EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0051

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 25 ta' Marzu 2010.
Barbara Becker vs Harman International Industries Inc.
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 8(1)(b) - Trade mark verbali Barbara Becker - Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade marks verbali BECKER u BECKER ONLINE PRO - Evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni - Evalwazzjoni tax-xebh ta’ sinjali fuq il-livelli kunċettwali.
Kawża C-51/09 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:170

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

VILLALÓN

ippreżentati fil-25 ta’ Marzu 2010 1(1)

Kawża C‑51/09 P

Barbara Becker

“Appell – Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali ‘Barbara Becker’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade marks verbali Komunitarji ‘BECKER’ u ‘BECKER ONLINE PRO’”





I –    Introduzzjoni

1.        B. Becker ippreżentat appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li mill-1 ta’ Diċembru 2009 saret il-Qorti Ġenerali) (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ Diċembru 2008, mogħtija fil-kawża Harman International Industries vs UASI (2), li kienet annullat deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem l-“UASI”) (3), li permezz tagħha ġie rikonoxxut id-dritt tal-appellanti li tirreġistra trade mark Komunitarja “Barbara Becker”.

2.        Il-kawża preżenti għandha l-oriġini tagħha fl-oppożizzjoni magħmula b’suċċess mill-kumpannija Harman International Industries, Inc. (iktar ’il quddiem: “Harman Int. Industries”) quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, billi invokat probabbiltà ta’ konfużjoni eventwali bejn it-trade mark li tagħha fl-appell preżenti l-appellanti titlob ir-reġistrazzjoni, u d-drittijiet preċedenti għaliha, jiġifieri dawk li jirriżultaw kemm mit-trade mark Komunitarja “BECKER ONLINE PRO” kemm mill-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja “BECKER”, li l-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tagħha ġiet ippreżentata qabel l-applikazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

3.        Għalkemm fl-atti tal-proċess l-appellanti u l-UASI bbażaw it-talbiet rispettivi tagħhom fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, waqt is-seduta, l-argumenti żviluppaw madwar kritika ffokata fuq żball tal-liġi, ibbażat speċifikament fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza.

II – Il-leġiżlazzjoni rilevanti fil-qasam tat-trade marks

4.        Sa mit- 13 ta’ April 2009, it-trade mark Komunitarja hija rregolata fundamentalment bir-Regolament (KE) Nru 2007/2009 (4); madankollu, għall-finijiet ta’ deċiżjoni fuq l-appell preżenti, jibqgħu japplikaw ratione temporis id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (5).

5.        L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li l-kliem tiegħu ġew, barra minn hekk, riprodotti fl-artikolu korrispondenti tar-Regolament 2007/2009), jipprovdi hekk:

“Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[...]

b)      jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

6.        Skont l-istess l-Artikolu 8(2), “Trade marks preċedenti” tfisser fost l-oħrajn, it-trade marks, li l-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tagħhom ġiet ippreżentata f’data qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

III – Il-fatti tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

A –    Il-fatti u l-proċeduri quddiem l-UASI

7.        Fid-19 ta’ Novembru 2002, l-appellanti B. Becker, ippreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni, bħala trade mark verbali Komunitarja, tas-sinjal ikkostitwit minn isimha u kunjomha skont l-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 (6).

8.        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice (7) u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Apparat u strumenti xjentifiċi, tal-baħar, għal skopijiet ta’ sondaġġi, tal-elettriku, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; apparat għar-reġistrazzjoni, trażmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew stampi; tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, diski għar-reġistrazzjoni; magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti; cash registers, magni li jikkalkulaw, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters”.

9.        Fl-24 ta’ Ġunju 2004, il-kumpannija Harman International Industries, Inc., ressqet oppożizzjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark iċċitata iktar ’il fuq għall-prodotti kollha li jaqgħu fil-klassi 9 tal-Ftehim ta’ Nice, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 8(5) tal-istess regolament. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja verbali BECKER ONLINE PRO (8) u fuq l-applikazzjoni għat-trade mark verbali BECKER (9). Il-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti wkoll kienu jaqgħu fil-klassi 9 imsemmija preċedentement, billi l-identitiċità jew ix-xebh tal-prodotti kunfliġġenti ma kinux ikkontestati mill-partijiet (10).

10.      Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, peress li qieset li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, laqgħat l-oppożizzjoni ta’ Harman Int. Industries (11). Hija kkunsidrat li l-prodotti koperti minn dawn it-trade marks kienu identiċi u li t-trade marks kienu jixxiebhu globalment, u kienu jippreżentaw minn naħa, grad medju ta’ xebh viżiv u fonetiku u, min‑naħa l-oħra identiċità mill-aspett kunċettwali, minħabba li kienu jirreferu għall-istess kunjom.

