EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0486

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' April 2010.
Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols vs Land Tirol.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landesgericht Innsbruck - l-Awstrija.
Politika soċjali - Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time u Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss - Dispożizzjonijiet żvantaġġużi previsti mil-liġi nazzjonali għall-membri tal-persunal b’kuntratt li jaħdmu part-time, okkażjonalment jew taħt kuntratt għal żmien fiss - Prinċipju ta’ trattament ugwali.
Kawża C-486/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:215

Kawża C-486/08

Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols

vs

Land Tirol

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Innsbruck)

“Politika soċjali — Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time u Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat — Dispożizzjonijiet żvantaġġużi previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-membri tal-persunal bil-kuntratt li jaħdmu part-time, okkażjonalment jew taħt kuntratt għal żmien determinat — Prinċipju ta’ trattament ugwali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP dwar ix-xogħol part‑time — Direttiva 97/81

(Direttiva tal-Kunsill 97/81, kif emendata bid-Direttiva 98/23, Anness, klawżola 4, punt 2)

2.        Politika soċjali — Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP dwar ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4)

3.        Politika soċjali — Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP dwar il-leave parentali — Direttiva 96/34

(Direttiva tal-Kunsill 96/34, kif emendata bid-Direttiva 97/75, Anness, klawżola 2, punt 6)

1.        Id-dritt rilevanti tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81, dwar l-imsemmi Ftehim konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u miċ-CES, kif emendata permezz tad-Direttiva 98/23, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha meta l-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiem jinbidel, il-leave li jkun għadu ma tteħidx għandu jiġi adattat b’mod li l-ħaddiem li jgħaddi minn xogħol full-time għal xogħol part-time jkollu d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas li kiseb, mingħajr ma kellu l-possibbiltà li jeżerċita, matul il-perijodu ta’ impjieg full-time mnaqqas jew ma jkunx jista’ jibbenefika iktar minn dan il-leave ħlief fuq il-bażi ta’ allowance ta’ leave mħallas ta’ ammont inqas.

(ara l-punt 35, u d-dispożittiv 1)

2.        Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali rigward membri tal-persunal bil-kuntratt il-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal tul massimu ta’ sitt xhur, jew li jkunu impjegati biss okkażjonalment.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola 4, punt 1, tal-Ftehim, li jistgħu jiġġustifikaw it-trattament differenti ta’ ħaddiem b’xogħol għal żmien determinat meta mqabbel ma’ ħaddiem b’xogħol għal żmien indeterminat, għandu jinftiehem li ma jawtorizzax ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti bejn il-ħaddiema b’xogħol għal żmien determinat u l-ħaddiema b’xogħol għal żmien indeterminat minħabba l-fatt li dan l-aħħar huwa previst minn regola nazzjonali ġenerali u astratta. Bil-kontra, l-imsemmi kunċett jeżiġi li l-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni tissodisfa bżonn ġenwin, jiġifieri li tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li tkun meħtieġa għal dan l-iskop.

(ara l-punti 41, 44, 47, u d-dispożittiv 2)

3.        Il-klawżola 2(6) tal-Ftehim Qafas fuq il-leave parentali, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 96/34, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC [CES], kif emendata permezz tad-Direttiva 97/75, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprovdi li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave parentali ta’ sentejn, jitilfu, wara dan il-leave, id-drittijiet għal-leave annwali mħallsa miksuba matul is-sena qabel it-twelid tal-wild tagħhom.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “drittijiet miksuba jew fil-proċess li jkunu miksuba” fis-sens tal-klawżola 2(6) tal-Ftehim Qafas jkopri d-drittijiet u l-vantaġġi kollha, fi flus jew f’oġġetti, li jirriżultaw direttament jew indirettament mir-relazzjoni ta’ xogħol, li l-ħaddiem jista’ jitlob mingħand dak li jħaddem fid-data tal-bidu tal-leave parentali.

