EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0151

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta' Lulju 2011.
Kone Oyj, Kone GmbH u Kone BV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni - Akkordji - Suq tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti - Tqassim tas-swieq - Iffissar ta’ prezzijiet.
Kawża T-151/07.

European Court Reports 2011 II-05313

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:365

Kawża T-151/07

Kone Oyj et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti — Tqassim tas-swieq — Iffissar ta’ prezzijiet”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Natura ġuridika

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Koerenza bejn l-ammonti imposti fuq diversi impriżi

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq — Assenza — Rwol primordjali tal-kriterju bbażat fuq in-natura tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni —– Deċiżjoni li tordna verifika — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis tal-multi inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriżi inkriminati — Natura imperattiva għall-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Kundizzjonijiet — Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet

(Regolament Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi — Neċessità li fil-livell tal-oneru tal-prova li tinsab fuq l-impriża kkonċernata ssir distinzjoni bejn id-dokumenti li jinkulpaw jew dawk li jiskaġunaw

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Attitudni tal-impriża matul il-proċedura amministrattiva

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 18(1) u 20(3))

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Tnaqqis minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni barra mill-imsemmija komunikazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 96/C 207/04 u 2002/C 45/03)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Tnaqqis minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D, punt 2)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Attitudni tal-impriża matul il-proċedura amministrattiva — Illegalità tat-tnaqqis ta’ multi mogħtija lill-impriżi li ma rrikonoxxewx espressament l-allegazzjonijiet ta’ fatt tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

1.      Għalkemm il-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, l-imsemmija linji gwida jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi.

(ara l-punti 34-36)

2.      Anki jekk jiġi preżunt li, meta tikkonstata diversi ksur serji ħafna f’deċiżjoni waħda unika, il-Kummissjoni għandha tirrispetta ċerta relazzjoni proporzjonali bejn l-ammonti inizjali ġenerali tal-multi u d-daqs tad-diversi swieq affettwati, ma hemm xejn x’jindika li tali ammont iffissat għal akkordju fi Stat Membru huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-ammonti inizjali ġenerali ffissati għall-akkordji fi Stati Membri oħrajn peress li l-Kummissjoni tiffissa l-ammonti inizjali b’mod raġonevoli u koerenti, mingħajr ma tuża madankollu formola matematika preċiża, ħaġa li, fi kwalunkwe każ, ma hijiex obbligata tagħmel.

(ara l-punti 54, 55)

3.      Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju. F’dan ir-rigward, daqs tas-suq ikkonċernat ma huwiex, fil-prinċipju, element obbligatorju, iżda sempliċement element rilevanti fost oħrajn, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, peress li l-Kummissjoni, barra minn hekk, ma hijiex obbligata tiddelimita s-suq ikkonċernat jew tevalwa d-daqs tiegħu meta l-ksur inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv.

Fil-fatt, il-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriżi fuq is-suq ikkonċernat. Madankollu huma lanqas ma jipprekludu li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu.

F’dan il-kuntest, peress li l-Kummissjoni ma ffissatx l-ammont inizjali ġenerali ta’ multa għal ksur li jikkonċerna Stat Membru billi bbażat ruħha fuq id-daqs tas-suq affettwat, iżda bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq in-natura ta’ dan il-ksur u fuq il-portata ġeografika, il-kunsiderazzjoni li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa iffissat għall-akkordju f’dan l-Istat Membru għandu jirrifletti d-daqs allegatament limitat tas-suq ikkonċernat hija għaldaqstant ibbażata fuq premessa żbaljata u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Dan jgħodd ukoll għan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-imsemmija linji gwida, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha teżamina biss l-impatt konkret fuq is-suq meta jidher li dan l-impatt jista jitkejjel. Sabiex jiġi evalwat dan l-impatt, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku normalment kienet teżisti fin-nuqqas ta’ ksur. Madankollu, meta l-Kummissjoni tqis li kien impossibbli li jitkejjlu l-effetti preċiżi ta’ ksur fuq is-suq, mingħajr ma l-impriżi kkonċernati juru l-kuntrarju, hija tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq in-natura serja tal-ksur kif ukoll fuq il-portata ġeografika tiegħu.

L-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fil-fatt, kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-gravità ta ksur. Elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-imsemmija effetti, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament serju bħat-tqassim tas-swieq. Huwa b’hekk li n-natura tal-ksur għandha rwol vitali, b’mod partikolari, sabiex ksur jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”. Mid-deskrizzjoni ta’ ksur serji ħafna tal-imsemmija linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma intiżi b’mod partikolari, għat-tqassim tas-swieq jistgħu, sempliċement abbażi tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna” mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn impatt jew portata ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorraborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur serji ssemmi espressament l-impatt fuq is-suq u l-effetti fuq żoni estensivi tas-suq komuni, dik tal-ksur serji ħafna, min-naħa l-oħra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas ta’ produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, min-natura tagħhom stess, il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kkonstatati f’deċiżjoni tal-Kummissjoni huma fost il-ksur l-iktar serji tal-Artikolu 81 KE, peress li għandhom l-għan ta’ kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu s-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq filwaqt li jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda u sabiex ma jikkompetux bejniethom fir-rigward tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters. Apparti l-bdil serju fis-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li jġibu magħhom, sa fejn dawn l-akkordji jobbligaw lill-partijiet sabiex jirrispettaw swieq distinti, li ta’ spiss huma delimitati mill-fruntieri nazzjonali, huma jagħtu lok għall-iżolament ta’ dawn is-swieq, u għaldaqstant ixekklu l-għan prinċipali ta’ integrazzjoni tas-suq Komunitarju tat-Trattat. Barra minn hekk, ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jikkonsisti f’akkordji orizzontali, huwa kklassifikat bħala “partikolarment gravi” jew bħala “ksur ovvju”.

(ara l-punti 32, 46-47, 56, 61, 62, 64, 67-69)

4.      L-Avviż dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji huwa strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-iffissar tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minn dan tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa li, madankollu, ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali mill-Kummissjoni.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa meta hija msejjħa tevalwa jekk provi prodotti minn impriża li esprimiet ix-xewqa tagħha li tibbenefika mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni għandhomx valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 tal-imsemmi Avviż.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonstatat li xi provi għandhom valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija msejħa tistabbilixxi l-livell eżatt tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lill-impriża kkonċernata. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdi faxex għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għad-diversi kategoriji ta’ impriżi msemmija. Fid-dawl tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni, huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkundannat mill-Qorti tal-Unjoni.

Sabiex tinkiseb l-immunità mill-multi skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, hemm bżonn li l-impriża tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi li, fil-fehma tal-Kummissjoni, huma tali li jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

Barra minn hekk, hija l-kwalità tal-kooperazzjoni ta’ impriża li tiddetermina jekk hija tistax tibbenefika minn immunità mill-multi skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ma huwiex biżżejjed li tali impriża tkun ipprovdiet informazzjoni u elementi li jippermettu li tinbeda investigazzjoni effettiva kontra l-ksur. Għalkemm huwa minnu li ma huwiex neċessarju li l-provi prodotti jkunu suffiċjenti sabiex jiġi pprovat il-ksur fit-totalità tiegħu jew fl-inqas dettall tiegħu, dawn għandhom madankollu jkunu ta’ natura, ta’ preċiżjoni u ta’ forza probatorja suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

F’dan ir-rigward, dikjarazzjonijiet stabbiliti abbażi tal-memorja minn amministraturi tal-impriża kkonċernata, li ma jistax jiġi eskluż li jinkludu xi ineżattezzi, u dikjarazzjonijiet unilaterali ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur jekk huma ma jkunux sostnuti minn provi dokumentarji preċiżi u konsistenti. Fil-fatt, huwa neċessarju li fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra provi preċiżi u konsistenti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li l-ksur twettaq.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma teċċedix manifestament il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta hija tirrifjuta l-immunità minn multa lil impriża li tkun ipprovdiet provi ta’ valur probatorju limitat, mhux kontemporanji tal-ksur u li parti minnhom huma mingħajr data. Il-fatt li din l-impriża kisbet din l-immunità għal ksur tal-istess tip imwettaq fi Stati Membri oħrajn ma għandu l-ebda impatt f’dan ir-rigward peress li n-natura u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta f’kull każ kienu differenti.

Il-Kummissjoni ma teċċedix b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha għall-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ impriża sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta, billi tikkunsidra li l-provi mhux kontemporanji, li jiċħdu l-għan antikompetittiv ta’ akkordju u li huma ambigwi, huma neqsin mill-preċiżjoni li hija suffiċjenti sabiex jingħataw valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-isemmi Avviż dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt meta impriża, li fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza ma tikkomunikax provi kontemporanji lill-Kummissjoni, tinforma lil din tal-aħħar b’ċerti elementi li ma kinitx taf bihom preċedentement, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala elementi li jsaħħu, b’mod sinjifikattiv, l-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi akkordju ħlief jekk l-impriża kkonċernata turi rabta bejn din l-informazzjoni u l-eżistenza tal-imsemmi akkordju, peress li l-kontribuzzjoni tal-impriża għandha effettivament issaħħaħ l-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prova ta’ ksur. Għaldaqstant, kull tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni għandu jirrifletti l-kontribut effettiv tal-impriża fl-istabbiliment, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-prova tal-ksur.

(ara l-punti 80, 81, 83, 84, 91, 94, 97-99, 100, 102, 103, 108, 111-113, 117-119, 122-124, 162, 165, 169, 174-176, 179)

5.      Fid-deċiżjonijiet tagħha li jordnaw spezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tindika ċarament il-preżunzjonijiet li hija għandha l-intenzjoni tinvestiga. Madankollu, ma huwiex neċessarju li d-delimitazzjoni preċiża tas-suq inkwistjoni, il-klassifikazzjoni legali eżatta tal-allegati ksur u l-indikazzjoni tal-perijodu li matulu dawn il-ksur twettqu, ikunu inklużi f’deċiżjoni ta’ investigazzjoni.

(ara l-punt 116)

6.      L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell joħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom l-impriżi li jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni jista’ jkollhom abbażi ta’ dan l-Avviż, il-Kummissjoni hija obbligata li tikkonforma ruħha miegħu meta tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuqha. F’dan ir-rigward, bħala prinċipju, operatur ekonomiku ma jistax jibbaża aspettattivi leġittimi li ser jingħata immunità mill-multi fuq is-sempliċi silenzju tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 127, 130, 186)

7.      Il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tevalwa l-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju. Peress li ż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli, ma hemmx ksur tal-imsemmi prinċipju meta l-Kummissjoni, minn naħa, tagħti l-immunità minn multa lil impriża li l-informazzjoni mogħtija minnha tkun tat lok għall-ewwel spezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, tirrifjuta din l-immunità lil impriża oħra li tkun ipprovdiet informazzjoni wara li l-Kummissjoni tkun wettqet l-ewwel spezzjonijiet tagħha.

(ara l-punti 135, 137, 138, 140)

8.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċedimenti kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi osservat, anki f’każ ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva.

L-aċċess għall-fajl fil-kawżi tal-kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti li d-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jieħdu konjizzjoni tal-provi li jkun hemm fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli, fuq il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tkun waslet għalihom, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, l-aċċess għall-fajl jifforma parti mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u sabiex jiżguraw b’mod partikolari l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata li trendi aċċessibbli għall-impriżi involuti fi proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE dokumenti li jinkulpaw jew li jiskaġunaw li hija tkun ġabret matul l-investigazzjoni, b’riżerva għas-sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħrajn, dokumenti interni tal-istituzzjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Barra minn hekk, is-sempliċi nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jinkulpa ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża ħlief jekk l-impriża kkonċernata tkun tista’ turi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u li dan l-ilment ma setax ikun ipprovat jekk mhux b’riferiment għall-imsemmi dokument.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku matul il-proċedura amministrattiva hija setgħet tinvoka tali dokumenti, hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk, b’xi mod, hija kienet tkun tista’ tinfluwenza l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fl-eventwali deċiżjoni, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u t-tul tal-aġir li kienet akkużata bih, u, għalhekk, il-livell tal-multa.

(ara l-punti 143-147,151)

9.      Waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li ttemm dan il-ksur. Barra minn hekk, impriża li tiddikjara espressament li hija ma tikkontestax l-allegazzjonijiet ta’ fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha tista’ titqies li kkontribwixxiet sabiex tħaffef il-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-impriżi huma obbligati li jirrispondu għat-talbiet għal informazzjoni u li jissuġġettaw ruħhom għall-ispezzjonijiet. Issa, kooperazzjoni matul l-investigazzjoni li ma tmurx lil hinn mill-obbligi li għandhom l-impriżi skont dawn id-dispożizzjonijiet, ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa.

Barra minn hekk, pożizzjoni allegatament flessibbli min-naħa ta’ impriża għal dak li jikkonċerna talbiet għal trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ informazzjoni li hija tikkomunika lill-Kummissjoni ma tistax titqies li tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, investigazzjoni ma hijiex ostakolata minn talbiet għal kunfidenzjalità li huma raġonevoli u, fi kwalunkwe każ, hija l-impriża kkonċernata li għandha titlob għat-trattament kunfidenzjali fil-konfront tal-informazzjoni li, fil-fehma tagħha, ma għandhiex tiġi żvelata lil terzi.

Minn dan isegwi li kooperazzjoni li għandha tali limiti ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi rigward it-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

(ara l-punti 204, 222)

10.    Id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull persuna li tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tatha garanziji preċiżi, nisslet fiha aspettattivi fondati. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Jammontaw għal tali assigurazzjonijiet, spjegazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u li jaqblu u li ġejjin minn sorsi awtorizzati u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom.

Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, it-tħabbir fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa barra mill-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell, ma jistax jikkostitwixxi assigurazzjoni preċiża rigward id-daqs jew ir-rata tat-tnaqqis li jkun ser jingħata, skont il-każ, lill-impriżi kkonċernati. Għaldaqstant, tali affermazzjoni ma tista’ fl-ebda każ toħloq kwalunkwe aspettattivi leġittimi rigward dan is-suġġett.

Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni lanqas ma tista’ toħloq aspettattivi leġittimi fil-konfront tal-impriżi kkonċernati rigward il-livell tat-tnaqqis tal-multa.

Fi kwalunkwe każ, ma huwiex iġġustifikat li l-operaturi ekonomiċi jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ titbiddel mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom Għaldaqstant, l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta, fi kwalunkwe mument, il-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika.

(ara l-punti 206-208, 210, 212)

11.    Sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal‑ammont tal‑multa minħabba n‑nuqqas ta’ kontestazzjoni tal‑fatti, skont it‑tieni inċiż tal-punt 2 tat‑Titolu D tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjonijiet ta’ multi jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji, impriża għandha tinforma b’mod espliċitu lill‑Kummissjoni li ma għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-materjalità tal‑fatti, wara li tkun mgħarrfa bid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, dikjarazzjoni ġenerali li tipprovdi li l-impriża kkonċernata ma tikkontestax li l-kollużjoni, sa fejn hija sostnuta mill-fatti inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni kienet tikkonċerna ksur uniku u kontinwu, ma tistax titqies li tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dan jgħodd ukoll meta n-nuqqas ta’ kontestazzjoni huwa purament formali u ambigwu, u ma għandu l-ebda effett pożittiv fuq l-istabbiliment tal-fatti, billi l-impriża kkonċernata sempliċement tiddeskrivi l-parteċipazzjoni tagħha jew f’termini purament ipotetiċi, jew billi ddgħajjef l-effetti antikompetittivi tal-arranġamenti tal-ksur.

(ara l-punti 227, 230, 231)

12.    Meta tiddetermina l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankolllu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tkun irrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa fil-konfront ta’ ħaddieħor.

F’dan ir-rigward, impriża li tiddikjara espressament li ma tikkontestax l-allegazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tat kontribut sabiex tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fid-deċiżjonijiet tagħha li jikkonstataw ksur ta’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni għandha dritt tikkunsidra tali aġir bħala rikonoxximent tal-allegazzjonijiet ta’ fatt u għaldaqstant, bħala prova tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, tali aġir jista’ jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa.

Dan ma huwiex il-każ meta impriża tikkontesta l-punti essenzjali ta’ dawn l-allegazzjonijiet fir-risposta tagħha. Fil-fatt, billi tadotta tali attitudni matul il-proċedura amministrattiva, l-impriża ma tikkontribwixxix sabiex tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 234, 235)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti – Tqassim tas-swieq – Iffissar ta’ prezzijiet”

Fil-Kawża T‑151/07,

Kone Oyj, stabbilita f’Ħelsinki (il-Finlandja),

Kone GmbH, stabbilita f’Hannover (il-Ġermanja),

Kone BV, stabbilita f’Voorburg (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn T. Vinje, solicitor, D. Paemen, J. Schindler, B. Nijs, A. Tomtsis, avukati, J. Flynn, QC, u D. Scannell, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 finali, tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters), jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, N. Wahl u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din il-kawża għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 (finali), tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Marzu 2008 (ĠU C 75, p. 19), jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

2        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkunsidrat li l-kumpanniji segwenti kisru l-Artikolu 81 KE:

–        Kone Belgium SA, Kone GmbH (iktar ’il quddiem “Kone Ġermanja”), Kone Lussemburgu Sàrl, Kone BV Liften en Roltrappen (iktar ’il quddiem “Kone il-Pajjiżi l-Baxxi”) u Kone Oyj (iktar ’il quddiem “KC”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Kone”);

–        Otis SA, Otis GmbH & Co. OHG (iktar ’il quddiem “Otis Ġermanja”), General Technic-Otis Sàrl, General Technic Sàrl, Otis BV (iktar ’il quddiem “Otis il-Pajjiżi l-Baxxi”), Otis Elevator Company (iktar ’il quddiem “OEC”) u United Technologies Corporation (iktar ’il quddiem “UTC”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Otis”);

–        Schindler SA, Schindler Deutschland Holding GmbH (iktar ’il quddiem “Schindler Ġermanja”), Schindler Sàrl, Schindler Liften BV (iktar ’il quddiem “Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi”) u Schindler Holding Ltd (iktar ’il quddiem “Schindler Holding”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Schindler”);

–        ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV, ThyssenKrupp Aufzüge GmbH (iktar ’il quddiem “TKA”), ThyssenKrupp Fahrtreppen GmbH (iktar ’il quddiem “TKF”), ThyssenKrupp Elevator AG (iktar ’il quddiem “TKE”), ThyssenKrupp AG (iktar ’il quddiem “TKAG”), ThyssenKrupp Ascenseurs Lussemburgu Sàrl u ThyssenKrupp Liften BV (iktar ’il quddiem “TKL”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “ThyssenKrupp”); u

–        Mitsubishi Elevator Europe BV (iktar ’il quddiem “MEE”).

