EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0096

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 14 ta' Settembru 2010.
Anheuser-Busch Inc. vs Budějovický Budvar, národní podnik.
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 8(4) - Applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark verbali u figurattiva BUD - Oppożizzjoni - Indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika ‘bud’ - Protezzjoni skont il-Ftehim ta’ Lisbona u t-trattati bilaterali li jorbtu żewġ Stati Membri - Użu fil-kummerċ - Sinjal li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali.
Kawża C-96/09 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:518

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PEDRO CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2010 1(1)

Kawża C‑96/09 P

Anheuser-Busch, Inc.

vs

Budějovický Budvar

“Appell – Trade mark Komunitarja – Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 – Oppożizzjoni tal-proprjetarju tad-denominazzjoni ta’ oriġini Bud – Użu fil-kummerċ – Sinjal li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali”





Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Il-Ftehim ta’ Lisbona

B –   Il-konvenzjoni bilaterali

C –   Id-dritt tal-Unjoni

III – Il-fatti tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

A –   Il-fatti u l-proċedimenti quddiem l-UASI

B –   Sunt tas-sentenza appellata

IV – Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-konklużjoni tal-partijiet

V –   Xi kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94

A –   L-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti rreġistrata: l-Artikolu 8(1) u (2)

B –   L-oppożizzjoni bbażata fuq sinjali oħrajn: l-Artikolu 8(4)

1.     Fl-ambitu tal-Artikolu 8(4), jidħlu sinjali eteroġenji ħafna

2.     Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) huma maħsuba biex jiżguraw li s-sinjali invokati bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni huma rilevanti

C –   Dwar il-possibbiltà li jiġu applikati b’analoġija l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) għall-paragrafu 4 tal-istess artikolu

VI – Analiżi tal-appell

A –   Dwar l-ewwel aggravju, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

1.     L-ewwel parti tal-ewwel aggravju: dwar il-kompetenza tal-UASI sabiex tevalwa l-validità tad-dritt invokat skont l-Artikolu 8(4) tar-regolament.

a)     Definizzjoni tal-pożizzjonijiet

b)     Kunsiderazzjonijiet

2.     It-tieni parti tal-ewwel aggravju: dwar il-kundizzjoni rigward “li huwa wżat fil-kummerċ”

a)     Kwantità u kwalità tal-użu

i)     Definizzjoni tal-pożizzjonijiet

ii)   Kunsiderazzjonijiet

b)     It-territorju rilevanti sabiex jiġi ppruvat li huwa “wżat fil-kummerċ”

i)     Definizzjonijiet tal-pożizzjonijiet

ii)   Kunsiderazzjonijiet

c)     Il-perijodu rilevanti sabiex jiġi evalwat li ġie “wżat fil-kummerċ”

i)     Definizzjoni tal-pożizzjonijiet

ii)   Kunsiderazzjonijiet

d)     Korollarju

3.     It-tielet parti tal-ewwel aggravju: rigward il-kundizzjoni li “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”.

a)     Definizzjonijiet tal-pożizzjonijiet

b)     Kunsiderazzjonijiet

4.     Konklużjoni

B –   Dwar it-tieni aggravju, rigward il-ksur tal-Artikoli 8(4), u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94

1.     Definizzjoni tat-tliet argumenti opposti

2.     Kunsiderazzjonijiet

C –   L-appell milqugħ u l-kawża rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali

VII – L-ispejjeż

VIII – Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        L-appell preżenti jifforma kapitlu ieħor fl-istorja proċesswali twila li tara kontra xulxin lill-produttriċi tal-birra mill-Istati Uniti Anheuser-Busch u dik Ċeka Budějovický Budvar, národní podnik (minn issa ’il quddiem “Budvar”), f’liema kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppronunzjat ruħha diversi drabi (2). Minkejja li dawn is-sentenzi preċedenti jista’ jkollhom ċertu impatt fuq uħud mill-aspetti tal-kawża inkwistjoni, dak li qiegħed jiġi rrilevat f’dan il-każ partikolari huwa problema legali li sa issa għadha ma ġietx eżaminata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.        Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tas-16 ta’ Diċembru 2008, Budějovický Budvar vs Anheuser-Busch (BUD) (3), li issa qed tiġi appellata, laqgħet it-talbiet għal annullament li saru minn Budvar fir-rigward ta’ numru ta’ deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (iktar ’il quddiem “l-UASI”) li permezz tagħhom ġiet miċħuda l-oppożizzjoni li saret minn Budvar kontra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Bud ippreżentata minn Anheuser-Busch.

3.        Il-fatti partikolari tal-każ jikkonsistu fil-fatt li Budvar opponiet għal din ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Bud abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (4), billi invokat l-eżistenza ta’ dritt preċedenti għad-denominazzjoni Bud li jirriżulta minn denominazzjoni ta’ oriġini li hija protetta fl-Awstrija u fi Franza permezz ta’ diversi strumenti internazzjonali.

4.        Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab għall-ewwel darba tinterpreta l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 u trid tagħmel dan f’kuntest li ma jidhirx li huwa dak l-iktar tipiku għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija. Il-loġika inerenti tal-Artikolu 8(4) tadatta ruħha b’mod iktar faċli għad-drittijiet li joriġinaw mis-sempliċi użu ta’ sinjali partikolari (pereżempju t-trade marks mhux reġistrati, imma anki skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ċerti ismijiet ta’ impriżi, ismijiet ta’ stabbilimenti jew ta’ ħwienet u ċerti sinjali distintivi) kif ukoll dawk li huma protetti permezz ta’ reġistrazzjoni formali, bħal fil-każ inkwistjoni.

5.        Din l-aħħar ċirkustanza forsi setgħet kellha l-effett tagħha fuq is-sens ġenerali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, imma jien insostni li din ma għandhiex tinfluwixxi fuq l-eżitu tar-rikors tal-appell. Ċertament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) għandha tkun biżżejjed flessibbli sabiex tadatta ruħha għall-varjetà kbira ta’ sinjali li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni. Madankollu din l-interpretazzjoni għandha ttendi li tkun uniformi. Li ma kienx hekk, il-kundizzjonijiet imposti minn dik id-dispożizzjoni ma jkunux jistgħu jaqdu l-funzjoni essenzjali tagħhom li jiżguraw l-affidabbilità u s-sinjifikat reali ta’ dawn is-sinjali mogħtija lilhom mil-leġizlatur.

6.        Dawn il-kundizzjonijiet fil-fatt, huma mqiegħda fuq livell essenzjalment fattwali u l-osservanza tagħhom tiġi vverifikata fi ħdan dak il-kuntest. Dan għandu jgħodd, fil-fehma tiegħi anki fil-każijiet bħal dan il-każ partikolari, fejn l-eżistenza ta’ protezzjoni ġuridika fformalizzata u internazzjonali tista’ twassal għall-ħtieġa li jiġu fformulati r-rekwiżiti relattivi dwar l-“użu” u s-“sinifikanza” tas-sinjal.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Ftehim ta’ Lisbona

7.        L-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom (5) jipprovdi li l-pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim (6) jimpenjaw irwieħhom li fit-territorji tagħhom, skont il-kliem tal-Ftehim, jipproteġu d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti tal-pajjiżi l-oħra tal-“Unjoni Speċjali”, irrikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiż tal-oriġini u rreġistrati mal-uffiċċju internazzjonali msemmi fil-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (iktar ’il quddiem: il-“WIPO”).

8.        Skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim, ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini skont dan il-ftehim issir fuq talba tal-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi kontraenti, f’isem il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati, li għandhom id-dritt jużaw dawn id-denominazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’dan il-kuntest, l-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi kontraenti jistgħu jiddikjaraw li ma jistgħux jiżguraw il-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini, b’indikazzjoni tar-raġunijiet, fi żmien sena mid-data ta’ meta tiġi rċevuta n-notifika tar-reġistrazzjoni.

9.        Skont l-Artikoli 6 u 7 (1), id-denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona ma tistax titqies li saret ġenerika, sakemm tibqa’ protetta bħala denominazzjoni ta’ oriġini fil-pajjiż ta’ oriġini.

10.      Mill-banda l-oħra, skont ir-Regola 16 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona, meta l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali jkunu invalidati f’pajjiż kontraenti u meta l-invalidità ma tkun suġġetta għal ebda appell, din l-invalidità għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju Internazzjonali mill-amministrazzjoni kompetenti ta’ dan il-pajjiż kontraenti.

11.      Id-denominazzjoni ta’ oriġini “Bud” ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Marzu 1975 bin-numru 598, skont il-Ftehim ta’ Lisbona.

B –    Il-konvenzjoni bilaterali

12.      Fil-11 ta’ Ġunju 1976, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja kkonkludew ftehim dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u dwar denominazzjonijiet oħra li jirreferu għall-provenjenza tal-prodotti agrikoli u industrijali (iktar ’il quddiem, il-“konvenzjoni bilaterali”) (7).

13.      Skont l-Artikolu 2 tal-ftehim, il-kliem indikazzjonijiet ta’ provenjenza, denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħrajn li jindikaw il-provenjenza jintużaw, għall-finijiet tal-ftehim, għall-indikazzjonijiet kollha marbuta direttament jew indirettament mal-provenjenza ta’ prodott.

14.      Skont l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim, “id-denominazzjonijiet Ċekoslovakki elenkati fil-Ftehim ipprovdut fl-Artikolu 6 fir-Repubblika tal-Awstrija għandhom ikunu rriżervati esklużivament għall-prodotti Ċekoslovakki”. Il-punt 2 tal-Artikolu 5(1)B jirreferi għall-birer bħala waħda mill-kategoriji tal-prodotti Ċeki koperti mill-protezzjoni mogħtija mill-konvenzjoni bilaterali, u l-Anness B għall-ftehim, li jirreferi għalih fl-Artikolu 6, jinkludi “Bud” bħala waħda mid-denominazzjonijiet Ċekoslovakki marbuta mal-prodotti agrikoli u industrijali (taħt l-intestatura “birra”).

C –    Id-dritt tal-Unjoni

15.      B’seħħ mit-13 ta’ April 2009 it-trade mark Komunitarja hija rregolata bir-Regolament il-ġdid (KE) Nru 207/2009 (8). Madankollu għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar l-appell preżenti, jibqgħu jkunu applikabbli ratione temporis id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 40/94.

16.      L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, li l-interpretazzjoni tiegħu tikkostitwixxi s-suġġett tal-appell inkwistjoni, jistipula kif ġej:

“Malli ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa wżat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata skont il-liġi, meta u sa fejn, skont il-liġi tal-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal;

(a)      id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

(b)      dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiva.”

17.      L-Artikolu 43(2) u (3) tal-istess regolament jistipula kif ġej:

“2.       Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja li jkun għamel notifika [ta’ oppożizzjoni] għandu jġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha rreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat b’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun irreġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżami tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3.       Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dan billi l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.”

18.      Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 “fi proċedimenti quddiemu, l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq inizjattiva tiegħu stess; madankollu fi proċedimenti li jirrigwardjaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal [eżami] ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”.

III – Il-fatti tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

A –    Il-fatti u l-proċedimenti quddiem l-UASI

19.      Anheuser-Busch, Inc. ippreżentat fl-1 ta’ April 1996, fit-28 ta’ Lulju 1999, fil-11 ta’ April u fl-4 ta’ Lulju 2000, erba’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tat-trade mark (figurattiva u verbali) Bud.

20.      Fil-5 ta’ Marzu 1999, fl-1 ta’ Awwissu 2000, fit-22 ta’ Mejju u fil-5 ta’ Ġunju 2001, Budvar ressqet oppożizzjonijiet għal dawn ir-reġistrazzjonijiet skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 billi invokat, fl-ewwel lok, abbażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 it-trade mark figurattiva internazzjonali Nru 361.566 li hija effettiva fl-Awstrija, fil-Benelux u fl-Italja; u, fit-tieni lok, abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-denominazzjoni ta‘ oriġini “Bud” irreġistrata fl-10 ta’ Marzu 1975 mal-WIPO fis-sens tal-Ftehim ta’ Lisbona, li kienet effettiva fi Franza, fl-Italja, u fil-Portugall, kif ukoll id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta bl-istess isem fl-Awstrija skont il-konvenzjoni bilaterali.

21.      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2004 (Nru 2326/2004), id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. Għall-kuntrarju, bid-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Diċembru 2004 (Nri 4474/2004 u 4475/2004) u tas-26 ta’ Jannar 2005 (Nru 117/2005), id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni ta’ Budvar kontra r-reġistrazzjoni tat-tliet trade marks l-oħra. Budvar appellat minn dawn l-aħħar tliet deċiżjonijiet ta’ rifjut tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u min-naħa tagħha Anheuser-Busch appellat mid-deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2004 li laqgħet parzjalement l-oppożizzjoni.

22.      Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet mogħtija fl-14 ta’ Ġunju (Każ R 234/2005-2), fit-28 ta’ Ġunju (Każ R 241/2005-2) u fl-1 ta’ Settembru 2006 (Każ R 305/2005-2), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appelli ta’ Budvar. Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit-28 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 802/2004-2), il-Bord tal-Appell laqa’ l-appell ta’ Anheuser-Busch u ċaħad l-oppożizzjoni ta’ Budvar fl-intier tagħha.

