EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0581

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 15 ta' Mejju 2012.
Emeka Nelson et. vs Deutsche Lufthansa AG (C-581/10) u TUI Travel plc et. vs Civil Aviation Authority (C-629/10).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Amtsgericht Köln - il-Ġermanja, High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) - ir-Renju Unit.
Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Artikoli 5 sa 7 - Konvenzjoni ta’ Montréal - Artikoli 19 u 29 - Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira - Kompatibbiltà.
Każijiet Magħquda C-581/10 u C-629/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:295

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2012 ( 1 )

Kawżi magħquda C-581/10 u C-629/10

Emeka Nelson,

Bill Chinazo Nelson,

Brian Cheimezie Nelson (C-581/10)

vs

Deutsche Lufthansa AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Köln (il-Ġermanja)]

u

TUI Travel plc,

British Airways plc,

easyJet Airline Co. Ltd,

International Air Transport Association,

The Queen (C-629/10)

vs

Civil Aviation Authority

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit)]

“Trasport — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira — Kompatibbiltà ta’ dan id-dritt mal-Konvenzjoni ta’ Montréal”

1. 

Dawn il-kawżi jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 2 ).

2. 

Permezz tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Amtsgericht Köln (il-Ġermanja) u l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), ifittxu li jsiru jafu, fir-realtà, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonfermax l-interpretazzjoni li hija tat lil dawn id-dispożizzjonijiet fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et  ( 3 ), skont liema l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u jistgħu għaldaqstant jinvokaw id-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 meta huma jsofru, minħabba titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru ( 4 ).

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma din l-interpretazzjoni u tiddeċiedi li l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament huma kompatibbli mal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Montréal fid-9 ta’ Diċembru 1999 ( 5 ), mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

4.

Il-Konvenzjoni ta’ Montréal ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2001/539/KE ( 6 ) u daħlet fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fit-28 ta’ Ġunju 2004.

5.

L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jipprovdi li t-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli għad-dannu kkawżat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, tal-bagalji jew tal-merkanzija. Madankollu, dan it-trasportatur ma huwiex responsabbli għad-dannu kkawżat minn dewmien jekk huwa jipprova li huwa, is-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu raġonevolment jintalbu sabiex jevitaw id-dannu, jew li kien impossibbli għalihom jieħdu dawn il-miżuri.

6.

L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jipprovdi:

“Fit-trasport tal-passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, tkun kif tkun fondata, kemm jekk taħt din il-Konvenzjoni, jew taħt kuntratt jew delitt jew xort’oħra, tista’ tinġieb biss bla ħsara għall-kondizzjonijiet u dawn il-limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-Konvenzjoni bla ħsara għall-kwistjoni dwar min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom. F’kull azzjoni ta’ din ix-xorta, m’humiex rikoverabbli danni punitivi, eżemplari jew danni oħrajn non-kompensatorji.”

B – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

7.

Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004 tindika li azzjoni mill-Komunità fil-qasam tat-trasport bl-ajru għandha b’mod partikolari tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri.

8.

Il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom ikunu limitati jew esklużi fil-każ li avveniment ġie kkawżat minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk kienu ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ instabbiltà politika, ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi inkompatibbli mal-operazzjoni tat-titjira inkwistjoni, ta’ riskji relatati mas-sigurtà, ta’ nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira kif ukoll ta’ strajkijiet li jaffettwaw l-operazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru li jopera.

9.

Skont il-premessa 15 tal-imsemmi regolament, għandu jitqies li jeżistu ċirkustanzi straordinarji meta l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fir-rigward ta’ ajruplan partikolari fuq vjaġġ partikolari jikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew iktar ta’ dan l-ajruplan, anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha mit-trasportatur tal-ajru inkwistjoni biex jiġu evitati d-dewmien jew il-kanċellazzjonijiet.

10.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

b)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ) u

ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7 […]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

11.

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

a)

għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

b)

għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

ċ)

għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

i)

l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

ii)

meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

iii)

meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.   Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

12.

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu, kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa marbut mat-tul tat-titjira kkonċernata. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, il-passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li l-ammont tiegħu huwa ffissat għal EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 km jew inqas, għal EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ iktar minn 1500 km kif ukoll għat-titjiriet l-oħra kollha ta’ bejn 1500 u 3500 km u għal EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqgħux fil-kategoriji preċedenti.

