Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0299

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-10 ta' Diċembru 2009.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Franċiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 2004/18/KE - Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal proċedura unika għall-għoti ta’ kuntratt ta’ definizzjoni tal-bżonnijiet u ta’ kuntratt ta’ eżekuzzjoni sussegwenti - Kompatibbiltà mal-imsemmija direttiva.
Kawża C-299/08.

European Court Reports 2009 I-11587

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:769

Kawża C-299/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2004/18/KE — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal proċedura unika għall-għoti ta’ kuntratt ta’ definizzjoni tal-bżonnijiet u ta’ kuntratt ta’ eżekuzzjoni sussegwenti — Kompatibbiltà mal-imsemmija direttiva”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Rikors għal proċedura mhux imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikoli 2 u 28 sa 31)

Jonqos milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt l‑Artikoli 2 u 28 tad‑Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], Stat Membru li jadotta u jżomm fis‑seħħ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu proċedura ta’ kuntratti ta’ definizzjoni li tippermetti lil awtorità kontraenti tagħti kuntratt ta’ eżekuzzjoni (għal servizzi, għal provvisti jew għal xogħlijiet) lil wieħed mill‑pussessuri tal‑kuntratti ta’ definizzjoni inizjali mingħajr ma jinfetaħ mill‑ġdid għal kompetizzjoni.

Fil‑fatt, skont l‑imsemmi Artikolu 28, l‑awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l‑kuntratti pubbliċi jew billi japplikaw il‑proċedura miftuħa jew ristretta, jew, fiċ‑ċirkustanzi partikolari espressament previsti fl‑Artikolu 29 tad‑Direttiva 2004/18, bi djalogu kompetittiv, jew inkella, fiċ‑ċirkustanzi speċifiċi speċifikament stabbiliti fl‑Artikoli 30 u 31 tagħha, bi proċedura nnegozzjata. L‑għoti tal‑kuntratti pubbliċi permezz ta’ proċeduri oħrajn ma huwiex awtorizzat minn din id‑direttiva.

Barra minn hekk, l‑imsemmija proċedura ta’ kuntratti ta’ definizzjoni ma hijiex konformi mal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2004/18. Fil‑fatt, hija għandha bħala għan l‑għoti ta’ żewġ tipi ta’ kuntratti, jiġifieri l‑kuntratti ta’ definizzjoni u l‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni, peress li dawn tal‑aħħar jingħataw wara kompetizzjoni limitata biss għal pussessuri tal‑ewwel. B’dan il‑mod, l‑operaturi ekonomiċi li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fil‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni, imma li ma humiex pussessuri ta’ wieħed mill‑kuntratti ta’ definizzjoni, huma suġġetti għal trattament diskriminatorju meta mqabbla ma’ dawn il‑pussessuri, kuntrarjament għall‑prinċipju ta’ ugwaljanza, stabbilit bħala prinċipju ta’ għoti tal‑kuntratti fl‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2004/18.

Barra minn hekk, kemm il‑prinċipju ta’ trattament ugwali kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżultaw minnu jeżiġu li s‑suġġett ta’ kull kuntratt kif ukoll il‑kriterji tal‑għoti tiegħu jkunu spjegati b’mod ċar. F’dan ir‑rigward, il‑kuntratti ta’ definizzjoni u l‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni, jidher li għandhom, min‑natura tagħhom, għanijiet differenti, jiġifieri, minn naħa, xogħol ta’ studju, ta’ disinn u ta’ preċiżjoni tal‑bżonnijiet tal‑awtorità kontraenti u, min‑naħa l‑oħra, il‑prestazzjoni effettiva tal‑provvisti, servizzi jew xogħlijiet li kienu preliminarjament iddefiniti. Issa, fir‑rigward tal‑imsemmija proċedura ta’ kuntratti ta’ definizzjoni, ma huwiex iggarantit li, fi kwalunkwe każ, l‑għan u l‑kriterji tal‑għoti kemm tal‑kuntratti ta’ definizzjoni kif ukoll tal‑kuntratt ta’ eżekuzzjoni jistgħu jkunu definiti sa mill‑bidu tal‑proċedura.

(ara l‑punti 29, 40, 41, 43‑45 u d‑dispożittiv)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

10 ta’ Diċembru 2009 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2004/18/KE – Proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal proċedura unika għall‑għoti ta’ kuntratt ta’ definizzjoni tal‑bżonnijiet u ta’ kuntratt ta’ eżekuzzjoni sussegwenti – Kompatibbiltà mal‑imsemmija direttiva”

Fil‑Kawża C‑299/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, ippreżentata fl‑4 ta’ Lulju 2008,

