EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0296

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-12 ta' Awwissu 2008.
Ignacio Pedro Santesteban Goicoechea.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d'appel de Montpellier - Franza.
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali - Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA - Artikoli 31 u 32 - Mandat ta' arrest Ewropew u proċeduri ta' konsenja bejn Stati Membri - Possibbiltà, għall-Istat Membru li jeżegwixxi talba għal estradizzjoni, li japplika konvenzjoni adottata qabel l-1 ta' Jannar 2004, imma applikabbli, f'dan l-Istat, minn data posterjuri.
Kawża C-296/08 PPU.

European Court Reports 2008 I-06307

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:457

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Awwissu 2008 ( *1 )

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI — Artikoli 31 u 32 — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Possibbiltà, għall-Istat Membru li jeżegwixxi talba għal estradizzjoni, li japplika konvenzjoni adottata qabel l-1 ta’ Jannar 2004, imma applikabbli, f’dan l-Istat, minn data posterjuri”

Fil-Kawża C-296/08 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata skont l-Artikolu 234 KE mill-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-proċeduri ta’ estradizzjoni ta’

Ignacio Pedro Santesteban Goicoechea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tat-3 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, sabiex it-talba għal deċiżjoni preliminari tinstema’ bil-proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2008 tat-Tielet Awla li tilqa’ din it-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Awwissu 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal I. P. Santesteban Goicoechea, minn Y. Molina Ugarte, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard, G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, mill-Abogacía del Estado,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 31 u 32 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija quddiem il-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, wara li saret talba għal estradizzjoni fit-2 ta’ Ġunju 2008 mill-awtoritajiet Spanjoli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni ġiet iffirmata fit-13 ta’ Diċembru 1957. L-Artikolu 10 tagħha, intitolat “Preskrizzjoni”, jiddisponi:

“L-estradizzjoni m’għandhiex tingħata jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni jew tal-piena jkun iddekorra skont il-liġi tal-Parti Rikjedenti jew tal-Parti Rikjesta.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Il-Konvenzjoni Ewropea fuq it-trażżin tat-terroriżmu ġiet iffirmata fi Strasburgu fis-27 ta’ Jannar 1977.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

5

Il-Konvenzjoni dwar il-proċedura simplifikata tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ att tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 1995 u ġiet iffirmata fl-istess ġurnata mill-Istati Membri kollha (ĠU C 78, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1995”).

6

Skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija Konvenzjoni:

“Din il-Konvenzjoni tfittex li tiffaċilita l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni [tat-13 ta’ Diċembru 1957], billi tikkompleta d-dispożizzjonijiet tagħha.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Il-Konvenzjoni dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imsejħa l-“Konvenzjoni ta’ Dublin”, ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ att tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 1996 u ġiet iffirmata fl-istess ġurnata mill-Istati Membri kollha (ĠU C 313, p. 11, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1996”).

8

L-Artikolu 1 tagħha jiddisponi b’mod partikolari:

“1.   Din il-Konvenzjoni għandha bħala għan li tikkompleta d-dispożizzjonijiet u li tiffaċilita l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea:

tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 […],

tal-Konvenzjoni Ewropea fuq it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977 […],

tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, [bejn il-gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża] dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni [ĠU 2000, L 239, p. 19] fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma partijiet għal din il-Konvenzjoni […]” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni tal-1996 huwa fformulat kif ġej:

“L-estradizzjoni ma tistax tiġi rrifjutata minħabba li l-azzjoni jew il-piena tkun ġiet preskritta skont il-liġi tal-Istat Membru rikjest”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Jirriżulta mill-Artikolu 18(2) u (3) tal-Konvenzjoni tal-1996 li din tidħol fis-seħħ 90 ġurnata wara n-notifika, mill-aħħar Stat Membru li jkun adotta din il-Konvenzjoni, tat-twettiq tal-proċeduri meħtieġa mir-regoli kostituzzjonali għal din l-adozzjoni. Minħabba li mhux l-Istati Membri kollha pproċedew għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni, din ma daħlitx fis-seħħ skont din id-dispożizzjoni.

11

L-Artikolu 18(4) tal-Konvenzjoni tal-1996 jipprovdi:

“Sa ma tidħol fis-seħħ din il-Konvenzjoni, kull Stat Membru jista’, meta jipproċedi bin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 jew f’xi mument ieħor, jiddikjara li din il-Konvenzjoni hija applikabbli, f’dak li jirrigwarda lilu, fir-rapporti tiegħu ma’ l-Istati Membri li jkunu għamlu l-istess dikjarazzjoni. Dawn id-dikjarazzjonijiet jidħlu fis-seħħ 90 ġurnata wara d-data li fiha jiġu ddepożitati.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

L-Artikolu 18(5) tal-Konvenzjoni tal-1996 jippreċiża li din ma tapplikax ħlief għal talbiet ippreżentati wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jew ta’ meta tibda tiġi applikata fir-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru rikjedenti u l-Istat Membru rikjest.

