EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0406

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 5 ta' April 2011.
Realchemie Nederland BV vs Bayer CropScience AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - il-Pajjizi l-Baxxi.
Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi - Kunċett ta’ "materji ċivili u kummerċjali" - Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa - Direttiva 2004/48/KE - Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali - Ksur ta’ dawn id-drittijiet - Miżuri, proċeduri u rimedji - Kundanna - Proċedura ta’ exequatur - Spejjeż ġudizzjarji relatati magħhom.
Kawża C-406/09.

European Court Reports 2011 I-09773

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:209

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-5 ta’ April 2011 (1)

Kawża C-406/09

Realchemie Nederland BV

vs

Bayer CropScience AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi)]

“Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenza li timponi ‘multa ċivili’ – Direttiva 2004/48/KE – Drittijiet ta’ proprjetà intelletwali – Miżuri, proċeduri u rimedji f’każ ta’ ksur ta’ tali dritt – Kundanna għall-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ exequatur sabiex jinkiseb ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi intiżi biex iħarsu dritt ta’ proprjetà intellettwali”






1.        Dan ir-rinviju preliminari joriġina minn kawża bejn Bayer CropScience AG (iktar ’il quddiem “Bayer”), kumpannija Ġermaniża u l-kumpannija Olandiża Realchemie Nederland BV (iktar ’il quddiem “Realchemie”), quddiem il-qrati Ġermaniżi. Bayer takkuża lil Realchemie bil-vjolazzjoni ta’ waħda mill-privattivi tagħha. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-qorti kienet imponiet fuq Realchemie l-ħlas ta’ “multa ċivili” fis-sens tad-dritt Ġermaniż. Peress li Bayer xtaqet teżegwixxi din il-multa ċivili fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija talbet ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni f’dan l-Istat Membru tas-sentenza li kienet imponiet il-multa u għal dan il-għan bdiet proċedura ta’ exequatur. L-ewwel domanda li tagħmel il-qorti tar-rinviju – Olandiza – hija sabiex tistabbilixxi jekk tali multa taqax fl-ambitu tal-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2).

2.        Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-fatt li jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (3), jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu tassazzjoni ogħla tal-ispejjeż, fil-konfront tal-konvenut, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ exequatur li għandha l-għan li tikseb ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fl-Istat Membru tal-oriġini li għandhom bħala għan il-ħarsien ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 44/2001

3.        Ir-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan partikolari, skont il-premessa 2 tiegħu, li jistabbilixxi “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenz[j]ali.”

4.        Il-premessi 6 u 7 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(6)      Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

(7)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti”.

5.        Il-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(16) Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)      Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.”

6.        Il-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi li “[g]ħandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel [tal-1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’) (4)] u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

7.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li “[d]an ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

8.        Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, “‘sentenza’[…] tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.”

9.        L-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jiddikjara l-prinċipju li “[s]entenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk […] il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk.”

10.      L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi li “[s]entenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f'dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

11.      L-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi li “[s]entenza barranija li tordna pagamenti perjodiċi bħala penali għandu jkun eżegwibbli, fl-Istat Membru li fih tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, biss jekk l-ammont tal-pagament ikun ġie finalment determinat mill-qrati ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini.”

2.      Id-Direttiva 2004/2008

12.      Il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/48 tiddikjara li “mingħajr mezz effettiv għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skorraġiti u l-investiment jonqos. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali, li llum tinsab fil-parti l-kbira bħala parti mill-acquis communautaire, hija applikkata b'mod effettiv fil-Komunità.”

13.      Il-premessi 8, 9 u 10 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdu:

“(8)      Id-disparitajiet li hemm bejn is-sistemi ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi ta’ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali joħolqu preġudizzju għall-funzjonament xieraq tas-Suq Intern u jagħmluha impossibli li jiġi assigurat li d-drittijiet għall-propretà intellettwali għandha l-istess livell ta’ protezzjoni fil-Komunità kollha. Din is-sitwazzjoni ma jippromwoviex il-moviment liberu fis-suq intern jew ma joħloqx ambjent li jwassal għall-kompetizzjoni soda.

(9)      […] Taqrib tal-liġi fl-Istati Membri f’dan il-qasam, hija għalhekk ħtieġa essenzali għall-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(10)      L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta' protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.”

14.      Il-premessa 11 tad-Direttiva 2004/48 tippreċiża li “[m]hux l-għan ta’ din id-Direttiva li tistabbilixxi regoli armoniżżati għall-koperazzjoni ġudizzjarja, ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, jew li tittratta mal-liġi applikabbli. Hemm strumenti tal-Komunità li jiggvernaw dawn il-materji f’termini ġenerali u huma, fil-prinċipju, ugwalment applikabbli għall-proprjetà intellettwali.”

15.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li din “tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettuali.”

16.      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48 jistabbilixxi li “[m]ingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta' l-Istat Membru konċernat.”

17.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “L-ispejjeż legali”, jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità.”

B –    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

18.      L-Artikoli 890 u 891 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ġermaniża (Zivilprozessordnung, iktar ’il quddiem “iz-ZPO”) jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 890

Dwar l-eżekuzzjoni furzata ta’ obbligu ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni u dwar it-tollerenza

1.      Jekk id-debitur jonqos milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jastjeni milli jieħu azzjoni jew mill-obbligu tiegħu li jittollera xi att, huwa jkun, fuq talba tal-kreditur, ikkundannat mill-qorti tal-prim’istanza għall-ħlas ta’ multa ċivili u, jekk dan l-irkupru ma jkunx possibbli, għal priġunerija jew għal priġunerija ta’ massimu sitt xhur. Kull multa ċivili ma tistax teċċedi l-massimu ta’ EUR 250 000, il-priġunerija ma tistax teċċedi t-total ta’ sentejn.

2.      Il-kundanna għandha tkun ippreċeduta minn intimazzjoni li tinħareġ mill-qorti tal-prim’istanza, wara li tkun saret talba għall-istess, jekk din ma tkunx tirriżulta mis-sentenza li tistabbilxxi l-obbligu.

3.      Id-debitur jista’ wkoll, fuq talba tal-kreditur, ikun ikkundannat jikkostitwixxi garanzija għal kwlaunkwe dannu ulterjuri li jirriżulta f’terminu stabbilit minn kull nuqqas ieħor.

Artikolu 891

Proċedura, smigħ tad-debitur, tassazzjoni tal-ispejjeż

Is-sentenzi taħt l-Artikoli 887 sa 890 għandhom jingħataw permezz ta’ digriet. […].”

19.      L-Artikolu 1 tar-regolament dwar l-irkupru tal-multi ġudizzjarji (Justizbeitreibungsordnung, iktar ’il quddiem il-“JBeitrO”) jipprovdi:

“1.      L-irkupru tal-krediti segwenti għandu jsir skont dan il- [JBeitrO] sa fejn dan huwa magħmul mill-awtoritajiet ġudizzjarji Federali:

[…]

      (3)      il-multi ċivili u l-pagamenti ta’ penalità;

[…].

2.       Il-[JBeitrO] japplika wkoll għall-irkupru tal-krediti msemmija fil-pararafu 1, mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Länder, sa fejn il-krediti jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Federali.”

C –    Il-leġiżlazzjoni Olandiża

20.      Jirriżulta mill-proċess li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ttraspona, fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 permezz tal-Artikolu 1019h tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż. Skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tippermetti, fl-oqsma koperti minn din id-direttiva, il-kundanna għal spejjeż ogħla mill-kundanni ordinarji.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) huma l-kumpannija Olandiża Realchemie u l-kumpannija Ġermaniża Bayer u din il-kawża toriġina minn proċedura li preċedentement kienet inbdiet minn Bayer fil-Ġermanja.

22.      Wara rikors ippreżentat quddiemha minn Bayer, fil-kuntest ta’ proċedura li kellha l-għan li jinkisbu miżuri provviżorji, il-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Diċembru 2005 (imsejjaħ id-“digriet bażiku”), ipprojbixxiet lil Realchemie, minħabba l-vjolazzjoni ta’ privattiva, milli timporta, iżżomm jew tikkumerċjalizza ċerti pestiċidji fil-Ġermanja. Il-projbizzjoni kif stabbilita kienet tinkludi pagamenti ta’ penalità. Barra minn hekk, Realchemie kellha tikkomunika t-tranżazzjonijiet kummerċjali li kienu jikkonċernaw il-pestiċidji kkonċernati u l-istokk tagħha kellu jitpoġġa taħt sekwestru ġudizzjarju. Id-digriet kien ukoll ikkundanna lil Realchemie għall-ħlas tal-ispejjeż (5).