II – Il-fatti tal-kawżi prinċipali

A – Il-Kawża C-581/10

13.

E. Nelson kien għamel, għaż-żewġ uliedu u għalih, prenotazzjoni fuq it-titjira LH 565 Lagos-Frankfurt-am-Main tas-27 ta’ Marzu 2008 tal-10.50 ta’ filgħaxija. Fit-28 ta’ Marzu 2008, lejn is-2.00 ta’ filgħodu, din it-titjira ġiet ikkanċellata minħabba ħsara teknika li kienet taffettwa s-sistema ta’ navigazzjoni tar-roti ta’ quddiem tal-ajruplan. E. Nelson u ż-żewġ uliedu għalhekk raqdu f’lukanda. Fit-28 ta’ Marzu 2008, fl-4.00 ta’ waranofsinhar, huma twasslu mil-lukanda għall-ajruport, peress li l-ajruplan kien ġie ssostitwit b’ajruplan li kien ġej minn Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja). It-titjira Lagos-Frankfurt-am-Main kienet finalment twettqet fid-29 ta’ Marzu 2008 fis-1.00 ta’ filgħodu. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din it-titjira kellha l-istess numru tat-titjira, jiġifieri LH 565, kif ukoll, essenzjalment, l-istess passiġġieri li kienu għamlu prenotazzjoni fuq it-titjira tas-27 ta’ Marzu 2008. L-ajruplan wasal Frankfurt-am-Main fid-29 ta’ Marzu 2008 fil-7.10 ta’ filgħodu, jiġifieri b’dewmien ta’ iktar minn 24 siegħa mill-ħin inizjalment previst.

14.

E. Nelson iqis li dan id-dewmien jagħtih id-dritt, kif ukoll liż-żewġ uliedu, għall-benefiċċju tal-kumpens stabbilit fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004. Huwa għalhekk fetaħ kawża quddiem l-Amtsgericht Köln fejn talab li l-kumpannija tal-ajru Deutsche Lufthansa AG tiġi kkundannata tħallas, lil kull wieħed minnhom, is-somma ta’ EUR 600 abbażi tal-Artikolu 5(1)(ċ) ta’ dan ir-Regolament kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament.

15.

Deutsche Lufthansa AG tqis li, peress li t-titjira twettqet, din ma tistax tiġi kklassifikata bħala “kkanċellata” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004. Dan huwa każ, għalhekk, ta’ dewmien ta’ titjira, li għalih dan ir-regolament ma jipprevedix kumpens.

16.

Minħabba d-deċiżjoni li kienet mistennija fil-kawżi magħquda li wasslet għas-sentenza Sturgeon et, iċċitati iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-kawża. Din il-kawża tkompliet wara din is-sentenza. Madankollu, il-qorti tar-rinviju kien fadlilha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza mal-Konvenzjoni ta’ Montréal. Għalhekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

B – Il-Kawża C-629/10

17.

Il-kawża prinċipali tressqet minn TUI Travel plc (iktar ’il quddiem, “TUI Travel”), British Airways plc, easyJet Airline Co. Ltd kif ukoll l-International Air Transport Association (Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, iktar ’il quddiem, l-“IATA”) kontra s-Civil Aviation Authority (Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili, iktar ’il quddiem, is-“CAA”).

18.

TUI Travel għandha seba’ kumpanniji tal-ajru, ibbażati f’diversi Stati Membri. Dawn il-kumpanniji joperaw essenzjalment titjiriet charter f’isem TUI Travel, li l-attività prinċipali tagħha hija l-organizzazzjoni ta’ vjaġġi u ta’ tours. L-IATA hija organizzazzjoni kummerċjali internazzjonali li tiġbor madwar 230 kumpannija tal-ajru li jirrappreżentaw, huma nfushom, 93 % tat-traffiku internazzjonali regolari.

19.

Il-kawża prinċipali tnisslet minn talba mressqa mir-rikorrenti lis-CAA intiża sabiex jiġi kkonfermat li din tal-aħħar ma kinitx ser tinterpreta r-Regolament Nru 261/2004 fis-sens li dan jimponi obbligu fuq il-kumpanniji tal-ajru li jikkumpensaw lill-passiġġieri f’każ ta’ dewmien. Is-CAA rrifjutat li tikkonferma interpretazzjoni bħal din u indikat li hija kienet marbuta bis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq. Għaldaqstant ir-rikorrenti ressqu kawża quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court). Din tal-aħħar iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ domandi preliminari.

