EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0021

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-21 ta' Lulju 2011.
Károly Nagy vs Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Fővárosi Bíróság - l-Ungerija.
Politika Agrikola Komuni - Finanzjament mill-FAEGG - Regolamenti (KE) Nri 1257/1999 u 817/2004 - Sostenn Komunitarju għall-iżvilupp rurali - Sostenn għal metodi ta’ produzzjoni agroambjentali - Għajnuna agroambjentali barra l-għajnuna ‘annimali’, li l-għoti tagħhom huwa suġġett għal ċerti densità ta’ bhejjem - Applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll - Sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat - Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà.
Kawża C-21/10.

European Court Reports 2011 I-06769

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:505

Kawża C-21/10

Károly Nagy

vs

Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság)

“Politika agrikola komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Regolamenti (KE) Nri 1257/1999 u 817/2004 — Sostenn Komunitarju għall-iżvilupp rurali — Sostenn għal metodi ta’ produzzjoni agroambjentali — Għajnuna agroambjentali barra l-għajnuna ‘annimali’, li l-għoti tagħha huwa suġġett għal ċerta densità ta’ bhejjem — Applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll — Sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat — Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.        Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Sostenn għall-iżvilupp rurali — Sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003, Artikoli 22 u 37(4))

2.        Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Sostenn għall-iżvilupp rurali — Sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003, Artikolu 22, Regolament tal-Kummissjoni Nru 817/2004, Artikolu 68)

3.        Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Sostenn għall-iżvilupp rurali — Sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003, Artikolu 22, Regolament tal-Kummissjoni Nru 817/2004, Artikolu 68)

4.        Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Sostenn għall-iżvilupp rurali — Sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003, Artikolu 22, Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 796/2004, Artikolu 16, u Nru 817/2004, Artikolu 68)

1.        L-Artikolu 37(4) tar-Regolament Nru 1257/1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG), kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003, jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu iżjed jew iktar kundizzjonijiet restrittivi għall-għoti ta’ sostenn mill-Komunità għal żvilupp rurali sakemm dawn il-kundizzjonijiet ikunu konsistenti mal-għanijiet u mal-ħtiġiet ipprovduti f’dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jipprovdi, b’mod partikolari, li sostenn għandu jingħata għall-metodi ta’ produzzjoni agrikoli maħsuba sabiex jipproteġu l-ambjent naturali u li dan is-sostenn huwa maħsub sabiex tiġi inkoraġġuta l-estensifikazzjoni tal-metodi ta’ trobbija favur l-ambjent u l-ġestjoni ta’ sistemi ta’ mergħa b’intensità baxxa. Kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, ipprovduta minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall-użu ta’ art li tinsab f’ambjent sensittiv bħal mergħa u li għandha l-għan li tippreserva l-abbundanza ta’ flora u ta’ fawna tal-mergħat, li tapplika għall-għoti ta’ għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 22 u, għaldaqstant, konsistenti mal-għanijiet u mal-ħtiġiet stabbiliti minn dan ir-regolament u tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ din l-għajnuna skont l-Artikolu 37(4) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 31, 32)

2.        Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG), kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003, li l-għoti tagħha hija suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, din id-dispożizzjoni kif ukoll l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999, jippermettu lill-awtoritajiet sabiex iwettqu verifiki trasversali mad-data tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll u, b’mod partikolari, li jibbażaw rwieħhom fuq dik id-data li tinsab fir-reġistru ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-annimali tal-ifrat.

(ara l-punt 37 u d-dispożittiv 1)

3.        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG), kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003, u l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999, jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti, meta jagħmlu l-verifika ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovduta fl-imsemmi Artikolu 22, sabiex jivverifikaw biss id-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali tal-ifrat, sabiex tiġi rrifjutata tali għajnuna, mingħajr ma neċessarjament ikollhom jagħmlu iktar verifiki.

Fil-fatt, id-database kompjuterizzata tas-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali għandha l-għan li tiggarantixxi traċċabbiltà instantanja effiċjenti ta’ dawn l-annimali, li hija essenzjali għal raġunijiet ta’ saħħa. Din il-bażi hija, għaldaqstant, maħsuba li tkun totalment affidabbli. Għaldaqstant, din il-bażi hija, waħedha, tali li tikkonferma l-fatt li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-għajnuna kkonċernata, bħal dik dwar id-densità tal-bhejjem.