23.      Fis-17 ta’ Awwissu 2006, fuq talba ta’ Bayer, imressqa abbażi tal-Artikolu 890 ta’ ZPO, Realchemie ġiet ikkundannata, permezz ta’ digriet adottat mil-Landgericht Düsseldorf għall-ħlas ta’ multa, hekk imsejħa “ċivili”, ta’ EUR˚20 000, li kellha titħallas lill-kaxxier tal-imsemmija qorti, għall-ksur tal-projbizzjoni imposta fid-digriet bażiku. Id-digriet kien ukoll jikkundanna lil Realchemie għall-ispejjeż (6).

24.      Fis-6 ta’ Ottubru 2006, permezz ta’ digriet ġdid, il-Landgericht Düsseldorf imponiet fuq Realchemie pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 15 000 biex tinċitaha tikkomunika t-tranżazzjonijiet kummerċjali msemmija fid-digriet bażiku. Barra minn hekk, Realchemie ġiet ikkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ pagamenti ta’ penalità (7).

25.      Huwa paċifiku li dawn is-sitt sentenzi ġew innotifikati lil Realchemie.

26.      Fis-6 ta’ April 2007, Bayer bdiet il-proċeduri għal quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-Rechtbank ’s‑Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi), biex jiġi ddikjarat illi t-totalità tas-sitt sentenzi adottati mil-Landgericht Düsseldorf għandhom il-forza eżekuttiva fil-Pajjiżi l-Baxxi. Bayer ressqet ukoll talba biex Realchemie tkun ikkundannata għall-ispejjeż fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fl-10 ta’ April 2007, l-imsemmi Mħallef għal miżuri provviżorji laqa’ t-talba ta’ Bayer u kkundanna lil Realchemie għall-ispejjeż fl-ammont ta’ EUR˚482.

27.      Fl-14 ta’ Ġunju 2007, Realchemie ppreżentat rikors skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001 billi invokat ir-raġuni għal rifjut, stabbilita fl-Artikolu 34(2) tal-imsemmi regolament. Hija sostniet illi d-digriet bażiku, l-istess bħad-digriet li jimponi l-multa ċivili u dak li jimponi l-pagamenti ta’ penalità, ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor, peress illi kienu ngħataw mingħajr ma Realchemie ġiet innotifikata u mingħajr ma saru t-trattazzjonjiet. Għal dak li għandu x’jaqsam mas-sentenzi relatati mal-ispejjeż, dawn la jistgħu jiġu rrikonoxxuti u lanqas eżegwiti, għar-raġuni li dawn huma parti integrali mit-tliet digrieti msemmija iktar ’il fuq. Iktar partikolarment, fir-rigward tad-digriet li jimponi l-multa ċivili, Realchemie sostniet illi t-talba li ressqet Bayer għall-eżekuzzjoni kellha tiġi miċħuda peress illi l-multa, li, skont il-JBeitrO, tiġi rkuprata ex officio mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi, ma tingħatax minn Bayer iżda mill-Istat Ġermaniż.

28.      Fis-26 ta’ Frar 2008, l-awla ċivili tar-Rechtbank ’s‑Hertogenbosch, wara li semgħet lill-partijiet, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Realchemie, ikkonfermat is-sentenza tal-10 ta’ April 2007 u kkundannat lil Realchemie għall-ispejjeż likwidati għal EUR 1 155. Ir-Rechtbank ‘s‑Hertogenbosch qieset illi, anki jekk kienu ngħataw fuq rikors unilaterali ta’ Bayer, it-tliet digrieti inkwistjoni jikkostitwixxu sentenzi fis-sens tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001. Fir-rigward tad-digriet li jimponi l-multa ċivili, ir-Rechtbank ‘s‑Hertogenbosch iddikjarat li l-fatt li l-ammont ta’ EUR 20 000 għandu jitħallas lill-Gerichtskasse, jiġifieri lill-kaxxier tal-Landgericht Düsseldorf, bl-ebda mod ma jnaqqas mid-dritt u mill-interess ta’ Bayer li Realchemie effettivament tħallas il-multa lill-imsemmi kaxxier. Il-multa fil-fatt għandha l-għan li tiżgura li d-digriet bażiku jiġi osservat fl-interess tal-parti li rebħet il-kawża, jiġifieri Bayer. Din tal-aħħar għalhekk għandha interess fl-eżekuzzjoni tad-digriet li jistabbilixxi l-multa fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-aħħar nett, ir-Rechtbank ’s‑Hertogenbosch ikkundannat lil Realchemie għall-ispejjeż u llikwidathom skont is-sistema ordinarja, kuntrarjament għat-talba ta’ Bayer, biex jiġi applikat l-Artikolu 1019h tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż jew, għallinqas l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48.

29.      Peress illi d-deċiżjoni dwar l-appell ippreżentat skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001 kienet għadha suġġetta għal appell fil-kassazzjoni, skont it-termini tal-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament u l-Anness V tiegħu, Realchemie ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden sabiex tikseb l-annullament tas-sentenza tar-Rechtbank ‘s‑Hertogenbosch tas-26 ta’ Frar 2008. Bayer ippreżentat appell inċidentali għaċ-ċaħda tal-appell u sabiex Realchemie tiġi kkundannata għall-ispejjeż reali skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 1019h tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż.

30.      L-avukat ġenerali tal-Hoge Raad der Nederlanden ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fis-26 ta’ Ġunju 2009 fejn stieden lil din il-qorti biex qabel ma tiddeċiedi, tressaq talba għal deċiżjoni preliminari.

31.      Sussegwentement għal dan, il-Hoge Raad der Nederlanden identifkat żewġ punti li kienu jirrikjedu l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32.      Minn naħa, għal dak li għandu x’jaqsam mad-digriet li impona multa ċivili, hija tistaqsi jekk dan jistax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001, fid-dawl tal-elementi ta’ dritt pubbliku li jikaratterizzawh. Fil-fatt, l-imsemmija multa tikkostitwixxi sanzjoni ta’ ksur għal inġunzjoni ġudizzjarja. Din tiġi imposta mill-qorti Ġermaniża fuq talba ta’ waħda mill-partijiet privati, iżda għandha titħallas, wara li l-awtoritajiet tal-qorti jkunu pproċedew għall-irkupru tagħha ex officio, lill-kaxxier tal-qorti jew tribunal, għall-benefiċċju tal-Istat Ġermaniż u mhux għall-benefiċċju tal-parti li tkun ħadet l-inizjattiva dwarha.

33.      Min-naħa l-oħra, il-Hoge Raad der Nederlanden għandha dubji dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 fil-kawża prinċipali. Jekk huwa possibbli li jitqies li d-direttiva hija intiża għar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza dwar dawn id-drittijiet tista’ tikkostitwixxi aspett wieħed tar-rispett effettiv ta’ dawn id-drittijiet, id-Direttiva 2004/48 tistabbilixxi li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li hija tipprovdi japplikaw għal kwalunkwe ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali (8). Issa, il-proċedura ta’ exequatur, inkwantu din tikkonsisti fil-verifika, mill-qorti, li l-kundizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni huma sodisfatti, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

34.      Quddiem din id-diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u permezz ta’ deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2009, tagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dawn iż-żewġ domandi preliminari, relatati mas-sustanza tal-Artikolu  243 KE:

“1)      Il-kunċett ta’ materji ‘ċivili u kummerċjali’ fl-ewwel paragrafu [Artikolu 1] tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li [dan ir]-regolament japplika wkoll għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni [sentenza] li tinkludi kundanna għall-ħlas ta’ multa skont l-Artikolu 890 ta[z-ZPO]?

2)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva [2004/18] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għal proċedura ta’ eżekuzzjoni [exequatur] ta’:

      (a) deċiżjoni [sentenza] mogħtija fi Stat Membru ieħor fuq il-ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali;

      (b) deċiżjoni [sentenza] mogħtija fi Stat Membru ieħor li timponi pagamenti ta’ penalità jew multa għall-vjolazzjoni tal-projbizzjoni ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali;

      (ċ) deċiżjonijiet ta’ tassazzjoni tal-ispejjeż mogħtija fi Stat Membru ieħor fil-proroga tad-deċiżjonijiet [sentenzi] imsemmija fl-[(a)] u [(b)]?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35.      Realchemie, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Waqt is-seduta tal-25 ta’ Jannar 2011, Realchemie, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

IV – L-analiżi legali

A –    Fuq l-ewwel domanda

37.      Wara li jiġu fformulati xi osservazzjonijiet preliminari, ser tiġi analizzata s-sistema legali tal-multa ċivili kif prevista fid-dritt Ġermaniż, biex imbagħad jiġu evalwati l-elementi karatteristiċi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

38.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatt li jiġi stabbilit jekk is-sentenza mogħtija fil-Ġermanja, li imponiet fuq Realchemie l-ħlas ta’ multa ċivili skont l-Artikolu 890 taz-ZPO, tistax tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxi abbażi tar-Regolament Nru 44/2001. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qed tiġi mistiedna tiddetermina jekk multa bħal din taqax fl-ambitu tal-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal–Artikolu 1 tal-imsemmi regolament.

