EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0371

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-11 ta' Diċembru 2008.
Danfoss A/S u AstraZeneca A/S vs Skatteministeriet.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Vestre Landsret - id-Danimarka.
Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 6(2) - Provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas magħmula mill-persuna taxxabbli għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju tagħha - Dritt għal tnaqqis tal-VAT - It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) - Possibilità għall-Istati Membri li jżommu fis-seħħ l-esklużjonijiet mid-dritt għal tnaqqis ipprovduti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-data meta s-Sitt Direttiva daħlet fis-seħħ.
Kawża C-371/07.

European Court Reports 2008 I-09549

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:711

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 6(2) — Provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas magħmula mill-persuna taxxabbli għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju tagħha — Dritt għal tnaqqis tal-VAT — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) — Possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu fis-seħħ l-esklużjonijiet mid-dritt għal tnaqqis previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva”

Fil-Kawża C-371/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2007, fil-proċedura

Danfoss A/S,

AstraZeneca A/S

vs

Skatteministeriet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Danfoss A/S, minn H. Hansen u T. Kristjánsson, advokater,

għal AstraZeneca A/S, minn M. Vesthardt u M. Bruus, advokater,

għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent, assistita minn K. Lundgaard Hansen, advokat,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u S. Schønberg kif ukoll minn S. Maaløe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpanniji Danfoss A/S (iktar ’il quddiem “Danfoss”) u AstraZeneca A/S (iktar ’il quddiem “AstraZeneca”) mal-iSkatteministeriet (Ministeru tat-Taxxa u s-Sisa Daniża) fir-rigward tat-trattament, f’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), tal-provvista tal-ikliet mingħajr ħlas fil-kantins tal-impriżi pprovduti lill-kuntatti tan-negozju u lill-persunal waqt laqgħat.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva jiddisponi:

“Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:

a)

l-użu ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozzju tiegħu fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;

b)

il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet barra dawk tan-negozju tiegħu.”

4

L-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jiddisponi:

“Qabel perjodu ta’ erba’ snin ta’ l-inqas ikunu għaddew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema nefqa m’għandiex tkun eleġġibli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud. It-taxxa fuq il-valur miżjud fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun imnaqqsa fuq spejjeż li mhux strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.

Sa kemm ir-regoli ta’ fuq jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.”

5

Sa llum, ir-regoli Komunitarji li hemm fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva għadhom ma ġewx adottati, minħabba nuqqas ta’ ftehim fil-Kunsill fuq spejjeż li fir-rigward tagħhom jista’ jkun hemm esklużjoni ta’ dritt mill-VAT.

6

Skont l-Arikolu 1 tad-Disa’ Direttiva tal-Kunsill 78/583/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1978, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 194, p. 16), ċerti Stati Membri, fosthom ir-Renju tad-Danimarka, kienu awtorizzati jimplementaw is-Sitt Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1979.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7

Permezz tal-liġi Daniża Nru 102, tal-31 ta’ Marzu 1967, dwar il-VAT (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), il-provvista ta’ servizzi ma kinux fil-prinċipju suġġetti għall-VAT, ħlief jekk dan kien ipprovdut speċifikament mil-liġi. Il-provvista ta’ servizzi pprovduti fil-kuntest tal-użu tal-kantins fl-impriżi ma kienx suġġett għal din it-taxxa skont din il-liġi u dawn tal-aħħar għalhekk ma kinux jibbenefikaw minn dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri u l-affarijiet relatati.

8

L-Artikolu 16(3) tal-liġi dwar il-VAT jiddisponi:

“It-taxxa tal-input ma tistax tinkludi t-taxxa fuq ix-xiri u provvisti simili li jirrigwardaw:

a)

l-ikel tas-sid u tal-persunal tal-impriża

[…]

e)

ir-rappreżentanza u r-rigali.”

9

Il-Liġi Nru 204, tal-10 ta’ Mejju 1978, li daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Ottubru 1978, emendat il-liġi dwar il-VAT sabiex tiġi implementata s-Sitt Direttiva. B’mod konformi ma’ din tal-aħħar, fil-prinċipju, il-provvista ta’ servizzi saru wkoll suġġetti għall-VAT. Dan kien ifisser li l-bejgħ ta’ ikel u ta’ xorb mill-kantins użati minn impriżi saru taxxabbli. Madankollu d-dispożizzjonijiet preċedenti dwar l-esklużjoni ta’ dritt għal tnaqqis għall-ispejjeż tal-ikel u ta’ rappreżentanza, fl-Artikolu 16(3) tal-liġi dwar il-VAT, ma ġewx emendati.