(ara l-punti 53, 56, u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ April 2010 (*)

“Politika soċjali – Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time u Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat – Dispożizzjonijiet żvantaġġużi previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-membri tal-persunal bil-kuntratt li jaħdmu part-time, okkażjonalment jew taħt kuntratt għal żmien determinat – Prinċipju ta’ trattament ugwali”

Fil-Kawża C‑486/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura

Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols

vs

Land Tirol,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għaz-Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, minn D. Rief,

–        għal-Land Tirol, minn B. Oberhofer, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u T. Kröll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u R. Holdgaard, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC [CES] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278), minn naħa, u l-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat”, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), min-naħa l-oħra, kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, P. 23).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn iz-Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (kumitat għax-xogħlijiet tal-isptarijiet tat-Tirol) u l-Land tat-Tirol fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi tat-Tirol dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt (Tiroler Landes-Vertragsbedienstetengesetz), tat-8 ta’ Novembru 2000 (BGBl. I, 2/2001), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal-1 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem il-“L‑VBG”), li tikkonċerna l-membri tal-persunal bil-kuntratt impjegati okkażjonalment, part-time jew għal żmien determinat, kif ukoll dawk li jieħdu leave parentali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont il-klawżola 1(a), tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, dan għandu l-għan:

“li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time”.

4        Il-klawżola 4 tal-imsemmi Ftehim Qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.      Meta approprjat, il-prinċipju ta’ pro rata temporis għandu japplika.

[…]”

5        Il-klawżola 1(a) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat jipprovdi li dan għandu l-għan:

“li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”.

6        Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Prinċipju tan-non-diskriminazzjoni”, tippreċiża:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss [żmien determinat] sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

2.      Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

[…]”

7        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54 huwa fformulat kif ġej:

“1.      M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[…]

ċ)      Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 tat-Trattat;

[…]”

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Diretiva tapplika għal:

a)      il-perjodi minimi ta’ […] leave annwali […]

[…]”

9        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave annwali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas [mħallas] ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

10      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Ebda deroga ma hija ammessa fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

11      Il-punt 6 tal-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas fuq il-leave parentali, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim Qafas fuq il-leave parentali”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC [CES] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 3, p. 263), jistabbilixxi dan li ġej:

“Id-drittijiet akkwiżiti [miksuba] jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti [miksuba] mill-ħaddiem fid-data li fiha l-leave tal-ġenituri [parentali] jibda għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave tal-ġenituri. Fit-tmiem tal-leave tal-ġenituri, dawn id-drittijiet, inkluż kull tibdil ikkawżat mill-liġi, mill-ftehim kollettiv u mill-prattiċi nazzjonali, għandhom japplikaw.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12      L-Artikolu 1 tal-L‑VBG jipprovdi:

“1)      Din il-liġi tapplika, sakemm il-paragrafu 2 ma jipprovdix għal dispożizzjonijiet ta’ deroga, għall-impjegati kollha li għandhom relazzjoni kuntrattwali rregolata mid-dritt privat mal-Land tat-Tirol (membri tal-persunal bil-kuntratt).

2)      Din il-liġi ma tapplikax għall-:

[…]

m)      persuni impjegati għal perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur jew b’mod okkażjonali u lanqas għal dawk li, minkejja li huma impjegati legalment, jaħdmu biss għal numru ta’ sigħat li jammonta għal inqas minn 30 % tax-xogħol full-time;

[…];

[…]”

13      L-Artikolu 54 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-membri tal-persunal bil-kuntratt għandhom dritt għal leave (leave annwali) għal kull sena.”

14      L-Artikolu 55 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1)      Għal kull sena, it-tul taż-żmien tal-leave, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ deroga, huwa ta’:

[…]

5)      Fil-każ ta’ bdil tal-kuntratt tax-xogħol, għandu jiġi adattat il-leave annwali li ma ġiex eżerċitat b’mod proporzjonali għan-numru ta’ sigħat tal-kuntratt il-ġdid.”