23.      F’dawn l-erba’ deċiżjonijiet il-Bord tal-Appell tal-UASI rrileva, fl-ewwel lok, li ma jidhirx li Budvar qed tirreferi iktar għat-trade mark figurattiva internazzjonali Nru 361556 bħala l-bażi tal-oppożizzjoni tagħha, imma biss għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Bud”.

24.      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li kien diffiċli li jitqies li s-sinjal BUD jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa denominazzjoni ta’ oriġini, jew bħala indikazzjoni indiretta ta’ provenjenza ġeografika. Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li oppożizzjoni ma setgħetx tirnexxi, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fuq il-bażi ta’ dritt ippreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini li, madankollu, fil-fatt, ma jkunx tali.

25.      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell, bl-applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 (9), qies li l-provi mressqa minn Budvar fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall kienu insuffiċjenti.

26.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-oppożizzjoni kellha wkoll tiġi miċħuda peress li Budvar ma wrietx li d-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni kienet tagħtiha d-dritt li tipprekludi l-użu tal-kelma “Bud”, bħala trade mark, fl-Awstrija jew fi Franza.

B –    Sunt tas-sentenza appellata

27.      Fis-26 ta’ Awwissu (10), fil-15 ta’ Settembru (11) u fl-14 ta’ Novembru 2006 (12), Budvar ressqet rikors quddiem il-Qorti Ġenerali mid-deċiżjonijiet imsemmija tal-Bord tal-Appell. Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ressqet motiv wieħed għar-rigward tal-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Dan il-motiv wieħed u ta’ Budvar kien ifformulat f’żewġ partijiet: l-ewwel waħda kienet ibbażata fuq il-validità tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Bud” (il-Bord tal-Appell kien irrifjuta li jirrikonoxxi li t-trade mark “Bud” kienet tikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini); filwaqt li t-tieni parti kienet tirrigwarda l-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li ġiet eskluża mill-Bord tal-Appell u sostnuta minn Budvar).

28.      Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, li ġiet appellata permezz tal-appell preżenti, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors dwar l-invalidità ppreżentat minn Budvar u laqgħet l-ewwel u t-tieni parti tal-uniku motiv hawn fuq imsemmi.

29.      Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-motiv billi ddistingwiet għall-finijiet tal-analiżi tagħha bejn id-denominazzjoni tal-oriġini “bud” irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona u d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” protetta bis-saħħa tal-konvenzjoni bilaterali.

30.      Fir-rigward tal-ewwel denominazzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret li skont il-ġurisprudenza tagħha, “il-validità ta’ trade mark nazzjonali ma setgħetx tiġi kkontestata fl-ambitu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja” (punt 88), bir-riżultat li “Regolament Nru 40/94 jippresupponi li l-UASI jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tad-drittijiet preċedenti protetti fil-livell nazzjonali” (punt 89). Peress li, fi Franza, l-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” ma kinux ġew definittavament invalidati, il-Qorti tal-Appell ikkunsidrat li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-liġi nazzjonali rilevanti u r-reġistrazzjoni magħmula skont il-Ftehim ta’ Lisbona, mingħajr ma seta’ jqajjem dubju li d-dritt invokat jikkostitwixxi “denominazzjoni ta’ oriġini” (punt 90).

31.      Għal dak li jirrigwardja t-tieni denominazzjoni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, skont l-Artikolu 2 tal-konvenzjoni bilaterali, “huwa biżżejjed li l-indikazzjonijiet jew id-denominazzjonijiet ikkonċernati jkunu marbuta direttament jew indirettament mal-provenjenza ta’ prodott sabiex ikunu jistgħu jiġu elenkati fil-konvenzjoni bilaterali u sabiex jibbenefikaw, fuq din il-bażi, mill-protezzjoni mogħtija mill-konvenzjoni bilaterali” (punt 94). Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra b’mod żbaljat li d-denominazzjoni “Bud” kienet speċifikament protetta bħala “denominazzjoni ta’ oriġini” skont il-konvenzjoni bilaterali (punt 95). Mill-banda l-oħra l-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-konvenzjoni bilaterali għandha l-effetti tagħha fl-Awstrija għall-finijiet tal-protezzjoni tad-denominazzjoni “Bud”, ladarba xejn ma jindika li l-Awstrija jew ir-Repubblika Ċeka ħarġu mill-imsemmi ftehim, u l-kawżi pendenti fl-Awstrija ma wasslux għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva (punt 98).

32.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidra, l-ewwel, li d-drittijiet preċedenti invokati ma kinux jikkostitwixxu “denominazzjoni ta’ oriġini”, it-tieni, meta kkunsidrat li l-kwistjoni ta’ jekk is-sinjal BUD ġiex meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’mod partikolari fi Franza u fl-Awstrija, kellha “importanza sekondarja” u, fl-aħħar lok, meta kkonkluda li oppożizzjoni ma setgħetx tirnexxi fuq din il-bażi (punti 92 u 97 tas-sentenza appellata).

33.      Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-uniku motiv dwar l-invalidità, għar-rigward tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. F’din it-tieni parti, Budvar kienet ifformulat żewġ oġġezzjonijiet.

34.      L-ewwel oġġezzjoni kienet tirrigwardja l-kundizzjonijiet relattivi għall-użu fil-kummerċ tat-trade mark u “s-sinjifikat mhux biss lokali” tagħha.

35.      Fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjoni rigward l-użu ta’ trade marks ikkontestati fil-kummerċ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien ikkommetta żball ta’ liġi meta ddeċieda li japplika b’analoġija d-dispożizzjonijiet Komunitarji rigward l-użu “ġenwin” tat-trade mark preċedenti (Artikolu 43(2)(3), tar-Regolament Nru 40/94). L-ewwel nett, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistipulax l-użu “ġenwin” tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni (punt 164 tas-sentenza appellata). It-tieni nett, għar-rigward tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104/KEE (13), il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ddikjaraw b’mod kostanti li “l-użu ta’ sinjal ikun ‘fil-kummerċ’ meta jsir fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex ikollha gwadann ekonomiku u mhux fil-qasam privat” (punt 165). It-tielet nett, għar-rigward tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, “ċerti sinjali jistgħu ma jitilfux id-drittijiet marbuta magħhom, u dan minkejja l-fatt li ma jkunux ġew suġġetti għal użu ‘ġenwin’”(punt 166). U r-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, bl-applikazzjoni b’analoġija għall-każ inkwistjoni tal-Artikolu 43(2) u (3), tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, il-Bord tal-Appell analizza b’mod partikolari l-użu tat-trade mark inkwistjoni fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall separatament, u ċjoè f’kull wieħed mit-territorji li għalih tapplika, skont Budvar, il-protezzjoni tad-denominazzjoni “bud”, u dan minkejja li t-trade marks li qed isir riferiment għalihom fl-Artikolu 8(4) tar-regolament “jistgħu jikkostitwixxu oġġett ta’ protezzjoni f’territorju speċifiku, anki jekk ma ġewx użati f’dak it-territorju speċifiku, imma biss f’territorju differenti” (punt 167).

36.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “indikazzjoni intiża sabiex tindika l-provenjenza ġeografika ta’ prodott tista’ tintuża, bħal fil-każ ta’ trade mark, fil-kummerċ”, u dan ma jfissirx madankollu, li d-denominazzjoni kkonċernata tintuża “bħala trade mark” u għalhekk tilfet il-funzjoni prinċipali tagħha (punt 175 tas-sentenza appellata).

37.      Għar-rigward tal-kundizzjoni rigward is-sinjifikat, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż għas-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni u mhux is-sinjifikat tal-użu tiegħu. Is-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni jkopri l-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tiegħu, u dan ma għandux ikun biss lokali. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet għaldaqstant li l-Bord tal-Appell wettaq ukoll żball ta’ liġi meta, fir-rigward ta’ Franza, ħoloq rabta bejn il-prova tal-użu tas-sinjal ikkonċernat u l-kundizzjoni marbuta mal-fatt li d-dritt inkwistjoni għandu jkollu sinjifikat li mhuwiex biss lokali (punti 180 u 181).

38.      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ewwel oġġezzjoni tat-tieni parti tal-uniku motiv kellha tintlaqa’ peress li hija fondata.

39.      It-tieni oġġezzjoni tat-tieni parti tal-uniku motiv kienet tikkonċerna d-dritt li joriġina mis-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni. Dwar dan il-punt, il-Bord tal-Appell għamel referiment għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Awstrija u fi Franza sabiex jikkonkludi li Budvar ma tatx prova li s-sinjal inkwistjoni kien taha xi dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Madankollu l-Qorti Ġenerali fakkret li l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet invokati ma kienet saret res judicata, u għalhekk il-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu biss fuq dawn id-deċiżjonijiet sabiex jasal għall-konklużjoni tiegħu u kellu jikkunsidra wkoll id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali invokati minn Budvar, inklużi l-Ftehim ta’ Lisbona u l-konvenzjoni bilaterali (punt 192). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-UASI għandu jinforma ruħu ex officio, bil-mezzi li jidhirlu li jkunu utli għal dan il-għan, dwar il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (punt 193). Għaldaqstant hija kkonkudiet għal dawn ir-raġunijiet kollha li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma kkunsidrax l-elementi fattwali u legali rilevanti kollha sabiex jiddetermina jekk, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat tagħtix id-dritt lil Budvar li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti (punt 199).

IV – Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-konklużjoni tal-partijiet

40.      Ir-rikors ta’ Anheuser-Busch wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu 2009 u r-risposti ta’ Budvar u tal-UASI waslu, rispettivament, fit-22 u fil-25 ta’ Mejju sussegwenti. La ġiet ippreżentata replika u lanqas kontroreplika.

41.      Anheuser-Busch qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata (bl-eċċezzjoni tal-ewwel punt tad-dispożittiv rigward li jingħaqdu l-kawżi) u biex tiġi deċiża b’mod definittiv il-kawża billi jiġi miċħud ir-rikors li sar fl-ewwel istanza jew, subordinatament, li tiġi rrinvijata l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u fiż-żewġ każijiet Budvar tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

42.      L-UASI għamlet talbiet simili, filwaqt li Budvar qed titlob il-konferma tas-sentenza appellata u l-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

43.      Waqt is-seduta li saret fit-2 ta’ Ġunju 2010, ir-rappreżentanti ta’ Anheuser-Busch, ta’ Budvar u tal-UASI għamlu t-trattazzjoni orali tagħhom u wieġbu għad-domandi li sarulhom mill-membri tal-Awla Manja u mill-Avukat Ġenerali.

V –    Xi kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94

44.      Qabel ma wieħed jipproċedi għall-analiżi tal-appell preżenti, jeħtieġ li ssir riflessjoni ġenerali dwar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ladarba d-diskussjoni kienet iċċentrata fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li saret għall-ewwel darba fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Biex dan jinftiehem eżattament, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati paragrafi oħrajn tal-imsemmi Artikolu 8.

A –    L-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti rreġistrata: l-Artikolu 8(1) u (2)

45.      L-Artikolu 8(1)(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirregola l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja bbażata fuq trade mark preċedenti. B’mod partikolari s-subparagrafu (2) jippermetti oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti rreġistrata (Komunitarju, nazzjonali jew internazzjonali) u jistipula l-istess trattament għal trade marks nazzjonali li, għalhemm ma jkunux ġew irreġistrati (14), huma magħrufa sew fi Stat Membru konsegwenza ta’ użu partikolarment intens (15).

46.      Ir-Regolament 40/94 jistipula numru ta’ kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom l-oppożizzjoni bbażata fuq waħda minn dawn it-trade marks preċedenti.

47.      Fl-ewwel lok, konformi mal-Artikolu 43(2)(3) tar-regolament, it-trade mark preċedenti invokata teħtieġ li jkun sar minnha “użu ġenwin” fl-Unjoni Ewropea jew fl-Istat Membru inkwistjoni, għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrat, waqt il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

48.      Fit-tieni lok, skont kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament, il-proprjetarju ta’ xi waħda minn dawn it-trade marks preċedenti jeħtieġ minbarra dan juri li t-trade mark li jkun qiegħed jopponi għar-reġistrazzjoni tagħha hija identika jew simili għal tiegħu u li jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta minħabba l-identità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi li għalihom intalbu ż-żewġ trade marks (16).

49.      It-tielet kundizzjoni, għalhekk, hija l-hekk imsejjaħ prinċipju tal-ispeċjalità: huwa biss possibbli li wieħed jopponi jekk ir-reġistrazzjoni tintalab għall-oġġetti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk li fir-rigward tagħhom hija protetta t-trade mark preċedenti. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tal-ispeċjalità hija suġġetta għal deroga fejn ikun hemm involuti trade marks li għandhom reputazzjoni fil-Komunità jew fi Stat Membru. F’dan il-każ, l-oġġezzjoni tintlaqa’ anki jekk il-prodotti jew is-servizzi ma jkunux jixxiebhu, sakemm l-użu tat-trade mark mingħajr dritt ikun jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawża ħsara lilha stess [l-Artikolu 8(5)].