39.      Preliminarjament, nixtieq nagħmel żewġ sensiliet ta’ osservazzjonijiet.

40.      Fl-ewwel lok, għandha titfakkar il-kontinwità eżistenti bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001, kif tindika l-premessa 19 tal-imsemmi regolament (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, loġikamet, li, “sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna [d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni] tapplika wkoll għad-[dispożizzjonijiet tar-regolament], inkwantu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u dawk tar-Regolament Nru 44/2001 jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti” (10). Dan huwa l-każ tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa redatt b’mod identiku għal dak tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni. Il-ġurisprudenza mogħtija abbażi ta’ din il-konvenzjoni tista’ għalhekk tiġi utilment invokata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. L-istess jista’ jingħad għall-varji rapporti spjegattivi fir-rigward (11).

41.      Fit-tieni lok, irid jingħad li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri inkonnessjoni mal-premessa 7 tiegħu, li tenfażizza l-importanza li jiġu inklużi, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, “il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali”, jirrikjedi interpretazzjoni tal-imsemmija materji, li jkollha l-għan li tkopri l-qofol tagħhom, fid-dawl tas-sensibbiltà tal-Istati u tal-opinjoni Ewropej (12). Dawn “il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali” jikkostitwixxu, konsegwentement, kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, indipendenti mill-kwalifikazzjonijiet nazzjonali li kull Stat Membru jattribwixxi lill-proċeduri u atti ġudizzjarji li jistgħu jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti u għandhom jiġu interpretati b’riferiment għall-oriġini, għall-għanijet u għas-sistema tal-imsemmi regolament (13).

2.      Is-sistema legali tal-multa ċivili fid-dritt Ġermaniż

42.      Skont ma jistqarru b’mod parallel il-qorti tar-rinviju, Realchemie u l-Gvern Ġermaniż, il-multa ċivili stabbilita fl-Artikolu 890 taz-ZPO għandha l-għan ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ tolleranza jew ta’ rtirar, fis-sens tad-dritt Ġermaniż, li jkun preliminarjament ġie stabbilit minn deċiżjoni tal-qorti. Jekk id-debitur jikser l-obbligu tiegħu li jirtira jew li jittollera, ikollu jinġiegħel josserva l-obbligu inizjali. Din il-pressjoni hija eżerċitata permezz tal-Artikolu 890 taz-ZPO li jistabbilixxi “sejħa għall-ordni”. Din tal-aħħar tista’ tieħu żewġ forom: il-multa ċivili jew il-priġunerija. Jirriżulta wkoll mill-imsemmi Artikolu 890 li l-qorti tista’ timponi direttament il-priġunerija mingħajr l-impożizzjoni preliminari ta’ multa ċivili.

43.      Dejjem skont l-Artikolu 890 taz-ZPO, is-sejħa għall-ordni ssir fuq talba tal-kreditur. L-impożizzjoni ta’ sejħa għall-ordni tista’ sseħħ biss jekk tkun diġà saret l-intimazzjoni li tinħareġ mill-qorti, li twissi lid-debitur dwar il-konsegwenzi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tiegħu (14). Ladarba l-obbligu jkun inkiser, fuq talba mressqa quddiem il-qorti mill-kreditur u wara li jinstema’ d-debitur (15), il-qorti Ġermaniża tkun tista’ toħroġ is-sejħa għall-ordni, li, fil-kawża preżenti, kienet tikkonsisti f’multa ċivili ta’ EUR 20 000,  kontra Realchemie, għan-nuqqas tal-osservanza tal-obbligu tagħha riżultanti mid-digriet bażiku.

44.      L-imsemmija multa għalhekk ma setgħetx tiġi imposta jekk mhux fuq talba ta’ Bayer. Madankollu l-multa ma tiġix iddikjarata għall-benefiċċju tagħha. Il-multa ċivili trid titħallas lill-kaxxier tal-qorti u finalment tidħol fit-teżor pubbliku. Din tinġabar ex officio. Il-President tat-Tribunal huwa l-awtorità responsabbli mill-eżekuzzjoni tagħha (16).

45.      Realchemie żżid, mingħajr ma dan kien is-suġġett ta’ żviluppi min-naħa tal-partijiet l-oħra kkonċernati, li d-digriet tas-sejħa għall-ordni ma jikkostitwixxix, bħala tali, titolu eżekuttiv. Dan għandu biss saħħa dikjaratorja. Huwa biss meta l-multa ċivili tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-istanza, li tirreferi għall-kreditur, għall-ammont u t-termini stabbiliti, li jkun jista’ jingħad li wieħed għandu quddiemu titolu eżekuttiv, li jista’ biss jiġi rrikonoxxut u eżegwit fl-Istat Membru rikjest (17).

3.      Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

a)      In-natura ineffikaċi tal-kriterji tal-prinċipal u l-aċċesorju

46.      Waħda mill-partikolaritajiet tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta mill-fatt li l-kawża li fil-kuntest tagħha tidħol l-adozzjoni tad-digriet li jimponi l-multa ċivili fil-Ġermanja, tikkonċerna miżuri provviżorji.

47.      F’każ ta’ miżuri bħal dawn, l-attitudni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet dik li tiddikjara li “peress li l-miżuri provviżorji jew konservatorji huma idonei biex jissalvagwardjaw drittijiet ta’ natura varjata, l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni hija ddeterminata mhux abbażi tan-natura tagħhom, iżda min-natura tad-drittijiet li tagħhom jiżguraw il-ħarsien” (18) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

48.      F’dan il-każ, id-digriet li jimponi l-multa ċivili ngħata fil-kuntest ta’ kawża “prinċipali” li kellha l-għan li tikseb miżuri provviżorji biex tiġi żgurata l-osservanza, provviżorjament, ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali, dritt li huwa ta’ natura manifestament ċivili. Id-digriet li impona l-multa ċivili, peress li ma setax jingħata fl-assenza tad-digriet bażiku, tal-ewwel jikkostitwixxi l-aċċessorju tat-tieni u jiddependi fuqu għall-eżistenza tiegħu. In-natura ċivili tad-digriet bażiku tiddetermina dik tad-digriet tal-multa ċivili. B’hekk, kif jissuġġerixxi l-Gvern Ġermaniż, biex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula, ikun biżżejjed li jiġi vverifikat jekk id-digriet bażiku jistax jiġi rrikonoxxut u eżegwit abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001. Peress li dan huwa effettivament il-każ, id-digriet li jimponi l-multa ċivili jaqa’ wkoll fl-ambitu tal-materji ċivili u kummerċjali.

49.      Din il-proposta tidher li hija attraenti għaliex għandha l-merti tas-sempliċità u l-effikaċja. Għandha madankollu mill-ewwel titwarrab peress li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-aċċessorju tinsab f’kunflitt ma’ element partikolarment notevoli fil-każ tagħna. Fil-fatt, il-multa ċivili, kif espost iktar ’il fuq, hija sejħa għall-ordni, fis-sens tad-ditt Ġermaniż, iżda mhux l-unika forma, peress illi teżisti wkoll il-possibbiltà, għall-qorti Ġermaniża, li tordna l-priġunerija. Jekk wieħed kellu jġebbdu, ir-raġunament propost jista’ jwassal biex jiġi kkunsidrat li l-priġunerija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001, meta tiġi imposta fil-kuntest ta’ kawża prinċipali li tikkonċerna miżuri provviżorji adottati biex jitwaqqaf ksur ta’ dritt ta’ natura ċivili. Peress li din is-sitwazzjoni hija evidentement eskluża, huwa kriterju ieħor li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta fil-kuntest tal-analiżi tagħha.

b)      L-impatti tal-multa ċivili fuq in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew fuq l-għan tal-kawża

i)      Il-linji-gwida pprovduti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

50.      Peress li l-kriterju speċifiku li tenfażizza l-Qorti tal-Ġustizzja fil-preżenza ta’ miżuri provviżorji ma huwa ta’ ebda għajnuna fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandu jsir riferiment għal-linji-gwida ġenerali li hija pprovdiet fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha mogħtija fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

51.      B’hekk jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tagħha li l-kunċett tal-“materji ċivili u kummerċjali” għandu jiġi interpretat b’kunsiderazzjoni għall-fatt li “ċerti kategoriji ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni minħabba elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan ta’ din” (19) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn iż-żewġ kriterji – in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet jew l-għan tal-kawża – servew sa dan il-punt biex tinħoloq fruntiera, minn naħa, bejn il-kawżi li jaqgħu fl-ambitu tal-materji ċivili u kummerċjali, minħabba l-fatt li kellhom it-tendenza li joħolqu relazzjoni ġuridika tad-dritt privat u, min-naħa l-oħra, dawk li jaqgħu fl-ambitu ta’ relazzjoni ta’ dritt pubbliku.