3        KC, waħda mir-rikorrenti fil-kawża preżenti, hija impriża globali ta’ manutenzjoni u ta’ inġinerija mekkanika stabbilita fil-Finlandja li tbigħ, timmanifattura, tinstalla u timmodernizza liftijiet, eskalejters u bibien prinċipali awtomatiċi. KC teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-eskalejters u tal-liftijiet permezz ta’ kumpanniji sussidjarji nazzjonali. Dawn huma b’mod partikolari, fil-Ġermanja, Kone Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi, Kone il-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 15, 18 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura amministrattiva

 L-investigazzjoni tal-Kummissjoni

4        Matul is-sajf tal-2003, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni dwar il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ akkordju bejn l-erba’ produtturi prinċipali Ewropej tal-liftijiet u tal-eskalejters li kienu jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fl-Unjoni, jiġifieri Kone, Otis, Schindler u ThyssenKrupp (premessi 3 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Ġermanja

5        Mit-28 ta’ Jannar 2004 u matul ix-xahar ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Otis, u ta’ ThyssenKrupp fil-Ġermanja (premessi 104 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fit-12 u fit-18 ta’ Frar 2004, Kone ffinalizzat it-talba tagħha fir-rigward tal-Belġju, tat-2 ta’ Frar 2004, skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”), permezz ta’ informazzjoni dwar il-Ġermanja. Bl-istess mod, bejn Marzu 2004 u Frar 2005, Otis iffinalizzat it-talba tagħha fir-rigward tal-Belġju permezz ta’ informazzjoni dwar il-Ġermanja. Fil-25 ta’ Novembru 2004 Schindler ippreżentat talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li kellha informazzjoni dwar il-Ġermanja, li ġiet iffinalizzata bejn Diċembru 2004 u Frar 2005. Fl-aħħar nett, f’Diċembru 2005, ThyssenKrupp ressqet talba lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Ġermanja, skont l-imsemmi Avviż ukoll (premessi 105, 107, 112 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Bejn Settembru u Novembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81[KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Ġermanja, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjonijiet VDMA, VFA u VMA (premessi 110, 111 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Pajjiżi l-Baxxi

8        F’Marzu 2004, Otis għamlet talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi li sussegwentement ġiet iffinalizzata. F’April 2004, saret talba skont dan l-Avviż minn ThyssenKrupp, li ġiet ukoll sussegwentement iffinalizzata f’diversi drabi. Fl-aħħar nett, fid-19 ta’ Lulju 2004, Kone iffinalizzat it-talba tagħha fir-rigward tal-Belġju fit-2 ta’ Frar 2004, permezz ta’ informazzjoni dwar il-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 127, 129 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fis-27 ta’ Lulju 2004, Otis ingħatat immunità kkundizzjonata skont il-punt 8(a) tal-imsemmi Avviż (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Mit-28 ta’ April 2004, il-Kummissjoni, għamlet spezzjonijiet, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Kone, ta’ Schindler, ta’ ThyssenKrupp u ta’ MEE fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fl-istabbilimenti tal-assoċjazzjoni Boschduin (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      F’Settembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjonijiet VLR u Boschduin (premessi 133 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

12      Fis-7 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet indirizzata b’mod partikolari lill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq. Id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub bħala risposta għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni (premessi 135 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Ma saret l-ebda seduta peress li l-ebda destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma għamel talba f’dan is-sens (premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      Fil-21 ta’ Frar  2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija kkonstatat li l-kumpanniji destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu pparteċipaw f’erba’ ksur uniċi, kumplessi u kontinwi tal-Artikolu 81(1) KE f’erba’ Stati Membri, u dan billi qasmu swieq bejniethom permezz ta’ ftehim u qbil bejniethom dwar l-għoti ta’ sejħiet għal offerti u ta’ kuntratti marbuta mal-bejgħ, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fir-rigward tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minbarra s-sussidjarji tal-impriżi kkonċernati fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-kumpanniji parent tal-imsemmija sussidjarji għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur tal-Artikolu 81 KE imwettaq mis-sussidjarji rispettivi tagħhom, minħabba l-fatt li huma setgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tagħhom matul it-tul tal-ksur u għaliex seta’ jiġi preżunt li huma użaw dan il-poter (premessi 608, 615, 622, 627 u 634 sa 641 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kumpanniji parent ta’ MEE ma nżammux responsabbli in solidum għall-aġir tas-sussidjarja tagħhom, minħabba l-fatt li ma setax jiġi stabbilit jekk kinux eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja (premessa 643 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu spjegat fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-1998”). Hija evalwat ukoll jekk, u sa liema punt, l-impriżi kkonċernati kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

17      Il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur bħala “serju ħafna” fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-fatt li kull wieħed minnhom kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi), anki jekk l-impatt reali tagħhom ma setax jitkejjel (premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi kkonċernati li tikkawża preġudizzju sinjifikattiv lill-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, għal kull pajjiż, qasmet lil dawn l-impriżi f’diversi kategoriji skont id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq tal-liftijiet u/jew tal-eskalejters, inkluż, jekk ikun il-każ, fis-servizzi tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni (premessi 672 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Ġermanja, Kone, Otis u ThyssenKrupp tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 70 000 000. Schindler tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17 000 000 (premessi 676 sa 679 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdid għal EUR 119 000 000 u għal EUR 140 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur imwettaq minn Kone, Otis u ThyssenKrupp dam tmien snin u erba’ xhur (mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’80 %. Peress li l-ksur imwettaq minn Schindler dam ħames snin u erba’ xhur (mill-1 ta’ Awwissu 1995 sas-6 ta’ Diċembru 2000), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal din l-impriża b’50 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 126 000 000 għal Kone, EUR 214 200 000 għal Otis, EUR 25 500 000 għal Schindler u EUR 252 000 000 għal ThyssenKrupp (premessi 693 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697 sa 707 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 727 sa 729, 735, 736, 742 sa 744, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Kone ibbenefikat, minn naħa, minn tnaqqis massimu ta’ 50 % tal-ammont tal-multa stipulat fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Otis ibbenefikat, minn naħa, minn tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler ibbenefikat, minn naħa, minn tnaqqis ta’ 15 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. ThyssenKrupp ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 778 sa 813 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi, Kone tpoġġiet fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 55 000 000. Otis tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 41 000 00. Schindler tpoġġiet fit-tielet kategorija, b’ammont inizjali tal-ammont tal-multa ta’ EUR 24 500 000. ThyssenKrupp u MEE tpoġġew fir-raba’ kategorija, b’ammont inizjali tal-ammont tal-multa ta’ EUR 8 500 000 (premessi 684 u 685 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdid għal EUR 69 700 000 u għal EUR 17 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur imwettaq minn Otis u ThyssenKrupp dam ħames snin u għaxar xhur (mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’55 %. Peress li l-ksur imwettaq minn Kone u Schindler dam erba’ snin u disa’ xhur (mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’45 %. Peress li l-ksur imwettaq minn MEE dam erba’ snin u xahar (mill-11 ta’ Jannar 2000 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal din l-impriża b’40 %. B’hekk, l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 79 750 000 għal Kone, EUR 108 035 000 għal Otis, EUR 35 525 000 għal Schindler, EUR 26 350 000 għal ThyssenKrupp u EUR 11 900 000 għal MEE (premessi 695 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 715 sa 720 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 724 sa 726, 731, 732, 737, 739 sa 741, 745 sa 748 u 751 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Otis bbenefikat minn immunità totali tal-multi. ThyssenKrupp ibbenefikat, minn naħa, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler u MEE bbenefikaw minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 836 sa 855 tad-deċiżjoni kkontestata

21      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa kif ġej:

“Artikolu 1

[…]

2.      Fir-rigward tal-Ġermanja, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sas-6 ta’ Diċembru 2000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE], [TKA] u [TKF]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003.

[...]

4.      Fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftiehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal‑5 ta’ Marzu 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        ThyssenKrupp: [TKAG] u [TKL]: mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004; u

–        [MEE]: mill-11 ta’ Jannar 2000 sal-5 ta’ Marzu 2004.

Artikolu 2

[…]

2. Għall-ksur fil-Ġermanja msemmi fl-Artikolu 1(2), huma imposti s-segwenti multi:

–        Kone: [KC] u [Kone Ġermanja], in solidum: EUR 62 370 000;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Ġermanja], in solidum: EUR 159 043 500;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Ġermanja], in solidum: EUR 21 458 250; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE], [TKA] u [TKF], in solidum: EUR 374 220 000.

[…]

4. Għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi msemmi fl-Artikolu 1(4), huma imposti s-segwenti multi:

–        Kone: [KC] u [Kone il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 79 750 000;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 0;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 35 169 750;

–        ThyssenKrupp: [TKAG] u [TKL], in solidum: EUR 23 477 850; u

–        [MEE]: EUR 1 841 400.

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezzi ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti KC, Kone Ġermanja u Kone il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw dan ir-rikors.

23      Fid-dawl tar‑rapport tal-Imħallef Relatur, il‑Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura orali u, fil‑kuntest tal‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura previsti fl‑Artikolu 64 tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha, għamlet domanda bil‑miktub lir-rikorrenti u talbithom jipproduċu xi dokument. Ir-rikorrenti ma rrispondewx għad-domanda tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti. Madankollu, huma rrispondewha permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2009. Permezz tal-imsemmija ittra u tal-ittra tat-28 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti enfasizzaw in-natura kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni u talbu li l-imsemmija informazzjoni ma tiġix ippubblikata fil-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Il-partijiet irrispondew għat-talba li jipproduċu dokumenti fit-terminu mogħti.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2009.

25      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Ottubru 2009, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 65(b), l-Artikolu 66(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tipproduċi dokumenti li fir-rigward tagħhom hija kienet qajmet in-natura kunfidenzjali tagħhom. Il-Kummissjoni għamlet dan fit-terminu mogħti. Peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-imsemmija dokumenti ma kinux neċessarji għall-eżitu tal-kawża, dawn ingħataw lura lill-Kummissjoni mingħajr ma ġew ikkomunikati lir-rikorrenti u l-proċedura orali ngħalqet.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn huwa jimponi multa fuq KC u fuq Kone Ġermanja u ma timponix multa jew tiffissa ammont iżgħar minn dak iffissat fid-deċiżjoni kkontestata,

–        tannulla l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija timponi multa fuq KC u fuq Kone il-Pajjiżi l-Baxxi u tiffissa multa ta’ ammont iżgħar minn dak iffissat fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

28      Ir-rikorrenti jikkontestaw, minn naħa, il-legalità tal-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li jimponi multi fuq l-impriżi kkonċernati għall-ksur imwettaq fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, il-legalità tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata, li jimponi multi fuq l-impriżi kkonċernati għal ksur imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi.

29      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament u tad-drittijiet tad-difiża. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament waqt id-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis tal-multi mogħti minħabba l-kooperazzjoni barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi

30      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-Linji gwida tal-1998 u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità waqt l-iffissar tal-ammonti inizjali tal-multi imposti għall-ksur fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji gwida tal-1998, fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 72, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 54).

33      Kif ġie espost fil-punt 16 iktar ’il fuq, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu stabbilit fil-Linji gwida tal-1998.

34      Għalkemm il-Linji gwida tal-1998 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine u Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 70).

35      Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 71).

36      Barra minn hekk, il-Linji gwida tal-1998 jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punti 211 u 213).

37      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Linji gwida tal-1998 jipprovdu, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, li abbażi tagħha jista’ jiġi stabbilit ammont inizjali ġenerali (it-tieni paragrafu tal-punt 1 A). It-tieni nett, il-gravità hija analizzata abbażi tan-natura tal-ksur imwettaq u tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, u dan jista’ jagħti lok għall-kalkolu tal-ammont inizjali, għall-klassifikazzjoni tal-impriżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ ammont inizjali speċifiku (it-tielet u s-seba’ paragrafi tal-punt 1 A).

38      F’dan il-każ, għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat, b’mod parallel, l-erba’ ksur ikkonstatati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, “peress li huma jippreżentaw karatteristiċi komuni” (premessa 657 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Qabel kollox, fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni tispjega fil-premessi 658 u 659 tad-deċiżjoni kkontestata:

“658               Il-ksur suġġett ta’ din id-deċiżjoni kien jikkonsisti prinċiparjament f’kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq billi jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux bejniethom f’dak li jirrigwarda l-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju). Tali restrizzjonijiet orizzontali huma, min-natura tagħhom, fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 KE. Il-ksur f’din il-kawża artifiċjalment ipprivaw lill-klijenti mill-vantaġġi li huma setgħu jittamaw li jiksbu bi proċess ta’ offerta kompetittiva. Huwa interessanti wkoll li jingħad li ċerti proġetti magħmula bil-qerq kienu kuntratti pubbliċi ffinanzjati mit-taxxi u magħmula proprju bil-għan li jintlaqgħu offerti kompetittivi, u b’mod partikolari, li jippreżentaw relazzjoni tajba ta’ kwalità mal-prezz.

659      Sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, l-elementi relatati mal-għan tiegħu huma ġeneralment iktar sinjifikattivi minn dawk relatati mal-effetti tiegħu, b’mod partikolari meta ftehim, bħal f’din il-kawża, jirrigwardaw ksur serji ħafna, bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq. L-effetti ta’ ftehim huma ġeneralment kriterju mhux konklużiv sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur.”

40      Il-Kummissjoni tafferma li “hija ma pprovatx turi l-effetti speċifiċi tal-ksur, għaliex huwa impossibbli li tistabbilixxi b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjoni u oħrajn) fin-nuqqas ta’ ksur” (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija tqis li “huwa evidenti li l-ksur kellhom impatt reali” u għal dan il-għan tispjega li “il-fatt li diversi arranġamenti antikompetittivi ġew implementati minn membri tal-akkordju jissuġġerixxi fih innifsu impatt fuq is-suq, anki jekk l-effett reali huwa diffiċli li jitkejjel, għaliex ma huwiex magħruf, b’mod partikolari, jekk u kemm proġetti oħra kienu s-suġġett ta’ qerq fl-offerti, u lanqas kemm proġetti kienu s-suġġett ta’ tqassim bejn il-membri tal-akkordju mingħajr ma kienu meħtieġa kuntatti bejniethom” (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-istess premessa, il-Kummissjoni żżid li “l-ishma konġunti għoljin fis-suq tal-kompetituri juru effetti antikompetittivi probabbli u li l-istabbilità relattiva ta’ dawn l-ishma tas-suq matul it-tul tal-ksur tikkonferma dawn l-effetti”.

41      Sussegwentement, fil-premessi 661 sa 669 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrispondi l-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva intiżi sabiex juru l-impatt imnaqqas tal-ksur fuq is-suq.

42      Fir-rigward tal-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessa 670 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-akkordji suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jkopru t-territorji kollha tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi, rispettivament”, u li “mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li suq ġeografiku nazzjonali li jkopri Stat Membru sħiħ jirrappreżenta fih innifsu parti sostanzjali tas-suq komuni”.

43      Fl-aħħar nett, fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li “kull destinatarju wettaq ksur wieħed jew diversi ksur serji ħafna tal‑Artikolu 81 KE [...] fid-dawl tal-natura tal-ksur u tal-fatt li kull ksur kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi)”. Hija tikkonkludi li “dawn il-fatturi huma tali li l-ksur għandu jiġi kkunsidrat bħala serju ħafna anki jekk l-impatt reali tagħhom ma jistax jitkejjel”.

44      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-akkordju fil-Ġermanja ma kienx ikkonċerna l-proġetti ta’ liftijiet kollha. Għaldaqstant, is-suq affettwat huwa kkostitwit biss mill-proġetti ta’ liftijiet ta’ valur ta’ iktar minn miljun euro, jiġifieri madwar 20 sa 30 % tas-suq totali, u dan ġie kkonfermat minn Kone, Otis u ThyssenKrupp fit-talbiet tagħhom għal immunità (premessi 281 u 664 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jirrilevaw ukoll li paragun bejn, minn naħa, l-ammont inizjali ġenerali ffissat għall-ksur fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, dawk iffissati għall-ksur fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi, jikkonferma n-nuqqas ta’ proporzjonalità tal-ammont inizjali ffissat għall-ksur fil-Ġermanja, peress li, bil-kontra tal-akkordju fil-Ġermanja, l-akkordji fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu jikkonċernaw is-suq kollu tal-liftijiet.

45      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-legalità tal-metodoloġija spjegata fil-punt 1 A tal-Linji gwida tal‑1998 dwar l-iffissar tal-ammonti inizjali ġenerali tal-multi. L-imsemmija metodoloġija tissodisfa loġika stabbilita, li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, stabbilit skont il-gravità tal-ksur, huwa kkalkolat skont in-natura u l-portata ġeografika tal-ksur kif ukoll skont l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 134, u tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punt 62).

46      Barra minn hekk, id-daqs tas-suq ikkonċernat ma huwiex, fil-prinċipju, element obbligatorju, iżda sempliċement element rilevanti fost oħrajn, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, peress li l-Kummissjoni, barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, ma hijiex obbligata tiddelimita s-suq ikkonċernat jew tevalwa d-daqs tiegħu meta l-ksur inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 55 u 64 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 109). B’hekk sabiex jiġi ffissat l-ammont inizjali, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu ma tkun obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tas-suq li huwa s-suġġett tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 134, u Wieland‑Werke vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Linji gwida tal-1998 ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriżi fuq is-suq ikkonċernat. Madankollu huma lanqas ma jipprekludu li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 187).

47      L-argument tar-rikorrenti li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa iffissat għall-akkordju fil-Ġermanja għandu jirrifletti d-daqs allegatament limitat tas-suq ikkonċernat huwa għaldaqstant ibbażat fuq premessa żbaljata u għandu jiġi miċħud.

48      F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punti 38 sa 43 iktar ’il fuq, fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur u l-portata ġeografika tas-suq ikkonċernat.

