EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0406

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 29 ta' Ottubru 2009.
Uniplex (UK) Ltd vs NHS Business Services Authority.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division - ir-Renju Unit.
Direttiva 89/665/KEE- Proċedura ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi - Terminu għall-preżentata ta’ rikors - Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata tar-rikors.
Kawża C-406/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:676

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2009 ( 1 )

Kawża C-406/08

Uniplex (UK) Ltd

vs

NHS Business Services Authority

“Direttiva 89/665/KEE — Proċedura ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors”

I — Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court of Justice (England and Wales) ( 2 ) toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej l-okkażjoni biex tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward ta’ rimedji legali mogħtija fis-settur tal-kuntratti pubbliċi lill-offerent li jkun ġie eskluż.

2.

Huwa magħruf li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal dan it-tip ta’ rimedji legali, termini raġonevoli ta’ dekadenza. Iżda jeħtieġ jiġi ċċarat, b’mod partikolari, minn liema mument, fil-kuntest tal-proċedura, jibdew jiddekorru dawn it-termini: jekk hux mill-mument meta jkun ġie kommess il-ksur ikkontestat tar-regoli dwar il-kuntratti jew jekk huwiex mill-mument meta l-offerent eskluż ikun sar jaf jew kellu jkun jaf b’dak il-ksur. Din il-kwistjoni, li l-konsegwenzi prattiċi tagħha ma għandhomx jiġi sottovalutati, tinqala’ hawnhekk fir-rigward ta’ regola tad-dritt Ingliż li tgħid li t-terminu biex tinbeda proċedura ta’ reviżjoni min-naħa tal-offerent eskluż jibda jiddekorri indipendentement minn jekk dan tal-aħħar kienx jaf bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, filwaqt li l-proroga ta’ dan it-terminu taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali kompetenti.

3.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt mqajma, dan il-każ jippreżenta xi punti ta’ xebh mal-kawża C-456/08, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, li fil-kuntest tagħha ppreżentajt ukoll il-konklużjonijiet tiegħi llum.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

4.

Il-kuntest ġuridiku ta’ dan il-każ huwa kkostitwit mid-Direttiva 89/665/KEE ( 3 ) kif emendata bid-Direttiva 92/50/KEE ( 4 ) ( 5 ).

5.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665/KEE jistabbilixxi dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE u 92/50/KEE […] id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jallegaw ħsara fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt bħala riżultat tad-distinzjoni magħmula b’din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-Komunità u regoli nazzjonali oħrajn.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni”  ( 6 ).

6.

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665/KEE fih ukoll din id-dispożizzjoni:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

[…]

b)

jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment […];

ċ)

jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur”.

B — Id-dritt nazzjonali

7.

Għall-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq, id-Direttiva 89/665/KEE ġiet trasposta fit-Taqsima 9 tal-Public Contracts Regulations 2006 ( 7 ) (PCR 2006) u estratt mill-Artikolu 47 huwa dan li ġej:

“(1)   L-obbligu fuq

(a)

awtorità kontraenti biex tosserva d-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regolamenti, minbarra l-artikoli […] u kull obbligu Komunitarju eżegwibbli fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku, ftehim qafas jew kompetizzjoni ta’ disinn […]

[…]

huwa dover fil-konfront ta’ kull operatur ekonomiku.

[…]

(6)   L-operatur ekonomiku li, minħabba l-ksur tal-obbligi taħt il-paragrafi 1 jew 2, isofri jew jirriskja li jsofri dannu jew telf għandu d-dritt li jibda proċeduri kontra dan il-ksur billi jaġixxi quddiem il-High Court.

(7)   Biex jibda proċeduri fis-sens ta’ dan l-artikolu jeħtieġ li:

a)

l-operatur ekonomiku li jibda proċeduri jkun informa lill-awtorità kontraenti jew lill-konċessjonarju, skont il-każ, bil-ksur anki allegat tal-obbligu fil-konfront tiegħu taħt il-paragrafi 1 jew 2 min-naħa tal-awtorità kontraenti, kif ukoll bl-intenzjoni tiegħu li jaġixxi kontra dak il-ksur skont dan l-artikolu; u

b)

il-proċeduri jsiru malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mid-data minn meta jkunu rriżultaw ir-raġunijiet għall-azzjoni, sakemm il-qorti ma tikkunsidrax li teżisti raġuni valida biex jiġi estiż dak it-terminu.

[…]

9.   Fil-proċeduri li jkunu nbdew skont dan l-artikolu, jekk il-kuntratt li fil-konfront tiegħu sar il-ksur ikun ġie konkluż, il-qorti ma tkunx kompetenti tagħti rimedji oħrajn għajr ir-rikonoxximent tad-dritt għall-ħlas ta’ kumpens marbut mal-ksur tal-obbligi taħt il-paragrafu 1 jew 2.”

III — Il-fatti u l-kawża prinċipali

8.

Uniplex (UK) Ltd ( 8 ) hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit u operatur ekonomiku għall-finijiet tad-Direttiva 2004/18 u tal-PCR 2006. Hija d-distributur esklużiv għar-Renju Unit tal-emostatiċi prodotti minn Gelita Medical BV, kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

9.

L-NHS Business Services Authority ( 9 ) hija korp pubbliku li tappartjeni lin-National Health Service (servizz tas-saħħa nazzjonali) tar-Renju Unit, ġestita direttament mill-Istat. Hija awtorità kontraenti għall-finijiet tad-Direttiva 2004/18/KE u tal-PCR 2006.

10.

Fis-26 ta’ Marzu 2007, l-NHS nediet sejħa għal offerti, fi proċedura ristretta, għal ftehim qafas għall-provvista ta’ emostatiċi lill-istituzzjonijiet tal-NHS ( 10 ). Is-sejħa għal offerti rilevanti ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-28 ta’ Marzu 2007.

11.

B’ittra tat-13 ta’ Ġunju 2007, l-NHS bagħtet stedina għall-preżentazzjoni ta’ offerti lil ħames partijiet interessati, fosthom anki Uniplex. It-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti ġie ffissat għad-19 ta’ Lulju. Uniplex ippreżentat l-offerta tagħha fit-18 ta’ Lulju 2007.

12.

Fit-22 ta’ Novembru 2007, l-NHS għarrfet bil-miktub lil Uniplex li kienet aġġudikat il-ftehim qafas lil tliet offerenti, filwaqt li Uniplex ma kinitx fosthom. Fil-komunikazzjoni kien hemm ukoll il-kriterji tal-għoti, l-ismijiet tal-offerenti magħżula, il-punti li ngħataw lil Uniplex u l-firxa tal-punti (minimu/massimu) li ngħataw lil dawk magħżula. Abbażi tal-kriterji li użat l-NHS, Uniplex ġabet l-iktar punti baxxi fost il-ħames offerenti li ġew mistiedna jippreżentaw offerta u li kienu għamlu offerta. Bl-istess komunikazzjoni, Uniplex ġiet infurmata bid-dritt tagħha li tikkontesta l-għoti tal-offerta u li titlob iktar informazzjoni.

13.

