EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0407

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Diċembru 2008.
Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 13A(1)(f) - Eżenzjonijiet - Kundizzjonijiet - Kundizzjonijiet - Provvisti ta’ servizzi mwettqa minn gruppi awtonomi- Servizzi pprovduti lil membru jew diversi membri tal-grupp .
Kawża C-407/07.

European Court Reports 2008 I-09615

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:713

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 13A(1)(f) — Eżenzjonijiet — Kundizzjonijiet — Provvisti ta’ servizzi mwettqa minn gruppi awtonomi — Servizzi pprovduti lil membru jew diversi membri tal-grupp”

Fil-Kawża C-407/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ Deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Settembru 2007, fil-proċedura

Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing, minn B. Zadelhoff, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, C. ten Dam u M. de Grave, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing (iktar ’il quddiem “Stichting”) u Staatssecretaris van Financiën dwar aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Deċembru 1998.

Il-kuntest ġuridiku

3

Id-disa’ u l-ħdax-il premessa tas-Sitt Direttiva jipprovdu:

“Billi l-bażi taxxabbli għandha tkun armonizzata biex l-applikazzjoni tar-rata tal-Komunità għal operazzjonijiet taxxabbli twassal għal riżultati komparabbli fl-Istati Membri kollha;

[…]

Billi għandha ssir lista komuni ta' eżenzjonijiet sabiex ir-riżorsi tal-Komunitajiet infushom ikunu jistgħu jinġabru b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha;”

4

L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż

A.

Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku

1.   Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta' kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[…]

f)

servizzi fornuti minn grupp ta' persuni indipendenti li l-attivitajiet tagħhom huma eżenti minn jew m'humiex soġġetti għat-taxxa tal-valur miżjud, għall-iskopijiet li jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi neċessarji direttament għall-eżerċizzju ta' l-attività tagħhom, fejn dawn il-gruppi kemm jitolbu mill-membri tagħhom ħlas lura eżatt tas-sehem tagħhom ta' l-ispejjeż konġunti, dejjem jekk t-tali eżenzjoni mhux probabbli li twassal għal tfixkil ta' kompetizzjoni;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5

Stichting huwa grupp ta’ sptarijiet u ta’ stabbilimenti oħra attivi fis-settur tas-saħħa, li fosthom jinsabu b’mod partikolari l-Orde van Medisch Specialisten (Ordni ta’ Tobba Speċjalisti), il-Koninklijke Nederlandse Maatschappij tot Bevordering van de Geneeskunst (Soċjetà Rojali Olandiża għall-Promozzjoni tal-Prattika tal-Kura tas-Saħħa), in-Nationale Ziekenhuisraad (Kunsill Nazzjonali tal-Isptarijiet), il-Vereniging van Nederlandse Ziekenfondsen (Unjoni Olandiża tal-Fondi tal-Assigurazzjoni għall-Mard), il-Kontaktorgaan Landelijke Organisaties van Ziektekostenverzekeraars (Korp Konsultativ tal-Organizzazzjonijiet tal-Assiguraturi għall-Mard) u n-Nederlandse Vereniging voor Ziekenhuisdirecteuren (Assoċjazzjoni Olandiża tad-Diretturi ta’ Sptarijiet).

6

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Stichting jipprovdi bil-ħlas lill-membri tiegħu, li attività tagħhom hija eżenti minn jew li mhumiex suġġetti għall-VAT, servizzi fil-qasam tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari servizzi li jikkonċernaw l-istandards tal-kwalità u kif ukoll l-istabbilment u l-promozzjoni tal-politika ta’ kwalità fis-settur tal-kura tas-saħħa.

7

Parti mis-servizzi pprovduti minn Stichting lill-isptarjiet affiljati huma ffinanzjati taħt il-liġi dwar it-tariffi tal-kura tas-saħħa (Wet tarieven gezondheidszorg), tal-20 ta’ Novembru 1980 (Stb. 1980, Nru 646). Dawn is-servizzi huma eżenti mill-ħlas tal-VAT skont l-Artikolu 11(1)(u) tal-liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de omzetbelasting 1968), li tittrasponi l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva.