49      Bil-kontra ta’ dak li jsostnu ir-rikorrenti, mill-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni tirrispondi, barra minn hekk, għall-allegazzjoni ta’ Kone u ta’ Otis dwar l-allegat impatt limitat tal-ksur, jirriżulta li l-ftehim fil-Ġermanja ma affettwawx biss l-eskalejters u l-proġetti tal-liftijiet ta’ valur ta’ iktar minn miljun euro, peress li Kummissjoni kkunsidrat li kien probabbli “li l-attivitajiet tal-akkordju fuq il-proġetti ta’ liftijiet ta’ iktar minn miljun euro, li jinkludu liftijiet b’veloċità qawwija u ta’ valur għoli, kellhom rwol fil-funzjonament tal-bqija tas-suq tal-liftijiet”. Fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-valur totali ta’ proġett kien jipprevali fuq in-numru u fuq it-tip ta’ liftijiet, li kien impossibbli li jintwerew l-effetti speċifiċi tal-ksur u li l-fatti kienu wrew biċ-ċar li l-intenzjoni tal-partijiet ma kinitx li jeskludu ċerti tipi ta’ prodotti, iżda li jiftehmu fuq il-proġetti fejn il-kompetizzjoni setgħet tiġi eliminata iktar faċilment.

50      Għandu jitfakkar ukoll li fit-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li tikkonċerna l-Ġermanja, Kone innifisha speċifikatament iddikkjarat li [kunfidenzjali] (1) (ara wkoll il-premessa 256 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan pjuttost jissuġġerixxi li l-akkordju kellu l-għan li jiffriża ishma tas-suq fis-suq kollu tal-liftijiet. Issa, kif tenfasizza l-Kummissjoni, kollużjoni espliċita fil-livell ta’ proġetti ta’ iktar minn miljun euro hija inkompatibbli ma’ kompetizzjoni aggressiva għall-proġetti ta’ valur iktar baxx. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kinitx ikkontestata mir-rikorrenti, ThyssenKrupp iddikjarat ukoll li f’każijiet eċċezzjonali, proġetti ta’ daqs iżgħar kienu jiġu eżaminati. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li, fir-rigward tal-liftijiet, kien ikkonċernat mill-akkordju madwar 20 sa 30 % tas-suq Ġermaniż biss, għandu jiġi miċħud.

51      Barra minn hekk, fir-rigward tal-akkordju fil-Ġermanja, għandu jiġi osservat li minkejja li l-Kummissjoni ma pprovatx turi l-effetti speċifiċi tal-ksur (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata), hija xorta ffissat ammont inizjali mnaqqas sabiex tikkunsidra, għall-benefiċċju tal-impriżi kkonċernati, il-possibbiltà li mhux it-totalità tas-suq tal-liftijiet kien affettwat direttament mill-akkordji. B’hekk, kif il-Kummissjoni tirrileva fil-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala risposta għall-argumenti ta’ wħud mill-parteċipanti tal-akkordju, li għal dak li jirrigwarda l-liftijiet dan kien jikkonċerna biss il-liftijiet b’veloċità qawwija, hija effettivament “ikkunsidrat li l-attivitajiet tal-akkordju ma affettwawx direttament it-totalità tas-suq tal-liftijiet” meta ġiet biex tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa. Fil-fatt, kien jidher li l-ammont inizjali tal-multa għall-akkordju fil-Ġermanja kien ġie ffissat f’livell inqas, meta espress f’perċentwali tad-daqs totali tas-suq, minn dak applikat għall-akkordji l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (ara punt 55 iktar’il quddiem).

52      Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt, għal dak li jikkonċerna l-liftijiet, li l-akkordju fil-Ġermanja ma affettwax ħlief il-proġetti ta’ liftijiet ta’ valur ikbar minn miljun euro, ħaġa li ma ntweritx mir-rikorrenti u hija, barra minn hekk, kontradetta minn ċerti dikjarazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp (ara punt 50 iktar ’il fuq), l-ammont inizjali tal-multa jibqa’ ġġustifikat anki jekk ikun ipparagunat mal-ammonti ffissati għall-akkordji l-oħra. Għal dan il-għan, huwa importanti li jiġi enfasizzat li s-suq ġeografiku kkonċernat mill-akkordju fil-Ġermanja kien nettament iktar estiż milli swieq ġeografiċi kkonċernati mill-akkordji l-oħra.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-daqs relattivament żgħir tas-suq tal-prodotti inkwistjoni, anki jekk jiġi pprovat, għandu biss importanza minima meta mqabbel mal-elementi l-oħra kollha li jindikaw il-gravità tal-ksur li jidhru fil-premessi 657 sa 671 tad-deċiżjoni kkontestata u msemmija fil-punti 38 sa 43 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 151).

54      Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi preżunt li, meta tikkonstata diversi ksur serji ħafna f’deċiżjoni waħda unika, il-Kummissjoni għandha tirrispetta relazzjoni proporzjonali bejn l-ammonti inizjali ġenerali u d-daqs tad-diversi swieq affettwati, ma hemm xejn x’jindika f’dan il-każ li l-ammont inizjali ġenerali ffissat għall-akkordju fil-Ġermanja huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-ammonti inizjali ġenerali ffissati għall-akkordji fil-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi.

55      Fil-fatt, l-eżami ta’ informazzjoni rilevanti juri li l-Kummissjoni, fid-dawl tad-daqs tas-swieq affettwati, iffissat l-ammonti inizjali għall-ksur fl-Istati Membri kkonċernati, b’mod raġonevoli u koerenti, mingħajr ma użat madankollu formola matematika preċiża, ħaġa li, fi kwalunkwe każ, ma kinitx obbligata tagħmel (ara l-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq). Minn naħa, għas-suq li nettament huwa l-ikbar, dak tal-Ġermanja, li jirrappreżenta EUR 576 miljun, l-ammont inizjali ġenerali ġie ffissat għal EUR 70 miljun. Min-naħa l-oħra, għaż-żewġt iswieq li jmiss f’termini ta’ daqs, dawk tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Belġju, li jirrappreżentaw EUR 363 miljun u EUR 254 miljun rispettivament, l-ammont inizjali ġenerali ġie ffissat għal EUR 55 miljun u EUR 40 miljun rispettivament.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-loġika stabbilita li kienet il-bażi tal-metodoloġija spjegata fil-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, li ma tobbligax lill-Kummissjoni, meta tiffissa l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat u inqas u inqas sabiex tiffissa dan l-ammont skont perċentwali fiss tad-dħul mill-bejgħ globali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 134), l-ammont inizjali ġenerali ffissat għall-ksur fil-Ġermanja ma jistax jitqies bħala sproporzjonat meta mqabbel mal-ammonti inizjali ffissati għall-ksur fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

57      Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, Kone tfakkar li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat.

58      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi kien tal-istess natura bħall-ksur imwettqa fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu, u dan jikkostitwixxi żbal manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward huma jsostnu, l-ewwel nett, li f’dawn l-Istati Membri, il-ftehim kienu ġeneralment meħuda fl-iktar livell għoli tat-tmexxija. It-tieni nett, it-tqassim tal-proġetti kienu bbażati fuq tqassim tas-suq miftiehem minn qabel bejn il-parteċipanti u kellu l-għan li jiffriża dawn l-ishma tas-suq. It-tielet nett, listi ta’ proġetti kienu ġew miżmuma. Barra minn hekk, il-parteċipanti ħadu miżuri estremi sabiex jaħbu l-aġir illegali tagħhom. Ir-raba’ nett, fil-Belġju u fil-Lussemburgu, il-ksur ikkonċernaw il-proġetti u/jew kuntratti kollha, u fil-Ġermanja l-proġetti kollha ta’ valur ta’ iktar minn ċertu ammont. Il-ħames nett, fil-Belġju kien hemm mekkaniżmu ta’ kumpens għas-sussidjarja “servizzi”. Dawn iċ-ċirkustanzi kollha huma neqsin fir-rigward tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi.

59      Għandu jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġu pprovati, ma jistgħux jimminaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-ksur ikkonstatat fil-Pajjiżi l-Baxxi li tinsab fil-premessa 658 tad-deċiżjoni kkonstatata. Fil-fatt, il-ksur imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi, eżattament bħal dawk imwettqa fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu, kien jikkonsisti prinċiparjament f’kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu s-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq filwaqt li jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda u sabiex ma jikkompetux bejniethom fir-rigward tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju). Tali restrizzjonijiet orizzontali huma, min-natura tagħhom stess, fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 KE (premessa 658 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan jirriżulta espressament mill-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, li jikklassifika dan it-tip ta’ ksur bħala “serji ħafna”.

60      Skont ir-rikorrenti, il-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi kellu, barra minn hekk, impatt iżgħar fuq is-suq mill-akkordji fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu. Bil-kontra ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, huwa possibbli li l-impatt fuq is-suq jitkejjel f’termini ġenerali, billi l-valur tal-proġetti kkonċernati jiġi pparagunat mal-valur globali tas-suq. Barra minn hekk, Otis, ThyssenKrupp u Kone kollha jqisu s-sehem tas-suq li seta’ kien affettwat mill-ksur għal inqas minn 10 %. Sussidjarjament, Kone tallega li, fid-dawl tal-provi u tan-natura tal-ksur u tal-impatt tiegħu, il-Kummissjoni kellha tikklassifika l-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala “serju” u mhux bħala “serju ħafna”, u li konsegwentement hija kellha tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi.

61      Skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha teżamina biss l-impatt konkret fuq is-suq meta jidher li dan l-impatt jista’ jitkejjel (ara s-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 143, u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 216).

62      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku normalment kienet teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tafferma, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, li “hija ma pprovatx turi l-effetti speċifiċi tal-ksur, għaliex kien impossibbli li jiġu stabbiliti b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjonijiet u oħrajn) fin-nuqqas tal-ksur”. Anki jekk fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li huwa evidenti li l-akkordji kellhom impatt reali, minn meta ġew implementati, u anki jekk, fil-premessi 661 sa 669, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tal-impriżi kkonċernati li kienu intiżi sabiex juru l-effetti mnaqqsa tal-akkordji, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt eventwali tagħhom fuq is-suq.

64      Huwa b’hekk li l-Kummissjoni, fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-imsemmija ksur u tal-portata ġeografika tagħhom biss. Fil-fatt, fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni tikkonkludi li “fid-dawl tan-natura tal-ksur u tal-fatt li kull ksur kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi) […], għandu jiġi kkunsidrat li kull destinatarju wettaq ksur wieħed jew diversi ksur serji ħafna tal‑Artikolu 81 KE”.

65      Fir-rigward tal-argument li huwa possibbli li jitkejjel l-impatt fuq is-suq f’termini ġenerali billi l-valur tal-proġetti kkonċernati jiġi pparagunat mal-valur globali tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipprovdux dettalji dwar il-mod kif għandu jitkejjel l-impatt fuq is-suq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirreferu, fir-replika tagħhom, għall-ispjegazzjonijiet ta’ Kone li jinsabu fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għandu jiġi rrilevat, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ tali argument li jinsab fl-anness tar-rikors, li r-rikorrenti sempliċement jinvokaw l-impatt limitat tal-akkordju fuq is-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi u, għal dan il-għan, jirreferu essenzjalment għad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati li jgħidu li numru limitat ta’ proġetti kien is-suġġett tal-akkordju. Issa, kif tirrileva l-Kummissjoni, tali dikjarazzjonijiet ma jimplikawx li l-impatt tal-ksur seta’ jitkejjel, peress li d-daqs tal-akkorjdu ma kienx magħruf. Għaldaqstant il-Kummissjoni indikat, pereżempju fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kinitx ikkontestata mir-rikorrenti, li “ma kien hemm l-ebda bżonn sabiex jitqassmu l-proġetti kollha fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li l-impriżi kkonċernati kellhom jiddiskutu biss proġetti li ma kinux ingħataw awtomatikament lil xi waħda minn fosthom minħabba relazzjoni stabbilita ma’ klijent eżistenti”. Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jimminaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien impossibbli li jiġu stabbiliti b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjoni u oħrajn) fin-nuqqas ta’ ksur (ara l-punti 62 u 63 iktar ’il fuq).

66      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jimminawx il-klassifikazzjoni tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala “serju ħafna”.

67      Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li, min-natura tagħhom stess, il-ksur ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata huma fost il-ksur l-iktar serji tal-Artikolu 81 KE, peress li kellhom l-għan ta’ “kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu s-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq filwaqt li jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda u sabiex ma jikkompetux bejniethom fir-rigward tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju)” (premessa 658 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Linji gwida tal-1998 jesponu li l-ksur “serji ħafna” essenzjalment jikkonsistu f’restrizzjonijiet orizzontali bħal kartelli tal-prezzijiet u fi kwoti ta’ tqassim tas-swieq jew prattiki oħra li jkollhom effett ħażin fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dawn il-ksur huma wkoll fost l-eżempji ta’ akkordji espressament iddikjarati bħala inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 81(1)(ċ) KE. Apparti l-bdil serju fis-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li jġibu magħhom, sa fejn dawn l-akkordji jobbligaw lill-partijiet sabiex jirrispettaw swieq distinti, li ta’ spiss huma delimitati mill-fruntieri nazzjonali, huma jagħtu lok għall-iżolament ta’ dawn is-swieq, u għaldaqstant ixekklu l-għan prinċipali ta’ integrazzjoni tas-suq Komunitarju tat-Trattat KE. Barra minn hekk, ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jikkonsisti f’akkordji orizzontali, huwa kklassifikat mill-ġurisprudenza bħala “partikolarment gravi” jew bħala “ksur ovvju” (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 109; tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 136, u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 85).

68      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur. Elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-imsemmija effetti, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament serju bħat-tqassim tas-swieq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 118, u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 96; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 199, u Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 251).

69      Huwa b’hekk li n-natura tal-ksur għandha rwol vitali, b’mod partikolari, sabiex ksur jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”. Mid-deskrizzjoni ta’ ksur serji ħafna tal-Linji gwida tal-1998 jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma intiżi b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, għat-tqassim tas-swieq jistgħu, sempliċement abbażi tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna” mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn impatt jew portata ġeografika partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 75, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Bank der österreichischen Sparkassen vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 103). Din il-konklużjoni hija kkorraborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur serji ssemmi espressament l-impatt fuq is-suq u l-effetti fuq żoni estensivi tas-suq komuni, dik tal-ksur serji ħafna, min-naħa l-oħra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas ta’ produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 171, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għaldaqstant, huwa ġust li l-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-għan tiegħu, il-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi kien, minn natura tiegħu, serju ħafna.

71      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament u tad-drittijiet tad-difiża

72      Ir-rikorrenti jfakkru li huma ressqu talbiet sabiex jibbenefikaw minn immunità mill-multi jew minn tnaqqis tal-ammont tal-multi tagħhom bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Madankollu, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Avviż meta evalwat il-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni tagħhom. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni barra minn hekk kisret ukoll l-aspettattivi leġittimi tagħhom u d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta evalwat it-tnaqqis tal-multi applikabbli skont l-imsemmi avviż.

 Fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

73      Għandu jiġi rrilevat li fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi li jikkooperaw magħha sabiex jiġi stabbilit akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.

74      Qabel kollox, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fil-punt 8 tiegħu, taħt it-Titolu A:

“Il-Kummissjoni ser tagħti lil impriża immunità minn kull multa li kieku kienet tkun imposta jekk:

a)      l-impriża hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettulha tieħu deċiżjoni biex twettaq investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, b’konnessjoni ma’ kartell allegat li qiegħed jaffetwa ‘l-Komunità; jew

b)      l-impriża hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettuha ssib ksur ta’ l-Artikolu 81 KE b’konnessjoni ma’ kartell allegat li jaffettwa il-Komunità.”

75      Sussegwentement, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fil-paragrafu 20 tiegħu, taħt it-Titolu B, li “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [ta’ eżenzjoni mill-multa] taħt is-sezzjoni A hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta” u, fil-paragrafu 21 tiegħu li, “[b]iex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrappreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għandha twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

76      Fir-rigward tal-kunċett tal-valur miżjud, fil-paragrafu 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa spjegat li:

“Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.”

77      L-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi klassifikazzjoni fi tliet kategoriji għat-tnaqqis tal-multi:

“–      l-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta’ 30-50 %;

–      it-tieni impriża li tissodisfa il-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %;

–      impriżi oħra li jissodisfaw il-punt 21: tnaqqis sa 20 %.”

78      It-tieni paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi:

“Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħha.”

79      Fl-aħħar nett, l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi:

“Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

 Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni

80      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-impożizzjoni tal-multi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 127) li huwa, b’mod partikolari, funzjoni tal-politika ġenerali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 105 u 109). Huwa f’dan il-kuntest li, biex tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-multi, il-Kummissjoni adottat u ppubblikat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Dan huwa strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Minnu jirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 89), sa fejn hija l-Kummissjoni li għandha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 57).

81      L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta bl-adozzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 224).

82      L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fih fil-fatt, elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 224).

83      Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa meta hija msejħa tevalwa jekk provi prodotti minn impriża li esprimiet ix-xewqa tagħha li tibbenefika mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandhomx valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 tal-imsemmi Avviż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 88, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II-881, punt 555). Fir-rigward tal-punt 8 (a) u (b) tal-imsemmi Avviż, għandu jiġi kkonstatat li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tirreferi espressament għall-produzzjoni ta’ provi li, “fl-opinjoni tal-Kummissjoni”, huma ta’ natura li jippermettulha tadotta deċiżjoni li tordna spezzjonijiet jew li jippermettulha tikkonstata ksur rispettivament. L-evalwazzjoni tal-kwalità jew tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża fil-fatt timplika evalwazzjonijiet fattwali kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81, u s-sentenza Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 271).

84      Bl-istess mod, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonstatat li xi provi għandhom valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija msejħa tistabbilixxi l-livell eżatt tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lill-impriża kkonċernata. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) ta’ dan l-Avviż jipprovdi faxex għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għad-diversi kategoriji ta’ impriżi msemmija, filwaqt li t-tieni paragrafu tal-imsemmi punt jiffissa l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-livell ta’ tnaqqis fi ħdan dawn il-faxex.

85      Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkundannat mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 81, 88 u 89, u s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 555).

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Kone sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja

86      Kone, li kienet l-ewwel impriża li ppreżentat talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 dwar l-akkordju fil-Ġermanja (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata), fit-12 ta’ Frar 2004, ma bbenefikatx minn immunità mill-multi skont il-punt 8 ta’ dan l-Avviż (premessa 790 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 783 sa 786 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma kienx applikabbli peress li l-informazzjoni pprovduta minn informatur terz kienet ippermettitilha li twettaq spezzjoni fil-Ġermanja sa mit-28 ta’ Jannar 2004.

88      L-applikazzjoni tal-punt 8(b) tal-imsemmi Avviż ġie eskluż ukoll minħabba r-raġunijiet li ġejjin, esposti fil-premessi 787 sa 789 tad-deċiżjoni kkontestata;

“787               Il-Kummissjoni tagħti l-immunità skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jekk l-impriża tkun l-ewwel waħda li tipproduċi provi li, fil-fehma tal-Kummissjoni, jistgħu jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE b’rabta ma’ allegat akkordju, u dan ifisser li qabel il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed provi sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u li l-ebda impriża ma bbenefikat minn immunità kkundizzjonata mill-multi skont il-punt 8(a).

