EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0083

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-13 ta' Ottubru 2011.
Aurora Sousa Rodríguez et. vs Air France SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra - Spanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Artikolu 2(l) - Kumpens għall-passiġġieri f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira - Kunċett ta’ ‘kanċellazzjoni’ - Artikolu 12 - Kunċett ta’ ‘kumpens ulterjuri’ - Kumpens taħt id-dritt nazzjonali.
Kawża C-83/10.

European Court Reports 2011 I-09469

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:652

Kawża C-83/10

Aurora Sousa Rodríguez et

vs

Air France SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 2(l) — Kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira — Kunċett ta’ ‘kanċellazzjoni’ — Artikolu 12 — Kunċett ta’ ‘kumpens ulterjuri’ — Kumpens taħt id-dritt nazzjonali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Kanċellazzjoni — Kunċett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 2(l) u 5(3))

2.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Kumpens ulterjuri — Portata — Assigurazzjoni għal dannu morali — Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 8, 9 u 12; Konvenzjoni ta’ Montréal tal-1999)

1.        Il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jirrigwardax esklużivament il-każ tan-nuqqas ta’ kull tluq tal-ajruplan ikkonċernat, iżda jkopri wkoll il-każ fejn l-ajruplan telaq, iżda għal raġuni liema tkun, kellu iktar tard jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq u minn fejn il-passiġġieri ta’ dan l-ajruplan ġew ittrasferiti għal fuq titjiriet oħra.

Ir-raġuni għalfejn l-ajruplan kellu jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq hija għalhekk mingħajr effett. Fil-fatt, din ir-raġuni hija biss rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk, fejn ikun il-każ, din il-kanċellazzjoni hijiex dovuta għal ċirkustanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ġew adottati l-miżuri raġonevoli kollha, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, f’liema każ l-ebda kumpens ma jkun dovut.

(ara l-punti 34, 35 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali li tagħti kumpens, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Montréal jew mil-liġi nazzjonali, għall-ħsara, inkluża dik morali, li tirriżulta minn ksur tal-kuntratt tat-trasport bl-ajru. Barra minn hekk, dan il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” ma jistax iservi bħala bażi legali għall-qorti nazzjonali sabiex tikkundanna lit‑trasportatur bl-ajru jirrimborsa lill-passiġġieri, li t-titjiriet tagħhom ikunu mdewma jew ikkanċellati, l-ispejjeż li kellhom iġarrbu minħabba li dan it-trasportatur naqas mill-obbligi tiegħu li jipprovdi għajnuna u li jieħu ħsiebhom kif previst fl-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punt 46 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 2(l) – Kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Kunċett ta’ ‘kanċellazzjoni’ – Artikolu 12 – Kunċett ta’ ‘kumpens ulterjuri’ – Kumpens taħt id-dritt nazzjonali”

Fil-Kawża C‑83/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

Aurora Sousa Rodríguez,

Yago López Sousa,

Rodrigo Manuel Puga Lueiro,

Luis Ángel Rodríguez González,

María del Mar Pato Barreiro,

Manuel López Alonso,

Yaiza Pato Rodríguez

vs

Air France SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Sousa Rodríguez, Y. López Sousa, R. M. Puga Lueiro, L. Á. Rodríguez González, M. Pato Barreiro, M. López Alonso u Y. Pato Rodríguez, minn J. Portela Leiros, Procurador de los Tribunales, assistit minn J. González Pérez, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn D. Beard, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(l) u 12 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn seba’ passiġġieri u Air France SA (iktar ’il quddiem “Air France”), dwar il-kumpens għad-dannu allegatament subit insegwitu għal dewmien twil u għal inkonvenjenzi li rriżultaw minn problemi tekniċi li ltaqa’ magħhom l-ajruplan ta’ din il-kumpannija tal-ajru waqt titjira bejn Pariġi (Franza) u Vigo (Spanja).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Komunità Ewropea ħadet sehem fil-Konferenza Internazzjonali Diplomatika dwar il-liġi tal-ajru, li seħħet f’Montréal mill-10 sat-28 ta’ Mejju 1999, li fit-28 ta’ Mejju 1999 irriżultat fl-addozzjoni tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Montréal), u ffirmat il-Konvenzjoni msemmija fid-9 ta’ Diċembru 1999.

