EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CA0381

Kawża C-381/08: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal- 25 ta’ Frar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof — il-Ġermanja) — Car Trim GmbH vs KeySafety Systems Srl ( Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 5(1)(b) — Kompetenza f’materji kuntrattwali — Determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu — Kriterji ta’ distinzjoni bejn bejgħ ta’ merkanzija u provvista ta’ servizzi   )

OJ C 100, 17.4.2010, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Frar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof — il-Ġermanja) — Car Trim GmbH vs KeySafety Systems Srl

(Kawża C-381/08) (1)

(“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Artikolu 5(1)(b) - Kompetenza f’materji kuntrattwali - Determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu - Kriterji ta’ distinzjoni bejn ‘bejgħ ta’ merkanzija’ u ‘provvista ta’ servizzi’ ”)

2010/C 100/05

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Car Trim GmbH

Konvenuta: KeySafety Systems Srl

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesgerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) — Kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti li jridu jiġu ffabbrikati li fihom ukoll istruzzjonijiet tax-xerrej dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna tal-prodotti li jridu jiġu ffabbrikati, inkluża l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-iffabbrikar, tal-affidabbiltà tal-kunsinna u l-eżekuzzjoni amministrattiva tal-kuntratt — Kriterji ta’ distinzjoni bejn bejgħ ta’ merkanzija u provvista ta’ servizzi — Determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod.

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratti li l-għan tagħhom huwa l-kunsinna ta’ merkanzija li trid tiġi ffabbrikata jew prodotta meta x-xerrej ikun ifformula ċerti rikjesti dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna tal-merkanzija, mingħajr ma pprovda l-materjali, u li l-fornitur huwa responsabbli għall-kwalità u l-konformità tal-merkanzija mal-kuntratt, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “bejgħ ta’ merkanzija” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

(2)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, il-post fejn il-merkanzija kellha jew suppost li kienet kkunsinnata skont il-kuntratt għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt. Jekk fuq din il-bażi huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-post tal-kunsinna, mingħajr ma ssir referenza għad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt, dan il-post huwa dak fejn fiżikament twasslet il-merkanzija li permezz tagħha x-xerrej kiseb jew kellu jikseb is-setgħa li jiddisponi effettivament minn din l-merkanzija fid-destinazzjoni finali tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ.


(1)  ĠU C 301, 22.11.2008


Top