EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0266

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 23 ta' Settembru 2010.
Stichting Natuur en Milieu et. vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Ambjent - Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti - Direttiva 91/414/KEE - Aċċess pubbliku għall-informazzjoni - Direttivi 90/313/KEE u 2003/4/KE - Applikazzjoni ratione temporis - Kunċett ta’ ‘tagħrif dwar l-ambjent’ - Kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali.
Kawża C-266/09.

European Court Reports 2010 I-13119

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:546

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-23 ta’ Settembru 2010 (1)

Kawża C‑266/09

Stichting Natuur en Milieu

Vereniging Milieudefensie

Vereniging Goede Waar & Co.

vs

College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Direttiva 2003/4/KE – Aċċess għat-tagħrif ambjentali – Tagħrif ambjentali – Direttiva 91/414/KEE – Prodotti għall-protezzjoni ta’ pjanti – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-proċedura tirrigwarda l-aċċess għat-tagħrif dwar ir-residwi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-ħass li kienu ddikjarati fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-prodott. B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk dan huwiex tagħrif ambjentali fis-sens tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali”), u sa fejn id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”) taffettwa l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

2.        Id-dritt għall-aċċess għat-tagħrif ambjentali huwa rregolat mill-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (4), (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”), iffirmata mill-Komunità fil-25 ta’ Ġunju 1998 f’Århus (id-Danimarka) (5).

3.        L-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni jirregola r-rifjut tal-għoti ta’ tagħrif ambjentali biex tkun protetta l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali:

“Talba għal tagħrif ambjentali tista’ tiġi rrifjutata meta l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika:

[…]

d)      il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali, meta din il-kunfidenzjalità tiġi protetta sabiex jitħarsu interessi ekonomiċi leġittimi; madankollu, għandu jkun żvelat tagħrif dwar l-emissjonijiet li huwa rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent;

[…]”.

4.        Il-ħarsien tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali huwa s-suġġett tal-Artikolu 39 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar il-kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 Ċ għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech u approvat b’Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (6) (iktar ’il quddiem il-“ftehim TRIPS”):

“1.      Waqt li jassiguraw protezzjoni effettiva kontra l-kompetizzjoni inġusta kif imsemmi fl-Artikolu 10bis[a] tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (1967), il-Membri għandhom jipproteġu informazzjoni mhux żvelata skond il-paragrafu 2 u data mogħtija lill-gvernijiet jew lill-aġenziji tal-gvern skond il-paragrafu 3.

2.      Persuni naturali u legali għandhom jkollhom il-possibbilità li jipprevjenu l-iżvelar ta’ informazzjoni li hi legalment fil-kontroll tagħhom, akwiżit minn, jew użat minn oħrajn mingħajr il-kunsens tagħhom b’mod mhux skond il-prattika kummerċjali onesta [...] sakemm din l-informazzjoni hi:

a)      sigriet fis-sens li mhix, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża u t-tagħqid tal-komponenti tiegħu, magħrufa ġeneralment jew aċċessibbli b’mod faċli lill-persuni li ġeneralment jitrattaw din it-tip ta’ informazzjoni;

b)      għandha valur kummerċjali minħabba li hi sigriet; u

c)      kienet soġġetta għal passi raġonevoli li żżomm is-sigriet taħt iċ-ċirkustanzi, mill-persuna li għandha l-kontroll legali ta’ l-informazzjoni.

3.      Il-Membri, meta jeħtieġu, bħala kundizzjoni ta’ approvazzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi jew agrikoli li jużaw entitajiet kimiċi, is-sottomissjoni ta’ testijiet mhux żvelati jew xi data oħra, li l-oriġini tagħhom jinvolvi sforz konsiderevoli, għandhom jipproteġu data bħal din minn użu kummerċjali nġust. Madankollu, il-Membri għandhom jipproteġu data bħal din mill-iżvelar, sakemm ma jkunx neċessarju minħabba l-ordni pubbliku, jew sakemm jittieħdu miżuri sabiex jassiguraw li d-data hi protetta mill-użu kummerċjali inġust.”

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.            Id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali

5.        Id-dritt għall-aċċess għat-tagħrif ambjentali kien inizjalment irregolat bid-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE tas-7 ta’ Ġunju 1990 dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (7), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali”). Hija tħassret mal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali, jiġifieri, mill-14 ta’ Frar 2005. Id-direttiva l-ġdida timplementa d-dritt għall-aċċess għat-tagħrif skont il-Konvenzjoni ta’ Århus.

6.        L-Artikolu 2 fost l-oħrajn jagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ tagħrif ambjentali:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva

1)      ‘Tagħrif dwar l-ambjent’ għandu jfisser kull tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinsama', bl-elettronika jew ta’ kull materjal ieħor dwar:

a)      l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturli inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi l-organiżmi mmodifikati ġenetikament, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

b)      il-fatturi, bħalma juma s-sustanzi, l-enerġija, il-ħsejjes, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjoattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x'iktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a);

ċ)      il-miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-politiki, il-leġislazzjoni, il-pjani, il-programmi, il-ftehimijiet ambjentali, u l-attivitajiet li jaffettwaw jew x'iktarx li jaffettwaw l-elementi u l-fatturi riferiti fil-(a) u fil-(b) kif ukoll il-miżuri jew l-attivitajiet iddisinjati għalbiex jipproteġu dawn l-elementi;

d)      ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni dwar l-ambjent;

e)      il-benefiċċju taħt il-profil ta’ ġestjoni u spejjeż u l-analiżijiet u l-ipotesijiet l-oħra ekonomiċi wżati ġewwa l-qafas tal-miżuri u l-attivitajiet riferiti fiċ-(ċ); u

f)      l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, inklużi t-tniġġiż tal-katina ta’ l-ikel, meta rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-ħajja umana, is-siti kulturali u l-istrutturi mibnija daqskemm jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a) jew, permezz ta’ dawn l-elementi, minn kull materja riferita fil-(b) u ċ-(ċ);

[…]”.

7.        Id-dritt għall-aċċess għat-tagħrif ambjentali huwa rregolat bl-Artikolu 3(1):

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.”

8.        L-eċċezzjonijiet huma rregolati bl-Artikolu 4. Id-dispożizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 4(2)(d)(e) u(ġ) huma l-iktar rilevanti għall-każ inkwistjoni:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

[…]

d)      il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex tipproteġi interess ekonomiku leġittimu, inkluż l-interes pubbliku fiż-żamma tal-kunfidenzjalità u s-segretezza dwar it-taxxi;

e)      id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

[…]

g)      l-interessi jew il-protezzjoni ta’ kull persuna li tkun forniet it-tagħrif mitlub fuq bażi volontarju mingħajr ma tiġi mqiegħda, jew kapaċi li tiġi mqiegħda, taħt obbligu legali li tagħmel dan, għajr jekk il-persuna tkun tat il-kunsens tagħha għar-rilaxx tat-tagħrif interessata;

[...]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x'taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

[...]”.

2.      Id-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

9.        Id-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tirregola l-awtorizzazzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll it-tqegħid fis-suq u l-kontroll tas-sustanzi attivi ta’ dawn il-prodotti. Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’mod partikolari jeħtieġu awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istati Membri. Din l-awtorizzazzjoni hija suġġetta għal studju dwar l-impatt tagħhom.

10.      L-Artikolu 14 jirregola l-ħarsien tat-tagħrif mogħti fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni:

“L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE tas-7 ta’ Ġunju 1990 dwar il-ħelsien ta’ l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, jaċċertaw ruħhom li l-informazzjoni mogħtija mill-applikanti li tkun tinvolvi sigrieti industrijali u kummerċjali tiġi meqjusa bħala kunfidenzjali jekk l-applikant li jixtieq jara li sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I jew l-applikant għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti jitlob dan, u jekk l-Istat Membru jew il-Kummissjoni jaċċetta li t-talba ta’ l-applikant tkun iġġustifikata.