788      L-osservazzjonijiet ta’ Kone fil-kuntest tat-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huma ambigwi u ma huma sostnuti minn ebda prova oħra ħlief id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tagħha stess ibbażati fuq il-memorja. Hija rrikonoxxiet li [kunfidenzjali]. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha diġà informazzjoni dwar l-allegat ksur miksuba minn sorsi oħrajn bħal osservazzjonijiet ta’ partijiet terzi u spezzjonijiet. Din l-informazzjoni ddeterminat l-orjentazzjoni prinċipali tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mibdija bl-inizzjattiva stess tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawn, impriża li tixtieq tikseb l-immunità skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 kellha tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni li tippermettilha tqassar l-investigazzjoni tagħha b’mod konsiderevoli.

789      L-osservazzjonijiet ta’ Kone dwar il-Ġermanja jinkludu deskrizzjonijiet tal-attivitajiet tal-akkordju li huma inqas preċiżi minn dawk fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-Belġju u l-Lussemburgu u ma humiex sostnuti minn provi dokumentarji li jinklupaw (apparti d-dikjarazzjonijiet tagħha stess). Konsegwentement, Kone ma tistax tafferma li l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-Belġju u l-Lussemburgu, minn naħa, u l-Ġermanja, min-naħa l-oħra, kienu ‘tal-istess kwalità’.”

89      Madankollu, Kone ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa tagħha skont l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha dwar l-akkordju fil-Ġermanja (premessa 793 tad-deċiżjoni kkontestata).

90      Ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li Kone kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tikseb l-immunità skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għal dak li jikkonċerna l-ksur fil-Ġermanja, peress li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-osservazzjonijiet ta’ Kone tat-12 u tat-18 ta’ Frar 2004 sabiex tipprova l-elementi kollha li kienu jikkostitwixxu dan il-ksur. Huma jinsistu fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed provi sabiex tipprova l-ksur fil-Ġermanja fil-mument meta Kone għamlet it-talba tagħha skont dan l-Avviż u li din kienet l-ewwel impriża li pprovdiet informazzjoni dwar dan il-ksur.

91      Għandu jitfakkar li waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tinkiseb l-immunità skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija li l-impriża tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi li, fil-fehma tal-Kummissjoni, huma tali li jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE b’konnessjoni ma’ allegat akkordju li jaffettwa l-Komunità.

92      Għandu jiġi rrilevat li, fil-mument meta Kone għamlet it-talba tagħha dwar il-Ġermanja, fit-12 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni kellha diġà preżunzjoni tal-eżistenza ta’ akkordju fil-Ġermanja fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters fuq il-bażi ta’ informazzjoni li hija kellha dak iż-żmien. Fil-fatt, wara li kienet irċeviet informazzjoni minn informatur terz, hija kienet diġà wettqet spezzjonijiet, fit-28 ta’ Jannar 2004, fil-istabbilimenti ta’ ThyssenKrupp u ta’ wħud mis-sussidjarji tagħha fil-Ġermanja (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

93      Huwa minnu li ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni ma kienx għad kellha provi suffiċjenti sabiex tikkonstata l-ksur fil-Ġermanja fil-mument meta Kone għamlet it-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u li din kienet l-ewwel impriża li għamlet tali talba għal dak li jikkonċerna l-imsemmi ksur (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

94      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex suffiċjenti, fihom infushom, sabiex tkun tista’ tingħata l-immunità mill-multi skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, hija l-kwalità tal-kooperazzjoni ta’ impriża bħal Kone li tiddetermina jekk hija tistax tibbenefika minn immunità mill-multi skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ma huwiex biżżejjed li Kone ipprovdiet informazzjoni u elementi li jippermettu li tinbeda investigazzjoni effettiva kontra l-ksur. Għalkemm huwa minnu li ma huwiex neċessarju li l-provi prodotti jkunu suffiċjenti sabiex jiġi pprovat il-ksur fit-totalità tiegħu jew fl-inqas dettall tiegħu, dawn għandhom madankollu jkunu ta’ natura, ta’ preċiżjoni u ta’ forza probatorja suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

95      Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandu jiġi eżaminat f’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni eċċedietx b’mod manifest dan il-marġni ta’ diskrezzjoni meta qieset li l-provi prodotti minn Kone ma kinux tali li jippermettulha li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE b’konnessjoni mal-akkordju fil-Ġermanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 555).

96      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-provi prodotti minn Kone, fil-kuntest tat-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 dwar il-Ġermanja, huma inklużi fl-osservazzjonijiet tagħha tat-12 ta’ Frar 2004, iffinalizzati u korretti permezz tal-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Frar 2004. Flimkien mal-osservazzjonijiet tat-12 ta’ Frar 2004 hemm annessi żewġ dikjarazzjonijiet ta’ amministraturi ta’ Kone, fejn waħda tinkludi deskrizzjoni tal-akkordju fil-Ġermanja fis-suq tal-liftijiet [kunfidenzjali] u l-oħra tinkludi deskrizzjoni tal-akkordju fil-Ġermanja fis-suq tal-eskalejters [kunfidenzjali].

97      L-osservazzjonijiet ta’ Kone tat-12 u tat-18 ta’ Frar 2004 jinkludu, fl-anness, xi provi dokumentarji. Apparti dokumenti stabbiliti abbażi tal-memorja minn amministraturi ta’ Kone, għall-finijiet tat-talba tagħha skont l-istess Avviż, li jsemmu d-dati u l-postijiet ta’ wħud mill-laqgħat li seħħew fil-kuntest tal-akkordju [kunfidenzjali] u l-proġetti li ġew diskussi fihom [kunfidenzjali], Kone hemżet mal-osservazzjonijeit tagħha, tat-12 ta’ Frar 2004, faks ta’ Schindler [kunfidenzjali] u listi ta’ proġetti mingħajr data [kunfidenzjali]. Flimkien mal-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Frar 2004, ġew mehmuża wkoll riċevuti ta’ lukandi [kunfidenzjali].

98      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-valur tal-provi prodotti, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-osservazzjonijiet tat-12 ta’ Frar 2004, li d-dikjarazzjonijiet ta’ Kone ġew stabbiliti abbażi tal-memorja mill-amministraturi tagħha. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li jinkludu xi ineżattezzi. Barra minn hekk, Kone innifisha rrilevat fl-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Frar 2004 li l-preċiżjoni ta’ wħud minn dawn l-osservazzjonijiet ma tistax tiġi kompletament iggarantita.

99      Fi kwalunkwe każ, dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ impriża ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur jekk huma ma jkunux sostnuti minn provi dokumentarji preċiżi u konsistenti. Fil-fatt, huwa neċessarju li fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra provi preċiżi u konsistenti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li l-ksur twettaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, Coats Holdings u Coats vs Il-Kummissjoni, T‑36/05, Ġabra p. II-110, punt 71 u tad-9 ta’ Lulju 2009, Peugeot u Peugeot Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑450/05, Ġabra. p. II‑2533, punt 75).

100    Fir-rigward tal-provi mehmuża mal-osservazzjonijiet tat-12 u tat-18 ta’ Frar 2004, għandu jiġi kkonstatat li l-valur probatorju tagħhom huwa limitat, inkwantu, jew ġew imfassla minn Kone għall-finijiet tat-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u ma humiex kontemporanji tal-ksur [kunfidenzjali], jew ma humiex, fihom innifishom, tali li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE [kunfidenzjali]. Il-listi ta’ proġetti li ġew mehmuża mal-osservazzjonijiet tat-12 ta’ Frar 2004 [kunfidenzjali], li barra minn hekk ma għandhomx data, ma għandhom l-ebda valur intrinsiku fl-istabbiliment tal-akkordju fil-Ġermanja mingħajr l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Kone fl-osservazzjonijiet tagħha, peress li ma fihom l-ebda indizzju ta’ tqassim illegali tal-imsemmija proġetti bejn kompetituri. L-istess japplika għal dak li jikkonċerna r-riċevuti tal-lukandi mehmuża mal-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Frar 2004 [kunfidenzjali], li jikkonfermaw biss il-preżenza ta’ amministraturi ta’ Kone f’lukanda f’mument speċifiku u l-prenotazzjoni ta’ sala għall-laqgħat mingħajr madankollu ma jinkludu indizzji ta’ aġir antikompetittiv fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters.

101    L-unika prova mehmuża mal-osservazzjonijiet ta’ Kone li fiha indizzju ta’ aġir antikompetittiv huwa l-faks ta’ Schindler [kunfidenzjali]. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni rreferiet għal dan il-faks fil-punt 283 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-valur ta’ din il-prova fl-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja huwa marġinali, peress li ma huwiex ikkontestat li Schindler ma kinitx tagħmel iktar parti mill-akkordju fil-Ġermanja f’dak iż-żmien (ara l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata).

102    Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ Kone inklużi fl-osservazzjonijiet tagħha tat-12 u tat-18 ta’ Frar 2004 ma kinux sostnuti minn provi dokumentarji preċiżi u konsistenti.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki jekk jiġi preżunt li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni fil-premessa 788 tad-deċiżjoni kkontestata, l-osservazzjonijiet ta’ Kone ma kinux ambigwi u kienu sostnuti minn provi, il-Kummissjoni ma eċċeditx, b’mod manifest, il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta ddeċidiet li dawn l-osservazzjonijiet ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 81 KE fil-Ġermanja. Għaldaqstant, huwa ġust li l-Kummissjoni rrifjutat lil Kone immunità mill-multi skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

104    Din il-konklużjoni la tista’ tiġi mminata mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi diversi riferimenti għall-osservazzjonijiet ta’ Kone, u lanqas mill-fatt li l-informazzjoni pprovduta mill-parteċipanti l-oħrajn jew miġbura waqt l-ispezzjonijiet ta’ Marzu 2004 u li ġew iċċitati wkoll fl-imsemmija deċiżjoni u li jikkonfermaw l-kontenut tal-osservazzjonijiet ipprovduti preċedentement minn Kone.

105    Fil-fatt, minn naħa, ir-riferimenti għall-osservazzjonijiet ta’ Kone fid-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jimplikaw li dawn kienu ta’ natura, ta’ preċiżjoni jew ta’ forza probatorja suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata l-ksur fil-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment, fil-premessi 209 sa 288 tad-deċiżjoni kkontestata, għal provi oħrajn “korroboraturi” lanqas ma jimplika li l-osservazzjonijiet ta’ Kone tat-12 u tat-18 ta’ Frar 2004 kienu ta’ tali natura, tali preċiżjoni u tali forza probatorja. Bil-kontra, il-Kummissjoni kienet obbligata li tiċċita provi oħrajn fid-deċiżjoni kkontestata peress li ma setgħetx tibbaża ruħha biss fuq id-dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ Kone, li ma kinux sostnuti minn provi dokumentarji preċiżi u konsistenti, sabiex tikkonstata l-imsemmi ksur (ara l-punt 99 iktar ’il fuq).

106    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-provi prodotti minn Kone dwar l-akkordju fil-Ġermanja kellhom l-istess valur bħall-informazzjoni li bis-saħħa tagħha Kone kisbet l-immunità skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għall-ksur fil-Belġju u fil-Lussemburgu.

107    Mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-immunità tal-argumenti tar-rikorrenti, li essenzjalment jirreferu għad-dokumenti annessi mar-rikors, għandu jiġi kkonstatat, kif ġie rrilevat fil-punt 103 iktar ’il fuq, li kien ġust li l-Kummissjoni rrifjutat lil Kone l-immunità mill-multi skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jurux li l-Kummissjoni eċċediet, b’mod manifest, il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi tat l-immunità lil Kone għal dak li jikkonċerna l-Belġju u l-Lussemburgu u billi rrifjutat li tagħmel dan għal dak li jikkonċerna l-Ġermanja.

108    Fil-fatt, paragun tat-talbiet ta’ Kone dwar, minn naħa, il-Belġju u l-Lussemburgu, u min-naħa l-oħra, il-Ġermanja, juri li n-natura u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta kienu differenti. L-ewwel nett, it-talbiet ta’ Kone, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għall-Belġju u għal-Lussemburgu kienu iktar dettaljati minn dik għall-Ġermanja għal dak li jirrigwarda informazzjoni dwar il-laqgħat li seħħew fil-kuntest tal-akkordju (ismijiet tal-parteċipanti, dati, ħinijiet, għan u aġenda). It-tieni nett, Kone sostniet id-dikjarazzjonijiet tagħha dwar l-akkordji fil-Belġju u fil-Lussemburgu permezz ta’ provi dokumentarji preċiżi u konsistenti. Għaldaqstant, għall-Belġju u għall-Lussemburgu, Kone ipprovdiet listi kompleti u ddettaljati ta’ proġetti li ġew imqassma lill-membri tal-akkordju u li jkopru l-perijodu kollu tal-ksur f’dawn il-pajjiżi kif ukoll dokumenti kontemporanji li jikkostitwixxu provi ta’ aġir kollużiv.

109    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ilmenti kollha tar-rikorrenti dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lil Kone immunità mill-multi skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandhom jiġu miċħuda.

110    It-tieni nett, ir-rikorrenti jqisu li, fi kwalunkwe każ, Kone ipprovdiet provi li ppermettew lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tordna spezzjonijiet u li, għaldaqstant, hija kellha tibbenefika mill-immunità skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

111    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni tagħti immunità mill-multi lill-impriża li tkun l-ewwel waħda li tipprovdilha provi li, fil-fehma tagħha, huma tali li jippermettulha tadotta deċiżjoni li tordna spezzjonijiet, b’konnessjoni ma’ allegat ksur li jaffettwa lill-Komunità. Kif tirrileva l-Kummissjoni u kif jirriżulta mill-punt 6 ta’ dan l-Avviż, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiffaċilita l-kxif ta’ ksur mhux magħrufa ta’ din id-dispożizzjoni, li kienu jibqgħu sigrieti kieku l-impriża kkonċernata ma kkomunikatx il-provi. Għaldaqstant, “il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa intiż sabiex jikkompensa l-kontribuzzjonijiet li jippermettu l-iskoperta tal-eżistenza ta’ akkordju u mhux sabiex jikkompensa sostenn għal miżuri addizzjonali f’investigazzjoni li tkun għaddejja taħt l-għamla ta’ tieni spezzjoni iktar iddettaljata” (premessa 786 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    L-ewwel nett, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li fil-mument meta Kone ikkomunikat lill-Kummissjoni t-talba tagħha dwar il-Ġermanja, fit-12 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni kienet diġà wettqet spezzjonijiet, fit-28 ta’ Jannar 2004, b’mod partikolari fil-Ġermanja, b’konnessjoni ma’ akkordju li kien jirrigwarda t-tqassim tas-swieq fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters, wara li ġiet informata bl-eżistenza ta’ akkordju f’dan is-settur minn informatur terz (premessi 91, 104,105 u 783 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    Peress li ma kinitx Kone li ppermettiet lill-Kummissjoni tikxef l-akkordju fil-Ġermanja, hija ma tistax tippretendi immunità mill-multi skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. F’dan il-kuntest, l-argument ta’ Kone li hija għandha dritt għal immunità mill-multi peress li t-talba tagħha ppermettiet lill-Kummissjoni li torganizza b’suċċess, spezzjonijiet oħrajn fil-Ġermanja f’Marzu 2004, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni (ara l-punt 111 iktar ’il fuq), il-punt 8(a) tal-imsemmi Avviż ma huwiex intiż sabiex “jikkompensa s-sostenn għal miżuri addizzjonali f’investigazzjoni li tkun għaddejja taħt l-għamla ta’ tieni spezzjoni iktar dettaljata”.

114    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li Kone qatt ma talbet l-immunità abbażi tal-imsemmi punt, peress li t-talba ta’ Kone dwar il-Ġermanja hija suppliment għat-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-Belġju u tal-Lussemburgu li tagħmel parti integrali minn din it-talba, u li kienet ibbażata espressament fuq il-punt 8(b) tal-imsemmi Avviż. Barra minn hekk, Kone ma tikkontestax li hija talbet l-immunità skont il-punt 8(a) ta’ dan l-Avviż, matul laqgħat mal-Kummissjoni, biss iktar minn sena wara li ppreżentat it-talba tagħha u madwar disa’ xhur wara li ġiet informata mill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-29 ta’Ġunju 2004, minħabba l-fatt li t-talba tagħha ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 8(b) tal-imsemmi Avviż.

115    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-osservazzjonijiet ta’ Kone tat-12 u tat-18 ta’ Frar 2004 ipprovdew lill-Kummissjoni informazzjoni dwar ksur ieħor, differenti minn dak li kien is-suġġett tal-ispezzjonijiet ta’ Jannar 2004, jiġifieri akkordju fil-Ġermanja fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters, dwar il-proġetti stmati għal iktar minn miljun euro, u mhux, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ta’ investigazzjoni, akkordju mill-inqas fil-livell Ewropew li jirrigwarda s-suq kollu tal-liftijiet u tal-eskalejters.

116    Huwa minnu li mid-deċiżjonijiet ta’ investigazzjoni jirriżulta li matul l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni kienet qiegħda tikkunsidra li l-akkordju dwar it-tqassim tas-swieq fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters kien jestendi mill-inqas għal kull Stat Membru tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jordnaw spezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tindika ċarament il-preżunzjonijiet li hija għandha l-intenzjoni tinvestiga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 41). Madankollu, ma huwiex neċessarju li d-delimitazzjoni preċiża tas-suq inkwistjoni, il-klassifikazzjoni legali eżatta tal-allegati ksur u l-indikazzjoni tal-perijodu li matulu twettqu dawn il-ksur, jkunu inklużi f’deċiżjoni ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punt 10).

