EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0175

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Ottubru 2010.
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs AXA UK plc.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Sitt Direttiva tal-VAT - Eżenzjoni - Artikolu 13B(d), punt 3 - Tranżazzjonijiet li jikkonċernaw ħlasijiet u trasferimenti - Irkupru ta’ debiti - Pjanijiet ta’ ħlas għal kura tas-snien - Servizzi ta’ ġbir u ta’ pproċessar ta’ ħlasijiet f’isem il-klijenti ta’ fornitur ta’ servizzi.
Kawża C-175/09.

European Court Reports 2010 I-10701

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:646

Kawża C-175/09

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

vs

AXA UK plc

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))

“Sitt Direttiva tal-VAT — Eżenzjoni — Artikolu 13(B)(d)(3) — Tranżazzjonijiet li jikkonċernaw ħlasijiet u trasferimenti — Irkupru ta’ debiti — Pjanijiet ta’ ħlas għal kura tas-snien — Servizzi ta’ ġbir u ta’ pproċessar ta’ ħlasijiet f’isem il-klijenti ta’ fornitur ta’ servizzi”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Tranżazzjonijiet bankarji msemmija fl-Artikolu 13(B)(d)(3)

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13(B)(d)(3))

L-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt l‑eżenzjoni tal-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni provvista ta’ servizzi li tikkonsisti, essenzjalment, f’li bank ta’ terz jintalab it-trasferiment permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett” ta’ somma dovuta minn din il-persuna lill-klijent tal-persuna li tipprovdi servizzi fil-kont ta’ dan tal-aħħar, f’li jintbagħat rendikont tas-somom riċevuti lill-klijent, f’li jsir kuntatt mat-terz li fir-rigward tiegħu l-fornitur ta’ servizzi ma jkunx għadu rċieva l-ħlas u, fl-aħħar nett, f’li jingħata l-ordni lill-bank tal-fornitur ta’ servizzi sabiex jittrasferixxi l-ħlas riċevut, wara li titnaqqas ir-remunerazzjoni tiegħu, fil-kont tal-bank tal-klijent.

Fil-fatt, dan is-servizz huwa inkluż fil-kunċett ta’ “kollezzjoni tad-debitu” fis-sens tal-Artikolu 13(B)(d)(3) u għalhekk huwa eskluż mil-lista ta’ eżenzjonijiet, peress li għandu bħala għan li jipprovdi lill-klijenti tal-persuna li tipprovdi servizzi bil-benefiċċju tal-ħlas tal-ammonti ta’ flus dovuti lilhom minn dawn it-terzi u li għaldaqstant huwa intiż sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ debiti. Billi tinkariga ruħha mill-irkupru ta’ debiti f’isem min għandu dritt fuqhom, il-persuna li tipprovdi servizzi teħles lill-klijenti tagħha minn kompiti li, mingħajr l-intervent tagħha, dawn tal-aħħar, bħala kredituri, ikollhom iwettqu huma stess, kompiti li jikkonsistu f’li jintalab it-trasferiment tas-somom dovuti lilhom permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett”.

(ara l-punti 28, 32, 33, 36 u d-dispożittiv.)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

28 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Eżenzjoni – Artikolu 13(B)(d)(3) – Tranżazzjonijiet li jikkonċernaw ħlasijiet u trasferimenti – Irkupru ta’ debiti – Pjanijiet ta’ ħlas għal kura tas-snien – Servizzi ta’ ġbir u ta’ pproċessar ta’ ħlasijiet f’isem il-klijenti ta’ fornitur ta’ servizzi”

Fil-Kawża C‑175/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Mejju 2009, fil-proċedura

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

vs

AXA UK plc,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AXA UK plc, minn J. Peacock, QC, u M. Angiolini, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn S. Spiropoulos, I. Bakopoulos u G. Kanellopoulos kif ukoll minn V. Karra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), li jipprovdi li t-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw, fost oħrajn, il-ħlasijiet u t-trasferimenti, huma eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il‑“VAT”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) u AXA UK plc (iktar ’il quddiem “AXA”) fir-rigward tal-issuġġettar għall-VAT tal-kommissjonijiet miġbura minn Denplan Ltd (iktar ’il quddiem “Denplan”) bħala ħlas għall-provvista, minn din tal-aħħar, tas-servizzi lill-klijenti tagħha, li, skont AXA, għandhom jiġu eżentati mill-VAT.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, hija suġġetta għall-VAT.

