EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0246

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta' April 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju ta' l-Iżvezja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 10 KE u 300(1) KE - Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar materjal organiku persistenti li jniġġes - Proposta unilaterali ta’ Stat Membru għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness A ta’ din il-konvenzjoni.
Kawża C-246/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:203

Kawża C-246/07

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Isvezja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tal-Artikoli 10 KE u 300(1) KE — Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar materjal organiku persistenti li jniġġes — Proposta unilaterali ta’ Stat Membru għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness A ta’ din il-konvenzjoni”

Sommarju tas-sentenza

Stati Membri — Obbligi — Obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet Komunitarji

(Artikolu 10 KE)

Id-dmir ta’ kooperazzjoni leali, ipprovdut fl-Artikolu 10 KE, huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u la jiddependi fuq in-natura esklużiva jew mhux esklużiva tal-kompetenza Komunitarja kkonċernata u lanqas fuq id-dritt eventwali, għall-Istati Membri, li jassumu obbligi fir-rigward ta’ Stati terzi. Fejn jidher li s-suġġett ta’ ftehim jew ta’ konvenzjoni jaqa’ parzjalment taħt il-kompetenza tal-Komunità u parzjalment taħt dik tal-Istati Membri, huwa importanti li tiġi żgurata kooperazzjoni stretta bejn dawn tal-aħħar u l-istituzzjonijiet Komunitarji, kemm fil-proċess tan-negozjati u tal-konklużjonijiet, kif ukoll fit-twettiq tal-obbligi assunti. Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni jirriżulta mir-rekwiżit ta’ unità ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità.

L-Istati Membri huma suġġetti għal dmirijiet partikolari ta’ azzjoni u ta’ astensjoni f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tkun issottomettiet proposti lill-Kunsill li, minkejja li ma ġewx adottati minn dan tal-aħħar, jikkostitwixxu l-bidu ta’ azzjoni Komunitarja miftehma. F’dawn iċ-ċirkustanzi tikkostitwixxi ksur ta’ kooperazzjoni leali l-proposta unilaterali ta’ Stat Membru għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar materjal organiku persistenti li jniġġes, u b’dan il-mod teskludi dan l-Istat Membru minn strateġija komuni mifthema fi ħdan il-Kunsill minkejja li, fir-rigward tal-kuntest istituzzjonali u proċedurali ta’ din il-konvenzjoni, tali proposta tinkludi konsegwenzi għall-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ drittijiet. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika, bħall-Unjoni, ma jeżerċitawx id-dritt tal-vot tagħhom jekk wieħed mill-Istati Membri tagħhom jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu, u viċeversa. Barra minn hekk, fil-każ li Stat Membru wieħed jew iktar ta’ tali organizzazzjoni, l-istess bħal din l-organizzazzjoni, huwa jew huma parti tal-imsemmija konvenzjoni, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha ma humiex awtorizzati jeżerċitaw simultanjament id-drittijiet tagħhom taħt il-konvenzjoni.

Tali sitwazzjoni tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha kif ukoll iddgħajjef is-setgħa tagħhom li jinnegozjaw fir-rigward tal-partijiet l-oħra tal-konvenzjoni kkonċernata.

Billi jippreżenta unilateralment tali proposta, Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 KE.

(ara l-punti 71, 73, 74, 91-93, 103, 104, u d-dispożittiv 1)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ April 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tal-Artikoli 10 KE u 300(1) KE – Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar materjal organiku persistenti li jniġġes – Proposta unilaterali ta’ Stat Membru għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness A ta’ din il-konvenzjoni”

Fil-Kawża C‑246/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2007,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u C. Tufvesson, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Kruse u A. Falk, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Pilgaard Zinglersen u R. Holdgaard, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. M. Wissels u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn D. Anderson, QC,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, R. Silva de Lapuerta, E. Levits, C. Toader, Presidenti tal-Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ppropona unilateralment li jinkludi sustanza, il-perfluoroctane sulfonate (iktar ’il quddiem il-“PFOS”), fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Stokkolma”), ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 10 KE u 300(1) KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma

2        Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ġiet adottata fit-22 ta’ Mejju 2001. Skont l-Artikolu 26(1), hija daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004, jiġifieri disgħin jum wara d-data tal-preżentata tal-ħamsin strument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni. Kif jippreċiża l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tagħha huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mill-materjal organiku persistenti li jnigġes [(Persistent Organic Pollutants), iktar ’il quddiem il-“POPs”], peress li l-partijiet tal-Konvenzjoni jirrikonoxxu, b’mod partikolari, li l-POPs “għandhom proprjetajiet tossiċi, jirreżistu d-degradazzjoni, jakkumulaw fl-organiżmi ħajjin u jinfirxu permezz tal-ajru, l-ilma u l-ispazji migratorji lilhinn mill-fruntieri internazzjonali u ddepożitati ’l bogħod mis-sit ta’ oriġini tagħhom, fejn jakkumulaw fl-ekosistemi terrestri u akwatiċi”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Mill-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jirriżulta li, għall-finijiet tal-konvenzjoni, “parti” tfisser Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li tat il-kunsens tagħha li tkun marbuta b’din il-konvenzjoni, u li fir-rigward tagħha l-konvenzjoni hija fis-seħħ, u “organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika” tfisser organizzazzjoni magħmula minn Stati sovrani ta’ reġjun partikolari li fir-rigward tagħha l-Istati Membri ttrasferixxew il-kompetenzi tagħhom dwar il-kwistjonijiet irregolati mill-imsemmija konvenzjoni, u li ġiet debitament awtorizzata, skont il-proċeduri interni tagħha, sabiex tiffirmaha, tirratifikaha, taċċettaha jew tapprovaha, jew tissieħeb magħha.

4        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jipprovdi li l-partijiet għandhom jadottaw il-miżuri ġuridiċi u amministrattivi neċessarji fir-rigward ta’ sustanzi kimiċi inklużi fl-annessi tal-konvenzjoni. Dawn il-miżuri huma essenzjalment intiżi għall-eliminazzjoni jew għal-limitazzjoni tal-produzzjoni, tal-użu, tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni tal-imsemmija sustanzi.

5        Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-inklużjoni ta’ sustanzi kimiċi ġodda fl-Annessi A sa Ċ tagħha. Skont l-Artikolu 8 tagħha, dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi kimiċi f’dawn l-annessi:

“1.      Parti tista’ tissottometti lis-Segretarjat proposta għall-inklużjoni ta’ sustanza kimika fl-Annessi A, B u/jew Ċ. Din il-proposta għandha tinkludi l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness D. Fit-tfassil tal-proposta tagħha, parti tista’ tkun megħjuna minn partijiet oħra u/jew mis-Segretarjat.

2.       Is-Segretarjat għandu jivverifika jekk il-proposta tinkludix l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness D. Jekk is-Segretarjat iqis li l-proposta tinkludi din l-informazzjoni, huwa għandu jittrażmettiha lill-Kumitat għall-istudju tal-materjal organiku persistenti li jniġġes.

3.       Il-Kumitat għandu jeżamina l-proposta u japplika l-kriterji ta’ selezzjoni pprovduti fl-Anness D b’mod flessibbli u trasparenti, billi jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ u bbilanċjat l-informazzjoni kollha pprovduta.

4.       Jekk il-Kumitat jiddeċiedi li:

a)       il-proposta tissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni, huwa għandu jinnotifika, permezz tas-Segretarjat, il-proposta u l-evalwazzjoni tal-Kumitat lill-partijiet kollha u lill-osservaturi u jistedinhom jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness E;

[…]

6.       Meta l-Kumitat jiddeċiedi li l-proposta tissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni, jew li l-konferenza tal-partijiet iddeċidiet li taċċetta l-proposta, il-Kumitat għandu jissokta b’eżami ġdid tal-proposta, billi jieħu inkunsiderazzjoni kull informazzjoni addizzjonali rilevanti li ġiet irċevuta, u għandu jistabbilixxi abbozz ta’ profil ta’ riskju skont l-Anness E. […]

7.       Jekk, abbażi tal-profil ta’ riskju stabbilit skont l-Anness E, il-Kumitat jiddeċiedi:

a)       li, minħabba t-tifrix tagħha fuq medda kbira fl-ambjent, is-sustanza kimika jista’ jkollha effetti perikolużi kbar fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew fuq l-ambjent li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri fuq livell globali, il-proposta għandha tiġi aċċettata. In-nuqqas ta’ ċertezza xjentifika assoluta ma jipprekludix l-adozzjoni tal-proposta. Il-Kumitat għandu, permezz tas-Segretarjat, jitlob lill-partijiet u lill-osservaturi kollha jipprovdu informazzjoni dwar il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fl-Anness F. Sussegwentement, huwa għandu jistabbilixxi evalwazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju li tinkludi analiżi tal-miżuri ta’ regolamentazzjoni possibbli tas-sustanza kimika, skont l-imsemmi anness;

b)       li l-proposta ma għandhiex tiġi adottata, huwa għandu, permezz tas-Segretarjat, jkkomunika l-profil ta’ riskju lill-partijiet u lill-osservaturi kollha u jiċħad il-proposta.