(ara l-punti 42, 43 u d-dispożittiv 2)

4.        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG), kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003 u l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament Nru 1782/2003, jissuġġettaw lill-awtoritajiet nazzjonali, sa fejn dawn jivverifikaw biss id-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali bovini għall-finijiet ta’ verifika tal-eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovduta fl-imsemmi Artikolu 22 u suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, għal obbligu ta’ informazzjoni relatata ma’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li jikkonsisti f’li l-bidwi kkonċernat minn din l-għajnuna jiġi informat li kull annimal mhux identifikat jew mhux irreġistrat b’mod korrett f’din is-sistema nazzjonali se jkun inkluż fit-total ta’ annimali misjuba b’irregolaritajiet li jista’ jwassal għal konsegwenzi ġuridiċi, bħal tnaqqis ta’ jew esklużjoni mill-għajnuna kkonċernata.

(ara l-punt 51 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Lulju 2011 (*)

“Politika agrikola komuni – Finanzjament mill-FAEGG – Regolamenti (KE) Nri 1257/1999 u 817/2004 – Sostenn Komunitarju għall-iżvilupp rurali – Sostenn għal metodi ta’ produzzjoni agroambjentali – Għajnuna agroambjentali barra l-għajnuna ‘annimali’, li l-għoti tagħha huwa suġġett għal ċerta densità ta’ bhejjem – Applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll – Sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat – Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà”

Fil-Kawża C-21/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Jannar 2010, fil-proċedura

Károly Nagy

vs

Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Nagy, irrappreżentat minnu stess,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, Z. Tóth u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1783/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 338, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1257/1999”), kif ukoll tal-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 46, p. 87).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Nagy, bidwi, u l-Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal (Uffiċċju tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, iktar ’il quddiem il-“MVH”) dwar ir-rifjut ta’ għajnuna agroambjentali lill-persuna kkonċernata wara verifika tal-informazzjoni mogħtija minnu wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Taħt il-Kapitolu VI, intitolat “Agri-ambjent u welfare tal-annimali”, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 jipprovdi:

“Is-sostenn għal metodui agrikoli maħsuba biex jipproteġu l-ambjent, iżommu l-kampanja (agri-ambjent) jew itejbu l-welfare ta’ l-annimali għandu jikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-Komunità fir-rigward ta’ l-agrikoltura, l-ambjent u l-welfare ta’ l-annimali tarrazzett.

Dak is-sostenn għandu jippromwovi:

[...]

b)       estensifikazzjoni tal-biedja favorevoli għall-ambjent u l-amministrazzjoni ta’ sistemi ta’ mergħa b’intensità baxxa,

c)       il-konservazzjoni ta’ ambjent tal-biedja b’valur ta’ natura għolja li jkunu taħt theddida,

[...]”

4        L-Artikolu 37(4) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Stati Membri jistgħu jeżiġu iżjed jew aktar kondizzjonijiet restrittivi għall-għoti ta’ sostenn mill-Komunità għal żvilupp rurali basta li dawk il-kondizzjonijiet ikunu konsistenti ma’ l-oġġettivi u mal-ħtiġiet ipprovduti f’dan ir-Regolament.”

5        L-Artikolu 58(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 445/2002, tas-26 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 269), jipprovdi li l-identifikazzjoni tal-oqsma tal-art u tal-annimali għandha ssir skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 223).

6        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3508/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97, tal-21 ta’ April 1997 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru°3508/92”), jipprovdi:

“Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem li trid titqies sabiex tingħata l-għajnuna skont dan ir-Regolament għandha tiġi stabbilita skont l-Artikoli 4, 5, 6 u 8 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 92/102/KEE, [tas-27 ta’ Novembru 1992, dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 232)], u skont ir-Regolament (KE) Nru 820/97.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont il-premessa 38 tar-Regolament Nru 817/2004:

