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ trasport tagħha stess”.

15      B’mod konformi mal-Artikolu 27(3) taċ-CISV, l-awtoritajiet inkarigati mir-reġistrazzjoni ma jistgħux jaċċettaw li jirreġistraw vetturi mingħajr ma tingħata prova tal-ħlas inkluża l-ISV jekk din it-taxxa tkun dovuta.

16      B’applikazzjoni tal-Artikolu 59(1) taċ-CISV, intitolat “Bdil tar-residenza”, il-vetturi miżmuma minn persuna li jibdlu r-residenza tagħhom minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew Stat terz għall-Portugall huma eżenti milli jħallsu l-ISV.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      Fit-28 ta’ Settemrbu 2007, Lidl & Companhia xtrat żewġ vetturi bil-mutur. Il-fatturi maħruġa mill-fornitur u mħallsa minn din l-impriża kienu jinkludu l-prezz bażi, l-ISV u xi spejjeż diversi. Il-VAT bir-rata ta’ 21 % ġiet applikata fuq l-ammont totali.

18      Fil-25 ta’ Jannar 2008, Lidl & Companhia ppreżentaw azzjoni amministrattiva kontra l-att ta’ ħlas tal-VAT imniżżla fiż-żewġ fatturi hawn fuq imsemmija, li l-ammonti ta’ VAT fuqhom kienu jammontaw għal EUR 8,601.23 u EUR 4,554.33 rispettivament. Fis-7 ta’ April 2008 id-direttur tas-servizzi finanzjarji tar-reġjun ta’ Sintra 1 ċaħad l-azzjoni permezz ta’ notifika lill-parti kkonċernata.

19      Billi t-Tribunal Administrativo e Fiscal de Sintra ċaħad l-azzjoni ppreżentata kontra l-att ta’ ħlas tal-VAT minn Lidl & Companhia fl-intier tagħha, din tal-aħħar ressqet kawża quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo. Quddiem din il-qorti, r-rikorrenti ssostni li meta d-deċiżjoni tat-Tribunal Administrativo e Fiscal de Sintra laqgħet l-argument li l-ISV kkalkulata u mħallsa matul l-importazzjoni tal-vetturi bil-mutur fit-territorju nazzjonali għandha tiġi inkluża fil-kalkolu tal-valur taxxabbli tal-VAT, din kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(6)(c) taċ-CIVA u l-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva 2006/112. Lidl & Companhia ssostni li għalkemm hi ma hijiex responsabbli għall-ħlas tal-ISV imposta fuq il-vetturi li xtrat, din it-taxxa laqtitha u wasslet għal ħlas eċċessiv ta’ VAT li tagħha hija qiegħda titlob ir-rimbors.

20      Il-Ministério Público fi ħdan il-qorti tar-rinviju jqis li l-ISV hija taxxa “monofażi” li titħallas darba biss matul l-ewwel introduzzjoni tal-vettura fis-suq Portugiż, fil-mument tal-ewwel reġistrazzjoni fil-Portugal. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li din it-taxxa, li ssir dovuta mal-introduzzjoni tal-vettura fis-suq Portugiż fil-mument tal-ewwel reġistrazzjoni fil-Portugal, għandha karatteristiċi analogi għat-“taxxa ta’ reġistrazzjoni” li wasslet għas-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, De Danske Bilimportører (C‑98/05, Ġabra p. I‑4945). Bħala konsegwenza, huwa jikkonkludi li għandu jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

21      Fid-dawl tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u ta’ dawk tal-Ministério Público, filwaqt li madankollu kkunsidra li l-inklużjoni tal-ISV fil-valur taxxabbli tat-TVA ma jiksirx id-dritt tal-Unjoni, is-Supremo Tribunal Administrativo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Is-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, moqri flimkien mas-subparagrafu (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva 2006/112/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li, fl-akkwisti intra-Komunitarji, fil-bażi ta’ taxxa [valur taxxabbli] tal-VAT għandu jiġi inkluż l-ammont ta’ taxxa fuq il-vetturi, stabbilit mil-Liġi Nru 22 A/2007, tad-29 ta’ Ġunju?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

22      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Portugiż jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

23      B’mod partikolari, huwa jsostni li din ma tinkludix, qabelxejn, preċiżjonijiet biżżejjed fir-rigward tan-natura tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, provvista ta’ merkanzija jew akkwist intra-Komunitarju, imbagħad, fir-rigward tal-mod li Lidl & Companhia ħallsu l-ISV u l-VAT ikkontestata, u fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rabta li teżisti bejn il-kawża prinċipali u d-dispożizzjonijiet li tagħhom qiegħda tintalab l-interpretazzjoni.