4        L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż”, jipprovdi:

“[...]

B.      Eżenzjonijet oħrajn

Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

[…]

d)      it-transazzjonijet li ġejjin:

[…]

3.      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        L-eżenzjoniji prevista fl-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tal-punt 1 tal-grupp 5 tal-Anness 9 tal-Liġi tal-1994 dwar il-VAT (Value Added Tax Act 1994), li teżenta mill-VAT “il-ħlas, it‑trasferiment jew il-ġbir ta’ flus, ta’ kull titolu li jirrappreżenta flus jew ta’ kull karta jew ordni għall-ħlas ta’ flus kif ukoll kull tranżazzjoni li tikkonċerna l-flus jew li tipproduċi l-istess effetti”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        AXA hija l-membru rappreżentattiv ta’ grupp tal-VAT li minnu tagħmel parti Denplan. L-attività ta’ Denplan huwa li tipprovdi serje ta’ servizzi lid-dentisti, sabiex jiġi ffaċilitat l-operat tal-klinika tagħhom, fejn is-servizz prinċipali jikkonsisti fl-implementazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ħlas bejn id-dentisti u l-pazjenti tagħhom. Skont dawn il-pjanijiet ta’ ħlas, id-dentisti jipprovdu kura għas-snien ta’ livell partikolari b’mod kontinwu lill-pazjenti tagħhom, liema kura tinkludi kontrolli regolari u/jew kull ipproċessar li jirriżulta li huwa neċessarju, bil-ħlas, bħala kontroparti, ta’ kontribuzzjoni fissa ta’ kull xahar min-naħa tal-istess pazjenti.

7        Jekk il-pazjent ta’ dentist li jirrikorri għas-servizzi ta’ Denplan jagħżel pjan ta’ ħlas, huwa jiffirma kuntratt mad-dentist tiegħu b’termini msemmija f’formola standard ipprovduta minn Denplan u li ġeneralment tipprovdi li l-pazjent għandu jħallas il-kontribuzzjoni ta’ kull xahar lil Denplan, li tintervjeni bħala aġent tad-dentist meta tirċievi l-ħlasijiet dovuti lilu. Fl-istess waqt, il-pazjent jimla u jiffirma formola standard ta’ “prokura” favur Denplan, skont is-sistema ta’ “debitu dirett” fis-seħħ fir-Renju Unit. Il-mandat ta’ “debitu dirett” jikkonsisti f’ordni fissa li l‑klijent ta’ bank, f’dan il-każ il-pazjent, jagħti lill-bank sabiex isir kull ħlas mitlub minn terz partikolari, f’dan il-każ Denplan. Din il-formola tinkludi l-isem u l‑indirizz tal-bank tal-pazjent kif ukoll in-numru tal-kont tal-bank tal-istess pazjent.

8        Meta tirċievi kopja tal-kuntratt kif ukoll il-formola ta’ mandat ta’ “debitu dirett” mimlija mill-pazjent, Denplan tirreġistra l-informazzjoni tal-pazjent, b’mod partikolari l-isem u l-indirizz fis-sistema informatika tagħha u tikkomunika, permezz ta’ sistema elettronika, id-dettalji ta’ dan il-mandat lill-bank tal-pazjent. Dan il-mandat jibqa’ fis-seħħ bħala ordni fissa għand il-bank tal-pazjent sakemm dan tal-aħħar jinnotifika lill-bank id-deċiżjoni tiegħu li jirrevokaha.