“Ir-regoli amministrattivi għandhom jippermettu għall-amminstrazzjoni, monitoraġġ u kontroll aħjar ta’ l-appoġġ tal-iżvilupp rurali. Fl-interess tas-sinpliċità, l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontrolli previsti fit-Titolu II, il-Kapitolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett permezz tal-istrateġija agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiema [u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269, iktar ’il quddiem is-‘sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll’)] li dwaru regoli implementattivi dettaljati huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 [,tal-11 ta’ Diċembru tal-2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-ġestjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 308)]”

8        L-Artikolu 66(1) u (4) tar-Regolament Nru 817/2004 jipprovdi:

“1.      L-applikazzjonijiet għall-appoġġ ta’ iżvilupp rurali għaż-żoni jew għall-annimali li jkunu ippreżentati separatament mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna permezz ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2419/2001 għandhom jindikaw iż-żoni kollha u l-annimali fl-oqsma, li huma relevanti għall-verifika ta’ l-applikazzjonijiet skond il-miżura f'dak il-każ, inklużi dawk li dwarhom l-ebda appoġġ ma jkun ġie mitlub.

[...]

4.      L-annimali u l-medded ta’ l-art għandhom ikunu identifikati bi qbil ma’ l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament (KEE) Nru 1782/2003.”

9        L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 817/2004 jipprovdi:

“1.      Applikazzjonijiet inizjali għas-sħubija fi skema u l-applikazzjonijiet sussegwenti għall-pagament għandhom ikunu verifikati f’manjera li tassigura verifika effettiva tal-konformità mal-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ l-appoġġ.

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu metodu xierqa u meżżi għall-verifika ta’ kull miżura ta’ appoġġ kif ukoll il-persuni li jkunu suġġetti għall-verifiki.

Fil-każi xierqa kollha, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-amministrazzjoni ntegrata u s-sitema ta’ kontroll […]

[...]”

10      L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jipprovdi:

“Verifiki amministrattivi għandhom ikunu eżawrenti u għandhom jinkludu trans-verifiki [verifiki trasversali] kull meta xieraq bi, inter alia, dettalji [data] minn amministrazzjoni integrata u sistemi ta’ kontroll. Dawn għandhom jirrigwardjaw il-medded ta’ art u l-qobla [l-annimali] koperti bil-miżura ta’ l-appoġġ sabiex ikunu evitati xi pagamenti mhux ġustifikati ta’ għajuna. Konformità ma impenji f’terminu fit-tul għandha tkun verifikata.”

11      Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1782/2003, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll.

12      L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa fformulat kif ġej:

“1. Is-sistema integrata [ta’ ġestjoni u ta’ kontroll] għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

a)      ‘data base’ kompjuterizzat,

b)      sistema ta’ identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art agrikola,

ċ)      sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament kif imsemmija fl-Artikolu 21,

d)      applikazzjonijiet għall-għajnuna,

e)      sistema integrata ta’ kontroll,

f)      sistema waħda biex tkun irreġistrata l-identità ta’ kull bidwi li jissottomentti applikazzjoni għall-għajnuna.

2.      Fil-każ ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 67, 68, 69, 70 u 71, is-sistema integrata [ta’ ġestjoni u ta’ kontroll] għandha tinkludi sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali stabbilita skond id-Direttiva 92/102/KEE […] u r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart [annimali tal-ifrat] u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 248).”

13      L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1782/2003 jiddefinixxi s-sistema ta’ identifikazzjoni ta’ art agrikola.

14      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jdaħħlu proċeduri li bihom id-data li tkun tinsab fid-database komputerizzata għall-annimali bovini [annimali tal-ifrat] tkun tista’ tintuża għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna, kemm-il darba d-database komputerizzata għall-annimali bovini tkun toffri l-livell ta’ assigurazzjoni u implimentazzjoni meħtieġa għall-immaniġġar kif imiss ta’ l-iskemi ta’ għajnuna nvoluti. Dawk il-proċeduri jistgħu jkunu jikkonsistu f’sistema li skond din il-bidwi jkun jista’ japplika għall-għajnuna fir-rigward tal-annimali kollha li, f’data li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru, jikkwalifikaw għall-għajnuna fuq il-bażi tad-data li tkun tinsab fid-database komputerizzata dwar l-annimali bovini. F’dan il-każi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxu li:

a)      Skond id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-perjodi relevanti taż-żamma ikunu identifikati b’mod ċar u mgħarrfa lill-bidwi;

b)      il-bidwi jkun konxju li l-annimali kollha li jinstabu li ma jkunux identifikati kif imiss jew reġistrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini għandhom jgħoddu bħala annimali misjuba b’irregolaritajiet kif imsemmi fl-Artikolu 59.