Il-kunfidenzjalità m’għandhiex tapplika għal:

–        l-ismijiet u l-kontenut tas-sustanza jew sustanzi attivi u l-isem tal-prodott għall-ħarsien tal-pjanti,

–        l-isem ta’ sustanzi oħrajn li huma meqjusa bħala ta’ periklu taħt id-Direttivi 67/548/KEE u 78/631/KEE,

–        informazzjoni fiżiko-kimika li tirrigwarda s-sustanzi attivi u l-prodott għall-ħarsien tal-pjanti,

–        kwalunkwe mod ta’ kif is-sustanza attiva jew il-prodott għall-ħarsien tal-pjanti jista’ jiġi ttrattat sabiex ma jibqax perikluż,

–        sommarju tar-riżultati tat-testijiet sabiex tiġi stabbilita l-effikaċità tas-sustanza jew prodott u n-nuqqas ta’ periklu għall-bnedmin, l-annimali, il-pjanti u l-ambjent,

–        metodi rakkomandati u prekawzjonijiet sabiex tiġi mnaqqsa l-okkorrenza ta’ perikli fil-ġarr, ħżin, trasport, nar u perikli oħra,

–        metodi ta’ analiżi li għalihom jirreferu l-Artikoli 4(1)(ċ) u (d) u 5(1),

–        metodi ta’ kif jintrema l-prodott u l-ippakkjar tiegħu,

–        proċeduri ta’ dekontaminazzjoni li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta’ tixrid jew tqattir aċċidentali,

–        trattament ta’ l-ewwel għajnuna u mediku li għandu jingħata f’każ li tweġġa’ xi persuna.

Jekk l-applikant sussegwentement jiżvela informazzjoni preċedentement meqjusa bħala kunfidenzjali, huwa għandu jkollu l-obbligu li jinforma b’dan lill-awtorità kompetenti.”

11.      Is-sustanza attiva Propamocarb hija awtorizzata bħala funġiċida fl-Unjoni sa mill-1 ta’ Ottubru 2007 (8). Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-miżuri li kienu fis-seħħ adottati abbażi tal-awtorizzazzjoni Olandiża.

3.      Id-Direttiva dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għar-residwi

12.      F’dan il-kuntest tidher rilevanti d-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE tas-27 ta’ Novembru 1990 dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi tal-pestiċidi u fuq ċerti prodotti oriġinarji mill-pjanti, inkluż il-frott u l-ħaxix (9). Abbażi tal-Artikolu 5b(2), l-Istati Membri għandhom jiffissaw huma l-livelli massimi ta’ residwi fil-każijiet fejn għadhom ma ġewx stabbiliti fl-Unjoni.

13.      It-tnax-il premessa tad-Direttiva tipprovdi:

“Billi, barra minn hekk, il-ħarsien tal-livelli massimi għandu jiżgura li l-prodotti jkunu jistgħu jiċċaqalqu liberament u li s-saħħa tal-konsumaturi u ta’ l-annimali tkun protetta b’mod xieraq.”

C –    Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

14.      Il-Pajjiżi l-Baxxi ttrasponew id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, iżda dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux applikabbli fil-każ inkwistjoni. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 22(2) tal-liġi Olandiża dwar l-pestiċidi:

“Jekk f’dokument, li jkun sar skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew abbażi tagħha għall-Ministru kompetenti, għall-College, jew għall-persuna jew korp ieħor, jiġi inkluż tagħrif, jew minn dan id-dokument jista’ jirriżulta tagħrif, li għandu jitqies li huwa kunfidenzjali għall-ħarsien ta’ sigriet industrijali, il-Ministru kompetenti jew il-College, fuq talba bil-miktub tal-persuna li tippreżenta d-dokument, għandu jiżgura li fir-rigward ta’ dan it-tagħrif, jinżamm is-sigriet. It-talba għandha tkun motivata.”

III – Il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Fl-1999, l-awtoritajiet kompetenti Olandiżi biddlu l-livell massimu awtorizzat ta’ residwi tas-sustanza attiva Propamocarb fuq u fil-ħass, għal-livell ta’ 15 mg/kg. Dan il-valur ġie ffissat meta saret talba għal proroga tal-awtorizzazzjoni għall-prodott “Previcur N”. Bayer CropScience B.V (iktar ’il quddiem “Bayer”) hija s-suċċessur tad-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni.

16.      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti, Stichting Natuur en Milieu, Vereniging Milieudefensie u Vereniging Goede Waar & Co. talbu lill-konvenuta, il-College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen (l-awtorità kompetenti għall-awtorizzazzjoni ta’ pestiċidi, iktar ’il quddiem il-“College”) biex tagħti t-tagħrif kollu dwar il-bażi ta’ kif ġiet adottata d-deċiżjoni relatata mal-iffissar tal-livell massimu ta’ residwi indikat iktar ’il fuq.

17.      Abbażi tal-Artikolu 22 tal-liġi Olandiża dwar il-pestiċidi, il-College ċaħdet it-talba tar-rikorrenti permezz tad-digriet tat-8 ta’ Marzu 2005. Din id-dispożizzjoni għandha supremazija fuq ir-regoli relatati mat-tagħrif ambjentali.

18.      Ir-rikorrenti permezz tal-ittra tagħhom tal-14 ta’ April 2005 ressqu lment kontra din id-deċiżjoni. Wara li tat lil Bayer l-opportunità li tieħu pożizzjoni, il-College, fit-22 ta’ Ġunju 2007, ħadet deċiżjoni dwar l-ilment ikkontestat fil-kawża prinċipali, li ġiet irrettifikata fis-17 ta’ Lulju 2007.

19.      Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-College ċaħad l-iżvelar ta’ studji dwar ir-residwi u r-rapporti dwar l-esperimenti fl-oqsma li kienu saru fil-kuntest tad-definizzjoni tal-livell massimu ta’ residwi u li, skont Bayer, għandhom tagħrif kummerċjali kunfidenzjali.

20.      Fis-6 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

21.      F’dawn il-proċeduri il-College van beroep het bedrijfsleven (Tribunal kummerċjali u industrijali Olandiż) għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘tagħrif dwar l-ambjent’ fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tagħrif li jingħata fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni (jew l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni) ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont massimu ta’ pestiċida, ta’ komponent tagħha jew prodotti ta’ trasformazzjoni tiegħu, li jistgħu jinstabu fl-ikel jew fix-xorb?

2)      Fil-każ li tingħata riposta pożittiva għall-ewwel domanda: x’inhi r-relazzjoni bejn l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414/KEE u d-Direttiva 2003/4/KE, f’dak li huwa rilevanti għall-applikazzjoni tat-tagħrif kif deskritt fid-domanda preċedenti, u b’mod partikolari: din ir-relazzjoni hija tali li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414/KEE japplika biss sakemm ma jikkawżax preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE?

3)      Jekk mir-risposti għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li l-konvenuta f’din il-proċedura hija marbuta li tapplika l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE, dan l-artikolu b’hekk ifisser li l-ibbilanċjar li huwa jippreskrivi bejn l-interess ġenerali permezz tal-iżvelar u bejn l-interess partikolari permezz tar-rifjut tal-iżvelar għandu jsir meta qed issir l-applikazzjoni, jew dan l-ibbilanċjar jista’ jsir fil-leġiżlazzjoni nazzjonali?”

22.      Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mhux biss mir-rikorrenti Stichting Natuur en Milieu, iżda wkoll mill-parti intervenjenti Bayer CropScience B. V., mir-Repubblika Ellenika, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2010, intervenew Vereniging Milieudefensie, Bayer, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Greċja u l-Kummissjoni.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Fuq l-applikabilità ratione temporis tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali

23.      L-ewwel nett għandu jiġi ċċarat jekk għandhiex tkun applikata d-direttiva l-ġdida jew l-antika dwar it-tagħrif ambjentali. Għal dan il-għan, ser nikkunsidra l-ewwel il-prinċipji ġenerali relatati mal-applikazzjoni ratione temporis tal-atti legali tad-dritt tal-Unjoni (ara iktar ’l isfel, il-punt 1) u t-tieni nett ir-riferiment li jagħmel l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fid-Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali (ara iktar ’il quddiem, il-punt 2).

1.      Fuq il-prinċipji ġenerali tal-applikazzjoni ratione temporis

24.      Il-qorti tar-rinviju ressqet id-domanda jekk id-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali tistax tiġi applikata wkoll għat-tagħrif mogħti lill-awtorità kompetenti – bħal fil-każ inkwistjoni – anki qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni.

