EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0175

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 15 ta' Settembru 2009.
Aydin Salahadin Abdulla (C-175/08), Kamil Hasan (C-176/08), Ahmed Adem, Hamrin Mosa Rashi (C-178/08) u Dler Jamal (C-179/08) vs Bundesrepublik Deutschland.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja.
Direttiva 2004/83/KE - Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istat ta’ refuġjat jew tal-istat mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - Kwalità ta’ ‘refuġjat’ - Artikolu 2(ċ) - Waqfien tal-istat ta’ refuġjat - Artikolu 11 - Bdil fiċ-ċirkustanzi - Artikolu 11(1)(e) - Refuġjat - Biża’ infondata minn persekuzzjoni - Stima - Artikolu 11(2) - Revoka tal-istat ta’ refuġjat - Prova - Artikolu 14(2).
Każijiet Magħquda C-175/08, C-176/08, C-178/08 u C-179/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:551

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 2009 1(1)

Kawżi magħquda C-175/08, C-176/08, C-178/08 u C-179/08

C-175/08

Aydin Salahadin Abdulla

vs

Bundesrepublik Deutschland

C-176/08

Kamil Hasan

vs

Bundesrepublik Deutschland

C-178/08

Ahmed Adem

Hamrin Mosa Rashi

vs

Bundesrepublik Deutschland

C-179/98

Dler Jamal

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il‑Ġermanja)]

“Politika komuni dwar ażil – Direttiva 2004/83/KE – Status ta’ refuġjat – Artikolu 2(ċ) – Waqfien – Artikolu 11(1)(e) – Ċirkustanzi li f’konnessjoni magħhom persuna li tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjata ma jkunux baqgħu jeżistu – Protezzjoni tal-pajjiż taċ-ċittadinanza – Artikolu 11(2) – Bdil fiċ-ċirkustanzi ta’ natura sinjifikattiva u mhux temporanja – Artikolu 7 – Atturi ta’ protezzjoni – Artikoli 15 u 18 – Protezzjoni sussidjarja – Riskju veru li jsofri periklu serju – Artikolu 4(4) – Mod ta’ evalwazzjoni – Artikolu 14”





I –    Introduzzjoni

1.        Dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali) tal-Ġermanja jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/83”) (2). Ir-rinviji jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li taħthom jieqaf status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83. B’mod partikolari, il-Bundesverwaltungsgericht qed tipprova taċċerta jekk refuġjat jieqafx ikollu status ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, jekk il-biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni, li fuq il-bażi tagħha ngħata dak l-istatus, ma għadhiex teżisti iktar u barra minn hekk, ma jkollu l-ebda raġuni oħra biex jibża’ minn persekuzzjoni skont it-termini tal-Artikolu 2(ċ) ta’ dik id-direttiva. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-istatus ta’ refuġjat ma jieqafx fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju qed titlob deċiżjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk u sa fejn għandhom jiġu imposti ċerti rekwiżiti addizzjonali sabiex dak l-istatus jieqaf. Il-qorti tar-rinviju qed titlob ukoll kjarifika dwar il-mod li bih ċirkustanzi ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża’ ta’ persekuzzjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat fejn iċ-ċirkustanzi preċedenti, li fuq il-bażi tagħhom il-persuna kkonċernata kienet ingħatat l-istatus ta’ refuġjat, ma baqgħux jeżistu iktar.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni internazzjonali – Konvenzjoni li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati

2.        Il-Konvenzjoni li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (3), daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Il-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mill-Protokoll li għandu x’jaqsam mal-istatus ta’ refuġjati, adottat fil-31 ta’ Jannar 1967 fi New York u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

3.        L-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi li t-terminu “refuġjat” għandu japplika għal kwalunkwe persuna li “minħabba f’biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tistax, jew minħabba f’din il-biża’, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.        L-Artikolu 1(C) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi li “[d]in il-Konvenzjoni għandha tieqaf tapplika fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna li taqa’ taħt it-termini tat-taqsima A jekk:

[…]

5) Hija ma tistax iktar, minħabba li ċ-ċirkustanzi li f’konnessjoni magħhom hija tkun ġiet magħrufa bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tkompli tirrifjuta milli tapprofitta ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

5.        L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jipprovdi li “‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr status, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih”.

6.        Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 jipprovdi li “‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz […] li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, […] jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15, […] u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”.

7.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83, intitolat “Stima ta’ fatti u ċirkostanzi” – preċiżament l-Artikolu 4(4) – jipprovdi li “[i]l-fatt li applikant diġa kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-perikolu, huwa indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri periklu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut”.

8.        L-Artikolu 7, intitolat “Atturi ta’ protezzjoni” jipprovdi li:

“1. Protezzjoni tista’ tiġi provvduta minn:

(a)      l-Istat; jew

(b)      partijiet jew organizzazzjonijiet inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat.

2. Protezzjoni hija ġeneralment provvduta meta l-atturi msemmija fil-paragrafu 1 jieħdu passi raġunevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew isofru minn periklu serju, fost ħwejjeġ oħra, billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew periklu serju, u l-applikant għandu aċċess għal din il-protezzjoni.

3. Meta jiġi stmat jekk organizzazzjoni internazzjonali tikkontrollax Stat jew parti sostanzjali tat-territorju tiegħu u tipprovdi protezzjoni kif deskritta fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom iqisu kull gwida li tista’ tiġi provvduta f’atti rilevanti tal-Kunsill”.

9.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/83, intitolat “Waqfien” jipprovdi li:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz […] għandu jieqaf milli jkun refuġjat, jekk huwa jew hija: […]

(e)      ma jistax aktar, minħabba li ċ-ċirkostanzi li f’konnessjoni magħhom huwa jew hija jkunu ġie magħrufa [jkunu ġew rikonoxxuti] bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, jkompli jirrifjuta milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali;

[…]

2. Fil-konsiderazzjoni tal-punti (e) […] tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-biża tar-refuġjat minn persekuzzjoni ma tistax tibqa’ titqies bħala bir-raġun.”

10.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/83, intitolat “Revoka u, tmien ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ stat ta’ refuġjat”, jipprovdi li:

“1. Rigward applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istat ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz […] mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kwasi-ġudizzjarju, jekk huwa jew hija jkunu waqfu milli jkunu refuġjati bi qbil ma’ l-Artikolu 11.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dmir tar-refuġjat bi qbil ma’ l-Artikolu 4(1) li jiżvela l-fatti rilevanti kollha u jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu/tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istat ta’ refuġjat, għandu fuq bażi individwali juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet refuġjat bi qbil ma’ paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu […]”

11.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, intitolat “Periklu serju”, jipprovdi li:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

(a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

(ċ)      theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

C –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12.      L-Artikolu 3(1) tal-Att dwar il-Proċedura ta’ Ażil (Asylverfahrensgesetz) jipprovdi li:

“Persuna barranija tiġi kkunsidrata bħala refuġjata skont il-[Konvenzjoni ta’ Genève] meta tkun mhedda mill-perikli msemmija fl-Artikolu 60(1) tal-Att ta’ Residenza [Aufenthaltsgesetz] fl-istatus ta’ ċittadinanza tagħha […]”

13.      Il-Paragrafu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz jinkludi lista taċ-ċirkustanzi li fihom persuna barranija ma tistax tiġi ddeportata.

14.      Fid-19 ta’ Awwissu 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja adottat liġi li timplementa d-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar ir-residenza u l-ażil (4) u li kienet temenda, inter alia, il-Paragrafu 73(1) tal-Asylverfahrensgesetz sabiex l-Artikoli 11 u 14 tad-Direttiva 2004/83 jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Paragrafu 73(1) tal-Asylverfahrensgesetz jipprovdi:

“L-għoti tal-ażil u tal-istatus ta’ refuġjat għandu jiġi rrevokat mingħajr dewmien meta l-kundizzjonijiet li fuqhom kienu bbażati ma baqgħux jeżistu iktar. Dan huwa partikolarment il-każ meta, peress li ċ-ċirkustanzi li f’konnessjoni magħhom ingħata d-dritt tal-ażil jew l-istatus ta’ refuġjat lil persuna barranija ma baqgħux jeżistu iktar, hija ma tistax tkompli tirrifjuta li tapprofita ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha […]”

III – Il-kawża prinċipali u d-deċiżjoni tar-rinviju

15.      Il-partijiet għall-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju vvjaġġaw lejn il-Ġermanja bejn l-1997 u l-2002 u hemmhekk applikaw għal ażil. Aydin Salahadin Abdulla, l-appellant fil-Kawża C-175/08, huwa ċittadin Iraqi, ta’ etniċità Turkmena u ta’ twemmin Sunni. Insostenn tal-applikazzjoni għal ażil tiegħu, huwa sostna li kien nifed b’sikkina lil membru tal-Partit Baath minħabba li kien iddisprat wara l-priġunerija ta’ ħuh. Kamil Hasan, l-appellant fil-Kawża C-176/08, huwa ċittadin Iraqi ta’ etniċità Għarbija u ta’ twemmin Sunni. Insostenn tal-applikazzjoni għal ażil tiegħu, huwa sostna li kuġin tiegħu kien ħeba dokumenti ta’ partit tal-oppożizzjoni pprojbiti u pistola f’daru, li wara nstabu waqt li kienet għaddejja tfittxija fid-dar. Ahmed Adem u Hamrin Mosa Rashi, l-appellanti fil-Kawża C-178/08, huma koppja miżżewġa b’ċittadinanza Iraqina u ta’ twemmin Musulman. A. Adem huwa ta’ etniċità Għarbija filwaqt li H. Mosa Rashi hija ta’ etniċità Kurda. Insostenn tal-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom huma sostnew li minħabba l-attività ta’ A. Adem għal partit ta’ oppożizzjoni (Hisb-Al-Schaab-Al-Dimoqrati), kien imfittex mill-pulizija sigrieta. Dler Jamal, l-appellant fil-Kawża C‑179/08, huwa ċittadin Iraqi ta’ etniċità Kurda u ta’ twemmin Musulman. Insostenn tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu huwa sostna li kellu problemi ma’ żewġ membri tal-Partit Baath (5).

