EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0604

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 15 ta' Diċembru 2011.
Football Dataco Ltd et. vs Yahoo! UK Ltd et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Direttiva 96/9/KE - Protezzjoni legali ta’ databases - Drittijiet tal-awtur - Kalendarji tal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol.
Kawża C-604/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:848

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2011 ( 1 )

Kawża C-604/10

Football Dataco Ltd

Football Association Premier League Ltd

Football League Limited

Scottish Premier League Ltd

Scottish Football League

PA Sport UK Ltd

vs

Yahoo! UK Limited

Stan James (Abingdon) Limited

Stan James PLC

Enetpulse APS

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), ir-Renju Unit]

“Direttiva 96/9/KE — Protezzjoni legali ta’ databases — Kalendarji tal-kampjonati tal-futbol — Drittijiet tal-awtur”

1. 

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab biex tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-possibbiltà ta’ protezzjoni għall-kalendarji ta’ kampjonat tal-futbol abbażi tad-Direttiva 96/9/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (iktar ’il quddiem id-“Direttiva” ( 2 )). Fl-2004, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat il-fatt li dawn il-kalendarji bħala prinċipju ma jistgħux igawdu mill-protezzjoni “sui generis” abbażi tal-imsemmi dritt previst fid-Direttiva. F’dan ir-rigward għandu jiġi vverifikat, sabiex jiġi kkompletat dan il-qafas, jekk hijiex applikabbli u taħt liema kundizzjonijiet, il-protezzjoni pprovduta bid-drittijiet tal-awtur.

I – Il-kuntest ġuridiku

2.

Id-Direttiva 96/9/KE tipprovdi li database tista’ tgawdi minn żewġ tipi differenti ta’ protezzjoni. L-ewwel nett, dik il-protezzjoni żgurata bid-drittijiet tal-awtur, iddefinita skont it-termini li ġejjin fl-Artikolu 3 :

“1.   B’konformità ma’ din id-Direttiva, databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti bid-dritt ta’ l-awtur. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex tkun stabbilita l-eliġibilità tagħhom għal dik il-protezzjoni.

2.   Il-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur ta’ databases kif provduta f’din id-Direttiva m’għandhiex testendi għall-kontenut tagħhom u għandha tkun bla ħsara għad-drittijiet kollha li jkollhom x’jaqsmu mal-kontenut innifsu.”

3.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva jistabbilixxi wkoll tip ieħor ta’ protezzjoni, magħrufa bħala. “sui generis”, għad-databases, li l-preparazzjoni tagħhom irrikjediet “investiment sostanzjali”:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

[…]

4.   Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika wkoll jekk dik id-database ma tkunx eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Barra dan, dan għandu japplika wkoll jekk il-kontenut ta’ dik id-database ma jkunx eliġibbli għall-protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Il-protezzjoni ta’ databases skond id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għal drittijiet li jkun hemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom.”

4.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva jittratta l-applikazzjoni tagħha ratione temporis. Dan jindika, b’mod partikolari fil-punt 2, ir-regola li għandha tiġi applikata meta database tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, iżda ma tkunx tissodisfa l-kriterji għal din il-protezzjoni abbażi tal-istess Direttiva:

“[…] fejn database protetta bl-arranġamenti tad-dritt ta’ l-awtur fi Stat Membru fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibilità għall-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur stabbilita fl-Artikolu 3(1), din id-Direttiva ma jkollhiex l-effett li tnaqqas f’dak l-Istat Membru il-perjodu li jkun fadal ta’ protezzjoni mogħti permezz ta’ dawk l-arranġamenti”.

II – Fatti, proċedura prinċipali u domandi preliminari

5.

Il-kumpanniji Football Dataco Ltd et (iktar ’il quddiem “Football Dataco et”) jorganizzaw il-kampjonati tal-futbol Ingliż u Skoċċiż. F’dan il-kuntest, huma jiżviluppaw u jippubblikaw l-elenku tal-logħbiet kollha li jkunu se jintlagħbu kull sena fil-kampjonati. Il-konvenuti, Yahoo! UK Limited et, (iktar ’il quddiem “Yahoo et”) jużaw il-kalendarji tal-futbol inkwistjoni biex ifornu aħbarijiet u informazzjoni oħra u/jew biex jorganizzaw attivitajiet ta’ mħatri.

6.

Football Dataco et essenzjalment qed jitlobu mingħand Yahoo et il-ħlas tad-drittijiet għall-użu tal-kalendarji tal-futbol żviluppati minnhom. Huma qed jeżiġu l-protezzjoni ta’ dawn il-kalendarji, kemm abbażi tad-Direttiva kif ukoll abbażi tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll abbażi tad-dritt “sui generis”.

7.