Fuq talba ta’ Uniplex tat-23 ta’ Novembru 2007, l-NHS ipprovdiet, fit-13 ta’ Diċembru 2007, dettalji dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni tagħha abbażi ta’ kriterji ta’ għoti, u wriet wkoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerti ta’ dawk magħżula meta mqabbla mal-offerta ta’ Uniplex.

14.

Fit-28 ta’ Jannar 2008, Uniplex bagħtet lill-NHS ittra ta’ intimazzjoni fejn eċċepiet diversi ksur tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi.

15.

B’ittra tal-11 ta’ Frar 2008, l-NHS għarrfet lil Uniplex li kien hemm bidla fiċ-ċirkustanzi. Kien irriżulta li l-offerta ta’ Assut (UK) Ltd ma kinitx tikkonforma mar-rekwiżiti mitlubin u li B. Braun (UK) Ltd, li ġiet ir-raba’ fl-evalwazzjoni tal-offerti, daħlet fil-ftehim qafas minflok Assut (UK) Ltd.

16.

Wara skambju ulterjuri ta’ korrispondenza bejn Uniplex u l-NHS, fejn fost l-oħrajn ġie diskuss il-mument minn meta beda jiddekorri t-terminu għall-bidu ta’ eventwali proċeduri, fit-12 ta’ Marzu 2008, Uniplex bdiet proċeduri fil-High Court, jiġifieri l-qorti tar-rinviju. Fost l-oħrajn hija talbet li jiġi ddikjarat li kien hemm ksur tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi, li l-NHS tiġi kkundannata tħallas id-danni konnessi ma’ dan il-ksur u — jekk ikun fil-kompetenza tal-qorti adita — li l-NHS tiġi ordnata idaħħal lir-rikorrent fil-ftehim qafas.

17.

Il-qorti tar-rinviju tqajjem dubji dwar it-tempestività tal-proċeduri mibdija minn Uniplex u dwar il-ħtieġa, eventwali, li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha li tipproroga dan it-terminu skont l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006.

IV — Id-domandi preliminari u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

B’digriet tat-30 ta’ Lulju 2008, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2008, il-High Court issospendiet il-kawża u bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“Meta operatur ekonomiku jikkontestata, fi proċeduri nazzjonali, l-għoti ta’ ftehim qafas minn awtorità kontraenti wara proċedura għall-għoti ta’ kuntratt li fiha huwa kien offerent u li kellha ssir b’mod konformi mad-Direttiva 2004/18/KE (u d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implementazzjoni), u jitlob, f’dawk il-proċeduri, il-konstatazzjoni u l-kumpens għall-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kuntratti pubbliċi fir-rigward ta’ din il-proċedura u dan l-għoti:

a)

dispożizzjoni nazzjonali bħal-Artikolu 47(7)(b) tal-Public Contracts Regulations 2006, li tistipula li dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ f’terminu ta’ mhux iktar minn tliet xhur minn meta ngħata lok għall-motivi li wasslu għall-bidu tal-proċeduri, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li hemm raġuni valida għall-proroga ta’ dan it-terminu, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 89/665/KEE, u tal-prinċipju tad-dritt Komunitarju ta’ ekwivalenza, tar-rekwiżit tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u/jew tal-prinċipju ta’ effettività, u billi jittieħed inkunsiderazzjoni kull prinċipju ieħor rilevanti tad-dritt Komunitarju, fis-sens li tagħti lill-offerent dritt suġġettiv u inkundizzjonat fil-konfront tal-awtorità kontraenti b’tali mod li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors li jikkontesta tali proċedura għall-għoti ta’ kuntratt u għoti tali jibda jiddekorri minn meta l-offerent kien jaf, jew kellu jkun jaf, li l-proċeduri tal-għoti tal-kuntratt pubbliku kisru r-regoli Komunitarji f’dan il-qasam, jew mill-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli?

b)

f’kull każ, kif għandha għaldaqstant il-qorti nazzjonali tapplika:

(i)

kull rekwiżit sabiex ir-rikors jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun u

(ii)

kull setgħa diskrezzjonali sabiex tipproroga t-terminu ta’ dekadenza nazzjonali sabiex sabiex jiġi ppreżentat tali rikors?”

19.

Fil-kuntest tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra Uniplex u l-NHS, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet miktubin u orali ( 11 ). Fis-seduta anki l-Gvern Ġermaniż kien irrappreżentat.

V — Analiżi

20.

Biż-żewġ domandi preliminari proposti, il-High Court essenzjalment qed tistaqsi x’inhuma r-rekwiżiti taħt id-dritt Komunitarju għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-termini ta’ dekadenza fil-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

21.

Id-Direttiva 89/665 ma tistabbilixxi l-ebda regoli espliċiti tat-termini applikabbli għall-proċeduri fl-Artikolu 1 tagħha ( 12 ). Iżda l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, f’ġurisprudenza stabbilita, li l-Istati Membri, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, jistgħu jistabbilixxu termini ta’ dekadenza raġonevoli għal proċeduri, dejjem jekk jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 13 ). Iż-żewġ prinċipji ċċitati jissemmew ukoll fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665: il-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-paragrafu 2 u l-prinċipju ta’ effettività fil-paragrafu 1 ( 14 ).

22.

F’dan il-każ huwa l-prinċipju ta’ effettività li huwa ta’ interess ewlieni. Huwa stabbilit li r-Renju Unit jista’ jistabbilixxi termini ta’ dekadenza għall-proċeduri kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti ( 15 ). Fil-fatt is-suġġett tad-diskussjoni bejn il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet huma biss xi aspetti speċifiċi li jirrigwardaw l-interpertazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali fuq it-termini tal-proċeduri. B’mod partikolari huwa kkontestat jekk dispożizzjoni li tirregola t-termini tal-proċeduri, bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni Ingliża fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, tikkunsidrax biżżejjed ir-regoli Komunitarji. F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju titlob spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ aspetti li ġejjin:

jekk jistax jiġi stabbilit li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri mill-mument tal-ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi jew inkella għandux jibda jiddekorri mill-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf b’dak il-ksur (l-ewwel domanda),

jekk azzjoni magħmula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni tistax tiġi miċħuda meta ma tinbediex “malajr kemm jista’ jkun” (l-ewwel parti tat-tieni domanda), u

kif għandha l-qorti teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-għoti eventwali ta’ proroga tat-terminu (it-tieni parti tat-tieni domanda).

23.

Mir-risposta għad-domandi msemmija iktar ’il fuq jiddependi jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex tikkunsidra r-rikors ippreżentat minn Uniplex fil-kuntest tal-kawża prinċipali bħala ppreżentat fit-terminu skont l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006.

24.

Iktar ’il quddiem ser neżamina, qabelxejn, l-ewwel domanda (il-parti A) u t-tieni parti tat-tieni domanda (il-parti B), li huma relatati mill-qrib, biex imbagħad ngħaddi għall-ewwel parti tat-tieni domanda (il-parti C).

25.