52.      Fir-rigward tal-ewwel kriterju, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li għandha tiġi “identifikata r-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn il-partijiet fil-kawża u għandhom jiġu eżaminati l-fondament u l-partikolaritajiet tal-eżerċiżzju tal-azzjoni intenzjonata” (20) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk iddeċidiet illi r-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet f’kawża, kienet relazzjoni tad-dritt privat, meta din kienet bejn żewġ persuni u sa fejn il-parti li kienet fetħet kawża kienet eżerċitat mezz legali li kien infetħilha bħala effett ta’ subrogazzjoni legali stabbilita, prevista minn dispożizzjoni tad-dritt ċivili, mingħajr ma din l-azzjoni tikkorispondi għall-eżerċizzju ta’ kwalukwe setgħat eżorbitanti meta pparagunata mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (21). L-istess ġie deċiż fir-rigward ta’ kawża li tkun infetħet, mhux kontra l-aġir jew il-proċeduri li jippreżupponu manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika minn waħda mill-partijiet fil-kawża, iżda kontra atti mwettqa minn individwi (22).

53.      Barra minn hekk, il-fatt fih innifsu li waħda mill-partijiet fil-kawża hija korp irregolat mid-dritt pubbliku, ma għandux il-konsegwenza awtomatika tal-esklużjoni tal-kawża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa biss meta l-awtorità pubblika, li tkun parti f’kawża kontra individwu, taġixxi fl-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi li l-imsemmija kawża tkun suġġetta għal esklużjoni bħal din (23). Fil-fatt, “il-manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità tal-Istat minn waħda mill-partijiet fil-kawża, minħabba fl-eżerċizzju minnha ta’ setgħat li jeċċedu dawk tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, teskludi t-tali kawża mill-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001” (24).

54.      Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tieni kriterju, ikkunsidrat bħala tali, ninnota li dan huwa s-suġġett ta’ ħafna inqas ġurisprudenza min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod verament iżolat u f’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza preċedenti tagħha, hija ddikjarat, f’waħda mis-sentenzi mogħtija fl-1991, li “[b]iex jiġi ddeterminat jekk kawża taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ [din il-]konvenzjoni, huwa biss is-suġġett ta’ din il-kawża li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni” (25) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dakinkar ’l hawn, din is-sitwazzjoni għadha ma ġietx ripetuta u l-Qorti tal-Ġustizzja ħasset li kien biżżejjed li tiddikjara sussegwentement li “jekk, abbażi tas-suġġett tagħha, kawża hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni, l-eżistenza ta’ domanda preliminari, li dwarha l-qorti għandha tieħu deċiżjoni biex tagħti sentenza, ma tistax, ikun xi jkun il-kontenut ta’ din id-domanda, tiġġustifika l-applikazzjoni tal-konvenzjoni” (26) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rriproduċiet il-premessa tal-prinċipju tagħha, b’riferiment kemm għar-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet kif ukoll għas-suġġett tal-kawża (27).

55.      B’hekk, huwa fir-rigward tal-elementi preċedenti li għandu jiġi vverifikat jekk kienx hemm il-manifestazzjoni ta’ kwalunkwe prerogattiva ta’ poter pubbliku fil-kawża li tat lok għall-adozzjoni tad-digriet tal-multa ċivili, billi jiġu evalwati r-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet kif ukoll l-għan tal-kawża.

ii)    Applikazzjoni għall-kawża preżenti

56.      Il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, li peress li d-digriet li impona l-multa ċivili ma jistax jitqies b’mod iżolat, ma tistax issir distinzjoni bejn il-partijiet fil-proċedura bażika u f’dik li tat lok għall-multa ċivili, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li Bayer għandha s-setgħa li tistitwixxi l-kawża relatata mal-imsemmija multa. Il-Gvern Ġermaniż, għandu, min-naħa tiegħu, iqis li d-dritt invokat huwa dak li jara li d-dritt tal-proprjetà intelletwali ta’ Bayer jiġi osservat, u għalhekk ma joriġinax minn att assolut ta’ poter pubbliku. Fil-kuntest tal-kawża li waslet għall-impożizzjoni tal-multa ċivili, il-Gvern Ġermaniż kull ma jagħmel huwa li jgħin lill-kreditur biex id-dritt tiegħu jiġi osservat u l-multa ssaħħaħ l-ordni ta’ projbizzjoni. Għal din ir-raġuni, id-dritt materjali li jirriżulta mid-digriet bażiku għandu jiddetermina n-natura tal-kawża.

57.      Ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

58.      Il-multa ċivili kif stabbilita u implementata fid-dritt Ġermaniż, hija fl-istess waqt komposta minn elementi ta’ natura ċivili li jaqgħu taħt id-dritt privat, u minn elementi tad-dritt pubbliku. Din il-kompożizzjoni eteroġenja tobbliga li jsir bilanċ ta’ kull wieħed mill-elementi, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula.

59.      Ċertament, il-multa ċivili ngħatat għall-fatt li Realchemie ma eżegwietx l-obbligi li kien impona fuqha d-digriet bażiku. Mingħajr dubju, il-fatt li Realchemie tissottometti ruħha għall-imsemmija obbligi jikkontribwixxi għat-twettiq tal-protezzjoni provviżorja tad-dritt ta’ proprjetà intelletwali miżmum minn Bayer, li hija, barra minn hekk, l-unika parti li tista’ titlob li l-qorti Ġermaniża timponi multa ċivili.

60.      Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li, fid-dawl tal-funzjoni u l-għan tal-multa ċivili, tal-benefiċċju effettiv u l-modijiet differenti għall-irkupru tagħha, l-aspetti tad-dritt pubbliku huma determinanti u jeħtieġu l-esklużjoni tal-multa ċivili mill-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

61.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-multa ċivili u l-għan tagħha, huwa, fl-opinjoni tiegħi, inkomplet li wieħed jieqaf fil-konklużjoni li l-multa ma għandhiex għanijiet oħra għajr dak tal-ħarsien effettiv tad-dritt ta’ Bayer rikonoxxut fid-digriet bażiku. Is-sitwazzjoni hija manifestament iktar ambigwa.

62.      Il-multa ċivili hija miżura mandatorja li naturalment għandha aspett ripressiv. Il-partijiet ikkonċernati ilhom li ħadu l-pożizzjoni dwar il-fatt li jiġi stabbilit jekk il-multa ċivili kellhiex, l-ewwel u qabel kollox, natura preventiva jew ripressiva, billi ressqu l-argument li jekk l-aspett preventiv kellu jipprevali, il-multa ċivili tkun taqa’ fl-ambitu tal-materji ċivili u kummerċjali.