24      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, p. I‑0000, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Minn dan isegwi li d-domandi preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Jakubowska, C‑225/09, p. I‑12329, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali u li l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domandi magħmula. Barra minn hekk, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkontesta la l-klassifikazzjoni tal-akkwist intra-Komunitarju tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinipali kif magħmulha mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari u lanqas il-kunsiderazzjoni impliċita li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħallset il-VAT fuq l-ammont tal-ISV u li hi qiegħda titlob rimbors tagħha. Fid-dawl tar-referenza magħmulha fl-Artikolu 83 tad-Direttiva 2006/112 għall-Artikoli 73 et seq ta’ din tal-aħħar, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 78 u 79 tal-imsemmija direttiva hija, fi kwalunkwe każ, rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi provvista ta’merkanzija jew ta’ akkwist intra-Komunitarju.

27      Minn dan jirriżulta illi t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

28      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk taxxa bħalma hija l-ISV għandhiex tiġi inkluża fil-valur taxxabbli tal-VAT bħala taxxa, dazju, imposta jew piż fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112 jew, għall-kuntrarju, għandhiex tiġi eskluża minn dan il-valur taxxabbli skont il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 ta’ din id-direttiva.

29      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li skont l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2006/112, fir-rigward ta’ akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija, il-valur taxxabbli huwa magħmul mill-istess fatturi bħal dawk użati sabiex jiġi stabbilit, b’konformità mal-Artikoli 73 sa 82 ta’ din id-direttiva, il-valur taxxabbli għall-provvista tal-istess merkanzija fit-territorju tal-Istat Membru.

30      Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi b’mod iktar partikolari li, għall-provvista ta’ merkanzija, it-taxxi, dazji, imposti u piżijiet, minbarra l-VAT innifisha, għandhom jiġu inklużi fil-valur taxxabbli.

31      Il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li mill-valur taxxabbli għandhom jiġu esklużi l-ammonti riċevuti minn persuna taxxabbli mingħand ix-xerrej jew il-kerrej, bħala ħlas lura għan-nefqa mħallsa fl-isem u għan-nom dawn tal-aħħar u li huma mdaħħla fil-kotba tiegħu f’kont ta’ sospiża.

32      Sabiex jiġi stabbilit jekk taxxa bħalma hija l-ISV għandhiex tiġi inkluża fil-valur taxxabbli tal-VAT jew għall-kuntrarju, jekk din għandhiex tiġi eskluża, minn naħa għandu jiġi stabbilit jekk din taqax taħt il-kunċett ta’ “taxxi, dazji, imposti u piżijiet” fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112, u, min-naħa l-oħra, jekk din tgawdix mill-eċċezzjoni prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 ta’ din id-direttiva.

33      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex taxxi, dazji, imposti u piżijiet ikunu jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-VAT minkejja li dawn ma jirrapreżentawx valur miżjud u li ma jikkostitwixxux il-kunsiderazzjoni ekonomika tal-provvista tal-merkanzija, għandhom ikollhom rabta diretta ma’ din il-provvista (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑433/09, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk il-fornitur ta’ vettura li ħallas taxxa f’ismu u għan-nom tiegħu stess tikkostitwixxix aspett determinanti għall-inklużjoni ta’ din it-taxxa fil-valur tal-merkanzija pprovduta, u, jekk dak huwa l-każ, il-kunsiderazzjoni li tiġi kkunsidrata għall-kalkolu tal-valur taxxabbli għandha, fil-prinċipju, tinkludi l-ammont tat-taxxa inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑228/09, punt 40).

35      F’dan il-każ, skont l-Artikolu 3(1) taċ-CISV, huma responsabbli li jħallsu l-ISV in-negozjanti tal-karozzi awtorizzati, in-negozjanti tal-karozzi rikonoxxuti u l-invdividwi li jqiegħdu fis-suq vetturi taxxabbli, jiġifieri l-persuni li f’isimhom tinħareġ id-dikjarazzjoni tad-dwana fuq il-vetturi jew id-dikjarazzjoni addizzjonali tal-vetturi. Issa, fir-rigward tal-individwi kif iddefiniti fl-Artikolu 16 taċ-CISV, jidher li dawk huma biss persuni taxxabbli residwi, kif sostniet anki r-Repubblika Portugiża waqt is-seduta.