10

Matul ix-xahar ta’ Novembru 1978, il-Momsnævn (bord amministrattiv tal-appell kompetenti fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-VAT) iddeċieda li l-ammont tal-VAT għall-provvista ta’ ikel u ta’ xorb fil-kantins tal-impriżi kellha tkun, f’kull każ, għallinqas ugwali għall-prezz tal-produzzjoni kkalkulat fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni, jiġifieri l-prezz tal-materja prima kif ukoll l-ispiża tal-pagi relatati mal-preparazzjoni u l-bejgħ ta’ dan l-ikel u x-xorb kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-kantins (iktar ’il quddiem il-“prezz tal-produzzjoni”). Din il-prassi amministrattiva tawtorizza t-tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input mħallsa fuq il-provvista ta’ ikliet. Id-deċiżjoni tal-Momsnævn ġiet inkluża fiċ-ċirkulari speċifika għall-kantins tal-amministrazzjoni tal-31 ta’ Ottubru 1983 (ċirkulari magħrufa bħala “VAT-kantins”).

11

Il-liġi Nru 375, tat-18 ta’ Mejju 1994, ipproċediet għal reviżjoni mill-ġdid tal-liġi dwar il-VAT. L-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis, tal-Artikolu 16(3) ta’ din l-aħħar liġi, inżamm mingħajr bidliet sustanzjali fil-punti 1 u 5 tal-Artikolu 42(1) tal-istess liġi.

12

Fil-liġi dwar il-VAT, permezz ta’ din il-liġi Nru 375, ġew introdotti dispożizzjonijiet fuq l-intaxxar tal-applikazzjonijiet, sabiex l-applikazzjonijiet tas-servizzi għal finijiet mhux relatati man-negozju tal-kumpannija jkunu kkunsidrati bħala simili għal dawk imwettqa bi ħlas. Dawn id-dispożizzjonijiet, li jinsabu fl-Artikolu 5(2) u (3) tal-liġi dwar il-VAT, huma fformulati kif ġej:

“2.   L-applikazzjonijiet tal-oġġetti u tas-servizzi għall-finijiet li jissemmew fl-Artikolu 42(1) u (2) għandhom jiġu ttrattati bħala provvisti bi ħlas, sakemm ikun hemm dritt sħiħ jew parzjali għal tnaqqis fil-każ ta’ xiri, ta’ produzzjoni, eċċ., tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni.

3.   L-applikazzjonijiet tas-servizzi għall-użu privat tas-sid jew tal-persunal tan-negozju jew inkella għal finijiet oħra għajr dawk tan-negozju għandhom jiġu ttrattati bħala provvisti bi ħlas.”

13

Madankollu, minħabba l-prassi amministrattiva msemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, mhuwiex il-każ li jiġu applikati r-regoli fil-qasam tal-applikazzjonijiet għall-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet mill-kantins tal-impriżi lil kuntatti tan-negozju u lill-persunal fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju. Billi din il-provvista hija kkunsidrata bħala magħmula bi ħlas (fittizzju) li jikkorrispondi għall-prezz tal-produzzjoni, l-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati ma setgħux jitqiesu bħala li kienu “applikati għal użu privat”, billi jkun hemm applikazzjoni biss fil-każ li ma jkunx hemm ħlas għal oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi.

14

Fi tliet digriet adottati matul is-sena 1999, il-Landsskatteret (il-Qorti Fiskali Nazzjonali) annullat il-prassi amministrattiva. Sabiex ma tinkisirx is-Sitt Direttiva, hija kkunsidrat li r-regoli ġenerali tal-liġi dwar il-VAT fil-qasam tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-bejgħ għandhom japplikaw ukoll għall-kantins użati mill-impriżi, b’mod li l-VAT fuq il-bejgħ kellha tintalab fuq il-ħlas effettiv li kien jiġi rċevut, u mhux fuq il-prezz tal-produzzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Danfoss hija kumpannija b’responsabbiltà limitata skont id-dritt Daniż bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fid-Danimarka u li għandha stabilimenti f’numru ta’ Stati. Din il-kumpannija tipproduċi u tikkumerċjalizza sistemi industrijali ta’ awtomatizzazzjoni għal irregolar termiku u tal-ksieħ. L-ikel u x-xorb huma mibjugħa lill-persunal fil-kantins tagħha, li huma wkoll użati biex jipprovdu ikliet mingħajr ħlas, minn naħa, lill-kuntatti tan-negozju waqt laqgħat tan-negozju fil-bini tal-impriża u, min-naħa l-oħra, lill-persunal fil-kuntest ta’ laqgħat tan-negozju fi ħdan din il-kumpannija.