20.

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 2011, il-Kawżi C-581/10 P u C-629/10 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

III – Id-domandi preliminari

A – Il-Kawża C-581/10

21.

L-Amtsgericht Köln għamlet is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jikkostitwixxi dritt għal danni fuq bażi li ma hijiex dik tal-kumpens fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal?

2)

X’relazzjoni hemm bejn, minn naħa, id-dritt għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jista’ jkun pretiż, skont is-sentenza [Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq], mill-passiġġieri li jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal kumpens tad-danni kkawżati minn dewmien, previst fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, fid-dawl tal-esklużjoni, taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 29 ta’ din l-istess konvenzjoni, ta’ danni fuq bażi li ma hijiex dik tal-kumpens?

3)

Kif jista’ l-kriterju ta’ interpretazzjoni li fuqu hija bbażata s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, li jippermetti li d-dritt għal kumpens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jiġi estiż għal każijiet ta’ dewmien, jiġi rrikonċiljat mal-kriterju ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika għal dan l-istess regolament fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403)?”

B – Il-Kawża C-629/10

22.

Il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), għamlet is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament [...] Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu l-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 [ta’ dan ir-regolament] lill-passaġġieri li t-titjiriet tagħhom kellhom dewmien fis-sens tal-Artikolu 6 [tal-imsemmi regolament], u jekk dan huwa l-każ f’liema ċirkustanzi?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament [...] Nru 261/2004 huma invalidi, għalkollox jew parzjalment, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali?

3)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament [...] Nru 261/2004 huma invalidi, għalkollox jew parzjalment, minħabba (a) inkompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, (b) ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u/jew (ċ) ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali?

4)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermativa u t-tielet domanda tingħata risposta negattiva, x’limiti, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu imposti fuq l-effett ratione temporis tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ?

5)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, x’effett għandu jingħata, jekk ikun il-każ, lis-sentenza Sturgeon et, [iċċitata iktar ’il fuq], bejn id-19 ta’ Novembru 2009, id-data meta ngħatat, u d-data tas-sentenza li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ?”

IV – L-analiżi tiegħi

A – Osservazzjonijiet preliminari

23.

Peress li wħud mid-domandi magħmula mill-Amtsgericht Köln u mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), huma konnessi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tittrattahom bil-mod segwenti.

24.

Qabelxejn, l-Amtsgericht Köln, permezz tat-tielet domanda tagħha, kif ukoll il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), permezz tal-ewwel domanda tagħha, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-realtà, tikkonferma l-interpretazzjoni li hija tat lill-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 fis-sentenza, Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq.

25.

Imbagħad, bit-tieni domanda tagħha, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), tistaqsi jekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament humiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

26.

Sussegwentement, l-ewwel u t-tieni domandi magħmula mill-Amtsgericht Köln kif ukoll it-tielet domanda magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), jirrigwardaw, essenzjalment, il-kompatibbiltà tal-Artikoli 5, 6 u 7 tal-imsemmi regolament mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, sa fejn il-passiġġieri ta’ titjira mdewma jistgħu jitolbu l-kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

27.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), tfittex ukoll li ssir taf, essenzjalment, jekk is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’dawn il-kawżi għandux ikollha l-effetti tagħha limitati ratione temporis fil-każ li hija tiddeċiedi li l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru huwa obbligat iħallas kumpens lill-passiġġier li t-titjira tiegħu kienet iddewmet.

28.

Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru ma huwiex obbligat iħallas kumpens lill-passiġġier li t-titjira tiegħu kienet iddewmet, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), permezz tal-ħames domanda tagħha, tistaqsi liema effett għandu jingħata lis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, bejn id-19 ta’ Novembru 2009, id-data meta ngħatat, u d-data tas-sentenza f’dawn il-kawżi.

B – Fuq id-domandi preliminari

1. Fuq id-dritt tal-passiġġier tal-ajru għal kumpens f’każ ta’ dewmien ta’ titjira

29.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tistħarreġ il-kwistjoni dwar jekk trasportatur tal-ajru kienx obbligat, bis-saħħa tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, jikkumpensa lill-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ikunu ddewmu. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, hija ddeċidiet li dawn l-artikoli għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b’hekk huma jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru ( 7 ).