117    Għandu jiġi kkonstatat li fil-mument meta Kone ikkomunikat it-talba tagħha lill-Kummissjoni, fi Frar 2004, din kienet diġà rċeviet informazzjoni dwar akkordju li jirrigwarda t-tqassim tas-swieq fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters “li qiegħed jaffettwa l-Komunità” fis-sens tal-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet li titwettaq spezzjoni jindikaw ċarament li l-investigazzjonijiet jirrigwardaw speċifikament l-attivitajiet tal-impriżi kkonċernati fuq is-suq potenzjali tal-bejgħ u tal-installazzjonijiet ta’ liftijiet u ta’ eskalejters kif ukoll is-suq potenzjali ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ u l-manutenzjoni ta’ dawn il-prodotti, u li l-Kummissjoni kienet ġiet informata li xi amministraturi ta’ erba’ membri tal-allegat akkordju kienu jiltaqgħu kull sena sabiex jiddeterminaw l-ishma ta’ kull membru għall-inqas f’kull Stat Membru tal-Unjoni. Fuq il-bażi ta’ informazzjoni li kellha, il-Kummissjoni kienet diġà kkunsidrat, f’Jannar 2004, li s-suq Ġermaniż kien ikkonċernat minn dan l-akkordju, u dan wassalha sabiex torganizza l-investigazzjonijiet fil-Ġermanja, fit-28 ta’ Jannar 2004. F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni ta’ Kone li l-istabbilimenti ta’ ThyssenKrupp fil-Ġermanja kienu ġew spezzjonati biss minħabba li l-uffiċċju rreġistrat ta’ din il-kumpannija kien jinsab hemm, hija kontradetta mill-fatt li, fid-29 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni wettqet ukoll investigazzjonijiet fl-istabbilimenti tas-sussidjarji tal-grupp ThyssenKrupp attivi fis-suq Ġermaniż (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-ksur li f’Marzu 2004 wassal għal investigazzjonijiet fil-Ġermanja fl-istess settur, jikkostitwixxi ksur differenti minn dak li kien is-suġġett ta’ spezzjonijiet f’Jannar 2004.

119    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li fil-mument meta Kone ikkomunikat it-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 lill-Kummissjoni, hija ma setgħetx iktar tippretendi immunità mill-multi skont il-punt 8(a) ta’ dan l-Avviż għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-Ġermanja.

120    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kien messha tat lil Kone tnaqqis totali tal-ammont tal-multa skont l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, preress li l-Kummissjoni ma kellha għarfien tal-ebda fatt relattiv għall-akkordju fil-Ġermanja qabel ma Kone ippreżentat it-talba tagħha għal klemenza.

121    Id-dispożizzjoni inkwistjoni tipprovdi li “jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kinux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi”.

122    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fil-mument meta Kone ikkomunikat it-talba tagħha dwar il-Ġermanja lill-Kummissjoni, fit-12 ta’ Frar 2004, din kienet diġà rċeviet informazzjoni li tikkonċerna akkordju li jirrigwarda t-tqassim tas-swieq fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters fi ħdan l-Unjoni u li s-suq Ġermaniż kien ikkonċernat minn dan l-akkordju. Kien għaldaqstant li, abbażi tal-informazzjoni li kellha, il-Kummissjoni kienet organizzat spezzjonijiet fil-Ġermanja, madwar ġimagħtejn qabel li waslitilha t-talba ta’ Kone.

123    Minkejja li l-kooperazzjoni pprovduta minn Kone ippreżentat valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li l-Kummissjoni kellha diġà, ħaġa li wasslet lil din tal-aħħar sabiex tagħtiha tnaqqis tal-ammont tal-multa massimu ta’ 50 % previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessi 792 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra, fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-impriża ma setgħetx tippretendi tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa skont l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż.

124    Għal dan il-għan għandu jitfakkar li t-talba ta’ Kone kienet komposta minn dikjarazzjonijiet unilaterali stabbiliti abbażi tal-memorja u li dawn ma kinux akkumpanjati minn provi dokumentarji preċiżi u konsistenti tal-ksur (ara l-punti 96 sa 109 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba ta’ Kone dwar il-Ġermanja ma kinitx tinkludi provi li kellhom impatt dirett fuq wieħed mill-elementi identifikabbli ta’ gravità jew ta’ tul tal-ksur, iżda essenzjalment dikjarazzjonijiet li kellhom ikunu kkorraborati permezz ta’ provi oħrajn li l-Kummissjoni ġabret sussegwentement matul l-investigazzjoni tagħha.

125    L-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandu għaldaqstant jiġi miċħud ukoll.

126    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li, billi rrifjutat l-immunità lil Kone skont il-punt 8 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, mingħajr ma informatha minnufih li din l-immunità ma kinitx iktar disponibbli, il-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi ta’ Kone. Id-dritt li persuna tiġi informata jikkostitwixxi protezzjoni proċedurali fundamentali tad-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha, u dan huwa kkonfermat permezz tad-dritt tal-persuna li tkun għamlet talba, skont il-punt 17 tal-imsemmi Avviż, li tirtira talba u l-provi żvelati insostenn ta’ din it-talba meta tiġi informata mill-Kummissjoni li ma tistax tibbenefika mill-immunità.

127    Għandu jitfakkar li bħalma hemm indikat fil-punt 29 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, din toħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom l-impriżi li jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni jista’ jkollhom abbażi ta’ dan l-Avviż, il-Kummissjoni hija għaldaqstant obbligata li tikkonforma ruħha miegħu meta tevalwa l-kooperazzjoni ta’ Kone sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 608, u tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 147).

128    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, Kone ikkomunikat talba lill-Kummissjoni, fit-12 ta’ Frar 2004, li ġiet iffinalizzata fit-18 ta’ Frar 2004. Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fid-29 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-immunità ta’ Kone filwaqt li informatha li r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma kinux sodisfatti.

129    Minkejja li, skont il-punt 12 tal-imsemmi Avviż, “l-impriża tiġi informata immedjatament li l-immunità minn multi m’hijiex disponibbli għal ksur tal-liġi ssuspettat”, jekk jidher li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali immunità ma humiex sodisfatti, Kone ma jistax ikollha, minħabba ż-żmien li għadda bejn it-talba tagħha u d-deċiżjoni ta’ rifjut tad-29 ta’ Ġunju 2004, aspettattivi leġittimi li tiġi eżenti minn kwalunkwe multa.

130    Fil-fatt, minn naħa, mill-punt 15 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jirriżulta li jekk, ir-rekwiżiti tal-punt 8(a) jew (b) huma sodisfatti, “[il-Kummissjoni] tagħti lill-impriża [kkonċernata] immunità kondizzjonali minn multi bil-miktub”. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, operatur ekonomiku ma jistax jibbaża aspettattivi leġittimi li ser jingħata immunità mill-multi fuq is-sempliċi silenzju tal-Kummissjoni.

131    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, mill-analiżi li twettqet fil-punti 96 sa 119 iktar ’il fuq jirriżulta li Kone ma setgħetx tistenna li tibbenefika, f’dan il-każ, minn immunità mill-multi taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 peress li hija kellha tkun taf li la r-rekwiżiti tal-punt 8(a) u lanqas dawk tal-punt 8(b) tal-imsemmi Avviż ma kienu sodisfatti, speċjalment peress li, bħalma huwa rrilevat fil-punt 114 iktar ’il fuq, Kone ma tikkontestax li hija talbet l-immunità skont il-punt 8(a) ta’ dan l-Avviż, biss wara madwar disa’ xhur li t-talba tagħha għall-immunità skont il-punt 8(b) ta’ dan l-Avviż ġiet miċħuda.

132    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-atitudni tal-Kummissjoni affettwat id-drittijiet li Kone għandha taħt il-punt 17 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, xejn ma kien jostakola lil Kone milli tirtira t-talba tagħha skont dan l-Avviż u.jew il-povi li hija kienet żvelat fil-mument meta l-Kummissjoni kkomunikatilha d-deċiżjoni li ma tagħtihiex immunità mill-multi.

133    L-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu għaldaqstant jiġi miċħud ukoll.

134    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti l-immunità lil Kone skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa diskriminatorju. Qabel it-talba għal immunità ta’ Kone, il-Kummissjoni ma kellhiex iktar indizzji ta’ akkordju fil-Ġermanja, milli kellha ta’ akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi qabel it-talba għal immunità ta’ Otis. L-ispezzjonijiet ta’ Jannar 2004 fl-istabbilimenti ta’ ThyssenKrupp seħħew minħabba li ThyssenKrupp kellha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Ġermanja u mhux minħabba li l-Kummissjoni kienet qiegħda tinvestiga akkordju fil-Ġermanja. Għaldaqstant, kieku l-uffuċċju rreġistrat ta’ ThyssenKrupp kien jinsab fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, il-punt 8(a) tal-imsemmi Avviż seta’ jiġi applikat lil Kone, peress li l-ebda spezzjoni ma kienet tkun diġà twettqet fil-Ġermanja fil-mument tat-talba tagħha għal immunità.

135    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tevalwa l-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 237, u tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 240, u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ Otis fil-Pajjiżi l-Baxxi, meta hija ppreżentat it-talba tagħha għal immunità, f’Marzu 2004 (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata), ma kinitx paragunabbli ma’ dik ta’ Kone fil-Ġermanja fil-mument meta din tal-aħħar ippreżentat it-talba tagħha għal immunità, fit-12 ta’ Frar 2004 (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    Fil-fatt, il-Kummissjoni la inkludiet lill-Pajjiżi l-Baxxi fl-ewwel serje ta’ investigazzjonijiet tagħha f’Jannar 2004 u lanqas fit-tieni serje ta’ investigazzjonijiet tagħha f’Marzu 2004. L-ewwel investigazzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi seħħew biss fit-28 ta’ April 2004 u kienu ġew ikkawżati mit-talba għal immunità magħmula minn Otis f’Marzu 2004 (premessa 837 tad-deċiżjoni kkontestata).

138    Min-naħa l-oħra, fil-mument meta Kone ippreżentat it-talba tagħha dwar il-Ġermanja, fit-12 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni kienet diġà wettqet, fit-28 ta’ Jannar 2004, investigazzjonijiet fil-Ġermanja b’konnessjoni ma’ akkordju li kien jirrigwarda t-tqassim tas-swieq fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters (premessi 104, 105 u 783 tad-deċiżjoni kkontestata).

139    Fl-aħħar nett, kif indikat fil-punt 117 iktar ’il fuq u kif jirriżulta mill-proċess, l-ispezzjonijiet li l-Kummissjoni wettqet fil-Ġermanja, fit-28 ta’ Jannar 2004, seħħew mhux biss fl-uffiċċju rreġistrat ta’ TKAG u ta’ TKE, f’Düsseldorf, iżda wkoll f’żewġ sussidjarji Ġermaniżi, jiġifieri TKA f’Stuttgart, u ThyssenKrupp Aufzug AG, f’Essen (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl ta’ dan il-fatt tal-aħħar, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-ispezzjonijiet twettqu biss fil-Ġermanja minħabba l-preżenza tal-uffiċċju rreġistrat ta’ ThyssenKrupp f’dan l-Istat Membru.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li s-sitwazzjoni ta’ Kone u ta’ Otis ma hijiex paragunabbli, il-Kummissjoni ma wettqitx ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta rrifjutat lil Kone il-benefiċċju ta’ immunità mill-multi skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għall-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja.

141    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ Kone dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda.

142    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Kone billi ma kkomunikatilhiex, matul il-proċedura amministrattiva, diversi dokumenti li kienu jkunu utli għad-difiża tagħha.

143    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċedimenti kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi osservat, anki f’każ ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Papierfabrik August Koehler vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 34 u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Skont il-ġurisprudenza, l-aċċess għall-fajl fil-kawżi tal-kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti li d-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jieħdu konjizzjoni tal-provi li jkun hemm fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli, fuq il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tkun waslet għalihom, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, l-aċċess għall-fajl jifforma parti mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u sabiex jiżguraw b’mod partikolari l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 68 ; ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata li trendi aċċessibbli għall-impriżi involuti fi proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE dokumenti li jinkulpaw jew li jiskaġunaw li hija tkun ġabret matul l-investigazzjoni, b’riżerva għas-sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħrajn, dokumenti interni tal-istituzzjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 68, u s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 34).

146    Barra minn hekk għandu jitfakkar li s-sempliċi nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jinkulpa ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża ħlief jekk l-impriża kkonċernata tkun tista’ turi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u li dan l-ilment ma setax ikun ipprovat jekk mhux b’riferiment għall-imsemmi dokument (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il‑Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 24 sa 30, tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 7 sa 9, u SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 97).

147    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, hija ġurisprudenza stabbilita li l-impriża kkonċernata għandha sempliċement tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħtet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku matul il-proċedura amministrattiva hija setgħet tinvoka tali dokumenti, hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk, b’xi mod, hija kienet tkun tista’ tinfluwenza l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fl-eventwali deċiżjoni, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u t-tul tal-aġir li kienet akkużata bih, u, għalhekk, il-livell tal-multa (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punti 74 u 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jirrelevaw li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ċerti dokumenti mingħajr ma tat il-possibbiltà lil Kone la li teżaminahom u lanqas li tikkummenta rigward il-kontenut tagħhom u mingħajr ma dawn id-dokumenti ssemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Ir-rikorrenti jirreferu, għal dan il-għan, għad-dokumenti msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 927 taħt il-premessa 783 tad-deċiżjoni kkontestata.

149    Għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti li jirreferu għalihom ir-rikorrenti, li huma dokumenti li maqbuda fil-Ġermanja mingħand ThyssenKrupp matul l-ispezzjonijiet tat-28 ta’ Jannar 2004, ma ntużawx mill-Kummissjoni sabiex jiġi kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur fil-Ġermanja. Huma ssemmew biss fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 927 taħt il-premessa 783 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija relatata, fil-parti ddedikata għall-multa, għar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lil Kone immunità mill-multi skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

150    L-imsemmi rifjut tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex prinċipalment ibbażat fuq id-dokumenti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 927, iżda fuq il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni kienet diġà organizzat spezzjonijiet fil-Ġermanja, fit-28 ta’ Jannar 2004, abbażi ta’ informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha minn informatur terz qabel it-talba ta’ Kone tat-12 ta’ Frar 2004 (premessa 783 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

151    It-tieni nett, ir-rikorrenti josservaw li d-drittijiet tad-difiża ta’ Kone ġew miksura peress li, matul il-proċedura amministrattiva, hija ma kellhiex aċċess għal diversi dokumenti, jew għal partijiet minn dokumenti meqjusa bħala kunfidenzjali mill-Kummissjoni, li setgħu jgħinuha turi li t-talba tagħha tat-12 ta’ Frar 2004 kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Id-dokumenti inkwistjoni huma verżjoni mhux kunfidenzjali u iktar kompleta tad-dikjarazzjonjiet tal-informatur, ta’ numru limitat ta’ dokumenti misjuba fl-istabbilimenti ta’ ThyssenKrupp matul l-ispezzjonijiet fil-Ġermanja tat-28 ta’ Jannar 2004 u ta’ nota ta’ instruzzjonijiet għall-ispezzjonijiet ta’ Marzu 2004.

152    Skont ir-rikorrenti, kieku Kone kellha aċċess għal dawn id-dokumenti, hija kienet tkun tista’ turi, matul il-proċedura amministrattiva, li meta injorat it-talba ta’ Kone tat-12 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed indizzji tal-eżistenza ta’ ksur fil-Ġermanja sabiex tkun tista’ tordna t-tieni serje ta’ spezzjonijiet f’dan l-Istat Membru f’Marzu 2004. Għaldaqstant, Kone kienet tkun tista’ turi li t-talba tagħha tat-12 ta’ Frar 2004 kienet il-bażi tal-ispezzjonijiet organizzati fil-Ġermanja f’Marzu 2004, b’tali mod li hija setgħet tibbenefika minn immunità mill-multi skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. B’dan il-mod, Kone kienet tkun tista’ turi wkoll li l-motivi invokati mill-Kummissjoni sabiex tirrifjutalha dan l-aċċess ma kinux iġġustifikati.

153    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 143 sa 147 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti stabbilixxewx li n-nuqqas ta’ żvelar ta’ dawn l-elementi seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħhom, l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

154    Mill-analiżi li twettqet fil-punti 110 sa 119 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessi 783 sa 786 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-mument meta Kone kkomunikatilha t-talba tagħha dwar il-Ġermanja, fit-12 ta’ Frar 2004, u sa fejn din tal-aħħar setgħet titqies ibbażata fuq il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, din ma setgħetx iktar tippretendi immunità mill-multa skont din id-dispożizzjoni għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-Ġermanja. Fil-fatt, fil-mument meta Kone kkomunikat lill-Kummissjoni t-talba tagħha għal klemenza, din tal-aħħar kienet diġà wettqet spezzjonijiet fil-Ġermanja, fit-28 ta’ Jannar 2004, b’konnessjoni ma’ akkordju li kien jirrigwarda t-tqassim tas-swieq fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters (premessa 104, 105 u 783 tad-deċiżjoni kkontestata) wara li ġiet informata bl-eżistenza ta’ akkordju f’dan is-settur minn informatur terz.

155    Minn dak isegwi li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba n-nuqqas ta’ aċċess, matul il-proċedura amministrattiva, għall-elementi identifikati fil-punt 151 iktar ’il fuq, ma jistax jintlaqa’. Peress li Kone ma kinitx l-ewwel impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni provi tali li jippermettu lil din tal-aħħar tadotta deċiżjoni li tordna spezzjonijiet skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, kull argument addizzjonali li hija setgħet tiżviluppa matul il-proċedura amministrattiva, kieku kellha aċċess għall-elementi identifikati fil-punt 151 iktar ’il fuq, ma setax iwassal lill-Kummissjoni għal pożizzjoni differenti fir-rigward it-talba tagħha għal klemenza. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti setgħu juru li d-dokumenti msemmija fil-punt 151 iktar ’il fuq, li ġew irrifjutati l-aċċess għalihom, kienu jgħinuhom jistabbilixxu li t-talba tagħhom skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tat-12 ta’ Frar 2004, kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 8(a) ta’ dan l-Avviż, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti lanqas biss talbu lill-Kummissjoni l-aċċess għad-dokumenti kollha maqbuda matul l-ispezzjonijiet tat-28 ta’ Jannar 2004 mingħand ThyssenKrupp, u dan huma rrikonoxxewh espressament matul is-seduta b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li spjegaw li Kone ma kinitx qed taħseb, f’dak iż-żmien, li titlob l-immunità skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

156    Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni wettqet irregolarità billi ma kkomunikatx lil Kone l-elementi identifikati fil-punt 151 iktar ’il fuq, ħaġa li ma hijiex stabbilita fid-dawl tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tali elementi huma kunfidenzjali jew huma dokumenti interni ta’ din l-istituzzjoni (ara l-punt145 iktar ’il fuq), u li għaldaqstant, Kone kisbet l-aċċess għad-dokumenti kollha mitluba, Kone ma kinitx tkun f’pożizzjoni li turi li, qabel it-talba tagħha għal klemenza, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed indizzji tal-eżistenza ta’ ksur fil-Ġermanja sabiex tordna t-tieni serje ta’ spezzjonijiet f’dan l-Istat Membru f’Marzu 2004. Fil-fatt, peress li Kone ma talbietx l-aċċess għad-dokumenti kollha maqbuda matul l-ispeazzjonijiet tat-28 ta’ Jannar 2004 mingħand ThyssenKrupp, hija ma kinitx tkun f’pożizzjoni, fi kwalunkwe każ, li tistabbilixxi li l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed indizzji sabiex twettaq it-tieni serje ta’ spezzjonijiet fil-Ġermanja. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

157    F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma hemm lok li tintlaqa’ t-talba għal miżuri ta’ organizzazzoni tal-proċedura tar-rikorrenti intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi obbligata tikkomunika l-elementi identifikati fil-punt 151 iktar ’il fuq.