B –    L-oppożizzjoni bbażata fuq sinjali oħrajn: l-Artikolu 8(4)

50.      Indipendentement minn dak li ntqal iktar qabel, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 40/94 jipprovdi wkoll għall-possibbiltà li tiġi invokata, b’oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarju, sinjali oħrajn li ma humiex trade marks irreġistrati u lanqas trade marks magħrufa sew.

51.      B’mod iktar konkret, l-Artikolu 8(4), jistipula li jista’ jippreżenta oppożizzjoni “proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa wżat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”. Din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-kategorija relattivament indefinita ta’ sinjali (1), waqt li tistipula diversi kundizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw ir-rilevanza tagħhom (2).

1.      Fl-ambitu tal-Artikolu 8(4), jidħlu sinjali eteroġenji ħafna

52.      Fin-nuqqas ta’ preċiżjoni rigward in-natura tas-sinjali li jistgħu jiġu invokati taħt din id-dispożizzjoni, is-subartikolu (4) fil-fatt jopera bħal tip ta’ klawżola residwali, jew bħala grupp eteroġenju ta’ sinjali li jinkludu mhux biss it-trade marks irreġistrati li jissodisfaw l-obbligu li huma magħrufa sew (17), iżda kwalunkwe sinjal ieħor użat fil-kummerċ u li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali.

53.      Din in-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjoni tal-ambitu tal-applikazzjoni ratione materiae hija dovuta prinċipalment għall-fatt li t-trade marks mhux irreġistrati u s-sinjali l-oħra msemmija fis-subartikolu (4) jiġu maħluqin, rikonoxxuti u protetti mil-liġijiet nazzjonali u għalhekk jistgħu jkunu eteroġenji ħafna. Din l-eteroġenjità hija kkonfermata mill-“Opposition Guidelines” ippubblikati mill-UASI (18), li jinkludu lista mhux eżawrjenti tas-sinjali li jikkostitwixxu, fl-Istati Membri differenti “drittijiet preċedenti” fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Minbarra t-trade marks mhux reġistrati, l-imsemmija linji gwida jsemmu fost dawn is-sinjali, l-ismijiet kummerċjali u tal-impriżi, l-insinji, it-titoli tal-pubblikazzjonijiet u l-indikazzjonijiet ġeografiċi. B’mod ġenerali, għalhekk, id-dispożizzjoni tinkludi kemm is-sinjali differenti li jaqdu funzjoni distintiva jew ta’ identifikazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali li jirreferu għalihom, kif ukoll sinjali oħrajn li jindikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizzi li għalihom jiġu użati.

54.      Il-parti l-kbira ta’ dawn is-sinjali (kemm jekk huma trade marks kemm jekk ma humiex) ma jaqgħux taħt l-iskema klassika tar-reġistrazzjoni, peress li d-dritt għall-użu esklużiv tagħhom jiġi akkwistat u jikkonsolida ruħu bl-użu, mingħajr in-neċessità ta’ reġistrazzjoni formali (19). Madankollu, jaqgħu taħt l-Artikolu 8(4), anki s-sinjali li kienu l-oġġett ta’ reġistrazzjoni preċedenti, inkluż, anki jekk ma huwiex il-każ l-iktar tipiku ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola, l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fi Stat Membru li jkunu reġistrati fis-sens tal-Ftehim ta’ Lisbona jew ta’ xi strument internazzjonali ieħor.

55.      F’dan ir-rigward forsi jkun xieraq li tinfetaħ parenteżi sabiex jiġi stabbilit liema indikazzjonijiet ġeografiċi, fil-konkret, jistgħu jiġu invokati jew le bis-saħħa tal-Artikolu 8(4).

56.      Fl-ewwel lok, huma esklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fil-livell Komunitarju, peress li, filwaqt li r-Regolament Nru 40/94 ma jipprovdi ebda ħjiel f’dan ir-rigward, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (20) jistipula li “[f]ejn denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija reġistrata skont dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 u li hija relatata ma’ l-istess klassi ta’ prodott għandha tiġi rifjutata jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tiġi ppreżentata wara d-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni reġistrata lill-Kummissjoni”. Konformi ma’ dak li ntqal iktar qabel, fl-Artikolu 7(1)(k) tar-regolament il-ġdid dwar it-trade mark Komunitarja (21) hemm inklużi d-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi mar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

57.      Konsegwentement, huwa possibbli li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 8(4), fil-każ biss li l-indikazzjonijiet ġeografiċi li ma humiex reġistrati fil-livell Komunitarju, imma li jiġu protetti fil-livell nazzjonali, u li fosthom jistgħu jiġu inklużi wkoll dawk reġistrati fis-sens tal-Ftehim ta’ Lisbona jew ta’ xi strument internazzjonali ieħor (22).

58.      Dan it-tip ta’ sinjal igawdi minn protezzjoni iktar formalizzata, bir-reġistrazzjoni minn qabel. Fil-fehma tiegħi, peress li din ir-reġistrazzjoni hija ta’ natura kostituttiva, il-permanenza tar-reġistrazzjoni tikkostitwixxi l-uniku element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-validità tal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li s-sempliċi reġistrazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi applikat l-Artikolu 8(4): il-kundizzjonijiet rigward l-użu, l-ambitu u l-karatteristiċi tad-dritt imposti minn din id-dispożizzjoni huma meħtieġa anki fil-każ ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi mhux Komunitarji, l-uniċi li jistgħu jiġu invokati kontra talba għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja permezz tal-Artikolu 8(4).

59.      Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li ġie ssuġġerit minn Budvar waqt is-seduta (23), insostni li n-natura partikolari ta’ dan it-tip ta’ sinjali u l-protezzjoni li dawn jistgħu jgawdu bis-saħħa tar-reġistrazzjoni tagħhom fuq il-livell internazzjonali, ma teżenthomx milli josservaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. Hija biss l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet li tippermetti li jiġi żgurat li, minkejja li dawn is-sinjali huma indikazzjonijiet ġeografiċi sempliċi (esklużi, għal din ir-raġuni, mill-possibbiltà ta’ protezzjoni Komunitarja), in-natura u r-rilevanza tagħhom huma tali li jistgħu jiġu protetti minn din il-protezzjoni speċjali. Altrimenti, dawn jibqgħu ekwiparati mad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u mal-indikazzjonijiet ġeografiċi Komunitarji.

2.      Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) huma maħsuba biex jiżguraw li s-sinjali invokati bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni huma rilevanti

60.      Il-kuntest wiesa’ inizjali tal-Artikolu 8(4), li huwa ġeneruż għar-rigward tat-tip ta’ sinjali li jagħtu dritt li tiġi fformulata oppożizzjoni b’dan il-mod, jiġi rridimensjonat immedjatament billi jintroduċi diversi kundizzjonijiet li għandhom jeżistu kumulattivament sabiex tiġi ġġustifikata ċ-ċaħda ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

61.      L-għan prinċipali tal-imsemmija kundizzjonijiet huwa preċiżament li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ oppożizzjoni, b’tali mod li jistgħu jinvokawha biss il-proprjetarji ta’ sinjali partikolarment rilevanti u importanti. Fil-fatt l-imsemmi Artikolu 4 jistipula:

–        Minn banda, żewġ kundizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw li s-sinjal igawdi protezzjoni speċjali fil-livell nazzjonali (b’mod partikolari, li dan jagħti “lill-proprjetarju id-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv”) u li l-proprjetarju jkun kiseb id-dritt li jużaha qabel id-data tal-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, stipulati fl-Artikolu 8(4)(a) u (b), għandhom jiġu eżaminati, kif inhu loġiku, fid-dawl tal-“liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal”.

–        Mill-banda l-oħra, żewġ kundizzjonijiet (“li huwa wżat fil-kummerċ” u “li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”) maħsuba biex jiżguraw li, lil hinn mill-protezzjoni nazzjonali tagħhom, dawn ikunu sinjali li għandhom ċerta preżenza u importanza kummerċjali.

62.      Il-leġiżlatur Komunitarju telaq għalhekk mill-bżonn li jiġu protetti s-sinjali rikonoxxuti fil-livell nazzjonali, imma stabbilixxa żewġ livelli ta’ protezzjoni: wieħed għal sinjali li għandhom importanza partikolari, peress li “huma wżati fil-kummerċ”, li jistgħu jostakolaw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, u ieħor għad-drittijiet ta’ sinjifikat lokali li ma jistgħux jimpedixxu r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, imma jistgħu jimpedixxu l-użu fit-territorju fejn id-dritt inkwistjoni huwa protett, fis-sens tal-Artikolu 107 tal-istess regolament.

63.      Fost dawn is-sinjali nazzjonali jispikkaw u jgawdu minn protezzjoni speċjali, permezz tal-kriterju doppju ta’ “wżat” u tas-“sinifikanza”, dawk li jkollhom karatteristiċi tali li jiġġustifikaw l-imblukkar tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark fil-livell Komunitarju. Kif tosserva ġustament ir-rikorrenti, kieku kwalunkwe sinjal nazzjonali jista’ jostakola r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, prattikament ikun impossibbli li tinkiseb trade mark unifikata għall-Unjoni Ewropea kollha. Ġaladarba tiġi rreġistrata, it-trade mark Komunitarja hija valida u tiġi protetta fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 40/94). Konsegwentement, sabiex sinjal nazzjonali, jew li hu protett f’diversi Stati Membri, ikun jista’ jostakola l-imsemmi proċess ta’ reġistrazzjoni, dan għandu jkollu forza partikolari, u ċjoè karatteristiċi li jippermettulu li jimblokka, b’mod effettiv fl-Unjoni Ewropea kollha, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark.

64.      Fil-fehma tiegħi, dawn il-karatteristiċi ma humiex il-konsegwenza diretta tar-reġistrazzjoni eventwali. Mill-kliem użati mil-leġiżlatur jidher li hemm ħtieġa li ssir analiżi iktar fattwali, marbuta mal-importanza fil-kummerċ. Dawn huma, definittivament, kundizzjonijiet li l-leġiżlatur jimponi b’mod konxju fuq il-livell fattwali, iktar viċin tal-fatti mill-kwistjoni astratta tal-protezzjoni legali.

65.      Fil-parti l-kbira tas-sinjali li jaqgħu taħt dan l-artikolu, iż-żewġ elementi jikkoeżistu parallelament. Meta dan ma jkunx il-każ, bħal fl-każ inkwistjoni, l-Artikolu 8(4) jimponi verifika ulterjuri tal-elementi ta’ fatt rigward il-lok, il-mument u l-kundizzjonijiet li fihom ikun ġie użat is-sinjal inkwistjoni. Għalkemm il-protezzjoni legali fil-livell nazzjonali hija indipendenti minn dawn iċ-ċirkustanzi, u teżisti mingħajr il-bżonn li jkun hemm użu, tista’ ssir oppożizzjoni għas-sinjal fil-każ biss li jiġu sodisfatti l-imsemmija kundizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw li dan għandu minimu ta’ rilevanza.

66.      Fl-aħħar nett, inħoss li huwa meħtieġ li jiġi ppreċiżat, li anki f’dan l-istadju ta’ din l-espożizzjoni preliminari, li l-imsemmija kundizzjonijiet u karatteristiċi taħt l-Artikolu 8(4) jikkostitwixxu qafas maħluq ad hoc mil-leġiżlatur u ma humiex komparabbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti għal raġunijiet oħra ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

C –    Dwar il-possibbiltà li jiġu applikati b’analoġija l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) għall-paragrafu 4 tal-istess artikolu

67.      Is-sentenza appellata u l-istess rikors tal-appell jużaw f’diversi waqtiet l-argument tan-neċessità jew in-nuqqas tagħha, skont il-każ, li jiġu applikati fil-kuntest tal-Artikolu 8(4), il-kundizzjonijiet imposti, għall-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti, mill-Artikolu 8(1), u minn dispożizzjonijiet oħra konnessi, bħall-Artikolu 43. Din l-applikazzjoni parzjali bbażata fuq analoġija tat lok, bħalma se naraw iktar ’il quddiem, għal soluzzjonijiet li ma humiex koerenti. L-argument prinċipali użat insostenn tal-applikazzjoni b’analoġija tal-imsemmija Artikoli 8(1), u 43(2) u (3) huwa li t-trade marks jistħoqqilhom trattament iktar favorevoli minn sinjali oħra, peress li kemm it-trade marks nazzjonali (armonizzati) kif ukoll it-trade mark Komunitarja huma rregolati minn regoli omoġenji u aċċettabbli fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u joffru għalhekk garanziji ikbar milli dawk offerti għal trade mark mhux irreġistrata jew għal kwalunkwe sinjali oħrajn intiżi mill-Artikolu 8(4).

68.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti, kollha kemm huma, ma humiex fondati suffiċjentement. Ir-Regolament Nru 40/94 ikklassifika r-raġunijiet għal oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fi gruppi differenti, u rabat magħhom kundizzjonijiet differenti, u tikkostitwixxi semplifikazzjoni eċċessiva li dawn jitqiegħdu fi gradi differenti mill-ogħla livell sal-inqas livell tal-kundizzjoni skont l-ogħla livell jew l-inqas livell tal-fiduċja li l-leġiżlatur jista’ jkollu fis-sinjal inkwistjoni. Jekk jiġu eżaminati b’mod aħjar il-kundizzjonijiet iċċitati, dan l-argument ma jreġix.