8.      Fir-rigward ta’ kull proposta miċħuda skont il-paragrafu 7(b), parti tista’ titlob lill-konferenza tal-partjiet teżamina l-possibbiltà li tinkariga lill-Kumitat jitlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-parti li ssottomettiet il-proposta u mingħand partijiet oħra għal perijodu ta’ mhux iktar minn sena. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, u abbażi tal-informazzjoni kollha rċevuta, il-Kumitat għandu jeżamina mill-ġdid il-proposta skont il-paragrafu 6 b’ordni ta’ preċedenza li għandha tiġi deċiża mill-konferenza tal-partijiet. Jekk, wara din il-proċedura, il-Kumitat jiċħad il-proposta mill-ġdid, il-parti tista’ tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kumitat, u l-konferenza tal-partijiet għandha teżamina l-kwistjoni fis-sessjoni sussegwenti tagħha. Il-konferenza tal-partijiet tista’ tiddeċiedi, abbażi tal-profil ta’ riskju stabbilit skont l-Anness E u b’kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-Kumitat u għal kull informazzjoni addizzjonali pprovduta minn parti jew minn osservatur, li l-proposta għandha tiġi aċċettata. Jekk il-konferenza tal-partijiet tiddeċiedi li l-proposta għandha tiġi aċċettata, il-Kumitat għandu jistabbilixxi l-evalwazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju.

9.       Abbażi tal-profil ta’ riskju msemmi fil-paragrafu 6 u tal-evalwazzjoni tal-ġestjoni ta’ riskju msemmija fil-paragrafu 7(a) u fil-paragrafu 8, il-Kumitat għandu jagħmel rakkomandazzjoni lill-konferenza tal-partijiet dwar l-inklużjoni fl-Annessi A, B jew/u Ċ. Il-konferenza tal-partijiet għandha, billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat, inkluż kull inċertezza xjentifika, għandha tiddeċiedi, b’mod prudenti, dwar jekk għandhiex tinkludi s-sustanza kimika fl-Annessi A, B jew/u Ċ, billi tispeċifika l-miżuri ta’ regolamentazzjoni ta’ din is-sustanza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, intitolat “Assistenza teknika”, jipprovdi li l-partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jipprovdu l-assistenza teknika xierqa lill-partijiet li huma pajjiżi fi proċess ta’ żvilupp jew b’ekonomija fi tranżizzjoni sabiex jgħinuhom jiżviluppaw u jsaħħu l-possibbiltajiet tagħhom li jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt din il-konvenzjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 13(2) tagħha jipprovdi li l-partijiet li huma pajjiżi żviluppati għandhom jipprovdu riżorsi finanzjarji ġodda u addizzjonali sabiex jippermettu lill-partijiet li huma pajjiżi fi proċess ta’ żvilupp jew b’ekonomija fi tranżizzjoni jkopru l-ispejjeż marbuta mal-implementazzjoni ta’ miżuri li jippermettuhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-imsemmija konvenzjoni.

7        L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jistabbilixxi konferenza tal-partijiet li għandha “ssegwi u tevalwa kontinwament l-implementazzjoni” tal-konvenzjoni. Mill-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu jirriżulta li “l-konferenza tal-partijiet għandha, fl-ewwel laqgħa tagħha, tistabbilixxi korp sussidjarju msejjaħ il-kumitat għall-istudju tal-materjal organiku persistenti li jniġġes, li jeżerċita l-funzjonijiet mogħtija lilu skont l-imsemmija konvenzjoni”. Kif jirriżulta mid-dokument SC‑1/7, intitolat “Stabbiliment tal-kumitat għall-istudju tal-materjal organiku persistenti li jnigġes”, il-Kumitat huwa kompost minn 31 membru maħtur mill-konferenza tal-partijiet. Sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata, l-oriġini tal-membri ta’ dan il-kumitat hija stabbilita kif ġej:

–        Stati Afrikani: 8;

–        Stati tal-Asja u tal-Paċifiku: 8;

–        Stati taċ-Ċentru u tal-Lvant tal-Ewropa: 3;

–        Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew: 5;

–        Stati tal-Ewropa tal-Punent u Stati oħra: 7.

8        L-Artikolu 21(1) sa (3) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jipprovdi:

“Emendi għall-konvenzjoni

1.       Kull parti tista’ tipproponi emendi għal din il-konvenzjoni.

2.       L-emendi għall-konvenzjoni għandhom jiġu adottati waqt laqgħa tal-konferenza tal-partijiet. It-test ta’ kull emenda proposta għandu jiġi kkomunikat lill-partijiet mis-Segretarjat minn tal-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa li fiha l-emenda tiġi ppreżentata għall-adozzjoni. Is-Segretarjat għandu jikkomunika wkoll l-emendi proposti lill-firmatarji tal-konvenzjoni, u, għall-informazzjoni, lid-depożitarju.

3.       Il-partijiet għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jintlaħaq ftehim b’kunsens fuq kull proposta ta’ emenda għall-konvenzjoni. Jekk kull sforz f’dan is-sens ikun għalxejn, l-emenda għandha, bħala l-aħħar rimedju, tiġi adottata b’vot ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-partijiet preżenti u li jivvotaw fil-laqgħa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Skont l-Artikolu 22(1) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma:

“Adozzjoni u emendi tal-Annessi

1.       L-annessi tal-konvenzjoni jagħmlu parti integrali mill-konvenzjoni u, bla ħsara għal dispożizzjoni espliċita li tipprovdi mod ieħor, kull referenza għal din il-konvenzjoni tinkludi wkoll referenza għall-annessi tagħha.

2.       Kull anness ġdid għandu jikkonċerna esklużivament kwistjonijiet ta’ natura xjentifika, teknika jew amministrattiva.

3.       Il-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-annessi addizzjonali għandhom jiġu applikati skont il-proċedura segwenti:

a)      l-annessi addizzjonali għandhom jiġu proposti u adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(1), (2) u (3);

b)      kull parti li ma hijiex f’pożizzjoni li taċċetta anness addizzjonali għandha tinnotifika dan bil-miktub lid-depożitarju fi żmien sena mid-data tan-notifika mid-depożitarju tal-addozzjoni tal-anness addizzjonali. Id-depożitarju għandu jinforma mill-iktar fis lill-partijiet kollha b’kull notifika rċevuta. F’kull mument, kull parti tista’ tirtira notifika preċedenti ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ anness addizzjonali, u b’hekk dan l-anness jidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ dik il-parti bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (ċ);

ċ)       wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sena mid-data tan-notifika mid-depożitarju tal-adozzjoni ta’ anness addizzjonali, l-imsemmi anness għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-partijiet kollha li ma kkomunikawx in-notifika skont id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (b).

4.      Il-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-emendi għall-Anness A, B jew Ċ huma suġġetti għall-istess proċedura bħal dik li huma suġġetti għaliha l-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ annessi addizzjonali tal-konvenzjoni, bil-kundizzjoni li emenda għall-Anness A, B jew Ċ ma tidħolx fis-seħħ fir-rigward ta’ parti li għamlet dikjarazzjoni dwar emendi għal dawk l-annessi skont l-Artikolu 25(4), fejn f’dan il-każ l-emenda għandha tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ din il-parti fid-disgħin jum wara d-data tal-preżentata mad-depożitarju tal-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni fir-rigward ta’ tali emenda.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jipprovdi kif ġej:

“Dritt tal-vot

1.      Kull parti tal-konvenzjoni għandha vot wieħed, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

2.      Sabiex jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom fl-oqsma li fihom għandhom kompetenza, l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika għandhom numru ta’ voti ekwivalenti għan-numru tal-Istati Membri li huma partijiet tal-konvenzjoni. Tali organizzazzjonijiet ma jistgħux jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom jekk wieħed mill-Istati Membri jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu, u viċeversa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, din il-konvenzjoni hija miftuħa għall-iffirmar mill-Istati u l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika kollha.

12      L-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, intitolat “Ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adozzjoni” jipprovdi kif ġej:

“1.      Din il-konvenzjoni hija suġġetta għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika. Hija għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni mill-Istati jew mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika mid-data li fiha l-konvenzjoni ma tibqax miftuħa għall-iffirmar. L-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati għand id-depożitarju.

2.      Kull organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li ssir parti tal-konvenzjoni mingħajr ma wieħed mill-Istati Membri tagħha jkun parti għandha tkun marbuta bl-obbligi kollha taħt din il-konvenzjoni. Fil-każ li Stat Membru wieħed jew iktar ta’ din l-organizzazzjoni jkunu parti kontraenti tal-konvenzjoni, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddeċiedu fuq ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-obbligi taħt il-konvenzjoni. F’dan il-każ, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha ma humiex awtorizzati jeżerċitaw simultanjament id-drittijiet taħt il-konvenzjoni.

3.      Fl-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni, l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika għandhom jindikaw il-portata tal-kompetenza tagħhom fl-oqsma rregolati mill-konvenzjoni. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jinformaw ukoll lid-depożitarju, li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-partijiet b’kull emenda rilevanti li taqa’ fil-portata tal-kompetenza tagħhom.