Kuntrarjament għal dak li sostnew fis-seduta l-NHS, ir-Renju Unit u l-Irlanda, ma jistax ikun deċiżiv għal risposta għal dawn id-domandi li dispożizzjoni bħar-Regolament 47(7)(b) tal-PCR 2006 tirrifletti tradizzjoni twila fl-Istat Membru kkonċernat.

26.

Huwa veru li fl-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt Komunitarju wieħed dejjem għandu jevalwa jekk dawn jistgħux jidħlu fil-kuntest leġiżlattiv nazzjonali biex dan jiġi rrispettat kemm jista’ jkun. Iżda jibqa’ kompitu ewlieni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 220 KE) u, f’kollaborazzjoni mal-qrati nazzjonali, tara li d-drittijiet tal-individwi, kif irrikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistgħu jiġu eżerċitati b’mod effikaċi.

A — Fuq ir-rilevanza li wieħed ikun jaf bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-finijiet ta’ meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors (l-ewwel domanda)

27.

Bl-ewwel domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk jistax jibda jiddekorri t-terminu biex titressaq azzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-mument tal-ksur ta’ dawk ir-regoli jew, minflok, għandux ikun hemm riferiment għall-mument meta r-rikorrenti jkun sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur tagħha.

28.

L-opinjonijiet tal-partijiet fuq dan il-punt huma diverġenti: Uniplex, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tar-rimedji legali li ma jaffettwawx il-validità tal-kuntratti, it-terminu ta’ dekadenza ma jistax jibda jiddekorri qabel il-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Iżda l-NHS, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern tar-Repubblika tal-Irlanda jsostnu bil-qawwa l-argument li mhux possibbli li l-mument meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ kontestazzjoni jiġi suġġett għall-fatt jekk ir-rikorrent kienx jaf jew setax kien jaf bil-ksur tar-regoli tal-kuntratti; għandha titqies bħala suffiċjenti l-possibbiltà mogħtija lill-qorti nazzjonali li tipproroga t-terminu fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

29.

Dan l-aħħar argument huwa rifless fil-prattika li tiġi segwita kemm mill-Qrati Ingliżi ( 16 ) kif ukoll minn dawk Irlandiżi ( 17 ). Skont il-ġurisprudenza tagħhom, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku taħt l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 ( 18 ) jibda jiddekorri indipendentement mill-fatt li l-offerent jew il-kandidat ikkonċernat kien jaf jew kellux ikun jaf bil-ksur ikkontestat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-fatt li rikorrent ma jkunx jaf bil-ksur jista’ jkun rilevanti l-iktar għall-finijiet tal-konċessjoni ta’ proroga tat-terminu u għalhekk huwa wieħed mid-diversi elementi li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li tingħatalha ( 19 ).

30.

Fid-dawl ta’ dan l-orjentament prevalenti tal-qrati Ingliżi ( 20 ), hawnhekk għandu jiġi evalwat jekk huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju li terminu għall-preżentata ta’ rikors bħal dak taħt l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 jibda jiddekorri indipendentement mill-fatt jekk ir-rikorrent kienx jaf jew setax kien jaf bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi.

31.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jimponi li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti għandhom “jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun” biex jiġi vverifikat jekk inkisrux id-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għalhekk insibu kemm il-prinċipju ta’ effettività (“effettivament”) kif ukoll il-ħtieġa ta’ għaġla (“malajr kemm jista’ jkun”). Madankollu l-ebda rekwiżit minn dawn ma jista’ jipprevali fuq l-ieħor ( 21 ). Għalhekk għandu jkun hemm kompromess ekwu bejn iż-żewġ ħtiġijiet differenti, u dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tat-tip u l-konsegwenzi tar-rimedju legali partikolari u d-drittijiet ikkontestati u l-interessi tal-partijiet kollha involuti.

32.

Fil-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kuntest tal-kawża Pressetext Nachrichtenagentur ipproponejt soluzzjoni bbażata fuq id-distinzjoni bejn il-ħarsien tad-dritt primarju u l-ħarsien tad-dritt sekondarju ( 22 ).

— Id-distinzjoni bejn il-ħarsien tad-dritt primarju u l-ħarsien tad-dritt sekondarju

33.

Fil-każ li r-rimedju legali jkollu l-iskop li jiġi ddikjarat invalidu kuntratt konkluż diġà mal-offerent magħżul (ħarsien tad-dritt primarju), terminu ta’ dekadenza assolut relattivament qasir għandu jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli. Il-konsegwenzi legali partikolarment gravi tal-invalidità ta’ kuntratt konkluż diġà fil-fatt jiġġustifikaw li jkun hemm terminu li jibda jiddekorri indipendentement mill-fatt li r-rikorrent kien jaf, jew tal-anqas kellux ikun jaf bl-illegalità tal-għoti tal-kuntratt abbażi tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, kemm fuq l-awtorità kontraenti kif ukoll fuq l-kontroparti kuntrattwali, hemm ħtieġa ċara, li għandha tiġi mħarsa, ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-validità tal-kuntratt konkluż ( 23 ). Ir-rekwiżit li l-proċedura ssir “malajr kemm jista’ jkun” skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 għalhekk għandu rwol partikolarment importanti fil-kuntest tal-ħarsien tad-dritt primarju.

34.

Iżda s-sitwazzjoni hija differenti fil-każ li r-rimedju legali għandu l-iskop biss li jiġi ddikjarat li hemm ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi u eventwalment li jirrikonoxxi kumpens għad-danni (ħarsien tad-dritt sekondarju). Rimedju bħal dan ma jaffettwax kuntratt konkluż diġà ma’ awtorità kontraenti. Il-ħtiġijiet tal-kontraenti ta’ ċertezza fl-ippjanar u l-interess f’eżekuzzjoni mgħaġġla tal-kuntratt pubbliku bl-ebda mod ma jintlaqtu ħażin. Għal din ir-raġuni ma hemmx għalfejn li din il-proċedura intiża biex tikseb il-ħarsien ta’ dritt sekondarju tiġi suġġetta għal terminu ta’ dekadenza iebes bħal fil-każ fejn ikun irid jitħares id-dritt primarju. Għall-kuntrarju, il-ħtieġa li tiġi ggarantita proċedura effiċjenti, imposta fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, iġġiegħel lil wieħed ixaqleb lejn kunsiderazzjoni iktar attenta tal-interessi ta’ ħarsien tal-offerent jew kandidat eskluż u għall-konċessjoni ta’ termini itwal li jibdew jiddekorru biss mill-mument meta l-persuna kkonċernata saret taf jew kellha tkun taf bil-ksur irrapportat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 24 ).

35.

Għall-kuntrarju ta’ dak li qalu l-NHS u l-Gvern tar-Renju Unit, din id-distinzjoni bejn il-ħarsien tad-dritt primarju u tad-dritt sekondarju ma ġġibx “nuqqas ta’ trasparenza” jew “inċertezza tad-dritt”. Lanqas ma hija rilevanti biss għal ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża Pressetext Nachrichtenagentur, fejn l-awtorità kontraenti kienet għażlet “għoti dirett” li ma ġiex ippreċedut b’pubblikazzjoni ta’ sejħa għall-offerti.