13

It-tielet sal-ħames premessi tad-Deċiżjoni Qafas huma fformulati kif ġej:

“(3)

L-Istati Membri kollha jew xi wħud minnhom huma partijiet għal numru ta’ konvenzjonijiet fil-qasam ta’ l-estradizzjoni, inkluża l-Konvenzjoni Ewropea fuq l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 u l-Konvenzjoni Ewropea fuq it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977. L-Istati Nordiċi għandhom liġijiet dwar l-estradizzjoni bi kliem identiċi.

(4)

Barra dan, it-tliet Konvenzjonijiet li ġejjin li għandhom x’ jaqsmu fl-intier jew f’parti tagħhom ma’ l-estradizzjoni ġew miftehma bejn l-Istati Membri u jagħmlu parti mill-acquis ta’ l-Unjoni: il-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 fuq it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (fir-rigward ta’ relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma partijiet għal dik il-Konvenzjoni), il-Konvenzjoni [tal-1995] u l-Konvenzjoni [tal-1996].

(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu b’sistema ta’ ċediment [konsenja] bejn awtoritajiet ġudizzjarji.’Il fuq minn dan, l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ ċediment ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ koperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu mibdula b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, ġo żona [spazju] ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.”

14

Il-ħdax-il premessa tad-Deċiżjoni Qafas hija fformulata kif ġej:

“Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jibdel kull strument ta’ qabel dwar l-estradizzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen li huma dwar l-estradizzjoni.”

15

L-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni [Qafas] għandha, mill-1 ta’ Jannar 2004, tibdel [tissostitwixxi] id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam tal-estradizzjoni f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

(a)

il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, il-protokoll addizzjonali tagħha tal-15 ta’ Ottubru 1975, it-tieni protokoll addizzjonali tas-17 ta’ Marzu 1978, u l-Konvenzjoni Ewropea fuq it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977 sa fejn hi involuta l-estradizzjoni;

(b)

il-Ftehim bejn it-12-il Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej fuq is-simplifikazzjoni u l-modernizazzjoni ta’ metodi tat-trasmissjoni ta’ talbiet ta’ estradizzjoni tas-26 ta’ Mejju1989;

(ċ)

il-Konvenzjoni tal-1995 […];

(d)

il-Konvenzjoni tal-1996 […];

(e)

It-Titolu III, Kapitolu 4 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li jimplimenta l-Ftehim Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 fuq it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fi fruntieri komuni.

2.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ meta din id-Deċiżjoni [Qafas] hi adottata sa fejn dawn il-ftehim jew arranġamenti jħallu l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas] jiġu estiżi jew imkabbrin u jgħinu jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għal konsenja ta’ persuni li huma suġġetti għal mandati ta’ arrest Ewropej.

L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni [Qafas] tkun daħlet fis-seħħ sakemm dawn il-ftehim jew arranġamenti jħallu l-preskrizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas] jkunu estiżi jew imkabbrin u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għal konsenja ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ mandati ta’ arrest Ewropej, partikolarment billi jistabbilixxu limiti tal-ħin iżjed qosra minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 17, billi jestendu l-lista ta’ offiżi [reati] stabbiliti fl-Artikolu 2(2), billi jillimitaw aktar ir-raġunijiet għar-rifjut stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, jew billi jniżżlu l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jew (2).

Il-ftehim u arranġamenti msejħa fit-tieni subparagrafu fl-ebda każ ma jistgħu jaffetwaw relazzjonijiet ma’ Stati Membri li mhumiex partijiet għalihom.

L-Istati Membri għandhom, fi tlett xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas], jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-ftehim u l-arranġamenti li jeżistu msejħa fl-ewwel subparagrafu li jixtiequ jkomplu japplikaw.

L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni ta’ [bi] kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid imsejjaħ fit-tieni subparagrafu, fi tlett xhur mill-iffirmar tiegħu.

3.   Fejn il-konvenzjonijiet jew ftehim imsejħa fil-paragrafu 1 japplikaw lit-territorji ta’ Stati Membri jew lit-territorji għar-relazzjonijiet esterni ta’ liema Stat Membru hu responsabbli għal liema din id-Deċiżjoni [Qafas] ma tapplikax, dawn l-istrumenti għandhom ikomplu jirregolaw ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn dawk it-territorji u l-Istati Membri oħra.”

16

L-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Dispożizzjoni transitorja” jipprovdi:

“Talbiet għall-estradizzjoni riċevuti qabel l-1 ta’ Jannar 2004 għandhom ikomplu jkunu rregolati minn strumenti li jeżistu dwar l-estradizzjoni. Talbiet riċevuti wara dik id-data għandhom ikunu rregolati mir-regoli adottati minn Stati Membri skond din id-Deċiżjoni [Qafas]. Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas] mill-Kunsill, jagħmel dikjarazzjoni li jindika li bħala Stat Membru li jesegwixxi hu ser ikompli jittratta talbiet dwar atti mwettqin qabel data li jispeċifika skond is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mis-7 ta’ Awissu 2002. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali [tal-Komunitajiet Ewropej]. Tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.”