9        Kull xahar, f’data partikolari, Denplan tieħu l-inkarigu li tiġbor il-ħlasijiet dovuti mill-pazjenti lid-dentisti tagħhom. Għal dan il-għan, hija toħloq faxxikolu elettroniku għal kull pazjent li hija tuża biex tittrażmetti l-informazzjoni lill-Bankers’ Automated Clearing System (sistema awtomatika ta’ ħlas interbankarju, iktar ’il quddiem il-“BACS”), li hija sistema ta’ ħlas elettroniku b’mod awtomatiku maħluq u operat minn kumpannija li l-membri kollha tagħha huma banek stabbiliti fir-Renju Unit. L-informazzjoni li Denplan tittrażmetti lill-BACS tinkludi, għal kull pazjent, in-numru tal-kont tal-bank ta’ dan tal-aħħar kif ukoll l‑ammont li għandu jinġibed minn dan il-kont. Il-BACS għaldaqstant tittrasferixxi din l-informazzjoni fiċ-ċentru ta’ pproċessar tal-bank ikkonċernat.

10      Jekk il-pażjent ma jkunx irrevoka l-mandat ta’ “debitu dirett” u jekk il-kont tiegħu, li jkun baqa’ miftuħ, ikollu biżżejjed flus sabiex ikun jista’ jsir il-ħlas, il‑bank tiegħu jiddebita l-imsemmi kont u jinforma lill-BACS. Din tal-aħħar għaldaqstant tinkludi l-ammont korrispondenti fil-kreditu tal-bank ta’ Denplan, sabiex dan il-bank min-naħa tiegħu jikkredita l-kont ta’ Denplan. Huwa permezz ta’ dan il-metodu li l-ammont meħtieġ jiġi ttrasferit mill-kont tal-bank tal-pazjent lejn il-kont tal-bank ta’ Denplan. Il-BACS tibgħat lil Denplan aġġornament tal-ħlasijiet li saru u ta’ dawk li ma sarux. Min-naħa tagħha, Denplan tagħti pariri lid-dentisti kkonċernati u tagħmel ukoll kuntatt mal-pazjenti li minnhom ma tkunx irċeviet il-ħlas.

11      Madwar għaxart ijiem wara li tirċievi l-ħlasijiet fil-kont tagħha, Denplan tagħti rendikont lil kull dentist dwar il-ħlasijiet li jirriżultaw mill-kontijiet tal-pazjenti tagħha, filwaqt li twettaq ċertu tnaqqis li jkun ġie miftiehem. Denplan twettaq din it-tranżazzjoni billi tagħti lill-bank tagħha l-ordni li tittrasferixxi mill-kont tagħha lejn il-kont tal-bank tad-dentist ikkonċernat somma li tirrappreżenta l-ammont totali dovut lil dan tal-aħħar.

12      Tnaqqis minn fost dawk li Denplan tagħmel fuq kull ħlas li hija tirċievi f’isem dentist huwa kkostitwit minn kommissjoni ffatturata lil din tal-aħħar. Dan it‑tnaqqis jikkorrispondi għal perċentwali ta’ kull ħlas riċevut. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, parti mill-kommissjonijiet imnaqqsa tas-somom imħallsa mill-pazjenti huma l-kontroparti għas-servizz ta’ ġbir tal-ħlasijiet żgurat minn Denplan f’isem id-dentisti, li jikkonsisti fil-ġbir tal-ħlasijiet mill-kontijiet tal-bank tal-klijenti permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett” u fir-rendikont mogħti lid-dentisti f’dan ir‑rigward. Huwa l-istatus ta’ dan l-element fil-konfront tal-VAT li qed jiġi kkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju.

13      Permezz ta’ deċiżjoni meħuda matul ix-xahar ta’ Ġunju 2006, il-Commissioners ċaħdu lment ippreżentat minn AXA dwar ħlas żejjed ta’ VAT għall-perijodi inkunsiderazzjoni għal raġunijiet ta’ kontabbiltà mix-xahar ta’ Marzu 2002 sa x‑xahar ta’ Diċembru 2004. Permezz ta’ deċiżjoni oħra, tax-xahar ta’ Settembru 2006, il-Commissioners iffissaw l-ammont tal-VAT dovut taħt il-provvista ta’ servizzi magħmula matul il-perijodi inkunsiderazzjoni għal raġunijiet ta’ kontabbiltà mix-xahar ta’ Marzu 2005 għal dak ta’ Marzu 2006. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu bbażati fuq il-konstatazzjoni li l-kommissjonijiet iffatturati lid-dentisti minn Denplan kienu bħala kontroparti għall-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT.