Il-qrati nazzjonali eskludew il-protezzjoni abbażi tad-dritt “sui generis”, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar dan il-punt reċentement u b’mod ċar ħafna f’erba’ sentenzi mogħtija mill-Awla Manja f’Novembru 2004 ( 3 ). Għall-kuntrarju, minħabba li għadha meqjusa miftuħa l-problema dwar il-protezzjoni possibbli abbażi tad-drittijiet tal-awtur, li ma kinitx solvuta fl-2004, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

X’tifsira għandha tingħata, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, għal ‘databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu’, u b’mod partikolari:

a)

l-isforzi intellettwali u l-ħila implementata fil-ħolqien ta’ data għandhom jiġu esklużi?;

b)

“l-għażla jew l-arranġament” jimplikaw żieda sinjifikattiva għad-data li kienet teżisti qabel (bħal fil-każ tal-iffissar tad-data ta’ logħba tal-futbol);

c)

il-“kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu” tirrikjedi iktar minn xogħol sinjifikattiv u ħila sinjifikattiva min-naħa tal-awtur, u, jekk dan huwa l-każ, x’tirrikjedi?

2)

Id-Direttiva tostakola d-drittijiet tal-awtur nazzjonali fuq id-databases, li ma humiex dawk previsti mid-Direttiva?”

III – Fuq l-ewwel domanda preliminari

8.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża liema kundizzjonijiet għandha jkollha database, skont id-Direttiva 96/9/KE, biex tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur. Sabiex nirrispondi b’mod xieraq, jeħtieġ l-ewwel nett li tinġabar fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kalendarji tal-futbol u wara li jiġi vverifikat x’inhuma r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ tipi ta’ protezzjoni possibbli abbażi tad-Direttiva: id-drittijiet tal-awtur minn naħa u d-dritt “sui generis” min-naħa l-oħra.

A – Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam

9.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tad-databases, u nirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi diġà ċċitati ta’ Novembru 2004, ikkjarifikaw il-punti fundamentali li għandhom ikunu meqjusa fl-analiżi tad-domandi preliminari preżenti.

10.

L-ewwel nett, il-kalendarju tal-futbol, anki jekk jikkonsisti f’lista sempliċi ta’ logħbiet, għandu jitqies bħala database skont is-sens tad-Direttiva ( 4 ). Dan il-punt jitqies li diġà ġie stabbilit kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mis-suġġetti kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, u għaldaqstant ma għandux jingħata iktar attenzjoni.

11.

It-tieni nett, kalendarju tal-futbol ma jissodisfax ir-rekwiżiti li huma meħtiega skont is-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva għall-protezzjoni ta’ database bid-dritt “sui generis”. Fir-rigward tat-test tal-kalendarju jiġifieri, l-inklużjoni ta’ lista ordinata ta’ sensiela ta’ elementi li diġà jeżistu (id-data dwar kull logħba), ma jirrikjedi ebda investiment sostanzjali għat-tlestija, il-verifika jew il-preżentazzjoni tad-data ( 5 ). Anki dan l-aspett, kif diġà indikajt, jitqies mill-qorti tar-rinviju li diġà ġie stabbilit (għalkemm xi partijiet fil-kawża prinċipali ppruvaw jagħmlu xi domandi lil-Qorti tal-Ġustizzja anki relatati mad-dritt “sui generis”), u li għaldaqstant limitat ruħha għaż-żewġ domandi tagħha dwar il-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur.

B – Ir-relazzjoni bejn il-protezzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni “sui generis”

12.

Punt ieħor li għandu neċessarjament jiġi kkjarifikat qabel ma nipproċedi bl-analiżi tal-ewwel domanda preliminari jikkonċerna r-relazzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ protezzjoni previsti fid-Direttiva. Fil-fatt, mill-qari tat-test wieħed jista’ jistaqsi jekk teżistix relazzjoni ġerarkika bejn il-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur u dik “sui generis”. Interpretazzjoni simili bbażata fuq sorsi affidabbli ( 6 ) u invokata indirettament f’ċerti osservazzjonijiet li saru waqt is-seduta, tqis il-protezzjoni “sui generis” bħala protezzjoni tat-tieni livell, li tista’ tiġi rrikonoxxuta meta database ma jkollhiex l-oriġinalità li hija neċessarja biex tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur. F’dan il-każ, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, fis-sentenzi tagħha ta’ Novembru 2004, il-protezzjoni “sui generis” (biex ngħidu hekk “minuri”) għall-kampjonati tal-futbol awtomatikament wasslet anki għall-esklużjoni tal-protezzjoni (biex ngħidu hekk “maġġuri”) ibbażata fuq id-drittijiet tal-awtur.

13.

Madankollu, analiżi ddettaljata tad-Direttiva turi li interpretazzjoni simili ma hijiex korretta u ż-żewġ tipi ta’ protezzjoni għandhom jitqiesu bħala awtonomi għal kollox minn xulxin, kif jidher li aċċettaw is-suġġetti kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, inkluża l-Kummissjoni.

14.