16

AstraZeneca hija impriża farmaċewtika li, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha ta’ bejgħ u ta’ kummerċjalizzazzjoni, tistieden lil tobba u professjonisti tas-saħħa għal laqgħat informattivi li jikkonċernaw diversi patoloġiji kif ukoll il-pożizzjoni u l-użu tal-prodotti b’relazzjoni għalihom. Skont xħin tibda l-laqgħa u t-tul kemm iddum, li jista’ jkun minn ftit siegħat sa ġranet sħaħ, jiġu offruti ikliet mingħajr ħlas fil-kantin tal-kumpannija, li mill-bqija jintuża għall-bejgħ tal-ikel u tax-xorb lill-persunal.

17

Il-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali ngħataw bidu permezz tar-rikorsi mressqa quddiem il-Vestre Landsret minn dawn iż-żewġ kumpanniji kontra l-iSkatteministeriet f’dak li għandu x’jaqsam tat-trattament, fir-rigward tal-VAT, tal-provvista mill-kantins tagħhom ta’ ikliet mingħajr ħlas lil kuntatti tan-negozju u lill-persunal fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju. Ir-rikors jirrigwarda, għal AstraZeneca, il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1999, u, għal Danfoss, dak mill-1 ta’ Ottubru 1996 sat-30 ta’ Settembru 2001.

18

Fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji, il-prassi amministrattiva applikabbli mill-1978 kellha bħala konsegwenza li l-VAT kienet stabbilita fuq il-prezz tal-produzzjoni tal-provvista ta’ dawn l-ikliet. Ix-xiri kollu intiż għall-kantins huwa kkunsidrat bħala użat għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, b’mod li l-VAT fuq dan ix-xiri tkun kollha kemm hija mnaqqsa mill-VAT dovuta mill-kantins.

19

Billi din il-prassi amministrattiva ġiet annullata fl-1999 mil-Landsskatteret, u hekk kif intqal fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, dan kien ikkunsidra li l-VAT kellha tintalab fuq il-ħlas effettiv li kien jiġi rċevut, u mhux fuq il-prezz tal-produzzjoni, il-kumpanniji ressqu talba għal rimbors tal-VAT li kien ġie stabbilit fuq il-prezz tal-produzzjoni tal-ikliet ipprovduti mingħajr ħlas lil kuntatti tan-negozju u lill-persunal fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju, għal ammont ta’ DKK 5920848.19fil-każ ta’ Danfoss u ta’ DKK 825275 fil-każ ta’ AstraZeneca.

20

L-iSkatteministeriet ċaħad dawn it-talbiet għal rimbors, billi kkunsidra l-provvista tal-ikliet lil kuntatti tan-negozju bħala “rappreżentanza” koperta mill-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis pprovduta fl-Artikolu 42(1)(5) tal-liġi dwar il-VAT, u l-provvista tal-ikliet lill-persunal fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju bħala “ikel” kopert mill-esklużjoni pprovduta fl-Artikolu 42(1)(1) ta’ din il-liġi.

21

Madankollu, billi Danfoss u AstraZeneca kienu, b’mod konformi mal-prassi amministrattiva fuq imsemmija, naqqsu l-VAT kollha fuq ix-xiri mill-kantins tagħhom, l-iSkatteministeriet qis li l-VAT għandha tkun applikata fuq dawn l-ikliet, bħala applikazzjonijiet, skont l-Artikolu 5(2) tal-liġi dwar il-VAT. Billi din it-taxxa fuq l-applikazzjonijiet għandha, skont dan il-ministeru, tkun ikkalkulata fuq il-prezz tal-produzzjoni, bħall-VAT fil-kuntest tal-prassi amministrattiva annullata, huqa qis li ma kienx hemm lok għal rimbors tal-ammonti tal-VAT inkwistjoni.

22

Dawn il-kumpanniji kkontestaw l-eżistenza ta’ bażi legali għall-applikazzjoni tal-VAT fuq dawn ’l hekk imsemmija applikazzjonijiet kif ukoll il-legalità tal-limitu tad-dritt għal tnaqqis ipprovdut mil-liġi dwar il-VAT.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vestre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva fuq il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ Stat Membru li jirrifjuta t-tnaqqis [tal-VAT] fuq provvisti, użati sabiex jiġu pprovduti ikliet lill-persuni li huma kuntatti tan-negozju u lill-persunal fil-kantin ta’ kumpannija meta jkun hemm laqgħat, huwa suġġett għall-kundizzjoni li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet teżisti, qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, bażi legali li tawtorizza ċ-ċaħda tat-tnaqqis inkwistjoni u li din il-bażi legali kienet ġiet applikata fil-prattika mill-awtoritajiet fiskali sabiex jirrifjutaw t-tnaqqis [tal-VAT] fuq dawn il-provvisti?