30.

Madankollu, il-kawżi prinċipali juru r-rifjut tat-trasportaturi tal-ajru li japplikaw din is-sentenza u li jikkumpensaw lill-passiġġieri li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Dawn it-trasportaturi jqisu, tabilħaqq, minn naħa, li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, lill-Artikoli 5, 6 u 7 tal-imsemmi regolament tikkontradixxi l-approċċ adottat fis-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

31.

F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi fuq il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 kinux invalidi għaliex ma kinux konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

32.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet, fil-punt 76 tal-imsemmija sentenza, li “għalkemm il-preambolu ta’ att Komunitarju għandu mnejn jippreċiża l-kontenut ta’ l-istess att […] ma jistax jiġi invokat biex issir deroga għad-dispożizzjonijiet infushom ta’ l-att ikkonċenat”. Hija kompliet tispjega li, “ċertament, il-formulazzjoni [tal-premessa 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004] tagħti l-impressjoni li, b’mod ġenerali, it-trasportatur bl-ajru li jopera għandu jinħeles mill-obbligi kollha tiegħu f’każ ta’ ċirkustanzi straordinarji, u tqajjem għaldaqstant ċerta ambigwità bejn l-intenzjoni hekk speċifikata mil-leġiżlatur Komunitarju u l-kontenut innifsu ta’ l-Artikoli 5 u 6 [ta’ dan ir-]Regolament […] li ma jagħtux natura daqstant ġenerali lil din l-iskuża ta’ responsabbiltà. Madankollu,tali ambigwità mhix tali li tirrendi inkoerenti d-dispożittiv adottat fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ Artikoli, li huma per se mingħajr ebda ambigwità”.

33.

Il-Gvern tar-Renju Unit minn dan il-punt jiddeduċi li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 261/2004 ma jipprevedi ebda obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet u li din ma kkunsidratx li l-premessa 15 ta’ dan ir-regolament setgħet tintuża sabiex tiġi mmodifikata t-tifsira tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament ( 8 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet żbaljata meta bbażat ir-raġunament tagħha fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, fuq din il-premessa u kkonkludiet li kumpens jista’ wkoll ikun dovut fil-każ ta’ dewmien.

34.

Jiena ma naħsibx li analiżi bħal din tista’ tiġi dedotta mill-punt 76 tas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, u li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, tikkontradixxi l-approċċ adottat fl-ewwel sentenza.

35.

Jeħtieġ, fil-fatt, li dan il-punt jitqiegħed fil-kuntest tiegħu. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, fil-fehma tiegħi, fuq il-validità tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Ir-rikorrenti jsostnu li dan tal-aħħar jipprevedi, b’mod inkonsistenti mal-premessi 14 u 15 tiegħu, li ċirkustanzi straordinarji jistgħu jillimitaw jew jeskludu r-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru li jopera f’każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjiriet filwaqt li l-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, li jirregolaw l-obbligi tagħhom f’każ bħal dan, ma jinkludux, ħlief fir-rigward tal-obbligu ta’ kumpens, tali skuża ta’ responsabbiltà ( 9 ).

36.

Dawn ir-rikorrenti kienu sorpriżi, fir-realtà, bin-nuqqas, fil-korp tat-test tar-Regolament Nru 261/2004, tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ assistenza u ta’ teħid ta’ kura tal-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira minħabba ċirkustanzi straordinarji. Skonthom, il-premessi 14 u 15 ta’ dan ir-regolament jindikaw li t-trasportatur tal-ajru għandu jiġi eżentat minn kull obbligu, ikun xi jkun, fil-każ ta’ ċirkustanzi straordinarji meta t-titjira mhux biss ġiet ikkanċellata, imma wkoll imdewma. Huma jargumentaw għalhekk li dawn il-premessi, moqrija flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, dwar id-dewmien ta’ titjira, jagħtu lok għal ċerta ambigwità, fatt li jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 10 ).

37.