4        Fil-5 ta’ April 2001, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2001/539/KE, dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montréal) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491). Din il-Konvenzjoni, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2004.

5        L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, intitolat “Dewmien”, jiddisponi fil-Kapitolu III tiegħu, li huwa intitolat “Ir-Responsabbiltà tat-trasportatur u l-estent tal-kumpens għal danni”:

“It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t-trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

6        L-Artikolu 22(1) ta’ din il-Konvenzjoni, intitolat “Limiti tar-responsabbiltà fir-rigward ta’ demwien, bagalji u merkanzija”, li jinsab fl-istess Kapitolu III, jiddisponi:

“Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn dewmien kif speċifikat fl-Artikolu 19 fit-trasport ta’ persuni, ir-responsabbiltà tat-trasportatur għal kull passiġġier huwa llimitat għal 4150 Dritt Speċjali tal-Ġbid.”

7        L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, intitolat “Bażi tal-pretensjonijiet”, jiddisponi:

“Fil-trasport tal-passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, tkun kif tkun fondata, kemm taħt din il-Konvenzjoni jew taħt kuntratt jew delitt jew xort’ oħra, tista’ tinġieb biss bla ħsara għall-kondizzjonijiet u dawn il-limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-Konvenzjoni […]”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97

8        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2027/97”), jiddisponi:

“Dan ir-Regolament jimplimenta d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta’ Montréal […].”

9        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 jipprovdi:

“Ir-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montréal pertinenti għal din ir-responsabbiltà.”

 Ir-Regolament Nru 261/2004

10      Il-premessi 2 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(10) Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom għandhom jitħallew jew jikkanċellaw it-titjiriet tagħhom, b’rimbors tal-biljetti tagħhom, jew ikompluhom taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud filwaqt li qed jistennew titjira li ser isseħħ aktar tard.

[…]

(17)      Għandu jittieħed ħsieb xieraq ta’ passiġġieri li t-titjiriet tagħhom huma mdewmin għal ħin speċifiku tagħhom u dawn għandhom jitħallew jikkanċellaw it-titjiriet tagħhom b’rimbors tal-biljetti tagħhom jew ikompluhom taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti.”

11      L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Soġġett”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta:

(a)      ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom;

(b)      it-titjira tagħhom hi kkanċellata;

(ċ)      it-titjira tagħhom hi mdewma.”

12      L-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament, jipprovdi, taħt it-titolu “Definizzjonijiet”:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(l)      ‛kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

13      L-Artikolu 5(1) sa (3) tal-istess regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jistabbilixxi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)      huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)      huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

2.      Meta passiġġieri huma informati bil-kanċellazzjoni, spjegazzjoni għandha tiġi mogħtija fir-rigward ta’ trasport alternattiv possibbli.

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

14      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 61/2004, intitolat “Dewmien” jiddisponi:

“Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

(a)      għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)      għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)      għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

(i)      l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

(ii)      meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii)      meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).”

15      L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens” jiddisponi:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

[…]”

16      L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprovdi:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)      - rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

- titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

[…]

3.      Meta, fil-każ fejn belt, ċittá jew reġjuni hi moqdija minn bosta ajruporti, trasportatur ta’ l-ajru joffri passiġġier titjira għal ajruport alternattiv għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jħallas l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv jew għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, jew għal destinazzjoni oħra li qegħda fil-qrib miftehma mal-passiġġier.”

17      L-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament 261/2004, intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud”, jipprovdi:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

(a)      ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

(b)      akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet

–        fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

–        fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

(ċ)      trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2.      Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.”

18      L-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, taħt it-titolu “Kumpens ulterjuri”, jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Ir-rikorrenti kienu kkonkludew kuntratt għal trasport bl-ajru ma’ Air France sabiex permezz tat-titjira 5578 ta’ din il-kumpannija jtiru minn Pariġi (Franza) għal Vigo (Spanja). Din it-titjira kienet skedata sabiex titlaq minn Pariġi‑Charles de Gaulle fit-19.40 nhar il-25 ta’ Settembru 2008.

