EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0319

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-9 ta' Lulju 2009.
3F vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Miżuri ta’ tnaqqis fiskali li jikkonċernaw il-baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru internazzjonali Daniż - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet - Rikors għal annullament - Kunċett ta’ "persuna interessata" - Sindakat ta’ ħaddiema - Ammissibbiltà tar-rikors.
Kawża C-319/07 P.

European Court Reports 2009 I-05963

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:435

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Appell — Miżuri ta’ tnaqqis fiskali li jikkonċernaw il-baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru internazzjonali Daniż — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet — Rikors għal annullament — Kunċett ta’ ‘parti interessata’ — Sindakat ta’ ħaddiema — Ammissibbiltà tar-rikors”

Fil-Kawża C-319/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fid-9 ta’ Lulju 2007,

3F, li qabel kien Specialarbejderforbundet i Danmark (SID), stabbilit f’Kopenħagen (id-Danimarka), irrappreżentat minn A. Bentley, QC, u A. Worsøe, advokat,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Khan u H. van Vliet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tad-Danimarka,

Ir-Renju tan-Norveġja,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, 3F (iktar ’il quddiem l-“appellant”) li qabel kien Specialarbejderforbundet i Danmark (SID), is-sindakat ġenerali tal-ħaddiema tad-Danimarka, jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-23 ta’ April 2007, SID vs Il-Kummissjoni (T-30/03, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu hija ċaħdet ir-rikors tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 4370 finali, tat-13 ta’ Novembru 2002, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżuri fiskali Daniżi applikabbli għall-baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru internazzjonali Daniż (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi dan li ġej:

“3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ’l quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’).”

3

Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (ĠU 1997, C 205, p. 5, iktar ’il quddiem il-“linji gwida Komunitarji”) huma intiżi, skont il-punt 2.2 tagħhom, intitolat “Għanijiet ġenerali tal-linji gwida emendati fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat”, sabiex itejbu t-trasparenza u jistabbilixxu liema programmi ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu implementati sabiex jappoġġjaw l-interessi marittimi Komunitarji. Skont dan l-istess punt:

“[…] Ir-riżultati mistennija huma:

is-salvagwardja tal-impjieg Komunitarju […],

il-preżervazzjoni tal-kompetenzi marittimi tal-Komunità u l-iżvilupp tal-ħiliet marittimi,

it-titjib tas-sigurtà.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Il-punt 3.2 tal-linji gwida Komunitarji, intitolat “L-ispejjeż tal-pagi” jipprovdi dan li ġej:

“Miżuri ta’ appoġġ għas-settur marittimu għandhom, primarjament ikollhom l-għan li titnaqqas it-taxxa u spejjeż u piżijiet oħra sostnuti mis-sidien ta’ bastimenti u baħħara Komunitarji (jiġifieri dawk li għandhom l-obbligu li jħallsu t-taxxa u/jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fi Stat Membru) għal livelli li jikkonformaw ma’ normi dinjija. Dawn għandhom jistimulaw direttament l-iżvilupp tas-settur u l-impjieg, pjuttost milli jipprovdu għajnuna finanzjarja ġenerali.

Għalhekk konformi ma’ dan l-għan, l-azzjoni li ġejja fir-rigward tal-ispejjeż ta’ pagi għandha tkun permessa għat-trasport marittimu Komunitarju:

[…]

rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq id-dħul għal baħħara tal-KE abbord vapuri rreġistrati fi Stat Membru.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Fl-1 ta’ Lulju 1988, ir-Renju tad-Danimarka adotta l-Liġi Nru 408, li daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 1988, li stabbiliet reġistru internazzjonali Daniż tal-bastimenti (iktar ’il quddiem ir-“reġistru DIS”). Dan ir-reġistru sar b’żieda mar-reġistru ordinarju Daniż tal-bastimenti (iktar ’il quddiem ir-“reġistru DAS”). Ir-reġistru DIS għandu l-għan li jiġġieled kontra l-evażjoni tal-bnadar marittimi Komunitarji lejn il-bnadar ta’ konvenjenza. Il-vantaġġ prinċipali tar-reġistru DIS huwa li s-sidien li l-bastimenti tagħhom huma rreġistrati f’dan ir-reġistru għandhom id-dritt li fuq dawn il-bastimenti jimpjegaw baħħara ta’ pajjiżi terzi filwaqt li jħallsuhom remunerazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali ta’ dawn tal-aħħar.

6

Fl-istess jum, ir-Renju tad-Danimarka adotta l-Liġijiet Nri 361, 362, 363 u 364, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1989, li jistabbilixxu diversi miżuri fiskali fir-rigward tal-baħħara impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati fir-reġistru DIS (iktar ’il quddiem il-“miżuri fiskali inkwistjoni”). B’mod partikolari, dawn il-baħħara ġew eżentati mit-taxxa fuq id-dħul filwaqt li l-baħħara impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati fir-reġistru DAS kienu suġġetti għal tali impożizzjoni ta’ taxxa.

7

Fit-28 ta’ Awwissu 1998, l-appellant ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni kontra r-Renju tad-Danimarka dwar il-miżuri fiskali inkwistjoni minħabba l-fatt li dawn kienu kontra l-linji gwida Komunitarji u, għalhekk, kontra l-Artikolu 87 KE.

8

Fl-ilment tiegħu, l-appellant isostni li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li mhijiex konformi mal-linji gwida Komunitarji minħabba l-fatt li, minn naħa waħda, l-eżenzjoni fiskali tingħata lill-baħħara kollha u mhux biss lill-baħħara Komunitarji u li, min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni.

9

Fit-13 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li biha ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet “kontra l-miżuri fiskali applikati mill-1 ta’ Jannar 1989 għall-baħħara impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati fid-Danimarka, kemm fir-reġistru DAS kif ukoll fir-reġistru DIS, billi kkunsidrat li minkejja li kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, kienu jew kienu għadhom kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 87(3)(c) KE” (it-tieni paragrafu tal-punt 46 tal-imsemmija deċiżjoni).

Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Jannar 2003, l-appellant talab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11

B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li permezz tagħha talbet lill-qorti tiċħad ir-rikors ippreżentat quddiemha bħala manifestament inammissibbli u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

12

Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2003, l-appellant talab li din tiġi miċħuda u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ din l-eċċezzjoni.

13

Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Ġunju 2003, il-President tat-Tieni Awla estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li sema’ lill-partijiet, awtorizza l-interventi tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tan-Norveġja insostenn tal-Kummissjoni. L-intervenjenti rrinunzjaw milli jippreżentaw nota limitata għall-ammissibbiltà tar-rikors.

Id-digriet appellat

14

Insostenn tar-rikors tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-appellant qajjem tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE, interpretat fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji u tal-prinċipju ta’ aspettativi leġittimi u, it-tielet wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

15

Fil-punt 24 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tat-tielet paragrafu tal-istess artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-Qorti Komunitarja tiddikjara ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, imressaq minn parti interessata fis-sens tal-imsemmi paragrafu 2, jekk l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors ikun li tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha taħt din l-aħħar dispożizzjoni.