8

Stichting jipprovdi wkoll lil ċerti membri, jiġifieri sptarijiet kif ukoll istituzzjonijiet u persuni oħra, b’servizzi li għalihom jirċievi ħlas distint u d-destinatarji ta’ dawn is-servizzi huma ffatturati individwalment.

9

Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar prestazzjonijiet, Stichting ġie suġġett għal aġġustament tal-VAT, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1998, li l-Ispettur li lilu sar l-ilment, iddeċieda li jżomm minħabba li l-imsemmija provvisti ma kinux eżenti mill-VAT.

10

Stichting appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam li, permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2004, annullata u naqqset l-aġġustament għal ammont ta’ NLG 182460. Hija mandankollu ddeċidiet li, għas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Stichting kien ħareġ fatturi distinti u li l-ħlas korrispondenti ma kienx ikopri l-ispejjeż komuni, fis-sens tal-Artikolu 11(1)(u) tal-liġi tal-1968 fuq it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ. L-eżenzjoni mill-VAT ma setgħet b’hekk tingħata.

11

LStichting ressaq appell quddiem il-qorti ta’ kassazzjoni, il-Hoge Raad der Nederlanden li tosserva li huwa kostanti li l-provvisti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma direttament neċessarji għall-eżerċizzju tal-attivitajiet eżentati tal-membri ta’ dan il-grupp u li mhemmx distorsjoni tal-kompetizzjoni.

12

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, jekk il-provvisti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma provvisti ta’ servizzi fis-sens tas-Sitt Direttiva u jekk, għal dawn il-provvisti, Stichting jitlob ħlas li ma jaqbiżx l-infiq totali, tinħoloq il-kwistjoni dwar jekk l-ammonti mitluba lill-membri minn dan il-grupp jikkorrispondux għas-sehem tal-ispejjeż komuni li jaqa’ fuq l-imsemmija membri fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva.

13

Billi kkunsidrat li l-eżitu tal-kawża mressqa quddiemha tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lil Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll servizzi pprovduti minn gruppi li jaqgħu taħt il-portata ta’ din id-dispożizzjoni lill-membri tagħhom li huma direttament neċessarji għall-eżerċizzju tal-attivitajiet eżenti ta’ dawn il-membri jew attivitajiet fir-rigward ta’ liema mhumiex suġġetti għal taxxa u bi ħlas li għalih ma jiġix iffatturat iktar milli jirrappreżentaw l-ispejjeż għal dawn is-servizzi, jekk dawn is-servizzi jiġu pprovduti biss lil membru jew iktar membri?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1)(f) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti, il-provvisti ta’ servizzi forniti lill-membri tagħhom minn gruppi awtonomi jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, anki jekk dawn il-provvisti huma forniti lil wieħed jew iktar mill-imsemmija membri.

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

15

Stichting u l-Kummissjoni tal-Komuniatjiet Ewropej jipproponu li r-risposta għad-domanda għandha tkun fl-affermattiv, billi jenfasizzaw li jekk tinghata risposta negattiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva jkun limitat wisq.

16

Huma jsostnu li, jekk grupp awtonomu jipprovdi wieħed jew iktar mill-membri tiegħu servizzi li jaqgħu fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-imsemmi grupp, l-imsemmi servizz jista’ jkun eżenti mill-VAT hekk kif pprovdut mill-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva.

17

Stichting isostni li diversi membri tiegħu, kollha attivi fil-qasam tas-saħħa, m’għandhomx dejjem l-istess bżonnijiet, peress li l-attivitajiet tagħhom mhumiex omoġenji u li, sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni, mhuwiex konċepibbli l-imsemmija membri kollha jirrikorru għall-attivitajiet eżerċitati kollha fil-kuntest tal-grupp.