Il‑Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn D. Kukovec u G. Rozet, sussegwentement minn dan tal‑aħħar u M. Konstantinidis, bħala aġenti b’indirizz għan‑notifika fil‑Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, J.‑C. Gracia u J.‑S. Pilczer, bħala aġenti,

konvenuta,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tat‑Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat‑Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑10 ta’ Ġunju 2009,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat‑22 ta’ Settembru 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        Bir‑rikors tagħha, il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat u billi żammet fis‑seħħ l‑Artikoli 73 u 74‑IV tal‑Code des marchés publics adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975, tal‑1 ta’ Awwissu 2006 (JORF tal‑4 ta’ Awwissu 2006, p. 11627), sa fejn dawn id‑dispożizzjonijiet jistabbilixxu proċedura ta’ kuntratti ta’ definizzjoni li tippermetti lil awtorità kontraenti tagħti kuntratt ta’ eżekuzzjoni (għal servizzi, għal provvista jew għal xogħlijiet) lil wieħed mill‑pussessuri tal‑kuntratti ta’ definizzjoni inizjali mingħajr ma jinfetaħ mill‑ġdid għal kompetizzjoni jew, l‑iktar l‑iktar, li jinfetaħ għal kompetizzjoni limitata għal dawn il‑pussessuri, ir‑Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 2, 28 u 31 tad‑Direttiva 2004/18/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 132).

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Il‑premessa 3 tad‑Direttiva 2004/18/KE tippreċiża:

“Disposizzjonijiet kordinati [Komunitarji tal‑proċeduri nazzjonali ta’ għoti ta’ kuntratti] għandhom ikunu konformi sakemm ikun possibli mal‑proċeduri u prattiċi preżenti f’kull Stat Membru.”

3        L‑Artikolu 2 tal‑imsemmija direttiva jipprovdi:

“L‑awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] se jistmaw l‑operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

4        Skont l‑Artikolu 28 tal‑istess direttiva:

“Fil‑għoti tal‑kuntratti pubbliċi tagħhom, awtoritajiet kontrattwanti għandhom japplikaw il‑proċeduri nazzjonali aġġustati għall‑għanijiet ta’ din id‑Direttiva.

Huma għandhom jagħtu dawn il‑kuntratti pubbliċi billi japplikaw il‑proċedura miftuħa jew ristretta. Fiċ‑ċirkonstanzi speċifiċi li saret disposizzjoni espressa għalihom fl‑Artikolu 29, awtoritajiet kontrattwanti għandhom jagħtu l‑kuntratti pubbliċi tagħhom b’mezzi ta’ djalogu kompetittiv. F’każi speċifiċi u ċirkonstanzi li sar riferiment espress għalihom fl‑Artikoli 30 u 31, huma jistgħu japplikaw proċedura negozjata, bil‑pubblikazzjoni ta’ l‑avviż ta’ kuntratt jew mingħajrha.”

5        L‑Artikolu 29 tad‑Direttiva 2004/18/KE, intitolat “Djalogu kompetittiv”:

“Fil‑każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi, Stati Membri għandhom jipprovdu li fejn awtoritajiet kontrattwanti jikkunsidraw li l‑użu tal‑proċedura miftuħa jew ristretta ma jippermettix l‑għoti tal‑kuntratt, dan ta’ l‑aħħar jista’ jagħmel użu mid‑djalogu kompetittiv skond dan l‑Artikolu.

Kuntratt pubbliku għandu jingħata fuq il‑bażi waħdana tal‑kriterju ta’ għoti għall‑offerta l‑aktar vantaġġuża ekonomikament.

2. Awtoritajiet kontrattwanti għandhom jippublikaw avviż ta’ kuntratt li fih iniżżlu l‑bżonnijiet u l‑ħtiġijiet tagħhom, li huma għandhom jiddefinixxu f’dak l‑avviż u/jew f’dokument deskrittiv.

3. Awtoritajiet kontrattwanti għandhom jiftħu, mal‑kandidati magħżulin skond il‑disposizzjonijiet rilevanti ta’ l‑Artikoli 44 sa 52, djalogu li l‑iskop tiegħu għandu jkun li jidentifika u jiddefinixi l‑mezzi l‑aktar xierqa biex jissodisfa l‑bżonnijiet tagħhom. Huma jistgħu jiddiskutu l‑aspetti kollha tal‑kuntratt mal‑kandidati magħżula matul dan id‑djalogu.

Matul id‑djalogu, awtoritajiet kontrattwanti għandhom jiżguraw ugwaljanza ta’ trattament fost dawk kollha li jkunu xeħtu l‑offerta. Partikolarment, huma m’għandhom jipprovdu informazzjoni b’mod diskriminatorju li jista’ jagħti li xi uħud minn dawk li jkunu xeħtu l‑offerta vantaġġ fuq oħrajn.

Awtoritajiet kontrattwanti ma jistgħux jiżvelaw lil parteċipanti oħra soluzzjonijiet proposti jew tagħrif ieħor kunfidenzali komunikat minn xi kandidat li jkun qed jieħu sehem fid‑djalogu mingħajr ftehim miegħu/magħha.

4. Awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jipprovdu biex isseħħ proċedura fi stadji suċċessivi sabiex jitnaqqas in‑numru ta’ soluzzjonijiet li għandhom ikunu diskussi matul l‑istadju ta’ djalogu billi jiġu applikati l‑kriterji ta’ għoti fl‑avviż tal‑kuntratt jew id‑dokument deskrittiv. L‑avviż tal‑kuntratt jew id‑dokument deskrittiv għandu jindika li jista’ jsir rikors għal din l‑għażla.