36      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-prinċipju, l-ispejjeż imħallsa bħala ISV ma sarux f’isem ix-xerrej tal-vettura, iżda mill-fornitur tal-imsemmija vettura fis-sens tal-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112, u għaldaqstant inħolqot rabta diretta bejn it-tranżazzjoni ta’ provvista mwettqa minn dan tal-aħħar u din it-taxxa.

37      Fl-istess sens, għandu jiġi osservat li, minkejja n-nuqqas ta’ referenza espliċita tal-provvista bħala fatt li jiġġenera l-ISV, mill-Artikolu 5(1) taċ-CISV jirriżulta li l-fatti li jiġġeneraw din it-taxxa huma kollha tranżazzjonijiet tad-dħul u jagħmlu parti minn tranżazzjoni ta’ provvista. Is-somom imħallsa mill-fornitur bħala ISV fuq il-produzzjoni, il-kostruzzjoni, l-introduzzjoni jew l-importazzjoni fit-territorju Portugiż ta’ vetturi li r-reġistrazzjoni tagħhom fil-Portugall hija obbligatorja, għaldaqstant jiżdiedu mal-valur tal-vettura pprovduta, hekk kif sostniet ir-Repubblika Portugiża. Meta dan iseħħ, ix-xerrej tal-vettura suġġetta għall-ISV mħallsa mill-fornitur tal-imsemmija vettura jkun qiegħed iħallas tranżazzjoni preċedenti mwettqa minn din il-persuna taxxabbli.

38      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-każ fir-rigward tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza De Danse Bilimportører, iċċitata iktar ’il fuq, l-ebda rabta legali diretta ma tista’ tiġi stabbilita bejn l-ISV u t-tranżazzjoni tar-reġistrazzjoni. Fil-fatt, b’mod partikolari jista’ jiġi osservat li ċ-CISV jipprovdi għadd ta’ eventwalitajiet fejn l-ISV ma tkunx dovuta, minkejja li jkun hemm involuta r-reġistrazzjoni ta’ vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dan japplika b’mod partikolari fil-każ tal-eżenzjoni mogħtija b’applikazzjoni tal-Artikolu 58(1) taċ-CISV fuq vetturi miżmuma minn persuni li jittrasferixxu r-residenza tagħhom għall-Portugall. F’dan ir-rigward hija wkoll rilevanti l-eventwalità li kemm il-fatti li jiġġeneraw kif ukoll l-impożizzjoni tal-ISV jippreċedu t-tranżazzjoni ta’ reġistrazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 27 taċ-CISV, li jistabbilixxi li vettura taxxabbli tista’ tiġi rreġistrata biss jekk it-taxxi u d-dazji kollha relatati magħha jkunu tħallsu.

39      Għaldaqstant, taxxa bħalma hija l-ISV għandha titqies bħala li hija marbuta direttament mal-provvista ta’ vetturi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u, bħala konsegwenza, għandha tiġi inkluża fil-valur taxxabbli tal-VAT b’applikazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112.

40      It-tieni nett, fir-rigward tal-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva 2006/112, ma jistax jiġi validament sostnut li l-ispejjeż imħallsa minn negozjant tal-karozzi awtorizzat jew minn negozjant tal-karozzi rikonoxxut fir-rigward tal-ISV saru f’isem u għan-nom ta’ min jakkwista l-vettura inkwistjoni. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, li huma l-fornituri tal-vetturi li għandhom ir-responsabbiltà li jħallsu l-ISV u mhux dawk li jakkwistawhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

41      Għaldaqstant, taxxa bħalma hija l-ISV ma tistax tiġi eskluża mill-valur taxxabbli tal-VAT skont il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva 2006/112.

42      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li taxxa bħalma hija l-ISV, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-fatt li jiġġeneraha huwa marbut direttament mal-provvista ta’ vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa u li hija mħallsa mill-fornitur ta’ din il-vettura taqa’ taħt il-kunċett ta’ “taxxi, dazji, imposti u piżijiet”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112/KE, u, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tkun inkluża fil-valur taxxabbli tal-VAT tal-provvista tal-imsemmija vettura.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Taxxa bħalma hija t-taxxa fuq il-vetturi (imposto sobre veículos), inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-fatt li jiġġeneraha huwa marbut direttament mal-provvista ta’ vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa u li hija mħallsa mill-fornitur ta’ din il-vettura taqa’ taħt il-kunċett ta’ “taxxi, dazji, imposti u piżijiet”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tkun inkluża fil-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-provvista tal-imsemmija vettura.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top