4.      Fl-istrumenti tagħhom ta’ rattifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni, kull parti tista’ tiddikjara li kull emenda għall-Anness A, B jew Ċ għandha tidħol fis-seħħ, fir-rigward tagħha, biss wara li jiġi ddepożitat l-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE, tal-14 ta’ Ottubru 2004, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L M 76, p. 144). L-istrument ta’ approvazzjoni Komunitarja ġie ddepożitat fis-16 ta’ Novembru 2004.

14      Il-punt 8 tal-motivi tad-Deċiżjoni 2006/507 ifakkar li l-Komunità diġà adottat strumenti li jkopru kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar pollutanti organiċi persistenti li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 465, iktar ’il quddiem ir-“Regolament POP”), ir-Regolament (KE) Nru 304/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ kimiċi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 65), u d-Direttiva tal-Kunsill 96/59/KE, tas-16 ta’ Settembru 1996, dwar ir-rimi ta’ poliklorobifenili u l-poliklorotrifenili (PCB/PCT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 75).

15      Il-punt 10 tal-motivi tad-Deċiżjoni 2006/507 jipprovdi kif ġej:

“Fil-każ li tiġi adottata emenda fl-Anness A, B jew Ċ jew annessi addizzjonali għall-Konvenzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi għall-implimentazzjoni tagħha fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 850/2004, jew leġiżlazzjoni Komunitarja oħra rilevanti. Jekk kwalunkwe emenda ma tiġix implimentata fi żmien sena mid-data li fiha d-depożitarju kkomunika l-adozzjoni ta’ l-emenda, u sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ non-konformità, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lid-depożitarju skond kif jirrikjedi l-każ.”

16      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/507 jipprovdi kif ġej:

“1.      Kull meta emenda fl-Annessi A, B jew Ċ jew fl-Annessi addizzjonali mal-Konvenzjoni ma tiġix implimentata fl-Annessi mar-Regolament Nru 850/2004 jew fil-leġiżlazzjoni Komunitarja oħra rilevanti, fi żmien sena mid-data li fiha d-depożitarju kkomunika l-adozzjoni ta’ l-emenda, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lid-depożitarju skond l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni.

2.       F’każ li xi emenda fl-Annessi A, B jew Ċ jew fl-Annessi addizzjonali mal-Konvenzjoni tiġi mplimentata wara notifika msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirtira n-notifika mingħajr dewmien.”

17      Id-Deċiżjoni 2006/507 tinkludi, fl-anness, id-dikjarazzjoni tal-Komunità skont l-Artikolu 25(3) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Din id-dikjarazzjoni tipprovdi kif ġej:

“Il-Komunità tiddikjara li, skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 175(1) tiegħu, hija kompetenti sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali fil-qasam tal-ambjent u sabiex timplementa l-obbligi li jirriżultaw minnhom, u għalhekk tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

–        il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent,

–        il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem,

–        l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali,

–        il-promozzjoni, fuq livell internazzjonali, ta’ miżuri intiżi li jegħlbu l-problemi reġjonali jew globali tal-ambjent.

–        Barra minn hekk, il-Komunità tiddikjara li hija diġà adottat l-istrumenti ġuridiċi, li huma vinkolanti għall-Istati Membri tagħha, li jkopru l-kwistjonijiet irregolati mill-konvenzjoni u li, skont l-Artikolu 15(1) tal-konvenzjoni, hija ser tippreżenta u taġġorna, skont il-każ, lista ta’ dawn l-istrumenti ġuridiċi lill-konferenza tal-partijiet.

Il-Komunità hija responsabbli għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjoni u li huma rregolati mid-dritt Komunitarju fis-seħħ.

L-eżerċizzju tal-kompetenzi komunitarji huwa, min-natura tiegħu, suġġett għal żvilupp kontinwu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      Il-Komunità ma rrikorrietx għall-possibbiltà, ipprovduta fl-Artikolu 25(4) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, li tiddikjara li kull emenda għall-Anness A, B jew Ċ tidħol fis-seħħ biss wara d-depożitu tal-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni tal-imsemmija emenda jew ta’ adeżjoni mal-imsemmija konvenzjoni.”

19      L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

 Il-Protokoll ta’ Aarhus

20      Il-Protokoll tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali f’Distanzi Twal, tal-1979, dwar il-materjal organiku persistenti li jniġġes, ġie adottat f’Aarhus (id-Danimarka) fl-24 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Aarhus”). Huwa intiż li jikkontrolla, inaqqas jew jelimina l-emissjonijiet u t-tifrix fl-arja ta’ dan il-materjal li jniġġes.

21      Kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 15 tal-Protokoll ta’ Aarhus, dan huwa miftuħ għall-iffirmar mill-Istati Membri tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa, Stati li għandhom status konsultattiv ma’ din il-kummissjoni kif ukoll organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika magħmula minn Stati sovrani membri tal-imsemmija kummissjoni.

22      L-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Aarhus jiddeskrivi l-obbligi bażiċi tal-partijiet kontraenti. Dawn essenzjalment jikkonċernaw l-eleminazzjoni tal-produzzjoni u tal-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness I ta’ dan il-protokoll, ir-restrizzjoni tas-sustanzi elenkati fl-Anness II ta’ dan il-protokoll għall-użu previst fl-imsemmi anness, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi elenkati fl-Anness III tal-Protokoll għal-livell imsemmi u għas-sena ta’ referenza stabbilita f’dan l-aħħar anness.

23      L-Artikolu 14(1) sa (3) tal-Protokoll ta’ Aarhus jirregola l-proċedura ta’ emenda għall-Anness I sa III tal-imsemmi protokoll kif ġej:

“1.      Kull parti tista’ tipproponi emendi għal dan il-protokoll.

2.       L-emendi proposti għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub lis-Segretarju eżekuttiv tal-Kummissjoni, li għandu jinnotifikahom lill-partijiet kollha. Il-partijiet li jiltaqgħu fi ħdan il-korp eżekuttiv għandhom jeżaminaw il-proposti għall-emendi matul is-sessjoni sussegwenti, sakemm is-Segretarju Eżekuttiv ikun ittrażmettihom lill-partijiet minn tal-inqas disgħin jum minn qabel.

3.      L-emendi għal dan il-protokoll u għall-Annessi I sa IV, VI u VIII għandhom jiġu adottati b’kunsens tal-partijiet preżenti fis-sessjoni tal-korp eżekuttiv u għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward tal-partijiet li aċċettawhom fid-disgħin jum wara d-data li fiha żewġ terzi tal-partijiet ikunu ddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni ta’ dawn l-emendi mad-depożitarju. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward ta’ kull parti oħra fid-disgħin jum wara d-data li fiha l-imsemmija parti tkun iddepożitat l-istrument ta’ aċċettazzjoni tal-emendi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE, tad-19 ta’ Frar 2004, li għandha x’taqsam mal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġiż Transkonfini tal-Arja Li Jwassal Ħafna dwar Pollutanti Organiċi Persistenti [dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali f’Distanzi Twal, tal-1979, dwar il-materjal organiku persistenti li jniġġes] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 50, p. 144), l-istrument ta’ ratifika tal-Komunità ġie ddepożitat fit-30 ta’ April 2004.

25      Mhux l-Istati Membri kollha huma partijiet tal-Protokoll ta’ Aarhus.

 Ir-Regolament POP

26      Ir-Regolament POP jipprojbixxi, fl-Artikolu 3 tiegħu, il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu tas-sustanzi inklużi fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness I tiegħu. Huwa jirregola l-użu tas-sustanzi fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness II tiegħu. Il-lista tas-sustanzi suġġetti għal dispożizzjonijiet għal tnaqqis tal-emissjonijiet tikkostitwixxi l-Anness III ta’ dan ir-regolament.

27      L-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, kull meta sustanza tiġi elenkata fil-listi tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jew fil-Protokoll ta’ Aarhus, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, temenda l-Annessi I sa III tal-imsemmi regolament, skont il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 16(2) tiegħu. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, li tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), din hija megħjuna minn kumitat regolatorju.

 Id-Direttiva 76/769/KEE

28      Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE, tas-27 ta’ Lulju 1976, tikkonċerna l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 3, p. 317). Meta saret l-allegazzjoni ta’ fatti attribwiti lir-Renju tal-Isvezja fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, din id-direttiva ma kinitx tkopri l-PFOS.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

29      Fl-4 ta’ Awwissu 2004, ġiet sottomessa proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill [dokument COM (2004) 537 finali] mill-Kummissjoni, intiża li din tal-aħħar tiġi awtorizzata tissottometti, f’isem il-Komunità u l-Istati Membri li huma partijiet, proposti għall-inklużjoni ta’ ċertu numru ta’ sustanzi kimiċi fl-annessi meqjusa bħala rilevanti tal-Protokoll ta’ Aarhus u/jew tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

30      Din il-proposta, sa fejn kienet tikkonċerna l-Protokoll ta’ Aarhus, kienet intiża li tinkludi l-hexachlorobutadiene, l-octabromodiphenyl ether u l-pentachlorbenzene fl-Anness I tagħha, il-polychlorinated naphtalenes fl-Annessi I u III, u x-short-chained chlorinated paraffins fl-Anness II.

