EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TJ0222

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba' Awla) tad-9 ta' Frar 2011.
Ineos Healthcare Ltd vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ALPHAREN - Trade marks nazzjonali verbali preċedenti ALPHA D3 - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009) - Eżami ex officio tal-fatti - Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009).
Kawża T-222/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:36

Kawża T-222/09

Ineos Healthcare Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ALPHAREN — Trade marks nazzjonali verbali preċedenti ALPHA D3 — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Eżami ex officio tal-fatti — Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009)”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Fatti, provi u osservazzjonijiet ppreżentati insostenn tal-oppożizzjoni — Dritt tal-parti li qed tressaq oppożizzjoni li tipproduċi provi insostenn tal-oppożizzjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regoli 15(2)(ċ) u 3(b), u 19(1))

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Eżami limitat għall-motivi invokati — Teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti magħrufa — Prodotti farmaċewtiċi

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 74(1))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni — Determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Mill-qari flimkien tar-Regoli 15(2)(ċ) u 3(b) u 19(1) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-parti li qed tressaq oppożizzjoni għandha d-dritt, iżda mhux l-obbligu, li tipproduċi provi insostenn tal-oppożizzjoni, speċjalment fir-rigward tax-xebh tal-prodotti u servizzi inkwistjoni.

Bl-istess mod, il-provi msemmija fir-Regola 15(3)(b) tar-Regolament Nru 2868/95 mhux neċessarjament ikopru l-aspetti kollha tal-paragun tal-prodotti.

(ara l-punti 16, 17, 21)

2.      Skont l-Artikolu 74(1), tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, “fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”.

Din id-dispożizzjoni tirrigwarda, prinċipalment, il-bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, jiġifieri l-fatti u l-provi li fuqhom dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati b’mod validu. Għalhekk, il-Bord tal-Appell, meta jiddeċiedi fuq rikors kontra deċiżjoni li għalqet proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq dawk il-fatti u provi ppreżentati mill-partijiet. Madankollu, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami magħmula mill-Bord tal-Appell ma teskludix li dan jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa espressament mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli.

Fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi u tal-indikazzjonijiet terapewtiċi tagħhom, dawn bl-ebda mod ma jistgħu jiġu kkunsidrati, peress li huma ta’ natura teknika, bħala fatti li jikkostitwixxu informazzjoni magħrufa.

(ara l-punti 28, 29, 31)

3.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, fejn il-prodotti rilevanti huma mediċini li jeħtieġu riċetta minn tabib qabel ma jiġu mibjugħa lill-konsumaturi fl-ispiżeriji, il-pubbliku rilevanti huwa kompost kemm mill-konsumaturi finali kif ukoll mill-professjonisti tas-saħħa, jiġifieri, it-tobba li jippreskrivu l-mediċina kif ukoll l-ispiżjara li jbiegħu l-mediċina preskritta. Għalkemm l-għażla ta’ dawn il-prodotti hija influwenzata jew determinata mill-intermedjarji, jista’ xorta waħda jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumaturi, peress li huma ser jkunu x’aktarx iffaċċjati b’dawn il-prodotti, ukoll peress li l-operazzjonijiet ta’ xiri jsiru għal kull wieħed minn dawn il-prodotti individwalment, fi żminijiet differenti.

Anki fil-każ ta’ mediċini li jingħataw biss bir-riċetta, ma jistax jiġi eskluż li l-konsumatur medju huwa parti mill-pubbliku rilevanti.

(ara l-punti 43, 44)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Frar 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ALPHAREN – Trade marks nazzjonali verbali preċedenti ALPHA D3 – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Eżami ex officio tal-fatti – Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009)”

Fil-Kawża T-222/09,

Ineos Healthcare Ltd, stabbilita f’Warrington, Cheshire (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Malynicz, barrister, u A. Smith, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Teva Pharmaceutical Industries Ltd, stabbilita f’Ġerusalem (l-Iżrael),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tal-24 ta’ Marzu 2009 (Każ R 1897/2007-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Teva Pharmaceutical Industries Ltd u Ineos Healthcare Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn O. Czúcz, President tal-Awla, I. Labucka (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2009,