25.      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli tal-proċedura ġeneralment jitqiesu applikabbli għall-kawżi kollha li jkunu pendenti meta dawn jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx, bħala prinċipju, għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (10). Fil-fatt b’mod ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi li l-mument inizjali tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ att komunitarju jkun f’data qabel dik tal-pubblikazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-ħarsien tal-aspettattivi leġittimi, id-dispożizzjonijiet Komunitarji tad-dritt sostantiv għandhom ikunu interpretati bħala applikabbli f’sitwazzjonijiet li jinħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn il-kontenut, l-iskop u l-ispirtu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li għandha tattribwilhom din l-effekaċja (11).

26.      Madankollu, bħala prinċipju, regola ġdida tapplika immedjatament fuq l-impatti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jinħolqu taħt is-sistema tar-regola l-antika (12). Il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż b’mod li jipprekludi, b’mod ġenerali, li dispożizzjoni ġdida tkun applikata għall-impatti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jinħolqu taħt is-sistema tar-regola l-antika (13).

27.      L-aċċess għat-tagħrif mogħti fil-passat lil awtorità pubblika, skont id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala parti mid-dritt proċedurali, iżda bħala parti mid-dritt sostantiv. Id-drittijiet għal tagħrif ta’ natura proċedurali, dejjem għandhom għan ulterjuri jiġifieri, konsultazzjoni fil-kuntest ta’ miżura vinkolanti filwaqt li, id-dritt għall-aċċess għat-tagħrif ambjentali huwa formalment irrikonoxxut indipendentement minn kwalunkwe għan ieħor. Għalhekk, bħala prinċipju mhux possibbli li d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tkun applikata b’mod retroattiv.

28.      Id-deċiżjoni relatata mal-aċċess għat-tagħrif mogħti fil-passat lil awtorità, għandha l-karatteristika ta’ effett futur ta’ sitwazzjoni li seħħet fil-passat. Fil-fatt, huwa biss fil-mument tad-deċiżjoni dwar it-talba għall-aċċess li tqum il-kwistjoni jekk għandux jingħata t-tagħrif.

29.      Din id-dipendenza partikolari ta’ żmien fuq id-dritt għall-aċċess hija speċifikament ipprovduta fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (14). Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-eċċezzjonijiet għad-dritt għall-aċċess għandhom japplikaw biss għaż-żmien li matulu l-ħarsien huwa ġġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. Dan jirriżulta mill-prinċipju, li japplika wkoll għad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, li jgħid li, l-aċċess, fil-prinċipju, jista’ jkun miċħud biss jekk l-interessi legalment protetti affettwati b’mod negattiv, jippredominaw fuq l-interess pubbliku għall-iżvelar tat-tagħrif. Kemm l-impatti negattivi kif ukoll l-interess pubbliku jistgħu jinbidlu maż-żmien u jwasslu għal riżultat differenti tal-ibbilanċjar.

30.      Konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, ma jirriżultax li l-mument li fih it-tagħrif jingħata lill-awtorità pubblika huwa rilevanti għall-applikazzjoni tad-dritt għall-aċċess. L-Artikolu 3(1) jinkludi, mingħajr ebda distinzjoni, it-tagħrif kollu disponibbli u ma hemmx dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward tat-tagħrif l-antik. Għalkemm jidher li fil-mument tat-trasmissjoni tat-tagħrif qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess għat-tagħrif ambjentali, kien hemm aspettattiva leġittima għal trattament kunfidenzjali u fit-tul, din ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar tagħrif ambjentali, iżda pjuttost fl-applikazzjoni tad-derogi.

31.      Għalhekk, il-mument li fih it-tagħrif inkwistjoni wasal għand l-awtoritajiet kompetenti huwa irrilevanti (15).

32.      Minkejja dan, il-Kummissjoni u l-Pajjiżi l-Baxxi jqisu li fil-proċedura prinċipali għandha tapplika d-Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali minħabba li l-ewwel talba għall-aċċess kienet saret qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva l-ġdida (16). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-prinċipju tempus regit actum. Dan ifisser li l-effetti legali ta’ sitwazzjoni għandhom ikunu evalwati skont id-dispożizzjoni legali fis-seħħ fil-mument tal-avvenimenti ikkontestati (17).

33.      F’ċerti ċirkustanzi jista’ jkun effettivament korrett li tkun evalwata talba abbażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-mument tal-introduzzjoni tagħha, jew anki saħansitra li jsir riferiment għal avvenimenti li seħħew qabel. Dan jista’ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet applikabbli minn żmien għal żmien, eventwalment flimkien mal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq dwar iċ-ċertezza legali jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (18).

34.      Madankollu, fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, l-avveniment rilevanti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni huwa d-deċiżjoni dwar l-aċċess għat-tagħrif. Dan jirriżulta diġà mill-fatt li l-parti li tagħmel it-talba, fi kwalunkwe mument, setgħet tressaq talba ġdida wara li jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali, mingħajr ma jkun hemm xi forma ta’ oppożizzjoni għal deċiżjoni definittiva dwar talba oħra li saret qabel (19).

35.      Fil-każ inkwistjoni għandu jiġi kkunsidrat ukoll li t-talba tressqet biss ġimagħtejn qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali, u li l-ewwel deċiżjoni ttieħdet wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Id-deċiżjoni amministrattiva definittiva, li hija kkontestata fil-kawża prinċipali, ma kinitx adottata iktar minn sentejn wara. F’dan il-kuntest, ir-riferiment iktar restrittiv għad-Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali, jista’ jidher kważi abbużiv.

36.      Għalhekk, skont il-prinċipji ġenerali dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-atti legali tad-dritt tal-Unjoni, fil-każ inkwistjoni għandha tapplika d-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali.

2.            Fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali flimkien mal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

37.      Fil-każ inkwistjoni, madankollu, qed nirreferu għat-tagħrif mogħti fil-kuntest ta’ proċedura għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott fitosanitarju. It-trattament kunfidenzjali tiegħu huwa s-suġġett tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Din id-dispożizzjoni tapplika speċifikament mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali. Għandu jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni tirreferix b’mod vinkolanti għad-direttiva l-antika (rinviju fiss), jew jekk id-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali ssostitwietx din id-dispożizzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (rinviju mobbli).

38.      F’sens kuntrarju għall-applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali jista’ jirriżulta li l-leġiżlatur, fil-mument meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kellu f’moħħu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali, kunflitt bejn id-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u d-Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali għandu jkun eskluż minħabba li r-raba’ inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-direttiva l-antika kien jippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu l-aċċess għat-tagħrif minħabba l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali u industrijali.

39.      Għall-kuntrarju, id-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali tillimita l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali. Skont l-Artikolu 4(2)(d), talba tista’ tiġi miċħuda biss jekk ikun hemm it-tliet kundizzjonijiet li ġejjin: li l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif jippreġudika l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali legalmentment protett, li l-interess għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ dan it-tagħrif jipprevali fuq l-interess pubbliku protett mill-iżvelar ta’ dan it-tagħrif, u li t-tagħrif ma jitrattax l-emissjonijiet fl-ambjent. Mingħajr dubju jista’ jiġri li d-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali tagħti l-aċċess għal tagħrif li abbażi tad-direttiva l-antika kien ikkunsidrat li hu kunfidenzjali.

40.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali jħassar id-direttiva l-antika u jipprovdi li r-riferimenti għad-direttiva l-antika għandhom ikunu kkunsidrati li jirreferu għad-direttiva l-ġdida. Konsegwentement, it-test tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali jeskludi li d-direttiva l-antika tibqa’ fis-seħħ biex jiġi protett tagħrif kummerċjali fis-settur tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

41.      Barra minn hekk, il-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni għandhom jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Komunità (20). Għal din ir-raġuni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati, sa fejn ikun possibbli, f’konformità mal-obbligi tad-dritt internazzjonali tal-Unjoni (21). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali fir-rigward tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali jikkorrispondu ma’ dak ipprovdut fl-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, li japplikaw anki għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, waqt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali ma kinux jimplementaw il-Konvenzjoni b’mod adegwat.

42.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali, u t-talba għal deċiżjoni preliminari evalwata abbażi tad-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

43.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari għandu jiġi ċċarat jekk it-tagħrif, mogħti fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott fitosanitarju bil-ħsieb li jiffissa l-livell massimu ta’ pestiċidi fil-prodotti tal-ikel u tax-xorb, huwiex tagħrif ambjentali jew le.