63.      Fl-opinjoni tiegħi, trid issir distinzjoni bejn żewġ perijodi ta’ żmien: l-aspett preventiv japplika għal kwalunkwe perijodu li jiddekorri bejn l-għoti tad-digriet bażiku – li jkun fih l-interpellazzjoni – u l-bidu tal-istituzzjoni tal-proċedura li għandha twassal għall-impożizzjoni tal-multa. Sakemm jiddekorri dan iż-żmien, il-parti telliefa – Realchemie – taf eżattament x’inhuma l-konsegwenzi jekk ma tissottomettix ruħha għall-obbligi stipulati fid-digriet bażiku. L-eżistenza weħidha tal-interpellazzjoni tista’ tkun biżżejjed biex tiskuraġġixxi lid-debitur milli jikser l-ordni mogħtija. Min-naħa l-oħra, peress li l-imsemmi debitur ikun kiser it-termini tad-digriet bażiku, huwa ċar li l-għoti tal-multa ċivili huwa ta’ natura essenzjalment ripressiva. Minn naħa, il-multa ċivili ma għandhiex il-funzjoni jew l-għan li tagħmel tajjeb għad-dannu subit minn Bayer jew li tikkumpensaha għad-danni, minħabba l-kontinwità fil-ksur tad-dritt tagħha ta’ proprjetà intelletwali minn Realchemie, minkejja l-ordnijiet misjuba fid-digriet bażiku. Min-naħa l-oħra għalhekk, mhux daqstant il-fatt li Realchemie ppersistiet fil-presuppost (28) ksur tagħha tad-dritt ta’ Bayer, li huwa ssanzjonat. Kuntrarjament, il-qorti Ġermaniża, meta ddikjarat il-multa ċivili, tkun qed tissanzjona l-ksur ta’ ordni maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji, fil-każ preżenti, dik li jkun hemm sottomissjoni għall-obbligi deskritti fid-digriet bażiku. Is-suġġett tal-kawża li twassal għall-impożizzjoni tal-multa ċivili huwa għalhekk is-sanzjoni, f’sens wiesa’, tal-ksur żbaljat ta’ projbizzjoni ġudiżzjarja. Konsegwentement, mhux possibbli li wieħed isostni li l-kriterju li għandu jipprevali huwa dak tad-dritt materjali inkwistjoni fid-digriet bażiku, peress li dan il-kriterju ma għandu l-ebda impatt fuq l-għoti tal-multa ċivili: ftit li xejn jgħodd il-fatt li kien hemm ksur ta’ ordni li wieħed jagħmel jew jonqos milli jagħmel xi ħaġa, maħruġa minn awtorità ġudizzjarja. L-interess privat jixxejjen għalhekk għall-benefiċċju tal-interess pubbliku, li huwa l-osservanza tad-deċiżjonijiet tal-qrati.

64.      Għalhekk, ma nemminx li huwa possibbli li wieħed isostni li n-natura tar-relazzjoni ġuridika ta’ bejn il-partijiet fil-kawża ma nbidlitx fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għall-impożizzjoni tal-multa, meta pparagunata mal-proċedura prinċipali li wasslet għall-adozzjoni tad-digriet bażiku. Ċertament, hija Bayer li għandha titlob id-dikjarazzjoni tal-multa. Huwa minnu li din is-sanzjoni ma tistax tiġi ddikjarata ħlief meta l-interess ta’ Bayer, li d-digriet bażiku jiġi osservat, jikkoinċidi mal-interess tal-Istat li d-deċiżjonijiet tal-qrati jiġu eżegwiti. Skont il-liġi Ġermaniża, il-parti li tkun iggwadanjat mill-kawża bażilari tkun għalhekk tista’ tipprovdi l-għajnuna fit-twettiq ta’ interess pubbliku, bl-istituzzjoni tal-proċedura relatata mal-multa, iżda din hija biss fakultattiva u l-qorti ma tistax ex officio tiddikjara l-multa ċivili. Din il-fakultà madankollu, ma hija xejn iktar mill-manifestazzjoni tan-natura, profondament imħallta, tal-multa ċivili, u għalhekk ma għandhiex titqies bħala l-element determinanti.

65.      Fil-fatt, ladarba tkun ġiet mitluba l-impożizzjoni tal-multa ċivili, Bayer, li ma għandha l-ebda rwol fil-kawża, toħroġ minnha totalment. Jekk, iniżjalment, il-kawża bażilari kkonfrontat lil Realchemie ma’ Bayer bħala l-partijiet fil-kawża, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kawża li tagħti lok għad-dikjarazzjoni tal-multa, il-kawża ma tikkonċernax ħlief lil Realchemie u l-qorti, jiġifieri l-awtur tal-ksur tad-deċiżjoni tal-qorti u l-awtorità li adottat din tal-aħħar. Huwa ċar li, il-kawża ressqet minn relazzjoni li hija strettament tad-dritt privat – ir-riżoluzzjoni tal-kawża bażilari bejn Realchemie u Bayer – u waslet għal relazzjoni li indubbjament tippreżenta elementi tad-dritt pubbliku – jiġifieri, is-sanzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni tal-qrati.

66.      Din l-analiżi hija kkonfermata mill-fatt li Bayer ma hijiex il-benefiċjarja tal-multa ċivili, li għandha titħallas lill-kaxxier tal-qorti għall-benefiċċju tal-awtorità pubblika. L-irkupru tal-multa ċivili jaqa’ taħt il-monopolju tal-awtoritajiet ġudizzjarji, u jeskludi kwalunkwe intervent mill-parti li tkun tat bidu għall-proċedura. Dawn l-elementi meħuda flimkien juru li l-eżekuzzjoni tal-multa ċivili sservi biex jitwettaq id-dritt tal-Istat li jrażżan l-atti jew l-ommissjonijiet li jmorri kontra l-ordnijiet maħruġa, u mhux id-dritt ta’ Bayer li tiżgura li d-dritt tagħha ta’ proprjetà intelletwali jiġi rrispettat.

67.      Mingħajr ma naslu biex nallegaw li l-multa ċivili hija għal kollox simili għal sentenza tat-tip kriminali, naħseb li l-indikazzjonijiet ipprovduti fir-rapport Schlosser (29),  biex tkun tista’ ssir distinzjoni bejn id-dritt ċivili u dak kriminali, jistgħu utilment jipprovdu xi kjarifiki, biex inkunu nafu x’attitudni għandha tiġi adottata quddiem każ li huwa daqshekk ambigwu. Fil-punt 29 ta’ dan ir-rapport, hemm indikat li “[i]l-proċeduri u s-sentenzi kriminali ta’ kull tip huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni. Dan ma japplikax biss għall-proċedura kriminali stricto sensu: il-proċeduri l-oħra ripressivi, applikabbli f’każ ta’ ksur ta’ ordinijiet u projbizzjonijiet li huma ta’ interess pubbliku wkoll ma jaqgħux fl-ambitu tad-dritt ċivili. Jista’ jkun pjuttost diffiċli, f’ċerti każijiet, li wieħed jikkwalifika l-pieni ta’ natura privata, li jinsabu taħt diversi forom f’ħafna mis-sistemi legali […]. Fid-dawl tal-fatt li numru ta sistemi legali jawtorizzaw lill-atturi privati jintervjenu wkoll fi proċedura kriminali pubblika, mhux possibbli li tintuża n-natura tal-persuna li tistitwixxi l-proċedura, bħala l-kriterju ta’ delimitazzjoni. L-element determinanti huwa dak li jiġi stabbilit jekk is-sanzjoni tibbenefikax jew le, individwalment, lill-attur privat jew lil xi persuna oħra privata. Għal din ir-raġuni, is-sentenzi mogħtija mill-qrati industrijali Daniżi li jikkonċedu l-ħlas ta’ multa lill-attur jew lil kwalunkwe parti oħra leża individwalment, mingħajr dubju jaqaw fl-ambitu tal-konvenzjoni” [traduzzjoni libera].

68.      Applikat għall-każ preżenti, ir-rapport Schlosser jikkonferma l-approċċ inizjali tiegħi. Mingħajr dubju li għandna quddiemna proċedura tat-tip ripressiv applikabbli f’każ ta’ ksur ta’ ordni. Il-kriterju tal-persuna li bdiet il-proċedura għandu jitqies bħala sekondarju, bl-element determinanti jkun dak li jiġi stabbilit min qed jibbenefika mis-sanzjoni u jekk il-ħlas tal-multa jsirx għall-benefiċċju tal-attur, parti privata. Fil-każ preżenti, id-dritt ta’ inizjattiva jappartjeni lil Bayer, iżda mhux possibbli li jiġi ddikjarat li hija tibbenefika mis-sanzjoni, peress li l-multa ma titħallasx lilha. Għalhekk ma humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha biex jiġi kkunsidrat li l-multa ċivili titqies li taqa’ fl-ambitu tal-materji ċivili u kummerċjali, u, għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

 ċ)     Analiżi paragunabbli tal-multa ċivili u tal-pagamenti ta’ penalità fis-sens tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001

69.      Il-partijiet ikkonċernati huma wkoll diviżi dwar il-punt li jiġi stabbbilit jekk il-multa ċivili tistax titqies bħala pagamenti ta’ penalità abbażi tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001. Il-Gvern Ġermaniż, partikolarment, iqis illi l-analoġija hija għal kollox possibbli minħabba l-fatt illi d-dritt Ġermaniż ma jiddistingwix bejn il-pagamenti ta’ penalità u l-multa ċivili, peress illi t-tnejn li huma jitħallsu għall-benefiċċju tal-Istat u lanqas it-test tar-regolament innifsu ma jagħmel distinzjoni abbażi tal-fatt jekk il-pagamenti ta’ penalità jitħallsux lill-Istat jew lil parti privata.

