EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0162

Kawża T-162/09: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ April 2009 — Würth u Fasteners (Shenyang) vs Il-Kunsill

OJ C 167, 18.7.2009, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/13


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2009 — Würth u Fasteners (Shenyang) vs Il-Kunsill

(Kawża T-162/09)

2009/C 167/28

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Adolf Würth GmbH & Co. KG (Künzelsau, il-Ġermanja) u Arnold Fasteners (Shenyang) Co. Ltd (Shenyang, iċ-Ċina) (rappreżentanti: M. Karl u M. Mayer, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

sussidjarjament, tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, sa fejn kull waħda mir-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inklużi dawk neċessarji għad-difiża tiegħu u għal spejjeż oħra.

Motivi u argumenti prinċipali

Fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta, abbażi tar-regolament antidumping bażiku, (1) ir-Regolament (KE) Nru 91/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. (2) Ir-rikorrenti jsostnu li huma affettwati mid-dazji antidumping imposti b’dan ir-regolament u għaldaqstant, qed jitolbu l-annullament ta’ dan ir-regolament sa fejn jikkonċernahom.

Insostenn tar-rikors tagħhom, fl-ewwel motiv tagħhom ir-rikorrenti jallegaw l-eżistena ta’ żbalji proċedurali fil-proċeduri ta’ antidumping. Permezz tat-tieni sas-sitt motivi tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tad-dritt Komunitarju ta’ grad superjuri:

il-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod metikoluż u imparzjali l-aspetti kollha rilevanti għall-każ partikolari u ddeterminat il-fatti b’mod insuffiċjenti u inkomplut, bir-riżultat li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE;

il-valur normali li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 91/2009 ġie ddeterminat b’mod illegali bi ksur tal-Artikolu 2A(7) tar-Regolament Nru 384/96;

il-limiti massimi għall-ammissibbiltà ta’ proċeduri ta’ antidumping skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 5(4) ma kinux intlaħqu;

il-kunċett ta’ “prodott simili” stabbilit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 384/96 ġie estiż fir-regolament ikkontestat, peress li l-prodotti inkwistjoni manifatturati fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-prodotti manifatturati fil-Komunità ma jistgħux jiġu mqabbla u lanqas skambjati;

ma ġiex stabbilit li l-industrija Komunitarja subiet ħsara, kif jeħtieġu l-Artikoli 1(1) u 3 tar-Regolament Nru 384/96 sabiex jiġu imposti dazji antidumping.

Fl-aħħar lok, fis-seba’ motiv tagħhom ir-rikorrenti jallegaw abbuż tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet Komunitarji fl-eżami tal-kriterji li jirrigwardaw il-ħsara, il-kawżalità u l-interess Komunitarju.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996, L 56, p. 1), emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, p.17).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 29, p. 1).


Top