31      L-imsemmija proposta, sa fejn kienet tikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, kienet intiża li tinkludi l-hexachlorobutadiene, l-octabromodiphenyl ether u l-pentachlorbenzene, jiġifieri s-sustanzi li diġà ssemmew intiżi għall-inklużjoni fl-Anness I tal-Protokoll ta’ Aarhus, kif ukoll il-pentabromodiphenyl ether, il-chlordecone, il-hexabromobiphenyl u l-hexachlorocyclohexane fl-Anness A tal-imsemmija konvenzjoni, il-polychlorinated napthalenes fl-Annessi A u Ċ, u x-short-chained chlorinated paraffins fl-Anness B tagħha.

32      Il-PFOS ma kienx kopert mill-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, la fir-rigward tal-inklużjoni fl-Annessi tal-Protokoll ta’ Aarhus u lanqas fir-rigward tal-inklużjoni fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

33      Il-punt 6 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta kien jipprovdi kif ġej:

“Fid-dawl tal-obbligu li jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità li jirriżulta mill-Artikolu 10 [KE], jistgħu biss jiġu sottomessi proposti konġunti tal-Komunità u tal-Istati Membri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

34      L-aħħar sentenza tal-punt 5 tal-motivi tal-imsemmija proposta kienet tindika:

“Ibbażati fuq l-obbligu li tiġi żgurata l-unità tar-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità u sabiex jiġi żgurat li l-proposti jkunu ġustifikati u jibbenefikaw minn sostenn suffiċjenti fil-Komunità, għandhom biss jiġu sottomessi proposti konġunti mill-Komunità u mill-Istati Membri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

35      Il-grupp tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea “Ambjent internazzjonali” iltaqa’ fit-8 ta’ Settembru 2004. F’din l-okkażjoni, ir-Renju tal-Isvezja ddikjara li kien favur proposta komuni għall-inklużjoni tal-PFOS fl-anness rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u semma l-possibbiltà li huwa jissottometti unilateralment proposta f’dan is-sens. Waqt din il-laqgħa, id-diskussjonijiet relatati mal-PFOS essenzjalment ikkonċernaw il-konsegwenzi legali tal-possibbiltà ta’ inklużjoni unilaterali ta’ PFOS fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u l-oġġezzjonijiet legali tal-Kummissjoni għall-imsemmija possibbiltà.

36      Fl-10 ta’ Marzu 2005, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jinkludu teħid ta’ pożizzjoni komuni dwar is-sustanzi proposti għall-inklużjoni fl-annessi tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. F’dawn il-konklużjonijiet (dokument 7292/05, tal-14 ta’ Marzu 2005), il-Kunsill “irrakkommanda lill-Komunità Ewropea u lill-Istati Membri jeżaminaw il-proposta intiża għall-inklużjoni ta’ mhux iktar minn tliet sustanzi addizzjonali, li għandha tiġi trażmessa lis-Segretarjat [tal-imsemmija konvenzjoni] mill-iktar fis possibbli, preferibbilment qabel [l-ewwel laqgħa tal-konferenza tal-partijiet,] iżda, fi kwalunkwe każ, fil-ħin sabiex hija tkun tista’ tiġi eżaminata waqt l-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-istudju tal-POPs u, għal dan il-għan, jitlob li l-esperti tagħhom jeżaminaw bi prijorità l-lista ta’ sustanzi li jaqgħu taħt il-[Protokoll ta’ Aarhus] bħala bażi għall-għażla tas-sustanzi addizzjonali peress li dawn huma diġà rregolati bħala POP fi ħdan l-[Unjoni Ewropea].” Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda, fil-punt 5(b) tal-imsemmija konklużjonijiet tiegħu, li għandhom jiġu adottati regoli finanzjarji u baġit sabiex is-Segretarjat ikun jista’ jimplementa b’mod effettiv id-deċiżjonijiet meħuda mill-konferenza tal-partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

37      L-ewwel laqgħa tal-konferenza tal-partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma nżammet mit-2 sas-6 ta’ Mejju 2005. Waqt din il-laqgħa nħoloq il-Kumitat għall-istudju tal-POPs. Żewġ sustanzi, jiġifieri l-chlordecone u l-hexabromobiphenyl, ġew proposti mill-Komunità u mill-Istati Membri għall-inklużjoni fl-annessi tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. L-imsemmi kumitat għall-istudju kellu jiltaqa’ għall-ewwel darba f’Novembru 2005.

38      Fis-6 ta’ Lulju 2005, il-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali” eżamina l-proposta tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, dwar proposti għall-inklużjoni ta’ sustanzi kimiċi fl-annessi tal-Protokoll ta’ Aarhus u tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Mill-minuti ta’ din il-laqgħa jirriżulta li l-presidenza ppreżentat dokument li jipparaguna l-proċeduri għall-emendi taħt dan il-protokoll u l-konvenzjoni u li jfassal proposti għall-emendi fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-istrumenti. Fir-rigward tal-proposti dwar il-Protokoll ta’ Aarhus, li kellhom isiru malajr fid-dawl tat-terminu li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, il-membri ta’ dan il-grupp ftiehmu dwar ħames sustanzi, jiġifieri l-hexachlorobutadiene, l-octabromodiphenyl ether, il-pentachlorobenzene, il-polychlorinated naphtalenes u x-short-chained chlorinated paraffins. Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, dawn il-membri ftiehmu li l-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi kellha tiġi proposta għat-tieni konferenza tal-partijiet, iżda l-grupp ma wasalx għal ftehim dwar liema sustanzi u d-diskussjoni dwar dan ġiet posposta.

39      Fir-rigward tal-PFOS, dan l-istess grupp irrikonoxxa li din is-sustanza għandha l-istess karatteristiċi ta’ POP u nnota li kien hemm xogħol għaddej dwar l-identifikazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll fuq livell Komunitarju. Hekk kif il-Kummissjoni tkun issottomettiet proposta fuq dawn il-miżuri ta’ kontroll, il-PFOS għandu jiġi propost għall-inklużjoni fil-Protokoll ta’ Aarhus. Il-Kummissjoni ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u dan il-fatt huwa kkonfermat, b’mod partikolari, fin-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li l-presidenza ġibdet l-attenzjoni tal-imsemmi grupp dwar il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ proposta għall-inklużjoni tal-PFOS fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma wara li saru n-notifiki, peress li dan jista’ jwassal lill-pajjiżi fi proċess ta’ żvilupp sabiex jeżiġu għajnuna finanzjarja addizzjonali.

40      Fl-14 ta’ Lulju 2005, ir-Renju tal-Isvezja ssottometta f’ismu u għan-nom tiegħu proposta għall-inklużjoni tal-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma lis-Segretarjat ta’ din il-konvenzjoni.

41      Fl-20 ta’ Lulju 2005, il-Kumitat ta’ Rappreżentanti Permanenti (Coreper) eżamina abbozz emendat, imfassal mill-presidenza, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar proposti għall-inklużjoni ta’ sustanzi fl-annessi tal-Protokoll ta’ Aarhus (dokument 11164/05, tal-15 ta’ Lulju 2005). L-Artikolu 1 ta’ dan it-test kien jipprovdi l-proposta għall-inklużjoni ta’ ħames sustanzi nnominati mill-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali” waqt il-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2005 u msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza. L-Artikolu 2 tal-imsemmi test kien jipprovdi li l-Kummissjoni hija awtorizzata “tissottometti proposta, preferibbilment fil-ħin sabiex tippermetti eżami qabel il-laqgħa sussegwenti tal-korp eżekuttiv tal-konvenzjoni prevista għal Diċembru 2005, flimkien mal-Istati Membri li huma partijiet tal-protokoll, intiża li temenda l-annessi rilevanti tal-protokoll biż-żieda ta’ [PFOS] fil-protokoll, ladarba l-Kummissjoni tkun issottomettiet proposta għar-restrizzjoni tat-tqegħid fis-suq u tal-użu skont id-Direttiva 76/769”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Dan it-test, fil-verżjoni li tirriżulta mid-diskussjonijiet tal-Coreper tal-20 ta’ Lulju 2005 (dokument 11386/05, tat-22 ta’ Lulju 2005), ġie approvat permezz ta’ proċedura bil-miktub li ntemmet fit-8 ta’ Settembru 2005.

42      Fil-5 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni ssottomettiet proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-perfluoroctane sulfonate (emenda tad-Direttiva 76/769). Din il-proposta [COM (2005) 618 finali] saret id-Direttiva 2006/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li temenda għat-tletin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 49, p. 32). Barra minn hekk, fil-5 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni ssottomettiet ukoll quddiem il-korp eżekuttiv tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tniġġiż tal-Arja Transkonfinali f’Distanzi Twal, f’isem il-Komunità u l-Istati Membri partijiet tal-Protokoll ta’ Aarhus, proposta ta’ emendi tal-annessi rilevanti ta’ dan il-protokoll intiżi għall-inklużjoni tal-ħames sustanzi nnominati mill-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali” waqt il-laqgħa tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2005 u msemmija fil-punt 38 tas-sentenza preżenti, kif ukoll il-PFOS.