F’din id-direttiva għandu jiġi osservat li s-suġġett stess taż-żewġ protezzjonijiet huwa differenti. Minn naħa, il-protezzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-awtur essenzjalment tiffoka fuq l-istruttura tad-database, jiġifieri l-mod kif din inħolqot konkretament mill-awtur, permezz tal-għażla tal-kontenut li għandu jkun inkluż jew il-modalitajiet tal-preżentazzjoni tiegħu. L-Artikolu 3(2) b’mod ċar jippreċiża li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur kif previst f’dan l-artikolu “m’għandhiex testendi […] għall-kontenut” tad-databases, li jista’ jkun protett bid-drittijiet tal-awtur b’mod awtonomu, iżda mhux għall-fatt li jiżdied f’database protetta. Il-premessa 15 tosserva li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur “għandha tinkludi l-istruttura tad-database”. Għall-kuntrarju, il-protezzjoni “sui generis” hija sempliċiment dritt biex ikunu evitati l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid tad-data inkluża fid-database. Dan id-dritt huwa rrikonoxxut mhux biex jipproteġi l-oriġinalità tad-database, iżda biex jikkumpensa l-isforz kbir li jsir biex tinġabar, tiġi vverifikata u/jew ippreżentata d-data inkluża f’dawn id-databases ( 7 ).

15.

Għaldaqstant, fi kliem ieħor, database tista’ tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur biss, bid-dritt “sui generis” biss, biż-żewġ drittijiet jew bl-ebda miż-żewġ drittijiet, skont il-każ.

C – Il-kunċett ta ’ database skont is-sens tad-Direttiva

16.

Kif għadu kemm intwera, il-fatt li ż-żewġ tipi ta’ protezzjoni possibbli ta’ database huma totalment indipendenti minn xulxin, madankollu ma jfissirx li l-kunċett ta’ database, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha ta’ Novembru 2004, għandu jkun differenti fir-rigward taż-żewġ tipi ta’ drittijiet. Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tiegħi dan il-kunċett għandu jkun identiku. Ma jagħmel l-ebda sens li kunċett ewlieni tad-Direttiva, iddefinit fl-Artikolu 1 tagħha, jista’ jkollu diversi tifsiriet, mingħajr ebda argument testwali f’dan ir-rigward, biex jiġu interpretati żewġ artikoli distinti tat-test leġiżlattiv, li jikkonservaw mill-bqija l-valur kollu tagħhom interpretati fid-dawl ta’ kunċett uniku tal-kunċett ta’ database. Id-drittijiet tal-awtur jistgħu jipproteġu l-istruttura tad-database, filwaqt li d-dritt “sui generis” jipproteġi l-kontenut: iżda dan bl-ebda mod ma jirrikjedi li jkunu jeżistu żewġ kunċetti differenti ta’ “database”.

17.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-ambitu tal-protezzjoni offruta mid-Direttiva ma jinkludix il-fażi tal-kreazzjoni tad-data, iżda biss il-fażi tal-ġbir, il-verifika u l-preżentazzjoni tagħha ( 8 ). Fi kliem ieħor, l-interpretazzjoni għandha tidentifka d-“database” billi toħloq distinzjoni ċara bejn il-mument tal-ħolqient tad-data, li ma jaqax taħt id-Direttiva, u l-mument li fih din id-data tkun inġabret jew ġiet abbozzata, li min-naħa l-oħra hija importanti biex jiġi ddeterminat jekk din id-database għandhiex jew le tiġi protetta.

18.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din id-distinzjoni bejn il-kreazzjoni tad-data u l-inklużjoni tagħha fl-ambitu ta’ diskors dwar il-protezzjoni “sui generis”. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dawn huma kunsiderazzjonijiet iktar ġenerali, li jirrigwardaw il-kunċett innifsu tad-database skont is-sens tad-Direttva. Din il-preċiżazzjoni barra minn hekk tikkjarifika b’mod definittiv li d-Direttiva tipproteġi l-kreazzjoni ta’ databases — taħt iż-żewġ profili tal-istruttura tagħhom u tal-ġbir tad-data iżda ma tittrattax il-protezzjoni tad-data bħala tali. Mill-bqija, l-għan tad-Direttiva huwa li tiffaċilita l-kreazzjoni ta’ sistemi ta’ ġbir u konsultazzjoni ta’ informazzjoni ( 9 ), mhux il-kreazzjoni ta’ data. Fid-diskussjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ database, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament insistiet fuq il-valur informattiv indipendenti tad-data inkluża fid-database ( 10 ).

19.

Il-fatt li għall-finijiet tad-Direttiva, qatt ma jiġu kkunsidrati l-attivitajiet tal-kreazzjoni tad-data huwa mill-bqija perfettament loġiku anki b’riferiment għad-drittijiet tal-awtur, minħabba li d-Direttiva tenfasizza, li d-data tista’ madankollu tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur bħala tali, jekk tissodisfa r-rekwiżiti, indipendentement mill-eżistenza tad-drittijiet tal-awtur fuq id-database.

20.