Huwa fuq dan l-aspett li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 76 tas-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, li ambigwità bħal din ma hijiex tali li tirrendi inkoerenti d-dispożittiv adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004, li min-naħa tagħhom huma mingħajr ebda ambigwità. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-fehma tiegħi, li l-ambigwità li tista’ tqum mill-qari tal-premessi 14 u 15 ta’ dan ir-regolament ma tbiddel xejn mill-fatt li huwa ċar, fil-korp tat-test, li l-iskuża ta’ ċirkustanzi straordinarja ma hijiex ta’ natura ġenerali, imma tapplika unikament għall-obbligu ta’ kumpens.

38.

Għalhekk, jiena ma naħsibx li minn din l-analiżi tista’ tinstilet il-konklużjoni li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, tikkontradixxi l-approċċ li hija adottat fis-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq.

39.

Fuq il-prinċipju nnifsu ta’ kumpens lill-passiġġier tal-ajru li t-titjira tiegħu kienet iddewmet b’mill-inqas tliet sigħat, peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma pproduċew ebda element ġdid li kapaċi jikkontesta l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil dawn id-dispożizzjonijiet fis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, ma narax għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tmur lura minn din l-interpretazzjoni.

40.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-metodu tal-interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament Nru 261/2004 ( 11 ). L-interpretazzjoni tal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament hija suġġerita mill-premessa 15 tiegħu u hija bbażata fuq l-għan innisfu tat-test li huwa, infakkar, dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri tal-ajru irrispettivament mill-fatt jekk dawn ma tħallewx jitilgħu, jekk kienx hemm kanċellazzjoni jew dewmien ta’ titjira, peress li lkoll huma vittmi ta’ diffikultajiet u ta’ inkonvenjenzi serji simili marbuta mat-trasport bl-ajru ( 12 ).

41.

Il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet, fir-realtà, interpretazzjoni a contrario tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004. Din, fil-fatt, tindika li “ċirkostanzi straordinarji [u minħabba f’hekk ħelsien mill-obbligu ta’ kumpens] għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deciżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew iktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru”. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 43 tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kunċett ta’ dewmien twil huwa wkoll marbut mal-kunċett ta’ kumpens.

42.

Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 47 tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att Komunitarju għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu. Bl-istess mod, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi interpretata b’diversi modi, għandha tiġi ppreferuta dik li tiżgura li d-dispożizzjoni żżomm l-effettività tagħha.

43.

Issa, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza huwa preċiżament intiż sabiex ma tiġix affettwata l-validità tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 billi tintgħażel l-interpretazzjoni li tiżgura li dawn id-dispożizzjonijiet iżommu l-effettività tagħhom. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jikkumpensa, fost l-oħrajn, id-dannu li jikkonsisti, għall-passiġġieri kkonċernati, f’telf ta’ ħin li ma huwiex riparabbli, minħabba n-natura irreversibbli tiegħu, ħlief b’kumpens. Hija kkonkludiet li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet is-suġġett ta’ kanċellazzjoni u dawk affettwati minn dewmien ta’ titjira jsofru dannu simili, li jikkonsisti f’telf ta’ ħin, u għaldaqstant isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament ( 13 ).

44.

Għalhekk, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ trattament ugwali li dawn il-passiġġieri jkunu ttrattati b’mod differenti, anki jekk huma jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli. Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

45.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dewmien għandu jiġi kkunsidrat bħala twil, u jagħti lok għal kumpens bħal dan, meta l-passiġġieri jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla oriġinarjament previst mit-trasportatur tal-ajru. Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dewmien twil”, imsemmi fil-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, kienet ukoll is-suġġett ta’ kritika min-naħa, b’mod partikolari, tat-trasportaturi tal-ajru u tal-avukati akkademiċi li jargumentaw li l-iffissar ta’ dan it-tul huwa arbitrarju u ma huwiex iġġustifikat f’dan ir-regolament.

46.

Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif ( 14 ). Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet tal-passiġġieri tal-ajru li t-titjira tagħhom kienet iddewmet u tat-trasportaturi tal-ajru, dan ifisser li tal-ewwel għandhom ikunu jistgħu jkunu jafu minn meta huma jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ kumpens u li t-tieni għandhom ikunu jistgħu jkunu jafu minn meta huma obbligati jħallsu dan il-kumpens. L-iffissar ta’ limitu ta’ ħin jippermetti li jiġi evitat li l-qrati nazzjonali jevalwaw b’mod differenti l-kunċett ta’ dewmien twil u li dan ma jwassalx għal inċertezza legali ( 15 ). Passiġġieri li jkunu sofrew telf ta’ ħin ta’ erba’ sigħat jistgħu jingħataw kumpens f’ċerti Stati Membri imma mhux f’oħrajn, peress li ċerti qrati nazzjonali jiddeċiedu li dan id-dewmien huwa dewmien twil skont ir-Regolament Nru 261/2004, filwaqt li oħrajn iqisu li dan ma huwiex il-każ. Barra minn inċertezza legali, dan ikollu l-konsegwenza li joħloq inugwaljanzi bejn passiġġieri tal-ajru li madankollu jkunu f’sitwazzjonijiet identiċi.