20      It-titjira telqet skont kif kien previst, iżda wara ftit minuti l-pilota ddeċieda li jirritorna lura lejn il-punt tat-tluq tiegħu, l-ajruport Pariġi‑Charles de Gaulle, minħabba problema teknika fl-ajruplan. Wara li rritorna lejn l-ajruport ta’ oriġini, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess fil-kawża prinċipali li l-ajruplan kien telaq mill-ġdid u li wasal, wara dewmien, lejn id-destinazzjoni tiegħu.

21      Tlieta mill-passiġġieri tat-titjira kkonċernata ġew mitluba jieħdu titjira li telqet l-għada, is-26 ta’ Settembru 2008, fis-7.05, mill-ajurport Pariġi‑Orly bid-destinazzjoni Porto (il-Portugall), minn fejn waslu f’Vigo permezz ta’ taxi. Passiġġier ieħor kien offrut, dakinhar stess, titjira minn Pariġi għal Vigo, vija Bilbao. Fir-rigward tal-passiġġieri l-oħra, Air France pprovdietilhom post fuq it-titjira tagħha stess minn Pariġi għal Vigo, li wkoll telqet fis-26 ta’ Settembru 2008, fl-istess ħin ta’ dik li kellha l-ħsara (it-19.40). Bl-eċċezzjoni ta’ wieħed minn dawn il-passiġġieri, l-ebda passiġġier ieħor ta’ din it-titjira ma kien alloġġjat a spejjeż ta’ Air France jew ma rċieva kwalunkwe tip ta’ assistenza oħra minn din il-kumpannija tal-ajru.

22      Seba’ mill-passiġġieri tat-titjira 5578, jiġifieri r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ħarrku lil Air France għad-danni quddiem il-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Pontevedra), għall-ksur ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru.

23      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu għall-kumpens taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 sal-ammont fiss ta’ EUR 250 kull wieħed, kif previst b’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, wieħed mir-rikorrenti jitlob għar-rimbors tal-ispejjeż inkorsi sabiex jittieħed bit-taxi mill-ajruport ta’ Porto sa Vigo. Rikorrent ieħor talab għar-rimbors tal-ispejjeż tiegħu għal ikla ħdejn l-ajruport ta’ Pariġi, kif ukoll għal dawk relatati mas-sorveljanza tal-kelb tiegħu għal ġurnata iktar minn dak inizjalment ippjanat. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti kollha jitolbu għall-kundanna ta’ Air France sabiex tħallashom somma ulterjuri għad-dannu morali li huma sofrew.

24      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-kunċett ta’ ‛kanċellazzjoni’ iddefinit fl-Artikolu 2(l) [tar-Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi esklużivament għan-nuqqas ta’ tluq ta’ titjira fil-ħin previst jew ukoll fis-sens ta’ kwalunkwe ċirkustanza fejn din it-titjira b’reżervazzjonijiet tkun telqet iżda ma tkunx laħqet id-destinazzjoni tagħha, inkuż fil-każ ta’ ritorn imġiegħel fl-ajruport ta’ oriġini minħabba ċirkustanzi tekniċi?

2      Il-kunċett ta’ ‛kumpens ulterjuri’ msemmi fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali, fil-każ ta’ kanċellazzjoni, li tagħti kumpens għal danni, inklużi danni morali minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali dwar in-nuqqas ta’ twettiq kuntrattwali jew (jekk), bil-kontra, dan il-kumpens għandu jingħata biss għal spejjeż debitament sostanzjati minn passiġġieri u li ma humiex ikkumpensati suffiċjentement mit-trasportatur tal-ajru skont ma jirrikjedu l-Artikoli 8 u 9 [tar-Regolament], mingħajr ma dawn id-dispożizzjonijiet ġew invokati jew, fl-aħħar nett, dawn il-kunċetti ta’ kumpens ulterjuri huma kompatibbli bejniethom?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Għall-finijiet tal-kumpens għall-passiġġieri fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 7 flimkien tar-Regolament Nru 261/2004, il-qorti tar-rinviju, meta mitluba tiddetermina jekk it-titjira inkwistjoni tistax tiġi deskritta bħala “ikkanċellata”, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tal-imsemmi regolament, essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” jirrigwarda esklużivament il-każ tan-nuqqas ta’ kull tluq tal-ajruplan ikkonċernat jew jekk dan ikoprix ukoll il-każ fejn dan l-ajruplan, minkejja li tar, kellu jirritorna lura fl-ajruport tat-tluq, insegwitu għal problema teknika tal-ajruplan.