17

Skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, ir-Repubblika Franċiża għamlet id-dikjarazzjoni li ġejja (ĠU 2002, L 190, p. 19):

“Franza tiddikjara, skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas […] li, bħala Stat li jeżegwixxi l-mandat, hija se tkompli tittratta skont is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004 it-talbiet relatati ma’ fatti kommessi qabel l-1 ta’ Novembru 1993, data ta’ dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

18

Il-liġi Nru 2004-204 tad-9 ta’ Marzu 2004, dwar l-adattament tal-ġustizzja għall-evoluzzjoni tal-kriminalità (JORF tal-10 ta’ Marzu 2004, p. 4567), implementat id-Deċiżjoni Qafas billi introduċiet f’dan is-sens l-Artikoli 695-11 sa 695-51 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

19

Barra minn hekk, din il-liġi pprovdiet għall-implementazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-1995 u tal-1996.

20

Il-liġi Nru 2004-1345 tad-9 ta’ Diċembru 2004 awtorizzat ir-ratifika tal-Konvenzjoni tal-1996 (JORF tal-10 ta’ Diċembru 2004, p. 20876).

21

Id-Digriet Nru 2005-770, tat-8 ta’ Lulju 2005, jipprovdi għall-pubblikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni (JORF tal-10 ta’ Lulju 2005, p. 11358). Huwa ppreċiżat li hija applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2005.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Fil-11 ta’ Ottubru 2000, il-gvern Spanjol kien ressaq, fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, talba għall-estradizzjoni ta’ P. I. Santesteban Goicoechea għal fatti allegatament kommessi fit-territorju Spanjol matul ix-xhur ta’ Frar u Marzu 1992 u kkwalifikati bħala ħażna ta’ armi tal-gwerra, pussess illegali ta’ splużivi, reat ta’ użu illegali ta’ vettura bil-mutur li ma kinitx tiegħu, reat ta’ bdil ta’ targi ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi u reat ta’ appartenenza f’organizzazzjoni terrorista. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ sentenza tal-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Versailles tad-19 ta’ Ġunju 2001, minħabba li l-fatti li għalihom intalbet l-estradizzjoni kienu preskritti skont il-liġi Franċiża.

23

Fil-31 ta’ Marzu 2004, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew dwar l-istess fatti msemmija fit-talba għal estradizzjoni ta’ P. I. Santesteban Goicoechea tal-11 ta’ Ottubru 2000 mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub, il-gvern Franċiż indika li dan il-mandat ma kellux segwitu. Fil-fatt, meta tiġi kkunsidrata d-data tal-fatti u d-dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, l-imsemmi mandat ma setgħax jiġi kkunsidrat ħlief bħala sempliċi talba għal arrest provvisorju, li għandha tiġi ttrattata skont is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004, jiġifieri l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957. Issa, il-fatti saru preskritti skont il-liġi Franċiża. F’kull każ, P. I. Santesteban Goicoechea kien qed jiskonta fi Franza piena ta’ ħabs, u eventwali konsenja lill-Istat Membru rikjedenti ma setgħetx tiġi effettwata ħlief wara li din il-piena tiġi eżegwita.

24

P. I. Santesteban Goicoechea kellu jiġi lliberat fis-6 ta’ Ġunju 2008. Kif ġie ppreċiżat fis-seduta mill-gvern Spanjol, peress li tfakkret mill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi l-impossibbiltà li jsir użu tal-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tad-data tal-fatti u d-dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, saret talba għal arrest provviżorju fis-27 ta’ Mejju 2008 mill-Juzgado Central De Instrucción de la Audiencia Nacional (Spanja) għall-istess fatti, invista ta’ talba għal estradizzjoni bbażata fuq il-Konvenzjoni tal-1996. Fit-28 ta’ Mejju 2008, P. I. Santesteban Goicoechea tqiegħed taħt arrest għall-estradizzjoni mill-Prokuratur tar-Repubblika.

25

Fit-2 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet Spanjoli talbu l-estradizzjoni ta’ P. I. Santesteban Goicoechea fuq il-bażi tal-Konvenzjoni tal-1996.

26

Il-prokuratur ġenerali jitlob lill-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier jogħġobha tilqa’ t-talba tal-awtoritajiet Spanjoli.

27

P. I. Santesteban Goicoechea rrifjuta li jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Spanjoli, billi qies b’mod partikolari li r-Renju ta’ Spanja ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1996.

28

Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Deċiżjoni Qafas tipprevedi, fl-Artikolu 31 tagħha, li din id-Deċiżjoni Qafas tissostitwixxi mill-1 ta’ Jannar 2004 d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet, sussegwentement imsemmija, applikabbli fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri. Il-Konvenzjoni tal-1996 tissemma fl-Artikolu 31(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas.