Barra minn hekk, għandi nosserva li, f’dan il-każ, l-idea stess li tintuża l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għall-protezzjoni tal-kalendarji tal-futbol tidher kemxejn singulari. Kif diġà nnutajt iktar ’il fuq, fil-fatt id-drittijiet tal-awtur jipproteġu essenzjalment, fil-każ ta’ database, il-parti “esterna” tagħha, l-istruttura tagħha. Milli qiegħed nifhem, Yahoo et, jużaw id-data żviluppata mill-kumpanniji organizzattriċi tal-kampjonati, u mhux il-modalitajiet eventwali li bihom dawn il-kumpanniji jippubblikaw din id-data. Qabel ma s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-2004 eskludew l-applikabbiltà tagħha, il-kumpanniji organizzattriċi ġustament kienu kkunsidraw li l-protezzjoni “sui generis”, tikkonċerna, kif intwera, iktar il-kontenut ta’ database (jew aħjar, l-isforz meħtieġ biex tinġabar u tiġi ppreżentata d-data), milli l-istruttura tagħha. Ir-rikors għad-drittijiet tal-awtur hawnhekk jidher li hu t-tieni l-aħjar soluzzjoni minħabba l-esklużjoni tal-protezzjoni “sui generis” min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, lanqas mhu ċert li l-eżistenza eventwali ta’ protezzjoni bbażata fuq id-dritt tal-awtur għall-kalendarji tal-futbol tipprekludi l-attività li bħalissa qed jagħmlu l-Yahoo et, li mill-atti tal-proċess, tidher li hija limitata għall-użu ta’ data mhux ipproċessata (dati, orarji u timijiet ta’ diversi logħbiet) mhux tal-istruttura tad-database.

21.

Minn dak li ntqal qabel, nista’ ngħaddi għall-analiżi tat-tliet sub-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Is-soluzzjoni ta’ dawn tippermetti, kif ser jintwera, li tingħata risposta kumplessiva għall-ewwel domanda preliminari.

D – Fuq id-domanda 1(a)

22.

Permezz tal-ewwel mit-tliet sub-domandi, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-attività mwettqa għall-kreazzjoni tad-data inkluża f’database għandhiex titqies biex jiġi ddeterminat jekk din id-database jistħoqqilhiex jew le l-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur.

23.

Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta direttamment minn dak li osservajt iktar ’il fuq fir-rigward tal-kunċett neċessarjament unitarju ta’ “database” fid-Direttiva. L-isforzi li jsiru għall-kreazzjoni tad-data ma jistgħux jitqiesu sabiex jiġi evalwat id-dritt għall-protezzjoni “sui generis”. Il-kreazzjoni ta’ data hija attività li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

24.

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li għalkemm l-attivitajiet li jsiru għall-kreazzjoni ta’ data ma jistgħux ikunu, kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkunsidrati għall-protezzjoni “sui generis”, li hija l-protezzjoni relatata iktar mill-qrib mad-data u l-mod tal-kisba tagħha, dawn l-attivitajiet għandhom speċjalment ikunu injorati f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, li għandha rabta iktar dgħajfa mal-ġbir tad-data u hija pjuttost iffukata fuq ir-rappreżentazzjoni tagħha.

E – Fuq id-domanda 1(b)

25.

Permezz tat-tieni sub-domanda, il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkjarifika jekk “l-għażla jew l-arranġament” tal-kontenut tad-database, li l-analiżi tiegħu tippermetti li jkun ivverifikat jekk jissodisfax il-prerekwiżiti għall-protezzjoni skont id-drittijiet tal-awtur, jistax jikkonsisti anki f’żieda rilevanti ta’ importanza ta’ data li diġà teżisti.

26.

Id-domanda magħmula, essenzjalment, hija l-kwistjoni dwar jekk jikkostitwixxix attività ta’ “għażla jew […] arranġament” biżżejjed biex jiggarantixxi l-protezzjoni abbażi tal-Artikolu 3 il-fatt, pereżempju, li jattribwixxi karatteristiċi speċifiċi supplimentari għal element inkluż f’database. Il-qorti tar-rinviju ssemmi, bħala eżempju, il-fatt li tiġi ddeterminata d-data ta’ logħba speċifika bejn żewġ timijiet tal-futbol.

27.

Inqis li s-sub-domanda li għadha kemm ġiet indikata titlaq minn prerekwiżit żbaljat. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet kollha relattivi għal kull logħba ta’ kampjonat speċifiku, għandhom jitqiesu bħala definiti qabel l-introduzzjoni tad-data fid-database. Kif diġà kkjarifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li kalendarju tal-futbol, id-data inizjali li tiddaħħal fid-database ma hijiex it-timijiet kollha u d-dati kollha possibbli, iżda ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull logħba li għandha tintlagħab (data, tim, post, eċċ.) ( 11 ). Fi kliem ieħor, id-determinazzjoni tal-karatteristiċi kollha ta’ kull logħba ssir fil-fażi tal-kreazzjoni tad-data- eskluża, kif rajna, mill-protezzjoni abbażi tad-Direttiva — u ma tistax titqies bħala r-riżultat jew il-konsegwenza tal-organizzazzjoni tad-data fid-database.

28.

Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tidher li telqet mill-prerekwiżit li fid-database kienu inklużi fil-prattika, diversi listi sempliċi: it-timijiet kollha tal-kampjonat, id-dati kollha u l-ħinijiet kollha possibbli għal-logħbiet. F’din il-perspettiva, id-determinazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull logħba (timijiet interessati, ġurnata u ħin) isseħħ, wara l-introduzzjoni tad-data inizjali fid-database. Din id-determinazzjoni hija l-prodott tad-database.