wara li rat l-ittra tar-rikorrenti tal-14 ta’ Mejju 2010 li tindika li hija ma xtaqitx tinstema iktar f’seduta,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub magħmula lill-partijiet mill-Qorti Ġenerali,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 u fl-14 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-3 ta’ Marzu 2005, Ineos Healthcare Ltd. ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)(UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija s-sinjal verbali ALPHAREN.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 5 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjonijiet segwenti: “Prodotti farmaċewtiċi u veterinarji li jkun fihom l-idrossidu tal-karbonat tal-manjesju, ħadid jew hydrotalcite, jew derivattivi ta’ dawn il-komponenti, prodotti farmaċewtiċi u veterinarji għad-dijalisi tal-kliewi u t-trattament ta’ disturbi u kundizzjonijiet tal-kliewi, binders tal-fosfati għall-kura tal-hyperphosphatemia”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 49/2005, tal-5 ta’ Diċembru 2005.

5        Fis-6 ta’ Marzu 2006, Teva Pharmaceutical Industries Ltd (iktar ’il quddiem il-“parti li qed topponi”) ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        trade mark verbali Ungeriża ALPHA D3 Nru 134972 għal “prodotti farmaċewtiċi li jirregolaw il-kalċju”, fil-klassi 5;

–        trade mark verbali Litwana ALPHA D3 Nru 20613 għal “prodotti farmaċewtiċi li jirregolaw il-kalċju”, fil-klassi 5;

–        trade mark verbali Latvjana ALPHA D3 rreġistrata taħt ir-referenza M30407 għal “prodotti farmaċewtiċi li għandhom proprjetajiet li jirregolaw il-kalċju”, fil-klassi 5.

7        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Fid-9 ta’ Ottubru, 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha abbażi tat-trade mark preċedenti Ungeriża.

9        Fid-29 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu, 2009 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li t-trade mark preċedenti Ungeriża ma setgħetx tiġi kkunsidrata minħabba n-nuqqas ta’ traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti. Il-fatt li l-oppożizzjoni ntlaqgħet biss fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti Ungeriża fih innifsu jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Madankollu, billi sostna li d-deċiżjoni li għandha l-istess dispożittiv bħal dik tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tista’ tiġi adottata meta jkun ġie deċiż l-appell, il-Bord tal-Appell, fid-diskrezzjoni tiegħu, eżamina t-trade marks l-oħra li kienet ibbażata fuqhom l-oppożizzjoni. F’dan ir-rigward, hija sostniet, b’mod partikolari, li l-prodotti koperti mir-reġistrazzjonijiet Latvjani u Litwani kienu identiċi għal dawk koperti mit-trade mark preċedenti Ungeriża u li l-partijiet kellhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Hija nnotat li s-sinjali kunfliġġenti kellhom ċertu livell ta’ xebh mil-lat viżiv, fonetiku u kunċettwali. Bl-istess mod, huwa kkonkluda li l-prodotti kienu parzjalment identiċi u parzjalment simili. Il-Bord tal-Appell indika li dan il-fattur għandu impatt ikbar mil-livell baxx ta’ xebh bejn it-trade marks. Huwa essenzjalment ikkonkluda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur medju, li jifforma parti mill-pubbliku rilevanti u li peress li ma għandux l-istess livell ta’ għarfien u ħiliet fil-bijokimika u l-farmakoloġija bħall-professjonisti f’dawn l-oqsma, huwa iktar espost għal tali riskju.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

12      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi tax-xebh bejn il-prodotti mill-parti li qed topponi, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009), it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009) u r-raba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar id-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi tax-xebh tal-prodotti mill-parti li qed topponi

 L-argumenti tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti ssostni li fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti fi ħdan il-qafas tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-parti li qed topponi. Il-prova tal-allegat xebh tal-prodotti mill-parti li qed topponi ma kinitx biżżejjed u kienet limitata għal żewġ ittri mibgħuta lir-rikorrenti u fuljett għall-pazjenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-valur probatorju ta’ dak il-fuljett. Hija żżid li l-provi għandhom ikopru l-fatturi kollha rilevanti għall-paragun tal-prodotti, li jinkludi n-natura, l-iskop, u l-użu tagħhom kif ukoll jekk jikkompetux bejniethom jew jekk humiex komplimentari.