36.

Iżda d-distinzjoni bejn ħarsien tad-dritt primarju u ħarsien tad-dritt sekondarju għandha validità ġenerali. Hija tippermetti li jintlaħaq bilanċ ġust bejn proċedura “effiċjenti” u “malajr kemm jista’ jkun” u hija riflessa fl-istess Direttiva 89/665. Fil-verżjoni oriġinali ta’ dik id-direttiva diġà kien hemm, fl-Artikolu 2(1)(b)(ċ), distinzjoni bejn l-annullament ta’ deċiżjonijiet illegali, minn naħa, u r-rikonoxximent ta’ kumpens għad-danni, min-naħa l-oħra Għall-futur, din id-distinzjoni bejn il-ħarsien tad-dritt primarju u l-ħarsien tad-dritt sekondarju ser tkun iktar ċara fid-dawl tal-Artikoli 2(d), 2(e) u 2(f) tad-Direttiva 89/665 kif emendata bid-Direttiva 2007/66 u speċjalment b’riferiment għat-termini ta’ dekadenza ( 25 ).

37.

Dan il-każ ma jirriferix għall-ħarsien tad-dritt primarju imma unikament għall-ħarsien tad-dritt sekondarju. Dan il-fatt joħroġ b’ċarezza partikolari mill-qari tas-sentenza introduttiva tad-domandi preliminari li għamlet il-High Court fejn isir riferiment biss għad-dikjarazzjoni tal-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u għar-rikonoxximent tal-kumpens għad-danni. Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni tidħol f’dan il-kuntest ( 26 ).

38.

Għal din ir-raġuni, ma hemm l-ebda motiv biex għat-talbiet ta’ Uniplex jiġu applikati, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-istess termini ta’ dekadenza stretti li kienu japplikaw fil-każ li jintalab l-annullament ta’ kuntratt jew il-kundanna tal-awtorità kontraenti biex tagħmel il-kuntratt.

— It-terminu jibda jiddekorri mill-mument meta r-rikorrent kien jaf jew “kellu jkun jaf” bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

39.

Il-prinċipju ta’ effettività, kif imfisser fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, jimponi li t-terminu tad-dekadenza għall-proċeduri għall-kumpens għad-danni u l-azzjonijiet intiżi biex jiksbu dikjarazzjoni ta’ ksur tar-regoli dwar kuntratti pubbliċi jibda jiddekorri biss mill-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 27 ).

40.

F’dan is-sens esprimiet ruħha wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Universale-Bau et ( 28 ): ir-raġuni wara r-regoli li jirregolaw it-termini li jkollhom effett ta’ dekadenza tiġi individwata mill-Qorti tal-Ġustizzja bl-għan li d-deċiżjonijiet illegali tal-awtorità kontraenti, mill-mument li jsiru magħrufin mill-persuni kkonċernat ( 29 ), jiġu rrappurtati u korretti malajr kemm jista’ jkun ( 30 ).

41.

Naturalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-mument meta l-persuna ikkonċernata saret taf jew messha kienet taf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 31 ). Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji ( 32 ).

42.

Is-sempliċi fatt li l-offerent jew il-kandidat sar jaf bin-nuqqas li l-offerta tiegħu ġiet milqugħa, waħdu, ma jippermettilux li jkun jaf bi ksur eventwali tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi. Isegwi għalhekk li minn din il-ġrajja waħidha ma jistax jibda jiddekorri t-terminu biex jintalab rimedju legali għall-ħarsien tad-dritt sekondarju. Kif osservat b’mod korrett Uniplex, l-offerent jew il-kandidat eskluż ma jistax jibbaża r-rikors tiegħu fuq is-sempliċi fatt li l-offerta tiegħu ma ġietx milqugħa.

43.

Huwa biss fil-mument meta l-offerent jew il-kandidat eskluż isir jaf bir-raġunijiet sostanzjali li waslu għan-nuqqas tal-għoti tal-kuntratt li wieħed jista’ jgħid, b’mod ġenerali, li huwa sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 33 ). Huwa biss minn dak il-mument li huwa jista’ jipprepara b’mod komplet eventwali rikors u jevalwa l-probabbiltà ta’ eżitu pożittiv tiegħu ( 34 ). Għall-kuntrarju qabel ma jkun jaf b’dawk il-motivazzjonijiet, ġeneralment ma jkunx jista’ juża d-dritt tiegħu li jibda proċedura ( 35 ).

44.

F’dan is-sens id-Direttiva 2004/18 bħalissa diġà timponi fuq l-awtoritajiet kontraenti, fl-Artikolu 41(1) u (2), l-obbligu li jgħarrfu lill-offerenti jew lill-kandidati esklużi bir-raġunijiet għar-rifjut tal-offerta tagħhom. Għall-futur, l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 89/665, introdott bid-Direttiva 2007/66, jistabbilixxi li l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti lil kull wieħed mill-offerenti jew kandidati għandha tkun akkumpanjata b’rapport fil-qosor tar-raġunijiet rilevanti u li t-termini ta’ dekadenza eventwali stabbiliti għall-preżentata ta’ rikors jistgħu jibdew jiddekorru biss wara ċertu numru ta’ jiem skont il-kalendarju minn dik il-komunikazzjoni.

45.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, jeħtieġ jitfakkar li meta jibda jiddekorri t-terminu biex ssir azzjoni għall-kumpens għad-danni dan ma għandux jiġi subordinat għall-fatt li r-rikorrent kienx jew kellux ikun jaf bid-dannu li ġie kkawżat lilu ( 36 ). Id-danni konnessi mal-ksur ta’ obbligu kultant isiru magħrufa biss wara ċertu żmien. Li wieħed joqgħod jistenna sal-mument meta d-danni jistgħu jiġu kkunsidrati magħrufa jikkuntrasta mal-prinċipju ta’ proċedura “malajr kemm jista’ jkun” stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. Għall-kuntrarju, għandha tiġi rikonoxxuta l-possibbiltà, jekk hemm bżonn, lill-offerent jew kandidat ikkonċernat, li jagħmel azzjoni biex jikseb dikjarazzjoni tal-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bir-riżerva li jiġu kkwantifikati u sostnuti d-danni subiti fil-kuntest ta’ proċedura suċċessiva għall-kumpens għad-danni.

— Fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali li tagħti proroga tat-terminu

46.

L-NHS, ir-Renju Unit u l-Irlanda jeċċepixxu li protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma teħtieġx neċessarjament li t-termini ta’ dekadenza stabbiliti għar-rimedji legali fil-kuntest tal-proċeduri ta’ reviżjoni jistgħu jiddekorru biss mill-mument meta l-offerent jew il-kandidat isir jaf jew kellu jsir jaf bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Regoli bħal dawk fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 joffru, fil-fehma tagħhom, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-qorti nazzjonali għandha setgħa diskrezzjonali li tipproroga t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

47.

Dan l-argument ma jidhirx li huwa konvinċenti.

48.