14      Matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Ottubru 2006, AXA appellat minn dawn id‑deċiżjonijiet quddiem il-VAT and Duties Tribunal, London, li ddeċieda li l‑imsemmija kommissjonijiet kienu eżenti mill-VAT inkwantu kienu jikkostitwixxu l-kontroparti ta’ servizz finanzjarju li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva. L-appell tal-Commissioners minn din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, Revenue List. B’hekk il-Commissioners ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

15      Skont din l-aħħar qorti, il-kwistjoni prinċipali tal-kawża li għandha quddiemha hija dik dwar jekk l-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva favur “transazzjonijiet […] li jikkonċerna […] pagamenti, trasferimenti” hijiex applikabbli għal servizz ipprovdut lil klijent, jiġifieri dentist, li jixtieq jirċievi ħlasijiet minn terz, jiġifieri pazjenti, fejn is-servizz jikkonsisti fl-irkupru tas-somom li jinsabu fil-kontijiet tal-bank ta’ dawn it-terzi permezz ta’ sistema ta’ “debitu dirett” u li tagħti rendikont lill-klijent dwar il-ħlasijiet kollha li tkun irċeviet.

16      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, (C‑2/95, Ġabra p. I‑3017), b’mod partikolari l-punti 53 u 66 tagħha, li fiha l‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fir-rigward ta’ “tranżazzjoni li tikkonċerna t‑trasferimenti”, is-servizzi pprovduti għandhom ikollhom bħala effett li jittrasferixxu fondi u li jwasslu għal bidliet ta’ natura ġuridika u finanzjarja.

17      Billi qieset li s-soluzzjoni għall-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li twaqqaf il-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Liema huma l-karatteristiċi ta’ servizz eżenti li għandu “l-effett li jitrasferixxi fondi u li jinvolvi bidliet fis-sitwazzjoni legali u finanzjarja”? B’mod partikolari:

a)      L-eżenzjoni hija applikabbli għas-servizzi li normalment ma jitwettqux minn kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja li (i) tiddebita kont, (ii) tikkredita b’mod korrispondenti lil kont ieħor, jew (iii) twettaq kompitu bejn (i) jew (ii)?

b)      L-eżenzjoni hija applikabbli għas-servizzi li ma jinkludux it-twettiq ta’ kompitu li jiddebita kont u jikkredita b’mod korrispondenti kont ieħor, li jistgħu, meta jirriżulta trasferiment ta’ fondi, jitqiesu li kienu l-kawża tat-trasferiment?

2)      Fid-dawl ta[s-sentenza] SDC [iċċitata iktar ’il fuq], negozjant (li mhuwiex bank) iwettaq servizz eżenti skont l-Artikolu 13B(d)(3) meta l-kompiti li jwettaq għall-klijent tiegħu:

a)      jinkludu l-ġabra, l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ flus dovuti lill-klijent mingħand terza persuna, b’mod partikolari, il-kompiti li:

–        jibgħat informazzjoni lill-bank tat-terza persuna biex jitlob għall-ħlas mingħand il-bank tat-terza persuna għall-kont tal-bank personali tan-negozjant, fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni permanenti mogħtija minn din it-terza persuna lill-bank (skont “Sistema ta’ Debitu Dirett”), u sussegwentement, jekk il-bank jagħmel il-ħlas,

–        jagħti istruzzjonijiet lill-bank tiegħu sabiex jittrasferixxi mill-kont tiegħu għall-kont tal-klijent tiegħu

iżda

b)       ma jinkludix il-kompiti li (a) jiddebita kont, (b) jikkredita b’mod korrispondenti kont tal-bank ieħor, jew (ċ) iwettaq kompitu bejn (a) u (b)?

3)      Ir-risposta li tingħata għad-Domanda 2 (iktar ’il fuq) tkun differenti jekk is‑servizz deskritt f’dik id-domanda jitwettaq billi tintbagħat l-informazzjoni lil sistema elettronika li mbagħad tikkomunika awtomatikament mal-bank rilevanti, anki jekk l-informazzjoni mibgħuta mhux dejjem tirriżulta fi trasferiment (eż. Għaliex it-terza persuna tkun ikkanċellat l-istanding order permanenti mal-bank tagħha jew ma għandhiex fondi biżżejjed fil-kont tagħha)?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex eżenti mill-VAT jew le.