158    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Kone għandu jiġi miċħud.

159    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ Kone relatati mal-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Kone sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi

160    Kone, li kienet it-tielet impriża li ppreżentat talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 130 u 846 tad-deċiżjoni kkontestata), ma bbenefikatx minn tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-imsemmi Avviż għal dak li jirrigwarda l-imsemmi akkordju (premessa 850 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tispjega, għal dan il-għan, fil-premessi 848 u 849 tad-deċiżjoni kkontestata:

“848               L-osservazzjonijiet ta’ Kone dwar il-Pajjiżi l-Baxxi [kunfidenzjali].

849      L-osservazzjonijiet ta’ Kone fit-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għadhom ambigwi fir-rigward tal-portata tal-parteċipazzjoni tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju u tal-għanijiet antikompetittivi tad-diskussjonijiet. [kunfidenzjali]. Sussegwentement, Kone tinsisti fuq il-fatt li uħud mid-deċiżjonijiet kienu ġġustifikati minn raġunijiet ekonomiċi leġittimi. Fid-dawl ta’ din l-ambigwità u tal-fatt li meta saru l-osservazzjonijiet ta’ Kone il-Kummissjoni kellha diġà ġabra solida ta’ provi [kunfidenzjali], l-osservazzjonijiet ta’ Kone fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi ma pprovdux lill-Kummissjoni elementi sinjifikattivi ġodda f’ħafna iktar dettall jew informazzjoni li setgħu isaħħu, b’mod ġenerali, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur Konsegwentement, ir-rekwiżiti tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma humiex sodisfatti.”

161    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fl-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni ta’ Kone. Fil-fatt, Kone temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur meta ppreżentat it-talba tagħha għal immunità u pprovdiet lill-Kummissjoni provi tal-allegat ksur li jagħtu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li l-Kummissjoni kellha diġà.

162    Għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u b’mod partikolari, sabiex tevalwa jekk il-provi jippreżentawx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 ta’ dan l-Avviż, huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi prekluż mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 555).

163    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni eċċedietx manifestament il-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha billi kkonstatat li l-provi prodotti minn Kone ma kinux jippreżentaw valur miżjud sinjifikativ meta mqabbla mal-provi li hija kellha diġà fil-mument meta l-imsemmija impriża ppreżentat it-talba tagħha għal klemenza.

164    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li mill-punt 7 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jirriżulta li “kooperazzjoni bejn impriża waħda jew iktar tista’ tiġġustifika tnaqqis f’multa mill-Kummissjoni” u li “[k]ull tnaqqis f’multa għandu jirrifletti l-kontribuzzjoni effettiva ta’ l-impriża, fis-sens ta’ kwalità u ta’ żmien, għad-determinazzjoni tal-ksur tal-liġi mill-Kummissjoni”. Barra minn hekk, skont il-punt 22 ta’ dan l-Avviż, “[i]l-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ dettall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija”. Huwa indikat ukoll li, “[f]’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara” u li, “[b]l-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss”. Fl-aħħar nett, il-punt 24 tal-imsemmi Avviż jipprovdi li “[i]mpriża li tixtieq tibbenefika minn tnaqqis f’multa għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-kartell imsemmi”.

165    L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura stess tal-provi prodotti, għandu jiġi kkonstatat li Kone ma pprovdietx lill-Kummissjoni provi kontemporanji. Fit-talba tagħha dwar il-Pajjiżi l-Baxxi, Kone sempliċement ipprovdiet spjegazzjonijiet u ppreżentat osservazzjonijiet fir-rigward ta’ kuntratti u ta’ diskussjonjiet li seħħew bejn Kone, Schindler, Otis, ThyssenKrupp u MEE fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem meħuda flimkien il-“grupp ta’ ħamsa”), filwaqt li fl-istess ħin ċaħdet in-natura antikompetittiva tagħhom. [kunfidenzjali]

166    It-tieni nett, fir-rigward tal-livell ta’ dettall tal-provi prodotti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jsostnu li Kone pprovdiet informazzjoni ddettaljati [kunfidenzjali]. F’dan ir-rigward, Kone ikkomunikat informazzjoni dwar il-proġett [kunfidenzjali], li ntużat sabiex tiġi stabbilita d-data ta’ meta bdiet il-parteċipazzjoni tagħha u ta’ Schindler fl-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi. Kone pprovdiet ukoll informazzjoni li ma ntużatx mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

167    Għal dak li jikkonċerna [kunfidenzjali], ir-rikorrenti jaffermaw li kkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni li għandha valur miżjud sinjifikattiv [kunfidenzjali].

168    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni kkomunikata minn Kone fit-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tiċħad l-għan antikompetittiv tad-dikussjonijiet li seħħew fil-grupp ta’ ħamsa. Fil-fatt, Kone b’mod partikolari sostniet fit-talba tagħha li [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, fit-talba tagħha, Kone affermat li matul il-laqgħat li pparteċipa fih il-grupp ta’ ħamsa, il-parteċipanti [kunfidenzjali].

169    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punt 849 tad-deċiżjoni kkontestata li l-informazzjoni msemmija fil-punt 167 iktar ’il fuq, u kkomunikata minn Kone fit-talba tagħha, kienet ambigwa u li, fi kliem ieħor, kienet nieqsa mill-preċiżjoni li hija suffiċjenti sabiex tagħtiha valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, għandu jitqies li meta impriża, li fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza ma tikkomunikax provi kontemporanji lill-Kummissjoni, tinforma lil din tal-aħħar b’ċerti elementi li ma kinitx taf bihom preċedentement, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala elementi li jsaħħu, b’mod sinjifikattiv, l-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi akkordju ħlief jekk l-impriża kkonċernata turi rabta bejn din l-informazzjoni u l-eżistenza tal-imsemmi akkordju, peress li l-kontribuzzjoni tal-impriża għandha effettivament issaħħaħ l-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prova ta’ ksur, Madankollu, f’dan il-każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, it-talba ta’ Kone dwar il-Pajjiżi l-Baxxi pjuttost naqqset il-valur probatorju tal-provi li hija kellha diġà, peress li Kone ċaħdet, b’mod partikolari, l-għan antikompetittiv tad-diskussjonijiet bejn il-kompetituri.

170    Barra minn hekk, fir-rigward qabel kollox tal-allegata informazzjoni pprovduta [kunfidenzjali], għandu jiġi kkonstatat li, fit-talba tagħha għal klemenza, Kone ma tispjegax kif il-proġetti li kienu s-suġġett tal-akkordju kienu identifikati u lanqas ma tipprovdi informazzjoni dwar mekkaniżmu ta’ tqassim li kien ġie miftiehem bejn il-parteċipanti tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi. [kunfidenzjali]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegata informazzjoni pprovduta minn Kone [kunfidenzjali] ma tistax titqies li tissodisfa r-rekwiżit tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Il-fatt li l-Kummissjoni rreferiet, fil-premessa 430 tad-deċiżjoni kkontestata, għal silta mit-talba ta’ Kone insostenn tal-affermazzjoni tagħha li l-grupp ta’ ħamsa pprova jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet fis-suq, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

171    Imbagħad, fir-rigward tal-Kumitat Ġenerali (premessi 391 u 398 tad-deċiżjoni kkontestata), it-talba ta’ Kone kienet tinkludi informazzjoni [kunfidenzjali]. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 168 iktar ’il fuq, Kone ċaħdet l-għan antikompetittiv tagħha, filwaqt li indikat li [kunfidenzjali]. L-ebda valur miżjud sinjifikattiv ma jista’ għaldaqstant jingħata lill-osservazzjonijiet ta’ Kone rigward il-Kumitat Ġenerali ppreżentati fit-talba tagħha għal klemenza. Fi kwalunkwe każ, għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-eżistenza ta’ laqgħat tal-Kumitat Ġenerali kienet diġà magħrufa mill-Kummissjoni fil-mument meta Kone ippreżentat it-talba tagħha għal klemenza, fid-19 ta’ Lulju 2004, peress li din kienet inkluża fit-talba ta’ ThyssenKrupp ta’ April 2004 u fis-sottomissjoni addizzjonali tagħha tal-11 ta’ Mejju 2004, u kienet toħroġ direttament mid-dokumenti li ġew maqbuda matul l-ispezzjoni għand ThyssenKrupp, fit-28 ta’ April 2004 (premessa 398 tad-deċiżjoni kkontestata u d-dokumenti ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 577 u 578).

172    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-grupp ta’ kuntratti, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan issemma fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 457 sa 463 tad-deċiżjoni kkontestata) peress li kien jeħtieġ it-twaqqif ta’ sistema oħra ta’ tqassim tal-proġetti. Issa, fit-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Kone informat biss lill-Kummissjoni [kunfidenzjali]. Għaldaqstant, l-ebda valur miżjud sinjifikattiv ma jista jingħata lill-osservazzjonijiet ta’ Kone rigward il-grupp ta’ kuntratti ippreżentati fit-talba tagħha għal klemenza.

173    Għal dak li jikkonċerna l-allegata informazzjoni pprovduta minn Kone rigward l-implementazzjoni tal-akkordju, [kunfidenzjali] għandu jiġi rrilevat li t-talba ta’ Kone, tad-19 ta’ Lulju 2004 kienet ċertament tinkludi informazzjoni [kunfidenzjali]. Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 168 iktar ’il fuq, Kone ipprovat turi li dawn l-avvenimenti kienu spjegati permezz ta’ raġunijiet ekonomiċi leġittimi.

174    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 169 iktar ’il fuq, meta impriża, li fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza ma tikkomunikax provi kontemporanji lill-Kummissjoni, tikkomunika lil din tal-aħħar ċertu informazzjoni li ma kinitx taf biha preċedentement, tali informazzjoni ma tistax titqies bħala informazzjoni li ssaħħaħ, b’mod sinjifikattiv, l-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi ksur ħlief jekk l-impriża kkonċernata turi rabta bejn din l-informazzjoni u l-eżistenza tal-imsemmi akkordju.

175    F’dan il-każ, minħabba n-natura ambigwa tagħha, l-informazzjoni li ġiet ipprovduta minn Kone fit-talba tagħha dwar il-Pajjiżi l-Baxxi setgħet isservi biss sabiex tikkonferma d-dati tal-laqgħat u l-proġetti li ġew diskussi fihom, liema dati u proġetti setgħu jitqiesu li jagħmlu parti mill-ksur biss bħala riżultat tad-dikjarazzjonijiet u l-provi prodotti minn Otis u ThyssenKrupp jew miksuba mill-Kummissjoni b’mod indipendenti permezz ta’ investigazzjoni fid-dettall. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li l-informazzjoni dwar il-proġetti diskussi bejn il-kompetituri u dwar il-laqgħat bejn il-kompetituri li kienet tinsab fit-talba ta’ Kone ma kinitx tippreżenta valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

176    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti enfasizzaw li l-informazzjoni dwar il-proġett [kunfidenzjali] li Kone issottomettiet lill-Kummissjoni intużat fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 519 u 523 tad-deċiżjoni kkontestata) sabiex tiġi stabbilita d-data ta’ meta beda l-involviment ta’ Kone u ta’ Schindler fl-attivitajiet kollużivi fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-1 ta’ Ġunju 1999. Madankollu, kif irrilevat fil-punt 175 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li din l-informazzjoni setgħet isservi biss sabiex tiġi kkonfermata d-data tal-laqgħa u l-proġett li ġie diskuss fiha, mingħajr madankollu ma Kone tirrikonoxxi n-natura antikompetittiva tal-laqgħa dwar dan il-proġett. F’dan ir-rigward, hekk kif tfakkar fil-punt 164 iktar ’il fuq, kull tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni għandu jirrifletti l-kontribut effettiv tal-impriża fl-istabbiliment, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-prova tal-ksur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni dwar il-proġett [kunfidenzjali] li jirreferu għaliha r-rikorrenti u li kienet inkluża fit-talba ta’ Kone ma tistax titqies li tippreżenta valur miżjud sinjifiktattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

177    Għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni pprovduta minn Kone lill-Kummissjoni iżda li ma ssemmitx fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li ma ntużatx fiha nnifisha sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi jindika li din l-informazzjoni ma saħħitx l-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur u għaldaqstant, ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv, fis-sens tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-proġett [kunfidenzjali], speċifikament invokat minn Kone, li ssemma fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iżda li d-deskrizzjoni tiegħu tħalliet barra fid-deċiżjoni kkontestata, minbarra l-informazzjoni pprovduta minn Kone dwar dan il-proġett li fi kwalunkwe każ ma tippreżentax valur miżjud sinjifikattiv (ara l-punt 176 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li għalkemm l-elementi li kellha din tal-aħħar kienu jindikaw ċarament li kien hemm kollużjoni, dawn ma kinux jippermettu li tintlaħaq konklużjoni ta’ min joqgħod fuqha dwar il-kontenut ta’ tali kollużjoni, u din hija r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ma semmietx dan il-proġett fil-lista ta’ eżempji ta’ proġetti li kienu ngħataw, li jinsabu fis-sotto-taqsima 12.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata.

178    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw argument fuq in-numru ta’ drabi li sar riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għat-talba ta’ Kone skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni użat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-provi kollha li kellha, u għaldaqstant l-informazzjoni kollha kkomunikata minn Kone fit-talba tagħha, ma jurix għalhekk li din l-informazzjoni tal-aħħar kienet tippreżenta valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li hija kellha diġà f’din id-data.

179    Ir-raba’ nett, anki jekk, bħalma jallegaw ir-rikorrenti, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-informazzjoni pprovduta mit-tielet jew mir-raba’ persuna li tagħmel talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tagħti valur miżjud sinjifikattiv, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, fid-dawl tan-natura u tal-livell ta’ dettall tal-provi prodotti minn Kone, il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma eċċeditx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi qieset li l-imsemmija provi ma ppreżentawx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-imsemmi Avviż. Fil-fatt, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li, anki jekk jiġi preżunt li l-informazzjoni kkomunikata fit-talba ta’ Kone setgħet tippreżenta ċertu valur miżjud sa fejn setgħet tgħarraf lill-Kummissjoni elementi li ma kinitx taf bihom, din ma tistax titqies li saħħet, b’mod sinjifikattiv, l-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur inkwistjoni, fid-dawl tal-ineżattezzi, inklużi fl-imsemmija talba, dwar in-natura antikompetittiva tad-diskussjonijiet bejn il-kompetituri.

180    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandu jiġi miċħud.

181    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti josservaw li Kone ikkooperat mal-Kummissjoni kompletament u b’mod kontinwu u matul iż-żmien tal-investigazzjoni, hija pprovdiet lill-Kummissjoni kull informazzjoni li kellha. Għaldaqstant, Kone irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi hekk kif, wara l-investigazzjonijiet interni tagħha, hija saret taf bil-parteċipazzjoni tas-sussidjarja Olandiża tagħha.

182    Madankollu, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-provi sottomessi minn Kone ma jagħtux valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ġustament qieset li Kone ma setgħetx tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-imsemmi Avviż.

183    Għalkemm huwa minnu li skont it-tieni paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-miżura u l-kontinwità tal-kooperazzjoni meta tiffissa, fil-faxxa applikabbli, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lil impriża li tkun issottomettiet provi li jagħtu valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-imsemmi Avviż, ir-riferiment mir-rikorrenti, f’dan il-każ, għall-miżura u l-kontinwità tal-kooperazzjoni ta’ Kone ma huwiex rilevanti peress li, fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżiti tal-punt 21 tal-Avviż ma kinux sodisfatti.

184    L-ilment ibbażat fuq il-miżura u l-kontinwità tal-kooperazzjni ta’ Kone għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

185    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jallegaw li, billi rrifjutat lil Kone milli tibbenefika mit-Taqsima B tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, dawk li jitolbu l-immunità skont dan l-Avviż, jistgħu jistennew li l-osservanza tar-rekwiżiti ffissati minn dan l-Avviż twassal għal immunità jew tnaqqis tal-ammont tal-multa. Issa, it-talba ta’ Kone għall-Pajjiżi l-Baxxi ssodisfat ir-rekwiżiti tal-imsemmi Avviż.

186    Bħalma huwa indikat fil-punt 29 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, dan l-Avviż joħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom l-impriżi li jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni seta’ jkollhom minn dan l-Avviż, il-Kummissjoni kienet għaldaqstant obbligata li tikkonforma miegħu, matul l-evalwazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Kone, tal-kooperazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 608, u Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 147).

187    Madankollu, peress li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 meta evalwat il-kooperazzjoni ta’ Kone, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu wkoll jiġi miċħud.

188    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-rifjut mill-Kummissjoni li tagħti l-klemenza lil Kone skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

189    Minn naħa, it-talba ta’ Kone ma hijiex iktar ambigwa minn dik ta’ Otis jew ta’ ThyssenKrupp. L-ewwel nett, Otis ċaħdet l-eżistenza ta’ kartell strutturali u sostniet li l-ksur kien preskritt. It-tieni nett, fit-talba tagħha għal klemenza, ThyssenKrupp affermat li l-laqgħat seħħew b’mod irregolari u li, matul perijodi twal, ma saret l-ebda laqgħa. Sussegwentement, ThyssenKrupp iddikjarat li l-ksur kien ikkonċerna numru żgħir ta’ proġetti. It-tielet nett, it-talba ta’ Kone ġiet ippreżentata xahrejn u nofs wara l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri relattivament kmieni fil-proċedura. Fi kwalunkwe każ, il-mument meta saret it-talba għal immunità ma huwiex rilevanti sakemm hija tagħti valur miżjud sinjifikanti. Fil-kuntest tal-akkordju fil-Ġermanja, Schindler barra minn hekk irċevit tnaqqis ta’ 15 % għal talba ppreżentata kważi tmien xhur wara l-ispezzjonijiet fil-Ġermanja u tliet xhur wara li l-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-parteċipanti tal-ksur f’dan l-Istat Membru (premessi 110, 112 u 856 tad-deċiżjoni kkontestata).