29.

Fl-opinjoni tiegħi, interpretazzjoni simili tal-fatti hija żbaljata. Ma humiex l-elenki ġeneriċi tat-timijiet, id-dati u l-ħinijiet possibbli li huma inklużi fid-database. Għall-kuntrarju, fid-database jiddaħlu l-logħbiet individwali li għandhom jintlagħbu, kull logħba bil-karatteristiċi kompluti tagħha: il-ħin, id-data, it-tim. Il-passaġġ mil-listi ġeneriċi (pereżempju t-timijiet A, B, C, D, eċċ., id-dati x, y, z, eċċ.) għad-definizzjoni tal-logħbiet individwali (pereżempju, tim A kontra tim B fid-data x) isir fil-fażi tal-kreazzjoni tad-data, qabel l-inklużjoni tagħhom stess fid-database.

30.

Konsegwentement, huma irrilevanti l-osservazzjonijiet iddettaljati ħafna tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali biex juru li x-xogħol tad-determinazzjoni tal-karatteristiċi ta’ kull logħba individwali mhux purament awtomatiku u għall-kuntrarju jirrikjedi ħila u kompetenza kunsiderevoli. Fil-fatt, din l-attività hija totalment preliminari u separata minn dik ta’ kreazzjoni tad-database.

31.

L-interpretazzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija kkonfermata mill-istess ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari minn testi li jenfasizzaw in-neċessità li l-komponenti individwali ta’ database jkollhom valur informattiv awtonomu ( 12 ). Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, il-listi ġeneriċi ta’ timijiet, dati u ħinijiet ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala awtentikament “informattivi”. Il-karatteristiċi kollha flimkien ta’ kull logħba individwali biss jistgħu jkollhom valur simili.

32.

Wara dak kollu li għadu kemm intqal, inqis li s-sub-domanda, anki jekk applikata f’termini astratti u lil hinn miċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni, għandha tingħata risposta pożittiva. Fi kliem ieħor, l-attribuzzjoni ta’ rilevanza sinjifikattiva għall-elementi ta’ data li kienet teżisti qabel — imwettqa permezz tal-inklużjoni ta’ din id-data f’database — tista’ tippreżenta “dispożizzjoni jew arranġament” li jistħoqqilhom li jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx dubju li, fl-ispirtu tad-Direttiva, l-inklużjoni tad-data f’database tagħti valur jew sinjifikat ulterjuri lill-istess data fl-kuntest ta’ evalwazzjoni kumplessiva għar-rikonoxximent tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għall-istess database. Dan huwa preċiżament l-iskop tad-dispożizzjoni li għandha l-għan li tipproteġi dak li database “żżied”, fi kwalunkwe mod, fir-rigward tad-data inizjali li tiddaħħal fiha. Fil-każ tal-elementi li jikkaratterizzaw il-logħbiet tal-kampjonat tal-futbol, madankollu, dawn huma kollha parti mid-data inizjali u ma humiex il-prodott tal-inklużjoni ta’ dawn tal-aħħar fid-database.

F – Fuq id-domanda 1(c)

33.

Permezz tat-tielet sub-domanda, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta “kreazzjoni intellettwali” tal-awtur ta’ database. Dan, evidentement minħabba l-fatt li l-Artikolu 3 tad-Direttiva preċiżament jissuġġetta l-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur għall-fatt li d-database, hija, għall-għażla jew għall-arranġament tal-kontenut, kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk sabiex ikollok kreazzjoni intellettwali huwiex biżżejjed li jkun hemm kontribut sinjifikattiv ta’ xogħol u ħila (“significant labour and skill”).

34.

Fl-opinjoni tiegħi, anki din it-tielet sub-domanda, bi probabbiltà kbira bħal ta’ qabel, titlaq minn premessa żbaljata minħabba li skontha, l-isforzi kbar li l-kumpanniji organizzattriċi jagħmlu biex jiddeterminaw it-timijiet, id-dati u l-ħinijiet tad-diversi logħbiet tal-kampjonat, sforzi li mingħajr dubju jirrikjedu kwantità ta’ xogħol u esperjenza organizzattiva, huma marbuta mal-kreazzjoni ta’ database. Fil-verità, kif innutajt iktar ’il fuq, dawn l-isforzi għall-kuntrarju għandhom ikunu marbuta mal-fażi ta’ qabel, jiġifieri dik tal-kreazzjoni tad-data, li ma tistax tiġi kkunsidrata għall-evalwazzjoni tad-dritt ta’ protezzjoni tad-database.

35.

Fi kwalunkwe każ, anki indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti u anki jekk id-domanda tal-qorti nazzjonali tiġi interpretata f’termini astratti, ir-risposta fl-opinjoni tiegħi hija neċessarja: il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija suġġetta għall-fatt li database hija kkaratterizzata minn element “kreattiv” u mhux biżżejjed li l-kreazzjoni tad-database irrikjediet xogħol u ħila.