[...]”

15      Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1760/2000, l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri għandha tistabbilixxi database kompjuterizzata dwar l-annimali tal-ifrat, skont l-Artikoli 14 u 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1964, dwar il-problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jaffetwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 248).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 150/2004 tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali li jirrigwarda dispożizzjonijiet speċjali dwar il-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali mniżżla fil-baġit tal-Istat, ikkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija, Taqsima “Garanzija”, u msemmija fil-pjan nazzjonali għall-iżvilupp rurali (Magyar Közlöny 2004/116, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ministerjali Nru 150/2004”), jipprovdi li għajnuna tista’ tingħata bħala parti mill-programmi agroambjentali tal-ġestjoni tal-mergħat.

17      L-Artikolu 32(2) tar-Regolament Ministerjali jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-għajnuna kkonċernata, li jirrikjedi lill-bidwi kkonċernat li jkollu, minn naħa, mill-inqas ettaru ta’ mergħa f’ċerti ambjenti naturali sensittivi stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, mill-inqas 0.2 annimal għal kull ettaru għall-użu bħala mergħa.

18      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 31/2004 tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali jirrigwarda dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-benefiċċju ta’ għajnuna mniżżla fil-baġit tal-Istat, ikkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija, Taqsima “Garanzija”, u msemmija fil-Pjan Nazzjonali għall-Iżvilupp Rurali (Magyar Közlöny 2004/127), huwa fformulat kif ġej:

“L-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni hija vverifikata skont l-Artikoli 66 sa 70 tar-Regolament [Nru 817/2004].”

19      Is-sistema Ungeriża ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat (Egységes Nyilvántartási és Azonosítási Rendszer, iktar ’il quddiem l-“ENAR”) hija ddefinita fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 99/2002 tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali dwar l-identifikazzjoni individwali tal-annimali tal-ifrat u dwar is-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali tal-ifrat (Magyar Közlöny 2002/135) bħala li hija s-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali tal-ifrat li hija konnessa mar-reġistrazzjoni ta’ merħliet u tiżgura l-monitoraġġ tal-annimali, li tifforma wkoll il-bażi tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-oqsma speċjalizzati kkonċernati (saħħa veterinarja, kundizzjonijiet għat-trobbija, regolamentazzjoni tas-suq, eċċ).

20      L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-annimali tal-ifrat għandhom ikunu rreġistrati fir-reġistru nazzjonali għall-finijiet tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni individwali tagħhom.

21      L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jipprovdi li min iżomm l-annimali tal-ifrat huwa marbut sabiex jgħin fir-reġistrazzjoni eżatta u professjonali tal-merħla jew tal-annimali miżmuma.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Fis-26 ta’ Novembru 2004, K. Nagy applika għal għajnuna agroambjentali ta’ ħames snin mingħand il-MVH.

23      Introdotta bħala parti minn programm operattiv ta’ ġestjoni tal-mergħat, din l-għajnuna hija suġġetta, skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Ministerjali Nru 150/2004, għaż-żamma ta’ mill-inqas 0.2 annimal għal kull ettaru għall-użu bħala mergħa.

24      Fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna, K. Nagy iddikjara li għandu tnax-il annimal tal-ifrat u, fl-10 ta’ Awwissu 2005 u fis-6 ta’ Ottubru 2006, kiseb il-ħlas ta’ din l-għajnuna għas-snin 2004/2005 u 2005/2006 rispettivament.

25      Verifiki mwettqa fuq il-post fit-18 ta’ Ottubru 2006 kif ukoll verifiki trasversali mwettqa dwar is-sitwazzjoni fil-jum tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għajnuna, permezz tar-reġistru tal-ENAR, żvelaw li t-tnax-il bhima tal-ifrat msemmija f’din l-applikazzjoni ma kinux irreġistrati fil-mument meta saret din l-applikazzjoni.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006, il-MVH kkonstata li K. Nagy ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-għajnuna kontenzjuża, stabbilita fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament Ministerjali Nru 150/2004, sa fejn il-verifiki magħmula ma setgħux jikkonfermaw in-numru ta’ annimali ddikjarati fil-mument meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna. Konsegwentement, il-MVH eskluda lil K. Nagy mill-benefiċċju tal-għajnuna agroambjentali ta’ ħames snin u talbitu jirrimborsa s-somom diġà mħallsa, għal ammont total ta’ EUR 5 230.