16

Fil-punt 25 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li l-persuni interessati skont l-Artikolu 88(2) KE, li jistgħu għalhekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jippreżentaw rikors għal annullament, huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 16, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra p. I-10737, punt 36).

17

Fil-punt 26 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li jekk, min-naħa l-oħra, l-appellant jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, allura huwa għandu juri li għandu status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197). B’mod partikolari dan jiġri wkoll meta l-pożizzjoni fis-suq tal-appellant tkun affettwata b’mod sostanzjali mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni.

18

Fil-punt 28 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet kif ġej:

“Meta r-rikorrent għandu l-għan, kif inhu f’din il-kawża permezz tal-ewwel motiv tiegħu, li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li huwa għandu skont l-Artikolu 88(2) KE sabiex jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, il-qorti Komunitarja għandha tiddikjara r-rikors tiegħu ammissibbli sakemm dan ir-rikorrent ikun parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE (sentenza Il-Kummissjoni vs [Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum], [iċċitata iktar ’il fuq], punti 35 u 36).”

19

Fil-punti 30 sa 33 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dan li ġej:

“30

[…] ġie deċiż li rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 230 KE kontra deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat adottata mingħajr proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa inammissibbli jekk il-pożizzjoni kompettitiva fis-suq tar-rikorrent mhijiex affettwata bl-għoti tal-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T-188/95, Ġabra p. II-3713, punt 62, u ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2001, Hamburger Hafen- und Lagerhaus et vs Il-Kummissjoni, T-69/96, Ġabra p. II-1037, punt 41). Bl-istess mod, ġie deċiż li rikorrenti, li mhuwiex impriża li l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu ġiet affettwata minn miżuri tal-Istat iddikjarati bħala għajnuna, ma għandux interess personali sabiex jinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra n-nuqqas tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) KE, l-allegati effetti antikompetittivi ta’ dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1997, ATM vs Il-Kummissjoni, T-178/94, Ġabra p. II-2529, punt 63, u d-digriet [tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunu 2003,] Pérez Escolar vs Il-Kummissjoni, [T-41/01, Ġabra p. II-2157,] punt 46).

31

Issa, la r-rikorrent, bħala sindakat ta’ baħħara, u lanqas il-membri tiegħu mhuma kompetituri tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, kif dawn tal-aħħar huma identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-sidien tal-bastimenti rreġistrati fir-reġistru DIS.

32

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rikorrent stess, huwa ma jistax isostni li l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu hija milquta bl-għajnuna inkwistjoni. L-ewwel nett, ġie deċiż li assoċjazzjoni ta’ ħaddiema tal-impriża li allegatament ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat bl-ebda mod ma kienet kompetitur ta’ din l-impriża (sentenza ATM vs Il-Kummissjoni, [iċċitata iktar ’il fuq], punt 63). It-tieni, sa fejn ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fir-rigward ta’ sindakati oħra ta’ baħħara fin-negozjati ta’ ftehim kollettivi fis-settur inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-ftehim konklużi fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi ma jaqgħux fis-settur tal-kompetizzjoni [ara, fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 3(g) KE u tal-Artikolu 81 KE għall-ftehim kollettivi, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C-67/96, Ġabra p. I-5751, punti 52 sa 60].

33

Bl-istess mod, fir-rigward tal-membri tar-rikorrent, m’hemm xejn li jindika fil-proċess li dawn il-baħħara ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem skont l-Artikolu 39 KE, jiġifieri l-persuni li jwettqu matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv għalihom jirċievu remunerazzjoni. Bħala ħaddiema, huma għalhekk ma jikkostitwixxux impriżi fihom infushom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 1999, Becu et, C-22/98, Ġabra p. I-5665, punt 26).”

20

Barra minn hekk, fil-punt 35 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li ma kienx eskluż li korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna jistgħu, bħala persuni interessati skont l-Artikolu 88(2) KE, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali, li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu kkunsidrati minnha, filwaqt li rreferiet, f’dan ir-rigward, għad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 1998, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni (T-189/97, Ġabra p. II-335, punt 41). Madankollu, fil-punt 36 tal-istess digriet, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-aspetti soċjali li jirriżultaw mir-reġistru DIS joriġinaw prinċipalment mit-twaqqif ta’ dan ir-reġistru bil-Liġi Nru 408 u mhux mill-miżuri fiskali paralleli u li l-Kummissjoni kkunsidrat li t-twaqqif tal-imsemmi reġistru ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, biex b’hekk illimitat l-investigazzjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri statali mas-suq komuni għall-miżuri fiskali inkwistjoni biss. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fl-istess punt 36, li l-aspetti soċjali tar-reġistru DIS huma biss marbutin indirettament mas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, u li konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax jibbaża ruħu fuq dawn l-aspetti soċjali sabiex jiġġustifika li huwa persuna individwalment ikkonċernata.

21

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 37 tad-digriet appellat, ċaħdet ukoll l-argument tar-rikorrent li huwa jista’ jitqies li huwa individwalment ikkonċernat sempliċement għaliex l-għajnuna inkwistjoni tgħaddi lill-benefiċjarji permezz ta’ tnaqqis fit-talbiet għal pagi tal-baħħara li jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa tad-dħul stabbilita bil-miżuri fiskali inkwistjoni. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-benefiċċji li rċevew il-benefiċjarji tal-għajnuna u mhux fuq il-mod kif din l-għajnuna ngħatat.

22

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li r-rikorrent ma weriex li l-interessi tiegħu bħala negozjatur setgħu jiġu direttament milquta mill-għajnuna inkwistjoni. Filwaqt li rreferiet għas-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219), u tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C 313/90, Ġabra p. I-1125), fil-punti 39 u 40 tad-digriet appellat, hija kkunsidrat li s-sempliċi fatt li r-rikorrent ilmenta mal-Kummissjoni kontra l-għajnuna inkwistjoni ma jfissirx li huwa individwalment ikkonċernat. Anki jekk jista’ jkun li r-rikorrent kien wieħed min-negozjaturi ta’ ftehim kollettivi għal baħħara impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati f’wieħed mir-registri Daniżi, u bħala tali, kien parti mill-mekkaniżmu ta’ riperkussjoni tal-għajnuna lis-sidien ta’ bastimenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li r-rikorrent bl-ebda mod ma wera li huwa nnegozja mal-Kummissjoni l-abbozzar tal-linji gwida Komunitarji, invokati f’din il-kawża, jew l-adozzjoni tal-miżuri fiskali inkwistjoni mal-Kummissjoni jew mal-Gvern Daniż.

23

B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 41 u 42 tad-digriet appellat, ikkonkludiet li la r-rikorrent u lanqas il-membri tiegħu ma kienu kkonċernati individwalment bid-deċiżjoni kkontestata u li, għalhekk, ir-rikors ippreżentat minn dan tal-aħħar kien inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi skont l-Artikolu 230 KE.

L-appell

24

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-digriet appellat fit-totalità tiegħu;

tiddikjara bħala ammissibbli r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell.