190    Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni ta’ Kone għandha tiġi pparagunata ma’ dik ta’ ThyssenKrupp fil-Belġju. Fil-fatt, ThyssenKrupp kisbet tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessi 769 sa 773 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, ThyssenKrupp kienet it-tielet impriża li ppreżentat talba għal immunità għall-Belġju u t-talba tagħha kienet limitata għal dikjarazzjonijiet, u mhux provi dokumentarji, li jikkorraboraw il-provi li l-Kummissjoni kellha diġà. Barra minn hekk, fil-mument meta ġiet ippreżentata din it-talba, il-Kummissjoni kellha diġà ħafna iktar provi rigward l-akkordju fil-Belġju milli kellha rigward l-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi meta Kone ippreżentat it-talba tagħha għal immunità. Għaldaqstant, ir-rifjut tal-għoti ta’ tnaqqis lil Kone għal dak li jikkonċerna l-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa diskriminatorju.

191    Kif tfakkar fil-punt 135 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju.

192    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jiġi kkonstatat li Otis kisbet immunità mill-multi peress li, skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kienet l-ewwel impriża li pprovdiet provi lill-Kummissjoni li ppermettewlha tadotta deċiżjoni li tordna spezzjonijiet (premessa 837 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ Otis ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik ta’ Kone, li ppreżentat it-talba tagħha għall-Pajjiżi l-Baxxi skont dan l-Avviż f’mument meta l-Kummissjoni kienet diġà wettqet investigazzjonijiet f’dan l-Istat Membru (premessa 846 tad-deċiżjoni kkontestata).

193    ThyssenKrupp, min-naħa tagħha, kienet it-tieni impriża li għamlet talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-Pajjiżi l-Baxxi, li kienet ippreżentata fil-jum meta l-Kummissjoni wettqet l-investigazzjonijiet f’dan l-Istat Membru, fit-28 ta’ April 2004 (premessi 128, 129 u 840 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kisbet tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 40 % skont l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż peress li kienet l-ewwel impriża li ssodisfat ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 21 ta’ dan l-Avviż billi ssottomettiet provi lill-Kummissjoni li taw valur miżjud sinjifikattiv (premessa 844 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi kkontestat li, skont l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-istess Avviż, Kone ma setgħetx tibbenefika minn tnaqqis tal-multa skont din id-dispożizzjoni peress li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa li huwa previst fiha huwa rriżervat għal impriża waħda biss, f’dan il-każ ThyssenKrupp, li kkooperat qabel ma kkooperat Kone.

194    Indipendentement mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti, il-kooperazzjoni ta’ Kone ma tistax titqies li hija paragunabbli ma’ dik ta’ ThyssenKrupp. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li ThyssenKrupp ippreżentat prova kontemporanja ġdida mat-talba tagħha għal klemenza, li għenet lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-impelementazzjoni ta’ kollużjoni (premessa 842 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, l-ebda prova kontemporanja ma ġiet sottomessa minn Kone. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp ta’ April, Mejju u Ottubru 2004 jirriżulta li, bil-kontra ta’ Kone, ThyssenKrupp qatt ma pprovat tiċħad l-eżistenza ta’ akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi jew li toħloq dubju dwar l-eżistenza ta’ tali akkordju. Fl-aħħar nett, Kone ippreżentat it-talba tagħha biss fid-19 ta’ Lulju 2004 (premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata) filwaqt li ThyssenKrupp kienet diġà ppreżentat it-talba tagħha f’ April 2004 (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, id-data meta talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija ppreżentata, hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-provi prodotti press li din l-evalwazzjoni ssir skont il-provi li jkollha l-Kummissjoni diġà (punti 7 u 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002).

195    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li s-sitwazzjoni ta’ Kone, minn naħa, u ta’ Otis u ta’ ThyssenKrupp, min-naħa l-oħra, ma humiex paragunabbli, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta rrifjutat li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Kone għall-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi.

196    It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna t-trattament ta’ ThyssenKrupp għall-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-istabbiliment tal-akkordju fil-Belġju, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi valur miżjud sinjifikattiv jimplika, mid-definizzjoni stess, analiżi speċifika għall-kuntest tal-provi kollha li għandha l-Kummissjoni b’konnessjoni ma’ ksur partikolari, b’tali mod li l-informazzjoni marbuta ma’ diversi ksur distinti, f’dan il-każ, il-ksur fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma hijiex paragunabbli.

197    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-ksur fil-Belġju, Kone ma tikkontestax li t-talba għal klemenza ta’ ThyssenKrupp ikkorraborat il-provi li l-Kummissjoni kellha diġà. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ksur fil-Pajiżi l-Baxxi, mill-punti 165 sa 180 iktar ’il fuq, jirriżulta li t-talba għal klemenza ta’ Kone ma kinitx tippreżenta valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Peress li s-sitwazzjonijiet tad-diversi impriżi ma humiex paragunabbli, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta rrifjutat li Kone tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha għall-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-istabbiliment tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi.

198    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ Kone dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament waqt id-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis tal-multi mogħti għall-kooperazzjoni ta’ Kone matul il-proċedura amministrattiva

 Osservazzjonijiet preliminari

199    Fil-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ħabbret li hija “kien bi ħsiebha tagħti tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, b’mod partikolari meta kumpannija ma tikkontestax jew meta din tagħti għajnuna addizzjonali li tippermetti li jiġu kkjarifikati jew kkompletati l-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni.”

200    Fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, “sa fejn il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien joħloq aspettattivi f’din il-kawża, hija ddeċidiet li tinterpreta dan il-punt favur impriżi li, fuq din il-bażi, ikkontribwixxew sabiex jiġu stabbiliti fatti tal-ksur imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, billi ma jikkontestawx il-fatti jew billi jagħtu informazzjoni oħra jew dettalji addizzjonali”.

201    Il-Kummissjoni għaldaqstant tat lill-parteċipanti kollha tal-erba’ ksur, bl-eċċezzjoni, minn naħa, tal-impriżi li bbenefikaw minn immunità ta’ multi (premessi 762, 817 u 839 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, ta’ Kone fil-kuntest tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata), tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 1 % għall-kooperazzjoni tagħhom barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessi 768, 774, 777, 794, 801, 806, 813, 824, 829, 835, 845, 854, 855 u 856 tad-deċiżjoni kkontestata).

202    Għandhom jiġu eżaminati suċċessivament, l-ewwel nett, l-ilmenti ta’ Kone dwar l-allegata illegalità tal-livell tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, imbagħad, l-ilmenti ta’ Kone dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa għall-għoti ta’ informazzjoni jew ta’ dettalji addizzjonali fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja u, fl-aħħar nett, l-argumenti dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Kone għall-allegata kooperazzjoni tagħha barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 matul l-istabbiliment tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Fuq il-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja

203    Ir-rikorrenti jqisu li jistgħu jippretendu tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ mill-inqas 10 % minħabba l-kooperazzjoni tagħhom barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 sabiex jiġi stabbilit l-akkordju fil-Ġermanja. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħolqot aspettattivi leġittimi fis-sens tal-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Billi dderogat mill-prassi preċedenti tagħha, li permezz tagħha impriża li ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti kkritikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa imposta fuq, skont l-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjonijiet ta’ multi jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996”), il-Kummissjoni ma laħqitx l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

204    Preliminarjament għandu jitfakkar li tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva hija ġġustifikata biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li ttemm dan il-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 156; Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 270 u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 449). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li impriża li tiddikjara espressament li hija ma tikkontestax l-allegazzjonijiet ta’ fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha tista’ titiqies li kkontribwixxiet sabiex tħaffef il-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 395, u SCA Holding vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 157).

205    Huwa minnu li, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kuntrarjament għall-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, ma jipprovdi għal ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa favur impriżi li ma jikkontestawx il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ħoloq, għall-impriżi, l-aspettattiva leġittima li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti jwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multi barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, b’tali mod li hija ddeċidiet li tinterpreta dan il-punt favur l-impriżi. Fl-istess premessa, hija rrilevat ukoll li “il-portata tat-tnaqqis għandha tieħu inkunsiderazzjoni li l-kooperazzjoni offruta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, meta l-Kummissjoni tkun diġà stabbilixxiet l-elementi kollha tal-ksur, f’mument fejn l-impriża tkun diġà taf bl-elementi kollha tal-investigazzjoni u jkollha aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni, tista’ biss, fl-aħjar ipoteżi, tgħin marġinalment lill-Kummissjoni fl-investigazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li “b’mod ġenerali, l-ammissjoni tal-fatti f’dawn iċ-ċirkustanzi hija l-iktar prova li tikkorrobora l-fatti li l-Kummissjoni normalment tikkunsidra bħala pprovati biżżejjed bi provi oħra msemmija fil-fajl”.

206    Id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull persuna li tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tatha garanziji preċiżi, nisslet fiha aspettattivi fondati [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra p. I‑6911, punt 70; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 74; u tal-15 ta’ Novembru 2007, Enercon vs UASI (apparat li jittrasforma l-enerġija tar-riħ), T‑71/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36].

207    Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 1995, Lefebvre et vs Il‑Kummissjoni, T‑571/93, Ġabra p. II‑2379, punt 72, u tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois u Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punt 68). Jammontaw għal tali assigurazzjonijiet, spjegazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u li jaqblu u li ġejjin minn sorsi awtorizzati u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punti 104 u 107).

208    F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 199 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħabbret, fil-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li “kien bi ħsiebha tagħti tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, b’mod partikolari meta kumpannija ma tikkontestax jew meta din tagħti għajnuna addizzjonali li tippermetti li jiġu kkjarifikati jew kkompletati l-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni”. Tali dikjarazzjoni ma tistax titqies bħala assigurazzjoni preċiża li setgħet tnissel fi ħdan Kone aspettattivi fondati li kien ser tingħata tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ iktar minn 1 %. Fil-fatt, il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jindikax id-daqs jew ir-rata ta’ tnaqqis li, jekk ikun il-każ, kien ser jingħata lill-impriżi kkonċernati, b’tali mod li ma seta’ bl-ebda mod inissel xi aspettattiva leġittima dwar dan.

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni dderrogat mill-prassi preċedenti tagħha, li permezz tagħha impriża li ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti kkritikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa imposta fuqha, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

210    Qabel kollox għandu jitfakkar li għalkemm huwa minnu li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996 jipprovdi, fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D, li impriża setgħet tibbenefika “minn tnaqqis ta’ 10 sa 50 % tal-ammont tal-multa li kien jiġi impost fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni [...] jekk [...] wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jipprovdix iktar tnaqqis tal-multa għal din ir-raġuni. Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 biss japplika għat-talba tagħhom għal klemenza, u barra minn hekk, din ġiet espliċitament imfassla skont dan l-Avviż. Għaldaqstant, prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996 ma tistax toħloq aspettattiva leġittima tar-rikorrenti rigward il-livell ta’ tnaqqis tal-multa ta’ Kone għan-nuqqas ta’ kontestazzoni tal-fatti dwar l-akkordju fil-Ġermanja, ibbażata fuq il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60; is-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 92).

211    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li hija kkontestata mill-Kummissjoni, li din tal-aħħar indikat lil Kone, matul laqgħa fis-26 ta’ Jannar 2005, li l-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien ser japplika bl-istess mod bħal fil-kuntest tal-iskema preċedenti, ma hija sostnuta lanqas bl-iċken prova. Bil-kontra, il-minuti ta’ din il-laqgħa mfassla mill-Kummissjoni ma jsemmu, fir-rigward tad-diskussjonijiet dwar il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-ebda assigurazzjoni li ngħatat lil Kone mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

212    Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma huwiex iġġustifikat li l-operaturi ekonomiċi jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ titbiddel mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 80, u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Alessandrini et vs Il-Kummissjoni, C‑295/03 P, Ġabra p. I‑5673, punt 89; ara wkoll, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta, fi kwalunkwe mument, il-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 109, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punt 81, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 227; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punt 309, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il-Kummissjoni, T‑304/94, Ġabra p. II‑869, punt 89).

213    Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-insuffiċjenza tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja huwa infondat.

 Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa għall-għoti ta’ informazzjoni u dettalji addizzjonali fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja

214    Ir-rikorrenti jsostnu li, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, Kone għandha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa addizzjonali għall-kooperazzjoni tagħha barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, peress li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 794 tad-deċiżjoni kkontestata), hija ppermettiet li jiġu ċċarati jew ikkompletati l-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, skont it-taqsima 7 tar-risposta ta’ Kone għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkoreġi u tiċċara ċertu numru ta’ fatti dwar ir-rwol tal-assoċjazzjoni professjonali Ġermaniża VDMA. Kone ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fatt li din kienet ħadet inkunsiderazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod żbaljat, id-dħul tas-sussidjarji kollha “tagħmir ġdid”, “servizzi” u “modernizzazzjoni”. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-akkordju kien jikkonċerna biss id-dħul tas-sussidjarja “tagħmir ġdid”.

215    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jindikawx b’liema mod l-allegati kjarifiki ta’ Kone rigward ir-rwol tal-assoċjazzjoni professjonali VDMA għenu lill-Kummissjoni fl-investigazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-allegati indikazzjonijiet ta’ Kone f’dan ir-rigward, ma kellhomx l-għan li jiċċaraw jew li jikkompletaw il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda li jikkontradixxuhom, peress li dawn kellhom essenzjalment l-għan li jiskreditaw l-affermazzjonijiet ta’ Schindler dwar it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma għall-eskalejters. Barra minn hekk, Kone enfasizzat, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha, l-irrelevanza tar-riferiment tal-imsemmi proġett fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod żbaljat, tad-dħul tas-sussidjarji kollha msemmija fil-punt 214 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li r-risposta ta’ Kone għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha tendenza turi li l-Kummissjoni ma kinitx iddefinixxiet, b’mod adatt, is-swieq tal-liftijiet u tal-eskalejters affettwati mill-akkordju meta kkalkolat l-ammont tal-multa. B’hekk, Kone sempliċement eżerċitat b’suċċess id-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, id-definizzjoni proposta minn Kone fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Kone għall-allegata kooperazzjoni tagħha barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-istabbiliment tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi

216    Fir-rigward tal-allegata kooperazzjoni ta’ Kone barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fil-premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li:

“Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Kone tiddikjara li ma tikkontestax il-fatti dwar il-Pajjiżi l-Baxxi. Minflok ma kienet ta’ għajnuna addizzjonali sabiex jiġu kkjarifikati jew ikkompletati l-fatti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Kone ipprovat, sistematikament, iddgħajjef il-portata tal-fatti esposti fiha. In-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti għandu għaldaqstant jitqies purament formali u ambigwu, u ma għandu l-ebda effett pożittiv fuq l-istabbiliment tal-fatt. Ma huwiex biżżejjed li jiġi ddikjarat, b’mod ġenerali, li l-fatti ma humiex ikkontestati jekk din id-dikjarazzjoni ma hija bl-ebda mod utli għall-Kummissjoni sa fejn hija akkompanjata minn diversi riżervi, bħalma huwa l-każ hawnhekk. Konsegwentement, l-ebda tnaqqis tal-multa ma għandu jingħata lil Kone.”

217    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kien messha tat tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Kone, abbażi tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida tal-1998, minħabba l-kollaborazzjoni effettiva tagħha fil-proċedura fil-kuntest tal-istabbiliment tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi u, billi naqset milli tagħmel dan, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huma jaffermaw ukoll li, fid-dawl tal-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tal-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata huma kellhom aspettattiva leġittima li din il-kooperazzjoni kienet ser tkun ikkumpensata bi tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom.

218    Għandu jiġi rrilevat li, skont is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida tal-1998, kooperazzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996 tista’ titqies bħala ċirkustanza attenwanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ħabbret li hija kien bi ħsiebha “tagħti tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, b’mod partikolari meta kumpannija ma tikkontestax jew meta din tagħti għajnuna addizzjonali li tippermetti li jiġu kkjarifikati jew kkompletati l-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni.” F’dan il-kuntest, fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, “sa fejn il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien joħloq aspettattivi f’din il-kawża, hija ddeċidiet li tinterpreta dan il-punt favur impriżi li, fuq din il-bażi, ikkontribwixxew sabiex jiġu stabbiliti fatti tal-ksur imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, billi ma jikkontestawx il-fatti jew billi jagħtu informazzjoni oħra jew dettalji addizzjonali”.

219    L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, il-kooperazzjoni ta’ Kone fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kellha titqies bħala ċirkustanza attenwanti, skont id-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, li tagħtiha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa.

220    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura ambigwa tad-dikjarazzjonijiet ta’ Kone fit-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ara l-punt 175 iktar ’il fuq), li barra minn hekk ma ġġustifikaw l-ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Kone għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-kooperazzjoni ta’ din l-impriża ma tistax titqies, fi kwalunkwe każ, bħala ċirkustanza attenwanti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jallegaw li kellhom l-iċken aspettattiva leġittima li kienu ser jingħataw tnaqqis tal-multa minħabba f’dan.

221    It-tieni nett, ir-rikorrenti jqisu li Kone ikkollaborat bis-sħiħ mal-Kummissjoni matul il-proċedura kollha, lil hinn minn dak li kien meħtieġ mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Għaldaqstant, qabel kollox, Kone ma għamlet l-ebda ostaklu għall-Kummissjoni waqt l-ispezzjoni tal-istabbilimenti tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi u għamlet dak kollu li setgħet sabiex tiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni mill-aġenti tal-Kummissjoni. Sussegwentement, Kone irrispondiet malajr u b’mod komplet għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pajjiżi l-Baxxi, li rċeviet fit-13 ta’ Settembru 2004. Fl-aħħar nett, Kone kienet flessibbli ħafna għal dak li jikkonċerna r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni li hija pprovdiet, u dan ħaffef il-piż amministrattiv tal-Kummissjoni sabiex tikkostitwixxi l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-fajl tagħha li kellu jiġi kkomunikat lill-partijiet.

222    Argumenti bħal dawn ma jistgħux jiġu milqugħa. Fil-fatt, skont l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-impriżi huma obbligati li jirrispondu għat-talbiet għal informazzjoni u li jissuġġettaw ruħhom għall-ispezzjonijiet. Issa, kooperazzjoni matul l-investigazzjoni li ma tmurx lil hinn mill-obbligi li għandhom l-impriżi skont dawn id-dispożizzjonijiet, ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, Weig vs Il-Kummissjoni, T‑317/94, Ġabra p. II‑1235, punt 283, u Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 218). Barra minn hekk, pożizzjoni allegatament flessibbli min-naħa ta’ impriża għal dak li jikkonċerna talbiet għal trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ informazzjoni li hija tikkomunika lill-Kummissjoni ma tistax titqies li tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 204 iktar ’il fuq, punt 395 u 396). F’dan ir-rigward, hekk kif tirreleva l-Kummissjoni, investigazzjoni ma hijiex ostakolata minn talbiet għal kunfidenzjalità li huma raġjonevoli u, fi kwalunkwe każ, hija Kone li għandha titlob għat-trattament kunfidenzjali fil-konfront tal-informazzjoni li, fil-fehma tagħha, ma kellhiex tiġi żvelata lil terzi. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi invokati fil-punt 221 iktar ’il fuq, ma setgħu ħolqu l-ebda aspettattiva leġittima għal Kone li kienet ser tingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa.