47.

Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat it-telf ta’ ħin li lil hinn minnu l-passiġġieri ta’ titjira mdewma jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ kumpens, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq is-sitwazzjoni ta’ passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati li tinbidel ir-rotta tagħhom skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li s-sitwazzjoni tagħhom hija simili għal dik ta’ passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet u peress li ż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri huma informati, fil-prinċipju, fl-istess mument bl-inċident li jirrendi t-trasport tal-ajru iktar diffiċli ( 16 ). Barra minn hekk, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri jaslu fid-destinazzjoni tagħhom wara l-ħin oriġinarjament previst u huma jsofru, konsegwentement, telf ta’ ħin simili ( 17 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement irrilevat li l-passiġġieri li huma offruti rotta differenti skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 jingħataw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta t-trasportatur ma joffrilhomx rotta differenti permezz ta’ titjira li titlaq mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq previst u li tasal fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla previst. Dawn il-passiġġieri għalhekk jiksbu dritt għal kumpens meta jsofru telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar meta mqabbel mal-ħin li kien inizjalment previst mit-trasportatur ( 18 ).

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 meta huma jsofru, minħabba tali titjiriet, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru ( 19 ).

49.

Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b’hekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru.

50.

Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court).

2. Fuq il-kompatibbiltà tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali

51.

L-Amtsgericht Köln tistaqsi, essenzjalment, dwar kif id-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jirrelata mal-Artikoli 19 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jeskludu danni li jirriżultaw minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri li ma humiex kumpensatorji.

52.

Barra minn hekk, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), tistaqsi, fir-realtà, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jitolbu l-kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, jekk dik id-dispożizzjoni hijiex invalida, kollha jew parzjalment, minħabba inkompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

53.

Rigward il-kompatibbiltà tad-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament mal-Artikoli 19 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull dewmien fit-trasport bl-ajru jista’ jikkawża, bħala regola ġenerali, żewġ tipi ta’ danni, jiġifieri, minn naħa, danni kważi identiċi għall-passiġġieri kollha li l-kumpens għalihom jista’ jieħu l-forma ta’ assistenza jew ta’ teħid ta’ kura, standardizzati u immedjati, għal dawk kollha kkonċernati, u min-naħa l-oħra, danni individwali, inerenti għar-raġuni tal-ivvjaġġjar tagħhom, li l-kumpens għalihom jirrikjedi evalwazzjoni każ b’każ tal-estent tad-danni kkaġunati u jista’ biss, konsegwentement, ikun kumpens a posteriori u individwalizzat ( 20 ).

54.

Il-Konvenzjoni ta’ Montréal għandha l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet għall-kumpens ta’ dan it-tieni tip ta’ dannu ( 21 ). Peress li l-assistenza u t-teħid ta’ kura tal-passiġġieri stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira jikkostitwixxu miżuri ta’ kumpens standardizzati u immedjati, dawn ma jaqgħux fost dawk li din il-konvenzjoni tiffissa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom ( 22 ).

55.

L-istess bħall-assistenza u t-teħid ta’ kura, il-kumpens taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi miżura standardizzata u immedjata intiża sabiex tikkumpensa dannu li jikkonsisti, għall-passiġġier tal-ajru li, b’mod partikolari, it-titjira tiegħu kienet iddewmet, f’telf ta’ ħin irreversibbli ( 23 ). Dan huwa kkonfermat min-natura ta’ somma f’daqqa ta’ dan il-kumpens li l-ammont tiegħu jvarja mhux skont id-dannu individwali subit, imma skont id-distanza tat-titjira koperta jew li għandha tiġi koperta, kif ukoll minn natura ġenerali tiegħu għaliex dan huwa applikabbli indistintivament fir-rigward tal-passiġġieri kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minnu.