16.      L-appellanti ġew irrikonoxxuti bħala refuġjati skont il-Paragrafu 51(1) tal-Att dwar il-persuni barranin (l-Ausländergesetz) (li sar l-Artikolu 3(1) tal-Asylverfahrensgesetz flimkien mal-Paragrafu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz) mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migranti u għar-Refuġjati) (iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”) fl-2001 u fl-2002. Dan ir-rikonoxximent kien ġie rrevokat mill-Bundesamt bejn Settembru 2004 u Ottubru 2005 minħabba l-bdil fiċ-ċirkustanzi tal-Iraq. L-appellanti kkontestaw dawn id-deċiżjonijiet ta’ revoka quddiem il-Verwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva). Id-deċiżjonijiet ta’ revoka ġew annullati mill-Verwaltungsgericht fid-dawl, inter alia, tas-sitwazzjoni instabbli fl-Iraq.

17.      Wara l-appelli ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja quddiem il-qrati amministrattivi superjuri (l-Oberverwaltungsgericht u l-Verwaltungerichtshof), id-deċiżjonjiet tal-Verwaltungsgericht ġew annullati u r-rikorsi għal annullament tal-appellanti ġew miċħuda bejn Marzu u Awwissu 2006. Il-qrati amministrattivi superjuri bbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-fatt, inter alia, li r-reġim preċedenti taħt Saddam Hussein kien definittivament tilef l-awtorità militari u politika li kellu fuq l-Iraq u li l-appellanti issa kellhom sigurtà biżżejjed minn persekuzzjoni taħt ir-reġim ta’ Saddam Hussein. Il-qrati inkwistjoni kkunsidraw ukoll li l-appellanti ma kinux taħt xi theddida sinjifikattiva li jbatu minn persekuzzjoni ulterjuri, tkun ta’ liema tip tkun. Barra minn hekk, skont il-qrati amministrattivi superjuri, sakemm kienu għaddejjin l-attakki terroristiċi u l-ġlied bejn l-oppożizzjoni militanti u l-qawwiet normali tas-sigurtà u tal-koalizzjoni, ma kienx evidenti kif tali avvenimenti kellhom karatteristiċi marbuta mal-ażil li kienu jaffettwaw lill-appellanti. Skont il-qrati inkwistjoni, il-perikli ġenerali ma jaqgħux taħt il-portata tal-protezzjoni tal-Paragrafu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz u lanqas tal-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet li rrevokaw l-istatus ta’ refuġjati ma taw lok għal ebda problema legali fir-rigward tad-Direttiva 2004/83, peress li din id-direttiva ma saritx direttament effettiva qabel ma skada l-perijodu ta’ traspożizzjoni. Il-qrati inkwistjoni kkunsidraw ukoll li d-Direttiva 2004/83 ma kinitx tbiddel essenzjalment il-Paragrafu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz.

18.      L-appellanti ppreżentaw appelli quddiem il-qorti tar-rinviju dwar punt ta’ liġi mis-sentenzi tal-qrati amministrattivi superjuri.

19.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jeħtieġ li ċ-ċirkustanzi fil-pajjiż tal-oriġini ta’ refuġjat ikunu tbiddlu b’mod sinjifikattiv u mhux temporanju u li l-biża’ bir-raġun minn persekuzzjoni tar-refuġjat, li fuq il-bażi tagħha kien irrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat, ma baqgħetx teżisti u huwa ma għandu l-ebda raġuni oħra li jibża’ li se jiġi ppersegwitat. Jekk refuġjat isostni li se jkun suġġett għal persekuzzjoni ġdida jew differenti jekk jiġi rritornat lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu, għandu jiġi stabbilit jekk hemmx riskju veru ta’ tali persekuzzjoni. Il-“protezzjoni ta’ dak il-pajjiż” stabbilita fl-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève għandha l-istess tifsira bħall-“protezzjoni tal-pajjiż” li tinsab fl-Artikolu 1(C)(5) ta’ dik il-konvenzjoni u tirreferi għal protezzjoni minn persekuzzjoni biss. Skont il-qorti tar-rinviju, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza stabbilita tagħha u fid-dawl tad-diċitura u tal-għan tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-perikli ġenerali ma jaqgħux taħt il-protezzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni u lanqas taħt l-ewwel klawżola tal-Artikolu 1(C)(5) ta’ dik il-konvenzjoni. Il-kwistjoni dwar jekk persuna barranija għandhiex tirritorna lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħha jekk tiffaċċja perikli ġenerali ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ waqfien ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 73(1) tal-Asylverfahrensgesetz iżda pjuttost għandha tiġi eżaminata skont il-paragrafu 60(7) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(a)(1) tal-Aufenthaltsgesetz. Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li l-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat mhux bilfors iwassal biex dik il-persuna titlef id-dritt tagħha li tirrisjedi fil-Ġermanja.

20.      Il-qorti tar-rinviju, madankollu, għandha xi dubji rigward il-korrettezza ta’ din il-pożizzjoni fid-dawl tal-proposta tal-Kummissjoni (6) li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/83 u ta’ ċerti dokumenti maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“UNHCR”). Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni, minbarra li identifikat il-ħtieġa li jiġi evalwat jekk kienx hemm tali bdil fundamentali ta’ sinjifikat politiku jew soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini li pproduċa strutturi ta’ poter stabbli, ikkunsidrat li għandu jkun hemm evidenza oġġettiva u verifikabbli li d-drittijiet tal-bniedem qed jiġu ġeneralment rispettati f’dak il-pajjiż biex b’hekk forsi jkun hemm indikazzjoni li l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat jiddependi minn kundizzjonijiet ulterjuri. Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li l-kummenti tal-UNHCR dwar id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève li jirregolaw il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat ma tantx huma ċari (7).

21.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li status ta’ refuġjat ma jieqafx, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, jekk il-biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni tar-refuġjat (8), li fuq il-bażi tagħha ngħata l-istatus ta’ refuġjat, ma baqgħetx teżisti u barra minn hekk m’għandu l-ebda raġuni oħra li jibża’ li se jiġi ppersegwitat (9), il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar jekk il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat jippreżumix l-eżistenza ta’ attur ta’ protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83 u jekk tkunx disponibbli protezzjoni jekk din tkun tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi wkoll jekk l-istatus ta’ refuġjat jieqafx jekk refuġjat ikun fil-periklu, li meta jirritorna lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu malli tieqaf teżisti l-biża’ bir-raġuni ta’ persekuzzjoni, isofri minn periklu serju fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 biex b’hekk ikun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 18 ta’ dik id-direttiva. Skont il-qorti tar-rinviju, il-protezzjoni sussidjarja hija status ta’ protezzjoni indipendenti u għandha ssir distinzjoni bejnu u bejn l-istatus ta’ refuġjat. Konsegwentement, bil-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitlef biss il-klassifikazzjoni tiegħu bħala refuġjat. Jekk, minflok, huwa jissodisfa r-rekwiżiti kollha għal protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/83, huwa jingħata l-protezzjoni rilevanti fil-Ġermanja fil-forma ta’ projbizzjoni minn deportazzjoni korrispondenti (ara l-paragrafu 60(2) u (3) flimkien mat-tieni sentenza tal-paragrafu 60(7) tal-Aufenthaltsgesetz), kif ukoll permess ta’ residenza skont il-paragrafu 25(3) tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll li l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat lanqas ma għandu jiddependi fuq jekk, b’mod ġenerali u rrispettivament minn riskju ta’ persekuzzjoni, is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż ta’ oriġini tkunx stabbli u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ għajxien jiggarantixxux livell minimu ta’ ħajja.

22.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Konvenzjoni ta’ Genève u d-Direttiva 2004/83 ma jipprovdux meta biża’ ta’ persekuzzjoni tkun bir-raġun jew ma tistax titqies iktar bħala biża’ bir-raġun fil-każijiet ta’ waqfien. Fil-każijiet ta’ waqfien, il-qorti tar-rinviju, sal-lum, ikkunsidrat li l-biża’ ta’ persekuzzjoni ta’ refuġjat ma tistax tiġi kkunsidrata iktar bħala biża’ bir-raġun jekk, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iċ-ċirkustanzi nbidlu b’mod sinjifikattiv u mhux temporanju b’tali mod li repetizzjoni tal-miżuri persekutorji li wassluh biex jaħrab jistgħu jiġu esklużi b’ livell suffiċjenti ta’ ċertezza fil-futur qrib u huwa mhux se jiġi mhedded, b’livell għoli ta’ probabbiltà, għal ebda raġuni oħra minn kwalunkwe forma ġdida jew differenti ta’ persekuzzjoni mar-ritorn lura tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ċirkustanzi ġodda u differenti għandhom jiġu evalwati skont l-istess livell ta’ probabbiltà bħal dawk għar-rikonoxximent tar-refuġjati.

23.      Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83, il-fatt li applikant diġà kien suġġett, inter alia, għal persekuzzjoni jew għal periklu serju huwa indikazzjoni ċara tal-biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ta’ riskju veru li jsofri periklu serju, sakemm ikun hemm raġunijiet xierqa sabiex jitqies li tali persekuzzjoni jew periklu serju mhux se jiġu repetuti. Il-qorti tar-rinviju madankollu tikkunsidra li l-formulazzjoni restrittiva “solcher Verfolgung”, li hija riflessa wkoll fil-verżjonijiet bl-Ingliż (“such persecution”) u bil-Franċiż (“cette persécution”), tindika li t-tnaqqis tal-oneru tal-prova ma tapplikax fil-każijiet kollha fejn persuna kienet, inter alia, suġġetta għal persekuzzjoni, iżda jeħtieġ ness inerenti bejn il-fatt li persuna kienet suġġetta għal persekuzzjoni u ċ-ċirkustanzi li fihom ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini jista’ jwassal għal iktar persekuzzjoni. Jekk, bil-kontra, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83 japplika wkoll fil-każijiet fejn ma hemm l-ebda ness inerenti, hija neċessarja kjarifika ulterjuri dwar jekk id-dispożizzjoni hijiex ukoll applikabbli għall-waqfien ta’ status ta’ refuġjat jew jekk l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/83 jinkludix regola speċjali li tipprevali fuq ir-regola ġenerali fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva.

24.      Fuq il-bażi ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet, permezz tad-deċiżjonijiet tas-7 ta’ Frar 2008 (Kawżi C-176/08 u C-179/08) u tal-31 ta’ Marzu 2008 (Kawżi C-175/08 u C-178/08), li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad- 29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li, indipendentement mit-tieni klawżola tal-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati (Konvenzjoni ta’ Genève dwar ir-refuġjati), persuna titlef l-istatus ta’ refuġjat tagħha jekk il-biża’ bir-raġun minn persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u li fuq il-bażi tagħha l-istatus ta’ refuġjat ikun ingħata, ma tibqax teżisti, jew din il-persuna ma għandhiex raġuni oħra sabiex tibża minn persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83?