44.      Fir-rigward tad-Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tenniet li l-leġiżlatur kellu l-ħsieb li jagħti tifsira wiesgħa lill-kunċett ta’ “tagħrif relatat mal-ambjent”, u ma ddefinixxix dan il-kunċett b’mod li seta’ b’xi mod eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija kwalunkwe attività tal-awtorità pubblika (22). Id-Direttiva l-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali għandha definizzjoni iktar miftuħa u iktar preċiża (23). Iżda, la d-direttiva l-antika u lanqas il-ġdida dwar it-tagħrif ambjentali ma jipproponu li jingħata dritt għall-aċċess ġenerali u bla limitu għat-tagħrif kollu miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi u li għandhom xi relazzjoni, anki jekk minima, ma’ elementi ambjentali. Fil-fatt, din id-direttiva teżiġi li sabiex ikun irrilevat id-dritt għall-aċċess, dan it-tagħrif għandu jaqa’ f’kategorija waħda jew iktar elenkati fid-direttiva (24). Għalhekk, għandu jkun eżaminat jekk it-tagħrif ikkontestat jistax ikun ikklassifikat f’kategorija.

45.      Skont il-qorti tar-rinviju l-istudji inkwistjoni għandhom jinkludu minn naħa, id-definizzjoni tal-kwantità (massima) aċċettabbli ta’ Propamocard li jista’ jkun hemm fuq jew fil-ħass mill-aspett ta’ prattika agrikola tajba u tas-saħħa pubblika u, min-naħa oħra, il-konstatazzjoni li l-prodott Previcur N josserva dawn in-normi legali u l-mod ta’ kif jintuża.

46.      Bayer issostni li l-istudji u r-rapporti għandhom tagħrif sostanzjali dwar esperimentazzjoni fil-qasam bil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u evalwazzjoni statistika. Dawn id-dokumenti jiżvelaw biss liema kontenut tal-prodott jifdal bħala residwu fuq il-pjanti meta jintuża regolarment. Għall-kuntrarju, l-effetti tal-prodott, iżda wkoll ir-riskji eventwali għas-saħħa tas-sustanzi attivi, ser ikunu analizzati fi studji oħrajn.

1.            Fuq l-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali - tagħrif relatat mas-saħħa

47.      Sa fejn it-tagħrif inkwistjoni jservi sabiex ikun stabbilit il-livell massimu ta’ residwi, u dan it-tagħrif huwa maħsub biex jipproteġi (ukoll) is-saħħa tal-bniedem, il-partijiet fuq kollox iddiskutew il-kwistjoni li tikkonċerna t-tagħrif ambjentali relatat mas-saħħa skont l-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, it-tagħrif ambjentali jinkludi t-tagħrif kollu dwar l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, inklużi t-tniġġis [kontaminazzjoni] tal-katina tal-ikel, meta rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-ħajja umana, is-siti kulturali u l-istrutturi mibnija sa fejn jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat tal-elementi ambjentali msemmija fl-(a) jew, permezz ta’ dawn l-elementi, minn wieħed mill-fatturi, miżuri jew attivitajiet imsemmija fil-(b) u fiċ-(ċ).

48.      Din id-definizzjoni hi wiesgħa ħafna f’dak li jirrigwarda l-aspetti msemmija tal-ħajja umana. Madankollu, hija tinkludi biss tagħrif dwar l-impatti li huma kkawżati minn elementi, fatturi jew miżuri ambjentali, u/jew minn attivitajiet relatati mal-ambjent. L-għan huwa li jkun evitat li jkun kopert għadd ta’ tagħrif importanti mhux ambjentali (25).

49.      It-tagħrif dwar ir-residwi ta’ prodott fitosanitarju fuq il-prodotti tal-ikel huwa evidentement ibbażat fuq il-kontaminazzjoni tal-katina tal-ikel u għalhekk anki fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem. Madankollu, Bayer u l-Pajjiżi l-Baxxi qed jikkontestaw li t-tagħrif ikkontestat jirreferi għall-impatti tal-elementi ambjentali. Għaldaqstant, qabel ma tingħata deċiżjoni definittiva fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, jidhirli li huwa opportun li nanalizza b’mod preliminari l-punti (a) (b) u (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni.

2.      Fuq l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali – stat tal-elementi ambjentali

50.      Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, il-kunċett ta’ tagħrif ambjentali jinkludi kwalunkwe tagħrif dwar l-istat tal-elementi ambjentali, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajsaġġ u s-siti naturali inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi l-organiżmi mmodifikati ġenetikament, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi.

51.      It-tagħrif ikkontestat jirreferi għall-istat tal-ħass ittrattat, b’mod partikolari r-residwi tal-pestiċidi fuq dawn il-ħxejjex fil-kuntest tal-użu korrett ta’ dawn tal-aħħar. Jekk dawn il-ħxejjex huma elementi ambjentali, dan ifisser li qed nitrattaw tagħrif ambjentali.

52.      L-elenku tal-elementi ambjentali ma huwiex eżawrjenti iżda jagħti biss eżempju. Fit-teorija nistgħu nqisu li dak kollu li huwa prodott ambjentali huwa element ambjentali. Għalhekk, il-ħass ittrattat bil-pestiċidi ser jitqies li huwa element ambjentali.

53.      Madankollu, l-elementi ambjentali elenkati ma jiddiskrivux oġġetti individwali jew eżempji, iżda elementi astratti ambjentali: l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajsaġġ u s-siti naturali kif ukoll id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha. Dawn huma elementi strutturali ambjentali jew oqsma partikolari ambjentali.

54.      Fir-rigward tal-ħass, dan mhux inkluż fl-elenku, filwaqt li jerġa’ jidħol il-kunċett ġenerali tal-kultivazzjonijiet agrikoli. Dan il-kunċett huwa dwar oqsma wisgħen ambjentali tagħna u għandhom ikunu rikonoxxuti bħala elementi ambjentali. It-tagħrif dwar il-ħass ittrattat għalhekk għandu jkun dwar l-istat ta’ porzjoni minn dan l-element ambjentali.

55.      F’dan il-punt jista’ jkun hemm oppożizzjoni li l-kultivazzjonijiet agrikoli ma jiffurmawx parti mill-ambjent naturali iżda huma proċess ta’ produzzjoni li jagħmel il-bniedem. Għalhekk ma humiex parti mill-ambjent naturali iżda pjuttost huma parti mill-ambjent immodifikat mill-bniedem.

56.      Argument favur it-teżi li skontha l-kunċett ta’ ambjent fid-dritt tal-Unjoni tinkludi biss elementi naturali jew seminaturali jista’ jkun ittrattat mill-kunċett ta’ “siti naturali” li huwa msemmi bħala wieħed mill-elementi ambjentali fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, kif ukoll f’diversi atti legali (26). B’mod partikolari, l-Artikolu 2(12) tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma jestendix il-kunċett ta’ ambjent għall-kultivazzjonijiet agrikoli iżda jillimitah għall-flora u l-fawna selvaġġa. Konsegwentement, il-flora u l-fawna selvaġġa biss jibbenefikaw mill-ħarsien partikolari tad-dritt ambjentali tal-Unjoni  (27), filwaqt li l-kultivazzjonijiet agrikoli jaqgħu fid-dritt agrarju.

57.      Madankollu, il-kunċett ambjentali tad-dritt tal-Unjoni mhux dejjem limitat għall-ambjent naturali. Pereżempju l-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali tinkludi fost affarijiet oħra l-effetti fuq il-popolazzjoni u fuq il-beni materjali inkluż il-patrimonju arkitettoniku u arkeoloġiku(28). Barra minn hekk, id-Direttiva Qafas dwar l-ilmijiet tipprovdi anki dispożizzjonijiet dwar il-kwalità ambjentali għall-masses tal-ilma artifiċjali (29). Kif tinnota fl-aħħar nett il-Kummissjoni, fid-Direttiva l-antika dwar it-tagħrif ambjentali, it-tagħrif dwar il-flora u l-fawna tqies li huwa tagħrif ambjentali irrispettivament mill-fatt jekk kinux flora u fawna naturali.

58.      Għalhekk, il-limitazzjoni eventwali tal-kunċett ambjentali u tal-ambjent naturali ma tirrappreżentax prinċipju ġenerali iżda tirriżulta mill-finalità segwita mid-definizzjoni. Id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali ma tinkludix element li jindika finalità limitata bħal din. Għall-kuntrarju, għandu jkun ikkunsidrat li d-Direttiva l-ġdida ma tillimitax il-kunċett ta’ tagħrif ambjentali meta mqabbla mad-direttiva l-antika(30). Għalhekk, ir-riferiment għas-siti naturali fl-elenku tal-elementi ambjentali, stabbilit biss bħala eżempju, ma għandux jitqies f’sens ristrett. Fil-fatt, l-eżempji l-oħra ma humiex ikkwalifikati bl-aġġettiv “naturali”.