27      K. Nagy ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni lill-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, li dan tal-aħħar ikkonferma, fl-10 ta’ Awwissu 2007, l-imsemmija deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 150/2004.

28      K. Nagy kkontesta d-deċiżjoni ta’ dan il-ministeru quddiem il-Fővárosi Bíróság billi sostna li huwa kellu, meta pppreżenta l-applikazzjoni għal għajnuna, in-numru ta’ annimali rikjest minn din id-dispożizzjoni, iżda ma kienx jaf bl-eżistenza tal-ENAR u bil-fatt li l-benefiċċju tal-għajnuna kontenzjuża kienet suġġetta għar-reġistrazzjoni tal-annimali kkonċernati f’din is-sistema, peress li l-ebda informazzjoni f’dan ir-rigward ma ġiet ikkomunikata lilu.

29      Il-Fővárosi Bíróság, peress li tikkunsidra li huwa neċessarju li tingħata risposta dwar il-punt jekk, fil-każ ta’ ħlasijiet dwar l-art, id-data tal-ENAR biss tistax tiġi kkunsidrata bħala awtentika jew jekk, f’dan il-każ, l-awtorità kompetenti tistax jew għandhiex, tibbaża ruħha fuq il-provi l-oħra, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 22 tar-Regolament [Nru 1257/1999] u 68 tar-Regolament [Nru 817/2004] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ programm speċifiku ta’ amministrazzjoni [ġestjoni] ta’ mergħa li taqa’ taħt l-għajnuna għall-ambjent agrikolu [agroambjentali] stabbilita mill-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, il-verifika tad-data li tinsab fid-databases ENAR […], li hija stabbilita bl-Artikolu 68 tar-Regolament [Nru 817/2004], għandha tinkludi l-ħlasijiet għal medda ta’ art li hija suġġett għar-rekwiżit ta’ densità ta’ bhejjem?

2)      Iż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, meta l-għajnuna tkun suġġetta għar-rekwiżit ta’ densità ta’ bhejjem, mingħajr ma tkun tirrigwarda l-ħlasijiet għal medda ta’ art [primjum tal-annimali] għandhom japllikaw ukoll it-transverifiki tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni [ġestjoni] u ta’ kontroll?

3)      Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti tista’, jew għandha, tivverifika l-eżistenza effettiva tar-rekwiżiti ta’ għajnuna indipendentement mis-sistema ENAR meta hija tiddeċiedi fuq l-għoti ta’ ħlasijiet għal medda ta’ art?

4)      Fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, liema obbligu ta’ kontroll huwa impost fuq l-awtorità kompetenti skont l-obbligu ta’ kontroll u ta’ transverifika stabbilit mid-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija iktar ’il fuq? Jista’ l-kontroll ikun limitat biss għall-verifika tad-data tas-sistema ENAR?

5)      Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jimponu fuq l-awtorità nazzjonali obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti eliġibbli għal għajnuna (bħal, pereżempju, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-ENAR)? Jekk iva, b’liema mod u sa fejn?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

30      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fir-rigward tal-għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu verifiki trasversali mad-data tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u, b’mod partikolari, li jibbażaw ruħhom fuq dik li tinsab fir-reġistru ta’ sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni individwali ta’ annimali tal-ifrat nazzjonali, bħalma hija l-ENAR.

31      Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 37(4) tar-Regolament Nru 1257/1999 jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu iżjed jew iktar kundizzjonijiet restrittivi għall-għoti ta’ sostenn mill-Komunità għal żvilupp rurali sakemm dawn il-kundizzjonijiet ikunu konsistenti mal-għanijiet u mal-ħtiġiet ipprovduti f’dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jipprovdi, b’mod partikolari, li sostenn għandu jingħata għall-metodi ta’ produzzjoni agrikoli maħsuba sabiex jipproteġu l-ambjent naturali u li dan is-sostenn huwa maħsub sabiex tiġi inkoraġġuta l-estensifikazzjoni tal-metodi ta’ trobbija favur l-ambjent u l-ġestjoni ta’ sistemi ta’ mergħa b’intensità baxxa.