2.      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 jeħtieġ ukoll li, fil-pajjiż li tiegħu r-refuġjat għandu ċ-ċittadinanza:

a)      jeżisti attur ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83, u huwa biżżejjed f’dan ir-rigward jekk il-protezzjoni tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali,

b)      ir-refuġjat ma jkunx mhedded minn periklu serju skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 u li jwassal għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja taħt l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva u/jew

ċ)      is-sitwazzjoni tkun stabbli fuq il-livell tas-sigurtà u l-kundizzjonijiet tal-ħajja ġenerali jiżguraw livell stabbilit minimu ta’ ħajja?

3.      Fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi li minħabba fihom il-persuna kkonċernata tingħata status ta’ refuġjat waqfu jeżistu, iċ-ċirkustanzi l-ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża ta’ persekuzzjoni:

a)      għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterju ta’ probabbiltà applikat sabiex jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jew fid-dawl ta’ kriterju ieħor li għandu jiġi applikat favur il-persuna kkonċernata, u/jew

b)      għandhom jiġu evalwati b’kunsiderazzjoni tat-tnaqqis tal-oneru tal-prova li jirriżulta mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83?”

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ilkoll ressqu osservazzjonijiet bil-miktub. Saret ukoll seduta fit-2 ta’ Ġunju 2008.

V –    Fuq l-ammissibbiltà

26.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li fil-kawżi inkwistjoni pendenti quddiemha, ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat ma taqax direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1), flimkien mal-Artikolu 11, tad-Direttiva 2004/83 peress li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali saru qabel ma din id-direttiva daħlet fis-seħħ. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat tal-appellanti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-verżjoni l-ġdida tal-paragrafu 73 tal-Asylverfahrensgesetz, li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Awwissu 2007 peress li l-leġiżlatur Ġermaniż ittraspona l-Artikoli 14 u 11 tad-Direttiva 2004/83 mingħajr ma rrestrinġa l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjoni l-ġdida. Skont il-qorti tar-rinviju, fil-każijiet simili, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar rinviju li jikkonċerna t-traspożizzjoni ta’ liġi fuq il-livell nazzjonali, anki jekk il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tipprovdix għal tali possibbiltà.

27.      Hija ġurisprudenza stabbilita li fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta talba mressqa minn qorti nazzjonali biss fejn ikun pjuttost ovvju li d-deċiżjoni mitluba minn dik il-qorti dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti effettivi tal-kawża prinċipali jew mal-iskop tagħha jew fejn il-problema tkun waħda ġenerali jew ipotetika (10).

28.      Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, hija obbligata tagħti deċiżjoni. Barra minn hekk, fejn il-leġiżlazzjoni domestika tadotta l-istess soluzzjonijiet bħal dawk li ġew adottati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, jidher biċ-ċar li huwa fl-interess tal-Komunità li, sabiex tipprevjeni differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mil-leġiżlazzjoni Komunitarja għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi fejn għandhom japplikaw (11).

29.      Rigward l-applikazzjoni tal-imsemmija ġurisprudenza għal dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, jidher ċar mit-termini tal-Artikolu 14(1), flimkien mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2004/83, li l-Artikolu 11 ta’ dik id-direttiva mhux applikabbli għall-appellanti peress li l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali (12) tressqu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (13). Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li filwaqt li d-Direttiva 2004/83 ma tirregolax direttament is-sitwazzjoni inkwistjoni, il-paragrafu 73 tal-Asylverfahrensgesetz kien emendat sabiex jiġu trasposti l-Artikoli 11 u 14 tad-Direttiva 2004/83 u biex mit-28 ta’ Awwissu 2007 jipprovdi l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja irrispettivament minn meta tressqet applikazzjoni għal status ta’ refuġjat fil-Ġermanja.

30.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza u taċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq u meta jitqies li ma hemm xejn fil-proċess li jindika li l-qorti tar-rinviju għandha s-setgħa li tagħmel devjazzjoni mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 li għandha tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

VI – Fuq il-mertu

A –    L-ewwel u t-tieni domandi

31.      Bl-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, għal gwida dwar il-kundizzjonijiet (14) li għandhom jiġu sodisfatti sabiex status ta’ refuġjat jieqaf skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83.

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

32.      L-appellanti jikkunsidraw li l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tiġi risposta fin-negattiv. L-appellanti u l-Kummissjoni jsostnu li ma hemmx identiċità bejn il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jinkiseb status ta’ refuġjat u dawk neċessarji għal waqfien ta’ dak l-istatus. Huma jikkunsidraw li n-nuqqas ta’ biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni ma huwiex suffiċjenti biex status ta’ refuġjat jieqaf u li għandhom jiġu sodisfatti kundizzjonijiet addizzjonali. Skont l-appellant fil-Kawża C‑175/08, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83, li jeżaminaw jekk il-bdil fiċ-ċirkustanzi tal-pajjiż ta’ ċittadinanza kienx biżżejjed sinjifikattiv u mhux temporanju. Il-protezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, mhux biss hija marbuta mal-protezzjoni minn persekuzzjoni, iżda teħtieġ gvern funzjonanti bi strutturi amministrattivi bażiċi. Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, għandhom jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet ġenerali fil-pajjiż tal-oriġini kif ukoll is-sitwazzjoni personali tal-applikant sabiex tkun ivverifikata d-disponibbiltà tal-protezzjoni. L-appellanti fil-Kawżi C-176/08 u C-179/08 jemmnu li l-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma jistax jiġi interpretat bħala li jirrifletti l-Artikolu 1(A)(2) ta’ dik il-konvenzjoni. L-Artikolu 1(C)(5) espressament jeħtieġ il-kundizzjoni li r-refuġjat ma għandux ikun jista’ jkompli jirrifjuta li japprofitta ruħu mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, u b’hekk jista’ jkun raġonevolment mistenni li jirritorna lejn dak il-pajjiż. L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jippreżumi li għall-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat mhux biss għandhom ikunu waqfu milli jeżistu l-persekuzzjonijiet fil-pajjiż tal-oriġini, iżda l-bidliet addizzjonali f’dan tal-aħħar għandhom jagħtu possibbiltà lill-Istat li jipprovdi protezzjoni u li jiggarantixxi lir-refuġjati kundizzjonijiet ta’ għajxien bażiċi. Is-sostituzzjoni ta’ reġim b’ieħor mhix suffiċjenti sabiex status ta’ refuġjat jieqaf skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 jekk din is-sostituzzjoni ma tkunx akkumpanjata minn bdil fundamentali u li jibqa’ għal ħafna żmien li jwassal biex ikunu stabbiliti jew stabbiliti mill-ġdid l-istrutturi essenzjali li jiggarantixxu l-protezzjoni nazzjonali. L-appellanti fil-Kawża C-178/08 jemmnu li biex persuna titlef l-istatus ta’ refuġjat tagħha skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 mhux suffiċjenti li ċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw il-biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni tar-refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ dik id-direttiva, li fuq il-bażi tagħhom kien ingħata l-istatus ta’ refuġjat, ma baqgħux jeżistu u hija ma għandha l-ebda raġuni oħra biex tibża’ minn persekuzzjoni skont it-termini tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83. F’dak ir-rigward, l-appellanti fil-Kawża C-178/08 jinvokaw, b’mod partikolari, il-Linji Gwida tal-UNHCR tal-10 ta’ Frar 2003 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali: Waqfien ta’ esistenza tal-Istatus ta’ Refuġjat taħt l-Artikolu 1(C)(5) u (6) tal-Konvenzjoni tal-1951 li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati.

33.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja temmen li l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li persuna titlef l-istatus ta’ refuġjat tagħha jekk il-biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) ta’ dik id-direttiva, li fuq il-bażi tagħha ngħata l-istatus ta’ refuġjat tagħha, ma baqgħetx teżisti u barra minn hekk ma għandha l-ebda raġuni oħra biex tibża’ minn persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Għalhekk, ċirkustanzi oħrajn bħal perikli ġenerali fil-pajjiż tal-oriġini ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi li d-diċitura tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 tista’ tiġi interpretata bħala li teħtieġ kundizzjoni addizzjonali għall-waqfien tal-eżistenza tal-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri l-possibbiltà għal refuġjat li japprofitta ruħu mill-protezzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tiegħu, dan l-Istat Membru jikkunsidra li l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Genève ma tippermettix tali soluzzjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li filwaqt li l-verżjoni bil-Franċiż tal-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma hijiex ċara, il-verżjoni bl-Ingliż ta’ dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi b’mod ċar rabta kawżali bejn it-tneħħija taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw biża’ ta’ persekuzzjoni u d-disponibbiltà ta’ protezzjoni fil-pajjiż tal-oriġini. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja temmen li d-disponibbiltà tal-protezzjoni fil-pajjiż tal-oriġini ma hijiex kundizzjoni indipendenti u supplementari. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza wkoll is-simetrija bejn il-kisba ta’ status ta’ refuġjat u t-telfien ta’ dak l-istatus kemm skont id-Direttiva 2004/83 kif ukoll skont il-Konvenzjoni ta’ Genève. Minħabba s-simetrija inkwistjoni, iċ-ċirkustanzi li ma jiġġustifikawx l-għotja ta’ status ta’ refuġjat ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat il-waqfien ta’ dak l-istatus. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li d-Direttiva 2004/83 tagħmel distinzjoni ċara bejn l-istatus ta’ refuġjat u protezzjoni sussidjarja.

34.      Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li persuna titlef l-istatus ta’ refuġjat meta l-biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni ma tibqax teżisti, bil-kundizzjoni li ssir evalwazzjoni konkreta tal-possibbiltà li jitfaċċaw ċirkustanzi ġodda li jiġġustifikaw l-istess biża’.

35.      Ir-Repubblika ta’ Ċipru tirreferi għall-prinċipji tad-dritt amministrattiv, li jgħidu li att amministrattiv, bħall-għoti ta’ status ta’ refuġjat, jista’ jiġi rrevokat jekk inbidlu ċ-ċirkustanzi li huwa bbażat fuqhom. L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li persuna titlef status ta’ refuġjat meta ċ-ċirkustanzi li kienu jiġġustifikaw biża’ ta’ persekuzzjoni skont it-termini tal-Artikolu 2(ċ), u b’hekk ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, ma baqgħux jeżistu. Skont ir-Repubblika ta’ Ċipru, fejn persuna tibża’ minn persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83 għal raġunijiet oħrajn għajr dawk li fuq il-bażi tagħhom kien oriġinarjament ingħata l-istatus ta’ refuġjat, hija trid tissottometti applikazzjoni ġdida għal status ta’ refuġjat fuq il-bażi ta’ dawn ir-raġunijiet il-ġodda.