43      Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, il-Kunsill, fis-sessjoni “Ambjent” tiegħu, adotta konklużjonijiet, riprodotti fi stqarrija għall-istampa tad-9 ta’ Marzu 2006 [dokument 6762/06 (Stampa 58)], li skonthom huwa “jirrakkomanda li l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri jħabbru, waqt it-[tieni laqgħa tal-partijiet tal-konvenzjoni], l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu proposta għall-inklużjoni ta’ mill-inqas tnejn u sa erba’ sustanzi addizzjonali, li għandha tiġi trażmessa lis-Segretarjat, sabiex din tkun tista’ tiġi eżaminata sat-tieni laqgħa tal-Kumitat għall-istudju tal-POPs.” F’dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill jippreċiża li “s-sottomissjoni ta’ sustanzi addizzjonali teħtieġ deċiżjoni tal-Kunsill”. F’Diċembru 2005 saret proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (dokument 8391/06) dwar is-sottomissjoni, f’isem il-Komunità u l-Istati Membri, ta’ proposta għall-inklużjoni fl-Anness A sa Ċ tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ta’ tliet sustanzi, jiġifieri l-pentachlorobenzene, l-octabromodiphenyl ether u x-short-chained chlorinated paraffins, jiġifieri tlieta mill-ħames sustanzi li l-inklużjoni tagħhom fl-Annessi I sa III tal-Protokoll ta’ Aarhus, u din ġiet approvata mill-Kunsill matul April 2006.

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

44      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni, wara li fakkret id-diskussjonijiet li seħħew fis-6 ta’ Lulju 2005 fi ħdan il-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali” u d-deċiżjonijiet proposti minn dan il-grupp, ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern tal-Isvezja li s-sottomissjoni unilaterali, mir-Renju tal-Isvezja, ta’ proposta intiża għall-inklużjoni tal-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma kellha l-konsegwenza li taqsam ir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Komunità u li tikkomprometti l-unità li ntlaħqet waqt l-ewwel konferenza tal-partijiet ta’ din il-konvenzjoni u fil-kuntest tal-proposta għall-inklużjoni ta’ sustanzi ġodda taħt il-Protokoll ta’ Aarhus, u dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 10 KE.

45      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja ppropona l-inklużjoni tal-PFOS fl-14 ta’ Lulju 2005 minkejja li kellu għarfien li kien għaddej xogħol fuq din is-sustanza, kif jidher mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-8 ta’ Settembru 2005, dwar il-proposti għall-inklużjoni ta’ sustanzi skont il-Protokoll ta’ Aarhus, li jirriproduċi l-konklużjonijiet sostnuti mill-imsemmi grupp ta’ xogħol waqt il-laqgħa tiegħu fis-6 ta’ Lulju 2005. Dan ix-xogħol preparatorju kien kundizzjoni għall-azzjoni internazzjonali tal-Komunità u tal-Istati Membri fil-kuntest tal-imsemmi protokoll. L-azzjoni unilaterali tar-Renju tal-Isvezja, intiża għall-inklużjoni tal-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, tista’ twassal għall-emenda tar-Regolament POP, u ċċaħħad lill-Kummissjoni mid-dritt ta’ inizjattiva tagħha f’qasam li huwa fil-biċċa l-kbira kopert mill-kompetenza Komunitarja u ċċaħħad lill-Kunsill mill-opportunità li jiddeċiedi dwar sottomissjoni ta’ proposta għall-inklużjoni ta’ dik is-sustanza skont l-Artikolu 300(1) KE. Konsegwentement, il-Kummissjoni intimat lir-Renju tal-Isvezja sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

46      F’ittra tal-15 ta’ Frar 2006, dan l-Istat Membru sostna li l-Komunità ma kinitx adottat miżuri dwar il-PFOS meta hija kienet ħadet l-inizjattiva allegata mill-Kummissjoni, u għaldaqstant l-Istati Membri kienu għadhom kompetenti li jipproponu l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-annessi rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Huwa sostna wkoll, minkejja l-isforzi tiegħu li jipproponi l-imsemmija inklużjoni fil-kuntest tal-azzjoni Komunitarja, li ma kienx intlaħaq ftehim dwar dan matul il-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2005, tal-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali”. Konsegwentement, ir-Renju tal-Isvezja qies li ma kienx hemm ksur tal-Artikoli 10 KE u 300(1) KE.

47      Fl-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, tat-28 ta’ Ġunju 2006, li biha stiednet lill-imsemmi Stat Membru jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika tagħha. Ir-Renju tal-Isvezja rrisponda b’ittra tal-4 ta’ Settembru 2006, u reġa’ tenna l-pożizzjoni tal-ittra tiegħu tal-15 ta’ Frar 2006.

48      Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta bir-risposti tar-Renju tal-Isvezja, hija ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

49      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Ottubru 2007, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew ammessi jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Isvezja.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 KE

 L-argumenti tal-partijiet

50      Insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tal-Isvezja ma ħax il-miżuri kollha xierqa sabiex jiffaċilita t-twettiq tal-missjoni tal-Komunità u ma naqasx milli jadotta miżuri li jistgħu jippreġudikaw it-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità.

51      Il-Kummissjoni tfakkar li, meta r-Renju tal-Isvezja ppropona unilateralment l-inklużjoni tal-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, kien hemm għaddej xogħol f’dan ir-rigward fil-Kunsill. B’mod iktar speċifiku, il-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali” kien laħaq ftehim fuq strateġija f’dan ir-rigward matul il-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2005. Fid-dawl tat-termini li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kien importanti li tiġi adottata deċiżjoni mill-iktar fis possibbli fir-rigward tal-proposti għall-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi fl-Annessi tal-Protokoll ta’ Aarhus. Il-PFOS ittieħed inkunsiderazzjoni fuq din il-bażi, iżda l-grupp iddeċieda li kien ser jiġi propost biss wara li l-Kummissjoni tkun issottomettiet proposta dwar il-miżuri ta’ kontroll fir-rigward ta’ din is-sustanza skont id-Direttiva 76/769. Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, li tirreferi għaliha l-proposta Svediża, il-membri tal-imsemmi grupp kienu ftiehmu li l-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi fl-annessi rilevanti ta’ din il-konvenzjoni għandha tiġi proposta, iżda ma kinux iddeterminaw liema sustanzi, peress li d-diskussjoni dwar dan il-punt ġiet posposta. Dan l-istess grupp iddiskuta l-konsegwenzi finanzjarji tal-proposta ta’ inklużjoni tal-PFOS fl-annessi rilevanti tal-imsemmija konvenzjoni.

52      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-PFOS ma kellux prijorità fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u li l-għażla kienet ir-riżultat ta’ pożizzjoni komuni fi ħdan il-Kunsill. Madankollu, dan ma jfissirx li l-PFOS ma ttieħidx inkunsiderazzjoni fl-istrateġija tal-Komunità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li kien hemm urġenza kbira li tiġi proposta din is-sustanza skont l-imsemmija konvenzjoni.

53      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ma jikkostitwixxux att legali vinkolanti, iżda tikkontesta l-argument li tali konklużjonijiet ma għandhom ebda tifsira legali u jistgħu ma jittiħdux inkunsiderazzjoni.

54      Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni prinċipali ma hijiex jekk il-Komunità eżerċitatx il-kompetenza tagħha fil-qasam tal-ambjent b’mod speċifiku fir-rigward tal-PFOS, iżda jekk użatx tali kompetenza sabiex tirregola prodotti kimiċi perikolużi, u b’mod iktar partikolari, il-POPs. F’dan ir-rigward, hija tosserva li diġà kien hemm qafas regolamentari Komunitarju fil-qasam tal-prodotti kimiċi perikolużi, u b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-POPs, tant li s-sottomissjoni ta’ proposti għall-inklużjoni ta’ sustanzi skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma hija miżura li essenzjalment taqa’ taħt ir-regoli Komunitarji. L-eżistenza tal-kompetenza tal-Komunità, kemm jekk esklużiva jew kondiviża, tfisser li, fejn hija meħtieġa azzjoni fuq livell internazzjonali, tali azzjoni għandha tittieħed mill-Komunità, waħedha jew flimkien mal-Istati Membri.

55      Għaldaqstant, l-azzjoni unilaterali tar-Renju tal-Isvezja rriżultat fi tqassim tar-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità fir-rigward tal-inklużjoni tal-PFOS skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, li jmur kontra l-obbligu ta’ unità fir-rappreżentazzjoni tal-Komunità li tirriżulta mid-dmir ta’ kooperazzjoni legali stabbilit fl-Artikolu 10 KE.

56      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li jgħid li proposta għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-anness tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ma taffettwax il-Komunità, fid-dawl tan-neċessità ta’ deċiżjoni tal-Kumitat imsemmija fl-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni, tan-neċessità ta’ vot tal-partijiet u tal-possibbiltà għal kull parti li tagħmel dikjarazzjoni skont l-Artikolu 22(3)(b) u (4) tal-imsemmija konvenzjoni, li ma tkunx marbuta b’emenda għall-Annessi A, B jew Ċ. Fil-fatt, il-proposta tar-Renju tal-Isvezja tista’ twassal għal kunflitt bejn dan l-Istat Membru u l-Komunità anki jekk il-Komunità tagħżel li ma tkunx marbuta b’tali emenda. Sussegwentement, tali argument ma jiħux inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-proċess deċiżjonali fi ħdan din il-konvenzjoni. B’mod partikolari, il-Komunità ma tistax tipprekludi l-adozzjoni tal-emenda proposta. Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ mekkaniżmu intiż li jelimina kontradizzjoni bejn id-dritt Komunitarju u l-azzjoni internazzjonali ta’ Stat Membru ma tneħħix l-obbligu li jiġi ddeterminat minn qabel jekk id-dritt Komunitarju jistax ikun affettwat minn din l-azzjoni.