25

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

26

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat is-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod wiesa’ wisq sabiex tikkonkludi li l-pożizzjoni kompetittiva tal-appellant ma kinitx affettwata mill-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni. It-tieni aggravju huwa li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellant ma setax jibbaża ruħu fuq aspetti soċjali li jirriżultaw mil-linji gwida Komunitarji sabiex jistabbilixxi li kien ikkonċernat individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Plaumann vs Il-Kummissjoni, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-appellant ma setax jitqies li huwa kkonċernat individwalment sempliċement għaliex l-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni ngħatat lill-benefiċjarji tagħha permezz ta’ tnaqqis fit-talbiet għal pagi ta’ baħħara li kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul. Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, u CIRFS et vs Il-Kummissjoni, meta kkonkludiet li l-interessi tal-appellant stess bħala negozjatur ma ġewx milquta mill-miżuri fiskali inkwistjoni.

Osservazzjonijiet preliminari

27

Qabel jiġu eżaminati l-aggravji mressqa insostenn tal-appell, għandhom jitfakkru r-regoli rilevanti dwar il-locus standi kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat ta’ persuna li mhijiex l-Istat Membru destinatarju ta’ din id-deċiżjoni.

28

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn persuna oħra jekk din id-deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

29

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla mal-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom bl-istess mod bħad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, p. 223; tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 20; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 14; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I-10505, punt 26).

30

Peress li r-rikors fl-ewwel istanza jirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat stipulata fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami stipulata fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi tal-eżami, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar l-informazzjoni kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara s-sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 38; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

31

Minn dan jirriżulta li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il benefiċjarji ta’ dawn il garanziji proċedurali jistgħu jiksbu l osservanza tagħhom biss jekk ikollhom il possibbiltà li jikkontestaw din id deċiżjoni quddiem il qorti Komunitarja. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Komunitarja għandha tiddikjara ammissibbli rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, imressaq minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors ikun li, b’dan il-mod, tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha taħt din l-aħħar dispożizzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 28).

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li tali persuni interessati huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jiġu affettwati fl-interessi tagħhom permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 41; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 36, kif ukoll British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 29).

33

F’dan ir-rigward, mhuwiex eskluż li sindakat ta’ ħaddiema għandu jitqies li huwa “parti interessata” skont l-Artikolu 88(2) KE meta juri li l-interessi tiegħu stess jew tal-membri tiegħu jistgħu eventwalment jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna. Madankollu dan is-sindakat għandu jipprova, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu jew fuq dik tal-baħħara li huwa jirrappreżenta.

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, jekk, min-naħa l-oħra, l-appellant jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies li hija “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed biex ir-rikors jitqies li huwa ammissibbli. Din il-persuna jkollha tipprova li hija għandha status partikolari fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tal-appellant fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 22 sa 25; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; tal-11 ta’ Settembru 2008, Allemagne et vs Kronofrance, C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I-6619, punt 40, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

35

Ċertament, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet meta hija tikkonstata li l-miżura nnotifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ tali deċiżjoni, huwa essenzjalment jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni dwar l-għajnuna ġiet adottata mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex il-kawża tiegħu tirnexxi, ir-rikorrenti jista’ jipprova juri li l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni kellha tagħti lok għal dubji. L-użu ta’ tali argumenti madankollu ma għandu jkollu bħala konsegwenza la l-bidla tas-suġġett tar-rikors u lanqas tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà.

36

Għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, u kif jirriżulta b’mod ċar kemm mid-digriet appellat kif ukoll mill-proċess tal-ewwel istanza, l-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat mill-appellant kien intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li huwa għandu skont l-Artikolu 88(2) KE, billi kkontesta, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, in-nuqqas tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata f’din id-dispożizzjoni, li ġie espressament rikonoxxut mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 28 tal-imsemmi digriet.

37

Mill-punt 8 tad-digriet appellat jirriżulta wkoll li l-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li sema’ lill-partijiet, permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Frar 2005, issospenda l-proċeduri tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li kkonstata li l-imsemmi rikors kien sar kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda mingħajr ma nfetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE.

38

Barra minn hekk, wara li ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Jannar 2006, stiednet lill-partijiet jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din is-sentenza u, b’mod partikolari, dwar l-applikazzjoni għar-rikors tar-rikorrent tas-sentenza Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irreferiet fil-punti 35 u 36 tal-istess sentenza, f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors kif ukoll l-istatus tar-rikorrenti bħala parti interessata skont l-imsemmi punt 36.

39

Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-ewwel motiv invokat mill-appellant quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, dwar in-nuqqas ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, din il-Qorti ppruvat tistabilixxi, kif jirriżulta espressament mill-punt 28 tad-digriet appellat, jekk l-appellant setax jitqies li huwa parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE.

40

Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-erba’ aggravji invokati mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu għandhom jiġu eżaminati.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

41

L-appellant iqis li, filwaqt li jirreferi għas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex jiġi konkluż li huwa ma setax jibbaża ruħu fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu meta mqabbla mas-sindakati l-oħra tal-baħħara matul in-negozjati ta’ ftehim kollettivi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni wiesgħa ferm ta’ din is-sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma indikat f’dan ir-rigward f’din is-sentenza, li kienet tikkonċerna l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE) kif dan japplika għall-impriżi pubbliċi skont l-Artikolu 90 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 86 KE), fir-rigward ta’ xi relazzjoni li tista’ teżisti bejn il-ftehim kollettivi u l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif stabbiliti fl-Artikoli 92 tat-Trattat KE (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 87 KE) u 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 KE).

42

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti jew, sussidjarjament, bħala infondat. Hija ssostni li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-ewwel parti tal-punt 32 tad-digriet appellat, jiġifieri s-sentenza ATM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija biżżejjed sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tar-rikors tal-appellant f’dak li jirrigwarda l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ssostni li l-argument ta’ dan tal-aħħar dwar in-nuqqas ta’ rilevanza tas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, huwa irrilevanti u li huwa inutli illi l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-mertu ta’ dan l-aggravju tal-appell.

43

Fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-punt 32 tad-digriet appellat, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, u s-sentenzi kollha li kkonfermawha juru li n-negozjati ta’ ftehim kollettivi ma jaqgħux fir-regoli ta’ kompetizzjoni stipulati mit-Trattat, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-ftehim kollettivi tax-xogħol mhumiex “prodotti” skont l-Artikolu 81 KE u ma għandhomx ikunu klassifikati bħala “produtturi” skont l-Artikolu 87 KE. Meta jkunu jinnegozjaw dawn il-ftehim, is-sindakati għalhekk lanqas huma “impriżi” attivi fil-produzzjoni ta’ “prodotti” skont dawn id-dispożizzjonijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Sabiex tistabilixxi jekk l-appellant għandux jitqies li huwa parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE u jekk ir-rikors tiegħu għalhekk għandux jiġi ddikjarat ammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-ewwel lok, eżaminat jekk il-pożizzjoni kompetittiva tal-appellant fis-suq ġietx affettwata bl-għoti tal-għajnuna.