36.      Skont ir-Renju Unit, l-intenzjoni ċara tal-leġiżlatur Komunitarju kienet li d-Direttiva, sa fejn kien materjali, kellha tirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève. L-uniku test legali stabbilit taħt l-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève għat-telfien ta’ status ta’ refuġjat huwa li “iċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjata ma baqgħux jeżistu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sabiex tkun irrikonoxxuta bħala refuġjata, persuna trid tissodisfa t-test tal-biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni. B’hekk, persuna li ma jibqax ikollha biża bir-raġun li se tiġi ppersegwitata titlef l-istatus ta’ refuġjat, kemm skont il-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83. Il-kwistjoni jekk persuna jkollhiex biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni hija waħda ta’ fatt li għandha tiġi evalwata mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Il-fatti rilevanti probabbilment ivarjaw ferm minn każ għall-ieħor u b’hekk it-test legali għandu jkun wieħed wiesa’. Ir-Renju Unit isostni li l-kunsiderazzjonijiet skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83 jifformaw parti mill-evalazzjoni fattwali tal-biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni. Barra minn hekk, skont ir-Renju Unit, il-Linji Gwida tal-UNHCR ma jorbutx lill-Istati Membri bħala materja tal-liġi internazzjonali u ma ġewx inkorporati fid-dritt Komunitarju.

37.      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li persuna ma titlifx l-istatus ta’ refuġjat tagħha jekk il-biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni, skont it-termini tal-Artikolu 2(ċ) ta’ dik id-direttiva, li fuq il-bażi tagħha ngħata l-istatus ta’ refuġjat tagħha, ma għadhiex teżisti u wkoll hija ma għandha l-ebda raġuni oħra biex tibża’ minn persekuzzjoni skont it-termini tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83, il-bdil fiċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom persuna ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjata għandu jkun sinjifikattiv u mhux temporanju. Bdil sinjifikattiv, fit-tifsira tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83, jirreferi mhux biss għaċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw biża’ ta’ persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) ta’ dik id-direttiva, iżda jikkonċerna wkoll l-ambjent politiku u soċjali ġenerali, u b’mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Bdil mhux temporanju fis-sens tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83, mhux biss huwa marbut mal-fatt li ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw biża’ ta’ persekuzzjoni ma baqgħux jeżistu, iżda jikkonċerna b’mod partikolari l-kwistjoni jekk kienx hemm bdil ta’ natura tant fundamentali li jiżgura soluzzjoni dewwiema għall-persuni kkonċernati. L-applikazzjoni tal-klawżola ta’ waqfien fil-Konvenzjoni ta’ Genève ma għandhiex twassal għal sitwazzjoni li tista’ terġa’ twassal biex il-persuna kkonċernata taħrab u tkun teħtieġ mill-ġdid status ta’ refuġjat. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li ma baqgħux jeżistu ċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom ingħata status ta’ refuġjat huwa kundizzjoni neċessarja iżda mhux suffiċjenti għall-waqfien ta’ status ta’ refuġjat. Huwa wkoll kruċjali li jiġi eżaminat jekk ir-refuġjat jistax tabilħaqq jerġa’ japprofitta ruħu mill-protezzjoni tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu. Din il-protezzjoni trid tkun effettiva u disponibbli. Għalhekk, il-protezzjoni tal-pajjiż tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 11(1)(e) u fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83 tikkonċerna mhux biss il-protezzjoni minn persekuzzjoni li b’konnessjoni magħha ngħata l-istatus ta’ refuġjat, iżda anki protezzjoni effettiva u disponibbli żgurata minn gvern funzjonanti.

38.      B’risposta għat-tieni domanda, l-appellant fil-Kawża C‑175/08 jikkunsidra li l-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat jeħtieġ li jkun preżenti attur ta’ protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1), u li l-protezzjoni tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali. Il-fatt li Stat jista’ jiżgura protezzjoni biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali huwa indikazzjoni li l-bdil fis-sitwazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini mhux wieħed profond u dewwiemi. Ma hemm l-ebda protezzjoni effettiva minn persekuzzjonijiet ġodda u l-ebda possibbiltà li r-refuġjat jgħix fid-dinjità u fis-sigurtà, jekk ir-refuġjat ikun espost għal riskju ta’ periklu serju fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83. Ma hemm l-ebda protezzjoni effettiva tar-refuġjat jekk il-pajjiż tal-oriġini ma jkunx jista’ jiżgura kundizzjonijiet minimi ta’ ħajja. L-appellanti fil-Kawżi C-176/08 u C-179/08 jsostnu li meta jiġi kkunsidrat in-nuqqas ta’ atturi ta’ protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/83, il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) ta’ dik id-direttiva jeħtieġ l-eżistenza ta’ Stat Iraqi. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83 jeħtieġ li l-Istat Iraqi jieħu passi raġonevoli sabiex jipprevjeni l-persekuzzjoni jew periklu serju u li l-applikant ikollu aċċess għal tali protezzjoni. Jekk il-protezzjoni tkun tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali, l-appellanti jsostnu li din hija indikazzjoni tad-djgħufija u tal-instabbiltà tal-Istat, u dan jimplika li ma humiex qed jittieħdu passi skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83. Fid-dawl tal-Artikoli 7(2) u 2(e) tad-Direttiva 2004/83, il-persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex ikunu rikonoxxuti bħala refuġjati biss jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 15 ta’ dik id-direttiva. Id-dritt għal protezzjoni sussidjarja ma jtemmx l-istatus ta’ refuġjat iżda huwa status legali mogħti lil dawk li ma jikkwalifikawx għal status ta’ refuġjat. Barra minn hekk, il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat jeħtieġ sitwazzjoni ta’ sigurtà stabbli u garanzija ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ ħajja. L-appellanti fil-Kawża C-178/08 jsostnu li l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat jeħtieġ l-eżistenza ta’ attur ta’ protezzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83 u ma huwiex suffiċjenti li l-protezzjoni tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali. Ir-riskju ta’ periklu serju li jwassal għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/83, sitwazzjoni tas-sigurtà instabbli jew in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ ħajja li jiżguraw livell minimu ta’ ħajja jipprevjenu l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat.

39.      Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li waqfien ta’ status ta’ refuġjat jeħtieġ l-eżistenza ta’ attur ta’ protezzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83. Huwa suffiċjenti li l-protezzjoni tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali. Il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat ma jeħtieġx li r-refuġjat ma għandux ikun mhedded b’periklu serju fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83. Il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, ma jeħtieġx li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż tan-nazzjonalità tkun stabbli u li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien jiżguraw livell minimu ta’ ħajja. Skont ir-Repubblika Taljana, attur kważi-Statali fil-forma ta’ truppi multinazzjonali jista’ jkun attur ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83. L-istatus ta’ refuġjat ma jieqafx fejn il-persuna tkun esposta għat-theddida ta’ periklu serju, f’liema każ tapplika regola speċifika. L-istabbilità tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u l-kundizzjonijiet ta’ ħajja fil-pajjiż tal-oriġini bl-ebda mod ma huma rilevanti għall-waqfien ta’ status ta’ refuġjat. Ir-Repubblika ta’ Ċipru tikkunsidra li l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat ma jeħtieġx l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ attur ta’ protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83; it-tieni nett, li r-refuġjat ma għandux ikun mhedded b’periklu serju fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83; it-tielet nett, li s-sitwazzjoni tas-sigurtà tkun stabbli, sakemm l-istatus ta’ refuġjat ikun ingħata fuq il-bażi ta’ dik is-sitwazzjoni; jew ir-raba’ nett, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien jiżguraw livell minimu ta’ ħajja.

40.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li jkun hemm kundizzjonijiet addizzjonali li għandhom jiġu sodisfatti qabel ma persuna tkun tista’ titlef l-istatus ta’ refuġjat, ir-Renju Unit jikkunsidra, sussidjarjament, li l-ewwel nett persuna tista’ tieqaf tkun refuġjata fejn il-protezzjoni mill-persekuzzjoni tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali. It-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-jedd għal, u l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, huma indipendenti mill-kwistjoni jekk persuna tikkwalifikax għal protezzjoni bħala refuġjata. Għaldaqstant, it-theddida ta’ periklu serju minnha nfisha ma tipprekludix it-telf tal-istatus ta’ refuġjat. It-tielet nett, ma hemm l-ebda prerekwiżit għall-waqfien tal-protezzjoni lir-refuġjat fir-rigward tal-istabbilità tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Istat tal-oriġini jew rekwiżiti li l-kundizzjonijiet tal-għajxien għandhom jiżguraw lir-refuġjat livell minimu ta’ ħajja, għalkemm dawn il-fatturi jistgħu jkunu rilevanti għall-fatti ta’ każ partikolari.

41.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjoni għall-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri li l-biża’ ta’ persekuzzjoni tar-refuġjat ma tistax tiġi kkunsidrata iktar bħala biża’ bir-raġun u huwa ma jistax ikompli jirrifjuta milli japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiżu, tista’ tiġi sodisfatta meta l-protezzjoni tkun possibbli biss bl-għajnuna tat-truppi multinazzjonali. Il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat jeħtieġ li refuġjat ma għandux ikun mhedded b’periklu serju fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw is-sitwazzjoni tas-sigurtà u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien meta japplikaw il-klawżola ta’ waqfien.

2.      Kunsiderazzjonijiet

42.      L-għan prinċipali tad-Direttiva 2004/83 huwa li jiżgura li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u li jipprovdi livell minimu ta’ benefiċċju għal dawn il-persuni (15). Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, id-Direttiva 2004/83 tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/83 tfittex b’mod partikolari li tiżgura r-rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għal ażil ta’, inter alia, l-applikanti għal ażil (16).