18

F’dan ir-rigward, Stichting jispeċifika li, meta servizz huwa pprovdut lil wieħed mill-membri tiegħu biss, dan huwa ffaturat sa n-nefqa reali tiegħu b’osservanza għar-regoli tal-kompatibbiltà. L-imsemmi membru jiġi ffatturat is-sehem tiegħu tal-ispejjeż komuni u huwa jrodd lura dik il-parti biss. Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva jiġu b’hekk sodisfatti.

19

Il-Kummissjoni żżid, min-naħa tagħha, li ma jistax jiġi dedott mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li kull servizz għandu jiġi pprovdut lill-membri ta’ grupp awtonomu.

20

Hija tibbaża ruħha, barra minn hekk, fuq is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C-8/01, Ġabra p. I-13711, punti 60 sa 62), kif ukoll fuq il-punti 117 et seq tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, mogħtija fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, sabiex issostni li l-interpretazzjoni tal-gvern Olandiż trendi l-eżenzjoni inkwistjoni kważi inapplikabbli fil-prattika.

21

Hija tfakkar iż-żewġ kundizzjonijiet li, skont l-Avukat Ġenerali Mischo, fil-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, għandhom jiġu sodisfatti sabiex ikun hemm id-dritt ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, li huma li l-fornitur tas-servizz għandu jikkonsisti biss operaturi li jeżeċitaw attività li hija eżenti minn jew mhijiex suġġetta għall-VAT u li l-grupp awtonomu m’għandux ikollu għan li jagħmel profitt, fis-sens li huwa għandu jiffattura lill-membri tiegħu biss l-ispejjeż li huwa nefaq sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom, mingħajr ma jagħmel ebda profitt.

22

Il-gvern Olandiż, min-naħa l-oħra, hu tal-opinjoni li għandha tingħata risposta negattiva għad-domanda magħmula. Skontu, id-domanda deċiżiva f’din il-kawża hija li tkun taf jekk provvsita ta’ servizzi hijiex fornita fl-interess komuni, kollettiv, tal-membri kollha jew fl-interess partikolari, individwali, ta’ membru wieħed.

23

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, huwa jiddubita, l-ewwel nett, li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinvolvux distorsjoni tal-kompetizzjoni, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-provvista ta’ servizzi li teħtieġ il-provediment ta’ persunal. Barra minn hekk, jeżisti ċertu riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk il-ħlas mitluba għall-provvisti ta’ servizzi kkonċernati jirrifletti biss l-ispejjeż diretti tal-imsemmija provvisti. Il-gvern Olandiż jikkunsidra li l-ispejjeż, li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, huma l-ispejjeż reali, jiġifieri s-somma tal-ispejjeż diretti u tal-ispejjeż indiretti, u li l-ispejjeż reali huma diffiċli biex jiġu determinati. Għaldaqstant, huwa diffiċli li l-ispejjeż reali jinqasmu skont l-attività meta Stichting jipprovdi provvisti lil membru wieħed jew diversi membri tagħha.

24

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, il-gvern Olandiż ifakkar li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali tal-intaxxar tal-VAT, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja C-287/00, Ġabra p. I-5811, punt 43), li huma jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1989, Stichting Uitvoering Financiële Acties, 348/87, Ġabra p. 1737, punt 11, u Il-Kummussjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44) u li dan għandu jkun il-każ tal-kundizzjonijiet speċifiċi meħtieġa sabiex wieħed jikkwalifika għal dawn l-eżenzjonijiet (sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Bulthuis-Griffioen, C-453/93, Ġabra p. I-2341, punt 18).

25

Issa, l-eżami tal-kliem tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva u l-funzjoni tal-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni juru li s-servizzi forniti biss lil ċerti membri ta’ grupp awtonomu mhumiex koperti minn din. L-eżenzjoni inkwistjoni tippresupponi rimbors eżatt tas-sehem tal-ispejjeż komuni li jaqgħu fuq il-membri ta’ dan il-grupp, li ma jistax ikun il-każ għall-provvista ta’ servizzi forniti biss lil wieħed jew lil ċerti membri tal-imsemmi grupp.