45

L-argument tal-Kummissjoni li s-sentenza ATM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, biss kienet biżżejjed sabiex l-argumenti tal-appellant dwar il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu jiġu miċħuda ma għandux jiġi milqugħ. Fil-fatt, l-ewwel parti tal-punt 32 tad-digriet appellat tikkonċerna l-allegata pożizzjoni kompetittiva tal-appellant fir-rigward ta’ min iħaddem lill-membri tiegħu, jiġifieri s-sidien tal-bastimenti benefiċjarji tal-għajnuna, li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni, u mhux l-allegata pożizzjoni kompetittiva tiegħu fir-rigward ta’ sindakati oħra matul in-negozjati tal-ftehim kollettivi, li huwa argument separat imsemmi fit-tieni parti tal-istess punt 32.

46

Anki jekk l-appellant sostna li kien f’pożizzjoni kompetittiva fir-rigward tas-sidien tal-bastimenti — kif ikkontesta matul is-seduta - xorta kien possibbli għalih, minkejja s-sentenza ATM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li jipprova juri l-locus standi tiegħu li jirriżulta mill-fatt li l-interessi tiegħu setgħu eventwalment jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna minħabba l-effetti tal-imsemmija miżura fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fir-rigward ta’ sindakati oħra li l-membri tagħhom huma impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati fir-reġistru DIS.

47

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 32 tad-digriet appellat, għandu jitfakkar li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, kien hemm inkwistjoni ftehim konkluż taħt il-forma ta’ ftehim kollettiv li kien jistabbilixxi skema ta’ pensjoni supplimentari mmexxija mill-fond tal-pensjoni tas-settur tat-tessuti li l-affiljazzjoni fih setgħet tkun imposta b’mod obbligatorju mill-awtoritajiet pubbliċi. Albany International BV, impriża tas-settur tat-tessuti, irrifjutat li tħallas lill-imsemmi fond il-kontribuzzjonijiet għal ċertu perijodu għar-raġuni li l-affiljazzjoni obbligatorja mal-fond li permezz tagħha kienu qed jintalbu dawn il-kontribuzzjonijiet tmur kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

48

Qabel ma kkonkludiet dwar l-inapplikabbiltà, fl-imsemmija ċirkustanzi, tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 54 tas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, fakkret li, skont l-Artikolu 3(1)(g) u (i) tat-Trattat KE [li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 3(1)(g) u (j) KE], l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu mhux biss “sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata” iżda wkoll “politika fil-qasam soċjali”. L-Artikolu 2 tat-Trattat KE (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 2 KE) jipprovdi li l-kompitu partikolari tal-Komunità huwa, b’mod partikolari, “li tippromovi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż u bilanċjat ta’ l-attivitajiet ekonomiċi” u “livell għoli ta’ impjieg u ta’ ħarsien soċjali”.

49

Barra minn hekk, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 136 KE jirriżulta li l-Komunità u l-Istati Membri għandhom bħala għan, b’mod partikolari, il-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa u d-djalogu soċjali. Skont l-Artikolu 138(1) KE, il-Kummissjoni għandha jkollha d-dmir li tippromwovi l-konsultazzjoni ta’ min imexxi u tal-ħaddiema f’livell Komunitarju, liema djalogu jista’ jwassal, jekk dawn tal-aħħar jixtiequ, għal relazzjonijiet kuntrattwali. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll dawk il-miżuri kollha utli sabiex tiffaċilita d-djalogu bejniethom filwaqt li tiżgura appoġġ ibbilanċjat lill-partijiet [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 58, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u tal-Ftehim fuq il-Politika Soċjali konkluż bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropeja bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1992, C 191, p. 91) qabel ma daħħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Amsterdam].

50

Fis-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċerti effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni huma inerenti għall-ftehim kollettivi konklużi bejn organizzazzjonjiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema. Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għanijiet ta’ politika soċjali mfittxija minn tali ftehim jiġu serjament kompromessi li kieku l-imsieħba soċjali kellhom ikunu suġġetti għall-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE fit-tfittxija komuni għal miżuri intiżi li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-ftehim konklużi fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi bejn imsieħba soċjali fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet għandhom jitqiesu, minħabba n-natura u s-suġġett tagħhom, li ma jaqgħux taħt l-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk in-natura u s-suġġett tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza Albany kinux jiġġustifikaw li dan jitħalla barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat u kkonkludiet li, f’dik il-kawża, l-esklużjoni tal-ftehim mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 85(1) kien iġġustifikat (ara s-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 sa 64).

51

Għaldaqstant mis-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll minn sentenzi li sussegwentement ikkonfermawha, jirriżulta li huma l-awtoritajiet u l-qrati kompetenti li għandhom jeżaminaw, f’kull każ inkwistjoni, jekk in-natura u s-suġġett tal-ftehim inkwistjoni kif ukoll l-għanijiet ta’ politika soċjali segwiti minnu jiġġustifikawx li jitħalla barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000, van der Woude, C-222/98, Ġabra p. I-7111, punt 23).

52

F’din il-kawża, kif jirriżulta wkoll mill-punt 34 tad-digriet appellat, l-appellant, bħala korp li jirrappreżenta lill-ħaddiema, huwa stabbilit, min-natura tiegħu, sabiex jippromwovi l-interessi kollettivi tal-membri tiegħu. Skont l-osservazzjonijiet li huwa ppreżenta lill-Qorti tal-Prim’Istanza, riprodotti fil-punti 17 u 20 tad-digriet appellat, dan huwa operatur ekonomiku li jinnegozja t-termini u l-kundizzjonijiet li bihom il-ħaddiema jiġu pprovduti lill-impriżi. Skont l-appellant, l-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni taffettwa l-kapaċità tal-membri tiegħu sabiex jikkompetu mal-baħħara mhux Komunitarji fit-tfittxija għal xogħol ma’ kumpanniji marittimi, jiġifieri l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna, u, għalhekk, il-pożizzjoni tal-appellant fis-suq hija affettwata fir-rigward tal-kapaċità kompetittiva tiegħu fis-suq tal-provvista ta’ ħaddiema għall-imsemmija kumpanniji u, konsegwentement, fir-rigward tal-kapaċità tiegħu li jirrekluta lill-membri tiegħu.

53

Għandu jitfakkar ukoll li l-appellant ikkontesta l-leġiżlazzjoni Daniża applikabbli għar-reġistru DIS, u b’mod partikolari l-miżuri fiskali inkwistjoni, għaliex, minn naħa waħda, dan ir-reġistru ppermetta lis-sidien li l-bastimenti tagħhom huma rreġistrati f’dan ir-reġistru li jimpjegaw baħħara ċittadini ta’ pajjiżi terzi u jħallsuhom remunerazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali tagħhom u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija miżuri fiskali, li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, ippermettew l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tal-baħħara kollha impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati fir-reġistru DIS, mingħajr ma għamlu distinzjoni bejn il-baħħara ċittadini tal-Istati Membri u dawk li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

54

Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju tal-kawża li wasslet għas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, f’din il-kawża mhux qed tiġi kkontestata n-natura restrittiva tal-kompetizzjoni tal-ftehim kollettivi konklużi bejn l-appellant jew sindakati oħra u s-sidien tal-bastimenti benefiċjarji tal-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni, iżda jekk il-pożizzjoni kompetittiva tal-appellant fir-rigward ta’ dawn is-sindakati l-oħra ġietx affettwata bl-għoti tal-imsemmija għajnuna, b’tali mod li dan għandu jitqies li huwa parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE, peress li f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ikun ammissibbli.