2)

Tista’ r-risposta għall-ewwel domanda tiġi affetwata mill-fatt li a) qabel l-implementazzjoni tas-Sitt Direttiva fuq il-VAT fl-1978, kantins operati minn kumpanniji ma kinux soġġetti għall-VAT skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-VAT li kienet fis-seħħ fl-Istat Membru inkwistjoni, b) ir-regoli nazzjonali dwar l-esklużjoni tat-tnaqqis ma ġewx emendati matul l-implementazzjoni tas-Sitt Direttiva fuq il-VAT, u li kien esklussivament b’riżultat tal-fatt li kantins operati minn kumpanniji saru soġġetti għall-VAT matul l-implementazzjoni tas-Sitt Direttiva fuq il-VAT li r-regoli dwar l-esklużjoni tat-tnaqqis setgħu jsiru relevanti għal dan it-tip ta’ impriża?

3)

L-esklużjoni mid-dritt tat-tnaqqis hija ‘miżmuma’ fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva fuq il-VAT jekk, b’effett mill-implementazzjoni tas-Sitt Direttiva fuq il-VAT fl-1978 sal-1999, kien jeżisti dritt li titnaqqas il-VAT fuq in-nefqa inkwistjoni minħabba li kien hemm prassi amministratttiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

4)

L-Artikolu 6(2) (a) u (b) tas-Sitt Direttiva fuq il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri l-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet mill-kumpannija fil-kantin tagħha lill-persuni li huma kuntatti tan-negozju meta jkun hemm laqgħat miżmuma fil-kumpannija?

5)

L-Artikolu 6(2) (a) u (b) tas-Sitt Direttiva fuq il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri l-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet mill-kumpannija fil-kantin tagħha lill-persunal tagħha meta jkun hemm laqgħat miżmuma fil-kumpannija?”

Fuq l-ewwel tliet domandi

24

Permezz tal-ewwel tliet domandi, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola “standstill” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva tippermetti lil awtorità fiskali tipprekludi lil persuna taxxabbli esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input, f’dan il-każ projbizzjoni li tnaqqas it-taxxa tal-input fuq l-ispejjeż tal-ikel tal-persunal tal-impriża u l-ispejjeż ta’ rappreżentanza, meta din l-esklużjoni, minkejja li pprovduta fid-dritt nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, fil-prattika, ma kinitx applikabbli għas-servizzi pprovduti mill-kantins, minħabba li servizzi bħal dawn mhumiex taxxabbli bil-VAT, sal-1 ta’ Ottubru 1978, insegwitu għal prassi amministrattiva, mill-bidu tax-xahar ta’ Novembru ta’ dik is-sena, dawn is-servizzi ġew intaxxati sal-prezz ta’ produzzjoni tagħhom sabiex ikun hemm dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imħallsa.

25

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li s-Sitt Direttiva daħlet fis-seħħ fid-Danimarka fl-1 ta’ Jannar 1979 [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Ampafrance u Sanofi, C-177/99 u C-181/99, Ġabra p. I-7013, punti 5 u 9, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-40/00, Ġabra p. I-4539, punti 5 u 9; ara, ukoll, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/583 u, fl-aħħar nett, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)].

26

Jeħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li, skont il-prinċipju fundamentali inerenti fis-sistema tal-VAT u li jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 2 tas-sitt Direttiva, il-VAT hija applikabbli għal kull tranżazzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ tqassim, wara li jsir it-tnaqqis tal-VAT fuq it-taxxi tal-input kollha mħallsa direttament. Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 17 et seq. tas-Sitt Direttiva jifforma parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, fil-prinċipju, jiġi limitat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat immedjatament fuq it-taxxi kollha imposti fuq it-tranżazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-input. Kull limitazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għandha effett fuq il-livell tal-piż tat-taxxa u għandha tiġi applikata b’mod simili fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement, mhumiex permessi derogi ħlief fil-każijiet espressament previsti mis-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Jannar 2002, Metropol u Stadler, C-409/99, Ġabra p. I-81, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal derogi mill-prinċipju tad-dritt għal tnaqqs tal-VAT, li jiggarantixxi n-newtralità ta’ din it-taxxa, huma interpretati b’mod restrittiv (sentenza Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

27

L-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jistabbilixi f’termini espliċiti u preċiżi l-prinċipji tat-tnaqqis mill-persuna taxxabbli tal-ammonti mitluba bħala VAT għall-provvista ta’ oġġetti jew servizzi lilu pprovduti, safejn dawn l-oġġetti jew servizzi huma użati għall-finijiet tal-provvisti taxxabbli (sentenza Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

28

Madankollu dan il-prinċipju ttaffa mid-dispożizzjoni li tidderoga li tinsab fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva u, b’mod partikolari, fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-istess paragrafu. L-Istati Membri huma fil-fatt awtorizzati li jżommu l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-esklużjoni mid-dritt għal tnaqqis li tkun teżisti fid-data meta s-Sitt Direttiva tidħol fis-seħħ, sakemm il-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-345/99, Ġabra p. I-4493, punt 19, kif ukoll Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