29

L-Artikolu 31(2) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi l-possibbilità, għal xi Stati Membri, li jkomplu japplikaw ċerti ftehim bilaterali jew multilaterali li jkunu fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Madankollu, għandhom jinnotifikaw dawn il-ftehim fi tliet xhur li jibdew jiddekorru minn meta tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni Qafas. Issa, ir-Renju ta’ Spanja ma għamel l-ebda notifika f’dan is-sens.

30

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, minħabba li ntalbet, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ konvenzjoni applikabbli fi Franza sa mill-1 ta’ Lulju 2005.

31

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-nuqqas li Stat Membru, f’dan il-każ [ir-Renju ta’] Spanja, jinnotifika, skont l-Artikolu 31(2) tad-Deċiżjoni Qafas […], l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ japplika ftehim bilaterali jew multilaterali jimplika, minħabba l-kelma ‘tibdel [tissostitwixxi]’ li tinsab fl-Artikolu 31 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li huwa impossibbli għal dan l-Istat Membru li jagħmel użu minn proċeduri differenti minn dawk tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ [ir-Repubblika Franċiża], li għamel dikjarazzjoni skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, qed tintalab risposta għad-domanda li ġejja:

2)

Ir-riżervi magħmulin mill-Istat li jeżegwixxi l-mandat jippermettu lil dan l-Istat l-applikazzjoni [tal-konvenzjoni tal-1996], jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 2004, iżda li daħlet fis-seħħ fl-Istat li jeżegwixxih wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2004 msemmija fl-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

32

B’ittra tat-3 ta’ Lulju 2008, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, il-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier talbet li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinstema’ bil-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura.

33

Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi indikat li P. I. Santesteban Goicoechea kien miżmum taħt arrest, wara l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ħabs, taħt it-titolu ta’ arrest għall-estradizzjoni biss li kien ingħata fil-kuntest tal-proċedura ta’ estradizzjoni li fiha saret id-domanda preliminari.

34

It-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, iddeċidiet, fis-7 ta’ Lulju 2008, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex tisma’ t-talba għal deċiżjoni preliminari bil-proċedura b’urġenza.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

35

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq l-Artikolu 234 KE, filwaqt li l-interpretazzjoni mitluba tirrigwarda d-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri att adottat bis-saħħa tat-Titolu VI tat-Trattat UE.

36

Qabel xejn għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 46(b) UE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati KE u KEEA dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, li fosthom hemm l-Artikolu 234 KE, huma applikabbli għal dawk tat-Titolu VI tat-Trattat UE. Jirriżulta minn dan li s-sistema prevista fl-Artikolu 234 KE hija intiża li tapplika għall-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 35 UE, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C-105/03, Ġabra p. I-5285, punti 19 u 28, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C-467/05, Ġabra p. I-5557, punt 34).

37

Ir-Repubblika Franċiża indikat, b’dikjarazzjoni tal-14 ta’ Marzu 2000 b’effett mill-11 ta’ Lulju 2000, li hija kienet aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 35 UE skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu (3)(b) ta’ dan l-Artikolu (ĠU 2005, L 327, p. 19).

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmix l-Artikolu 35 UE, iżda tirreferi għall-Artikolu 234 KE, m’għandux, fih innifsu, jikkawża l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dan huwa iktar minnu peress li t-Trattat UE ma jipprovdi la espliċitament u lanqas impliċitament il-forma li fiha l-qorti nazzjonali għandha tippreżenta t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari (ara s-sentenza Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

39

Barra minn hekk, kif jissottometti l-gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, jekk jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Conseil d’État Franċiż li l-qrati istruttorji tal-Qrati tal-Appell jeżerċitaw, meta jiddeċiedu fuq talba għal estradizzjoni, att amministrattiv, m’għandux jiġi konkluż li dawn l-entitajiet m’għandhomx il-karatteristiċi ta’ qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE.

40

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-fatt, biex tevalwa jekk l-organu tar-rinviju għandux dawn il-karatteristiċi, kwistjoni li toħroġ biss mid-dritt Komunitarju, il-Qorti għandha tqis l-elementi kollha flimkien, bħall-oriġini legali tal-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-organu, tar-regoli tal-liġi, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jirreferu kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief meta kawża tkun pendenti quddiemhom u jekk huma jkunu mitluba jagħtu deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura ddestinata li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Syfait et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, kif ukoll dik tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll, C-96/04, Ġabra p. I-3561, punt 13).