55

Mill fatt li ftehim jista’ jitħalla barra mill kamp ta’ applikazzjoni tad dispożizzjonijiet tal Artikolu 81(1) KE minħabba n natura tiegħu, is suġġett tiegħu, u l għanijiet ta’ politika soċjali segwiti minnu, wieħed ma jistax jiddeduċi li n negozjati kollettivi jew il partijiet involuti fihom huma wkoll, kompletament u awtomatikament, esklużi mir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat jew li rikors għal annullament li dawn il-partijiet jistgħu eventwalment jippreżentaw ikun kważi awtomatikament ikkunsidrat bħala inammissibbli minħabba l-involviment tagħhom f’dawn in-negozjati.

56

Fil-fatt, huwa diffiċli li jiġi rrikonoxxut b’liema mod l-għanijiet ta’ politika soċjali segwiti mill-ftehim kollettivi jistgħu jiġu kompromessi b’mod serju — peress li tali riskju huwa r-raġuni għall-esklużjoni tal-imsemmija ftehim mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE fis-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq - bl-ammissjoni li, meta jkun jinnegozja termini u kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-membri tiegħu, sindakat bħall-appellant jista’ jkun f’pożizzjoni kompetittiva fir-rigward tas-sindakati l-oħra li l-membri tagħhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tas-salarju differenti minħabba l-ħolqien ta’ reġistru bħar-reġistru DIS.

57

Anzi, għall-kuntrarju, li tiġi eskluża a priori l-possibbiltà, f’kawża bħal din li wasslet għal dawn il-proċeduri, li sindakat jista’ juri li huwa parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE, billi jibbaża ruħu fuq ir-rwol tiegħu matul in-negozjati kollettivi u fuq l-effetti ta’ dan ir-rwol ta’ miżuri fiskali nazzjonali kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, ikun qed jikkomprometti l-istess għanijiet ta’ politika soċjali li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) tat-Trattat il-ftehim kollettiv inkwistjoni fis-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq.

58

Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-fatt li, peress li l-Komunità ma għandhiex biss għan ekonomiku, iżda wkoll għan soċjali, id-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kompetizzjoni għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu bbilanċjati mal-għanijiet persegwiti mill-politika soċjali, fosthom, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 136 KE, it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, li jippermetti li dawn ikollhom l-istess progress, protezzjoni soċjali adegwata u djalogu soċjali (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C-438/05, Ġabra p. I-10779, punt 79).

59

Huwa veru, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, li l-appellant għandu dejjem juri, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna, ħaġa li jista’ jagħmel billi jistabilixxi li huwa, fil-fatt, f’pożizzjoni kompetittiva fir-rigward tas-sindakati l-oħra li joperaw fuq l-istess suq. Madankollu, tali possibbiltà ma għandhiex tiġi eskluża a priori billi jsir riferiment għall-ġurisprudenza riżultanti mis-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, jew għal interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ “suq” fil-kuntest tal-eżami tal-istatus ta’ parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE ta’ impriża, bħal organizzazzjoni sindakali, filwaqt li tfittex li ssostni l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament tagħha.

60

Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat is-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod żbaljat u, konsegwentement, ma rrispondietx għall-argument tal-appellant dwar il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fir-rigward tas-sindakati l-oħra matul in-negozjati tal-ftehim kollettivi applikabbli għall-baħħara, dan il-punt tad-digriet appellat għandu jiġi annullat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

61

L-appellant isostni, f’dak li jirrigwarda l-punti 35 u 36 tad-digriet appellat, li huwa żbaljat li l-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li fakkret fid-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, ma eżaminatx l-aspetti soċjali li jirriżultaw b’mod impliċitu mill-kundizzjonijiet legali ta’ awtorizzazzjoni ta’ tnaqqis fiskali għall-baħħara tal-Komunità, jiġifieri l-linji gwida, u kkonkludiet li huwa ma setax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju żviluppat fl-imsemmi digriet.

62

Skont l-appellant, il-linji gwida jagħmlu distinzjoni impliċita bejn il-“baħħara tal-Komunità” u l-baħħara l-oħra. Din id-distinzjoni tikkostitwixxi forma ta’ rikonoxximent tal-eżistenza ta’ quid pro quo soċjali li għandu jiġi sodisfatt inkambju tal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat lill-kumpanniji tat-trasport marittimu. L-eżenzjoni fiskali li minnha tibbenefika r-remunerazzjoni tal-baħħara hija ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi kkumpensata l-ispiża ogħla li jirrappreżenta r-reklutaġġ tal-baħħara tal-Komunità meta mqabbel ma’ dak tal-baħħara ta’ pajjiżi terzi. Huwa b’dan il-mod li jista’ jintlaħaq l-għan tal-preżervazzjoni tal-impjieg Komunitarju, li kien wieħed mill-għanijiet tal-linji gwida Komunitarji. L-aspetti soċjali tal-imsemmija linji gwida jaffettwaw il-kundizzjonijiet stess li għalihom l-għajnuna tista’ jew ma tistax tiġi approvata. Bħala rappreżentant tal-baħħara Daniżi, l-appellant seta’ jippreżenta osservazzjonijiet dwar l-aspetti soċjali tal-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni f’każ li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE.

63

Il-Kummissjoni tqis li, anki jekk it-tieni aggravju ma għandux jiġi miċħud bħala irrilevanti, bħall-ewwel aggravju, fi kwalunkwe każ, mhuwiex fondat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun tikkunsidra li l-aspetti soċjali kellhom biss rabta indiretta mas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa waħda, il-Kummissjoni ssostni li, kif ġustament irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-reġistru DIS ma jagħtix għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, l-appellant, li l-appell tiegħu huwa indirizzat kontra digriet ta’ inammissibbiltà, permezz ta’ dan l-aggravju qed ifittex li jikkuntesta l-mertu permezz ta’ allegazzjonijiet dwar il-portata tal-linji gwida Komunitarji. L-għan ta’ dawn huwa kompletament irrilevanti sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà ta’ tali rikors.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, matul l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport marittimu bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti, l-aspetti soċjali tal-linji gwida Komunitarji jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali li tintegra numru kbir ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura diversa, marbuta b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-kompetizzjoni, mal-politika marittima tal-Komunità, mal-promozzjoni tat-trasport marittimu Komunitarju jew anki mal-promozzjoni tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C-106/98 P, Ġabra p. I-3659, punt 52).

65

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, mhuwiex eskluż li sindakat tal-ħaddiema jitqies li huwa persuna “interessata” skont l-Artikolu 88(2) KE meta juri li l-interessi tiegħu stess jew tal-membri tiegħu jistgħu jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna.