70.      Irid jingħad madankollu illi l-Artikolu 49 tal-imsemmi regolament ma applikax il-kunċett Ġermaniż tal-pagamenti ta’ penalità. Huwa, fi kwalunkwe każ, dak li jindika l-punt 213 tar-rapport Schlosser li jesponi l-pagamenti ta’ penalità bħala “[il]-fatt illi l-konvenut huwa kkundannat iwettaq l-att inkwistjoni u fl-istess waqt iħallas ċertu somma lill-attur minħabba illi jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu. […] Madankollu, il-konvenzjoni ma tirregolax il-kwistjoni relatata mal-fatt li jiġi stabbilit jekk tali eżekuzzjoni tistax titwettaq f’każ ta’ pagamenti ta’ penalità imposti minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, li mhix fl-interess tal-parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni, iżda għall-benefiċċju tal-Istat” [traduzzjoni libera]. B’hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis illi l-multa ċivili hija paragunabbli mal-pagamenti ta’ penalità – u dwar dan għandi d-dubju tiegħi –, din il-konstatazzjoni ma tippermettix li l-kwistjoni tiġi riżolta biss abbażi tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li skont ir-rapport Schlosser, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jkopri b’dan il-mod is-sitwazzjonijiet li fihom il-pagamenti ta’ penalità jew miżura simili jitħallsu għall-benefiċċju tal-Istat, f’każ tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

71.      Barra minn hekk, ir-rapport Pocar (30) jippreċiża illi l-fatt li l-pagamenti ta’ penalità, imħallsa lill-Istat għall-ksur ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, mhux inklużi fost il-miżuri koperti mir-Regolament Nru 44/2001, ma huwiex frott tan-nuqqas ta’ għarfien dwar l-eżistenza ta’ tali mekkaniżmu, iżda jirriżulta, kuntrarjament, mir-rieda tal-awturi. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001, l-imsemmi rapport ifakkar li “[g]ħandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni ma tippemettix li jiġi stabbilit jekk din tkoprix is-sanzjonijiet finanzjarji, imposti għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni tal-qrati, li jitħallsu mhux lill-kreditur iżda lill-Istat” (31) [traduzzjoni libera]. Ikompli billi jippreċiża li, “[f]il-kuntest tax-xogħlijiet ta’ reviżjoni, ġie suġġerit illi jkun utli jekk il-mod ta’ kif huwa abbozzat l-Artikolu, joffri preċiżjoni f’dan is-sens. Il-grupp ad hoc madankollu għażel li ma jemendax l-Artikolu biex jinkludi, b’mod espliċitu, il-pagamenti ta’ penalità imħallsa lill-Istat, peress illi deċiżjoni favur l-Istat hija suxxettibbli li jkollha natura kriminali, b’mod illi kwalunkwe emenda fir-rigward, iġġib magħha r-riskju li jiġi introdott element kriminali fil-konvenzjoni li tikkonċerna materji ċivili u kummerċjali. Id-dispożizzjoni inkwistjoni għalhekk ma tistax tiġi interpretata bħala waħda li tiġbor fiha l-pagamenti ta’ penalità imħallsa lill-Istat, ħlief jekk in-natura ċivili tagħhom tkun manifesta u bil-kundizzjoni li l-eżekuzzjoni tagħhom tkun mitluba minn parti privata, fi proċedura li jkollha l-għan li tikseb id-dikjarazzjoni tal-forza eżekuttiva tas-sentenza u huwa irrilevanti jekk il-pagamenti ta’ penalità jkunux jew le ddestinati lil xi Stat” [traduzzjoni libera]. Issa, kif ġie ppruvat, in-natura ċivili tal-multa, fis-sens tal-Artikolu 890 taz-ZPO, hija ’l bogħod milli tkun manifesta.

72.      Meta pparagunata ma’ din il-multa ċivili, nesponi wkoll illi l-pagamenti ta’ penalità, fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001 – li wieħed irid jiddistingwi mill-kunċett Ġermaniż – għandhom l-għan li jinċitaw lill-konvenut jieqaf milli jikser id-dritt tal-attur. Jekk il-multa ċivili hija ddikjarata bħala somma fissa, il-pagamenti ta’ penalità jikkonsistu fil-ħlas ta’ “ammont ta’ flus għal kull jum ta’ dewmien, bl-għan illi d-debitur jiġi nstigat jissodisfa l-obbligi tiegħu” (32) [traduzzjoni libera]. Fuq kollox, id-debitur għandu l-possibbiltà li jillibera ruħu mill-pagamenti ta’ penalità billi jissodisfa l-obbligi tiegħu. Fil-kuntest tal-multa ċivili, l-attitudni tad-debitur, wara li din tkun ġiet iddikjarata, ma għandha l-ebda impatt: mill-mument li din tkun ġiet imposta, il-multa ċivili tkun trid titħallas u ftit li xejn jimporta illi d-debitur finalment jasal biex jissodisfa l-obbligi tiegħu. Dan huwa element kruċjali li, fid-dawl ukoll tal-osservazzjonijiet misjuba fir-rapport Schlosser, għandu jikkonvinċina mill-fatt li ma nistgħux nirrispondu għad-domanda magħmula fid-dawl tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 44/2001.

4.      Osservazzjonijiet ta’ konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, nipproponi illi r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun illi sentenza li permezz tagħha d-debitur ta’ obbligu li jirriżulta minn deċiżjoni preliminari tal-qrati, huwa kkundannat, għar-raġuni illi ma kkonformax mat-talba tal-parti l-oħra fil-kawża, għall-ħlas lill-kaxxier tal-qorti, ta’ multa hekk imsejħa “ċivili”, fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 890 taz-ZPO, ma taqax taħt il-kunċett tal-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

74.      Kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi mod ieħor, u għalkemm il-qorti tar-rinviju għamlet domanda biss fir-rigward tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001, jidhirli illi huwa meħtieġ li tfakkar lill-imsemmija qorti, illi mhux biżżejjed li sentenza tkun taqa’ fl-ambitu tal-materji ċivili u kummerċjali biex tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fi Stat li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent. Kuntrarjament, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tiżgura ruħha illi s-sentenza, fil-mira tal-proċedura ta’ exequatur, ingħatat fl-Istat tal-oriġini tagħha, b’osservanza tad-drittijiet tad-difiża; li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv; u li l-parti li qed titlob ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha fl-Istat li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent hija “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001.

75.      Dwar dawn it-tliet punti, nillimita ruħi biex nirreferi għall-provi li jirriżultaw mill-proċess u li dwarhom għandha tinġibed l-attenzjoni partikolari tal-qorti tar-rinviju.

76.      Għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li “[i]t-totalità tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni […] jesprimu l-intenzjoni biex jiġi żgurat, fil-kuntest tal-għanijiet tagħha, li l-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jitmexxew b’rispett għad-drittijiet tad-difiża” (33) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, Realchemie tistqarr, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li d-digriet bażiku ngħata mingħajr il-proċedura orali u n-notifika preliminari. Barra minn hekk, ma kinitx saret taf bid-digriet li impona l-multa ċivili ħlief sussegwentement għall-adozzjoni tiegħu. Madankollu, l-Artikolu 891 taz-ZPO (34), b’mod konformi mal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ġermaniż, jitlob illi d-debitur jinstema’ preliminarjament, meta l-qorti jkollha l-intenzjoni, fuq talba tal-attur, li timponi multa ċivili abbażi tal-Artikolu 890 taz-ZPO.

77.      Għal dak li għandu x’jaqsam man-natura eżekuttiva tad-digriet li impona l-multa ċivili, Realchemie ddikjarat li dan ma jikkostitwixxix, bħala tali, titolu eżekuttiv u li huwa biss it-tnaqqis tal-ispejjeż li għandu din il-kwalità, partikolarment għar-raġuni li jkun jirreferi għall-identità tal-kreditur – l-awtorità pubblika – b’kuntrast mal-imsemmi digriet. Meta l-Gvern Ġermaniż ġie mistoqsi dwar dan il-punt waqt is-seduta, dan ma kienx f’pożizzjoni li joffri l-kjarifiki meħtieġa lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk wieħed ikollu jillimita ruħu li jfakkar li l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi, f’dan ir-rigward, li hija biss sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat li għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor wara li din tkun ġiet iddikjarata bħala eżekuttiva (35), u li l-qorti tar-rinviju għandha titħalla tevalwa n-natura eżekuttiva tad-digriet kontenzjuż.