41

Mhuwiex ikkontestat li l-qrati istruttorji tal-Qrati tal-Appell jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fuq ta’ oriġini legali, ta’ permanenza u ta’ indipendenza. L-intervent tagħhom huwa obbligatorju fil-qasam tal-estradizzjoni u huma jiddeċiedu skont proċedura li għandha karatteristiċi ġudizzjarji li matulha l-persuna kkonċernata tinstema’, bħall-prosekuzzjoni, waqt proċedura kontradittorja. Huma jistħarrġu l-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-estradizzjoni u jagħtu deċiżjoni motivata. Jekk din tkun kontra l-estradizzjoni, itemm, ladarba ssir definittiva, il-proċedura ta’ estradizzjoni u twassal ex officio għal-liberazzjoni ta’ persuna li tkun taħt arrest għall-estradizzjoni. Barra minn hekk, kif issottometta l-gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Qorti ta’ Kassazzjoni taċċetta, sa mill-1984, li d-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tkun appellata fil-Kassazzjoni għal raġunijiet ta’ difett fil-forma u fil-proċedura. Din il-possibbiltà ta’ appell hija issa mniżżla fl-Artikolu 696-15 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Fl-aħħar nett, meta l-Qorti tal-Kassazzjoni jkollha quddiemha appell fl-interess tal-liġi kontra deċiżjoni tal-qorti istruttorja, hija tiddeċiedi fuq il-kundizzjonijiet tal-mertu tal-estradizzjoni.

42

Jirriżulta minn dawn l-elementi flimkien li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi li saru.

Fuq id-domandi preliminari

43

Preliminarjament, P. I. Santesteban Goicoechea jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li jmur kontra l-prinċipju ġenerali tad-dritt applikabbli fl-Unjoni u, b’mod partikolari, kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ legalità u ta’ non-retroattività tal-liġi kriminali iktar severa, li tiġi applikata għalih il-Konvenzjoni tal-1996 għal fatti li dwarhom il-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2001, iddikjarat li kienu preskritti skont il-liġi Franċiża u tat deċiżjoni kontra l-estradizzjoni.

44

Huwa jsostni li, jekk il-konvenzjonijiet ta’ estradizzjoni japplikaw għal fatti preċedenti għad-dħul fis-seħħ tagħhom, ma jistax jiġi aċċettat li konvenzjoni ġdida dwar l-estradizzjoni jkollha l-effett li jerġgħu jiġu kkontestati sitwazzjonijiet li jkunu definittivament inqatgħu.

45

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, sa fejn l-argumenti preliminari tal-akkużat fil-kawża prinċipali jirrigwardaw problemi li jirriżultaw mill-applikazzjoni suċċessiva, fiż-żmien, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 u tal-Konvenzjoni tal-1996, dan ma jaqax fil-kuntest tar-risposta għad-domandi preliminari u tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 31 u 32 tad-Deċiżjoni Qafas.

46

Issa, ta’ min ifakkar li, skont l-Artikolu 35 UE, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-partijiet fil-kawża prinċipali li tiddeċiedi li tirreferi kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-possibbiltà li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja tappartjeni biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l-kontenut (ara, b’mod partikolari, rigward l-Artikolu 234 KE, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer, 44/65, Ġabra p. 1191, 1198, kif ukoll dik tas-17 ta’ Settembru 1998, Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne, C-412/96, Ġabra p. I-5141, punt 23).

47

Barra minn hekk, li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-akkużat fil-kawża prinċipali msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza hija inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 35 UE kif ukoll mal-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jissottomettu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (ara, b’mod partikolari, rigward l-Artikolu 234 KE, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International, C-352/95, Ġabra p. I-1729, punt 14, kif ukoll Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

Fuq l-ewwel domanda

48

Bl-ewwel domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tal-kelma “tibdel [tissostitwixxi]” fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, in-nuqqas ta’ notifika, minn Stat Membru bħar-Renju ta’ Spanja, tal-intenzjoni tiegħu li japplika ftehim bilaterali jew multilaterali, skont l-Artikolu 31(2) ta’ din id-deċiżjoni, joħloqx l-impossibbiltà, għal dan l-Istat Membru, li juża proċeduri oħra ta’ estradizzjoni minflok dak tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma’ Stat Membru ieħor, bħar-Repubblika Franċiża, li għamlet dikjarazzjoni skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas.

49

P. I. Santesteban Goicoechea jsostni li l-kelma “tibdel [tissostitwixxi]” mhijiex ambigwa u li, fin-nuqqas ta’ notifika, mir-Renju ta’ Spanja, tax-xewqa li tinżamm l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1996, din ma tistax tiġi applikata bejn ir-Rejnu ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża. L-interpretazzjonijiet proposti mill-gvern Franċiż u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub ma humiex ħlief estrapolazzjonijiet.

50

Il-gvern Franċiż u dak Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, isostnu li l-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni Qafas m’għandux jiġi applikat fil-kawża prinċipali.

51

F’dan ir-rigward, jirriżulta, mill-ħames, mis-seba’ u mill-ħdax-il premessi tad-Deċiżjoni Qafas li, sabiex jitnaqqsu l-kumplessità u r-riskji ta’ dewmien inerenti għall-proċeduri ta’ estradizzjoni li kienu dak iż-żmien applikabbli, din għandha bħala għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. L-imsemmija ħdax-il premessa tippreċiża li “[f]ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jibdel [jissostitwixxi] kull strument ta’ qabel dwar l-estradizzjoni”.