66

Fil-punt 36 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-aspetti soċjali tar-reġistru DIS jippreżentaw biss rabta indiretta mas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u mar-rikors għal annullament ippreżentat quddiemha mill-appellant. Konsegwentement, minn dan hija kkonkludiet li l-appellant ma setax jibbaża ruħu fuq dawn l-aspetti soċjali sabiex jiġġustifika li huwa persuna ikkonċernata individwalment.

67

Mhuwiex ikkontestat li r-reġistru DIS fih innifsu mhuwiex għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C-72/91 u C-73/91, Ġabra p. I-887), skema bħal dik stabbilita bir-reġistru DIS, li tippermetti li tissuġġetti l-kuntratti ta’ xogħol konklużi ma’ baħħara ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx domiċilju jew residenza stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat għal kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ remunerazzjoni li ma jaqgħux taħt id-dritt ta’ dan l-Istat Membru u huma sostanzjalment inqas favorevoli minn dawk ta’ baħħara ċittadini ta’ dan tal-aħħar, mhijiex għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE.

68

Huwa għalhekk li r-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellant ma kienx indirizzat kontra r-reġistu DIS, iżda kontra l-miżuri fiskali inkwistjoni, li huma applikabbli għall-baħħara impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati f’dan ir-reġistru.

69

Minflok ma eżaminat, kif għamlet fil-punt 36 tad-digriet appellat, jekk l-aspetti soċjali tar-reġistru DIS għandhomx rabta diretta biżżejjed mas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina l-aspetti soċjali li jirriżultaw mill-miżuri fiskali inkwistjoni fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji — dawn jinkludu r-rekwiżiti legali għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tas-sistema fiskali Daniża kif sostna l-appellant — sabiex jiġi evalwat jekk l-argumenti tal-appellant ibbażati fuq l-imsemmija linji gwida kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit illi huwa parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE.

70

Peress li ma jistax jiġi eskluż li korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema ta’ impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jistgħu, bħala persuni interessati skont l-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat, jippreżentaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom dwar kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu kkunsidrati minnha, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma rrispondiet għall-argument tal-appellant dwar l-aspetti soċjali li jirriżultaw mill-miżuri fiskali inkwistjoni fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji għandu jwassal għall-annullament ta’ dan il-punt tad-digriet appellat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

71

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi, fil-punt 37 tad-digriet appellat, billi ċaħdet bħala irrilevanti l-mod kif ingħatat din l-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni, jiġifieri l-fatt li din tingħata lis-sidien tal-bastimenti permezz tal-membri tal-appellant.

72

F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li assoċjazzjoni mwaqqfa biex tippromwovi l-interessi kollettivi ta’ kategorija ta’ individwi ma tistax titqies bħala kkonċernata individwalment fis-sens tas-sentenza Plaumann vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ħlief inkwantu l-pożizzjoni tal-membri tagħha fis-suq intlaqtet b’mod sostanzjali mill-iskema ta’ għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat l-espressjoni “pożizzjoni fis-suq” mill-perspettiva tal-“operaturi ekonomiċi”. Skont l-appellant, mhemm l-ebda raġuni ta’ prinċipju għaliex il-ħaddiema ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala operaturi ekonomiċi meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-linji gwida jagħtuhom attenzjoni partikolari sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi kkunsidrat li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) KE.

73

Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, li ngħatat f’kawża dwar għajnuna mogħtija lill-bdiewa, ma għandha l-ebda rabta mal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 37 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-benefiċċji li rċevew il-benefiċjarji tal-għajnuna, jiġifieri, is-sidien tal-bastimenti, u mhux fuq il-mod ta’ kif din l-għajnuna ngħatat. Għalhekk, l-imsemmija sentenza mhijiex rilevanti f’din il-kawża, peress li din tikkonċerna l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni wara li din kienet fetħet il-proċedura tal-Artikolu 88 (2) KE. Finalment anki jekk din l-imsemmija sentenza hija rilevanti f’din il-kawża, il-Kummissjoni tfakkar li dan ma jfissirx li l-ħaddiema huma kkonċernati individwalment mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li awtorizzat għajnuna. Il-punt 72 tal-istess sentenza huwa bbażat espressament fuq l-affermazzjoni li “xi membri tal-Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum huma operaturi ekonomiċi li jistgħu jitqiesu bħala kompetituri diretti tal-benefiċjarji tal-għajnuna”. Min-naħa l-oħra, il-membri tal-appellant huma baħħara li ma jistgħux jitqiesu bħala kompetituri diretti tas-sidien tal-bastimenti u mhumiex “operaturi ekonomiċi” skont l-imsemmija sentenza.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju tal-appell għandu jitqies li huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75

Għandu jitfakkar li fil-punt 37 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-appellant għandu jitqies li huwa kkonċernat individwalment minħabba l-fatt biss li l-għajnuna inkwistjoni ngħatat lill-benefiċjarji minħabba t-tnaqqis fit-talbiet għal pagi tal-baħħara li jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa tad-dħul stabbilita bil-miżuri fiskali inkwistjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-benefiċċji li rċevew il-benefiċjarji tal-għajnuna u mhux fuq il-mod kif din l-għajnuna ngħatat.

76

Għall-kuntrarju tar-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mill-appellant, li kien jilmenta talli l-Kummissjoni ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE u, intiż, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali mogħtija permezz ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rikors għal annullament fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, kien jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li għalqet tali proċedura.

77

Minn dan jirriżulta li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ppruvat tistabbilixxi jekk il-pożizzjoni fis-suq tal-membri tal-Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, assoċjazzjoni mwaqqfa biex tippromwovi l-interessi kollettivi ta’ kategorija ta’ individwi, kinitx affettwata sostanzjalment mill-iskema ta’ għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni.

78

F’din il-kawża, kif jirriżulta mill-punt 28 tad-digriet appellat, l-appellant kellu jistabbilixxi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-kwalità tiegħu bħala parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE, peress li l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, bħal fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinitx rilevanti prima facie.

79

Anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkunsidra l-mod kif ingħatat l-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni u r-rwol f’dan ir-rigward tal-impjegati tas-sidien tal-bastimenti, membri tal-appellant, għandu jitfakkar li, fil-punti 31 sa 33 tad-digriet appellat, din il-qorti kienet diġà ddeċidiet f’din il-kawża li la l-appellant, bħala sindakat tal-baħħara, u lanqas il-membri tiegħu, bħala ħaddiema impjegati mill-benefiċjarji tal-għajnuna, mhuma kompetituri tagħhom. F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-membri tas-sindakat, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, peress li jidhru li huma persuni li jaqgħu fid-definizzjoni ta’ ħaddiema skont l-Artikolu 39 KE, huma ma jikkostitwixxux impriżi fihom infushom.