69.      Huwa veru li l-eżistenza ta’ reġistrazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja huma elementi li l-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni, iżda dan sar flimkien man-natura tas-sinjal inkwistjoni: huwa b’hekk biss li jista’ jiġi spjegat għalfejn għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini Komunitarji ma jiġux imposti kundizzjonijiet dwar l-użu (24), filwaqt li għat-trade marks irreġistrati huwa meħtieġ l-użu effettiv għal ħames snin. Fir-rigward ta’ sinjali intiżi mill-Artikolu 8(4) il-leġiżlatur ried joħloq serje ta’ kundizzjonijiet differenti, suffiċjentement rigoruża li ma tiġix estiża l-applikazzjoni tar-regola lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, imma li tkun anki suffiċjentement flessibbli sabiex tadatta ruħha għall-karatteristiċi differenti tas-sinjali li għalihom tista’ tkun applikabbli.

70.      Din id-diversità, fil-fehma tiegħi, hija l-uniku element li jippermetti li wieħed jispjega għaliex l-Artikolu 8(4) ma jimponix il-prinċipju tal-ispeċjalità fir-rigward tal-oppożizzjonijiet ifformulati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Għal kuntrarju tal-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark irreġistrata preċedentement, li hija possibbli biss jekk din tal-aħħar tikkonċerna prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk tat-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha qed tiġi opposta, meta tiġi invokata trade mark mhux irreġistrata jew xi sinjal differenti ieħor, l-obbligu tal-identità jew tax-xebh tal-oġġett ma jirriżultax li huwa neċessarju (sakemm ma jkunx ġie stipulat mid-dritt nazzjonali “d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv”). Dan jista’ jidher iktar sorprendenti minħabba l-fatt li r-rispett għall-prinċipju tal-ispeċjalità huwa neċessarju sabiex denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika Komunitarja tkun tista’ tiġi invokata b’mod effikaċi bħala raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti (25).

71.      Fil-fehma tiegħi, minn dak kollu li ntqal hawn fuq, jirriżulta li l-“garanziji” ikbar offruti, għall-inqas fit-teorija, mit-trade marks Komunitarji jew dawk armonizzati ma jikkostitwixxux l-uniku element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jista’ jintuża sinjal partikulari b’oppożizzjoni għal trade mark sussegwenti. B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda u ma jistax isir tqabbil mas-soluzzjonijiet magħżula mil-leġiżlatur għal sitwazzjonijiet differenti.

VI – Analiżi tal-appell

72.      L-appellanti qed tinvoka żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikoli 8(4) u 74(1) tal-istess regolament.

A –    Dwar l-ewwel aggravju, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

73.      L-ewwel aggravju, rigward il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, huwa mqassam fi tliet partijiet.

1.      L-ewwel parti tal-ewwel aggravju: dwar il-kompetenza tal-UASI sabiex tevalwa l-validità tad-dritt invokat skont l-Artikolu 8(4) tar-regolament.

a)      Definizzjoni tal-pożizzjonijiet

74.      Anheuser-Busch tafferma illi l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 79 sa 100 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ma kienx kompetenti biex jivverifika jekk Budvar kinitx ippruvat il-validità tad-drittijiet preċedenti invokati skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

75.      Fl-appell tagħha, Anheuser-Busch ssostni li l-UASI għandha tivverifika jekk id-drittijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni jeżistux realment kif ġie affermat, jekk dawn humiex applikabbli u jekk jistgħux jiġu invokati kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Is-sempliċi riferiment għar-reġistrazzjoni tad-dritt fil-livell nazzjonali, fil-fehma tal-appellanti, ma jkunx biżżejjed biex tipprova l-eżistenza ta’ dan id-dritt: ir-reġistrazzjoni toħloq biss sempliċi preżunzjoni legali.

76.      Barra minn hekk Anheuser-Busch tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali, insostenn għall-argument tagħha, tfakkar il-ġurisprudenza tagħha rigward l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 (26), u tissuġġerixxi l-applikazzjoni b’analoġija. Skont din il-ġurisprudenza, il-validità ta’ trade mark nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata fl-ambitu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. L-appellanti ssostni li ma teżisti ebda bażi legali sabiex tiġi stabbilita din l-analoġija mal-Artikolu 8(1) peress li l-eżistenza ta’ armonizzazzjoni f’materja ta’ trade marks tiggarantixxi li l-istess kriterji u standards jiġu applikati għal trade marks reġistrati fit-territorju kollu tal-Unjoni, filwaqt li s-sinjali taħt l-Artikolu 8(4) ma humiex armonizzati.

b)      Kunsiderazzjonijiet

77.      Fil-fehma tiegħi, ma jistax jingħad li l-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94. Fir-realtà, is-sentenza appellata tillimita ruħha sabiex testendi għas-sinjali intiżi fl-Artikolu 8(4) ir-raġunament segwit mill-ġurisprudenza rigward trade marks nazzjonali reġistrati, peress li l-UASI ma huwiex kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar il-validità ta’ dawn is-sinjali, peress li dawn, bħat-trade marks hawn fuq imsemmija, huma rregolati mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, u huwa biss f’dak il-kuntest li tista’ tiddeċiedi dwar il-validità tagħhom.

78.      Il-fatt li t-trade marks nazzjonali huma armonizzati filwaqt li s-sinjali l-oħra ma humiex, fil-fehma tiegħi, ma jammontax għal fattur deċisiv f’dan ir-rigward.

79.      Meta fformula r-raġuni għall-oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(4), il-leġiżlatur Komunitarju wkoll irrikonoxxa fiduċja fil-liġijiet nazzjonali hemm imsemmija, u ħoloq biss l-obbligu li tiġi ppruvata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet maħsuba biex jillimitaw l-ambitu tar-regolament (ċjoè l-prijorità temporali tad-dritt, iċ-ċirkustanza li jkun hemm involut sinjal li jgawdi protezzjoni speċifika fil-livell purament lokali, l-użu tiegħu fil-kummerċ u l-portata tiegħu li ma tistax tkun lokali biss). L-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jivverifikaw biss jekk jeżistux dawn il-kundizzjonijiet, imma ma jistgħux jikkontestaw il-validità tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, lanqas it-tul tal-protezzjoni tiegħu fl-Istat Membru. Kieku ma kienx hekk, dan ikun ifisser li l-UASI jkollu d-dritt li jinterpreta u japplika regoli nazzjonali, u dan ikun għalkollox barra mill-qasam tal-kompetenzi tiegħu u jista’ joħloq indħil serju fl-eżistenza u l-protezzjoni tas-sinjal fil-livell nazzjonali.

80.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, huwa biss fil-każ fejn il-protezzjoni tas-sinjal tkun ġiet definittivament invalidata fl-Istat Membru inkwistjoni (permezz ta’ sentenza res judicata jew permezz tal-proċedura applikabbli) l-UASI seta’ u kellu jieħu inkunsiderazzjoni dan il-fattur u jiċħad l-oġġezzjoni bbażata fuq dan is-sinjal.

81.      Dak li ntqal iktar qabel jirriżulta b’mod partikolari fejn, bħal f’dan il-każ, il-protezzjoni tas-sinjal issegwi att formali, bħar-reġistrazzjoni. F’dan il-kuntest, huwa normali li l-validità ta’ din ir-reġistrazzjoni ma għandhiex tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, imma biss fl-ambitu ta’ proċedimenti ta’ invalidità fis-sens tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw dik ir-reġistrazzjoni.

82.      Fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Lisbona, hija biss awtorità amministrattiva tal-pajjiżi kontraenti li tista’ tinvalida l-effetti ta’ denominazzjoni ta’ oriġini li tkun diġà ġiet reġistrata, kemm billi tiddikjara, fit-terminu ta’ sena li jibda jiddekorri mid-data li tkun waslet in-notifika tar-reġistrazzjoni, li ma tistax tiżgura l-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini (l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Lisbona), kemm jekk tiddikjara invalida l-protezzjoni fil-pajjiż tal-oriġini (l-Artikoli 6 u 7 tal-Ftehim ta’ Lisbona). Minbarra dawn iż-żewġ eventwalitajiet, ma huwiex possibbli li tiġi kkontestata l-validità tar-reġistrazzjoni internazzjonali u l-effikaċja tal-protezzjoni li din tiżgura fid-diversi pajjiżi kontraenti.

83.      Għar-rigward tal-protezzjoni bbażata fuq il-konvenzjoni bilaterali, fil-fehma tiegħi, huma biss it-terminazzjoni tal-konvenzjoni, it-tibdil tagħha jew sentenza li tkun saret res judicata li tiddikjara estinta l-protezzjoni fil-pajjiż inkwistjoni li jippermettu l-esklużjoni tal-eżistenza ta’ sinjal utli għall-finijiet tal-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

84.      Fil-każ inkwistjoni l-Bord tal-Appell sostna li hija ta’ “importanza sekondarja” l-kwistjoni jekk is-sinjal Bud kienx ġie ttrattat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall, skont il-Ftehim ta’ Lisbona, u fl-Awstrija, skont il-konvenzjoni bilaterali konkluż bejn dak l-Istat Membru u r-Repubblika Ċeka, peress li “oġġezzjoni ma tistax tiġi milqugħha abbażi ta’ dritt ippreżentat bħala denominazzjoni tal-oriġini, imma li, fil-fatt, ma tkunx hekk”. Għal dan l-iskop, l-UASI bbaża fuq il-karatteristiċi mitluba mill-ġurisprudenza u mill-istess regolament Komunitarju (27) biex sinjal jikkwalifika bħala denominazzjoni ta’ oriġini u kkonkluda li dawn ma kinux jeżistu fis-sinjal invokat. Issa, fid-dawl tas-suespost, dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżultaw li bl-ebda mod ma huma deċiżivi. Peress li d-drittijiet invokati ma kinux ġew iddikjarati definittivament invalidi skont il-proċeduri attwali tar-regolament li jagħtihom protezzjoni, il-Bord tal-Appell ma setax jikkontesta l-validità tagħhom u lanqas ma seta’ jeżamina jekk dawn jikkostitwixxux “denominazzjoni ta’ oriġini”.

85.      Għalhekk, insostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

2.      It-tieni parti tal-ewwel aggravju: dwar il-kundizzjoni rigward “li huwa wżat fil-kummerċ”

86.      Ir-rikorrenti tafferma li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjoni “li huwa wżat fil-kummerċ” imposta bl-Artikolu 8(4), fi tliet aspetti: fl-ewwel lok, għar-rigward tal-kwantità u l-kwalità tal-użu, peress li ma qisitx dan bl-istess mod bħall-“użu ġenwin” mitlub għal trade marks irreġistrati; fit-tieni lok, fir-rigward tal-post tal-użu, billi affermat li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi ġejjin mill-Istati Membri barra minn dawk fejn hu protett id-dritt invokat, u fit-tielet lok, fir-rigward tal-perijodu rilevanti biex jiġi ppruvat l-użu, billi ma kkunsidratx id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala d-data rilevanti u ssostitwixxietha bid-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni.

87.      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kundizzjoni dwar “l-użu fil-kummerċ” fis-sens l-inqas rigoruż possibbli, u wettqet żball ta’ liġi.

a)      Kwantità u kwalità tal-użu

i)      Definizzjoni tal-pożizzjonijiet

88.      L-ewwel minn dawn it-tliet oġġezzjonijiet tikkonċerna l-punti 160 sa 178 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti l-Qorti Ġenerali sostniet li, fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti, il-kundizzjoni dwar “użu kummerċjali” li hemm fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma għandhiex tiġi interpretata bl-istess mod bħall-kundizzjoni dwar l-“użu ġenwin” li l-Artikolu 43(2) u (3) tal-istess regolament jimponi fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti, kif għamel il-Bord tal-Appell.

89.      Ir-rikorrenti tikkritika din l-għażla fl-interpretazzjoni billi ssostni illi jekk il-kundizzjoni dwar l-“użu ġenwin” ma tkunx applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 8(4), it-trade marks reġistrati kienu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet iktar rigorużi mis-sinjali intiżi mill-imsemmi paragrafu 4 għall-finijiet tal-użu tagħhom f’oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarju sussegwenti. Bl-istess mod bħal meta biex jiġi kkonstatat il-ksur ta’ trade mark (Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94) jiġi rikjest inqas milli jiġi rikjest għaż-żamma tiegħu (Artikoli 15 u 43(2) u (3) tar-regolament), b’hekk Anheuser-Busch issostni li għandu jkun hemm severità stretta, meta, bħal fil-każ tal-Artikolu 8(4), ikun qiegħed jiġi “kkostitwit dritt li jista’ jfixkel l-attivitajiet kummerċjali ta’ impriża oħra”.