15      Skont l-Artikolu 60 tal-L‑VBG:

“Id-dritt għal-leave annwali jiskadi jekk il-membru tal-persunal bil-kuntratt ma jkunx ħa l-leave tiegħu qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara s-sena li matulha kien dovut dan il-leave. Jekk ma huwiex possibbli li jittieħed dan il-leave għal raġunijiet ta’ xogħol, id-dritt għal-leave jiskadi mat-tmiem tas-sena li tiġi wara s-sena inkwistjoni. Jekk l-uffiċjal kuntrattwali ħa leave tal-maternità, skont il-liġi fuq il-leave tal-maternità [Tiroler Mutterschutzgesetz] tal-2005 jew tal-1979 jew skont il-liġi dwar il-leave parentali [Tiroler Eltern-Karenzurlaubsgesetz] tal-2005, it-terminu sabiex jittieħed dan il-leave annwali jiżdied bin-numru ta’ xhur tal-leave mhux remunerat li jaqbeż l-għaxar xhur.”

16      Il-liġi tat-12 ta’ Novembru 2008 (BGBl. I, 5/2009), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2009, emendat l-Artikolu 1(2)(m) tal-L‑VBG li issa huwa fformulat kif ġej:

“persuni impjegati għal perijodu limitat ta’ mhux iktar minn sitt xhur jew fuq okkażjonalment”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet, inkwantu korp kompetenti għall-impjegati tal-isptarijiet tal-Land tat-Tirol, talba għal dikjarazzjoni skont il-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 54(1) tal-liġi dwar it-tribunali industrijali u soċjali (Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz, BGB1. Nr.104/1985).

18      Din it-talba, diretta kontra l-Land Tirol inkwantu persuna li tħaddem, hija intiża għal dikjarazzjoni mil-Landesgericht Innsbruck li ċerti dispożizzjonijiet tal-L‑VBG huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 4(1) [klawżola 4, punt 1] tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time […] li l-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratt irregolat bid-dritt privat minn awtorità lokali jew reġjonali jew impriża pubblika u li jaħdmu inqas minn 12-il siegħa fil-ġimgħa (30 % tal-ħin tax-xogħol normali) jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn impjegati full-time komparabbli f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni, il-klassifikazzjoni, ir-rikonoxximent tal-perijodi ta’ impjieg preċedenti, id-drittijiet għal-leave annwali, l-allowances speċjali, iż-żidiet għas-sahra eċċ?

2)      Il-prinċipju tal-pro-rata-temporis stipulat fl-Artikolu 4(2) [klawżola 4, punt 2] ta’ dan il-Ftehim Qafas għandu jiġi interpretat b’mod li jipprekludi dispożizzjoni tal-liġi [leġiżlazzjoni] nazzjonali bħall-Artikolu 55(5) tal-L‑VBG, li skontha meta l-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiem jinbidel, il-leave li jkun għadu ma tteħidx għandu jiġi adattat b’mod li l-ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu jitnaqqas u li jgħaddi minn xogħol full-time għal xogħol part-time jkollu d-drittijiet tiegħu għal-leave li kiseb matul il-perijodu ta’ impjieg full-time […] jew bħala ħaddiem part-time [mnaqqsa], ma jkunx jista’ jibbenefika iktar minn dan il-leave ħlief fuq il-bażi ta’ allowance ta’ leave imħallas ta’ ammont inqas?

3)      Dispożizzjoni tal-liġi [leġiżlazzjoni] nazzjonali bħall-Artikolu 1(2)(m) tal-L‑VBG, li skontha l-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol limitat [għal żmien determinat] għal tul massimu ta’ sitt xhur, jew li jkunu impjegati biss okkażjonalment, huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema komparabbli, li għandhom kuntratt għal żmien indefinit [indeterminat], f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni, il-klassifikazzjoni, ir-rikonoxximent tal-perijodi ta’ impjieg preċedenti, id-dritt għal-leave, l-allowances speċjali u ż-żidiet għas-sahra tmur kontra l-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas [dwar xogħol għal żmien determinat]?

4)      Hemm diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess, skont l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva […] 2006/54/KE […] meta ħaddiema li jieħdu leave parentali għal perijodu ta’ sentejn awtorizzat mil-liġi jitilfu d-drittijiet għal-leave annwali għas-sena ta’ qabel it-twelid mat-tmiem tal-leave parentali u meta l-ħaddiema kkonċernati huma fil-parti l-kbira tagħhom (97 %) nisa?”