19      Dan is-servizz ta’ “ġbir ta’ ħlasijiet”, ipprovdut minn Denplan lill-klijenti tagħha u deskritt b’mod partikolari fid-domanda 2(a) jinkludi l-irkupru, l-ipproċessar u l‑ħlas ulterjuri ta’ somom ta’ flus dovuti minn terzi, jiġifieri l-pazjenti, lill-klijenti ta’ Denplan, jiġifieri d-dentisiti. Dan is-servizz jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-bank tat-terz sabiex jintalab it-trasferiment ta’ somma partikolari ta’ flus mill-kont tal-bank tat-terz lejn il-kont tal-bank tal-fornitur ta’ servizzi, abbażi ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ mogħtija minn dan it-terz lill-bank tiegħu, kif ukoll li tingħata l-ordni sussegwenti lill-bank tal-fornitur ta’ servizzi li jittrasferixxi fondi mill-kont ta’ dan tal-aħħar lejn il-kont tal-bank tal-klijent tiegħu. Sadanittant, il-fornitur ta’ servizzi jibgħat lill-klijent tiegħu rendikont tas-somom riċevuti u jagħmel kuntatt mat-terz li minnu ma jkunx irċieva t-trasferiment tas-somma mitluba.

20      Peress li dan is-servizz jiġbor fih azzjonijiet differenti, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, mill-perspettiva tal-VAT, u b’mod partikolari għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija fid-domandi magħmula, Denplan tipprovdix lill-klijenti tiegħu bosta servizzi distinti u indipendenti li għandhom jiġu evalwati separatament jew bħala servizz uniku kumpless u magħmul minn bosta elementi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C‑41/04, Ġabra p. I‑9433, punti 18 u 20; tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, Ġabra p. I‑897, punti 48 u 49, kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2009, Don Bosco Onroerend Goed, C‑461/08, Ġabra p. I‑11079, punt 34).

21      Fil-fatt, f’ċerti ċirkustanzi, diversi tranżazzjonijiet distinti formalment, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u b’hekk jagħtu lok, separatament, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta żewġ elementi jew azzjonijiet ipprovduti mill-persuna suġġetta għat-taxxa jkunu tant strettament marbuta li jifformaw, oġġettivament, servizz ekonomiku wieħed indiviżibbli li jinqasam biss b’mod artifiċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Part Service, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 53; tal-11 ta’ Ġunju 2009, RLRE Tellmer Property, C‑572/07, Ġabra p. I‑4983, punti 18 u 19, kif ukoll Don Bosco Onroerend Goed, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37).

22      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ azzjonijiet, għandhom jitqiesu ċ‑ċirkustanzi kollha li fihom tiżvolġi t-tranżazzjoni inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex involuti żewġ tranżazzjonijiet distinti jew iktar jew jekk hijiex involuta tranżazzjoni unika (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C‑111/05, Ġabra p. I‑2697, punt 21, kif ukoll Don Bosco Onroerend Goed, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

23      Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet bħal dawk imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li l-azzjonijiet imwettqa minn Denplan, eżaminati għall-finijiet tal-VAT, huma marbuta b’mod indiviżibbli. Dawn l-atti għandhom bħala suġġett ekonomiku t-trasferiment tal-ammont dovut kull xahar mill-pazjent lid-dentist. It-trasferiment tas-somma dovuta lejn il-kont tal-bank tal-fornitur ta’ servizzi jippreżenta biss utilità għall-klijent tiegħu jekk din is-somma, imnaqqsa mir-remunerazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi, sussegwentement titħallas lill-klijent u jekk il-fornitur ta’ servizzi jagħti rendikont tal-ammonti rċevuti lil dan tal-aħħar. Għaldaqstant, is-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li jifforma tranżazzjoni waħda fir-rigward tal-VAT.

24      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt l-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva, dwar l-eżenzjonijiet li jikkonċernaw ħlasijiet u trasferimenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li huma intiżi li jevitaw diverġenzi fl‑applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C‑169/04, Ġabra p. I‑4027, punt 38; tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien, C‑455/05, Ġabra p. I‑3225, punt 15; tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding, C‑242/08, Ġabra p. I‑10099, punt 33, u tal-10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies, C‑86/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).