59.      Id-distinzjoni bejn l-ambjent naturali u l-ambjent artifiċjali ma tantx tagħmel sens lanqas mil-lat prattiku, minħabba li fl-Ewropa prattikament ma baqax iktar setturi ambjentali li ma humiex xi ftit jew wisq influwenzati mill-bniedem. Għalhekk, abbażi ta’ dan il-mod ta’ ħsieb, it-tagħrif rigward il-foresti għall-produzzjoni tal-injam, pereżempju fir-rigward tal-qerda tagħhom, ma jikkostitwixxix tagħrif ambjentali.

60.      F’dak li jirrigwarda l-kultivazzjonijiet agrikoli, huma jaqgħu fl-ambjent tal-inqas jekk jintegraw mal-elementi naturali ambjentali. Dan huwa l-każ tal-kultivazzjoni tal-ħass f’għelieqi miftuħa minħabba li l-ħass ikollu kuntatt mal-ħamrija u mal-annimali selvaġġi iżda jista’ jkollu kuntatt ukoll mal-ilmijiet u b’mod partikolari mal-ilmijiet taħt l-art.

61.      Għalhekk it-tagħrif ikkontestat relatat mar-residwi fuq il-ħass jikkostitwixxi tagħrif ambjentali fil-forma ta’ tagħrif rigward elementi ambjentali skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

3.      Fuq l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali – tagħrif dwar fatturi ambjentali

62.      Għandu jkun ikkunsidrat ukoll l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. F’din il-kategorija, jerġa’ jidħol tagħrif rigward fatturi bħas-sustanzi, l-enerġija, l-istorbju, ir-radjazzjoni jew l-iskart fosthom l-iskart radjoattiv, l-emissjonijiet, id-drenaġġ u skart ieħor mormi fl-ambjent, li għandhom jew li huma suxxettibbli li jkollhom effetti fuq l-elementi ambjentali msemmija fil-punt (a).

63.      Stichting Natuur en Milieu u anki l-Kummissjoni jsostnu li l-istudji u r-rapporti fihom tagħrif dwar fatturi li għandhom jew li huma suxxettibbli li jkollhom effetti fuq l-elementi ambjentali.

64.      Dan huwa minnu minħabba li s-sustanza attiva Propamocarb u l-prodott fitosanitarju Previcur N huma sustanzi li t-tixrid tagħhom għandu effett fuq l-elementi ambjentali. Dan l-effett ma jikkonċernax biss il-ħass ittrattat iżda wkoll l-elementi l-oħra ambjentali, b’mod partikolari l-pjanti, l-annimali u l-faqqiegħ kif ukoll l-ilma, il-ħamrija u l-atmosfera.

65.      Anki fil-każ fejn – għall-kuntrarju tal-opinjoni sostnuta hawnhekk – irrid nikkunsidra li l-kultivazzjonijiet agrikoli ma kinux elementi ambjentali, xorta dan dejjem ifisser tagħrif relatat ma’ fatturi ambjentali. Anki t-tagħrif dwar ir-residwi fuq il-ħass huwa fil-fatt tagħrif dwar ir-rilaxx ta’ sustanzi li għandhom effett fuq elementi ambjentali. Ir-residwi stess jistgħu, fil-fatt ikollhom effetti fuq elementi ambjentali pereżempju minħabba li huma assorbiti mill-annimali selvaġġi.

66.      Għaldaqstant, it-tagħrif kontenzjuż dwar it-trattament tal-ħass, jikkostitwixxi tagħrif ambjentali li jaqa’ wkoll fil-kategorija ta’ tagħrif dwar fatturi ambjentali skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

4.      Fuq l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali – tagħrif dwar miżuri amministrattivi

67.      Barra minn hekk, huwa possibbli li nitratta tagħrif ambjentali skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Din il-kategorija tinkludi tagħrif dwar il-miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi) bħall-politiki, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, il-pjanijiet, il-programmi, il-ftehim ambjentali u l-attivitajiet li għandhom jew li huma suxxettibbli li jkollhom effetti fuq l-elementi u l-fatturi msemmija fil-punti (a) u (b), kif ukoll miżuri u attivitajiet maħsuba biex jipproteġu dawn l-elementi.

68.      Madankollu, it-tagħrif dwar miżuri amministrattivi li ma jipproteġux l-ambjent, mhux tagħrif ambjentali (31). Jista’ jkun hemm dubju dwar l-eżistenza ta’ tagħrif ambjentali skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali minħabba li użaw l-istudji u r-rapporti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont massimu ta’ residwi. Skont Bayer u l-Pajjiżi l-Baxxi, l-għan tagħha l-ewwel nett huwa l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni u mhux il-ħarsien ambjentali. Il-premessa 12 tad-Direttiva 90/642 u l-premessa 2 tar-Regolament Nru 396/2005 (32), li ma humiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża, jikkonfermaw din l-opinjoni.

69.      Il-Greċja madankollu, ġustament tosserva li fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub, it-tagħrif inkwistjoni kien ippreżentat fil-kuntest tal-proċedura ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott fitosanitarju. Il-Kummissjoni tenfasizza li dawn l-istudji għandhom ikunu trasmessi fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 13(1)(b) u l-punt 6.3 tal-Parti A tal-Anness II għad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Konsegwentement, il-Kummissjoni tosserva li l-istudji u r-rapporti huma rilevanti mhux biss sabiex jiddetermina l-ammont massimu ta’ residwi iżda anki biex iservu ta’ bażi għal awtorizzazzjoni. Id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti hija miżura amministrattiva skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali li jista’ jkollha effetti fuq l-istat tal-elementi ambjentali.

70.      Sabiex dawn il-miżuri jkunu evalwati b’mod sħiħ, huwa raġonevoli li jkun ikkunsidrat fil-prinċipju, it-tagħrif kollu relatat mal-proċedura bħat-tagħrif ambjentali. Fil-prattika, għandha tkun possibbli evalwazzjoni jekk it-tagħrif inkwistjoni huwiex rilevanti għall-ambjent. Pereżempju l-istudji fil-kawża inkwistjoni jistgħu jiċċaraw il-kwistjoni jekk u b’liema kundizzjonijiet jistgħu jinstabu livelli għolja ta’ residwi perikolużi fuq il-kultivazzjonijiet agrikoli, fattur li jista’ jkollu importanza mhux biss għall-protezzjoni tal-konsumaturi, iżda wkoll għall-ambjent.

71.      Għaldaqstant, it-tagħrif trażmess fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni huwa tagħrif dwar dawn il-miżuri amministrattivi u għalhekk huwa wkoll tagħrif ambjentali skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali (33).

5.      Konklużjoni

72.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fir-rigward tal-Artikolu 2(1)(a)(b) u (ċ) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, l-istudji u r-rapporti kkontestati jikkostitwixxu tagħrif ambjentali li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ tagħrif dwar il-kontaminazzjoni tal-katina tal-ikel skont l-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

73.      Fil-qosor, il-kunċett ta’ “tagħrif ambjentali” tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali għandu jkun interpretat li jinkludi t-tagħrif mogħti fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni (jew ta’ estensjoni ta’ awtorizzazzjoni) ta’ prodott fitosanitarju bil-għan li jkun iddeterminat l-ammont massimu ta’ pestiċida, ta’ komponent tagħha jew prodotti ta’ trasformazzjoni tagħha, li jistgħu jinsabu fl-ikel jew fix-xorb.

C –    Fuq it-tieni domanda – ir-relazzjoni bejn id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

74.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf x’inhi r-relazzjoni bejn id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u b’mod partikolari jekk, l-Artikolu 14 ta’ din l-aħħar direttiva jistax ikun applikat ħlief jekk permezz tal-istess mod, ma jkunux ippreġudikati l-obbligi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

75.      Għalkemm l-iffissar tal-ammont massimu ta’ residwi huwa sottomess għal dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, li fil-mument tad-deċiżjoni Olandiża dwar il-Propamocarb kien l-Artikolu 5(b)(2) tad-Direttiva 90/642 – li ma jinkludu l-ebda regolament dwar il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali, madankollu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huwa applikabbli meta t-tagħrif ikkontestat ikun trażmess fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ pestiċida.