11.      L-appell ippreżentat minn B. Becker quddiem l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ġie milqugħ u, bħala konsegwenza, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġiet annullata (12). Il-Bord tal-Appell iddikjara li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti kienu parzjalment identiċi u parzjalment jixxiebhu, u ddistingwa, skont in-natura tagħhom u s-suġġett tagħhom, bejn prodotti intiżi għall-pubbliku ġenerali, dawk intiżi għall-professjonisti u dawk li jaqgħu fil-kategorija intermedja, intiżi għaż-żewġ gruppi ta’ persuni (13).

12.      Għal dak li jirrigwarda s-sinjali kunfliġġenti, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra biss, minn naħa, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, it-trade mark verbali preċedenti BECKER u, min-naħa l-oħra, is-sinjal li għalih B. Becker għamlet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li kien jeżisti biss ċertu livell ta’ xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali kunfliġġenti, fid-dawl tal-fatt li fattur ieħor, jiġifieri l-isem Barbara, kien imqiegħed fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (14).

13.      Min-naħa l-oħra, fuq livell kunċettwali, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sinjali kunfliġġenti kienu distinti b’mod ċar fil-Ġermanja u fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kunjom Becker ma kienx l-element distintiv u dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minħabba l-fatt li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi lil din tal-aħħar fl-intier tagħha, jiġifieri “Barbara Becker”, iktar milli bħala abbinament tal-isem u l-kunjom. Dan il-Bord tal-Appell irrileva wkoll li Barbara Becker “kienet saret persuna magħrufa fil-Ġermanja” (15), filwaqt li l-kunjom Becker kien ġeneralment rikonoxxut bħala kunjom mifrux u ordinarju. Bħala konsegwenza, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-differenzi kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni kienu suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jeskludu l-probabbiltà ta’ konfużjoni (16).

14.      Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell iddikjara li l-kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, ċioè li għandu jeżisti livell ta’ xebh tali bejn it-Trade marks kunfliġġenti li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejniethom, ma ġietx sodisfatta (17).

B –    Sintesi tas-sentenza appellata

15.      Fil-15 ta’ Ġunju 2007, Harman Int. Industries ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. B’sostenn għar-rikors tagħha, l-imsemmija kumpannija invokat żewġ motivi, li kienu bbażati rispettivament fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u tal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament. Minħabba li l-appell preżenti ma jirrigwardax it-tieni wieħed minn dawn iż-żewġ motivi, l-argumenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament mhux qed jiġu rriprodotti hawnhekk.

16.      Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv tal-annullament, billi ddikjarat li l-Bord tal-Appell kien iddikjara b’mod żbaljat li t-trade marks kunfliġġenti kienu kjarament distinti. Fil-fatt, minkejja d-differenzi kbar jew żgħar bejn iż-żewġ trade marks fuq il-livell viżiv u fonetiku (18), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-importanza relattiva tal-element “becker” meta mqabbel mal-element “barbara” fit-trade mark Barbara Becker, abbażi tar-raġunament li ġej (19).

17.      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali invokat waħda mis-sentenzi tagħha fejn kienet iddikjarat li, minkejja li l-perċezzjoni ta’ trade marks komposti minn ismijiet ta’ persuni tista’ tvarja fil-pajjiżi differenti tal-Komunità, tal-inqas fl-Italja, il-konsumaturi jattribwixxu, bħala regola ġenerali, iktar karattru distintiv lill-kunjom milli lill-isem inkluż fit-trade marks (20). Minn dan isegwi li, fir-rigward tat-trade mark Barbara Becker, il-kunjom Becker jista’ probabbilment jiġi attribwit karattru distintiv iktar b’saħħtu mill-isem Barbara fit-trade mark Barbara Becker.

18.      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet li l-popolarità kbira li kienet tgawdi minnha B. Becker fil-Ġermanja, bħala l‑ex mara ta’ Boris Becker, kienet tannulla x-xebh kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti, peress li ż-żewġ trade marks jirreferu għall-istess kunjom Becker. Skont il-Qorti Ġenerali, dan ix-xebh kien iktar b’saħħtu minħabba l-fatt li f’parti tal-Komunità, l-element “becker” jista’ probabbilment jiġi attribwit karattru distintiv iktar b’saħħtu mill-element “barbara”, li kien biss jikkostitwixxi isem proprju.

19.      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-sentenza Medion (21) tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn sostniet li trade mark komposta, kostitwita mill-koeżistenza ta’ element u tas-sinjal ta’ trade mark oħra irreġistrata preċedenti, tista’ titqies li tixxiebah għal din it-trade mark l-oħra meta din it-trade mark tikkonserva pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark komposta, minkejja li ma tikkostitwixxix l-element dominanti. Bl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju għall-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-element “becker” bħala kunjom, normalment użat biex jirreferi għal persuna li, fi ħdan it-trade mark Barbara Becker, kien jikkostitwixxi pożizzjoni distintiva awtonoma, biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata probabbiltà ta’ konfużjoni.