52

It-tielet u r-raba’ premessi tad-Deċiżjoni Qafas isemmu l-konvenzjonijiet applikabbli bejn l-Istati Membri kollha jew uħud minnhom, kif ukoll il-konvenzjonijiet approvati mill-Istati Membri u li huma parti mill-acquis tal-Unjoni, li fosthom hemm il-Konvenzjoni tal-1996.

53

Skont l-għan indikat fil-premessi tad-Deċiżjoni Qafas, l-Artikolu 31(1) tagħha jipprevedi, bejn l-Istati Membri, is-sostituzzjoni tal-konvenzjonijiet li jsemmi permezz ta’ sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas. Fost dawn il-konvenzjonijiet hemm dawk imsemmija fit-tielet u r-raba’ premessi tad-Deċiżjoni Qafas u għaldaqstant il-Konvenzjoni tal-1996.

54

L-Artikolu 31(2) tad-Deċiżjoni Qafas jippermetti lill-Istati Membri jkomplu japplikaw il-ftehim jew l-arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas jew li jikkonkludu tali ftehim bilaterali jew multilaterali wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni sa fejn dawn ikunu jippermettu li japprofondixxu jew li jkabbru l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas u jikkontribwixxu sabiex jissemplifikaw jew jiffaċilitaw iktar il-proċeduri ta’ konsenja ta’ persuni li jkunu taħt mandat ta’ arrest Ewropew.

55

Din id-dispożizzjoni ma tistax għalhekk issemmi l-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31(1) tad-Deċiżjoni Qafas, minħabba li din tal-aħħar għandha bħala għan preċiżament li tissostitwixxi dawn il-konvenzjonijiet b’sistema iktar sempliċi u effikaċi. Kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha u kif ġie enfasizzat mill-gvern Spanjol waqt is-seduta, l-Artikolu 31(2) tad-Deċiżjoni Qafas isemmi konvenzjonijiet oħrajn li bihom l-Istati Membri jmorru lil hinn mid-Deċiżjoni Qafas fis-sens tal-faċilitazzjoni u semplifikazzjoni tal-proċedura ta’ konsenja, filwaqt li jibqgħu fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

56

Isegwi li l-Konvenzjoni tal-1996 ma tagħmilx parti mill-ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Deċiżjoni Qafas li għalihom għandha ssir notifika.

57

Barra minn hekk, is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tapplika biss fil-kundizzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 32 tagħha, għat-talbiet li jsiru wara l-1 ta’ Jannar 2004 u sakemm l-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat ma jkunx għamel dikjarazzjoni skont din id-dispożizzjoni sabiex jintroduċi limitu fiż-żmien tal-applikazzjoni tal-imsemmija sistema.

58

Huwa b’dan il-mod, kif ippreċiżat il-Kummissjoni, li s-sostituzzjoni prevista fl-Artikolu 31(1) tad-Deċiżjoni Qafas, tal-konvenzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni ma tfissirx li dawn il-konvenzjonijiet jitħassru imma jibqgħu rilevanti għall-każijiet koperti minn dikjarazzjoni ta’ Stat Membru magħmula skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, imma wkoll f’sitwazzjonijiet oħra fejn is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tkunx applikabbli.

59

Isegwi li l-Artikoli 31 u 32 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedu sitwazzjonijiet distinti li jeskludu waħda lill-oħra. Fil-fatt, filwaqt li l-imsemmi Artikolu 31, intitolat “Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra” jirrigwarda l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tas-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-estradizzjoni, l-imsemmi Artikolu 32, intitolat “Dispożizzjoni transitorja” jipprevedi ċ-ċirkustanza li fiha din is-sistema ma tapplikax.

60

F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża għamlet dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, fejn ippreċiżat li, bħala Stat li jeżegwixxi, hija sejra tkompli tittratta t-talbiet relatati ma’ fatti kommessi qabel l-1 ta’ Novembru 1993, data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht, skont is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004.

61

Dan huwa l-każ tat-talba hekk kif magħmula mill-awtoritajiet Spanjoli rigward P. I. Santesteban Goicoechea, minħabba li l-fatti allegati fil-konfront tiegħu saru matul ix-xhur ta’ Frar u ta’ Marzu 1992.

62

Minħabba li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista mid-Deċiżjoni Qafas mhijiiex applikabbli għal din it-talba, l-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni Qafas mhuwiex rilevanti.

63

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprevedi biss l-ipoteżi li fiha s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija applikabbli, li mhuwiex il-każ meta talba għal estradizzjoni tkun dwar azzjonijiet li jkunu twettqu qabel id-data indikata minn Stat Membru f’dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas.

Fuq it-tieni domanda

64

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni, minn Stat Membru li jeżegwixxi l-mandat, tal-Konvenzjoni tal-1996 meta din ma tkunx saret applikabbli f’dan l-Istat Membru ħlief wara l-1 ta’ Jannar 2004.