90.      B’dan il-mod, fil-fehma ta’ Anheuser-Busch, l-applikazzjoni tal-imsemmija kundizzjoni dwar l-“użu ġenwin” twassal, minn banda, biex ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata, bħala prova dwar dan l-użu, l-għoti ta’ kampjuni b’xejn, li skont ir-rikorrenti, huma esklużi minn dan il-kunċett bis-sentenza Silberquelle (28). Barra minn hekk, sabiex l-użu ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika invokata skont l-Artikolu 8(4) ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala effettiv, dan irid ikun konformi mal-funzjoni essenzjali tas-sinjal inkwistjoni, li hija dik biss li tiġi ggarantita lill-konsumaturi l-oriġini ġeografika tal-prodotti u tal-kwalitajiet partikolari tagħhom.

ii)    Kunsiderazzjonijiet

91.      L-interpretazzjoni tal-espressjoni “wżat fil-kummerċ” ġiet interpretata minn Budvar bl-istess mod li ġiet interpretata fl-istess sentenza appellata. Sostanzjalment, dawn jużaw din l-espressjoni fis-sens ta’ alternattiva bejn l-assimilazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ġenwin” taħt l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, jew l-interpretazzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza għall-kliem analogi “wżati fil-kummerċ” skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll mal-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104.

92.      Effettivament, jeżistu differenzi sostanzjali bejn iż-żewġ livelli ta’ użu. Minn banda, il-ġurisprudenza tikkunsidra li trade mark hija oġġett ta’ “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94  “meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità ta’ l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li għandu l-uniku skop li jżomm id-drittijiet mogħtija mit-trade mark” (29). Fir-rigward tal-kunċett ta’ “użu fil-kummerċ”, sa issa l-ġurisprudenza kellha l-okkażjoni li tinterpreta din l-espressjoni fil-kuntest biss tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104, fejn ġie kkonstatat li dan l-użu jseħħ biss jekk is-sinjal inkwistjoni jiġi użat “fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex tikseb vantaġġ ekonomiku u mhux fil-kuntest privat”.

93.      Fil-fehma tiegħi, madankollu, dan l-approċċ duwalistiku ma jikkunsidrax ir-ratio legis tal-Artikolu 8(4). Din id-dispożizzjoni, minn banda, tistipula numru ta’ kundizzjonijiet speċjali li għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu minn dawk rikjesti għar-raġunijiet l-oħra għal oppożizzjoni, mill-banda l-oħra, għandha loġika tagħha li ma hijiex dik tal-Artikolu 43(2), imma fuq kollox li ma hijiex dik tal-Artikolu 9(1) tar-regolament.

94.      Ċertament, l-argument rigward iċ-ċertezza legali li ġie invokat minn Budvar (il-kundizzjoni trid tiġi interpretata bl-istess mod għad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament fejn tissemma) ma huwiex jiġi mwarrab, imma ma jistax isostni t-teżi tal-Qorti Ġenerali. Bħala regola ġenerali, il-prinċipju msemmi jirrikjedi li l-interpretazzjoni ta’ kunċett legali indeterminat tkun waħda uniformi, b’mod partikolari meta żewġ dispożizzjonijiet tal-istess regola jew regoli li jkollhom kontenut relatat jużaw l-istess terminoloġija (kif ċertament jiġri f’din il-kawża bl-Artikoli 8(4) u 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104). Madankollu, dan il-kriterju ta’ interpretazzjoni, li abbażi tiegħu għandha tiġi applikata l-istess tifsira għal terminoloġija identika, ma tistax tkun daqshekk riġida li tipprexxindi għalkollox mill-kuntest li fih il-kunċett inkwistjoni jiġi użat. F’dan il-każ, il-kundizzjoni tiżvolġi funzjonijiet kompletament differenti u skont id-dispozzjoni li tistipulaha.

95.      L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jistipula, bħala kundizzjoni biex issir oppożizzjoni għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ġdida, li s-sinjal jiġi “wżat fil-kummerċ”; għalhekk f’dan il-każ trid tinġieb raġuni ta’ oppożizzjoni fir-rigward tat-tentattiv li tiġi rreġistrata trade mark Komunitarja. L-Artikolu 9(1) tal-istess regolament juża, minflok, din l-espressjoni biex jiddeskrivi l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark Komunitarja li l-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jista’ jipprojbixxi; f’din l-eventwalità differenti, għalhekk, l-għan huwa li jiġi żgurat, loġikament fit-termini l-iktar wiesa’ possibbli, is-sinjifikat tad-dritt tal-użu esklużiv li jmiss lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja (30).

96.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(4) juża l-espressjoni f’sens pożittiv, u jeżiġi li jkun hemm “limitu fl-użu” minimu biex tkun tista’ ssir oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 9(1) juża l-espressjoni f’sens negattiv, għall-finijiet li tiġi pprojbita tip ta’ aġir “ostili” għat-trade mark irreġistrata bl-iktar mod wiesa’ possibbli.

97.      Dan ma jfissirx però, li huwa korrett li l-Artikolu 8(4) jiġi interpretat abbażi tal-Artikolu 43(2) kif għamlet is-sentenza appellata. Irrid ngħid li l-użu fil-kummerċ jeħtieġ li jingħata interpretazzjoni għalih proprja, li ma tistax tkun ħlief dik li l-oppożizzjoni bbażata fuq wieħed minn dawk is-sinjali trid tagħti prova ta’ “użu” li jistħoqqlu dan l-isem.

98.      Fil-fehma tiegħi, għalhekk, il-kundizzjoni “wżat fil-kummerċ” ipprovduta fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 tikkostitwixxi, bħat-tliet kundizzjonijiet l-oħra stipulati permezz ta’ din id-dispożizzjoni, kunċett awtonomu (31) li jeħtieġ interpretazzjoni tiegħu proprja.

99.      L-ewwel nett, fil-fehma tiegħi, mingħajr ma jkun indispensabbli li s-sinjal jiġi użat bil-għan li “joħloq jew jikkonserva suq”, effettivament huwa mitlub li jkun hemm użu determinat f’kuntest kummerċjali, bl-esklużjoni tal-użu fl-isfera privata, imma ma huwiex suffiċjenti, pereżempju, id-distribuzzjoni ta’ kampjuni bla ħlas.

100. It-tieni nett, jidher li huwa raġonevoli li anki jiġi rikjest li jkun hemm użu li huwa konformi mal-funzjoni essenzjali tas-sinjal inkwistjoni. Fil-każ tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, din il-funzjoni tikkonsisti filli tiżgura l-identifikazzjoni mill-pubbliku tal-oriġini ġeografika u/jew ta’ ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-prodott.

101. Interpretazzjoni bħal din (li, fil-fehma tiegħi, għandha l-mertu li tadatta ruħha għall-multipliċità ta’ sinjali li jidħlu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4)) tista’ tirrendi rilevanti, jekk tintwera prova ta’ dan, l-argumenti ta’ Anheuser-Busch fir-rigward tal-fatt li Budvar użat is-sinjal BUD bħala trade mark u mhux għall-għan li tiġi indikata l-oriġini ġeografika tal-prodott.

b)      It-territorju rilevanti sabiex jiġi ppruvat li huwa “wżat fil-kummerċ”

i)      Definizzjonijiet tal-pożizzjonijiet

102. It-tieni oġġezzjoni ddur madwar it-territorju rilevanti sabiex tiġi pprovata l-kundizzjoni msemmija li huwa “wżat fil-kummerċ”.

103. Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tat-territorjalità u interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 meta sostniet fil-punti 167 u 168 tas-sentenza appellata, li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li “ s-sinjal inkwistjoni għandu jkun suġġett għal użu fit-territorju li l-liġi tiegħu tkun invokata insostenn tal-protezzjoni tal-istess sinjal.”. Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari għamlet riferiment għan-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minn Budvar fir-rigward tal-użu ta’ “Bud” fil-Benelux, fi Spanja u fir-Renju Unit, anki jekk l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq drittijiet esklużivi li jeżistu unikament fl-Awstrija u fi Franza.

104. Fil-fehma ta’ Anheuser-Busch, il-kundizzjoni li ġie “wżat fil-kummerċ” tirreferi neċessarjament għall-użu tas-sinjal fit-territorju fejn dan igawdi l-protezzjoni invokata. Għalhekk jiġi impost il-prinċipju tat-territorjalità applikabbli għad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali b’mod ġenerali u għad-denominazzjonijiet tal-oriġini b’mod partikolari. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti terġa’ tagħmel l-argument tal-paragun mar-regoli tat-trade marks: jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu f’dawn it-territorji l-oħrajn, tas-sinjali mhux armonizzati taħt l-Artikolu 8(4), dawn jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli mit-trade marks fl-Artikolu 8(1) u (2) peress li, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar l-istess artikolu jirrikjedi l-użu ġenwin fit-territorju inkwistjoni.

ii)    Kunsiderazzjonijiet

105. Rigward din it-tieni oġġezzjoni, naqbel mal-argument tar-rikorrenti li hu bbażat fuq il-prinċipju tat-territorjalità, imma mhux ma’ dak li huwa bbażat fuq il-paragun mar-regoli tat-trade marks, għar-raġunijiet li ssemmew iktar qabel.

106. Fil-fehma tiegħi, evalwazzjoni territorjali tal-kundizzjoni dwar l-użu, hija indispensabbli indipendentement mis-sinjal invokat. Fil-każ tat-trade marks, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jistipula espressament li għandu jiġi pprovat l-użu effettiv “fil-Komunità” (ladarba tkun qed tiġi nfurzata trade mark Komunitarja) jew “fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta”. Madankollu, is-silenzju tal-Artikolu 8(4), fuq dan il-punt ma jistax jiġi interpretat bħala rieda li tiġi eskluża kundizzjoni li naturalment hija imposta bis-saħħa tal-prinċipju tat-territorjalità, applikabbli b’mod ġenerali għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kollha (32).

107. Id-dritt Komunitarju u l-ġurisprudenza nnifisha jagħtu diversi eżempji tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

108. Mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, pereżempju, jirriżulta li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta mix-xebh, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u trade mark preċedenti u, bejn il-prodotti jew is-servizzi li jaqgħu taħt dawn it-trade marks, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fehma tal-pubbliku tat-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta (33).

109. L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 89/104, li jistipula deroga mill-applikazzjoni tar-raġunijiet għall-invalidità jew ta’ rifjut għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li jkun kiseb karattru distintiv “wara l-użu magħmul minnha”, ma jispeċifikax f’liema territorju trid issir din il-verifika ta’ dan l-użu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li għal dan il-għan “hija rilevanti biss is-sitwazzjoni eżistenti fil-parti tat-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat (jew, fil-kawża preżenti, fil-parti tat-territorju Benelux) fejn ir-raġunijiet għal rifjut ġew ikkonstatati” (34).

110. B’mod parallel ma’ dan, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 jistipula deroga mill-applikazzjoni tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkun saret distintiva “minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark”, u l-ġurisprudenza speċifikat li t-trade mark tista’ tiġi rreġistrata skont l-imsemmija dispożizzjoni fil-każ biss li titressaq il-prova li “tkun kisbet, permezz ta’ l-użu li jkun sar minnha, karattru distintiv fil-parti tal-Komunità li fiha għal bidu ma kelliex tali karattru fis-sens tal-paragrafu 1(b) ta’ l-istess Artikolu […]. Il-parti tal-Komunità prevista fil-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi Artikolu tista’, f’kull każ, tkun magħmula minn Stat Membru wieħed” (35). Għalhekk, huwa biżżejjed li trade mark tkun nieqsa mill-karattru distintiv fi Stat Membru wieħed biex timblokka r-reġistrazzjoni fil-livell Komunitarju; għall-kuntrarju, mill-mument li fih it-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni tkun kisbet dan il-karattru distintiv fit-territorju li fih ma kelliex dan il-karattru, ir-raġuni għal rifjut ma tkunx iktar applikabbli.

111. Fl-aħħar nett, insostni li hija biss applikazzjoni rigoruża tal-prinċipju tat-territorjalità li tippermetti li jiġi osservat l-għan tal-Artikolu 8(4). Jekk il-kundizzjoni li ġie “wżat fil-kummerċ” saret bil-għan li jiġi żgurat li s-sinjal invokat b’dan il-mod ikollu ċerta reputazzjoni pubblika, huwa loġiku li din ir-reputazzjoni li tinkiseb bl-użu trid tiġi pprovata fir-rigward tat-territorju fejn is-sinjal huwa protett u li ma huwiex biżżejjed li dak is-sinjal ikun ġie użat f’territorju differenti (li jista’ jkun jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea), fejn ma huwiex protett.

c)      Il-perijodu rilevanti sabiex jiġi evalwat li ġie “wżat fil-kummerċ”

i)      Definizzjoni tal-pożizzjonijiet

112. It-tielet oġġezzjoni tirreferi għall-perijodu rilevanti għall-finijiet li tiġi evalwata l-kundizzjoni li ġie “wżat fil-kummerċ” u, b’mod partikolari, dik tat-dies ad quem.

113. Fil-fehma ta’ Anheuser-Busch, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 fejn sostniet fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li minn dik id-dispożizzjoni ma jirriżultax li “min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni ntuża qabel l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja”, imma li “[l]-iktar l-iktar jista’ jkun rikjest, bħalma huwa mitlub fir-rigward tat-trade marks preċedenti, u dan sabiex jiġu evitati użi tad-dritt preċedenti pprovokati biss minn proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li s-sinjal inkwistjoni jkun intuża qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark fil-Bulettin ta’ trade marks Komunitarji”.