26      L-Artikolu 2(l) tar-Regolament jiddefinixxi “kanċellazzjoni” bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”. Qabel ma tkun tista’ tiddetermina s-sens tal-kunċett “kanċellazzjoni”, għalhekk huwa qabel kollox meħtieġ li jiġi speċifikat il-kunċett ta’ “titjira”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

27      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li titjira essenzjalment tikkonsisti, f’operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, “unità” ta’ dan it-trasport, magħmula minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines, C‑173/07, Ġabra p. I‑5237, punt 40). Barra minn hekk, hija tippreċiża li r-rotta tikkostitwixxi element essenzjali tat-titjira, peress li din tal-aħħar issir skont skeda stabbilita minn qabel mit-trasportatur (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra p. I‑10923, punt 30).

28      It-terminu “rotta” li jindika l-vjaġġ bl-ajruplan mill-ajruport tat-tluq sal-ajruport tal-wasla, skont ordni kronoloġiku stabbilit, jirriżulta li sabiex titjira tista’ titqies bħala magħmula, ma huwiex biżżejjed li l-ajruplan ikun telaq skont ir-rotta ppjanata, iżda jirrikjedi wkoll li jasal fid-destinazzjoni tiegħu kif jinsab fir-rotta msemmija. Issa l-fatt li t-tluq seħħ, iżda li l-ajruplan kellu mbagħad jirritorna lura lejn l-ajruport tat-tluq mingħajr ma laħaq id-destinazzjoni fir-rotta tiegħu, għandu l-effett li t-titjira, hekk kif oriġinarjament kienet ippjanata, ma tistax titqies li saret.

29      Barra minn hekk, minn imkien ma jirriżulta fid-definizzjoni tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004 li, lil hinn mill-fatt li t-titjira oriġinali ma saritx, il-“kanċellazzjoni” ta’ din it-titjira, fis-sens ta’ dan l-artikolu, kien jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita li tikkanċella din.

30      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li fil-prinċipju huwa possibbli li jiġi konkluż li hemm kanċellazzjoni meta t-titjira inizjalment skedata u mdewma tinbidel f’titjira oħra, jiġifieri meta l-iskeda tat-titjira inizjali tiġi abbandunata u l-passiġġieri tagħha jingħaqdu ma’ dawk ta’ titjira skedata wkoll, u dan indipendentement mit-titjira li għaliha l-passiġġieri hekk ittrasferiti kienu għamlu r-reżervazzjoni tagħhom (sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

31      F’sitwazzjoni bħal din, ma hemmx bżonn li t-trasport tal-passiġġieri kollha li kienu rriżervaw post fuq it-titjira oriġinali jsir permezz ta’ titjira oħra. F’dan ir-rigward, hija ta’ importanza s-sitwazzjoni individwali ta’ kull passiġġier, jiġifieri li, fir-rigward tal-passiġġier ikkonċernat, l-ipprogrammar inizjali tat-titjira ġiet abbandunata.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li kemm l-Artikolu 1(1)(b) kif ukoll il-premessi 10 u 17 tar-Regolament Nru 261/2004, fi verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-Regolament, jagħmlu referenza għall-kanċellazzjoni tat-titjira “tagħhom”.

33      Għalhekk, huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ittrasferiti għal titjiriet oħra, skedati l-għada tal-jum tat-tluq previst, li jippermettilhom li jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom, jiġifieri Vigo, u għal xi wħud minnhom permezz ta’ bdil ta’ ajruplan. It-titjira oriġinali “tagħhom” għandha għalhekk tiġi deskritta bħala “kkanċellata”.