56.

Konsegwentement, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa, fil-fehma tiegħi, kompatibbli mal-Artikoli 19 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

57.

F’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament ma’ dan il-prinċipju ( 24 ). Hija ddeċidiet, f’dan ir-rigward li l-miżuri previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament ( 25 ) huma, minnhom infushom, ta’ natura li jikkumpensaw immedjatament uħud mid-danni subiti mill-passiġġieri tal-ajru f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira, u jippermettu għalhekk li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni kkonċernati, imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 ( 26 ).

58.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li huwa paċifiku li l-estent tad-diversi miżuri magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni jvarja skont is-sinjifikanza tad-danni subiti mill-passiġġieri, li hija evalwata jew skont it-tul tad-dewmien u tal-istennija għat-titjira li tkun tmiss, jew skont iż-żmien meħud sabiex il-persuni kkonċernati jiġu mgħarrfa bil-kanċellazzjoni tat-titjira. Il-kriterji hekk adottati sabiex jiġi ddeterminat id-dritt tal-passiġġieri li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri xejn ma jidhru għaldaqstant li ma humiex relatati mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità ( 27 ).

59.

Ċerti partijiet fil-kawża prinċipali, barra minn hekk, iressqu l-argument li l-kumpens tal-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet iwassal għall-impożizzjoni ta’ piż finanzjarju arbitrarju u tqil iżżejjed fuq it-trasportaturi tal-ajru. Dan il-kumpens ikun sproporzjonat fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004.

60.

F’dan ir-rigward, skont iċ-ċifri miġjuba għall-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), inqas minn 1.2 % tat-titjiriet jistgħu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar it-titjiriet imdewma. Barra minn hekk, inqas minn 0.5 % tat-titjiriet imdewma jittardjaw bi tliet sigħat jew iktar, kemm jekk id-dewmien huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji jew le. Il-proporzjon tat-titjiriet li d-dewmien tagħhom jagħti lok għall-kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament huwa ta’ inqas minn 0.15 % ( 28 ).

61.

Il-frekwenza ta’ dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat u li jagħti dritt għal dan il-kumpens għalhekk tidher limitata. L-effetti tal-kumpens dovut fil-każ ta’ dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat ma jidhrulix, għalhekk, li huma sproporzjonati fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 261/2004 li huwa, infakkar, dak li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru.

62.

Dan huwa partikolarment il-każ, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba li t-trasportaturi tal-ajru ma humiex obbligati jħallsu kumpens jekk ikunu f’pożizzjoni jipprovaw li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv ( 29 ). Barra minn hekk, it-twettiq tal-obbligi skont ir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għad-dritt tat-trasportaturi li jfittxu kumpens mingħand kull persuna li kkaġunat dewmien, inkluż terzi, skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament ( 30 ). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ammont tal-kumpens dovut lill-passiġġier ta’ titjira mdewma, li jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst, jista’ jitnaqqas b’50 %, skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 meta d-dewmien jibqa’, għal titjira li ma taqax taħt l-Artikolu 7(2)(a) u (b), inqas minn erba’ sigħat ( 31 ). Il-piż finanzjarju impost fuq it-trasportaturi tal-ajru fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira ta’ iktar minn tliet sigħat jista’ għalhekk ikun ineżistenti jew kunsiderevolment imnaqqas.

63.

Konsegwentement, fid-dawl tal-preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

64.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-629/10 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

65.

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-629/10, din l-interpretazzjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn din tikkontradixxi l-kliem ċar u inekwivoku tar-Regolament Nru 261/2004, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni u s-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq.

66.

Għar-raġunijiet esposti fil-punti 31 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li din l-interpretazzjoni ma hijiex kuntrarja għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

67.

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 huma kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

3. Fuq l-effetti ratione temporis tas-sentenza li għandha tingħata

68.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-629/10 jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza li għandha tingħata, fil-każ li tingħata risposta affermattiva u negattiva, rispettivament, lill-ewwel u lit-tielet domandi magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), f’din il-kawża. Huma jixtiequ li l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 ma jkunux jistgħu jiġu invokati bħala bażi għal talbiet għal kumpens minn passiġġieri relatati ma’ titjiriet imdewma qabel id-data tas-sentenza li għandha tingħata f’dawn il-kawżi, ħlief fir-rigward tal-passiġġieri li diġà ressqu azzjoni ġudizzjarja għal dan il-kumpens f’din id-data.