114. Ir-rikorrenti ssostni, minflok, li l-kundizzjonijiet kollha għall-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandhom jeżistu fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni rigward it-trade mark sussegwenti u li min jopponi ma jistax jingħata terminu itwal biex juża fil-kummerċ is-sinjal li jmur kontra t-trade mark li tagħha tintalab ir-reġistrazzjoni.

ii)    Kunsiderazzjonijiet

115. Dwar dan il-punt, nikkunsidra li hija korretta l-evalwazzjoni tar-rikorrenti li trid issir il-prova tal-użu tas-sinjal qabel ma tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, jekk ikun il-każ, u mhux li dan jista’ jsir fi kwalunkwe mument sal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

116. L-ewwel nett, u għar-raġunijiet li diġà ġew mogħtija fit-taqsima V ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-silenzju tal-leġiżlatur ikun meħtieġ f’dan ir-rigward li tingħata interpretazzjoni awtonoma dwar ir-raġuni ta’ oppożizzjoni li hemm fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

117. Minn banda, għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 43 li ġiet proposta fis-sentenza appellata (36). B’dan l-argument, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nfisha fejn, ftit punti qabel biss, hija rrifjutat din l-istess applikazzjoni b’analoġija fir-rigward tal-kunċett ta’ “wżat fil-kummerċ”. Għall-koerenza, meta “wżat fil-kummerċ” jiġi interpretat bħala xi ħaġa differenti mill-“użu ġenwin” li jinsab fl-Artikolu 43(2), għandha trid tiġi rifjutata l-interpretazzjoni dwar il-kundizzjoni temporali mogħtija mis-sentenza appellata. Mill-banda l-oħra, dan ma jfissirx lanqas li wieħed jista’ jasal għal din is-soluzzjoni bis-sempliċi applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza rigward l-Artikolu 8(5) (37), elaborata f’kuntest totalment differenti (l-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni). Issa, is-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti jikkostitwixxu applikazzjoni ċara tal-prinċipju tal-prijorità li jirregola d-drittijiet ta’ proprjetà industrijali u li għandu jingħata jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 8(4).

118. Fil-fehma tiegħi, dan il-kriterju ta’ prijorità għandu jagħmel riferiment għad-data tal-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġdida Komunitarja, u mhux għad-data tal-pubblikazzjoni fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji. Fil-fatt, jekk l-għan huwa li jiġi żgurat li s-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien ġie użat fil-kummerċ b’mod li jiġi kkonsolidat u tiġi attribwita lilu l-importanza neċessarja sabiex ikun jista’ jiġi invokat sabiex tiġi opposta reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida, jidher li jkun raġonevoli li jiġi rikjest li s-sinjal inkwistjoni jkun diġà ġie użat qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni inkwistjoni.

119. Soluzzjoni differenti minn din tista’ tiffaċilita l-frodi, u tippermetti lill-proprjetarju tad-dritt preċedenti li “jimprovizza”, bl-għan uniku li jinforza permezz ta’ oppożizzjoni, l-użu artifiċjali tas-sinjal tiegħu fil-perijodu tranżitorju bejn il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (li, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, huwa possibbli li wieħed isir jaf bih b’mezzi informali) u dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji (38).

120. Fin-nota ta’ intervent tagħha, Budvar issostni li l-Artikolu 8(4)(a) jistipula espressament li d-dritt li jiġi użat is-sinjal irid ikun inkiseb qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew, eventwalment, qabel id-data tal-prijorità invokata insostenn tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, imma din l-istess kundizzjoni temporali ma tapplikax għar-rekwiżit tal-użu fil-kummerċ. Fil-fehma ta’ Budvar ikun, għalhekk, biżżejjed li d-dritt li fuqu hija bbażata l-oppożizzjoni jkun inkiseb qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, anki jekk l-użu ta’ dan id-dritt ikun seħħ biss sussegwentement, fil-perijodu li jwassal sal-pubblikazzjoni uffiċjali ta’ din l-applikazzjoni. Ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni ta’ din ir-regola. Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ ostakolu għall-estensjoni ta’ din l-istess kundizzjoni temporali għar-rekwiżit tal-użu; barra minn hekk, ikun iktar loġiku li l-kundizzjonijiet kollha taħt l-Artikolu 8(4) ikunu kkoordinati mil-lat temporali. Fil-każ kuntrarju, kif ġie rilevat, is-sistema tista’ tippresta ruħha faċilment għall-frodi: jekk l-għan segwit ikun, kif tindika l-istess sentenza appellata, li “jiġu evitati użi tad-dritt preċedenti pprovokati biss minn proċedimenti ta’ oppożizzjoni”, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-użu tas-sinjal konfliġġenti jkun seħħ indipendentement mill-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarju, li jista’ jiġi żgurat biss jekk ikun rikjest li jkun hemm użu preċedenti għall-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni.

121. Fl-aħħar nett, Budvar ssostni wkoll li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tista’ ssir oppożizzjoni għaliha minn terzi fil-każ biss jekk tkun ġiet ipppubblikata. Dan l-argument, fil-fehma tiegħi ma huwiex rilevanti, għaliex f’dan il-każ ma jridx jiġi stabbilit il-fatt li jagħti lok għall-oppożizzjoni eventwali, imma jiġi pprovat li s-sinjal invokat iġorr miegħu ċerta importanza fil-kummerċ.

d)      Korollarju

122. Peress li t-tliet oġġezzjonijiet huma fondati, jien insostni li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.

3.      It-tielet parti tal-ewwel aggravju: rigward il-kundizzjoni li “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”.

a)      Definizzjonijiet tal-pożizzjonijiet

123. Fit-tielet parti tal-ewwel aggravju, Anheuser‑Busch issostni li l-punti 179 sa 183 tas-sentenza appellata jinterpretaw b’mod żbaljat l-espressjoni “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”.

124. Għalkemm ammettiet li, skont l-Artikolu 8(4), il-kundizzjoni li “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali” tapplika għas-sinjal (u mhux għall-użu), il-kelma “sinifikanza” għandha neċessarjament tkun relatata mas-suq tal-pajjiż fejn dan is-sinjal huwa protett u li sinjal jista’ jkollu “sinifikanza” fil-kummerċ fil-każ biss li jiġi użat f’dan il-pajjiż. Is-sempliċi ċirkustanza li l-liġijiet ta’ żewġ Stati Membri jew iktar jagħtu drittijiet esklużivi lil persuna fir-rigward ta’ sinjal speċifiku, ma jfissirx li dak is-sinjal, minħabba dan il-fatt biss, ikollu “sinifikanza” fil-kummerċ f’dawn l-Istati.

125. Bl-istess mod, Anheuser-Busch ssostni li l-kuntest tal-applikazzjoni ġeografika tal-protezzjoni offruta mid-dritt nazzjonali ma huwiex kriterju adegwat, ġaladarba, kieku dan ma kienx il-każ, il-kundizzjoni tkun suġġetta għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, li jmur kontra l-ġurisprudenza li ssostni li d-dritt tat-trade marks Komunitarji huwa awtonomu u ma huwiex suġġett għall-applikazzjoni tar-regolamenti nazzjonali [sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI (C‑238/06 P, Ġabra p. I-9375, punti 65 u 66)].

b)      Kunsiderazzjonijiet

126. Fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata tipprovdi interpretazzjoni li hija litterali ż-żejjed u torbot mat-test tal-Artikolu 8(4).

127. Minn banda, ma hemmx dubju li, kif issostni s-sentenza appellata (39), l-espressjoni “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali” tikkwalifika s-sinjal u mhux l-użu tiegħu jew il-kummerċ; din tirreferi, definittivament, għas-sinjifikat tas-sinjal, u mhux għal dak tal-użu tiegħu. Dan hu kkonfermat minn uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni: il-verżjoni bit-Taljan hija waħda mill-iktar ċari, peress li tintroduċi l-konġunżjoni “u” (“contrassegno utilizzato nella normale prassi commerciale e di portata non puramente locale”), imma lanqas ma jagħtu lok għal dubji l-verżjonijiet bil-Franċiż (“signe utilisé dans la vie des affaires dont la portée n’est pas seulement locale”), bil-Portugiż (“sinal utilizado na vida comercial cujo alcance não seja apenas local”) jew bil-Ġermaniż (“eingetragenen Marke oder eines sonstigen im geschäftlichen Verkehr benutzten Kennzeichenrechts von mehr als lediglich örtlicher Bedeutung”), u jkun diffiċli wieħed imur għall-interpretazzjoni differenti anki fil-każ ta’ formulazzjonijiet li jistgħu jqajmu xi dubju, bħal dawk użati fil-verżjoni bl-Ispanjol (“signo utilizado en el tráfico económico de alcance no únicamente local”) jew bl-Inġliż (“sign used in the course of trade of more than mere local significance”).

128. Għalhekk, minkejja dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-kunsiderazzjonijiet hawn fuq imsemmija ma jistgħux jimplikaw li s-sinjifikat tas-sinjal huwa ekwivalenti għall-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni legali tiegħu, u lanqas li sinjal għandu sinjifikat ikbar minn wieħed lokali għas-sempliċi fatt li jkun protett legalment f’iktar minn pajjiż wieħed.

129. Kif diġà ntqal, il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(4) ma humiex limitati għall-ambitu strettament legali. L-espressjonijiet użati mil-leġiżlatur Komunitarju u l-għan innifsu tad-dispożizzjoni jirrikjedu interpretazzjoni marbuta mal-fatti u mal-importanza tas-sinjal fil-kummerċ (40).

130. Fl-ewwel lok il-kelma “sinifikanza” u l-kelmiet l-oħrajn użati fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jidhru li jaqgħu f’kuntest fattwali, u mhux f’dak tal-ambitu territorjali ta’ applikazzjoni ta’ regolament ta’ protezzjoni (41). Din it-teżi hija bbażata fuq il-fatt, li kif diġà ġie enfasizzat, li l-Artikolu 8(4) jikkonċerna għadd ta’ sinjali eteroġenji, uħud minnhom protetti sempliċement bl-użu u oħrajn permezz tar-reġistrazzjoni.

131. Fit-tieni lok, wieħed jasal għall-istess konklużjoni, wara li jiġi eżaminat il-kumpless ta’ kundizzjonijiet li r-Regolament Nru 40/94 jissuġġetta għalihom il-possibbiltà li jiġi invokat bħala raġuni relattiva għal rifjut permezz tal-Artikolu 8(4). Kif ġie rrilevat iktar qabel, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ gruppi kbar: fuq naħa minnhom, tnejn taħt id-dritt nazzjonali [dawk ikkontemplati fis-subparagrafi (a) u (b) tad-dispożizzjoni] maħsuba biex jiżguraw li s-sinjal huwa jew kien preċedentement l-oġġett ta’ protezzjoni speċjali fil-livell nazzjonali u, mill-banda l-oħra, żewġ kundizzjonijiet (“wżat fil-kummerċ” u “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”) li r-rikorrenti korrettement tqis li huma kundizzjonijiet awtonomi “ta’ dritt Komunitarju” u li huma maħsuba biex jirriżervaw dawn il-metodi ta’ oppożizzjoni għas-sinjali li, lil hinn mill-protezzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom ċerta preżenza u importanza kummerċjali.

132. Il-kelma “sinifikanza” diffiċilment tista’ tiġi sseparata mis-suq li fih jintuża s-sinjal u mill-użu tal-istess sinjal. Mhux kumbinazzjoni li jissemma l-użu tas-sinjal “fil-kummerċ”: għalkemm il-kundizzjoni tirreferi għas-sinjal, l-interpretazzjoni tagħha ma tistax tiġi maqlugħa mill-kuntest tagħha. Id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala ħaġa sħiħa.

133. Għalhekk, it-trade marks mhux reġistrati u s-sinjali l-oħra intiżi mill-Artikolu 8(4) jistgħu jiġu invokati bħala raġunijiet relattivi għal rifjut sakemm dawn iġorru magħhom fil-kummerċ sinjifikat li ma huwiex biss lokali (42). L-ambitu territorjali li fir-rigward tiegħu jrid jiġi analizzat dan is-sinjifikat huwa dak li fih is-sinjal igawdi protezzjoni legali (43), imma s-sempliċi eżistenza ta’ din il-protezzjoni fit-territorju kollu ta’ Stat Membru, jew anki f’iktar minn Stat Membru wieħed, ma jiżgurax li tkun ġiet osservata l-kundizzjoni rigward is-sinjifikat.

134. Dak li ntqal iktar ’il fuq huwa kkonfermat anki meta, fit-tielet lok, tiġi adottata interpretazzjoni teleoloġika. L-introduzzjoni tal-kundizzjoni rigward is-sinjifikat tikkorrispondi, kif irrilevajt kemm ’il darba, għar-rieda tal-leġiżlatur li jeskludi l-possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 8(4), fil-każ ta’ sinjali li ma “jistħoqqilhomx” li jkunu jistgħu jimblukkaw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark simili fil-livell Komunitarju (44).

135. Fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark Komunitarja, ġaladarba tkun ġiet reġistrata, hija valida u tiġi protetta fit-territorju kollu tal-Unjoni. Għaldaqstant, sabiex dritt preċedenti mhux reġistrat ikun jista’ jimblokka r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja maħsuba biex tkopri t-territorju tas-27 Stat Membru, dan għandu jkollu importanza tali li tkun tiġġustifika li dan jipprevali fuq l-imsemmija trade mark Komunitarja sussegwenti. Is-“sinifikanza” tiegħu trid tkun tali li tippermettilu li jimblokka, b’effett fl-Unjoni kollha kemm hi, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark, u dan is-sinjifikat ma jistax jirreferi biss għall-ambitu territorjali tal-protezzjoni tad-dritt invokat.