5. L‑awtorità kontrattwanti għandha tkompli b’dan id‑djalogu sakemm tkun tista’ tidenfika s‑soluzzjoni jew soluzzjonijiet, jekk ikun meħtieġ wara li tqabbilhom, li kapaci jissodisfaw il‑bżonnijiet tagħha.

6. Wara li jkunu ddikjaraw id‑djalogu magħluq u infurmaw b’dan lill‑parteċipanti, awtoritajiet kontrattwanti għandhom jitolbuhom jissottomettu l‑aħħar offerti tagħhom fuq il‑bażi tas‑soluzzjoni jew soluzzjonijiet ippreżentati u speċifikati matul id‑djalogu. Dawn l‑offerti għandu jkollhom fihom l‑elementi kollha meħtieġa u bżonnjużi għat‑twettiq tal‑proġett.

Dawn l‑offerti jistgħu jkunu kjarifikati, speċifikati u rfinuti għat‑talba ta’ l‑awtorità kontrattwanti. Madanakollu, kjarifika bħal din, speċifikazzjoni, irfinar u tagħrif addizzjonali jista’ ma jinvolvix tibdil fil‑fatturi bażiċi ta’ l‑offerta jew is‑sejħa għal offerta, varjazzjonijiet li bihom tista’ titfixkel il‑kompetizzjoni jew ikollhom effett diskriminatorju.

7. Awtoritajiet kontrattwanti għandhom jevalwaw l‑offerti riċevuti fuq il‑bażi tal‑kriterji ta’ għotja imniżżlin fl‑avviż tal‑kuntratt jew id‑dokument deskrittiv u għandhom jagħżlu l‑aktar offerta ekonomikament vantaġġuża skond l‑Artikolu 53.

Għat‑talba ta’ l‑awtorità kontrattwanti, min ikun xeħet l‑offerta identifikat bħala li ssottometta l‑aktar offerta ekonomikament vantaġġuża jista’ jkun mitlub jiċċarra xi aspetti ta’ l‑offerta jew jikkonferma obbligi miġburin fl‑offerta basta dan ma jkollux l‑effett li jimmodifika aspetti sostanzjali ta’ l‑offerta jew tas‑sejħa għal offerta u ma jipperikolax it‑tfixkil ta’ kompetizzjoni jew jikkawża diskriminazzjoni.

8. L‑awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jispeċifikaw prezzijiet jew ħlasijiet lill‑parteċipanti fid‑djalogu.”

6        L‑Artikolu 31 tal‑imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jagħu kuntratti pubbliċi bi proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil‑każi li ġejjin:

[…]

         3. għal kuntratti ta’ servizz pubbliku, meta l‑kuntratt konċernat isegwi kuntest ta’ pjan u għandu, taħt ir‑regoli applikabbli, ikun mogħti lill‑kandidat li jkun irnexxielu jirbħu jew lil wieħed mill‑kandidati li ukoll ikun irnexxielu, fil‑każ ta’ l‑aħħar, il‑kandidati kollha li jkun irnexxielhom għandhom ikunu mistiedna jieħdu sehem fin‑negozjati;

[…]”

7        L‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 80(1) tal‑istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L‑Istati Membri għandhom idaħħlu fis‑seħħ il‑liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji li jikkonformaw ma’ din id‑Direttiva mhux aktar tard mill‑31 ta’ Jannar 2006. Huma għandhom minnufih jinfurmaw il‑Kummissjoni tagħhom.”

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Il‑Code des marchés publics, fil‑verżjoni tiegħu li tirriżulta mid‑Digriet Nru 2004‑15 tas‑7 ta’ Jannar 2004 (JORF tat‑8 ta’ Jannar 2004, p. 703), jidħol fis‑seħħ fl‑10 ta’ Jannar 2004, kien jipprovdi fit‑tielet paragrafu tal‑Artikolu 73:

“Il‑prestazzjonijiet li jsiru wara diversi kuntratti ta’ definizzjoni li għandhom l‑istess suġġett, li jingħataw wara proċedura waħda u eżegwiti simultanjament jistgħu jingħataw, mingħajr kompetizzjoni ġdida, lill‑awtur tas‑soluzzjoni magħżulha. F’dan il‑każ, l‑ammont ta’ prestazzjonijiet li għandu jitqabbel mal‑limiti jieħu inkunsiderazzjoni l‑ammont ta’ studji ta’ definizzjoni u tal‑ammont stimat tal‑kuntratt ta’ eżekuzzjoni.”

9        Il‑Code des marchés publics kif ġie adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975, li daħal fis‑seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2006, jinkludi b’mod partikolari d‑dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 73

Jekk l‑awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tispeċifika l‑għanijiet u l‑prestazzjonijiet li l‑kuntratt irid jilħaq, it‑teknika li għandha tiġi użata, u r‑riżorsi umani u materjali meħtieġa, din tista’ tirrikorri għal kuntratti ta’ definizzjoni.