32      Kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, ipprovduta minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall-użu ta’ art li tinsab f’ambjent sensittiv bħal mergħa u li għandha l-għan li tippreserva l-abbundanza ta’ flora u ta’ fawna tal-mergħat, li tapplika għall-għoti ta’ għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u, għaldaqstant, konsistenti mal-għanijiet u mal-ħtiġiet stabbiliti minn dan ir-regolament. Tali kundizzjoni tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ din l-għajnuna skont l-Artikolu 37(4) tal-imsemmi regolament.

33      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jipprovdi li l-kontroll amministrattiv huwa eżawrjenti. Din id-dispożizzjoni tispeċifika, barra minn hekk, li dan tal-aħħar jinkludu verifiki trasversali, fost oħrajn, fil-każijiet kollha xierqa, mad-data tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u li dawn il-verifiki jirrigwardaw il-meded ta’ art u l-annimali li jkunu suġġetti għal miżura ta’ sostenn, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ħlas inġustifikat ta’ sostenn. Barra minn hekk, mill-premessa 38 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-regoli amministrattivi għandhom jippermettu l-amminstrazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll b’mod aħjar tas-sostenn favur l-iżvilupp rurali, u li fl-interess tas-simpliċità, il-ġestjoni integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontrolli għandha tiġi applikata, fejn ikun possibbli.

34      Minn dan jirriżulta li Stati Membri jistgħu japplikaw dan l-Artikolu 68 għall-għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 li hija suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, peress li din hija kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ din l-għajnuna skont dan ir-regolament. Konsegwentement, verifiki trasversali fuq l-annimali li huma s-suġġett tal-għajnuna msemmija jsiru, fost oħrajn, fil-każijiet kollha xierqa, mad-data tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, li din hija użata mill-Istati Membri, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 817/2004.

35      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 66(4) tar-Regolament Nru 817/2004 jipprovdi li l-identifikazzjoni tal-annimali u tal-artijiet issir skont l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1782/2003. B’mod partikolari, l-Artikolu 18(2) ta’ dan l-aħħar regolament jipprovdi li din is-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tinkludi sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali stabbilita skont id-Direttiva 92/102 u skont ir-Regolament Nru 1760/2000.

36      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu18(2) tar-Regolament Nru 1782/2003, skont l-Artikolu 156(2)(a) ta’ dan ir-regolament, japplika għall-applikazzjonijiet għal ħlasijiet ippreżentati mis-sena kalendarja 2005. Għaldaqstant, fir-rigward tal-applikazzjonijiet ippreżentati qabel, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 445/2002, li, miktub f’termini simili għal dawk tal-Artikolu 66(4) tar-Regolament Nru 817/2004, jirreferi għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3508/92 li jirreferi wkoll għal tali sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali, stabbilita skont id-Direttiva 92/102 u skont ir-Regolament Nru 820/97.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li, fir-rigward tal-għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu verifiki trasversali mad-data tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u, b’mod partikolari, li jibbażaw rwieħhom fuq dik id-data li tinsab fir-reġistru ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-ispeċi tal-annimali tal-ifrat, bħalma hija l-ENAR.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

38      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi tagħha, li għandhom ukoll jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti, meta jsiru verifiki tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovduta fl-imsemmi Artikolu 22, sabiex jivverifikaw biss id-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni individwali u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-speċi tal-annimali tal-ifrat, bħalma hija l-ENAR, sabiex jirrifjutaw din l-għajnuna jew jekk, għall-kuntrarju, dawn id-dispożizzjonijiet jeħtiġux li l-imsemmija awtoritajiet iwettqu iktar verifiki, u, jekk ikun il-każ, li tiddetermina n-natura tagħhom.

39      L-ewwel nett għandu jitfakkar, fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovduta fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, li l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jipprovdi li l-verifika amministrattiva hija eżawrjenti u tinkludu verifiki trasversali, fost oħrajn, fil-każijiet kollha xierqa, mad-data tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.