15      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

16      Mir-Regola 15(2)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), jirriżulta li l-avviż ta’ oppożizzjoni għandu jinkludi, inter alia, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni. Ir-Regola 15(3)(b), tal-imsemmi regolament tgħid li l-avviż ta’ oppożizzjoni jista’ jkun fih speċifikazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, u l-provi insostenn tagħha. Ir-Regola 19(1) ta’ dan ir-regolament tistipula li l-UASI jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunità li tippreżenta fatti, provi u osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu jew sabiex tissupplimenta l-fatti, il-provi u s-sottomissjonijiet diġà ppreżentati skont ir-Regola 15(3) f’terminu stabbilit minnha u li għandu jkun mill-inqas ta’ xahrejn mill-preżunta data tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni skont ir-Regola 18(1).

17      Mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-parti li qed topponi għandha d-dritt, iżda mhux l-obbligu, li tipprovdi provi insostenn tal-oppożizzjoni, speċjalment fir-rigward tax-xebh tal-prodotti u servizzi inkwistjoni.

18      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti tal-UASI, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2006, dan tal-aħħar, skont ir-Regola 19(1) tar-Regolament Nru 2868/95, stieden lill-parti li qed topponi sabiex tipproduċi fatti, provi u osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni tagħha jew li tissupplimenta dawk li hemm fil-formola ta’ oppożizzjoni u tiddikjara li, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tagħha, huwa kien ser jadotta d-deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni fuq il-bażi tal-provi quddiemu.

19      Permezz ta’ ittra datata t-18 ta’ Lulju 2006, il-parti li qed topponi ressqet argumenti addizzjonali. Ir-rikorrenti sussegwentement ippreżentat osservazzjonijiet permezz ta’ ittra datata l-31 ta’ Ottubru, 2006, li dwarha l-parti li qed topponi ħadet pożizzjoni f’ittra tas-16 ta’ Frar 2007.

20      Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li qed tallega essenzjalment ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha tad-9 ta’ Marzu 2007, Alecansan vs UASI (C‑196/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 24) bl-ebda mod ma qalet li l-kwistjoni tal-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-parti li qed topponi f’proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fil-punt 24 ta’ dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat unikament l-obbligu li jistabbilixxi, għall-finijiet tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, xebh tal-prodotti anki meta s-sinjali huma identiċi.

21      Bl-istess mod, il-provi msemmija fir-Regola 15(3)(b) tar-Regolament Nru 2868/95 mhux neċessarjament ikopru l-aspetti kollha tal-paragun tal-prodotti, kuntrarjament għal dak li qed tallega r-rikorrenti.

22      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemm għalhekk ebda obbligu fuq il-parti li qed topponi, fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li tipproduċi provi dwar ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni. Jirriżulta wkoll li l-argument tar-rikorrenti dwar il-valur probatorju tal-fuljett għall-pazjenti ppreżentat lill-UASI mill-parti li qed topponi huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ dan l-aggravju. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-Artikolu 73 u l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94

23      It-tieni u t-tielet motivi jirrigwardaw iż-żewġ użi mill-Bord tal-Appell ta’ ċerta riċerka sabiex jiġi stabbilit xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti Latvjana u Litwana u, speċjalment, il-“prodotti farmaċewtiċi u veterinarji li jkun fihom idrossidu tal-karbonat tal-manjesju, ħadid jew hydrotalcite, jew derivattivi ta’ dawn il-komponenti” (iktar ’il quddiem il-“Prodotti A”) u binders tal-fosfat għall-kura tal-hyperphosphatemia (iktar ’il quddiem il-“Prodotti C”) koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li t-tieni u t-tielet motivi jiġu eżaminati flimkien. Hija għandha tibda billi teżamina t-tielet motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

24      Fit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi rrikorra, b’inizjattiva tiegħu stess, għat-tfittix fuq l-internet sabiex jipparaguna l-prodotti, kif jirriżulta mill-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kiser l-obbligu taħt l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 li skontu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut, huwa għandu jillimita l-kunsiderazzjoni tiegħu għas-sottomissjonijiet u t-talbiet ippreżentati mill-partijiet. Din id-dispożizzjoni tkopri wkoll it-tressiq ta’ provi mill-partijiet. Din ir-riċerka kienet tikkonsisti f’konsultazzjoni ta’ dizzjunarju mediku online, website tal-Gvern Amerikan iddedikata għal testijiet kliniċi u website ta’ kumpannija indipendenti mill-applikanta, li tifforma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji. Hija targumenta wkoll li, fir-rigward tax-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti Latvjana u Litwana u tal-Prodotti A u C koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-evidenza quddiem il-Bord tal-Appell fuq l-internet kellha rwol determinanti.