26

Billi bbaża ruħu fuq il-punti 118 sa 122 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Misho mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza Taksatorringen, iċċitata iktar ’il fuq, il-gvern Olandiż qis li l-funzjoni tal-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni hija l-volontà li ma jiġux intaxxati l-profitti magħmula mill-kooperazzjoni interna bejn il-membri ta’ grupp awtonomu. Konsegwentement, jaqgħu biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva l-provvista ta’ servizzi forniti minn grupp awtonomu b’mod kollettiv lill-membri tagħha. Jekk dan il-grupp jipprovdi servizzi lil ċerti membri, din ma tkunx provvsita interna iżda servizz awtonomu li joħloq relazzjoni ta’ klijent-fornitur li mhijiex konformi mal-għan tal-eżenzjoni inkwistjoni.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva dwar l-għan tal-provvista ta’ servizzi mogħtija mill-membri tal-grupp awtonomu kif ukoll ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi mfakkar li fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 234 KE, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li jkunu taw lok għall-kawża u li tiddeduċi konklużjonijiet minnhom għall-finijiet tad-deċiżjoni li hi mitluba tagħti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 32, u tat-23 ta’ Ottubru 2001, Tridon, C-510/99, Ġabra p. I-7777, punt 28, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind, C-291/05, Ġabra p. 10719, punt 18).

28

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun ibbażata fuq il-premessa li fuqha bbażat ruħha l-qorti tar-rinviju, jiġifieri li huwa kostanti li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma direttament neċessarji għall-eżerċizzju tal-attivitajiet eżenti tal-membri ta’ Stichting u li mhemmx distorsjoni ta’ kompetizzjoni.

29

It-tieni nett, jirriżulta mid-disa’ u l-ħdax-il premessa tas-Sitt Direttiva li din tfittex li tarmonizza l-bażi taxxabbli tal-VAT u li l-eżenzjonijiet ta’ din it-taxxa jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jitpoġġew fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mill-imsemmija direttiva (sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 235/85, Ġabra p. 1471, punt 18 u Stichting Uitvoering Financiële Acties, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10).

30

Barra minn hekk hija ġurisprudenza kostanti li t-termini użati sabiex jiġu indikati dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq is-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenzi Stichting Uitvoering Financiële Acties, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, Taksatorringen iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, C-434/05, Ġabra p. I-4793, punt 16). Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tkun konformi mal-għanijiet imħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tħares l-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet stipulati fl-imsemmi Artikolu 13 għandhom jiġu interpretati b’mod li jipprivahom mill-effetti tagħhom (sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex bħala għan li timponi interpretazzjoni li trendi l-eżenzjonijiet previsti kważi inapplikabbli fil-prattika (sentenza Taksatorringeniċċitata, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

31

Fir-rigward tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi osservat li ma jirriżultax mill-kliem tiegħu li l-eżenzjoni li hija tipprovdi għandha tapplika biss għall-provvista ta’ servizzi forniti mill-gruppi awtonomi lill-membri tagħhom kollha.

32

Skont dan il-kliem, il-leġiżlatur Komunitarju ried biss li jiġu koperti mill-eżenzjoni mill-VAT il-provvista ta’ servizzi magħmula mill-gruppi awtonomi, meta dawn jitolbu biss mill-membri tagħhom ir-rimbors eżatt tas-sehem tagħhom fl-ispejjeż komuni.

33

Il-gvern Olandiż jikkunsidra li jekk l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva jipprevedi li għandu jiġi ffatturat lill-membri ta’ grupp awtonomu r-rimbors eżatt tas-sehem tagħhom fl-ispejjeż komuni, dan ifisser li s-servizzi biss mogħtija lill-membri kollha ta’ dan il-grupp jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT. Il-kunċett ta’ “spejjeż komuni” jkopri wkoll dak ta’ “spejjeż kollettivi”, li jirriferi għas-servizzi forniti lill-membri kollha tal-imsemmi grupp u mhux għal membru iżolat tiegħu.