80

Bl-eċċezzjoni tal-applikazzjoni żbaljata f’din il-kawża tas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, fit-tieni parti tal-punt 32 tad-digriet appellat - li huwa s-suġġett tal-ewwel aggravju tal-appell - l-appellant ma kkontestax il-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-imsemmija punti 31 sa 33 tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax isostni l-kwalità ta’ operaturi ekonomiċi tal-membri tiegħu li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq ġiet affettwata sabiex jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 37 tad-digriet appellat, li r-rikors mhuwiex ammissibbli biss minħabba l-fatt li l-għajnuna tingħata lis-sidien tal-bastimenti minħabba t-tnaqqis fit-talbiet għal pagi tal-membri tagħha għaliex jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa tad-dħul stabbilita bil-miżuri fiskali inkwistjoni.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju invokat insostenn tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

82

L-appellant isostni li, billi kkonkludiet li huwa ma stabbilixxiex li l-interessi tiegħu bħala negozjatur setgħu jkunu affettwati direttament mill-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni u billi ddistingwiet is-sitwazzjoni tiegħu f’din il-kawża minn dik ta’ Landbouwschap, korp tad-dritt pubbliku li jirrappreżenta l-interessi tas-settur tal-kultivazzjoni fis-serer fl-Olanda, fis-sentenza Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u minn dik tal-Comité international de la rayonne et des fibres synthétiques (CIRFS) fis-sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni ristretta wisq ta’ dawn is-sentenzi.

83

L-appellant isostni li huwa għandu rwol ta’ negozjatur mal-kumpanniji tat-trasport marittimu u li, bħala tali, huwa jinnegozja l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ tal-membri tiegħu u, għalhekk, il-kundizzjonijiet li fihom l-għajnuna mogħtija hija ttrasferita mill-Istat Daniż lill-benefiċjarji tagħha. F’dan is-sens, huwa jqis li għandu funzjoni analoga għal dik tal-Landbouwschap li kien jinnegozja l-kundizzjonijiet li fihom l-għajnuna kellha tiġi ttrasferita mill-Istat Olandiż lil dawk li jaħdmu fl-ortikultura, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat fil-punt 40 tad-digriet appellat filwaqt li wriet li l-appellant ipparteċipa “fil-mekkaniżmu tat-trasferiment tal-għajnuna lis-sidien ta’ bastimenti”. Barra minn hekk, minkejja li dan tal-aħħar ma nnegozjax il-kundizzjonijiet stipulati mil-linji gwida Komunitarji, xorta jirrappreżenta grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ baħħara tal-Komunità li jokkupa pożizzjoni partikolari skont dawn il-linji gwida.

84

Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Hija ssostni, b’mod partikolari, li huwa ġust li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li s-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża mhijiex komparabbli ma’ dawk tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni u CIRFS et vs Il-Kummissjoni. Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, l-appellant kellu pożizzjoni ta’ negozjatur ċirkuskritta b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni inkwistjoni, li poġġietu f’sitwazzjoni ta’ fatt li kienet tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra. Kuntrarjament għal dak li jallega l-appellant, huwa bl-ebda mod ma nnegozja l-kundizzjonijiet li fihom l-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni hija ttrasferita mill-Istat Daniż għall-benefiċjarji tagħha u lanqas innegozja l-kundizzjonijiet stipulati mil-linji gwida.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Landbouwschap kienet innegozjat ma’ fornitur tal-gass it-tariffa preferenzjali kkontestata mill-Kummissjoni u kien, barra minn hekk, fost il-firmatarji tal-ftehim li kien stabbilixxa din it-tariffa. Bl-istess mod, għalhekk, dan il-korp kien obbligat jiftaħ negozjati ġodda tat-tariffi mal-fornitur u jikkonkludi ftehim ġdid sabiex jeżegwixxi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

86

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, is-CIRFS kienet l-interlokutriċi tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta’ “dixxiplina” fil-qasam ta’ għajnuna lis-settur tal-fibri sintetiċi kif ukoll dwar il-proroga u l-adattament tagħha u kienet segwiet b’mod attiv in-negozjati mal-Kummissjoni matul il-proċedura qabel il-kawża, b’mod partikolari billi ssottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub u billi żammet kuntratt mill-qrib mad-dipartimenti kompetenti ta’ din l-istituzzjoni.

87

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni u CIRFS et vs Il-Kummissjoni kienu għalhekk jikkonċernaw sitwazzjonijiet partikolari fejn ir-rikorrenti kien jokkupa pożizzjoni ta’ negozjatur ċirkuskritta b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li poġġietu f’sitwazzjoni ta’ fatt li kienet tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra, (sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

88

Għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza f’rikorsi għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċeduri miftuħa skont l-Artikolu 88(2) KE. Hija ddeċidiet li ċerti assoċjazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi li jkunu pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura skont din id-dispożizzjoni għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala kkonċernati individwalment b’tali deċiżjoni, sakemm huma affettwati bħala negozjaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Comité d’entreprise de la Société française de la production et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 sa 42).

89

Hija kkonstatat ukoll, filwaqt li eżaminat l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat mis-CIRFS, li dan ir-rikors għandu jiġi interpretat bħala li huwa intiż għall-annullament tar-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) KE.

90

Minn dan jirriżulta li din il-ġurisprudenza tista’ tapplika, fil-limiti ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja, għar-rikorsi għall-annullament kemm ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 88(2) KE kif ukoll ta’ deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet u, għalhekk, li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata f’din id-dispożizzjoni.

91

Dwar jekk, bl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għas-sitwazzjoni tal-appellant f’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettietx żball ta’ liġi, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna miżuri fiskali adottati mil-leġiżlatur Daniż dwar il-baħħara impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati fir-reġistru DIS, li din ir-reġistrazzjoni tippermetti, kif jirriżulta mill-punt 5 ta’ din is-sentenza, il-ħlas lill-imsemmija baħħara ta’ remunerazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali ta’ dawn tal-aħħar u li l-ilment imressaq mill-appellant quddiem il-Kummissjoni kien jikkonċerna l-kompatibbiltà tal-imsemmija miżuri fiskali mal-linji gwida Komunitarji, adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-ebda parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar.

92

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi billi kkunsidrat li s-sitwazzjoni tal-appellant mhijiex komparabbli ma’ dawk tal-Landbouwschap jew tas-CIRFS, sitwazzjonijiet li, ġustament, hija kkwalifikat bħala kompletament speċifiċi, saħansitra eċċezzjonali. Fil-fatt, l-appellant, li huwa biss wieħed mill-ħafna sindakati tal-Unjoni Ewropea li jirrappreżenta, b’mod partikolari, lill-baħħara, kif ukoll wieħed mill-ħafna sindakati fid-Danimarka u li mhuwiex l-uniku rappreżentant tal-baħħara, ma għandux pożizzjoni ta’ negozjatur ċirkuskritta b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa ma ġiex involut b’mod dirett fl-adozzjoni mil-leġiżlatur Daniż tal-miżuri fiskali inkwistjoni li dwarhom il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, u l-oppożizzjoni tiegħu għalihom mhijiex biżżejjed sabiex jiġi kklassifikat bħala negozjatur skont is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni u CIRFS et vs Il-Kummissjoni.

93

L-imsemmi sindakat lanqas ma kien marbut mill-qrib mal-proċess tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-linji gwida Komunitarji, li minnhom, skont is-sindakat, tirriżulta l-inkompatibbiltà tal-miżuri fiskali inkwistjoni mas-suq komuni.