57      Skont il-Kummissjoni, il-proposta tar-Renju tal-Isvezja kellha bħala għan li tistabbilixxi regola internazzjonali ġdida li jkollha l-effett dirett li taffettwa d-dritt Komunitarju, peress li din timplika l-obbligu li jiġi emendat ir-Regolament POP.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li jgħid li l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw regoli nazzjonali li huma iktar stretti mir-Regolament POP, peress li dan ir-regoalment jistabbilixxi biss regoli Komunitarji minimi, bil-konsegwenza, skont l-Artikolu 176 KE, li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jissottomettu proposti ta’ emenda għall-annessi tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-għan ta’ tali proposta huwa neċessarjament l-implementazzjoni ta’ regola internazzjonali iktar stretta, li tipproduċi l-effetti tagħha mhux biss fir-rigward tal-Istat Membru li għamel tali proposta, iżda wkoll fir-rigward tal-Komunità.

59      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li jgħid li l-inizjattiva tar-Renju tal-Isvezja kienet konformi mal-għanijiet tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent u li ma hemmx bżonn li jsiru kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni tfakkar li l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi fi proċess ta’ żvilupp sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw l-obbligi tagħhom taħt din il-konvenzjoni. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din il-konvenzjoni qabel ma jiġu sottomessi proposti għall-inklużjoni ta’ sustanzi ġodda fl-annessi rilevanti tagħha.

60      Ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-Kummissjoni invokat bħala l-uniku motiv tar-rikors tagħha l-fatt li billi huwa ppropona unilateralment l-inklużjoni tal-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 KE u l-Artikolu 300(1) KE. Matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni ma ddikjaratx li r-Renju tal-Isvezja ma kienx awtorizzat jadotta din il-miżura peress li l-Komunità kellha kompetenza esklużiva f’dan ir-rigward. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-argumenti inklużi fir-rikors tal-Kummissjoni bħala dikjarazzjoni tal-ksur tar-regoli ta’ kompetenza, ikun hemm motiv ġdid li għandu jiġi miċħud.

61      Skont ir-Renju tal-Isvezja, il-PFOS ma kienx irregolat fuq livell Komunitarju meta dan l-Istat Membru ppropona l-inklużjoni tiegħu fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Fil-fatt, la r-Regolament POP u lanqas id-Direttiva 76/769 ma kienu japplikaw għal din is-sustanza, b’mod li, fir-rigward ta’ kompetenza kondiviża, kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Komunità setgħu jipproponu ż-żieda tal-PFOS fl-imsemmi anness.

62      Bħal ma jsostni r-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Republika tal-Finlandja jsostnu wkoll li ma kien hemm ebda pożizzjoni komuni dwar l-PFOS fl-14 ta’ Lulju 2005. Kif isostni r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma jimplikax li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tistenna li r-Renju tal-Isvezja, minkejja l-isforzi ripetittivi tiegħu, jistenna azzjoni interna tal-Komunità għal perijodu indefinit minkejja li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni kienu ftiehmu dwar il-fatt li l-PFOS jippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

63      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju mogħtija mill-Kummissjoni għandha r-riskju li tneħħi s-sens tal-kompetenza kondiviża fil-każ ta’ ftehim imħallat. Dan il-prinċipju sempliċement ifisser li l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz, sa fejn huwa possibbli, sabiex jikkooperaw mal-istituzzjonijiet Komunitarji. Ir-Renju tal-Isvezja jikkunsidra li tabilħaqq hekk kien għamel. F’dan ir-rigward, huwa informa u kkonsulta lill-Komunità kif ukoll l-Istati Membri l-oħra u pprova jikseb azzjoni komuni qabel ma ssottometta l-proposta għall-inklużjoni tal-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

64      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li eċċezzjonijiet mir-rekwiżit tal-unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali għandhom jiġu ammessi, sa kemm l-obbligu ta’ kooperazzjoni ma jfissirx li hemm obbligu li tintlaħaq unanimità f’kull każ. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li l-Artikolu 10 KE kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtix lok għall-obbligu ta’ Stat Membru li huwa parti minn ftehim imħallat li ma jużax il-kompetenza tiegħu fil-każ fejn il-Komunità ma ddeċidietx li tuża l-kompetenza tagħha u fejn ma kienx possibbli li tiġi stabbilita politika komuni bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Dawn tal-aħħar jistgħu jiddeċiedu unilateralment fuq l-użu tal-kompetenza tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt Komunitarju.

65      Kif isostni wkoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma għandux l-effett li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu, f’ebda ċirkustanza, unilateralment jadottaw miżuri esterni għall-Komunità fil-qasam tal-ambjent, meta din il-kompetenza hija espliċitament mogħtija lilhom taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 174(4) KE. Ir-Renju tad-Danimarka jsostni wkoll li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma għandux, fil-prattika, isir prinċipju dwar id-devoluzzjoni tal-kompetenzi u ma jistax ineħħi mill-Istati Membri l-kompetenza li huma għandhom. Kif isostni r-Renju Unit, dan ikun jimplika de facto kompetenza esterna esklużiva lill-Komunità f’ċirkustanzi fejn ma hemmx tali kompetenza.

66      Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mill-intervenjenti, isostni wkoll li l-proposta għall-inklużjoni ta’ sustanza f’anness tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ma tipproduċix effetti ġuridiċi fir-rigward tal-partijiet l-oħra tal-imsemmija konvenzjoni. Kif jesponi r-Renju tad-Danimarka, hija biss il-konferenza tal-partijiet li tista’ tieħu pożizzjoni fuq il-possibbiltà ta’ inklużjoni ta’ sustanza u huwa biss meta din il-konferenza ssegwi l-proposta tal-Kumitat tekniku li tqum il-kwistjoni tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Komunità, peress li l-Komunità tista’ tagħżel li ma tkunx marbuta.

67      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja, sostnut ukoll f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, isostni li s-sitwazzjoni legali li tirriżulta mill-proposta unilaterali tiegħu għall-inklużjoni tal-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma hija paragunabbli ma’ dik li jista’ jkun hemm jekk huwa jiddeċiedi, abbażi tal-Artikolu 176 KE, li jadotta regoli nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent li jkunu iktar stretti minn dawk tad-dritt Komunitarju. Ir-Repubblika tal-Finlandja tindika li ma hemm xejn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li Stat Membru ma jistax, taħt ftehim internazzjonali, jadotta miżuri protettivi li huma iktar stretti mid-dritt Komunitarju.

68      Fl-aħħar nett, il-konvenut u l-intervenjenti jsostnu li l-inizjattiva tar-Renju tal-Isvezja ma kellhiex l-effett li tippreġudika l-għanijiet Komunitarji fil-qasam tal-politika ambjentali. F’dan il-kuntest, ma hemmx bżonn li jsiru kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      Fl-oqsma kollha li jikkorrispondu mal-għanijiet tat-Trattat KE, l-Artikolu 10 KE jeżiġi lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Komunità u ma jieħdu ebda miżuri li jkunu jistgħu jippreġudikaw it-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat (Opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006, Ġabra p. I‑1145, punt 119, u s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑459/03, Ġabra p. I‑4635, punt 174).

70      Ir-Renju tal-Isvezja jikkunsidra li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 10 KE għandu portata limitata peress li jikkonċerna oqsma li fihom il-kompetenza hija kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri.

71      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan id-dmir ta’ kooperazzjoni leali huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u la jiddependi fuq in-natura esklużiva jew mhux esklużiva tal-kompetenza Komunitarja u lanqas fuq id-dritt, għall-Istati Membri, li jkollhom obbligi fir-rigward ta’ Stati terzi (sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑266/03, Ġabra p. I‑4805, punt 58, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑433/03, Ġabra p. I‑6985, punt 64).

72      Fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija ma sostnietx li l-Komunità kellha kompetenza esklużiva li tissottometti proposta għall-inklużjoni ta’ PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Għaldaqstant, kwalunkwe deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq is-suppożizzjoni li l-kompetenza hija kondiviża. F’dan is-sens, għandu jkun hemm distinzjoni bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni u dik fis-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009 (Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑45/07, Ġabra p. I‑701), li kienet tikkonċerna kompetenza esklużiva.

73      Fejn jidher li s-suġġett ta’ ftehim jew ta’ konvenzjoni jaqa’ parzjalment taħt il-kompetenza tal-Komunità u parzjalment taħt dik tal-Istati Membri, huwa importanti li tiġi żgurata kooperazzjoni stretta bejn dawn tal-aħħar u l-istituzzjonijiet Komunitarji, kemm fil-proċess tan-negozjati u tal-konklużjonijiet, kif ukoll fit-twettiq tal-obbligi assunti. Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni jirriżulta mir-rekwiżit ta’ unità ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità [Deċiżjoni 1/78, tal-14 ta’ Novembru 1978, Ġabra p. 2151, punti 34 sa 36 (b’analoġija mat-Trattat KEEA; Opinjoni 2/91, tad-19 ta’ Marzu 1993, Ġabra p. I‑1061, punt 36; Opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, Ġabra p. I‑5267, punt 108, u sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑25/94, Ġabra p. I‑1469, punt 48].