65

P. I. Santesteban Goicoechea jsostni li jekk jiġi aċċettat li l-espressjoni “sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004” użata fl-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas tkopri l-imsemmija Konvenzjoni, applikabbli bejn ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża biss mill-1 ta’ Lulju 2005, dan imur kontra l-kliem u l-ispirtu tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Franċiża skont l-imsemmi Artikolu 32.

66

Il-gvern Franċiż u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li l-espressjoni “sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004” hija użata fid-Deċiżjoni Qafas sabiex issir distinzjoni bejn, minn naħa, is-sistema ta’ estradizzjoni mwaqqfa mill-konvenzjonijiet eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u msemmija fil-premessi u fl-Artikolu 31(1) tagħha u, min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew elaborata mid-Deċiżjoni Qafas u li biha hija tipprevedi li għandha tkun applikata għat-talbiet magħmula wara l-1 ta’ Jannar 2004. L-użu ta’ din l-espressjoni m’għandux bħala għan li “jiffriża” l-istat tal-konvenzjonijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 31(1) u lanqas li jimpedixxi t-titjb tas-sistema ta’ estradizzjoni bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea ta’ estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957.

67

Il-gvern Franċiż u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, barra minn hekk, li l-Konvenzjonijiet tal-1995 u tal-1996 ma kinux għadhom fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004, li sa dan il-mument għadhom mhumiex fis-seħħ u li dawn jitilfu kull effett utli jekk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jkomplu jadottaw il-proċeduri mitluba mid-dritt nazzjonali għall-applikazzjoni tagħhom. Issa, dawn il-konvenzjonijiet jikkostitwixxu acquis tal-Unjoni li l-Istati Membri għandhom jintegraw u li dawn jibqgħu utli fil-każ fejn is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tkunx tapplika kif ukoll fir-rapporti ta’ estradizzjoni mal-Istati terzi assoċjati fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985. L-Istati Membri, barra minn hekk, kienu ġew inkoraġġati fi ħdan il-Kunsill sabiex ikomplu jirratifikawhom minkejja l-eżistenza tad-Deċiżjoni Qafas.

68

Il-Kummissjoni tirrimarka fl-aħħar li r-Repubblika Franċiża tista’ f’kull mument tirtira d-dikjarazzjoni tagħha magħmula skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, bil-konsegwenza li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tkun immedjatament applikabbli. Għalhekk ikun diffiċli li jinftiehem fejn huwa pprojbit li timxi parzjalment fis-sens tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi tiġi applikata l-Konvenzjoni tal-1996, wara li tiġi applikata s-sistema prevista mid-Deċiżjoni Qafas.

69

F’dan ir-rigward, jirriżulta kemm mill-premessi tad-Deċiżjoni Qafas kif ukoll mill-Artikoli 31 u 32 tagħha li, bl-espressjoni “sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004”, l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi b’mod partikolari l-konvenzjonijiet kollha msemmija fit-tielet u r-raba’ premessi kif ukoll fl-Artikolu 31(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Dawn il-konvenzjonijiet huma bbażati fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, billi jimmodifikawha jew jikkompletawha. B’hekk, il-Konvenzjoni tal-1996 tindika, fl-Artikolu 1 tagħha, li għandha bħala għan li tikkompleta d-dispożizzjonijiet u li tiffaċilita l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, b’mod partikolari, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957.

70

Madankollu, kif ippreċiżat il-Kummissjoni fis-seduta, l-użu tal-kelma “applikabbli” ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-konvenzjonijiet imsemmija jsiru applikabbli biss minħabba d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fatt, sabiex konvenzjoni tkun applikabbli bejn żewġ Stati Membri, dawn tal-aħħar għandhom ikunu marbuta bl-imsemmija Konvenzjoni.

71

Din il-kelma m’għandhiex tinftiehem fis-sens li tirreferi biss għall-konvenzjonijiet li kienu effettivament applikabbli bejn l-Istati Membri fl-1 ta’ Jannar 2004.

72

Fil-fatt, is-sistema ta’ dikjarazzjoni prevista fit-tielet u r-raba’ sentenzi tal-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas tfittex li tippermetti, b’mod eċċezzjonali, l-estensjoni tas-sistema prevista fl-ewwel sentenza tal-istess artikolu għal ċerti talbiet li jkunu saru qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Sakemm xejn ma jipprojbixxi li jsiru applikabbli f’ċerti Stati Membri, bejn id-data ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u l-1 ta’ Jannar 2004, strumenti eżistenti fil-qasam tal-estradizzjoni, ma teżisti l-ebda raġuni li tipprekludi Stat Membru milli jirrendi applikabbli, wara l-1 ta’ Jannar 2004, konvenzjoni li tkun parti mis-sistema ta’ estradizzjoni sostitwita mis-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għas-sitwazzjonijiet fejn l-imsemmija sistema ma tapplikax.