Fid-dawl tal-qari flimkien tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi ggarantit, għal min għandu jew kellu interess għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u li kien jew jirriskja li jkun milqut minħabba ksur irrapportat, dritt suġġettiv li jibda proċedura kontra deċiżjoni tal-awtorità kontraenti ( 37 ). Kif diġà għedt fil-kawża eżaminata parallelament Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, l-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt ma jistax jitħalla fis-setgħa diskrezzjonali ta’ korp nazzjonali, anki jekk dan ikun qorti indipendenti ( 38 ).

49.

L-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 ma jipprovdi lill-qorti nazzjonali l-ebda kriterju għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li tagħti eventwalment proroga tat-terminu. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet qablu li l-fatt li r-rikorrent ma kienx jaf bi ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jirrappreżenta biss wieħed mid-diversi elementi li għandha tevalwa l-qorti nazzjonali. Għalhekk isegwi li n-nuqqas ta’ dan l-għarfien jista’, imma mhux neċessarjament iwassal għall-għoti ta’ proroga tat-terminu. Minbarra dan, kif innotat l-Irlanda, il-qorti nazzjonali tista’ tillimita l-proroga eventwali għal uħud mill-ilmenti u tirrifjutahom fil-konfront ta’ oħrajn, biex b’hekk il-proċedura tal-offerent u tal-kandidat eskluż tkun tista’ tiġi ddikjarata ammissibbli parzjalment biss.

50.

B’dan il-mod ma huwiex possibbli għall-persuna kkonċernata li tevalwa, f’każ individwali, kemm għandu jintalab rimedju legali jew le. Sitwazzjoni regolatorja bħal din tista’ tiskoraġġixxi l-eżerċizzju tad-dritt li ssir proċedura kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti min-naħa tal-offerrent jew tal-kandidat eskluż, iktar u iktar jekk ikun ġej minn Stat Membru ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan li tiġi ggarantita proċedura ta’ reviżjoni effettiva, kif jistabbilixxi l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 ma jkunx jista’ jintlaħaq b’ċertezza.

— Problemi prattiċi fid-determinazzjoni jekk rikorrent “jafx” jew “kellux ikun jaf”

51.

L-NHS u r-Renju Unit isostnu wkoll li jekk t-terminu ta’ dekadenza jibda jiddekorri mill-jum meta l-offerent jew il-kandidat eskluż ikun sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dan iwassal għal problemi prattiċi gravi. Pereżempju ma jkunx faċli li wieħed jiġġudika għal liema ħaġa konkretament qed jirreferi dak l-għarfien jew meta nkiseb jew minn meta għandu jiġi preżunt.

52.

Fuq dan il-punt biżżejjed li jiġi kkunsidrat li l-istess problemi prattiċi jinqalgħu anki meta l-qorti, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha rigward l-għoti ta’ proroga eventwali tat-terminu, tintalab tevalwa meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur li jkun ikkontesta tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Regola bħal dik fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2007 ma tippermetti bl-ebda mod li jiġu evitati problemi prattiċi, imma sempliċiment tikkunsidrahom minn lat differenti.

— Fuq l-effett deterrenti tal-azzjoni għall-kumpens għad-danni

53.

L-Irlanda teċċepixxi wkoll li meta jiġu stabbiliti termini wesgħin wisq biex tista’ ssir azzjoni għall-kumpens għad-danni jista’ jkollhom effett ta’ deterrent fil-konfront tal-awtoritajiet kontraenti (’l hekk imsejjaħ “chilling effect”) u jwasslu għal dewmien li jinħass fil-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Ma’ dan l-argument assoċjaw ruħhom, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, anki l-NHS u r-Renju Unit.

54.

Iżda anki din l-affermazzjoni ma tidhirx li hija konvinċenti.

55.

Ma hemmx dubju li l-eżitu pożittiv eventwali ta’ azzjonijiet għall-kumpens min-naħa ta’ offerenti jew kandidati esklużi jwassal għal piż finanzjarju sinjifikattiv fuq l-awtorità kontraenti. Iżda din tal-aħħar għandha tassumi dan ir-riskju jekk għandha l-intenzjoni li tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Dan it-tentattiv li jitnaqqsu għall-minimu r-riskji finanzjarji li jirriżultaw għall-awtoritajiet kontraenti jispiċċa biex invarjabbilment jippreġudika l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja.

56.

Approċċ restrittiv iżżejjed tar-rekwiżiti għall-kisba tal-ħarsien tad-dritt sekondarju fil-fatt jipperikola li jintlaħqu l-għanijiet tal-istess proċedura. Fil-fatt wieħed minn dawn l-għanijiet huwa l-garanzija tal-protezzjoni ġudizzjarja għall-offerenti u kandidati kkonċernati. Il-proċeduri għandu jkollhom pjuttost effett regolatorju fil-konfront tal-awtoritajiet kontraenti, billi għandhom l-għan li jiggarantixxu r-rispett tar-regoli Komunitarji dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — partikolarment ir-rekwiżit ta’ trasparenza u tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni — kif ukoll sabiex jiġi ppenalizzat ksur eventwali.

57.

Sempliċiment bħala osservazzjoni jingħad li lanqas regola fuq it-termini għall-preżentata ta’ rikors bħal dik fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 ma tippermetti li effett deterrent bħal dan jiġi eskluż. Dan billi, kif intqal diġà, dik ir-regola tirrikonoxxi li l-qorti għandha setgħa diskrezzjonali li tagħti proroga tat-termini favur offerent jew kandidat eskluż, partikolarment jekk dan qabel ma kienx jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Il-possibbiltà li jiġu estiżi t-termini jfisser għalhekk li l-awtorità kontraenti tista’ tibqa’ esposta għal talbiet ta’ kumpens għad-danni għal żmien twil wara l-konklużjoni tal-kuntratt mal-offerenti jew kandidati magħżula. Minħabba l-imprevedibbiltà tal-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-qorti, ir-riskji għall-awtorità kontraenti jidhru, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 li inqas jistgħu jiġu kkalkulati pparagunat ma’ dak li jiġri b’regoli li fihom it-terminu ta’ dekadenza jibda jiddekorri hekk kif il-persuna kkonċernata saret taf jew kellha tkun taf bil-ksur allegat tar-regoli fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi.

B — Fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali li tagħti proroga tat-terminu (it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari)

58.

It-tieni parti tat-tieni domanda hija marbuta mill-qrib mal-ewwel domanda. Il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi liema passi għandha tieħu fil-każ li l-offerent jew kandidat eskluż ma jkunx jaf inizjalment bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u lanqas ma kien f’pożizzjoni li jkun jaf dwaru, u għal dik ir-raġuni ma setax jibda proċedura fit-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006.

59.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati tal-Istati Membri huma obbligati li jinterpretaw u japplikaw id-dritt nazzjonali b’mod li jikkonforma mad-direttivi ( 39 ). B’riferiment speċifiku għall-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dawn huma obbligati li jinterpretaw ir-regoli nazzjonali li jistabbilixxu termini ta’ dekadenza b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività li jirriżulta mid-Direttiva 89/665 ( 40 ).

60.