20.      Fl-aħħar nett, peress li ma ġewx ikkontestati la l-identiċità u lanqas ix-xebh bejn il-prodotti li għalihom kienu jirreferu t-trade marks kunfliġġenti, u filwaqt ukoll li ħadet inkunsiderazzjoni x‑xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn it-trade marks Barbara Becker u BECKER, il-Qorti Ġenerali ikkonstatat l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, anki fil-każ fejn l-imsemmija prodotti kienu intiżi għall-pubbliku li għandu livell ta’ attenzjoni relattivament għoli. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-UASI li sostna li trade mark komplessa tista’ titqies li tixxiebah ma’ trade mark oħra biss jekk il-komponenti komuni tagħhom jikkostitwixxu l-element dominanti fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark komplessa. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument invokat minn B. Becker, li sostniet li l-ġurisprudenza fil-qasam ta’ trade marks komposti mhix applikabbli għal trade mark komposta minn isem proprju, fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

21.      L-appell ippreżentat minn B. Becker ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2009. Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-paragrafu 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li biha d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tas-7 ta’ Marzu 2007 ġiet annullata;

–        tannulla l-paragrafu 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li tikkundanna lill-UASI jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Harman International Industries;

–        tikkundanna lil Harman Int. Industries għall-ispejjeż.

22.      Ir-risposta ta’ Harman Int. Industries ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2009; din il-kumpannija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonferma s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-appellanti li tbati l-ispejjeż li sostniet Harman Int. Industries fil-proċeduri kollha quddiem l-UASI u quddiem il-qrati Komunitarji.

23.      Min-naħa tiegħu, l-UASI ppreżenta r-risposta tiegħu fit-8 ta’ Mejju 2009 (22) fejn talab li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha; u

–        tikkundanna lil Harman Int. Industries għall-ispejjeż sostnuti mill-UASI.

24.      Waqt is-seduta tal-11 ta’ Frar 2010, ir-rappreżentanti ta’ B. Becker, ta’ Harman Int. Industries u tal-UASI għamlu sottomissjonijiet verbali u wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-membri tal-Bord taw risposta għad-domandi li sarulhom mis-Sezzjoni u mill-Avukat Ġenerali.

V –    Analiżi tal-appell

A –    L-argumenti tal-partijiet

25.      B. Becker tqajjem aggravju wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. B’mod partikolari, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat b’mod żbaljat għall-każ preżenti konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-kawża Fusco ċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll li wettqet żball fl-applikazzjoni tas-sentenza Medion, iċċitata iktar ’il fuq, f’din il-kawża.

26.      Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali l-fatt li applikat għall-każ preżenti dikjarazzjoni inkluża fis-sentenza Fusco, li ssostni li, tal-inqas fl-Italja, il-konsumaturi jattribwixxu, bħala regola ġenerali, iktar karattru distintiv lill-kunjom meta mqabbel mal-isem preżenti fit-trade marks, filwaqt li naqset milli tikkunsidra waħda mis-sentenzi suċċessivi tagħha, fejn l-istess Qorti Ġenerali sostniet li din ir-regola ma tistax tiġi applikata b’mod awtomatiku, mingħajr ma jitqiesu l-partikolaritajiet ta’ kull każ (23). F’din l-aħħar sentenza, minkejja l-fatt li ż-żewġ trade marks inkwistjoni kien fihom l-istess kunjom Taljan “Rossi”, dan l-element ma ġiex meqjus dominanti sal-punt li jwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni (24).

27.      Permezz tat-tieni ilment, B. Becker tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeduċiet, bl-applikazzjoni tas-sentenza Medion, li l-element “Becker” kien jokkupa pożizzjoni distintiva u awtonoma fit-trade mark komposta, raġunament li wassalha sabiex tiddeċiedi li hemm xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti. F’dan ir-rigward, B. Becker issostni li, f’din is-sentenza, l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tevita biss l-eventwalità li terz ikun jista’ jżid l-isem tal-kumpannija tiegħu, probabbilment b’karattru distintiv dgħajjef, ma’ trade mark li hija diġà rreġistrata u jitlob il-protezzjoni għall-isem sħiħ, bi ħsara għall-imsemmija trade mark. Fi kwalunkwe każ, hija ssostni li, fis-sentenza Medion, ma ġietx stabbilita regola ġenerali li ssostni li kull element komuni għal żewġ trade marks, għalkemm mhux dominanti fit-trade mark komposta, għandu jitqies distintiv fis-sens tal-imsemmija sentenza, u b’hekk iwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni.