78.      Fl-aħħar nett, anki li kieku wieħed kellu jippreżupponi li d-digriet li impona l-multa ċivili għandu effettivament natura eżekuttiva fl-Istat Membru ta’ oriġini, għad irid jiġi stabbilit jekk Bayer tistax titlob l-eżekuzzjoni fl-Istat li fih tfittex ir-rikonoxximent, fi kliem ieħor jekk hix “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001. Ninnota illi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tidher li tindika b’mod ċar li l-President tal-qorti li jkun ta l-imsemmi digriet huwa l-uniku li jista’ jeżegwixxih. Ma joħroġx ċar mill-qari tal-proċess jekk Bayer għandhiex, fil-Ġermanja, id-dritt li teżegwixxi d-digriet f’isem l-awtorità ġudizzjarja. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju għandha żżomm f’moħħha l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rapport Jenard, li jistabbilixxu li “l-espressjoni ‘fuq talba ta’ kwalunkwe parti kkonċernata’ tindika li d-dritt li tintalab il-formula eżekuttiva jappartjeni lil kwalunkwe persuna li tista’ tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tal-Istat ta’ oriġini” (36) [traduzzjoni libera].

79.      Fid-dawl tal-inċertezzi u l-ambigwitajiet tal-proċess ­ li jispjegaw ruħhom bil-fatt li l-qorti tar-rinviju għażlet li tiffoka d-domanda tagħha fuq l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001 –, il-Qorti tal-Ġustizzja mhix f’pożizzjoni li tipprovdi risposti definittivi iżda jkollha tiġbed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għal tliet punti, kemm-il darba hija kellha tikkonkludi, kuntrarjament għal dak li ssuġġerejt, li d-deċiżjoni kontenzjuża taqa’ sew taħt l-ambitu ta’ materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

B –    Dwar it-tieni domanda

80.      Fl-appell inċidentali tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, Bayer talbet li l-appell ta’ Realchemie jinċaħad u li din tal-aħħar tiġi kkundannata għall-ispejjeż “reali” skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 1019h tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż li kellu l-għan li jittrasponih fl-ordinament ġuridiku Olandiż. L-imsemmi Artikolu 1019h jipprevedi kundanna ogħla għall-ispejjeż, mill-kundanni ordinarji, f’kawżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48 (37).

81.      Permezz tat-tieni domanda indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tistabbilixxi jekk l-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta’ exequatur istitwita fil-Pajjiżi l-Baxxi, li fiha ntalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sitt sentenzi mogħtija fil-Ġermanja, fil-kuntest ta’ kawża li l-għan tagħha kien dak li tiżgura l-osservanza ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali, jaqgħux taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, li jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-ispejjeż legali, inkorsi mill-parti li tkun rebħet il-kawża, jitħasslu, fil-prinċipju, mill-parti telliefa. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk din il-proċedura eżekuttiva taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48.

82.      Qabel sew l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/48, il-Komunità kienet ikkonkludiet il-ftehim dwar l-aspetti ta’ proprjetà intelletwali li jmissu mal-kummerċ (38), li jipprovdi fl-Artikolu 41 tiegħu, li “[i]l-Membri għandhom jassiguraw li l-proċeduri ta’ l-infurzar […] sabiex jistgħu jippermettu azzjoni effettiva kontra atti ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali”. Biex jiġi sostnut l-għan li tiżdied l-effettività tal-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, l-Artikolu 45 ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipju li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom il-jedd jikkundannaw lit-trasgressur sabiex iħallas lid-detentur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali li jkun inkiser, l-ispejjeż legali fis-sens wiesa’.

83.      Id-Direttiva 2004/48, kif ifakkru l-premessi 4 u 5 tagħha, tidħol fil-linja tal-obbligi internazzjonali li jorbtu lill-Komunità, li għadhom kif ġew esposti. B’rikonoxximent għall-importanza tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, tal-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kreattività, kif ukoll għall-iżvilupp tal-impiegi u t-titjib fil-kompettività (39), il-leġiżlatur tal-Unjoni ddikjara l-ħtieġa “li jiġi assigurat li l-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali […] hija applikkata b’mod effettiv fil-Komunità” (40). Peress li d-differenzi bejn l-Istati Membri jdgħajfu l-kontenut tagħha (41), din id-direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi, permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet fir-rigward, l-osservanza tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, għall-benefiċċju tad-detentur tagħhom, billi tistabbilixxi miżuri, proċeduri u r-rimedji meħtieġa għal dan il-għan (42). Fis-sens tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, “il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji […] għandhom japplikaw […] għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta' l-Istat Membru konċernat”. Huwa meta dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji huma meħtieġa biex jitħares xi dritt ta’ proprjetà intelletwali li d-Direttiva 2004/48 tipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità” (43).

84.      Peress li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa dak li jipprovdi protezzjoni ulterjuri lid-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, huwa possibbli li wieħed isostni li l-kunflitt bejn Bayer u Realchemie fil-Ġermanja, li għandu bħala suġġett il-ħarsien ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, bil-proċedura ta’ exequatur istitwita fil-Pajjiżi l-Baxxi minn Bayer, jikkostitwixxi tip ta’ estensjoni ta’ din il-kwistjoni u jista’ jitqies li jikkonċerna, huwa wkoll, ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali fis-sens tad-Direttiva 2004/48 li Bayer għandha l-intenzjoni li twaqqaf permezz tar-rikonoxximent tan-natura eżekuttiva tas-sentenzi mogħtija fil-Ġermanja. Għaldaqstant il-proċedura hija waħda li taqa’ fl-ambitu tal-imsemmija direttiva u l-Artikolu 14 għalhekk huwa applikabbli.

85.      Madankollu miniex konvint li għandu jiġi adottat dan ir-raġunament u dan għal tliet raġunijiet prinċipali.

86.      Tal-ewwel hija li ma nemminx li jista’ jingħad li l-għan tal-proċedura ta’ exequatur huwa, fil-veru sens tal-kelma, il-protezzjoni ta’ kwalunkwe dritt materjali. L-għan tagħha, għall-kuntrarju, huwa dak li jiġi vverifikat li oġġettivament huma preżenti l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qrati kkonċernati fl-Istat Membru li fih tfittex ir-rikonoxximent. Dan jikkostitwixxi stadju preliminari għall-fażi tal-eżekuzzjoni li mbagħad ikollu l-għan effettiv li jitħares id-dritt li beda fl-Istat Membru ta’ oriġini.

87.      It-tieni raġuni hija li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 huwa għal kollox iġġustifikat min-natura partikolari tal-kontenzjuż relatat mad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali. Il-Kummissjoni ssottomettiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u nħoss li bir-raġun, li l-għan tal-Artikolu 14 huwa li d-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali ma jiġux dissważi, minħabba l-ispejjeż tal-proċedura li jistgħu potenzjalment ikunu sostanzjali. L-effettività tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali timplika, naturalment, il-ħarsien ġudizzjarju tagħhom. Billi jiġu stabbiliti miżuri, proċeduri u rimedji meħtieġa għal dan il-għan, u billi jiġi żgurat il-prinċipju li l-ispejjeż legali għandhom, bħala prinċipju, jiġu sostnuti mill-parti telliefa, id-Direttiva 2004/48 tippovdi kundizzjonijiet favorevoli sabiex individwi jistgħu jipprevalixxu ruħhom minnhom billi jistitwixxu l-proċeduri ġudizzjarji. Konsegwentement, l-għan tal-Artikolu 14 jinsab fil-partikolarità tal-proċeduri u l-mezzi ta’ prova fil-qasam tal-proprjetà intelletwali, peress li l-ispejjeż għall-investigazzjoni jew tal-perizja jistgħu jkunu għoljin ħafna (44). Irid jingħad li l-ammont ta’ spejjeż, sostnut fil-kuntest ta’ proċedura eżekuttiva, ma jistax jiġi pparagunat ma’ dawk sostnuti fil-kuntest ta’ proċedura li għandha bħala għan li tikkonstata ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali u ma jidhirlix li huwa ta’ natura tali li jiddiswadi lill-parti leża milli tistitwixxi din il-proċedura (45). Ir-rikonoxximent ta’ kwalunkwe speċifikazzjoni għall-proċeduri ta’ exequatur, li għandhom bħala suġġett sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali, ma jistax jiġi ġġustifikat.

88.      Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata permezz tal-preċiżazzjoni, fil-premessa 11 tad-Direttiva 2004/48, li “[m]hux l-għan […] li tistabbilixxi regoli armoniżżati għall-koperazzjoni ġudizzjarja, ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, jew li tittratta mal-liġi applikabbli. Hemm strumenti tal-Komunità li jiggvernaw dawn il-materji f’termini ġenerali u huma, fil-prinċipju, ugwalment applikabbli għall-proprjetà intellettwali”. Jekk l-imsemmija direttiva ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi regoli armonizzati fil-qasam tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, jidhrili għalhekk li ma hijiex, a fortiori, intiża li tistabbilixxi regoli ġenerali ta’ natura tali li jirregolaw il-kundanna għall-ispejjeż fil-kuntest tal-proċedura ta’ exequatur.