223    It-tielet nett, ir-rikorrenti jaffermaw li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha lil Kone, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-ebda impriża oħra li fuqha ġew imposti multi ma pprovdiet informazzjoni, minn jeddha u barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-ksur b’mod iktar faċli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 845, 854 u 855 tad-deċiżjoni kkontestata, ThyssenKrupp, Schindler u MEE ma bbenefikawx minn tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom minħabba l-fatt li huma pprovdew informazzjoni addizzjonali minn jeddhom u barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, iżda minħabba li ddikjaraw li ma kinux ser jikkontestaw il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Is-sitwazzjoni ta’ Kone, minn naħa, u tal-impriżi l-oħra li fuqhom ġew imposti multi għall-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi, min-naħa l-oħra, ma tistax għaldaqstant titqies bħala paragunabbli, b’tali mod li r-rifjut tal-Kummissjoni li tnaqqas l-ammont tal-multa ta’ Kone ma jiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

224    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kien messha tat tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Kone peress li din l-impriża, fl-ebda mument tal-proċedura, ma kkontestat il-fatti prinċipali kkonstatati mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 851 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 949 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa purament formali u ambigwu, hija manifestament żbaljata.

225    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fit-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 dwar il-Pajjiżi l-Baxxi, Kone ċaħdet l-għan antikompetittiv tal-laqgħat bejn il-kompetituri [kunfidenzjali]. Għandu jiġi enfasizzat ukoll, f’dan ir-rigward, li Kone qatt ma rtirat l-imsemmija dikjarazzjonjiet, iżda pprovat biss tiġġustifikahom fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

226    Huwa minnu li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet Kone tafferma li hija “ma timminax il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet” u li “kienet involuta f’aġir kollużiv fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters […] fil-Pajjiżi l-Baxxi minn Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004” u li hija “ma tikkontestax li l-kollużjoni, sa fejn hija sostnuta mill-fatti inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni […] kienet tikkonċerna ksur uniku u kontinwu”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-risposta ta’ Kone għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija kkaratterizzata mill-istess ambigwità bħat-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 dwar il-Pajjiżi l-Baxxi.

227    Għaldaqstant, l-ewwel nett, minkejja li għall-ksur fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu, ir-risposta ta’ Kone għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet fiha, kull darba, l-affermazzjoni li hija “ma tikkontestax il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni”, l-ebda dikjarazzjoni simili ma tinsab fil-parti tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iddedikata lill-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi. Issa, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal‑ammont tal‑multa minħabba n‑nuqqas ta’ kontestazzjoni tal‑fatti, impriża għandha tinforma b’mod espliċitu lill‑Kummissjoni li ma għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-materjalità tal‑fatti, wara li tkun mgħarrfa bid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 504). Dikjarazzjoni li Kone “ma tikkontestax li l-kollużjoni, sa fejn hija sostnuta mill-fatti inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni […] kienet tikkonċerna ksur uniku u kontinwu”, ma tistax titqies, bħad-dikjarazzjonijiet magħmula fir-rigward tat-tliet Stati Membri l-oħra kkonċernati, bħala waħda li tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 204 iktar ’il fuq, punti 395 u 396).

228    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Kone fakkret li l-impjegati tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi “ma pparteċipawx f’aġir antikompetittiv, fi kwalunkwe każ, mhux b’mod sostanzjali”. Minkejja li Kone tammetti li “setgħet marret lil hinn minn dak li kien leġittimu”, hija madankollu tafferma, billi tirreferi għat-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 dwar il-Pajjiżi l-Baxxi, li l-fatt li ma ssottomettitx offerta għal proġett jew li pproponiet offerta mhux kompetittiva jista’ jirriżulta minn aġir kummerċjali unilaterali u mhux neċessarjament jimplika l-eżistenza ta’ akkordju. Fir-rigward tal-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Kone tafferma li l-politika tagħha f’dan il-qasam kienet ibbażata fuq “raġunijiet kummerċjali” u li l-“istrateġija tagħha ma setax ikollha għan jew effett antikompetittiv”. Fir-rigward tal-installazzjonijiet ġodda, Kone tirreferi wkoll, fid-deskrizzjoni tal-proġetti li kienu jagħmlu parti mill-akkordju, għall-motivi kummerċjali li kienu l-bażi tal-aġir tagħha u tindika li “mill-proġetti msemmija iktar ’il fuq mhux talli jirriżulta li d-daqs tal-ksur kien limitat ħafna, iżda anki li n-natura tal-kollużjoni kienet tvarja biss minn diskussjoni tal-proġett mingħajr skambju ta’ prezz […] sa l-iskambju ta’ prezz mingħajr allokazzjoni tal-progett […] u kienu każijijiet rari ħafna fejn kien hemm allokazzjoni tal-proġett […]”. Barra minn hekk, Kone tippreċiża li “anki jekk il-partijiet kienu allokaw proġett, dan ma setax ikollu effett fuq is-suq” u li, “bosta drabi r-riżultat kien ikun l-istess anki jekk ma kienx ikun hemm kuntratt bejn il-partijiet […]”. Dan japplika wkoll fir-rigward ta’ ċerti proġetti individwali, [kunfidenzjali], Kone affermat li l-fajl tal-Kummissjoni ma kienx fih biżżejjed provi sabiex jiġi konkluż li kien jeżisti aġir antikompetittiv.

229    It-tielet nett, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Kone ipprovat ukoll iddgħajjef il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp u ta’ Otis, li, kif jirriżulta mill-premessi 370 sa 530 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu ta’ importanza vitali għall-konstatazzjoni tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Kummissjoni kellha tirrispondi in extenso għal dan l-argument ta’ Kone fil-premessi 531 sa 541 tad-deċiżjoni kkontestata.

230    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni (premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata), li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti min-naħa ta’ Kone rigward il-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi kien purament formali u ambigwu u ma kellu l-ebda effett pożittiv fuq l-istabbiliment tal-fatti.

231    Minn dak li ntqal jirriżulta li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Kone tiddeskrivi l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi jew f’termini purament ipotetiċi, jew billi ddgħajjef l-effetti antikompetittivi tal-arranġamenti. Peress li Kone tattakka wkoll id-dikjarazzjonijiet li ThyssenKrupp u Otis għamlu fil-kuntest tat-talba tagħhom skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 dwar il-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-affermazzjonijiet ta’ Kone li ġew riprodotti fil-punt 227 iktar ’il fuq ma kienu bl-ebda mod utli għall-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑48/00, Ġabra p. II‑2325, punt 193, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 505). Billi kkontestat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-punti essenzjali tal-allegazzjonijiet ta’ fatt imressqa mill-Kummissjoni, Kone ma kkontribwixxitx sabiex tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 204 iktar ’il fuq, punt 396). Għalkemm, billi għamlet dan, Kone eżerċitat ċertament id-drittijiet tad-difiża tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma tathiex, għal din ir-raġuni, tnaqqis tal-ammont tal-multa għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti.

232    Għaldaqstant, kien ġust li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ma tathiex tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Kone minħabba l-kooperazzjoni tagħha barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

233    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi tat tnaqqis tal-ammont tal-multi għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti lil ThyssenKrupp, Schindler u MEE, filwaqt li rrifjutat tali tnaqqis lil Kone. Issa, skont ir-rikorrenti li, għall-bqija, ma jimminawx il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li ThyssenKrupp, Schindler u MEE ddikjaraw espressament, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ma kinux jikkontestaw il-fatti esposti, (premessi 845, 854 u 855 tad-deċiżjoni kkontestata), mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ewwel tliet impriżi kkontestaw, fir-risposti tagħhom, ċerti konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Pajjiżi l-Baxxi.

234    F’dan ir-rigward tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara l-punt 135 iktar ’il fuq). Madankolllu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tkun irrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa fil-konfront ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 204 iktar ’il fuq, punt 160, tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 263, u Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 204 iktar ’il fuq, punt 398).

235    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, impriża li tiddikjara espressament li ma tikkontestax l-allegazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tat kontribut sabiex tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fid-deċiżjonijiet tagħha li jikkonstataw ksur ta’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni għandha dritt tikkunsidra tali aġir bħala rikonoxximent tal-allegazzjonijiet ta’ fatt u għaldaqstant, bħala prova tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, tali aġir jista’ jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa. Dan ma huwiex il-każ meta impriża tikkontesta l-punti essenzjali ta’ dawn l-allegazzjonijiet fir-risposta tagħha. Fil-fatt, billi tadotta tali atitudni matul il-proċedura amministrattiva, l-impriża ma tikkontribwixxix sabiex tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, punt 204 iktar ’il fuq, punt 395 u 396).

236    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, meta fil-premessi 845, 854 u 855 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ 1 % lil ThyssenKrupp, Schindler u MEE għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, dan it-tnaqqis ma jistax jitqies bħala legali ħlief sa fejn l-impriżi kkonċernati ddikjaraw espressament li ma jikkontestawx l-imsemmija fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 333, u Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 204 iktar ’il fuq, punt  397) u ma kkontestawx, fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-punti essenzjali tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 204 itkar ’il fuq, punt 396).

237    Peress li l-motiv tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li tnaqqis illegali tal-ammont tal-multi ngħata lil parteċipanti oħrajn tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi, sa fejn mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata invokati mir-rikorrenti jirriżulta b’mod konkret li l-imsemmija parteċipanti kkontestaw effettivament il-fatti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

238    Barra minn hekk, fir-rigward tal-elementi mressqa mir-rikorrenti li, fil-fehma tagħhom, juru li impriżi oħrajn ibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatt, minkejja li huma kkontestaw il-fatti rigward il-Pajjiżi l-Baxxi fir-risposta tagħhom mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn huma infondati.

239    Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ Schindler, ir-rikorrenti jallegaw li mill-premessi 593 u 594 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din ikkontestat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, mill-premessa 667 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Schindler affermat li l-kuntatti illegali bejn il-kompetituri ma pprovokawx żidiet fil-prezzijiet fis-suq u li proporzjon limitat ta’ proġetti biss ġie allokat, filwaqt li l-kompetizzjoni baqgħet fis-seħħ bejn il-membri tal-akkordju. Fl-aħħar nett, skont il-premessa 751 tad-deċiżjoni kkontestata, Schindler allegat li l-kompetituri ma kinux ftehmu dwar miżuri ta’ ritaljazzjoni reċiproka bl-għan li dan il-ftehim jiġi applikat tajjeb.

240    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu, kif jirriżulta mill-premessi 593 u 594 tad-deċiżjoni kkontestata, li Schindler sostniet li l-Artikolu 81 KE ma kienx japplika għall-akkordji inkwistjoni minħabba n-nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’riżultat tal-portata nazzjonali tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, billi għamlet dan, hija ma kkontestatx il-fatti li kienu l-bażi tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett sinjifikattiv tal-ksur inkwistjoni fuq l-imsemmi kummerċ, li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet dwar li ma kienx hemm żieda fil-prezzijiet u dwar in-numru limitat ta’ proġett li nqassmu, ma jistgħux jitqiesu bħala jikkostitwixxu konstatazzjoni tal-fatti min-naħa ta’ Schindler, press li dawn l-elementi joħorġu b’mod partikolari, mill-punti 412, 415, 437 u 442 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, l-argument ta’ Schindler intiż sabiex tikseb ċirkustanza attenwanti minħabba l-allegat nuqqas ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni ma jikkostitwixxix kontestazzjoni tal-fatti min-naħa tagħha, peress li dan in-nuqqas ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni ġie kkonstatat fil-punt 432 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, Schindler sempliċement użat din il-konstatazzjoni sabiex turi li kellha tiġi rikonoxxuta ċirkustanza attenwanti fil-konfront tagħha.

241    Fi kwalunkwe każ, mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta ta’ Schindler għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, prodotta fuq talba tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li Schindler, li fl-imsemmija risposta ddikjarat espressament li hija ma kkontestatx il-fatti li kienu l-bażi tal-ilmenti tal-Kummissjoni, ma kkontestatx fiha l-fatti esposti minn din tal-aħħar.

242    It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna ThyssenKrupp, ir-rikorrenti jsostnu li mill-premessi 593, 594 u 724 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija kkontestat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u allegat li ma kinitx ipparteċipat fl-elementi kollha tal-ksur. Mill-premessi 508, 513 u 515 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li ThyssenKrupp ikkontestat ċerti fatti dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

243    F’dan ir-rigward, minn naħa, għalkemm huwa minnu li, kif jirriżulta mill-premessi 593 u 594 tad-deċiżjoni kkontestata, ThyssenKrupp sostniet li l-Artikolu 81 KE ma kienx japplika għall-akkordji inkwistjoni minħabba n-nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’riżultat tal-portata nazzjonali tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, billi għamlet dan, hija ma kkontestatx il-fatti li kienu l-bażi tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett sinjifikattiv tal-ksur inkwistjoni fuq l-imsemmi kummerċ, li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li ThyssenKrupp ma pparteċipatx għal-laqgħat kollha tirriżulta mill-punt 575 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Mhux talli ma kkontradixxitx dan il-fatt, ThyssenKrupp sempliċement użatu sabiex turi l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti fil-konfront tagħha (premessa 726 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata konstatazzjoni tal-fatti dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, li tirriżulta mill-premessi 508 u 513 sa 515 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni ta’ ThyssenKrupp, li hija ma pparteċipat għall-ebda laqgħa bejn nofs is-sena 2002 sa April/Mejju 2003, kienet diġà tinsab espressament fil-punt 506 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, fil-premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li kien possibbli li ThyssenKrupp ma kinitx preżenti għal-laqgħat li seħħew matul it-tieni nofs tas-sena 2002, iżda tali fatt, anki jekk jiġi preżunt li huwa veru, ma jindikax li ThyssenKrupp kienet ħarġet mill-akkordju.

244    It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna MEE, ir-rikorrenti jallegaw, qabel kollox, li mill-premessa 751 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din l-impriża sostniet li ma kien jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ kumpens jew ta’ monitoraġġ. Sussegwentement, min-noti ta’ qiegħ il-paġna  644, 676, 693, 697, 709, 713 u 714 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li MEE affermat li hija ma kinitx mistiedna għas-sejħa għal offerti dwar seba’ proġetti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li konsegwentement hija ma kinitx issottomettiet offerti għal dawn il-proġetti. Barra minn hekk, mill-premessa 481 u min-nota ta’ qiegħ il-paġna 715 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li MEE kkontestat il-konstatazzjoni li hija kienet ipparteċipat f’laqgħat oħrajn fuq installazzjonijiet ġodda ta’ tagħmir wara Settembru 2001. Fl-aħħar nett, skont il-premessa 724 tad-deċiżjoni kkontestata, MEE allegat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ma kinitx ipparteċipat fl-elementi kollha tal-ksur.

245    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li lanqas dawn l-affermazzjonijiet ma jikkostitwixxu kontestazzjoni tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

246    Fir-rigward tal-argument li ma kien jeżisti ebda mekkaniżmu ta’ kumpens jew ta’ monitoraġġ, għandu jiġi kkonstatat li dan l-element joħroġ mill-punt 431 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, minflok ma kkontradixxiet dan il-fatt, MEE pprovat tieħu vantaġġ minnu sabiex tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi ta’ ċirkustanza attenwanti (premessa 751 tad-deċiżjoni kkontestata).

247    Fir-rigward tal-affermazzjoni li MEE allegat li ma kinitx mistiedna għas-sejħa għal offerti dwar seba’ proġetti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li konsegwentement, ma kinitx issottomettiet offerti għal dawn il-proġetti, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 441 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-klijenti ma kinux dejjem jistiednu lill-parteċipanti kollha tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jippreżentaw offerta għal proġett partikolari. Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-premessi u min-noti ta’ qiegħ il-paġna ċċitati mir-rikorrenti, MEE ma kkontestatx li hija setgħet tattendi għal-laqgħat inkwistjoni u li kienet ġiet informata bid-diskussjonijiet (noti ta’ qiegħ il-paġna 644, 676, 693, 697, 713 u 714 tad-deċiżjoni kkontestata).

248    Barra minn hekk, min-nota ta’ qiegħ il-paġna 709 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li MEE ma tikkontestax konstatazzjoni ta’ fatt tal-Kummissjoni, iżda sempliċement affermazzjoni magħmula minn parteċipanta waħda tal-akkordju, jiġifieri Kone, imsemmija fil-punt 497 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u li barra minn hekk, ma kinitx ikkonfermata mill-parteċipanti l-oħra.

249    Fir-rigward tal-fatt li MEE kkontestat il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat oħra dwar proġetti relatati ma’ installazzjonijiet ta’ tagħmir ġdid wara Settembru 2001, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jidentifikaw l-ebda proġett speċifiku relatat ma’ installazzjonijiet ta’ tagħmir ġdid li pparteċipat fih MEE wara Settembru 2001.

250    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ MEE għal-laqgħat kollha, il-Kummissjoni kkonstatat dan hija stess fil-punt 575 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u MEE pprovat tużah sabiex tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha abbażi ta’ ċirkustanza attenwanti (premessa 724 tad-deċiżjoni kkontestata).

251    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa, fi kwalunkwe każ, ibbażat fuq premessa żbaljata li, mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata invokati mir-rikorrenti jirriżulta li Schindler, ThyssenKrupp u MEE kkontestaw il-fatti fir-rigward tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi.

252    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilmenti kollha dwar l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Kone barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiġu miċħuda.

253    Minn dan isegwi li r‑rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

254    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kone Oyj, Kone GmbH u Kone BV huma kkundannati għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.

Firem

Werrej


Il-proċedura amministrattiva

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Ġermanja

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament u tad-drittijiet tad-difiża

Fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Kone sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Kone sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament waqt id-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis tal-multi mogħti għall-kooperazzjoni ta’ Kone matul il-proċedura amministrattiva

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja

Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa għall-għoti ta’ informazzjoni u dettalji addizzjonali fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja

Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Kone għall-allegata kooperazzjoni tagħha barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-istabbiliment tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi

Fuq l-ispejjeż


* Lingwi tal-kawża: l-Olandiż u l-Ġermaniż.


1 – Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.

Top