28.      Fl-aħħar nett, l-appellanti ssemmi l-kuntest differenti li fih ġiet deċiża s-sentenza inkwistjoni, peress li dak il-każ kien jirrigwarda ż-żieda tal-isem ta’ kumpannija ma’ trade mark preeżistenti, filwaqt li l-każ preżenti jirrigwarda applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ isem sħiħ, fejn il-kunjom jikkoinċidi ma’ trade mark oħra rreġistrata. Hija tinsisti fuq il-fatt li l-pubbliku jipperċepixxi s-sinjal “Barbara Becker” bħala isem ta’ persuna ta’ sess femminili, mingħajr ma awtomatikament iħawduh mal-kunjom Becker, li huwa komuni ħafna u għaldaqstant mhux adatt wisq sabiex jippermetti li jsir xebh kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti. Fl-opinjoni tal‑appellanti, għalhekk, il-Qorti Ġenerali għamlet żball meta sostniet li l-element “Barbara” jikkostitwixxi “sempliċement isem” (25) peress li dan l-isem, miżjud mal-kunjom inkwistjoni, jinfluwenza b’mod determinanti l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark tagħha, peress li jattribwixxi sinjifikat kunċettwali kompletament ġdid lill-kunjom “Becker”.

29.      Min-naħa tiegħu l-UASI jsostni, essenzjalement, l-argumenti mressqa mill-appellanti, b’mod partikolari l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi kollha tal-każ preżenti, bħall-popolarità tal-ex mara tat-tennista popolari, kif ukoll l-applikazzjoni żbaljata tas-sentenza Medion. B’mod definittiv, bl-istess mod bħal B. Becker, l-UASI jikkritika l-motivazzjoni tas-sentenza appellata li, għar-raġunijiet imsemmija, tidher kontradittorja u insuffiċjenti. Madankollu, waqt is-seduta, l-UASI kkonċentra l-kritiki tiegħu fuq l-applikazzjoni awtomatika tal-prinċipji tas-sentenza Medion.

30.      Min-naħa tagħha Harman Int. Industries, titlob iċ-ċaħda tal-appell, billi tikkunsidra li l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali hija korretta, u titlob sabiex is-sentenza appellata tiġi kkonfermata.

B –    Eżami tal-uniku aggravju tal-appell

1.      Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

31.      Qabel xejn, jeħtieġ jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ talba minn waħda mill-partijiet fil-kawża, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina ex officio l-kwistjonijiet relattivi mal-ammissibbiltà tal-appell jew wieħed mill-aggravji tiegħu (26). Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza ripetutament iddikjarat li skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 225(1) KE (li sar l-Artikolu 256 TFUE) u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi, u għandu jkun ibbażat fuq aggravji li huma bbażati, b’mod partikolari, fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti Ġenerali (27).

32.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ta’ dak li ntqal waqt is-seduta minn Harman Int. Industries dwar l-eventwali inammissibbiltà tal-argumenti sostnuti mill-partijiet opposti tagħha, huwa xieraq li tiġi eżaminata ex officio, l-ammissibbiltà tal-uniku aggravju ta’ dan l-appell.

33.      Din il-kwistjoni titqajjem b’mod partikolari mill-kritiki tal-appellanti u tal-UASI fir-rigward tal-fatt li s-sentenza appellata ma evalwatx it-trade mark mitluba minn Barbara Becker mill-perspettiva tal-impressjoni globali li tirriżulta miż-żieda tal-isem mal-kunjom, u ma rreferietx għall-karattru “komuni” jew ordinarju ta’ dan il-kunjom. Dawn il-kritiki kienu, fil-fatt, iqajmu suspett ta’ inammissibbiltà, peress li huma intiżi biss sabiex jitolbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti, eżerċizzju li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex awtorizzata li tagħmel f’dawn il-proċeduri (28).

34.      Ma naħsibx li dan huwa l-każ.

35.      Fl-ewwel lok, kif jindika l-UASI, dak li l-appellanti u l-UASI nnifsu jqajmu dubju dwaru mhuwiex daqstant ir-riżultat ta’ dawn l-evalwazzjonijiet fattwali iżda pjuttost il-motivazzjoni in extenso tas-sentenza appellata. L-ilment tagħhom isib sostenn f’ġurisprudenza stabbilita, li ssostni li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu kwistjonijiet ta’ dritt li jikkonfiguraw ksur ta’ forom sostanzjali skont l-Artikolu 230 KE (li sar Artikolu 263 TFUE) u jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ appell (29) jew jitqajmu, inkluż ex officio, bħala aggravji ta’ ordni pubbliku (30).

36.      Fit-tieni lok, kif indikajt fil-paragrafi preċedenti, matul is-seduta l-aggravju ġie ddefinit b’mod iktar ċar, għall‑anqas fir-rigward tal-UASI, li beda fuq kritika bbażata fuq id-difetti tal-motivazzjoni u mbagħad kompla fuq kritika oħra iktar definita dwar żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tas-sentenza Medion.