20      B’digriet tal-10 ta’ Diċembru 2009, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2009, il-Landesgericht Innsbruck talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi mhux fuq l-ewwel domanda, iżda biss fuq it-tieni u r-raba’ domandi li tressqu quddiemha skont l-Artikolu 234 KE.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Land Tirol issostni li, fin-nuqqas tal-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għamlet riferiment għalihom il-qorti nazzjonali, id-domandi preliminari ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma inammissibbli.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru li jkunu, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, huma jistgħu jiġu invokati minn individwi kontra l-Istat Membru, b’mod partikolari fil-kwalità tiegħu bħala persuna li tħaddem (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C‑187/00, Ġabra p. I‑2741, punti 69 u 71; tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 57, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho, C‑537/07, Ġabra p. I‑6525, punt 33). Ma hemmx dubju li dan huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54.

23      Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-ftehim li, bħall-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time u dak dwar ix-xogħol għal żmien determinat, ġew milħuqa permezz ta’ djalogu li sar bejn imsieħba soċjali fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea u li ġew implementati, b’mod konformi mal-bażi ġuridika rispettiva tagħhom, minn direttiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li huma jifformaw parti integrali minnha.

24      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod partikolari li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat hija mingħajr kundizzjoni u preċiża biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali (ara s-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 2 tad-dispożittiv). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-klawżola 4(2) tal-imsemmi Ftehim Qafas sempliċement tenfasizza waħda mill-konsegwenzi li jistgħu jkunu marbuta, jekk ikun il-każ, u suġġett għall-istħarriġ eventwali tal-qorti, mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni favur ħaddiema b’xogħol għal żmien determinat, mingħajr ma tippreġudika bl-ebda mod il-kontenut innifsu ta’ dan il-prinċipju (s-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

25      Fid-dawl ta’ dak li ntqal kif ukoll tal-fatt li l-kliem tal-Klawżoli 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time u dak dwar ix-xogħol għal żmien determinat huwa, mutatis mutandis, identiku, għandu jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għalihom tirreferi l-qorti nazzjonali huma mingħajr kundizzjoni u preċiżi biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati minn individwu quddiem qorti nazzjonali.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq it-tieni domanda

27      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt rilevanti tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 55(5) tal-L‑VBG, li skontha meta l-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiem jinbidel, il-leave li jkun għadu ma tteħidx għandu jiġi adattat b’mod li l-ħaddiem li jgħaddi minn xogħol full-time għal xogħol part-time jkollu d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas li kiseb matul il-perijodu ta’ impjieg full-time mnaqqas jew ma jkunx jista’ jibbenefika iktar minn dan il-leave ħlief fuq il-bażi ta’ allowance ta’ leave mħallas ta’ ammont inqas.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, ta’ importanza partikolari, li ma tistax issir deroga minnu u li l-implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 94/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), infisha (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99 , Ġabra p. I‑4881, punt 43; tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C‑342/01. Ġabra p. I‑2605, punt 29, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, Ġabra p. I‑2531, punt 48; fir-rigward tad-Direttiva 2003/88, ara s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, Ġabra p. I‑179, punt 22, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, Ġabra p. I‑8405, punt 18).

29      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li peress li dan il-prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni huwa ta’ importanza partikolari, huwa ma jistax jiġi interpetat b’mod restrittiv (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, Ġabra p. I‑10063, punt 42).

30      Huwa paċifiku, barra minn hekk, li l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas huwa li jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji (ara s-sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). Dan iż-żmien ta’ mistrieħ ma jitlifx is-sinjifikat tiegħu fir-rigward tal-effett pożittiv tal-leave annwali mħallas għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem jekk ma jitteħidx fil-perijodu ta’ referenza iżda matul perijodu sussegwenti (sentenza tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C‑124/05, Ġabra p. I‑3423, punt 30).

31      Fil-fatt, il-ħaddiem għandu normalment ikollu l-possibbiltà li jibbenefika minn mistrieħ effettiv, billi huwa biss fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jippermetti li d-dritt għal-leave annwali mħallas jiġi ssostitwit permezz ta’ kumpens finanzjarju (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 93/104, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BECTU, punt 44, u Merino Gómez, punt 30).

