EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0275

Kawża C-275/08: Rikors ippreżentat fl- 24 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

OJ C 223, 30.8.2008, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/28


Rikors ippreżentat fl-24 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-275/08)

(2008/C 223/44)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Wilms u D. Kukovec, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 flimkien ma' l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista (1), minħabba l-fatt li d-Datenzentrale Baden-Württemberg tat kuntratt pubbliku għall-provvista u manutenzjoni ta' programm ta' softwer mingħajr ma' saret sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-suġġett ta' dan ir-rikors huwa l-konklużjoni ta' kuntratt għall-provvista ta' programm ta' softwer użat għar-reġistrazzjoni ta' vetturi bejn id-Datenzentrale Baden-Württemberg u l-Anstalt für Kommunale Datenverarbeitung in Bayern (AKDB). Id-deċiżjoni kkontestata ta' għoti tal-kuntratt ġiet adottata fil-kuntest ta' proċedura nnegozjata li ma kienet ippreċeduta minnn ebda avviz ta' sejħa għal offerti, fejn in-negozjati saru ma' l-AKDB bħala l-uniku interlokutur.

Skond il-Kummissjoni, sabiex jiġi aċċertat li sar ksur tat-Trattat il-fatt li l-kuntratt diġà ġie suġġett għal proċedura ta' reviżjoni fil-Ġermanja fis-sens tad-Direttiva 89/665/KEE m'għandu l-ebda rilevanza, minħabba li bejn proċedura ta' reviżjoni quddiem qorti nazzjonali u proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE hemm diversi differenzi sostanzjali kemm mill-aspett ta' l-għanijiet rispettivi tagħhom kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-partijiet u l-iżvolġiment tal-proċeduri.

Il-kuntratt in kwistjoni huwa kuntratt pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/36/KEE. Skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, il-valur tal-kuntratt jammonta għal bejn wieħed u ieħor EUR 1 miljun u għalhekk jaqbeż il-limitu stabbilit mid-Direttiva. Id-Datenzentrale hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, li ġiet maħluqa għall-għan speċifiku ta' interess ġenerali li tikkoordina u tippromwovi l-ipproċessar elettroniku ta' data fl-amministrazzjoni pubblika. L-imsemmija entità hija wkoll taħt il-kontroll prinċipali tal-Land Baden-Württemberg, li jaħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord tad-diretturi. Għaldaqstant din hija awtorità kontraenti fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 93/36/KEE, li hija obbligata tosserva, fil-kuntest ta' l-għoti ta' kuntratti pubbliċi li jaqgħu fl-ambitu ta' l-applikazzjoni ta' din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet ta' din ta' l-aħħar. Għall-finijiet ta' l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/36/KEE, il-fatt li d-Datenzentrale kif ukoll l-AKDB huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku m'għandu l-ebda importanza.

Skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, ma jeżistux ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw l-għoti diskrezzjonali tal-kuntratt, per eżempju permezz ta' proċedura nnegozjata mingħajr ma qabel ikun ġie ppubblikat avviż ta' sejħa għal offerti. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura nnegozjata hija ta' natura eċċezzjonali u tista' tiġi applikata biss f'każijiet “partikolari, speċifikati b'mod dettaljat”. L-oneru tal-prova dwar l-eżistenza ta' ċirkustanzi eċċezzjonali huwa fuq l-Istat Membru li jkun irid jinvokahom. Minħabba, però, li, skond il-Kummissjoni, il-konvenuta fil-kawża preżenti ma ssodisfatx dan l-oneru tal-prova, l-imsemmija istituzzjoni tisħaq li kienet obbligata tikkonkludi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz tal-konklużjoni tal-kuntratt in kwistjoni mingħajr ma qabel saret proċedura ta' sejħa għal offerti bil-pubblikazzjoni ta' l-avviż relattiv fuq livell Komunitarju, kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 flimkien ma' l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista.


(1)  ĠU L 199, p. 1.


Top