43.      Jidher ċar mill-premessa 3 fil-preambolu għad-Direttiva 2004/83 u tabilħaqq mill-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinivju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet għall-proċeduri quddiem din il-qorti, li dik id-direttiva għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Il-premessa inkwistjoni tipprovdi li l-Konvenzjoni ta’ Genève hija “[i]l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati”. Meta jiġi kkunsidrat, madankollu, li d-diċitura tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandha t-tendenza li tirrifletti t-termini tal-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat (17), it-test ta’ dik il-konvenzjoni waħdu ma tantx jagħti wisq gwida. Għaldaqstant, naħseb li l-kwistjoni tal-waqfien ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandha tiġi intepretata fid-dawl tas-sistema u tal-iskop ta’ dik id-direttiva kollha, filwaqt li jiġu osservati t-termini tal-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

44.      Nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-qorti tar-rinviju, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, semmiet li skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża refuġjat jista’, wara li jkun għadda ċertu perijodu ta’ żmien, iżomm il-permess ta’ residenza tiegħu u fil-fatt jista’ ma jintalabx jirritorna lejn il-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu fil-każ ta’ waqfien tal-istaust ta’ refuġjat tiegħu. Fil-fehma tiegħi, il-prattika nazzjonali inkwistjoni ma tistax tinfluwenza jew tbiddel il-kriterji minimi meħtieġa għall-waqfien ta’ status ta’ refuġjat stabbiliti skont id-Direttiva 2004/83. Naturalment għandu jkun l-Istat Membru li jagħżel jekk japplikax standards ogħla iktar favorevoli għar-refuġjati sakemm dawk l-istandards huma kompatibbli mad-Direttiva 2004/83 (18).

45.      Minkejja l-fatt li refuġjat kellu biża’ bir-raġun li jkun ippersegwitat fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu, huwa ċar mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/83 li status ta’ refuġjat, fil-prinċipju, ma huwiex status permanenti u li, f’ċerti ċirkustanzi, ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jieqaf ikun refuġjat. Barra minn hekk, kemm l-Artikolu 11(1)(e) kif ukoll l-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2004/83 jippermettu l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat irrispettivament mir-rieda tar-refuġjat inkwistjoni (19). Madankollu, peress li l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ jeħtieġ li persuna li kienet qed tibża’ minn jew li tabilħaqq sofriet minn persekuzzjoni fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħha tirritorna hemmhekk kontra r-rieda tagħha, it-termini ta’ dik id-dispożizzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod kawt, filwaqt li tiġi rrispettata b’mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem (20).

46.      Jidher ċar mid-diċitura tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 li dik id-dispożizzjoni timponi żewġ rekwiżiti li huma intrinsikament marbuta ma’ xulxin u li għandhom jiġu eżaminati flimkien sabiex jieqaf jeżisti l-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit li ċ-ċirkustanzi, li b’konnessjoni magħhom ir-refuġjat kien rikonoxxut bħala tali, waqfu, u li l-pajjiż taċ-ċittadinanza tar-refuġjat ikun kemm kapaċi kif ukoll lest li jipproteġi lir-refuġjat inkwistjoni.

47.      Il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 jeħtieġu, bħala prerekwiżit għall-waqfien ta’ status ta’ refuġjat, li refuġjat ikun jista’ japprofitta ruħu mill-protezzjoni tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu (21). Jekk ikun suffiċjenti li jiġi stabbilit li ċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom persuna ġiet rikonoxxuta bħala refuġjata ma għadhomx jeżistu iktar biex status ta’ refuġjat jieqaf, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, il-kelmiet “[i]kompli jirrifjuta milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż nazzjonali” inklużi f’dik id-dispożizzjoni jkunu għal kollox superfluwi (22).

48.      B’hekk, filwaqt li huwa tabilħaqq neċessarju, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, li jiġi stabbilit li refuġjat ma għadx għandu biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni għar-raġunijiet li wasslu biex dan jiġi rikonoxxut bħala refuġjat, din, fil-fehma tiegħi, hija sempliċement analiżi maqtugħa qasira u mhix suffiċjenti sabiex jieqaf status ta’ refuġjat. Il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat huwa bbażat fuq bdil fiċ-ċirkustanzi fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tar-refuġjat li jippermetti li r-refuġjat tabilħaqq japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż (23).

49.      Il-kwistjoni tad-disponibbiltà tal-protezzjoni fil-pajjiż ta’ ċittadinanza teħtieġ evalwazzjoni tan-natura u tal-iskop ta’ protezzjoni li għandha tkun disponibbli lil refuġjat. F’dak ir-rigward, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83 jistabbilixxi li l-“protezzjoni” tkun ġeneralment ipprovvduta meta, inter alia, l-Istat jieħu passi raġonevoli sabiex jipprevjeni “l-persekuzzjoni [tar-refuġjati] jew [li dawn] isofru minn periklu serju”. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-terminu “protezzjoni” inkluż fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 hux limitat għal protezzjoni minn persekuzzjoni jew anki estiż għal protezzjoni milli r-refuġjat “isofri periklu serju”, kunċett li jifforma parti mid-definizzjoni ta’ “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” skont l-Artikolu 2(e) ta’ dik id-direttiva.

50.      Interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 dwar l-istatus ta’ refuġjat, inkluż il-waqfien ta’ dak l-istatus skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, teħtieġ ftehim xieraq tal-kunċett ta’ “refuġjat” kif iddefinit bl-Artikolu 2(ċ) ta’ dik id-direttiva. Nemmen li hemm konnessjoni bejn il-kriterji legali għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat u l-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti sabiex dak l-istatus jieqaf jeżisti.

51.      Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 2004/83 tagħmel distinzjoni ċara bejn refuġjati u persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Xhieda ta’ dan hemm, inter alia, id-definizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 2(ċ) u (e) ta’ dik id-direttiva, il-kriterji distinti imposti biex persuna tikkwalifika għal status ta’ refuġjat u għal protezzjoni sussidjarja skont, inter alia, il-Kapitoli III u V ta’ dik id-direttiva rispettivament u l-protezzjoni differenti mogħtija lir-refuġjati u lill-persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja skont il-Kapitolu VII ta’ dik id-direttiva. B’hekk, evalwazzjoni ta’ jekk persuna tiffaċċjax riskju veru li ssofri minn periklu serju fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħha ma tagħmilx parti mill-kriterji legali applikabbli għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/83 u lanqas għall-waqfien ta’ dak l-istatus skont l-Artikolu 11(1)(e) ta’ dik id-direttiva. Konklużjoni differenti twassal għal distorsjoni inaċċettabbli tad-definizzjonijiet ta’ “refuġjat” u ta’ “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” li jinsabu fl-Artikolu 2(ċ) u (e) tad-Direttiva 2004/83 rispettivament flimkien mas-sistema kollha ta’ dik id-direttiva li hija bbażata fuq żewġ pilastri separati tal-protezzjoni internazzjonali (24).

52.      Madankollu, il-fatt li l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna waqaf jeżisti ma jeskludix il-possibbiltà li hija tista’ tiffaċċja riskju veru li ssofri minn periklu serju kif ġie ddefinit mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tagħha. F’ċirkustanzi bħal dan, ex refuġjat għandu jingħata opportunità ġusta u suffiċjenti biex iressaq applikazzjoni għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. B’hekk, jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri jiddeċiedu li l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna għandu jieqaf jeżisti skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, għandhom jiġu adottati l-passi neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat li l-persuna inkwistjoni għandha opportunità effettiva biex tapplika għall-protezzjoni sussidjarja (25) u li d-drittijiet proċedurali tagħha f’dak ir-rigward jiġu ggarantiti b’mod sħiħ. Barra minn hekk, l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jingħata skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/83 fejn il-persuna inkwistjoni tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja skont il-Kapitoli II u V ta’ dik id-direttiva.

53.      Filwaqt li b’hekk jidher ċar li l-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 ma jeħtieġx li refuġjat ikun protett mir-riskju li jsofri minn periklu serju fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tiegħu, l-Artikoli 11(1)(e) u 7(2) ta’ dik id-direttiva jeħtieġu b’mod ċar li l-protezzjoni mill-persekuzzjoni tkun disponibbli f’dak il-pajjiż permezz tal-adozzjoni ta’ “passi raġunevoli” sabiex tiġi pprevenuta l-persekuzzjoni. Dawn l-obbligi jeħtieġu l-preżenza ta’ attur ta’ protezzjoni li jkun kemm lest kif ukoll kapaċi li jipprovdi tali protezzjoni. F’dak ir-rigward, nenfasizza li r-rekwiżit tal-protezzjoni impost skont l-Artikoli 11(1)(e) u 7(2) tad-Direttiva 2004/83 ma jeżistix b’mod astratt iżda f’termini konkreti, tanġibbli u oġġettivi. Meta jiġu kkunsidrati l-passi pożittivi u konkreti li għandhom jiġu adottati sabiex tkun ipprovduta protezzjoni, fin-nuqqas ta’ attur ta’ protezzjoni, ma jistax jingħad li teżisti protezzjoni minn persekuzzjoni (26). Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, attur ta’ protezzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li adotta passi reġonevoli sabiex jipprevjeni l-persekuzzjoni jekk, fil-pajjiż ta’ ċittadinanza ta’ refuġjat, l-atturi ta’ persekuzzjoni kif iddefiniti bl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/83 u li f’ċerti ċirkustanzi jinkludu atturi mhux tal-Istat, jheddu (27) jew iwettqu atti ta’ persekuzzjoni f’dak il-pajjiż biex b’hekk joħolqu terrur fil-popolazzjoni ċivili jew lil elementi ta’ dik il-popolazzjoni.

54.      Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat il-livell ta’ protezzjoni minn persekuzzjoni li għandu jkun disponibbli fil-pajjiż ta’ ċittadinanza ta’ refuġjat sabiex l-istatus ta’ refuġjat tiegħu jieqaf skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83. F’dan il-kuntest, atturi ta’ protezzjoni għandhom, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83, jieħdu passi raġonevoli biex jipprevjenu l-persekuzzjoni “billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni” (28). Dawn ir-rekwiżiti mhux negliġibbli u konkreti jipprevedu l-preżenza ta’ attur ta’ protezzjoni li għandu l-awtorità, l-istruttura organizzativa u l-mezzi, inter alia, sabiex iżomm livell minimu ta’ ordni pubbliku fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tar-refuġjat. B’hekk, oġġettivament, l-attur ta’ protezzjoni għandu jkollu livell raġonevoli ta’ kapaċità u ta’ rieda li jipprevjeni atti ta’ persekuzzjoni kif iddefiniti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/83.