94

Huwa veru, l-appellant ilmenta quddiem il-Kummissjoni kontra l-imsemmija miżuri fiskali, iżda dan il-fatt biss ma jippermettilux illi, kif jammetti hu stess fil-kuntest tal-appell tiegħu, jistabilixxi pożizzjoni ta’ negozjatur skont is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni u CIRFS et vs Il-Kummissjoni.

95

Anki jekk rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet u għalhekk li ma tiftaħx proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE huwa ddikjarat ammissibbli, meta r-rikorrent juri li huwa parti interessata skont din id-dispożizzjoni - peress li r-rekwiżiti iktar stretti użati mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, mhumiex applikabbli f’dan il-każ -, l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza bħala li tinkludi kull persuna li tilmenta quddiem il-Kummissjoni xxejjen il-ġurisprudenza eżaminata fil-kuntest tal-ewwel aggravju u ċċitata fil-punt 30 tad-digriet appellat dwar l-effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-appellant.

96

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-rikors tal-ewwel istanza

97

Skond it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-Qorti tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tagħti deċiżjoni finali fil-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

98

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan l-istadju tal-proċeduri, mhijiex f’pożizzjoni tiddeċiedi fuq il-fondatezza tar-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija tiddisponi, min-naħa l-oħra, mill-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni matul il-proċeduri fl-ewwel istanza.

99

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, din l-eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

100

F’dak li jirrigwarda s-suffiċjenza tal-provi prodotti mill-appellant sabiex jistabbilixxi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, li d-deċiżjoni kkontestata seta’ kellha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu jew dik tal-baħħara li huwa jirrappreżenta, għandu jitfakkar li l-appellant huwa korp li jirrappreżenta l-ħaddiema li jinnegozja t-termini u l-kundizzjonijiet li bihom il-ħaddiema jiġu pprovduti lill-impriżi, inklużi lis-sidien tal-bastimenti li huma rreġistrati fir-reġistru DIS.

101

Skont l-appellant, l-eżenzjoni fiskali li minnha tibbenefika r-remunerazzjoni tal-baħħara hija ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi kkumpensata l-ispiża ogħla li jirrappreżenta r-reklutaġġ tal-baħħara tal-Komunità meta mqabbel ma’ dak tal-baħħara li ġejjin minn pajjiżi terzi. Huwa b’dan il-mod li jista’ jintlaħaq l-għan tal-preżervazzjoni tal-impjieg Komunitarju, li kien wieħed mill-għanijiet tal-linji gwida Komunitarji. L-aspetti soċjali tal-imsemmija linji gwida jaffettwaw l-kundizzjonijiet stess li għalihom l-għajnuna tista’ jew ma tistax tiġi approvata.

102

Kif jirriżulta mill-punt 70 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż li, bħala rappreżentant b’mod partikolari tal-baħħara Daniżi, l-appellant jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tiegħu dwar kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu kkunsidrati minnha fil-każ li hija tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE.

103

Il-linji gwida Komunitarji stess jirrikonoxxu, fil-kuntest speċifiku tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-pagi fis-settur marittimu, ir-rwol partikolari li għandhom ir-rappreżentanti sindakali fin-negozjati dwar il-pagi. Mis-sitt paragrafu tal-punt 3.2 tal-imsemmija linji gwida jirriżulta li “l-eżenzjoni mit-taxxa ma teskludix lis-sidien tal-bastimenti milli jinnegozjaw ftehim dwar il-pagi ma’ eventwali membri tal-ekwipaġġ u r-rappreżentanti sindakali tagħhom. Il-baħħara tal-Istati Membri b’pagi baxxi għalhekk dejjem għandhom vantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ baħħara ta’ Stati Membri fejn il-pagi huma ogħla. Bl-istess mod, il-baħħara Komunitarji jibqgħu mħallsa iktar mill-baħħara mħallsa inqas fis-suq dinji”.

104

Peress li l-appellant spjega b’liema mod il-miżuri fiskali inkwistjoni jistgħu jaffettwaw il-pożizzjoni tiegħu u dik tal-membri tiegħu matul in-negozjati kollettivi mas-sidien li l-bastimenti tagħhom huma rreġistrati fir-reġistru DIS u peress li l-linji gwida Komunitarji għarrfu r-rwol tas-sindakati, bħall-appellant, matul dawn in-negozjati, għandu jiġi rrilevat li dan stabilixxa, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-interessi tiegħu u dawk tal-imsemmija membri jistgħu eventwalment jiġu affettwati bid-deċiżjoni kkontestata.

105

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-appellant, f’din il-kawża, kien ippreżenta lment quddiem il-Kummissjoni kontra r-Renju tad-Danimarka fir-rigward tal-miżuri fiskali inkwistjoni billi argumenta li dawn kienu kontra l-linji gwida Komunitarji u, għalhekk, kontra l-Artikolu 87 KE. Jekk il-fatt li tippreżenta tali lment quddiem il-Kummisjoni, waħdu, ma kienx biżżejjed sabiex jistabilixxi l-kwalità ta’ parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija miżuri ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni mill-imsemmi Stat Membru u li kien l-ilment tal-appellant li ppermetta lil din l-istituzzjoni teżamina l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet kważi erba’ snin sabiex tikkonkludi l-kompatibbiltà tal-imsemmija miżuri u matul dan iż-żmien l-appellant kellu kuntatt mill-qrib ma’ din tal-aħħar.

106

Għandu jiġi muri wkoll li din il-kawża hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’din l-aħħar kawża, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li, wara li fetħet il-proċedura stipulata fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat, iddikjarat li l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, dan ir-rikors jirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha hija, mingħajr ma fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE, ikkonstatat li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komunit. Bl-istess mod, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pparteċipawx fil-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 93(2) tat-Trattat, filwaqt li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni naqset milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, minkejja l-ilment ippreżentat mill-appellant u l-kuntatti li nżammu bejn dan tal-aħħar u l-Kummissjoni sad-data meta din ikkonkludiet dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija miżuri.

107

Is-sitwazzjoni deskritta, fir-rigward tal-kawża preżenti, tindika li l-interessi kemm tal-appellant stess kif ukoll tal-membri tiegħu, jidhru li jistgħu eventwalment jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna.

108

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mill-appellant, għandha tiġi miċħuda. Huwa jista’ jitqies li huwa, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, bħala parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE u, konsegwentement, ir-rikors tiegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

109

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet tal-appellant għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-23 ta’ April 2007, SID vs Il-Kummissjoni (Kawża T-30/03), huwa parzjalment annullat inkwantu ma rrispondiex għall-argumenti ta’ 3F dwar, minn naħa waħda, il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dan tal-aħħar fir-rigward ta’ sindakati oħra matul in-negozjati tal-ftehim kollettivi applikabbli għall-baħħara u, min-naħa l-oħra, dwar l-aspetti soċjali li jirriżultaw mill-miżuri fiskali relatati mal-baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru internazzjonali Daniż tal-bastimenti.

 

2)

L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej hija miċħuda.

 

3)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ 3F għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 4370 finali, tat-13 ta’ Novembru 2002, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri fiskali Daniżi applikabbli għall-baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru internazzjonali Daniż.

 

4)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top