Kif urejt diġà fir-rigward tal-ewwel domanda ( 41 ), it-termini ta’ dekadenza stabbiliti għal azzjonijiet intiżi għad-dikjarazzjoni ta’ ksur u għal azzjonijiet għall-kumpens inerenti f’kuntratti pubbliċi jistgħu jibdew jiddekorru biss mill-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għalhekk il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel milli tista’ fil-limiti tal-kompetenza tagħha biex tasal għal soluzzjoni bħal din ( 42 ).

61.

Għalhekk il-qorti tar-rinviju hija obbligata l-ewwel nett, li tapplika t-terminu taħt l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 b’mod li jikkonforma mad-direttivi, biex b’hekk jiġi ggarantit li — fil-każ ta’ azzjonijiet dikjaratorji jew kumpensatorji — it-terminu ma jibdiex jiddekorri sa mill-mument meta jkun seħħ il-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, imma biss mill-mument meta r-rikorrent ikun sar jaf jew kellu jkun jaf b’dak il-ksur.

62.

Meta ma jkunx possibbli li jiġi interpretat f’dan is-sens l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, il-qorti tar-rinviju, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li hija rikonoxxuta fil-konfront tagħha fir-rigward tal-proroga tat-terminu, għandha, subordinatament, issib soluzzjoni li tikkonforma mad-direttiva. L-għan ta’ proċedura effettiva stabbilita fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jispiċċa biex “ixejjen” is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali. Għalhekk din tkun obbligata li tagħti lir-rikorrent bħal Uniplex proroga tat-terminu.

63.

It-tul ta’ din l-proroga għandu jkun tali li tal-anqas jippermetti lir-rikorrent li jkollu, mill-mument minn meta sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 għall-preparazzjoni u l-preżentata tal-proċedura tiegħu. Il-qorti nazzjonali hija mbagħad libera li tagħti, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, proroga ikbar, jekk tqis li dan huwa meħtieġ biex tinstab soluzzjoni ekwa.

C — Fuq il-ħtieġa li l-proċedura tinbeda malajr kemm jista’ jkun (l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari)

64.

Fl-ewwel parti tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk fil-kuntest ta’ azzjoni tistax tiġi miċħuda proċedura bħala inammissibbli, meta din ma tkunx saret “malajr kemm jista’ jkun” (bl-Ingliż “promptly”).

65.

Abbażi tar-regola fuq it-termini għall-preżentata ta’ rikors stabbilita fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, proċedura hija ammessa biss meta tiġi ppreżentata “malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien 3 xhur mid-data meta jkunu ħarġu r-raġunijiet għall-azzjoni”. Il-ħtieġa li tiġi attivata l-proċedura malajr kemm jista’ jkun evidentement tippermetti lill-qorti Ingliża li tiċħad fid-diskrezzjoni tagħha, għaliex ikunu inammissibbli, anki proċeduri li jsiru qabel ma jiddekorri t-terminu ta’ tliet xhur. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-partijiet tal-kawża prinċipali u l-Gvern tar-Renju Unit ( 43 ) qablu flimkien f’dikjarazzjoni li fil-prattika l-qrati Ingliżi effettivament jużaw il-possibbiltà li proċedura tiġi ddikjarata inammissibbli għaliex ma tkunx ġiet ippreżentata “malajr kemm jista’ jkun” (“lack of promptness”) ( 44 ).

66.

L-applikazzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza madankollu ma tistax twassal biex tiġi miċħuda l-prattika effiċjenti tal-eżerċizzju tad-dritt li tiġi proposta proċedura kontra deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 45 ).

67.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jimponi li d-deċiżjonijiet li jieħdu l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ reviżjoni li jsiru “effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun” fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Kif urejt f’iktar dettall fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C-456/08, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda ( 46 ), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas leġiżlattiv ċar fis-settur ikkonċernat biex jilħqu dak l-għan li għamlet id-Direttiva. Huma obbligati joħolqu sitwazzjoni legali preċiża, ċara u komprensibbli biżżejjed li tippermetti lill-individwi li jirrikonoxxu d-drittijiet u d-doveri tagħhom.

68.

Fl-każ ta’ dispożizzjoni rigward t-termini għall-preżentata ta’ rikors, bħall-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, il-ħtieġa ta’ ċarezza, ċertezza u prevedibbiltà hija partikolarment rilevanti. In-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tat-termini fis-seħħ jista’ fil-fatt ikollu konsegwenzi negattivi u ta’ entità kunsiderevoli għall-individwi u għall-impriżi minħabba l-effetti ta’ dekadenza li jista’ jkun hemm.

69.

Ma humiex prevedibbli l-effetti ta’ terminu ta’ dekadenza bħal dak fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, li t-tul tiegħu jitħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti bis-saħħa tal-kriterju tal-preżentata “malajr kemm jista’ jkun”. L-offerenti u l-kandidati kkonċernati jkunu qegħdin fi stat ta’ inċertezza dwar iż-żmien għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiġi ppreparat b’mod komplet ir-rikors u ma humiex f’pożizzjoni li jevalwaw korrettament il-marġini ta’ eżitu pożittiv ta’ rimedju bħal dak. Għalhekk ma jintlaħaqx l-għan stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 li tiġi ggarantita proċedura effettiva għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet meħudin mill-awtorità kontraenti ( 47 ).

70.

Konsegwentement, l-qrati nazzjonali ma jistgħux jiddikjaraw inammissibbli għaliex “mhux ippreżentat malajr kemm jista’ jkun” rikors ippreżentat fit-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006. Fil-fatt huma obbligati li jinterpretaw u japplikaw ir-regoli tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-direttivi ( 48 ). B’riferiment speċifiku għall-proċeduri dwar għoti ta’ kuntratti pubbliċi, huma għandhom jinterpretaw kemm jista’ jkun possibbli — kif intqal diġà — id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza b’mod tali li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività stabbilit mid-Direttiva 89/665 ( 49 ).

71.

F’dan ir-rigward nixtieq nosserva li l-kriterju “malajr kemm jista’ jkun” ma għandux neċessarjament jinftiehem bħala terminu ta’ dekadenza awtonomu. Meta regola tassoċja ma’ indikazzjoni preċiża ta’ żmien imfissra f’jiem, ġimgħat, xhur jew snin l-espressjoni “malajr kemm jista’ jkun” jew waħda bħalha b’kontenut analogu, dan ir-riferiment jista’ jiġi interpretat anki fis-sens li jesprimi l-ħtieġa ta’ għaġla tal-proċedura u biex min jagħmel it-talba jew ir-rikorrent, fl-interess tiegħu stess, ikollu l-oneru li jieħu, kemm jista’ jkun malajr, il-passi meħtieġa għall-ħarsien bl-aħjar mod tad-drittijiet tiegħu ( 50 ).

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-espressjoni “malajr kemm jista’ jkun” taħt l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 tistax tiġi interpretata mhux bħala kundizzjoni awtonoma ta’ ammissibbiltà imma bħala sempliċi riferiment għal-ħtiġijiet ta’ għaġla.

73.