1.      Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali fid-dawl tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

76.      Sakemm l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huwa applikabbli mingħajr preġudizzju għad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, talba għal tagħrif ambjentali trażmessa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ pestiċidi għandha tkun trattata skont il-kriterji tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (34). Meta dawn ikollhom l-intenzjoni li jirrifjutaw l-aċċess għall-informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti l-ewwel nett għandhom jeżaminaw jekk il-pubblikazzjoni ta’ dan it-tagħrif tippreġudikax il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali protett legalment u jekk dan huwiex tagħrif marbut ma’ emissjonijiet fl-ambjent u fl-aħħar nett, jekk ikun il-każ, li jintlaħaq bilanċ bejn l-interess pubbliku servut mill-pubblikazzjoni u l-interess pubbliku protett mir-rifjut tal-pubblikazzjoni.

77.      Il-protezzjoni legali tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali kienet diġà rikonoxxuta fid-dritt fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-kuntratti pubbliċi kemm bħala prinċipju ġenerali (35) kif ukoll bħala parti mill-prinċipju fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata (36); barra minn hekk, din tikkostitwixxi obbligu tad-dritt internazzjonali tal-Unjoni skont l-Artikolu 39 tal-ftehim TRIPS, u f’dan il-każ, tirriżulta wkoll fid-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u fid-dritt Olandiż.

78.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huwa barra minn hekk utli biex ikunu identifikati s-sigrieti li jipproteġu lil min isegwihom. Min-naħa, din id-dispożizzjoni tipprovdi tagħrif differenti li ma jibbenefikax mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali (37). Madankollu, din il-kawża, ma hijiex ikkonċernata minn dan. Min-naħa oħra, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprovdi proċedura li fiha l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mal-intrapriżi kkonċernati liema tagħrif jinkludi sigrieti kummerċjali jew industrijali. Fil-fatt, il-kunfidenzjalità timplika t-tressiq ta’ talba li l-ġustifikazzjoni tagħha għandha tkun aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti.

79.      Skont Bayer u l-Pajjiżi l-Baxxi, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tar-rikonoxximent tas-sigrieti pprovduti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għandha tiddetermina d-deċiżjoni dwar it-talba għall-aċċess skont id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. F’dan il-kuntest, Bayer issostni li l-awtoritajiet diġà qed jagħmlu analiżi bbilanċjata biżżejjed għat-talba li għamlet l-intrapriża. Dan ifisser li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali għandha tkun evalwata biss abbażi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

80.      Din it-teżi ma tikkonvinċinix għal kollox. Għalkemm, jeżistu diversi elementi li jissuġġerixxu li l-evalwazzjoni tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali għandu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, dan ma għandux jeskludi l-applikazzjoni tal-elementi addizzjonali tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Dan b’mod preċiż ifisser li:

81.      Jekk il-proċedura stipulata fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tkun implementata b’mod korrett, għandu jkun ikkunsidrat li fil-prinċipju, kien identifikat it-tagħrif li l-iżvelar tiegħu wassal għall-preġudizzju tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif industrijali u kummerċjali. F’dan ir-rigward xieraq li tkun ikkunsidrata l-protezzjoni ta’ dawn is-sitwazzjonijiet li tirriżulta mid-drittijiet fundamentali iżda wkoll il-limitazzjoni tagħha ammissibbli abbażi ta’ interessi preponderanti oħra, b’mod partikolari permezz ta’ dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għat-tagħrif ambjentali.

82.      Jirriżulta li deċiżjoni korretta skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti timplika li għandhom ikunu osservati mhux biss it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda wkoll l-obbligi pprovduti mid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Għalhekk, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tipprojbixxi l-kwalifikazzjoni kemm tas-sigrieti kummerċjali kif ukoll dawk industrijali sabiex it-tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent ikun trattat b’mod kunfidenzjali. Konsegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħu jaċċettaw l-ebda talba għal trattament kunfidenzjali ta’ dan it-tip ta’ tagħrif.

83.      Madankollu, anki fil-każ tal-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ma jistax jiġi eskluż li l-bażi tal-ħarsien tat-tagħrif ma teżistix iktar sal-mument meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-talba għall-aċċess (38). F’dan il-każ, il-kunfidenzjalità ma tibqax iktar iġġustifikata u d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma tistax tkun iktar miċħuda lil min ressaq it-talba.

84.      Jista’ jkun possibbli wkoll li t-talba għal aċċess għal tagħrif ambjentali tirreferi għal interessi pubbliċi addizzjonali għall-pubblikazzjoni ta’ tagħrif li l-awtoritajiet kompetenti ma kkunsidrawx fid-deċiżjoni inizjali dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità. F’dan il-każ, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma tkunx ibbilanċjat biżżejjed il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u l-interess pubbliku dwar l-iżvelar. Pjuttost għandha terġa’ ssir evalwazzjoni.

85.      Konsegwentement, id-deċiżjoni adottata b’mod korrett skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti dwar il-ħarsien tal-kunfidenzjalità ta’ tagħrif kummerċjali u industrijali hija rilevanti għad-deċiżjoni dwar il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif ambjentali skont l-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali (biss) mingħajr preġudizzju għal żviluppi eventwali ġodda u għat-tagħrif ulterjuri dwar l-interess pubbliku protett mill-iżvelar.

2.      2. Fuq it-tagħrif dwar emissjonijiet fl-ambjent

86.      Skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, l-iżvelar ta’ tagħrif ambjentali ma jistax jinċaħad f’isem il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali jekk it-talba tirrigwarda tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Għalkemm, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi l-ebda domanda relatata mad-definizzjoni ta’ dan it-tagħrif, madankollu huwa evidenti li din id-domanda għandha rilevanza fundamentali għall-kawża inkwistjoni u kienet eżaminata mill-partijiet li ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja.

87.      Il-linji gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus (39) jirreferu għad-definizzjonijiet ta’ emissjonijiet tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż (40). Skont l-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, “emissjoni” għandha tfisser ir-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn għejjun individwali jew mifruxa fl-istallazzjoni fl-arja, fl-ilma jew fl-art. Konsegwentement, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni qed jipproponu li d-definizzjoni ta’ emissjonijiet tkun limitata għall-emissjonijiet tal-impjanti skont id-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, b’tali mod li t-tixrid tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-kuntest tal-agrikoltura ma jibqax jikkostitwixxi emissjonijiet.

88.      Fil-prinċipju, il-linji gwida jikkostitwixxu għajnuna xierqa għall-interpretazzjoni tal-kunċetti legali li ma humiex determinati mid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali (41). Huwa veru li l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus ma tistax tkun determinata b’mod vinkolanti, madankollu din il-Konvenzjoni kienet adottata b’rikonoxximent sħiħ tal-partijet tal-Konvenzjoni u bl-appoġġ tagħhom (42). Għalhekk, nista’ nassumi li meta kien adotta d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, il-leġiżlatur kellu għarfien ta’ dawn il-linji gwida.

89.      Madankollu, jeżisti dubju li peress li jagħmlu riferiment għad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, il-linji gwida għandhom l-intenzjoni li jillimitaw il-kunċett ta’ emissjonijiet għall-impjanti biss. Il-kunċett ta’ impjant jidher fid-definizzjoni ta’ emissjonijiet biss minħabba li d-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis tagħmel riferiment għall-impjanti. Limitazzjoni bħal din tal-kunċett ta’ emissjonijiet ma tirriżultax la mid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u lanqas mill-Konvenzjoni ta’ Århus.

90.      Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, it-tagħrif dwar l-emissjonijiet li huwa rilevanti għall-ħarsien ambjentali għandu jkun żvelat. Id-domanda dwar jekk dawn l-emissjonijiet joħorġux minn impjanti mhux rilevanti meta mqabbla mad-domanda dwar jekk dawn humiex importanti għall-ħarsien ambjentali. Qed nikkunsidra biss l-emissjonijiet li jirriżultaw miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi.

91.      Minkejja l-limitazzjoni tagħha relatata mal-impjanti, madankollu, id-definizzjoni ta’ emissjonijiet ipprovduta mid-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis hija għal kollox rilevanti. Għalhekk, nistgħu ninkluduha fl-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali mingħajr ir-riferiment għall-impjanti. Ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali tirrigwarda t-tagħrif dwar ir-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn għejjun individwali jew mifruxa fl-istallazzjoni fl-arja, fl-ilma jew fl-art.