55.      Għandu jiġi nnotat ukoll li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83 jobbliga lill-Istati Membri, meta jeżaminaw jekk status ta’ refuġjat waqafx skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, li joqogħdu attenti jekk il-bdil fiċ-ċirkustanzi, li b’konnessjoni magħhom persuna li kienet irrikonoxxuta bħala refuġjata ma baqgħux jeżistu, huwiex ta’ natura sinjifikattiva u mhux temporanja. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83 huwa mfassal sabiex jiżgura li d-deċiżjonijiet ta’ waqfien skont l-Artikolu 11(1)(e) ma jiġux adottati b’għaġla kbira mingħajr analiżi approfondita tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tar-refuġjat fiż-żmien meta ngħata l-istatus ta’ refuġjat u tas-sitwazzjoni ġenerali (29) li teżisti attwalment, u li probabbilment tibqa’ teżisti fil-futur f’dak il-pajjiż flimkien ma’ analiżi tas-sitwazzjoni individwali tar-refuġjat. Nemmen li l-iskop tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83 huwa li jiżgura li persuna li tkun kisbet status ta’ refuġjat minħabba biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni ma ssibx ruħha f’sitwazzjoni fejn dak l-istatus jieqaf kontra r-rieda tagħha skont l-Artikolu 11(1)(e) ta’ dik id-direttiva iżda fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħha ma tkun disponibbli l-ebda soluzzjoni stabbli, dewwiema u ħielsa mill-persekuzzjoni.

56.      Filwaqt li mhux possibli li jiġu previsti l-eventwalitajiet kollha, meta jiġi kkunsidrat l-effett kunsiderevoli li l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, jista’ jkollu fuq refuġjat, waqfien jista’ jseħħ biss, fil-fehma tiegħi, meta jkun raġonevoli li wieħed jassumi li soluzzjoni dewwiema u ħielsa mill-persekuzzjoni tkun disponibbli għar-refuġjat fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu.

57.      Jekk is-sitwazzjoni fil-pajjiż taċ-ċittadinanza ma tkunx stabbli jew ma tkunx prevedibbli jew ikun hemm ksur serju tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem li jista’ jwassal biex l-individwu inkwistjoni jerġa’ jitlob status ta’ refuġjat, il-bdil fiċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ta’ natura sinjifikattiva u mhux temporanja u tabilħaqq il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83 jidher biċ-ċar li ma huwiex disponibbli jew effettiv (30).

58.      Rigward id-domanda tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri dwar jekk hux suffiċjenti li l-protezzjoni tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali (31), għandu jiġi nnotat li skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83, il-protezzjoni tista’ tiġi pprovduta mill-Istat jew minn partijiet jew organizzazzjonijiet, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali (32), li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali mit-territorju tal-Istat. B’hekk jidher li korp għajr Stat jista’ jkun attur ta’ protezzjoni (33), bil-kundizzjoni li jkun eżerċitat il-livell meħtieġ ta’ kontroll fuq l-Istat u jintlaħaq il-livell oġġettiv ta’ protezzjoni impost mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83. Fil-fehma tiegħi, fejn Stat jagħmel użu mill-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali, tali użu jista’ jitqies bħala pass raġonevoli sabiex tiġi pprevenuta l-persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ ċittadinanza ta’ refuġjat. Madankollu, nemmen li sabiex ikun hemm konformità mat-termini tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/83, Stat jista’ jibbaża biss fuq l-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali bil-kundizzjoni li dawn it-truppi joperaw taħt il-mandat tal-komunità internazzjonali, pereżempju taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti.

59.      Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li attur ta’ protezzjoni, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83, jopera fil-pajjiż ta’ ċittadinanza ta’ refuġjat minkejja l-fatt li l-protezzjoni tista’ tiġi żgurata mill-Istat biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali. L-eżistenza ta’ attur ta’ protezzjoni u d-disponibbiltà, l-effettività u n-natura dewwiema tal-protezzjoni pprovduta minn dak l-attur fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tar-refuġjat huma kwistjonijiet ta’ fatt li għandhom jiġu evalwati mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq.

60.      Rigward it-tieni parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, qed tipprova taċċerta jekk l-istatus ta’ refuġjat jistax jieqaf skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 jekk il-persuna kkonċernata tkun attwalment mhedda b’periklu serju kif iddefinit bl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 iktar milli b’persekuzzjoni fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħha. Fil-fehma tiegħi, l-eliġibbiltà ta’ persuna għal protezzjoni sussidjarja mhix parti mill-kriterji legali applikabbli għall-waqfien ta’ status ta’ refuġjat (34).

61.      Bit-tielet parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 jeħtieġ li, fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tar-refuġjat, is-sitwazzjoni tas-sigurtà tkun waħda stabbli u li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ għajxien jiżguraw livell minimu ta’ ħajja.

62.      L-istabbiltà tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tar-refuġjat għandha tiġi evalwata bħala parti integrali mid-disponibbiltà tal-protezzjoni minn persekuzzjoni stabbilita mill-Artikoli 7(2) u 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83. Għaldaqstant, għandu jkun hemm attur ta’ protezzjoni li jkollu l-awtorità, l-istruttura organizzattiva u l-mezzi, inter alia, sabiex iżomm livell minimu ta’ liġi u ta’ ordni pubbliku fil-pajjiż taċ-ċittadinanza ta’ refuġjat. Is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tar-refuġjat, fil-fehma tiegħi, għandha tkun tali li refuġjat ma jiffaċċjax sitwazzjoni li fiha jista’ jsir eliġibbli għall-istatus ta’ refuġjat fil-futur qrib.

63.      Rigward il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien u d-disponibbiltà ta’ livell minimu ta’ ħajja fil-pajjiż taċ-ċittadinanza, għandu jiġi enfasizzat mill-bidu nett li d-Direttiva 2004/83 ma tagħtix status ta’ refuġjat jew protezzjoni sussidjarja lil migranti ekonomiċi. Barra minn hekk, il-persuni li jeħtieġu għajnuna għal raġunijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, għajr dawk li jikkwalifikaw għal protezzjoni internazzjonali (35) jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83. Il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ għajxien u d-disponibbiltà ta’ livell minimu ta’ ħajja fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tar-refuġjat, fil-fehma tiegħi u kif sostniet il-Kummissjoni fin-noti tagħha, mhux kriterju rilevanti indipendenti meta jiġi evalwat il-waqfien skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, imma xorta jrid jiġi kkunsidrat bħala parti mill-evalwazzjoni dwar jekk il-bdil fiċ-ċirkustanzi hemmhekk jistax jiġi kkunsidrat bħala ta’ natura sinjifikattiva u mhux temporanja skont l-Artikolu 11(2) ta’ dik id-direttiva (36). Nixtieq ukoll niġbed l-attenzjoni għall-fatt li, meta jiġi kkunsidrat li l-Artikoli 7 u 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 jeħtieġu li fil-pajjiż ta’ ċittadinanza jkun disponibbli livell minimu ta’ protezzjoni, huwa tal-inqas dubjuż jekk il-pajjiż inkwistjoni hux se jkollu l-istruttura organizzattiva u l-mezzi (37) biex jipprovdi tali protezzjoni jekk ma jistax jiżgura livell minimu ta’ ħajja għaċ-ċittadini tiegħu.

64.      Nemmen li d-disponibbiltà ta’ livell minimu ta’ ħajja fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tar-refuġjat u r-rilevanza tagħha fil-kuntest tal-waqfien ta’ status ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq.

B –    Fuq it-tielet domanda

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

65.      L-appellant fil-Kawża C-175/08 jemmen li fejn tneħħiet il-persekuzzjoni inizjali imma hemm ċirkustanzi ġodda, għandu jiġi applikat it-tnaqqis tal-oneru tal-prova, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83, peress li dik id-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda distinzjoni bbażata fuq iż-żmien tal-persekuzzjoni preċedenti. Bit-tqegħid tal-oneru tal-prova fuq l-Istat Membru sabiex juri li l-persuna ma għadhiex tikkwalifika bħala refuġjata, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/83 jimponi kundizzjonijiet iktar stretti għar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat minn dawk li japplikaw meta jkun hemm biża’ ta’ persekuzzjoni imma l-persekuzzjoni tkun għadha ma seħħitx. L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/83 b’hekk jirrifletti l-Artikolu 4(4) ta’ dik id-direttiva. L-appellanti fil-Kawżi C‑176/08 u C‑179/08 qed isostnu li l-livell ta’ probabbiltà fil-proċedura għar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat mhux l-istess bħal dak applikat fil-proċedura għar-rikonoxximent tal-istatus. Matul il-proċedura għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dak l-istatus għandhom jiġu eżaminati flimkien. F’dak il-kuntest, għandu jiġi applikat l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83. Iċ-ċirkustanzi l-ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża ta’ persekuzzjoni, madankollu, għandhom jitkejlu mal-istandard inkluż fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, jiġifieri evalwazzjoni tal-aspettattiva raġonevoli li persuna tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, billi ċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom kienet irrikonoxxuta bħala refuġjata ma baqgħux jeżistu. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 japplika wkoll fil-każijiet fejn l-applikant diġa’ kien suġġett għal persekuzzjoni jew għal theddid dirett ta’ persekuzzjoni. L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/83 ma huwiex regola speċjali li tipprevali fuq l-Artikolu 4 ta’ dik id-direttiva. Skont l-appellanti fil-Kawża C‑178/08, fejn ir-raġunijiet inizjali għall-persekuzzjoni ma għadhomx jeżistu, l-oneru tal-prova jitqiegħed fuq l-Istat Membru li ta l-istatus ta’ refuġjat biex juri li r-refuġjat ma għandu l-ebda raġuni oħra biex jibża’ minn persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Il-livell ta’ probabbiltà li għandu jiġi applikat huwa l-istess bħal dak meħtieġ għall-esklużjoni tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri li għandu jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li l-persuna kkonċernata mhix esposta għal riskju ta’ persekuzzjoni ġdida.