136. L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali bħala soluzzjoni tadatta ruħha faċilment għal sinjali li, bħal Bud, igawdu minn protezzjoni internazzjonali formalizzata permezz ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, il-parti l-kbira tas-sinjali li jidħlu fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4), ma għandhomx dawn il-karatteristiċi.

137. Minn banda, id-dispożizzjoni li qed issir riferiment għaliha, tidher li kienet maħsuba essenzjalment għal sinjali protetti fi Stat Membru wieħed (45), u mhux għall-każijiet kwantitattivament anqas importanti fejn teżisti protezzjoni transnazzjonali. L-interpretazzjoni tal-kundizzjoni tas-“sinifikanza” bħala sinonima għall-ambitu territorjali tal-protezzjoni legali twassal sabiex tiġi eskluża a priori l-possibbiltà li jiġu invokati bis-saħħa tal-Artikolu 8(4) is-sinjali protetti fit-territorju kollu ta’ Stat Membru imma mhux ’il barra mill-konfini tiegħu, għaliex dawn is-sinjali ma jkollhom qatt sinjifikat li jmur lil hinn minn wieħed lokali (46). Sabiex jiġu inklużi dawk is-sinjali jeħtieġ li tingħata tifsira iktar fattwali għall-kelma “sinifikattiv”, billi jkun meħtieġ li s-sinjal jiġi rrikonoxxut f’territorju iktar estiż minn pereżempju dak ta’ belt jew ta’ reġjun.

138. Mill-banda l-oħra, is-soluzzjoni proposta fis-sentenza appellata ma hijiex addattata lanqas għas-sinjali li, bħat-trade marks mhux reġistrati, jinħolqu u huma protetti għall-użu tagħhom, mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni minn qabel. F’dawn il-każijiet, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-każijiet li huma suġġetti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, ma huwiex faċli li jiġu delineati l-konfini tas-sinjifikat tal-użu u tas-sinjifikat tal-protezzjoni legali.

139. Fl-aħħarnett, u kuntrarju għal dak li ġie dikjarat fil-punt 180 tas-sentenza appellata, insostni li l-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 40/94 ma huwiex ta’ ostaklu għall-interpretazzjoni proposta minni.

140. L-Artikolu 8(4) jopera b’mod parallel mal-Artikolu 107, li jippermetti l-“koeżistenza” tat-trade mark Komunitarja ġdida ma’ sinjal preċedenti ta’ sinjifikat lokali biss, u jistipula li l-proprjetarju ta’ dan id-dritt preċedenti (u, għalhekk ma jistax jintuża bħala l-bażi għall-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarju, imma li huwa protett fi Stat Membru), “jista’ jopponi l-użu tat-trade mark Komunitarja fit-territorju fejn id-dritt tiegħu huwa protett sa fejn il-liġi ta’ l-Istat Membru konċernat tippermetti”. Minn din id-dispożizzjoni wieħed jista’ jiddeduċi li għal sinjal b’sinjifikat lokali tikkorrispondi protezzjoni limitata għat-territorju tal-Istat Membru u għal sinjifikat li jmur lil hinn minn dak lokali tikkorrispondi protezzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha (47), però mhux il-protezzjoni fil-livell Komunitarju (b’riżultat tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti) li għandha tingħata biss meta tkun teżisti protezzjoni legali f’iktar minn Stat Membru wieħed. L-Artikolu 107 ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, sabiex jidentifika rabta indissolubbli bejn is-sinjifikat u l-ambitu territorjali fis-sens propost fis-sentenza appellata.

141. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar qabel, insostni li, peress li indikazzjoni ġeografika bħal Bud hija protetta f’iktar minn Stat wieħed bis-saħħa ta’ ftehim internazzjonali, din ma tissodisfax il-kundizzjoni li “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali” la darba jkun jista’ jiġi ppruvat biss (kif jidher li qed jiġri f’din il-kawża) li l-imsemmija indikazzjoni hija magħrufa u użata f’wieħed mill-Istati fejn tgawdi protezzjoni.

142. Insostni, għalhekk, li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi milqugħha.

4.      Konklużjoni

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar qabel, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju u li tiċħad l-ewwel parti.

B –    Dwar it-tieni aggravju, rigward il-ksur tal-Artikoli 8(4), u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94

1.      Definizzjoni tat-tliet argumenti opposti

143. Bit-tieni aggravju, rigward il-ksur tal-Artikoli 8(4), u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti ssostni li l-punt 199 tas-sentenza appellata tinkludi żball ta’ liġi fejn timponi fuq il-Bord tal-Appell tal-UASI l-obbligu li janalizza fuq inizjattiva tiegħu stess id-dritt nazzjonali applikabbli, inkluża l-ġurisprudenza rigward id-dritt ta’ Budvar li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti billi tinvoka indikazzjoni ġeografika. Meta kkunsidrat li r-riżultat tal-proċedimenti nazzjonali seta’ jkun magħruf permezz tas-sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli u li, għalhekk, kien jikkostitwixxi fatt magħruf eskluż mill-oneru tal-prova impost fuq il-persuna li topponi bl-Artikolu 74 tar-regolament, il-Qorti Ġenerali kisret dik id-dispożizzjoni, li tistipula, li fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-eżami tal-UASI għandu jkun limitat għall-eżami tal-fatti, tal-provi u tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2.      Kunsiderazzjonijiet

144. Dan it-tieni aggravju jqajjem, fir-realtà, żewġ kwistjonijiet distinti.

145. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jobbligax jew le lill-UASI li teżamina ex officio l-istat u r-riżultati tal-proċedimenti legali mibdija fl-Istat Membru inkwistjoni u, konsegwentement, jekk id-deċizjonijiet tal-qrati nazzjonali jikkostitwixxux, għal dak l-iskop, fatti notorji.

146. Fid-deċiżjonijiet annullati, il-Bord tal-Appell tal-UASI ħa inkunsiderazzjoni biss numru ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi u Ġermaniżi li permezz tagħhom il-propjetarji tas-sinjal Bud ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jipprojbixxu lil Anheuser-Busch l-użu tiegħu fit-territorji nazzjonali rispettivi. F’dak iż-żmien, is-sentenzi nazzjonali ma kinux definittivi, iżda l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni dan il-fatt, li ma kienx ġie rrilevat minn Budvar.

147. Fil-fehma tiegħi, il-modus operandi tal-Bord tal-Appell tal-UASI kien perfettament konformi mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċediment tal-oppożizzjoni u, b’mod partikolari, mar-regoli ġenerali tal-oneru tal-prova skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94. Wara li ġie stabbilit, bħala regola ġenerali, l-obbliġu tal-UASI li tipproċedi b’eżami fuq inizjattiva tagħha stess tal-fatti, dik id-dispożizzjoni tistipula li “[m]adankollu fi proċedimenti li jirrigwardjaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jiġi ristrett għall-eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”.

148. Għaldaqstant, l-oneru tal-prova jaqa’ għalkollox fuq min jopponi, u ma jistax jiġi kkontestat li l-Uffiċċju ma ħax inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li, minkejja dak li ġie sostnut mill-Qorti Ġenerali, ma kienux jikkostitwixxu “fatti magħrufa”. Anki fejn is-sorsi li setgħu jipprovdu din l-informazzjoni kienu “aċċessibbli” għall-Bord tal-Appell, ma huwiex dan tal-aħħar, iżda l-parti interessata, li għandha tivverifika l-elementi kollha mressqa fil-proċediment u, b’mod partikolari, tivverifika jekk sentenza mogħtija f’kawża nazzjonali tkunx saret res judicata jew le.

149. Fit-tieni lok, fil-kuntest ta’ dan l-argument prinċipali tat-tieni aggravju, ir-rikorrenti tintroduċi direttament, fuq livell ta’ provi, it-tieni oġġezzjoni. B’mod partikolari Anheuser-Busch ssostni li “l-Bord tal-Appell għandu quddiemu provi tal-fatt li Budvar għamlet tentattiv quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jiġu rikonoxxuti d-drittijiet attwalment invokati minnha kontra l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji ppreżentati minn Anheuser-Busch [...] Budvar ma ppreżentat l-ebda deċiżjoni li awtorizzatha li tirrikonoxxi d-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 8(4)(b)”. Il-formulazzjoni tar-rikors tal-appell tista’ tagħti x’tifhem li, għal Anheuser-Busch, l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li min jopponi għandu jipprova li rnexxilu jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, u li ma huwiex suffiċjenti li jkun hemm dritt astratt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

150. Jekk din hija l-interpretazzjoni li qed issostni r-rikorrenti, ma naqbilx magħha. Fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li l-Artikolu 8(4)(b) jistipula esklużivament li min jopponi jrid ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu dan id-dritt fl-astratt, bħala possibbiltà li jikseb protezzjoni għas-sinjal tiegħu fil-livell nazzjonali. L-oppożizzjoni tkun possibbli dejjem jekk ikun jeżisti dan id-dritt, anki meta ma jkunx ġie eżerċitat jew espliċitament rikonoxxut mill-qrati.

151. Wieħed jista’ jsostni illi, jekk jiġi rikjest sempliċement id-dritt fl-astratt, tintilef ir-rilevanza tal-argumentazzjoni kollha dwar is-sitwazzjoni proċesswali nazzjonali (il-karattru definittiv jew le tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrikonoxxu d-dritt). Għalhekk, l-eżistenza ta’ sentenzi nazzjonali (li saru res judicata jew le) li jeskludu, bħal fil-każ inkwistjoni, id-dritt li jipprojbixxu l-użu ta’ trade mark sussegwenti tista’ tammonta għal indikazzjoni tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dan id-dritt.

152. Mingħajr ħsara għal din l-aħħar preċiżazzjoni, insostni li t-tieni aggravju għandu jintlaqa’.

C –    L-appell milqugħ u l-kawża rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali

153. Meta jiġi kkunsidrat dak li ntqal iktar qabel, insostni li r-rikors għandu jintlaqa’, billi jiġu ddikjarati fondati t-tieni aggravju, kif ukoll it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju, u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

154. Peress li l-iżbalji rilevati jidhru li huma rimedjabbli biss permezz ta’ evalwazzjonijiet ta’ fatt, insostni li, kif jirriżulta mill-atti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi l-kawża fis-sens tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tagħha, għalhekk nipproponi li din tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tipproċedi ħa tagħmel dawn il-verifiki u tiddeċiedi mill-ġdid b’mod konformi magħhom.

155. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk Budvar ressqitx prova li kien hemm użu tas-sinjal Bud “fil-kummerċ” qabel id-data li fiha Anheuser-Busch ippreżentat l-ewwel applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Bud bħala trade mark Komunitarja. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali għandha tapplika interpretazzjoni awtonoma tal-kundizzjoni “wżat fil-kummerċ”, jiġifieri mhux b’analoġija għal dik mogħtija mill-ġurisprudenza fir-rigward ta’ din l-istess espressjoni, iżda fil-kuntest tal-Artikolu 9(1) tal-istess regolament.

VII – L-ispejjeż

156. Peress li qiegħed nipproponi li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, jeħtieġ li tiġi rriżervata d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż rigward dan l-appell.

VIII – Konklużjoni

157. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)         tilqa’ l-appell ippreżentat minn Anheuser-Busch mis-sentenzi tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2008, Kawżi maqgħuda T‑225/06, T-255/06, T-257/06 u T‑309/06;

2)         tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

3)         tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – L-aħħar deċiżjoni ngħatat bis-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Anheuser-Busch Inc. vs UASI u Budějovický Budvar, (C-214/09 P, Ġabra p. I‑7665). Għal iktar dettalji dwar l-oriġini storika tat-tilwima u dwar l-aħħar kapitoli ġudizzjarji tagħha, jistgħu jiġu kkonsultati l-konklużjonijiet tal-5 ta’ Frar 2000 ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, (C-478/07, Ġabra p. I‑7721).


3 – Kawżi maqgħuda T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06, Ġabra p. II‑3555.


4 – ĠU 1994 L 11, p. 1.


5 – Adottat fil-31 ta’ Ottubru 1958, rivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 13172, p. 205).


6 – Fil-preżent, l-hekk imsejħa “Unjoni ta’ Lisbona” (http://www.wipo.int/treaties/en), li hi komposta minn 26 pajjiż, li fosthom hemm ir-Repubblika Ċeka.


7 – Ippubblikat għal dak li jikkonċerna l-Awstrija, fil-Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich tad-19 ta’ Frar 1981 (BGBI. Nru 75/1981) u li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 1981 għal żmien indeterminat.


8 – Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78 p. 1).


9 – Regolament tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).


10 – Kawża T-225/06.


11 – Kawżi T-255/06 u T-257/06.


12 – Kawża T-309/06.


13 – L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).


14 – L-Artikolu 8(2)(ċ) ma jipprovdi l-ebda preċiżazzjoni f’dan ir-rigward.