Fil-każ meta ma jkunx possibbli, b’dan il-mod, li wieħed jasal għal interpretazzjoni li tikkonforma mad-Direttiva tal-Artikolu 47(7)(b), tal-PCR 2006 il-qorti nazzjonali hija obbligata tapplika r-regoli Komunitarji kollha kemm huma u tħares id-drittijiet li din tirrikonoxxi lill-individwi, jekk jeħtieġ, billi ma tapplikax dawk ir-regoli li l-applikazzjoni tagħhom, fil-każ konkret, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt Komunitarju ( 51 ).

VI — Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari li saru mill-High Court of Justice kif ġej:

“1)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/655/KEE jimponi li t-terminu tad-dekadenza biex isiru proċeduri intiżi sabiex jiġi ddikjarat il-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ xogħlijiet pubbliċi u biex jitressqu azzjonijiet għall-kumpens għad-danni jibda jiddekorri biss mill-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

2)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665/KEE jipprekludi regoli li jirrigwardaw it-termini għall-preżentata ta’ rikors li jippermettu lill-qorti nazzjonali, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tiċħad bħala inammissibbli l-proċeduri intiżi sabiex jiddikjaraw ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kif ukoll azzjonijiet għall-kumpens għad-danni billi jsir riferiment għall-ħtieġa li rikors jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun.

3)

Il-qorti nazzjonali hija obbligata li tagħmel mill-aħjar, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, sabiex tikseb riżultat kompatibbli mal-għan tad-Direttiva 89/665/KEE. Meta riżultat bħal dan ma jkunx jista’ jinkiseb permezz ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni konformi mad-direttiva tar-regoli li jirrigwardaw it-termini għall-preżentata ta’ rikors, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax dawn ir-regoli.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division, Leeds District Registry (Renju Unit, iktar ’il quddiem ukoll il-“High Court”).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet](ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1 p. 246).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

( 5 ) L-iktar emendi riċenti li saru għad-Direttiva 89/665/KEE bid-Direttiva 2007/66/KE ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura billi t-terminu ta’ traspożizzjoni ġie ffissat għall-20 ta’ Diċembru 2009 (Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, p. 31, ara b’mod partikolari l-Artikolu 3(1)).

( 6 ) Ir-riferiment fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 għad-Direttiva 77/62/KEE għandu jinqara bħala riferiment għad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132, u corrigendum fil-ĠU L 351, p 44). Dan jirriżulta mill-qari tal-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2004/18/KE moqri flimkien mal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista [għal provvisti] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110).

( 7 ) Regolament tal-2006 fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi (S. I. 2006, Nru 5), fis-seħħ mill-31 ta’ Jannar 2006.

( 8 ) Iktar ’il quddiem: “Uniplex”.

( 9 ) Iktar ’il quddiem l-“NHS”.

( 10 ) Il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt saret permezz ta’ aġent tal-NHS, l-hekk imsejjaħ l-NHS Supply Chain.

( 11 ) Is-seduta ta’ din il-kawża saret fl-istess jum ta’ dik tal-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fil-punt 3.

( 12 ) Ara wkoll il-punt 154 tal-Konklużjonijiet ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2008 fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, C-454/06, Ġabra p. I-4401). Madankollu, fil-futur, l-Artikolu 2c tad-Direttiva 89/665 kif emendat bid-Direttiva 2007/66/KE, jiddefinixxi rekwiżiti bażiċi tad-dritt Komunitarju għat-termini sabiex jinbdew proċeduri stipulati mill-Istati Membri.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5); tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C-231/96, Ġabra p. I-4951, punti 20 u 35); tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio — Cash & Carry (C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 18), u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C-40/08, Ġabra p. I-9579, punt 41).

( 14 ) Ara l-punt 155 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12).

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C-470/99, Ġabra p. I-11617, partikolarment il-punti 71 sa 76); tas-27 ta’ Frar 2003, Santex (C-327/00, Ġabra p. I-1877, punt 52), u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl (C-241/06, Ġabra p. I-8415, punt 50).

( 16 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita d-deċiżjoni tal-Court of Appeal of England and Wales (l-Imħallef Dyson) tat-13 ta’ Lulju 2001 fil-kawża Jobsin Co UK plc vs Department of Health, [2001] EWCA Civ p. 1241, [2001] EuLR p. 685, punti 23 u 28 (din is-sentenza tirreferi għar-regoli fis-seħħ qabel ir-Regolament 47(7)(b) tal-PCR 2006, li, madankollu, kellhom l-istess kontenut); ara wkoll is-sentenza tal-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (l-Imħallef Langley) tal-14 ta’ Novembru 1997 fil-kawża Keymed Limited vs Forest Healthcare NHS Trust, [1998] EuLR p. 71 (p. 92).

( 17 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Irlanda tirreferi għas-sentenza tal-High Court of Ireland (l-Imħallef Clarke) tat-2 ta’ Mejju 2006 fil-kawża Veolia Water UK vs Fingal County Council (No. 1), [2006] IEHC p. 137, [2007] 1 IR p. 690 (punti 28 sa 54).

( 18 ) Fl-Irlanda, teżisti sistema ta’ termini essenzjalment identiċi, fl-Artikolu 84a(4) tar-Rules of the Superior Courts (S. I. Nru 374 tal-1998). Dawn ir-regoli huma s-suġġett ta’ rikors tal-Kummissjoni dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 3, li fil-kuntest tagħha ppreżentajt ukoll il-konklużjonijiet tiegħi llum.

( 19 ) Huma interessanti f’dan ir-rigward l-affermazzjonijiet tal-Imħallef Dyson fis-sentenza Jobsin Co UK plc vs Department of Health (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16), li sar riferiment għalihom fid-digriet tar-rinviju: “A service provider’s knowledge is plainly irrelevant to the question whether he has suffered or risks suffering loss or damage as a result of a breach of duty owed to him by a contracting authority. […] Knowledge will often be relevant to whether there is good reason for extending time within which proceedings may be brought, but it cannot be relevant to the prior question of when the right of action first arises” (punti 23 sa 28 tas-sentenza). Fis-seduta l-partijiet qablu li ma kien hemm ebda obbligu fuq il-qorti nazzjonali biex tagħti tali proroga tat-terminu.

( 20 ) Fl-Ingilterra jidher li hemm anki imħallfin li ma jaqblux ma’ dan l-orjentament. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet iċċitata, f’dan is-sens, is-sentenza tal-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (l-Imħallef Coulson) tat-8 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Amaryllis Ltd vs HM Treasury, [2009] EWHC p. 962 (TCC).

( 21 ) Ara f’dan ir-rigward anki l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum stess fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-456/08, punt 56).

( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward u fil-mertu ta’ dak li ġej, il-punti 161 sa 171 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12).

( 23 ) Ibid., punt 162.

( 24 ) Ibid., punti 163 sa 167.

( 25 ) Fil-każ ta’ annullament ta’ kuntratt, japplikaw l-Artikoli 2(d) u 2(f)(1) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66. Iżda meta jintalab kumpens għad-danni, japplikaw l-Artikoli 2e u 2(f)(2) flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 89/665 kif emendata bid-Direttiva 2007/66.