25      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq aggravji li fuqhom ma setgħax jieħu pożizzjoni. Fil-fatt, hija ssostni li hija qatt ma kellha l-opportunità li tasserixxi l-pożizzjoni tagħha fuq l-provi li l-Bord kien sab fuq l-internet. Hija żżid li, kieku kellha l-opportunità li tikkummenta dwar dawn il-provi, hija kienet tkun tista’ turi liema fatturi jrendu improbabbli l-konklużjoni li l-prodotti kienu simili.

26      Fir-rigward tat-tielet motiv, l-UASI jsostni li, fid-dawl tas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Settembru 2008, Anvil Knitwear vs UASI - Aprile e Aprile (Aprile) (T‑179/07, Ġabra p. II‑200, punti 72 u 75), il-Bord tal-Appell ma kienx awtorizzat li jikkunsidra li kien ġie ppruvat l-argument tax-xebh tal-prodotti ċċitati mill-parti li qed topponi fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ kontroargumenti mir-rikorrenti. Huwa għalhekk kien obbligat iwettaq analiżi huwa stess tal-prodotti simili fuq il-bażi tal-listi ta’ prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti. L-UASI jqis li f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell jista’ legalment iwettaq fuq inizjattiva tiegħu stess riċerka permezz ta’ konsultazzjoni ta’ sorsi ta’ informazzjoni newtrali jew sorsi ta’ informazzjoni magħrufa mir-rikorrenti, sakemm din ir-riċerka ssir biss sabiex tiġi vverifikata l-eżattezza tal-aggravji u tal-argumenti tal-parti li qed topponi.

27      Fir-rigward tat-tieni motiv, l-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi jiddikjara li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, id-dritt għal smigħ xieraq, kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 73, tar-Regolament Nru 40/94 (li saret it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009) ma japplikax għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni biħsiebha tadotta. L-istess japplika fir-rigward tad-dokumenti li jikkorroboraw u jwasslu għall-kostatazzjoni finali ta’ xebh tal-prodotti. Barra minn hekk, id-dokumenti miksuba fuq l-internet kull ma jagħmlu huwa li jikkonfermaw l-pożizzjoni inizjali tal-Bord tal-Appell, espressa fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa żied li r-rikorrenti tista’ tressaq osservazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet tal-parti li qed topponi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ħaġa li ma saritx. Fl-aħħar nett, l-UASI jemmen li anki jekk il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta naqas milli jissottometti lill-partijiet r-riżultati tat-tfittxijiet li saru fl-internet, il-konklużjoni dwar il-paragun tal-prodotti tibqa’ l-istess. Tali ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

28      Skont l-Artikolu 74(1), tar-Regolament Nru 40/94 “fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”.

29      Din id-dispożizzjoni tirrigwarda, prinċipalment, il-bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tal-UASI, jiġifieri l-fatti u l-provi li fuqhom dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati b’mod validu. Għalhekk, il-Bord tal-Appell, meta jiddeċiedi fuq appell minn deċiżjoni li għalqet proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq dawk il-fatti u provi ppreżentati mill-partijiet. Madankollu, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami magħmula mill-Bord tal-Appell ma teskludix li dan jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa espressament mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli [ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI - DaimlerChrysler (PICARO), T‑185/02, Ġabra p. II‑1739, punti 28 u 29, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Aprile, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71].

30      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell rrefera, fil-punti 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, għar-riżultati tar-riċerka tiegħu fuq l-internet. B’mod iktar speċifiku, kif intqal fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa uża d-definizzjoni ta’ hyperphosphatemia, inkluż fl-ispeċifikazzjoni tal-Prodotti C tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tinstab f’dizzjunarju online tat-termini mediċi. Huwa fittex ukoll fil-website tal-Gvern Amerikan iddedikat għat-testijiet kliniċi u għall-indikazzjonijiet terapewtiċi tal-idrossidu tal-karbonat tal-manjesju, ħadid jew tal-hydrotalcite li huma parti mill-Prodotti A tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fl-aħħar nett, huwa rrefera, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-informazzjoni dwar l-interazzjoni tal-prodotti inkwistjoni, li turi li huma marbuta mill-qrib u li huma maħsuba għall-pazjenti b’mard tal-kliewi, li tinstab fuq il-website ta’ kumpannija indipendenti mill-applikanta, li tifforma parti mill-istess grupp. Għandu jiġi nnutat li dawn il-fatti ma humiex ikkontestati mill-UASI.