92.      F’dan is-sens, il-kunċett ta’ emissjoni jikkorrispondi mad-definizzjoni tal-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 2004/35 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (43), li enfasizzat Vereniging Milieudefensie. Skont din id-dispożizzjoni, emissjoni tfisser ir-rilaxx fl-ambjent, bħala riżultat tal-attivitajiet tal-bnedmin, ta’ sustanzi, preparazzjonijiet, organiżmi jew mikro-organiżmi. Din id-direttiva li ma kinitx għadha teżisti meta kienu żviluppati l-linji gwida, tikkorrispondi f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali kif ukoll għad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis minħabba li ma hijiex limitata għall-impjanti.

93.      Madankollu, anki skont din id-direttiva, it-tagħrif dwar l-emissjonijiet ma huwiex estiż għat-tagħrif dwar sustanzi li xi darba jew oħra ser ikunu rilaxxati fl-ambjent. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, fl-aħħar mill-aħħar, kull sustanza hija maħsuba biex tiġi rrilaxxata fl-ambjent fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħha. Għall-kuntrarju huwa iktar tagħrif dwar l-emissjonijiet bħala tali.

94.      Evidentement, dan il-każ jirrigwarda biss marġinalment tagħrif dwar ir-rilaxx ta’ sustanzi. Ovvjament, għandu jiġi kkunsidrat li r-rapporti dwar l-esperimentazzjoni jindikaw il-kwantità ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu użati. Dawn, madankollu jinteressaw fuq kollox it-tagħrif dwar ir-residwi li jibqgħu fuq il-ħass. F’dan ir-rigward, dan jitratta konsegwenzi determinati tar-rilaxx.

95.      Dawn il-konsegwenzi jikkostitwixxu proprju l-motiv li għalih, it-tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent għandu ġeneralment ikun ippubblikat. Fil-fatt, il-pubbliku għandu interess qawwi li jkun jaf il-mod li bih jista’ jkun affettwat mill-emissjonijiet fl-ambjent. Qabel l-emissjoni, l-effetti fuq il-bniedem u fuq l-ambjent kienu pjuttost improbabbli jew almenu kienu limitati għall-isfera tad-detentur tas-sigrieti kummerċjali. Għall-kuntrarju, is-sustanzi rilaxxati bilfors jinteraġixxu mal-ambjent u forsi anki mal-bniedem. Għaldaqstant, il-linji gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus jenfasizzaw li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali għandha tieqaf fil-mument meta jkunu rilaxxati s-sustanzi msemmija fit-tagħrif miżmum sigriet. Skont il-linji gwida, proprju l-effetti possibbli fuq l-ambjent ma għandhomx jitqiesu bħala tagħrif kummerċjali (44). Din is-sitwazzjoni tal-interessi tiġġustifika b’mod partikolari t-twettiq tal-pjan ta’ qabel tal-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet fundamentali tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali f’dak li jirrigwarda t-tagħrif dwar l-emissjonijiet mingħajr ma jkunu kkunsidrati każijiet individwali. Anki, l-Artikolu 39(3) tal-Ftehim TRIPS jippermetti l-iżvelar ta’ tagħrif ta’ dan it-tip jekk dan hu meħtieġ għall-protezzjoni tal-pubbliku.

96.      Konsegwentement, it-tagħrif dwar ir-residwi fl-emissjonijiet fl-ambjent għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mit-tagħrif dwar l-emissjonijiet skont il-Konvenzjoni ta’ Århus.

97.      Din hija raġuni iktar qawwija għall-klawżola dwar l-emissjonijiet tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, ifformulata b’test iktar ċar fir-rigward tal-klawżola dwar l-emissjonijiet fil-Konvenzjoni ta’ Århus.

98.      L-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni jipprovdi biss li l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali ma għandux jostakola l-iżvelar tat-tagħrif dwar l-emissjonijiet rilevanti għall-iskop tal-ħarsien ambjentali. Ir-riferiment għal din ir-relevanza jista’ jitqies li huwa limitu għall-klawżola dwar l-emissjonijiet (45).

99.      Għall-kuntrarju, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, ma tinkludix il-parti dwar l-interess għall-ħarsien ambjentali u testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet għal motivi oħra tat-trattament tal-kunfidenzjalità.

100. Din l-estensjoni tirrappreżenta l-eżitu tad-dibattitu kontroversjali tal-proċedura leġiżlattiva. Fil-proposta oriġinali, il-Kummissjoni ċaħdet milli titlob ir-rilevanza għall-finijiet tal-ħarsien ambjentali iżda hija eskludiet biss l-użu tas-sigrieti kummerċjali u industrijali fil-każ ta’ tagħrif dwar l-emissjonijiet (46). Għall-kuntrarju, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill marret lura għall-formulazzjoni tal-Konvenzjoni (47). Iżda l-Parlament talab li t-tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent ma jkun qatt trattat b’mod kunfidenzjali (48). Kien biss fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni li fl-aħħar intlaħaq ftehim li jiġi adottat ir-regolament attwali, li jeskludi l-applikazzjoni tal-parti l-kbira tal-motivi tal-kunfidenzjalità mit-tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent, u li jiċħad ir-rilevanza tat-tagħrif stess għall-finijiet tal-ħarsien ambjentali. L-estensjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet hija bbażata fuq deċiżjoni maħsuba tal-leġiżlatur.

101. Għal dawn il-motivi, l-istudji u r-rapporti dwar l-esperimentazzjoni, jikkostitwixxu tagħrif dwar l-emissjonijiet ambjentali, li l-iżvelar tagħhom ma jistax ikun irrifjutat minħabba l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali.

D –    Fuq it-tielet domanda preliminari – l-evalwazzjoni mil-leġiżlatur

102. Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-ibbilanċjar preskritt mit-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, bejn l-interess pubbliku permezz tal-iżvelar u bejn l-interess partikolari permezz tar-rifjut tal-iżvelar, għandux isir meta qed issir l-applikazzjoni, jew jekk dak l-ibbilanċjar jistax isir fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

103. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, f’kull każ partikolari, l-interess pubbliku protett mill-iżvelar huwa bbilanċjat mal-interess pubbliku protett mir-rifjut tal-iżvelar.

104. Bayer tenfasizza li l-Konvenzjoni ta’ Århus ma titlobx bilanċ f’każ partikolari. F’dan is-sens stess, anki l-Finlandja ressqet dikjarazzjoni dwar l-adozzjoni tad-Direttiva, minħabba li l-ibbilanċjar fil-każijiet partikolari tbeżżagħha minn restrizzjoni arbitrarja tad-dritt għall-aċċess (49).

105. Kif madankollu jirrilevaw il-Greċja u l-Kummissjoni, dan ma huwiex konformi mal-kontenut tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, li l-ibbilanċjar fil-każ partikolari jista’ jkun sostitwit minn evalwazzjoni ġenerali mil-leġiżlatur nazzjonali. Dan huwa kuntrarju għall-opinjoni espressa mill-Finlandja b’tali mod li ma hemm l-ebda restrizzjoni għad-dritt għall-aċċess meta mqabbel mal-Konvenzjoni ta’ Århus peress li din l-evalwazzjoni tippermetti li jkun magħruf it-tagħrif minkejja l-preġudizzju li jirriżulta għal interessi oħra protetti meta jirriżulta prevalenti l-interess pubbliku protett mill-iżvelar.

106. Fl-opinjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Bayer, ibbilanċjar bħal dan diġà qed isir skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Ir-rikonoxximent tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali jimplika din l-evalwazzjoni. Il-limiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni u mit-traspożizzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom iservu għaċ-ċertezza legali u għalhekk għandhom ikunu meħtieġa.

107. Madankollu, kif diġà spjegajt iktar ’il fuq, dan il-bilanċ skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti probabbilment ma huwiex komplut. Għalhekk, ma jistax jissostitwixxi b’mod sħiħ l-ibbilanċjar ipprovdut mit-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

108. Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, l-ibbilanċjar ipprovdut minn din id-dispożizzjoni tal-interess pubbliku protett mir-rifjut tal-iżvelar, għandu konsegwentement isir f’kull każ partikolari fil-mument tal-applikazzjoni.