L‑għan ta’ dawn il‑kuntratti hu li jiġu esplorati l‑possibbiltajiet u l‑kundizzjonijiet biex sussegwentement jiġi stabbilit kuntratt, jekk ikun meħtieġ permezz tal‑produzzjoni ta’ mudell jew dimostratur. Dawn għandhom jagħmluha possibbli li jiġi stimat u kkalkolat il‑livell ta’ prezz tal‑provvista, kif ukoll il‑fażijiet differenti tal‑iskeda ta’ eżekuzzjoni.

Fil‑kuntest ta’ proċedura unika, l‑eżekuzzjoni tal‑kuntratt li jsegwi diversi kuntratti ta’ definizzjoni li jkollhom l‑istess suġġett u mogħtija f’daqqa jiġu mogħtija wara li jiġu miftuħa għal kompetizzjoni limitata għall‑possessuri tal‑kuntratti ta’ definizzjoni inizjali, konformi mad‑dispożizzjonijiet li ġejjin:

1.      L‑avviż tal‑kuntratt pubbliku jiddefinixxi s‑suġġett tal‑kuntratti ta’ definizzjoni assenjati f’daqqa u s‑suġġett tal‑kuntratt ta’ eżekuzzjoni sussegwenti;

2.      L‑avviż tal‑kuntratt pubbliku jiddefinixxi l‑kriterji għall‑għażla tal‑applikazzjonijiet. Dawn il‑kriterji jikkunsidraw il‑kapaċitajiet u l‑kompetenzi meħtieġa tal‑kandidati kemm għall‑kuntratti ta’ definizzjoni u għall‑kuntratt ta’ eżekuzzjoni sussegwenti;

3.      L‑avviż tal‑kuntratt pubbliku jiddefinixxi l‑kriterji għall‑għażla ta’ offerti għall‑kuntratti ta’ definizzjoni assenjati f’daqqa u l‑kriterji għall‑għażla ta’ offerti għall‑kuntratt ta’ eżekuzzjoni sussegwenti;

4.      L‑ammont tal‑provvisti li għandu jiġi kkomparat mal‑limiti jieħu inkunsiderazzjoni l‑ispiża tal‑istudji ta’ definizzjoni u l‑ammont bħala stima għall‑eżekuzzjoni tal‑kuntratt;

5.      In‑numru ta’ kuntratti ta’ definizzjoni assenjati f’daqqa fil‑kuntest tal‑proċedura preżenti ma jistax ikun inqas minn tlieta, suġġett għal numru biżżejjed ta’ kandidati.

Il‑kuntratt jew ftehim ta’ qafas jiġi mogħti mill‑kumitat tas‑sejħiet għal offerti tal‑awtoritajiet lokali jew wara li tkun ingħatat l‑opinjoni tal‑kumitat tas‑sejħiet għal offerti ta’ dak l‑Istat, jew tal‑korpi tas‑saħħa pubblika u l‑korpi pubbliċi soċjali jew soċjomediċi.”

Artikolu 74

[…]

IV. Fil‑kuntest ta’ proċedura unika, il‑kuntratt jew il‑ftehim ta’ qafas għall‑immaniġġjar ta’ proġett li jsegwi diversi kuntratti ta’ definizzjoni li jkollhom l‑istess suġġett u assenjati f’daqqa jistgħu jingħataw wara li jkunu miftuħa għal kompetizzjoni limitata għall‑possessuri tal‑marchés de definition inizjali, taħt il‑kundizzjonijiet stipulati fit‑tielet paragrafu tal‑Artikolu 73.

[…]”

 Il‑proċedura prekontenzjuża

10      B’ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2004, il‑Kummissjoni nnotifikat lir‑Repubblika Franċiża l‑ewwel ittra ta’ intimazzjoni dwar l‑Artikoli 73 u 74‑III tal‑Code des marchés publics kif jirriżulta mid‑digriet Nru 2004‑15. Peress li dawn id‑dispożizzjonijiet ġew immodifikati bid‑Digriet Nru 2006‑975, il‑Kummissjoni, fil‑15 ta’ Diċembru 2006, innotifikat ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lill‑imsemmi Stat Membru.

11      Peress li ma kinitx soddisfatta bir‑risposti li rċiviet mingħand din tal‑aħħar, il‑Kummissjoni, fid‑29 ta’ Ġunju 2007, bagħtet opinjoni motivata lir‑Repubblika Franċiża, fejn talbitha tieħu l‑miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l‑opinjoni f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min‑notifika.

12      Peress li r‑risposti tal‑imsemmi Stat Membru għall‑opinjoni motivata ma kinux sodisfaċenti, il‑Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir‑rikors.