34

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat, hekk kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-bżonnijiet tal-membri ta’ grupp awtonomu jistgħu jvarjaw minn perijodu ta’ taxxa għal ieħor b’tali mod li, skont il-perijodu kkonċernat, ċerti servizzi jistgħu jiġu pprovduti minn dan il-grupp lill-membri kollha, oħrajn lil ċerti membri u oħrajn ukoll lil membru wieħed.

35

Bl-istess mod, meta grupp awtonomu huwa fformat minn diversi membri li għandhom bżonnijiet differenti, huwa perfettament possibbli li s-servizzi pprovduti lilhom minn dan il-grupp ma jkunux sistematikament l-istess.

36

L-interpretazzjoni mressqa mill-gvern Olandiż għandha b’hekk bħala effett li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, billi teskludi mill-applikazjoni tal-eżenzjoni mill-VAT servizzi pprovduti mill-gruppi awtonomi lill-membri tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest fejn il-bżonnijiet tal-imsemmija membri jkunu differenti.

37

Tali limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mhijiex ikkorraborata mill-finalità ta’ din tal-aħħar li hija li tistabbilixxi eżenzjoni mill-VAT sabiex jiġi evitat li l-persuna li toffri ċerti servizzi tkun suġġetta għall-ħlas tal-imsemmija taxxa meta hija kellha tikkollabora ma’ professjonisti oħra permezz ta’ struttura komuni responsabbli għall-attivitajiet neċessarji għat-twettiq tal-imsemmija servizzi.

38

Għandu jiġi osservat li, anki meta s-servizzi huma pprovduti lil wieħed jew ċerti membri ta’ grupp awtonomu, l-ispiża tal-fornitura ta’ dawn is-servizzi tibqa’ spiża komuni mill-imsemmi grupp ikkostitwit għal dan il-għan, peress li l-metodi tal-kompatibbiltà analitika huma kompletament adegwati sabiex tiġi identifkata s-sehem preċiża tal-ispiża sostnuta għal kull servizz meħud individwalment.

39

Bl-istess mod, l-imsemmija servizzi huma pprovduti fil-qafas ta’ għanjiet li għalihom grupp awtonomu ġie stabbilit u għaldaqstant huma offerti skont l-iskop tiegħu.

40

Għaldaqstant mhuwiex possibbli li l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva jiġi interpretat fis-sens li jassuġġetta l-eżenzjoni mill-VAT għall-kundizzjoni li s-servizzi jkunu offerti lill-membri kollha tal-grupp awtonomu kkonċernat.

41

Għandu jiġi osservat ukoll li l-ħtieġa li l-imsemmija dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod strett ma tistax twassal sabiex kull membru ta’ grupp awtonomu jingħatalu d-dritt li jċaħħad lill-membri l-oħra ta’ dan il-grupp mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT, billi jiddeċiedi, f’kwalunkwe mument, li ma jirrikorrix għal servizz partikolari pprovdut mill-grupp li tiegħu madankollu huwa jkun inizjalment iddeċieda li jkun membru. L-eżistenza ta’ tali dritt f’idejn kull membru ta’ grupp awtonomu la tirriżulta mill-kliem u lanqas mill-finalità tal-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva.

42

Is-servizzi pprovduti minn grupp awtonomu lill-membri tiegħu matul perijodi fiskali differenti, kemm lil membru wieħed kif ukoll lil ċerti membri tiegħu matul l-istess perijodu fiskali, għandhom għaldaqstant jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni.

43

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata lid-domanda mressqa hi li l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti, is-servizzi pprovduti lill-membri tagħhom minn gruppi awtonomi jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni anki jekk dawn is-servizzi huma pprovduti lil wieħed jew xi wħud mill-imsemmija membri.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti, is-servizzi pprovduti lill-membri tagħhom minn gruppi awtonomi jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni anki jekk dawn is-servizzi huma pprovduti lil wieħed jew xi wħud mill-imsemmija membri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top