37.      B’konklużjoni għal dak li ntqal preċedentement, inqis korrett li nidderiġi l-ilmenti mressqa fil-konfront tas-sentenza appellata fil-kuntest tal-kategorija tal-iżball ta’ liġi.

2.      Fuq il-mertu tal-appell

38.      Il-kritiki espressi mill-appellanti fir-rikors promotur tagħha, moqrija flimkien mal-osservazzjonijiet tal-UASI, iqajmu qabel xejn il-kwistjoni tal-adegwatezza u tal-interpretazzjoni tas-sentenzi (essenzjalment tas-sentenzi Fusco u Medion) li rreferiet għalihom is-sentenza appellata, sabiex issolvi l-kawża “bi tluq, essenzjalment, mill-kuntest tal-kawża preżenti”. Fid-dawl tal-mertu ta’ dan l-appell, jiġifieri, l-probabbiltà ta’ konfużjoni, kif ukoll il-fondatezza tal-aggravju, jiġifieri l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandhom jissemmew il-kriterji ġuridiċi u ġurisprudenzjali applikabbli sabiex jiġi deċiż dan it-tip ta’ tilwim.

39.      Skont din id-dispożizzjoni, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma għandhiex tiġi rreġistrata jekk minħabba l-identiċità tagħha, jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min‑naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Din il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

40.      Min-naħa tagħha, il-premessa 7 tar-Regolament Nru 40/94 tipprovdi li l-possibbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fis-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn is-sinjal użat u dak irregistrat, il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati.

41.      Min‑naħa tagħha, u b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li r-riskju li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, jikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (31).

42.      Rigward il-mod kif għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ din il‑probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali min-naħa tal-pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-każ (32).

43.      Bl-istess mod, skont din il-ġurisprudenza stabbilita, l-analiżi globali tinkludi l-analiżi tax-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti, filwaqt li tispeċifika li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha barra minn hekk tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali prodotta mit-trade marks, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza fuq il-fatt li l-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni tgawdi minn rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġenerali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza kostantement sostniet li l-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fit-totalità tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti (33).

44.      F’dan il-każ, la x-xebh tal-prodotti u lanqas il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni mill-aspett grafiku u fonetiku mhuma kkontestati. L-element li qed jiġi diskuss, b’mod definittiv, jikkonsisti fix-xebh kunċettwali, dak li, fil-każ inkwistjoni, jinvolvi essenzjalment analiżi tat-tifsira tal-kunjom “Becker” u tal-isem sħiħ “Barbara Becker”, bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi stabbilita l-influwenza eżerċitata mill-isem fuq il-kunjom.

45.      Sabiex isir dan, kien indispensabbli, kif tfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li “jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-każ”. F’dan il-kuntest isir ta’ rilevanza partikolari  l-fatt,li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-UASI, li kienet is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, laqgħet id-differenza kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti, billi l‑Bord ibbaża d-deċiżjoni tiegħu, fil-parti l-kbira, fuq id-dgħjufija tat-trade mark BECKER, minħabba l-karattru ordinarju tal-kunjom, u fuq il-popolarità ta’ Barbara Becker fil-Ġermanja (34).

46.      Madankollu, kif jiġi speċifikat iktar ’il quddiem, is-sentenza appellata segwiet approċċ skematiku, mibni fuq sentenzi preċedenti kemm tal-Qorti Ġenerali (Fusco) kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja (Medion), li huma kemxejn iżolati, li fihom iċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawżi inkwistjoni kellhom importanza partikolari jekk mhux determinanti.

47.      Fil-fatt, fil-punti 34 sa 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel u twieġeb il-mistoqsija dwar ix-xebh fuq il-livell kunċettwali. Il-konklużjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni tinbena essenzjalment permezz tal-punti 35 u 36 tas-sentenza Fusco, u tal-punti 37 sa 41 tas-sentenza Medion.

48.      Fl-ewwel lok, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-kunjom “becker” għandu “karattru distintiv iktar b’saħħtu” meta mqabbel mal-element “barbara”, billi tibbaża fuq is-sentenza Fusco, fejn il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks “Enzo Fusco” u “Antonio Fusco” billi telqet mill-kunsiderazzjoni, riprodotta hawn, li tal-inqas fl-Italja, il-konsumaturi jattribwixxu karattru distintiv ikbar lill-kunjom milli lill-isem preżenti fit-trade marks. Il-portata tal-popolarità tal-appellanti fil-Ġermanja hija irrilevanti fuq il-livell kunċettwali (punti 34 u 35).

49.      Madankollu, huwa diffiċli li tiġi aċċettata estensjoni, jista’ jingħad, daqshekk awtomatika tas-sentenza Fusco, għal dan il-każ, fid-dawl tal-importanza li dik l-istess sentenza tattribwixxi għaċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, kif jirriżulta mill-espressjonijiet bħalma huma “f’dan il-kuntest” u “f’dan il-każ” jew “fit-trade marks inkwistjoni” inklużi fil-punt 54.