 Fuq ir‑rikors

 L‑argumenti tal‑partijiet

13      Il‑Kummissjoni ssostni li l‑Artikoli 73 u 74‑IV tal‑Code des marchés publics kif adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975 jippermetti lil awtorità kontraenti li tagħti kuntratt ta’ eżekuzzjoni (għal servizzi, għal provvisti jew għal xogħlijiet) lil wieħed mill‑pussessuri tal‑kuntratti ta’ definizzjoni inizjali mingħajr ma jinfetaħ mill‑ġdid għal kompetizzjoni jew, l‑iktar l‑iktar, li jinfetaħ għal kompetizzjoni limitata għal dawn il‑possessuri jekk ikunu ssoddisfatti l‑kundizzjonijiet previsti fit‑tielet paragrafu tal‑Artikolu 73. Dawn l‑Artikoli tal‑Code des marchés publics jiksru d‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2004/18/KE billi jippermettu l‑għoti tal‑kuntratt abbażi ta’ ftehim reċiproku, jew b’kompetizzjoni limitata, f’sitwazzjonijiet li ma humiex previsti minn din id‑direttiva.

14      Il‑Kummissjoni ssostni li l‑kuntratti ta’ definizzjoni bħal dawk previsti mill‑imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali ma jippermettux, bħala regola, li jiġi stabbilit fil‑bidu s‑suġġett tal‑kuntratt ta’ eżekuzzjoni u lanqas tal‑kriterji ta’ selezzjoni tal‑offerenti mhux iktar minn dawk tal‑għoti tal‑kuntratt ikkonċernat bi biżżejjed preċiżjoni. Minn dan jirriżulta li l‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni, kif tirriżulta minn dawn id‑dispożizzjonijiet, tmur kontra l‑prinċipju ta’ trasparenza previst fl‑Artikolu 2 tal‑imsemmija direttiva. Din il‑proċedura toħloq sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ċertezza legali kemm għall‑awtoritajiet kontraenti kif ukoll għall‑operaturi.

15      Skont il‑Kummissjoni, il‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni la hija djalogu kompetittiv u lanqas ftehim‑qafas fis‑sens tal‑Artikoli 29 u 32 tad‑Direttiva 2004/18/KE. Tali proċedura lanqas ma hija kompetizzjoni li tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jingħata bi ftehim reċiproku l‑kuntratt għal servizzi li jsegwi, skont l‑Artikolu 31(3) tal‑istess direttiva.

16      Ir‑Repubblika Franċiża ssostni li d‑dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma humiex inkompatibbli mal‑Artikoli 2, 28 jew 31 tad‑Direttiva 2004/18. Din hija direttiva ta’ koordinazzjoni u ma tistabbilixxix leġiżlazzjoni Komunitarja uniformi u eżawrjenti. Konsegwentement, il‑fatt li, waqt l‑għoti tal‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni, il‑kompetizzjoni tista’ tiġi llimitata huwa kompatibbli ma’ din id‑direttiva. Il‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni tirrispetta l‑prinċipji fil‑qasam tad‑dritt ta’ stabbiliment u tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti mit‑Trattat KE u riprodotti fl‑Artikolu 2 tal‑imsemmija direttiva, peress li l‑Istati Membri jibqgħu liberi li jżommu jew li jadottaw liġijiet sostantivi u proċedurali fil‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi.

17      Ir‑Repubblika Franċiża targumenta li huwa possibbli li jiġu stabbiliti s‑suġġett u l‑kriterji ta’ kuntratt ta’ eżekuzzjoni addizzjonali sa minn meta tinbeda l‑proċedura tal‑għoti tal‑kuntratti ta’ definizzjoni. Fil‑fatt, hemm diversi sitwazzjonijiet, bħal dawk ta’ ċerti kuntratti ta’ żvilupp urban, fejn is‑suġġett kif ukoll il‑kriterji tal‑għoti tal‑kuntratt ta’ eżekuzzjoni huma biżżejjed indipendenti mill‑kuntratti ta’ definizzjoni sabiex jiġu ddeterminati sa mill‑mument inizjali tal‑kuntratti ta’ definizzjoni.

18      Ir‑Repubblika Franċiża żżied li d‑Direttiva 2004/18 tipprovdi żewġ proċeduri li l‑karatteristiċi tagħhom huma analogi għal dawk tal‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni prevista mill‑Code des marchés publics kif adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975, jiġifieri l‑ftehim qafas u d‑djalogu kompetittiv. B’dawn iż‑żewġ proċeduri, il‑leġiżlatur Komunitarju stess ħoloq proċeduri kumplessi ta’ ftuħ ta’ kompetizzjoni f’żewġ stadji. Sa fejn din id‑Direttiva ma tistabilixxix leġiżlazzjoni nazzjonali Komunitarja uniformi u eżawrjenti, il‑leġiżlatur nazzjonali jista’ hu wkoll jadotta dispożizzjonijiet partikolari li jipprovdu ftuħ ta’ kompetizzjoni f’żewġ stadji, sakemm dawn id‑dispożizzjonijiet josservaw il‑prinċipju ta’ trasparenza previst fl‑Artikolu 2 tal‑istess direttiva.