36.

Huwa magħruf li fl-Unjoni Ewropea jeżistu standards differenti f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ oriġinalità mitlub, b’mod ġenerali biex tiġi rrikonoxxuta l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ( 13 ). B’mod partikolari, f’xi pajjiżi tal-Unjoni, dawk ikkaratterizzati minn tradizzjoni ta’ common law, il-kriterju ta’ riferiment tradizzjonalment huwa x-“xogħol, ħiliet jew sforz” (labour, skills or effort). Għal din ir-raġuni, pereżempju fir-Renju Unit, id-databases, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, kienu ġeneralment igawdu mill-protezzjoni bid-drittijiet tal-awtur. Database kienet protetta bid-drittijiet tal-awtur jekk il-kreatur tagħha kellu, fil-kuntest tal-elaborazzjoni tagħha, jagħmel sforz partikolari jew juża ċertu ħila. Għall-kuntrarju, fil-pajjiżi ta’ tradizzjoni kontinentali, huwa ġeneralment mitlub, sabiex tiġi rrikonoxxuta protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur, li x-xogħol ikollu element ta’ kreattività, jew jesprimi b’ċertu mod il-personalità tal-awtur tiegħu, minkejja li dejjem hija eskluża kwalunkwe evalwazzjoni relattiva għall-kwalità jew għan-natura “artistika” tax-xogħol.

37.

Għaldaqstant, f’dan ir-rigward ma hemmx dubji dwar il-fatt li d-Direttiva, daħlet, f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur, kunċett ta’ oriġinalità li jmur lil hinn minn sempliċiment sforz “mekkaniku” neċessarju biex tinġabar data u tiġi inkluża f’database. Sabiex tiġi protetta bid-drittijiet tal-awtur, database, kif jindika b’mod ċar l-Artikolu 3 tad-Direttiva għandha tkun “kreazzjoni intellettwali” tal-awtur tagħha. Din l-espressjoni ma tħalli ebda dubju u terġa’ tieħu l-format tipiku tat-tradizzjoni kontinentali tad-drittijiet tal-awtur.

38.

Huwa ċar li mhux possibbli li tingħata darba għal dejjem f’termini ġenerali definizzjoni dwar meta xogħol ikun “kreazzjoni intellettwali”. Din tinvolvi evalwazzjoni li, kif indikajt, mhix neċessarja fil-kawża inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, fejn dan ikun meħtieġ, din l-evalwazzjoni għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali abbażi taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari.

39.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażżjoni li tagħti xi indikazzjonijiet, u b’mod partikolari enfasizzat li l-protezzjoni tad-data bid-drittijiet tal-awtur irrikonoxxuta bl-Artikolu 3 tad-Direttiva, kif ukoll bl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 91/250 ( 14 ) dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter u bl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/116 ( 15 ) għall-fotografija, tippresupponi li x-xogħlijiet ikunu “oriġinali fis-sens li huma kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess” ( 16 ).

40.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja anki kellha mod kif tindika li kreazzjoni intellettwali tal-awtur tista’ tkun preżenti biss meta x-xogħol jirrifletti l-personalità tiegħu: dan ikun il-każ meta l-awtur jista’ jagħmel għażliet ħielsa u kreattivi ( 17 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, b’mod ġenerali, jista’ ma jkunx hemm l-oriġinalità neċessarja meta l-karatteristiċi ta’ xogħol ikunu imposti mill-funzjoni teknika ta’ dan tal-aħħar ( 18 ).

41.

Għaldaqstant, il-leġiżlatur tad-Direttiva essenzjalment ipprova jagħmel tip ta’ kompromess/konċiljazzjoni tal-orjentamenti eżistenti fid-diversi Stati tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva. Għall-protezzjoni bid-drittijiet tal-awtur, intgħażel il-prinċipju l-iktar “strett” tal-pajjiżi li għandhom tradizzjonijiet kontinentali, filwaqt li għall-protezzjoni “sui generis” intuża l-kriterju ta’ riferiment li fil-prattika huwa l-eqreb għal dak tat-tradizzjoni ta’ common law ( 19 ).

42.

Kif intwera, dawn huma indikazzjonijiet pjuttost ġenerali, li madankollu mhux meħtieġ li jkunu approfonditi iktar, minħabba li kif indikajt iktar ’il fuq, fil-każ ta’ kalendarju tal-futbol, jamalgamaw fid-database unitajiet informattivi u diġà kompluti li ma jakkwistaw ebda sinjifikat ulterjuri permezz tal-inklużjoni tagħhom fl-istess database.

43.

Il-fatt li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-databases hija suġġetta għal rekwiżit ta’ oriġinalità pjuttost strett naturalement ma jfissirx, li l-isforzi “mekkaniċi” għall-ġbir tad-data huma irrilevanti għall-finijiet tad-Direttiva. Għall-kuntrarju, l-għan essenzjali tal-Artikolu 7 tagħha dwar il-protezzjoni “sui generis”, huwa preċiżament dak li jipproteġi t-tali attività. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikazzjoni fil-każ tal-kalendarji tal-futbol ma jnaqqasx mill-importanza tagħhom f’termini iktar ġenerali.