50.      Il-piż taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ imsemmi f’din l-aħħar sentenza ġie evidenzjat f’sentenza li ngħatat ftit żmien wara mill-istess Awla tal-Qorti Ġenerali, fil-kawża Marcorossi, fejn ukoll kienu inkwistjoni kunjomijiet Taljani. Fil-fatt, wara li fakkret li l-perċezzjoni tas-sinjali komposti minn isem u kunjom tista’ tvarja fil-pajjiżi differenti tal-Komunità Ewropea u li ma jistax jiġi eskluż li f’ċerti pajjiżi l-konsumaturi jiftakru l-kunjom pjuttost milli l-isem, billi rreferiet espressament għas-sentenza Fusco, il-Qorti Ġenerali speċifikat li “din ir-regola ġenerali [...] madankollu ma tistax tiġi applikata awtomatikament mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi speċifiċi tal-każ”.

51.      Fit-tieni lok, u fuq dan il-punt b’mod partikolari jikkonċentraw ir-riżervi tiegħi, is-sentenza appellata tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għad-domanda preliminari magħmula fil-kawża Medion.

52.      Għandu jitfakkar li l-probabbiltà ta’ konfużjoni inkwistjoni f’din id-domanda preliminari kienet tirreferi għat-trade mark LIFE, irreġistrata mill-kumpannija Ġermaniża Medion sabiex tiddisinja tagħmir elettroniku għall-ħin liberu, bl-isem THOMSON LIFE, li permezz tiegħu l-kumpannija Thomson kienet tikkumerċjaliżża xi wħud mill-prodotti tagħha. F’din il-kawża, kienet teżisti identiċità, tal-inqas parzjali, bejn il-prodotti koperti miż-żewġ trade marks, u għal din ir-raġuni Medion kienet talbet lill-qorti nazzjonali sabiex tipprojbixxi lil Thomson milli tuża l‑isem imsemmi iktar ’il fuq sabiex tiddisinja l-prodotti li fir-rigward tagħhom kienet stabbilita l-imsemmija identiċità (35).

53.      F’dan il-kuntest, il-portata vera tad-duttrina żviluppata fil-kawża Medion tirriżulta mill-kuntrast bejn il-kliem tad-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali u r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk “teżistix” probabbiltà ta’ konfużjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ, bħal dawk li għadhom kif ġew deskritti, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li din il-probabbiltà “tista’ teżisti” f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti. Is-sens tal-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta tagħha jirriżulta b’mod ċar mill-punt 30 tas-sentenza ċċitata. Fil-fatt, f’din is-sentenza, u wara li reġgħet sostniet, bħala regola ġenerali, l-obbligu li ssir, fl-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, “evalwazzjoni globali” jew li jsir riferiment għall-“impressjoni ġenerali”, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti (punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-possibbiltà, li għandha titqies eċċezzjonali, li trade mark preċedenti, użata minn terz f’sinjal kompost, ikollha pożizzjoni distintiva u awtonoma fi ħdan dan tal-aħħar, għalkemm ma tikkostitwixxix l-element dominanti tagħha.

54.      Fil-fatt, f’din il-kawża, billi eżaminat ir-rekwiżiti għal eventwali probabbiltà ta’ konfużjoni, fil-punt 30 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “madankollu, lil hinn mill-każ normali li fih il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha, u minkejja ċ-ċirkustanza li l-impressjoni ġenerali tista’ tkun iddominata minn wieħed jew bosta komponenti ta’ Trade mark komplessa, ma jistax ikun eskluż li, f’każ partikolari, trade mark preċedenti, użata minn terz f’sinjal kompost li jinkludi l-isem tal-impriża tat-terz innifsu, iżżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi l-element dominanti tagħha (36).”

55.      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet lill-qorti nazzjonali f’din il-kawża fir-rigward tal-verifikazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali, fil-każijiet fejn trade mark komposta tinkludi fost l-elementi tagħha trade mark preċedenti rreġistrata, u b’hekk jobbligawha sabiex tiċħad l-hekk imsemmija “Prägetheorie” (teorija tal-impressjoni prodotta) (37).

56.      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta b’mod ċar li, jekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha prinċipalment fuq id-duttrina Medion sabiex tikkonstata probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati, hija kellha tirraġuna b’termini ta’ eċċezzjoni (38), jiġifieri kellha tispjega għaliex f’din il-kawża, b’mod eċċezzjonali, kellha tinjora r-rekwiżit ġenerali li teżamina l-applikazzjoni tat-Trade mark komposta abbażi tal-impressjoni komplessiva, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħha. Fi kliem ieħor, is-sentenza appellata kellha tipprovdi argumenti adatti sabiex tispjega għaliex, fil-kuntest tal-eventwali xebh kunċettwali bejn “barbara becker” u “becker”, f’dan il-każ mhux meħtieġ li l-element “becker” jokkupa pożizzjoni dominanti fl-intier tat-trade mark.