34      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li r-raġuni għalfejn l-ajruplan kellu jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq u għalhekk ma wasalx fid-destinazzjoni tiegħu, hija mingħajr effett fuq il-kwalifika ta’ “kanċellazzjoni” fis-sens tad-definizzjoni fuq imsemmija fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, din ir-raġuni hija biss rilevanti sabiex jiġi ddeterminat, fil-kuntest tal-kumpens għad-danni inkorsi mill-passiġġieri minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, jekk, fejn ikun il-każ, din il-kanċellazzjoni “hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, f’liema każ l-ebda kumpens ma kien dovut.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jirrigwardax esklużivament il-każ tan-nuqqas ta’ kull tluq tal-ajruplan ikkonċernat, iżda jkopri wkoll il-każ fejn l-ajruplan telaq, iżda għal raġuni liema tkun, kellu iktar tard jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq u minn fejn il-passiġġieri ta’ dan l-ajruplan ġew ittrasferiti għal fuq titjiriet oħra.

 Fuq it-tieni domanda

36      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, taħt il-kumpens ulterjuri previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, il-qorti nazzjonali tistax tikkundanna lit-trasportatur bl-ajru jħallas għal kull dannu, inklużi dak morali, li jirriżulta minn ksur ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru u dan b’mod konformi mar-regoli nazzjonali. Hija b’mod partikolari tistaqsi dwar jekk dan il-kumpens ulterjuri jistax ikopri l-ispejjeż inkorsi mill-passiġġieri minħabba li t-trasportatur bl-ajru naqas mill-obbligi tiegħu li jipprovdi għajnuna u li jieħu ħsiebhom kif previst fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004.

37      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 261/2004 jenfasizza n-natura tad-drittijiet minimi li tistabbilixxi għall-benefiċċju tal-passiġġieri bl-ajru fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, meta t-titjira hija kkanċellata jew meta t-titjira hija mdewma. Barra minn hekk, l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kumpens ulterjuri”, jipprovdi li dan ir-regolament għandu japplika mingħajr ħsara għad-drittijiet tal-passiġġieri għal kumpens ulterjuri. Dan jippreċiża wkoll li l-kumpens mogħti taħt dan l-istess regolament jista’ jitnaqqas minn tali kumpens.

38      Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-kumpens mogħti lill-passiġġieri bl-ajru fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa maħsub biex jissupplimenta l-miżuri previsti minn dan ir-regolament, sabiex il-passiġġieri jiġu kkumpensati għad-dannu kollu li jkunu sofrew minħabba fin-nuqqas tat-trasportatur bl-ajru tal-obbligi kuntrattwali tiegħu. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-qorti nazzjonali tikkundanna lit-trasportatur bl-ajru biex jikkumpensa għad-dannu li jirriżulta lill-passiġġieri, mill-ksur tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru fondat fuq bażi legali distinta mir-Regolament Nru 261/2004, jiġifieri, b’mod partikolari, fil-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Montréal jew mil-liġi nazzjonali.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri standardizzati u immedjati meħuda taħt ir-Regolament Nru 261/2004 ma jfixklux minnhom infushom lill-passiġġieri kkonċernati, milli fil-każ meta l-istess nuqqas tat-trasportatur bl-ajru tal-obbligi kuntrattwali tiegħu jikkawża dannu ulterjuri eliġibbli għall-kumpens, jista’ barra minn hekk jibda kawża għal kumpens tal-imsemmija danni fil-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta' Montréal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 47).

40      B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19, 22 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, applikabbli skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97, għar-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru, jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom, wara d-dewmien jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira, jistgħu jsiru talbiet mill-passiġġieri kkonċernati sabiex jiksbu, bħala kumpens għal danni individwali, danni mingħand it-trasportatur responsabbli għal dannu li jirriżulta minn ksur ta’ kuntratt tat-trasport bl-ajru.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, Ġabra p. I‑4239), punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu “dannu”, imsemmi fil-Kapitolu III tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jinftiehem bħala li jinkludi kemm id-danni ta’ natura materjali kif ukoll dawk ta’ natura morali. Minn dan isegwi li d-dannu suxxettibbli għal kumpens bl-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, jista’ jkun dannu ta’ natura mhux biss materjali iżda wkoll morali.