44.

Madanakollu, jibqa’ l-fatt li fil-prinċipju, anki kalendarju tal-futbol, jista’ taħt xi kundizzjonijiet, ikun protett bid-drittijiet tal-awtur, jekk fit-twettiq prattiku tiegħu l-awtur introduċa elementi suffiċjenti ta’ oriġinalità. Pereżempju, kalendarju kkaratterizzat minn mod partikolari ta’ rappreżentazzjoni tal-logħbiet, permezz tal-użu tal-kuluri u elementi grafiċi oħra, jista’ mingħajr dubju jkun jistħoqqlu il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur abbażi tad-Direttiva. Din il-protezzjoni, madankollu hija limitata biex tkopri l-modalitajiet biss tar-rappreżentazzjoni, u mhux id-data inkluża fihom. Ma jirriżultax li fil-kawża inkwistjoni, il-kalendarju tal-futbol magħmul mill-kumpannija organizzattriċi tal-kampjonati huwa kkaratterizzat minn kwalunkwe modalità oriġinali tal-preżentazzjoni tad-data: madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan il-fatt, billi tikkunsidera, għal dan l-għan, l-indikazzjonijiet iċċitati hawn fuq li huma pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

G – Konklużjoni dwar l-ewwel domanda preliminari

45.

L-analiżi tat-tliet sub-domandi ppermettiet li jkunu kkjarifikati ċerti aspetti essenzjali tal-protezzjoni tad-databases bid-drittijiet tal-awtur abbażi tad-Direttiva. B’mod partikolari kien ikkjarifikat li l-isforz kbir għall-kreazzjoni tad-data ma jistax ikun ikkunsidrat biex ikun ivvalutat id-dritt għall-protezzjoni tad-databases inkwantu tali (l-ewwel sub-domanda). It-tieni nett intwera li, minkejja li l-inklużjoni ta’ elementi ġodda mad-data li diġà teżisti, li minħabba l-inklużjoni tagħhom fid-database tista’ tkun sinjifikattiva għall-evalwazzjoni jekk jistħoqqilhomx dritt għall-protezzjoni, fil-każ ta’ sensiela ta’ logħbiet tal-futbol inklużi f’database, ma hemm l-ebda “arrikkament” tad-data li diġà teżisti (it-tieni sub-domanda). Fl-aħħar nett huwa żgurat li s-sempliċi impenn ta’ sforz jew ħila ma huwiex biżżejjed sabiex database tkun kreazzjoni intellettwali protetta bid-drittijiet tal-awtur (it-tielet sub-domanda). Abbażi ta’ dawn l-ossevazzjonijiet, tista’ għaldaqstant tiġi fformulata risposta għall-ewwel domanda preliminari.

46.

Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi l-ewwel domanda preliminari billi tiddikjara li database tista’ tiġi protetta bid-drittijiet tal-awtur, skont is-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/9/KE, biss meta tikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali oriġinali tal-awtur tagħha. Għal dan l-għan, l-attivitajiet magħmula għall-kreazzjoni tad-data ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Fil-każ ta’ kalendarju tal-futbol, id-determinazzjoni tal-elementi kollha relatati ma’ kull logħba individwali, tikkostitwixxi attività ta’ kreazzjoni tad-data.

IV – Fuq it-tieni domanda preliminari

47.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tindika jekk il-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur indikata mid-Direttiva, hijiex l-uniku tip possibbli għal database, jew jekk għall-kuntrarju, id-dritt nazzjonali jistax jirrikonoxxi l-istess protezzjoni anki għad-databases li, skont is-sens tad-Direttiva, ma għandhomx ir-rekwiżiti neċessarji.

48.

L-istess qorti tar-rinviju tindika hija stess b’mod ċar fid-digriet tagħha li d-dubji li għandha fir-rigward tar-risposta għal din id-domanda huma żgħar u, fil-fatt, it-tieni domanda tista’ tissolva rapidament. Fil-fatt huwa ċar li d-Direttiva fil-qasam tal-protezzjoni tad-databases bid-drittijiet tal-awtur wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti li ma taċċettax drittijiet ulterjuri rikonoxxuti fil-livell nazzjonali.

49.

Mill-qari ta’ “premessi” tad-Direttiva jirriżulta mingħajr ebda ambigwità li din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur. Pereżempju, il-premessa 3 tgħid kif ġej:

“Billi jeħtieġ li d-differenzi eżistenti li jgħawwġu l-operat tas-suq intern jitneħħew, u li ma jkunx hemm oħrajn ġodda, waqt li m’hemmx għalfejn jitneħħew jew li ma jkunx hemm differenzi li ma jħallux effett ħażin fuq l-operat tas-suq intern jew fuq l-iżvilupp tas-suq ta’ l-informazzjoni fil-Komunità”.

50.