57.      Madankollu, ma jirriżulta xejn simili mill-motivazzjoni tas-sentenza appellata. Bil-kontra, huwa possibbli li wieħed isib biss kunsiderazzjoni oħra (punt 37), li ssostni li l-element “becker” jikkorrispondi għall-kunjom, u dan mhux qed jiġi kkontestat, u diffiċilment jista’ jitwieġeb. Abbażi ta’ kunsiderazzjoni bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi direttament xebh bejn “becker” u “barbara becker” (punt 38) u bħala konsegwenza, żball ta’ liġi li għamel il-Bord tal-Appell (punt 39).

58.      Għandu jitfakkar li fis-sentenza appellata ma ssir la analiża lanqas riċerka fir-rigward tal-kunjom Becker, sabiex jiġi stabbilit jekk dan jokkupax din il-pożizzjoni distintiva u awtonoma li tirreferi għaliha s-sentenza Medion, minkejja li ma jokkupax pożizzjoni dominanti fl-intier tat-Trade mark, u għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, kien ikun indispensabbli li jiġi vverifikat il-karattru distintiv tal-ewwel trade mark BECKER (39). Fil-fatt, jekk din it-trade mark kienet tgawdi livell għoli ta’ popolarità mal-pubbliku, kull trade mark oħra li kellha l-pretensjoni li tkopri prodotti identiċi kienet ser issib diffikultà iktar sabiex tikseb dritt fuq dan il-kunjom.

59.      B’mod definittiv, jekk wieħed jitlaq minn fehma ġenerali u parzjalment żbaljata tal-qari flimkien tas-sentenzi Fusco u Medion, is-sentenza appellata tista’ twassal li wieħed jaħseb, b’mod żbaljat, li, bħala prinċipju, kull kunjom li jikkoinċidi ma’ trade mark preċedenti jista’ jikkontesta b’suċċess ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark komposta minn isem u mill‑kunjom inkwistjoni, abbażi ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

60.      Fi kliem ieħor, iż-żieda ta’ regola preżunta ta’ prinċipju meħuda minn sentenza preċedenti tal-istess Qorti Ġenerali u ta’ regola oħra meħuda minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li twassal għal konklużjoni kważi neċessarja, fejn il-kwistjoni tax-xebh kunċettwali tiġi prattikament injorata, sa fejn, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx l-elementi kollha ta’ fatt tal-kawża kif kienet miżmuma li tagħmel skont il-ġurisprudenza. B’mod partikolari, is-sentenza naqset milli tanaliżża l-eventwali influwenza tal-isem fuq il-portata kunċettwali tat-trade mark Barbara Becker u l‑grad, ikbar jew inqas, ta’ karattru distintiv ta’ trade mark kostitwita minn kunjom biss.

61.      B’konklużjoni għal dak li ntqal preċedentement, nikkunsidra li s-sentenza appellata hija vvizjata minn żball ta’ liġi u li, għaldaqstant għandu jintlaqa’ l-uniku aggravju u tiġi annullata din is-sentenza.

62.      Minħabba li jidher li l-iżball irrilevat jista’ jiġi rrimedjat biss billi jsiru l-evalwazzjonijiet fattwali li jsir riferiment għalihom fil-punt preċedenti, u billi jitħalla barra l-fatt li fis-sentenza appellata, fid-dawl tat-termini tagħha, il-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta li tirrispondi għat-tieni motiv invokat mill-appellanti, inqis li l-kawża fl-istat li hi ma tistax tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u għaldaqstant nipproponi r-rinviju tagħha lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħmel dawn il-verifiki u tiddeċiedi mill-ġdid skonthom.

VI – Dwar l-ispejjeż

63.      Minħabba li nipproponi li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

VII – Konklużjoni

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

1)         tannulla s-sentenza fl-integralità tagħha tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Diċembru 2008, Harman International Industries vs UASI (T‑212/07);

2)         tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

3)         tirriżerva l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 –      Kawża T-212/07, Ġabra p. II-3431.


3 –      Deċizjoni tas-7 ta’ Marzu 2007 (Każ R 502/2006-1).


4 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) fis-seħħ mid-data indikata.


5 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, għall-implementazzjoni tal-ftehim milħuq fil-kuntest tal-Uruguay Round (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 185), u fl-aħħar nett bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004, tad-19 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”).


6 – Applikazzjoni ppubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 13/2004, tad-29 ta’ Marzu 2004.


7 –      Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.


8 –      Irreġistrata fl-1 ta’ Lulju 2002 bin-numru 1.823.228.