29

Madankollu, hekk kif huwa indikat fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, l-ebda proposta ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva ma ġiet adottata minn din tal-aħħar, bl-Istati Membri jistgħu jżommu l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-esklużjoni mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT sakemm il-leġiżlatur Komunitarju jistabbilixxi sistema Komunitarja tal-esklużjonijiet u b’hekk iwettaq l-armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-VAT. Għalhekk, sa llum id-dritt Komunitarju ma jinkludi l-ebda dispożizjoni li telenka l-ispejjeż li huma eżenti mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 48 tas-sentenza tagħha Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva fih klawżola “standstill” li jipprovdi ż-żamma tal-esklużjonijiet nazzjonali tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT li kienu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva.

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti lill-Istati Membri, sakemm jiġi stabbilit mill-Kunsill is-sistema Komunitarja tal-esklużjonijiet tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, li jżommu kull regola tad-dritt nazzjonali li twassal għall-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis effettivament applikat mill-awtoritajiet pubbliċi fid-data meta s-Sitt Direttiva daħlet fis-seħħ (sentenza Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

32

F’dan il-kuntest, billi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, hija emendata b’mod li tnaqqas il-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti u b’hekk tersaq lejn l-għan tas-Sitt Direttiva, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-liġi hija koperta mid-deroga pprovduta fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva u ma tiksirx l-Artikolu 17(2) tagħha (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-345/99, punt 22, kif ukoll Metropol u Stadler, punt 45).

33

Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwix deroga permessa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, u tikser l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, jekk hija għandha bħala għan li twessa’, wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, il-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti u b’hekk tersaq ’l bogħod mill-għan ta’ din id-direttiva (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-40/00, punt 17, kif ukoll Metropol u Stadler, punt 46).

34

Dan jgħodd għal kull emenda wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva li twessa’ l-kamp tal-esklużjonijiet applikabbli immedjatament qabel din l-emenda (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-40/00, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

35

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel tliet domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju.

36

Minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li fid-Danimarka, sad-data tal-1 ta’ Ottubru 1978, data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar il-VAT, il-provvista tas-servizzi ta’ kantins ma kinux suġġetti għall-VAT. Minħabba n-nuqqas li dawn is-servizzi jiġu ntaxxati, ma kienx hemm lok li jiġu applikati r-regoli nazzjonali dwar l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input.

37

Billi l-provvisti ta’ servizzi saru suġġetti għall-VAT wara li ġiet emendata din il-liġi, l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis ipprovdut mil-liġi dwar il-VAT ma kienx iktar applikat għall-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-kantins tal-impriżi.

38

Fil-fatt, wara din l-emenda fil-leġiżlazzjoni, fix-xahar ta’ Novembru 1978, waslet id-deċiżjoni tal-Momsnævn, li tgħid, minn naħa, li l-portata tal-VAT fuq il-bejgħ tal-ikel u tax-xorb fil-kantins tal-impriżi kellha tkun għallinqas l-istess għall-prezz tal-produzzjoni tas-servizzi pprovduti u, min-naħa l-oħra, li l-VAT tal-input mħallsa kellha titnaqqas kollha.

39

Hekk kif jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva fid-Danimarka, ir-regoli nazzjonali dwar l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input ipprovdut fl-Artikolu 16(3) tal-liġi dwar il-VAT ma kinux, fil-prattika, applikabbli għas-servizzi pprovduti mill-kantins tal-impriżi.

40

Għalhekk, fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva fid-Danimarka, għandu jiġi kkonstatat li l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis inkwistjoni mhuwiex effettivament applikabbli għall-ispejjeż relatati mal-ikliet mingħajr ħlas ipprovduti mill-kantins tal-impriżi lill-persunal u lil kuntatti tan-negozju, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

41

Minn naħa l-oħra, hekk kif huwa mfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, mhijiex aċċettata leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala għan li twessa’, wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, il-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti u b’hekk tersaq ’l bogħod mill-għan ta’ din.