32      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-teħid ta’ leave annwali matul perijodu sussegwenti għall-perijodu ta’ referenza ma għandux x’jaqsam mal-ħin ta’ xogħol magħmul mill-ħaddiem matul dan il-perijodu sussegwenti. Għaldaqstant, bdil, u b’mod partikolari tnaqqis, tal-ħin ta’ xogħol meta ħaddiem jgħaddi minn xogħol full-time għal xogħol part-time ma jistax inaqqas id-dritt għal-leave annwali li huwa jkun kiseb matul il-perijodu ta’ xogħol full-time.

33      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa ċertament xieraq li jiġi applikat il-prinċipju ta’ pro rata temporis, li jirriżulta mill-klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, għall-għoti tal-leave annwali għal perijodu ta’ impjieg part-time. Fil-fatt, għal tali perijodu, it-tnaqqis tal-leave annwali meta mqabbel ma’ dak mogħti għal perijodu ta’ impjieg full-time huwa ġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi prinċipju ma jistax jiġi applikat ex post għal dritt għal-leave annwali miksub wara perijodu ta’ xogħol full-time.

34      Minkejja, fl-aħħar nett, li ma jistax jiġi dedott la mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/88 u lanqas mill-klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprovdi, fost il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali, għat-telf parzjali ta’ dritt għal-leave miksub matul perijodu ta’ referenza, għandu madankollu jiġi mfakkar li din il-konklużjoni għandha ssir biss meta l-ħaddiem ma kellux effettivament il-possibbiltà li jeżerċita l-imsemmi dritt (ara s-sentenza Vicente Pereda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

35      Minn dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt rilevanti tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81/KE, kif emendata permezz tad-Direttiva 98/23/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 55(5) tal-L‑VBG, li skontha meta l-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiem jinbidel, il-leave li jkun għadu ma tteħidx għandu jiġi adattat b’mod li l-ħaddiem li jgħaddi minn xogħol full-time għal xogħol part-time jkollu d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas li kiseb, mingħajr ma kellu l-possibbiltà li jeżerċita, matul il-perijodu ta’ impjieg full-time mnaqqas jew ma jkunx jista’ jibbenefika iktar minn dan il-leave ħlief fuq il-bażi ta’ allowance ta’ leave mħallas ta’ ammont inqas.

 Fuq it-tielet domanda

36      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1(2)(m) tal-L‑VBG, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi l-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal tul massimu ta’ sitt xhur, jew li jkunu impjegati biss okkażjonalment.

37      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-L‑VBG kienet tapplika, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal-1 ta’ Frar 2009, għall-ħaddiema full-time kif ukoll għall-ħaddiema impjegati għal perijodu ta’ iktar minn sitt xhur jew li jaħdmu part-time għal perijodu ta’ mill-inqas 30 % tax-xogħol full-time.

38      Wara emenda leġiżlattiva msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, il-ħaddiema part-time kollha, jibbenefikaw, bl-istess mod bħall-ħaddiema full-time, mid-drittijiet mogħtija mil-L‑VBG rigward, b’mod partikolari, ir-remunerazzjoni, il-klassifikazzjoni, ir-rikonoxximent tal-perijodi ta’ impjieg preċedenti, id-drittijiet għal-leave annwali, l-allowances speċjali, u ż-żidiet għas-sahra. Min-noti ta’ spjegazzjoni li qegħdin mal-abbozz ta’ liġi jirriżulta li din l-emenda tqieset meħtieġa fir-rigward tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time.

39      Fir-rigward tal-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ tul massimu ta’ sitt xhur, inklużi dawk impjegati okkażjonalment, li għandhom kuntratti ta’ xogħol limitati għal ġurnata waħda, li jibqgħu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-L‑VBG, għandu jiġi kkonstatat li mis-sempliċi fatt li dawn il-ħaddiema ma jibbenefikawx mid-drittijiet mogħtija mill-imsemmija liġi jirriżulta li huma ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema b’xogħol għal żmien indeterminat jew minn dawk li jaħdmu part-time.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-benefiċċju ta’ ċerti drittijiet, li jirriżultaw, skont il-Land Tirol, minn dispożizzjonijiet oħra applikabbli għall-kategorija tal-ħaddiema esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-L‑VBG, jista’ biss jattenwa, jekk ikun il-każ, l-effett tat-trattament mhux favorevoli tal-imsemmija ħaddiema li jirriżulta minn din l-esklużjoni.