31      Għalkemm dak li rriżulta mir-riċerki inkwistjoni ġie estratt minn websites imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq, li huma siti ġeneralment aċċessibbli, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed f’dan il-każ sabiex jiġi kkunsidrat li hija informazzjoni magħrufa. Fil-fatt, fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi u tal-indikazzjonijiet terapewtiċi tagħhom, dawn bl-ebda mod ma jistgħu jiġu kkunsidrati, peress li huma ta’ natura teknika, bħala fatti li jikkostitwixxu informazzjoni magħrufa.

32      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi jiġu kkunsidrati r-riżultati ta’ tfittxijiet fuq l-internet imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 sa fejn il-fatti li jirriżultaw mir-riċerka tiegħu fuq l-internet li jirreferi għaliha ma jkunux fatti magħrufa.

33      Madankollu, skont ġurisprudenza kostanti, jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ preżenti, żball ma setax ikollu effett deċiżiv fuq l-eżitu, l-argument ibbażat fuq tali żball huwa irrilevanti u għaldaqstant ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Philip Morris Products vs UASI (Forma ta’ pakkett tas-sigaretti), T‑140/06, Ġabra p. II‑113, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata].

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-parti essenzjali tad-deskrizzjoni tal-Prodotti A u C koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet biss estratt tar-riżultati ta’ tfittxijiet fl-internet imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li d-deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni tikkostitwixxi l-punt tat-tluq ta’ kull paragun tal-prodotti li huwa stadju essenzjali fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma setax jilħaq l-konklużjoni li hemm xebh bejn il-Prodotti A u l-Prodotti C, fuq naħa waħda, u l-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti Latvjana u Litwana; min-naħa l-oħra, u minħabba dan, jikkonkludi, fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mingħajr referenza għall-fatti estratti mir-riċerka kkontestata. Għalhekk, mingħajr l-użu tal-informazzjoni inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti b’mod sinjifikattiv, kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI.

35      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-“prodotti farmaċewtiċi u veterinarji għad-dijalisi tal-kliewi u t-trattament ta’ disturbi u kundizzjonijiet tal-kliewi” (iktar ’il quddiem il-“Prodotti B”) koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-indikazzjonijiet ikkontestati mir-riċerka msemmija fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata kkonfermaw biss il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni. Għalhekk, il-ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, li nstab fil-punt 32 iktar ’il fuq, ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-Prodotti B.

36      Barra minn hekk, l-argument tal-UASI dwar l-implikazzjonijiet tal-kawża Aprile, iċċitata iktar ’il fuq (punti 72 u 75) għandu jiġi miċħud. Għalkemm huwa minnu li f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-UASI ma huwiex obbligat li jaċċetta bħala stabbiliti l-punti mressqa minn xi parti li ma kinux ikkontestati mill-parti l-oħra fil-proċediment, din bl-ebda mod ma kkonfermat li l-UASI huwa awtorizzat iwarrab l-obbligu ta’ eżami skont l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94.

37      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-użu mill-Bord tal-Appell tar-riżultati tar-riċerka tiegħu fuq l-internet, imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq, huwa vvizzjat bi żbalji, b’mod li t-tielet motiv għandu jiġu milqugħ sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonferma, fid-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark għall-Prodotti A u għall-Prodotti C, u jiġi miċħud fir-rigward tal-Prodotti B, mingħajr il-ħtieġa għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq it-tieni motiv.