42

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, billi jiġi stabbilit, permezz ta’ prassi amministrattiva fis-seħħ mix-xahar ta’ Novembru tas-sena 1978 sas-sena 1999, dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imħallsa fir-rigward tal-provvista tal-ikel u tax-xorb mill-kantins tal-impriżi, l-amministrazzjoni Daniża naqset milli tintroduċi limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis ta’ din it-taxxa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-atti leġiżlattivi fis-sens strett tat-terminu, iżda wkoll l-atti amministrattivi kif ukoll il-prattiki amministrattivi tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri kkonċernati (sentenza Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

43

Għalhekk, billi rrifjuta, skont l-Artikolu 42(1)(1) u (5) tal-liġi dwar il-VAT, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input marbut mal-provvista ta’ ikel u xorb mill-kantins tal-impriżi, l-iSkatteministeriet għandu l-għan li jwessa’ l-kamp ta’ din l-esklużjoni applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva għall-ispejjeż għall-ikliet inkwistjoni u jintroduċi emenda li tersaq ’l bogħod mill-għan tas-Sitt Direttiva, li mhuwiex aċċettat skont id-deroga pprovduta fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) ta’ din id-direttiva.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel tliet domandi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru japplika, wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq l-ispejjeż marbuta mal-ikliet ipprovduti mingħajr ħlas fil-kantins tal-impriżi lil kuntatti tan-negozju u lill-persunal fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju, meta, fid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ, din l-esklużjoni ma kinitx effettivament applikabbli għal dawn l-ispejjeż, minħabba prassi amministrattiva li tintaxxa s-servizzi pprovduti minn dawn il-kantins sal-prezz ta’ produzzjoni tagħhom sabiex ikun hemm dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imħallsa.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

45

Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk kumpannija suġġetta għall-VAT, li l-kantin tagħha tipprovdi ikliet mingħajr ħlas lil kuntatti tan-negozju jew lill-membri tal-persunal fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju miżmuma fil-kumpannija, twettaq provvista mingħajr ħlas għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju tagħha assimilati għal provvista ta’ servizzi bi ħlas taxxabbli skont l-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva.

46

Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett, li din id-dispożizzjoni tittratta ċerti tranżazzjonijiet li għalihom il-persuna taxxabbli effettivament ma tirċievi l-ebda ħlas bħala provvisti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li saru bi ħlas. Il-fini ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiżguraw trattament indaqs bejn persuna taxxabbli li tapplika oġġetti jew servizzi għall-użu privat tagħha jew għal dak tal-persunal tagħha u, minn naħa, konsumatur finali li jikseb oġġetti jew servizzi tal-istess tip, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler, C-230/94, Ġabra p. I-4517, punt 35; tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck, C-258/95, Ġabra p. I-5577, punt 25; tas-17 ta’ Mejju 2001, Fischer u Brandenstein, C-322/99 u C-323/99, Ġabra p. I-4049, punt 56, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2005, Hotel Scandic Gåsabäck, C-412/03, Ġabra p. I-743, punt 23).

47

Hekk kif iqis il-Gvern Daniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi fejn il-persuna taxxabbli li setgħat tnaqqas il-VAT fuq ix-xiri ta’ oġġett intiż għall-impriża tagħha tevita li tħallas din it-taxxa meta hija tapplika dan l-oġġett mill-patrimonju tal-impriża tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, hija ssir konsumatur finali ta’ oġġett u għandha tiġi ttrattata bħala tali. Bl-istess mod, l-Artikolu 6(2)(a), tas-Sitt Direttiva jimpedixxi li persuna taxxabbli tevita l-ħlas tal-VAT f’każ ta’ applikazzjoni bħal din u li għalhekk tapprofitta minn vantaġġ mhux dovut meta mqabbel mal-konsumatur finali li xtara l-oġġett u li ħallas il-VAT fuqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 1992, de Jong, C-20/91, Ġabra p. I-2847, punt 15; Enkler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; tat-8 ta’ Marzu 2001, Bakcsi, C-415/98, Ġabra p. I-1831, punt 42; Fischer u Brandenstein, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56, kif ukoll Hotel Scandic Gåsabäck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

48

Bl-istess mod, l-Artikolu 6(2)(b), tas-Sitt Direttiva jimpedixxi li persuna taxxabbli, jew membri tal-persunal tagħha jiksbu provvisti ta’ servizzi mingħajr taxxa mill-persuna taxxabbli li għalihom persuna privata kien ikollha tħallas il-VAT (sentenza Hotel Scandic Gåsabäck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

49

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skont il-prassi amministrattiva fis-seħħ fix-xahar ta’ Novembru tal-1978 sal-1999, il-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet tal-kantins lil kuntatti tan-negozju lill-persunal fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju hija kkunsidrata bħala magħmula bi ħlas li jikkorrispondi għall-prezz tal-produzzjoni tas-servizzi pprovduti. Dawn ma jistgħux jitqiesu bħala li kienu “applikati għal użu privat”, billi jkun hemm applikazzjoni biss fil-każ li ma jkunx hemm ħlas għal oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi (ara s-sentenza Hotel Scandic Gåsabäck, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 sa 24).

50

Din il-prassi ġiet annullata mil-Landsskatteret fl-1999, li l-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet fil-kantins ta’ impriża tista’, kuntrarjament għal dak li tafferma Danfoss, tkun ikkunsidrata bħala tranżazzjoni li għaliha l-persuna taxxabbli effettivament ma tirċievi l-ebda ħlas u, konsegwentement, titqies bħala applikazzjoni. Madankollu, din il-provvista mhijiex suġġetta għall-VAT skont l-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva ħlief bil-kundizzjoni li tkun “għal skopijiet barra dawk tan-negozju”.