19      Kieku l‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra li l‑leġiżlazzjoni stabbilita mill‑imsemmija direttiva hija eżawrjenti, ir‑Repubblika Franċiża ssostni, sussidjarjament, li l‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni prevista mill‑Code des marchés publics tista’ tiġi analizzata bħala varjazzjoni tal‑proċedura ta’ djalogu kompetittiv.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

20      Fit‑talbiet tagħha l‑Kummissjoni titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li r‑Repubblika Franċiża naqset mill‑obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 2, 28 u 31 tad‑Direttiva 2004/18/KE billi adottat u billi żammet fis‑seħħ l‑Artikoli 73 u 74‑IV tal‑Code des marchés publics adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975, sa fejn dawn id‑dispożizzjonijiet jipprovdu għal proċedura ta’ kuntratti ta’ definizzjoni li tippermetti lill‑awtorità kontraenti li tagħti kuntratt ta’ eżekuzzjoni lil wieħed mill‑pussessuri tal‑kuntratti ta’ definizzjoni inizjali “mingħajr ma jinfetaħ mill‑ġdid għall‑kompetizzjoni” jew, l‑iktar l‑iktar, li jinfetaħ għal kompetizzjoni limitata għal dawn il‑possessuri.

21      Għandu jiġi eżaminat l‑allegat ksur tal‑Artikolu 31 tal‑imsemmija direttiva. Dan in‑nuqqas jirriżulta, skont il‑Kummissjoni, mill‑fatt li l‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni tippermetti l‑għoti ta’ kuntratt bi ftehim reċiproku f’ċirkustanzi mhux previsti fil‑punt 3 tal‑istess artikolu.

22      F’dan ir‑rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is‑sitwazzjoni tal‑Istat Membru kif tirriżulta meta jiskadi t‑terminu previst fl‑opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑64/01, Ġabra p. I‑2523, punt 7, u tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑456/05, Ġabra p. I‑10517, punt 15).

23      Huwa paċifiku li l‑verżjoni tal‑Artikolu 73 tal‑Code des marchés publics li tirriżulta mid‑Digriet Nru 2004‑15 u li tippermetti l‑għoti ta’ kuntratti ta’ eżekuzzjoni “mingħajr ma jinfetaħ mill‑ġdid għall‑kompetizzjoni” ma kinitx għadha fis‑seħħ fid‑data tal‑iskadenza tat‑terminu ta’ xahrejn stabbilit fl‑opinjoni motivata. F’din id‑data, din il‑verżjoni tal‑imsemmi Artikolu 73 kienet ġiet mibdula b’verżjoni ġdida li tirriżulta mid‑Digriet Nru 2006‑975.

24      Mill‑formulazzjoni tat‑tielet paragrafu tal‑Artikolu 73 tal‑Code des marchés publics kif adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975 jirriżulta li l‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni jingħataw biss “wara li ssir kompetizzjoni bejn il‑pussessuri biss tal‑kuntratti ta’ definizzjoni”. Fid‑data ta’ meta kien jiskadi t‑terminu stabbilit fl‑opinjoni motivata, l‑għoti tal‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni ma kienx isir permezz ta’ proċedura nnegozzjata fis‑sens tal‑Artikolu 31(3) tad‑Direttiva 2004/18/KE.

25      Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi miċħud ir‑rikors tal‑Kummissjoni sa fejn huwa jitlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li l‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni tippermetti lil awtorità kontraenti tagħti lil wieħed mill‑pussessuri tal‑kuntratti ta’ definizzjoni kuntratt ta’ eżekuzzjoni “mingħajr ma jinfetaħ mill‑ġdid għall‑kompetizzjoni” kif ukoll sa fejn isostni li hemm ksur tal‑Artikolu 31 tal‑imsemmija direttiva.

26      Madankollu r‑rikors xorta għandu suġġett minħabba li l‑Kummissjoni takkuża lir‑Repubblika Franċiża li ma osservatx l‑Artikoli 2 u 28 tad‑Direttiva 2004/18/KE billi adottat u żammet fis‑seħħ l‑Artikoli 73 u 74‑IV tal‑Code des marchés publics adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975, sa fejn dawn id‑dispożizzjonijiet jipprovdu għal proċedura ta’ kuntratti ta’ definizzjoni li tippermetti lil awtorità kontraenti tagħti kuntratt ta’ eżekuzzjoni lil wieħed mill‑pussessuri tal‑kuntratti ta’ definizzjoni inizjali flimkien ma’ kompetizzjoni limitata għal dawn il‑pussessuri biss.

27      Fid‑difiża tagħha, ir‑Repubblika Franċiża ssostni li d‑Direttiva 2004/18/KE hija biss direttiva ta’ koordinazzjoni li tħalli lill‑Istati Membri l‑libertà li jżommu jew li jadottaw regoli fil‑qasam ta’ kuntratti pubbliċi oħrajn minbarra dawk previsti minn din id‑direttiva.