( 26 ) F’dan is-sens ukoll huma r-regoli taħt l-Artikolu 47(9) tal-PCR 2006. L-NHS tosserva li Uniplex, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għamel talbiet iktar mifruxin. Iżda l-Qorti tal-Ġustizzja għandha toqgħod fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kuntest tal-fatti u tad-dritt li fih jidħlu d-domandi preliminari (ġurisprudenza stabbilita; ara s-sentenzi tad-29 ta April 2004, Kawżi magħquda C-482/01 u C-493/01, Orfanopoulos u Oliveri, Ġabra p. I-5257, punt 42, u tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C-244/06, Ġabra p. I-505, punt 19).

( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 171).

( 28 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 78).

( 29 ) Il-kunċett huwa mfisser b’mod partikolarment ċar fil-verżjoni Franċiża, il-lingwa li fiha ġiet abbozzata u diskussa s-sentenza: dès qu’elles sont connues des intéressés (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 78).

( 30 ) Interessanti li wieħed josserva li l-NHS, fl-osservazzjonijiet tagħha, tħalli barra proprju l-punt 78 tas-sentenza Universale-Bau, filwaqt li għal bqija tiċċita letteralment fl-interezza tagħhom is-siltiet rilevanti tal-motivazzjoni tagħha (punti 74 sa 79).

( 31 ) Il-partijiet tal-kawża prinċipali jargumentaw fuq il-fatt jekk Uniplex kellhiex tkun taf bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi sa mill-ittra tat-22 ta’ Novembru 2007 jew biss mill-komunikazzjoni tal-NHS tat-13 ta’ Diċembru 2007 (ara f’dan ir-rigward iktar ’il fuq, il-punti 12 u 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Wara li eżaminajt dawn iż-żewġ dokumenti, jidhirli li tal-ewwel huwa limitat għal indikazzjonijiet ġeneriċi ħafna, li abbażi tagħhom offerent eskluż ma jistax jiddeduċi r-raġunijiet għaliex l-offerta tiegħu ma ġietx milqugħa u lanqas jekk ġewx applikati b’mod korrett ir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. It-tieni ittra fiha tal-anqas żewġ indikazzjonijiet li jistgħu jqajmu s-suspett ta’ ksur tar-regoli inkwistjoni. Minn naħa, Uniplex ma tingħata l-ebda punt fil-kategorija “Price and other cost effectiveness factors” billi indikat biss il-prezz tal-lista, qisu li l-awtorità kontraenti kważi ma setgħetx tara li l-prezz tal-lista ta’ offerent jista’ jkun iktar baxx mill-prezz imraħħas ta’ ħaddieħor u li fl-aħħar mill-aħħar huwa importanti biss il-paragun finali bejn il-prezzijiet effettivi offruti. Mill-banda l-oħra, milli jidher, l-offerenti kollha li sa dak il-mument ma kinux għadhom attivi fis-suq tal-emostatiċi fir-Renju Unit ma kellhom ebda punt fil-kategorija “UK customer base”, li juri diskriminazzjoni moħbija fil-konfront ta’ offerenti barranin. Hija l-qorti tar-rinviju li fl-aħħar mill-aħħar għandha tistħarreġ kif meħtieġ dan il-punt.

( 32 ) Sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C-49/07, Ġabra p. I-4863, punt 30), kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C-142/05, Ġabra p. I-4273, punt 41); fl-istess sens ukoll is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993, Thomas et (C-328/91, Ġabra p. I-1247, punt 13).

( 33 ) L-istess jingħad fil-każ fejn l-offerent jew il-kandidat jeċċepixxi ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-ilmenti tiegħu jiġu miċħudin mill-awtorità kontraenti bl-indikazzjoni ta’ raġunijiet speċifiċi.

( 34 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, Ġabra p. 4097, punt 15), kif ukoll tat-30 ta’ April 2009, Mellor (C-75/08, Ġabra p. I-3799, punt 59); ara wkoll il-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fis-27 ta’ Jannar 2005 fil-Kawża Housieaux (sentenza tal-21 ta’ April 2005, C-186/04, Ġabra p. I-3299), u b’mod partikolari l-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-22 ta’ Jannar 2008 fil-Kawża Mellor.

( 35 ) Punt 28 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, ippreżentati fis-17 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, C-250/07, Ġabra p. I-4369, punt 28).

( 36 ) L-użu tal-espressjoni li jiġri d-dannu użata fl-ewwel sentenza tal-punt 167 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12) hija riżultat ta’ żvista fl-abbozzar. Huwa biżżejjed li l-persuna kkonċernata kienet jew kellha tkun taf bil-ksur ikkontestat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kif jidher fil-punti 169 u 171 ta’ dawk il-konklużjonijiet.

( 37 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner (C-15/04, Ġabra p. I-4855, punt 38), kif ukoll Lämmerzahl (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 63, it-tieni sentenza).

( 38 ) Ara l-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati illum fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

( 39 ) B’mod ġenerali, fuq il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-direttivi, ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 26); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113), kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 98); b’riferiment speċifiku għad-Direttiva 89/665, ara wkoll s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 Santex (punt 63) u Lämmerzahl (punt 62).

( 40 ) Sentenza Santex (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 62).

( 41 ) Ara l-punti 31 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 Pfeiffer et (punti 118 u 119) u Impact (punt 101).

( 43 ) L-Irlanda, f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, sostniet li r-regoli Irlandiżi fuq it-termini ta’ proċedura, b’kontenut sostanzjament identiku (skont l-Artikolu 84a(4) tar-Rules of the Superior Courts, il-proċedura għandha tiġi ppreżentata “mal-ewwel opportunità u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur”) ma jipproduċux effetti bħal dawn. Minkejja dan, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu parallel ma’ dan preżenti, l-Irlanda indikat, li abbażi tad-dritt Irlandiż ikun possibbli, meta jeżistu ċirkustanzi partikolari, li l-proċedura tiġi miċħuda bħala tardiva anki jekk tiġi ppreżentata fit-terminu ta’ tliet xhur (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

( 44 ) Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-partijiet iċċitaw f’dan ir-rigward, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (l-Imħallef Cooke) tal-4 ta’ Novembru 2004, fil-kawża M Holleran Ltd vs Severn Trent Water Ltd, [2004] EWHC p. 2508 (Comm), [2005] EuLR p. 364.

( 45 ) F’dan is-sens, is-sentenzi Universale-Bau et (partikolarment il-punt 72), Santex (punti 51 u 57) u Lämmerzahl (punt 52), iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15; b’mod ġenerali, fir-rigward tar-regoli proċedurali, ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, Ġabra p. I-1559, punt 42).

( 46 ) Ara l-punti 47 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata,

( 47 ) Ara l-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

( 48 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.

( 49 ) Sentenza Santex (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 62).

( 50 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-eżempji fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq). Anki fil-kuntest tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa magħruf il-kunċett ta’ “obbligu ta’ diliġenza li jikkostitwixxi obbligu ta’ mezzi iktar milli obbligu ta’ riżultat” (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 68).

( 51 ) Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629, punt 24), Santex (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 64), kif ukoll Lämmerzahl (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 63)

Top