73

Kif sostnew ġustament il-gvern Franċiż u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni, l-indikazzjoni tad-data tal-1 ta’ Jannar 2004 sservi essenzjalment sabiex tistabbilixxi l-limitu bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni prevista fil-konvenzjonijiet u dik tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas, peress li din l-aħħar sistema għandha tiġi applikata, b’mod ġenerali, għat-talbiet kollha li saru qabel l-1 ta’ Jannar 2004.

74

L-applikazzjoni ta’ konvenzjoni bħal dik tal-1996 ma tippreġudikax is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista bid-Deċiżjoni Qafas, peress li, skont l-Artikolu 31(1) ta’ din tal-aħħar, tali konvenzjoni ma tistax tiġi użata ħlief meta s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tkunx tapplika.

75

L-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet fil-qasam tal-estradizzjoni wara l-1 ta’ Jannar 2004 għalhekk għandha jkollha biss bħala għan li ttejjeb is-sistema ta’ estradizzjoni fiċ-ċirkustanzi fejn is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tapplikax. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-konvenzjonijiet fil-qasam tal-estradizzjoni jibqgħu rilevanti għall-każijiet koperti minn dikjarazzjoni ta’ Stat Membru magħmula skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, imma wkoll f’sitwazzjonijiet oħra fejn is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tkunx applikabbli.

76

Tali għan ċertament ma jmurx kontra l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas, peress li, kif jirriżulta mill-ħames premessa tagħha, din tfittex li, permezz tal-ħolqien ta’ sistema ġdida ssemplifikata ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati, tneħħi l-kumplessità u r-riskji ta’ dewmien inerenti għall-proċeduri ta’ estradizzjoni eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

77

L-applikazzjoni, bejn żewġ Stati Membri, tal-Konvenzjoni tal-1996 hija, ukoll, konformi mal-għanijiet tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, jaqbel li jiġi mfakkar li din il-Konvenzjoni hija parti mill-acquis tal-Unjoni u li, b’att tas-27 ta’ Settembru 1996, il-Kunsill irrakkomanda l-adozzjoni tagħha mill-Istati Membri skont ir-regoli kostituzzjonali rispettivi.

78

Fl-aħħar nett, kif fakkret il-Kummissjoni, l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi espressament li dikjarazzjoni magħmula minn Stat Membru skont din id-dispożizzjoni tista’ tiġi rtirata f’kull ħin, li jfisser, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni f’dan ir-rigward, l-applikazzjoni immedjata tas-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew anki għal fatti li jseħħu qabel id-data li kienet indikata fid-dikjarazzjoni li ġiet irtirata.

79

Fid-dawl tas-setgħa b’hekk rikonoxxut li tiġi rtirata dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas, ma jistax jiġi sostnut b’suċċess li Stat Membru li jkun għamel tali dikjarazzjoni ma jkollux dritt li jirrendi applikabbli l-Konvenzjoni tal-1996 wara l-1 ta’ Jannar 2004, sabiex din il-Konvenzjoni tkopri, b’mod partikolari, is-sitwazzjonijiet li fihom is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tapplikax, meta, kif enfasizzat il-Kummissjoni, din il-Konvenzjoni hija progress fis-sens tal-mandat ta’ arrest Ewropew ħalli tiffaċilita l-estradizzjonijiet bejn l-Istati Membri.

80

Skont ġurisprudenza kostanti, ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (sentenza Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). L-Artikolu 18(5) tal-Konvenzjoni tal-1996 jipprevedi li din tapplika għat-talbiet magħmula wara d-data ta’ meta tibda tapplika fir-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru rikjest u l-Istat Membru rikjedenti. L-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi li t-talbiet magħmula sa mill-1 ta’ Jannar 2004 għandhom ikunu rregolati mir-regoli tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Jekk, fiż-żewġ każijiet, ir-regoli l-ġodda japplikaw mhux għat-talbiet pendenti imma għal dawk magħmula wara data determinata, huma japplikaw it-tnejn għal talbiet rigward azzjonijiet li jkunu twettqu qabel id-data ta’ meta jibdew japplikaw ir-regoli l-ġodda.

81

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni, minn Stat Membru li jeżegwixxi l-mandat, tal-Konvenzjoni tal-1996, anki meta din tkun saret applikabbli f’dak l-Istat biss wara l-1 ta’ Jannar 2004.

Fuq l-ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi biss l-ipoteżi li biha s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija applikabbli, li ma huwiex il-każ meta talba għal estradizzjoni tkun dwar azzjonijiet li jkunu twettqu qabel id-data indikata minn Stat Membru f’dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas.

 

2)

L-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni, minn Stat Membru li jeżegwixxi l-mandat, tal-Konvenzjoni dwar l-estradizzjoni bejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita bl-att tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 1996 u ffirmata fl-istess ġurnata mill-Istati Membri kollha, anki meta din tkun saret applikabbli f’dak l-Istat biss wara l-1 ta’ Jannar 2004.

 

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Awwissu 2008.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top