15 – L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali tal-20 ta’ Marzu 1883 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11847, p. 108), li għalih jagħmel riferiment ir-regolament Komunitarju dwar dan il-punt, jimponi li jiġu protetti t-trade marks magħrufa sew, li jappartjenu għall-benefiċjarji tal-Konvenzjoni.


16 – Madankollu meta kemm it-trade marks u anki l-prodotti u s-servizzi jkunu identiċi, ir-riskju ta’ konfużjoni huwa preżunt: hekk jidher li wieħed jista’ jiddeduċi mill-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament.


17 – Fin-nuqqas, l-oppożizzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 2(ċ).


18 – Guidelines Concerning Proceedings before the Office for Harmonization in the Internal Market (Trade Marks and Designs). Part C: OPPOSITION GUIDELINES (paġni 312 sa 339).


19 – Informazzjoni meħuda mil-lista ta’ sinjali li tinsab fid-direttivi dwar il-proċediment tal-oppożizzjoni.


20 – Ir-Regolament tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 445M, p. 213).


21 – Ir-Regolament Nru 207/2009, iċċitat iktar ’il fuq.


22 – Jien insostni, li fid-dawl ta’ dak li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, l-eżistenza ta’ dan it-tip ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi hija possibbli fil-każ ta’ indikazzjonijiet sempliċi, li ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 510/2006. Kuntrarju għal dan, mis-sentenza ċċitata wieħed jista’ jiddeduċi li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati li, għalkemm jistgħu jkunu reġistrati, ma humiex reġistrati fuq livell nazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ konvenzjoni bilaterali bejn żewġ Stati membri. Mill-proċess jirriżulta li s-sinjal BUD ġie espressament invokat minn Budvar bħala “denominazzjoni tal-oriġini”. Apparti d-dubji li jistgħu jitqajmu dwar in-natura reali tiegħu, is-sempliċi fatt li s-sinjal ġie ppreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini mhux irreġistrata fil-livell Komunitarju, jista’ jwassal, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija rigward in-natura eżawrjenti tar-Regolament Nru 510/2006, sabiex tinnega l-validità tagħha għall-finijiet tal-oppożizzjoni. Għalhekk, huwa evidenti li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhom l-ebda effett fuq il-proċedimenti preżenti, ladarba Anheuser-Busch ma sostnietx dan id-difett possibbli fis-sinjal invokat u ma huwiex il-każ ta’ motiv li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew għandha tivvaluta ex officio, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ appell.


      Għar-rigward tal-motivi ta’ “ordni pubbliku”, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2000 fil-Kawża Salzgitter vs Il-Kummissjoni (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, C-210/98 P, Ġabra I-5843, punti 141 sa 143); il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Mengozzi, ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2007, fil-Kawża Common Market Fertilizers, (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, C-443/05 P, Ġabra p. I-7209, punti 102 u 103). Barra dan wieħed jista’ jara wkoll B. Vesterdorf,: “Le relevé d'office par le juge communautaire”, f’Une Communauté de droit: Festschrift für G.C. Rodríguez Iglesias, Nomos, 2003, p. 551 et seq.


23 – Budvar kienet diġà sostniet l-istess pożizzjoni quddiem l-UASI fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, skont ma jirriżulta mill-punt 13(b) tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq, tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006.


24 – L-Artikoli 14 tar-Regolament Nru 510/2006, u 7(1)(k), tar-regolament il-ġdid dwar it-trade mark Komunitarju (Ir-Regolament Nru 207/2009).


25 – Ara d-dispożizzjonijiet iċċitati fin-nota preċedenti.


26 – Sentenzi tat-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) (T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 55); tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT) (T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 71); tal-21 ta’ April 2005, PepsiCo vs UASI – Intersnack Knabber-Gebäck (RUFFLES) (T‑269/02, Ġabra p. II‑1341, punt 26); tat-22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL) ( T‑364/05, Ġabra p. II‑757, punt 88).


27 – Regolament Nru 510/2006.


28 – Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2009 (C-495/07, Ġabra p. I-137, punti 21 u 22).


29 – Sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI (C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 70; u tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Financiaría vs UASI, (C-234/06 P, Ġabra P. I‑7333, punt 72.) Ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, Ġabra p. I‑2439, punt 43), u d-digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology (C‑259/02, Ġabra p. I‑1159, punt 27).


30 –      L-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104 jsegwu l-istess għan. Naqbel ma’ dak li sostniet il-kollega tiegħi l-Avukat Ġenerali Sharpston, li fil-fehma tagħha l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/104 għandha tkun koerenti mar-Regolament Nru 40/94 [konklużjonijiet ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2009, fil-Kawża Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, C-529/07, Ġabra p. I-4893, punt 16], imma ma naħsibx li minn dan wieħed jista’ jiddeduċi, kif tidher li għamlet Budvar, li din il-“koerenza” għandha tiġi segwita mingħajr ma jingħata qies tal-funzjoni li taqdi kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. F’din il-kawża, wieħed jista’ jeżiġi li jkun hemm koerenza bejn l-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament, li huma dawk li għandhom kontenut analogu (u li għalihom tirreferi l-ġurisprudenza attwalment eżistenti). L-estensjoni tad-definizzjoni tagħhom fil-ġurisprudenza għall-Artikolu 8(4) fil-fehma tiegħi, ma tirriżultax li hija daqshekk evidenti.


31 –      Fil-fatt, is-sinjal għandu, apparti li jissodisfa dik il-kundizzjoni Komunitarja fir-rigward tal-użu fil-kummerċ, jippreżenta l-livell ta’ użu rikjest eventwalment mir-regoli tal-Istat Membru inkwistjoni sabiex ikun jista’ jikkonferixxi fuq il-proprjetarju tiegħu “d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv” [l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament].


32 – Fost il-pijunieri li rrikonoxxew dan il-prinċipju, wieħed jista’ jsemmi lil Hagens, li fl-1927 kien diġà beda jikkontesta t-teżi tal-universalità tat-trade mark li tradizzjonalment kienet appoġġata mid-duttrina Ġermaniża, li kien isostni li din it-teżi ma kinitx sostenibbli peress li l-applikazzjoni tagħha kienet tfisser indħil fl-isfera ġuridika ta’ Stati sovrani barranin (Hagens, Warenzeichenrecht, Berlín u Leipzig, 1927). It-teżi ta’ Hagens kienet ġie milqugħa mill-Qorti Suprema Ġermaniża b’sentenza tal-20 ta’ Settembru 1927 u llum il-ġurnata tidher li hija iktar aċċettata bħala prinċipju tad-dritt tat-trade marks u, fil-fehma tiegħi, it-trattati internazzjonali, li fil-parti l-kbira tagħhom huma bbażati fuq ir-reċiproċità, ma jnaqqsu xejn mill-importanza tagħha.


33 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI (C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 51); u tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Financiaría vs UASI (C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 60).


34 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Bovemij Verzekeringen (C-108/05, Ġabra p. I‑7605, punt 22). Anki l-Avukat Ġenerali Sharpston, fil-konklużjonijiet tagħha f’din il-kawża, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2006, titlaq mill-evalwazzjoni territorjali neċessarja ta’ dawk il-kundizzjonijiet u tirrileva li, differenti minn x’jista’ jintalab għal trade marks nazzjonali, fil-każ ta’ trade marks Komunitarji, huwa raġonevoli li wieħed jitlob li l-proprjetarju jipprova “l-karattru distintiv li jkun inkiseb permezz tal-użu f’żona ġeografika iktar wiegħsa” (punt 45).


35 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI ( C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 83).


36 – Minkejja li ma jiċċitax espressament għal dan il-għan l-Artikolu 43 tar-Regolament, il-punt 169 tas-sentenza appellata jispeċifika li l-kriterju tad-data tal-pubblikazzjoni jiġi mitlub “bħalma huwa mitlub fir-rigward tat-trade marks preċedenti”, b’riferiment ċar għall-kundizzjonijiet stipulati fl-imsemmija dispożizzjoni.


37 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 36.


38 – Anki waqt is-seduta ġie kkonfermat illi dan il-perijodu ta’ żmien jista’ jtawwal għal diversi xhur, jew anki għal iktar minn sena, bħal fil-każ ta’ uħud mill-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni li huma suġġett tal-kawża preżenti. F’dawn il-każijiet, ir-riskju li l-preżentata tal-applikazzjoni tkun magħrufa f’ċerti ambjenti speċifiċi qabel il-pubblikazzjoni tagħha huwa, evidentement, iktar għoli. Hemm lok għal ċertu tħassib fir-rigward tal-fatt li l-uniku użu li ġie ppruvat tas-sinjal invokat seħħ fil-perijodu bejn l-applikazzjoni għat-trade mark u l-pubblikazzjoni tagħha.


39 – Punt 180.


40 – Nagħmel riferiment għal ċerta tip ta’ interpretazzjoni iktar qrib, anki jekk mhux neċessarjament għalkollox identika, ta’ dik ipprovduta mill-UASI fid-“Direttivi dwar l-oppożizzjoni” li diġà ġew iċċitati. Fil-fehma tal-UASI, is-sinjifikat ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 8(4), ma jistax jiġi eżaminat esklużivament mil-lat ġeografiku, u għandu jkun ibbażat ukoll fuq “id-dimensjonijiet ekonomiċi tal-użu tas-sinjal”, billi tiġi evalwata l-intensità tal-użu, it-tul ta’ żmien tiegħu, il-firxa tal-oġġetti jew servizzi li għalihom jiġi użat is-sinjal, kif ukoll il-promozzjoni pubbliċitarja li ssir fejn jiġi użat dan is-sinjal. L-istess Qorti Ġenerali qablet punt b’punt ma’ din l-interpretazzjoni tal-UASI f’sentenza oħra li ngħatat ftit wara dik appellata u jiġifieri s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI-General Óptica (kawżi maqgħuda T‑318/06 sa T‑321/06, Ġabra p. II‑649). Id-differenzi bejn iż-żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali kienu s-suġġett, fuq talba tal-istess Qorti tal-Ġustizzja, ta’ ħafna mill-interventi waqt is-seduta. Anheuser-Busch u l-UASI, għalkemm jirrikonoxxu li s-sentenzi jitilqu minn sitwazzjonijiet differenti ta’ fatt u ta’ dritt, sostnew li n-natura differenti tas-sinjali invokati (indikazzjoni ġeografika fil-każ ta’ Budějovický Budvar u isem ta’ stabbiliment fil-każ ta’ General Óptica) kienet irrilevanti u ma kinitx tiġġustifika d-differenza bejn is-soluzzjonijiet. Mill-banda l-oħra, Budvar sostniet li s-sentenza General Óptica kienet tikkonċerna sinjal protett biss minħabba l-użu tiegħu, element li, fil-fehma tagħha, kien irrilevanti għal denominazzjonijiet ta’ oriġini, li jeżistu u jiġu protetti sempliċement minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom. Konsegwentement, Budvar sostniet li s-sentenzi ma kinux kontradittorji u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) għandhom jiġu evalwati minn każ għal każ, billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tas-sinjal invokat. Jien ma naqbilx ma’ dil-fehma ta’ Budvar.


41 – Id-dizzjunarju tar-Real Academia Española jiddefinixxi l-kelma “alcance” bħala “capacidad de alcanzar o cubrir una distancia”; l-Akkademja Franċiża tinkludi, fost it-tifsiriet tal-kelma “portée”, dawk ta’ “distance maximale à laquelle une chose peut exercer son effet, étendue, champ d’action d’un phénomène”. Huwa partikolarment espressiv il-kelma “significance” li jiġi użat fil-verżjoni Ingliża, li l-Cambridge Advanced Learner’s Dictionary jikkunsidra li huwa sinonimu għal “importance” jew għal “special meaning”.


42 – Ara f’dan is-sens, C. Fernández Novoa, El sistema comunitario de marcas, Ed. Montecorvo, Madrid, 1995, p. 167; u A. Mühlendahl, D. Ohlgart, u V. Bomhard, Die Gemeinschaftsmarke, Bech, Manchen, 1998, p. 38.


43 – Hekk jirriżulta mill-prinċipju ta’ territorjalità, eżaminat hawn fuq.


44 – Ara f’dan is-sens, D. Kitchin, D. Llewelyn, J. Mellor, R. Meade, T. Moody-Stuart, u D. Keeling, Kerly’s Law of Trade Marks and Trade Names, Sweet & Maxwell, London, 2005, p. 274.


45 – Għal dan l-iskop isir riferiment għal-“liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal”.


46 – Mill-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali jista’ jiġi dedott li huwa biss permezz ta’ protezzjoni internazzjonali li jiġi ggarantit dan is-sinjifikat (ara f’dan is-sens, punt 181 tas-sentenza appellata: “drittijiet preċedenti invokati għandhom sinjifikat li ma huwiex biss lokali sa fejn il-protezzjoni tagħhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Liżbona u tal-Artikolu 1 tal-konvenzjoni bilaterali, testendi lil hinn mit-territorju ta’ oriġini tagħhom”).


47 – Billi jitlaq minn din l-idea, Fleckenstein isostni li dawn iż-żewġ artikoli jikkostitwixxu “sistema”: J. Fleckenstein, Der Schutz territorial beschränkter Kennzeichen (Peter Lang – Europäische Hochschulschriften, Frankfurt am Main, 1999), p. 104.

Top