74      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri huma suġġetti għal dmirijiet partikolari ta’ azzjoni u ta’ astensjoni f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tkun issottomettiet proposti lill-Kunsill li, minkejja li ma ġewx adottati minn dan tal-aħħar, jikkostitwixxu l-bidu ta’ azzjoni Komunitarja miftehma (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1981, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, 804/79, Ġabra p. 1045, punt 28; Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

75      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim multilaterali f’isem il-Komunità jikkostitwixxi l-bidu ta’ azzjoni Komunitarja miftehma fuq il-livell internazzjonali u jimplika, għal dan il-għan, jekk mhux dmir ta’ astensjoni min-naħa tal-Istati Membri, minn tal-inqas obbligu ta’ kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-missjoni tal-Komunità u jiġu żgurati l-unità u l-koerenza tal-azzjoni u tar-rappreżentanza internazzjonali ta’ din tal-aħħar.

76      Fil-kawża inkwistjoni, huwa paċifiku li, meta r-Renju tal-Isvezja ssottometta l-proposta għall-inklużjoni tal-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, fl-14 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill ma kienx adotta deċiżjoni formali fir-rigward ta’ proposta għall-inklużjoni ta’ sustanzi f’dan l-anness. Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk f’dak iż-żmien, kif issostni l-Kummissjoni, kienx hemm strateġija Komunitarja f’dan is-sens, li tikkonsisti fil-fatt li ma jsirux proposti immedjati għall-inklużjoni tal-PFOS fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni, b’mod partikolari għal raġunijiet ekonomiċi.

77      F’dan ir-rigward, ma jidhirx li huwa neċessarju li pożizzjoni komuni jkollha forma partikolari sabiex tkun teżisti u li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, sa fejn il-kontenut ta’ din il-pożizzjoni jista’ jiġi stabbilit skont il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq punt 49).

78      Fir-rigward tal-PFOS, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li f’Marzu 2005, din is-sustanza la kienet ġiet inkluża fil-Protokoll ta’ Aarhus u lanqas fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

79      Fil-fatt, fil-konklużjonijiet tiegħu adottati matul dan ix-xahar ta’ Marzu 2005 fid-dawl tal-ewwel konferenza tal-partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, il-Kunsill irrakkomanda lill-Komunità u lill-Istati Membri jeżaminaw proposta għall-inklużjoni ta’ “mhux iktar minn tliet sustanzi addizzjonali” fl-annessi ta’ din il-konvenzjoni. L-esperti tal-Komunità u tal-Istati Membri kienu inkarigati bil-prijorità ewlenija li jeżaminaw il-lista ta’ sustanzi li jaqgħu taħt il-Protokoll ta’ Aarhus u li jużawha “bħala l-bażi għall-għażla tas-sustanzi addizzjonali peress li s-sustanzi f’din il-lista huma diġà rregolati bħala POP fi ħdan il-Komunità”.

80      Peress li, f’dan iż-żmien, il-PFOS ma kienx inkluż fil-Protokoll ta’ Aarshus u ma kienx għadu rregolat bħala POP fi ħdan l-Unjoni, huwa ma kellux, skont l-imsemmija konklużjonijiet tal-Kunsill, jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ewwel proposti li kellhom jiġu sottomessi, kemm jekk taħt l-imsemmi protokoll jew taħt il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

81      Barra minn hekk, il-limitu tan-numru ta’ sustanzi li għandhom jiġu proposti (“mhux iktar minn tlieta”), moqri fid-dawl tal-punt 5(h) tal-imsemmija konklużjonijiet, isaħħaħ l-argument li kunsiderazzjonijiet ekonomiċi kienu jagħmlu parti mill-istrateġija Komunitarja fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, li għandu jiġi mfakkar li tapplika mad-dinja kollha u li l-Artikolu 13 tagħha jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi fi proċess ta’ żvilupp jew b’ekonomija fi tranżizzjoni. Fil-fatt, fil-punt 5(h), il-Kunsill jirrakkomanda “li għandhom jiġu adottati regoli finanzjarji u baġit sabiex jippermettu lis-Segretarjat jimplementa b’mod effettiv id-deċiżjonijiet meħuda mill-[konferenza tal-partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma]”.

82      Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill, kif ukoll kif ġie mfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, żewġ sustanzi, li l-PFOS ma kienx wieħed fosthom, ġew proposti mill-Komunità u mill-Istati Membri waqt l-ewwel laqgħa tal-konferenza tal-partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, li nżammet matul ix-xahar ta’ Mejju 2005.

83      Mill-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2005 tal-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali”, li l-kontenut tagħhom jinsab fil-qosor fil-punti 38 u 39 ta’ din is-s-sentenza, jirriżulta li d-diskussjoni ttrattat is-sottomissjoni ta’ sustanzi kemm taħt il-Protokoll ta’ Aarhus kif ukoll taħt il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Għalkemm dawn il-minuti ma jsemmux espliċitament il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li ġew diskussi, dan il-fatt ma huwiex ikkontestat mir-Renju tal-Isvezja u huwa rrikonoxxut b’mod partikolari mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

84      Mill-imsemmija minuti jirriżulta li l-għan immedjat kien is-sottomissjoni taħt il-Protokoll ta’ Aarhus tas-sustanzi msemmija fil-punti 30 u 38 ta’ din is-sentenza, li huma diġà koperti mid-dritt Komunitarju.

85      F’dak iż-żmien kien għalhekk previst li l-PFOS kien ser jiġi ppreżentat taħt dan il-protokoll hekk kif il-Kummissjoni tkun issottomettiet proposta ta’ dritt Komunitarju dwar il-miżuri ta’ kontroll ta’ din is-sustanza. L-avvenimenti kollha sussegwenti (adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill, fit-8 ta’ Settembru 2005; sottomissjoni ta’ proposta ta’ emenda għad-Direttiva 76/769, fil-5 ta’ Diċembru 2005; fl-istess jum, proposta għall-inklużjoni tal-PFOS fl-annessi rilevanti tal-imsemmi protokoll) juru li dan kien tabilħaqq il-każ.

86      Barra minn hekk, fir-rigward tal-proposti taħt il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, il-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2005 tal-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali” jikkonstataw li kien hemm qbil (“Agreement was reached by the [Working Party for International Environmental Issues]”) dwar il-fatt li l-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi għandha tiġi proposta fit-tieni konferenza tal-partijiet. Madankollu, ma kienx hemm qbil dwar liema sustanzi kellhom jiġu proposti u d-diskussjoni dwar dan ġiet posposta.

87      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Renju tal-Isvezja u l-intervenjenti, jidher li ma hemmx sitwazzjoni ta’ “nuqqas deċiżjonali” u lanqas sitwazzjoni ta’ stennija għal deċiżjoni ekwivalenti għal nuqqas ta’ deċiżjoni. Fil-fatt, bosta indikazzjonijiet isostnu l-argument li l-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali” kellu l-intenzjoni li jilħaq deċiżjoni mhux fis-6 ta’ Lulju 2005 – iżda sussegwentement – dwar is-sustanzi li għandhom jiġu proposti taħt il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma flimkien ma’ dawk proposti f’Mejju 2005. F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu identifikati l-urġenza li jiġu ddeterminati minn qabel is-sustanzi li għandhom jiġu proposti taħt il-Protokoll ta’ Aarhus kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi marbuta mal-proposti taħt l-imsemmija konvenzjoni.

88      L-avvenimenti sussegwenti kkonfermaw din ir-rieda li tittieħed azzjoni u li jsiru proposti taħt il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, jiġifieri r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2006 u d-deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar matul April 2006, imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li tawtorizza lill-Kummissjoni tissottometti tali proposti fir-rigward tal-pentachlorobenzene, tal-octabromodiphenyl ether u tax-short-chained chlorinated paraffins.

89      Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li fl-2005 kien stabbilit li kien hemm strateġija komuni li tikkonsisti fil-fatt li ma jsirux proposti f’dan iż-żmien għall-inklużjoni tal-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma peress li, kif jidher mill-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Marzu 2005, l-esperti tal-Istati Membri u tal-Komunità kellhom jagħżlu s-sustanzi li kellhom jiġu proposti fost dawk li kienu diġà jaqgħu taħt il-Protokoll ta’ Aarhus u li, kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2005 tal-grupp tal-Kunsill “Ambjent internazzjonali”, il-PFOS ma kienx jagħmel parti minn dawn is-sustanzi.

90      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkunsidraw li kien preferibbli li jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, inklużi l-fatturi ekonomiċi, meta jiddeċiedu fuq l-istrateġija li għandha tiġi adottata mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha fir-rigward ta’ din is-sustanza. Din iċ-ċirkustanza wasslithom sabiex ma jipproponux immedjatament li l-PFOS jiġi eskluż taħt dan il-ftehim, iżda li jipproponuh, bħala l-ewwel prijorità, taħt ftehim ieħor, bħall-Protokoll ta’ Aarhus.

91      Minn dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta li, billi ppropona unilateralment li jinkludi l-PFOS fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, ir-Renju tal-Isvezja ddistakka ruħu minn strateġija komuni mifthiema fi ħdan il-Kunsill.