41      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi osservat li, skont il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, it-trattament differenti ta’ ħaddiem b’xogħol għal żmien determinat meta mqabbel ma’ ħaddiem b’xogħol għal żmien indeterminat komparabbli jista’ biss jiġi ġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat għandu jinftiehem li jkopri ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li f’dan il-kuntest partikolari tiġġustifika l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p.I‑6057, punti 69 u 70, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, Ġabra p. I‑7109, punt 53).

43      Din l-istess interpretazzjoni hija neċessarja, b’analoġija, għal dak li jikkonċerna l-kunċett identiku ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat (sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-imsemmija klawżola għandu jinftiehem li ma jawtorizzax ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti bejn il-ħaddiema b’xogħol għal żmien determinat u l-ħaddiema b’xogħol għal żmien indeterminat minħabba l-fatt li dan l-aħħar huwa previst minn regola nazzjonali ġenerali u astratta. Bil-kontra, l-imsemmi kunċett jeżiġi li l-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni tissodisfa bżonn ġenwin, jiġifieri li tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li tkun meħtieġa għal dan l-iskop (s-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 58).

45      Fid-dawl ta’ dan, il-Land Tirol tqis li t-trattament differenti tal-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(2)(m) tal-L‑VBG huwa ġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi marbuta mal-implementazzjoni tal-bżonn ta’ amministrazzjoni stretta tal-persunal. Il-Gvern Awstrijak iqis li jkun diffiċli ferm u ta’ piż mil-lat amministrattiv li jinħolqu mpjiegi permanenti li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ billi jiġu konklużi kuntratti ta’ xogħol ma’ persuni li għalihom ma jistgħux, a priori, jitqiesu relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien twil. Tali approċċ jipprekludi li jiġi segwit għan leġittimu ta’ politika soċjali u ta’ organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol.

46      Madankollu tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, l-amministrazzjoni stretta tal-persunal hija kunsiderazzjoni dwar il-budget u għaldaqstant ma tistax tiġġustifika diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C‑4/02 u C‑5/02, Ġabra. p. I‑12575, punt 85). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza ġustament li l-għan tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat ma huwiex dak li jinħolqu neċessarjament impjiegi permanenti.

47      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1(2)(m) tal-L‑VBG, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi l-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal tul massimu ta’ sitt xhur, jew li jkunu impjegati biss okkażjonalment.

 Fuq ir-raba’ domanda

48      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt rilevanti tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 60, fl-aħħar sentenza tiegħu, tal-L‑VBG, li tipprovdi li l-ħaddiema, essenzjalment nisa, li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave parentali ta’ sentejn, jitilfu, wara dan il-leave, id-drittijiet għal leave annwali mħallsa miksuba matul is-sena qabel it-twelid tal-wild tagħhom.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li, anki jekk, fuq il-livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għal deċiżjoni preliminari għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, dan ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għas-sentenza tal-kawża mressqa quddiemha, sew jekk din il-qorti għamlet riferiment għalihom jew le fid-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C‑387/01, Ġabra p. I‑4981, punt 44, u tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter‑Coulais, C‑152/03, Ġabra p. I‑1711, punt 29).

50      Għalhekk, hemm lok li jiġi mfakkar b’mod preliminari li skont il-klawżola 2(6) tal-Ftehim Qafas fuq il-leave parentali, li tista’ tiġi invokata minn individwi quddiem qorti nazzjonali (ara s-sentenza Gómez-Limón Sánchez-Camacho, iċċitata iktar ’il fuq, punt 1 tad-dispożittiv), id-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jiġu miksuba mill-ħaddiem fid-data tal-bidu tal-leave parentali jinżammu kif inhuma sat-tmiem tal-leave parentali u japplikaw wara dan il-leave.