51

Għalhekk, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-provvista mingħajr ħlas tal-ikliet mill-kantins tal-impriżi lil kuntatti tan-negozju fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi mwettqa mill-persuna taxxabbli għal skopijiet barra dawk tan-negozju.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li Danfoss hija kumpannija li tipproduċi u tikkumerċjalizza fuq il-livell internazzjonali sistemi industrijali ta’ awtomatizzazzjoni użati b’mod partikolari għal irregolar termiku u tal-ksieħ. Waqt li AstraZeneca hija impriża farmaċewtika li l-għan prinċipali tagħha huwa li tiddistribwixxi l-prodotti farmaċewtiċi tagħha fuq is-suq Daniż.

53

Jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentanti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fil-kawża prinċipali li l-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet minn Danfoss u AstraZeneca lill-kuntatti tan-negozju tagħhom isseħħ biss waqt laqgħat tan-negozju fil-bini tal-impriża. Din l-aħħar kumpannija fil-fatt tistieden lil tobba u professjonisti oħra tas-saħħa sabiex tinformahom, f’dan il-kuntest, dwar il-patoloġiji kif ukoll il-pożizzjoni u l-użu tal-mediċini tagħhom. Barra minn dan, l-ikliet inkwistjoni jiġu offruti lill-parteċipanti fil-kantin meta l-ħin li fih isseħħ il-laqgħa u t-tul ta’ din, li jista’ jkun ta’ ġranet sħaħ, jeżiġi dan.

54

Tali ċirkustanzi huma indizju li l-provvista tal-ikliet inkwistjoni titwettaq għal skopijiet li mhumiex barra dawk tan-negozju.

55

Madankollu, huwa minnu li jista’ jkun diffiċli li tikkontrolla b’mod effikaċji n-natura professjonali jew le tal-provvista tal-ikliet mill-kantini tal-impriżi, inkluż meta din il-provvista sseħħ fil-kuntest tal-funzjonament normali ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, jekk jirriżulta minn informazzjoni oġġettiva — li hija għall-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikaha — li dawn il-provvisti ta’ ikliet seħħu għal skopijiet strettament professjonali, dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva.

56

Għalhekk, it-tieni nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-provvista mingħajr ħlas tal-ikliet mill-kantins tal-impriżi lill-persunal ta’ dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi mwettqa mill-persuna taxxabbli għal użu privat tal-persunal tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju.

57

Huwa paċifiku li normalment huwa l-impjegat li jagħżel għall-ikliet tiegħu n-natura, il-ħin eżatt kif ukoll fejn ser jikkonsmahom. Min iħaddem ma jintervjenix f’din l-għażla, l-obbligu tal-imġjegat huwa biss li jkun lura fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-ħin miftiehem u li jagħmel xogħlu normali. Għalhekk, hekk kif il-Kummissjoni qieset fis-seduta, il-provvista tal-ikliet lill-impjegati, fil-prinċipju, tfittex li tissodisfa użu privat u tirriżulta minn għażla personali ta’ dawn tal-aħħar li fir-rigward tiegħu min iħaddem ma jintervjenix. Jirriżulta minn dan li, f’ċirkustanzi normali, l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti f’li jiġu pprovduti ikliet mingħajr ħlas lill-impjegati jissodisfaw l-użu privat ta’ dawn tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva.

58

Minn naħa l-oħra, f’ċirkustanzi partikolari, l-eżiġenzi tal-impriża jistgħu jirrikjedu li l-istess min iħaddem għandu jiżgura huwa stess il-provvista tal-ikliet (ara, b’analoġija mat-trasport tal-pagi lejn il-post tax-xogħol minn min iħaddem, sentenza Fillibeck, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30).

59

Min naħa, Danfoss ippreċiżat, mingħajr ma tkun ikkontestata mill-Gvern Daniż, li l-ikliet inkwistjoni, li jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-ikliet ipprovduti lill-persunal, bil-bqija jkunu bi ħlas, huma esklużivament proposti fil-kuntest ta’ laqgħat ta’ ħaddiema li ġejjin minn numru ta’ stati meta jiltaqgħu fl-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija. Hekk kif din il-kumpannija sostniet waqt is-seduta, l-interess tal-impriża li tipprovdi ikliet u xorb lill-impjegati tagħha fil-kuntest speċifiku ta’ laqgħat fl-impriża huwa bbażat fil-kapaċità tagħha li torganizza dawn l-ikliet b’mod razzjonali u effikaċji, bi kontroll ta’ min, fejn u meta jseħħu dawn l-ikliet ta’ xogħol.