92      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-eżami tal-proċess deċiżjonali previst minn din il-konvenzjoni, il-proposta unilaterali tar-Renju tal-Isvezja tinkludi konsegwenzi għall-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmija konvenzjoni tistabbilixxi qafas istituzzjonali u proċedurali li jinkludi sett ta’ regoli partikolari għall-adozzjoni ta’ emendi għal din il-konvenzjoni, fosthom l-inklużjoni ta’ sustanzi ġodda fl-Annessi A, B jew Ċ tagħha.

93      Skont l-Artikolu 8(9) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, proposta għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness A tal-imsemmija konvenzjoni hija suġġetta għal rakkomandazzjoni pożittiva jew negattiva tal-Kumitat għall-istudju tal-materjal organiku persistenti li jnigġes tal-konferenza tal-partijiet. Kif jipprovdi l-Artikolu 23(2) ta’ din tal-aħħar, l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika, bħall-Unjoni, ma jeżerċitawx id-dritt tal-vot tagħhom jekk wieħed mill-Istati Membri tagħhom jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu, u viċeversa. L-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jipprovdi wkoll li fil-każ li Stat Membru wieħed jew iktar ta’ tali organizzazzjoni, l-istess bħal din l-organizzazzjoni, huwa jew huma parti tal-Konvenzjoni, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha ma humiex awtorizzati jeżerċitaw simultanjament drittijiet taħt il-konvenzjoni.

94      Is-sottomissjoni ta’ proposta għall-inklużjoni ta’ sustanza taħt il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma minn Stat Membru tista’ għalhekk toħloq sitwazzjoni li fiha jew l-Unjoni tkun tista’ tivvota kontra din il-proposta, u għalhekk iċċaħħad l-Istat Membru li minnu toriġina l-proposta, mill-possibbiltà li jiddefendi l-proposta tiegħu fuq livell tal-konferenza tal-partijiet, jew li dan l-Istat Membru jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu favur il-proposta tiegħu, u għalhekk iċaħħad l-Unjoni mill-possibbiltà li teżerċita d-dritt tal-vot tagħha li jikkorrispondi man-numru ta’ voti ekwivalenti għan-numru tal-Istati Membri tagħha u tħalli l-Istati Membri l-oħra l-libertà li jivvotaw favur jew kontra l-imsemmija proposta.

95      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjoni ddepożitata mill-Komunità skont l-Artikolu 25(3) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ma tinkludix regoli speċifiċi fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejnha u bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tindika li “l-Komunità hija responsabbli għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjoni u li huma rregolati mid-dritt Komunitarju fis-seħħ” u li “l-eżerċizzju tal-kompetenzi Komunitarji huwa, min-natura tiegħu, suġġett għal żvilupp kontinwu”.

96      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Unjoni ma għandhiex numru suffiċjenti ta’ voti sabiex topponi l-adozzjoni ta’ emenda għal anness tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Għandu jingħad ukoll li, fir-rigward ta’ parti, bħall-Unjoni, li ma użatx il-possibbiltà li tagħmel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 25(4) tal-imsemmija konvenzjoni, l-emenda ta’ anness deċiża mill-konferenza tal-partijiet tidħol fis-seħħ, bla ħsara għall-metodu msejjaħ “opting out”, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ sena mid-data tan-notifika mid-depożitarju tal-anness emendat.

97      Ir-Renju tal-Isvezja u l-intervenjenti jsostnu li, f’tali każ, l-Unjoni tista’, fi kwalunkwe każ, tuża din il-possibbiltà ta’ “opting out” u tinnotifika dikjarazzjoni skont l-Artikolu 22(3)(b) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma li hija ma tistax taċċetta l-emenda ta’ anness.

98      Dan l-argument huwa madankollu bbażat fuq l-ipoteżi li l-Unjoni hija f’pożizzjoni li tagħmel dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ emenda proposta u li ttieħed vot fir-rigward tagħha minn Stat Membru wieħed jew iktar. Issa, skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma humiex awtorizzati jeżerċitaw simultanjament drittijiet taħt il-konvenzjoni. Waqt is-seduta, il-partijiet taw interpretazzjonijiet differenti tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

99      Madankollu, anki jekk jitqies, minkejja din l-aħħar dispożizzjoni, li l-Unjoni tista’ dejjem tinnotifika dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ emenda proposta u li ttieħed vot fir-rigward tagħha minn Stat Membru wieħed jew iktar, tali sitwazzjoni tista’ twassal għal nuqqas ta’ ċertezza legali kemm għall-Istati Membri kif ukoll għas-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u l-Istati terzi partijiet ta’ din il-konvenzjoni.

100    Indipendentement minn dan l-aspett, huwa paċifiku li l-għan tas-sottomissjoni ta’ proposta għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma huwa l-adozzjoni ta’ regola internazzjonali li tivvinkola lill-partijiet magħha. Peress li l-Unjoni hija parti ta’ din il-konvenzjoni, l-emenda tal-imsemmi anness li tirriżulta tista’ tivvinkolaha, sakemm, filwaqt li tikkonforma ruħha mal-proċeduri interni pprovduti fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament POP, preċedentement hija ma tkunx innotifikat dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni fit-terminu ta’ sena mid-data ta’ notifika, mid-depożitarju, ta’ dan l-anness, kif emendat.

101    L-eżami tal-proċess deċiżjonali pprovdut fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma għalhekk jindika li proposta għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness A ta’ din il-konvenzjoni timplika konsegwenzi fir-rigward tal-Unjoni.

102    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tilqa’ l-argument tar-Renju tal-Isvezja u tal-intervenjenti li proposta għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-anness ta’ konvenzjoni internazzjonali li tivvinkola lill-Unjoni hija ekwivalenti għal miżura nazzjonali iktar stretta minn miżura tal-Unjoni minima, awtorizzata mill-Artikolu 176 KE. Fil-fatt, l-Unjoni tista’ tkun marbuta b’tali emenda għall-anness tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma filwaqt li ma tkunx marbuta b’tali miżura nazzjonali.

103    Kif ġie mfakkar fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizza diġà ddeċidiet li l-Istati Membri huma suġġetti għal dmirijiet partikolari ta’ azzjoni u ta’ astensjoni f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tkun issottomettiet proposti lill-Kunsill li, minkejja li ma ġewx adottati minn dan tal-aħħar, jikkostitwixxu l-bidu ta’ azzjoni Komunitarja miftehma (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65). Dan huwa partikolarment minnu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li hija kkaratterizzata, kif inhu stabbilit fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, bil-proposta unilaterali li teskludi l-Istat Membru inkwistjoni minn strateġija komuni fi ħdan il-Kunsill u li ġiet sottomessa f’kuntest istituzzjonali u proċedurali bħal dak tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

104    Tali sitwazzjoni tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u ddgħajjef is-setgħa tagħhom li jinnegozjaw fir-rigward tal-partijiet l-oħra tal-konvenzjoni kkonċernata.

105    Konsegwentement, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 KE, huwa fondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 300(1) KE

 L-argumenti tal-partijiet

106    Fit-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-azzjoni unilaterali tar-Renju tal-Isvezja kkostitwixxiet ksur tal-Artikolu 300(1), li jistabbilixxi bażi legali u proċedura legali għan-negozjati u għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, kemm jekk jikkonċernaw kompetenza esklużiva kif ukoll kondiviża. Din l-azzjoni unilaterali kellha l-effett li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux jeżerċitaw il-kompetenzi li huma għandhom taħt it-Trattat, peress li proposta komuni tal-Komunità u tal-Istati Membri dwar l-emenda tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ma kellhiex effett prattiku.

107    Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-fatt li l-aġir tiegħu jmur kontra l-Artikolu 300(1) KE. Kif issostni r-Repubblika tal-Finlandja, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix kompetenza materjali favur il-Komunità fil-qasam tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, iżda tiddefinixxi esklużivament it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji. Hija ma timplikax obbligu għall-Istati Membri li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jippermetti li jintlaqgħu t-talbiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ir-Renju Unit isostni li l-Artikolu 300(1) japplika biss għall-ftuħ tan-negozjati li jwasslu għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108    Kif sostna l-Avukat Ġenerali fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 300(1) KE jikkonċerna “[il-konklużjoni ta’] ftehim”, filwaqt li kull inizjattiva meħuda mill-Komunità “biex jiġi stabbilit x’posizzjoni tittieħed f’isem il-Komunità f’korp li jinħoloq minn xi ftehim” ma hijiex irregolata bl-Artikolu 300(1) KE iżda bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE.

109    Huwa paċifiku li, fil-kawża inkwistjoni, l-aġir allegat fil-konfront tar-Renju tal-Isvezja jikkonsisti fis-sottomissjoni ta’ proposta ta’ emenda quddiem korp maħluq minn ftehim internazzjonali, b’mod li l-aġir ma jaqax, fih innifsu, taħt l-Artikolu 300(1) KE.

110    Għaldaqstant l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 300(1) KE ma huwiex fondat.

 Fuq l-ispejjeż

111    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Isvezja tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

112    Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ppropona, unilateralment, li jinkludi sustanza, il-perfluoroctane sulfonate, fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 KE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Top