40      L-importanza ta’ din is-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll hija wkoll enfasizzata fil-premessa 38 tar-Regolament Nru 817/2004 li tistipula li, sa fejn huwa possibbli, għandha tiġi applikata din is-sistema integrata. Bl-istess mod, l-Artikoli 66(1) u (4) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) ta’ dan ir-regolament jirreferu għall-imsemmija sistema integrata, li hija b’mod partikolari maħsuba sabiex tidentifika l-annimali miżmuma fl-azjenda. Kif jirriżulta mill-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, l-istess sistema integrata tinkludi, b’mod partikolari, sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali.

41      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li din is-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali għandha tkun totalment effettiva u affidabbli f’kull mument sabiex, b’mod partikolari, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jindividwaw malajr kemm jista’ jkun, fil-każ ta’ epiżootomija, il-provenjenza ta’ annimal u li jieħdu immedjatament il-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju għas-saħħa pubblika (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C‑45/05, Ġabra p. I‑3997, punt 41). Sabiex tingħata risposta għal dan it-tħassib ta’ effiċjenza u ta’ affidabbiltà premananti, dawk li jżommu l-annimali għandhom jirreġistraw l-annimali tal-ifrat tagħhom fid-database kompjuterizzata tal-imsemmija sistema.

42      Minn dan jirriżulta, fl-aħħar nett, li d-database kompjuterizzata tas-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali għandha l-għan li tiggarantixxi traċċabbiltà instantanja effiċjenti ta’ dawn l-annimali, li hija essenzjali għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika (ara s-sentenza Maatschap Schonewille-Prins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). Din il-bażi hija, għaldaqstant, maħsuba li tkun totalment affidabbli. Għaldaqstant, din il-bażi hija, waħedha, tali li tikkonferma l-fatt li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-għajnuna kkonċernata, bħal dik dwar id-densità tal-bhejjem.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi għandha tkun li l-Artikoli 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti, meta jagħmlu l-verifika ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovuta fl-imsemmi Artikolu 22, sabiex jivverifikaw biss id-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali tal-ifrat, bħalma hija l-ENAR, sabiex tiġi rrifjutata tali għajnuna, mingħajr ma neċessarjament ikollhom jagħmlu iktar verifiki.

 Fuq il-ħames domanda

44      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jissuġġettawx l-awtoritajiet nazzjonali għal obbligu ta’ informazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovduta f’dan l-Artikolu 22 u suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem u, jekk ikun il-każ, li tiddetermina n-natura u l-portata ta’ tali obbligu.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikoli 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u 68 tar-Regolament Nru 817/2004 u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dawn ir-regolamenti ma jimponu tali obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali.

46      Madankollu, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 796/2004 jirriżulta li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-applikazzjonijiet għal għajnuna “annimali”, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema li tippermetti lill-bdiewa li japplikaw għal għajnuna fir-rigward tal-annimali kollha eliġibbli għall-għajnuna kkonċernata, abbażi ta’ informazzjoni li tinsab f’database kompjuterizzata dwar l-annimali tal-ifrat, bħalma hija l-ENAR. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li, f’dan il-każ, huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li bidwi jkun informat li l-annimali kollha li jinstabu li ma jkunux identifikati kif imiss jew li ma jkunux irreġistrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat għandhom jgħoddu bħala annimali misjuba b’irregolaritajiet li jista’ jwassal għal konsegwenzi ġuridiċi, bħal tnaqqis jew esklużjoni mill-għajnuna kkonċernata.

47      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C‑354/95, Ġabra p. I‑4559, punt 61; tal-11 ta’ Novembru 2010, Grootes, C‑152/09, p. I‑11285, punt 66, kif ukoll tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Ahats et, C‑236/09, p. I‑0000, punt 28).

48      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-bdiewa li applikaw għall-kisba ta’ għajnuna pprovduta fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u suġġetta għall-kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem u dawk li ppreżentaw applikazzjoni għal għajnuna “annimali” huma f’sitwazzjoni simili fir-rigward tal-effetti legali li jistgħu jirriżultaw minn nuqqas ta identifikazzjoni jew nuqqas ta’ reġistrazzjoni f’sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat, bħalma hija l-ENAR.