51      Għaldaqstant, kemm mill-kliem tal-imsemmija klawżola 2(6), kif ukoll mill-kuntest tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tevita t-telf jew it-tnaqqis tad-drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol, miksuba jew fil-proċess li jiġu miksuba, li l-ħaddiem huwa intitolat għalihom meta jibda leave parentali, u li tiggarantixxi li, fit-tmiem tal-imsemmi leave, il-ħaddiem jerġa’ jsib ruħu, fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, fl-istess sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel dan il-leave (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gómez-Limón Sánchez-Camacho, punt 39, u Meerts, punt 39).

52      Fil-fatt, il-Ftehim Qafas dwar il-leave parentali huwa konguwenti mal-għanijiet fundamentali li huma mniżżla fil-Punt 16 tal-Karta Komunitarja tad-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa, li għaliha jirreferi dan il-ftehim qafas u li hija msemmija wkoll fl-Artikolu 136 KE, għanijiet li huma marbuta mat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ ħajja u tax-xogħol kif ukoll mal-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali xierqa tal-ħaddiema, f’dan il-każ ta’ dawk li talbu jew ħadu leave parentali (ara s-sentenza Meerts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

53      Mill-għanijiet tal-Ftehim Qafas dwar il-leave parentali jirriżulta li l-kunċett ta’ “drittijiet miksuba jew fil-proċess li jkunu miksuba” fis-sens tal-klawżola 2(6) tal-Ftehim Qafas jkopri d-drittijiet u l-vantaġġi kollha, fi flus jew f’oġġetti, li jirriżultaw direttament jew indirettament mir-relazzjoni ta’ xogħol, li l-ħaddiem jista’ jitlob mingħand dak li jħaddem fid-data tal-bidu tal-leave parentali (s-sentenza Meerts, iċċitata iktar’il fuq, punt 43).

54      Peress li d-dritt għal-leave annwali mħallas għandu, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, importanza partikolari, ma hemmx dubju li huwa parti mid-drittijiet li jirriżultaw direttament mir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ kul ħaddiem, u dan kemm fil-każ ta’ ħaddiema nisa kif ukoll fil-każ ta’ ħaddiema rġiel.

55      Peress li din il-konklużjoni tapplika għall-ħaddiema kollha li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave parentali ta’ sentejn, kemm jekk huma nisa kif ukoll jekk huma rġiel, ma hemmx lok li jiġi interpretat l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54.

56      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-klawżola 2(6) tal-Ftehim Qafas dwar il-leave parentali, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 96/34, kif emendat bid-Direttiva 97/75, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 60, fl-aħħar sentenza tiegħu, tal-L‑VBG, li jipprovdi li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave parentali ta’ sentejn, jitilfu, wara dan il-leave, id-drittijiet għal-leave annwali mħallsa miksuba matul is-sena qabel it-twelid tal-wild tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt rilevanti tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC [CES], kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 55(5) tal-liġi tat-Tirol dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt (Tiroler Landes-Vertragsbedienstetengesetz), tat-8 ta’ Novembru 2000, li skontha meta l-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiem jinbidel, il-leave li jkun għadu ma tteħidx għandu jiġi adattat b’mod li l-ħaddiem li jgħaddi minn xogħol full-time għal xogħol part-time jkollu d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas li kiseb, mingħajr ma kellu l-possibbiltà li jeżerċita, matul il-perijodu ta’ impjieg full-time mnaqqas jew ma jkunx jista’ jibbenefika iktar minn dan il-leave ħlief fuq il-bażi ta’ allowance ta’ leave mħallas ta’ ammont inqas.

2)      Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1(2)(m) tal-liġi tat-Tirol dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt (Tiroler Landes-Vertragsbedienstetengesetz), tat-8 ta’ Novembru 2000, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi l-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal tul massimu ta’ sitt xhur, jew li jkunu impjegati biss okkażjonalment.

3)      Il-klawżola 2(6) tal-Ftehim Qafas dwar il-leave parentali, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC [CES], kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 60, fl-aħħar sentenza tiegħu, tal-liġi tat-Tirol dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt (Tiroler Landes-Vertragsbedienstetengesetz), tat-8 ta’ Novembru 2000, li jipprovdi li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave parentali ta’ sentejn, jitilfu, wara dan il-leave, id-drittijiet għal-leave annwali mħallsa miksuba matul is-sena qabel it-twelid tal-wild tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top