66.      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn iċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom persuna kienet irrikonoxxuta bħala refuġjata ma għadhomx jeżistu, ċirkustanzi ġodda u differenti li jkunu l-bażi biex jiġi konkluż li hemm persekuzzjoni għandhom jitkejlu fir-rigward tal-livell ta’ probabbiltà applikat għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, tali ċirkustanzi ġodda u differenti ma għandhomx jiġu evalwati fir-rigward tat-tnaqqis tal-oneru tal-prova skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83. Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra, inter alia, li ċirkustanzi possibbli, ġodda u differenti li jkunu l-bażi biex jiġi konkluż li hemm persekuzzjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kriterju tar-“riskju veru” u t-tnaqqis tal-oneru tal-prova, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83, mhux limitat għal dawk il-każijiet fejn ikun hemm konnessjoni bejn iċ-ċirkustanzi l-ġodda u dawk li ġġustifikaw l-għoti ta’ status ta’ refuġjat. Skont ir-Repubblika ta’ Ċipru, fejn iċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom kien irrikonoxxut refuġjat bħala tali waqfu, iċ-ċirkustanzi ġodda jew differenti għandhom jiġu evalwati skont il-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2004/83. Dan jeħtieġ li t-talba l-ġdida tiġi eżaminata in bona fide, mingħajr ma jitneħħa l-oneru tal-prova minn fuq l-applikant, ħlief fir-rigward tal-preżunzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83 li tapplika dejjem. Ir-Renju Unit jikkunsidra li fejn iċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom persuna ngħatat status ta’ refuġjat ma bqgħux jeżistu, filwaqt li ċirkustanzi ġodda u differenti jiġu ppreżentanti bħala li jagħtu lok għal biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni, huwa l-applikant li għandu jressaq mill-iktar fis possibbli l-elementi meħtieġa kollha sabiex jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

67.      Il-Kummissjoni temmen li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/83 jinkludi r-regoli rilevanti dwar il-proċedura għar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat. Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/83 u bla ħsara għall-obbligu ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dik id-direttiva, li jindika l-fatti kollha rilevanti u jressaq l-elementi rilevanti kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, l-Istat Membru li ta status ta’ refuġjat huwa obbligat li jipprova, każ b’każ, li l-persuna kkonċernata waqfet tkun jew qatt ma kienet refuġjata. B’hekk l-Istat inkwistjoni jrid jagħti prova li r-refuġjat ma jistax jirrifjuta iktar li japprofitta ruħu mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ ċittadinanza tiegħu. Għaldaqstant, il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat jiġi evalwat skont kriterji differenti minn dawk li jintużaw għar-rikonoxximent ta’ dak l-istatus. Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83, li jnaqqas l-oneru tal-prova meta jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat, mhux applikabbli għar-revoka ta’ dak l-istatus, fejn l-oneru tal-prova qiegħed fuq l-awtorità kompetenti.

2.      Kunsiderazzjonijiet

68.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed titlob kjarifika dwar il-mod li bih ċirkustanzi ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża’ ta’ persekuzzjoni għandhom jiġu evalwati fejn ma baqgħux jeżistu ċ-ċirkustanzi preċedenti, li fuq il-bażi tagħhom il-persuna kkonċernata ngħatat status ta’ refuġjat.

69.      Sabiex tingħata risposta effettiva għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, nemmen li huwa neċessarju li jiġi ċċarat xi jfisser meta jsir riferiment għal ċirkustanzi ġodda u differenti.

70.      Jiena naħseb li l-espressjoni “iċ-ċirkustanzi l-ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża ta’ persekuzzjoni” użata mill-qorti tar-rinviju hija relatata ma’ ċirkustanzi għal kollox ġodda li ma għandhom l-ebda konnessjoni, lanqas parzjali, maċ-ċirkustanzi preċedenti, li fuq il-bażi tagħhom il-persuna kkonċernata kienet ingħatat status ta’ refuġjat.

71.      Fejn iċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom persuna ngħatat status ta’ refuġjat nbidlu sa ċertu punt iżda ċerti fatturi li huma konnessi, anki b’mod parzjali, ma’ dawk iċ-ċirkustanzi baqgħu jippersistu, fil-fehma tiegħi, il-bdil fiċ-ċirkustanzi jista’ ma jkunx ta’ natura sinjifikattiva u mhux temporanja kif meħtieġ mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83.

72.      Barra minn hekk, jekk fi proċeduri ta’ waqfien jidher li minkejja l-fatt li ċ-ċirkustanzi, li fuq il-bażi tagħhom persuna ngħatat status ta’ refuġjat, inbidlu sa ċertu punt iżda ċerti fatturi li huma konnessi, anki parzjalment, ma’ dawk iċ-ċirkustanzi baqgħu jippersistu, l-Istat Membru inkwistjoni jrid juri, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/83, li r-refuġjat ma għandux biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni bbażata fuq dawk il-fatturi konnessi.

73.      Fejn refuġjat jinvoka ċirkustanzi għal kollox ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża ta’ persekuzzjoni, nemmen li l-persuna inkwistjoni tkun qed tagħmel applikazzjoni ġdida għal status ta’ refuġjat u li dawk iċ-ċirkustanzi għandhom jiġu evalwati sabiex jiġi stabbilit jekk dik il-persuna jkollhiex biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Għaldaqstant, il-livell ta’ probabbiltà li għandu jkun applikat huwa l-livell applikabbli għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/83.

74.      Il-fatt li persuna fl-imgħoddi ngħatat status ta’ refuġjat minħabba biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni bbażata fuq ċirkustanzi għal kollox differenti fil-fehma tiegħi ma jissarrafx f’indikazzjoni serja, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83, tal-biża’ bir-raġun attwali ta’ persekuzzjoni tal-applikant.

75.      Il-laxkar tar-regoli ta’ evalwazzjoni inklużi fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83 fil-fehma tiegħi jeħtieġ konnessjoni, anki jekk parzjali, bejn persekuzzjoni mgħoddija jew theddid dirett ta’ tali persekuzzjoni mgħoddija u ċirkustanzi ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża ta’ persekuzzjoni.

76.      Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tevalwa, inter alia, jekk iċ-ċirkustanzi inkwistjoni humiex ġodda jew konnessi maċ-ċirkustanzi, li fuq il-bażi tagħhom, il-persuna kkonċernata ngħatat status ta’ refuġjat.

VII – Konklużjoni

77.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, id-domandi f’dan il-każ għandhom jingħataw ir-risposti li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fid-dawl, inter alia, tad-definizzjoni ta’ refuġjat inkluża fl-Artikolu 2(ċ) ta’ dik id-direttiva. Għalhekk, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, għandu jiġi stabbilit li ċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom ir-refuġjat kien irrikonoxxut bħala tali waqfu u li l-pajjiż ta’ ċittadinanza tar-refuġjat huwa kemm kapaċi kif ukoll lest li jipproteġi lir-refuġjat inkwistjoni. L-istatus ta’ refuġjat jista’ jieqaf jeżisti jekk soluzzjoni dewwiema u ħielsa minn persekuzzjoni tkun disponibbli għar-refuġjat fil-pajjiż ta’ ċittadinaza tiegħu. Il-protezzjoni pprovduta mill-pajjiż ta’ ċittadinanza ta’ refuġjat tkun konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/83 jekk ikun hemm attur ta’ protezzjoni li jieħu passi raġonevoli sabiex jipprevjeni l-persekuzzjoni, inter alia, billi jopera sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni. Fil-każ li l-protezzjoni minn persekuzzjoni tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali, tali assistenza tista’ tiġi kkunsidrata bħala pass raġonevoli sabiex tiġi pprevenuta l-persekuzzjoni skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83 bil-kundizzjoni li tali truppi joperaw taħt il-mandat tal-komunità internazzjonali.

(2)      L-eliġibbiltà ta’ persuna għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja skont il-Kapitolu V tad-Direttiva 2004/83 ma tifformax parti mill-kriterji legali applikabbli għall-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat. Jekk, madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna għandu jieqaf jeżisti, skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, għandhom jiġu adottati l-passi neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat li l-persuna inkwistjoni għandha opportunità effettiva li tapplika għal protezzjoni sussidjarja u li d-drittijiet proċedurali tagħha jkunu ggarantiti b’mod sħiħ.

(3)      Is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tar-refuġjat għandha tkun tali li refuġjat ma għandux isir eliġibbli għal status ta’ refuġjat fil-futur qrib. L-istabbiltà tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tar-refuġjat għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali bħala parti integrali mid-disponibbiltà ta’ protezzjoni minn persekuzzjoni stabbilita mill-Artikoli 7(2) u 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83.

(4)      Id-disponibbiltà ta’ livell minimu ta’ ħajja fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tar-refuġjat ma hijiex kriterju legali indipendenti rilevanti li għandu jiġi applikat meta jiġi evalwat il-waqfien skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala parti mill-evalwazzjoni ta’ jekk il-bdil fiċ-ċirkustanzi hemmhekk jistax jiġi kkunsidrat bħala ta’ natura sinjifikattiva u mhux temporanja, skont l-Artikolu 11(2) ta’ dik id-direttiva, u jekk ir-refuġjat jistax japprofitta ruħu mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ ċittadinanza tiegħu.

(5)      F’sitwazzjoni fejn iċ-ċirkustanzi preċedenti, li fuq il-bażi tagħhom il-persuna kkonċernata kienet ingħatat status ta’ refuġjat, ma baqgħux jeżistu, iċ-ċirkustanzi għal kollox ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża’ ta’ persekuzzjoni, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/83, għandhom jiġu evalwati skont il-livell ta’ probabbiltà applikabbli għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 13 ta’ dik id-direttiva u l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83 ma huwiex applikabbli għal tali evalwazzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.


3 – Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954).


4 – Gesetz zur Umsetzung aufenthalts- und asylrechtlicher Richtlinien der Europäischen Union, BGBl. I p. 1970. Din il-liġi daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Awwissu 2007.


5 – F’dawn il-proċeduri, l-appellanti fil-Kawżi C‑175/08 (Aydin Salahadin Abdulla), C‑176/08 (Kamil Hasan), C‑178/08 (Ahmed Adem u Hamrin Mosa Rashi) u C‑179/08 (Dler Jamal) għandhom jissejħu kollettivament l-“appellanti” f’din il-kawża.


6 – COM(2001) 510 finali, p. 26.


7 – Skont il-qorti tar-rinviju, il-UNHCR fil-Ktejjeb dwar il-Proċeduri u l-Kriterji sabiex jiġi stabbilit l-Istatus ta’ Refuġjat [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħha taħt il-Konvenzjoni tal-1951 u l-Protokoll li għandhom x’jaqsmu mal-istatus ta’ refuġjati tal-1967 jassumi b’mod ċar li, sa ċertu punt, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għar-revoka tal-istatus ta’ refuġat għandhom ikunu identiċi. Bil-kontra, il-kummenti tal-UNHCR fil-Linji Gwida tal-10 ta’ Frar 2003 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali: Waqfien tal-Istatus ta’ Refuġjat [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħha, taħt l-Artikolu 1(C)(5) u (6) tal-Konvenzjoni tal-1951 li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati jagħtu l-impressjoni li, anki wara li l-biża’ ta’ persekuzzjoni ma tibqax teżisti, il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat jiddependi wkoll minn kundizzjonijiet oħrajn li ma għandhomx x’jaqsmu mal-persekuzzjoni. B’hekk, skont il-punti 15 u 16 tal-linji gwida inkwistjoni, minbarra s-sigurtà jew is-sikurezza fiżika jeħtieġ, b’mod partikolari, li jkunu jeżistu gvern u strutturi amministrattivi fundamentali funzjonanti, kif tixhed sistema funzjonanti tal-liġi u tal-ġustizzja, kif ukoll li teżisti infrastruttura adegwata biex b’hekk ir-residenti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom għal għajxien bażiku. Indikatur importanti f’dan ir-rigward hija s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem.