25      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-termini użati sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jgħid li l-VAT għandha tinġabar fuq kull trasferiment ta’ beni u fuq kull provvista ta’ servizzi mogħtija b’titolu oneruż minn persuna taxxabbli. Madankollu, l‑interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tħares sabiex ma jiġix miċħud l‑effett utli mill-eżenzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Don Bosco Onroerend Goed, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata; Future Health Technologies, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2010, EMI Group, C‑581/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).

26      Għandu jiġi osservat ukoll li t-tranżazzjonijiet eżenti skont l-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva huma ddefiniti skont in-natura tas-servizzi pprovduti u mhux skont il-fornitur jew id-destinatarju tas-servizz (ara s-sentenzi SDC, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 56; tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG‑Kraftfahrzeuge‑Factoring, C‑305/01, Ġabra p. I‑6729, punt 64, kif ukoll Swiss Re Germany Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant l-eżenzjoni ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li t‑tranżazzjonijiet isiru minn ċertu tip ta’ stabbiliment jew ta’ persuna ġuridika, ġaladarba t-tranżazzjonijiet inkwistjoni jaqgħu taħt il-qasam tat-tranżazzjonijiet finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SDC, punt 38; Velvet & Steel Immobilien, punt 22, kif ukoll Swiss Re Germany Holding, punt 46).

27      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-diversi eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva, li, sabiex jiġu kklassifikati bħala tranżazzjonijiet eżenti, is-servizzi inkwistjoni għandhom jifformaw unità distinta, evalwata b’mod globali, li għandha bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ servizz deskritt f’din l-istess dispożizzjoni [ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi SDC, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 u 75, fir-rigward tal-Artikolu 13(B)(d)(3) u (5) tas-Sitt Direttiva; tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services, C‑235/00, Ġabra p. I‑10237, punti 25 u 27, fir-rigward tal-punt 5 tal-Artikolu 13(B)(d)), kif ukoll Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70, fir-rigward tal-Artikolu 13(B)(d)(6)].

28      Fir-rigward tas-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li dan għandu bħala għan li l-klijenti ta’ Denplan, jiġifieri d-dentisti, jibbenefikaw mill-ħlas tas-somom ta’ flus dovuti lilhom mill-pazjenti tagħhom. Denplan hija inkarigata, b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni, mill-irkupru ta’ dawn id-debiti u tiżgura servizz ta’ amministrazzjoni ta’ dawn id-debiti f’isem min għandu dritt fuqhom. B’hekk, bħala prinċipju, dan is-servizz jikkostitwixxi tranżazzjoni li tikkonċerna ħlasijiet eżenti skont l-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva, sakemm din ma tkunx tikkonċerna “kollezzjoni tad-debitu”, servizz li din id‑dispożizzjoni, in fine, teskludi espressament mil-lista tal-eżenzjonijiet.

29      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “kollezzjoni tad-debitu” fis-Sitt Direttiva, il-punt 3 in fine tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva għandu jitqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tiegħu u għandu jiġi interpretat skont l-ispirtu tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, skont l-istruttura ta’ din id-direttiva (sentenza MKG‑Kraftfahrzeuge‑Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70; ara f’dan is-sens, ukoll, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Henriksen, 173/88, Ġabra p. 2763, punt 11, u tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C‑16/93, Ġabra p. I‑743, punt 10).

30      Filwaqt li, hekk kif tfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, bħala derogi b’applikazzjoni ġenerali tal-VAT, għandhom jiġu interpretati b’mod strett, il-kunċett ta’ “kollezzjoni tad-debitu” bħala eċċezzjoni għal tali dispożizzjoni li tidderoga mill-applikazzjoni tal-VAT, li għandha bħala effett li t-tranżazzjonijiet li hija ssemmi huma suġġetti għat-taxxa li tikkostitwixxi r-regola prinċipali li fuqha hija bbażata s-Sitt Direttiva, għandu jirċievi interpretazzjoni wiesgħa (ara s-sentenza MKG‑Kraftfahrzeuge‑Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72, 73 u 75, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Libéros vs Il‑Kummissjoni, C‑171/00 P, Ġabra p. I‑451, punt 27).