69.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża s-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li hija daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qrati anki għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu sodisfatti ( 32 ).

70.

Eċċezzjonalment, minħabba l-effetti serji li d-deċiżjoni tagħha jista’ jkollha fir-rigward tal-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa li tillimita l-possibbiltà għal kull parti kkonċernata li tinvoka l-interpretazzjoni li, meta adita permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, hija tagħti lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 33 ).

71.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li jeħtieġ li neċessarjament ikun hemm mument uniku ta’ determinazzjoni tal-effetti ratione temporis tal-interpretazzjoni mitluba li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-prinċipju li limitazzjoni tista’ tiġi biss ammessa fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba, jiggarantixxi t-trattament ugwali tal-Istati Membri u tal-individwi l-oħra suġġetti għad-dritt tal-Unjoni Ewropea u jissodisfa fl-istess ħin ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 34 ).

72.

F’dawn il-kawżi, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sottomessi għal interpretazzjoni huma l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, essenzjalment, tistabbilixxi jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru huwa obbligat iħallas kumpens lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni fis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq ( 35 ), u dawn id-domandi preliminari huma intiżi biss sabiex jiġi magħruf, fil-verità, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonfermax l-interpretazzjoni li hija tat lill-imsemmija dispożizzjonijiet fl-imsemmija sentenza.

73.

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx ratione temporis l-effetti tal-imsemmija sentenza.

74.

Konsegwentement, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li jiġu limitati ratione temporis l-effetti tas-sentenza li għandha tingħata f’dawn il-kawżi.

75.

Sa fejn nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), fil-Kawża C-629/10, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ħames domanda magħmula minn din tal-aħħar.

V – Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Amtsgericht Köln u mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court).

“L-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 meta huma jsofru, minħabba titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla previst mit-trasportatur tal-ajru.

dawn huma kompatibbli mal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Montréal fid-9 ta’ Diċembru 1999, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 259/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

( 3 ) C-402/07 u C-432/07, Ġabra p. I-10923.

( 4 ) Punt 69.

( 5 ) Iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”.

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2001, dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (Konvenzjoni ta’ Montréal) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491).

( 7 ) Punt 69 ta’ din is-sentenza.

( 8 ) Punti 35 sa 38 tal-osservazzjonijiet tiegħu fil-Kawża C-581/10.

( 9 ) Ara l-punt 75 ta’ din is-sentenza.

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 31 tal-osservazzjonijiet tal-European Low Fares Airline Association kif ukoll il-punti 132 sa 135 tal-osservazzjonijiet tal-IATA fil-kawża li wasslet għas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq.

( 11 ) Ara l-punti 41 u 42 tal-imsemmija sentenza.

( 12 ) Ara l-punt 44 tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq.

( 13 ) Ibidem (punt 54).

( 14 ) Ara s-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 88 sa 90 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li wasslet għas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq.

( 16 ) Sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 55 u 56).

( 17 ) Ibidem (punt 56).

( 18 ) Ibidem (punt 57).

( 19 ) Ibidem (punt 61).

( 20 ) Sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43). Ara, ukoll, is-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).

( 21 ) Sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).

( 22 ) Ibidem (punt 46).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52).

( 24 ) Ara s-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 81).

( 25 ) Dawn il-miżuri huma l-assistenza u t-teħid ta’ kura tal-passiġġieri, kif previst fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll il-kumpens, kif previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

( 26 ) Sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 84).

( 27 ) Ibidem (punt 85).

( 28 ) Ara d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, relatat mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-11 ta’ April 2011, dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet [SEC(2011) 428 finali]. Dan id-dokument huwa disponibbli bl-Ingliż.

( 29 ) Ara l-punt 67 ta’ din is-sentenza.

( 30 ) Punt 68 tal-imsemmija sentenza.

( 31 ) Sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63).

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C-292/04, Ġabra p. I-1835, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Brouwer (C-577/08, Ġabra p. I-7489, punt 33). Ara, ukoll, is-sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

( 34 ) Sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).

( 35 ) Ara l-punt 69 ta’ din is-sentenza.

Top