8 – Skont it-termini tal-Artikolu 2(ċ) ta’ dik id-direttiva.


9 – Skont it-termini tal-Artikolu 2(ċ) ta’ dik id-direttiva.


10 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman et (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punti 59 sa 61); tas-27 ta’ Novembru 1997, Somalfruit u Camar (C‑369/95, Ġabra p. I‑6619, punti 40 u 41); tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme (C‑36/99, Ġabra p. I‑6049, punt 20); tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO (C‑306/99, Ġabra p. I‑1, punt 88); u tas-7 ta’ Ġunju 2005 VEMW et (C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 34).


11 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, Ġabra p. I‑4161, punt 32); u tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, Ġabra p. I‑2505, punt 16); ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 23).


12 – Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.


13 – Direttiva 2004/83 daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru 2004.


14 – F’din it-taqsima tal-konklużjonijiet, se jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jieqaf l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83. Rigward il-livelli u l-kundizzjonijiet proċedurali li għandhom jiġu sodisfatti sabiex ikun hemm waqfien, għandu jsir riferiment għad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal- 1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (ĠU L 326, p. 13). Ara l-Artikoli 37 u 38 tad-Direttiva 2005/85. Ma hemm l-ebda indikazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju dwar jekk id-Direttiva 2005/85 ġietx trasposta fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża u b’hekk jekk hiex applikabbli ratione temporis għall-proċeduri ta’ quddiem il-qorti tar-rinviju. Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 44 ta’ dik id-direttiva, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikun hemm konformità, inter alia, mal-Artikoli 37 u 38 ta’ dik id-direttiva għall-proċeduri għall-irtirar ta’ status ta’ refuġjat li nbdew wara l-1 ta’ Diċembru 2007. Il-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat mill-appellanti nbdew qabel din id-data. Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.


15 – Ara l-premessa 6 fil-preambolu għad-Direttiva 2004/83.


16 – Ara l-premessa 10 fil-preambolu għad-Direttiva 2004/83.


17 – Hemm numru ta’ differenzi bejn l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 u l-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83, Stat Membru meta jevalwa waqfien ta’ status ta’ refuġjat skont, inter alia, l-Artikolu 11(1)(e) ta’ dik id-direttiva, għandu jikkunsidra jekk il-bdil fiċ-ċirkustanzi li b’konnessjoni magħhom ir-refuġjat ġie rikonoxxut bħala tali “huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-biża tar-refuġjat minn persekuzzjoni ma tistax tibqa’ titqies bħala bir-raġun” (enfasi miżjuda). Tali obbligu ma jinstabx speċifikament fl-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. It-tieni nett, l-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jinkludi kundizzjoni, li r-rilevanza fattwali tagħha l-qorti tar-rinviju eskludiet speċifikament mill-kawżi li għandha pendenti quddiemha, fejn refuġjat jista’ jinvoka raġunijiet obbligatorji li jirriżultaw minn persekuzzjoni preċedenti għar-rifjut tiegħu li japprofitta ruħu mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità. Dik il-kundizzjoni mhijiex speċifikament inkluża fit-test tad-Direttiva 2004/83. Iżda forsi l-iktar differenza sinjifikattiva, li mhijiex limitata għall-waqfien ta’ status ta’ refuġjat, huwa l-fatt li d-Direttiva 2004/83 toħloq it-tieni pilastru ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri protezzjoni sussidjarja li ma tissemmiex fil-Konvenzjoni ta’ Genève.


18 – Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83, intitolat “Livelli stabbiliti aktar favorevoli”.


19 – Ara, b’kuntrast, l-Artikolu 11(1)(a), (b) u (d) tad-Direttiva 2004/83 li b’mod espliċitu juża l-espressjoni “b’mod voluntarju”.


20 – Jidher li hemm relattivament ftit prattiki Statali rigward il-klawżola ta’ waqfien inkluża fl-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Fil-fehma tiegħi, ir-retiċenza mgħoddija tal-Istati Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Genève li japprofittaw irwieħhom mill-klawżola ta’ waqfien, inkluża fl-Artikolu 1(C)(5) tal-konvenzjoni, issostni l-approċċ kawt għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 li jiena sostnejt.


21 – Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 jistabbilixxi li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jieqaf ikun refuġjat, jekk huwa jew hija “ma jistax iktar, minħabba li ċ-ċirkostanzi li f’konnessjoni magħhom huwa jew hija jkunu ġew magħrufa bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, jkompli jirrifjuta milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż nazzjonali” (enfasi miżjuda). Fil-fehma tiegħi, il-prerekwiżit li persuna ma tistax iktar tkompli tirrifjuta li tapprofitta ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità jeħtieġ li l-protezzjoni tal-pajjiż inkwistjoni fil-fatt tkun disponibbli u li r-refuġjat ikun jista’ japprofitta ruħu minnha.


22 – Ara, pereżempju, l-espressjonijiet “ако той не може повече да продължи да отказва получаването на закрила от страната, чието гражданство има,” fil-verżjoni Bulgara; “nemůže dále odmítat ochranu země své státní příslušnosti,” fil-verżjoni Ċeka; “es nicht mehr ablehnen kann, den Schutz des Landes in Anspruch zu nehmen, dessen Staatsangehörigkeit er besitzt;” fil-verżjoni Ġermaniża; “s’il ne peut plus continuer à refuser de se réclamer de la protection du pays dont il a la nationalité,” fil-verżjoni Franċiża; “non possa più rinunciare alla protezione del paese di cui ha la cittadinanza,” fil-verżjoni Taljana; “nie może dłużej kontynuować odmawiania skorzystania z ochrony państwa, którego jest obywatelem;” fil-verżjoni Pollakka; “Não puder continuar a recusar valer-se da protecção do país de que tem a nacionalidade,” fil-verżjoni Portugiża; “nu mai poate continua să refuze solicitarea protecției țării al cărui cetățean este;” fil-verżjoni Rumena; u “nemôže ďalej odmietať ochranu štátu, ktorého štátne občianstvo má,” fil-verżjoni Slovakka.


23 – Ara l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83 li jirreferi speċifikament għal aċċess individwali għal protezzjoni.


24 – Is-sistema ta’ żewġ pilastri tal-protezzjoni internazzjonali pprovduta mid-Direttiva 2004/83, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi kkritikata peress li fil-fatt tista’ ddgħajjef l-istatus ta’ refuġjat. Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83 l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħtu protezzjoni sussidjarja lil individwi li fin-nuqqas ta’ dik il-forma ta’ protezzjoni, kieku kien jingħatalhom l-istatus ta’ refuġjat. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 15(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 li jista’ jikkoinċidi kunsiderevolment minn perspettiva fattwali mal-atti ta’ persekuzzjoni kif iddefiniti bl-Artikolu 9 ta’ dik id-direttiva. Minkejja din il-kritika possibbli, l-eżistenza tas-sistema ta’ żewġ pilastri tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2004/83 ma tistax tiġi miċħuda.


25 – Jekk tixtieq dan.


26 – Ara l-ewwel parti tat-tieni domanda.


27 – It-theddida inkwistjoni għandha tkun waħda serja jew gravi biex b’hekk toħloq il-konvinzjoni fost il-popolazzjoni ċivili li tabilħaqq se jitwettqu atti ta’ persekuzzjoni.


28 – Il-protezzjoni ma hemmx għalfejn tkun waħda assoluta, riżultat li jkun xi jkun il-każ ma jista’ jintlaħaq fl-ebda soċjetà.


29 – Filwaqt li mhux ta’ rilevanza temporali fil-kawżi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 38(1)(ċ) tad-Direttiva 2005/85 jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw, inter alia, li fil-kuntest ta’ proċedura għall-irtirar ta’ status ta’ refuġjat “l-awtorità kompetenti tkun tista’ tottjeni informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, bħal, skond il-każ, mill-UNHCR, rigward is-sitwazzjoni ġenerali li tkun attwalment teżisti fil-pajjiżi ta’ l-oriġini tal-persuni konċernati” (enfasi miżjuda). Il-proċeduri ta’ rtirar inkwistjoni japplikaw għall-waqfien skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83. Ara l-premessa 26 fil-preambolu tad-Direttiva 2005/85 flimkien mal-Artikolu 38(4) tagħha. Ara wkoll il-premessa 15 fil-preambolu għad-Direttiva 2004/83 li tipprovdi li “[k]onsultazzjonijiet mal-[UNHCR] jistgħu jipprovdu gwida ta’ valur għal Stati Membri meta jistabbilixxu status ta’ refuġjat skond l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”.


30 – Il-fatti li għandhom jiġu eżaminati mill-qorti nazzjonali sabiex jiġi stabbilit jekk ġewx sodisfatti r-rekwiżiti legali ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi u d-disponibbiltà tal-protezzjoni jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jikkoinċidu b’mod kunsiderevoli. B’hekk, il-preżenza ta’ attur ta’ protezzjoni li jkollu l-awtorità, l-istruttura organizzattiva u l-mezzi, inter alia, sabiex iżomm livell minimu ta’ liġi u ta’ ordni pubbliku fil-pajjiż taċ-ċittadinanza ta’ refuġjat tista’, iżda mhux bilfors, tkun indikazzjoni ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi li jkun ta’ natura sinjifikattiva u mhux temporanja.


31 – Ara l-ewwel parti tat-tieni domanda.


32 – Iżda mhux limitati għal organizzazzjonijiet internazzjonali.


33 – Jew waħdu, jew fil-fehma tiegħi, flimkien mal-Istat.


34 – Ara l-punti 46 sa 48 iktar ’il fuq.


35 – Kif iddefinita bl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2004/83. Ara l-premessa 9 fil-preambolu għad-Direttiva 2004/83.


36 – Ara l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/83.


37 – Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.

Top