9 –      L-applikazzjoni, tat-2 ta’ Novembru 2000 bin-numru 1.944.578, ġiet irreġistrata sussegwentement bħala trade mark fis-17 ta’ Settembru 2004.


10 –      Ara l-punti 22 u 27 tas-sentenza appellata.


11 –      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2005.


12 –      Deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


13 –      Punt 29 tad-deċiżjoni.


14 –      Punti 34 u 35 tad-deċiżjoni.


15 –      Punt 36 tad-deċiżjoni.


16 –      Punti 36 sa 42 tad-deċiżjoni.


17 –      Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux (C‑408/01, Ġabra p. I‑12537, punt 41).


18 –      Punt 33 tas-sentenza appellata.


19 –      Ara l-punti 34 sa 38 tas-sentenza appellata.


20 –      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Marzu 2005, Fusco vs UASI - Fusco International (ENZO FUSCO), (T‑185/03, Ġabra p. II‑715, punt 54).


21 –      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2005 (C‑120/04, Ġabra p. I‑8551 punti 30 u 37).


22 –      Faks tal-4 ta’ Mejju.


23 –      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI ‑ Marcorossi (MARCOROSSI) (T‑97/05, Ġabra p. II-54, punt 45; iktar ’il quddiem is-“sentenza Marcorossi”).


24 –      Sentenza Marcorossi, punti 46 u 47.


25 –      Punt 36 tas-sentenza appellata.


26 –      Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 46), u tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni (C‑17/07 P, Ġabra p. I-36, punt 38).


27 –      Sentenzi tat-8 ta’ April 1992, F. vs Il-Kummissjoni (C‑346/90 P, Ġabra p. I‑2691, punti 6 u 7); tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni (C‑53/92 P, Ġabra p. I‑667, punt 10); tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 47), u tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam (C‑494/06 P, Ġabra p. I-3639, punt 29).


28 –      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI (Companyline) (C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punti 21 u 22, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, punti 59 u 60); ara wkoll, id-digrieti tal-5 ta’ Frar 2004, Telefon & Buch vs UASI (C‑326/01 P, Ġabra p. I‑1371, punt 35), u Streamservice vs UASI (C‑150/02 P, Ġabra p. I‑1461, punt 30).


29 –      Sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il-Kummissjoni (C‑283/90 P, Ġabra p. I‑4339, punt 29); tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni (C‑401/96, Ġabra p. I‑2587, punt 53); tat-13 ta’ Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni (C‑446/00 P, Ġabra p. I‑10315, punt 20), u tat-8 ta’ Frar 2007, Grupo Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 45).


30 –      Sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix (C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 24); tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67); tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et (C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061, punt 114); tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 174); u tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra p. I-11245, punt 34).


31 – Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal‑21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-Trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 17); Medion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; kif ukoll, b’relazzjoni għar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker (C‑334/05 P, Ġabra p. 4529, punt 33), u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI (C‑193/06 P, Ġabra p. I-114, punt 32).


32 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 22); Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode (C‑425/98, Ġabra p. I‑4861, punt 40); Medion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27; tat-23 ta’ Marzu 2006, Mülhens vs UASI (C‑206/04 P, Ġabra p I‑2717, punt 18); UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; ara wkoll id-digriet tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs UASI (C‑3/03 P, Ġabra p. I‑3657, punt 28).


33 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SABEL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23; Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; Medion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28; Mülhens vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, u UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, kif ukoll id-digriet Matratzen Concord vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq, punt 29.


34 –      Punti 36 sa 41 tad-deċiżjoni appellata.


35 –      Ara l-punti 6 sa 10 tas-sentenza.


36 –      Il-korsiv huwa tiegħi.


37 – Abbażi ta’ din it-teorija, sabiex jiġi evalwat ix-xebh tas-sinjal ikkontestat, jeħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq l-impressjoni ġenerali ta’ kull wieħed miż-żewġ sinjali u jistħarreġ jekk il-parti identika tikkaratterizzax is-sinjal kompost b’tali mod li l-elementi l-oħra fil-parti l-kbira jitpoġġew fl-isfond għall-ħolqien tal-impressjoni ġenerali. Sentenza Medion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12.


38 – F. Hacker, “§ 9 - Relative Eintragungshindernisse – Ähnlichkeit mehrgliedriger Marken”, f’Ströbele/Hacker, Markengesetz Kommentar, id‑Disa’ Edizzjoni, Editur Carl Heymanns, Köln, 2009, p. 598.


39 – E. Keller, u A. Glinke, “Die “MEDION”-Entscheidung des EuGH: Neujustierung der verwechselungsrelevanten Markenähnlichkeit bei Kombinationsmarken”, f’Wettbewerb in Recht und Praxis, Nru 1/2006, p. 21 et seq., p. 27.

Top