89.      L-imsemmija premessa 11 tippreżupponi li d-Direttiva 2004/48 tapplika bla ħsara għar-Regolament Nru 44/2001. Fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001, dan l-eżami għandu jillimita ruħu għall-kwistjoni jekk is-sentenza tirrigwardax materji ċivili u kummerċjali. Li wieħed jikkunsidra li l-Artikolu 14 tad-direttiva jimponi tassazzjoni differenti tal-ispejjeż, meta l-kwistjoni tkun waħda ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenza relatata ma’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali, jimplika, b’xi mod jew ieħor, l-eżami tal-mertu tal-imsemmija sentenza li jmur lil hinn mis-sempliċi verifiki meħtieġa skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001. L-importanza tas-simplifikazzjoni u tan-nuqqas ta’ dewmien fil-proċedura ta’ exequatur, kif implementata bir-Regolament Nru 44/2001 (46) titpoġġa wkoll fil-periklu, mingħajr ġustifikazzjoni partikolari.

90.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nipproponi li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jiġi interpretat fis-sens illi mhux intiż li japplika fil-kuntest ta’ proċedura ta’ exequatur li għandha l-għan li tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenzi relatati mal-ksur ikkawżat lil dritt ta’ proprjetà intellettwali.

V –    Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden:

“1)       Sentenza li permezz tagħha d-debitur ta’ obbligu li jirriżulta minn deċiżjoni preliminari tal-qrati, huwa kkundannat, għar-raġuni illi ma kkonformax mat-talba tal-parti l-oħra fil-kawża, għall-ħlas, lill-kaxxier tal-qorti, ta’ multa hekk imsejħa ‘ċivili’, fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 890 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ġermaniż (Zivilprozessordnung), ma taqax fl-ambitu tal-kunċett tal-‘materji ċivili u kummerċjali’ fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill 44/2001KE, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali.

2)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma huwiex intiż li japplika fil-kuntest ta’ proċedura ta’ exequatur li għandha l-għan li tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenzi relatati mal-ksur ikkawżat lil dritt ta’ proprjetà intellettwali.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.


4 Verżjoni kkonsolidata (ĠU 1998, C 27, p. 1).


5 – Il-Landgericht Düsseldorf illikwidat l-ispejjeż fl-ammont ta’ EUR˚7 829.60 permezz tad-digriet tad-29 ta’ Awwissu 2006.


6 – Permezz tad-digriet tad-19 ta’ Settembru 2006, il-Landgericht Düsseldorf illikwidat l-ispejjeż fl-ammont ta’ EUR 898.60.


7 – Permezz tad-digriet tal-11 ta’ Novembru 2006, il-Landgericht Düsseldorf illikwidat l-ispejjeż fl-ammont ta’ EUR 852.40.


8 – Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48.


9 – Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10 – Sentenza tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et (C-167/08, Ġabra p. I-3477, punt 20).


11 – Bħar-rapport ta’ J. Jenard, dwar il-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 54) (iktar ’il quddiem ir-“rapport Jenard”) u r-rapport ta’ P. Schlosser dwar il-konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, kif ukoll il-protokoll li jikkonċerna l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71) (iktar ’il quddiem ir-“rapport Schlosser”). Ir-rapport spjegattiv ta’ F. Pocar dwar Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ffirmat f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2009, C 319, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“rapport Pocar”) ser jiġi wkoll użat peress li r-Regolament Nru 44/2001 serva bħala bażi għall-imsemmija konvenzjoni.


12 – Sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et (C‑292/05, Ġabra p. I‑1519, punt 28).


13 – Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1976, LTU (29/76, Ġabra p. 1541, punt 3), tas-16 ta’ Diċembru 1980, Rüffer (814/79, Ġabra p. 3807, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-21 ta’ April 1993, Sonntag (C‑172/91, Ġabra p. I‑1963, punt 18); għal dak li għandu x’jaqsam mar-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenzi Draka NK Cables et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, Ġabra p. I‑3327, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Jirriżulta mill-proċess li d-digriet bażiku kien fih effettivament din l-interpellazzjoni indirizzata lil Realchemie.


15 – Artikolu 891 taz-ZPO.


16 – Artikolu 1(1)(3) tal- JBeitrO..


17 – Jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn Realchemie, li l-awtorità responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-multa ċivili, effettivament ħarġet dikjarazzjoni tal-ispejjeż fit-23 ta’ Awwissu 2006.


18 – Sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1979, de Cavel (143/78, Ġabra p. 1055, punt 8), tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, Ġabra p. I‑2149, punt 32) kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 1998, Van Uden (C‑291/95, (Ġabra p. I‑7091, punt 33).


19 – Sentenzi LTU, iċċitata iktar ’il fuq (punt 4); tal-14 ta’ Novemrbu 2002, Baten (C‑291/00, Ġabra p. I‑10489, punt 29); tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD (C‑266/01, Ġabra p. I‑4867, punt 21) u Lechouritou et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).


20 – Sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil (C‑265/02, Ġabra p. I‑1543, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ibidem (punt 21).


22 – Sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, Ġabra p. I‑3571, punt 45).


23 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq LTU (punt 4); Rüffer(punt 8); Sonntag (punt 20); Baten (punt 30); Préservatrice foncière TIARD (punt 22); Lechouritou et (punt 31) u Apostolides (punt 43).


24 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lechouritou et (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Apostolides (punt 44). Għal analiżi sistematika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lechouritou et, iċċitata iktar ’il fuq, u, iktar preċiżament, għall-punti 37 et seq tal-imsemmija konklużjonijiet.


25 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Rich (C‑190/89, Ġabra p. I‑3855, punt 26). L-enfażi korsiva hija tiegħi.


26 – Sentenza tal-20 ta’ Jannar 1994, Owens Bank (C‑192/95, Ġabra p. I‑117, punt 34).


27 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


28 – Ma rridux ninsew, fil-fatt, li d-digriet bażiku mhux ħlief miżura provviżorja, li tiddeċiedi b’mod provviżorju dwar ksur allegat – iżda li għadu ma ġiex ikkonfermat – ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali minn Realchemie.


29 – Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


30 – Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


31 – Punt 167 ta’ dan ir-rapport.


32 – Rapport Jenard, imsemmi iktar ’il fuq (p. 54).


33 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Hengst Import (C‑494/93, Ġabra p. I‑2113, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 – Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35 – Ir-rapport Jenard jindika li din in-natura eżekuttiva “hija kwalità tat-titolu li tiegħu wieħed jitlob l-eżekuzzjoni skont id-dritt tal-pajjiż tal-oriġini tas-sentenza u […] ma hemm l-ebda raġuni li lil deċiżjoni barranija tingħata drittijiet li jappartjenux lilha fil-pajjiż ta’ oriġini” (p. 48) [traduzzjoni libera]. Ara wkoll is-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Coursier (C‑267/97, Ġabra p. I‑2543, punt 23) u, filwaqt li tikkwota r-rapport Jenard dwar dan il-punt, is-sentenza Apostolides, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66).


36 – Rapport Jenard, iċċitat iktar ’il fuq (p. 49).


37 – Irrid ngħid li l-proċess ma fih ebda informazzjoni dwar il-mod preċiż ta’ kif hija miktuba din id-dispożizzjoni tad-dritt Olandiż u, għalhekk, dwar id-differenza bejn il-kundanna għall-ispejjeż ordinarji u l-kundanna għall-ispejjeż kif implementati mill-imsemmi Artikolu 1019h.


38 – Li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).


39 – Ara l-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2004/48.


40 – Premessa 3 tad-Direttiva 2004/48.


41 – Ara l-premessi 7 sa 9 tad-Direttiva 2004/48.


42 – Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48.


43 – Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48.


44 – Kif fakkret il-Kummissjoni fl-espożizzjoni tal-motivi tagħha, ara l-proposta tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri u l-proċeduri li għandhom l-għan li jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali [COM(2003) 46 finali] tat-30 ta’ Jannar 2003 (p. 9).


45 – Nixtieq nirrimarka, barra minn hekk, li fil-kawża prinċipali, Realchemie ġiet ikkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura għall-eżekuzzjoni, iżda Bayer tixtieq tikseb kundanna ogħla.


46 – Sentenza Draka NK Cables et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 26 u 30).

Top