Il-premessa 12 tipprovdi l-istess ordni ta’ ideat:

“Billi investiment bħal dan għal-ħażna ta’ informazzjoni moderna u sistemi ta’ proċessar ma jseħħ fil-Komunità kemm-il darba ma jkunx hemm sistema ta’ protezzjoni legali stabbli u uniformi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dawk li jagħmlu databases”.

51.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, l-argument li jagħlaq b’mod definittiv il-kwistjoni huwa l-Artikolu 14 tad-Direttiva. Din id-dispożizzjoni tipprovdi sistema tranżitorja speċjali għad-databases li, peress li qabel kienu protetti bid-drittijiet tal-awtur abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur skont is-sens tad-Direttiva. Dawn id-databases iżommu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għall-kumplament tal-perijodu ta’ protezzjoni mogħtija abbażi tas-sistema nazzjonali qabel id-Direttiva. Huwa evidenti li d-dispożizzjoni ma kien ikollha ebda sens li kieku, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, dritt nazzjonali seta’ jkompli jirrikonoxxi mingħajr limitu ta’ żmien, il-protezzjoni ta’ database li ma għandhiex ir-rekwiżiti skont is-sens tad-Direttiva. Kieku fil-fatt kien hekk, id-dritt “nazzjonali” tal-awtur kien ikompli jkun applikabbli b’mod awtonomu u ma kienx ikun hemm għalfejn li tiġi stabbilita dispożizzjoni tranżitorja għad-databases li, skont is-sens tad-Direttiva, ma humiex oriġinali biżżejjed biex ikun jistħoqqilhom il-protezzjoni.

52.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva tipprojbixxi li dritt nazzjonali jirrikonoxxi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal database li ma tissodisfax il-kriterji indikati fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.

V – Konklużjonijiet

53.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej id-domandi preliminari mressqa mill-Court of Appeal:

“1.

Database tista’ tiġi protetta bid-drittijiet tal-awtur, skont is-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, biss meta din tkun kreazzjoni intellettwali oriġinali tal-awtur tagħha. Għaldaqstant, l-attivitajiet imwettqa għall-kreazzjoni tad-data ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Fil-każ ta’ kalendarju tal-futbol, id-determinazzjoni tal-elementi kollha relatati ma’ kull logħba individwali tikkostitwixxi attività ta’ kreazzjoni ta’ data.

2.

Id-Direttiva msemmija tipprojbixxi li dritt nazzjonali jirrikonoxxi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal database li ma tissodisfax ir-rekwiżiti indikati fl-Artikolu 3 tal-istess Direttiva.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 15, p. 459).

( 3 ) Sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C-46/02, Ġabra.p. I-10365), The British Horseracing Board et (C-203/02, Ġabra p. I-10415), Fixtures Marketing (C-338/02, Ġabra. p. I-10497), kif ukoll Fixtures Marketing (C-444/02, Ġabra. p I-10549).

( 4 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, (C-444/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 23 sa 36)

( 5 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C-46/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 44 sa 47),

( 6 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari id-Dokument ta’ Ħidma tad-Direttorat Ġenerali Suq Intern u Servizzi, tat-12 ta’ Diċembru 2005, First evaluation of Directive 96/9/EC on the legal protection of databases, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni.

( 7 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, (C-46/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 39). Inċidentalment nosserva li l-verżjoni Taljana tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tidher li qed timplika li l-investiment sostanzjali jseħħ fil-kisba, fil-verika u fil-preżentazzjoni tad-data. Min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jużaw il-konġunzjoni jew u permezz tagħha, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija koerenti :l-investiment sostanzjali xieraq li jkun protett anki jekk jirrigwarda l-kisba biss, il-verifika biss jew il-preżentazzjoni biss tad-data.

( 8 ) Sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, (C-444/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 39, 40), u (C-338/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 punt 25).

( 9 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C-444/02 iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 28).

( 10 ) Ibidem, punti 29 u 33 sa 35.

( 11 ) Sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C-46/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 41 u 42), (C-444/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 47) u (C-338/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 31).

( 12 ) Ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

( 13 ) Fil-proposta inizjali tad-Direttiva tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 1992, [COM(92) 24 def.], id-diverġenzi nazzjonali fir-rigward tal-oriġinalità kienu diġà ssemmew fost ir-raġunijiet favur armonizzazzjoni tal-protezzjoni tad-databases (ara l punt 2.2.5).

( 14 ) Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, (ĠU L 122, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).

( 15 ) Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 372, p. 12)

( 16 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt 35). Barra minn hekk, nosserva li t-tliet Direttivi li għadhom kemm ġew iċċitati jużaw terminoloġija, li f’xi lingwi hija identika, filwaqt li f’oħrajn, (pereżempju fit-Taljan), biex jindikaw differenzi kbar, juru b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jirreferi għall-istess kunċett.

( 17 ) Sentenza tal-1°ta’ Diċembru 2011, Painer (C-145/10, Ġabra p. I-12533), punti 86 sa 88.

( 18 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C-393/99 Ġabra p. I-13971, punt 49).

( 19 ) Dwar dan il-punt ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 1.1.

Top