31      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “kollezzjoni tad-debitu” fis-sens tal-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva jinkludi tranżazzjonijiet finanzjarji intiżi għall-kisba ta’ ħlas ta’ debitu ta’ flus (ara s‑sentenza MKG‑Kraftfahrzeuge‑Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

32      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ipprovdut minn Denplan lid-dentisti, huwa inkluż fil-kunċett ta’ “kollezzjoni tad-debitu” fis-sens tal-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva.

33      Fil-fatt, dan is-servizz għandu bħala għan li l-klijenti ta’ Denplan, jiġifieri d‑dentisti, jibbenefikaw mill-ħlas tas-somom ta’ flus dovuti lilhom mill-pazjenti tagħhom. Dan is-servizz huwa għaldaqstant intiż sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ debiti. Billi tinkariga ruħha mill-irkupru ta’ debiti f’isem min għandu dritt fuqhom, Denplan teħles lill-klijenti tagħha minn kompiti li, mingħajr l-intervent tagħha, dawn tal-aħħar, bħala kredituri, ikollhom iwettqu huma stess, kompiti li jikkonsistu f’li jintalab it-trasferiment tas-somom dovuti lilhom, permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett”.

34      Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex rilevanti li dan is-servizz jiġi pprovdut fil-mument meta jiskadi t-terminu għall-ħlas tad-debiti kkonċernati. Il-kliem tal-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva jsemmu l-irkupru ta’ debiti ta’ kull natura, mingħajr ma jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għal debiti li ma kinux irregolati fil-mument li jiskadi t-terminu għall-ħlas tagħhom. Barra minn hekk, il-fatturazzjoni, li l-forom kollha tagħha huma inklużi fil-kunċett ta’ “kollezzjoni tad-debitu” (ara s-sentenza MKG‑Kraftfahrzeuge‑Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77), ma hijiex limitata għal debiti li għalihom id-debitur jinsab diġà f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħlas. Jista’ wkoll ikollha bħala għan debiti li t-terminu għall-ħlas tagħhom għadu ma skadiex u li jitħallsu meta jiskadi t-terminu.

35      Barra minn hekk, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni għad-deroga għall-applikazzjoni tal-VAT mogħtija mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, huwa wkoll mingħajr effett fuq il-kwalifika ta’ “kollezzjoni tad-debitu” tas-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali li dan tal-aħħar ma jipprovdix l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar għall-ħlas effettiv tad-debiti kkonċernati.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt l-eżenzjoni tal-VAT prevista f’din id‑dispożizzjoni provvista ta’ servizzi li tikkonsisti, essenzjalment, f’li bank ta’ terz jintalab it-trasferiment permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett” ta’ somma dovuta minn din il-persuna lill-klijent tal-persuna li tipprovdi servizzi fil-kont ta’ dan tal-aħħar, f’li jintbagħat rendikont tas-somom riċevuti lill-klijent, f’li jsir kuntatt mat-terz li fir-rigward tiegħu l-fornitur ta’ servizzi ma jkunx għadu rċieva l-ħlas u, fl-aħħar nett, f’li jingħata l-ordni lill-bank tal-fornitur ta’ servizzi sabiex jittrasferixxi l-ħlas riċevut, wara li titnaqqas ir-remunerazzjoni tiegħu, fil-kont tal-bank tal-klijent.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt l‑eżenzjoni tal-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni provvista ta’ servizzi li tikkonsisti, essenzjalment, f’li bank ta’ terz jintalab it-trasferiment permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett” ta’ somma dovuta minn din il-persuna lill-klijent tal-persuna li tipprovdi servizzi fil-kont ta’ dan tal-aħħar, f’li jintbagħat rendikont tas-sommom riċevuti lill-klijent, f’li jsir kuntatt mat-terz li fir-rigward tiegħu l-fornitur ta’ servizzi ma jkunx għadu rċieva l-ħlas u, fl-aħħar nett, f’li jingħata l-ordni lill-bank tal-fornitur ta’ servizzi sabiex jittrasferixxi l-ħlas riċevut, wara li titnaqqas ir-remunerazzjoni tiegħu, fil-kont tal-bank tal-klijent.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top