38      Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata parzjalment wara l-eżami tat-tielet motiv, għandu jiġi kkunsidrat wkoll ir-raba’ motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti

 L-argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-identifikazzjoni tal-pubbliku rilevanti, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, meta kkunsidra li l-prodotti inkwistjoni kienu wkoll maħruġa liberament għall-bejgħ għall-pubbliku inġenerali fl-ispiżeriji. Ir-rikorrenti tikkontesta din l-affermazzjoni għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti Latvjana u Litwana, l-uniku element ta’ prova, jiġifieri l-avviż lill-konsumaturi, juri li l-alfacalcidol, prodott farmaċewtiku li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, kien disponibbli biss bir-riċetta. Dan il-fatt waħdu jista’ jwassal għal konklużjoni dwar pubbliku speċjalizzat. Bl-istess mod, skontha, il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu jkunu disponibbli biss bir-riċetta. Meta wieħed jikkunsidra, fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumaturi medji jagħtu iktar attenzjoni mill-medja, il-Bord tal-Appell injora li dawn ikollhom riċetta jew, għall-inqas, l-assistenza speċjalizzata minn professjonist kwalifikat fis-settur mediku.

40      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

41      Skont il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007 Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kkonstata fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata li l-pubbliku rilevanti kien jikkonsisti kemm f’professjonisti fis-settur mediku (tobba, spiżjara, infermiera) kif ukoll minn konsumaturi medji, jiġifieri l-pazjenti u l-persuni li jieħdu ħsieb lil pazjenti. Huwa kkunsidra li ma kienx possibbli li teskludi lill-konsumatur medju mill-pubbliku rilevanti peress li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma kinitx limitata għall-mediċini mogħtija bir-riċetta u għalhekk ma setax jiġi eskluż li l-oġġetti inkwistjoni jistgħu jkunu disponibbli għal bejgħ b’mod liberu. Peress li t-trade marks preċedenti kienu ġew irreġistrati fil-Latvja u fil-Litwanja, il-pubbliku rilevanti huwa kompost, skont il-Bord tal-Appell, minn professjonisti fis-settur mediku u l-konsumaturi medji fiż-żewġ pajjiżi.

43      Skont il-ġurisprudenza, fejn il-prodotti rilevanti huma mediċini li jeħtieġu riċetta minn tabib qabel ma jiġu mibjugħa lill-konsumaturi fl-ispiżeriji, il-pubbliku rilevanti huwa kompost kemm mill-konsumaturi finali kif ukoll mill-professjonisti tas-saħħa, jiġifieri, it-tobba li jippreskrivu l-mediċina kif ukoll l-ispiżjara li jbiegħu l-mediċina preskritta. Għalkemm l-għażla ta’ dawn il-prodotti hija influwenzata jew determinata mill-intermedjarji, jista’ xorta waħda jkun hemm riskju ta’ konfużjoni għall-konsumaturi, peress li huma ser jkunu x’aktarx iffaċċjati b’dawn il-prodotti, ukoll peress li l-operazzjonijiet ta’ xiri jsiru għal kull wieħed minn dawn il-prodotti individwalment, fi żminijiet differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 Ġabra p. I‑3569, punti 52 sa 63).

44      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata, anki fil-każ ta’ mediċini li jingħataw biss bir-riċetta, ma jistax jiġi eskluż li l-konsumatur medju huwa parti mill-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament, li f’dak il-mument, il-pubbliku rilevanti kien jikkonsisti, minn professjonisti tas-saħħa u minn konsumaturi medji.

45      Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk il-mediċini inkwistjoni jistgħux ikunu aċċessibbli u jinbiegħu liberament ma huwiex rilevanti hawnhekk, peress li, anki kienu l-Bord tal-appell kien żbaljat fl-evalwazzjoni tiegħu dwar il-mod ta’ bejgħ tal-prodotti inkwistjoni, il-konklużjoni dwar il-kompożizzjoni tal-pubbliku rilevanti tibqa’ l-istess.

46      B’hekk jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud. Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dak li jirrigwarda l-Prodotti A u l-Prodotti C.

 Fuq l-ispejjeż

47      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż. F’dan il-każ, peress li t-talba tar-rikorrenti ntlaqgħet biss għal parti mill-prodotti inkwistjoni, huwa xieraq li l-UASI jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-24 ta’ Marzu 2009 (Każ R 1897/2007‑2), hija annullata fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin: “Prodotti farmaċewtiċi u veterinarji li jkun fihom l-idrossidu tal-karbonat tal-manjesju, ħadid jew hydrotalcite, jew derivattivi ta’ dawn il-komponenti”, “Fosfati għall-kura tal-hyperphosphatemia”.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż esposti minn Ineos Healthcare Ltd.

4)      Ineos Healthcare għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Frar 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top