28      Dan l‑argument ma jistax jintlaqa’. Anki jekk huwa minnu li d‑Direttiva 2004/18 ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi armonizzazzjoni kompleta tas‑sistema tal‑kuntratti pubbliċi fl‑Istati Membri, jibqa’ madankollu l‑fatt li l‑proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l‑Istati Membri huma awtorizzati jużaw huma elenkati b’mod limitat fl‑Artikolu 28 ta’ din id‑direttiva.

29      Fil‑fatt, skont l‑imsemmi Artikolu 28, l‑awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l‑kuntratti pubbliċi jew billi japplikaw il‑proċedura miftuħa jew ristretta, jew, fiċ‑ċirkustanzi partikolari espressament previsti fl‑Artikolu 29 tad‑Direttiva 2004/18/KE, bi djalogu kompetittiv, jew inkella, fiċ‑ċirkustanzi speċifiċi speċifikament stabbiliti fl‑Artikoli 30 u 31 tagħha, bi proċedura nnegozzjata. L‑għoti tal‑kuntratti pubbliċi permezz ta’ proċeduri oħrajn mhuwiex awtorizzat minn din id‑direttiva.

30      Ma tistax tirriżulta konklużjoni differenti mis‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑9 ta’ Lulju 1987, CEI u Bellini (27/86 sa 29/86, Ġabra p. 3347).

31      Fl‑ewwel sentenza tal‑punt 15 tal‑imsemmija sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat li d‑Direttiva tal‑Kunsill 71/305/KEE, tas‑26 ta’ Lulju 1971, dwar il‑koordinazzjoni tal‑proċeduri tal‑għoti tal‑kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (ĠU L 185, p. 5), ma tistabbilixxix leġiżlazzjoni Komunitarja uniformi u eżawrjenti. Madankollu, fis‑sentenza suċċessiva tal‑istess punt 15, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ppreċiżat li, minkejja li l‑Istati Membri jibqgħu liberi li jżommu jew li jadottaw regoli sostantivi u proċedurali fil‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi, dan kien fil‑kuntest tar‑regoli komuni li kien fiha l‑imsemmija direttiva.

32      Barra minn hekk, fil‑punt 17 tal‑istess sentenza CEI u Bellini, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja enfasizzat li hija kienet qegħda tiddeċiedi fir‑rigward tal‑istadju ta’ armonizzazzjoni li kien intlaħaq bid‑dritt Komunitarju fid‑data ta’ meta ngħatat s‑sentenza tagħha. It‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 28 tad‑Direttiva 2004/18/KE, li ma kellux ekwivalenti fid‑Direttiva 71/305/KEE, jelenka preċiżament il‑proċeduri li l‑awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw sabiex jagħtu l‑kuntratti tagħhom.

33      Minn dan jirriżulta, fil‑kuntest tar‑regoli komuni attwalment fis‑seħħ, li l‑Istati Membri ma għadx għandhom il‑libertà li jadottaw proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratt minbarra dawk elenkati mid‑Direttiva 2004/18/KE.

34      Għalhekk, l‑argumenti sostnuti mir‑Repubblika Franċiża dwar l‑allegata possibbiltà għal Stat Membru li jadotta proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti mhux previsti mill‑imsemmija direttiva, imma li għandhom karatterstiċi simili għal dawk ta’ ċerti proċeduri msemmija minn din, għandhom jiġu mwarrba.

35      Min‑naħa l‑oħra, għandu jiġi eżaminat l‑argument, invokat sussidjarjament mir‑Repubblika Franċiża, li jgħid li l‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni stabbilit mill‑Code des marchés publics kif adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975 jikkostitwixxi forma ta’ dħul fis‑seħħ tal‑proċedura ta’ djalogu kompetittiv stabbilita fl‑Artikolu 29 tad‑Direttiva 2004/18/KE.

36      Għalhekk jeżisti ċertu xebh bejn l‑għanijiet intiżi mill‑proċedura ta’ djalogu kompetittiv u dawk tal‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni. Dawn il‑proċeduri ġew it‑tnejn li huma maħluqa sabiex jippermettu lill‑awtorità kontraenti li tiddefinixxi, l‑ewwel nett, is‑suġġett speċifiku ta’ kuntratt kif ukoll il‑mezzi tekniċi tal‑attwazzjoni tiegħu.

37      Għaldaqstant, teżisti differenza fundamentali bejn dawn iż‑żewġ proċeduri. Din tikkonsisti fil‑fatt li d‑djalogu kompetittiv huwa proċedura tal‑għoti tal‑istess u l‑uniku kuntratt, filwaqt li l‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni hija intiża għall‑għoti ta’ diversi kuntratti ta’ natura differenti, jiġifieri l‑kuntratti ta’ definizzjoni minn naħa, u l‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni min‑naħa l‑oħra.

38      Din id‑differenza waħida teskludi li l‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni tista’ tiġi interpretata bħala forma ta’ tqegħid fis‑seħħ tal‑proċedura ta’ djalogu kompetittiv.