42      Madankollu, bħala kumpens ulterjuri fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, il-qorti nazzjonali ma tistax tikkundanna trasportatur bl-ajru li jirrimborsa lill-passiġġieri, li t-titjira tagħhom ġiet imdewma jew ikkanċellata, l-ispejjeż inkorsi minn dawn tal-aħħar minħabba li dan it-trasportatur bl-ajru naqas mill-obbligi tiegħu li jipprovdi għajnuna (rimbors tal-biljett jew tar-rotta l-ġdida lejn id-destinazzjoni finali, ħlas għat-trasferiment bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst) u li jieħu ħsiebhom (spejjeż relatati mal-ikel, mal-akkomodazzjoni, kif ukoll dawk ta’ komunikazzjoni) kif previst fl-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament.

43      Fil-fatt, il-pretensjonijiet tal-passiġġieri bl-ajru, li huma bbażati fuq id-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-regolament, bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 ta’ dan tal-aħħar, ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala parti minn kumpens “ulterjuri” fis-sens li fih din tal-aħħar ġiet iddefinita fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

44      Madankollu, meta trasportatur jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, id-dritt tal-passiġġieri bl-ajru li jitolbu għal kumpens fuq il-bażi tal-elementi stabbiliti f’dawn l-artikoli huwa fondat.

45      Fl-aħħar nett, il-qorti nazzjonali li kienet qajmet il-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru previsti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 huma suġġetti għall-fatt li dawk id-dispożizzjonijiet huma invokati minn dawn tal-aħħar, għandu jiġi enfasizzat li hekk kif l-Avukat Ġenerali qieset fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, ma hemm xejn fir-Regolament Nru 261/2004 li jipprekludi l-għoti ta’ kumpens minħabba fi ksur tal-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament, jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew iċċitati mill-passiġġieri bl-ajru.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” msemmi fl-Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill‑qorti nazzjonali li tagħti kumpens, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill‑Konvenzjoni ta’ Montréal jew mil-liġi nazzjonali, għall-ħsara, inkluża dik morali, li tirriżulta minn ksur tal-kuntratt tat-trasport bl-ajru. Barra minn hekk, dan il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” ma jistax iservi bħala bażi legali għall-qorti nazzjonali sabiex tikkundanna lit-trasportatur bl-ajru jirrimborsa lill-passiġġieri, li t-titjiriet tagħhom ikunu mdewma jew ikkanċellati, l-ispejjeż li kellhom iġarrbu minħabba li dan it-trasportatur naqas mill-obbligi tiegħu li jipprovdi għajnuna u li jieħu ħsiebhom kif previst fl-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tar‑Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l‑assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir‑Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jirrigwardax esklużivament il-każ tan-nuqqas ta’ kull tluq tal-ajruplan ikkonċernat, iżda jkopri wkoll il-każ fejn l-ajruplan telaq, iżda għal raġuni liema tkun, kellu iktar tard jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq u minn fejn il‑passiġġieri ta’ dan l-ajruplan ġew ittrasferiti għal fuq titjiriet oħra.

2)      Il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” msemmi fl-Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali li tagħti kumpens, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni jew mil-liġi nazzjonali, għall-ħsara, inkluża dik morali, li tirriżulta minn ksur tal-kuntratt tat-trasport bl-ajru. Barra minn hekk, dan il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” ma jistax iservi bħala bażi legali għall-qorti nazzjonali sabiex tikkundanna lit‑trasportatur bl-ajru jirrimborsa lill-passiġġieri, meta t-titjiriet tagħhom ikunu mdewma jew ikkanċellati, l-ispejjeż li kellhom iġarrbu minħabba li dan it-trasportatur naqas mill-obbligi tiegħu li jipprovdi għajnuna u li jieħu ħsiebhom kif previst fl-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top