V –    Konklużjoni

109. Fid-dawl ta’ dak espost hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula lilha:

1)      Il-kunċett ta’ “tagħrif ambjentali” tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE, għandu jkun interpretat b’mod li jinkludi t-tagħrif ipprovdut fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni (jew ta’ estensjoni ta’ awtorizzazzjoni) ta’ prodott fitosanitarju sabiex ikun iddeterminat l-ammont massimu ta’ pestiċida jew ta’ komponent tagħha jew prodott idderivat minnha fl-ikel u x-xorb.

2)      Mingħajr ħsara għall-iżviluppi l-ġodda eventwali u għat-tagħrif ulterjuri dwar l-interess pubbliku protett mill-iżvelar, deċiżjoni adottata korrettement skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fir-rigward tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali hija rilevanti għad-deċiżjoni dwar il-pubblikazzjoni tat-tagħrif ambjentali skont l-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva 2004/3. L-istudji u r-rapporti ta’ esperimentazzjoni kkontestati jikkostitwixxu tagħrif dwar l-emissjonijiet ambjentali li l-iżvelar tagħhom ma jistax ikun irrifjutat minħabba l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u industrijali.

3)      Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/3, l-ibbilanċjar ipprovdut minn din id-dispożizzjoni tal-interess pubbliku protett bl-iżvelar mal-interess partikolari marbut mar-rifjut tal-iżvelar għandu jsir f’kull każ partikolari fil-mument tal-applikazzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332, punt 1; l-annessi għal din id-direttiva ħafna drabi huma inklużi, iżda d-dispożizzjonijiet relatati ma ġewx emendati.


4 – ĠU 2005 L 124, p. 4.


5 – Adottata permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005, (ĠU L 124, p. 1).


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.


7 – ĠU  Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402.


8 – Numru 160 tal-Anness I għad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti adottat bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-23 ta’ April 2007, (ĠU L 106, p. 34).


9 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 68, kif emendat permezz tad-Direttiva 98/82/KE tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 1998, (ĠU L 290, p. 25).


10 – Sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (C-212/80 sa C-217/80, Ġabra p.I-2735, punt 9); tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C-201/04, Ġabra p. I-2049, punt 31), u tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 27).


11 – Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciairie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 119, u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Sentenzi tal-14 ta’ April 1970, Brock (C-68/69, Ġabra P 171, punt 7); tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD (C-143/73, Ġabra p 1433, punt 8); tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs EWS (C-270/84 Ġabra p. 2305, punt 31); tat-2 ta Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C‑122/96, Ġabra p. I‑5325, punt 14); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 50); tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, Ġabra p I‑9465, punt 43), u tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C‑428/08, Ġabra p. I-221, punt  66).


13 – Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1979, Tomadini (C-84/78, Ġabra p 1801, punt 21); tal-14 ta’ Jannar 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-278/84, Ġabra p 1, punt 36); tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill (C-203/86, Ġabra p 4563, punt 19); tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music (C-60/98, Ġabra p I‑3939, punt  25); Pokrzeptowicz-Meyer, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt  55), u Il-Kummissjoni vs Freistaat‑Sachsen, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 43).


14 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 331).


15 – Anki s-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2000, il-Pajjiżi l-Baxxi u van der Wal vs Il-Kummissjoni (C-174/98 P u C-189/98 P,Ġabra p I-1), u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C-139/07 P, Ġabra p. I-5885) dwar id-dokumenti li kienu fil-pussess tal-Kummissjoni qabel ma daħlu fis-seħħ ir-regoli applikabbli dwar l-aċċess.


16 – F’dan is-sens ukoll ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpson tat-22 ta’ Diċembru 2008, fil-kawża Azelvandre (C-552/07, Ġabra p. I-987, il-punti 6 et seq). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttrattatx din il-kwistjoni fis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009 (punt 52).


17 – Konklużjoni tat-3 ta’ Mejju 2007 tal-Avukat Ġenerali Trestenjak, ZF Zefeser (C-62/06 Ġabra I-11995, punt 8).


18 – Ara s-sentenza Falck u Acciarerie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 115 et seq).


19 – Fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C-362/08 P, Ġabra p. I-669, punti 56 u et seq), u l-konklużjonijiet tal-15 ta’ Settembru 2009, tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’dik il-kawża, punti 136 et seq.


20 – Sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-61/94, Ġabra, p I-3989, punt 52), tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C-286/02, Ġabra, p I-3465, punt 33), u tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 35).


21 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Ġermanja, (diġà iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 52); tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C-341/95, Ġabra p. I-4355, punt 20); Bellio F.lli, (diġà iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 33); tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C-306/05, Ġabra p  I-11519, punt 35), u tal-14 ta’ Mejju 2009, Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely (C-161/08, Ġabra p. I-4075, punt 38).


22 – Sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1998, Mecklenburg (C-321/96, Ġabra p. I-3809, punt 19), u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Glawischnig (C-316/01, Ġabra p. I-5995, punt 24).


23 – Sentenza Glawischinig, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 5).


24 – Ara s-sentenza Glawischnig, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 5).


25 – Stec/Casey-Lefkowitz/Jendroska, The Aarhus Convention: An Implementation Guide, New York, 2000, p 38 et seq (p 47 et seq tal-verżjoni Franċiża).


26 – Għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett ara l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102); u d-definizzjoni ta’ danni ambjentali fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35/KE tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 8 p.  357).


27 – Ara wkoll id-Direttiva 92/43 iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, kif ukoll id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/147/KE, tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, p. 7).


28 – Anness IV, punt 3, tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU  Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/31/KE tat-23 ta’ April 2009, dwar il-ħażin ġeoloġika tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, p. 114).


29 – Artikolu 4(1)(a)(iii), tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU  Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5 p. 275), kif emendata bid-Direttiva 2009/31 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28).


30 – Ara s-sentenza Glawischnig (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 5).


31 – Sentenza Glawischnig, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 29 et seq).


32 – Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, p. 10).


33 – Ara s-sentenza Mecklenburg, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 21).


34 – Rigward it-tifsira ta’ “mingħajr preġudizzju” ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-18 ta’ Lulju 2007, Promusicae (C-275/06 Ġabra p. I-271, punt 47), impliċitament ikkonfermata mis-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, (punti 42 et seq) u l-premessa 11 tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (verżjoni kodifikata) (ĠU L 24, p. 8).


35 – Sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni (53/85 Ġabra p. 1965, punt 28); tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni (C-36/92P, Ġabra p I‑1911, punt 37), u Varec, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 49).


36 – Sentenza Varec (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 48).


37       – F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni hija simili għar-regola pprovduta mid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 6 p. 77) interpretata fis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Azelvandre, (C-552/07, Ġabra I-987, punt 52).


38 – Ara iktar ’il fuq, il-punti 27 et seq.


39 – Ara Stec et, (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 76 ).


40 – Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU  Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol . 3, p. 80), li sadanittant kienet sostitwita bid-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU L 24, p. 8).


41 – Evidentement anki l-Avukat Ġenerali Sharpston titlaq ukoll minn din il-kundizzjoni fil-konklużjonijiet tagħha ppreżentati fit-2 ta’ Lulju 2009 fil-kawża Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C-263/08, Ġabra p. 9967, punti 17, 18 u 32).


42 – Ara r-rapporti tal-ewwel konferenza tal-firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Århus f’Chisinau, il-Moldavja tad-19 sal-21 ta’ April 1999 (CEP/WG.5/1999/2, nru 40), u tat-tieni konferenza ta’ Dubrovnik, il-Kroazja, tat-3 sal-5 ta’ Lulju 2000 (CEP/WG.5/2000/2, nru 43).


43 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.


44 – Ara Stec et, (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 76 ).


45 – Madankollu, ara Stec et, (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 76).


46 – Artikolu 4(2)(d) tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2000) 402 finali, p. 25.


47 – Pożizzjoni komuni tat-28 ta’ Jannar 2002 (dokument tal-Kunsill 11878/1/01 REV 1, p. 12).


48 – Ara l-emenda 21 tal-Parlament tal-14 ta’ Marzu 2001  (ĠU 2001 C 343, p. 165[172] u l-emenda 33 tat-30 ta’ Mejju 2002 (dokument tal-Kunsill 9445/02, p. 12).


49 – Dokument tal-Kunsill 14917/02 ADD 1 REV 1 tat-13 ta’ Diċembru 2002.

Top