49      Fil-fatt, bħal dawn l-bdiewa tal-aħħar, il-bdiewa li applikaw għall-kisba ta’ għajnuna pprovduta fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, u li ma osservawx ir-regoli ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat iġarrbu l-istess konsegwenzi ġuridiċi, peress li, kif jirriżulta fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, matul il-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ din l-għajnuna, b’mod partikolari dik li tirrigwarda d-densità tal-bhejjem, jibbażaw rwieħhom biss fuq id-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni individwali u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat, bħalma hija l-ENAR, sabiex tiġi rrifjutata l-imsemmija għajnuna.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jiġu ttrattati b’mod differenti s-sitwazzjoni tal-bdiewa li applikaw għall-kisba ta’ għajnuna pprovduta fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem u s-sitwazzjoni tal-bdiewa li ppreżentaw applikazzjoni għal għajnuna “annimali”, peress dawn il-bdiewa tal-aħħar biss għandhom dritt li jkunu informati mill-awtoritajiet nazzjonali li kull annimal mhux identifikat jew mhux irreġistrat b’mod korrett fis-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat għandhom jiġu inklużi fit-total tal-annimali misjuba b’irregolaritajiet li jista’ jwassal għal konsegwenzi ġuridiċi, bħal tnaqqis jew esklużjoni mill-għajnuna kkonċernata. Barra minn hekk, din id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata oġġettivament.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikoli 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u 68 tar-Regolament Nru 817/2004, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 796/2004, jissuġġettaw lill-awtoritajiet nazzjonali, sa fejn dawn jivverifikaw biss d-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali tal-ifrat, bħalma hija l-ENAR, għall-finijiet ta’ verifika tal-eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovduta fl-imsemmi Artikolu 22 u suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, għal obbligu ta’ informazzjoni dwar l-eliġibbiltà ta’ informazzjoni li tirrigwarda dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li jikkonsisti f’li l-bidwi kkonċernat minn din l-għajnuna jiġi informat li kull annimal mhux identifikat jew mhux irreġistrat b’mod korrett f’din is-sistema nazzjonali se jkun inkluż fit-total ta’ annimali misjuba b’irregolaritajiet li jista’ jwassal għal konsegwenzi ġuridiċi, bħal tnaqqis ta’ jew esklużjoni mill-għajnuna kkonċernata.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1783/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, u suġġetti għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, din id-dispożizzjoni kif ukoll l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, jippermettu lill-awtoritajiet sabiex iwettqu verifiki trasversali mad-data tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u, b’mod partikolari, li jibbażaw rwieħhom fuq dik id-data li tinsab fir-reġistru ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-annimali tal-ifrat, bħas-sistema Ungeriża ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-annimali tal-ifrat (Egységes Nyilvántartási és Azonosítási Rendszer).

2)      L-Artikoli 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti, meta jagħmlu l-verifika ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovuta fl-imsemmi Artikolu 22, sabiex jivverifikaw biss id-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali tal-ifrat, bħas-sistema Ungeriża ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-annimali tal-ifrat, sabiex tiġi rrifjutata tali għajnuna, mingħajr ma neċessarjament ikollhom jagħmlu iktar verifiki.

3)      L-Artikoli 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, kif emendat u 68 tar-Regolament Nru 817/2004, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament Nru 1782/2003, jissuġġettaw lill-awtoritajiet nazzjonali, sa fejn dawn jivverifikaw biss id-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali bovini, bħas-sistema Ungeriża ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-ispeċi ta’ annimali tal-ifrat, għall-finijiet ta’ verifika tal-eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovduta fl-imsemmi Artikolu 22 u suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, għal obbligu ta’ informazzjoni relatata ma’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li jikkonsisti f’li l-bidwi kkonċernat minn din l-għajnuna jiġi informat li kull annimal mhux identifikat jew mhux irreġistrat b’mod korrett f’din is-sistema nazzjonali se jkun inkluż fit-total ta’ annimali misjuba b’irregolaritajiet li jista’ jwassal għal konsegwenzi ġuridiċi, bħal tnaqqis ta’ jew esklużjoni mill-għajnuna kkonċernata.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top