39      Il‑Kummissjoni tallega, barra minn hekk, ksur tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2004/18/KE, li jipprovdi li l‑awtoritajiet kontraenti jittrattaw lill‑operaturi ekonomiċi bl‑istess mod, b’mod nondiskriminatorju u jaġixxu bi trasparenza.

40      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat li l‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni stabbilita fil‑Code des marchés publics kif adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975 għandha bħala suġġett l‑għoti ta’ żewp tipi ta’ kuntratt, jiġifieri l‑kuntratti ta’ definizzjoni u l‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni, peress li dawn tal‑aħħar jingħataw wara kompetizzjoni limitata biss għal pussessuri tal‑ewwel. B’dan il‑mod, l‑operaturi ekonomiċi li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fil‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni, imma li ma humiex pussessuri ta’ wieħed mill‑kuntratti ta’ definizzjoni, huma suġġetti għal trattament diskriminatorju meta mqabbla ma’ dawn il‑pussessuri, kuntrarjament għall‑prinċipju ta’ ugwaljanza, stabbilit bħala prinċipju ta’ għoti tal‑kuntratti fl‑Artikolu 2 tal‑imsemmija direttiva.

41      Barra minn hekk, kemm il‑prinċipju ta’ trattament ugwali kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżultaw minnu jeżiġu li s‑suġġett ta’ kull kuntratt kif ukoll il‑kriterji tal‑għoti tiegħu jkunu spjegati b’mod ċar (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑340/02, Ġabra p. I‑9845, punt 34).

42      Ir‑Repubblika Franċiża invokat ċerti eżempji ta’ proċeduri ta’ kuntratti ta’ definizzjoni fejn, skont din, is‑suġġett tal‑kuntratt ta’ eżekuzzjoni seta’ jkun definit b’ċerta preċiżjoni sa mill‑istadju tal‑bidu tal‑proċedura tal‑għoti tal‑kuntratti ta’ definizzjoni.

43      Madankollu, il‑kuntratti ta’ definizzjoni u l‑kuntratti ta’ eżekuzzjoni, jidher li għandhom, min‑natura tagħhom, għanijiet differenti, jiġifieri, minn naħa, xogħol ta’ studju, ta’ disinn u ta’ preċiżjoni tal‑bżonnijiet tal‑awtorità kontraenti u, min‑naħa l‑oħra, il‑prestazzjoni effettiva tal‑provvisti, servizzi jew xogħlijiet li kienu preliminarjament iddefiniti. Id‑dispożizzjonijiet nazzjonali kkritikati ma humiex ta’ natura li jiggarantixxu li, fi kwalunkwe każ, l‑għan u l‑kriterji tal‑għoti kemm tal‑kuntratti ta’ definizzjoni kif ukoll tal‑kuntratt ta’ eżekuzzjoni jistgħu jkunu definiti sa mill‑bidu tal‑proċedura.

44      Minn dan jirriżulta li l‑proċedura tal‑kuntratti ta’ definizzjoni prevista mill‑Artikoli 73 u 74‑IV tal‑Code des marchés publics kif adottati bid‑Digriet Nru 2006‑975 ma hijiex konformi mal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2004/18.

45      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat u żammet fis‑seħħ l‑Artikoli 73 u 74‑IV tal‑Code des marchés publics adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975 tal‑1 ta’ Awwissu 2006, sa fejn dawn id‑dispożizzjonijiet jistabbilixxu proċedura ta’ kuntratti ta’ definizzjoni li tippermetti lil awtorità kuntraenti li tagħti kuntratt ta’ eżekuzzjoni (għal servizzi, għal provvisti jew għal xogħlijiet) lil wieħed mill‑pussessuri tal‑kuntratti ta’ definizzjoni inizjali billi tinfetaħ kompetizzjoni limitata għal dawn il‑pussessuri, ir‑Repubblika Franċiża naqset mill‑obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 2 u 28 tad‑Direttiva 2004/18/KE.

 Fuq l‑ispejjeż

46      Skond l‑Artikolu 69(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż kif mitlub mill‑Kummissjoni.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi adottat u żammet fis‑seħħ l‑Artikoli 73 u 74‑IV tal‑Code des marchés publics adottat bid‑Digriet Nru 2006‑975 tal‑1 ta’ Awwissu 2006, sa fejn dawn id‑dispożizzjonijiet jistabbilixxu proċedura ta’ kuntratti ta’ definizzjoni li tippermetti lil awtorità kontraenti li tagħti kuntratt ta’ eżekuzzjoni (għal servizzi, għal provvisti jew għal xogħlijiet) lil wieħed mill‑pussessuri tal‑kuntratti ta’ definizzjoni inizjali billi tinfetaħ kompetizzjoni limitata għal dawn il‑pussessuri, ir‑Repubblika Franċiża naqset mill‑obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 2 u 28 tad‑tad‑Direttiva 2004/18/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi.

2)      Il‑kumplament tar‑rikors huwa miċħud.

3)      Ir‑Repubblika Franċiża hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Franċiż.

Top