60

Għandu jingħad li, għal min iħaddem, il-fatt li jiżgura l-provvista tal-ikliet lill-persunal tiegħu jippermetti, b’mod partikolari, li jillimita l-kawżi ta’ interruzzjonijiet tal-laqgħat. Għalhekk, il-fatt li min iħaddem biss jista’ jiggarantixxi t-tkomplijja u t-tmexxija tajba tal-laqgħat jista’ jobbligah jiżgura l-provvista tal-ikliet lill-impjegati li jipparteċipaw fihom.

61

Min-naħa l-oħra, hekk kif ippreċiżat Danfoss matul is-seduta, l-ikliet inkwistjoni jikkonsistu fi sandwiches u platti kesħin, servuti fis-sala tal-laqgħa f’ċirkustanzi partikolari. Jirriżulta minn dawn il-preċiżazzjonijiet li l-impjegati m’għandhom l-għażla la tal-post, la tal-ħin, la tan-natura tal-ikliet, billi min iħaddem huwa responsabbli minn din l-għażla.

62

F’ċirkustanzi partikolari bħal dawn, il-provvista tal-ikliet lill-impjegati minn min iħaddem m’għandhiex l-għan li tissodisfa l-użu privat ta’ dawn tal-aħħar u titwettaq għal skopijiet barra dawk tan-negozju. Il-vantaġġ personali li l-impjegati jkollhom minn dan jidher li huwa biss aċċessorju għall-bżonnijiet tal-impriża.

63

Iċ-ċirkustanzi partikolari tal-organizzazzjoni tal-impriża għalhekk jikkostitwixxu indizju li l-provvista ta’ ikliet ipprovduti mingħajr ħlas twettqu għal skopijiet li mhumiex barra dawk tan-negozju.

64

Madankollu, huwa għall-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi jekk iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawżi prinċipali li hija qed tiddeċiedi dwarhom, fir-rigward tal-eżiġenzi tal-kumpanniji inkwistjoni, jirrikjedi li min iħaddem jiżgura l-provvista mingħajr ħlas tal-ikliet lil kuntatti tan-negozju u lill-persunal fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju fil-kumpanniji.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, jeħtieġ li tingħata risposta għar-raba’ u l-ħames domanda li l-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni, minn naħa, ma tkoprix il-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet fil-kantins ta’ impriżi għal kuntatti tan-negozju meta jkun hemm laqgħat miżmuma fil-bini ta’ dawn l-impriżi, billi jirriżulta minn informazzjoni oġġettiva — li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfikaha — li dawn l-ikliet huma pprovduti għal skopijiet strettament professjonali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tkopri fil-prinċipju l-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet minn impriża lill-persunal tagħha fil-bini tagħha, sakemm — li hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika dan — l-eżiġenzi tal-impriżi, bħal dawk li jiġu żgurati t-tkomplijja u t-tmexxija tajba tal-laqgħat tax-xogħol, ma jeħtieġux li l-provvista tal-ikliet tiġi żgurata minn min iħaddem.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru japplika, wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa fuq l-ispejjeż marbuta mal-ikliet ipprovduti mingħajr ħlas mill-kantins ta’ impriżi lil kuntatti tan-negozju u lill-persunal fil-kuntest tal-laqgħat tan-negozju, meta, fid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ, din l-esklużjoni ma kinitx effettivament applikabbli għal dawn l-ispejjeż, minħabba prassi amministrattiva li tintaxxa s-servizzi pprovduti minn dawn il-kantins sal-prezz ta’ produzzjoni tagħhom kkalkulat fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni, jiġifieri l-prezz tal-materja prima kif ukoll l-ispiża tal-pagi relatati mal-preparazzjoni u l-bejgħ ta’ dan l-ikel u x-xorb kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-kantins, sabiex ikun hemm dritt għal tnaqqis sħiħ tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa.

 

2)

L-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni, minn naħa, ma tkoprix il-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet fil-kantins ta’ impriżi għal kuntatti tan-negozju meta jkun hemm laqgħat miżmuma fil-bini ta’ dawn l-impriżi, billi minn informazzjoni oġġettiva — li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfikaha — jirriżulta li dawn l-ikliet huma pprovduti għal skopijiet strettament professjonali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tkopri fil-prinċipju l-provvista mingħajr ħlas ta’ ikliet minn impriża lill-persunal tagħha fil-bini tagħha, sakemm — li hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika dan — l-eżiġenzi tal-impriżi, bħal dawk li jiġu żgurati t-tkomplija u t-tmexxija tajba tal-laqgħat tax-xogħol, ma jeħtieġux li l-provvista tal-ikliet tiġi żgurata minn min iħaddem.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top